Language of document : ECLI:EU:C:2021:445

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 2014/24/UE – Tmexxija tal-proċedura – L-għażla ta’ parteċipanti u l-għoti ta’ kuntratti – Artikolu 63 – Offerent li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti – Artikolu 57(4), (6) u (7) – Dikjarazzjonijiet qarrieqa ppreżentati minn din l-entità – Esklużjoni tal-imsemmi offerent mingħajr ma ġie rikjest jew awtorizzat jissostitwixxi l-imsemmija entità – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑210/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

Rad Service Srl Unipersonale,

COSMO Ambiente Srl,

COSMO Scavi Srl

vs

Del Debbio SpA,

Gruppo Sei Srl,

Ciclat Val di Cecina Soc. Coop.,

DAF Costruzioni stradali Srl,

fil-preżenza ta’:

Azienda Unità Sanitaria Locale USL Toscana Centro,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Del Debbio SpA, Gruppo Sei Srl u Ciclat Val di Cecina Soc. Coop., minn A. Manzi u F. Bertini, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġenta, assistita minn C. Colelli u de S. L. Vitale, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Rad Service Srl Unipersonale, Cosmo Ambiente Srl u Cosmo Scavi Srl, magħquda fi ħdan il-grupp temporanju ta’ impriżi (GTE) Rad Service (iktar ’il quddiem il-“GTE Rad Service”) u, min-naħa l-oħra, Del Debbio SpA, Gruppo Sei Srl, Ciclat Val di Cecina Soc. Coop., Coop. (iktar ’il quddiem il-“GTE Del Debbio”) kif ukoll il-grupp temporanju ta’ impriżi kkostitwit minn DAF Costruzioni stradali Srl, GARC SpA u Edil Moter Srl (iktar ’il quddiem il-“GTE Daf”), dwar id-deċiżjoni tal-Azienda Unità Sanitaria Locale Toscana Centro (l-Aġenzija tas-Saħħa Lokali tar-Reġjun taċ-Ċentru ta’ Toscana, l-Italja) li teskludi lill-GTE Del Debbio minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2014/24

3        Il-premessi 84, 101 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

“(84)      Ħafna mill-operaturi ekonomiċi, u b’mod speċjali SMEs, iqisu li l-piżijiet amministrattivi li jinħolqu mill-ħtieġa li jiġu prodotti għadd sostanzjali ta’ ċertifikati jew dokumenti oħra relatati mal-kriterji ta’ esklużjoni u għażla huma ostaklu kbir għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkwist pubbliku. Il-limitazzjoni ta’ tali rekwiżiti, pereżempju permezz tal-użu ta’ Dokument ta’ Akkwist Uniku Ewropew (DAUE) li jikkonsisti f’awtodikjarazzjoni aġġornata, tista’ twassal għal simplifikazzjoni konsiderevoli li minnha jibbenefikaw kemm l-awtoritajiet kontraenti kif ukoll l-operaturi ekonomiċi.

L-offerent li lilu ġie deċiż li jingħata l-kuntratt għandu, madanakollu, jintalab jipprovdi l-evidenza rilevanti u l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jikkonkludu kuntratti mal-offerenti li mhumiex kapaċi jagħmlu dan. L-awtoritajiet kontraenti għandhom ukoll ikollhom il-jedd li jitolbu id-dokumenti ta’ appoġġ kollha jew parti minnhom fi kwalnunkwe mument fejn huma jikkunsidraw dan neċessarju fid-dawl tat-twettiq korrett tal-proċedura. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ fi proċeduri b’żewġ stadji - proċeduri restrittivi, proċeduri kompetittivi b’negozjati, djalogi kompetittivi u sħubiji innovattivi - fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu mill-possibbiltà li jillimitaw l-għadd ta’ kandidati mistednin biex jissottomettu l-offerta. Il-ħtieġa għas-sottomissjoni tad-dokumenti ta’ appoġġ fil-mument tal-għażla tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna tista’ tkun iġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-awtoriatjiet kontraenti jistiednu kandidati li aktar tard ma jkunux jistgħu jissottomettu dokumenti ta’ appoġġ fl-istadju ta’ għoti, li altrimenti jippriva kandidati kwalifikati milli jipparteċipaw.

Għandu jkun stabbiliti b’mod espliċitu li d-Dokument ta’ Akkwist Uniku Ewropew għandu wkoll jipprovdi l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-entitajiet li fuq il-kapaċitajiet tagħhom jiddependi operatur ekonomiku, sabiex il-verifika tal-informazzjoni dwar dawn l-entitajiet tista’ ssir flimkien mal-verifika fir-rigward tal-operatur ekonomiku prinċipali u fuq l-istess kondizzjonijiet.

[…]

(101)      Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jiġi ċċarat li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ twassal għad-dubju fl-integrità ta’ operatur ekonomiku u għalhekk twassal biex l-operatur ekonomiku ma jkunx adattat biex jingħata kuntratt pubbliku irrispettivament minn jekk l-operatur ekonomiku jkollux il-kapaċità ekonomika u teknika biex jitwettaq il-kuntratt.

Filwaqt li wieħed iqis li l-awtorità kontraenti ser tkun responsabbli għall-konsegwenzi tad-deċiżjoni possibbilment żbaljata tagħha, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibqgħu liberi wkoll li jqisu li kien hemm kondotta professjonali serjament skorretta, fejn, qabel issir deċiżjoni finali u vinkolanti dwar il-preżenza ta’ raġunijiet obbligatorji għall-esklużjoni, huma jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq li l-operatur ekonomiku kiser l-obbligi tiegħu, inklużi l-obbligi relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jeskludu kandidati jew offerenti li t-twettiq tagħhom ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti wera nuqqasijiet kbar fir-rigward ta’ rekwiżiti sostantivi, pereżempju n-nuqqas ta’ twettiq jew prestazzjoni ta’ suċċess, nuqqasijiet sinifikanti tal-prodott jew servizz mogħti, li b’hekk ma setax jintuża għall-iskop maħsub, jew imġiba skorretta li tqajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku. Il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi għal durata massima ta’ esklużjonijiet bħal dawn.

Bl-applikazzjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Irregolaritajiet minuri għandhom iwasslu għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Madankollu każijiet ripetuti ta’ irregolaritajiet minuri jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-affidibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjonijiet tiegħu.

(102)      Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.”

4        L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.”

5        L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 4 sa 7 tiegħu:

“4.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

[…]

(h)      fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

(i)      fejn l-operatur ekonomiku […] jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti.

[…]

5.      […]

Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

6.      Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

7.      Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

6        Skont l-Artikolu 59 tal-istess direttiva, intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku”:

“1.      Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-[DAUE] li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;

(b)      jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 58;

(c)      fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 65.

Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet.

Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn.

Fejn l-awtorità kontraenti tista’ takkwista d-dokumenti ta’ sostenn direttament permezz ta’ aċċess għal database skont il-paragrafu 5, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu wkoll ikun fih l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop, bħall-indirizz tal-Internet tad-database, kwalunkwe data ta’ identifikazzjoni u, fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni neċessarja tal-kunsens.

[…]

4.      Awtorità kontraenti tista’, fi kwalunkwe mument matul il-proċedura, titlob lill-offerenti u lill-kandidati jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn kollha jew parti minnhom fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura.

Qabel ma tagħti l-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha, ħlief fir-rigward tal-kuntratti bbażati fuq ftehimiet qafas meta tali kuntratti jkunu konklużi f’konformità mal-Artikolu 33(3) jew il-punt (a) tal-Artikolu 33(4), tobbliga lill-offerent li lilu tkun iddeċidiet li tagħti l-kuntratt li jippreżenta dokumenti ta’ sostenn aġġornati skont l-Artikolu 60 u, fejn adegwat, l-Artikolu 62. L-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi sabiex jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati riċevuti skont l-Artikoli 60 u 62.

5.      Minkejja l-paragrafu 4, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx jiġu obbligati jissottomettu dokumenti ta’ sostenn jew informazzjoni dokumentarja oħra fejn u jekk l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li tikseb iċ-ċertifikati jew l-informazzjoni rilevanti direttament permezz ta’ aċċess għal database nazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru li jkun disponibbli mingħajr ħlas, bħal reġistru nazzjonali tal-akkwisti, dossier tal-kumpanniji virtwali, sistema elettronika għall-ħażna tad-dokumenti jew sistema ta’ prekwalifikazzjoni.

[…]”

7        Intitolat “Mezzi ta’ prova”, l-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu ċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet u l-mezzi l-oħra ta’ prova imsemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness XII bħala evidenza tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57 u għall-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla skont l-Artikolu 58.

L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jitolbu mezzi ta’ prova għajr dawk imsemmija f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 62. Fir-rigward tal-Artikolu 63, l-atturi ekonomiċi jistgħu jiddependu fuq kwalunkwe mezz adegwat sabiex jagħtu prova lill-awtorità kontraenti li ser jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom.

2.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li l-ebda mill-każijiet speċifikati fl-Artikolu 57 ma japplikaw għall-operatur ekonomiku:

(a)      fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, tiġi pprovduta silta mir-reġistru relevanti, bħall-kondotta jew, fin-nuqqas ta’ din, ta’ dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku jkun stabbilit billi juri li dawn ir-rekwiżiti ġew sodisfatti;

(b)      fir-rigward tal-paragrafu 2 u l-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu, ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż ikkonċernat.

[…]”

8        Taħt it-titolu “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.

2.      Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2), minn parteċipant f’dak il-grupp.”

 Id-dritt Taljan

9        Skont l-Artikolu 32(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li Jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi), tat-18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi”):

“L-għoti jsir effettiv wara li jkun ivverifikat li l-kriterji huma sodisfatti.”

10      L-Artikolu 80 tal-Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi jipprovdi, fil-paragrafu 5(f-bis) tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu mill-parteċipazzjoni fil-proċedura tas-sejħa għal offerti operatur ekonomiku li jsib ruħu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, inkluż meta din is-sitwazzjoni tikkonċerna wieħed mis-subkuntratturi tiegħu fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 105(6): […] (f- bis) l-operatur ekonomiku jippreżenta dokumenti jew dikjarazzjonijiet qarrieqa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti pendenti u fil-kuntest tal-użu tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”.

11      L-Artikolu 89 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.      […]

L-operatur ekonomiku li jixtieq jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra għandu jannetti […] dikjarazzjoni ffirmata [mill-impriża awżiljarja] li tikkonferma li hija tissodisfa l-kriterji ġenerali previsti fl-Artikolu 80 kif ukoll il-kriterji tekniċi u li hija għandha r-riżorsi li jifformaw is-suġġett tal-użu tal-kapaċitajiet tagħha.

L-operatur ekonomiku għandu juri lill-awtorità kontraenti li ser ikollu r-riżorsi neċessarji permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ffirmata mill-impriża awżiljarja, li fiha din tal-aħħar tobbliga ruħha fil-konfront tal-offerent u tal-awtorità kontraenti li tagħmel disponibbli matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ir-riżorsi neċessarji li l-offerent ma għandux.

Fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa, l-awtorità kontraenti għandha teskludi lill-offerent u teżegwixxi l-garanzija, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 80(12) fir-rigward tal-firmatarji tal-imsemmija dikjarazzjonijiet.

[…]

3.      L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 85, 86 u 88, tivverifika jekk l-entitajiet, li għall-kapaċitajiet tagħhom l-operatur ekonomiku jixtieq jirrikorri, jissodisfawx il-kriterji tal-għażla rilevanti jew jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni fis-sens tal-Artikolu 80.

Hija għandha timponi fuq l-operatur ekonomiku li jissostitwixxi l-entitajiet li ma jissodisfawx wieħed mill-kriterji tal-għażla rilevanti jew li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet obbligatorji ta’ esklużjoni.

L-avviż tas-sejħa għal offerti jista’ wkoll jindika l-każijiet li fihom l-operatur ekonomiku għandu jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha japplikaw raġunijiet mhux obbligatorji ta’ esklużjoni, sakemm dawn ikunu kriterji tekniċi.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Permezz ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti tat-3 ta’ Jannar 2018, l-Aġenzija tas-Saħħa Lokali taċ-Ċentru ta’ Toscana nediet proċedura għall-għoti ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ selettiv u mekkaniku tal-bini ta’ dak li kien sptar Misericordia e Dolce ta’ Prato (l-Italja), għal ammont bażiku ta’ EUR 5 673 030.73.

13      Fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu, il-GTE Del Debbio invoka l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali ta’ impriża awżiljarja.

14      Filwaqt li kienu jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet fil-klassifika provviżorja, il-GTE DAF, minn naħa, u l-GTE Del Debbio, min-naħa l-oħra, ġew esklużi mill-proċedura mill-awtorità kontraenti. Minħabba f’hekk, il-GTE Rad Service assuma l-ewwel post f’din il-klassifika.

15      L-esklużjoni tal-GTE Del Debbio kienet immotivata mill-provvista ta’ dikjarazzjoni tal-impriża awżiljarja li ma kinitx issemmi patteggiamento, jiġifieri deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-piena nnegozjata fil-kuntest ta’ ftehim bejn il-partijiet, kontra l-proprjetarju u rappreżentant legali tal-impriża fl-14 ta’ Ġunju 2013 u li saret res judicata fil-11 ta’ Settembru 2013. Issa, fid-dritt Taljan, il-patteggiamento huwa espressament assimilat, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma’ kundanna għal reat ta’ feriti b’negliġenza, imwettaq bi ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

16      L-awtorità kontraenti kkunsidrat li l-impriża awżiljarja kienet ipprovdiet dikjarazzjoni falza u qarrieqa dwar il-kwistjoni li tinsab fid-DAUE u li kienet tikkonsisti f’jekk hija kinitx ħatja ta’ nuqqasijiet professjonali serji, imsemmija fl-Artikolu 80(5)(c) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti qieset li l-GTE Del Debbio kellu jiġi awtomatikament eskluż mill-proċedura, skont l-Artikolu 80(5)(f-bis) u l-Artikolu 89(1) ta’ dan il-kodiċi.

17      Wara li t-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għat-Toscana, l-Italja) annullat, permezz ta’ żewġ sentenzi, l-esklużjonijiet tal-GTE Del Debbio u tal-GTE DAF, il-GTE RAD Service ressaq appell minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

18      Dan tal-aħħar iqis li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi, id-dikjarazzjoni falza ppreżentata mir-rappreżentant legali tal-impriża awżiljarja fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti timplika awtomatikament l-obbligu għall-awtorità kontraenti li teskludi l-offerent li jkun invoka l-kapaċitajiet tagħha, mingħajr ma jkun jista’ jipproċedi bis-sostituzzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ korrezzjoni prevista mill-Artikolu 89(3) ta’ dan il-kodiċi ma tapplikax, b’tali mod li l-operatur ekonomiku ma jistax jissostitwixxi l-impriża awżiljarja.

19      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipji u mar-regoli msemmija fl-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll mal-Artikoli 49 u 56 TFUE. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiggarantixxi li s-servizzi jiġu eżegwiti minn operaturi li l-kapaċitajiet u l-moralità tagħhom huma adegwati u jeżiġi, konsegwentement, li l-awtorità kontraenti tagħti l-kunsens tagħha għas-sostituzzjoni ta’ impriża awżiljarja li ma tissodisfax il-kriterji jew li fir-rigward tagħha teżisti raġuni għal esklużjoni.

20      Issa, billi jipprevedi l-esklużjoni awtomatika tal-offerent bħala konsegwenza ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa tal-impriża li għall-kapaċitajiet tagħha huwa għandu l-intenzjoni li jirrikorri, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi ta’ Kuntratti Pubbliċi jimpedixxi s-sostituzzjoni tal-impriża awżiljarja u, għaldaqstant, is-soluzzjoni korrettiva li hija madankollu prevista mill-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, għar-raġunijiet l-oħra kollha ta’ esklużjoni obbligatorji.

21      L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, madankollu, ma jistabbilixxi l-ebda differenza fis-sistema u jeżiġi s-sostituzzjoni tal-impriża awżiljarja kull darba li din tkun suġġetta għar-raġunijiet ta’ esklużjoni obbligatorji, ikunu liema jkunu.

22      Barra minn hekk, offerent ma jkunx jista’ jikkontrolla l-awtentiċità u s-sinċerità tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-impriżi li għall-kapaċitajiet tagħhom huwa jkollu l-intenzjoni li jirrikorri. Huwa jkollu wkoll jafda d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni pprovduta minn dawn tal-aħħar. Il-GTE Del Debbio jsostni wkoll li, f’dan il-każ, kien impossibbli għalih li jkun jaf bil-kundanna kriminali tal-proprjetarju tal-impriża awżiljarja, sa fejn din ma kinitx tidher fuq l-estratt tar-rekord ġudizzjarju li jista’ jiġi kkonsultat minn entità privata minbarra l-persuna kkonċernata.

23      Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, l-eventwali limiti nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt, għal offerent, li jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra għandhom jiġu kkunsidrati b’mod strett, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

24      Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 63 tad-Direttiva [2014/24], meqjus fid-dawl tal-prinċipji ta’ libertà tal-istabbiliment u l-liberta’ li jiġu provduti servizzi, previsti fl-Artikoli 49 u 56 [TFUE], jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Taljana fil-qasam tad-dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra u ta’ esklużjoni ta’ proċeduri ta’ sejħa għall-offerti li previsti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi ta’ kuntratti pubbliċi, […] li jistabbilixxi li f’każ ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa pprovduti mill-impriża awżiljari inkwantu għall-eżistenza ta’ sentenzi li fihom kundanni kriminali li saru res judicata, li jkunu potenzjalment kapaċi juru t-twettiq ta’ nuqqas professjonali gravi, l-awtorità kontraenti għandha sistematikament teskludi l-operatur ekonomiku offerent parteċipi fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma timponilu u lanqas tippermettilu li jindika impriża oħra adattata, billi jissostitwixxi tal-ewwel, kif inhu madankollu previst fl-ipoteżijiet l-oħra fejn l-entitajiet li l-operatur ekonomiku tagħhom ikun jixtieq jinvoka l-kapaċità tagħhom ma jissodisfawx kriterju rilevanti ta’ għażla jew fir-rigward tagħhom ikunu jeżistu motivi ta’ esklużjoni obbligatorji?”

25      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li din il-kawża tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju, li għandha bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet urġenti relatati ma’ bini fi sptar, li la għandhom jiġu posposti u lanqas sospiżi u li jirrappreżentaw valur sinjifikattiv u minħabba li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija s-suġġett ta’ ħafna tilwim.

26      Din it-talba għal proċedura mħaffa ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2020.

 Fuq id-domanda preliminari

27      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula tissuġġerixxi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni awtomatika ta’ offerent, meta entità li għall-kapaċitajiet tagħha jkollu l-intenzjoni li jirrikorri tkun ipprovdiet informazzjoni falza, tista’ tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li s-sostituzzjoni ta’ tali entità hija aċċettata meta din tal-aħħar ma tissodisfax kriterju rilevanti ta’ selezzjoni jew meta jkun hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni fil-konfront tagħha.

28      Issa, l-Istati Membri għandhom ċerta setgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 36, tat-28 ta’ Marzu 2019, Idi, C‑101/18, EU:C:2019:267, punt 45, u tat-30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 34). Fil-fatt, skont l-Artikolu 57(4) u (7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx ir-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni indikati hemmhekk jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bi grad ta’ rigorożità li jista’ jvarja skont il-każ, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali prevalenti fil-livell nazzjonali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi rriformulata u li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4)(h) u (6) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti jkollha awtomatikament teskludi offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta impriża awżiljarja, li għall-kapaċitajiet tagħha ikun intiż li jirrikorri, tkun ipprovdiet dikjarazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-eżistenza ta’ kundanni kriminali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, mingħajr ma tkun tista’ teżiġi minn dan l-offerent jew, tal-inqas, tippermettilu, f’każ bħal dan, li jissostitwixxi l-imsemmija entità, b’mod kuntrarju għal dak previst fil-każijiet l-oħra fejn l-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom l-offerent jinvoka ma jkunux jissodisfaw kriterju rilevanti tal-għażla jew li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet obbligatorji ta’ esklużjoni.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi d-dritt għal operatur ekonomiku li jirrikorri, għal kuntratt partikolari, għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura ġuridika tar-rabtiet ma’ dawn l-entitajiet, sabiex jissodisfa kemm il-kriterji relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja pprovduti fl-Artikolu 58(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-kriterji relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, previsti fl-Artikolu 58(4) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 29 u 33; tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punti 33, 35, 39, 49 u 51, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 25).

31      L-operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li jinvoka dan id-dritt għandu, skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tat-tielet paragrafu tal-premessa 84 tagħha, jibgħat lill-awtorità kontraenti, meta jressaq it-talba għall-parteċipazzjoni jew l-offerta tiegħu, DAUE li permezz tiegħu dan l-operatur jiddikjara li kemm huwa stess kif ukoll l-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huwa għandu l-intenzjoni li juża ma jinsabux f’waħda mis-sitwazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, li għandha jew tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku.

32      Għalhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, hija l-awtorità kontraenti li għandha tivverifika, minn naħa, li, konformement mal-Artikoli 59 sa 61 tagħha, l-entitajiet li l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li juża l-kapaċitajiet tagħhom jissodisfaw il-kriterji tal-għażla applikabbli u, min-naħa l-oħra, jekk jeżistux raġunijiet ta’ esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, li jikkonċernaw kemm lil dan l-operatur ekonomiku nnifsu kif ukoll lil dawn l-entitajiet.

33      Skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi, jew tista’ tkun obbligata mill-Istat Membru li taħtu hija taqa’ li teżiġi, li l-operatur ekonomiku kkonċernat jissostitwixxi l-entità li għall-kapaċitajiet tagħha huwa jkollu l-intenzjoni li jirrikorri, iżda li fir-rigward tagħha jkun hemm raġunijiet mhux obbligatorji ta’ esklużjoni. Għalhekk, mill-kliem ta’ din l-aħħar sentenza jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każ bħal dan, l-awtorità kontraenti tkun obbligata li timponi tali sostituzzjoni fuq dan l-operatur ekonomiku, huma ma jistgħux, min-naħa l-oħra, iċaħħdu lil din l-awtorità kontraenti mill-fakultà tagħha li teżiġi, ex officio, tali sostituzzjoni. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom biss il-possibbiltà li jissostitwixxu din il-fakultà b’obbligu, għall-awtorità kontraenti, li twettaq tali sostituzzjoni.

34      Tali interpretazzjoni tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-awtoritajiet kontraenti, skont l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li r-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 48, u tat-30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45).

35      Issa, l-ewwel nett, l-għan tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, li huwa wkoll dak segwit mill-Artikolu 63 tagħha, huwa li l-awtorità kontraenti tkun tista’ tiżgura ruħha mill-integrità u mill-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-offerenti u, għaldaqstant, mill-assenza ta’ ksur tar-rabta ta’ fiduċja mal-operatur ekonomiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 29, u tat-3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 26). Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 102 tagħha, jiggarantixxi, bħala prinċipju, id-dritt għal kull operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 4 ta’ din id-dispożizzjoni li jipprovdi provi li l-miżuri li huwa ħa huma suffiċjenti sabiex tiġi attestata l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel ma l-offerent jiġi rikjest jissostitwixxi entità li għall-kapaċitajiet tagħha huwa għandu l-intenzjoni li jirrikorri, minħabba li din tkun tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 57(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jippreżupponi li l-awtorità kontraenti tagħti lill-offerent u/jew lil din l-entità l-possibbiltà li tippreżentalha l-miżuri korrettivi li hija tkun eventwalment adottat sabiex tirrimedja l-irregolarità kkonstatata u, għaldaqstant, li turi li hija tista’ titqies mill-ġdid li hija entità affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 37).

37      Għalhekk, huwa biss sussidjarjament, u jekk l-entità li fil-konfront tagħha ġiet invokata kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24 ma tkun ħadet ebda miżura korrettiva jew jekk dawk li hija tkun adottat jitqiesu li huma insuffiċjenti mill-awtorità kontraenti li din tal-aħħar tista’ jew għandha, fil-każ li d-dritt nazzjonali tagħha jeżiġi dan, teżiġi li l-offerent jissostitwixxi l-imsemmija entità.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, operatur ekonomiku li ġie eskluż permezz ta’ sentenza definittiva mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ għoti ta’ konċessjoni ċertament ma huwiex awtorizzat, matul il-perijodu ta’ esklużjoni stabbilit mill-imsemmija sentenza fl-Istati Membri fejn il-ġudizzju jipproduċi l-effetti tiegħu, jinvoka l-miżuri korrettivi li huwa adotta wara din is-sentenza u, għaldaqstant, li jevita l-esklużjoni jekk dawn il-provi jitqiesu li huma suffiċjenti. Madankollu, meta sentenza definittiva teskludi mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ għoti ta’ konċessjoni entità li l-kapaċitajiet tagħha l-offerent ikollu l-intenzjoni li juża, l-offerent għandu jkun jista’, f’dan il-każ, jiġi awtorizzat, mill-awtorità kontraenti, jissostitwixxi lil din l-entità.

39      It-tieni, ir-rilevanza, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 li tinsab fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tirriżulta wkoll mit-tielet paragrafu tal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li, meta japplikaw raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-prinċipju. Issa, din l-attenzjoni għandha tkun ikbar meta l-esklużjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tolqot lill-offerent mhux minħabba nuqqas imputabbli lilu, iżda minħabba nuqqas li twettaq minn entità li għall-kapaċitajiet tagħha huwa għandu l-intenzjoni li jirrikorri u li fir-rigward tagħha huwa ma għandu ebda setgħa ta’ kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 48).

40      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, fil-fatt, li l-awtorità kontraenti twettaq evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-attitudni tal-entità kkonċernata, fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 31, u tat-3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93, C‑267/18, EU:C:2019:826, punt 29). Għal dan il-għan, l-awtorità kontraenti għandha tqis il-mezzi li l-offerent kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-entità li għall-kapaċitajiet tagħha huwa kellu l-intenzjoni li jirrikorri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 52).

41      F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju tikkorrobora d-dikjarazzjoni tal-GTE Del Debbio li tipprovdi li l-kundanna kriminali tad-direttur tal-impriża awżiljarja li l-kapaċitajiet tagħha kellu l-intenzjoni li jirrikorri ma kinitx tidher fuq l-estratt tar-rekord ġudizzjarju li jista’ jiġi kkonsultat mill-entitajiet privati, b’mod li l-leġiżlazzjoni Taljana ma kinitx tippermetti lill-GTE Del Debbio jkun jaf b’din il-kundanna, huwa ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jaġixxi b’diliġenza. Għaldaqstant, f’tali ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, ipprovdut fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li tiġi prekluża s-sostituzzjoni tal-entità milquta minn kawża ta’ esklużjoni.

42      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, meta tkun obbligata, permezz tad-dritt nazzjonali tagħha, li teżiġi li offerent jissostitwixxi entità li għall-kapaċitajiet tagħha jkollu l-intenzjoni li jirrikorri, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura, konformement mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li s-sostituzzjoni tal-entità kkonċernata ma twassalx għal bidla sostanzjali tal-offerta ta’ dan l-offerent.

43      Fil-fatt, l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku u li jaqa’ taħt l-essenza stess tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jimplika, b’mod partikolari, li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm fil-mument meta huma jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn jiġu evalwati mill-imsemmija awtorità kontraenti. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu kwalunkwe negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, u dan jimplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tiġi sottomessa, la fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas tal-offerent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 25 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan isegwi li, bħal talba għal kjarifika ta’ offerta, it-talba ta’ awtorità kontraenti li teżiġi s-sostituzzjoni ta’ entità li għall-kapaċitajiet tagħha offerent ikollu l-intenzjoni li jirrikorri, ma għandhiex twassal għall-preżentazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ dik li tkun tidher, fir-realtà, li hija offerta ġdida, sa fejn din tibdel b’mod sostanzjali l-offerta inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 40; tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 64; kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 31 u 37).

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4)(h) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti għandha awtomatikament teskludi offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta impriża awżiljarja, li għall-kapaċitajiet tagħha jkollu l-intenzjoni li jirrikorri, tkun ipprovdiet dikjarazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-eżistenza ta’ kundanni kriminali li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, mingħajr ma tkun tista’ teżiġi jew, tal-inqas, tippermetti, f’każ bħal dan, li dan l-offerent jissostitwixxi l-imsemmija entità.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4)(h) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti għandha awtomatikament teskludi offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta impriża awżiljarja, li għall-kapaċitajiet tagħha jkollu l-intenzjoni li jirrikorri, tkun ipprovdiet dikjarazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-eżistenza ta’ kundanni kriminali li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, mingħajr ma tkun tista’ teżiġi jew, tal-inqas, tippermetti, f’każ bħal dan, li dan l-offerent jissostitwixxi l-imsemmija entità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.