Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2023 – BW vs Europol u Eurojust

(Kawża T-1180/23)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: BW (rappreżentant: J. Reisinger, avukat)

Konvenuti: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara bħala illegali u nulli l-atti kollha ta’ Europol u ta’ Eurojust intiżi għall-konklużjoni u għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tat-13 ta’ Diċembru 2019 dwar l-Istabbiliment ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SIK”) kif ukoll il-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u l-kondiviżjoni minn dawn l-aġenziji ta’ data mis-servizz ta’ komunikazzjoni crypto “Sky ECC”, irrispettivament minn jekk dawn twettqux skont dan il-ftehim;

tiddikjara bħala inapplikabbli l-Ftehim SIK u l-atti ta’ Europol u ta’ Eurojust marbuta miegħu;

talloka danni ta’ ammont ta’ EUR 50 000 għad-dannu mġarrab minħabba l-Ftehim SIK u l-atti marbuta miegħu;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità u n-natura sproporzjonata tal-ġbir u tal-ipproċessar ta’ data ġenerali u ta’ data personali. Ir-rikorrent isostni li, fil-kuntest tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data “Sky ECC”, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ neċessità u ta’ proporzonalità tal-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ smigħ u ta’ “hacking” tal-utenti kollha ta’ Sky, kien hemm ksur tal-Artikoli 18, 28 u 38 tar-Regolament 2016/794 moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 50 tal-istess regolament, tal-Artikoli 9, 26 u 27 tar-Regolament 2018/1727 u tal-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament 2018/1725, kif ukoll tad-dispożizzjonijet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt tal-ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari tal-Artikoli 7, 8 u 10 sa 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikoli 51 u 52 tagħha, tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u tal-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR).

It-tieni motiv huwa bażat fuq l-assenza tal-possibbiltà li jiġi vverifikat l-isfruttament tal-provi li joriġinaw mill-operazzjoni Sky ECC u l-assenza ta’ garanziji formali u materjali li jikkonċernaw l-użu ta’ dawn il-provi f’kawżi kriminali, u għalhekk hemm ksur tad-dritt tar-rikorrent għal smigħ xieraq ta’ proċeduri kriminali.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq proċeduri doppji kontra r-rikorrent u/jew l-assenza ta’ koordinazzjoni b’rabta mal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent. Minkejja r-rieda ta’ żvolġiment ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni u bejn l-Istati, liema żvolġiment jirriżulta mill-Ftehim SIK u mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, hemm proċeduri kontra r-rikorrent f’żewġ pajjiżi differenti, jiġifieri l-Pajjiżi l-Baxxi u s-Serbja.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza, fil-kuntest tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data Sky ECC, tas-sigurtà adegwata li jeżiġu r-regolamenti invokati mir-rikorrent. Fil-każ li jitqies li jista’ jkun hemm lok għal ġbir u pproċessar leali u legali ta’ data personali, din id-data, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 32 tar-Regolament 2016/794 u mill-Artikolu 92 tar-Regolament 2018/1725, għandha tibbenefika minn sigurtà adegwata. F’dan il-każ, ma jistax jingħad li hemm tali sigurtà.

____________