Language of document : ECLI:EU:T:2022:513

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Settembru 2022 (*)

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/378/20 (AD 7) – Ġuristi lingwisti tal-lingwa Kroata mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li r-rikorrent ma jiġix ammess għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Kundizzjoni dwar livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’diploma fid-dritt Kroat – Pussess ta’ diploma Franċiża fid-dritt – Moviment liberu tal-ħaddiema – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża T‑713/20,

OQ, irrappreżentat minn R. Štaba, avukata,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Milanowska, R. Mrljić u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, OQ, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”) tat‑3 ta’ Settembru 2020 li dan ma jiġix ammess għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/378/20 għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti tal-lingwa Kroata għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrent jitlob ukoll l-annullament taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni, adottata b’deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tat‑12 ta’ Ottubru 2020.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent, ta’ nazzjonalità Kroata, wettaq l-istudji superjuri tiegħu fl-Italja u fi Franza. Fl‑2012, huwa kiseb f’dan l-aħħar Stat master “dritt, ekonomija, ġestjoni għal finijiet professjonali, dritt privat, speċjalizzazzjoni bħala ġurist lingwist” tal-Università ta’ Poitiers, li ġie rrikonoxxut fil-Kroazja bħala “rikonoxximent professjonali” għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg. Ir-rikorrent eżerċita għal ftit iktar minn tliet snin, mill-aħħar tal‑2013 sal-bidu tal‑2017, funzjonijiet ta’ traduttur fil-Parlament Ewropew fl-unità tal-lingwa Kroata u, mill-ħarifa tal‑2018, huwa kien avukat stagiaire fil-Kroazja, kwalità li kellu meta f’April 2020 huwa ppreżenta l-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni ġenerali msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq. Huwa semma dawn id-diversi elementi fl-att tal-kandidatura tiegħu għal din il-kompetizzjoni.

3        L-avviż ta’ kompetizzjoni dwar il-kompetizzjoni li ppreżenta ruħu għaliha r-rikorrent (ĠU 2020, C 72 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”) indika b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet partikolari ta’ reklutaġġ, li ebda esperjenza professjonali ma kienet meħtieġa u, fir-rigward tal-“kwalifiki meħtieġa”, li kienu relatati kemm ma’ konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll mal-pussess ta’ kwalifiki u diplomi, li, għal dan l-aħħar aspett, intalab “livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’waħda mill-kwalifiki li ġejjin fil-liġi Kroata: Diploma iz hrvatskog prava stečena na sveučilišnom studiju (magistar/magistra prava ili diplomirani pravnik/diplomirana pravnica)”. Ġie ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kandidat kienx laħaq livell li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi, il-Bord tal-Għażla kien ser jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli fis-seħħ fil-mument tal-kisba tad-diploma.

4        Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Settembru 2020, il-Bord tal-Għażla indika lir-rikorrent:

“Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-att tal-kandidatura tiegħek, inti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni relatati mal-kwalifiki: inti ma għandekx livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’waħda mid-diplomi fid-dritt Kroat [mitluba].”

5        Fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, ir-rikorrent sostna li d-diploma ta’ master Franċiża tiegħu kienet ġiet irrikonoxxuta fil-Kroazja bħala ekwivalenti għal master 2 Kroat permezz ta’ digriet tal-awtorità kompetenti, li huwa annetta. Il-portata ta’ tali digriet fl-ordinament ġuridiku Kroat kienet ġiet ippreċiżata fid-deċiżjonijiet tal-Ustavni sud (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja) u tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), li r-rikorrent annetta wkoll. Filwaqt li rrefera għas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2017, Brouillard vs Il-Kummissjoni (T‑572/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brouillard III”, EU:T:2017:720), ir-rikorrent sostna li l-Bord tal-Għażla kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti legali tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq, jiġifieri li, skont id-dritt Kroat, id-diploma ta’ master Franċiża tiegħu kellha l-istess effetti bħal diploma ta’ master 2 miksuba fil-Kroazja.

6        Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑12 ta’ Ottubru 2020, il-Bord tal-Għażla ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid għar-raġuni li kien marbut mill-avviż ta’ kompetizzjoni, li kien jiddetermina l-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, u li l-kandidaturi kollha kienu ġew eżaminati bl-istess mod fid-dawl ta’ dan l-avviż. Huwa enfasizza li l-ġuristi lingwisti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu kapaċi jittraduċu fil-“lingwa tal-kompetizzjoni” testi ġuridiċi jew leġiżlattivi spiss kumplessi minn mill-inqas żewġ lingwi oħra, li f’dan il-każ kien jeħtieġ konoxxenza fil-fond tas-sistema kif ukoll tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati, li, mill-ġdid, seta’ jiġi żgurat biss permezz tal-pussess ta’ diploma universitarja fid-dritt Kroat. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla enfasizza li l-istudji tar-rikorrent ma kinux jirrigwardaw id-dritt Kroat. Ir-rikonoxximent tad-diploma Franċiża tiegħu għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja lanqas ma kien jiċċertifika għarfien tas-sistema u tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati.

 Ittalbiet talpartijiet

7        Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tat‑3 ta’ Settembru u tat‑12 ta’ Ottubru 2020 kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 Iddritt

9        Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46) jistabbilixxi li:

“Skond l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, talbiet u ilmenti li huma marbuta ma’ l-eżerċitazzjoni tal-poteri mogħtija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju. Kull appell f’dawn l-oqsma għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni.”

10      Din hija r-raġuni għaliex il-konvenuta f’din il-kawża hija l-Kummissjoni minkejja li hija inkwistjoni deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) f’isem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent indika fil-fatt li huwa kien qiegħed jirreferi għall-Kummissjoni bħala konvenuta minkejja li kien semma inizjalment lill-EPSO fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑248/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:534, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11      Għandu jitfakkar ukoll li meta kandidat f’kompetizzjoni jitlob, konformement ma’ regola stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni, l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, li huwa l-każ hawnhekk, id-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla u għalhekk tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1987, Beiten vs Il-Kummissjoni, 206/85, EU:C:1987:559, punt 8; tal‑11 ta’ Frar 1992, Panagiotopoulou vs Il-Parlament, T‑16/90, EU:T:1992:11, punt 20, u tal‑5 ta’ Settembru 2018, Villeneuve vs Il-Kummissjoni, T‑671/16, EU:T:2018:519, punt 24).

12      Konsegwentement, f’din il-kawża, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu li huma diretti kontra l-unika deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tat‑12 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata b’risposta għat-talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Settembru 2020, li hija tissostitwixxi.

13      Ir-rikorrent jinvoka bħala motiv ta’ annullament eċċess ta’ poter tal-Bord tal-Għażla, li ma ħax inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent fil-Kroazja tad-diploma Franċiża tiegħu, u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tiegħu.

14      Fl-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Għażla ndaħal fil-kompetenzi tal-awtoritajiet Kroati li rrikonoxxew id-diploma Franċiża tiegħu bħala ekwivalenti għal diploma Kroata abbażi ta’ rikonoxximent professjonali ta’ diplomi barranin ta’ studji superjuri għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja. Din il-proċedura ta’ rikonoxximent tieħu biss inkunsiderazzjoni l-livell ta’ konoxxenzi, kapaċitajiet u kompetenzi miksuba, mingħajr ma twettaq paragun tal-programmi ta’ tagħlim u, għalhekk, skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Għażla ma setax jibbaża ruħu fuq l-assenza, f’din il-proċedura, ta’ paragun tal-programmi li jwasslu rispettivament għad-diploma Franċiża tar-rikorrent u għad-diplomi Kroati mitluba fl-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll fuq l-assenza ta’ verifika, mill-awtoritajiet Kroati, tal-konoxxenzi tar-rikorrent fid-dritt Kroat sabiex jeskludi l-kandidatura tiegħu. Id-diploma Franċiża tar-rikorrent ippermettietlu jidħol fil-professjoni ta’ avukat fil-Kroazja, u li jipprattikaha bħala avukat stagiaire mal-kamra tal-avukati ta’ Zagreb (il-Kroazja) f’żewġ uffiċċji suċċessivi, minkejja li waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi sabiex wieħed jippretendi dan hija li jkun segwa studji universitarji konklużi fid-dritt f’fakulta tad-dritt fil-Kroazja. Dan juri li, skont id-dritt Kroat, id-diploma fid-dritt tar-rikorrent ġiet kompletament assimilata ma’ diploma fid-dritt ta’ livell ekwivalenti mogħtija fil-Kroazja. Ir-rikorrent isostni li dawn l-elementi, inkluża l-esperjenza professjonali tiegħu msemmija fil-formola tal-kandidatura tiegħu, juru li huwa għandu livell totalment ekwivalenti, kemm fuq il-livell materjali kif ukoll formali, għal dak iċċertifikat mid-diplomi meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tirrifletti ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għax-xogħol u d-dritt għall-ugwaljanza, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet.

15      Fit-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, billi ma ħax inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, il-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, b’mod partikolari fuq il-livell tal-konoxxenzi tiegħu fid-dritt Kroat. Billi wettaq dan l-iżball, il-Bord tal-Għażla injora l-kontribut tal-esperjenza tiegħu, kemm fil-prattika tad-dritt Kroat kif ukoll fit-traduzzjoni. Ir-rikorrent jindika li, barra minn hekk, ftit xhur wara l-preżentata tal-kandidatura tiegħu, huwa għadda mill-“eżami ġudizzjarju” li għalih jistgħu jirreġistraw l-avukati stagiaires wara 18‑il xahar ta’ eżerċizzju fil-Kroazja, li jippermettilhom jeżerċitaw il-funzjonijiet kollha ta’ avukat. Dan juri a posteriori li huwa kellu għarfien tas-sistema u tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati meħtieġa fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Huwa jikkritika f’dan ir-rigward, essenzjalment, l-inkoerenza bejn iċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu u l-aċċettazzjoni ta’ kandidaturi ta’ persuni li kellhom biss konoxxenzi teoretiċi fid-dritt Kroat.

16      Fir-replika, ir-rikorrent iwieġeb lill-Kummissjoni mingħajr ma jorbot l-argument tiegħu ma’ wieħed jew l-ieħor mill-motivi tiegħu ta’ annullament sa fejn, fir-risposta, il-Kummissjoni stess wieġbet għal dawn il-motivi b’mod kollettiv minħabba li kienu jikkoinċidu ħafna. Ir-rikorrent jinvoka ksur mill-Bord tal-Għażla tal-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), relatati, rispettivament, mal-livelli minimi ta’ taħriġ tal-uffiċjali u mal-prinċipji li għandhom jiggwidaw ir-reklutaġġ tagħhom. Huwa jsostni b’mod iktar ġenerali li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ma jistgħux imorru kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li l-Bord tal-Għażla ma jistax ikollu setgħa diskrezzjonali illimitata sabiex jiddetermina jekk il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-kandidati jikkorrispondux għal-livell meħtieġ fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Huwa jesponi li l-ġerarkija tar-regoli li l-Bord tal-Għażla għandu japplika hija s-segwenti: it-Trattati kostituttivi, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-avviż ta’ kompetizzjoni. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li l-Bord tal-Għażla kiser l-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, li huwa applikabbli għar-reklutaġġi kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri. Fuq din il-bażi, ir-rikorrent iqis li l-Bord tal-Għażla kellu japplika l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brouillard I”, EU:C:2015:652), jiġifieri li jieħu inkunsiderazzjoni d-diplomi kollha tiegħu, iċ-ċertifikati tiegħu u l-kwalifiki l-oħra tiegħu kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki ċċertifikati minnhom u dawk mitluba fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

17      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni twieġeb, flimkien ma’ dak li indika l-Bord tal-Għażla fid-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Settembru 2020 u fid-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-funzjonijiet ta’ ġurist lingwist tal-lingwa Kroata mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-avviż tal-kompetizzjoni kien jindika b’mod ċar u preċiż ir-rekwiżiti fil-qasam tal-kwalifiki u tad-diplomi sabiex jippreżenta ruħu għall-kompetizzjoni: livell ta’ studju universitarju, kontenut tal-istudji, jiġifieri d-dritt Kroat, u diplomi, jiġifieri waħda mid-diplomi tad-dritt Kroati msemmija. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tippreċiża li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma kienx jeħtieġ li l-istudji kollha jkunu saru fil-Kroazja. Ir-rikorrent ma ssodisfax it-tieni u t-tielet rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq. Issa, kif ġie deċiż b’mod rikorrenti, il-Bord tal-Għażla huwa obbligat jikkonforma ruħu mat-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Ir-rikonoxximent tad-diploma ta’ master Franċiża tar-rikorrent fil-Kroazja, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja, anki sabiex jidħol, bħala avukat stagiaire, fil-professjoni ta’ avukat, ma jagħmilx dan wieħed mid-diplomi tad-dritt Kroat meħtieġa sabiex jippreżenta ruħu għall-kompetizzjoni li għaliha ppreżenta ruħu r-rikorrent sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ ġurist lingwist inkwistjoni, u mhux sabiex jeżerċita funzjonijiet fil-Kroazja. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla ma ndaħalx fil-kompetenzi tal-awtoritajiet Kroati. Fir-rigward tal-esperjenza professjonali tar-rikorrent, din ma hijiex rilevanti peress li l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika li ebda esperjenza professjonali ma kienet meħtieġa. Kieku ħadha inkunsiderazzjoni, il-Bord tal-Għażla ma kienx josserva l-avviż ta’ kompetizzjoni.

18      Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-invokazzjoni mir-rikorrent, fl-istadju tar-replika, tal-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 45 TFUE. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrent qajjem motivi ġodda fil-mori tal-kawża bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina flimkien iktar ’il quddiem iż-żewġ ilmenti ppreżentati bħala motivi għal annullament fir-rikors. Kif osservat il-Kummissjoni, dawn jikkoinċidu ħafna. Barra minn hekk, taħt it-titoli “eċċess ta’ poter” u “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, dawn jinkludu fir-realtà diversi motivi u argumenti li l-Qorti Ġenerali ser teżamina skont il-bżonn.

20      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa marbut mit-termini tal-avviż ta’ din il-kompetizzjoni. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-proċedura ta’ kompetizzjoni, jistabbilixxi li “[w]ara li teżamina [l-fajls ta’ kandidatura], il-Bord ta’ l-Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l-ħtiġiet ippreżentati fl-avviż tal-kompetizzjoni”. Din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tosserva r-rwol essenzjali li l-avviż ta’ kompetizzjoni għandu jkollu skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li huwa preċiżament dak li jinforma lill-persuni kkonċernati bl-iktar mod eżatt possibbli bin-natura tal-kundizzjonijiet stipulati sabiex il-pożizzjoni li dwarha jirrigwarda dan l-avviż timtela bl-għan li b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw, minn naħa, jekk hemmx lok li jippreżentaw l-att ta’ kandidatura tagħhom u, min-naħa l-oħra, liema dokumenti ta’ sostenn huma importanti għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla u għandhom, konsegwentement, jiġu mehmuża mal-atti ta’ kandidatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 1979, Anselme u Constant vs Il-Kummissjoni, 255/78, EU:C:1979:175, punt 9, u tat‑28 ta’ Novembru 1991, Van Hecken vs CES, T‑158/89, EU:T:1991:63, punt 23). B’hekk il-Bord tal-Għażla la jista’ jżid kriterji ta’ selezzjoni ma’ dawk iddikjarati fl-avviż ta’ kompetizzjoni, kif ġie deċiż fil-kawżi li taw lok għaż-żewġ sentenzi msemmija f’dan il-punt, u lanqas, bil-maqlub, inaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, UR vs Il-Kummissjoni, T‑761/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:968, punt 67).

21      F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 3 iktar ’il fuq, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien indika li, fil-qasam ta’ kwalifiki u ta’ diplomi kien mitlub “livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’waħda mill-kwalifiki li ġejjin fil-liġi Kroata: Diploma iz hrvatskog prava stečena na sveučilišnom studiju (magistar/magistra prava ili diplomirani pravnik/diplomirana pravnica)”. Din id-dispożizzjoni, li tipprevedi espressament diplomi Kroati fid-dritt, ma tistax tiġi interpretata mill-Bord tal-Għażla bħala li tippermettilu, skont l-avviż ta’ kompetizzjoni, jaċċetta l-ekwivalenzi għall-pussess ta’ dawn id-diplomi. Barra minn hekk, dan huwa dak li qies il-Bord tal-Għażla billi indika, fid-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Settembru 2020:

“Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-att tal-kandidatura tiegħek, inti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni relatati mal-kwalifiki: inti ma għandekx livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’waħda mid-diplomi fid-dritt Kroat [mitluba].”

22      Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent jilmenta li l-Bord tal-Għażla kkonforma ruħu ma’ avviż ta’ kompetizzjoni illegali. Fi kliem ieħor, ir-rikorrent għandu jitqies bħala li jqajjem, b’mod partikolari permezz ta’ motivi u argumenti msemmija fil-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq, eċċezzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar il-kwalifiki u d-diplomi mitluba, b’mod partikolari għall-ksur tal-Artikolu 45 TFUE.

23      F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda rekwiżit fid-dritt tal-Unjoni ta’ invokazzjoni formali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, eċċezzjoni ta’ illegalità tista’ titqajjem impliċitament, sa fejn ikun jirriżulta b’mod relattivament ċar mir-rikors li r-rikorrent qiegħed fil-fatt jagħmel tali ilment (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il-Parlament, T‑829/16, EU:T:2018:840, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-kontroreplika, l-invokazzjoni mir-rikorrent tal-Artikolu 45 TFUE fl-istadju tar-replika, b’mod partikolari b’rabta mal-interpretazzjoni li ngħatat fis-sentenza Brouillard I, ma hijiex tardiva f’din il-proċedura u, għalhekk, ma hijiex inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura li jipprojbixxi l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 16 iktar ’il fuq, l-invokazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE fir-replika tikkostitwixxi biss amplifikazzjoni tal-motivi mressqa espliċitament fir-rikors peress li fis-sustanza r-rikorrent jikkritika essenzjalment fih in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tad-diploma Franċiża tiegħu fil-Kroazja u tal-esperjenza professjonali tiegħu, parzjalment miksuba barra mill-Kroazja, li huma elementi li jistgħu jkunu direttament rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ att fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni kif ġew interpretati fis-sentenza Brouillard I (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, EU:C:1983:143, punti 9 u 10, u tas‑26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑240/14 P, EU:T:2016:104, punt 30). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-invokazzjoni tas-sentenza Brouillard I, għandu jiġi ppreċiżat li xejn ma jipprojbixxi lil rikorrent milli jressaq preċedenti ġurisprudenzjali addizzjonali matul il-proċedura, meta dawn ikunu insostenn ta’ motiv li fih innifsu jkun ammissibbli.

25      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-motivi mressqa fir-replika bbażati fuq ksur tal-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-argument tar-rikors ma huwiex marbut b’mod suffiċjentement dirett u evidenti ma’ dimostrazzjoni li tista’ tistabbilixxi li dawn id-dispożizzjonijiet ġew miksura u ebda element ġdid ma intervjena matul il-proċedura li jiġġustifika l-preżentata ta’ dawn il-motivi ġodda fl-istadju tar-replika.

26      Wara li ġew iċċarati dawn l-elementi, għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok il-motiv li jgħid li l-avviż ta’ kompetizzjoni wassal lill-Bord tal-Għażla sabiex jindaħal fil-kompetenzi tal-awtoritajiet Kroati li rrikonoxxew id-diploma Franċiża tar-rikorrent bħala ekwivalenti għal diploma Kroata abbażi ta’ rikonoxximent professjonali ta’ diplomi barranin ta’ studji superjuri għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja.

27      Dan il-motiv għandu jiġi miċħud. L-avviż ta’ kompetizzjoni ma wassalx lill-Bord tal-Għażla sabiex jikkontesta li d-diploma Franċiża tar-rikorrent kienet, skont deċiżjoni tal-awtorità kompetenti Kroata, irrikonoxxuta ekwivalenti għal diploma Kroata abbażi ta’ rikonoxximent professjonali ta’ diplomi barranin ta’ studji superjuri għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja. Madankollu, dan ir-rikonoxximent nazzjonali għal dawn il-finijiet ma jimplikax li din id-diploma Franċiża kellha tiġi rikonoxxuta awtomatikament, għall-finijiet ta’ kompetizzjoni ta’ reklutaġġ f’istituzzjoni tal-Unjoni, bħala ekwivalenti għad-diplomi Kroati mitluba fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, l-awtoritajiet Kroati ma għandhomx kompetenza sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ f’tali istituzzjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni ma setax iwassal lill-Bord tal-Għażla sabiex jindaħal fil-kompetenzi tal-awtoritajiet Kroati. Madankollu, qabelxejn għandu jiġi ppreċiżat li din il-konstatazzjoni ma tfissirx li tali rikonoxximent nazzjonali ma għandu bl-ebda mod jittieħed inkunsiderazzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni li torganizza kompetizzjoni ta’ reklutaġġ fl-eżami ta’ kandidaturi li jinvokawh.

28      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-motiv li jgħid li l-avviż ta’ kompetizzjoni ppubblikat f’dan il-każ f’isem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tas-sitwazzjoni tar-rikorrent kif ippreżentaha fil-kandidatura tiegħu, imur kontra l-Artikolu 45 TFUE.

29      L-Artikolu 45 TFUE jistabbilixxi b’mod partikolari li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa żgurat fi ħdan l-Unjoni u li dan jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet mhux rilevanti f’dan il-każ, li jiġu aċċettati offerti ta’ impjieg effettivament magħmula, ta’ moviment liberu fit-territorju ta’ Stati Membri għal dan l-iskop u ta’ residenza hemmhekk sabiex jiġi eżerċitat impjieg hemmhekk.

30      Fil-każ fejn ħaddiem ikun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu bejn l-Istati Membri, huwa jista’, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jinvoka l-Artikolu 45 TFUE quddiem istituzzjoni tal-Unjoni bl-istess mod bħal quddiem l-awtoritajiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, flimkien, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 11; tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C‑466/15, EU:C:2016:749, punt 25, u tal‑14 ta’ Settembru 2015, Brouillard vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑420/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brouillard II”, EU:T:2015:633, punt 93).

31      F’dan il-każ, billi wettaq l-istudji universitarji tiegħu fi Stati Membri oħra għajr dak li huwa ċittadin tiegħu, il-Kroazja, ir-rikorrent jista’ jinvoka b’mod utli l-Artikolu 45 TFUE fi proċess ta’ aċċess għal impjieg f’istituzzjoni tal-Unjoni peress li din l-istituzzjoni ma tpoġġix, għal dan il-għan, fuq l-istess livell id-diploma fid-dritt li huwa kiseb fi Franza u d-diplomi fid-dritt ta’ livell ekwivalenti maħruġa fil-Kroazja mitluba fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Istati Membri previst mit-Trattat FUE ma jintlaħaqx kompletament jekk il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni jiġi rrifjutat lil dawk iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu użaw il-faċilitajiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u li jkunu kisbu, permezz tagħhom, kwalifiki professjonali jew universitarji fi Stati Membri oħra għajr dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, EU:C:1993:125, punti 16 u 17, u Brouillard I, punti 27 sa 29).

32      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-avviż ta’ kompetizzjoni li jindika li, fil-qasam tal-kwalifiki u tad-diplomi, intalab “livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji konklużi ċċertifikati b’waħda mill-kwalifiki [fid-dritt Kroat elenkati]” huwa redatt fuq dan l-aspett bħall-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Brouillard III. Issa, f’dik is-sentenza, ġie deċiż li tali kliem jindika ċertament li kien mitlub il-pussess ta’ waħda mid-diplomi fid-dritt imsemmija, iżda mhux it-tlestija ta’ kors speċifiku jew it-tagħlim ta’ diversi suġġetti speċifici matul il-kors li wassal għall-kisba ta’ waħda minn dawn id-diplomi (sentenza Brouillard III, punti 49 u 50). Il-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda raġuni sabiex titbiegħed minn din l-interpretazzjoni f’dan il-każ, li l-Kummissjoni tikkonferma kif espost fil-punt 17 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-kandidati li wettqu parti mill-istudji tagħhom barra mill-Kroazja ma kinux esklużi mill-kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża minħabba dan il-fatt biss.

33      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Artikolu 45 TFUE, fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati għal dan il-għan abbażi tal-Artikolu 46 TFUE, ma jobbligax lil entità, meta hija tirrekluta ħaddiem billi titlob li l-kandidati jkollhom ċerti diplomi speċifiċi, li taċċetta awtomatikament bħala ekwivalenti għal dawn tal-aħħar diplomi oħra, mogħtija fi Stati Membri oħra, anki jekk dawn l-aħħar diplomi jiċċertifikaw l-istess livell ta’ studji fl-istess qasam.

34      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni invokata, tali entità għandha d-dritt li tiddefinixxi l-konoxxenzi u l-kwalifiki speċifiċi neċessarji għall-eżerċizzju tal-impjieg ikkonċernat u li titlob il-produzzjoni ta’ diploma li tiċċertifika l-pussess ta’ dawn il-konoxxenzi u ta’ dawn il-kwalifiki (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 9, u Brouillard I, punti 48 sa 50). B’mod partikolari, istituzzjoni tal-Unjoni għandha, bla ħsara għar-rekwiżiti minimi ddefiniti fir-Regolamenti tal-Persunal, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 1975, Deboeck vs Il-Kummissjoni, 90/74, EU:C:1975:128, punt 29, u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T‑420/04, EU:T:2006:282, punt 45). Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma hijiex diskussa mir-rikorrent in-neċessità li l-kandidati għall-kompetizzjoni li ppreżenta ruħu għaliha, intiża għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti tal-lingwa Kroata mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kellhom għarfien approfondita tas-sistema u tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati, li d-diplomi Kroati fid-dritt mitluba kellhom jiċċertifikaw.

35      Issa, għalkemm l-Artikolu 45 TFUE jimponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni diplomi oħra, mogħtija fi Stati Membri oħra, imressqa minn kandidati, sabiex isir paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi li dawn l-aħħar diplomi jiċċertifikaw u, min-naħa l-oħra, il-kompetenzi ċċertifikati mid-diplomi mitluba mill-entità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punti 16 sa 19, u Brouillard I, punti 54 u 55), din id-dispożizzjoni ma timponi ebda rikonoxximent awtomatiku tal-ekwivalenza bejn dawn il-varji diplomi.

36      Għalhekk, l-avviż tal-kompetizzjoni li għaliha ppreżenta ruħu r-rikorrent ma kienx jikser l-Artikolu 45 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li ma kienx jipprovdi li d-diplomi fid-dritt mogħtija fi Stati Membri oħra għajr il-Kroazja, li jiċċertifikaw l-istess livell ta’ studji bħal dak iċċertifikat mid-diplomi Kroati mitluba, anki jekk ikunu rrikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawn tal-aħħar mill-awtoritajiet Kroati, ikunu awtomatikament irrikonoxxuti bħala ekwivalenti fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni.

37      Madankollu, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-istudji, iċċertifikati minn diplomi, u tal-esperjenza professjonali li ħaddiem kandidat għal impjieg ikun segwa u kiseb rispettivament billi uża l-libertà ta’ moviment bejn l-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE twassal għal restrizzjoni tal-portata ta’ din il-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32, u tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 36). F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, ir-rikorrent jirreferi b’mod partikolari għall-kawża li tat lok għas-sentenza Brouillard I.

38      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Brouillard I, ċittadin Belġjan, A. Brouillard, kien beda l-istudji superjuri tiegħu fil-Belġju u sussegwentement kien kiseb l-istess master fi Franza bħal dak miksub mir-rikorrent f’din il-kawża, jiġifieri l-master “dritt, ekonomija, ġestjoni għal finijiet professjonali, dritt privat, speċjalizzazzjoni bħala ġurist lingwist” tal-Università ta’ Poitiers. Fl‑2011, filwaqt li kien diġà jaħdem fid-dipartimenti tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), huwa kien ippreżenta ruħu għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ référendaires ma’ din il-qorti. Il-kandidatura tiegħu kienet ġiet iddikjarata inammissibbli minħabba li kellu jkollu diploma ta’ dottorat, ta’ gradwat jew ta’ master miksuba minn università Belġjana, bil-għan li tiġi żgurata l-kapaċità tiegħu għall-kariga. It-talba tiegħu għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diploma ta’ master Franċiża tiegħu mad-diploma ta’ master fid-dritt Belġjana, barra minn hekk, kienet ġiet ukoll miċħuda sussegwentement mill-awtorità Belġjana kompetenti għar-raġuni li l-istudji tiegħu mwettqa barra mill-pajjiż ma kinux jikkorrispondu mar-rekwiżiti tal-fakultajiet tad-dritt Belġjani, li kienu jħarrġuh fil-funzjonijiet ġuridiċi fl-ordinament ġuridiku Belġjan. B’mod partikolari, ċerti kompetenzi fid-dritt Belġjan ma nkisbux mill-persuna kkonċernata matul l-istudji tagħha. Wara l-preżentata ta’ rikors minn A. Brouillard kontra d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-kandidatura tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) għamel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Fil-punt 47 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja ġabret fil-qosor kif ġej id-domandi rilevanti:

“[…] il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji [référendaires] ma’ qorti ta’ Stat Membru, meta jeżamina talba għal parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ dak l-Istat Membru, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-pussess ta’ diplomi rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jew għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza akkademika ta’ diploma ta’ master mogħtija mill-università ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni d-diplomi, ċertifikati u gradi [kwalifiki] oħra kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tal-parti kkonċernata, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki professjonali kkonfermati minn dawn tal-aħħar ma’ dawk rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni.”

40      Permezz ta’ din il-formulazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet distinzjoni bejn, minn naħa, l-ekwivalenza rrikonoxxuta, jew le, b’mod ġenerali fi Stat Membru ta’ diploma mogħtija fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni in concreto li Bord tal-Għażla jista’ jagħmel barra minn hekk tal-adegwatezza tal-kwalifiki miksuba, inkluż mill-esperjenza professjonali, minn kandidat li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bejn Stati Membri meta mqabbla mal-kwalifiki li huma mitluba sabiex ikun jista’ jippreżenta ruħu għal din il-kompetizzjoni. Fil-punt 50 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat kien liberu li jiddetermina l-konoxxenzi u l-kwalifiki meqjusa neċessarji għall-aċċess għall-funzjonijiet msemmija.

41      Fil-punti 53 u 54 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ kwalifiki, anki jekk applikati mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, jistgħu jkollhom l-effett li jostakolaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jinjoraw il-konoxxenzi u l-kwalifiki diġà miksuba mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor. Minn dan hija ddeduċiet li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jkollhom quddiemhom talba għal awtorizzazzjoni, ippreżentata minn ċittadin tal-Unjoni, sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew anki għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-kwalifiki kollha l-oħra, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi ċċertifikati minn dawn il-kwalifiki jew din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

42      Fil-punt 57 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-ipoteżi fejn il-paragun tad-diplomi miksuba fi Stati Membri oħra mad-diplomi nazzjonali mitluba jwassal għall-konstatazzjoni ta’ korrispondenza parzjali biss tal-kwalifiki ċċertifikati minn dawn id-diversi diplomi, b’mod partikolari minħabba d-differenzi fil-kuntest ġuridiku bejn l-Istati Membri, l-awtorità kompetenti setgħet teżiġi li l-persuna kkonċernata turi li kisbet il-konoxxenzi u l-kwalifiki nieqsa.

43      Fil-punti 58 u 59 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk il-konoxxenzi miksuba fl-Istat Membru ospitanti, fil-kuntest kemm ta’ kors ta’ studji, kif ukoll ta’ esperjenza prattika, humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-pussess tal-konoxxenzi li jkunu nieqsa u li, sa fejn kull esperjenza prattika fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet konnessi tista’ żżid il-konoxxenzi ta’ applikant, hija l-awtorità kompetenti li għandha l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni kull esperjenza prattika utli għall-eżerċizzju tal-professjoni li għaliha jintalab l-aċċess. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-valur preċiż li għandu jingħata lil din l-esperjenza għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti fid-dawl tal-funzjonijiet speċifiċi eżerċitati, tal-konoxxenzi miksuba u applikati fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, kif ukoll tar-responsabbiltajiet ikkonferiti u tal-livell ta’ indipendenza mogħtija lill-persuna kkonċernata inkwistjoni.

44      Fil-punt 65 tas-sentenza Brouillard I, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat b’mod partikolari li l-esperjenza professjonali ta’ A. Brouillard, b’mod partikolari dik miksuba mid-dipartimenti tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), setgħet tidher rilevanti.

45      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk preżenti fil-kawża prinċipali, il-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ référendaires ma’ qorti ta’ Stat Membru, meta jeżamina talba għall-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-pussess tad-diplomi rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jew għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza akkademika ta’ diploma ta’ master mogħtija mill-università ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki professjonali ċċertifikati minn dawn tal-aħħar u dawk rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni.

46      Sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, bħall-awtoritajiet tal-Istati Membri, marbuta bil-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 45 TFUE fis-sitwazzjonijiet fejn dan japplika, għandha tiġi kkonstatata analoġija stretta ħafna bejn is-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Brouillard I, invokata mir-rikorrent, u s-sitwazzjoni li tat lok għal din il-kawża.

47      Għalhekk, kif isostni r-rikorrent, il-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni ġenerali li għaliha huwa ppreżenta ruħu ma setgħetx tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li huwa ma kellux waħda mid-diplomi fid-dritt Kroati mitluba fl-avviż ta’ kompetizzjoni peress li, fl-att tal-kandidatura tiegħu, huwa ma kienx semma biss il-pussess ta’ master fid-dritt Franċiż ta’ livell ekwivalenti, manifestament irrikonoxxut fil-Kroazja sabiex jaċċedi għall-professjoni ta’ avukat, iżda wkoll esperjenza professjonali ta’ ftit iktar minn 3 snin bħala traduttur fil-Parlament Ewropew fid-diviżjoni tal-lingwa Kroata u ta’ 18‑il xahar bħala avukat stagiaire fil-Kroazja. Fil-fatt, tali elementi setgħu jikkontribwixxu għall-prova intiża li jiġi stabbiliti li r-rikorrent kellu l-istess kwalifiki bħal dawk iċċertifikati mid-diplomi ġuridiċi Kroati mitluba, iżda miksuba b’mod ieħor, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Unjoni, fatt li l-Bord tal-Għażla kellu jkun jista’ jivverifika. Issa, kif jirriżulta mill-punt 6 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni mfakkra fil-punt 3 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Għażla ma kienx f’pożizzjoni, fl-eżami tal-kandidatura tar-rikorrent, li jmur lil hinn mill-konstatazzjoni li dan tal-aħħar ma kellux waħda mid-diplomi Kroati mitluba u li d-diploma Franċiża tiegħu, l-istess bħar-rikonoxximent tagħha għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg fil-Kroazja, ma wrewx għarfien tas-sistema u tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati. Għaldaqstant, il-Bord tal-Għażla ma setax jeżamina l-portata reali tar-rikonoxximent tad-diploma Franċiża tar-rikorrent għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ġuridika fil-Kroazja, u lanqas jekk, meħud inkunsiderazzjoni flimkien mal-esperjenzi professjonali tiegħu, dan l-element setax jikkonferma fir-rigward ta’ dan tal-aħħar għarfien tas-sistema u tat-terminoloġija ġuridiċi Kroati tal-istess livell bħal dawk iċċertifikati mill-pussess tad-diplomi ġuridiċi Kroati mitluba.

48      Għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjoni li tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ reklutaġġ, li tipprovdi li ebda esperjenza professjonali ma kienet meħtieġa – barra minn hekk f’kontradizzjoni mad-dispożizzjoni l-oħra li tipprevedi li din l-esperjenza kienet tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ selezzjoni eventwali, imsejħa “fuq il-kwalifiki” u msejħa “evalwatur tal-kapaċitajiet”, magħmula abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-atti tal-kandidatura, li kellha jekk ikun hemm bżonn tnaqqas in-numru ta’ kandidati ammessi għall-eżamijiet għal 20 darba l-għadd ta’ kandidati mfittxija – ma tistax tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali sabiex jiġi vverifikat, skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE magħmula fil-ġurisprudenza, jekk il-kwalifiki ċċertifikati mid-diplomi nazzjonali mitluba f’avviż ta’ kompetizzjoni humiex issodisfatti b’mod ieħor minn kandidat li ma jkollux dawn id-diplomi u li jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, billi ma ppermettiex lill-Bord tal-Għażla jeżamina l-kandidatura tiegħu skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 45 TFUE, l-avviż ta’ kompetizzjoni huwa vvizzjat b’illegalità sa fejn id-dispożizzjoni tiegħu dwar il-kwalifiki u d-diplomi kienet twassal sabiex din il-kandidatura tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li r-rikorrent ma kellux waħda mid-diplomi Kroati fid-dritt mitluba f’dan l-avviż. Peress li l-Bord tal-Għażla bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq din id-dispożizzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli għar-rikorrent skont l-Artikolu 277 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-kumplament tal-argumenti tal-partijiet.

 Fuq lispejjeż

50      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tat12 ta’ Ottubru 2020 li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ OQ u li tirrifjuta li jiġi ammess għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/378/20 għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ “ġuristi lingwisti (AD 7) tal-lingwa Kroata (HR)” għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn OQ.

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.