Language of document : ECLI:EU:T:2022:517

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Settembru 2022 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Telexogħol – Talba għar-rimbors tal-ispejjeż tat-telefon u tal-konnessjoni tal-internet – Ċaħda tat-talba – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà parzjali – Artikolu 71 u Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Dmir ta’ premura – Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”

Fil-Kawża T‑486/21,

OE, irrappreżentata minn G. Hervet, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Melo Sampaio u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Windisch, S. Bukšek Tomac u J. Van Pottelberge, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2021,

–        it-talbiet għal intervent tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew tas‑27 ta’ Settembru u tas‑17 ta’ Novembru 2021, li l-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’, rispettivament, fit‑12 ta’ Novembru u fil‑15 ta’ Diċembru 2021,

fid-dawl tal-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, OE, qiegħda essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Infrastruttura u l-Loġistika fi Brussell (OIB) tal-Kummissjoni Ewropea, tat‑18 ta’ Diċembru 2020, li tiċħad it-talba tagħha għar-rimbors tal-ispejjeż professjonali li jirriżultaw mis-sistema ta’ telexogħol li għaliha hija kienet ġiet suġġetta u għall-kisba ta’ apparat USB 4G, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata, l-ewwel nett, tirrimborsaha dawn l-ispejjeż, sussegwentement, tagħtiha dan l-aċċess għall-internet u, fl-aħħar nett, tħallasha kumpens ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni allegatament imġarrba minnha.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil-mument tal-fatti, ir-rikorrenti kienet uffiċjal fi ħdan il-Kummissjoni.

3        Fis‑17 ta’ Marzu 2020, il-persuni li jgħixu fil-Belġju tqiegħdu taħt lockdown minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. Ir-rikorrenti, bħal kważi l-membri kollha tal-persunal tal-Kummissjoni, kellha għalhekk teżerċita l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ telexogħol b’effett minn dik id-data.

4        Għall-provvista tas-servizzi tagħha tat-telefonija u tal-aċċess għall-internet, ir-rikorrenti hija marbuta mal-kumpannija VOO permezz ta’ kuntratt ta’ abbonament li jkopri b’mod partikolari volum mensili ta’ data internet ta’ 100 gigabytes (Gb) għal tariffa fissa fix-xahar ta’ EUR 37.46. Tariffa addizzjonali hija applikabbli għar-rikorrenti jekk taqbeż dan il-limitu massimu.

5        VOO ffatturat EUR 1.89 lir-rikorrenti għal telefonati f’Settembru 2020 lid-dipartiment ta’ assistenza informatika u lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Informatika tal-Kummissjoni. F’Novembru 2020, VOO, barra minn hekk, iffatturat lir-rikorrenti EUR 50 addizzjonali peress li hija kienet użat 137.434 Gb iktar mill-pakkett tal-internet tagħha matul ix-xahar ta’ Ottubru preċedenti.

6        Peress li qieset li l-ispejjeż imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq kienu dovuti għas-sistema ta’ telexogħol deċiża mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ressqet, fit‑2 ta’ Diċembru 2020, talba għar-rimbors ta’ EUR 51.89 skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

7        Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti kkompletat it-talba tagħha billi ssuġġerixxiet li l-Kummissjoni tagħtiha, kif ukoll lil kull uffiċjal ieħor li jinsab f’sitwazzjoni simili ta’ telexogħol, apparat USB 4G li jippermettilha tuża l-internet għal skopijiet professjonali barra mill-bini tal-Kummissjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2020, l-OIB tal-Kummissjoni ċaħad it-talba tar-rikorrenti għar-rimbors tal-ispejjeż tagħha “f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż li hija kienet sostniet u/jew it-tagħmir li hija kienet xtrat”. Huwa indika b’mod partikolari lir-rikorrenti li hija setgħet tibbenefika, taħt ċerti kundizzjonijiet, mir-rimbors tal-ispejjeż ta’ akkwist fid-dar tagħha ta’ siġġu tal-uffiċċju u ta’ skrin tal-kompjuter (iktar ’il quddiem it-“tagħmir tal-uffiċċju”). L-OIB indikalha wkoll li, peress li r-regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għat-tagħmir tal-uffiċċju fid-dar kienu ġew stabbiliti u peress li ma kinux jinkludu l-ispejjeż tal-internet u tat-telefonati, ebda azzjoni ma kienet ser tittieħed fir-rigward tat-talba.

9        Fit‑8 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ressqet ilment li kellu bħala suġġett ir-rimbors tal-ispejjeż imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq u l-kisba ta’ aċċess għall-internet għal finijiet professjonali.

10      Fil‑5 ta’ Mejju 2021, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti billi bbażat ruħha essenzjalment fuq il-fatt li ebda bażi legali, la fl-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal, la fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tat-telexogħol fid-dipartimenti tagħha, u lanqas fil-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-telexogħol matul il-pandemija tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar it-telexogħol”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli fit‑18 ta’ Diċembru 2020, id-data tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, ma kienet tippermetti li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

11      L-Awtorità tal-Ħatra fakkret li, skont b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tat-telexogħol fid-dipartimenti tagħha, it-teleħaddiem għandu jħallas l-ispejjeż ta’ abbonament tal-internet u ta’ komunikazzjoni li jirriżultaw mit-telexogħol u li d-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż professjonali previst fl-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jsemmix dawn l-ispejjeż. Hija indikat ukoll, minn naħa, li ċerti uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn sostenn finanzjarju għall-ispejjeż inkwistjoni permezz tat-tnaqqis tat-taxxa previst fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33), li kien ifisser tnaqqis ta’ 10 % tal-valur taxxabbli għal spejjeż professjonali, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet tibbenefika minn dan it-tnaqqis. L-Awtorità tal-Ħatra qieset li r-rifjut tar-rimbors tas-somma mitluba ma kien iwassal għal ebda preġudizzju għall-ugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali, la skont il-grad ġerarkiku tagħhom u lanqas skont il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-internet, u ma kienx jimplika, għar-rikorrenti, ksur tal-allegat obbligu kuntrattwali tagħha li tuża l-abbonament tal-internet tagħha għal finijiet privati biss.

12      Fil-frattemp, fil‑21 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ressqet talba oħra skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-għoti ta’ “volum tal-internet f’darha għal finijiet professjonali”. L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2021 minħabba li kellha l-istess suġġett bħall-ilment tar-rikorrenti tat‑8 ta’ Jannar preċedenti, li min-naħa tiegħu kien diġà ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

13      Barra minn hekk, fit‑3 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti informat b’ittra elettronika lill-Kap tal-Unità tagħha li, “fl-assenza tal-internet”, hija ma setgħetx taċċedi għas-server u għall-għodod informatiċi, iżda li hija baqgħet disponibbli fid-dar tagħha sabiex twieġeb għal kull rikjesta u li setgħet tiġi kkuntattjata bit-telefon. Fid-dawl ta’ din l-ittra elettronika, id-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà informa lir-rikorrenti, fid‑19 ta’ Mejju ta’ wara, li hija kienet ikkunsidrata assenti b’mod irregolari fit‑3 ta’ Mejju 2021 u li kien ser jitnaqqas jum mil-leave annwali tagħha. Fis‑16 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni.

II.    Ittalbiet talpartijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        b’mod prinċipali, tiddikjara l-illegalità tal-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        b’mod sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        bħala konsegwenza, tikkundanna lill-Kummissjoni:

–        tħallasha s-somma ta’ EUR 51.89 bħala rimbors tal-ispejjeż professjonali;

–        tagħtiha, fil-kuntest tat-telexogħol, aċċess għall-internet għal użu professjonali bi kwalunkwe mezz;

–        tħallasha s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għal diversi danni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

III. Fiddritt

A.      Fuq lewwel kap tattalbiet

17      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, espost b’mod prinċipali, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara illegali l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dan l-artikolu, li jipprovdi li l-uffiċjal għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż li huwa jkun sostna fl-okkażjoni, b’mod partikolari, tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII tal-istess Regolamenti tal-Persunal.

18      Issa, bħala talba awtonoma fil-konfront tal-kapijiet tat-talbiet l-oħra, dan il-kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ kompetenza, sa fejn l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtux lill-qorti tal-Unjoni l-kompetenza li tagħmel dikjarazzjonijiet fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

B.      Fuq ittieni kap tattalbiet

1.      Fuq issuġġett u lammissibbiltà tattieni kap tattalbiet

19      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

20      Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament li formalment ikunu indirizzati kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, fil-każ li din id-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, ZR vs EUIPO, T‑610/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:5, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment effettivament ma għandhiex kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwarha. Fil-fatt, huwa minnu li l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, f’din id-deċiżjoni, dwar it-talba għar-rimbors tal-ammont li jaqbeż it-tariffa fissa tar-rikorrenti u dwar il-provvista lir-rikorrenti ta’ mezz ta’ aċċess għall-internet. Madankollu, l-OIB, fid-deċiżjoni tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2020, kien diġà ħa pożizzjoni huwa stess, minn naħa, dwar ir-rimbors inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dwar l-għoti ta’ tagħmir li jikkonsisti f’apparat USB 4G, li r-rikorrenti kienet invokat fl-ittra elettronika tagħha tas‑7 ta’ Diċembru ta’ qabel (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

22      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tixtieq tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-OIB tat‑18 ta’ Diċembru 2020 li tiċħad it-talba tagħha li għandha bħala suġġett, minn naħa, ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 51.89 ippreżentata bħala spejjeż professjonali li jirriżultaw mis-sistema ta’ telexogħol li hija kienet suġġetta għaliha u, min-naħa l-oħra, il-kisba ta’ apparat USB 4G (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni kap tat-talbiet ma huwiex ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-PMO tal‑14 ta’ Lulju 2021 li tirrifjuta li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti tal‑21 ta’ April ta’ qabel bil-għan li tikseb volum ta’ aċċess għall-internet għal użu professjonali, sa fejn din it-talba ma kinitx ippreċeduta minn ilment.

24      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet diġà fformulat essenzjalment din it-talba għal aċċess u l-OIB, fid-deċiżjoni kkontestata, u mbagħad l-Awtorità tal-Ħatra, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, taw deċiżjoni dwarha. Id-deċiżjoni tal-PMO tal‑14 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) hija barra minn hekk motivata min-natura superfluwa tat-talba tal‑21 ta’ April ta’ qabel.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni kap tat-talbiet għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż sa fejn tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess professjonali għall-internet. Għaldaqstant, dan il-kap tat-talbiet huwa ammissibbli.

2.      Fuq ilmotivi invokati insostenn tattieni kap tattalbiet

26      Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed, ippreżentat b’mod sussidjarju, fuq ksur ta’ dan l-artikolu, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

a)      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma filkonfront talArtikolu 71 u talAnness VII tarRegolamenti talPersunal

1)      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

27      Il-Parlament iqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa fil-konfront tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ewwel motiv u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tan-natura inċidentali tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(3) ta’ dawn ir-regoli, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

29      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li parti li titħalla tintervjeni f’tilwima insostenn tal-konvenut ma għandhiex locus standi sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbli li ma tkunx tressqet fit-talbiet ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li l-Parlament ma għandux locus standi sabiex iqajjem iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati fil-punt 27 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tirrispondi espliċitament dwar il-mertu tagħhom.

31      Madankollu, peress li, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, teżamina l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hemm lok, f’dan il-każ, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jiġu eżaminati l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 23, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:563, punt 41).

i)      Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ewwel motiv

32      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Parlament isostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti ma hijiex preċiża sa fejn tallega biss li, billi ma jipprevedi ebda modalità ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet fil-kuntest tat-telexogħol, għall-finijiet ta’ eventwali rimbors tal-ispejjeż, l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Anness VII tagħhom, huwa “partikolarment problematiku”. Il-Parlament isostni li qiegħed isibha diffiċli sabiex jistabbilixxi f’hiex tikkonsisti din il-problema u l-illegalità li tilmenta dwarha r-rikorrenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati.

34      Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tar-rikorrent għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41).

35      F’dan il-każ, fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-Artikolu 71 u l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux ir-rimbors tal-ispejjeż professjonali li l-membri tal-persunal ikollhom iħallsu bil-quddiem fil-kuntest tat-telexogħol. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi, fl-ewwel lok, li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u sanitarja li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID‑19 u, fit-tieni lok, li din il-lakuna twassal sabiex tagħti vantaġġ finanzjarju lil kategorija partikolari ta’ uffiċjali.

36      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-motivi ta’ rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u mal-enumerazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari tal-Artikolu 76(d) tagħhom. Minn dan isegwi li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi permezz tas-sustanza tagħhom, pjuttost milli permezz tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, tista’ tkun suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-imsemmija motivi joħorġu mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Enosi Mastichoparagogon Chiou vs EUIPO (MASTIHACARE), T‑60/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:629, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi deċiż li l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa preċiż biżżejjed sa fejn essenzjalment jikkritika, permezz tal-ewwel argument, in-natura inadegwata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għaċ-ċirkustanzi marbuta mal-kriżi tal-pandemija tal-COVID‑19. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-Kunsill u anki l-Parlament setgħu jwieġbu fil-mertu għall-eċċezzjoni ta’ illegalità inkwistjoni.

38      Għall-kuntrarju, l-ewwel motiv huwa nieqes minn preċiżjoni fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-ugwaljanza bejn uffiċjali.

39      Fil-fatt, ir-rikors għandu jispeċifika f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu jkun ibbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi indikazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Hausheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, meta jkunu involuti regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal bħalma huma dawk inkwistjoni u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu, bħal f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-każ biss li l-leġiżlatur jagħmel differenzjazzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta meqjusa fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara d-digriet tad‑29 ta’ Novembru 2021, Bergallou vs Il-Kunsill, T‑521/16, mhux ippubblikat, EU:T:2021:854, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      B’hekk, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, konformement mar-regoli ġenerali li jirregolaw l-oneru tal-prova u konformement mal-preżunzjoni ta’ legalità li jgawdu minnha l-atti tal-Unjoni, huwa bħala prinċipju r-rikorrent li għandu jipproduċi elementi intiżi li jistabbilixxu li r-rikorrent ġie ttrattat b’mod differenti minn persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Morte Navarro vs Il-Parlament, T‑280/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:279, punt 48, u tal‑10 ta’ Ġunju 2020, Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il‑Kummissjoni, T‑564/15 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2020:252, punt 97) u, peress li l-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li din id-differenzjazzjoni hija arbitrarja jew manifestament inadegwata.

43      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma identifikatx, fl-ewwel motiv kif jidher fir-rikors, la l-vantaġġi finanzjarji li hija ssemmi, la l-kategoriji ta’ uffiċjali li għandhom jiġu pparagunati, u lanqas, wisq inqas, l-elementi li minnhom jirriżulta li l-allegata differenzjazzjoni hija arbitrarja jew manifestament inadegwata, sabiex b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-Artikolu 71 u mill-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

44      Huwa minnu li r-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 1d(5) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi bidla fl-oneru tal-prova, fis-sens li hija l-istituzzjoni li għandha tipprova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’sitwazzjoni fejn uffiċjal, li jqis ruħu ppreġudikat min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-prinċipju fir-rigward tiegħu, jistabbilixxi fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

45      Madankollu, il-Kunsill ġustament josserva li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika meta jkun hemm allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza mir-Regolamenti tal-Persunal stess, peress li mill-Artikolu 1d(1), li għalih jirreferi l-paragrafu 5 tal-istess artikolu, jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza msemmi huwa dak li jirriżulta mill-“applikazzjoni” tar-Regolamenti tal-Persunal.

46      Huwa minnu li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv ieħor, ir-raba’ motiv, ibbażat ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u li fih hija tikkritika d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li l-uffiċjali li ma jistgħux iħallsu bil-quddiem l-ispejjeż tax-xiri tat-tagħmir tal-uffiċċju, li jistgħu jitħallsu lura skont il-Linji gwida dwar it-telexogħol, huma żvantaġġati meta mqabbla mal-oħrajn, minkejja li dawn tal-aħħar jesponu wkoll spejjeż professjonali.

47      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun meħtieġa, minħabba n-nuqqas ta’ rigorożità min-naħa tar-rikorrent, issawwar ir-rabta ġuridika preżunta li hija l-bażi ta’ motiv billi tiġbor diversi elementi mifruxa fir-rikors, bir-riskju li ssawwar dan il-motiv b’mod li tagħtih portata li ma kellux f’moħħ ir-rikorrent. Deċiżjoni differenti tmur kontra kemm l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-prinċipju li t-tilwima tiġi ddeterminata mill-partijiet kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-konvenut (sentenza tat‑2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, mhux ippubblikata, punt 44).

48      Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Parlament, ir-rikorrenti invokat il-miżuri meħuda minn din l-istituzzjoni u mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) favur l-uffiċjali rispettivi tagħhom, kif ukoll il-vantaġġi li allegatament jibbenefikaw minnhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom telefon tas-servizz.

49      Madankollu, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika jew ta’ noti sussegwenti oħra huwa irrilevanti. B’mod partikolari, l-ammissibbiltà, ammessa mill-ġurisprudenza, tal-motivi u tal-argumenti mressqa fir-replika bħala amplifikazzjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata bil-għan li jiġi rrimedjat ksur, li jkun seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors, tar-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu, mingħajr ma dan l-artikolu jiġi mċaħħad mill-portata kollha tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Umwelthilfe vs Il-Kummissjoni, T‑498/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:913, punt 49). Minn dan isegwi li motivi u argumenti invokati f’dan il-kuntest huma tardivi u, fin-nuqqas, bħal f’dan il-każ, ta’ ġustifikazzjoni, huma inammissibbli.

50      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-ewwel motiv tar-rikors jippermetti lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti li għamlu intervent insostenn tagħha jiddefendu ruħhom u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwaru, iżda biss sa fejn f’dan il-motiv ir-rikorrenti tiddenunzja n-natura inadegwata tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għaċ-ċirkustanzi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID‑19.

ii)    Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-ksur tan-natura inċidentali tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità

51      Il-Parlament isostni li l-motivi li ma humiex ibbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa fil-konfront tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ppreżentati biss b’mod sussidjarju u li tali approċċ jikser in-natura inċidentali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

52      Madankollu, għandu jitfakkar li n-natura inċidentali tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tfisser li l-possibbiltà li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 277 TFUE ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonomu u ma tistax tiġi eżerċitata fl-assenza ta’ dritt għal azzjoni legali prinċipali (ara d-digriet tas‑16 ta’ Mejju 2019, ITSA vs Il-Kummissjoni, T‑396/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:342, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, f’dan l-artikolu ma hemm xejn li jipprekludi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiġi invokata b’mod prinċipali filwaqt li l-motivi l-oħra jiġu invokati biss b’mod sussidjarju.

iii) Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv huwa inammissibbli sa fejn fih ir-rikorrenti tinvoka n-natura allegatament diskriminatorja tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għall-kuntrarju, l-ewwel motiv huwa ammissibbli sa fejn fih hija tallega li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex adattati għaċ-ċirkustanzi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID‑19.

2)      Fuq il-mertu tal-ewwel motiv

54      Kif ġie espost fil-punt 35 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 71 u l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u sanitarja dinjija li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID‑19, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux ir-rimbors tal-ispejjeż professjonali li l-uffiċjali huma mġiegħla jħallsu bil-quddiem fil-kuntest tat-telexogħol.

55      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur ma setax jipprevedi l-pandemija tal-COVID‑19 u n-neċessità, sabiex jaffronta din il-pandemija, li jorganizza sistema ta’ telexogħol meta huwa emenda, fl-aħħar lok, is-sustanza tar-Regolamenti tal-Persunal bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15). Barra minn hekk, ir-rikorrenti taqbel ma’ dan fir-replika tagħha.

56      Madankollu, fil-paġna 5 tal-Komunikazzjoni KUMM(2010) 543 finali tagħha, tat‑8 ta’ Ottubru 2010, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea”, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari enfasizzat il-vantaġġi ta’ evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni bħala li tagħmel parti integrali minn “regolamentazzjoni intelliġenti”. B’hekk, hija kkunsidrat li “kontrolli” tal-kwalità kellhom jippermettu li jiġi evalwat jekk il-qafas regolamentari ta’ qasam ta’ azzjoni huwiex adattat għall-għan tiegħu u, fin-negattiv, dak li għandu jiġi emendat bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu identifikati l-piżijiet żejda, l-inkonsistenzi u l-miżuri li ma għadhomx jintużaw jew li ma humiex effettivi.

57      Bl-istess mod, fil-paġni 9 u 11 tal-Komunikazzjoni COM(2019) 178 final tagħha, tal‑15 ta’ April 2019, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Regolazzjoni aħjar: nagħtu rendikont u nżommu l-impenn tagħna”, il-Kummissjoni fakkret li l-evalwazzjoni ex post hija waħda mill-pilastri fundamentali ta’ leġiżlazzjoni aħjar sa fejn tippermetti li jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni għadhiex rilevanti, adatta għall-finalità tagħha u ta’ natura li tipprovdi r-riżultati mixtieqa mil-leġiżlatur u mistennija mid-destinatarji tagħha.

58      Fuq kollox, skont il-ġurisprudenza, id-dmir ta’ kull leġiżlatur huwa, minn naħa, li jivverifika, jekk mhux b’mod permanenti, minn tal-inqas minn żmien għal żmien, li r-regoli stabbiliti minnu għadhom jissodisfaw il-ħtiġijiet li għalihom jkunu maħsuba u, min-naħa l-oħra, li jemenda jew anki jħassar ir-regoli li jkunu tilfu kull ġustifikazzjoni u jkunu tali li ma jkunux għadhom adegwati għall-kuntest ġdid li fih ikollhom jipproduċu l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Lebedef et vs Il-Kummissjoni, F‑110/11, EU:F:2012:174, punt 40 u l-konklużjonijiet iċċitati; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 76).

59      Madankollu, il-leġiżlatur għandu marġni ta’ manuvra wiesa’ fil-kuntest tal-verifika tan-natura adegwata tar-regoli fil-konfront tal-bżonnijiet, bl-istess mod bħalma għandu, jekk ikun il-każ, sabiex jadatta r-Regolamenti tal-Persunal u sabiex jemenda d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il‑Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 126).

60      Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument, u wisq inqas provi suffiċjenti, li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-leġiżlatur, juru manifestament in-natura inadegwata tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li hija tilmenta dwarhom u l-obbligu li fih, ipotetikament, il-leġiżlatur sab ruħu li jemenda dawn id-dispożizzjonijiet.

61      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li huwa meħtieġ ir-rimbors tal-ispejjeż professjonali li jirriżultaw minn sistema ta’ telexogħol, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 336 TFUE, l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal timplika l-adozzjoni ta’ regolament mill-Parlament u mill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja deskritta fl-Artikolu 294 tal-istess Trattat, wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 294(2) TFUE jipprovdi li l-proċedura leġiżlattiva tibda bil-preżentazzjoni ta’ proposta min-naħa tal-Kummissjoni. Issa, it-tfassil ta’ tali proposta jeħtieġ huwa stess diversi stadji, indipendentement anki mill-konsultazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

62      Fid-dawl tal-kumplessità ta’ dan il-proċess, tat-termini twal għall-implimentazzjoni tal-proċessi sussegwenti ta’ titjib tal-leġiżlazzjoni u tal-kuntest tar-restrizzjonijiet ta’ urġenza neċessarji sabiex tiġi affrontata l-pandemija tal-COVID‑19, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkritikati talli ma emendawx ir-Regolamenti tal-Persunal matul l-imsemmija pandemija.

63      Dan l-ilment inqas u inqas jista’ jiġi indirizzat fil-konfront tal-leġiżlatur meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati b’urġenza mill-istituzzjonijiet u mill-organi l-oħra tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni adottat mingħajr dewmien il-Linji gwida dwar it-telexogħol, li pprevedew ir-rimbors, għall-persunal tagħha, tal-ispejjeż tax-xiri tat-tagħmir tal-uffiċċju.

64      Huwa minnu li r-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, li dawn il-linji gwida huma diskriminatorji. Madankollu, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kif jirriżulta mill-punti 99 sa 108 iktar ’il quddiem.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa fil-konfront tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ittieni motiv, ibbażat, b’mod sussidjarju, fuq ksur talArtikolu 71 tarRegolamenti talPersunal

66      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ġġustifikat id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment bir-raġuni li l-Artikolu 71 u l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux rimbors tal-ispejjeż tal-internet u tat-telefonija, l-Awtorità tal-Ħatra, minn naħa, marret kontra l-finalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li hija li jiġi evitat li l-uffiċjali jassumu waħedhom l-ispejjeż sostnuti b’mod professjonali, u, min-naħa l-oħra, injorat li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex ta’ natura eżawrjenti, kif tipprova d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021 li tagħti allowance fix-xahar lill-persunal tal-imsemmi kumitat sabiex ikopru l-ispejjeż ikkawżati mit-telexogħol (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021”).

67      Madankollu, għalkemm l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu effettivament l-għan li jevita li l-uffiċjali jbatu waħedhom l-ispejjeż sostnuti li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, FH vs Il-Parlament, F‑26/15, EU:F:2015:137, punt 32), huwa, konformement mal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa dovut ir-rimbors tal-ispejjeż. Issa, dan l-anness jelenka b’mod eżawrjenti l-benefiċċji finanzjarji li jistgħu jiġu rrimborsati. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment setgħet tkun ibbażata b’mod validu fuq il-fatt, b’mod partikolari, li l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx jippermetti li jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti.

68      Barra minn hekk, l-Artikolu 71 u l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti dritt għal benefiċċji finanzjarji, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN, T‑695/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:520, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      B’mod partikolari, l-allegata “interpretazzjoni teleoloġika”, li skont ir-rikorrenti għandu jkun suġġett għaliha l-Artikolu 71, tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur. Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), dan tal-aħħar, fil-fatt, ried jirrazzjonalizza d-diversi benefiċċji u allowances eżistenti f’dak iż-żmien, kif tenfasizza l-premessa 26 tal-imsemmi regolament u kif josserva l-Kunsill.

70      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la d-deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021 u lanqas, barra minn hekk, il-Linji gwida dwar it-telexogħol adottati mill-Kummissjoni ma jikkontradixxu n-natura eżawrjenti tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      Fil-fatt, huwa minnu li l-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, jimplika li l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma suġġetti għal qafas ġuridiku uniku, jiġifieri għar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, dan il-prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. Għall-kuntrarju, fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar igawdu, bħala persuni li jimpjegaw, minn prinċipju ta’ awtonomija (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2013, Scheidemann vs Il-Kummissjoni, F‑76/12, EU:F:2013:132, punt 26, u tal‑21 ta’ Jannar 2014, Van Asbroeck vs Il‑Parlament, F‑102/12, EU:F:2014:4, punt 29).

72      Minn dan isegwi li, għalkemm l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti bl-istess mod għall-Artikolu 71 u għall-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-prinċipju ta’ awtonomija jista’ jiġġustifika b’mod validu d-differenzi bejn il-miżuri limitati adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li l-membri tal-persunal tagħhom isostnu waħedhom l-ispejjeż sostnuti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest tat-telexogħol. Din il-kunsiderazzjoni hija iktar u iktar neċessarja meta jitqies li l-imsemmija miżuri kellhom jiġu adottati b’urġenza fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mas-sistema ta’ telexogħol ġeneralizzata u obbligatorja imposta mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw il-pandemija tal-COVID‑19.

73      Minn dan isegwi li t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddmir ta’ premura u taddritt għal amministrazzjoni tajba

74      Ir-rikorrenti tallega li, meta adottat id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra kisret id-dmir ta’ premura tagħha u d-dritt għal amministrazzjoni tajba sa fejn iż-żieda fil-konsum tagħha tad-data tal-internet hija imputabbli għall-installazzjoni ta’ diversi programmi professjonali u għas-segwiment ta’ taħriġ online u sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet l-impatt ekonomiku tat-telexogħol fuq is-sitwazzjoni personali tagħha, b’tali mod li hija għalhekk żbilanċjat ir-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni.

75      Id-dmir ta’ premura jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal tiegħu, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dak tal-persuna kkonċernata (sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 22, u tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 105). B’hekk, dan id-dmir huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod speċjali tal-obbligu impost fuq l-awtorità li tipproċedi bi kwalunkwe mod għal eżami sħiħ u ddettaljat tas-sitwazzjoni qabel tieħu deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, GW vs Il-Kummissjoni, F‑111/15, EU:F:2016:122, punt 40).

76      Kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, id-dmir ta’ premura jirrifletti għalhekk l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2017, LP vs Europol, T‑719/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:7, punt 60). Madankollu, bħala espressjoni ta’ dan l-ekwilibriju, id-dmir ta’ premura fl-ebda każ ma jista’ jobbliga lill-amministrazzjoni taġixxi b’mod li jmur kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli u, b’mod partikolari, ma jistax iwassalha sabiex tagħti lil dispożizzjoni tal-Unjoni effett li jkun imur kontra t-termini ċari u preċiżi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T‑14/03, EU:T:2004:59, punt 100, u tad‑29 ta’ April 2020, CV et vs Il-Kummissjoni, T‑496/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:163, punt 50).

77      Għaldaqstant, peress li l-obbligu li jiġu rrimborsati l-ispejjeż tal-konsum tad-data tal-internet li jkunu dovuti għat-telexogħol imur kontra n-natura eżawrjenti tal-Artikolu 71 u tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tistax tinvoka d-dmir ta’ premura sabiex tikseb dan ir-rimbors.

78      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ ċerti uffiċjali, fosthom ir-rikorrenti, billi ppermettielhom jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa ta’ 10 % sabiex ikopru spejjeż professjonali, li huwa previst fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68.

79      Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tat prova ta’ premura meta pprevediet, fil-Linji gwida dwar it-telexogħol, ir-rimbors, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-ispejjeż għall-akkwist tat-tagħmir tal-uffiċċju.

80      Bla ħsara għall-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tar-raba’ motiv, il-fatt li din il-forma ta’ intervent ma hijiex sodisfaċenti għar-rikorrenti huwa insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tad-dmir ta’ premura.

81      Fil-fatt, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi minnha l-amministrazzjoni fil-ġestjoni tal-persunal tagħha, fil-kuntest tad-dmir ta’ premura l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina biss jekk l-amministrazzjoni aġixxietx f’limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Shuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punti 102 u 103).

82      Issa, għandu jiġi osservat li mil-Linji gwida dwar it-telexogħol jirriżulta li l-Kummissjoni għażlet li tirrimborsa t-tagħmir tal-uffiċċju bil-għan li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol konformi ma’ standards ta’ saħħa u ta’ sigurtà xierqa u ekwivalenti għal dawk ta’ uffiċċju, ħaġa din li tikkostitwixxi manifestament l-espressjoni ta’ premura.

83      Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ rimbors ta’ allegati spejjeż, ġie deċiż li, konformement mal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li minnha tirriżulta preżunzjoni li jkunu ġew sostnuti spejjeż, huwa l-uffiċjal li għandu jipproduċi l-prova li huwa effettivament sostna l-ispejjeż marbuta direttament mal-funzjonijiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2000, Skrzypek vs Il-Kummissjoni, T‑134/99, EU:T:2000:184, punt 81).

84      Issa, ir-rikorrenti sempliċement issostni li ż-żieda fil-konsum tagħha ta’ data tal-internet matul ix-xahar ta’ Ottubru 2020 u l-qbiż tal-limitu massimu ta’ 100 Gb sal-ammont ta’ 137.434 Gb, li waslu għal żieda fit-tariffa ffatturata lilha, irriżultaw mill-installazzjoni u mill-użu għal finijiet professjonali ta’ programmi bħalma huma Skype for business, Webex jew Teams, kif ukoll mis-segwiment ta’ taħriġ online.

85      Madankollu, il-fatt li l-parti essenzjali tal-konsum ta’ data tal-internet tar-rikorrenti matul ix-xahar ta’ Ottubru 2020 kienet ikkonċentrata fuq erbat ijiem tax-xogħol ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jipprova li l-parti li taqbeż it-tariffa fissa mensili kienet dovuta għal użu professjonali. Il-prova tan-natura professjonali tal-ispejjeż inkwistjoni hija inqas u inqas prodotta sa fejn mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti stess jirriżulta li hija fl-ebda mument ieħor fejn it-telexogħol kien ir-regola ma kellha konsum ta’ data tal-internet li jaqbeż il-limitu massimu ta’ 100 Gb li jikkorrispondi għall-pakkett tagħha.

86      Għaldaqstant, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma tippermettix li jitqies li huwa stabbilit li l-qbiż tal-pakkett tal-konsum tal-internet tagħha kien dovut għat-telexogħol u wisq inqas li, meta rrifjutat li tieħu dan inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni setgħet kisret id-dmir ta’ premura tagħha u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

87      Fl-aħħar nett, għalkemm ma huwiex ikkontestat li l-operatur tar-rikorrenti ħarġilha fattura għall-ammont ta’ EUR 1.89 fir-rigward ta’ żewġ telefonati f’Settembru 2020 lid-dipartiment ta’ assistenza informatika u lid-DĠ tal-Informatika tal-Kummissjoni, ir-rifjut li tiġi rrimborsata din is-somma lanqas ma jista’ jitqies li huwa ksur tad-dmir ta’ premura, fid-dawl tan-natura moderata ta’ din is-somma u tal-miżuri deskritti fil-punti 78 u 79 iktar ’il fuq.

88      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-Awtorità tal-Ħatra ġġustifikat id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment bil-Linji gwida dwar it-telexogħol. Issa, dawn joħolqu l-ewwel diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex iħallsu bil-quddiem l-ispiża tat-tagħmir tal-uffiċju u dawk li ma għandhomx dawn il-mezzi u li ma jistgħux jiksbu r-rimbors ta’ spejjeż professjonali oħra. L-imsemmija linji gwida jqajmu wkoll it-tieni diskriminazzjoni fid-dawl tal-benefiċċju li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-KESE jisiltu mid-deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021.

1)      Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv

90      Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ motiv huwa inammissibbli peress li ma tqajjimx fl-ilment.

91      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal kontra l-istituzzjoni li għaliha jappartjeni għall-kundizzjoni li l-proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel tkun żvolġiet b’mod regolari.

92      F’dan il-kuntest, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors sussegwenti, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni, teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, b’tali mod li l-Awtorità tal-Ħatra kienet f’pożizzjoni li tifhem il-kritika mressqa mill-persuna kkonċernata kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan il-każ, fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti għamlet riferiment għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Fl-ilment, hija qabblet, minn naħa, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet telefoniċi, il-“ġerarkija għolja”, li għandha telefons tas-servizz, mal-uffiċjali l-oħra, li għandhom iħallsu l-komunikazzjonijiet professjonali tagħhom u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-data tal-internet, dawk li, skont il-kuntratti tagħhom mal-fornituri ta’ aċċess tagħhom, għandhom volum ta’ data kbir u veloċità ta’ pproċessar għolja ma’ dawk li ma jibbenefikawx minn tali vantaġġi.

94      B’hekk, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza kien fil-fatt invokat fl-ilment, iżda f’perspettiva differenti minn dik li fuqha huwa bbażat ir-raba’ motiv tar-rikors.

95      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, l-eventwali fażi kontenzjuża, kemm-il darba r-rikors kontenzjuż la jibdel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. F’dawn il-limiti, il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti tal-Unjoni, bil-preżentazzjoni ta’ motivi u ta’ argumenti li ma jkunux jinsabu neċessarjament fl-ilment, kemm-il darba jkunu marbuta mill-qrib mal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punti 73 u 76, u tat‑2 ta’ Marzu 2017, DI vs EASO, T‑730/15 P, EU:T:2017:138, punti 65 u 66).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, irreferiet b’mod espliċitu fir-rikors tagħha għal differenza fit-trattament bejn dawk li għandhom u dawk li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji sabiex iħallsu bil-quddiem l-ispiża tat-tagħmir tal-uffiċċju la jibdel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment.

97      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata li fl-ilment tagħha ma invokatx id-diskriminazzjoni bejnha, bħala uffiċjal tal-Kummissjoni, u l-membri tal-persunal tal-KESE, peress li d-deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021 ingħatat wara li ntemmet il-fażi prekontenzjuża.

98      Minn dan isegwi li r-raba’ motiv huwa ammissibbli.

2)      Fuq il-mertu tar-raba’ motiv

99      Kif ġie espost fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

100    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma ttrattatx b’mod differenti l-uffiċjali li ma għandhomx il-mezzi sabiex jakkwistaw it-tagħmir tal-uffiċċju billi tathom il-possibbiltà li jiksbu kumpens għall-ispejjeż telefoniċi tagħhom u għal-ispejjeż marbuta mal-konsum tagħhom ta’ data tal-internet.

101    Madankollu, ir-rikorrenti, li ma tistax tagħmel sottomissjonijiet f’isem uffiċjali oħra, li hija fil-grad AST 4 u li kienet tibbenefika mit-tnaqqis fiskali msemmi fil-punt 78 iktar ’il fuq, ma tipproduċi ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li għaliha kien materjalment impossibbli li tħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-tagħmir tal-uffiċċju u li għalhekk hija kienet tinsab fis-sitwazzjoni sfavorevoli li hija tallega. Għalhekk, hija ma tipprovax li hija ġiet ittrattata bħall-uffiċjali f’pożizzjoni li jagħmlu dan il-ħlas bil-quddiem meta hija kienet tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja differenti.

102    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li tali differenza fit-trattament hija stabbilita, ir-rikorrenti fi kwalunkwe każ ma turix li d-differenzjazzjoni inkwistjoni hija arbitrarja jew manifestament inadegwata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq.

103    Għall-kuntrarju, kif ġie espost fil-Linji gwida dwar it-telexogħol, il-miżura li tippermetti r-rimbors tal-ispejjeż marbuta max-xiri tat-tagħmir tal-uffiċċju kienet iġġustifikata mill-bżonn, li jaqa’ taħt l-estensjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li t-teleħaddiema jingħataw għajnuna sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ xogħol konformi ma’ standards ta’ saħħa u ta’ sigurtà xierqa. Barra minn hekk, u kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, din il-miżura kienet dovuta wkoll għax-xewqa li jiġu rrimborsati biss spejjeż li r-rabtiet tagħhom mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet setgħu jiġi stabbiliti b’mod oġġettiv.

104    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li ġarrbet diskriminazzjoni minħabba t-trattament iktar favorevoli rriżervat għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-KESE.

105    Madankollu, għandu jitfakkar (ara l-punt 71 iktar ’il fuq) li l-fatt li l-uffiċjali kollha huma suġġetti għal qafas ġuridiku uniku, jiġifieri għar-Regolamenti tal-Persunal, ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal, meta, għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar igawdu minn prinċipju ta’ awtonomija bħala persuni li jimpjegaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 1997, Gimenez vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑220/95, EU:T:1997:130, punt 72, u tal‑21 ta’ Jannar 2014, Van Asbroeck vs Il-Parlament, F‑102/12, EU:F:2014:4, punt 29).

106    Issa, f’dan il-każ, il-Linji gwida dwar it-telexogħol adottati mill-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2021 jikkostitwixxu l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija fil-qasam tat-trattament tal-uffiċjali tagħhom fis-sitwazzjoni eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

107    Għaldaqstant u fi kwalunkwe każ, dawn id-differenzi bejn il-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2017, Schönberger vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑688/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:76, punt 187).

108    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

e)      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 7 talKarta

109    Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet imġiegħla titlob lill-Kummissjoni tagħtiha aċċess għall-internet sabiex ittaffi l-ispejjeż ikkawżati mill-implimentazzjoni tat-telexogħol obbligatorju u li d-deċiżjoni tal-PMO tal‑14 ta’ Lulju 2021 li tiċħad it-talba tagħha għall-għoti ta’ aċċess għall-internet tikkostitwixxi ndħil fid-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tad-dar tagħha.

110    Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Madankollu, id-dritt stabbilit minn dan l-artikolu ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta. Huwa jista’ jkun is-suġġett ta’ limitazzjonijiet konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 172 u 174 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta tkun inkwistjoni miżura individwali, bħal dik ineżami, l-eżistenza jew le ta’ limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-impatt reali tagħha fuq il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 52 sa 54). Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm indħil fl-eżerċizzju ta’ dritt meta r-rabta bejn dan id-dritt u l-miżura inkwistjoni tkun wisq indiretta jew wisq aleatorja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Janoha et vs Il-Kummissjoni, T‑517/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:874, punti 72 u 73).

112    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni biss li, sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha bit-telexogħol permezz tal-konnessjoni mal-internet tagħha stess, hija kienet imġiegħla tikser il-kuntratt li hija kienet ikkonkludiet b’mod privat ma’ VOO u li jipprovdi li l-aċċess tagħha għall-internet kien limitat għal użu privat u personali.

113    Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li minnu jista’ jiġi dedott li VOO tinterpreta l-kuntratt tagħha fis-sens li dan jipprojbixxiha milli tuża personalment il-konnessjoni tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha u li din il-projbizzjoni inevitabbilment għandha riperkussjonijiet fuq id-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tad-dar tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li hija ma taf b’ebda lment minn fornituri ta’ aċċess fir-rigward tal-użu, mill-klijenti tagħhom, tal-konnessjoni tal-internet fil-kuntest tat-telexogħol u r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tikkontradixxi din l-affermazzjoni.

114    Huwa minnu li r-rikorrenti ssostni li fornitur ieħor ta’ aċċess implimenta programm li jippermetti lill-persuni li jimpjegaw jintervjenu finanzjarjament fl-ispejjeż tal-internet tal-impjegati tagħhom sabiex ikopru l-perijodi ta’ telexogħol ta’ dawn tal-aħħar.

115    Madankollu, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li dan il-programm huwa ppreżentat biss bħala “rigal” li l-persuni li jimpjegaw joffru lill-impjegati tagħhom. Għalhekk, dan huwa biss sempliċi għażla u mhux dispożittiv li, skont dan il-fornitur, huwa indispensabbli sabiex il-klijenti tiegħu josservaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt tar-rikorrenti għar-rispett tal-ħajja privata u tad-dar tagħha.

117    Il-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud, kif ukoll, għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet kollu.

C.      Fuq ittielet kap tattalbiet

118    Permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 51.89 bħala rimbors tal-ispejjeż professjonali tagħha, tagħtiha, fil-kuntest tat-telexogħol, aċċess għall-internet għal użu professjonali u tħallasha s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għal diversi danni.

119    Peress li r-rikorrenti fformulat dawn it-talbiet “bħala konsegwenza” tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li peress li t-tieni kap tat-talbiet ġie miċħud, it-tielet wieħed għandu jiġi miċħud ukoll.

120    Barra minn hekk, għandha daqstant ieħor tiġi miċħuda t-talba għall-kumpens għad-dannu morali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba r-rifjut repetut li tingħata aċċess għall-internet, minħabba l-biża’ li jkollha tbati mill-ġdid waħedha l-ispejjeż professjonali u minħabba l-fatt li hija kellha titlaq mill-Kummissjoni sabiex ma tiġix ippenalizzata fl-evalwazzjoni tagħha u fil-progress fil-karriera tagħha.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kull dannu għandu jkun reali u ċert u li dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, CN vs Il-Parlament, T‑343/13, EU:T:2015:926, punt 118). Hija l-parti li tinvoka r-responsabbiltà tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi dwar l-eżistenza jew il-portata tad-dannu li hija tinvoka. Dan l-obbligu japplika wkoll f’dak li jirrigwarda d-dannu morali. Sempliċi allegazzjoni li ma tkun issostanzjata b’ebda prova hija insuffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, CN vs Il-Parlament, T‑343/13, EU:T:2015:926, punti 119 u 121).

122    F’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi r-realtà tad-dannu morali tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi ċertifikat mediku li jiddikjaraha inkapaċi għax-xogħol mit‑22 ta’ Diċembru 2020, mis‑14:30, sal‑24 ta’ Diċembru ta’ wara.

123    Madankollu, dan iċ-ċertifikat mediku huwa iżolat, qasir u huwa, b’mod partikolari, nieqes minn kull deskrizzjoni medika. Barra minn hekk, dan iċ-ċertifikat ma huwa kkorroborat minn ebda dokument ieħor li jippermetti li l-waqfien qasir mix-xogħol tar-rikorrenti jiġi imputat għall-allegat “xokk psikoloġiku u fiżiku kkawżat mir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi l-volum tal-internet neċessarju għall-eżekuzzjoni tax-xogħol tagħha”.

124    Ir-rikorrenti lanqas ma tressaq provi insostenn tal-affermazzjoni tagħha li hija kienet imġiegħla titlaq mill-Kummissjoni sabiex ma tiġix ippenalizzata fl-evalwazzjoni tagħha u fil-progress fil-karriera tagħha. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qieset li l-assenza tagħha fit‑3 ta’ Mejju 2021 ma kinitx ġustifikata u li, għalhekk, naqqset jum mill-bilanċ tal-leave annwali tagħha (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) lanqas ma jikkostitwixxi, f’dan id-dawl, bidu ta’ prova.

125    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob għalxejn il-kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet minħabba t-telf tal-imsemmi jum ta’ leave minħabba assenza irregolari meta hija rrifjutat li tuża l-aċċess privat tagħha għall-internet għal finijiet professjonali.

126    Kif issostni l-Kummissjoni, din it-talba hija inammissibbli. Fil-fatt, hija tressqet għall-ewwel darba fir-rikors u ma kinitx is-suġġett ta’ proċedura prekontenzjuża kompleta u konformi mal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, f’kuntest fejn il-kawża diretta tad-dannu allegat ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata iżda minn dik tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà tad‑19 ta’ Mejju 2021.

127    Għaldaqstant, it-tielet kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors ukoll għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV.    Fuq lispejjeż

129    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

130    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

131    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      OE hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gervasoni

Madise

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.