Language of document : ECLI:EU:T:2005:288

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Probabbiltà ta' konfużjoni – Prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali ALADIN – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti ALADDIN – Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-126/03,

Reckitt Benckiser (España), SL, stabbilita f'Barċellona (Spanja), irrappreżentata minn M. Esteve Sanz, Avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl, I. de Medrano Caballero u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kienet

Aladin Gesellschaft für innovative mikrobiologische Systeme GmbH, stabbilita f'Luckenwalde (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-31 ta' Jannar 2003 (Każ R 389/2002-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Reckitt Benckiser (España), SL, u Aladin Gesellschaft für innovative mikrobiologische Systeme GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ April 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Awwissu 2003,

wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta' Marzu 1997, Lipolyt Gesellschaft für innovative mikrobiologische Systeme mbH, li l-isem tagħha ġie sussegwentement mibdul għal Aladin Gesellschaft für innovative mikrobiologische Systeme GmbH (iktar ’il quddiem "il-parti l-oħra quddiem l-UASI"), ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ALADIN.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 3, 35, 37 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li inizjalment kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 1: "Preparazzjonijiet batteriċi mhux għall-użu mediku jew veterinarju; bażijiet (prodotti kimiċi); mordenti (inklużi fil-klassi 1); aċidi (inklużi fil-klassi 1); katalizzaturi bijokimiċi; prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi; kompożizzjonijiet kimiċi li jirreżistu għall-aċidi; kloru; kloruri; deterġenti (inklużi fil-klassi 1); preparazzjonijiet li jrattbu l-ilma (preparazzjonijiet li jneħħu l-ġebla) inklużi fil-klassi 1; enzimi għal użu industrijali; preparazzjonijiet enzimatiċi għal użu industrijali; fermenti għal użu kimiku; prodotti għas-separazzjoni tal-grassijiet; melħ amonijaku; amonijaka għal użu industrijali";

–        klassi 3: "Preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; prodotti li jqaxxru; preparazzjonijiet għall-ftuħ tal-pajpijiet għall-ilma maħmuġ; prodotti biex titneħħa ż-żebgħa; prodotti li jneħħu l-grassijiet (inklużi fil-klassi 3); prodotti biex jitneħħa l-verniċ; kimika li tneħħi t-tbajja’; żjut għat-tindif; prodotti li joborxu (inklużi fil-klassi 3); terpentina (prodott li jneħħi l-grass); il-prodotti ċċitati iktar ’il fuq minbarra l-kimiċi awżiljari [adjuvants] għat-tessili u għall-industrija metallurġika."

–        klassi 35: "Servizzi ta' frankiġja, jiġifieri l-fornitura ta' l-għerf tas-sengħa fl-organizzazzjoni u fin-negozju fil-qasam tas-sanità u tat-tindif tal-pajpijiet";

–        klassi 37: "Servizzi ta’ kostruzzjoni; servizzi ta' installazzjoni; tindif ta' pajpijiet u tad-dranaġġ; kiri ta' makkinarju ta' tindif; disinfezzjoni; xogħlijiet ta' verniċjatura; sterminazzjoni tal-firien; xogħlijiet ta' protezzjoni kontra l-korrużjoni; xkatlar; sterminazzjoni ta’ annimali li jikkaġunaw ħsara minbarra fl-agrikoltura";

–        klassi 42: "Konsulenza teknika u fornitura ta’ opinjonijiet esperti; żvilupp u disinn ta' proċessi u ta' makkinarju u strumenti għall-manutenzjoni u għat-tindif tal-pajpijiet; żvilupp u kostruzzjonijiet ta' apparat u ta' sensori għat-teknika tal-kontroll mill-bogħod u tat-trażmissjoni ta' l-istampi; ħolqien ta' programmi tal-kompjuter, bl-eċċezzjoni tal-programmi għall-kompjuters li jintużaw taħt l-ilma".

4        Fit-8 ta' Ġunju 1998, din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 42/98.

5        Fit-8 ta' Settembru 1998, Reckitt & Coleman SA ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-prodotti kollha fil-klassi 3, u r-raġunijiet invokati kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) ta' l-imsemmi Regolament. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade mark nazzjonali preċedenti ALADDIN (iktar ’il quddiem it-"trade mark preċedenti"), irreġistrata fi Spanja bin-numru 20512 fid-29 ta' Lulju 1912, u mġedda fis-16 ta' Mejju 1993, liema trade mark tkopri prodotti fil-klassi 3 skond il-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Prodotti għal-lustrar tal-metalli".

6        Sussegwentement, it-trade mark preċedenti kienet ġiet assenjata lir-rikorrenti.

7        Fuq talba tal-parti l-oħra quddiem l-UASI tat-30 ta' April 1999, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-UASI sabiex iġġib il-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 (KE) tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1).

8        Fis-26 ta' Lulju 1999, ir-rikorrenti ppreżentat lill-UASI, bħala prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, kopji ta' fatturi indirizzati lil diversi klijenti fi Spanja kif ukoll prospetti li juru l-firxa ta' prodotti kkummerċjalizzati minnha.

9        Fit-28 ta' Frar 2000, il-parti l-oħra quddiem l-UASI limitat il-lista tal-prodotti fil-klassi 3 li għalihom kienet qed titlob ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kif ġej:

"Preparazzjonijiet għat-tindif ta' pajpijiet għall-ilma maħmuġ għall-industrija metallurġika, minbarra l-kimiċi awżiljari għat-tessili u l-kimiċi awżiljari."

10      Fis-27 ta' Marzu 2000, wara li d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni nnotifikat lir-rikorrenti bil-limitazzjoni fuq imsemmija, din ikkonfermat iż-żamma ta' l-oppożizzjoni tagħha kontra l-prodotti kollha fil-klassi 3.

11      B'deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 8(1)(a) u (b), ta' l-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, id-Diviżjoni ta l-Oppożizzjoni qieset, essenzjalment, li l-imsemmija prova, kif ippreżentata mir-rikorrenti, kienet tipprova l-użu tat-trade mark preċedenti għal prodott ħafna aktar speċifiku mill-prodotti għal-lustrar tal-metalli, għal liema kategorija it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għalhekk qieset li, skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżami ta' l-oppożizzjoni kellu jsir biss fuq il-bażi tal-prodott speċifiku in kwistjoni, jiġifieri prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku). Fit-tieni lok, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni qieset li, għalkemm is-sinjali kienu jixxiebhu ħafna, ma kinitx teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku billi l-prodotti kienu differenti ħafna fir-rigward tan-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-mod ta' l-użu tagħhom, il-konsumaturi finali tagħhom u l-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom.

12      Fil-25 ta' April 2002, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta' Jannar 2003 (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta' Frar 2003, l-Ewwel Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, minn naħa, li kienet ġiet stabbilita biss il-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti għall-prodott speċifiku in kwistjoni, u min-naħa l-oħra, li minkejja l-kważi identiċità tat-trade marks u l-karattru distintiv intrinsiku tagħhom, ma kienet teżisti fi Spanja l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fid-dawl tan-nuqqas kbir ta' xebh bejn il-prodotti, partikolarment meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-probabbli għarfien min-naħa tal-konsumaturi tal-prodotti tal-parti l-oħra quddiem l-UASI, kif ukoll in-natura u l-użu intenzjonat differenti tal-prodotti in kwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-30 ta' Settembru 2004; il-parti l-oħra quddiem l-UASI ma ppreżentat l-ebda risposta.

15      Waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota tal-fatt li t-talbiet fir-rikors kellhom jiġu interpretati biss bħala li kienu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u għall-kundanna ta’ l-UASI sabiex ibati l-ispejjeż.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż sostnuti kemm fil-preżenti proċeduri kif ukoll fil-proċeduri ta' oppożizzjoni u ta' l-appell quddiem l-UASI.

17      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

18      Waqt is-seduta, l-UASI ntalab jinforma lill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-istat li fih kienu waslu l-proċeduri ta' falliment li kienet għaddejja minnhom il-parti l-oħra quddiem l-UASI, kif ukoll dwar l-effett ta' din is-sitwazzjoni fuq l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja magħmula minn din ta’ l-aħħar. L-UASI rrisponda għal din it-talba permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Novembru 2004. Il-proċedura orali ngħalqet b'deċiżjoni tal-15 ta' Diċembru 2004.

 Fid-dritt

19      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet ibbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan l-istess Regolament, rispettivament.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell qies b'mod żbaljat li t-trade mark preċedenti kienet tipproteġi biss il-prodott speċifiku li fil-konfront tiegħu hija stabbiliet l-użu ġenwin ta’ l-imsemmija trade mark fi Spanja, jiġifieri prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika biex tillustra l-metalli (tajjar maġiku).

21      Skond ir-rikorrenti, il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għal dan il-prodott speċifiku timplika wkoll il-prova ta' l-użu tat-trade mark għall-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" b'mod ġenerali. Issa l-prodott speċifiku jappartjeni għal din il-kategorija ta' prodotti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni, li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata għall-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" u mhux biss għall-"prodotti għal-lustrar tal-metalli li jikkonsistu f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku)".

22      F'din il-perspettiva, ir-rikorrenti tinterpreta l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 bħala intiż sabiex japplika biss fil-każijiet fejn il-parti li topponi ma tkunx f’pożizzjoni li ġġib il-prova ta’ l-użu tat-trade mark għal prodotti li jaqgħu f'diversi kategoriji ta' prodotti rreġistrati fi klassi waħda jew iktar. Ikun għalhekk iġġustifikat li t-trade mark tkun ikkunsidrata li hija rreġistrata biss fir-rigward tal-kategoriji ta' prodotti li l-parti li topponi setgħet iġġib il-prova ta’ l-użu tagħhom.

23      Il-fatturi relattivi għall-prodott ippreżentati bħala prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għal kategorija ta' prodotti, bħalma huma l-użu intenzjonat, l-imballaġġ, il-mod ta' l-użu jew il-kanali ta' distribuzzjoni, huma totalment irrilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn il-fatturi huma madankollu rilevanti sabiex issir l-evalwazzjoni ta' eventwali probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark mitluba għal prodotti li jaqgħu fl-istess klassi.

24      Bil-fatt li kkunsidrat, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, li l-prodott kopert mit-trade mark preċedenti huwa applikat manwalment fuq l-istruttura esterna ta' oġġetti metalliċi permezz ta' biċċa tajjara mxarrba u li huwa intiż għal użu domestiku, filwaqt li l-prodott li huwa s-suġġett tat-trade mark mitluba huwa preparazzjoni għat-tindif li jitferra’ fil-pajpijiet miżdudin jew infettati u li huwa intiż esklużivament għal pubbliku tas-sengħa, id-deċiżjoni kkontestata għalhekk kisret l-artikolu fuq imsemmi.

25      Ir-rikorrenti tikkonkludi li, bil-fatt li kkunsidrat, għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni, li t-trade mark preċedenti kellha tkun ikkunsidrata bħala reġistrata biss għal "tajjar imxarrab b'sustanza biex tillustra l-metalli u intiża għal użu domestiku", id-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94.

26      L-UASI jqis li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa jqajjem żewġ argumenti biex isostni din l-affermazzjoni. Minn naħa, fid-determinazzjoni tal-portata tat-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet konkreti ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li l-użu tagħhom ġie pprovat, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni tat-trade mark preċedenti mat-trade mark mitluba f'suq speċifiku. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 japplika indipendentement mill-fatt jekk il-lista tal-prodotti u servizzi tat-trade mark preċedenti tinkludix oġġett wieħed biss jew le.

27      Rigward l-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, l-UASI jfakkar li d-dritt Komunitarju tat-trade marks jobbliga lill-proprjetarju ta' trade mark li jagħmel użu ġenwin tat-trade mark irreġistrata bil-għan li tiġi protetta biss il-pożizzjoni realment okkupata minn dan ta’ l-aħħar fis-suq. Skond it-tmien premessa ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), u d-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jnaqqas il-kunflitti bejn it-trade marks u li jillimita n-numru ta' trade marks irreġistrati mingħajr ma jkunu ġew effettivament użati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta’ Marzu 2003, Goulbourn vs L-UASI – Redcats (Silk Cocoon), T‑174/01, Ġabra p. II‑789, punt 38].

28      Huwa għalhekk bl-iskop li jiġu evitati "kunflitti artifiċjali" li l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss safejn it-trade mark ġiet realment użata. Dan il-għan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li jassiguraw li l-portata tal-protezzjoni mogħtija lil trade mark ma taqbiżx il-limiti neċessarji għall-protezzjoni ta' l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tagħha.

29      Skond l-UASI, fil-każ ta’ trade marks reġistrati għal setturi kummerċjali differenti li fihom huma jiġu użati, il-protezzjoni esklużiva tat-trade mark preċedenti m’għandhiex tkun ta' ostaklu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark iktar reċenti, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn it-trade mark preċedenti tkun magħrufa sewwa. Dan huwa rifless fl-approċċ in concreto adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' l-ewalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, li jirrikjedi li jittieħdu in kunsiderazzjoni, fl-eżami tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi u tas-sinjali in kwistjoni, il-livell ta' għarfien tat-trade mark preċedenti fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 24, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 23), il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), in-natura tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni, il-konsumaturi finali tagħhom u l-mod ta' l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

30      Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li l-kundizzjonijiet konkreti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Għalhekk, hija tikkontradiċi lilha nfisha meta tiċħad li dan huwa l-każ meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94.

31      Fil-fatt, meta oppożizzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-Artikolu 43(2) u (3) ta' l-istess Regolament għandu l-għan li jiddetermina jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni in concreto bejn it-trade mark preċedenti, kif hija meqjusa li hija rreġistrata, u t-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha, u dan bl-iskop waħdani li jiġi evalwat jekk l-oppożizzjoni hijiex fondata.

32      Għaldaqstant, billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza teħtieġ li tiġi evalwata l-probabbiltà ta' kunflitt bejn żewġ sinjali distintivi fis-suq iktar milli fir-reġistru, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu dedotti mill-prova ta' l-użu tat-trade mark, liema prova tiddefinixxi firxa ta' protezzjoni tat-trade mark iktar oġġettiva u li tista’ tiġi individwata iktar faċilment.

33      Konsegwentement, l-UASI jikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra li t-trade mark preċedenti kienet meqjusa li ġiet irreġistrata biss għal prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku) li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija li huwa essenzjalment intiż għal użu domestiku. Għall-kuntrarju, li jiġi kkunsidrat, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-prova ta' l-użu tat-trade mark għall-prodott speċifiku in kwistjoni tipprova l-użu ġenwin ta' din it-trade mark għall-kategorija kollha li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni, jiġifieri l-"prodotti għal-lustrar tal-metalli", jippreġudika l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni jkollha bħala riżultat l-effett li tgħawweġ id-definizzjoni tas-suq rilevanti u tillimita b'mod sproporzjonat l-aċċess ta' operaturi oħra għal swieq distinti. Issa skond l-UASI, huwa proprju dan it-tip ta' kunflitt artifiċjali li l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza jfittxu li jevitaw.

34      Fit-tieni lok, l-UASI jsostni li l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 japplika indipendentement mill-fatt jekk il-lista tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti tinkludix oġġett wieħed biss jew le. L-argument tar-rikorrenti skond liema din id-dispożizzjoni tapplika biss fl-ipoteżi li l-lista tal-prodotti u servizzi tat-trade mark preċedenti tinkludi iktar minn oġġett wieħed, u li, għalhekk, il-prova, f’dan il-każ, ta' l-użu tat-trade mark preċedenti għall-prodott speċifiku in kwistjoni hija ekwivalenti għall-prova ta' l-użu ta’ l-imsemmija trade mark għall-kategorija tal-prodotti li għaliha jappartjeni u li għaliha t-trade mark kienet irreġistrata, huwa irrilevanti.

35      Minn naħa, l-UASI jsostni li r-Regolament Nru 40/94 ma fih l-ebda element li jsaħħaħ l-interpretazzjoni li tagħti r-rikorrenti lill-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 43(2) ta' l-imsemmi Regolament. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza li l-partijiet kollha li jopponu jkunu jistgħu faċilment jaħarbu mir-rekwiżit relattiv għall-użu ġenwin tat-trade mark billi jifformulaw id-deskrizzjoni tal-kategorija tal-prodotti reġistrati f'termini ġeneriċi, u b’hekk iwessgħu b'mod artifiċjali l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark għal prodotti li ma jkunux ikkummerċjalizzati.

36      Barra minn hekk, jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI li l-użu ta' sottokategorija ta' prodotti jew ta' servizzi ma tammontax, bħala regola, għall-użu ta' kategorija iktar ġenerali, indipendentement mill-fatt li t-trade mark preċedenti tkopri biss kategorija waħda ta' prodotti jew ta' servizzi.

37      Fl-aħħar nett, l-UASI josserva li, jekk kategorija tista’ tikkostitwixxi grupp ta' prodotti omoġenji fir-rigward tan-natura tagħhom, dawn il-prodotti jistgħu madankollu jkunu eteroġenji fir-rigward ta' l-użu intenzjonat tagħhom, il-konsumaturi finali tagħhom u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom, bħal fil-każ ta’ din il-kawża. Għalhekk, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirrikjedi li jkunu definiti, każ b'każ, għal kull kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi, sottokategoriji li jirriflettu l-kontenut tal-prova ta' l-użu, kemm-il darba d-deskrizzjoni oriġinali tat-trade mark preċedenti tista’ tkopri prodotti jew servizzi li huma suffiċjentement differenti fir-rigward ta' l-użu intenzjonat tagħhom, il-konsumaturi finali tagħhom u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom.

38      F'dan il-każ, l-UASI jqis li l-użu tat-trade mark preċedenti juri li l-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" ma jikkostitwixxux grupp omoġenju billi din il-kategorija tkopri varjetà kbira ta' prodotti li għandhom użi intenzjonati differenti (kemm għall-manutenzjoni tal-pożati kif ukoll għall-uċuħ ta’ kostruzzjonijiet tal-metall), konsumaturi finali differenti (konsumatur medju ta' prodotti għall-użu ta' kuljum, jew ħaddiem fl-industrija metallurġika) u postijiet differenti fejn jinbiegħ il-prodott (ħwienet taż-żebgħa, supermarkits jew nuqqas ta' postijiet fejn jinbiegħ il-prodott fil-każ fejn il-bejgħ tal-prodott huwa marbut mal-provvista ta' servizz għat-trattament tal-metalli). Id-definizzjoni tas-sottokategorija użata mill-Bord ta' l-Appell, jiġifieri l-"prodotti għal-lustrar tal-metalli li jikkonsistu f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku)", tirriżulta għalhekk li hija partikolarment adegwata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      Skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94:

"2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika [oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità b’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni, titqies li hija rreġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità."

40      Ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi:

"2. L-indikazzjonijiet u l-provi sabiex tagħti prova ta’ użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u n-natura ta’ użu tat-trade mark opposta għall-prodotti u servizzi li għalihom hija rreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hija bażata […]"

41      F'dan il-każ, huwa paċifiku li t-trade mark preċedenti ġiet reġistrata għal "prodotti għal-lustrar tal-metalli" li jaqgħu fil-klassi 3, skond il-Ftehim ta' Nizza. Huwa paċifiku wkoll li, fuq talba tal-parti l-oħra quddiem l-UASI, ir-rikorrenti ppreżentat il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fuq il-bażi ta’ dokumenti li juru li hija effettivament intużat għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku).

42      Għandu jiġi mfakkar li r-rekwiżit ta' użu ġenwin tat-trade mark preċedenti għandu l-għan li jillimita r-riskju ta' kunflitt bejn żewġ trade marks billi jiġu protetti biss it-trade marks li ġew effettivament użati, sakemm ma teżisti l-ebda raġuni ekonomika għan-nuqqas ta' użu tagħhom. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bid-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 li tirreferi espressament għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Silk Cocoon, punt 27 iktar ’il fuq, punt 38). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 la huwa intiż sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta' impriża u lanqas sabiex jirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss għall-użu kummerċjali tagħhom li jkun kwantitattivament sinjifikattiv [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs L-UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38, u Sunrider vs L-UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38].

43      Għaldaqstant, l-għan ta' l-imsemmi rekwiżit ma jikkonsistix daqstant fid-delimitazzjoni preċiża tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti fir-rigward tal-prodotti jew servizzi konkreti li jagħmlu użu minn din ta' l-aħħar f’xi żmien partikolari, daqskemm f’li jiġi żgurat b'mod iktar ġenerali li t-trade mark preċedenti kienet effettivament użata għall-prodotti jew servizzi li għalihom ġiet irreġistrata.

44      F'din il-perspettiva, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 43(3) ta' dan l-istess Regolament, li japplika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43(2) għall-każ tat-trade marks nazzjonali preċedenti, għandhom jiġu interpretati bħala li huma intiżi sabiex jevitaw li trade mark li tkun użata b'mod parzjali tgawdi minn protezzjoni wiesgħa għas-sempliċi raġuni li ġiet irreġistrata għal firxa kbira ta' prodotti jew servizzi. Għalhekk, fl-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-firxa tal-kategoriji ta' prodotti jew ta' servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, b'mod partikolari l-ġeneralità tal-kliem użat għal dan il-għan sabiex jiġu deskritti l-imsemmija kategoriji, u dan għar-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li l-użu ġenwin tagħhom ġie, f’kull każ, effettivament stabbilit.

45      Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi suffiċjentement wiesgħa li fiha jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b'mod awtonomu, il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew servizzi twassal biss għall-protezzjoni, fi proċeduri ta' oppożizzjoni, ta’ dik jew dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata. Min-naħa l-oħra, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi definiti b'mod tant preċiż u ċirkoskritt li mhuwiex possibbli li jsiru suddiviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni.

46      Fil-fatt, għalkemm il-kunċett ta' użu parzjali huwa intiż sabiex trade marks li ma jkunx sar użu minnhom għal kategorija ta' prodotti partikolari ma jiġux reżi indisponibbli, huwa m’għandux, madankollu, ikollu l-effet li jċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti minn kull protezzjoni għal prodotti li, mingħajr mhuma rigorożament identiċi għal dawk li huwa kien kapaċi jipprova l-użu ġenwin tagħhom, mhumiex essenzjalment differenti minn dawn ta’ l-aħħar, u jaqgħu fl-istess grupp li ma jistax jiġi diviż jekk mhux b'mod arbitrarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-prattika huwa impossibbli għall-proprjetarju ta' trade mark li jġib il-prova ta' l-użu tagħha għall-varjazzjonijiet kollha immaġinabbli tal-prodotti kkonċernati mir-reġistrazzjoni. Konsegwentement, il-kunċett ta' "parti mill-prodotti jew servizzi" ma jistax jinftiehem fis-sens ta' kull varjazzjoni kummerċjali ta' prodotti jew servizzi analogi, imma biss fis-sens ta' prodotti jew servizzi ddivrenzjati biżżejjed biex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew sottokategoriji koerenti.

47      F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata biss għall-"prodotti għal-lustrar tal-metalli". Din id-deskrizzjoni tirrestrinġi, kemm fir-rigward tal-funzjoni tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-lustrar, kif ukoll fir-rigward ta’ l-użu intenzjonat tagħhom, jiġifieri l-metalli, il-kategorija ta' prodotti li jkopru, skond il-Ftehim ta' Nizza, il-"preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu". Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din l-aħħar kategorija tidħol iktar fil-klassi 3 skond l-imsemmi Ftehim, li tinkludi, barra mil-preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu, il-prodotti segwenti: "preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċji".

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata għal grupp ta' prodotti li jikkostitwixxu sottokategorija partikolarment preċiża u ċirkoskritta tal-kategorija ta' prodotti li jappartjeni għaliha dan il-grupp skond il-Ftehim ta' Nizza.

49      Minn dan isegwi li, meta ġabet il-prova mhux kontestata ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għal "prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika biex tillustra l-metalli (tajjar maġiku)", liema prodott evidentement jikkostitwixxi "prodott għal-lustrar tal-metalli", skond is-sottokategorija ta' prodotti kkonċernata mit-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti stabbiliet korrettament l-użu ġenwin tat-trade mark għal din is-sottokategorija kollha kemm hi, mingħajr ma kien hemm għalfejn issir distinzjoni, f'dan ir-rigward, skond il-pubbliku kkonċernat.

50      Konsegwentement, meta, għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-oppożizzjoni, il-Bord ta’ l-Appell qies it-trade mark preċedenti bħala rreġistrata biss għal "prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika biex tillustra l-metalli (tajjar maġiku)", huwa wettaq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

51      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 li jippermettu li t-trade mark preċedenti titqies li ġiet irreġistrata biss għal dik il-parti tal-prodotti u servizzi fil-konfront tagħha ġiet stabbilita l-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark, minn naħa, jikkostitwixxu limitazzjoni għad-drittijiet li jakkwista l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti bir-reġistrazzjoni tagħha, b'mod li ma jistgħux jiġu interpretati b'mod daqshekk estensiv daqskemm għamel l-UASI, u min-naħa l-oħra, għandhom jiġu rrikonċiljati ma' l-interess leġittimu ta' l-imsemmi proprjetarju li jkun jista’, fil-futur, iwessa' l-firxa ta' prodotti jew ta' servizzi, fil-limiti tat-termini li jiddeskrivu l-prodotti jew servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, billi jgawdi mill-protezzjoni li tagħtih ir-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija trade mark. Dan japplika iżjed u iżjed fil-każ fejn, bħal f'dan il-każ, il-prodotti u servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark jikkostitwixxu kategorija suffiċjentement ċirkoskritta, kif ġie spjegat iktar ’il fuq.

52      L-ebda wieħed mill-argumenti ta' l-UASI ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

53      Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 għandu l-għan li jevita kunflitti artifiċjali bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, għandu jiġi osservat ukoll li t-tfittxija sabiex jintlaħaq dan il-għan leġittimu ma tistax twassal għal limitazzjoni inġustifikata tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti fil-każ fejn il-prodotti jew servizzi koperti bir-reġistrazzjoni jirrappreżentaw, bħal f'dan il-każ, kategorija suffiċjentement ristretta.

54      Fit-tieni lok, rigward l-affermazzjoni ta' l-UASI li skondha, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u tas-servizzi skond l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan l-istess Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jwettqu paragun konkret tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, anki jekk jitqies li din l-affermazzjoni hija eżatta, għandu jiġi rrilevat li din ma jista’ jkollha l-ebda rilevanza fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li tiġi qabel kull evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni u għandha l-għan waħdieni li tiddetermina jekk, u eventwalment kemm, it-trade mark kienet is-suġġett ta' użu ġenwin b'relazzjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata.

55      Fit-tielet lok, rigward l-argument ta' l-UASI li skondu jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet ta' l-Appell li l-użu ta' sottokategorija ma tammontax, bħala regola, għall-użu ta' kategorija iktar ġenerali, biżżejjed li jiġi mfakkar, anki jekk jitqies li tali prassi hija stabbilita, li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell fuq il-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti huma bbażati fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tkun evalwata unikament fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta’ dawn il-Bordijiet [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, Glaverbel vs L-UASI (Wiċċ ta' folja tal-ħġieġ), T‑36/01, Ġabra p. II‑3887, punt 35, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2004, Glaverbel vs L-UASI, C 445/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra].

56      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argument ta' l-UASI huwa irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma tippretendix li l-prova ta' l-użu ġenwin tas-sottokategorija li għaliha ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti tistabbilixxi l-prova ta' l-użu ġenwin tal-kategorija kollha li minnha tifforma parti din is-sottokategorija skond il-Ftehim ta' Nizza, iżda sempliċement li l-prodott li fil-konfront tiegħu ġie stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark juri li sar użu ġenwin ta' din ta’ l-aħħar għas-sottokategorija kollha li għaliha hija ġiet irreġistrata.

57      Fir-raba’ lok, l-allegazzjoni li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti jkollha bħala konsegwenza li tippermetti lil kull parti li topponi li taħrab mir-rekwiżit relattiv għall-użu ġenwin tat-trade mark billi tifformula l-kategorija ta' prodotti jew ta’ servizzi rreġistrata f'termini ġenerali, minkejja li mhuwiex eskluż li din tista’ tirriżulta fondata f'ċerti każijiet, hija irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-kategorija in kwistjoni kienet is-suġġett ta' deskrizzjoni dettaljata.

58      Fl-aħħar lok, l-UASI josserva li, jekk kategorija ta' prodotti tista’ tikkostitwixxi grupp ta' prodotti omoġenji fir-rigward tan-natura tagħhom, dawn il-prodotti jistgħu madankollu jkunu eteroġenji fir-rigward ta' l-użu intenzjonat tagħhom, il-konsumaturi finali tagħhom u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom, bħal fil-każ ta’ din il-kawża. Għalhekk, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirrikjedi li jkunu definiti, każ b'każ, għal kull kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi, sottokategoriji li jirriflettu l-kontenut tal-prova ta' l-użu kemm-il darba d-deskrizzjoni oriġinali tat-trade mark preċedenti tista’ tkopri prodotti jew servizzi li huma suffiċjentement differenti fir-rigward ta' l-użu intenzjonat tagħhom, il-konsumaturi finali tagħhom, u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom.

59      Kif intqal fil-punt 45 ta' din is-sentenza, għalkemm huwa minnu li din l-interpretazzjoni mhijiex bla rilevanza fl-ipoteżi fejn il-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi in kwistjoni tkun suffiċjentement wiesgħa li fiha jkunu jistgħu jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b'mod awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, is-sottokategorija ta' prodotti li għaliha ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti hija suffiċjentement preċiża u ċirkoskritta, b'mod li ma tistax tiġi kkunsidrata li tkopri prodotti tant differenti li jkun hemm lok, konformement mat-teżi ta' l-UASI, li jiġu stabbiliti suddiviżjonijiet ġodda fiha.

60      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li bil-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ikkunsidrat li l-prova ta' l-użu tat-trade mark preċedenti kienet inġabet biss għal "prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra (tajjar maġiku)", u li għalhekk l-imsemmija trade mark kellha titqies li ġiet irreġistrata, għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni, għal dan il-prodott biss u mhux għas-sottokategorija sħiħa li għaliha ġiet irreġistrata din it-trade mark, jiġifieri l-"prodotti għal-lustrar tal-metalli", din id-deċiżjoni kisret l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Billi, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq premessa żbaljata, dan il-ksur huwa, minnu nnifsu, ta' natura li jwassal għall-annullament ta' l-imsemmija deċiżjoni.

61      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ippronunzja ruħu fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hemm lok li tiġi eżaminata wkoll it-tieni raġuni tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mill-paragun tal-prodotti fil-klassi 3 koperti mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark mitluba, jiġifieri, il-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" u l-"preparazzjonijiet għat-tindif ta' pajpijiet għall-ilma maħmuġ għall-industrija metallurġika, minbarra l-kimiċi awżiljari għat-tessili u l-kimiċi awżiljari", rispettivament, li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni jixxiebhu fir-rigward ta' l-użu intenzjonat tagħhom, tal-komplementarjetà tagħhom u tal-konsumaturi finali tagħhom.

63      Fil-fatt, it-trade mark preċedenti tkopri prodotti intiżi għat-tindif ta' kull tip ta' metalli, inklużi l-pajpjiet ta' l-ilma tad-drenaġġ u l-pajpijiet għall-ilma maħmuġ, u tista’ tintuża għal prodotti intiżi għal kull tip ta' konsumatur, inklużi l-ħaddiema ta' l-industrija metallurġika.

64      Minbarra dan, ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta mill-ġurisprudenza, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b'livell għoli ta' xebh tat-trade marks u viċeversa. Barra minn hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin sewwa, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk it-trade marks li għandhom karattru distintiv iktar baxx, u iktar ma jkun sinjifikattiv il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni.

65      Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tista’ tiġi rrifjutata minkejja li jkun hemm livell inqas ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti, meta t-trade mark preċedenti jkollha karattru distintiv għoli.

66      F'dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata mhux biss li ż-żewġ trade marks in kwistjoni għandhom livell għoli ta' xebh, iżda wkoll li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv għoli. Din fil-fatt tikkonsisti f'terminu immaġinarju li bl-ebda mod ma jiddeskrivi t-tip ta' prodotti koperti u ilu jiġi użat b’mod estensiv fi Spanja sa mill-1912.

67      Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-natura suffiċjentement simili tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni, ir-rikorrenti tikkonkludi li teżisti probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, anki fil-każ li jkun biss il-prodott speċifiku in kwistjoni li jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

68      L-UASI jqis li din l-argumentazzjoni hija infondata.

69      L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell kellu raġun meta fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidra li l-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti tqieset li kienet irreġistrata, jiġifieri prodott għal-lustrar tal-metalli li jikkonsisti f'tajjar imxarrab b'kimika li tillustra, kienu differenti mill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, jiġifieri, preparazzjonijiet għat-tindif ta' pajpijiet għall-ilma maħmuġ għall-industrija metallurġika, minbarra l-kimiċi awżiljari għat-tessili u l-kimiċi awżiljari.

70      L-UASI jirrikonoxxi li, jekk it-"tindif" u l-"lustrar" jistgħu f'ċerti każijiet jkunu marbuta mill-qrib, partikolarment għal prodotti intiżi għad-dar, dan bl-ebda mod mhuwa l-każ f'din il-kawża, meta jiġi kkunsidrat li ma teżisti l-ebda relazzjoni bejn it-tindif tal-pajpijiet għall-ilma maħmuġ u l-manutenzjoni ta' metalli intiżi għall-użu domestiku.

71      Peress li l-prodotti in kwistjoni għandhom għanijiet differenti, dawn ma jissodisfawx l-istess bżonnijiet u la huma f'kompetizzjoni ma’ xulxin u lanqas ma jistgħu jintużaw wieħed minflok l-ieħor.

72      Barra minn hekk, l-UASI jikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li skondha l-prodotti huma komplementari, għaliex din l-affermazzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-prepazzjonijiet għat-tindif in kwistjoni huma intiżi għal pajpijiet tal-metall.

73      Ikun ugwalment ineżatt li jiġi kkunsidrat li l-prodotti in kwistjoni jista’ jkollhom konsumaturi finali komuni. Il-prodott speċifiku in kwistjoni fil-fatt jista’ jiġi użat biss għal għodod domestiċi żgħar, u ovvjament mhuwiex tajjeb għal oġġetti metalliċi ikbar. Barra minn hekk, l-iskop domestiku tal-prodott tar-rikorrenti kien rikonoxxut minn din ta' l-aħħar fl-ittra tagħha tat-23 ta' Lulju 1999, li tindika li l-prodott ALADDIN kien għadu jintuża mill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Għandha ssir distinzjoni bejn dan il-pubbliku, jiġifieri l-konsumaturi medji ta' prodotti ta' kuljum, u l-pubbliku speċjalizzat ħafna magħmul mill-ħaddiema fl-industrija metallurġika. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata minn reklam tar-rikorrenti li jippreżenta l-"firxa ta' prodotti għall-manutenzjoni tad-dar" u li fih il-prodott speċifiku in kwistjoni jinsab maġenb prodotti oħra tad-dar.

74      Fl-aħħar nett, l-UASI jidhirlu li, meta jitqies il-pubbliku li għalih huwa intiż il-prodott speċifiku in kwistjoni, huwa improbabbli ħafna li l-imsemmi prodott juża l-istess kanali ta' distribuzzjoni tal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja in kwistjoni, liema prodotti jiġu kkummerċjalizzati minn distributuri u grossisti tal-plaming speċjalizzati ħafna.

75      Minn dan l-UASI jikkonkludi li l-prodotti mqabbla huma differenti, irrispettivament minn jekk it-trade mark preċedenti tiġix meqjusa li ġiet irreġistrata biss għall-prodott speċifiku in kwistjoni jew le.

76      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva Nru 89/104, li hija sostantivament applikabbli għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-probabbiltà ta' konfużjoni tippresupponi identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti (sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 22). Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, din il-kundizzjoni preliminari mhijiex sodisfatta, b'mod li ma tistax teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk it-trade mark preċedenti għandhiex karattru distintiv intrinsiku qawwi. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk ikkonkluda korrettament li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

77      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii), “trade marks preċedenti” tfisser trade marks reġistrati fi Stat Membru.

78      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

79      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

80      F'dan il-każ, konformement ma’ dak li ntqal fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni, u kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta' l-UASI, għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni, it-trade mark preċedenti għandha titqies li hija rreġistrata għall-prodotti kollha li għalihom ġiet irreġistrata. Minn dan isegwi li l-prodotti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni huma, minn naħa, il-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-"prodotti għal-lustrar tal-metalli", u min-naħa l-oħra, il-prodotti fil-klassi 3 koperti bl-applikazzjoni għat-trade mark, jiġifieri l-"preparazzjonijiet għat-tindif ta' pajpijiet għall-ilma maħmuġ għall-industrija metallurġika, minbarra l-kimiċi awżiljari għat-tessili u l-kimiċi awżiljari".

81      Għalkemm il-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" jistgħu jikkostitwixxu kemm prodotti ta' konsum ta’ kuljum kif ukoll prodotti intiżi għal pubbliku professjonist jew speċjalizzat, mhuwiex ikkontestat li l-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala intiżi unikament għall-ħaddiema ta' l-industrija metallurġika. Minn dan jirriżulta li l-uniku pubbliku li jista’ jikkonfondi t-trade marks in kwistjoni huwa dak magħmul mill-imsemmija ħaddiema. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata fi Spanja. Minn dan isegwi li l-pubbliku rilevanti li fil-konfront tiegħu għandha ssir l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni huwa kompost minn ħaddiema ta' l-industrija metallurġika stabbiliti fi Spanja.

–       Fuq il-paragun tal-prodotti in kwistjoni

82      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-mod ta' l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 23, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 31).

83      Fir-rigward tan-natura tal-prodotti in kwistjoni, għandu jingħad li dawn jaqgħu fl-istess kategorija u jikkontjenu, b'mod simili, sustanzi kimiċi li jiġu applikati fuq uċuħ metalliċi. Barra minn hekk, għandu jiġi rikonoxxut li l-attivitajiet ta' lustrar u ta' tindif, għalkemm bla dubju mhumiex identiċi, ta’ l-inqas huma simili peress li t-tnejn jiffurmaw parti mill-attività iktar ġenerali tal-manutenzjoni. Il-prodotti in kwistjoni għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala li għandhom ukoll funzjoni simili.

84      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi osservat ukoll, b'mod ġenerali, li d-deskrizzjoni tal-prodotti fil-klassi 3 koperti bl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jiġifieri tal-"preparazzjonijiet għat-tindif ta' pajpijiet għall-ilma maħmuġ għall-industrija metallurġika, minbarra l-kimiċi awżiljari għat-tessili u l-kimiċi awżiljari", tkopri sottokategorija iktar ristretta u speċifika minn dik koperta bil-"prodotti għal-lustrar tal-metalli" li għalihom tirreferi t-trade mark preċedenti.

85      Min-naħa l-oħra, kif enfasizza l-UASI, ma jistax jiġi miċħud li l-prodotti għandhom għanijiet u modi ta' użu differenti. Filwaqt li l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti huma, bħala regola, intiżi biex jingħorku fuq l-oġġetti metalliċi sabiex iġibuhom ileqqu, u għalhekk għandhom għan parzjalment estetiku, il-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma essenzjalment intiżi biex jiġu mferrgħa fil-pajpijiet għall-ilma maħmuġ ta’ l-industrija metallurġika biex iħollu d-depożiti metalliċi bil-għan li jnaddfu u jiftħu dawn il-pajpijiet, li juri li għandhom funzjoni utilitarja.

86      Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi rrilevat, f'dan l-istadju, li l-prodotti in kwistjoni jixxiebhu parzjalment.

–       Fuq il-paragun tas-sinjali in kwistjoni

87      F'dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa paċifiku li s-sinjali in kwistjoni għandhom livell għoli ta' xebh, billi, min-naħa tiegħu, il-Bord ta' l-Appell irrikonoxxa li kien jeżisti xebh viżwali kbir bejn is-sinjali u li, mill-aspett fonetiku u kunċettwali, dawn kienu identiċi. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-fatt li s-sinjali in kwistjoni huma t-tnejn purament verbali, ma jeżisti l-ebda element li jista’ jiddistingwihom, bl-eċċezzjoni tad-differenza ortografika negliġibbli tagħhom.

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni

88      Ir-rikorrenti tallega li l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni hija aċċentwata bil-fatt li t-trade mark nazzjonali preċedenti ALADDIN għandha karattru distintiv qawwi li ġej mill-fatt li hija kelma immaġinarja li bl-ebda mod ma tiddeskrivi t-tip ta' prodotti koperti u li ilha tiġi użata b’mod estensiv fi Spanja sa mill-1912. Barra minn hekk, skondha, il-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti ġie rikonoxxut mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

89      Sabiex jiġi determinat il-karattru distintiv ta' trade mark, u għalhekk jiġi evalwat jekk għandhiex karattru distintiv għoli, għandha ssir evalwazzjoni globali ta’ kemm hija adattata t-trade mark sabiex tidentifika l-prodotti jew servizzi li għalihom ġiet irreġistrata bħala li ġejjin minn impriża partikolari u għalhekk li tiddistingwi dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk ta' impriżi oħrajn (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 49).

90      F'din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark, inkluż il-fatt jekk hijiex nieqsa jew le minn kull element deskrittiv tal-prodotti jew servizzi li għalihom ġiet irreġistrata u kemm hija magħrufa, b’mod partikolari is-sehem fis-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu ta' din it-trade mark, il-kobor ta' l-investimenti magħmula mill-impriża biex jippromwovuha, il-proporzjon tal-pubbliku kkunċernat li jidentifika l-prodotti jew is-servizzi bħala li ġejjin minn impriża partikolari permezz tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija jew assoċjazzjonijiet professjonali oħra [sentenzi Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 18, Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 89, punt 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 23; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks vs L-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T‑99/01, Ġabra p. II‑43, punt 34].

91      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li t-trade mark preċedenti ilha tiġi użata b'mod estensiv fi Spanja sa mill-1912, mingħajr ma ppreżentat ebda prova tad-diversi elementi ċċitati iktar ’il fuq bil-għan li tipprova kemm hija magħrufa l-imsemmija trade mark. Minn dan isegwi li din ta’ l-aħħar ma tistax titqies li għandha karattru distintiv qawwi fuq din il-bażi.

92      Fit-tieni lok, rigward il-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif tosserva r-rikorrenti, is-sinjal verbali ALADDIN m’għandu ebda element deskrittiv tal-prodotti li għalihom ġie rreġistrat, u min-naħa l-oħra, li dan is-sinjal għandu natura evokattiva qawwija li tista’ tikkostitwixxi kwalità intrinsika tat-trade mark. Fil-fatt, Aladin huwa magħruf sewwa bħala l-eroj ta' waħda mill-istejjer mill-Ktieb ta' Elf Lejla u Lejla, li skopra lampa taż-żejt magħmula mill-metall li meta kienet tingħorok, kien joħroġ minnha ġenju li kellu s-setgħa li jaqta’ ix-xewqat ta' min ikollu l-lampa. Il-kelma Aladin għalhekk tevoka kemm wieħed mill-użijiet possibbli tal-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti kif ukoll l-allegat natura mirakuluża tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark preċedeni hija adattata ħafna sabiex tidentifika l-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata, jiġifieri "prodotti għal-lustrar tal-metalli", bħala li ġejjin minn impriża partikolari u għalhekk sabiex tiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk ta' impriżi oħrajn. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell aċċetta wkoll l-argument tar-rikorrenti li skondu t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv qawwi, ħaġa li l-UASI lanqas ma jikkontesta fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

93      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, peress li iktar ma l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun qawwi iktar tiżdied il-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24), it-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, jew intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 18).

94      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat b’livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u viċeversa. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi tissemma fis-seba' premessa tar-Regolament Nru 40/94, li skondha l-kunċett ta’ xebh għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq u fuq il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati (sentenzi Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 17, Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 19, u Fifties, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 82, punt 27).

95      Konsegwentement, għall-finijiet ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tista’ teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, minkejja li jkun hemm livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti, meta x-xebh tat-trade marks huwa kbir u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa qawwi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 29, punt 19).

96      F'dan il-każ, għandu ċertament jiġi rikonoxxut li l-prodotti in kwistjoni jixxiebhu parzjalment u li l-pubbliku rilevanti, kompost minn ħaddiema speċjalizzati fis-settur tal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, x’aktarx juri livell għoli ta' attenzjoni fl-għażla ta' dawn il-prodotti [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs L-UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra p. II‑1589, punti 37, 40 u 52, u tat-30 ta' Ġunju 2004, M+M vs L-UASI – Mediametrie (M+M EUROdATA), T‑317/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 51 u 52].

97      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li, minbarra n-natura parzjalment simili tagħhom irrilevata iktar ’il fuq, il-prodotti in kwistjoni għandhom, b'mod ġenerali, konnessjoni ma’ l-attività ta' manutenzjoni u l-metall, liema rabta hija, barra minn hekk, imsaħħa mill-fatt li t-trade marks in kwistjoni huma kunċettwalment identiċi, ħaġa li mhijiex ikkuntestata mill-UASI, u huma stess jistgħu jidhru li huma marbuta mal-prodotti li għalihom jirreferu peress li jevokaw persunaġġ ta' l-istejjer assoċjat ma’ lampa taż-żejt tal-metall.

98      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-prodotti in kwistjoni bħala li jappartjenu għall-istess sensiela ta' prodotti ta' manutenzjoni li għandhom konnessjoni mal-metall. Anki jekk jitqies li l-imsemmi pubbliku, li bla dubju huwa kompost minn ħaddiema ta’ l-industrija metallurġika, jaf bid-differenzi fil-mod ta' produzzjoni ta' dawn il-prodotti, huwa ma jasalx neċessarjament għall-konklużjoni li dawn id-differenzi jimpedixxu lill-istess impriża milli tipproduċi jew milli tikkummerċjalizza ż-żewġ tipi ta' prodotti fl-istess ħin. Konsegwentement, il-pubbliku rilevanti jkollu l-impressjoni li l-prodotti in kwistjoni jista’ jkollhom l-istess oriġini kummerċjali [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

99      Minn dan isegwi li, f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, il-prodotti in kwistjoni jistgħu jidhru li huma relatati peress li jappartjenu għall-istess familja ta' prodotti u għalhekk jistgħu jiġu perċepiti bħala elementi minn sensiela ġenerali ta' prodotti li jista’ jkollhom oriġini kummerċjali komuni.

100    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn ħaddiema speċjalizzati fl-industrija metallurġika mhuwiex biżżejjed, fid-dawl tan-natura simili tal-prodotti in kwistjoni, tal-livell għoli ħafna ta’ xebh bejn is-sinjali in kwistjoni u tal-karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti, biex jiġi eskluż li l-imsemmi pubbliku jista' jaħseb li dawn il-prodotti jiġu mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi ekonomikament marbuta.

101    Minn dan isegwi li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. It-tieni raġuni tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu għalhekk jiġi milqugħ ukoll.

102    Jirriżulta minn dak li ntqal li r-rikors għandu jiġi milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

104    Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, "[l]-ispejjeż indispensabbli indikati [sostnuti] mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell kif ukoll l-ispejjez indikati [sostnuti] sabiex isiru t-traduzzjonijiet tan-noti jew dokumenti bil-miktub, kif previst mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 131(4), fil-lingwa tal-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru". Issa l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura ta' oppożizzjoni ma jikkostitwixxux spejjeż magħmula għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell. Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti għall-ħlas, mill-UASI, ta' l-ispejjeż sostnuti minnha għall-finijiet tal-proċedura ta' oppożizzjoni għandhom jiġu miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) tal-31 ta' Jannar 2003 hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Lulju 2005.

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.