Language of document : ECLI:EU:T:2022:503

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Belġju favur JCDecaux Street Furniture Belgium – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑642/19,

JCDecaux Street Furniture Belgium, stabbilita fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentata minn A. Winckler, G. Babin u B. Cambier, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braga da Cruz, C. Georgieva u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Clear Channel Belgium, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn P. de Bandt, M. Gherghinaru u L. Panepinto, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger u M. Stancu (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, JCDecaux Street Furniture Belgium, li kienet JCDecaux Belgium Publicité, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4466 finali tal‑24 ta’ Ġunju 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33078 (2015/C) (eks 2015/NN) implimentata mill-Belġju affavur JC Decaux Belgium Publicité (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-ville de Bruxelles (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju) u r-rikorrenti kkonkludew żewġ kuntratti suċċessivi dwar il-provvista ta’ diversi tipi ta’ għamara urbana, li parti minnhom setgħet tintuża għal finijiet ta’ reklamar.

3        L-ewwel kuntratt, tas‑16 ta’ Lulju 1984 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑1984”), li t-tul tiegħu kien ta’ ħmistax‑il sena, kien jipprovdi li r-rikorrenti kienet tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Belt ta’ Brussell u kienet tagħmel użu minn xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja għar-reklamar u għamara urbana msejħa “għamara urbana għall-informazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“MUPI”) li hija baqgħet proprjetarja tagħhom fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

–        ir-rikorrenti ma kienet tikseb ebda ħlas bħala kera, drittijiet ta’ okkupazzjoni jew tariffi għax-xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u l-MUPI, iżda kellha tipprovdi lill-Belt ta’ Brussell ċertu numru ta’ vantaġġi in natura, jiġifieri li hija kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni, mingħajr ħlas, basktijiet għar-rimi ta’ skart, toilets pubbliċi u gazzetti elettroniċi kif ukoll li tfassal pjan ġenerali tal-Belt ta’ Brussell, pjan turistiku u lukandier u pjan tal-bankini tal-Belt ta’ Brussell;

–        inkambju għas-servizzi tagħha, ir-rikorrenti kienet awtorizzata tuża għal finijiet ta’ reklamar ix-xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u l-MUPI pprovduti;

–        kull apparat seta’ jiġi użat għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena li jibda jiddekorri mill-installazzjoni tiegħu kkonstatat mill-minuti miftiehma.

4        Fl‑1995, il-Belt ta’ Brussell temm il-kuntratt tal‑1984.

5        Fl‑1998, il-Belt ta’ Brussell ħareġ sejħa għal offerti intiża għall-manifattura, il-provvista, it-tqegħid, it-tħaddim, iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ MUPI, ta’ xelters għall-passiġġieri u ta’ għamara multimedjali, li parti minnha tista’ tintuża għal finijiet ta’ reklamar.

6        Sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt tal‑1984 u sabiex tiżgura t-trasparenza tas-sejħa għal offerti, il-Belt ta’ Brussell elenkat, fl-Anness 10 tal-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt tal-imsemmija sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“Anness 10”), 282 xelter tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u 198 MUPI li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1984 (iktar ’il quddiem l-“apparat inkluż fl-Anness 10”) fejn id-dritt ta’ użu tar-rikorrenti kien għadu ma skadiex skont il-klawżoli tal-kuntratt tal‑1984, billi indikat il-pożizzjoni tagħhom u d-data ta’ skadenza rispettiva tagħhom.

7        It-tieni kuntratt, tal‑14 ta’ Ottubru 1999 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑1999”), ikkostitwit minn ordni u mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u mill-annessi tiegħu, inkluż l-Anness 10, ġie ffirmat mir-rikorrenti, li rebħet is-sejħa għal offerti, u ssostitwixxa l-kuntratt tal‑1984. Il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kuntratt kienu s-segwenti:

–        it-tul tal-kuntratt kien ta’ ħmistax‑il sena;

–        il-Belt ta’ Brussell sar proprjetarju ta’ għamara urbana installata, permezz tal-ħlas ta’ prezz nett fil-forma ta’ somma f’daqqa għal kull apparat ipprovdut, kompletament mgħammar, installat u operattiv;

–        ir-rikorrenti kellha tħallas kera fix-xahar għall-użu ta’ għamara urbana li kienu s-suġġett tal-kuntratt għal finijiet ta’ reklamar.

8        Meta ġie implimentat il-kuntratt tal‑1999, ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 tneħħew qabel id-data ta’ skadenza tagħhom prevista fl-istess anness, filwaqt li oħrajn inżammu wara l-imsemmija dati. Għal dawn l-aħħar apparati, kuntrarjament għal dawk li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1999, ir-rikorrenti la ħallset kera u lanqas taxxa lill-Belt ta’ Brussell. Din is-sitwazzjoni ntemmet f’Awwissu 2011, meta l-aħħar apparati inklużi fl-Anness 10 ġew żarmati.

9        Fid‑19 ta’ April 2011, l-intervenjenti, Clear Channel Belgium, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea fejn hija kkunsidrat li, billi kompliet tuża ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza prevista tagħhom mingħajr ma ħallset kera jew taxxa lill-Belt ta’ Brussell, ir-rikorrenti kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

10      Fl‑24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108 TFUE.

11      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fit‑13 ta’ Diċembru 2010 mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li kienet iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx osservat id-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 dwar l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-istess anness, li hija ma kinitx kisbet l-awtorizzazzjoni espressa tal-Belt ta’ Brussell sabiex tipproċedi għal “interverżjoni” tal-apparati ta’ reklamar u li hija kienet, għalhekk, użat mingħajr titolu jew dritt ħafna minn dawn l-apparati fuq id-dominju pubbliku tal-Belt ta’ Brussell.

12      Fl‑24 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. L-Artikoli 1 u 2 huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat favur [ir-rikorrenti] ta’ ammont li jikkorrispondi għall-kiri u t-taxxi mhux imħallsa fuq l-apparati ta’ reklamar installati skont il-kuntratt tal‑1984 fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell u miżmuma wara d-data tat-tneħħija prevista fl-Anness 10 tal-kuntratt tal‑1999, mogħtija illegalment bejn il‑15 ta’ Settembru 2001 u l‑21 ta’ Awwissu 2010 mill-Belġju bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

(1)      Il-Belġju huwa obbligat li jiġbor lura l-għajnuna msemmija fl-ewwel artikolu mingħand il-benefiċjarju.

[…]”

 Ittalbiet talpartijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern favur tagħha fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal‑1984, u l-Artikoli 2 sa 4 tiegħu, sa fejn dawn jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mingħandha mir-Renju tal-Belġju;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Iddritt

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista mill-istess anness kien jikkostitwixxi vantaġġ. Permezz tat-tieni sar-raba’ motiv, kollha mqajma b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li għajnuna mill-Istat ipotetika kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU 2012, C 8, p. 15) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal‑20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) [TFUE] għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, L 7, p. 3) (it-tieni motiv), li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat (it-tielet motiv) u li l-għajnuna mill-Istat ikkonstatata mid-deċiżjoni kkontestata hija fi kwalunkwe każ preskritta (ir-raba’ motiv).

 Fuq lewwel motiv, li jgħid li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi meta kkunsidrat li lużu mirrikorrenti ta’ ċerti apparati inklużi flAnness 10 wara ddata taliskadenza tagħhom prevista millistess anness kien jikkostitwixxi vantaġġ

17      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, maqsum fi tliet partijiet, ir-rikorrenti tfittex, essenzjalment, li tikkontesta l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 82 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni warrbet b’mod żbaljat il-mekkaniżmu ta’ kumpens applikat mill-Belt ta’ Brussell sabiex jiġi osservat l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984 (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984”). Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat xenarju kontrofattwali żbaljat meta kkunsidrat li l-kirjiet u t-taxxi kellhom jinġabru għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u miżmuma wara d-data ta’ skadenza tagħhom prevista mill-istess anness. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-kuntratt tal‑1984 bħala “purament kummerċjali” u għalhekk irrifjutat l-applikazzjoni tal-kriterji tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

 Fuq lewwel parti, li tgħid li lKummissjoni eskludiet b’mod żbaljat ilmekkaniżmu ta’ kumpens talkuntratt tal1984

18      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel, billi eskludiet ir-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984, il-Kummissjoni injorat ir-realtajiet prattiċi u legali tal-kuntratti ta’ utilità pubblika fit-tul fil-Belġju, it-tieni, l-imsemmi mekkaniżmu ta’ kumpens, ibbażat fuq l-obbligu għall-Belt ta’ Brussell li jippreżerva l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984, jeskludi neċessarjament li vantaġġ ingħata lilha, it-tielet, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi rreferiet għas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni (C‑211/15, EU:C:2016:798), u għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984, ir-raba’, billi ċaħdet ir-rilevanza ta’ dan il-mekkaniżmu għar-raġuni li kienet qablet “fuq inizjattiva tagħha stess” li tirtira ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 fuq talba tal-Belt ta’ Brussell, il-Kummissjoni injorat in-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” u, il-ħames, l-assenza ta’ dokumentazzjoni addizzjonali li takkumpanja l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Belt ta’ Brussell ma aġixxietx bħala operatur tas-suq, u lanqas li turi l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li tali assenza hija konswetudinarja fit-tip ta’ kuntratt inkwistjoni u li kitba formali minn qabel li tifformalizza l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 la kienet prevista mil-liġi u lanqas mill-kuntratt.

19      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ miżura, tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan il-vantaġġ għandu jkun imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “għajnuna” mill-ġurisprudenza jirriżulta li din tinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll miżuri li, f’diversi forom, itaffu t-tariffi li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma huma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura tagħhom u għandhom l-istess effett (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑425/11, EU:T:2014:768, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għalhekk, ġie deċiż li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni mill-ispejjeż ekonomiċi li, għalkemm ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑425/11, EU:T:2014:768, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-vantaġġ huwa vantaġġ ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fl-assenza ta’ intervent mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, EU:C:1999:210, punt 41).

24      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “vantaġġ”, inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, huwa ta’ natura oġġettiva, indipendentement mill-motivi tal-awturi tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, in-natura tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri statali u l-ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li ż-żamma u l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista mill-istess anness kienu intiżi sabiex jikkumpensaw għal allegat żvantaġġ li r-rikorrenti allegatament subit minħabba t-tneħħija minn qabel ta’ ċertu numru ta’ apparati inklużi fl-Anness 10 allegatament impost mill-Belt ta’ Brussell u li dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens kien konformi mar-realtajiet prattiċi u legali tal-kuntratti ta’ utilità pubblika fit-tul fil-Belġju ma jimplikax li dak il-mekkaniżmu ma jistax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

26      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” huwa kunċett legali oġġettiv iddefinit direttament mill-Artikolu 107(1) TFUE, li ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Konsegwentement, il-fatt li l-għan tal-miżura statali kien li jinżamm l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984 jew li dan l-għan kien konformi mal-prinċipji tad-dritt nazzjonali ma jippermettix li tiġi eskluża ab initio il-klassifikazzjoni ta’ tali miżura bħala “għajnuna mill-Istat”.

27      L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, billi eskludiet ir-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 minħabba li hija aċċettat “fuq inizjattiva tagħha stess” li tirtira ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 fuq talba tal-Belt ta’ Brussell, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat in-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.

28      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li tkompli tuża ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista mill-istess anness mingħajr ma tħallas la kera u lanqas taxxa lill-Belt ta’ Brussell kellu l-effett li jnaqqas dawn l-ispejjeż li kienu jolqtu l-baġit tagħha.

29      Fil-fatt, huwa stabbilit bejn il-partijiet li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal‑1999, ir-rikorrenti setgħet tistabbilixxi u tuża fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell għamara urbana biss fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kera u taxxi. Skont l-Anness 10, b’deroga mill-klawżoli tal-kuntratt tal‑1999, l-apparati inklużi f’dan l-anness setgħu jkomplu jiġu użati mir-rikorrenti fil-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt tal‑1984, jiġifieri mingħajr ħlas la tal-kera u lanqas tat-taxxa, iżda biss sad-dati ta’ skadenza previsti mill-istess anness. Wara dawn id-dati, dan l-apparat kellu jiġi ssostitwit b’dispożittivi ġodda li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1999, u għalhekk suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi u tal-kera.

30      Minn dan isegwi li l-fatt li tkomplew jintużaw ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kuntratt tal‑1984 wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-istess anness ippermetta lir-rikorrenti tevita li tinstalla u tuża apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999 u, konsegwentement, tħallas il-kirjiet u t-taxxi li hija kellha tħallas, skont dan l-aħħar kuntratt. Barra minn hekk, mill-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 ma setax ikompli wara d-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness mingħajr permess mill-Belt ta’ Brussell.

31      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, permezz tas-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx osservat id-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 fir-rigward ta’ ċerti apparati inklużi fl-istess anness, li hija ma kinitx kisbet l-awtorizzazzjoni espressa tal-Belt ta’ Brussell sabiex tipproċedi għal “interverżjoni” tal-apparati ta’ reklamar u li hija kienet, għalhekk, użat mingħajr titolu u lanqas dritt numru minn dawn l-apparati pubbliċi fid-dominju pubbliku tal-Belt ta’ Brussell.

32      Ċertament, ir-rikorrenti tqis li s-sentenza tad‑29 ta’ April 2016 tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura sa fejn il-Belt ta’ Brussell ma kienx parti minn din il-kawża u li, għaldaqstant, ma setax jikkonferma quddiem il-qorti nazzjonali l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984.

33      Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif ġustament tindika l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, mill-qari tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2016 tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) jirriżulta li l-Belt ta’ Brussell ġie msejjaħ fil-kawża u kellu l-possibbiltà li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, il-Belt ta’ Brussell ma kkontestax l-effetti ta’ din is-sentenza.

34      Fit-tielet lok, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, fil-premessi 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-punti 41 sa 44 tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni (T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117), minħabba li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jirriżultaw minnhom kienu speċifiċi għall-fatti tat-tilwima.

35      Fil-fatt, fil-punt 43 tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni (T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117), ġie deċiż li kien biss sa fejn intervent statali kellu jitqies li huwa kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi pprovduti mill-impriżi inkarigati minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), li l-imsemmi intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tillimita l-portata ta’ din il-kunsiderazzjoni għall-każ inkwistjoni fl-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-fatt li, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni arranġament kuntrattwali ma għandux bażi fattwali, peress li, kif jirriżulta mill-punt 31 iktar ’il fuq, permezz tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2016, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx kisbet l-awtorizzazzjoni espliċita tal-Belt ta’ Brussell li tipproċedi għal “interverżjoni” tal-apparati ta’ reklamar.

36      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li l-paragun mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), huwa ineffettiv peress li hija ma kinitx responsabbli għall-ħlas tat-taxxi u tal-kirjiet u peress li ma setax ikun hemm kwistjoni ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, fil-premessi 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), fir-rigward tal-istabbiliment ta’ vantaġġ, u mhux sabiex teżamina trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti stess tinvoka din il-ġurisprudenza billi ssostni li l-kundizzjonijiet stabbiliti minnha huma applikabbli f’dan il-każ.

37      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 ma setax jiġi kkunsidrat bħala aġir normali ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, jeħtieġ, anki jekk jitqies li l-aġir tal-Belt ta’ Brussell f’dan il-każ jista’ jiġi eżaminat, li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, operatur ta’ ekonomija tas-suq, ta’ daqs li jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ korpi li jamministraw is-settur pubbliku, seta’ kellu jadotta deċiżjoni simili, jiġifieri, f’dan il-każ, li jikkumpensa b’mod simili għal dannu allegatament ikkawżat lil parti kontraenti matul l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, EU:T:2018:953, punt 140). Barra minn hekk, huwa neċessarju li elementi oġġettivi u verifikabbli juru b’mod ċar li l-Istat Membru kkonċernat ħa, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, id-deċiżjoni li tikkumpensa, permezz tal-miżura effettivament implimentata, id-dannu allegatament ikkawżat lill-parti kontraenti fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 u 83).

38      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ebda element ippreżentat quddiem il-Kummissjoni ma jippermetti li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ analiżi mill-Belt ta’ Brussell tat-telf ta’ qligħ effettiv tar-rikorrenti marbut mat-tneħħija minn qabel ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10, li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 kien intiż li jikkumpensa, u mill-benefiċċju li jirriżulta miż-żamma ta’ apparati oħra inklużi fl-istess anness.

39      Sussegwentement, ma jirriżulta minn ebda element tal-proċess li l-Belt ta’ Brussell segwiet l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984. F’dan is-sens, barra minn hekk, matul il-proċedura ta’ eżami quddiem il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li kien hemm nuqqas ta’ ekwilibriju bejn in-numru ta’ apparati inklużi fl-Anness 10 imneħħija qabel u n-numru ta’ apparati miżmuma wara d-data ta’ skadenza tagħhom prevista fl-istess anness u li l-allegat kumpens imwettaq mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 kien imur lil hinn minn dak li kien meħtieġ mill-allegat żvantaġġ subit mir-rikorrenti (premessi 85 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-assenza ta’ dokumentazzjoni addizzjonali li takkumpanja l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Belt ta’ Brussell ma ġabitx ruħha bħala operatur tas-suq, u lanqas li tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li tali assenza hija konswetudinarja fit-tip ta’ kuntratt inkwistjoni u li kitba formali minn qabel li tifformalizza l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 la hija prevista mil-liġi u lanqas mill-kuntratt, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, hekk kif ikkonstatat fil-punt 31, fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx osservat id-dati ta’ skadenza previsti mill-Anness 10 fir-rigward ta’ ċerti apparati inklużi fl-istess anness, li hija ma kisbitx l-awtorizzazzjoni espressa tal-Belt ta’ Brussell biex twettaq “interverżjoni” tal-apparat ta’ reklamar u li għalhekk kienet użat mingħajr titolu jew dritt ħafna minn dawn l-apparati fid-dominju pubbliku tal-Belt ta’ Brussell.

41      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk formalizzazzjoni bil-miktub tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 kinitx neċessarja jew le skont id-dritt Belġjan jew l-imsemmi kuntratt, l-imsemmi mekkaniżmu ta’ kumpens ma kienx jeżenta lill-amministrazzjoni nazzjonali milli twettaq analiżi tal-eżistenza u tal-portata tal-eventwali dannu li r-rikorrenti subit minħabba t-tneħħija minn qabel ta’ ċerti apparati previsti fl-Anness 10 u li dan il-mekkaniżmu kien intiż jikkumpensa sabiex jiġi ppreżervat il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984, qabel ma jiġi implimentat l-imsemmi mekkaniżmu. Fil-fatt, tali analiżi kienet neċessarja sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura mogħtija mill-amministrazzjoni nazzjonali kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE.

42      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li ż-żamma u l-użu mir-rikorrenti ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data ta’ skadenza tagħhom prevista mill-istess anness kienu jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE anki jekk din iż-żamma kienet mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984.

43      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti, li tgħid li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ dritt meta kkunsidrat li rrikorrenti kienet ibbenefikat minn ekonomija f’termini ta’ kirjiet u ta’ taxxi li jikkostitwixxu vantaġġ

44      Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli kellu jsir għal kull apparat inkluż fl-Anness 10 u li nżamm installat wara d-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness wara l‑15 ta’ Settembru 2001 billi jittieħed bħala riferiment il-kirjiet dovuti abbażi tal-kuntratt tal‑1999 u t-taxxi ġeneralment applikabbli għall-apparat ta’ reklamar bejn id-data ta’ skadenza prevista fl-Anness 10 (jekk din id-data hija wara l‑15 ta’ Settembru 2001) jew il‑15 ta’ Settembru 2001 (jekk din id-data hija qabel il‑15 ta’ Settembru 2001) u d-data li fiha t-tneħħija effettivament seħħet. Fir-rigward ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni indikat li l-kalkolu kellu jsir fuq il-bażi tal-Artikoli 3 sa 5 tar-regolament fiskali tal-Belt ta’ Brussell tas‑17 ta’ Ottubru 2001, tal-Artikoli 4 sa 7 tar-regolament fiskali tal-Belt ta’ Brussell tat‑18 ta’ Diċembru 2006 u tal-Artikoli 4 sa 6 tar-regolament fiskali tal-Belt ta’ Brussell tas‑17 ta’ Diċembru 2007, tal‑15 ta’ Diċembru 2008, tad‑9 ta’ Novembru 2009, tal‑20 ta’ Diċembru 2010 u tal‑5 ta’ Diċembru 2011.

–       Fuq lilment dwar ilkirjiet mhux miġbura

45      Fir-rigward tal-kirjiet mhux miġbura, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 ġie stabbilit mill-Belt ta’ Brussell sabiex jinżamm l-ekwilibriju ekonomiku tal-imsemmi kuntratt, l-apparat imniżżel fl-Anness 10 u li nżamm wara d-data tal-iskadenza prevista mill-istess anness kien jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi kuntratt. Issa, peress li l-kuntratt tal‑1984 ma kien jipprevedi ebda kera, dritt ta’ okkupazzjoni jew tariffa, ma kienx hemm telf ta’ qligħ mill-Belt ta’ Brussell f’termini ta’ kirjiet.

46      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti żżid li, anki jekk wieħed jassumi li l-Belt ta’ Brussell tista’ titlobha xi ammont għall-użu tad-dominju pubbliku tagħha, l-unika sistema legali applikabbli kienet tkun ir-regolament fiskali tas‑17 ta’ Ottubru 2001, li jirregola, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ għamara urbana mqiegħda għal finijiet kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni fit-toroq pubbliċi. B’hekk, kull apparat inkluż fl-Anness 10 u li nżamm wara d-data tal-iskadenza prevista mill-istess anness ma kienx jagħti lok għall-ħlas ta’ kera, iżda pjuttost għal dik ta’ tariffa annwali għal okkupazzjoni tad-dominju pubbliku, li l-ammont tagħha huwa negliġibbli (EUR 223.20 għal kull għamara).

47      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif ġie indikat fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, li, wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal‑1999, ir-rikorrenti setgħet tistabbilixxi u tuża fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell għamara urbana, inklużi dawk li setgħu jintużaw għal finijiet ta’ reklamar, biss fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kera u taxxi.

49      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, peress li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratt tal‑1999 kienet il-ħlas tal-kirjiet, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-użu mir-rikorrenti ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza prevista mill-istess anness, mingħajr ma ħallset l-ebda kera lill-Belt ta’ Brussell, kien ikkostitwixxa vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

50      Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lilment dwar ittaxxi mhux miġbura

51      Fir-rigward tat-taxxi mhux miġbura, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod żbaljat is-sistema ta’ referenza. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti. L-ewwel, hija ssostni li, fin-nuqqas ta’ sistema fiskali uniformi fit-territorju nazzjonali, jew saħansitra fit-territorju tar-région de Bruxelles-Capitale (ir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Belġju), ir-regolamenti fiskali adottati mill-Belt ta’ Brussell ma setgħux jikkostitwixxu sistema ta’ referenza. Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex tħallas taxxi fuq għamara urbana użata għal finijiet ta’ reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell kien jikkostitwixxi vantaġġ biss fil-każ fejn jintwera li, fil-komuni l-oħra kollha tal-Belġju li fihom l-intervenjenti kienet tagħmel użu minn għamara urbana għal finijiet ta’ reklamar, hija kellha tħallas taxxa fuq din l-għamara urbana stabbilita bl-istess rata u fuq kull għamara urbana użata għal finijiet ta’ reklamar. It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999 ma humiex suġġetti għar-regolament fiskali tas‑17 ta’ Ottubru 2001. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tinvoka żewġ sentenzi tal‑4 ta’ Novembru 2016 tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) li jikkonfermaw li hija ma kellhiex tħallas taxxi komunali fuq ir-reklamar fir-rigward tal-kuntratt tal‑1999. It-tielet, hija ssostni li l-prinċipju ta’ mutabbiltà huwa applikabbli għall-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999.

52      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

53      L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar is-sistema ta’ referenza applikabbli għall-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li dan għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda n-natura selettiva tal-miżura, dan għandu jiġi miċħud, peress li, fil-każ ta’ miżura individwali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, is-selettività tal-vantaġġ ekonomiku hija preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60).

54      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ħadet bħala sistema ta’ riferiment ir-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell, peress li, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx li dawn ir-regolamenti kienu jikkostitwixxu s-sistema fiskali ta’ riferiment dwar it-tassazzjoni għall-użu ta’ apparat ta’ reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell.

55      It-tieni, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista fl-istess anness kienet suġġetta għar-regolament fiskali tas‑17 ta’ Ottubru 2001 u n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi fil-fatt implika tnaqqis fil-baġit tagħha.

56      Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-regolament fiskali tas‑17 ta’ Ottubru 2001 introduċa għas-snin fiskali 2002 sa 2006 taxxa fuq ir-riklami ta’ natura temporanja u fuq l-ispazju pubbliku. Dan l-istess regolament kien jipprevedi eżenzjoni mit-taxxi għar-reklami tal-Belt ta’ Brussell jew tal-korpi li huwa kien ħoloq, iffinanzja jew li kienu suġġetti għalih. Il-Belt ta’ Brussell sussegwentement adotta r-regolament fiskali tat‑18 ta’ Diċembru 2006, li kien jipprevedi l-istess taxxa u l-istess eżenzjoni għas-sena taxxabbli 2007. Mis-sena ta’ taxxa 2008, il-Belt ta’ Brussell introduċa taxxa speċifikament fuq l-apparati ta’ reklamar, bis-saħħa tar-regolamenti fiskali tas‑17 ta’ Diċembru 2007, tal‑15 ta’ Diċembru 2008, tad‑9 ta’ Novembru 2009, tal‑20 ta’ Diċembru 2010 u tal‑5 ta’ Diċembru 2011.

57      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tal‑20 ta’ Ġunju 2016, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li, inizjalment, il-Belt ta’ Brussell kien ikkunsidra, bis-saħħa tal-eżenzjoni mit-taxxi għar-reklami tal-belt prevista mir-regolament fiskali tas‑17 ta’ Ottubru 2001, li l-għamara urbana koperta mill-kuntratt tal‑1999 użata għal finijiet ta’ reklamar ma kinitx taxxabbli peress li kienet tappartjeni għall-Belt ta’ Brussell. Għalhekk, hija ma ġabritx l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn it-taxxi għas-snin taxxabbli 2002 sa 2009.

58      Madankollu, kif indikat mill-awtoritajiet Belġjani fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tal‑20 ta’ Frar 2017, bi tweġiba għall-mistoqsijiet komplementari magħmula mill-Kummissjoni fl‑14 ta’ Frar 2017, il-Belt ta’ Brussell qatt ma uża huwa stess għamara urbana għal finijiet ta’ reklamar u huma biss l-għamara urbana li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1999 li kienu jappartjenu lilu.

59      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li l-Belt ta’ Brussell kien sussegwentement ikkonkluda għall-eżenzjoni mit-taxxi fuq l-għamara urbana użati għal finijiet ta’ reklamar biss minħabba li kienu jappartjenu għall-Belt ta’ Brussell, filwaqt li huwa ma kienx l-operatur tagħhom, kienet ta’ natura li toħloq inġustizzja fir-rigward tal-operaturi ta’ apparati ta’ reklamar oħra. Huwa ddeċieda li jiġbor taxxi fuq l-għamara urbana użati għal finijiet ta’ reklamar li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1999 u l-ewwel reġistrazzjoni seħħew fl‑2011 u kienu jirrigwardaw is-sena taxxabbli 2009.

60      Issa, dawn iċ-ċirkustanzi kollha juru li l-eżenzjoni mit-taxxi applikata mill-Belt ta’ Brussell għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u miżmuma wara d-data ta’ skadenza prevista fl-istess anness kienet il-konsegwenza tal-applikazzjoni għal dawn l-apparati tal-eżenzjoni mit-taxxi prevista mir-regolamenti fiskali tagħha għall-avviżi tal-Belt ta’ Brussell, anki jekk hija la kienet l-operatur u lanqas il-proprjetarju tal-imsemmija apparati.

61      Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-regolamenti fiskali adottati mill-Belt ta’ Brussell mill‑2001 kellhom japplikaw għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u miżmuma installati wara d-data ta’ skadenza tagħhom u li l-eżenzjoni applikata mill-Belt ta’ Brussell qabel is-sena taxxabbli 2009 kienet deroga mis-sistema ta’ referenza li timplika vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat min-naħa tal-Belt ta’ Brussell.

62      Fil-fatt, kif indikaw l-awtoritajiet Belġjani stess, għalkemm seta’ effettivament jiġi ġġustifikat li jiġu eżentati mit-taxxi l-għamara urbana użata għal finijiet ta’ reklamar użati mill-Belt ta’ Brussell għall-bżonnijiet tiegħu stess jew għal dawk ta’ organi li huwa kien ħoloq, iffinanzja jew li kienu suġġetti għalih, tali eżenzjoni ma kinitx applikabbli meta l-imsemmija għamara kienet użata għal dawn l-istess għanijiet minn terz u, b’mod partikolari, minn impriża kummerċjali attiva fis-settur tar-reklamar estern.

63      Fir-rigward taż-żewġ sentenzi tal‑4 ta’ Novembru 2016 mogħtija mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) u li jikkonfermaw li r-rikorrenti ma kinitx responsabbli għall-ħlas ta’ taxxi komunali fuq ir-reklamar f’dak li jirrigwarda l-kuntratt tal‑1999, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 24 iktar ’il fuq, f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, ġie deċiż li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑425/11, EU:T:2014:768, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      It-tielet, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-mutabbiltà tal-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999 fl-ipoteżi ta’ applikazzjoni tat-taxxi, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament indikat il-Kummissjoni, li l-prinċipju ta’ mutabbiltà ma jistax jimponi fuq il-Belt ta’ Brussell li jirrevedi l-kuntratt tal‑1984. Dan il-kuntratt jipprevedi espliċitament, fl-Artikolu 7.2 tiegħu, li, fil-każ ta’ modifika tal-kundizzjonijiet tal-użu, inklużi miżuri fiskali ġodda, hija r-rikorrenti li għandha titlob ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kuntratt, u mhux il-Belt ta’ Brussell li tipproċedi ex officio għal tali reviżjoni. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li talbet reviżjoni tal-kuntratt tal‑1984.

65      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn ekonomija f’termini ta’ kirjiet u ta’ taxxi li jikkostitwixxu vantaġġ. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittielet parti, li tgħid li lkuntratti tal1984 u tal1999 ma humiex “purament kummerċjali” u lkundizzjonijiet talġurisprudenza li jirriżultaw missentenza tal24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C280/00, EU:C:2003:415), kienu ssodisfatti f’dan il-każ

66      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, il-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999 ma humiex “purament kummerċjali” u li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza li jirriżultaw mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415). Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet inkarigata b’missjonijiet ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, li l-parametri tal-kalkolu tal-imsemmi mekkaniżmu ta’ kumpens kienu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, li l-kumpens kien limitat għal dak li kien neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż assoċjati mat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u li l-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999 ġew attribwiti lilha permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorji.

67      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

68      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna biss iż-żamma ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data ta’ skadenza prevista fl-istess anness, l-analiżi tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), tikkonċerna biss l-imsemmija żamma, peress li l-argument tar-rikorrenti dwar il-kuntratt tal‑1999 huwa, għaldaqstant, ineffettiv.

69      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), għandu jitfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, intervent statali kkunsidrat bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv ta’ servizzi mwettqa mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent għalhekk ma għandux l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri.

70      Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv:

–        l-ewwel, l-impriża benefiċjarja kienet effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar;

–        it-tieni, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-ammont tal-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

–        it-tielet, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi;

–        ir-raba’, meta l-għażla tal-impriża responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

71      Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark (C‑280/00, EU:C:2003:415), jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, l-ewwel, l-impriża benefiċjarja kinitx ġiet effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u, it-tieni, jekk dawn l-obbligi humiex iddefiniti b’mod ċar fid-dritt nazzjonali. Din il-kundizzjoni għandha għan ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali li jeżiġi li jiġu ssodisfatti kriterji minimi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ att wieħed jew iktar ta’ awtorità pubblika li jiddefinixxu b’mod suffiċjentement preċiż minn tal-inqas in-natura, it-tul u l-portata tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li għandhom jitwettqu mill-impriżi inkarigati mit-twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 72 u 73).

72      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li minn ebda dokument prodott mir-rikorrenti ma jirriżulta li l-awtoritajiet Belġjani ddefinixxew bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali l-installazzjoni u l-użu ta’ għamara urbana bħal dawk li huma s-suġġett tal-kuntratt tal‑1984. Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka awtorizzazzjoni espressa mill-Belt ta’ Brussell għaż-żamma u l-użu wara d-data ta’ skadenza ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10. Konsegwentement, għandu jiġi enfasizzat li ma jeżisti ebda att ta’ awtorità pubblika li inkarigat lir-rikorrenti sabiex twettaq it-tneħħija ta’ ċerti apparati ta’ għamara urbana b’eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-kuntratt tal‑1984 kien kuntratt purament kummerċjali, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), ma kinitx issodisfatta.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-erba’ kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), għandhom jiġu osservati b’mod kumulattiv sabiex il-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti jkun jista’ jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑366/13, mhux ippubblikata, EU:T:2017:135, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-fatt li waħda minnhom ma tkunx osservata huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ u għalhekk li l-kumpens inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala għajnuna (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni, T‑185/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:430, punt 132).

75      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

76      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ż-żamma u l-użu ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista mill-istess anness kienu jikkostitwixxu vantaġġ u li l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq ittieni motiv, li jgħid li għajnuna millIstat ipotetika kienet kompatibbli massuq intern skont ilKomunikazzjoni talKummissjoni dwar Qafas talUnjoni Ewropea għallgħajnuna millIstat filforma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku u dDeċiżjoni 2012/21

77      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni sa fejn, anki jekk jitqies li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 seta’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, hija kellha, fid-dawl tas-setgħat ta’ investigazzjoni li hija kellha, tassumi l-effett sħiħ tal-Artikolu 106(2) TFUE.

78      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

79      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tipprova tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna. Ir-rikorrenti tallega li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha teżamina ex officio l-applikabbiltà tal-Artikolu 106(2) TFUE għall-miżura inkwistjoni u li, peress li hija ma għamlitx dan, hija wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, l-Istat Membru kkonċernat u l-partijiet interessati huma liberi li jikkontestaw ir-raġunament provviżorju tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-Istat Membru u, sa ċertu punt, il-partijiet interessati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali li kien imfittex matul l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, li jippermetti li din tiġi ddikjarata bħala totalment jew parzjalment kompatibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 128).

81      Konsegwentement, peress li, kif ġie kkonstatat fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Belġjani fl-ebda mument matul il-proċedura ta’ eżami quddiem il-Kummissjoni ma ressqu argument intiż li jipprova li waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 106(2) TFUE kienet tapplika f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx ex officio l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 mal-imsemmi artikolu.

82      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 106(2) TFUE ma setgħetx tiġi invokata. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittielet motiv, li jgħid li lKummissjoni kisret lobbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda levalwazzjoni talammont li għandu jiġi rkuprat

 Fuq lewwel parti, li tgħid li lKummissjoni ma tweġibx b’mod suffiċjenti għallelementi invokati millpartijiet, tippreġudika lammont talgħajnuna li għandha tiġi rkuprata flistqarrija għallistampa tagħha u tikser irregoli proċedurali interni tagħha

83      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, peress li hija qieset l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għal madwar EUR 2 miljuni, li jikkorrispondi għall-ammont imressaq mill-intervenjenti, minkejja l-fatt li hija wriet, kif ukoll l-awtoritajiet Belġjani, li l-istimi tal-intervenjenti ma kinux korretti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreġudikat l-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata fl-istqarrija għall-istampa tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019 mingħajr madankollu ma dan l-ammont kien jidher fid-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha timmotiva l-għażla li ssegwi l-proposta tal-intervenjenti. Peress li hija ma għamlitx dan, dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u deroga mill-manwal tagħha stess tal-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li jindika li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun iktar strett fir-rigward tal-punti ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet.

84      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

85      Għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni stmat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għal madwar EUR 2 miljuni billi għamlet tagħha din l-evalwazzjoni mressqa mill-intervenjenti huma bbażati fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li r-riferiment għall-ammont ta’ EUR 2 miljuni ġie inkluż fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-istimi tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata mressqa mill-intervenjenti u mill-awtoritajiet Belġjani, u mhux bħala motiv tal-Kummissjoni insostenn tal-evalwazzjoni tagħha tal-imsemmi ammont.

87      Barra minn hekk, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ebda dubju li l-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, iżda stabbilixxiet ġustament il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija indikat li l-kalkolu kellu jsir għal kull apparat inkluż fl-Anness 10 u li baqa’ installat wara d-data ta’ skadenza tiegħu wara l‑15 ta’ Settembru 2001 billi jittieħdu bħala riferiment il-kirjiet dovuti skont il-kuntratt tal‑1999 u t-taxxi ġeneralment applikabbli għall-apparati ta’ reklamar bejn id-data tal-iskadenza inizjalment prevista fl-Anness 10 (jekk din kienet wara l‑15 ta’ Settembru 2001) jew il‑15 ta’ Settembru 2001 (jekk id-data kienet qabel il‑15 ta’ Settembru 2001) u d-data li fiha t-tneħħija kienet effettivament seħħet, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni adottat l-ammont tal-għajnuna mressqa mill-intervenjenti mingħajr ma mmotivat l-għażla tagħha li ssegwi l-proposta ta’ din tal-aħħar huwa infondat.

89      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni parti, li tgħid li lkwantifikazzjoni talammont ta’ għajnuna millIstat ipotetika kienet impossibbli u kienet tikkostitwixxi ostakolu għallirkupru tagħha

90      Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni fil-premessi 52, 119, 137 u 144 tad-Deċiżjoni. L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni warrbet l-istimi mwettqa mill-awtoritajiet Belġjani u aċċettat l-ammont tal-għajnuna proposta mill-intervenjenti. It-tieni, ir-rikorrenti tallega li, fi kwalunkwe każ, fil-prattika huwa impossibbli li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ li hija kienet ibbenefikat minnu, peress li, konformement mal-istruttura finanzjarja tagħha, il-kuntratt tal‑1984, li jirregola l-apparati inklużi fl-Anness 10, ma kien jipprovdi ebda kera, dritt ta’ okkupazzjoni jew tariffa u peress li kien applikabbli għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u li baqgħu installati wara d-data ta’ skadenza tagħhom. It-tielet, hija tallega li, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kumpens bejn l-apparati mneħħija qabel id-data ta’ skadenza prevista fl-Anness 10 u l-apparati miżmuma wara d-data ta’ skadenza tagħhom seta’ jagħti lok għal żbilanċ, quod non, il-Kummissjoni ma setgħetx titlob l-irkupru tal-vantaġġ li jirriżulta minnu, peress li, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-vantaġġ allegat, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-Belt ta’ Brussell jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-irkupru tiegħu konformement mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

91      F’dan l-aħħar rigward, fir-replika, ir-rikorrenti żżid li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata invokata fir-rikors iċaħħadha hija stess mill-possibbiltà li tikkontesta bi preċiżjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna. Issa, skont ir-rikorrenti, l-impossibbiltà li tevalwa l-ammont tal-vantaġġ ipotetiku li hija bbenefikat minnu, flimkien mal-imsemmi nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tirriżulta fi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tostakola l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti.

92      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinvoka fil-kontroreplika l-inammissibbiltà tal-ilment marbut mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti mressaq fir-replika, minħabba li, fl-istadju tar-rikors, hija qieset li l-Belt ta’ Brussell kien sofra dan il-ksur. Għall-Kummissjoni, dan il-motiv ġdid għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli konformement mal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

93      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni warrbet l-istimi mwettqa mill-awtoritajiet Belġjani u aċċettat l-ammont tal-għajnuna proposta mill-intervenjenti, minn naħa, għandu jitfakkar li fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ikkwantifikat l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, iżda kienet biss stabbilixxiet il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-imsemmija għajnuna mingħajr ma għamlet tagħha l-ammont tal-għajnuna mressaq mill-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, il-vantaġġ li minnu r-rikorrenti kienet ibbenefikat kien ikbar minn dak ikkunsidrat mill-awtoritajiet Belġjani. B’hekk, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tikkunsidra li l-istima għal EUR 200 000 tal-imsemmi vantaġġ imressaq minn dawn l-awtoritajiet kienet infondata peress li kienet ikkalkolata billi ttieħed inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat il-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984.

94      Fir-rigward tal-allegata impossibbiltà li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ li minnu bbenefikat ir-rikorrenti u l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minnu, għandu jiġi indikat, qabel kollox, li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst bħala dritt tad-difiża fl-Artikolu 41(1)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward ta’ motiv ta’ ordni pubbliku, dan jista’ jitqajjem fl-istadju tar-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 42).

95      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata impossibbiltà li tikkwantifika l-vantaġġ li hija bbenefikat minnu u l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u ta’ dawk tal-Belt ta’ Brussell huma bbażati fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-uniku vantaġġ li jista’ eventwalment jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak li jirriżulta minn żbilanċ bejn in-numru ta’ apparati inklużi fl-Anness 10 li tneħħew qabel id-data ta’ skadenza tagħhom u n-numru ta’ apparati miżmuma, bħala kumpens, wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista fl-Anness 10. Skont ir-rikorrenti, iż-żamma ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 jikkostitwixxu vantaġġ biss sa fejn l-imsemmija żamma tmur lil hinn minn dak li kien jikkumpensa l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984. Din il-premessa, magħmula barra minn hekk fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża mill-awtoritajiet Belġjani u miċħuda mill-Kummissjoni, ma hijiex madankollu korretta. Fil-fatt, kif indikat fil-punti 25 sa 42 iktar ’il fuq, iż-żamma u l-użu mir-rikorrenti ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 wara d-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, kif indikat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-kalkolu kellu jsir għal kull apparat inkluż fl-Anness 10 u kellu jinżamm wara d-data tal-iskadenza prevista mill-istess anness wara l‑15 ta’ Settembru 2001 billi jittieħdu bħala riferiment il-kirjiet dovuti skont il-kuntratt tal‑1999 u t-taxxi ġeneralment applikabbli għall-apparati ta’ reklamar bejn id-data ta’ skadenza inizjalment prevista fl-Anness 10 (jekk din hija wara l‑15 ta’ Settembru 2001) jew il‑15 ta’ Settembru 2001 (jekk id-data ta’ skadenza inizjalment prevista fl-Anness 10 kienet effettivament preċedenti għall‑15 ta’ Settembru 2001) u d-data li fiha effettivament seħħet it-tneħħija, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984.

96      Fir-rigward ta’ din il-metodoloġija ta’ kalkolu stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, li tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura. Huwa suffiċjenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprovdi metodu ta’ kalkolu suffiċjentement affidabbli sabiex tiddetermina l-ammont tal-għajnuna li għandha tingħata lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 41), li huwa l-każ f’din il-kawża.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv u, għaldaqstant, it-tielet motiv, bħala infondati.

 Fuq irraba’ motiv, li jgħid li lgħajnuna millIstat adottata middeċiżjoni kkontestata hija fi kwalunkwe każ preskritta

98      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostni li l-punt tat-tluq għall-kalkolu tal-għoti ta’ għajnuna f’dan il-każ ma hijiex id-data li fiha kull apparat inkluż fl-Anness 10 li nżamm wara d-data ta’ skadenza prevista fl-istess anness kien jiskadi, iżda d-data tad-deċiżjoni li jsir il-kumpens wara t-tneħħija minn qabel ta’ wħud mill-imsemmija apparati fuq talba tal-Belt ta’ Brussell. Skont ir-rikorrenti, peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 kien diġà fis-seħħ mill‑31 ta’ Lulju 2000, tkun xi tkun id-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi applikat dan il-mekkaniżmu, hija tippreċedi l‑15 ta’ Settembru 2001. L-irkupru ta’ kull għajnuna huwa għaldaqstant preskritt, sa fejn l-ewwel talba għal informazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani hija datata 15 ta’ Settembru 2011.

99      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

100    Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, is-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna huma suġġetti għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. L-Artikolu 17(2) ta’ dan l-istess regolament jiddisponi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li fiha l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, bħala għajnuna individwali jew fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, u kull miżura meħuda mill-Kummissjoni, jew minn Stat Membru li jaġixxi fuq talba mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna illegali tinterrompi dan it-terminu.

101    Skont il-ġurisprudenza, id-determinazzjoni tad-data tal-għoti ta’ għajnuna tista’ tvarja skont in-natura tal-għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li, fil-każ ta’ skema pluriannwali fil-forma ta’ ħlas jew l-għoti perjodiku ta’ vantaġġi, id-data tal-adozzjoni ta’ att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-għajnuna u dik meta l-impriżi effettivament ingħataw il-benefiċċju tagħha jistgħu jkunu sseparati minn tul ta’ żmien sostanzjali. F’tali każ, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat lill-benefiċjarju unikament fid-data meta din tingħata effettivament lil dan tal-aħħar (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82).

102    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura statali kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat hija ż-żamma u l-użu mir-rikorrenti, mingħajr ħlas ta’ kirjiet u ta’ taxxi, ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 bejn id-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness u dik li fiha t-tneħħija effettivament seħħet.

103    Issa, fid-dawl ta’ din il-karatteristika tal-għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, tkun xi tkun id-data li fiha d-deċiżjoni dwar l-allegat mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984 seħħet qabel il‑31 ta’ Lulju 2000, id-data li minnha r-rikorrenti effettivament ibbenefikat mill-vantaġġ li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas tal-kirjiet u tat-taxxi għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u miżmuma wara d-data ta’ skadenza prevista mill-istess anness hija preċiżament id-data li fiha dawn l-apparati kellhom jitneħħew. Konsegwentement, hija din id-data li tikkostitwixxi d-data li fiha l-għajnuna ngħatat lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589, u għalhekk id-data li minnha beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-għajnuna rriżultat f’għoti perjodiku ta’ benefiċċji peress li t-taxxi u l-kirjiet għall-apparati inklużi fl-Anness 10 u miżmuma u użati wara d-data tal-iskadenza tagħhom prevista mill-istess anness kienu dovuti perjodikament sad-data tat-tneħħija definittiva tagħhom.

105    Fl-aħħar, peress li l-ewwel talba għal informazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani hija datata 15 ta’ Settembru 2011, kull għajnuna eventwali mogħtija lir-rikorrenti qabel il‑15 ta’ Settembru 2001 hija fi kwalunkwe każ preskritta.

106    Konsegwentement, il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna stabbilita mill-Kummissjoni, li skontha l-kalkolu għandu jsir għal kull apparat inkluż fl-Anness 10 u miżmuma wara d-data tal-iskadenza prevista mill-istess anness wara l‑15 ta’ Settembru 2001 billi jittieħdu bħala riferiment il-kirjiet dovuti taħt il-kuntratt tal‑1999 u t-taxxi ġeneralment applikabbli għall-apparati ta’ reklamar bejn id-data ta’ skadenza inizjalment prevista fl-Anness 10 (jekk din hija wara l‑15 ta’ Settembru 2001) jew il‑15 ta’ Settembru 2001 (jekk id-data kienet qabel il‑15 ta’ Settembru 2001) u d-data li fiha effettivament seħħ il-kumpens, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984, hija korretta.

107    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’illegalità sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mill-Istat li hija kkonstatat ma kinitx preskritta.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, u għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

109    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

110    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-intervenjenti ma talbitx li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din għandha, konsegwentement, tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      JCDecaux Street Furniture Belgium hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Clear Channel Belgium għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha stess.

Kanninen

Jaeger

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.