Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013 – Jaczewski vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-178/13)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Grzegorz Jaczewski (Bielany, il-Polonja) (rappreżentant: M. Goss, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-24 ta’ Lulju 2013 [innotifikata bħala Dokument Nru C(2012) 5049], li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Polonja għas-sena 2012, skont l-Artikolu 132(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, liema deċiżjoni introduċiet l-applikazzjoni tal-modulazzjoni fir-rigward tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari ta’ iktar minn EUR 5 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv jirrigwarda l-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ġerarkija tan-normi legali peress li adottat miżuri li jmorru kontra l-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) flimkien mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, sa fejn applikat il-mekkaniżmu ta’ modulazzjoni fir-rigward tal-pagamenti nazzjonali diretti komplementari, minkejja l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ modulazzjoni ma huwiex applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda għas-sena 2012.It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikolu 39 TFUE flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, peress li l-applikazzjoni tal-modulazzjoni fir-rigward tal-pagamenti nazzjonali diretti komplementari twassal għal tnaqqis tal-ammonti mħallsa lil bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda għal livell inferjuri għall-ammonti mħallsa lil bdiewa fi Stati Membri li ma humiex l-Istati Membri l-ġodda u peress li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma ttiħditx inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni individwali tal-Unjoni Ewropea.