Language of document : ECLI:EU:T:2005:254

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ġunju 2005 (*)

“Trade mark Komunitarja − Trade mark figurattiva CANAL JEAN CO. NEW YORK − Oppożizzjoni ta’ sid it-Trade mark verbali nazzjonali CANALI − Probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-kawża T-301/03,

Canali Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn C. Gielen u O. Schmutzer, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Apostolakis u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li qed tintervenjeni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Canal Jean Co. Inc., stabbilita fi New York, New York (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Cover, solicitor,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, tas-17 ta’ Ġunju 2003 (każ R 103/2002‑2), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni 78859 bejn Canali SpA u Canal Jean Co. Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistenta Reġistratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Awwissu 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Diċembru 2003,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Frar 2004,

wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Novembru 1996, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994 L 11, p. 1), kif emendata.

2        Saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li huma deskritti kif ġej: “ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras”.

4        L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru 42/98 tat-8 ta’ Ġunju 1998.

5        Fit-3 ta’ Settembru 1998, Canali SpA għamlet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, billi invokat probabbiltà ta’ konfużjoni taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti li tagħha kienet is-sid.

6        It-trade mark preċedenti msemmija in sostenn ta’ l-oppożizzjoni hija t-trade mark verbali CANALI u tkopri prodotti u servizzi li jirriżultaw mill-Klassijiet 3, 6, 9, 14, 16, 18, 20, 25, 34 u 42.

7        Canali SpA għamlet l-oppożizzjoni tagħha kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

8        B’deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2001, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tat raġun lill-oppożizzjoni billi rrifjutat li tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba li, fir-rigward ta’ l-identiċità tal-prodotti msemmija miż-żewġ trade marks u tal-karattru distintiv elevat tat-trade mark preċedenti, il-probabbiltà kunsiderevoli ta’ assoċjazzjoni kienet ogħla mix-xebħ ridott tas-sinjali kkonċernati u dan kien iwassal għal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

9        Fil-25 ta’ Jannar 2002, l-intervenjenti ressqet appell taħt l-Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 48 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni għall-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI laqa’ l-appell.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Fuq rapport ta’ l-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija talbet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet. L-ewwel nett, hija stiednet lill-partijiet iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, fid-dawl tal-fatt li l-parti li interveniet quddiem l-UASI kienet Canali SpA, u mhux ir-rikorrenti. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija. Il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet ukoll lill-UASI u lill-intervenjenti jikkonfermaw li, fid-dawl ta’ l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti f’din il-proċedura, Canali Ireland Ltd kienet effettivament issurrogata fid-drittijiet ta’ Canali SpA fir-rigward tal-miżuri amministrattivi quddiem l-UASI. Dan kien ikkonfermat mill-UASI. L-intervenjenti ma ressqitx oġġezzjoni fuq dan il-punt.

12      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fir-risposti għall-mistoqsijiet orali magħmula fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2005.

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti ta-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tilqa’ l-oppożizzjoni magħmula kontra l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni u tirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kollha kemm hi u/jew tordna kull miżura li tiddeċiedi li tkun adegwata;

–        tordna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż.

14      L-UASI titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi favuriha fuq l-ispejjeż marbuta ma’ l-intervent.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

16      Waqt il-proċedura bil-miktub, l-UASI u l-intervenjenti ppreċiżaw li r-rikorrenti ma kinitx parti fil-proċedura quddiem l-UASI u li hija kienet qed tallega li kienet is-sid il-ġdid tat-trade mark preċedenti CANALI. Skond huma, minn naħa, ir-rikorrenti ma ppruvatx li hija kellha l-kwalità li tressaq dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, l-att ta’ ċessjoni anness mar-rikors ma jsemmix it-trade mark preċedenti invokata fil-proċedura ta’ oppożizzjoni.

17      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tesponi li, jekk l-att ta’ ċessjoni ma jsemmix in-numru ta’ reġistrazzjoni oriġinali tat-trade mark preċedenti CANALI, din xorta waħda turi n-numru u d-data taċ-ċertifikat ta’ tiġdid (nru 822 119 tat-3 ta’ Mejju 1999) ta’ din it-trade mark. Il-bażi tad-data ta’ l-Ufficio marchi e brevetti (l-Uffiċċju Taljan tat-trade marks u l-privattivi) juri l-aħħar numru ta’ tiġdid, billi ċ-ċertifikat ta’ tiġdid jindika r-reġistrazzjonijiet preċedenti li ġew imġedda. Iċ-ċertifikat ta’ tiġdid jindika b’mod ċar li huwa bbażat fuq it-tiġdid tat-trade mark Taljana CANALI, l-ewwel numru ta’ reġistrazzjoni 513 948, tat-2 ta’ Ottubru 1989, jiġifieri t-trade mark preċedenti invokata in sostenn ta’ l-oppożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

18      L-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 jgħid li rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell huwa “miftuħ[…] għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.”

19      Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, skond l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94, is-sidien il-ġodda ta’ trade mark preċedenti jistgħu jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u għandhom jiġu aċċettati bħala partijiet fil-proċedura peress li huma stabbilixxew li huma intitolati għad-dritt invokat quddiem l-UASI.

20      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, billi s-sid il-ġdid tat-trade mark preċedenti Taljana ppreżenta l-prova ta’ ċessjoni tat-trade mark ikkonċernata lejha u billi l-UASI rreġistrat iċ-ċessjoni tat-trade mark Taljana CANALI ta’ Canali SpA f’isem ir-rikorrenti wara l-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ir-rikorrenti ssir il-parti fil-proċedura quddiem l-UASI.

 Fuq il-mertu

21      Fir-rigward ta’ l-ewwel qasam tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex fondata, safejn il-Bord ta’ l-Appell żbaljatament ikkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks.

23      Fir-rigward tax-xebħ bejn is-sinjali, ir-rikorrenti tqis li, meta jitqies ix-xebħ bejn dawn il-prodotti u t-trade marks, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri, f’dan il-każ, il-konsumaturi medji fl-Italja.

24      Fir-rigward ta’ dawn is-sinjali, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “canal” huwa l-element verbali dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għandha xebħ kbir mat-trade mark preċedenti. Skond ir-rikorrenti, l-elementi supplementari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma wisq komuni biex ikollhom rwol deċiżiv li twassalhom sabiex jiġu pperċepiti bħala elementi distintivi mill-konsumatur medju Taljan.

25      L-ewwel nett, mil-lat viżiv, ir-rikorrenti tammetti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi numru ta’ elementi differenti mit-trade mark preċedenti.

26      It-tieni nett, mil-lat fonetiku, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali kkonċernati huma simili. Ladarba l-konsumaturi jitkellmu dwar il-prodotti ta’ l-intervenjenti bejniethom jew ma’ bejjiegħ, huma se jirreferu għalihom kważi biċ-ċert bħala “canal” jew “canal jean(s)”. L-element “canal” huwa għaldaqstant l-iżjed element li jħalli impatt mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

27      It-tielet nett, mil-lat kunċettwali, ir-rikorenti tqis li s-sinjali jinxtiebħu. Il-kelma “canali” tfisser “kanali” u numru kbir ta’ konsumaturi jassoċjaw il-kelma “kanal” li tinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ l-idea ta’ kanal, li tfisser hekk f’ċertu numru ta’ djaletti fl-Italja ta’ fuq.

28      Ir-raba’ nett, fir-rigward tax-xebħ kunċettwali u fonetiku tas-sinjali kkonċernati, l-elementi differenti mil-lat viżiv u li jinsabu fl-applikazzjoni ma jistgħux jeskludu l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

29      Ir-rikorrenti tindika, b’dankollu, li huwa stabbilit fis-settur ta’ l-ilbiesi li l-istess trade mark tiġi rrappreżentata b’diversi modi skond it-tip ta’ prodott li miegħu hija rrelatata u li huwa stabbilit li l-istess produttur ta’ ħwejjeġ juża trade marks sussidjarji.

30      Ir-rikorrenti tallega, fl-aħħar, li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kkonċernati minħabba l-karattru distintiv elevat tat-trade mark preċedenti u ta’ l-identità jew tal-livell għoli ta’ xebħ bejn il-prodotti kkonċernati.

31      Min-naħa l-oħra, l-UASI tallega li ż-żewġ trade marks għandhom differenzi kunsiderevoli. Hija ssostni li r-rikorrenti tikkonkludi li jeżisti xebħ bejn is-sinjali billi tibbaża ruħha kollha kemm hi fuq l-uniku element verbali “canal” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u billi twarrab, fir-rigward tal-lat fonetiku u kunċettwali, l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark.

32      Hija tosserva li dan kien l-argument essenzjali li l-Bord ta’ l-Appell sostna fid-deċiżjoni kkontestata, fejn ikkunsidra, sabiex jikkonkludi li kien hemm xebħ bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, li jkun jenħtieġ li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi kunsiderevolment skomposta, ħtieġa li l-konsumaturi m’humiex lesti li jippruvaw u wisq inqas li jwettqu. Isegwi li, kontra dak li tallega r-rikorrenti, l-elementi supplementari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni fit-tqabbil tas-sinjali, peress li wħud minnhom huma, b’ċertu miżura, intrinsikament distinti.

33      Billi qabblet is-sinjali kkonċernati, l-UASI sabet li, mil-lat viżiv, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha ċerti elementi differenti mit-trade mark preċedenti. Id-diżinn biċ-ċangaturi u l-kliem supplementari “jean co. New York” li jinsabu fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma ta’ kontrobilanċ ċar tax-xebħ bejn it-trade mark preċedenti CANALI u l-kelma “canal” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

34      Mil-lat fonetiku, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi ppronunzjata “Canal Jean Co. New York”, peress li m’huwiex normali li jsiru riferenzi għal elementi figurattivi b’mod orali meta jiġi msejjaħ is-sinjal. Mingħajr dubju, hemm ċertu xebħ fonetiku bejn is-sinjali f’kunflitt, meta jitqies il-fatt li, f’ħamsa minn sitt ittri, it-trade mark preċedenti CANALI taqbel mal-kelma “canal” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, ladarba din it-trade mark għandha erba’ kelmiet supplementari, il-konsumaturi mhux se jwarrbuhom kompletament biex jirreferu għat-trade mark, billi jagħmlu distinzjoni tagħha għaldaqstant mil-lat fonetiku tat-trade mark preċedenti.

35      Mil-lat kunċettwali, it-trade mark preċedenti tista’ tiġi rrilevata bħala kunjom jew bħala l-plural tal-kelma Taljana “canale”. Fir-rigward b’mod partikolari tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-ħwejjeġ, u tas-suq ikkonċernat, jiġifieri s-settur Taljan tal-moda, li fih l-ismijiet tal-familja huma użati ta’ spiss, ikun iżjed milli probabbli li l-konsumatur Taljan jipperċepixxi din it-trade mark bħala isem milli bħala l-kelma msemmija ’l fuq. Min-naħa l-oħra, meta tiġi kkunsidrata kollha kemm hi u jiġu mwarrba l-elementi dominanti tagħha, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi ppreċepita li tfakkar f’kumpannija jew belt.

36      L-UASI ssostni li, f’dan il-każ, il-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark huma ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras, jiġifieri prodotti li ma jiġux ordnati jew irreferuti oralment, iżda jiġu magħżula mill-konsumaturi permezz tad-dehra tagħhom, tal-kwalità tagħhom, tal-kulur tagħhom u tad-daqs tagħhom. Dawn il-prodotti ġeneralment jittieħdu u jiġu ppruvati, jew f’kull każ, eżaminati b’attenzjoni qabel ix-xiri. Huwa evidenti li l-każ fonetiku u kunċettwali tat-trade mark huwa inqas importanti. Isegwi li d-differenzi viżivi bejn is-sinjali kkonċernati huma partikolarment importanti.

37      L-UASI għaldaqstant tikkonkludi li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċieda li s-sinjali f’kunflitt, fuq kollox, ma jinxtiebħux.

38      Fir-rigward tal-probabbiltà li l-pubbliku jista jemmen li l-prodotti kkonċernati joriġinaw mill-istess impriża, l-UASI tindika l-ewwel nett li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tirriproduċix it-trade mark preċedenti. Trade mark sussidjarja, għandha, bħala fatt, tinkludi t-trade mark oriġinali wkoll. L-UASI tindika b’dankollu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi bla dubju wisq elementi supplementari sabiex il-konsumaturi jemmnu li din tirrigwarda trade mark sussidjarja tat-trade mark tar-rikorrenti. Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jassoċjaw it-trade mark mat-trade mark sussidjarja, din ta’ l-aħħar għandha tinkludi indikazzjoni tat-tip ta’ ħwejjeġ li se jiġi kkummerċjalizzat taħt din it-trade mark sussidjarja.

39      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-karattru distintiv miksub mill-użu tat-trade mark preċedenti, l-UASI tosserva li l-Bord ta’ l-Appell ma eżaminatx fid-deċiżjoni kkontestata jekk l-evalwazzjoni li kienet għamlet id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni kinitx eżatta, iżda indikat pjuttost, għal “raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali”, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv elevat. Peress li r-rikorrenti ma kkontestatx din il-propożizzjoni, din il-kwistjoni mhijiex suġġetta għal din il-proċedura.

40      Jirriżulta minn kull ma ntqal qabel li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċida li, billi s-sinjali ma kinux jinxtiebħu u minkejja l-identiċità, jew ix-xebħ, il-prodotti kkonċernati u l-karattru distintiv elevat li nkiseb mit-trade mark preċedenti, m’hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fil-qasam li fih it-trade mark preċedenti hija protetta.

41      Min-naħa tagħha l-intervenjenti kkunsidrat li m’hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati u ssostni l-argumenti esponuti mill-UASI. L-intervenjenti żżid li kull waħda mill-elementi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tindika impriża ta’ ħwejjeġ ta’ New York b’rabta mal-kwartier tal-moda ta’ Canal Street. Meta jingħaqdu l-elementi kollha jkun hemm sinerġija li toħloq impressjoni li kollox huwa uniku, nettament distint mit-trade mark preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jgħid li, b’oppożizzjoni minn sid it-trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rrifjutata “jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta”, il-“probabbiltà ta’ konfużjoni” tinkludi l-“probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bi “trade marks preċedenti” wieħed jifhem it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru bid-data ta’ applikazzjoni li tippreċedi dik ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

43      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jistgħu jiġu mill-istess impriża jew, f’dan il-każ, minn impriżi b’rabta ekonomika, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni.

44      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti f’dan il-każ, b’mod partikolari ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebħ tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      F’dan il-każ, fir-rigward ta’ l-argument li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata fl-Italja u li l-prodotti huma oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, jiġifieri ħwejjeġ, il-pubbliku li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni biex jevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni huma l-konsumaturi medji fl-Italja.

46      Huwa stabbilit li l-prodotti msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jinxtiebħu kemmxejn. Huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu mqabbla s-sinjali hawnhekk ikkonċernati mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali.

47      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebħ viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks ikkonċernati, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn joħolqu, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47].

48      L-ewwel nett, mil-lat tat-tqabbil viżiv, il-Bord ta’ l-Appell iddeċieda li jenħtieġ li tiġi skomposta kunsiderevolment it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni biex tasal għall-konklużjoni li l-elementi li għandhom jiġu mqabbla huma fl-iżjed każ “canal” u “canali” (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha ċertu numru ta’ elementi kemm verbali kif ukoll figurattivi, li jagħmlu distinzjoni bejn it-trade mark invokata in sostenn ta’ l-oppożizzjoni bħal “jean”, “co.”, “New York” u d-disinn b’ċangaturi. Dawn l-elementi jgħinu l-konsumatur b’memorja imperfetta sabiex jagħmel distinzjoni bejn it-trade marks ikkonċernati. Dan il-konsumatur jista’ wkoll jiftakar il-prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala dik ta’ impriża minn New York jew bħala dik li għandha d-disinn biċ-ċangaturi.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-fatt li t-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha l-kliem “canali” u “canal”, li għandhom ċertu xebħ, għandhom effett iżgħar fit-tqabbil globali tas-sinjali kkonċernati u waħedhom m’humiex suffiċjenti sabiex jikkonkludu x-xebħ viżiv ta’ l-imsemmija sinjali.

50      Fil-fatt, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha elementi verbali oħrajn, jiġifieri l-kliem “jean”, “co.” U “New York”, l-impressjoni globali mogħtija minn kull sinjal hija differenti. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi element figurattiv, jiġifieri d-disinn biċ-ċangaturi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza GIORGIO BEVERLY HELLS, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33), il-konsumatur medju s-soltu jikkonċepixxi trade mark bħala waħda mingħajr ma jipproċedi għal analiżi tad-dettalji differenti tagħha.

51      Isegwi l-Bord ta’ l-Appell ġustament tikkunsidra li d-differenzi bejn is-sinjali preżenti huma biżżejjed biex jiġi konkluż li s-sinjali ma jinxtiebħux meta jiġu kkunsidrati viżivalment fil-globalità tagħhom.

52      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqabbil fonetiku, il-Bord ta’ l-Appell ma eżaminax speċifikament dawn is-sinjali. Huwa ħa l-ħsieb biex jindika li l-elementi “jean”, “co.” u “New York” iżidu d-differenzi fonetiċi bejn it-trade marks f’kunflitt (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha għaxar sillabi, fejn waħda minnhom biss, jiġifieri s-sillaba “ca”, hija l-istess bħas-sillabi tat-trade mark preċedenti li għandha tliet sillabi. Il-kelma “canali”, li tinsab fit-trade mark preċedenti, taqbel ma’ ħamsa mis-sitt ittri ta’ l-ewwel kelma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri “canal”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant qieset li, bħal ma t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha erbat ikliem supplementari, m’huwiex probabbli li l-konsumaturi ma jagħtux każ dawn il-kliem, b’mod li jagħmlu distinzjoni tat-trade mark preċedenti meta jsemmu t-trade mark.

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikorrenti hija żbaljata meta tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties) (T-104/01, Ġabra p. II-4359), u Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T-6/01, Ġabra p. II-4335), li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-element verbali dominanti kien jinsab f’kull sinjal. F’dan il-każ, madankollu, parti waħda ta’ l-ewwel kelma biss tat-trade mark preċedenti tinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

55      F’dan ir-rigward, kif l-UASI wkoll ġustament indikat, il-livell ta’ xebħ fonetiku bejn iż-żewġ trade marks għandu importanza minuri, fid-dawl tal-prodotti li tagħhom il-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni jħajjar lill-pubbliku rilevanti sabiex jipperċepixxi abitwalment, waqt ix-xiri, b’mod viżiv it-trade mark li jirrappreżenta dawn il-prodotti. Dan huwa ċertament il-każ tal-ħwejjeġ (sentenza BASS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

56      Dawn is-sinjali għandhom, għaldaqstant, elementi fonetiċi inqas komuni milli differenti. B’hekk, it-trade marks ikkonċernati mhumiex simili mil-lat fonetiku.

57      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tixbieħ taż-żewġ sinjali mil-lat kunċettwali, il-Bord ta’ l-Appell ma pproċediex għal evalwazzjoni tas-sinjali, iżda indika li l-elementi ċċitati iktar ’il fuq iżidu d-differenzi kunċettwali tat-trade marks.

58      It-trade mark preċedenti CANALI tiġi pjuttost ipperċepita bħala l-plural tal-kelma Taljana “canale” li tfisser “canal” jew kunjom, li huwa pjuttost użat fis-settur Taljan tal-moda.

59      Il-kelma “canal” tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala kelma Ingliża li tfisser “kanal”. Il-kelma “jean” tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għal parti mill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-element “co.” tiġi rrikonoxxuta mill-pubbliku kkonċernat bħala t-taqsira tal-kelma Ingliża “company”. Il-kelma “New York” hija, f’dan ir-rigward, riferiment ġeografiku li ma jiddeskrivix il-prodotti kkonċernati u għandu importanza semantika li, meta jingħaqad mal-kliem “canal jean co.”, jiġi pperċepit mill-pubbliku Taljan bħala li jirreferi għal impriża ta’ ħwejjeġ stabbilita fi New York. Fir-rigward ta’ l-element figurattiv li jirrappreżenta ċangaturi, l-argument ta’ l-intervenjenti, li jgħid li l-pubbliku jassoċja dan mat-taxis fil-kwartier ta’ Canal Street fi New Yorkl, ma jreġix. F’kull każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meta kkunsidrata kollha kemm hi, tipproduċi effett li huwa differenti mit-trade mark preċedenti mil-lat kunċettwali.

60      Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ xebħ mil-lat kunċettwali bejn is-sinjali kkonċernati.

61      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fis-settur ta’ l-ilbiesi, huwa komuni li l-istess trade mark tinsab irrappreżentata b’diversi modi u l-istess produttur juża trade marks sussidjarji għall-istess ħwejjeġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-livell ta’ xebħ bejn it-trade marks ikkonċernati mhuwiex elevat biżżejjed biex tikkonkludi li l-pubbliku jista jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, f’dan il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17; Fifties, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25).

62      Fir-rigward tal-karattru distintiv elevat tat-trade mark preċedenti, is-sinjali f’kunflitt ma setgħux jiġu kkunsidrati li jinxtiebħu mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali, billi dan l-aspett ma jeffettwax l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II-4625, punt 61].

63      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-pubbliku biex jieħu in kunsiderazzjoni, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

64      Fir-rigward tad-differenzi bejn it-trade marks ikkonċernati, din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma identiċi għall-prodotti tat-trade mark preċedenti.

65      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex fondat.

66      B’hekk l-ewwel parti tat-talba li tirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

67      Fir-rigward tat-tieni parti tat-talbiet li jirrigwardaw il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti raġun lill-oppożizzjoni magħmula kontra l-applikazzjoni u tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kollha kemm hi, jirriżulta mill-kuntest ta’ l-applikazzjonijiet differenti magħmula mir-rikorrenti li dan il-qasam ta’ konklużjonijiet jistenna li jingħata raġun għar-rikors għal annullament, ta’ l-inqas parzjalment, u li ma jiġix għaldaqstant magħmul ħlief sakemm ir-rikors jiġi milqugħ fl-ewwel qasam tat-talbiet.

68      Kif jirriżulta wkoll mill-punt 65 ’il fuq, m’hemm l-ebda raġuni biex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà jew fuq il-mertu tat-tieni parti tat-talbiet.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata sabiex tbati l-ispejjeż skond it-talbiet ta’l-UASI u ta’ l-intervenjenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikkorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Cooke

Labucka

Trstenjak

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2005

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       J. D. Cooke


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.