Language of document : ECLI:EU:T:2017:884

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ banana li toriġina mill-Ekwador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni – Deċiżjoni adottata wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T-125/16,

Firma Léon Van Parys NV, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Vlaemminck, B. Van Vooren, R. Verbeke u J. Auwerx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros, B.-R. Killmann u E. Manhaeve, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 95 finali, tal-20 ta’ Jannar 2016, li tikkonstata li huwa ġġustifikat li jittieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni u li l-maħfra tad-dazji hija ġġustifkata fir-rigward ta’ debitur, iżda li din hija ġġustifkata għal parti biss fir-rigward ta’ debitur ieħor f’każ partikolari u ma hijiex iġġustifikata għal parti oħra fir-rigward ta’ dan l-istess debitur partikolari, u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, u, min-naħa l-oħra, talba intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-Artikolu 909 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), ipproduċa l-effetti tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 4 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn it-22 ta’ Ġunju 1998 u t-8 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti, Firma Léon van Parys NV ippreżentat, permezz tal-aġent doganali tagħha, 116-il dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ta’ banana li toriġina mill-Ekwador fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen (il-Belġju).

2        Id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni kienu sostnuti minn 221 ċertifikat ta’ importazzjoni, apparentement maħruġa mir-Renju ta’ Spanja, li kienu jippermettu li tiġi importata banana fil-Komunità Ewropea, fil-kuntest ta’ kwota tariffarja bi ħlas ta’ dazju doganali mnaqqas ta’ EUR 75 kull tunnellata, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 388), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti transitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implimentat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 432), għall-perijodu li spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1998, u skont ir-Regolament Nru 404/93 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU 1998, L 293, p. 32), għall-perijodu li beda fl-1 ta’ Jannar 1999.

3        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2000, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-awtoritajiet doganali Belġjani li xi ċertifikati foloz ta’ importazzjoni Spanjoli, b’timbri foloz tal-awtorità Spanjola kompetenti sabiex toħroġ dawn id-dokumenti, kienu intużaw għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità. Matul investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali skoprew li l-221 ċertifikat ta’ importazzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen matul il-perijodu mit-22 ta’ Ġunju 1998 sat-8 ta’ Novembru 1999, kienu jikkorrispondu għal ċertifikati Spanjoli foloz.

4        Fil-5 ta’ Lulju 2002, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana stabbilixxiet proċess verbali li jiddokumenta l-konstatazzjonijiet imwettqa, li hija indirizzat b’mod partikolari lir-rikorrenti u lill-Kummissjunarju Doganali. Mill-proċess verbali jirriżulta li 233 ċertifikat ta’ importazzjoni użati mir-rikorrenti jikkorrispondu għal ċertifikati Spanjoli foloz, fejn 221 minn dawn iċ-ċertifikati ġew ippreżentati f’Antwerpen u 12 f’Hamburg (il-Ġermanja). Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Novembru 1999, huma kkonċernati 107 ċertifikat, li kollha kemm huma ġew ippreżentati mir-rikorrenti fl-Uffiċċju Doganali ta’ Antwerpen.

5        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana ordnat lir-rikorrenti u lill-Kummissjunarju Doganali sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 7 084 967.71 għall-importazzjonijiet tal-banana mill-1 ta’ Jannar 1998 sat-8 ta’ Novembru 1999, li jikkorrispondu għall-applikazzjoni ta’ dazju doganali ta’ EUR 850 għal kull tunnellata importata, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 404/93.

6        Fit-28 ta’ Novembru 2003, ġie stabbilit proċess verbali addizzjonali mill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana, li b’mod partikolari kien jirrigwarda l-istatus tat-twettiq ta’ kummissjonijiet rogatorji fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar iċ-ċertifikati Spanjoli foloz.

7        Wara li r-rikorrenti u l-Kummissjunarju doganali kkontestaw l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali impost fuqhom, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana qieset li t-talba sabiex l-irkupru a posteriori u l-maħfra tad-dazji ma jitwettqux, għandha tintlaqa’, u fl-14 ta’ Diċembru 2007 għaddiet il-fajl lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex hija tieħu deċiżjoni, skont l-Artikoli 871 u 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat.

8        Fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2007, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana kienet tal-opinjoni li f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“KDK”), ma setgħux jiġu applikati, u dan peress li ma kinux jeżistu biżżejjed elementi probatorji sabiex jitqies li kien hemm żball min-naħa tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, hija qieset li kien hemm lok li d-dazji jingħataw lura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-KDK peress li kienet teżisti sitwazzjoni partikolari fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, u r-rikorrenti bl-istess mod bħall-Kummissjunarju doganali ma kienu wettqu ebda negliġenza manifesta.

9        Fil-5 ta’ Mejju 2008, fit-18 u s-26 ta’ Novembru 2008, fil-15 ta’ Jannar 2009 u fl-4 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni addizzjonali lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana, li rrispondiet għal kull waħda minn dawn it-talbiet.

10      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 906A tar-Regolament Nru 2454/93 informat lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana u lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni sfavorevoli fir-rigward tat-talba għal maħfra u għal rimbors tad-dazji. F’ittra tat-8 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

11      Il-każ tar-rikorrenti ġie eżaminat skont l-Artikoli 873 u 907 tar-Regolament Nru 2454/93, minn grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha, matul laqgħa tat-12 ta’ April 2010.

12      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni laqgħet it-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni (Artikolu 1(1)) u l-maħfra tad-dazji fir-rigward ta’ debitur, il-Kummissjunarju Doganali (Artikolu 1(2)), iżda mhux fir-rigward ta’ debitur ieħor, ir-rikorrenti, f’każ partikolari (Artikolu 1(3)) (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni”).

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni.

14      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) tal-ewwel deċiżjoni, li biha l-Kummissjoni qieset li l-maħfra tad-dazji, skont l-Artikolu 239 tal-KDK, ma kinitx iġġustifikata fir-rigward tar-rikorrenti.

15      Permezz tal-ewwel ittra tas-16 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni informat lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana li, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni, hija kienet ikkonkludiet favur in-neċessità li tinkiseb informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida u talbitha ċertu informazzjoni dwar l-importazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti li taw lok għat-talba għal maħfra tad-dazji. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana li tibgħat ir-risposta għat-talba għal informazzjoni lir-rikorrenti u li titlobha dikjarazzjoni bil-miktub li minnha jkun jirriżulta li din tal-aħħar kienet kisbet konjizzjoni tal-imsemmija risposta, li hija kienet tagħti l-kunsens tagħha u ma kellha xejn x’iżżid magħha jew li hija xtaqet tagħmel osservazzjonijiet kif ukoll tipprovdi informazzjoni addizzjonali. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ disa’ xhur sabiex tiġi pproċessata t-talba għal maħfra tad-dazji, prevista fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, kien ġie estiż bil-perijodu dekors bejn it-22 ta’ Awwissu 2013 u d-data li fiha ġiet irċevuta l-informazzjoni addizzjonali.

16      Permezz tat-tieni ittra tas-16 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni, hija kienet ikkonkludiet favur in-neċessità li tinkiseb informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida u li t-terminu ta’ disa’ xhur għall-ipproċessar tat-talba għal maħfra tad-dazji kien ġie estiż bil-perijodu dekors bejn it-22 ta’ Awwissu 2013 u d-data li fiha ġiet irċevuta l-informazzjoni addizzjonali.

17      Ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra ż-żewġ ittri tas-16 ta’ Settembru 2013 ġie miċħud bħala manifestament inammissibbli permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ġunju 2014, Léon Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-603/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:610).

18      B’ittra tal-14 ta’ Jannar 2014, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana għarrfet lill-Kummissjoni li hija kienet tqis it-talba tagħha għal informazzjoni bħala stramba, peress li hija kienet uriet li ċ-ċertifikati kollha ta’ importazzjoni inkwistjoni kienu foloz, u li, għaldaqstant, kien impossibbli li tintlaqa’ din it-talba.

19      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni kkonfermat mar-rikorrenti li kienet irċeviet l-ittra mill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana, tal-14 ta’ Jannar 2014, u informatha li, fid-dawl tal-assenza ta’ risposta minn din l-amministrazzjoni għat-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali, it-terminu għall-ipproċessar kellu jibqa’ sospiż, skont l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93.

20      Ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-ittra tal-24 ta’ Jannar 2014 ġie miċħud b’digriet tas-26 ta’ Novembru 2014, Léon Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-171/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1025).

21      B’ittra tas-17 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lill-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana sabiex tipprovdilha l-informazzjoni li hija kienet talbitha fl-ittra tas-16 ta’ Settembru 2013. Il-Kummissjoni żiedet, mal-ittra tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2014, il-kalkoli proprji tagħha fil-forma ta’ tabella.

22      Fl-10 ta’ Diċembru 2014, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana ifformulat abbozz ta’ risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2013, li tinkudi kalkolu li l-imsemmija amministrazzjoni kienet tintendi li tittrażmetti lill-Kummissjoni u li tistieden lir-rikorrenti tipprovdi l-osservazzjonijiet tagħha.

23      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2015, indirizzata lill-Kummissjoni, l-amministrazzjoni doganali u tas-sisa Belġjana fformulat osservazzjonijiet fuq it-tabella li hija kienet ittrażmettiet lill-Kummissjoni u b’mod partikolari kkoreġiet l-ammonti inklużi fil-linji 18, 60, 67 u 99 tal-imsemmija tabella.

24      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni negattivi fir-rigward tat-talba tagħha għal maħfra tad-dazji.

25      Fl-10 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2015.

26      Permezz tad-Deċiżjoni C (2016) 95 finali, tal-20 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni laqgħet it-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni (Artikolu 1(1)), il-maħfra tad-dazji fir-rigward tal-kummissjonarju doganali (Artikolu 1(2)), il-maħfra tad-dazji fir-rigward tar-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 632 241.28 li jikkorrispondi għaċ-ċertifikati tradizzjonali (Artikolu 1(3)), iżda rrifjutat il-maħfra tad-dazji fir-rigward tar-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 2 996 007.20, li jikkorrispondi għaċ-ċertifikati ġodda (Artikolu 1(4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

27      Fil-premessi 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret b’mod partikolari li, bl-ewwel deċiżjoni, hija kienet laqgħet it-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni (Artikolu 1(1) tal-ewwel deċiżjoni) u l-maħfra tad-dazji fir-rigward ta’ debitur, il-kummissjonarju doganali (Artikolu 1(2) tal-ewwel deċiżjoni), iżda mhux fir-rigward tad-debitur l-ieħor, ir-rikorrenti, f’każ partikolari (Artikolu 1(3) tal-ewwel deċiżjoni).

28      Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata hija speċifikat li kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fl-ewwel deċiżjoni fuq l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u li kienet ikkonkludiet li din ma setgħetx tkun kwistjoni ta’ żball imwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli, sa fejn dawn ma kinux ipparteċipaw fl-istabbiliment taċ-ċertifikati inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, fl-ewwel deċiżjoni, hija kienet eżaminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 239 tal-KDK u kienet ikkonkludiet li l-kummissjonarju doganali la kien wettaq frodi u lanqas ma kien negliġenti u għalhekk seta’ jibbenefika min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni jew mill-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet qieset ukoll li r-rikorrenti ma kinitx tat prova ta’ diliġenza u kienet għalhekk kkonkludiet li ma setgħetx tibbenefika la min-nuqqas ta’ rkupru u lanqas mill-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

29      Fil-premessi 25 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, peress li l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) tal-ewwel deċiżjoni, hija kellha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tadotta deċiżjoni ġdida f’terminu raġonevoli, l-unika terminu applikabbli f’dan il-każ.

30      Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha ltaqa’ fil-21 ta’ Settembru 2015 fil-kuntest tal-kumitat tal-KDK sabiex jeżamina l-fajl. Min-naħa l-oħra, hija indikat fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ser teżamina biss jekk kinitx issodisfatta t-tieni kundizzjoni stabbilta fl-Artikolu 239 ta-KDK, marbuta mal-assenza ta’ frodi jew ta’ negliġenza.

31      Fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni barra minn hekk fakkret li, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), il-Qorti Ġenerali kienet qieset li kien hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-risposta, il-Kummissjoni kienet tqis li s-sistema użata mir-rikorrenti sabiex tikseb l-użu taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni kienet “illegali”, peress li tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, li kien jipprojbixxi kull trażmissjoni ta’ drittijiet li jirriżultaw minn ċertifikat ta’ importazzjoni ta’ operatur ġdid lil operatur tradizzjonali. Il-Qorti Ġenerali żiedet, dwar dan il-punt, kellu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni, sa fejn kienet tirrifjuta l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, ma kinitx ibbażata fuq l-illegalità tas-sistema ta’ xiri tal-użu ta’ ċertifikat ta’ importazzjoni, iżda fuq in-negliġenza manifesta tar-rikorrenti. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni ma setax, f’dan il-każ, jinċidi fuq il-fondatezza tar-rifjut tal-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet, f’din l-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha teżamina fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni ġdida jekk is-sistema li ntużat mir-rikorrenti sabiex tuża ċ-ċertifikati ta’ importazzjoni kinitx waħda legali, fid-dawl tal-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98 jipprojbixxi kull trażmissjoni ta’ drittijiet li jirriżultaw minn ċertifikat ta’ importazzjoni ta’ operatur ġdid lil operatur tradizzjonali. Hija żiedet li kellha wkoll teżamina mill-ġdid ir-raġunijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm assenza ta’ frodi jew ta’ negliġenza.

32      Il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm ma kien jeżisti xejn fil-fajl li kien suffiċjenti sabiex juri nuqqas ta’ diliġenza fir-rigward taċ-certifikati ta’ operaturi tradizzjonali miksuba mir-rikorrenti, fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ operaturi ġodda, eżami sempliċi taċ-ċertifikati kellu jippermettilha tikkonkludi li din ma setgħetx tuża drittijiet ibbażati fuq dawn iċ-ċertifikati, peress li tali użu kien imur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98.

33      Fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni konsegwentement iddeċidiet, minn naħa, li, billi użat drittijiet ta’ operturi, ir-rikorrenti, li hija operatur tradizzjonali, ma osservatx il-projbizzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98 u, min-naħa l-oħra, li, abbażi tal-Artikolu 239 tal-KDK, xejn ma kien jiġġustifka l-maħfra tad-dazji f’ammont ta’ EUR 2 996 007.20 marbuta maċ-ċertifikati ta’ operaturi ġodda użati mir-rikorrenti għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u t-8 ta’ Novembru 1999.

34      Fl-aħħar, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) tal-ewwel deċiżjoni kellhom jibqgħu fis-seħħ, peress li la ġew ikkontestati u lanqas annullati bis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ippreżentat ir-rikors odjern.

36      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara li l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 huwa applikabbli b’mod sħiħ fir-rigward tagħha wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), b’tali mod li hija tibbenefika mill-maħfra sħiħa tad-dazju doganali kif ukoll tal-interessi jew tal-ispejjeż marbuta direttament jew indirettament miegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel u t-tieni motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93 kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Dritttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet motiv, invokat fuq bażi sussidjarja, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv, invokat fuq bażi iktar sussidjarja, huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter u, il-ħames, invokat fuq bażi iktar sussidjarja, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kuntest regolatorju li jikkonċerna l-oragnizzazzjoni tas-suq tal-banana u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

39      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, issostni li r-rikors ma huwiex ammissibbli ħlief fir-rigward tal-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-opinjoni tagħha, minn naħa, ir-rikors huwa inammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet purament jikkonfermaw l-Artikolu 1(1) u (2) tal-ewwel deċiżjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma identiċi, li ma jinkludu l-ebda element ġdid u li ma ġewx preċeduti minn eżami ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija tindika li peress li l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata emenda l-Artikolu 1(3) tal-ewwel deċiżjoni favur ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma kinitx tippreġudikaha u ma tistax tiġi ssuġġettata għal rikors.

40      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa, ġustament, dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, peress li din hija vvizzjata minn illegalità sa fejn tikkostitwixxi deċiżjoni adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93 u li t-terminu għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet kien diġà skada fil-mument tal-adozzjoni tagħha.

41      Jeħtieġ li jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika hija ssubordinata għall-kundizzjoni li din tiġġustikfa interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Skont ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jkunu suġġetti għal rikors unikament dawk il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Issa sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca–Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, EU:T:2000:84, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma turix kif l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-deċiżjoni kkontestata kien jibdel b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni tagħha. Il-paragrafi 1 u 2, li jirriproduċu, fir-rigward tad-drittijiet inkwistjoni, id-dispożittiv tal-Artikolu 1(1) u (2) tal-ewwel deċiżjoni, mingħajr ma saret analiżi ġdida f’dan ir-rigward, ma jbiddlux is-sitwazzjoni preċedenti tagħha u l-paragrafu 3 jbiddel b’mod favorevoli is-sitwazzjoni tagħha sa fejn dan jagħtiha l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni f’ammont ta’ EUR 632 241.28, korrispondenti għaċ-ċertifikati tradizzjonali. Għaldaqstant ma jidhirx li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li r-rikors dirett kontra dawn tal-aħħar huwa inammissibbli.

43      Għall-kuntrarju, peress li l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata jirrifjuta l-maħfra tad-dazji fir-rigward tar-rikorrenti wara eżami ġdid u b’hekk biddel is-sitwazzjoni tagħha b’mod sfavorevoli, ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli biss sa fejn dan huwa dirett kontra din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni kap ta’ talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 huwa applikabbli b’mod sħiħ fir-rigward tar-rikorrenti wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136)

44      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea ma tipprevedix rimedju legali li jippermetti lill-qorti li tadotta pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew bħala prinċipju (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni, T-33/01, EU:T:2005:461, punt 171; digrieti tat-3 ta’ Settembru 2008, Cofra vs Il-Kummissjoni, T-477/07, mhux ippubblikat, EU:T:2008:307, punt 21, u tal-24 ta’ Mejju 2011, Nuova Agricast vs Il-Kummissjoni, T-373/08, mhux ippubblikat, EU:T:2011:237, punt 46).

45      Għaldaqstant, hemm lok li dan il-kap ta’ talbiet jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

46      Hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-argument invokat insostenn tal-ewwel erba’ motivi tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-mod kif il-Kummissjoni eżegwiet is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136). Fl-opinjoni tagħha, fl-ewwel lok, ma kienet neċessarja l-ebda deċiżjoni ġdida. Fit-tieni lok, anki jekk jiġi preżunt li tali deċiżjoni setgħet tiġi adottata, hija qieset li din kellha tiġi hekk adottata f’terminu li ma kellux jeċċedi t-terminu inizjali ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93. Fit-tielet lok, hija qieset li, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha terminu raġonevoli sabiex teżegwixxi s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), dan tal-aħħar ma setax fi kwalunkwe każ jeċċedi terminu ġdid ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93. Fl-aħħar, fir-raba’ lok, hija tiddikjara li l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni ma kienx jikkonferixxi lill-Kummissjoni kompetenza deċiżjonali ġdida u sħiħa sabiex tmexxi investigazzjoni ġdida u tadotta deċiżjoni ġdida bbażata, iktar milli hi, fuq raġunijiet diġà eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ewwel erba’ motivi tar-rikors.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiddeterminaw is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni speċifika kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet speċifiċi tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29).

49      Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata li tevita li kull att maħsub sabiex jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fl-imsemmija sentenza (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30). Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu dwar il-mezzi li għandhom jimplementaw sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, bla ħsara għall-fatt li dawn il-mezzi għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni u mar-raġunijiet li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għalih (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punt 76).

50      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jinċidix neċessarjament fuq l-atti preparatorji tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punt 73).

51      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu tal-istituzzjoni tal-Unjoni li teżegwixxi sentenza ta’ annullament mogħtija mill-Qorti tal-Unjoni jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE. Ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li din l-eżekuzzjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri amministrattivi u normalment ma tkunx tista’ titwettaq immedjatament, u li l-istituzzjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza li tannulla waħda mid-deċiżjonijiet tagħha (sentenza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, EU:T:1997:39, punt 41; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 1984, Turner vs Il-Kummissjoni, 266/82, EU:C:1984:3, punti 5 u 6). In-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest li din taqa’ fih, tal-istadji proċedurali differenti li ġew segwiti, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-effetti tagħha fuq il-persuni kkonċernati differenti (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, EU:C:2004:438, punt 53). Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu li fih ġiet eżegwita sentenza ta’ annullament kienx raġonevoli għandu jiġi evalwat ukoll fuq bażi ta’ każ b’każ. In-natura raġonevoli ta’ dan it-terminu tiddependi fuq in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi inċidentali ta’ kull każ. Għaldaqstant, għandu jittieħed kont tal-istadji differenti li kienet tinvolvi l-proċedura tad-deċiżjoni (sentenza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, EU:T:1997:39, punt 45).

52      Fl-aħħar, hemm lok li jiġi enfasizzat li, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jistgħu, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew invalidat preċedenti, jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel erba’ motivi, l-ewwel billi jiġi evalwat l-argument invokat fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv, li hemm lok li jiġu ttrattati flimkien.

 Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq abbuż ta’ poter

54      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni sabiex tissostiwixxi l-ewwel deċiżjoni li ddeterminat it-talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, peress li din id-deċiżjoni ġiet annullata parzjalment bis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), peress li l-elementi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha ma kinux jistabbilixxu in-nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrenti.

55      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina mill-ġdid l-elementi tal-proċess u li tadotta deċiżjoni ġdida fuq it-talba għal maħfra tad-dazji li ġiet suġġetta għall-annullament sabiex tirrimedja l-irregolarità kkonstatata (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, EU:T:1997:39, punt 32).

56      Waqt li tagħmel dan, hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u legali kollha li kienu disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att. L-obbligu tal-Kummissjoni li tipprepara deċiżjoni bid-diliġenza kollha rikjesta u li tadotta d-deċiżjoni abbażi tad-data kollha li tista’ tinċidi fuq ir-riżultat jirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mill-prinċipju ta’ legalità u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi r-rikorrenti, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni kienet qieset li kien jeħtieġ li tissokta l-investigazzjoni tagħha u li tikkompleta l-fajl (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T-73/95, EU:T:1997:39, punt 32).

57      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skontu essenzjalment, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha dritt tadotta deċiżjoni ġdida, din id-deċiżjoni kellha tkun limitata għal miżuri neċessarji sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), u fi kwalunkwe każ, ma setgħetx tkun ibbażata fuq il-motiv ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, li kien diġà ġie diskuss.

58      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dan il-motiv ma kienx inkluż fil-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni u għaldaqstant ma kienx suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136). Fil-fatt, minkejja li l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98 kienet ġiet invokata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fil-kawża suesposta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, li l-ewwel deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq din il-kwistjoni u li, konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni ma setax jinċidi fuq il-fondatezza tar-rifjut ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Għaldaqstant, minkejja li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98 issemmiet mill-Qorti Ġenerali fil-punt 90 tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), din bl-ebda mod ma ġiet deċiża fil-mertu.

59      Barera minn hekk, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, il-Kummissjoni setgħet, jew fi kwalunkwe każ kellha, tinvoka l-motiv marbut man-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, peress li dan il-motiv kien diġà magħruf waqt l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-motiv marbut man-negliġenza manifesta tar-rikorrenti adottat mill-Kummissjoni fl-ewwel deċiżjoni kien teoretikament suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija libera li tadotta l-motiv li hija tqis li huwa l-iktar rilevanti sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha, u dan mingħajr ma żball possibbli fl-għażla ta’ dan il-motiv ma jkun jista’ jipprekludiha milli tadotta ulterjorment motiv li hija setgħet tinvoka waqt l-ewwel deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T-207/15, mhux ippubblikata, suġġetta għal appell, EU:T:2016:471, punt 54).

60      Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-fondatezza tal-motiv adottat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, li jaqa’ taħt il-ħames motiv, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha dritt li tibbaża ruħha fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tirrifjuta l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-fatt li dan il-motiv ġie invokat biss fil-kuntest tal-ewwel deċiżjoni bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvokah fid-deċiżjoni kkontestata peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtur ta’ att annullat jista’ jinvoka, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu, motivi minbarra dawk li fuqhom huwa kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T-471/11, EU:T:2014:739, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir-rigward tal-ilment li permezz tiegħu r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni qieset li l-konstatazzjoni tal-illegalità tal-ewwel deċiżjoni fil-motivi tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), kienet tippermettilha tirrimedja din l-illegalità fid-deċiżjoni maħsuba sabiex tissostitwixxi lil din tal-aħħar f’terminu raġonevoli, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li tali terminu huwa kompletament konformi mal-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq.

62      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni b’effett ex tunc, lil-Kummissjoni kellha biss ħamest ijiem sabiex tadotta deċiżjoni dwar it-talba għal maħfra tagħha, sabiex tosserva t-terminu ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, it-terminu ta’ disa’ xhur previst minn din id-dispożizzjoni ma jistax ikun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa mill-ġdid skont l-Artikolu 266 TFUE.

63      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, kif ġie evokat fil-punt 52 iktar ’il fuq, f’każ ta’ irregolarità li sseħħ matul l-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu jistġħu jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju tal-investigazzjoni fejn tkun twettqet l-irregolarità, jew jibdew proċedura ġdida f’każ li l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha. Ċertament, mill-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 jirriżulta li d-deċiżjoni li tistabbilixxi jew li s-sitwazzjoni partikolari eżaminata tiġġustifika l-għoti tar-rimbors jew tal-maħfra, jew li ma tiġġustifikahx, għandha tittieħed f’terminu ta’ disa’ xhur. Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 907 jikkonċerna biss il-proċedura inizjali u mhux il-proċeduri li jkunu nfetħu mill-ġdid wara sentenza ta’ annullament. Minn dan jirriżulta li, peress li l-proċedura inkwistjoni f’dan il-każ kienet suġġetta għal ftuħ mill-ġdid, it-terminu ta’ disa’ xhur previst għall-proċedura inizjali ma jistax ikun applikabbli għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 57 sa 61). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ċaħdet l-effett ex tunc tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), billi qieset li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha terminu raġonevoli sabiex tirrimedja l-illegalità kkonstatata f’din is-sentenza u mhux terminu ta’ ħamest ijiem sabiex tikkonforma ruħha mat-terminu inizjali ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93.

64      Finalment, fir-rigward tal-argument li, essenzjalment, it-talbiet ripetuti tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani kienu totalment superfluwi u kienu jservu biss sabiex jissospendu inġustament it-terminu previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Kummissjoni bagħtet it-talbiet lill-awtoritajiet Belġjani bl-iskop uniku li tissospendi t-terminu, peress li dan it-terminu, fi kwalunkwe każ, ma kienx applikabbli.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

66      B’dan il-motiv, ir-rikorrenti tilmenta, essenzjalment li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-terminu raġonevoli previst mill-Artikolu 266 TFUE jista’, mingħajr ebda limitazzjoni, ikun itwal mit-terminu ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 u li, barra minn hekk, li lanqas il-benefiċċju tal-iskadenza ta’ dan it-terminu previst fl-Artikolu 909 tal-istess regolament ma kien applikabbli. Fl-opinjoni tagħha, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), dan it-terminu fl-ebda faż ma seta’ jeċċedi terminu ġdid ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93. Għaldaqstant hija tqis li, anki jekk il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha terminu ġdid ta’ disa’ xhur sabiex tadotta deċiżjoni sa mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), dan it-temrinu kien jiskadi, b’kont meħud tas-sospensjonijiet differenti dovuti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, fil-11 ta’ Ġunju 2015.

67      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn hija kontinwament għamlet riferiment, fl-ewwel lok u matul il-proċedura deċiżjonali li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-applikazzjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, moqri flimkien mal-Artikolu 909 ta’ dan ir-regolament, sabiex sussegwentement, meta skada dan it-terminu l-ġdid, allegatament ineżistenti u pprorogat b’mod żbaljat, ikkonfermat li l-unika terminu applikabbli kien it-terminu raġonevoli li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

69      Fl-ewwel lok, hija ssostni li huwa inutli li jsir riferiment għall-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex jiġi kkalkulat it-terminu li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tadotta deċiżjoni ġdida dekorribbli mis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), peress li la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 ma kienu applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 266 TFUE. Fit-tieni lok, hija tikkonferma li ma jistax jiġi eskluż li t-terminu raġonevoli jista’ jipperdura għal żmien itwal minn dak tat-terminu previst fl-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93. Fit-tielet lok, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata kienet miżura adatta sabiex tħassar f’terminu raġonevoli l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel deċiżjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-parti l-kbira taż-żmien li kien neċessarju sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata huwa dovut għall-fatt li l-awtoritajiet doganali Belġjani ma weġbux għat-talbiet tal-Kummissjoni, minkejja diversi tfakkiriet, kif ukoll għall-fatt li dawn tal-aħħar kellhom il-kompetenza esklużiva li jiddeċiedu fuq dan id-dejn doganali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżid li kienet semgħet, qabel ma tat id-deċiżjoni tagħha, lir-rikorrenti kif ukoll lil grupp ta’ esperti, komposti minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, li ntlaqa’ fil-21 ta’ Settembru 2015 sabiex jeżamina l-kawża.

70      Fir-raba’ lok, hija tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, anki li kieku ġie stabbilit li hija kienet aġixxiet wara l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, dan ma kienx sejjer iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tiddikjarax li t-terminu li skada ppreġudikaha u lanqas li kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha. Minn naħa, il-Kummissjoni tfakkar li parti mid-dewmien ġie pprovokat b’mod partikolari mill-fatt li hija kienet tqis li kellha tisma’ lir-rikorrenti qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha, bil-għan li tippreżerva totalment id-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra hija tqis li l-inosservanza ta’ regola proċedurali bħal dik tat-terminu raġonevoli ma tistax f’dan il-każ tikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni proċedurali sostanzjali, peress li, anki li kieku ma kienx hemm tali ksur, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx sejjer ikun wieħed differenti.

71      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li peress li, wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), li annullat parzjalment l-ewwel deċiżjoni, l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 ma kienx għadu applikabbli fil-kuntest tal-proċedura li nfetħet mill-ġdid għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, maħsuba sabiex tissostitwixxi l-ewwel deċiżjoni, kien biss it-terminu raġonevoli li kien applikabbli skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

72      Issa, bħalma ssostni r-rikorrenti, jidher li ċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna jirrilevaw li t-terminu raġonevoli kien skada.

73      It-terminu rilevanti f’dan il-każ, għall-finijiet tal-eżami tal-osservanza tat-terminu raġonevoli, huwa dak li ddekorra bejn l-għoti tas-sentenza ta’ annullament, fid-19 ta’ Marzu 2013, u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-20 ta’ Jannar 2016, jiġifieri terminu ta’ 34 xahar, jiġifieri iktar minn sentejn u nofs. B’mod iktar speċifiku, kien biss ħames xhur wara l-għoti tas-sentenza ta’ annullament, jiġifieri fil-21 ta’ Awwissu 2013, data li fiha l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Belġjani, li l-Kummissjoni bdiet tibni u teżamina mill-ġdid il-fajl, li, wara l-wasla tal-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet doganali Belġjani, wasslu 29 xahar wara għad-deċiżjoni kkontestata.

74      Sabiex tiġġustifika dan it-terminu, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa, li l-parti l-kbira tal-ħin li kien neċessarju sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata huwa dovut għall-fatt li l-awtoritajiet doganali Belġjani ma weġbux għat-talba tal-Kummissjoni, minkejja diversi tfakkiriet, u, min-naħa l-oħra, li, qabel ma tat id-deċiżjoni tagħha, hija, fil-21 ta’ Settembru 2015, semgħet lir-rikorrenti kif ukoll lil grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha li ltaqa’ sabiex jeżamina l-kawża.

75      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi preżunt li t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani kienu ta’ natura li jissospendu t-terminu ta’ disa’ xhur, li ma jistax ikun, peress li l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 ma setax jerġa’ jkun applikabbli, kienu ddekorrew iktar minn għaxar xhur bejn it-tweġiba ta’ dawn l-awtoritajiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

76      F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-ebda miżura li għandha tadotta jew li adottat il-Kummissjoni ma tista’ tiġġustifika d-dekors ta’ tali terminu. Huwa minnu li s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), obbligat lill-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid l-elementi tal-proċess (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Madakollu, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, bl-ebda mod ma jidher li, wara din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet stabbiliet fajl ġdid u lanqas li, a fortiori, ipprovdiet jew skopriet elementi fattwali ġodda.

77      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kellha diġà konoxxenza tajba tal-fajl. Kif jirriżulta b’mod partikolari minn paragun tal-ewwel deċiżjoni mad-deċiżjoni kkontestata, li l-espożizzjoni tal-fatti tagħhom huma identiċi, ix-xogħol tal-Kummissjoni kien jikkonsisti, min-naħa, fl-istabbiliment tan-negliġenza tar-rikorrenti mhux fuq il-mod kif din ħarġet iċ-ċertifikati ta’ importazzjoni, iżda fuq l-użu li għamlet miċ-ċertifikati maħsuba għall-operaturi ġodda, att li huwa pprjobit b’mod ċar mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, u, min-naħa l-oħra, fil-kalkolu tat-tqassim bejn l-ammonti li jikkorrispondu għaċ-ċertifikati tal-operaturi tradizzjonali u dawk li jikkorrispondu għaċ-ċertifikati tal-operaturi ġodda. Il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li l-punt essenzjali tal-eżami mill-ġdid tagħha tal-fajl kien jikkonsisti fit-twettiq ta’ tali tqassim, li ma kienx ġie kkomunikat lilha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija ma setgħetx tiddetermina abbażi tal-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha mill-awtoritajiet doganali Belġjani.

78      Madankollu, ma jidhrix li, u barra minn dan il-Kummissjoni bl-ebda mod ma sostniet, li hija ssoktat b’mod sħiħ l-eżami tal-fajl. Hija indikat b’mod partikolari fl-atti tagħha, minn naħa, li, wara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), “hija setgħet tillimita ruħha għal verifika dwar jekk l-operatur rrendiex ruħu responsabbli għal frodi jew għal negliġenza manifesta skont it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 239 KDK” u, min-naħa l-oħra, li, “[p]eress li ma ġiex ikkontestat [f’din l-istess sentenza] li [kienet] kwistjoni ta’ sitwazzjoni partikolari, kien hemm bżonn biss li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti rrendietx ruħha responsabbli għal frodi jew għal negliġenza manifesta”.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ għaldaqstant jitqies li, fid-dawl tan-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll taċ-ċirkustanzi kundizzjonali f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma osservatx terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Madakollu l-Kummissjoni sostniet, matul il-proċedura bil-miktub u matul il-proċedura orali, li din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li r-rikorrenti ma kinitx uriet li terminu iqsar kien iwassal għal deċiżjoni differenti minn dik li ġiet adottata, u lanqas ma kienet uriet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha dovuti għat-tul eċċessiv tal-proċedura amministtrattiva (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

81      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li jirriżulta effettivament minn ġurisprudenza stabbilita li ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni adottata wara proċedura amministrattiva dment li dan ma jkunx iwassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, meta ma jiġix stabbilit li dewmien eċċessiv ikun affettwa l-kapaċità tal-persuni kkonċernati milli jiddefendu ruħhom effettivament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Al-Ghabra vs Il-Kummissjoni, T-248/13, EU:T:2016:721, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Bl-istess mod, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, bħala regola ġenerali, ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien eċċessiv jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2013, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑267/07, EU:T:2013:305, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, bil-għan li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iskadenza tat-terminu raġonevoli tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ b’mod partikolari li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet proċedurali fil-qasam tal-maħfra tad-dazji doganali rilevanti fil-każ odjern, jiġifieri l-Artikoli 235 sa 239 tal-KDK u l-Artikoli 878 sa 909 tar-Regolament Nru 2454/93.

84      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull maħfra ta’ dazju fuq l-importazzjoni għandha tkun suġġetta għal talba speċifika min-naħa tal-parti kkonċernata (Artikolu 878(1) tar-Regolament Nru 2454/93). Din it-talba għandha tiġi ppreżentata quddiem l-awtorità doganali kompetenti (Artikolu 879(1) tar-Regolament Nr 2454/93). Meta din ikollha fil-pussess tagħha l-elementi kollha neċessarji, l-awtorità doganali kompetenti għandha tagħti deċiżjoni bil-miktub dwar it-talba għal maħfra (Artikolu 886(1) tar-Regolament Nru 2454/93).

85      Madakollu, meta l-awtorità doganali ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni abbażi tal-Artikoli 899 et seq. tar-Regolament Nru 2454/93, li jiddefinixxu ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li fihom ma tistax tingħata l-maħfra, u meta “l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta’ l-interessat”, l-Istat Membru li fih tkun tinsab din l-awtorità għandha tittrażmetti l-każ lill-Kummissjoni (Artikolu 905(1) tar-Regolament Nru 2454/93). Il-fajl trażmess lill-Kummissjoni għandu jinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex isir eżami sħiħ tal-każ ineżami (Artikolu 905(3) tar-Regolament Nru 2454/93). Fi ħmistax il-jum mid-data li fiha tirċievi l-fajl, il-Kummissjoni għandha tikkomunika kopja tiegħu lill-Istati Membri (Artikolu 906(1) tar-Regolament Nru 2454/93). L-Artikolu 906a tar-Regolament Nru 2454/93 jispeċifika li meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni sfavorevoli fir-rigward tal-persuna li tapplika għar-rimbors jew għall-maħfra, hija għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha bil-miktub, kif ukoll id-dokumenti kollha li fuq il-bażi tagħhom hija tkun ħarġet l-imsemmija oġġezzjonijiet, u l-applikant ikollu żmien xahar sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu.

86      Sussegwentement, wara konsultazzjoni ta’ grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha li jiltaqa’ fil-kuntest tal-kumitat doganali bil-għan li jeżamina l-każ ineżami, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li tistabbilixxi jew li s-sitwazzjoni partikolari eżaminata tiġġustifika l-għoti tal-maħfra, jew li hija ma tiġġustifikahx (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93). Din id-deċiżjoni għandha tittieħed f’terminu ta’ disa’ xhur dekorribbli mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-fajl trażmess mill-Istat Membru (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 907 tal-istess regolament) għandha tiġi nnotifikata bla dewmien lill-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 908(1) tal-istess regolament). Huwa abbażi ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-awtorità tad-deċiżjoni jkollha tiddeċiedi fuq it-talba għal maħfra li tkun tressqet quddiemha (Artikolu 908(2) tar-Regolament Nru 2454/93).

87      Meta l-Kummissjoni ssib li jkun meħtieġ li titlob elementi ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tkun tista tilħaq id-deċiżjoni tagħha, it-terminu ta’ disa’ xhur għandu jiġi estiż b’perijodu ekwivalenti għal dak li jkun iddekorra bejn id-data li fiha l-Kummissjoni tibgħat it-talba għal elementi ta’ informazzjoni addizzjonali u d-data li fiha hija tirċievi din l-informazzjoni. Il-persuna li titlob ir-rimbors jew il-maħfra għandha tiġi informata bl-estensjoni (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93). Meta l-Kummissjoni tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha tkun innotifikat lill-persuna li titlob ir-rimbors jew il-maħfra skont l-Artikolu 906a, it-terminu ta’ disa’ xhur għandu jiġi estiż b’xahar.

88      Skont l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93, jekk il-Kummissjoni tonqos li tieħu deċiżjoni fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 907 ta’ dan ir-regolament, l-awtorità doganali nazzjonali għandha tilqa’ t-talba għar-rimbors jew maħfra.

89      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 2454/93 huwa intiż b’mod partikolari li jispeċifika ċerti regoli sabiex tinkiseb ċertezza legali ikbar fl-applikazzjoni tiegħu, kif dan jirriżulta mill-premessi tiegħu, u li ppreveda termini stretti li għandhom jiġu osservati kemm mill-applikant kif ukoll mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi pproċessata talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni.

90      Mill-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 jirriżulta li, għalkemm it-terminu ta’ disa’ xhur li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha jista’ jiġi sospiż taħt ċerti kundizzjonijiet, id-deċiżjoni dwar it-talba għal maħfra tad-dazji għandha tingħata fit-terminu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, peress li huwa speċifikat li l-assenza ta’ risposta f’dan it-terminu tekwivali obbligatorjament għall-aċċettazzjoni tat-talba mill-awtorità doganali kompetenti, skont l-Artikolu 909 tal-istess regolament.

91      F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntest tar-Regolament Nru 2454/93, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tagħha li ngħatat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur, inklużi s-sospensjonijiet, previst fl-Artikolu 907 ta’ dan l-istess regolament, kienet tekwivali għal aċċettazzjoni tat-talba tar-rikorrenti mill-awtorità doganali.

92      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna, huwa minnu li s-sistema implementata, u b’mod partikolari t-terminu ta’ disa’ xhur previst mill-Arikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, ma kienx għadu jobbliga lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 266 TFUE (ara l-punti 63 u 71 iktar ’il fuq). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma osservat terminu raġonevoli, il-Kummissjoni evitat il-garanziji previsti mir-Regolament Nru 2454/93 u ċaħdet lir-rikorrenti mill-effett utli ta’ dan ir-regolament, mill-possibbiltà li tikseb deċiżjoni fit-termini previsti kif ukoll mill-garanzija li tibbenefika minn deċiżjoni favorevoli fl-assenza ta’ risposta f’dawn it-termini.

93      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata 34 xahar wara l-għoti tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni (T-324/10, EU:T:2013:136), kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, fatt li, fiċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża odjerna, jikkostitwixxi annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet motiv tar-rikors u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat il-ħames motiv.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

96      F’dan il-każ, billi l-Kummissjoni tilfet fil-parti l-kbira, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 95 finali, tal-20 ta’ Jannar 2016, li tikkonstata li huwa ġġustifikat li jittieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni u li l-maħfra tad-dazji hija ġġustifkata fir-rigward ta’ debitur, iżda li din hija ġġustifkata għal parti biss fir-rigward ta’ debitur ieħor f’każ partikolari u ma hijiex iġġustifikata għal parti oħra fir-rigward ta’ dan l-istess debitur partikolari, u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2858 finali, tas-6 ta’ Mejju 2010, huwa annullat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Firma Léon Van Parys NV.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.