Language of document : ECLI:EU:T:2015:514

Kawża T‑436/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

HIT Groep BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha — Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti — Terminu raġonevoli”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha, inkluż fil-każ ta’ holding — Natura konfutabbli — Determinazzjoni tal-politika kummerċjali — Kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura eventwalment awtonoma tagħha

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami — Neċessità li jiġu speċifikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha — Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Proporzjonalità — Portata

4.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta' evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha, inkluż fil-każ ta’ holding — Obbligi probatorji tal-kumpannija li tkun tixtieq tegħleb din il-preżunzjoni — Elementi insuffiċjenti sabiex tingħeleb il-preżunzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kirterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Għanijiet

(Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi d-data ta’ impożizzjoni tal-multa — Sena kummerċjali kkaratterizzata mit-trasferiment ta’ grupp sħiħ ta’ assi — Użu tad-dħul mill-bejgħ ta’ sena kummerċjali preċedenti oħra li tirrappreżenta l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali — Ammissibbiltà fil-każ ta’ holding

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Kumpannija parent u sussidjarji — Neċessità tal-unità ekonomika fil-mument tal-kooperazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2)); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

10.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Portata — Kumpannija parent u sussidjarja li, matul parti mill-perijodu tal-ksur, kienu jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u li ma kinux għadhom jeżistu f’din il-forma fil-jum tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa — Konsegwenzi fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ksur — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 117-131, 147, 148)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 132)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 133)

4.      Fil-qasam ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha matul il-perijodu tal-ksur li għalih inżammet responsabbli, il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u, f’tali każ, ma hijiex meħtieġa tipproduċi provi oħra f’dan ir-rigward. B’hekk, l-assenza ta’ rilevanza tal-provi supplimentari mressqa mill-Kummissjoni ma għandha ebda impatt fuq ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent peress li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija biżżejjed sabiex twassal għar-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija parent, sakemm din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tegħleb l-imsemmija preżunzjoni.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpannija parent hija kumpannija holding, minkejja li ma hijiex kumpannija operazzjonali, ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u ma jimplika ebda trasferiment tal-oneru tal-prova. Il-fatt li l-kumpannija parent kienet biss tiġġestixxi l-holdings tagħha, fid-dawl tan-natura tal-kumpannija u tal-għan tagħha skont l-istatut tagħha, ma jagħmel ebda differenza. Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li din tal-aħħar kienet influwenzat il-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Għaldaqstant, il-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx hija stess attiva f’dan il-qasam lanqas ma huwa biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tingħeleb sempliċement billi jintwera li s-sussidjarja mexxiet il-politika kummerċjali tagħha fis-sens strett tal-kelma, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet, mingħajr ma rċeviet direttivi mingħand il-kumpannija parent f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-awtonomija tas-sussidjarja lanqas ma tista’ tiġi stabbilita sempliċement billi jintwera li din mexxiet b’mod awtonomu aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Fil-fatt, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma kienet implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha.

(ara l-punti 138-142, 144, 145)

5.      Jista’ jirriżulta neċessarju, għall-finijiet ta’ implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, li b’mod eċċezzjonali akkordju ma jiġix imputat lill-operatur inizjali iżda lill-operatur il-ġdid tal-impriża involuta fl-akkordju, fil-każ li dan tal-aħħar ikun jista’ effettivament jitqies li huwa s-suċċessur tal-operatur inizjali, jiġifieri jekk ikompli jopera l-imsemmija impriża. Fil-fatt, il-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” japplika biss fil-każ li l-persuna ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża ma tkunx għadha teżisti ġuridikament wara t-twettiq tal-ksur jew fil-każ ta’ ristrutturazzjonijiet interni ta’ impriża meta l-operatur inizjali ma jkunx neċessarjament temm l-eżistenza ġuridika tiegħu iżda ma jkunx għadu jeżerċita attività ekonomika fis-suq ikkonċernat u fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn l-operatur inizjali u l-operatur il-ġdid tal-impriża.

Għaldaqstant, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika ma japplikax b’mod partikolari meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ma jkunux għadhom jagħmlu parti mill-istess grupp, għalkemm ikunu għadhom jeżistu u għalkemm ma kienx hemm ristrutturazzjoni interna li fil-kuntest tagħha l-kumpannija parent għandha rabtiet strutturali mal-entità li lilha sar it-trasferiment.

Fil-fatt, is-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-multa marbuta ma’ din is-sanzjoni għandhom effett kemm dissważiv u kemm ripressiv u s-sanzjoni għandha tibqa’ imposta fuq il-kumpannija parent anki jekk din tkun illimitat l-attività ekonomika tagħha iżda tkun żammet eżistenza ġuridika li tibqa’ tippermetti li tiġi ssanzjonata.

(ara l-punti 150, 151, 153, 155)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 161)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 174-177)

8.      Fir-rigward tas-“sena kummerċjali preċedenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, din tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena sħiħa ta’ attività tal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni. L-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst f’din id-dispożizzjoni teħtieġ għalhekk, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

F’dan ir-rigward, għalkemm, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, madankollu, li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali.

Sa fejn l-attività normali ta’ holding tikkonsisti fl-akkwist ta’ holdings, fiż-żamma tagħhom, fil-ġbir tal-interessi u fil-bejgħ ta’ dawn il-holdings, il-fatt li kumpannija ta’ dan it-tip tkun sempliċement żammet riżerva finanzjarja limitata u dħul mill-bejgħ minimu ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkostitwixxi prova determinanti tal-eżistenza ta’ attività ekonomika normali tal-imsemmija kumpannija.

(ara l-punti 178-180, 185)

9.      Fil-qasam ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija biss impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet li jikkonċernaw akkordji (Avviż dwar il-klemenza) li tista’ tingħata, skont dan l-avviż, tnaqqis tal-ammont tal-multa li, fl-assenza ta’ din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tagħmel parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan segwit mill-Avviż dwar il-klemenza, li huwa li jiġi promoss is-sejbien ta’ aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis ta’ multi mogħti lil impriża minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet ikkontrollat is-settur ta’ attività implikat fil-ksur inkwistjoni, ma kinitx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur.

(ara l-punt 196)

10.    Fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat materjalment f’akkordju u meta r-responsabbiltà tagħha tkun ibbażata biss fuq il-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun responsabbiltà purament idderivata, anċillari u dipendenti fir-rigward ta’ dik tas-sussidjarja tagħha u, għalhekk, ma tistax tkun ikbar mir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar.

Madankollu, dan il-prinċipju huwa bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, fil-każ ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, li ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa, ta’ elementi li jkunu speċifiċi għal kull waħda minnhom. B’hekk, f’tali każ, kull waħda minn dawn il-persuni ġuridiċi distinti għandha d-dritt li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħha. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-eventwali benefiċċju tal-klemenza, li ma jistax jintalab minn kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża iżda li ma tkunx għadha tagħmel parti minnha fil-mument li din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni.

F’dan ir-rigward, sa fejn eventwali differenzi fit-tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront, rispettivament, ta’ kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha jkunu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi, eventwali limitazzjoni b’riżultat tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom kif ukoll eventwali tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil waħda minnhom ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, anki jekk l-ammont finali tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent, minkejja t-tul iqsar tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha, ikun ikbar minn dak li għalih tiġi kkundannata s-sussidjarja. Bl-istess mod, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax jirriżulta mis-sempliċi allegazzjoni ta’ differenza fl-ammont finali tal-multi imposti, rispettivament, fuq il-kumpannija parent u fuq is-sussidjarja tagħha.


(ara l-punti 213-216, 225-228)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 238-241, 259, 260)

12.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi.

Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu importanza kbira fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha.

Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

(ara l-punti 242-246)