Language of document : ECLI:EU:C:2023:837

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur – Regolament (UE) 2018/858 – Approvazzjoni u sorveljanza tas-suq ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi – Artikolu 61(1) u (2) – Punt 6.1 tal-Anness X – Operaturi indipendenti – Informazzjoni ‘faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament’ – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(1)(ċ) – Ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Obbligu legali impost fuq il-manifatturi tal-vetturi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti n-numri ta’ identifikazzjoni tal-vetturi (VIN)”

Fil-Kawża C‑319/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Gesamtverband Autoteile-Handel eV

vs

Scania CV AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), M. Safjan, N.  Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A  Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gesamtverband Autoteile-Handel eV, minn E. Macher, M. Sacré u P. Schmitz, Rechtsanwälte,

–        għal Scania CV AB, minn F. Hübener, B. Lutz u D. Wendel, Rechtsanwälte,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Huttunen u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gesamtverband Autoteile-Handel eV (iktar ’il quddiem “Gesamtverband”), assoċjazzjoni professjonali Ġermaniża tal-kummerċ bl-ingrossa ta’ partijiet tal-karozzi, u Scania CV AB (iktar ’il quddiem “Scania”), manifattur ta’ vetturi Svediż, dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, minnu, ta’ informazzjoni tas-sistema djanjostika abbord (OBD) tal-vetturi, kif ukoll informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir‑Regolament 2018/858

3        Il-premessi 50, 52 u 62 tar-Regolament Nru 2018/858 jipprovdu:

“(50)      L-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, permezz ta’ format standardizzat li jista’ jintuża sabiex tiġi rkuprata l-informazzjoni teknika, kif ukoll il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi li jipprovdu tali informazzjoni, huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà fil-forniment tas-servizzi. [...]

[...]

(52)      Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi, u sabiex jiġi ċċarat li l-informazzjoni kkonċernata tkopri wkoll l-informazzjoni li jeħtieġ li tingħata lil operaturi indipendenti minbarra s-sewwejja, sabiex jiġi żgurat li s-suq indipendenti tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inġenerali jkun jista’ jikkompeti ma’ negozjanti awtorizzati, [...] jenħtieġ li jiġu stipulati d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata għall-finijiet ta’ aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.”

[...]

(62)      Kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawn jitwettqu skont [il-GDPR] [...]”

4        Il-punti 40, 45, 48 u 49 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II, ħlief kif stipulat mod ieħor fihom, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

40.      ‘manifattur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata, jew għall-approvazzjoni ta’ vettura individwali, jew għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni għal parts u tagħmir, sabiex tkun żgurata l-konformità tal-produzzjoni u li hija responsabbli wkoll għal kwistjonijiet tas-sorveljanza tas-suq għal dawk il-vetturi, sistemi, komponenti, unitajiet tekniċi separati, parts u tagħmir immanifatturati, irrispettivament minn jekk dik il-persuna tkunx involuta direttament jew le fl-istadji kollha tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-vettura, tas-sistema, tal-komponent jew tal-unità teknika separata kkonċernata;

[...]

45.      ‘operatur indipendenti’: tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej awtorizzat, li hija direttament jew indirettament involuta fit-tiswija u fil-manutenzjoni tal-vetturi, u inklużi sewwejja, manifatturi jew distributuri ta’ tagħmir tat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, assoċjazzjonijiet tal-karozzi, operaturi tal-assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u sewwejja ta’ tagħmir għall-vetturi li jaħdmu b’karburanti alternattivi; tfisser ukoll sewwejja, negozjanti u distributuri awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ manifattur ta’ vettura partikolari sakemm huma jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi li fir-rigward tagħhom mhumiex membri tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-manifattur tal-vettura;

[...]

48.      ‘informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura’ tfisser l-informazzjoni kollha, inklużi l-emendi u supplimenti sussegwenti kollha tagħha, li tkun meħtieġa għad-dijanjożi, l-għoti ta’ service u l-ispezzjoni ta’ vettura, it-tħejjija tagħha għall-kontroll tekniku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ vettura jew li tkun meħtieġa għall-appoġġ djanjostiku mill-bogħod ta’ vettura jew għall-immuntar fuq vettura ta’ parts u tagħmir, u li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, negozjanti jew sewwejja awtorizzati tiegħu u li tintuża mill-manifattur għal finijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni;

49.      ‘informazzjoni dwar [l-OBD] tal-vettura’ tfisser l-informazzjoni ġġenerata minn sistema li hija abbord vettura jew li tkun konnessa ma’ magna u li tkun kapaċi tidentifika ħsara u, fejn applikabbli, li tkun kapaċi tindika l-okkorrenza tagħha permezz ta’ sistema ta’ twissija, li tkun kapaċi tidentifika dik il-parti relatata mal-ħsara permezz tal-informazzjoni maħżuna fil-memorja ta’ kompjuter, u li tkun kapaċi tikkomunika dik l-informazzjoni off-board”.

5        L-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “L-obbligi tal-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”, jipprovdi:

“1.      Il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi, tagħmir dijanjostiku u tagħmir ieħor, għodod, inklużi r-riferenzi kompluti, u d-downloads disponibbli, tas-softwer applikabbli, u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament. [...]

[...]

2.      Sa meta l-Kummissjoni [Ewropea] tadotta standard rilevanti permezz tal-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) jew ta’ korp ta’ standardizzazzjoni komparabbli, l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha tiġi ppreżentata b’mod li tkun faċilment aċċessibbli u b’mod li tkun tista’ tiġi pproċessata minn operaturi indipendenti bi sforz raġonevoli.

L-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha ssir disponibbli fuq is-siti web tal-manifatturi bl-użu ta’ format standardizzat jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, minħabba n-natura tal-informazzjoni, f’format ieħor xieraq. Għal operaturi indipendenti għajr is-sewwejja, l-informazzjoni għandha tingħata wkoll f’format li jkun jista’ jinqara minn magna, li jkun jista’ jiġi pproċessat elettronikament b’għodod u softwer tat-teknoloġija informatika disponibbli b’mod komuni u li jippermetti lil operaturi indipendenti jwettqu l-kompitu assoċjat man-negozju tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq ta’ wara l-bejgħ.

[...]

4.      Id-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, huma stipulati fl-Anness X.

[...]”

6        Skont il-punt 2.5.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament, intitolat “Aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, din l-informazzjoni tinkludi “identifikazzjoni inekwivokabbli tal-vettura, is-sistema, il-komponent jew l-unità teknika separata li għalihom il-manifattur huwa responsabbli”.

7        Skont it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-punt 6.1 ta’ dan l-anness:

“L-informazzjoni fuq il-partijiet kollha tal-vettura, li bihom hija mgħammra l-vettura, kif identifikat mill-VIN u kwalunkwe kriterju addizzjonali bħall-bażi tar-roti, l-output tal-magna, il-livell jew l-għażliet tal-finitura, mill-manifattur tal-vettura u li jistgħu jiġu sostitwiti minn partijiet ta’ riżerva offruti mill-manifattur tal-vettura lis-sewwejja awtorizzati jew lil negozjanti jew partijiet terzi permezz ta’ referenza għan-numru tal-partijiet tat-tagħmir oriġinali (OE), trid titqiegħed għad-dispożizzjoni, fl-għamla ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw minn magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament, f’bażi ta’ data li hija aċċessibbli għall-operaturi indipendenti.

Din id-database għandu jkun fiha l-VIN, in-numri tal-partijiet OE, l-isem OE tal-partijiet, l-attributi tal-validità (dati ta’ validità minn u validità sa), l-attributi tal-fittings u, fejn applikabbli, il-karatteristiċi tal-istrutturar.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 19/2011

8        Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 tal-11 ta’ Jannar 2011 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-pjanċa statutorja tal-manifattur u għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU 2011, L 8, p. 1), li tħassar b’effett mill-5 ta’ Lulju 2022, iżda li jibqa’ applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

2)      numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura’ (VIN) tfisser il-kodiċi alfanumeriku mogħti lil vettura mill-manifattur sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni xierqa ta’ kull vettura”.

9        L-Anness I tar-Regolament Nru 19/2011, intitolat “Rekwiżiti tekniċi”, kien jinkludi Parti B li kienet tipprevedi, fil-punt 1.2 tiegħu, li “[l]-VIN għandu jkun uniku u attribwit b’mod mhux ekwivoku lil vettura partikolari”.

 Il-GDPR

10      L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.”

11      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli [...] persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[...]

7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; [...]

[...]”

12      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[...]

(c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[...]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali [...] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

[...]”

 Id-Direttiva 1999/37

13      Il-punt II.5 tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 351), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 710), jippreċiża li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura għandu jinkludi l-VIN, l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ dan iċ-ċertifikat, ippreċeduti rispettivament mill-kodiċijiet Komunitarji armonizzati E u C.

14      Skont il-punt II.5 u l-punt II.6 ta’ dan l-anness, persuna fiżika tista’ tiġi indikata fl-imsemmi ċertifikat bħala proprjetarja tal-vettura (kodiċi C.2 u C.4) jew bħala persuna li jista’ jkollha l-vettura b’titolu legali differenti minn dak ta’ proprjetarju (kodiċi C.3).

 Id-Direttiva (UE) 2019/1024

15      Il-premessa 35 tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 2019, L 172, p. 56), jistabbilixxi:

“Jenħtieġ li dokument jitqies li għandu format li jinqara mill-magni jekk ikollu format ta’ fajl strutturat b’tali mod li l-applikazzjonijiet ta’ software jistgħu faċilment jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu data speċifika minnu. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Scania, li hija waħda mill-ikbar manifatturi ta’ trakkijiet fl-Ewropa kif ukoll “manifattur”, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, tagħti lill-operaturi indipendenti aċċess manwali għall-informazzjoni dwar il-vetturi, dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ dawn il-vetturi u dwar is-sistema OBD permezz ta’ sit internet. Dan jippermetti li jsiru tfittxijiet jew skont informazzjoni ġenerali dwar il-vetturi, bħall-mudell, il-magna jew is-sena ta’ kostruzzjoni, jew inkella dwar vettura partikolari, billi jiġu indikati l-aħħar seba’ ċifri tal-VIN ta’ din il-vettura. Ir-riżultati ta’ dawn it-tfittxijiet jistgħu jiġu stampati jew issejvjati biss fuq il-kompjuter bħala fajl PDF, li jeskludi użu awtomatizzat ta’ data. Ir-riżultati tat-tiftix dwar l-informazzjoni dwar l-ispare parts jistgħu jiġu ssejvjati bħala fajl XML.

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Scania ma tqegħidx il-VIN għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti. Is-sewwejja biss għandhom aċċess għal din id-data, grazzi għad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jew għall-indikazzjoni li tidher fuq ix-chassis tal-vettura fdata mill-klijent għall-manutenzjoni jew għat-tiswija tagħha.

18      Gesamtverband tirrappreżenta, flimkien mal-membri tagħha, 80 % tad-dħul mill-bejgħ indipendenti tal-ispare parts tal-vetturi fil-Ġermanja. Peress li qieset li l-aċċess għall-informazzjoni mogħti minn Scania jibqa’ inqas minn dak li jimponilha l-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regolament 2018/858, hija talbet lil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, tikkundanna lil Scania tagħti lill-operaturi indipendenti minbarra dawk li jsewwu, imsemmija fil-punt 45 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, permezz ta’ interfaċċa ta’ database, li jippermetti li jsiru mistoqsijiet awtomatizzati u li jitniżżlu r-riżultati fil-forma ta’ settijiet ta’ data intiżi għal użu elettroniku.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tat-tilwima li hija adita biha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858. Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-obbligu li dan il-paragrafu 1 jimponi fuq il-manifatturi ta’ vetturi li jippreżentaw l-informazzjoni b’mod “faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament” ikoprix l-informazzjoni kollha dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jew unikament l-informazzjoni dwar l-ispare parts, imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament, li jirreferi għalih il-paragrafu 4 tal-Artikolu 61 tal-istess regolament.

20      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858 ma jimponux espressament fuq il-manifattur tal-vetturi li jimplementa interfaċċa ta’ database, dawn jeżiġu, madankollu, li l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod “faċilment aċċessibbli”. Skont din il-qorti, il-konsultazzjoni manwali ta’ din l-informazzjoni, li hija tqis bħala mod ta’ aċċess tedjanti, ma tosservax dan ir-rekwiżit.

21      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 61(1) u (2) tar-Regolament 2018/858 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-manifattur tal-vetturi bil-mutur jillimita l-aċċess, fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, għal riċerka mmirata permezz tal-VIN, mingħajr madankollu ma jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti lista aġġornata tal-VIN kollha tal-vetturi tiegħu.

22      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, sa fejn jimponi li jiġu pprovduti lill-operaturi indipendenti l-informazzjoni li huwa jindika fil-forma ta’ “settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament”, ma jimplikax li l-format tal-fajl jista’ jkun is-suġġett ta’ operat elettroniku dirett, mingħajr stadju intermedju bħall-konverżjoni f’format ieħor ta’ fajl. Hija tiddubita, madankollu, li t-tabelli u t-testi ta’ fajl PDF jistgħu jitqiesu li huma konformi mad-Direttiva 2019/1024, li l-premessa 35 tagħha tindika li, sabiex dokument jitqies li jinsab f’format li jista’ jinqara minn magna, dan għandu jiġi ppreżentat f’format ta’ fajl strutturat, b’tali mod li l-applikazzjonijiet ta’ software jkunu jistgħu faċilment jidentifikaw u jirrikonoxxu data speċifika u jiġbruha.

23      Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tqis li, bħala regola ġenerali, il-VIN ma jikkostitwixxix data personali, għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-manifatturi tal-karozzi obbligu legali ta’ pproċessar tad-data, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 [...] jinkludi l-informazzjoni kollha dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jew dan ir-rekwiżit huwa limitat għall-hekk imsejħa informazzjoni dwar l-ispare parts [...] imsemmija fil-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament?

2)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-manifattur tal-vetturi jikkonforma ruħu mal-obbligi korrispondenti tiegħu unikament meta

a)      jagħmel l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-internet permezz ta’ tfittxija awtomatizzata magħmula bl-użu ta’ database interface, bil-possibbiltà ta’ tniżżil tar-riżultati, jew huwa biżżejjed li jippermetti biss riċerka manwali magħmula fuq sit internet minn utent uman fuq skrin u jirrestrinġi r-riżultat tat-tfittxija għall-kontenut viżibbli tal-paġni tal-iskrin?

u

b)      billi jagħmel possibbli t-tfittxija [permezz tal-VIN], li għandu jagħmel disponibbli f’lista separata, u indipendentement minn din il-possibbiltà,

–        ukoll permezz ta’ karatteristiċi oħra li jippermettu li jiġu identifikati l-vetturi msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858

–        kif ukoll permezz ta’ termini li barra minn hekk japplikaw għall-kategoriji (bħall-kategoriji ta’ komponenti, ta’ spare parts, ta’ manwali ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni u ta’ illustrazzjonijiet tekniċi) u permezz ta’ dħul ieħor f’databases bi kwalunkwe link,

jew huwa biżżejjed li l-manifattur jipprovdi r-riċerka esklużivament fil-forma ta’ tfittxija individwali permezz tan-NIV ta’ vettura konkreta waħda, mingħajr ma fl-istess ħin jagħmel disponibbli lista aġġornata tan-NIV kollha tal-vetturi tiegħu?

u

(c)      billi jagħmel disponibbli din id-data f’fajls li l-format tagħhom iservi, konformement mad-destinazzjoni ta’ dan il-format, għall-ipproċessar elettroniku dirett (sussegwenti) tad-data inkluża f’dawn il-fajls, billi jindika d-deskrizzjoni korrispondenti tad-data (għat-testi u għat-tabelli), jew il-possibbiltà ta’ output ta’ sempliċi screenshot fi kwalunkwe format ta’ fajl komunement disponibbli, bħal fajl PDF, hija suffiċjenti għal dan il-għan?

3)      L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jikkostitwixxi, għall-manifatturi tal-vetturi, obbligu legali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tar-[GDPR], li jiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ VIN jew ta’ informazzjoni annessa magħhom lil operaturi ekonomiċi indipendenti inkwantu kontrolluri oħra fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li tiġi ppreżentata l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li tista’ tinqara minn magna u li tista’ tinqara elettronikament, ikopri l-“informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jew biss l-informazzjoni dwar l-ispare parts imsemmija fil-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament.

26      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 timponi fuq il-manifatturi tal-karozzi l-obbligu li jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju, b’mod partikolari, għall-“informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-imsemmi regolament, din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jintużaw b’mod elettroniku.

27      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu li hija tipprevedi jirrigwarda l-istess informazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-imsemmi regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

28      Għalkemm, skont l-Artikolu 61(4) tar-Regolament 2018/858, “[i]d-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess [...] għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, huma stipulati fl-Anness X”, u għalkemm it-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 ta’ dan l-anness jirreferi biss għall-informazzjoni dwar partijiet ta’ vetturi li jistgħu jiġu ssostitwiti minn spare parts, xorta jibqa’ l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni ma tirregolax hija stess il-portata tal-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Għaldaqstant hija ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas din l-informazzjoni tal-aħħar għal dik li tirrigwarda l-ispare parts.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li tista’ tinqara minn magna u li tista’ tinqara elettronikament, ikopri l-“informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, u mhux biss l-informazzjoni dwar l-ispare parts imsemmija fil-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur, l-ewwel nett, li jagħmlu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi aċċessibbli permezz ta’ interfaċċa ta’ database li tippermetti interrogazzjoni awtomatizzata bi tniżżil ta’ riżultati, it-tieni, li jistabbilixxu database li tippermetti t-tfittxija mhux biss skont il-VIN iżda wkoll skont mezzi addizzjonali u, it-tielet, li jqiegħdu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’fajls li l-format tagħhom iservi għall-użu elettroniku dirett tas-settijiet ta’ data li jinsabu f’dawn il-fajls.

31      Fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jimponi fuq il-manifatturi tal-karozzi l-obbligu li jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju, fost l-oħrajn, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jippreżentawhom b’mod “faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament”.

32      L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 61(2) jobbliga lil dawn il-manifatturi jqiegħdu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni fuq is-siti internet tagħhom bl-użu ta’ format standardizzat jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, minħabba n-natura tal-informazzjoni, f’format ieħor xieraq. It-tieni sentenza ta’ dan it-tieni subparagrafu jimponi fuq l-imsemmija manifatturi li jipprovdu l-informazzjoni f’format li jkun jista’ jinqara minn magna, li jkun jista’ jiġi pproċessat elettronikament b’għodod u software disponibbli b’mod komuni, sabiex dawn l-operaturi jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u t-tagħmir tibdil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 28).

33      Sal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ standard xieraq, l-istess manifatturi għandhom, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament 2018/858, jippreżentaw l-imsemmija informazzjoni b’mod “faċilment aċċessibbli”, b’tali mod li tkun tista’ tintuża mill-operaturi indipendenti “bi sforz raġonevoli”.

34      Madankollu, l-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament ma jipprevedix obbligu, għall-manifatturi tal-vetturi bil-mutur, li jistabbilixxu interfaċċa li tista’ tintuża għall-interrogazzjoni tad-databases ta’ dawn il-manifatturi.

35      Fit-tieni lok, skont it-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858, li jirreferi għall-Artikolu 61(4) ta’ dan ir-regolament, “L-informazzjoni fuq il-partijiet kollha tal-vettura, li bihom hija mgħammra l-vettura, kif identifikat mill-VIN u kwalunkwe kriterju addizzjonali bħall-bażi tar-roti, l-output tal-magna, il-livell jew l-għażliet tal-finitura, mill-manifattur tal-vettura u li jistgħu jiġu sostitwiti minn partijiet ta’ riżerva offruti mill-manifattur tal-vettura lis-sewwejja awtorizzati jew lil negozjanti jew partijiet terzi permezz ta’ referenza għan-numru tal-partijiet tat-tagħmir oriġinali (OE), trid titqiegħed għad-dispożizzjoni, fl-għamla ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw minn magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament, f’bażi ta’ data li hija aċċessibbli għall-operaturi indipendenti”.

36      Mill-formulazzjoni stess tat-tielet subparagrafu ta’ dan il-punt 6.1 jirriżulta li, fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-partijiet li jistgħu jiġu ssostitwiti minn spare parts, il-manifatturi huma obbligati li jistabbilixxu database (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑527/18, EU:C:2019:762, punt 32) li jippermettu li jsiru tfittxijiet mhux biss permezz tal-VIN iżda wkoll permezz ta’ “kriterji addizzjonali” previsti minn din id-dispożizzjoni.

37      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, kif stabbilit fil-premessi 50 u 52 tar-Regolament 2018/858. Għal dan l-għan, l-operaturi indipendenti, bħall-edituri ta’ informazzjoni teknika u l-manifatturi ta’ partijiet, għandhom ikunu jistgħu jwettqu, sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-partijiet u tat-tagħmir ta’ tibdil, riċerka bil-mezzi kollha elenkati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

38      Fit-tielet lok, l-obbligu tal-manifatturi li jqiegħdu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, previst fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, għandu jippermetti lil dawn l-operaturi l-“estrazzjoni ta’ data teknika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 27).

39      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2019/1024, sabiex dokument ikun jista’ jitqies li għandu format li jinqara minn magna, dan għandu jkun f’“format ta’ fajl strutturat b’tali mod li l-applikazzjonijiet ta’ software jistgħu faċilment jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu data speċifika minnu.”

40      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni f’format bħal dak offrut minn Scania huwa intiż biss għal operat elettroniku indirett u jeżiġi li l-imsemmija operaturi jwettqu stadji intermedjarji ta’ konverżjoni ta’ fajls li ma jippermettux użu awtomatizzat f’format li jista’ jiġi sfruttat direttament. Bla ħsara għall-verifiki li finalment għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ma jistax jitqies li josserva t-tieni sentenza tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858.

41      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, kif stabbilit fil-premessi 50 u 52 tar-Regolament 2018/858. Għal dan l-għan, huwa essenzjali, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-operaturi indipendenti jkunu jistgħu jieħdu data teknika mill-format li permezz tiegħu l-manifatturi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni neċessarja u jżommu din id-data immedjatament wara l-ġbir tagħha għall-finijiet tal-użu mill-ġdid tagħha.

42      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jobbligawx lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur li jagħmlu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi aċċessibbli permezz ta’ interfaċċa ta’ database li tippermetti konsultazzjoni awtomatizzata bi tniżżil ta’ riżultati, iżda jobbligahom li jqiegħdu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’fajls li l-format tagħhom iservi għall-użu elettroniku dirett tas-settijiet ta’ data li jinsabu f’dawn il-fajls;

–        moqri flimkien mal-Artikolu 61(4) ta’ dan ir-regolament u mat-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 tal-Anness X tiegħu, huwa jimponi fuq il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur l-obbligu li jistabbilixxu database li tippermetti t-tfittxija tal-informazzjoni dwar il-partijiet kollha mgħammra bihom oriġinarjament il-vettura mhux biss skont il-VIN iżda wkoll skont il-mezzi addizzjonali previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

43      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għandux jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi “obbligu legali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, li għandhom il-manifatturi tal-karozzi, li jqiegħdu l-VIN tal-vetturi li huma jimmanifatturaw għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti, bħala “kontrolluri”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

44      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-VIN jaqax taħt il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li fih dan il-kunċett huwa ddefinit bħala “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”.

45      Din id-definizzjoni hija applikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-iskop u l-effett tagħha, l-informazzjoni inkwistjoni tkun marbuta ma’ persuna fiżika partikolari (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Finalitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali), C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 70). Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, direttament jew indirettament, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi kollha li jistgħu raġonevolment jiġu implimentati jew mill-kontrollur, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, jew minn ħaddieħor, sabiex tiġi identifikata din il-persuna, mingħajr madankollu ma huwa meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-imsemmija persuna tkun tinsab f’idejn entità waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2017:779, punti 42 u 43).

46      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, data bħall-VIN — li hija ddefinita mill-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 19/2011 bħala kodiċi alfanumeriku mogħti lill-vettura mill-manifattur tagħha, sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni xierqa ta’ din il-vettura u li, bħala tali, ma għandhiex natura “personali” — tikseb din in-natura fir-rigward ta’ kull min raġonevolment għandu mezzi li jippermettu li jassoċjaha ma’ persuna speċifika.

47      Issa, mill-punt II.5 tal-Anness I tad-Direttiva 1999/37 jirriżulta li l-VIN għandu jidher fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura, bħall-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ dan iċ-ċertifikat. Barra minn hekk, skont il-punti II.5 u II.6 ta’ dan l-anness, persuna fiżika tista’ tiġi indikata fl-imsemmi ċertifikat bħala proprjetarja tal-vettura, jew bħala persuna li jista’ jkollha l-vettura b’titolu legali differenti minn dak ta’ proprjetarju.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VIN jikkostitwixxi data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tal-persuna fiżika msemmija fl-istess ċertifikat, sa fejn dak li għandu aċċess għalih jista’ jkollu mezzi li jippermettulu jużaha sabiex jidentifika l-proprjetarju tal-vettura relatata magħha jew il-persuna li jista’ jkollha din il-vettura b’titolu legali differenti minn dak tal-proprjetarju tal-vettura.

49      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-operaturi indipendenti jistgħu raġonevolment ikollhom il-mezzi li jippermettulhom jorbtu VIN ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan il-VIN jikkostitwixxi għalihom data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, kif ukoll, indirettament, għall-manifatturi tal-vetturi bil-mutur li jqegħduh għad-dispożizzjoni, anki jekk il-VIN ma huwiex, fih innifsu, għal dawn tal-aħħar data personali u ma huwiex, b’mod partikolari, meta l-vettura li ngħatatilha dan il-VIN ma tkunx tappartjeni lil persuna fiżika.

50      Jekk mill-verifika indikata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li VIN għandu jitqies bħala data personali, huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, u għandu għalhekk ikun is-suġġett ta’ pproċessar konformi ma’ dan ir-regolament.

51      Il-kunċett ta’ “pproċessar” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RGPD bħala kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom u applikati għal data jew sett ta’ data ta’ natura personali, bħall-komunikazzjoni bi trażmissjoni, ix-xandir jew kull forma oħra ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni. Dan il-kunċett ikopri għalhekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ VIN mill-“kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, meta dan il-VIN jippermetti li tiġi identifikata persuna fiżika.

52      L-Artikolu 6 tal-GDPR jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-legalità tal-ipproċessar ta’ tali data. Skont il-paragrafu 1(c) ta’ dan l-artikolu, huwa legali l-ipproċessar li huwa meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

53      L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża, barra minn hekk, li dan l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett, u li l-kontrollur, li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex.

54      Kif tiddikjara l-premessa 62 tar-Regolament 2018/858, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi applikata kull darba li l-miżuri previsti minn dan ir-regolament jipprevedi jimplikaw l-ipproċessar ta’ data personali.

55      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati, fit-tieni lok, il-kontenut u l-portata tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858.

56      Din id-dispożizzjoni, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 26 u 31 ta’ din is-sentenza, timponi, qabel xejn, li l-manifatturi tal-vetturi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti, fost l-oħrajn, l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, iddefiniti fil-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament bħala “l-informazzjoni kollha, inklużi l-emendi u supplimenti sussegwenti kollha tagħha, li tkun meħtieġa għad-dijanjożi, l-għoti ta’ service u l-ispezzjoni ta’ vettura, it-tħejjija tagħha għall-kontroll tekniku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ vettura jew li tkun meħtieġa għall-appoġġ djanjostiku mill-bogħod ta’ vettura jew għall-immuntar fuq vettura ta’ parts u tagħmir, u li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, negozjanti jew sewwejja awtorizzati tiegħu u li tintuża mill-manifattur għal finijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni”.

57      Barra minn hekk, l-Anness X tar-Regolament 2018/858, li għalih jirreferi l-Artikolu 61(4) ta’ dan ir-regolament, jippreċiża, fil-punt 2.5.1 tiegħu, li l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi tinkludi “l-identifikazzjoni inekwivoka tal-vettura”. Barra minn hekk, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-punt 6.1 ta’ dan l-anness, il-VIN għandu jidher fid-database li l-manifattur huwa obbligat li joħloq, skont it-tielet paragrafu ta’ dan il-punt 6.1, fir-rigward tal-partijiet li l-vettura hija mgħammra bihom oriġinarjament u li jistgħu jiġu ssostitwiti minn spare parts.

58      Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jimponu għalhekk fuq il-manifatturi tal-vetturi l-“obbligu legali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti, fost data oħra, il-VIN. Tali “obbligu legali” jissodisfa l-ewwel kundizzjoni ta’ legalità tal-ipproċessar tad-data personali stabbilita fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

59      Sussegwentement, l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jiddefinixxi l-għan ta’ dan l-obbligu ta’ pproċessar tad-data, li huwa li jiġi pprovdut lill-operaturi indipendenti aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju għall-informazzjoni, b’mod partikolari, dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. L-“obbligu legali”, għall-manifatturi, li jqiegħdu l-VIN tal-vetturi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti jissodisfa għalhekk l-għan, stabbilit fil-premessa 52 tal-imsemmi regolament, li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

60      Skont il-premessa 50 tar-Regolament 2018/858, tali kompetizzjoni hija neċessarja sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, l-għan imsemmi fil-punt preċedenti huwa ta’ interess pubbliku u, konsegwentement, leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 75). It-tieni kundizzjoni għal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali stabbilita fil-punt 53 ta’ din is-sentenza hija għalhekk issodisfatta.

61      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tielet kundizzjoni ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, prevista fl-Artikolu 6(3) tal-GDPR u li teżiġi li dan l-ipproċessar ikun “proporzjonat mal-għan leġittimu segwit”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fir-raba’ inċiż tal-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li hija biss it-tfittxija permezz tal-VIN li tippermetti identifikazzjoni eżatta tad-data li tikkorrispondi għal vettura b’mod partikolari, u, min-naħa l-oħra, li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsemmix mezz ieħor ta’ identifikazzjoni inqas vinkolanti li, fl-istess ħin, huwa effikaċi daqs it-tfittxija mill-VIN u jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku identifikat fil-punt preċedenti. L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għalhekk jissodisfa t-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu u mal-punt 6.1 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi “obbligu legali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, li għandhom il-manifatturi tal-karozzi, li jqiegħdu l-VIN tal-vetturi li huma jimmanifatturaw għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti, bħala “kontrolluri”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

l-obbligu li l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li tista’ tinqara minn magna u li tista’ tinqara elettronikament, ikopri l-“informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, u mhux biss l-informazzjoni dwar l-ispare parts imsemmija fil-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament.

2)      It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        ma jobbligawx lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur li jagħmlu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi aċċessibbli permezz ta’ interfaċċa ta’ database li tippermetti konsultazzjoni awtomatizzata bi tniżżil ta’ riżultati, iżda jobbligahom li jqiegħdu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti f’fajls li l-format tagħhom iservi għall-użu elettroniku dirett tas-settijiet ta’ data li jinsabu f’dawn il-fajls;

–        moqri flimkien mal-Artikolu 61(4) ta’ dan ir-regolament u mat-tielet subparagrafu tal-punt 6.1 tal-Anness X tiegħu, huwa jimponi fuq il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur l-obbligu li jistabbilixxu database li tippermetti t-tfittxija tal-informazzjoni dwar il-partijiet kollha mgħammra bihom oriġinarjament il-vettura mhux biss skont in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) iżda wkoll skont il-mezzi addizzjonali previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu u mal-punt 6.1 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jistabbilixxi “obbligu legali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li għandhom il-manifatturi tal-karozzi, li jqiegħdu l-VIN tal-vetturi li huma jimmanifatturaw għad-dispożizzjoni tal-operaturi indipendenti, bħala “kontrolluri”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.