Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2021 – Wizz Air Hungary vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-332/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: E. Vahida, S. Rating u I. G. Metaxas Maranghidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta, tat-2 ta’ Ottubru 2020, dwar Għajnuna mill-Istat SA.56810 (2020/N) – ir-Rumanija – COVID-19 : Għajnuna lil TAROM 1  ; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta applikat ħażin l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna fir-rigward tad-dannu kkawżat mill-kriżi tal-COVID-19.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew li rregolaw il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea sa mill-aħħar tat-tmeninijiet (jiġifieri n-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, applikati għat-trasport bl-ajru bir-Regolament Nru 1008/2008 2 , u l-libertà ta’ stabbiliment)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma nidietx proċedura ta’ investigazzjoni uffiċjali minkejja diffikultajiet serji u injorat id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta naqset mill-obbligu tagħha li tagħti l-motivi tad-deċiżjoni tagħha.

____________

1     ĠU 2021, C 94, p. 1.

2     Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).