Language of document : ECLI:EU:T:2005:274

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

tas-6 ta’ Lulju 2005(*)

"Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti komunitarji – Provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għall-vjaġġi li jsiru minn uffiċjali u aġenti ta’ l-istituzzjonijiet"

Fil-kawża T-148/04

TQ3 Travel Solutions Belgium SA, stabbilita f’Mechelen (Il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn R. Ergec u K. Möric, u wara minn B. Lissoir, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Parpala u E. Manhaeve, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Wagon-Lits Travel SA, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentata minn F. Herbert, H. Van Peer, avukati, u D. Harrison, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, min-naħa waħda, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tagħtix lir-rikorrenti l-lott nru 1 tal-kuntratt li kien is-suġġett ta’ l-avviż 2003/S 143 129409, għall-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ ivvjaġġar, u li tagħti dan il-lot lil impriza oħra u, min-naħa l-oħra, talba għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti minħabba ċ-ċaħda ta’ l-offerta tagħha,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       L-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi mill-Kummissjoni huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V ta’ l-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, aktar ’il quddiem "ir-regolament finanzjarju"), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-regolament finanzjarju (ĠU L 357, p. 1, aktar ’il quddiem il-"regoli dettaljati għall-implimentazzjoni"). Dawn id-dispożizzjonijiet huma ispirati minn direttivi komunitarji dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, għall-kuntratti ta’ servizzi, tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta[’] servizz[i] pubbli[ċi] (ĠU L 209, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1).

2       L-Artikolu 100(1) tar-regolament finanzjarju jipprovdi li "[l]-uffiċjal awto[r]izzanti għandu jiddeċiedi lil min il-kuntratt għandu jkun mogħti, b’konformità mal-kriterj[i] tas-selezzjoni u l-għoti stabbilit[i] minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa [għal] offerti u r-regoli tal-forniment [ta’ l-għoti tal-kuntratti]". L-Artikolu 97(2) tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 138(1)(b), u (2), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni jindikaw li kuntratt jista’ jingħata lill-offerta li tkun l-aktar vantaġġjuża ekonomikament, jiġifieri dik li trodd l-aħjar valur għall-flus.

3       L-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju jgħid:

"L-awtorità tal-kuntratti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni […] B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju [għall-]interess pubbliku jew ikun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ [jelimina jew ifixkel] il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi."

4       L-Artikolu 139(1), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni jipprovdi li, "[j]ekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru anormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, [għandha] titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom [tkun] magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet".

5       L-Artikolu 146(4), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni jipprovdi li, "[f]’każ ta’ offerti anormalment baxxi kif imsemmijin fl-Artikolu 139 ta’ dan ir-Regolament, il-kumitat ta’ evalwazzjoni [għandu] [j]itlob kull tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kif inhi magħmula l-offerta".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Permezz tal-kuntratt-qafas 98/16/IX.D.1/1, datat 13 ta’ Jannar 1999, il- Kummissjoni għaddiet it-tmexxija tas-servizzi ta’ l-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar intiżi għall-aġenti tagħha fi Brussell lill-kumpannija Belgium International Travel. Dan il-kuntratt ġie konkluż għal perjodu inizjali ta’ sentejn, bil-possibbiltà li jiġġedded tliet darbiet, kull darba għal sena, jiġifieri għall-perjodu bejn l-1 ta’ April 1999 u l-31 ta’ Marzu 2004. B’kuntratt addizzjonali tas-27 ta’ Frar 2001, l-imsemmi kuntratt ġie mogħti lir-rikorrenti.

7       Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt, tat-30 ta’ Mejju 2003, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, S 143), il-Kummissjoni nediet sejħa għal offerti, skond il-proċedura limitata, taħt ir-referenza ADMIN/D1/PR/2003/051, għall-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għall-vjaġġi li jsiru minn uffiċjali u aġenti fuq xogħol u mill-persuni l-oħra kollha li jivvjaġaw għal jew fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet u l-organi Komunitarji.

8       Mill-proċess jirrizulta li din is-sejħa għal offerti ġiet annullata mill-Kummissjoni wara li ċerti istituzzjonijiet komunitarji irtiraw ruħhom.

9       Fid-29 ta’ Lulju 2003, fir-rigward tar-regolament finanzjarju u tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ppublikat, fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, S 143), taħt ir-referenza 2003/S 143‑129409, sejħa għal offerti ġdida, skond il-proċedura limitata, għall-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għall-vjaġġi li jsiru minn uffiċjali u aġenti fuq xogħol u mill-persuni l-oħra kollha li jivvjaġaw għal jew fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet u l-organi Komunitarji (sezzjoni II.1.6 ta’ l-avviż ta’ kuntratt). Il-kuntratt kien magħmul minn ċertu numru ta’ lottijiet, kull wieħed jikkorrispondi għal post ta’ fejn kellhom jiġu pprovduti s-servizzi, inklużi Brussell (lott nru 1), il-Lussemburgu (lott nru 2), Grange (lott nru 3), Ispra (lott nru 4), Geel (lott nru 5), Petten (lott nru 6) u Sevilla (lott nru 7).

10     Permezz ta’ ittra reġistrata tat-28 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat offerta lill-Kummissjoni għall-lottijiet nri 1, 2, 3, 5, 6 u 7 ta’ l-imsemmi kuntratt.

11     Permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha għal-lott nru 1 tal-kuntratt (aktar ’il quddiem il-"lott nru 1" jew il-"kuntratt in kwistjoni") ma ġietx aċċettata, peress li r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz ta’ l-offerta tagħha kienet inferjuri għal dik ta’ l-offerta magħżula. L-ittra ta’ l-24 ta’ Frar 2004 tippreċiża:

"Wara l-eżami ta’ l-offerti ppreżentati b’risposta għas-sejħa tagħna għal offerti, b’dispjaċir nixtiequ ninformawk li l-offerta tiegħek ma setgħex tiġi aċċettata għal-lottijiet [nri] 1, 2, 3 u 7 tal-kuntratt in kwistjoni. Il-motivi li ġġustifikaw ir-rifjut ta’ l-offerta tiegħek huma s-segwenti:

Lott nru 1 (Brussell)

Ġie stabbilit li r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz ta’ l-offerta tiegħek (51.55) hija inferjuri għal dik tal-kumpannija li ġiet magħżula (87.62) [...] "

12     Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti staqsiet lill-Kummissjoni, sabiex tgħaddilha informazzjoni aktar preċiża fir-rigward ta’ l-għażla ta’ l-offerta magħżula għall-kuntratt in kwistjoni. Ir-rikorrenti talbitha ukoll tissospendi l-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt u ma tikkonkludix il-kuntratt ma’ l-intrapriża magħżula għal dan il-kuntratt pubbliku.

13     Permezz ta’ ittra reġistrata tas-16 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni pprovdiet xi informazzjoni lir-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha ta’ l-24 ta’ Frar 2004 li ma tagħtihiex il-kuntratt in kwistjoni u tad-deċiżjoni tagħha li tagħtih lil intrapriża oħra (aktar ’il quddiem, id-"deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt" u d-"deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt" rispettivament). Il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari li l-offerta tar-rikorrenti kisbet 51.55 punt, filwaqt li l-offerta magħżula, li kienet ġejja mill-kumpannija Wagon-Lits Travel (aktar ’il quddiem "WT" jew l-"intervenjenti"), irċeviet 87.62 punt wara analiżi kwalitattiva u finanzjarja, u li, konsegwentement, l-offerta ta’ WT kienet l-aktar vantaġġjuża ekonomikament u kienet tiġġustifika l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni lil dik l-intrapriża. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-offerta ta’ WT, għalkemm kienet nettament inferjuri fuq livell ta’ prezz għal dik tar-rikorrenti (indiċi 100 għal WT u indiċi 165.56 għar-rikorrenti), "ma dehritx anormalment baxxa u li għalhekk ma kienx hemm għalfejn isir użu mid-dispożizzjonijiet previsti mill-Artikolu 139 [tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni]".

14     Permezz ta’ faks tas-17 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni pproponiet lir-rikorrenti il-proroga tal-kuntratt-qafas 98/16/IX.D.1/1 dwar is-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar, li kien ser jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2004, sas-27 ta’ Ġunju 2004 inkluż.

15     Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ġġustifikat it-talba tagħha għall-proroga tal-kuntratt-qafas fuq imsemmi, billi ppreċiżat li l-hand over lill-parti ko-kontraenti ġdida, jiġifieri WT, u d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt il-ġdid ma setax iseħħ sa l-iskadenza prevista mill-kuntratt-qafas. Fil-fatt din l-ittra kienet tispeċifika li, minħabba raġunijiet ta’ "dewmien li huwa impossibbli li jitnaqqas u indipendenti mill-volontà tal-Kummissjoni u tal-ko-kontraenti, il-hand over lill-ko-kontraenti ġdid u d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt il-ġdid ma setgħux iseħħu sa l-iskadenza naturali [tal-] kuntratt [tar-rikorrenti] ".

16     Permezz ta’ faks tat-22 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hi ma xtaqitx tipproroga l-kuntratt-qafas aktar u li, konsegwentement, dak il-kuntratt kellu jiskadi fl-1 ta’ April 2004.

17     Permezz ta’ ittri tat-23 u tas-26 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni talbet l-intervent tar-rikorrenti, sabiex tibgħat lil WT il-fajls tal-"profili tal-vjaġġaturi" li hija kienet ipproduċiet sabiex "tiġi assigurata l-kontinwità tas-servizz fil-qasam tal-missjonijiet". Permezz ta’ ittri tal-25 u l-31 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hi kienet qed tirrifjuta tgħaddi l-imsemmija fajls lil WT.

18     Fil-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt ma’ WT għall-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar fi Brussell. Dan il-kuntratt daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004 bi klawsola li kienet tippermetti lill-kontraenti ġdida tipprovdi s-servizz "ex-plant" (mill-uffiċċji tagħha stess) għal perjodu tranżitorju bejn l-1 ta’ April u d-19 ta’ Mejju 2004.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19     Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża bil-għan, min-naħa, li tannulla d-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt u d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, għal kumpens tad-dannu li hija subiet minħabba dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

20     Fis-26 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba bil-għan li l-kawża tiġi deċiża permezz ta’ proċedura mħaffa kif previst mill-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004.

21     Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżura provviżorja sabiex, min-naħa waħda, tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt u tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiġi ordnata tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sospiżi l-effetti tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt jew tal-kuntratt konkluż wara li ttieħdet din id-deċiżjoni. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2004, li rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

22     Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Ġunju 2004, WT talbet li tintervjeni f’din il-proċedura in sostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet ta’ l-14 ta’ Lulju 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. WT ippreżentat is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sottomissjonijiet fit-termini stabbiliti.

23     Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, hija talbet lill-Kummissjoni sabiex twieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet u lil WT, min-naħa, sabiex twieġeb mistoqsija u, min-naħa l-oħra, sabiex tippreżenta kopja mhux kunfidenzjali ta’ l-offerta finanzjarja u teknika ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti in kwistjoni. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza u, permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Frar 2005, WT ippreżentat id-dokument mitlub u ppreżentat ir-risposta tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

24     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt;

–       tannulla d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt;

–       tiddikjara li l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni tammonta għal żball li jrendi lill-Kummissjoni responsabbli għalih;

–       tordna, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tad-dokumenti kollha li tipposjedi dwar l-għoti tal-lott nru 1;

–       tibgħat lir-rikorrenti quddiem il-Kummissjoni sabiex tkun tista’ issir l-evalwazzjoni tad-danni subiti;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

25     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

26     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet ta’ annullament

27     Sabiex issostni t-talbiet tagħha għall-annullament, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni u fuq żball ċar ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti finanzjarji. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq żball ċar ta’ evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-offerti.

1.     Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni u ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti finanzjarji

 L-argumenti tal-partijiet

28     Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, meta kkunsidrat li l-offerta ta’ WT ma kinitx anormalment baxxa u, konsegwentement, peress li ma rrispettatx l-obbligu tagħha li titlob lil WT spjegazzjonijiet xierqa dwar il-kompożizzjoni ta’ l-offerta, din kisret l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni, peress li, skond hi, l-Artikolu 139 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni mhuwiex applikabbli għal dan il-każ partikolari.

29     Skond ir-rikorrenti, il-prezz ta’ l-offerta ta’ WT kien b’42 % inqas meta mqabbel mal-medja bejn l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti u l-offerta ta’ tielet offerent li kien ippreżenta offerta aktar għolja fir-rigward tal-prezz, fejn l-offerta tar-rikorrenti rċeviet indiċi għall-prezz tagħha ta’ 165.56 u l-offerta l-aktar għolja, indiċi ta’ 181.13. Din id-differenza kbira kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-offerta ta’ WT bħala anormalment baxxa, peress li, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti kienet uriet lill-Kummissjoni d-dubji tagħha fir-rigward ta’ l-affidabilità ta’ l-offerta ta’ WT.

30     Ir-rikorrenti ssostni li, anke jekk il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ l-elementi li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt wara sejħa għal offerti, l-Imħallef Komunitarju għandu jivverifika li jkunu ġew osservati r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll il-preċiżjoni materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż tal-poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 33).

31     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill (T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 76), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kunsill "irid […] jeżamina l-affidabilità u s-serjetà ta’ l-offerti li in ġenerali jidhrulu suspettużi, u dan jimplika neċessarjament li, jekk ikun meħtieġ, jitlob preċiżazzjonijiet fuq il-prezzijiet individwali li jidhrulu suspettużi, a fortiori meta huma numerużi ", u li, minn barra dan, "il-fatt li l-offerta tar-rikorrenti ġiet meqjusa konformi mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma jeżonerax lill-Kunsill mill-obbligu tiegħu, bis-saħħa ta’ l-istess artikolu, li jivverifika l-prezzijiet ta’ offerta, jekk ikun hemm xi dubji dwar l-affidabilità tagħhom fil-proċess ta’ l-eżami ta’ l-offerti u wara l-evalwazzjoni inizzjali tal-konformità tagħhom".

32     F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-prezz tas-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar huwa, għal kull wieħed mil-lottijiet, magħmul, min-naħa, mill-"ispejjeż tal-ġestjoni" ("Management fee"), li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni dovuta lill-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għall-ispejjeż tal-ġestjoni in konnessjoni mal-ivvjaġġar ta’ l-impjegati ta’ l-istituzzjonijiet u aġenziji Ewropej, u, min-naħa l-oħra, l-"ispejjeż tat-tranżazzjoni" ("Transaction fee"), li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni dovuta lill-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għal spejjeż ta’ amministrazzjoni in konnessjoni ma’ l-ivvjaġġar ta’ persuni oħra li mhumiex impjegati ta’ l-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej, iżda li jivvjaġġaw fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej.

33     Ir-rikorrenti tfakkar li l-"ispejjeż tal-ġestjoni" huma magħmula mill-ispejjeż tas-salarji, l-ispejjeż tal-ġestjoni u l-ispejjeż ġenerali. Skond ir-rikorrenti, l-ispejjeż tas-salarji jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" u, konsegwentement, tal-prezz għas-servizzi ta’ aġenżija ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward tal-lott nru 1. Minn barra dan fl-offerta finanzjarja tagħha r-rikorrenti tqis li l-ispejjeż tas-salarji jirrappreżentaw 79.5 % ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni". Peress li l-prezz tas-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar huwa essenzjalment magħmul mill-ispejjeż tas-salarji, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-prezz propost minn WT bħala anormalment baxx.

34     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li l-unika possibbiltà li tnaqqas l-ispejjeż tas-salarji, u b’hekk il-prezz ta’ l-offerta, kienet li jitnaqqas b’mod sostanzjali n-numru ta’ persuni impjegati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew l-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom minn kif propost mir-rikorrenti. Tali tnaqqis żgur kien ikollu effett fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti.

35     Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-remunerazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ sejħa għal offerti jipprovdu li s-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għandhom jiġu pprovduti fil-bini ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-aġenziji Ewropej. Għaldaqstant, il-kuntratti ta’ xogħol ta’ l-impjegati kkonċernati huma suġġetti għad-dritt Belġjan, li jimponi remunerazzjoni minima għall-kuntratti ta’ xogħol.

36     Fit-tieni lok, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, ir-rikorrenti tqis li, sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi pprovduti, huwa meħtieġ li jiġu impjegati 39 persuna. Peress li l-ispejjeż tal-ħaddiema ma setgħux jitnaqqsu, id-differenza importanti tal-prezz bejn l-offerta magħmula minn WT u dik taż-żewġ offerenti l-oħra twassal għall-konklużjoni li l-offerta hija anormalment baxxa. Hija tosserva li, jekk huwa possibbli li tiġi ppreżentata offerta aktar kompetittiva minn tagħha, fi kwalunkwe każ ikun diffiċli li tiġi ġġustifikata id-differenza ta’ 42 %.

37     Minn barra dan, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni żbaljat meta rreferiet għar-relazzjoni bejn in-numru ta’ tranżazzjonijiet u l-"ispejjeż tal-ġestjoni", peress li dan il-kriterju ma jirriżultax mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li ma tista’ teżisti l-ebda relazzjoni bejn in-numru tat-tranżazzjonijiet għal-lottijiet nru 1 u nru 2 u l-baġits stmati għall-imsemmija lottijiet. Fil-fatt, il-baġit stmat għal-lott nru 2 jirrappreżenta biss 12.58 % tal-baġit stmat għal-lott nru 1. Minn barra dan, il-volum stmat għal-lott nru 2 jirrappreżenta biss 22.8 % ta’ dak relatat mal-lott nru 1.

38     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrikorriet għal kriterji oħra li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, min-naħa, fir-rigward ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" u, min-naħa l-oħra, billi ħadet in kunsiderazzjoni s-sistema ta’ tisħib fil-profitti proposta minn WT kif ukoll il-mezzi tekniċi u loġistiċi.

39     Skond il-Kummissjoni, l-offerta ppreżentata minn WT ma kinitx anormalment baxxa u għalhekk ir-riferiment għall-Artikolu 139 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ma kienx neċessarju. L-użu tal-verb "deher", fl-Artikolu 139(1) tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni, jixħet ftit dawl fuq ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħti marġini wiesgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kontraenti fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Minn barra dan, il-Kummissjoni ssostni li mill-istess artikolu jirriżulta li offerta anormalment baxxa mhix illegali fiha nnfisha, peress li jistgħu jiġu kkunsidrati xi ġustifikazzjonijiet li jispjegaw il-livell anormalment baxx ta’ l-imsemmija offerta.

40     Il-Kummissjoni ssostni li ma kienx hemmx differenza kbira bejn l-ispiża medja ta’ l-"ispejjeż tat-tranżazzjoni" fl-offerta tar-rikorrenti u dik ta’ l-"ispejjeż tat-tranżazzjoni" fl-offerta ta’ WT, fejn kienet teżisti differenza, mhux żgħira, fir-rigward ta’ l-ammont ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" fl-offerti taż-żewġ offerenti.

41     Għal dak li jirrigwarda l-ispiża tas-salarji, WT kienet ikkunsidrat in-numru meħtieġ ta’ persuni, billi bbażat ruħha partikolarment fuq proporzjon "numru medju annwali ta’ tranżazzjonijiet għal kull amministratur". Minn barra dan, il-Kummissjoni ssostni li offerta oħra pproponiet ukoll numru ta’ konsulenti inqas għoli minn dak propost mir-rikorrenti. Fir-rigward ta’ l-ispiża għal kull persuna, il-Kummissjoni ssostni li WT ipproponiet it-tieni prezz l-inqas għoli, filwaqt li r-rikorrenti offriet l-aktar prezz għoli.

42     Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ġenerali, l-offerta ta’ WT ippreżentat spejjeż ġenerali, ħafna aktar baxxi minn dawk tar-rikorrenti.

43     Il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien ħa wkoll in kunsiderazzjoni diversi parametri sabiex jevalwa l-koerenza ta’ l-offerti fir-rigward ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni". Min-naħa, dan il-kumitat kien analizza l-ispiża medja ta’ tranżazzjoni "missjonijiet" imħallsa mill-"ispejjeż tal-ġestjoni" meta mqabbla ma’ l-ispiża medja ta’ tranżazzjoni "vjaġġi oħra" imħallas mill-"ispejjeż tat-tranżazzjoni". Din l-ispiża medja kienet ta’ EUR 32.94 kontra EUR 14.37 għar-rikorrenti, u ta’ EUR 16 kontra EUR 15.66 għal WT. Min-naħa l-oħra, huwa kien qabbel l-ispiża ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" konnessi mal-lott nru 1 (Brussell) ma’ dak tal-lott nru 2 (Lussemburgu), fuq il-bażi ta’ l-ammont proporzjonali ta’ kull lot. Għalhekk minn din l-analiżi rriżulta li l-"ispejjeż tal-ġestjoni" ta’ WT għal-lott nru 1 kienu 3.64 darba għola minn dawk offerti għal-lott nru 2, għal numru ta’ missjonijiet 3.56 darba għola. L-"ispejjeż tal-ġestjoni" tar-rikorrenti rriżultaw min-naħa tagħhom aktar importanti għal-lott nru 1, peress li dawn ta’ l-aħħar kienu 7.89 darba għola minn dik offerta għal-lott nru 2, ukoll għal numru 3.56 darba għola.

44     Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni qieset li l-offerta ta’ WT kienet realistika, bilanċjata u proporzjonata. Hija ssostni li bbażat ruħha fuq parametri oġġettivi u komparabbli bejn l-offerti, b’hekk setgħet tevalwa l-koerenza bejn il-kontenut tekniku u l-livell tal-prezz ta’ l-offerta.

45     Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-fatt li hi ħadet in kunsiderazzjoni s-sistema ta’ tisħib fil-profitti ta’ WT [qsim bejn l-aġenzija u l-Kummissjoni tat-tnaqqis nnegozjat mill-aġenzija fuq il-prezz tax-xiri tal-biljetti meta mqabbel mal-prezz ta l-International Air Transport Association (Assoċjazzjoni internazzjonali tat-trasport bl-ajru), aktar ’il quddiem l-" IATA "]. Fil-fatt, hija tqis li s-sistema ta’ tisħib fil-profitti hija element rilevanti, min-naħa, sabiex jiġi evalwat id-dħul potenzjali li offerent jista’ jkollu minn barra r-remunerazzjoni tas-servizz u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evalwat il-bilanċ ekonomiku ta’ offerta dwar l-"ispejjeż tal-ġestjoni".

46     WT tqis li, mill-parti tagħha, il-Kummissjoni wriet li hi wettqet eżami komparattiv dettaljat u preċiż, u għalhekk l-offerta tagħha ma setgħetx tidher anormalment baxxa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

47     Prinċipalment, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-elementi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-kontroll tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għall-verifika li r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni huma osservati, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż tal-poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 147, u tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni, T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 95).

48     Hemm lok li jingħad ukoll li, skond l-Artikolu 97 tar-regolament finanzjarju, "[i]l-kuntratti jistgħu jingħataw bil-proċedura awtomatika ta’ l-għoti jew bil-proċedura ta’ l-aħjar-valur-għall-flus". Minn barra dan, skond l-Artikolu 138 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni " [l]-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu tkun dik bl-aqwa relazzjoni bejn prezz u kwalità, billi jitqiesu l-kriterji ġġustifikati mis-suġġett ta’ l-appalt [kuntratt]".

49     Minn barra dan, mill-Artikolu 139 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet sabiex jiġġustifika l-karatteristiċi ta’ l-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa. L-obbligu li tiġi vverifikata s-serjetà ta’ offerta huwa wkoll suġġett għall-fatt li qabel kienu jeżistu dubji fir-rigward ta’ l-affidabilità, filwaqt li jittieħed ukoll in kunsiderazzjoni li l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu huwa li jippermetti li offerent ma jiġix eliminat mill-proċedura mingħajr ma jkollu l-possibbiltà li jiġġustifika t-tenur ta’ l-offerta tiegħu li tidher anormalment baxxa.

50     Konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni hija fundamentalment marbuta ma’ dik ta’ l-Artikolu 139 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni, peress li huwa biss meta offerta hija kkunsidrata bħala anormalment baxxa, fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni huwa marbut li jitlob spjegazzjonijet xierqa dwar il-kompożizzjoni ta’ l-offerta, jekk meħtieġ, qabel ma jiċħadha. Minn barra dan u kuntrarjament għal dak li qed titlob ir-rikorrenti, fl-ipoteżi li offerta ma tidhirx bħala anormalment baxxa skond it-termini ta’ l-Artikolu 139, l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni mhux rilevanti. Għalhekk, peress li l-kumitat ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ ma kellu l-ebda intenzjoni li jiċħad l-offerta ta’ WT, peress li din ta’ l-aħħar ma derhitlux bħala waħda anormalment baxxa, l-Artikolu 139 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ma jirriżultax rilevanti.

51     Għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni, mill-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti jirriżulta li, "għal kull lott, il-kuntratt jingħata lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament meta tiġi kkunsidrata l-kwalità tas-servizzi proposti u tal-prezzijiet offerti". Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex tiġi identifikata l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, mhux neċessarju li l-kriterji kollha ta’ l-għoti kkunsidrati mill-awtorità kontraenti jkunu ta’ natura purament ekonomika, peress li ma jistax jiġi eskluż li fatturi li mhumiex purament ekonomiċi jistgħu jaffettwaw il-valur ta’ offerta fir-rigward ta’ l-imsemmija awtorità kontraenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, Ġabra p. I‑7213, punt 55, u sentenza Renco vs Il-Kunsill, aktar ’il fuq, punt 67).

52     F’dan il-każ partikolari, il-prezz tas-servizzi ta’ l-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar huwa magħmul minn żewġ elementi prinċipali : i) l-"ispejjeż tal-ġestjoni", li jirrappreżentaw l-ammont mensili globali li jkopri l-ispejjeż tas-salarji, l-ispejjeż tal-funzjonament u l-ispejjeż ġenerali u ii) l-" ispejjeż tat-tranżazzjoni", li tirrappreżenta r-remunerazzjoni dovuta lill-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni konnessi ma’ l-ivvjaġġar ta’ persuni li jagħmlu dan fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-aġenziji Ewropej.

53     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li r-rikorrenti ma tikkontestax l-"ispejjeż tat-tranżazzjoni" proposta minn WT, iżda tikkontesta biss l-ammont ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" fl-offerti ta’ WT. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kkommettietx żball ċar ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tenur finanzjarju ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" ikkunsidrati fl-elementi differenti tagħhom, peress li l-offerta ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" ta’ WT kienet l-inqas waħda għolja, dik tar-rikorrenti kienet l-aktar waħda għolja, u ż-żewġ offerti l-oħra kienu jaqgħu bejniethom.

 Fuq l-ispejjeż tas-salarji

54     Hemm lok li jiġi osservat li l-ispejjeż tas-salarji huma stabbiliti abbażi, min-naħa waħda, skond in-numru ta’ impjegati u, min-naħa l-oħra, skond l-ispiża ġġenerata minn kull impjegat.

55     Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ l-impjegati, jeħtieġ li jingħad li dan jista’ jkun indikatur utli fir-rigward ta’ eventwali evalwazzjoni baxxa tal-ħtiġijiet għal eżekuzzjoni tajba tas-servizzi li huma s-suġġett tas-sejħa għal offerti. Minkejja dan, tali ċifri m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala indikazzjoni deċiżiva peress li l-effikaċità ta’ l-organizzazzjoni strutturali ta’ offerent tista’ tiġġustifika numru inqas ta’ impjegati.

56     F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li, sabiex tevalwa in-numru ta’ impjegati neċessarji, WT ibbażat ruħha fuq il-"medja annwali tan-numru ta’ tranżazzjonijiet minn kull amministratur", fejn dan il-kalkolu kien ibbażat fuq kriterju oġġettiv u realistiku. WT indikat, bħala risposta għal mistoqsija miktuba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li n-numru ta’ impjegati li hija tqis neċessarji għal-lott nru 1 huwa 29, konxja mill-fatt li offerta oħra pproponiet numru aktar baxx.

57     L-istima tar-rikorrenti, li 39 persuna huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-servizzi, mhix rilevanti, peress li mhux eskluż li offerenti oħra jistgħu joffru numru aktar baxx ta’ impjegati u dan grazzi, b’mod partikolari, għal metodu operattiv aktar effiċjenti u għal kompetittività teknika akbar.

58     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti ma wrietx, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, li l-istima ta’ WT fir-rigward tan-numru ta’ l-impjegati ma kinitx xierqa u li WT kienet ikkalkulat numru inqas ta’ impjegati meħtieġa.

59     Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-ispiża għal kull persuna, jeħtieġ li jiġi mfakkar li WT il-prezz propost minn WT għal kull impjegat huwa t-tieni wieħed l-aktar baxx, filwaqt li min-naħa tagħha r-rikorrenti pproponiet il-prezz l-aktar għoli.

60     Fid-dawl ta’ din il-kostatazzjoni, jidher li WT mhix l-unika aġent ekonomiku li stmat li l-ħtiġijiet għal-lott nru 1 ser ikunu ta’ spiża inqas minn dik ikkalkulata mir-rikorrenti. Minn barra dan, il-fatt li offerent ieħor ikun ippropona spiża għal kull persuna aktar baxxa minn ta’ l-offerent magħżul seta’ jsaħħaħ l-evalwazzjoni ta’ l-awtorità kontraenti li l-prezzijiet proposti minn WT ma kienux anormalment baxxi.

61     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li r-rikorrenti tillimita ruħha li targumenta dwar il-fatt li WT kienet ipproponiet numru insuffiċjenti ta’ impjegati, u remunerazzjoni anormalment baxxa għal dawn l-impjegati. Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreżentatx elementi suxxettibbli li juru li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjon. Għalhekk, l-awtorità kontraenti setgħet tistabbilixxi li n-numru ta’ impjegati propost minn WT kien koerenti u li l-offerta magħżula ma kinitx anormalment baxxa.

 Fuq l-ispejjeż tal-ġestjoni

62     Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-funzjonament, jirriżula mill-Anness 2 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti li dawn l-ispejjeż huma magħmula, min-naħa waħda, mill-spejjeż sostnuti mill-aġenzija matul it-terminu bejn id-data tal-ħlas mill-aġenzija ta’ l-irċevuti tal-fornituri tagħha u d-data tal-ħlas mill-Kummissjoni ta’ l-irċevuti ta’ l-aġenzija u, min-naħa l-oħra, mill-ispejjeż u l-oneri l-oħra kollha u mill-ispejjeż kollha tal-ġestjoni konnessi mat-tagħmir, ma’ l-oġġetti konsumabbli, mal-manutenzjoni u ma’ l-użu ta’ materjal informatiku u ta’ komunikazzjoni użati għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

63     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ressqitx il-prova li l-ispejjeż tal-funzjonament stmati minn WT kienu anormalment baxxi iżda fis-sottomissjonijiet tagħha illimitat lilha nnifisha li tiddefinixxi l-komponenti ta’ l-imsemmija spejjeż mingħajr ma tispeċifika b’liema mod l-evalwazzjoni tagħhom minn WT kienet anormalment baxxa.

 Fuq l-ispejjeż ġenerali

64     Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ġenerali, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-offerta ta’ WT kienet tippreżenta parti mill-ispejjeż ġenerali ħafna aktar baxxi minn dawk ta’ l-offerta tar-rikorrenti. Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ li jingħad li l-offerenti jipproċedu għal evalwazzjoni skond il-prassi u l-esperjenza tagħhom. Għalhekk, l-istimi tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala standard, peress li l-karatteristika organizzattiva ta’ kull offerent tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ spejjeż inferjuri.

65     Minn barra dan, skond il-Kummissjoni, WT ħasbet sabiex "tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż filwaqt li tassigura livell għoli ta’ kwalità, u dan bl-użu ta’ infrastrutturi u teknoloġiji effiċjenti ħafna, grazzi għal metodi ta’ produttività avvanzati". Jirriżulta, minn risposta miktuba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li WT kienet f’pożizzjoni li tipproponi soluzzjonijiet ikkunsidrati tajba ħafna għall-provvista ta’ servizzi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, u wkoll soluzzjonijiet informatiċi innovattivi. Minn barra dan, permezz tad-deskrizzjoni eżawrjenti tar-riżorsi tekniċi u loġistiċi ta’ l-offerta ta’ WT kien possibbli għall-Kummissjoni li tassigura li l-infrastrutturi użati u l-għodod żviluppati kienu ffukati fuq il-produttività u t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż filwaqt li kienu jiggarantixxu l-effikaċja tas-servizzi. B’hekk, l-offerta teknika kienet turi x-xewqa li jiġi pprovdut l-aħjar servizz bl-aħjar prezz.

66     Konsegwentement, u fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ikkonċentrat fuq il-verifika li l-ispejjeż ġenerali jiggarantixxu eżekuzzjoni tajba tas-servizzi previsti u li l-offerta magħżula kienet affidabbli u serja.

67     Jeħtieġ li jiġi nnutat ukoll li l-kumitat ta’ evalwazzjoni vverifika l-koerenza ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni", billi qabbel, fl-ewwel lok, l-ispiża medja ta’ tranżazzjoni "missjonijiet" imħallsa mill-"ispejjeż tal-ġestjoni" ma’ dawk ta’ tranżazzjoni ta’ "spostamenti oħra" imħallsa mill-"ispejjeż tat-tranżazzjoni". Din l-analiżi wriet li għal dak li jirrigwarda l-offerta tar-rikorrenti, l-ispiża kienet bejn wieħed u ieħor darbtejn akbar mill-ispiża medja ta’ tranżazzjoni mħallsa mill-"ispejjeż tat-tranżazzjoni" (EUR 32.94 kontra EUR 14.37), kuntrarjament għall-offerta ta’ WT, li pproponiet spejjeż ftit differenti (EUR 16 kontra EUR 15.66).

68     Fit-tieni lok, il-kumitat ta’ evalwazzjoni qabbel l-ispiża ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni" tal-lottijiet nru 1 (Brussell) u nru 2 (Lussemburgu) fir-rigward tal-volum proporzjonali ta’ kull lott. Issa, l-offerta proposta minn WT setgħet tidher affidabbli lill-awtorità kontraenti, peress li l-"ispejjeż tal-ġestjoni" għal-lott nru 1 kienu 3.64 darba għola minn dawk offerti għal-lott nru 2, għal volum ta’ missjonijiet 3.56 għola, jiġifieri proporzjon ġustifikat li ma jħallix li tidher inkoerenza fil-prezzijiet offerti. Kuntrarjament, l-"ispejjeż tal-ġestjoni" tar-rikorrenti kienu jidhru akbar għal-lott nru 1, peress li dan ta’ l-aħħar kien 7.89 darba għola mill-offerti għal-lott nru 2, l-istess għal volum 3.56 darba għola.

69     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li r-rikorrenti tikkontesta dan il-paragun ta’ proporzjonijiet, iżda ma ġġibx prova li din hija żbaljata, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet użu biss mill-proċedura komparattiva sabiex tassigura ruħha mill-koerenza ta’ l-offerta magħżula u mhux sabiex jintagħżel il-lott nru 1. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tiddeċiedi li l-"ispejjeż tal-ġestjoni" ta’ l-offerta ta’ WT kienu serji u affidabbli.

 Fuq is-sistema ta’ tisħib fil-profitti

70     Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, li s-sistema ta’ tisħib fil-profitti ġiet ikkunsidrata fid-determinazzjoni kwalitattiva ta’ l-offerta, sabiex jiġi muri li ġustament hija ma kkunsidratx l-offerta bħala anormalment baxxa. Dan l-element ġie użat sabiex tassigura ruħha mill-affidabilità u s-serjetà ta’ l-offerta finanzjarja fl-intier tagħha u mhux bħala kriterju ta’ għoti. Peress li kwalunkwe tnaqqis mogħti minn fornitur jiġġenera qligħ proporzjonali għall-benefiċċju tal-Kummissjoni u li, f’dan il-każ, l-offerta ta’ WT kienet tipproponi perċentwali akbar ta’ dħul supplementari fil-parti li tirrigwarda t-tisħib fil-profitti, il-Kummissjoni setgħet tassigura ruħha dwar il-bilanċ ekonomiku ta’ l-"ispejjeż tal-ġestjoni".

71     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-offerta finanzjarja ta’ WT kienet l-aktar vantaġġuża ekonomikament mingħajr ma kienet anormalment baxxa. Għalhekk, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq żball ċar fl-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-offerti tekniċi

 L-argumenti tal-partijiet

72     Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għamlet żball ċar ta’ evalwazzjoni meta lill-offerta ta’ WT tatha l-aktar marka għolja (87.62 fuq 100) għall-kwalità tas-servizzi proposti. Mill-perspettiva tagħha, u sabiex tispjega għaliex irċeviet marka għola, l-offerta ta’ WT kellha tipprovdi garanziji importanti ta’ kwalità fir-rigward tas-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar, iżda wkoll garanziji ta’ kwalità superjuri għal dawk proposti. Madankollu, fil-fehma tagħha, l-offerta ta’ WT ma setgħetx tassigura kwalità sodisfaċenti għall-imsemmija servizzi.

73     Ir-rikorrenti tqis li WT, meta impjegat 14 minn 35 ex-impjegat tagħha, ma kellhiex il-ħaddiema neċessarji sabiex tiggarantixxi kwalità tajba tas-servizzi.

74     Ir-rikorrenti ssostni li ebda nuqqas ma jista’ jiġi attribwit lilha fil-proċess ta’ l-eżekuzzjoni tas-servizzi waqt l-eżekuzzjoni tal-kunratt-qafas, jiġifieri għal perjodu bejn l-1 ta’ April 1999 u l-31 ta’ Marzu 2004. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, f’nota interna tas-6 ta’ Diċembru 2001, il-kap tat-taqsima responsabbli mill-missjonijiet tal-Kummissjoni rrikonoxxa l-eżekuzzjoni tajba tas-servizzi tagħha bħala aġenzija ta’ l-ivvjaġġar billi ssottolinja l-karattru "ġeneralment pożittiv" ta’ dawn is-servizzi. Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li l-offerta tagħha tissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġijiet imposti mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

75     Ir-rikorrenti ssostni li qabel il-bidu ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni kienet diġà taf li WT ma setgħetx tassigura eżekuzzjoni tajba tas-servizzi f’terminu ta’ tliet xhur, jiġifieri perjodu li jikkorrispondi għal wieħed minn tmienja tat-tul inizjali tal-kuntratt. Madankollu, ir-rikorrenti tgħid li skond l-Anness 1 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti l-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar fil-bini ta’ l-istituzzjonijiet hija kundizzjoni essenzjali ta’ l-eżekuzzjoni tas-servizz, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-kuntratt jista’ jiġi xolt "meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jkunx effettivament beda fit-tliet xhur wara d-data prevista għal dan il-għan". Ir-rikorrenti hija wkoll sorpriża bil-fatt li, għalkemm fil-mument ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti kien magħruf li hija ma setgħetx teżegwixxi l-kuntratt għal perjodu ta’ tliet xhur, WT ġiet mogħtija l-marka kwalitattiva l-aktar għolja.

76     Ir-rikorrenti tqis li l-għoti tal-lott nru 1 lil WT sar bi ksur ta’ provvediment fl-Anness 1 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti li jiddikjara, bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ l-offerti, il-preżentazzjoni tal-prova li l-offerenti jiddisponu mill-awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex joħorġu dokumenti ta’ trasport u jippreċiża li numru tal-liċenzja ta’ l-IATA (aktar ’il quddiem il-"liċenzja IATA") huwa meħtieġ qabel il-bidu ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Madankollu, il-kuntratt konkluż ma’ WT fil-31 ta’ Marzu 2004 ġie eżegwit fl-1 ta’ April 2004, b’mod li WT ma setgħetx tipprovdi l-imsemmi numru tal-liċenzja. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li fir-rigward tal-kisba tal-liċenzja IATA, hija kienet l-unika waħda mill-offerenti li osservat il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

77     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li evalwat il-kwalità ta’ l-offerti tekniċi b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u mal-metodoloġija ta’ evalwazzjoni stabbilita preliminarjament fil-ftuħ ta’ l-offerti, u dan mingħajr ma wettqet ebda żball ċar ta’ evalwazzjoni.

78     Fir-rigward ta’ l-impossibbiltà li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tal-kuntratt bejn l-1 ta’ April u s-27 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda parti kontraenti, barra mir-rikorrenti, ma kienet f’pożizzjoni li tissodisfa l-formalitajiet amministrattivi u tekniċi neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-servizzi fl-uffiċċju tal-Kummissjoni f’terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda’ jiddekorri mid-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt u għal inqas minn xahar mill-ewwel data possibli għal firma tal-kuntratt. Kien għalhekk li, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tkompli tiggarantixxi dan is-servizz, iżda finalment din ta’ l-aħħar kienet irrifjutat li tirrispondi b’mod favorevoli għal din it-talba.

79     Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li, fil-preżenza tas-sitwazzjoni ta’ urġenza imperattiva li kienet tirriżulta minn ġrajjiet imprevedibbli mhux attribwibbli lill-awtorità kontraenti u li tista’ tipperikola l-interessi tal-Komunità, hija kellha tirrikorri għall-Artikolu 126(1)(ċ), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni. Għalhekk, hija kellha tiffirma l-kuntratt in kwistjoni bi klawsola li kienet tippermetti lill-kontraenti l-ġdid iwettaq is-servizz "ex-plant", jiġifieri fl-uffiċċju tiegħu stess, għal perjodu tranżitorju mill-1 ta’ April sad-19 ta’ Mejju 2004 u mhux għal perjodu ta’ tliet xhur kif tallega r-rikorrenti.

80     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li hija kellha tiffaċċja rtirar imprevist min-numru ta’ istituzzjonijiet, fosthom il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ partikolari, il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma kienu jipprovdu ebda data preċiża għall-bidu ta’ l-eżekuzzjoni tas-servizzi, ħlief li l-kuntratt kellu jiġi ffirmat qabel it-30 ta’ Ġunju 2004 u li l-offerti kellhom validità ta’ disa’ xhur li jibdew jgħoddu mit-2 ta’ Diċembru 2003. Minn barra dan, WT dejjem kienet f’pożizzjoni li teżegwixxi l-kuntratt in kwistjoni, li kellu jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004.

81     Barra minn hekk, hija tikkontesta l-allegazzjoni li, fil-mument tas-sejħa għal offerti interistituzzjonali, kienet taf bin-natura tad-diffikultajiet li kienu ser jinqalgħu wara l-irtirar ta’ l-istituzzjonijiet. Fil-fatt, kien biss fit-8 ta’ Marzu 2004, waqt il-laqgħa ma’ WT, li dehru għall-ewwel darba l-problemi ta’ natura teknika u amministrattiva, li kienu ser jrendu l-eżekuzzjoni ta’ l-appalt "in-plant" sa mill-1 ta’ April 2004 impossibbli. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-problemi ma kienux magħrufa ħlief wara l-għeluq tas-sejħa għal offerti, li obbligaw lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni adegwata.

82     Il-Kummissjoni ssostni li, skond il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-liċenzja IATA hija meħtieġa biss qabel il-bidu ta’ l-għoti tas-servizzi, jiġifieri wara l-għeluq tal-proċedura tas-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, din il-liċenzja bl-ebda mod ma kienet tkun kriterju għall-evalwazzjoni kwalitattiva.

83     Min-naħa tagħha, WT tikkontesta l-fatt li ko-kontraenti fil-post kellha, awtomatikament, tirċievi l-aktar marka għolja.

84     Fir-rigward tal-liċenzji IATA, WT issostni li hija għandha liċenzja globali li tkopri l-attivitajiet tagħha fil-Belġiju u liċenzji IATA għal kull waħda mill-aġenziji tagħha. WT tqis li l-ebda offerent, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, ma seta’ jiddisponi minn liċenzja għal dak li jirrigwarda l-postijiet li jinsabu ġewwa l-Kummissjoni. Minn barra dan, WT issostni li mill-Anness 1 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti (klawsola 2.2) jirriżulta li l-fatt li wieħed ikollu numru ta’ liċenzja IATA speċifika għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jikkostitwix kundizzjoni ta’ ammissibbiltà għall-offerti.

85     Fl-aħħarnett, għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ impjegati, WT tfakkar li hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-avviż tal-kuntratt. Fil-fatt, hija kellha mill-inqas 70 impjegat fil-Belġju, li, skond hi, fil-parti l-kbira tagħhom kellhom kwalifiċi professjonali kif previst fl-Artikolu 5.2 ta’ l-Anness 1 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86     Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-kwalità ta’ l-offerti trid tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-offerti stess u mhux fuq l-esperjenza akkwistata mill-offerenti flimkien ma’ l-awtorità kontraenti f’kuntratti preċedenti jew fuq il-bażi ta’ kriterji tas-selezzjoni, bħall-kapaċità teknika tal-kandidati, li jkunu diġà ġew ivverifikati fil-fażi tas-selezzjoni tal-kandidaturi u li ma jistgħux jerġgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ tqabbil ta’ l-offerti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, Ġabra p. 4635, punt 15, u sentenza Esedra vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punt 158).

87     F’dan il-każ, mill-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti jirriżulta li l-kriterji ta’ l-għoti tal-kuntratt huma tnejn, jiġifieri l-kwalità tas-servizzi proposti u l-prezzijiet offerti. Fir-rigward tal-kwalità ta’ l-offerta, din għandha tiġi evalwata skond erba’ kriterji : i) il-persunal, ii) il-mezzi tekniċi u loġistiċi, iii) il-ġestjoni u l-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni u iv) il-kapaċità ta’ negozjar ta’ l-aħjar tariffi.

88     Għalhekk, l-esperjenza tar-rikorrenti ma tistax tkun ta’ ostaklu għall-eżistenza ta’ offerta ta’ offerent ieħor kapaċi li joffri kwalità ta’ servizzi superjuri għal dik tar-rikorrenti stess u li tikkorispondi b’mod adegwat għall-erba’ kriterji li jistabbilixxu l-kwalità meħtieġa.

89     Fir-rigward tan-numru ta’ l-impjegati, WT ipproponiet 29 impjegat għal-lott nru 1, filwaqt li r-rikorrenti offriet 39. L-istima ta’ WT setgħet tidher affidabbli għall-Kummissjoni peress li l-produttività u l-effikaċità ta’ WT, kif spjegati minnha f’waħda mir-risposti tagħha miktuba lill-Qorti tal-Prim’Istanza u msemmija fil-punt 65 aktar ’il fuq, setgħu jiġġustifikaw numru inqas ta’ impjegati meta mqabbel mar-rikorrenti, u dan mingħajr ħsara għall-kwalità mistennija tas-servizzi.

90     Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li la r-regolament finanzjarju u lanqas ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ma jeħtieġu li, fil-mument li jippreżenta l-offerta tiegħu, offerent effettivament ikollu l-impjegati sabiex jeżegwixxi kuntratt futur li jista’ jiġi mogħti lilu. Fil-fatt, kull offerent magħżul għandu jkun f’pożizzjoni li jibda jipprovdi s-servizzi fid-data stabbilita mill-kuntratt konkluż bħala riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti u mhux qabel ma l-kuntratt jiġi finalment mogħti lilu. Li jkun eżeġit li, fil-mument li jippreżenta l-offerta tiegħu, l-offerent ikun jiddisponi min-numru ta’ impjegati meħtieġa, iwassal sabiex jingħata vantaġġ lill-offerent attwali u b’hekk l-iskop stess tas-sejħa għal offerti jintilef. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti jeżiġu li l-offerent, fil-mument li jippreżenta l-offerta tiegħu, ikun jiddisponi mill-inqas minn 70 impjegat fil-Belġju, kundizzjoni li kienet sodisfatta minn WT.

91     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li d-diffikultajiet ta’ l-eżekuzzjoni li ltaqgħet magħhom WT, li ma kinitx f’pożizzjoni li tottjeni l-liċenzja IATA meħtieġa u li għalhekk ma setgħetx tipprovdi s-servizzi internament mill-1 ta’ April 2004, huma konnessi ma’ l-irtirar ta’ ċerti istituzzjonijiet, dak li wassal għall-ħtieġa ta’ tieni sejħa għal offerti, u dawn ma deherux ħlief wara l-għoti tal-kuntratt. Fil-fatt, kien biss fit-8 ta’ Marzu 2004, waqt il-laqgħa bejn il-Kummissjoni u WT, li deheru l-imsemmija diffikultajiet. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li dawn id-diffikultajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ WT matul l-ewwel tliet xhur tal-kuntratt ma setgħux jiġġustifikaw il-kisba ta’ marka għolja u li kellhom jwasslu lill-Kummissjoni sabiex ittemm il-kuntratt finalment iffirmat ma’ WT, huwa irrilevanti.

92     Fid-dawl ta’ l-abbozz tal-kuntratt anness mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-possibbiltà ta’ terminazzjoni hija possibbiltà mogħtija biss lill-istituzzjoni, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti. Iżda, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li s-servizzi in kwistjoni ma ġewx ipprovduti b’dewmien eċċessiv, u li l-eżekuzzjoni tagħhom ma ġġeneratx dewmien inaċċettabbli, meta wieħed jikkunsidra li WT bdiet tipprovdi s-servizzi tagħha fl-1 ta’ April 2004, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti u adottati fil-kuntratt addizzjonali.

93     Barra minn hekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-kapaċità ta’ eżekuzzjoni immedjata tas-servizzi ma tikkostitwix kriterju ta’ evalwazzjoni kwalitattiv, peress li dawn kienu jipprovdu biss data sa meta kellhom jibdew jitwettqu s-servizzi, f’dan il-każ l-1 ta’ Lulju 2004. Għalhekk, il-fatt li WT ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi s-servizzi tagħha internament sa mill-1 ta’ April 2004 ma jikkostitwixxix ksur tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, peress li dan ta’ l-aħħar kien jindika biss data sa meta kellhom jibdew jiġu pprovduti s-servizzi. Fil-fatt, WT ipprovdiet is-servizzi "in-plant " sa mill-24 ta’ Mejju 2004, jiġifieri aktar minn xahar qabel id-data tal-bidu stabbilita fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

94     Għal dak li jirrigwarda l-liċenzja speċifika għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti jipprovdu li "numru tal-liċenzja IATA speċifiku għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt kif ukoll ċertifikat ta’ l-awtoritajiet lokali li jamministraw il-qasam ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar […] huma meħtieġa qabel ma jinbdew l-attivitajiet […] " [Anness 1 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti (klawsola 2.2)]. Fis-seduta WT indikat li fl-10 ta’ Mejju 2004 hija rċeviet il-liċenzja "A", li hija meħtieġa sabiex wara tkun tista’ tirċievi liċenzja IATA. F’dan il-każ partikolari, WT otteniet l-imsemmija liċenzja IATA fit-18 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, WT kienet konformi mal-ħtiġijiet imposti mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, peress illi hija kellha fil-pussess tagħha l-imsemmija liċenzja qabel l-1 ta’ Lulju 2004.

95     Fir-rigward ta’ l-użu tal-proċedura nnegozjata, l-Artikolu 126(1)(ċ), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni jgħid li "[l-]awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura nnegozjata mingħajr ma jkun ippubblikat minn qabel avviż ta’ appalt [sejħa għal offerti] […] fejn ma jistax isir mod ieħor, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema ġejjin minn ċirkustanzi li ħadd ma seta’ jobsor u li ma jistgħux jitwaħħlu fl-awtorità ta’ l-appalti [kontraenti], u li ma jistgħux [i]ħarbtu l-inter[e]ssi tal-Komunitajiet, ikun impossibbli li jinżammu l-limiti taż-żmien stabbiliti għall-proċeduri l-oħrajn".

96     Fir-rigward tal-karattru imprevedibbli ta’ l-avveniment u li mhux imputabbli lill-awtorità kontraenti, jeħtieġ li jiġi nnotat li wara l-irtirar ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni pproċediet għall-pubblikazzjoni ġdida tal-kuntratt, fid-29 ta’ Lulju 2003, li wasslet għal dewmien fiż-żminijiet previsti. Fir-risposta tagħha għal mistoqsija miktuba magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni spjegat li, wara li tat il-kunsens tagħha għall-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti, fl-laqgħa li saret fit-3 ta’ Ġunju 2003, il-Parlament wera ċerta retiċenza sabiex jipparteċipa fis-sejħa għal offerti. Il-Parlament wera riżervi, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-għoti tal-kuntratt fuq il-bażi ta’ lott għal kull belt. Permezz ta’ nota tal-11 ta’ Ġunju 2003, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament għarraf bl-impossibbiltà għall-Parlament li jiffinalizza d-dokument ta’ sejħa għal offerti qabel it-30 ta’ Ottubru 2003. L-osservanza tat-terminu propost mill-Parlament kien jikkomprometti l-andament tas-sejħa għal offerti fir-rigward ta’ l-iskadenza massima tal-kuntratt fis-seħħ, jiġifieri il-31 ta’ Marzu 2004. Fit-8 ta’ Lulju 2003, il-Parlament ħabbar l-irtirar tiegħu, li ġab miegħu dak ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li hija ma setgħetx tispeċifika d-data tal-bidu tal-provvista tas-servizzi fis-sejħa għal offerti, iżda sempliċement data sa meta għandhom jibdew jiġu pprovduti, peress li kull lott kellu l-karatteristiċi proprji, b’mod partikolari, dati ta’ skadenzi differenti, li rrenda impossibbli l-iffissar ta’ data waħda ta’ bidu tal-provvista tas-servizzi għal-lottijiet kollha. Minn barra dan, kien biss waqt il-laqgħa tat-8 ta’ Marzu 2004 li l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-fatt li l-proċedura sabiex tinkiseb il-liċenzja IATA, meħtieġa sabiex jiġu pprovduti s-servizzi "in-plant", kienet teħtieġ iż-żmien u setgħet twassal ukoll għal ċertu dewmien fl-eżekuzzjoni tal-provvista tas-servizzi.

97     Konsegwentement, sabiex din id-diffikulta li tirriżulta mill-irtirar inizjali ta’ l-istituzzjonijiet tiġi megħluba, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tassigura s-servizz matul perjodu tranżitorju ta’ sitta sa tmien ġimgħat, liema talba ġiet irrifjutata mir-rikorrenti.

98     Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-iskeda ppjanata, imfixxkla bl-irtirar mhux previst ta’ ċerti istituzzjonijiet u r-rifjut tar-rikorrenti li jipprovdi s-servizzi f’perjodu tranżitorju, ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tippreżerva l-kontinwità tas-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar, mingħajr ma tirrikorri għall-iffirmar ta’ kuntratt addizzjonali li jippermetti lil WT tipprovdi s-servizzi "ex-plant" mill-1 ta’ April sad-19 ta’ Mejju 2004, u dan sabiex taffronta s-sitwazzjoni ta’ urġenza imperattiva li kellha quddiemha.

99     Minn barra dan, jidher li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda rwol fl-irtirar in kwistjoni, mhux imputabbli lilha u imprevedibbli, peress li r-riżervi tal-Parlament ma rriżultawx ħlief wara l-pubblikazzjoni inizjali tas-sejħa għal offerti.

100   B’kunsiderazzjoni tal-perikolu għall-interessi tal-Komunità, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-importanza tal-kontinwità tas-servizzi previsti f’din il-kawża, li jiġġeneraw qrib 57 000 missjoni fis-sena, hija tali li l-Kummissjoni kellha tassigura l-kontinwità tagħhom, u dan billi rrikorriet għal proċedura nnegozjata.

101   Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-proċedura nnegozjata bl-ebda mod ma intużat fil-kuntest tas-sejħa għal offerti. Fil-fatt, din il-proċedura intużat biss sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt addizzjonali li jemenda l-kuntratt prinċipali, li jirriżulta mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li ġie iffirmat fil-31 ta’ Marzu 2004. Għalhekk, l-unika funzjoni ta’ dan il-kuntratt addizzjonali kienet li tippermetti provvista "ex-plant" ta’ l-imsemmija servizzi matul il-perjodu bejn l-1 ta’ April u d-19 ta’ Mejju 2004, fid-dawl tar-rifjut tar-rikorrenti li tassigura s-servizzi matul perjodu tranżitorju.

102   Mill-qari tal-kunsiderazzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra wkoll li, mhuwiex fid-data tal-preżentazzjoni ta’ l-offerta, iżda f’dik ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, li kien meħtieġ li l-offerent ikun f’pożizzjoni li jipprovdi s-servizzi internament. Minħabba r-rifjut tar-rikorrenti li tipproroga l-kuntratt wara l-iskadenza tal-kuntratt-qafas fil-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni kellha tilħaq ftehim kuntrattwali ma’ WT sabiex tassigura l-kontinwità tas-servizzi. Fil-fatt, jidher leġittimu li eżekuzzjoni prematura tas-servizzi fl-1 ta’ April 2004 kienet teħtieġ adattazzjoni kuntrattwali, li kienet tippermetti, b’mod partikolari, provvista temporanja ta’ servizzi "ex-plant". F’dan ir-rigwrad, jeħtieġ li jingħad ukoll li WT kienet f’pożizzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet imposti fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, peress li hija kienet f’pożizzjoni li tipprovdi s-servizzi internament mill-24 ta’ Mejju 2004, jiġifieri aktar minn xahar qabel id-data sa meta kellhom jibdew jiġu pprovduti s-servizzi, stabbilita fl-imsemmija kundizzjonijiet.

103   Għalhekk, hemm lok li jingħad li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 126(1)(ċ), tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni kienu ġew sodisfatti u li l-użu tal-proċedura nnegozjata kien iġġustifikat.

104   Fl-aħħar lok, għal dak li jirrigwarda r-raġuni tar-rikorrenti, invokata fir-replika tagħha, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni koperti mill-Artikolu 89(1) tar-regolament finanzjarju, jeħtieġ li jingħad li, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Peress li din ir-raġuni ma kinitx imsemmija fir-rikors u din ma tirrigwardax element li tqajjem fil-proċedura, hija għandha tiġi iddikjarata inammissibbli.

105   Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet żball ċar fl-evalwazzjoni kwalitattiva tagħha ta’ l-offerta magħżula. Għalhekk, it-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq it-talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ l-għoti tal-lott nru 1

106   Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-intervenjenti sabiex tippreżenta informazzjoni dwar l-offerta tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li permezz tad-dokumenti fil-proċess, hija għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża mingħajr ma tordna lill-Kummissjoni tippreżenta d-dokumenti kollha relatati ma’ l-għoti tal-lott nru 1, kif mitlub mir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu

107   Minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ċar ta’ evalwazzjoni fl-għażla ta’ l-offerent u lanqas wettqet ksur tar-regolament finanzjarju. Minn barra dan, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda element ieħor, distint miż-żewġ raġunijiet tagħha, li jista’ jikkostitwixxi illegalità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Konsegwentement, it-talba għall-kumpens tad-dannu għandha tiġi kkunsidrata bħala mhux fondata, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

108   Għalhekk u fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

109   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti, kif ukoll dawk tal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti, kif ukoll dawk tal-proċedura sommarja.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2005.

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talbiet ta’ annullament

1.  Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 146 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni u ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti finanzjarji

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż tas-salarji

Fuq l-ispejjeż tal-ġestjoni

Fuq l-ispejjeż ġenerali

Fuq is-sistema ta’ tisħib fil-profitti

2.  Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq żball ċar fl-evalwazzjoni tal-kwalitŕ ta’ l-offerti tekniċi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ l-għoti tal-lott nru 1

Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.