Language of document : ECLI:EU:T:2005:455

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

14 ta' Diċembru 2005 (*)

"Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Natura bla effett tal-kontestazzjoni parzjali tad-deċiżjoni – Swieq ta' l-ajrunawtiċi – Rikors li ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni"

Fil-kawża T-209/01

Honeywell International Inc., stabbilita f'Morristown, New Jersey (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn K. Lasok, QC, u F. Depoortere, Avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, P. Hellström u F. Siredey-Garnier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Rolls-Royce plc, stabbilita f'Londra (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Renshaw, solicitor,

u minn

Rockwell Collins, Inc., stabbilita f'Cedar Rapids, Iowa (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn T Soames, J. Davies, A. Ryan, solicitors, u P. Camesasca, Avukat,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/134/KE, tat-3 ta' Lulju 2001, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2220 – General Electric/Honeywell) (ĠU 2004, L 48, p. 1) [traduzzjoni mhux uffiċjali],

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, korrezzjonijiet fil-ĠU 1990, L 257, p. 13), emendat l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1) (aktar 'il quddiem, kif korrett u emendat, ir-"Regolament Nru 4064/89"), fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu jipprovdi li:

"2.      Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sustanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

3.      Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixxkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       Honeywell International, Inc (aktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") hija impriża attiva, b'mod partikolari, fis-swieq ta' prodotti u ta' servizzi ajrunawtiċi, ta' prodotti awtomobbli, ta' materjali elettroniċi, ta' speċjalitajiet kimiċi, ta' polimer ta' kwalità għolja, ta' sistemi ta' trasport u ta' enerġija u ta' sorveljanza ta' djar jew proprjetajiet industrijali.

3       General Electric Company (aktar 'il quddiem "GE") hija impriża industrijali diversifikata, attiva, b'mod partikolari, fl-oqsma ta' magni ta' l-ajruplani, ta' apparat għad-dar, ta' servizzi informatiċi, ta' sistemi ta' l-enerġija, tad-dawl, ta' sistemi industrijali, ta' sistemi tal-mediċina, tal-plastik, tax-xandir, ta' servizzi finanzjarji u ta' servizzi tat-trasport.

4       Fit-22 ta' Ottubru 2000, GE u r-rikorrenti kkonkludew ftehim li jipprovdi li GE takkwista l-kapital kollu tar-rikorrenti (aktar 'il quddiem il-"konċentrazzjoni"), u b'hekk din saret 100% sussidjarja ta' GE.

5       Fil-5 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni formalment irċeviet notifikazzjoni tal-konċentrazzjoni, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89.

6       Fl-1 ta' Marzu 2001, wara li kkunsidrat li l-konċentrazzjoni setgħet tiġi koperta mir-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 6(1)(c) ta' l-imsemmi regolament u fl-Artikolu 57 tal-Ftehim Żona Ekonomika Ewropea (aktar 'il quddiem d-"deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti").

7       Fil-15 ta' Marzu, GE u r-rikorrenti flimkien ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, dwar id-deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti.

8       Fit-8 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lil GE u din ta' l-aħħar irrispondiet għalihom fl-24 ta' Mejju 2001.

9       Fid-29 u fit-30 ta' Mejju 2001, GE u r-rikorrenti assistew għal seduta quddiem il-Kummissjoni.

10     Fl-14 u fit-28 ta' Ġunju 2001, GE u r-rikorrenti pproponew, rispettivament, żewġ serje suċċessivi ta' impenji intiżi sabiex il-konċentrazzjoni tkun aċċettabbli għall-Kummissjoni.

11     Fit-3 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/134/KE (Każ COMP/M.2220 – General Electric/Honeywell) (ĠU 2004, L 48, p. 1), li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Deċiżjoni kkontestata

12     Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata hija miktuba kif isegwi:

"Artikolu 1

Il-konċentrazzjoni li permezz tagħha [GE] akkwistat il-kontroll tar-[rikorrenti] hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE.

Artikolu 2

[GE …] hija d-destinatarja tad-[deċiżjoni kkontestata].

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jiġu miġbura bil-mod segwenti.

14     Skond il-Kummissjoni, qabel il-konċentrazzjoni, GE weħidha diġà kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar u għall-ajruplani reġjonali kbar. Is-saħħa tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, flimkien mas-saħħa finanzjarja u l-integrazzjoni vertikali fl-operazzjonijiet ta' kera ta' inġenji ta' l-ajru, jidhru fost l-elementi li wassluha tikkonkludi li GE għandha pożizzjoni dominanti f'dawn is-swieq. L-investigazzjoni wriet ukoll li r-rikorrenti hija l-fornitur prinċipali tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi kif ukoll ta' magni għal ajruplani tan-negozju u ta' starters tal-magni, dan l-aħħar element huwa ċentrali fil-manifattura tal-magni.

15     Il-fużjoni ta' l-attivitajiet taż-żewġ kumpanniji twassal għall-ħolqien ta' pożizzjonijiet dominanti fis-swieq tal-provvista ta' prodotti avjoniċi, ta' prodotti mhux avjoniċi u ta' magni ġett għal ajruplani tan-negozju kif ukoll għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti eżistenti ta' GE fir-rigward ta' magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar u ta' ajruplani reġjonali kbar. Ġabra ta' diversi fatturi jwasslu għal dan il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjonijiet dominanti: overlap orizzontali f'ċerti swieq u l-estensjoni tas-saħħa finanzjarja ta' GE u l-integrazzjoni vertikali tagħha fl-attivitajiet tar-rikorrenti u, fl-aħħar nett, il-fużjoni tal-prodotti kumplimentari rispettivi tagħhom.

16     Skond il-Kummissjoni, tali integrazzjoni fil-fatt tippermetti lill-entità, li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, iżżid is-saħħa fis-suq taż-żewġ kumpanniji għal dak li jikkonċerna l-prodotti rispettivi tagħhom. L-effett ta' dan ikun li l-kompetituri jiġu esklużi, b'hekk tiġi eliminata l-kompetizzjoni f'dawn is-swieq, u fl-aħħar nett dan ikollu effett negattiv fuq il-kwalità tal-prodotti, fuq is-servizz u fuq il-prezzijiet applikabbli għall-konsumaturi.

 Proċedura

17     Permezz tar-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Settembru 2001, ir-rikorrenti bdiet din il-kawża. Fl-istess ġurnata, GE ressqet ukoll rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata (Każ T-210/01).

18     Permezz ta' atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11, fil-15 u fis-16 ta' Jannar 2002, rispettivament, Rolls Royce Plc, Rockwell Collins Inc (aktar 'il quddiem "Rockwell") u Thales SA talbu li jintervjenu f'din il-kawża in sostenn tal-Kummissjoni.

19     Ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet tagħha u dawk tal-Kummissjoni fir-rigward tal-partijiet intervenjenti.

20     Permezz ta' digriet tas-26 ta' Ġunju 2002, il-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' l-intervenzjonijiet ta' Rolls-Royce u ta' Rockwell. Permezz ta' l-istess digriet, huwa laqa' t-talba għat-trattament kunfidenzjali magħmula mir-rikorrenti, taħt riżerva għas-sottomissjonijiet ta' l-intervenjenti. Konformement ma' l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Prim'Istanza, it-talba ta' Thales li tintervjeni intlaqgħet fuq il-bażi tar-rapport tas-seduta dakinhar tal-proċedura orali.

21     Peress illi l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġiet mibdula permezz ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Settembru 2004 (ĠU C 251, p. 12), l-Imħallef Relatur ġie mogħti kariga fit-Tieni Awla, u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil dik l-Awla.

22     Wara oġġezzjoni ta' Rolls Royce dwar il-kunfidenzjalità ta' Anness tar-rikors, jiġifieri r-"rapport Nalebuff", saret laqgħa informali fil-15 ta' Ottubru 2002, quddiem il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedimenti, li warajha r-rikorrenti ppreżentat verżjoni ġdida ta' dan id-dokument li ma kinitx kunfidenzjali. Mistoqsija dwar jekk hijiex ser issostni l-oġġezzjoni tagħha fir-rigward ta' din il-verżjoni l-ġdida, Rolls-Royce ma rrispondietx fit-termini stabbiliti.

23     Peress illi t-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha ġiet miċħuda għar-raġuni li tali trattament ma kienx previst fir-Regoli tal-Proċedura, Rolls-Royce ppreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dawn is-sottomissjonijiet u Rockwell ippreżentat tagħha. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' dawn is-sottomissjonijiet fit-termini stabbiliti.

24     B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, wara li kienu nstemgħu l-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' l-imsemmija regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiża.

25     Fir-rikors tagħha r-rikorrenti talbet li din il-kawża tiġi magħquda mal-kawża T-210/01. Il-President tat-Tieni Awla Estiża rrefera d-deċiżjoni dwar il-possibbiltà li dawn il-kawżi jingħaqdu lil dan il-kulleġġ, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

26     Wara li semgħet ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u tistaqsi mistoqsijiet lill-partijiet fir-rigward tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni ntalbet ukoll tippreżenta ċerti dokumenti qabel is-seduta. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma' dawn it-talbiet.

27     Permezz ta' ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Frar 2004, Thales irtirat l-intervenzjoni tagħha. Permezz ta' digriet tat-23 ta' Marzu 2004, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza ħa nota ta' dan l-irtirar, u nstemgħu l-partijiet l-oħra.

28     Instemgħu l-argumenti tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tal-25 ta' Mejju 2004. Fl-aħħar ta' din is-seduta l-proċedura orali ġiet magħluqa.

29     Permezz ta' ittra tat-3 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dokument ġdid fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rilevanza ta' dan id-dokument, filwaqt li talbet li dawn l-elementi jiġu inklużi fil-proċess ta' din il-kawża. Permezz ta' digriet tat-8 ta' Lulju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li terġa' tiftaħ il-proċedura orali, skond l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba.

30     Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li kienet tikkonsisti f'li tinkludi fil-proċess id-dokument u l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-4 ta' Ġunju 2004. L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta' l-intervenjenti dwar ir-rilevanza ta' l-imsemmija elementi huma wkoll inklużi fil-proċess.

31     Wara, il-proċedura orali ġiet magħluqa mill-ġdid fit-23 ta' Novembru 2004.

 Talbiet tal-partijiet

32     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tgħaqqad din il-kawża mal-kawża T-210/01, General Electric vs Il-Kummissjoni;

–       tordna kull miżura istruttorja neċessarja;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tieħu kull miżura oħra alternattiva jew addizzjonali meħtieġa għall-amministrazzjoni ta' ġustizzja xierqa;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

33     Il-Kummissjoni, sostnuta minn Rolls Royce u Rockwell, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-portata tar-rikors u l-iskop tal-kawża

 Argumenti tal-partijiet

34     Il-Kummissjoni, sostnuta f'dan ir-rigward minn Rolls Royce, issostni li r-referenza li ssir mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, għall-argumenti invokati minn GE fil-kawża T-210/01 tmur kontra l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura li jipprovdi li r-rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Tali referenza hija aktar u aktar inaċċettabbli peress illi r-rikorrenti kellha biss konnoxxenza ta' sempliċi abbozz tar-rikors ta' GE u mhux ta' verżjoni definittiva. Il-kawża għandha għalhekk tiġi ddikjarata inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet li mhumiex espressament imsemmija fir-rikors.

35     Il-Kummissjoni ssostni, fil-dawl tat-tenur ta' l-argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, li essenzjalment jikkonċernaw il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-bejgħ marbut, li r-rikorrenti ma tikkunsidrax il-parti sustanzjali u essenzjali ta' dan l-att li huwa dirett għall-kwistjonijiet ta' overlap orizzontali u ta' integrazzjoni vertikali. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li, meta meħuda flimkien, juru li l-għaqda tas-saħħa finanzjarja u ta' l-integrazzjoni vertikali fir-rigward ta' xiri, ta' finanzjament u ta' kiri ta' ajruplani ta' GE u l-pożizzjonijiet ta' saħħa tar-rikorrenti f'diversi swieq ta' prodotti ajrunawtiċi jwasslu għall-ħolqien u t-tisħiħ ta' pożizzjonijiet dominanti.

36     Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li "il-motivazzjoni tad-deċiżjoni hija bbażata fuq ġabra ta' elementi ta' fatt u ta' dritt li meħuda flimkien (u meħuda flimkien biss) wasslu lill-Kummissjoni sabiex tipprojbixxi din il-konċentrazzjoni". Madankollu, fil-kontro-replika tagħha kif ukoll fis-seduta hija tippreċiża li kull wieħed mill-elementi ta' motivazzjoni distint li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni, filwaqt li tikkwalifika bħala "sfortunata" id-dikjarazzjoni tagħha stess fir-risposta tagħha safejn din tista' tiġi interpretata bħala li tindika l-kuntrarju. B'hekk anke jekk wieħed jassumi li l-kontestazzjonijiet kollha mressqa mir-rikorrenti, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-bejgħ marbut, huma fondati, ma jkunx hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, peress illi l-motivi l-oħra huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-mertu li fuqu l-Kummissjoni tiddetermina l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni.

37     Rolls Royce ssostni li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument kontra l-biċċa l-kbira tal-motivi li jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti ta' GE fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar jew ta' l-ajruplani reġjonali kbar u l-ħolqien ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani tan-negozju u għat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar. Partikolarment, ir-rikorrenti ma kkontestatx b'mod serju, fost it-tliet fatturi indipendenti li jispjegaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' GE fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar, l-effetti ta' esklużjoni li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali fir-rigward ta' l-istarters manifatturati mir-rikorrenti. Konsegwentement, ir-rikors mhuwiex rilevanti u m'għandux skop.

38     Rockwell jirrimarka li r-rikorrenti ma ttrattatx il-kwistjonijiet ta' overlap orizzontali jew ta' integrazzjoni vertikali fir-rikors tagħha, u l-elementi relatati magħhom li jidhru fir-rikors taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni" għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala deskrizzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni.

39     Ir-rikorrenti tirrispondi għal dawn l-oġġezzjonijiet fi tliet punti.

40     L-ewwel nett, hija tirrileva li fir-rikors tagħha hija affermat li qed tadotta l-argumenti kollha ta' GE fil-kawża T-210/01, addizzjonalment ma' dawk tagħha. Skond ir-rikorrenti, tali referenza għas-sottomissjonijiet ippreżentati f'kawża oħra relatata magħha hija permessa skond il-ġurisprudenza u l-effett tagħha huwa li tinkorpora t-tenur ta' dawn is-sottomissjonijiet fir-rikors tagħha. F'dan ir-rigward, fir-replika tagħha hija tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 1990, Marcato vs Il-Kummissjoni (T-82/89, Ġabra p. II-735, punti 22 sa 24). Fis-seduta, hija għamlet referenza għal "sommarju" tal-ġurisprudenza rilevanti li jidher fil-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-263/98, Ġabra p. I-6063, I-6064), filwaqt li tiċċita sentenza waħda biss, dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni (T-37/91, Ġabra p. II-1901, punti 43 et seq), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza ħalliet li ssir referenza għar-rikors fil-kawża T-36/91, li kienet bejn l-istess partijiet, irrappreżentati mill-istess avukati.

41     Barra minn hekk, il-Kummissjoni u Rolls Royce ma jallegawx li l-kapaċità tagħhom li jiddefendu lilhom innifishom hija affettwata minħabba dan ir-rinviju u Rockwell kienet perfettament f'pożizzjoni li tifhem u tirrispondi għall-argumenti kollha ppreżentati.

42     Ir-rikorrenti tfakkar ukoll li hija qed titlob l-għaqda tal-kawżi T-209/01 u T-210/01 u ssostni li, jekk wieħed jassumi li r-rikors tagħha fih xi lacunae, kif qed tallega l-Kummissjoni, l-għaqda taż-żewġ kawżi kien jippermettilha tpatti għalihom. Fis-seduta hija ċċitat, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Marzu 1980, Forges de Thy-Marcinelle u Monceau vs Il-Kummissjoni (26/79 u 86/79, Ġabra p. 1083), in sostenn tat-teżi li tikkonċerna l-effetti ġuridiċi ta' l-għaqda.

43     It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li hija tikkontesta b'mod dettaljat fir-rikors tagħha, jiġifieri dawk relatati mal-bejgħ marbut, jikkostitwixxu l-element prinċipali fid-deċiżjoni kkontestata, b'mod illi meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun qed teżamina l-mertu tal-kontestazzjonijiet tagħha, hija inevitabilment ser tasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. F'dan ir-rigward, hija ssostni li fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni stess tindika li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq sensiela ta' elementi li, meħuda flimkien, jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħha fir-rigward ta' l-inkompatibbiltà ta' l-operazzjoni nnotifikata mas-suq komuni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata jekk ikun jidher li l-aspett essenzjali tal-motivazzjoni tagħha relatat ma' l-effett tal-konglomerat huwa żbaljat.

44     Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li l-attitudni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva wasslet lill-partijiet innotifikati sabiex jemmnu li l-operazzjoni tagħhom kienet ser tiġi approvata mill-Kummissjoni fil-każ li tinstab soluzzjoni li tippermetti li jiġu eliminati r-riżervi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-bejgħ marbut fil-futur. Hija għal din ir-raġuni li quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza r-rikorrenti kkonċentrat prinċipalment fuq dan l-aspett tal-kawża.

45     It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjonijiet ta' overlap orizzontali u ta' integrazzoni vertikali ġew ittrattati fir-rikors tagħha taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni". Taħt l-imsemmi titolu, ir-rikorrenti offriet deskrizzjoni bil-kummenti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha hija ddikjarat li din id-deċiżjoni tibbaża, għas-swieq in kwistjoni, fuq diversi jew l-elementi kollha segwenti: l-ewwel nett, l-overlap orizzontali u l-effetti anti-kompetittivi f'livell vertikali, it-tieni nett, is-saħħa finanzjarja ta' GE u l-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti mas-sussidjarji ta' GE, GE Capital Aviation Services (aktar 'il quddiem "GECAS") u GE Capital Corporate Aviation Group (aktar 'il quddiem "GECCAG") fi ħdan l-entità l-ġdida u, it-tielet nett, il-prassi tagħha tal-bejgħ marbut. Ir-rikorrenti ssostni li, fis-swieq li fihom għandhom rwol l-overlaps orizzontali, l-analiżi li saret dwarhom fid-deċiżjoni kkontestata hija, għal kull prodott, jew nieqsa mill-kredibbiltà jew motivata b'mod insuffiċjenti. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk essenzjalment ibbażata fuq iż-żewġ elementi l-oħra. Skond ir-rikorrenti, it-tieni element tant mhuwiex konvinċenti li mhuwiex neċessarju li jiġi ttrattat. Għaldaqstant, it-tielet element, jiġifieri l-kwistjoni dwar l-bejgħ marbut, għandu rwol determinanti. Barra minn hekk, il-kundizzjoni tan-nuqqas ta' l-investimenti meqjus neċessarju mill-Kummissjoni kien jikkonċerna dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata.

46     Ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li d-difetti tad-deċiżjoni kkontestata ddenunzjati minnha huma suffiċjentement serji sabiex din tiġi annullata fit-totalità tagħha. Fil-fatt, kif ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni, hija biss l-ġabra ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt ikkunsidrati flimkien li tiġġustifika l-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni. B'risposta għal Rolls-Royce, ir-rikorrenti tippreċiża li l-kwistjoni ta' l-istarters, riżolta permezz ta' l-impenji, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata.

47     Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni u l-intervenjenti, li fihom jallegaw li r-referenza għar-rikors ta' GE hija inammissibbli u li l-argumenti mressqa fir-rikors ippreżentat f'din il-kawża huma irrilevanti, imorru kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizza u mhuma bbażati fuq ebda element stabbilit.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

 Introduzzjoni

48     Mill-bidu nett għandu jingħad li, safejn ċerti motivi li jiġu stabbiliti f'deċiżjoni huma, fihom innifishom, ta' natura li tiġġustifika d-deċiżjoni b'mod sodisfaċenti, l-iżbalji li jistgħu jaffettwaw il-motivi l-oħra ta' l-att, fi kwalunkwe każ, m'għandhom ebda effett fuq il-parti operattiva tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TFI, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29).

49     Barra minn hekk, peress illi l-parti operattiva ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tibbaża fuq diversi argumenti li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal din il-parti operattiva, dan l-att jista', fil-prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti jkunu illegali. F'dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwa wieħed biss mill-argumenti ma jkunx suffiċjenti biex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni peress illi ma jistax ikollu effett determinanti fuq il-parti operattiva sostnuta mill-istituzzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II-2427, punti 49 sa 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din ir-regola tapplika b'mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T-310/01, Ġabra p. II-4071, punti 404 sa 420, kif ukoll il-punti 80 u 81 aktar 'il quddiem).

50     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar ukoll li, safejn argument, li huwa suffiċjenti sabiex tiġi bbażata fuqu l-parti operattiva ta' att, mhuwiex ikkontestat minn rikorrenti fir-rikors għal annullament, dan l-argument, u konsegwentement l-att li huwa bbażat fuqu, għandu jiġi kkunsidrat bħala legali u stabbilit fir-rigward tagħha (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punti 57 sa 63).

51     Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-każ in eżami, l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti humiex suffiċjenti, kemm-il darba wieħed jassumi li huma fondati, sabiex jinvalidaw il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata u jekk jistgħux isostnu r-rikors li huwa suxxettibbli li jwassal, jekk ikun il-każ, għall-annullament tagħha. Fil-każ li l-argumenti mressqa ma jkunux xierqa, anke jekk meħuda flimkien, sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huma jkunu bla effett u, konsegwentement, ir-rikors ma jkunx fondat fit-totalità tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, T-121/95, Ġabra p. II-2391, punti 115 sa 122).

52     F'dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit mill-bidu nett liema hija l-portata effettiva ta' dan ir-rikors, filwaqt li tiġi eżaminata, f'dan ir-rigward, l-ammissibbiltà ta' ċerti argumenti li r-rikorrenti tallega li ressqet.

 Fuq ir-referenza għar-raġunijiet imqajma fil-kawża T-210/01

53     Mingħajr ma formalment qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà ta' ċerti aspetti tar-rikors. Fi kwalunkwe każ għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà tar-rikors għandhom l-għan li meta jkun hemm inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, l-Imħallef Komunitarju jista' u għandu jqajjem inammissibbiltà ex officio (digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, Michailidis et vs Il-Kummissjoni, T-100/94, Ġabra p. II-3115, punt 49, u tal-25 ta' Ottubru 2001, Métropole Télévision – M 6 vs Il-Kummissjoni, T-354/00, Ġabra p. II-3177, punt 27, ara wkoll, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il-Kummissjoni, C-341/00 P, Ġabra p. I-5263, punt 32).

54     Skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikors għandu jindika, b'mod partikolari, is-"suġġett tal-kawża" u s-"sunt tar-raġunijiet imressqa". Barra minn hekk, skond l-Artikolu 48(2) ta' l-imsemmija regoli "[e]bda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura". Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull raġuni li mhuwiex artikulat b'mod suffiċjenti fir-rikors oriġinali għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli. Il-ġurisprudenza tikkonferma espliċitament li, fir-rigward ta' inammissibbiltà tar-rikors għar-raġunijiet ta' ordni pubbliku, din l-inammissibbiltà tista' tiġi mqajma ex officio mill-Qorti tal-Prim'Istanza, skond il-bżonn (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 154).

55     Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li s-sunt tar-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali in sostenn tar-rikors (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II 387, punt 66, u tas-16 ta' Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45). Għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet simili meta tiġi invokata kontestazzjoni in sostenn ta' raġuni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo Och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II 1989, punt 333).

56     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm bżonn, biex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt, li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, jirriżultaw, għall-inqas b'mod sommarju, iżda b'mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Jannar 2003, Italja vs Il-Kummissjoni, C-178/00, Ġabra p. I‑303, punt 6 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-195/95, Ġabra p. II‑679, punti 20 u 21 ; ADT Projekt u Il-Kummissjoni, punt 55 aktar 'il fuq, punt 66 ; id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Lulju 2000, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-110/98, Ġabra p. II‑2971, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T-195/00, Ġabra p. II‑1677, punt 26, u Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, punt 55 aktar 'il fuq, punt 45 ; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs Haute Autorité, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 561, 588, u tal-5 ta' Marzu 1991, Grifoni vs KEEA, C-330/88, Ġabra p. I‑1045, punti 17 u 18).

57     F'dan ir-rigward, jekk il-korp tar-rikors jista' jiġi sustanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b'referenzi għal estratti annessi mar-rikors, referenza globali għal sottomissjonijiet oħra, anke jekk annessi mar-rikors, ma tikkumpensax għan-nuqqas ta' l-elementi essenzjali ta' l-argument legali, li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet indikati aktar 'il fuq, għandhom jidhru fir-rikors (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex inkarigata li tfittex u tidentifika, fl-annessi, ir-raġunijiet u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw il-bażi tar-rikors, peress illi l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenza Joynson vs Il-Kummissjoni, punt 54 aktar 'il fuq, punt 154 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34, u ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II‑931, punt 39, mhux annulata fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq appell, fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375).

58     Madankollu, ir-rikorrenti tinvoka diversi sentenzi li fihom l-Imħallef Komunitarju ħalla li ssir referenza għas-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem l-istess qorti f'kawżi oħra (ara punt 40 aktar 'il fuq). Skond ir-rikorrenti, referenza għas-sottomissjonijiet ippreżentati lill-istess Imħallef f'kawża oħra m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

59     Il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, fil-punt 40 aktar 'il fuq, sabiex tiġġustifika tali referenza madankollu ma tistax twassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex twarrab, fil-każ in eżami, l-applikazzjoni tar-regoli msemmija aktar 'il fuq li tistabbilixxi li r-raġunijiet imqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu esposti fir-rikors stess b'mod sommarju. Fis-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq (punt 45), il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li f'dan ir-rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tieħu in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta' kull każ in eżami, filwaqt li tiċċita is-sentenzi tad-29 ta' Novembru 1956, Charbonnages de Beeringen et vs Haute Autorité (9/55, Ġabra p. 325, 352), tat-8 ta' Lulju 1965, Prakash vs Il-Kummissjoni (19/63 u 65/63, Ġabra p. 677, 693), tat-13 ta' Lulju 1965, Lemmerz-Werke vs Haute Autorité (111/63, Ġabra p. 835, 858), tat-28 ta' April 1971, Lütticke/Commission (4/69, Rec. p. 325, point 2), et Forges de Thy Marcinelle et Monceau/Commission, point 42 supra (point 4) in sostenn ta' din l-affermazzjoni.

60     F'dan ir-rigward, għandu mill-bidu nett jiġi osservat li deċiżjoni li tippermetti tali referenza għal rikors imressaq f'kawża oħra huwa fil-prinċipju inkompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 sa 57 aktar 'il fuq, fejn jingħad li r-rikors stess għandu jkun fih is-sunt tar-raġunijiet imressqa li jippermettu, b'mod partikolari, lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali in sostenn tar-rikors.

61     Jekk l-Imħallef Komunitarju xi darba ppermetta l-possibbiltà li jiġu mqajma raġunijiet b'referenza għal kawża oħra (sentenza Forges de Thy-Marcinelle u Monceau vs Il-Kummissjoni, punt 42 aktar 'il fuq, u sentenza Marcato vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq), huwa rrifjuta din il-possibbiltà f'kawżi oħra (ara s-sentenza Charbonnages de Beeringen et vs Haute Autorité, punt 59 aktar 'il fuq, u s-sentenza Prakash vs Il-Kummissjoni, point 59 aktar 'il fuq), mingħajr ma indika, b'mod espliċitu, kriterju determinanti fir-rigward ta' din l-għażla.

62     Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawżi kollha li wasslu għas-sentenzi invokati mir-rikorrenti jew iċċitati fil-punt 45 tas-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 40 aktar 'il fuq, li fihom l-Imħallef Komunitarju aċċetta li raġunijiet li ma kinux ġew esposti espressament fir-rikors ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mqajma validament minħabba tali referenza, ir-rikorrenti kienet tkun irreferiet għas-sottomissjonijiet tagħha stess ippreżentati f'kawża oħra.

63     Fil-każ in eżami, kif ġie rrilevat aktar 'il fuq, fir-rikors tagħha r-rikorrenti tirreferi għar-rikors imressaq fl-istess ġurnata minn rikorrenti oħra, GE.

64     Li raġunijiet mhux esposti b'mod espress fir-rikors minħabba li ġew imqajma minn terz f'kawża oħra, li ssir referenza għaliha fir-rikors, jkunu ammissibbli, ifisser li jkun qed jiġi permess li l-kundizzjonijiet obbligatorji ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura jiġu evitati.

65     Għandu wkoll jiġi rrilevat li GE hija rappreżentata fil-kawża T-210/01 minn avukati differenti minn dawk li jirrappreżentaw lir-rikorrenti f'din il-kawża. Barra minn hekk, ir-rikors ta' GE mhuwiex anness ma' dak ippreżentat mir-rikorrenti f'din il-kawża. Dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux ħlief isaħħu l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti safejn jikkonfermaw in-natura distinta u awtonoma ta' dan ir-rikors meta mqabbla ma' dak irreġistrat taħt in-numru T-210/01.

66     Għandu jiġi mfakkar ukoll li kull parti hija unikament responsabbli għat-tenur ta' l-atti tal-proċedura li hija tippreżenta, prinċipju stabbilit b'mod partikolari fl-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 43 aktar 'il fuq, punt 46). Jekk minn naħa r-rikorrenti tgħid illi ħadet in kunsiderazzjoni l-verżjoni provviżorja tar-rikors ta' GE, min-naħa l-oħra hija ma tallegax li, meta ppreżentat ir-rikors tagħha stess, kienet taf li dak kien it-tenur eżatt tar-rikors definittiv ta' GE, li għalih hija tagħmel referenza. Għalhekk kuntrarjament għall-kundizzjonijiet ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-referenza għar-rikors ta' GE ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim'Istanza tidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti ir-raġunijiet li ġew ippreżentati quddiemha meta tressaq ir-rikors f'din il-kawża.

67     Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement u mingħajr ma jkun hemm bżonn li f'din il-kawża jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet rikorrent jista' jkollu d-dritt li jressaq raġunijiet b'referenza għas-sottomissjonijiet tiegħu stess f'kawża oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-identità tal-partijiet, b'mod partikolari dik tar-rikorrenti, fiż-żewġ kawżi hija kundizzjoni essenzjali għall-ammissibbiltà ta' raġunijiet allegatament imressqa b'referenza għas-sottomissjonijiet f'kawża oħra.

68     Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-referenza għar-rikors ippreżentat minn GE fil-kawża T-210/01 li saret mir-rikorrenti m'għandhiex l-effett li tinkorpora, fir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f'din il-kawża, ir-raġunijiet mressqa minn GE fl-imsemmija kawża.

 Fuq it-talba għat-tgħaqqid tal-kawżi

69     In sostenn tat-talba tagħha għall-għaqda ta' din il-kawża mal-kawża T-210/01, ir-rikorrenti tgħid li, anke jekk wieħed jassumi li r-referenza li għamlet fir-rikors tagħha għar-rikors ta' GE ma tippermettix li jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli r-raġunijiet li hija tixtieq tqajjem fir-rigward ta' aspetti oħra tal-kawża apparti l-bejgħ marbut, din l-għaqda tippermetti li jiġu koperti l-lacunae li jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha. Fis-seduta, ir-rikorrenti invokat is-sentenza Forges de Thy-Marcinelle u Monceau vs Il-Kummissjoni, punt 42 aktar 'il fuq (punt 4), u ġurisprudenza li hija ddeskriviet bħala li tmur lura għall-bidu ta' l-istorja ġuridika Komunitarja.

70     Għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi ta' għaqda eventwali tal-kawżi T-209/01 u T-210/01, għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura:

"Il-President jista', f'kull waqt, wara li jkun sema' lill-partijiet u l-Avukat Ġenerali, għal raġunijiet ta' konnessjoni tal-kawżi, jordna li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista' jifridhom mill-ġdid. Il-President jista' jirreferi dawn il-kwistjonijiet lill-Qorti tal-Prim'Istanza."

71     Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni (C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 66), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li digriet għall-għaqda ta' kawżi ma jaffettwax l-indipendenza u n-natura awtonoma tal-kawżi li jkunu indikati fih, fil-fatt huwa dejjem possibbli li tingħata deċiżjoni sabiex jerġgħu jiġu mifruda. B'hekk, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa inammissibbli li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq raġunijiet li ma kinux qajmu fl-ewwel istanza, minkejja l-għaqda tal-kawżi tagħhom, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma' kawżi oħra li fihom dawn ir-raġunijiet kienu ġew effettivament imressqa minn rikorrenti oħra (punti 61 sa 68 tas-sentenza).

72     Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-għaqda ta' kawżi hija miżura li l-President, jew jekk ikun il-każ il-Qorti tal-Prim'Istanza, jista' jordna skond it-termini ta' l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda li mhuwiex obbligat li jordna anke jekk jiġi mitlub mill-partijiet, peress illi din id-deċiżjoni taqa' taħt id-diskrezzjoni tiegħu li jiddetermina l-mod l-aktar xieraq biex jorganizza l-proċeduri. Isegwi li l-konsegwenza tat-teżi tar-rikorrenti, jekk din kellha tiġi aċċettata, hija li deċiżjoni proċedurali tal-President li taqa' taħt id-diskrezzjoni tiegħu tista' testendi l-portata ta' rikors u, konsegwentement, tkun determinanti għar-riżultat tal-proċedura ġudizzjarja, u tintroduċi element arbitrarju f'din ta' l-aħħar.

73     Għal dak li jikkonċerna s-sentenza Charbonnages de Beeringen et vs Haute Autorité, punt 59 aktar 'il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tikkonferma li referenza ġenerali għal dak li jintqal f'kawża oħra mhuwiex suffiċjenti sabiex ir-rikors ikun ammissibbli u dan aktar u aktar meta tkun saret ir-referenza mingħajr ma fl-istess ħin tkun ġiet mitluba l-għaqda tal-kawżi, ma ddeċidietx li meta jkun hemm talba għal għaqda ta' kawżi magħmula fi żmien opportun, ir-rikors ikun ammissibbli. Għall-kuntrarju, hija illimitat lilha nnifisha li tikkonstata li, fil-kawża in eżami, in-nuqqas ta' tali talba li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tikkunsidra ż-żewġ kawżi flimkien isaħħaħ in-natura insuffiċjenti tar-referenza globali għar-rikors imressaq minn terza persuna fir-rikors.

74     Barra minn hekk, safejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Forges de Thy-Marcinelle u Monceau vs Il-Kummissjoni, punt 42 aktar 'il fuq, ikkunsidrat li "l-ammissibbiltà tat-tieni rikors tkopri l-inammissibbiltà ta' l-ewwel", għandu jiġi rrilevat li, f'din il-kawża, ir-rikorsi in kwistjoni kienu ppreżentati mill-istess persuna, mentri fil-każ in eżami r-rikorrenti titlob li tibbaża ruħha fuq raġunijiet imressqa minn terzi.

75     B'hekk, mingħajr mhuwa meħtieġ li f'din il-kawża tingħata deċiżjoni fir-rigward ta' l-effetti ta' l-għaqda taż-żewġ rikorsi mressqa mill-istess rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-fatt li jiġu magħquda żewġ kawżi li fihom ir-rikorrenti huma differenti ma jistax jibdel il-portata tar-rikors ippreżentat separatament minn kull waħda minnhom, inkella tiġi miksura l-indipendenza u l-awtonomija tar-rikorsi distinti tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenza Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, punt 71 aktar 'il fuq, punt 66).

76     Għaldaqstant, f'din il-kawża, huma biss ir-raġunijiet l-oħra li mhumiex allegatament imressqa permezz ta' referenza globali għar-rikors ta' GE li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni.

77     Fiċ-ċirkustanzi in eżami, din il-kawżi m'għandhiex tiġi magħquda mal-kawża T-210/01. Għalhekk it-talba magħmula f'dan is-sens mir-rikorrenti fir-rikors tagħha għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-natura invalida tar-raġunijiet imressqa f'din il-kawża

78     F'dan ir-rigward, it-tieni raġuni tar-rikorrenti hija li r-raġunijiet dwar l-bejgħ marbut jikkostitwixxu l-element prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata li mingħajru dan l-att ma kienx ikun jista' jiġi sostnut.

79     Għandu jiġi mfakkar li mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet, jekk operazzjoni nnotifikata toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fuq suq wieħed bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla b'mod sinjifikanti, il-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, tipprojbixxiha, anke jekk l-operazzjoni ma twassal għal ebda tfixkil ieħor fil-kompetizzjoni. Meta l-Kummissjoni teżamina diversi swieq suċċessivament u tikkonkludi li ser tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti f'diversi minnhom bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixxkla b'mod sustanzjali, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għal indikazzjoni espressa li turi l-kontrarju fid-deċiżjoni, hija tikkunsidra li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni f'kull wieħed minn dawn is-swieq, weħidha, tiġġustifika l-projbizzjoni ta' l-operazzjoni nnotifikata.

80     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, punt 49 aktar 'il fuq (punti 404 sa 420), il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li l-iżbalji li nstabu f'dik il-kawża li kienu jikkonċernaw l-analiżi tas-swieq nazzjonali differenti ma kinux fihom innifishom suffiċjenti sabiex jiġu kkontestati l-oġġezzjonijiet li kienet għamlet il-Kummissjoni fir-rigward tas-swieq settorjali Franċiżi differenti. B'hekk, l-analiżi li hija l-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twassal għall-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti għal dawn is-swieq ta' l-aħħar biss minħabba l-fatt li nstabu l-iżbalji fi swieq oħra.

81     Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni tikkonstata li ser tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti fuq suq wieħed minħabba diversi raġunijiet distinti u awtonomi, fil-prinċipju u fin-nuqqas ta' indikazzjoni kuntrarja fil-motivi rilevanti tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li kull waħda mir-raġunijiet imressqa, weħidha, twassal lill-Kummissjoni għal din il-konstatazzjoni. Dan huwa aktar u aktar minnu meta mid-deskrizzjoni awtonoma ta' tali element ta' raġunament jirriżulta li waħdu huwa suffiċjenti biex jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni ser jinbidlu b'mod kwalitattiv u sustanzjali.

82     F'dan il-każ, fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tippreċiża li kellu jiġu konkluż li "il-konċentrazzjoni proposta twassal għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar, tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar, magni ta' l-ajruplani ġett tan-negozju, tal-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi, kif ukoll ta' turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, bil-konsegwenza li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni tiġi mfixkla b'mod sustanzjali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

83     Kif irrilevat fir-risposta tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ħolqitx ġerarkija bejn il-problemi ta' kompetizzjoni misjuba f'kull wieħed mis-swieq illi hija eżaminat u li wara hija nnumerat fil-kuntest tal-konklużjoni tagħha esposta fil-punt preċedenti. Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi konkluż li kull aspett distint tar-raġunament tagħha u, fuq kollox, l-analiżi tagħha ta' kull wieħed mis-swieq innumerati fl-imsemmi punt effettivament jikkostitwixxu pilastru awtonomu tad-deċiżjoni kkontestata.

84     Din il-konklużjoni hija sostnuta b'eżami dettaljat tad-diversi aspetti tar-raġunament tal-Kummissjoni.

85     F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-overlap orizzontali li jirriżultaw mill-operazzjoni nnotifikata fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar, is-suq tal-magni għal ajruplani tan-negozju u s-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, rispettivament, mhumiex suxxettibbli li jsaħħu lil xulxin meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' rabtiet ekonomiċi bejn dawn is-swieq. B'mod partikolari, il-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fis-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar ma tistax taffettwa u lanqas tista' tiġi affettwata bil-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjonijiet dominanti fis-swieq differenti tal-magni ġett għal ajruplani u komponenti oħra ajrunawtiċi, peress illi ż-żewġ każijiet jirrigwardaw prodotti rilevanti f'setturi kummerċjali distinti.

86     Barra minn hekk, f'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 428 sa 431, taħt it-titolu "a) Overlap orizzontali fuq pjattiformi eżistenti" [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ddeskriviet l-effetti immedjati tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar li jirriżultaw mill-imsemmi overlap. Din id-deskrizzjoni fiha referenza għall-influwenza ta' GE Capital u ta' GECAS, fattur li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta' GE fis-suq in kwistjoni, li saret mill-Kummissjoni sabiex tiċħad l-argument tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li l-monopolju li jinħoloq bil-fużjoni tagħhom huwa fenomenu purament ta' statistika. Għall-kuntrarju, f'dan il-kuntest il-Kummissjoni ma invokatx it-teżi tagħhom dwar l-bejgħ marbut. Din it-teżi ta' l-aħħar ġiet imsemmija biss, għal dak li jikkonċerna s-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar, taħt it-titolu "b) Effetti ta' l-operazzjoni fuq sejħiet għal offerti relatati mal-pjattaformi fil-futur" [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fih dikjarazzjoni distinta ddedikata għall-effetti fuq l-imsemmi suq li jirriżultaw mill-fużjoni fi żmien medju u fi żmien twil. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li l-overlap orizzontali fuq is-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar li jirriżulta mill-konċentrazzjoni kien ser isaħħaħ l-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta' GE fi żmien immedjat independentement minn kull fattur ieħor li jista' jerġa' jsaħħaħ din il-pożizzjoni fil-futur.

87     Fir-rigward tas-suq għat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass, il-Kummissjoni ddeskriviet l-overlap orizzontali taħt titolu separat, fil-premessi 476 sa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, qabel ma eżaminat, f'sezzjonijiet distinti, t-"tkeċċija tal-kompetituri" mis-suq minħabba l-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti ma' GE u t-"tkeċċija tal-kompetituri" mis-suq minħabba l-integrazzjoni vertikali, min-naħa, tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar u min-naħa l-oħra, tal-prodotti elettroniċi u ta' l-istarters manifatturati mir-rikorrenti. Fil-premessa 476 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni sostniet li l-konċentrazzjoni kienet ser toħloq entità li tikkontrolla bejn 65% u 80% tas-suq in kwistjoni, billi tkun minn erba' sa ħames darbiet akbar mill-kompetitur immedjat tagħha. Fil-premessa 477, hija tasal għall-konklużjoni li din l-entità ser tkun bil-bosta l-attur l-aktar importanti fis-suq għat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar u tesponi r-raġunijiet li għalihom il-kompetizzjoni pprovduta mill-atturi l-oħra, attwali jew potenzjali, fis-suq mhijiex ser tkun effettiva. Mill-istruttura u mill-kliem ta' din il-parti tad-deċiżjoni jirriżulta li, skond il-Kummissjoni, l-effetti tal-konċentrazzjoni deskritti fl-ewwel sezzjoni ddedikata għall-overlap orizzontali fil-qasam tat-turbini huma biżżejjed biex joħolqu l-pożizzjoni dominanti fuq dan is-suq, independentement mill-fatturi l-oħra li jservu biex jagħlqu s-suq, u, konsegwentement, jerġgħu jsaħħu din il-pożizzjoni.

88     Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ in eżami, ir-rikorrenti la kkontestat it-teżi tal-Kummissjoni dwar it-tkeċċija tal-kompetituri mis-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar minħabba l-integrazzjoni vertikali ta' l-attivitajiet ta' manifattura ta' dawn il-prodotti ta' GE u ta' l-attività ta' manifattura ta' l-istarters u ta' komponenti oħra użati fl-imsemmija turbini tar-rikorrenti, u lanqas it-teżi tagħha dwar l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar li tirriżulta mill-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti ma' GE minħabba s-saħħa finanzjarja ta' din ta' l-aħħar (ara l-premessi 478 sa 484 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 113 u 114 aktar 'il fuq).

89     Għal dak li jikkonċerna l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq minħabba l-integrazzjoni vertikali ta' l-attività ta' manifattura tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar u minħabba dak ta' l-istarters manifatturati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, sostniet espressament li independentement mill-konsegwenzi ta' l-offerti marbuta tal-prodotti, l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni proposta ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' GE fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar minħabba l-esklużjoni vertikali tal-produtturi tal-magni kompetituri.

90     Madankollu, fir-replika tagħha r-rikorrenti ssostni li fil-punt 51 tar-risposta tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li, "[b]arra minn hekk u qabel kull ħaġa oħra, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni [kienet] ibbażata fuq ġabra ta' elementi ta' fatt u ta' dritt li, meħuda flimkien (u meħuda flimkien biss), [kienu] wasslu lill-Kummissjoni sabiex tipprojbixxi il-konċentrazzjoni proposta". Skond ir-rikorrenti, minn din l-affermazzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kienet tiġi annullata biss kieku l-elementi prinċipali kollha li fuqhom hija bbażata kienu fondati, u b'mod partikolari l-analiżi tal-bejgħ marbut li hija tikkontesta b'mod dettaljat fir-rikors tagħha.

91     Madankollu, fil-punt 18 tal-kontro-replika tagħha l-Kummissjoni ddikjarat, u irrepetiet din id-dikjarazzjoni fis-seduta, li kull wieħed mill-argumenti li hija sostniet fid-deċiżjoni kkontestata kien suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-projbizzjoni ta' l-operazzjoni nnotifikata. Fis-seduta, hija kkwalifikat id-dikjarazzjoni tagħha stess, iċċitata fil-punt preċedenti, bħala "sfortunata" u rrilevat li din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn analiżi li saret biex tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti li d-deċiżjoni hija bbażata, "fil-biċċa l-kbira" fuq żewġ teoriji, jiġifieri, l-ewwel nett, l-allegata saħħa finanzjarja ta' GE u l-integrazzjoni vertikali tagħha fis-servizzi finanzjarji, ix-xiri ta' inġenji ta' l-ajru, il-kera u l-attivitajiet ta' wara l-bejgħ u, it-tieninett, il-prassi fil-futur ta' bejgħ marbut.

92     Din l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi aċċettata.

93     Fil-fatt, minn qari tal-punti 48 sa 51 kollha tar-risposta jidher li l-Kummissjoni ppruvat tikkontesta t-teżi tar-rikorrenti li dawn iż-żewġ "teoriji" weħidhom kienu jikkostitwixxu bażi tajba tad-deċiżjoni kkontestata, b'esklużjoni ta' l-aspetti l-oħra anti-kompetittivi ta' l-operazzjoni nnotifikata analizzata f'dan l-att.

94     Barra minn hekk, kif ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni fis-seduta, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza stess li għandha tikkontrolla l-legalità tad-deċiżjoni filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-motivi mressqa f'dan l-att u mhux fid-dawl ta' dak li ġie ddikjarat fir-rigward tagħha fir-risposta. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni esprimiet ruħha b'mod ambigwu u tali espressjoni tista' tiġi interpretata fis-sens illi hija tirrinunzja milli ssostni li kull element ta' l-analiżi tagħha jista' jkun suffiċjenti biex id-deċiżjoni kkontestata tiġi bbażata fuqu. Iżda, peress illi fil-kontro-replika tagħha u fis-seduta hija ppreċiżat li din ma kinitx il-pożizzjoni tagħha, id-deċiżjoni kkontestata m'għandhiex tiġi interpretata b'dan il-mod, jiġifieri b'mod kuntrarju għal dak li jirriżulta mill-kliem, mill-istruttura u mill-għan ġenerali tagħha (ara l-punti 79 sa 85 aktar 'il fuq).

95     Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tillimita ruħha li teżamina jekk is-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni kif definita mill-Kummissjoni kinitx differenti minn dik li tirriżulta verament mill-konċentrazzjoni. Fil-każ li jkun hemm xi differenzi sinjifikanti f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Permezz ta' dan l-argument, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tiġi pprojbita konċentrazzjoni wara sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiċħad l-analiżi tagħha fir-rigward ta' ċerti swieq. Għalhekk, skond dan l-argument, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tagħti deċiżjoni ta' projbizzjoni u b'hekk tissostitwixxi l-konklużjoni globali tagħha ma' dik tal-Kummissjoni.

96     Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 79 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni għandha tipprojbixxi konċentrazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89. B'hekk deċiżjoni ta' projbizzjoni m'għandhiex tiġi annullata minħabba li r-rikorrenti turi li jkun hemm wieħed jew aktar żbalji fl-analiżi li tkun saret fir-rigward ta' wieħed jew aktar swieq, sakemm madankollu jirriżulta mid-deċiżjoni ta' projbizzjoni li l-konċentrazzjoni nnotifikata tissodisfa l-imsemmija kriterji fir-rigward ta' wieħed jew aktar swieq (ara l-punti 48 sa 50 u 79 sa 81 aktar 'il fuq). B'mod partikolari, jekk ir-raġunijiet li jikkonċernaw dawn is-swieq l-oħra mhumiex ikkontestati fir-rikors, għandu jiġi kkunsidrat, għall-għanijiet tar-rikors in kwistjoni, li huma fondati. Billi tasal għall-konklużjonijiet b'dan il-mod mill-portata materjali ta' rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tissostitwixxix l-kunsiderazzjonijiet tagħha ma' dawk tal-Kummissjoni peress li huma l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, li ma ġewx ikkontestati, li jkomplu jikkostitwixxu l-bażi ta' din l-deċiżjoni.

97     Fil-kuntest ta' l-argument tagħha riprodott fil-punt 78 aktar 'il fuq, fis-seduta r-rikorrenti rrilevat li l-Kummissjoni tat l-impressjoni, b'mod partikolari matul il-kors tal-proċedura amministrattiva, li r-riskju ta' bejgħ marbut wara l-konċentrazzjoni kien l-aspett determinanti tal-kawża. Din l-impressjoni tfixkel il-proċedura amministrattiva kollha u tippriva lill-partijiet tal-konċentrazzjoni mill-possibbiltà li jipproponu impenji li jistgħu jsolvu l-problemi l-oħra. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li r-rikorrenti tiffoka r-rikors tagħha fuq l-effetti tal-konglomerat li allegatament jirriżulta mill-konċentrazzjoni.

98     Din ir-raġuni mressqa mir-rikorrenti għall-ewwel darba fis-seduta tikkostitwixxi argument ġdid. Peress illi din ir-raġuni tikkonċerna l-attitudni allegatament adottata mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, huwa mifhum li r-rikorrenti kienet f'pożizzjoni li tqajmu fir-rikors oriġinali tagħha. Konsegwentement, huwa inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

99     Fi kwalunkwe każ, fil-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha tat-8 ta' Mejju 2001 l-Kummissjoni ddikjarat, b'mod ċar, il-kontestazzjonijiet li jikkonċernaw il-konsegwenzi anti-kompetitivi tal-fużjoni, b'mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-effetti orizzontali u vertikali li jirriżultaw minnha, dikjarazzjoni ritenuta wkoll fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b'mod partikolari, il-punti 118 sa 122, 124 sa 126, 459 sa 471, 473, 474, 578 sa 586 u 612 sa 633 ta' din il-komunikazzjoni). Għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata, oltre l-obbligu li tesponi l-kontestazzjonijiet irritenuti minnha f'komunikazzjoni u li tikkompletahom f'każ li wara tiddeċiedi li tressaq oġġezzjonijiet ġodda, li tindika l-istat tar-riflessjoni tagħha dwar is-soluzzjoni eventwali tal-problemi preċedentement ikkonstatati bejn il-fatt li tiġi mibgħuta din il-komunikazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, Sandoz vs Il-Kummissjoni, 53/69, Ġabra p. 845, punt 14, u tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, unti 192 u 193 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II‑203).

100   Barra minn hekk, peress illi r-rikorrenti ma allegatx li kienet irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u li jaqblu, li kienu jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u ta' min joqgħod fuqhom min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' din ta' l-aħħar għal ċerti kontestazzjonijiet, il-prinċipju ta' aspettativi leġittimi ma setax japplika fil-każ in eżami (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T-203/97, Ġabra FP p. I A 129 u II 705, punt 70, u il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T-290/97, Ġabra p. II 15, punt 59).

101   Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li għal dak li jikkonċerna s-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeterminat l-importanza partikolari ta' dawn l-ajruplani fil-kuntest Komunitarju, peress illi fl-1992 kienu jikkostitwixxu 14 % tal-flotta kollha Ewropea u 33 % tagħha fl-1998. Fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata hija rrilevat li minħabba l-importanza ta' dan is-suq li fih l-entità magħquda kien ikollha monopolju wara l-fużjoni, il-kumpanniji ta' l-ajru kienu jsiru aktar u aktar dipendenti fuq din l-entità.

102   Filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni dak li ntqal preċedentement, l-argument tar-rikorrenti li l-kontestazzjonijiet imressqa minnha li jikkonċernaw l-effetti tal-konglomerat, essenzjalment il-bejgħ marbut, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, m'għandux jiġi milqugħ.

103   Għandu jiġi kkonstatat li l-effetti anti-kompetittivi orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni rrilevati fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex motivi sussidjarji fit-tenur ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata u huma suffiċjenti sabiex il-projbizzjoni ta' l-operazzjoni nnotifikata tiġi bbażata fuqhom.

104   Konsegwentement, ir-rikors ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ħlief jekk ir-raġunijiet imqajma espressament fir-rikors stess jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' kull wieħed mill-aspetti awtonomi eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, u b'mod partikolari, l-effetti anti-kompetittivi orizzontali u vertikali li huma kkonstatati fiha.

 Fuq il-portata tar-rikors

105   Fl-aħħar nett, f'dan ir-rigward għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li fir-rikors tagħha, hija ressqet kontestazzjonijiet dwar l-effetti anti-kompetitivi orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni". Għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħux jiġu kkwalifikati bħala raġunijiet.

106   F'dan ir-rigward, għandu, mill-bidu nett, jiġi kkonstatat li elementi li jidhru f'rikors għal annullament taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni", prima facie ma jidhrux li jikkostitwixxu raġunijiet awtonomi li jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda pjuttost jiddeskrivu l-att in kwistjoni. Madankollu, mhuwiex possibbli li tiġi eskluża a priori l-possibbiltà li din il-parti tar-rikors ikun fiha wieħed jew aktar raġunijiet dwar annullament. Huwa biss safejn jirriżulta b'mod ċar u inekwivoku li apparti l-funzjoni deskrittiva tal-parti li tinsab taħt dan it-titolu tiegħu, dan jikkontesta l-validità tal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li, jekk ikun il-każ, jista' jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi raġuni, minkejja l-istruttura tar-rikors u l-post tiegħu fl-iskop ġenerali tar-rikors.

107   Minn hawn 'il quddiem id-dikjarazzjonijiet magħmula f'dan ir-rikors taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni" relatati ma' kull wieħed mir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma eżaminati suċċessivament. –

–       Overlap orizzontali fuq is-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar

108   F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tillimita lilha nnifisha li ssostni s-segwenti, fil-punt 30 tar-rikors tagħha:

" […] il-Kummissjoni tammetti li ż-żieda ta' parti tas-suq li tirriżulta mill-fużjoni hija 'pjuttost imnaqqsa' u sseħħ fil-kuntest tad-dominanza allegatament pre-eżistenti ta' GE. Konsegwentement, l-affermazzjonijiet li l-fużjoni bejn GE u Honeywell ser ittellef lill-klijenti 'milli jibbenefikaw minn kompetizzjoni fuq il-prezzijiet' (li jidher in kontradizzjoni mal-konklużjoni li GE diġà tiddomina s-suq) u li ser tagħtihom 'vantaġġ biex jistabbilixxu lilhom innifishom b'mod eċċezzjonali fuq […] pjattaformi futuri', għandhom ftit jew m'għandhomx importanza".

109   Minn dawn il-pretensjonijiet jirriżulta li r-rikorrenti tikkunsidra li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata relatati ma' dan is-suq jiddeskrivu tibdil fl-ambjent ta' kompetizzjoni li ftit li xejn huwa importanti. Madankollu, l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt f'dan ir-rigward li fuqhom huwa bbażat ir-rikors ma jirriżultawx b'mod koerenti u li jinftiehem, lanqas sommarjament, mill-parti iċċitata fil-punt preċedenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita lilha nnifisha li tisħaq fuq l-importanza żgħira ta' l-effetti anti-kompetittivi orizzontali kkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effetti orizzontali fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar mingħajr ma tispjega liema, fil-fehma tagħha, huma l-konsegwenzi ġuridiċi ta' dan l-argument.

110   B'mod partikolari, mhuwiex possibbli li mill-parti in kwistjoni jiġi dedott jekk il-pożizzjoni tar-rikorrenti tikkonsistix f'li ssostni li l-"allegata" pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta' GE fis-suq ma kinitx ser tiġi msaħħa permezz tal-konċentrazzjoni jew li ma kinitx ser tiġi msaħħa b'mod li mhuwiex sinjifikanti, kopert mill-kunċett "de minimis", jew, fl-aħħar nett, li t-tisħiħ ta' din il-pożizzjoni dominanti ma jkollux il-konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tiġi mfixxkla b'mod sinjifikanti fis-suq komuni jew f'parti sustanzjali minnu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tikkompleta din il-parti tar-rikors billi tagħżel hija stess l-applikazzjoni ġuridika li għandha tingħata lill-kriterji li mhuma xejn ċari kif ifformulati mir-rikorrenti.

111   Għaldaqstant il-parti tal-punt 30 tar-rikors li jidher taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni" mhuwiex ċar u preċiż biżżejjed biex jikkostitwixxi l-espożizzjoni ta' raġuni skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u tal-ġurisprudenza li interpretat dan l-artikolu (ara, b'mod partikolari, punt 55 aktar 'il fuq).

112   Għalhekk, kwalunkwe kienet is-sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna s-swieq l-oħra eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-overlap orizzontali fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar ma ġietx ikkontestata fir-rikors u konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata għall-finijiet ta' din il-kawża.

–       Overlap orizzontali fuq is-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar

113   F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti illimitat ruħha li tesponi s-segwenti fil-punt 39 tar-rikors tagħha:

"Għal dak li jikkonċerna t-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fużjoni kienet ser twassal għall-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti peress illi: (i) l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kienet ser tippossjedi 65 % u 80 % tas-suq; (ii) il-pożizzjoni influwenti ta' Honeywell fis-suq kienet ser tkun imsaħħa bl-assoċjazzjoni tagħha mal-kapaċità finanzjarja ta' GE u l-integrazzjoni vertikali; u (iii) GE kienet ser tkun tista' teżerċita influwenza sinjifikanti fuq il-kompetituri tagħha minħabba l-attività ta' Honeywell li tikkonsisti fil-provvista tal-parts essenzjali għall-kompetituri."

114   Għandu jiġi kkonstatat li din il-parti purament u sempliċiment tiddeskrivi l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' dan is-suq u ma fihiex l-iċken element li jista' jiġi interpretat bħala raġuni għal annullament skond il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura. B'hekk, għal darba oħra, kwalunkwe kienet is-sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna s-swieq l-oħra eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-overlap orizzontali fis-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar ma ġietx ikkontestata fir-rikors u konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata għall-finijiet ta' din il-kawża.

–       Integrazzjoni vertikali ta' l-attivitajiet ta' manifattura ta' l-istarters

115   Għal dak li jikkonċerna l-integrazzjoni vertikali ta' l-attivitajiet ta' manifattura ta' l-istarters tar-rikorrenti ma' dawk ta' manifattura tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar ta' GE, fil-punt 29 tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tillimita lilha nnifisha li tiddeskrivi il-motivi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata:

"Għal dak li jikkonċerna s-suq tal-magni għall-ajruplani kummerċjali kbar, il-Kummissjoni kkunsidrat li GE kienet diġà f'pożizzjoni dominanti f'dan is-suq li mhijiex preżenti fih Honeywell. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fużjoni kienet ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta' GE peress illi : […] (iii) l-entità li tirriżulta mill-fużjoni kien ser ikollha l-motivazzjoni u l-fakoltà li tfixkel lill-manifatturi l-oħra tal-magni milli joffrulha xi forma ta' kompetizzjoni peress illi Honeywell hija fornitur eminenti ta' l-istarters."

116   Għal darba oħra, għandu jiġi kkonstatat li din id-deskrizzjoni ma fihiex l-iċken element li jista' jiġi interpretat bħala raġuni għal annullament skond il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta' GE fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar minħabba l-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-produzzjoni ta' l-istarters għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata għall-finijiet ta' din il-kawża.

117   Għaldaqstant, kwalunkwe kienet is-sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna s-swieq l-oħra eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-integrazzjoni vertikali ta' l-attivitajiet ta' manifattura ta' l-istarters ma ġietx ikkontestata fir-rikors u konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata għall-finijiet ta' din il-kawża.

–       Effetti tal-konglomerat li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali

118   Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-effetti tal-konglomerat li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali tar-rikorrenti mas-sussidjarji ta' GE, jiġifieri GECAS, GECCAG u GE Capital, ir-rikorrenti titratta fil-fond l-aspett tal-possibbiltà ta' finanzjament reċiproku minħabba s-saħħa finanzjarja ta' GE Capital. Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata ċerta influwenza fuq l-għażliet magħmula mill-klijenti bil-għan li jiffavorixxu l-magni ta' ĠE u l-prodotti avjoniċi u mhux avjoniċi tar-rikorrenti, din, wara li tiddeskrivi fil-qasir din it-teżi tal-Kummissjoni, issostni, fil-punt 43 tar-rikors tagħha, li: "Din it-teorija tant mhijiex verusimili li m'aħna ser inżidu xejn aktar fir-rigward ta' dan is-suġġett f'dan ir-rikors." Peress illi r-rikorrenti ma tressaq ebda argument sabiex tikkontesta l-mertu tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-influwenza ta' GECAS u GECCAG bħala xerrejja ta' l-ajruplani, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala fondati għall-finijiet ta' din il-kawża.

–       Overlap orizzontali fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani tan-negozju

119   Fil-punti 31 sa 37 tar-rikors ir-rikorrenti għamlet kummenti dettaljati fejn ikkontestat, b'mod partikolari, id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni tibbaża fuq iċ-ċifri relatati mal-partijiet tas-suq. Minkejja l-fatt li din ir-raġuni tidher taħt it-titolu "Sommarju tad-deċiżjoni", għandu jiġi kkonstatat li l-elementi ta' fatt u ta' dritt imressqa f'dan ir-rigward fir-rikors tagħha huma biżżejjed sabiex jikkostitwixxu raġuni li jekk tkun fondata tista' tinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti f'dan is-suq, b'mod partikolari minħabba l-effetti anti-kompetittivi orizzontali li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni.

 Konklużjoni

120   Ir-rikorrenti ma kkontestatx diversi mill-argumenti awtonomi li jikkostitwixxu l-bażi tal-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni. B'mod partikolari, hija ma kkontestatx il-konstatazzjoni dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta' GE fuq is-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar, u lanqas dik dwar il-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fuq is-suq għat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar, minħabba l-overlaps orizzontali bejn l-attivitajiet taż-żewġ impriżi. Hija lanqas ikkontestat il-konstatazzjoni dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta' GE fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani kummerċjali kbar minħabba l-integrazzjoni vertikali ta' l-attività ta' manifattura ta' l-istarters tar-rikorrenti u dik ta' manifattura ta' l-imsemmija magni ġett.

121   Għaldaqstant, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li mhumiex ikkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala fondati għall-finijiet ta' din il-kawża. Meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni n-natura marbuta iżda awtonoma ta' l-elementi tar-raġunament in kwistjoni, b'mod illi kull wieħed minnhom waħdu jista', fil-prinċipju, jiġġustifika l-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kienet neċessarjament tipprojbixxi l-konċentrazzjoni anke fil-każ li fid-deċiżjoni kkontestata kienet tikkunsidra biss il-konstatazzjonijiet dwar l-effetti anti-kompetitivi li mhumiex ikkontestati fil-każ in eżami. B'mod partikolari, la mill-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta li t-teżi tal-Kummissjoni dwar l-inkompatibbiltà ta' l-operazzjoni nnotifikata mas-suq komuni kienet ibbażata esklużivament jew almenu essenzjalment fuq l-analiżi tagħha tal-bejgħ marbut.

122   Konsegwentement, ir-raġunijiet mressqa mir-rikorrenti kkunsidrati bħala ammissibbli u, jekk wieħed jassumi li huma fondati, li jaffettwaw il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw il-bejgħ marbut, is-sussidjar reċiproku u l-effetti orizzontali fis-suq ta' l-ajruplani tan-negozju, huma bla effett peress illi ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta' din il-kawża.

123   Isegwi li, anke fil-każ li r-raġunijiet ta' dritt u dawk imressqa mir-rikorrenti fil-każ in eżami huma fondati, dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta' din il-kawża.

2.     Ksur tad-drittijiet proċedurali

 Argumenti tal-partijiet

124   Ir-rikorrenti ressqet raġuni bbażata fuq l-allegat ksur tad-drittijiet ta' difiża. Hija essenzjalment issostni li meta għall-ewwel darba introduċiet il-kunċetti ta' sussidjar reċiproku bejn l-attivitajiet differenti ta' l-entità l-ġdida u ta' prezzijiet esaġerati fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kissret id-drittijiet tagħha ta' difiża.

125   Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li dawn iż-żewġ aspetti tal-kawża ġew imqajma, fil-qasir, fil-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tat-8 ta' Mejju 2001 u li, fi kwalunkwe każ, ma setgħux jikkwalifikaw bħala kontestazzjonijiet awtonomi.

 Kunsiderazzjonjiet tal-Qorti

126   Għandu jiġi rrilevat li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża invokat fil-każ in eżami huwa esklussivament fir-rigward ta' l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kkontestat fil-kuntest ta' raġunijiet oħra, jiġifieri l-bejgħ marbut u l-issussidjar reċiproku. Għaldaqstant, anke jekk wieħed jassumi li din ir-raġuni hija fondata, huwa jista' jdgħajjef biss ir-raġunament tal-Kummissjoni li dawn ir-raġunijiet huma wkoll diretti kontrih. Għalhekk din ir-raġuni ma jista' jkollha ebda effett fuq l-argumenti l-oħra li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

127   Għaldaqstant, dan l-argument bla effett bl-istess mod u għall-istess raġunijiet bħall-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

128   Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ kunċetti in kwistjoni ġew imsemmija fil-qasir fil-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u li huma strettament marbuta ma' elementi oħra li kienu s-suġġett ta' espożizzjoni dettaljata li saret fiha, b'mod illi m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kontestazzjonijiet awtonomi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti setgħet tiddefendi lilha nnifisha fir-rigward ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet.

 Konklużjoni

129   F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress illi r-rikorrenti ma kkontestatx l-argumenti kollha li jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, bażi legali u ta' fatt suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata, u anke jekk wieħed jassumi li r-raġunijiet kollha validament imressqa mir-rikorrenti huma fondati, ir-rikors tagħha ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta' din il-kawża.

130   Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

131   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-parti rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha u l-konvenuta, kif ukoll il-partijiet intervenjenti, Rolls-Royce u Rockwell, talbu biex il-parti rikorrenti tbati l-ispejjeż, din ta' l-aħħar għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-konvenuta u tal-partijiet intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeciedi li :

1)      Ir-rikors għandu jiġi miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-partijiet intervenjenti

Pirrung

Tiili

 Meij

Vilaras

 

 Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Diċembru 2005.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Deċiżjoni kkontestata

Proċedura

Talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-portata tar-rikors u l-iskop tal-kawża

Argumenti tal-partijiet

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

Introduzzjoni

Fuq ir-referenza għar-raġunijiet imqajma fil-kawża T-210/01

Fuq it-talba għat-tgħaqqid tal-kawżi

Fuq in-natura invalida tar-raġunijiet imressqa f'din il-kawża

Fuq il-portata tar-rikors

–  Overlap orizzontali fuq is-suq tal-magni ġett għal ajruplani reġjonali kbar

–  Overlap orizzontali fuq is-suq tat-turbini żgħar li jaħdmu bil-gass tal-baħar

–  Integrazzjoni vertikali ta' l-attivitajiet ta' manifattura ta' l-istarters

–  Effetti tal-konglomerat li jirriżultaw mill-integrazzjoni vertikali

–  Overlap orizzontali fis-suq tal-magni ġett għal ajruplani tan-negozju

Konklużjoni

2.  Ksur tad-drittijiet proċedurali

Argumenti tal-partijiet

Kunsiderazzjonjiet tal-Qorti

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.