Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awwissu 2008 - BVGD vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-339/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Belgische Vereniging van handelaars in- en uitvoerders geslepen diamant (BVGD) (Antwerp, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u C. Ronzi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ġunju 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment ppreżentat mir-rikorrenti, dwar il-kwistjoni tal-preklużjoni tad-dħul, minħabba li mhemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex tittieħed azzjoni abbażi tagħha (każ COMP/39.221/E-2-De Beers/DTC Supplier of Choice)

Tordna lill-Kummissjoni tipprovdi:

verżjoni xierqa u utli tar-risposti mogħtija minn De Beers u Alrosa lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-hekk imsejħa "proċedura supplementari"

il-verżjonijiet kollha mhux kunfidenzjali tal-ilmenti u tad-dokumenti relatati magħhom mibgħuta lill-Kummissjoni rigward is-SOC u l-Ftehim Amministrattiv tal-Kummerċ bejn De Beers u Alrosa;

il-verżjonijiet kollha mhux kunfidenzjali tad-dokumenti tal-inkjesta dwar is-SOC u l-Ftehim Amministrattiv tal-Kummerċ bejn De Beers u Alrosa;

ir-rikors ippreżentat minn Alrosa fil-kawża T-170/06;

id-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet li tirreferi għalihom fid-"deċiżjoni ta' ċaħda supplementari";

ir-rapporti annwali dwar l-impenji mfassla mill-mandatarju;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara li l-Qorti tal-Prim'Istanza annullat, fil-11 ta' Lulju 2007, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2006 (Kawża T-170/06 Alrosa vs Il-Kummissjoni), il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura supplementari abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, sabiex tevalwa l-impatt possibbli tal-annullament tad-deċiżjoni ta' impenn fuq il-konklużjoni ġenerali dwar il-preklużjoni tad-dħul kif ipprovduta fid-deċiżjoni tas-26 ta' Jannar 2007 (2007)D/200338 (każ COMP.39.221/E-2-De Beers/DTC Supplier of Choice) li ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti li ġie ippreżentat quddiem il-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2005 u li kien jallega ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE, b'konnessjoni mas-sistema Supplier of Choice (Fornitur Magħżul) għad-distribuzzjoni ta' djamanti mhux maħdumin, applikata mill-grupp De Beers (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ċaħda"). Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrenti permezz ta' rikors li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' April 2007, u li attwalment huwa s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża T-104/071.

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni supplementari tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ġunju 2008 (2008)D/203543 skont ir-Regolament (KE) Nru 773/20042 li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li mhemmx raġunijiet sabiex tevalwa mill-ġdid id-deċiżjoni taċ-ċaħda, safejn, fir-rigward tal-preklużjoni tad-dħul, ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri fuq l-allegat ksur.

Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħha:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 mhuwiex il-bażi legali korretta għall-proċedura supplementari u għad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ssostni li l-imsemmija dispożizzjoni ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid sitwazzjoni imma tittratta biss iċ-ċaħda ta' lmenti u f'dan ir-rigward tawtorizza lill-Kummissjoni li tinforma lill-persuna li tippreżenta l-ilment li mhemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex tittieħed azzjoni fuq l-ilment, li tistabbilixxi terminu li fih il-persuna li tippreżenta l-ilment tista' tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-prinċipji ġenerali dwar ir-revoka retroattiva ta' atti amministrattivi.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali li hija għandha skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 peress li r-rikorrenti ma setgħetx teżerċita d-dritt tagħha ta' aċċess għad-dokumenti li abbażi tagħhom il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni provviżorja. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li l-aċċess limitat għal fajl seta' kien iġġustifikat mill-bżonn li tiġi ggarantita l-protezzjoni ta' kunfidenzjalità li hija implikata f'sigrieti kummerċjali.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 2 u 3 KE u l-kunċett ta' interess Komunitarju, kif ukoll l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________

1 - ĠU 2007 C 129, p. 18

2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b'referenza għaż-ŻEE) (ĠU 2004 L 123, p. 18)