Language of document : ECLI:EU:T:2017:884

Kawża T-125/16

Firma Léon Van Parys NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ banana li toriġina mill-Ekwador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni – Deċiżjoni adottata wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti – Terminu raġonevoli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2017

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti skont is-sustanza tal-att

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Deċiżjoni li ma għandhiex neċessarjament tirriproduċi l-istess raġunijiet bħal dawk li jidhru fl-att annullat

(Artikolu 266 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni – Terminu raġonevoli – Kriterji ta' evalwazzjoni

(Artikolu 266 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-istadju tal-irregolarità kkonstatata – Ammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE)

6.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni – Obbligu li tittieħed deċiżjoni ġdida – Portata

(Artikolu 266 TFUE ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 907)

7.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni – Terminu raġonevoli – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni – Adozzjoni tardiva ta’ deċiżjoni ġdida – Ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġjonevoli – Konsegwenzi

(Artikolu 266 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 907)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 41)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 44)

3.      L-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata li tevita li kull att maħsub sabiex jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fl-imsemmija sentenza Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu dwar il-mezzi li għandhom jimplementaw sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, bla ħsara għall-fatt li dawn il-mezzi għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni u mar-raġunijiet li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għalih.

Fil-fatt, l-istituzzjoni kkonċernata hija libera li tadotta l-motiv li hija tqis li huwa l-iktar rilevanti sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha, u dan mingħajr ma żball possibbli fl-għażla ta’ dan il-motiv ma jkun jista’ jipprekludiha milli tadotta ulterjorment motiv li hija setgħet tinvoka fil-kuntest tal-att annulat. F’dan ir-rigward, il-fatt li motiv ma ġiex invokat fil-kuntest tal-att annullat bl-ebda mod ma jipprekludi lill-istituzzjoni milli tinvokah fid-deċiżjoni maħsuba li tissostiwixxi dan l-att peress li l-awtur ta’ att annullat jista’ jinvoka, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu, motivi minbarra dawk li fuqhom huwa kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punti 49, 59, 60)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 51)

5.      Ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jistgħu, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew invalidat preċedenti, jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet.

(ara l-punt 52)

6.      Wara l-annullament parzjali mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissioni li ddeċidiet talba għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina mill-ġdid l-elementi tal-proċess u li tadotta deċiżjoni ġdida fuq it-talba għal maħfra tad-dazji li ġiet suġġetta għall-annullament sabiex tirrimedja l-irregolarità kkonstatata. B’dan hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u legali kollha li kienu disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att. L-obbligu tal-Kummissjoni li tipprepara deċiżjoni bid-diliġenza kollha rikjesta u li tadotta d-deċiżjoni abbażi tad-data kollha li tista’ tinċidi fuq ir-riżultat jirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mill-prinċipju ta’ legalità u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni kienet qieset li kien jeħtieġ li tissokta l-investigazzjoni tagħha u li tikkompleta l-fajl.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut validament li, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni b’effett ex tunc, lil-Kummissjoni kellha biss ħamest ijiem sabiex tadotta deċiżjoni dwar it-talba għal maħfra, sabiex tosserva t-terminu ta’ dekadenza ta’ disa’ xhur previst fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, it-terminu ta’ disa’ xhur previst minn din id-dispożizzjoni ma jistax ikun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa mill-ġdid skont l-Artikolu 266 TFUE.

(ara l-punti 54-56, 62)

7.      Il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, bħala regola ġenerali, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien eċċessiv jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li s-sistema implementata, u b’mod partikolari t-terminu ta’ disa’ xhur previst mill-Arikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali, ma kienx għadu jobbliga lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 266 TFUE. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma osservat terminu raġonevoli, il-Kummissjoni evitat il-garanziji previsti mir-Regolament Nru 2454/93 u ċaħdet lill-persuna kkonċernata mill-effett utli ta’ dan ir-regolament, mill-possibbiltà li tikseb deċiżjoni fit-termini previsti kif ukoll mill-garanzija li tibbenefika minn deċiżjoni favorevoli fl-assenza ta’ risposta f’dawn it-termini.

Għaldaqstant, billi adottat id-deċiżjoni intiża li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata 34 xahar wara l-għoti tas-sentenza ta’ annullament, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, fatt li jikkostitwixxi annullament tat-tieni deċiżjoni.

(ara l-punti 82, 91-93)