Language of document : ECLI:EU:T:2010:354

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

7 ta’ Settembru 2010 (*)

“Rikors għal annullament – Ambjent u protezzjoni tas-saħħa umana – Klassifikazzjoni, ippakjar u ttikkettjar ta’ ċerti borati bħala sustanzi perikolużi – Direttiva 2008/58/KE – Direttiva 67/548/KEE – Regolament (KE) Nru 790/2009 – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Adattament tat-talbiet – Applikazzjoni ratione temporis tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-539/08,

Etimine SA, stabbilita f’Bettembourg (il-Lussemburgu),

u

AB Etiproducts Oy, stabbilita f’Espoo (il-Finlandja),

irrappreżentati minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Borax Europe Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Nordlander, avukat, u S. Kinsella, solicitor,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u D. Kukovec, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali, minn naħa, tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l‑ittikkettjar tas-sustanzi perikolużi (ĠU L 246, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il‑klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 235, p. 1), sa fejn dawn l-atti jemendaw il-klassifikazzjoni ta’ ċerti borati,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi (Relatur), A. W. H. Meij, M. Vilaras, N. J. Forwood, E. Martins Ribeiro, O. Czúcz, I. Wiszniewska-Białecka, I. Pelikánová, E. Cremona, I. Labucka, S. Frimodt Nielsen u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, Etimine SA u AB Etiproducts Oy, jikkontestaw il-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ ċerti borati bħala sustanzi perikolużi (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjonijiet ikkontestati”) li kienet, għall-ewwel, dehret fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l‑ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), qabel ma dehret fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il‑klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1).

2        Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati kienu ġew introdotti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awwissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE (ĠU L 246, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”), u ġew riprodotti, mill-25 ta’ Settembru 2009, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament Nru 1272/2008 (ĠU L 235, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u FUE

3        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE:

“Kull persuna fisika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.”

4        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE:

“Kwalunkwe persuna fisika jew ġuridika tista’, taħt il- kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.”

 Id-Direttiva 67/548

5        Id-Direttiva 67/548, kif emendata b’mod partikolari bid-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta’ April 1992, li temenda għas-seba’ darba d-Direttiva 67/548/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 155), u bid-Direttiva 2006/121/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, p. 850), tiffissa regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti “sustanzi”, definiti bħala “elementi kimiċi u l‑komposti tagħhom fi stat naturali jew miksuba b’kull proċess ta’ produzzjoni, inkluż kull addittiv meħtieġ biex tkun preservata l-istabbilità tal-prodotti u kull impurità riżultanti mill-proċess użat, imma bl-esklużjoni ta’ kull solvent li jista’ jkun separat mingħajr ma jaffettwa l-istabbilità tas-sustanza jew ibiddel il‑komposizzjoni tagħha”.

6        Għal dan il-għan, id-Direttiva 67/548 twettaq, skont l-Artikolu 4(1) tagħha, klassifikazzjoni tas-sustanzi, skont il-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom, fil-kategoriji previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha. Il-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala “perikoluża” fl-Anness I ta’ din id-direttiva timplika, bħala rekwiżit preliminari għall-kummerċjalizzazzjoni tagħha, it-twaħħil fuq l-ippakkjar tagħha ta’ ttikkettjar obbligatorju li jinkludi b’mod partikolari s-simboli tal-perikoli li jinvolvi l-użu tas-sustanza u frażijiet standard li jindikaw, minn naħa, ir-riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-perikoli tal-użu tas-sustanza u, min-naħa l-oħra, l-avviżi ta’ prudenza fir-rigward tal-użu tagħha.

7        Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 67/548, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament Nru 1272/2008:

“L-Anness I għandu l-lista ta’ sustanzi klassifikati skond il-prinċipji delineati fil-paragrafi 1 u 2, flimkien mal-klassifikazzjoni armonizzata u l-ittikkettjar tagħhom. Id-deċiżjoni biex sustanza titqiegħed fl-Anness I, [li jirriproduċi l-lista ta’ sustanzi kklassifikati skont il-prinċipji delineati fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu,] flimkien mal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati għandha tittieħed skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29 [tal-imsemmija direttiva].”

8        L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 67/548 jipprovdi li “[l]-prinċipji ġenerali tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi u preparazzjonijiet għandhom ikunu applikati skond il-kriterji fl-Anness VI, ħlief meta ħtiġiet kuntrarji għall-preparazzjonijiet perikolużi huma speċifikati f’Direttivi separati.”

9        Il-punt 1.2 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Dan l-anness jelenka l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-klassifikazzjoni u l‑ittikkettjar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva […]

Dan jirrigwarda kull persuna kkonċernata (manifatturi, importaturi, awtoritajiet nazzjonali) mill-metodu ta’ klassifikazzjoni u ttikkettjar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 4.1.2 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Jekk manifattur, distributur jew importatur ikollu informazzjoni li tindika li sustanza għandha tkun suġġetta għal klassifikazzjoni u ttikkettjar skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 4.2.1, 4.2.2 jew 4.2.3, huwa għandu jwaħħal ittikkettjar proviżorju fuq is-sustanza skont dawn il-kriterji, abbażi tal-evalwazzjoni tal-provi ta’ persuna kompetenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont il-punt 4.1.3 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548, “[i]l-manifattur, id‑distributur jew l-importatur għandu fl-iqsar żmien possibbli jippreżenta, lill-Istat Membru fejn sustanza titqiegħed fis-suq, dokument li jiġbor fil-qosor l‑informazzjoni kollha riġward din is-sustanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-punt 4.1.4 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Barra minn hekk, manifattur, distributur jew importatur li jkollu informazzjoni ġdida rigward il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta’ sustanza skont ir-rekwiżiti indikati fil-punti 4.2.1, 4.2.2 jew 4.2.3 għandu jgħaddi l-imsemmija informazzjoni lill-Istat Membru fejn tiġi kkumerċjalizzata s-sustanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Il-punt 4.1.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548 jipprovdi:

“Sabiex tintlaħaq, l-iktar malajr possibbli, klassifikazzjoni uniformi fil-Komunità permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni li tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ sustanza f’waħda minn dawn il-kategoriji, kemm jekk din l-informazzjoni ġiet ipprovduta mill-manifattur u anki jekk le, għandhom fl-iqsar żmien possibbli jibagħtu l-imsemmija informazzjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma’ proposti ta’ klassifikazzjoni ta’ ttikkettjar.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri l-oħra l-proposti ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li tirċievi. Kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni l-komunikazzjoni tal-informazzjoni mibgħuta lilha.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548

14      Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 67/548, l-emendi meħtieġa għall-adattament tal-annessi tagħha għall-progress tekniku għandhom jiġu deċiżi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 29. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jadatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 335), il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun megħjuna minn kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skont l-opinjoni tal-kumitat. Min-naħa l-oħra l-Artikolu 5(4) ta’ din id‑deċiżjoni jipprovdi li, meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skont l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tinforma lill-Parlament Ewropew.

 Tħassir, emendar u bdil parzjali tad-Direttiva 67/548 bir-Regolament Nru 1272/2008

15      Mill-20 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva 67/548 ġiet parzjalment imħassra, emendata u mibdula bir-Regolament Nru 1272/2008. Dan ir-regolament huwa, b’mod partikolari, intiż li jimplementa sistema ġenerali armonizzata ta’ klassifikazzjoni u ttikkettjar tal-prodotti kimiċi, kif elaborata fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (premessi 5 sa 8 tar-Regolament Nru 1272/2008).

16      Filwaqt li l-Artikolu 55(11) tar-Regolament Nru 1272/2008 jipprovdi li “l‑Anness I [tad-Direttiva 67/548] għandu jitħassar”, l-Anness VI tal-imsemmi regolament ma kienx jinkludi, meta daħal fis-seħħ, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, peress li l-proċedura ta’ adozzjoni tagħhom kienet iltaqgħet ma dewmien sostanzjali, iżda biss il-klassifikazzjonijiet introdotti fil-kuntest tal-adattamenti preċedenti tad-Direttiva 67/548 għall-progress tekniku, inklużi dawk previsti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE, tad-29 ta’ April 2004, li tadatta għall-progress tekniku għad-29 darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 448).

17      F’dan ir-rigward, il-premessa 53 tar-Regolament Nru 1272/2008 tipprovdi:

“Sabiex jittieħed kont sħiħ tal-ħidma u l-esperjenza akkumulata taħt id‑Direttiva 67/548[…], inklużi l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi speċifiċi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 67/548[…], il-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti kollha għandhom jiġu konvertiti fi klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda billi jintużaw kriterji ġodda. Barra minn hekk, peress li l‑applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament hija diferita u l-klassifikazzjonijiet armonizzati skond il-kriterji tad-Direttiva 67/548[…] huma rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet matul il-perijodu ta’ transizzjoni li jsegwi, il-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti kollha għandhom ukoll jitqiegħdu mhux mibdula f’anness għal dan ir-Regolament. Billi l-armonizzazzjonijiet tal-klassifikazzjonijiet futuri kollha jiġu soġġetti għar-Regolament, inkonsistenzi fil-klassifikazzjonijiet armonizzati ta’ l-istess sustanza taħt il-kriterji l-ġodda u dawk eżistenti għandhom jiġu evitati.”

18      L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi” fost l-oħrajn jipprovdi:

“1. Sustanza li tissodisfa l-kriterji mniżżla fl-Anness I għal dawn li ġejjin għandha normalment tkun soġġetta għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati skond l-Artikolu 37:

a)      sensitizzazzjoni respiratorja, kategorija 1 (Anness I, Taqsima 3.4);

b)      mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.5);

c)      karċinoġeniċità, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.6);

d)      tossiċità riproduttiva, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.7).

[…]”

19      Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Proċedura għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi”:

“1. Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tippreżenta lill-Aġenzija proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanzi u, fejn adatt, limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew fatturi M, jew proposta għal reviżjoni tagħhom.

[…]

2. Manifattur, importatur jew utent ‛downstream’ ta’ sustanza jistgħu jissottomettu lill-Aġenzija proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ dik is‑sustanza u, fejn ikun il-każ, limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jew fatturi-M, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm ebda entrata fil-Parti 3 ta’ l-Anness VI għal sustanza tali fir-rigward tal-klassi ta’ periklu jew id-differenzjazzjoni koperti minn dik il-proposta.

[…]

4. Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju ta’ l-Aġenzija stabbilit skond l‑Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 fi żmien 18-il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw. L-Aġenzija għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni.

5. Fejn il-Kummissjoni ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanza kkonċernata hija adatta, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien ma’ l-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar fit-Tabella 3.1 tal-Parti 3 ta’ l-Anness I u, fejn ikun il-każ, il-limiti ta' konċentrazzjoni speċifiċi jew fatturi M.

Entrata korrispondenti għandha tiġi inkluża fit-Tabella 3.2 tal-Parti 3 ta’ l‑Anness VI soġġetta għall-istess kondizzjonijiet, sal-31 ta’ Mejju 2015.

Dik il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir‑Regolament, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3) […]

6. Il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‛downstream’ li jkollhom informazzjoni ġdida li tista’ twassal għal bidla ta’ l-elementi ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanza fil-Parti 3 ta’ l-Anness VI għandhom jippreżentaw proposta […] lill-awtorità kompetenti f’wieħed mill-Istati Membri li fih is‑sustanza tqiegħdet fis-suq.”

20      Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku”:

“1. Il-Kummissjoni tista’ taġġusta u tadatta […] l-Annessi I sa VII għall-progress tekniku u xjentifiku, inkluż billi tieħu kont debitu ta’ l-iżvilupp ulterjuri [tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi …]. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 54(3) […]”.

21      Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Proċedura tal-Kumitat”:

“1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

[…]

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468[…], waqt li jitqies l-Artikolu 8 tagħha.

[…]”

22      L-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L  76M, p. 277) jirregola l‑“Proċedura regolatorja b’kontroll”, li fil-kuntest tagħha, skont l-Artikolu 5a(1) “[i]l-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna minn kumitat regolatorju b’kontroll kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni”. Skont l-Artikolu 5a(3) tal-imsemmija deċiżjoni, meta l-miżuri maħsuba jkunu konformi mal-opinjoni tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tqiegħed l-abbozz ta’ miżuri quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jiġi kkontrollat u tista’ tadotthom biss jekk, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu opponew l‑imsemmi abbozz. L-Artikolu 5a(4) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skont l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tresssaq quddiem il‑Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha, fl-istess ħin titrasmettiha lill-Parlament Ewropew.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

23      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93, tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il‑valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 212), kif emendat, jipprovdi, skont ir-raba’ premessa tiegħu, it-tqassim u l-koordinazzjoni tar-responsabbilitajiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-industrijalisti fil-qasam tal-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw is-sustanzi prodotti, importati u/jew użati mill-imsemmija industrijalisti. Għalhekk, l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament jimponu, fuq il‑manifatturi u l-importaturi tal-imsemmija sustanzi, l-obbligu li jikkomunikaw ċerta data rilevanti skont il-volum ta’ produzzjoni u ta’ importazzjoni.

24      Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 793/93, il-Kummissjoni għandha tħejji listi ta’ sustanzi li jeħtiġu evalwazzjoni prijoritarja tar-riskji. Għal kull waħda minn dawn is-sustanzi, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tinħatar bħala relatur għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija riskji għall-bniedem u għall-ambjent (Artikolu 10(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93).

25      F’dan irrigward, l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 793/93 jimponu, fuq il-manifatturi u l-importaturi, l-obbligu li jittrasmettu, jekk ikun il-każ, informazzjoni supplimentari jew li jwettqu testijiet sabiex tinkiseb kull data li tkun nieqsa u neċessarja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskji. Skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament, it‑testijiet jistgħu jitwettqu minn wieħed jew aktar manifatturi jew importaturi li jaġixxu f’isem il-manifatturi jew l-importaturi l-oħra kkonċernati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) tal-istess regolament, il-manifatturi u l-importaturi jistgħu jitolbu lir-relatur, fuq ġustifikazzjoni, biex huma jiġu eżentati minn uħud jew mit-testijiet kollha addizzjonali jew għaliex xi informazzjoni partikolari ma tkunx meħtieġa għall-evalwazzjoni tar-riskju, jew inkella għaliex ikun impossibli li din tinkiseb. Huma jistgħu wkoll jitolbu terminu itwal jekk iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan.

26      Wara l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji, ir-relatur jista’, jekk ikun il-każ, jipproponi strateġija u miżuri sabiex jiġu llimitati r-riskji identifikati (Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 793/93). Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u tal-istrateġija rrakkomandata mir-relatur, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta ta’ riżultati tal-evalwazzjoni tas-sustanzi prijoritarji sabiex jiġu limitati dawn ir-riskji għall-finijiet tal-adozzjoni tagħhom skont il-proċedura ta’ kumitat prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 793/93. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-istrateġija hekk irrakkomandata, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn meħtieġ, li tipproponi miżuri Komunitarji fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ restrizzjonijiet dwar in-negozju u l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi u preparazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 317), kif emendata, jew fil-kuntest ta’ strumenti oħra Komunitarji eżistenti u xierqa (Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93).

27      Ir-Regolament Nru 793/93 ġie mħassar u mibdul bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

28      Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan tar-Regolament REACH huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għal dan il-għan huwa jipprovdi dispożizzjonijiet relatati mas-sustanzi u l-preparazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 3 tiegħu, li huma applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq jew għall-użu ta’ dawn is-sustanzi, waħedhom jew kif jinsabu fi preparati jew f’oġġetti, u għat-tqegħid fis-suq ta’ preparati (Artikolu 1(2) tar-Regolament REACH). Għalhekk, skont l-Artikolu 1(3), ir‑Regolament REACH huwa bbażat kemm fuq il-prinċipju li jgħid li huma l‑manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream li għandhom jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq jew jużaw sustanzi li ma jkollhomx effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

29      Abbażi tar-regola “Ebda data, ebda suq”, stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament REACH, u tal-obbligi previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament, il‑manifatturi u l-importaturi, li l-produzzjoni jew l-importazzjoni tagħhom taqbeż il-kwantità ta’ tunnellata metrika fis-sena, huma obbligati li jinnotifikaw u li jitolbu r-reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Għal dan il-għan, skont l-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament REACH, huma għandhom jistabbilixxu dossier tekniku dettaljat li jinkludi informazzjoni fuq is-sustanza inkwistjoni, inkluż fuq il-manifattura, l-użu u l‑klassifikazzjoni tagħha kif ukoll fuq il-proprjetajiet intrinsiċi li għandhom, jekk meħtieġ, jiġu pprovati permezz ta’ testijiet xierqa u bir-riżultati ta’ studji rilevanti.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-rikorrenti u s-sustanzi kkonċernati

30      Waħda mir-rikorrenti, Etimine, hija kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż. Ir-rikorrenti l-oħra, Etiproducts, hija kumpannija rregolata mid-dritt Finlandiż. Ir‑rikorrenti jimportaw fl-Unjoni sustanzi abbażi ta’ borat li joriġinaw mill-minjieri tal-boron ta’ Emet, ta’ Kestelek, ta’ Bigadic u ta’ Kirka (it-Turkija) li huma operati mill-kumpannija parent tagħhom, Eti Mine Works General Management (iktar ’il-quddiem “Eti Mine Works”), kumpannija rregolata mid-dritt Tork kompletament ikkontrollata mill-Istat.

31      Etimine hija d-distributur esklużiv tal-imsemmija sustanzi fi ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir‑Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovejna, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq. Etiproducts hija d-distributur esklużiv ta’ dawn is-sustanzi f’seba’ Stati Membri oħra, jiġifieri r-Renju tad-Danimarka, ir‑Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir‑Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.

32      Ir-Repubblika tat-Turkija għandha riżervi importanti ta’ boron u hija, wara l-Istati Uniti tal-Amerka, it-tieni pajjiż produttur tal-aċidu boriku fid-dinja. Eti Mine Works, l-ikbar operatur tal-boron fid-dinja, għandha d-drittijiet esklużivi għall-operat tal-minjieri msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq. Dawn id-drittijiet ta’ operat ingħatawlha abbażi tal-Artikoli 6 u 24 tal-liġi Torka Nru 3213, tal-15 ta’ Ġunju 1985, fuq l-operat tal-minjieri (T. C. Resmî Gazete Nru 18785, tal-15 ta’ Ġunju 1985).

33      Fl-2007, Etimine importat fl-Unjoni, abbażi ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiv li jorbotha ma’ Eti Mine Works, madwar 245 500 tunnellata ta’ borati, jiġifieri madwar 44 000 tunnellata ta’ aċidu boriku, 189 000 tunnellata ta’ borax pentahydrate u 12 500 tunnellata ta’ borax decahydrate. Matul l-istess perijodu, Etiproducts importat, abbażi ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni analogu, madwar 85 700 tunnellata ta’ borati fl-Unjoni. Dawn l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-importazzjonijiet ta’ aċidu boriku, ta’ borax decahydrate u ta’ borax pentahydrate fl-Unjoni matul is-sena 2007.

 Il-Proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati

34      Fit-28 ta’ Jannar 1999, ir-Repubblika Franċiża ressqet quddiem il-Kummissjoni proposta intiża sabiex l-aċidu boriku jiġi kklassifikat, abbażi tad-Direttiva 67/548, fil-kategorija 2 tas-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni u għall-iżvilupp, li għaliha jikkorrispondu l-frażijiet R 60 (jista’ jaffettwa ħażin il-fertilità) u R 61 (jista’ jikkawża ħsara lit-trabi li għadhom ma twildux), peress li din is-sustanza kienet għadha mhux koperta mill-Anness I tad-Direttiva 67/548.

35      Fl-10 ta’ Frar 1999, ir-Renju tad-Danimarka ressaq proposta, imfassla mill-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent Daniża (Danish Environmental Protection Agency), li kienet intiża sabiex l-aċidu boriku u l-borax decahydrate jiġu kklassifikati, abbażi tad-Direttiva 67/548, fil-kategorija 2 tas-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, li għaliha tikkorrispondi l-frażi R 60 (jista’ jaffettwa ħażin il‑fertilità), u fil-kategorija 3 tas-sustanzi tossiċi għall-iżvilupp, li għaliha tikkorrispondi l-frażi R 63 (riskju possibbli ta’ ħsara lit-trabi li għadhom ma twildux).

36      Matul il-laqgħat tal-15 u tas-17 ta’ Novembru 2000, il-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni fuq il-klassifikazzjoni u t-tikkettjar tas-sustanzi perikolużi fi ħdan l‑Uffiċju Ewropew għas-sustanzi kimiċi (iktar ’il quddiem il-grupp ta’ ħidma C & E”) irrakkomanda li l-aċidu boriku jiġi kklassifikat, abbażi tad-Direttiva 67/548, fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 3 kemm għall-fertilità kif ukoll għall-iżvilupp. F’dak li jirrigwarda l-borax decahydrate u d-disodium tetraborate anhydrous, il-grupp ta’ ħidma C & E irrakkomanda klassifikazzjoni, abbażi tad-Direttiva 67/548, fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 3.

37      Fuq talba tad-Direttorat Ġenerali (DG) “Ambjent” tal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew għas-sustanzi kimiċi laqqa’ l-esperti speċjalizzati sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-borati, abbażi tad-Direttiva 67/548, skont it‑tossiċità tagħhom għar-riproduzzjoni. Matul il-laqgħa tal-5 u tas-6 ta’ Ottubru 2004, il-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni, kompost minn esperti speċjalizzati fil-qasam tat-tossiċità għar-riproduzzjoni, eżamina diversi sustanzi abbażi tal-borat, fosthom il-borax pentahydrate, il-boric oxide, l-aċidu boriku, il‑borax decahydrate u d-disodium tetraborate anhydrous, u, abbażi tal-istudji mwettqa fuq l-annimali, ikkonkluda li dawn is-sustanzi kellhom jiġu kklassifikati, abbażi tad-Direttiva 67/548, fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 2.

38      Fl-4 ta’ April 2005 nżammet laqgħa bejn l-awtoritajiet Torok, Etimine u l‑Kummissjoni li matulha l-awtoritajiet Torok ikkontestaw il-proposta li s-sustanzi abbażi tal-borat jiġu inklużi fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 2. Insostenn ta’ din il-kontestazzjoni, l-awtoritajiet Torok, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2005, bagħtu lid-DG “Ambjent” nota teknika mfassla mit-tossikoloġi Torok, li kienet ġiet ippreżentata oralment matul il-laqgħa tal-4 ta’ April 2005, kif ukoll rapport intitolat “Pożizzjoni tas-Soċjetà Torka ta’ tossikoloġija fuq il-klassifikazzjoni tal-aċidu boriku u tal-borati fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni”.

39      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2005 indirizzata lid-DG “Ambjent”, Etimine ikkontestat il-konklużjoni tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti speċjalizzati u talbet lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni tali konklużjoni.

40      Matul il-laqgħa tat-8 ta’ Settembru 2005, il-grupp ta’ ħidma C & E, flimkien mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Torok, ma’ Eti Mine Works u mat-tossikoloġi Torok, kompla jiddiskuti l-proposta ta’ klassifikazzjoni abbażi tad-Direttiva 67/548 tas-sustanzi abbażi tal-borat qabel ma ddeċieda li jsegwi l‑opinjoni tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti speċjalizzati u li jirrakkomanda li dawn is-sustanzi jiġu kklassifikati fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 2.

41      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2005, l-awtoritajiet Torok talbu lill-Kummissjoni tipposponi d-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni abbażi tad-Direttiva 67/548 tas-sustanzi abbażi tal-borat, b’mod partikolari sakemm jintemmu diversi studji li kienu għadhom qegħdin isiru.

42      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2005 indirizzata lid-DG “Ambjent”, Etimine rtirat it-talba tagħha intiża sabiex, matul it-tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548, is-sustanzi abbażi tal-borati ma jiġux ikklassifikati fost is‑sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 2.

43      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2005, id-DG “Ambjent” indika li huwa kien ħa debitament inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Etimine u rrisponda għal ċerti punti li din tal-aħħar kienet qajmet fl-ittra tagħha tat-8 ta’ April 2005.

44      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2006 indirizzata lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Torok esponew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward tal-proposta ta’ klassifikazzjoni abbażi tad-Direttiva 67/548 tas-sustanzi abbażi tal-borat.

45      Fis-16 ta’ Frar 2007, il-kumitat fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 67/548, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 1999/468 u mal-punt 1 tal-Anness III tar-Regolament Nru 807/2003 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), iddeċieda favur il-proposta ta’ direttiva li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-tletin darba d-Direttiva 67/548, li tinkludi l-proposta ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi abbażi tal-borat.

46      Fil-21 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni adottat id-direttiva kkontestata.

47      Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif ipprovduti fl-Anness 1 G tad-direttiva kkontestata, huma, essenzjalment, kif ġej:

“Numru tal-indiċi

Sustanza kimika

Klassifikazzjoni

Ittikkettjar

[…]

[…]

[…]

[…]

005-007-00-2

boric acid; […] boric acid, crude natural, containing not more than 85 per cent of H3BO3 calculated on the dry weight […]

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-008-00-8

iboron trioxide; boric oxide

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-00-4

disodium tetraborate, anhydrous; boric acid, disodium salt; […] tetraboron disodium heptaoxide, hydrate; […] orthoboric acid, sodium salt […]

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-01-1

disodium tetraborate decahydrate; borax decahydrate

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-02-9

disodium tetraborate pentahydrate; borax pentahydrate

Repr. Cat. 2 ; R 60‑61

T R : 60-61 S : 53-45

[…]

[…]

[…]

[…]”


48      Fl-10 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1272/2008.

49      Permezz tar-regolament ikkontestat, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati ddaħħlu fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 b’effett mill-25 ta’ Settembru 2009.

50      Il-premessi 1 sa 3 tar-regolament ikkontestat jipprovdu:

“1. Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 fiha żewġ listi ta’ klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi. It-Tabella 3.1 telenka l-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Partijiet 2 sa 5 tal-Anness I għar-Regolament […] Nru 1272/2008. It-Tabella 3.2 telenka l-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi bbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva […] 67/548[…]. Dawn iż-żewġ listi jeħtieġ li jkunu emendati sabiex jinkludu l-klassifikazzjonijiet aġġornati għas-sustanzi li huma diġà suġġetti għall-klassifikazzjoni armonizzata u biex jinkludu klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitħassru r-reġistrazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi.

2. Jeħtieġ li jkun emendat l-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 sabiex jirrifletti l-emendi li ġew adottati reċentament fl-Anness I għad-Direttiva 67/548[…] introdotti bid-Direttiva [kkontestata …] u bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/2/KE tal-15 ta’ Jannar 2009 li temenda, bil-għan li tadattaha għall-progress tekniku, għall-31 darba, id-Direttiva […] 67/548[…]. Dawk il‑miżuri jikkostitwixxu adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku fi ħdan it‑tifsira tal-Artikolu 53 tar-Regolament […] Nru 1272/2008.

3. Il-Premessa (53) tar-Regolament […] Nru 1272/2008 tisħaq fuq il-fatt li għandhom ikunu kkunsidrat bis-sħiħ ix-xogħol u l-esperjenza akkumulati taħt id‑Direttiva 67/548[…], inklużi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva”.

51      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Il-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008 hija emendata kif ġej:

Tabella 3.1 hija emendata kif ġej:

a)      l-entrati li jikkorrispondu mal-entrati stipulati fl-Anness I għandhom jinbidlu bir-reġistrazzjonijiet stipulati f’dak l-Anness;

b)      Ir-reġistrazzjonijiet stipulati fl-Anness II għandhom jiddaħlu f’konformità mal-ordni tal-entrati stipulat fit-Tabella 3.1;

[…]

It-Tabella 3.2 hija emendata kif ġej:

a)      L-entrati li jikkorrispondu mal-entrati stipulati fl-Anness IV għandhom jinbidlu bir-reġistrazzjonijiet stipulati f’dak l-Anness;

b)      L-entrati stipulati fl-Anness V għandhom jiddaħlu f’konformità mal-ordni tal-entrati stipulat fit-Tabella 3.2;

[…]”

52      Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat:

“1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l‑pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2010.

3. Il-klassifikazzjonijiet armonizzati stipulati fil-Parti 3 tal-Anness VI għar-Regolament […] Nru 1272/2008, kif emendat b’dan ir-Regolament, jistgħu jkunu applikati qabel l-1 ta’ Diċembru 2010.”

53      Il-klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif riprodotti fl-Annessi II u V tar-regolament ikkontestat huma, essenzjalment, kif ġej:

"Anness II

Nru tal-Indiċi

Identifikazzjoni Kimika Internazzjonali

Klassifikazzjoni

Tikkettjar

  

Kodiċi(jiet) tal-klassi u l-kategorija tal-periklu

Kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu

Kodiċi(jiet) tal-pittogrammi, twissijiet

Kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

005-007-00-2

boric acid; […] boric acid, crude natural, containing not more than 85 per cent of H3BO3 calculated on the dry weight […]

Repr. 1B

H360FD

GHS08 Dgr

H360FD

005-008-00-8

diboron trioxide; boric oxide

Repr. 1B

H360FD

GHS08 Dgr

H360FD

005-011-00-4

disodium tetraborate, anhydrous; boric acid, disodium salt; […] tetraboron disodium heptaoxide, hydrate; […] orthoboric acid, sodium salt […]

Repr. 1B

H360FD

GHS08 Dgr

H360FD

005-011-01-1

disodium tetraborate decahydrate; borax decahydrate

Repr. 1B

H360FD

GHS08 Dgr

H360FD

005-011-02-9

disodium tetraborate pentahydrate; borax pentahydrate

Repr. 1B

H360FD

GHS08 Dgr

H360FD

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…] ”


“Anness V

Nru tal-Indiċi

Identifikazzjoni Kimika Internazzjonali

Klassifikazzjoni

Tikkettar

[…]

[…]

[…]

[…]

005-007-00-2

boric acid; […] boric acid, crude natural, containing not more than 85 per cent of H3BO3 calculated on the dry weight […]

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-008-00-8

diboron trioxide; boric oxide

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-00-4

disodium tetraborate, anhydrous; boric acid, disodium salt; […] tetraboron disodium heptaoxide, hydrate; […] orthoboric acid, sodium salt […]

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-01-1

disodium tetraborate decahydrate; borax decahydrate

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

005-011-02-9

disodium tetraborate pentahydrate; borax pentahydrate

Repr. Cat. 2 ; R 60-61

T R : 60-61 S : 53-45

[…]

[…]

[…]

[…] »


 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti.

55      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2009, ir-Renju tad-Danimarka talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tas-7 ta’ Lulju 2009, il-President tat-Tielet Alwa tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba għal intervent.

56      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Registru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2009, Borax Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Borax”), kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li timmanifattura u tikkumerċjalizza l-borati, talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tas-7 ta’ Lulju 2009, il‑President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba għal intervent.

57      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-11 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u ressqet talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 113 tal-istess regolament. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l‑eċċezzjoni u fuq din it-talba fit-30 ta’ April 2009. Borax ippreżentat, fl-24 ta’ Awwissu 2009, nota ta’ intervent limitata għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà.

58      Fir-rikors promotur u fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, jitolbu lil-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        prinċipalment, tannulla l-entrati tat-tabella tal-Anness 1 G tad-direttiva kkontestata li jirrigwardaw is-sustanzi segwenti:

–        boric acid u boric acid, crude natural (Nru tal-indiċi 005‑007‑00‑2);

–        diboron trioxide; boric oxide (Nru tal-indiċi 005‑008‑00‑8);

–        disodium tetraborate anhydrous, boric acid, disodium salt, tetraboron disodium heptaoxide, hydrate, orthoboric acid u sodium salt (Nru tal-indiċi 005‑011‑00‑4);

–        disodium tetraborate decahydrate u borax decahydrate (Nru tal-indiċi 005‑011‑01‑1);

–        disodium tetraborate pentahydrate u borax pentahydrate (Nru tal-indiċi 005‑011‑02‑9);

–        sussidjarjament, tannulla l-entrati fit-tabella tal-Anness 1 G tad-direttiva kkontestata li jirrigwardaw is-sustanzi segwenti:

–        diboron trioxide u boric oxide (Nru tal-indiċi 005‑008‑00‑8);

–        disodium tetraborate anhydrous, boric acid, disodium salt, tetraboron disodium heptaoxide, hydrate, orthoboric acid u sodium salt (Nru tal-indiċi 005‑011‑00‑4)

–        disodium tetraborate decahydrate u borax decahydrate (Nru tal-indiċi 005‑011‑01‑1);

–        disodium tetraborate pentahydrate u borax pentahydrate (Nru tal-indiċi 005‑011‑02‑9);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

59      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors minħabba li sar mingħajr suġġett;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

60      Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 u fit-30 ta’ Novembru u fit-8 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti talbu, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li jiġu awtorizzati jadattaw it-talbiet u l‑motivi tagħhom għal annullament sabiex dawn jinkludu wkoll il‑klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif riprodotti fir-regolament ikkontestat.

61      Fit-talba tagħhom għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti, sostnuti min-Borax, essenzjalment jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li r-rikors, fil-verzjoni tiegħu skont it-talba ta’ adattament, huwa ammissibbli u fondat;

–        tilqa’ t-talba tagħhom sabiex it-talbiet u l-motivi tagħhom għal annullament jiġu adattati b’tali mod li jinkludu wkoll l-entrati fit-tabelli tal-Annessi II u V tar-regolament ikkontestat li jikkorrispondu għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx qed topponi t-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, filwaqt li speċifikat li dan jippresupponi li t-talba għal adattament tressqet qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-regolament ikkontestat.

63      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2009, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza l-adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annullament.

64      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, sostnew, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li r-rikors tagħhom kien, f’kull każ, ammissibbli minħabba d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data, il‑Kummissjoni kkontestat il-pożizzjoni meħuda mir-rikorrenti.

65      Skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali, fl-14 ta’ Jannar 2010 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż (Awla Manja) sabiex tiġi deċiża l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Id-dritt

66      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet hekk titlob, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

67      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha informazzjoni suffiċjenti u tagħżel li tiddeċiedi, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali, permezz ta’ digriet motivat.

 Fuq l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

68      Il-Kummissjoni tqis li l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 FUE ma hijiex applikabbli għal din il-kawża.

69      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument ta’ meta ssir il-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, jekk l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tiġi applikata għal rikorsi ppreżentati qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, dan iġib miegħu konsegwenzi arbitrarji skont jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċidix qabel jew wara din id-data.

70      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE japplika biss fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati wara t-30 ta’ Novembru 2009. F’dan il-każ, peress li r-rikors promotur tressaq fil-5 ta’ Diċembru 2008, u peress li t-talba għall-adattment tat-talbiet u tal-motivi għal annullament tressqet fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 263 TFUE ma jaffettwax il-preżenti proċedura.

71      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, isostnu li l-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona huma applikabbli għall-din il-kawża. Dan jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 1 TUE u tal-Artikolu 19(1) u (3)(a) TUE. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona ma tipprovdi li r-regoli tat-Trattat KE għandhom ikomplu japplikaw matul perijodu transitorju wara l-1 ta’ Diċembru 2009. Għalhekk, il‑qrati tal-Unjoni huma obbligati li japplikaw r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, inklużi r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà ta’ rikors intiż li jikkontesta l-legalità ta’ att leġiżlattiv, għall-kawżi li kienu pendenti fl-1 ta’ Diċembru 2009.

72      Konsegwentement, wara d-dħul fis-seħħ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-talba għal annullament parzjali mressqa mir-rikorrenti kontra l-atti kkontestati hija ammissibbli, mingħajr ma huma għandhom juru li huma kkonċernati individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

73      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tar-regolament ikkontestat, it‑terminu għall-preżentata ta’ rikors, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, skada fit-30 ta’ Novembru 2009, jiġifieri meta kien għadu fis-seħħ it-Trattat KE, u li r-rikorrenti ppreżentaw it-talba tagħhom għal adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħhom għal annulament qabel din id-data. Għalhekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 263 TFUE, fl-1 ta’ Diċembru 2009, kull talba għal annullament imressqa kontra r-regolament ikkontestat kienet tkun, f’kull każ, inammissibbli minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tiegħu, li jirriproduċi l-kliem tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar u iktar, mutatis mutandis, għat-talba għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata mressqa fil-5 ta’ Diċembru 2008.

74      Il-pożizzjonijiet tal-partijiet huma differenti f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari l-aħħar parti tas-sentenza tiegħu, japplikax ratione temporis għal din il-kawża. B’mod partikolari, ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, jikkunsidraw li r-rekwiżiti ta’ ammissibblità emendati li huwa jipprovdi fir-rigward tar-regolamenti huma applikabbli immedjatament u, għaldaqstant, jagħmlu t-talba tagħhom għal annullament parzjali tal-atti kkontestati ammissibbli, mingħajr ma huma għandhom juru li ġew affettwati individwalment mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal din il-kawża peress li l-ammissibbiltà tar-rikorsi għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li kienu fis-seħħ meta ġie ppreżentat ir-rikors.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma jipprovdi ebda dispożizzjoni tranżitorja speċifika li tirregola l-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwiex applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti fl-1 ta’ Diċembru 2009.

76      F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem qorti tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1971, Henck, 12/71, Ġabra p. 743, punt 5), il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 1973, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, 60/72, Ġabra p. 489, punt 4; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Frar 2008, Kozlowski, C‑66/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 7), u li, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta tiġi ppreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja, tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Marzu 2002, Shaw u Falla vs Il‑Kummissjoni, T‑131/99, Ġabra p. II‑2023, punt 29, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punt 37), li jista’ jiġi rrettifikat biss meta tali rettifika sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il‑Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punt 8).

77      Barra minn hekk, l-għażla tas-soluzzjoni opposta ġġib magħha riskju ta’ arbitrarjetà fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, peress li l-ammissibbiltà tar-rikors tkun tiddependi fuq id-data, li barra minn hekk hija inċerta, tat-teħid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm l-istanza (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 14).

78      F’dan il-każ, meta ġiet ippreżentata l-kawża, jiġifieri fil-mument tal-preżentata kemm tar-rikors promotur kif ukoll tat-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tagħha kienu rregolati mill-Artikolu 230 KE. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti biex iressqu rikors għall-annullament tal-atti kkontestati, għandha tiġi deċiża abbażi tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari l-aħħar parti tas-sentenza tiegħu, seta’, f’dan il-każ, jagħti lir-rikorrenti locus standi li huma ma kellhomx abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, peress li t-terminu għall-preżentata tar-rikors, kemm fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kif ukoll f’dak tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kien diġà skada fl-1 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 263 TFUE.

79      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument li jgħid li l‑Artikolu 263 TFUE jifforma parti mir-regoli tal-proċedura li fir-rigward tagħhom il-ġurisprudenza ddeċidiet li, bil-kontra tar-regoli sostantivi u ta’ liġi sostantiva, dawn huma kkunsidrati bħala li japplikaw għal kull kawża li tkun pendenti meta jidħlu fis-seħħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Salumi et, punt 77 iktar ’il fuq, punt 9; tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punt 19, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C‑467/05, Ġabra p. I‑5557, punt 48). Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kwistjonijiet ta’ kompetenza ġudizzjarja huma koperti mill-qasam tar-regoli tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49), għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annulament ippreżentat kontra att tal-Unjoni, hemm lok li tiġi applikata l‑massima tempus regit actum.

80      Minn dan isegwi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma huwiex applikabbli għar-rikors preżenti.

81      Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-locus standi tar-rikorrenti biex iressqu rikors għall-annullament tal-atti kkontestati abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, huwiex iġġustifikat.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti

 L-argumenti tal-partijiet

82      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tat-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni skont l-Artikoli 113 u 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li l-Anness I tad-Direttiva 67/548, inklużi l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati, kif ġew introdotti bid-direttiva kkontestata, ġie mħassar, fl-20 ta’ Jannar 2009, mill-Artikolu 55(11) tar-Regolament Nru 1272/2008, bil-konsegwenza awtomatika li d-direttiva kkontestata li temenda dan l-anness ġiet imħassra fl-istess data u ma baqgħetx tipproduċi effetti legali. Għalhekk, it-talba għall-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata saret mingħajr suġġett fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

83      Anki jekk jiġi meqjus li dan ma huwiex il-każ, il-Kummissjoni tqis li l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati, previsti mill-atti kkontestati, la jikkonċernaw lir-rikorrenti direttament u lanqas individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

84      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, iqisu li huma direttament u individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati previsti mill-atti kkontestati.

85      Fir-rigward tal-kriterju ta’ effett individwali, ir-rikorrenti jikkunsidraw li huma individwalment ikkonċernati mill-atti kkontestati minħabba ċerti kwalitajiet speċifiċi li huma għandhom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u konsegwentement tindividwalizzahom bl-istess mod kif huwa individwalizzat id-destinatarju. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi li jistgħu juru tali individwalizzazzjoni.

86      L-ewwel nett, ir-rikorrenti huma proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi, affettwati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati, relatati mal-operat tal-boron fit-Turkija. It-tieni nett, Etimine hija l-ikbar importatur ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni. Ir‑rikorrenti jimportaw il-parti l-kbira tas-sustanzi abbażi ta’ borat użati fl-Unjoni u l-attivitajiet li huma jwettqu fis-suq intern jiddependu fuq l-importazzjoni u l‑bejgħ tal-imsemmija sustanzi. It-tielet nett, ir-rikorrenti pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Ir‑raba’ nett, huma identifikabbli fil-premessa 2 tad-direttiva kkontestata. Il-ħames nett, il-Kummissjoni bbażat il-klassifikazzjonijiet ikkontestati fuq evalwazzjoni provviżorja tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, li jagħti lir-rikorrenti drittijiet proċedurali.

87      L-ewwel nett, fir-rigward tad-drittijiet esklużivi, ir-rikorrenti jfakkru li huma l‑uniċi operaturi fl-Unjoni awtorizzati li jimportaw u jikkummerċjalizzaw fis-suq intern is-sustanzi abbażi ta’ borat estratti fit-Turkija. Huma kisbu dawn id-drittijiet esklużivi qabel l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata u dawn id-drittijiet jiddistingwuhom, għalhekk, mill-operaturi l-oħra kollha. Issa, dawn id-drittijiet huma affettwati mill-obbligu ta’ twaħħil, fuq il-prodotti abbażi ta’ borat, ta’ tikketti li jinkludu s-sinjal ta’ ras ta’ mewt u l-frażijiet R 60 (jista’ jaffettwa ħażin il-fertilità) u R 61 (jista’ jikkawża ħsara lit-trabi li għadhom ma twildux), u dan huwa ekwivalenti għall-impożizzjoni, fuq ir-rikorrenti, ta’ speċifikazzjoni teknika. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tas-sustanzi abbażi ta’ borat, abbażi tad-Direttiva 67/548, fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni ta’ kategorija 2 iġġib magħha l-effett li l-prodotti kkonċernati ma jistgħux jibqgħu jiġu kkummerrċjalizzati mal-pubbliku inġenerali.

88      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dawn id-drittijiet esklużivi ma jikkonċernawx l-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni r-relazzjoni partikolari bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija, kif stabbilita wara l-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, li jipprovdi li t‑tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mar-Repubblika tat-Turkija jikkostitwixxi obbjettiv ewlieni tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti għall-operat tal-minjieri huma analogi għall-dawk li l-Istati Membri jagħtu f’ċirkustanzi simili u li jifformaw parti mit-tradizzjonijiet komuni tagħhom.

89      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti u Borax, l-argument li jgħid li l-imsemmija drittijiet esklużivi ma jistgħux, flimkien mal-elementi l-oħra individwalizzanti, jikkaratterizzaw lir-rikorrenti meta mqabbla ma kull operatur ieħor, huwa żbaljat. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li, meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kien identifikat jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-att ibiddel id-drittijiet, bħad-drittijet esklużivi ta’ xandir mill-ġdid bit-televiżjoni, li dawn il‑persuni kisbu qabel l-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 71, 72, 75 u 76). B’mod analogu, f’din il-kawża, id-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti għall-operat tal-minjieri u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-borati fit-Turkija kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata u tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati li jimponu fuq dawn id-drittijiet restrizzjonijiet ġodda li ma kinux jeżistu meta r-rikorrenti kisbu l-imsemmija drittijiet u li jagħmlu l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar iktar diffiċli. Għalhekk, tali drittijiet huma suffiċjenti sabiex jidentifikawhom bħala li jifformaw parti mill-grupp ta’ 29 kumpannija li għandhom drittijiet għall-operat ta’ minjieri tal-borati li huma affettwati mid-direttiva kkontestata.

90      It-tieni nett, b’volum stmat għal 56 % tat-totalità tal-importazzjonijiet ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-2007, Etimine hija l-ikbar importatur ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). F’din is-sena, 72 % u 53 % tad-dħul mill-bejgħ li Etimine u Etiproducts għamlu, rispettivament, fl-Unjoni, kien ġej mill-bejgħ tal-aċidu boriku, tal-borax decahydrate u tal-borax pentahydrate. Barra minn hekk, ir-rikorrenti huma tnejn minn tliet kumpanniji li flimkien għandhom 61 % tal-kapaċitajiet dinjija ta’ manifattura tal-borati. Fid-dawl tad-dipendenza tal-attività kummerċjali tagħhom fuq l-imsemmija sustanzi, ir‑rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-iktar operaturi affettwati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, Ġabra p. I‑2501, punt 17), sa fejn il-prinċipji li din is-sentenza tistabbilixxi ma humiex limitati biss għal kawżi ta’ dumping (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 79). Konsegwentement, huma jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li tiddistingwihom meta mqabbla mal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha.

91      It-tielet nett, anki jekk jitqies li r-rikorrenti ma għandhomx drittijiet proċedurali f’dan il-kuntest, huma pparteċipaw b’mod attiv, permezz ta’ Eti Mine Works u tal-Istat Tork, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari, kemm billi pprovdew lill-Kummissjoni b’diversi studji u b’numru kbir ta’ informazzjoni, kif ukoll billi pparteċipaw għal diversi laqgħat mal-Kummissjoni u għal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma C & E. Għalkemm din il-parteċipazzjoni, waħedha, ma hijiex ta’ natura li tindividwalizza lir-rikorrenti. Madankollu, din hija kwalità speċifika għalihom u li, flimkien ma’ elementi oħra partikolari, tikkaratterizahom meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor effettwat mid-direttiva kkontestata. Fil-fatt, peress li Eti Mine Works hija kompletament ikkontrollata mill-Istat Tork u li, min-naħa tagħha, din tikkontrolla 100 % tal-kapital tar-rikorrenti, il-parteċipazzjoni attiva ta’ Eti Mine Works u tal-awtoritajiet Torok fil-proċedura inkwistjoni hija kompletament attribwibbli lir-rikorrenti.

92      Ir-raba’ nett, il-premessa 2 tad-direttiva kkontestata tagħmel riferiment għal informazzjoni prodotta mir-rikorrenti, jiġifieri għal studju mis-sur K, dwar l‑evalwazzjoni tal-espożizzjoni ta’ kuljum tal-bnedmin għall-boron f’żona sinjura fil-boron. L-awtoritajiet Torok ippreżentaw dan l-istudju quddiem il‑Kummissjoni, f’isem ir-rikorrenti, fit-3 ta’ Lulju 2007, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-notifika mill-Kummissjoni, lill-kumitat għall-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (ODK), tal-abbozz tat-tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548. Barra minn hekk, il-premessa 2 tad-direttiva kkontestata tagħmel riferiment għal studji epidemijoloġiċi li kienu għadhom qegħdin isiru, inkluż dak li jirrigwarda l‑fabbrika ta’ Eti Mine Works li tinsab f’Bandirma (it-Turkija), li r-riżultat tagħhom – li għandu jiġi prodott, b’mod partikolari, mir-rikorrenti – jista’, skont il-kliem stess ta’ din il-premessa, iwassal għal emenda tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti u Borax jikkontestaw il-fatt li din il‑premessa tirreferi biss għal studju wieħed magħmul fiċ-Ċina. Huma jispeċifikaw li, b’kuntrast mad-direttiva kkontestata, l-adattamenti preċedenti għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 ma kinux għamlu riferimenti għall-involviment tas-settur industrijali. Fl-aħħar nett, dawn ir-riferimenti juru li l‑informazzjoni prodotta mir-rikorrenti kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali li wassal għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati u li din l-informazzjoni, flimkien ma’ informazzjoni oħra li għandha tiġi prodotta mis-settur industrijali, inklużi r-rikorrenti, kellha tingħata attenzjoni partikolari matul ir-reviżjoni li jmiss ta’ din il-klassifika. Għalhekk, ir-rikorrenti huma identifikati inkwantu membri ta’ grupp limitat, kompost mill-membri tas-settur industrijali, li pproduċa informazzjoni rilevanti fuq is-sustanzi abbażi ta’ borat. Għaldaqstant huma jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

93      Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq evalwazzjoni provviżorja tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, fil-kuntest ta’ liema huma pproduċew informazzjoni u għandhom drittijiet proċedurali. F’dan il-kuntest, fis-26 ta’ Marzu 2004 ir-rikorrenti, inkwantu importaturi u manifatturi kkonċernati mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji prevista mill-imsemmi regolament, ippreżentaw u ffirmaw, flimkien ma’ kumpanniji oħra, dikjarazzjoni ta’ intenzjoni fir-rigward tar-riskji li jirrappreżentaw is-sustanzi ta’ prijorità, jiġifieri l-aċidu boriku u d-disodium tetraborate (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ intenzjoni”). Mill-kumpanniji firmatarji tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni kienu biss erbgħa, fosthom Eti Mine Works, li kienu kkonċernati minn din l-evalwazzjoni tar-riskji. Din id‑dikjarazzjoni saret fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-evalwazzjoni tar-riskji li kienet tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-perikoli fis-sens tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94, tat-28 ta’ Ġunju 1994, li jistipula l-prinċipji għall-studju dwar ir-riskji lill-bniedem u l-ambjent ta’ materjali eżistenti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 360). L-imsemmija dikjarazzjoni pprovdiet informazzjoni fuq l-evalwazzjoni tal-perikoli tas-sustanzi kkonċernati għas-saħħa tal-bniedem għall-finijiet ta’ evalwazzjoni preliminari tar-riskji mill-Istat Membru relatur, ir-Repubblika tal-Awstrija, li wkoll kienet iffirmat l‑imsemmija dikjarazzjoni.

94      Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati għandu jkollhom influwenza importanti fuq l-evalwazzjoni tar-riskji mibdija permezz tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ir-relatur Awstrijak għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-konklużjoni dwar il-perikolu ta’ tossiċità għar-riproduzzjoni u, għaldaqstant, din il-konklużjoni jkollha effett dirett fuq l-evalwazzjoni tar-riskji li jirrapreżentaw l-aċidu boriku u d-disodium tetraborate. Għalhekk, id-direttiva kkontestata taffettwa l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal din l-evalwazzjoni tar-riskji u l-aspettattivi tagħhom dwar il-mod ta’ kif din għandha titwettaq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet l‑evalwazzjoni provviżorja tagħha tar-riskji, skont il-prinċipji previsti mir-Regolament Nru 1488/94, matul l-eżami tagħħa tal-kriterji tal-manutenzjoni u tal-użu normali previst mid-Direttiva 67/548. Għalhekk, din l-evalwazzjoni provviżorja ppreġudikat l-evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93 li kellha ssir mir-relatur Awstrijak fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni. Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-Kummissjoni ssostitwixxiet l‑evalwazzjoni tagħha ma’ dik tar-relatur Awstrijak, li għadha qed issir, u li d‑direttiva kkontestata x’aktarx għandu jkollha effett negattiv fuqha.

95      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li tindividwalizzahom l-istess bħal destinatarju, peress li, minn naħa, permezz ta’ Eti Mine Works, hija tifforma parti minn grupp ta’ erba’ operaturi kkonċernati mill-evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93 u li, min-naħa l‑oħra, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati jaffettwaw din l-evalwazzjoni tar-riskji, inkwantu din ġiet ippreġudikata minn dik diġà mwettqa mill-Kummissjoni.

96      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, sostnuti minn Borax, jikkontestaw il-fatt li r-rikors tagħhom sar mingħajr suġġett minħabba t-tħassir tal-Anness I tad-Direttiva 67/548.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

97      Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati li jinsabu fl-atti kkontestati.

98      L-atti kkontestati, inklużi l-klassifikazzjonijiet ikkontestati, huma ta’ portata ġenerali sa fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrata b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri fir-rigward ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura u/jew tikkummerċjalizza s-sustanzi kkonċernati. Madankollu, il‑fatt li att, minħabba n-natura u l-portata tiegħu, ikun ta’ natura ġenerali, sa fejn japplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’mod ġenerali, ma jeskludix li dan l-att jista’ jikkonċerna individwalment uħud minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra p. I‑2903, punt 29; digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 29, u tat-30 ta’ April 2003, Villiger Söhne vs Il‑Kunsill, T‑154/02, Ġabra p. II‑1921, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punt 19.

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id‑destinatarja ta’ att tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, biss jekk l-att inkwistjoni jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun individwalizzat id‑destinatarju tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223 u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Novembru 2009, Região autónoma dos Açores vs Il‑Kunsill, C‑444/08 P, Ġabra p. I‑200, punt 36).

100    Barra minn hekk, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġu u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 60; Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 89 iktar ’il fuq, punt 71, u Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 30).

101    Madankollu, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi preċiżjoni approssimattiva, in‑numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura, bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 31; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ April 2008, Saint‑Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 70)

102    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikorsi preżenti.

103    Ir-rikorrenti jqisu li huma individwalment ikkonċernati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, minħabba numru ta’ kwalitajiet speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv. L‑ewwel nett, huma jsostnu li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati jippreġudikaw il‑portata u l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi tagħhom li jimportaw u jikkumerċjalizzaw, fl-Unjoni, il-borati li joriġinaw mill-minjieri Torok amministrati minn Eti Mine Works. Inkwantu proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet, huma jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi partikolarment affettwati, peress li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati jimponu restrizzjonijiet ġodda fuq dawn id-drittijiet b’tali mod li jagħmlu l-eżerċizzju tagħhom iktar diffiċli. It-tieni nett, Etimine hija l-ikbar importatur ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni. It-tielet nett, permezz tal-awtoritajiet Torok u ta’ Eti Mine Works, li l-aġir tagħhom għandu jiġi imputat lilhom, ir-rikorrenti pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Ir-raba’ nett, il-premessa 2 tad-direttiva kkontestata tagħmel riferiment għal informazzjoni prodotta mir-rikorrenti, jiġifieri studju tas-sur K. Il‑ħames nett, il-klassifikazzjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq evalwazzjoni provviżorja tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, fil-kuntest ta’ liema r-rikorrenti pproduċew informazzjoni u għandhom drittijiet proċedurali.

104    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ dritt kweżit jew suġġettiv, inkluż dak mogħti minn leġiżlazzjoni ta’ karattru ġenerali, li l-portata jew l-eżistenza tiegħu huma potenzjalment affettwati mill-att ikkontestat, ma hijiex bħala tali ta’ natura li tindividwalizza lill-proprjetarju tal-imsemmi dritt, b’mod partikolari meta operaturi oħra jista’ jkollhom drittijiet analogi u, għaldaqstant, jistgħu jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-proprjetarju (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punti 32 u 34; digrieti tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Novembru 2005, EEB et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/04, Ġabra p. II‑4919, punti 53 sa 55, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Fels‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑28/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 63).

105    Issa, f’din il-kawża, ħlief għall-allegazzjoni ġenerali tagħhom li tgħid li b’kollox jeżistu 29 operatur li għandhom drittijiet għall-operat ta’ minjieri tal-borati affettwati mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati (ara l-punt 89 iktar ’il fuq), ir‑rikorrenti la identifikaw dawn l-operaturi l-oħra u lanqas ma speċifikaw ir‑raġunijiet għaliex dawn setgħu, fid-dawl tal-kwalitajiet speċifiċi tagħhom, jifformaw ċirku ristrett fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, li ma jistax iktar jiġi estiż wara d-dħul fis-seħħ tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il‑Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 11, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Settembru 2004, SNF vs Il‑Kummissjoni, T‑213/02, Ġabra p. II‑3047, punti 62 u 63). Iktar minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma wrew li, fi ħdan dan il-grupp ta’ operaturi, huma kienu partikolarment effettwati minħabba l-ostakolu impost fuq id-drittijiet esklużivi tagħhom li jawtorizzawhom jimportaw u jikkumerċjalizzaw sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni, peress li operaturi oħra ta’ dan il-grupp setgħu jkunu proprjetarji ta’ drittijiet analogi li jkollhom bħala suġġett l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali sustanzi li joriġinaw minn pajjizi terzi oħra u setgħu jsofru l-istess konsegwenzi.

106    Ir-rikorrenti naqsu wkoll milli jistabbilixxu li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati kellhom bħala għan jew konsegwenza li jaffettwaw il-portata tad-drittijiet esklużivi invokati, jew saħansitra li jostakolaw l-eżerċizzju tagħhom, l-istess bħas-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 31), u Codorníu vs Il‑Kunsill, punt 98 iktar ’il fuq (punti 21 u 22) (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 2005, SNF vs Il‑Kummissjoni, C‑482/04 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 40 u 41, u tas-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, C‑483/07 P, Ġabra p. I‑959, punti 44 sa 46). Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-klassifikazzjonijiet ikkontestati ma jippreġudikawx id-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti li jimportaw u jikkumerċjalizzaw, fl-Unjoni, is-sustanzi abbażi tal-borat li joriġinaw mill-minjieri Torok operati minn Eti Mine Works. Il-fatt li dawn il-klassifikazzjonijiet huma ta’ natura li jagħmlu, jekk ikun il-każ, l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet esklużivi iktar diffiċli ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jindividwalizza lir-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, peress li dawn jaffettwaw, a priori, bl-istess mod lill-operaturi kollha li jeżerċitaw jew li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet li jinvolvu l-importazzjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ sustanzi abbażi ta’ borat fl-Unjoni, indipendentement minn jekk dawn għandhomx jew le drittijiet esklużivi f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens is-sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punti 32 u 34; ara wkoll il-konklużjonijiet kuntrarji tal-Avukat Ġenerali Bot fir-rigward ta’ din is-sentenza, Ġabra p. I‑2906, punti 116 sa 119). F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-possibbiltà li r‑rikorrenti jsofru żvantaġġ ekonomiku – anki kunsiderevoli – minħabba l‑klassifikazzjonijiet ikkontestati ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li l‑imsemmija klassifikazzjonijiet jindividwalizzawhom meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor li jista’ jkun espost għal konsegwenzi analogi (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Ġunju 2006, Nürburgring vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑311/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 65 u 66).

107    It-tieni nett, anki jekk jitqies li Etimine hija l-ikbar importatur ta’ borati fl-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija biss operatur wieħed fost id-diversi operaturi li kienu kkonċernati mill-atti kkontestati fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ importaturi ta’ borati u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, operatur iżgħar li għandu drittijiet ta’ distribuzzjoni analogi jkun espost għal diffikultajiet ekonomiċi paragunabbli, peress li l-imsemmija klassifikazzjonijiet jaffettwawhom kollha f’din il-kwalità u proporzjonalment skont id-daqs tagħhom u tal-importanza tal-attività kummerċjali tagħhom marbuta mal-borati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 111). F’kull każ, f’dan ir-rigward, iċ-ċifri, f’termini assoluti u ta’ perċentwali, prodotti mir-rikorrenti (ara l-punt 90 iktar ’il fuq) ma humiex suffiċjentement paragunabbli ma’ dawk ta’ operaturi oħrajn, bħal Borax, li, kif issostni hija stess, timporta wkoll volum kunsiderevoli ta’ borati, li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, fl-Unjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrewx, suffiċjentement skont il-liġi, li l-allegata kwalità tal-ikbar importatur ta’ borati fl-Unjoni attribwita lill-Etimine setgħet tindividwalizzaha, l‑istess bħalma kienu individwallizati r-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, punt 90 iktar ’il fuq (punt 17), u BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq (punti 78 u 79), meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor li jeżerċita attività ekonomika paragunabbli.

108    It-tielet nett, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti setgħux validament isostnu li huma kkonċernati individwalment minħabba, minn naħa, il-parteċipazzjoni attiva tagħhom bħal dik ta’ Eti Mine Works u tal-awtoritajiet Torok fil-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati, u, min-naħa l-oħra, minħabba l‑istatus proċedurali tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93.

109    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-fatt li persuna tintervjeni fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-att inkwistjoni biss fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ipprovdiet garanziji proċedurali favur din il-persuna. Għalhekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi, sabiex tiġi adottata deċiżjoni, li tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha persuna fiżika jew ġuridika tista’ tinvoka drittijiet eventwali, fosthom id-dritt għal smigħ, il-pożizzjoni ġuridika partikolari li minnha tibbenefika din il-persuna għandha bħala effett li tindividwalizzaha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara d-digriet Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

110    Għandu jiġi speċifikat, sussegwentement, li madankollu tali individwalizzazzjoni hija rikonoxxuta biss sa fejn il-garanziji proċedurali invokati huma dawk previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 47; id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2006, Polyelectrolyte Producers Group vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑368/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 58, u Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punti 46 u 54; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 101, u Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 93). Għalhekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrent fi proċedura, speċjalment meta din hija intiża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali, tista’ tindividwalizzah biss sa fejn din il-parteċipazzjoni hija msejsa fuq tali garanziji proċedurali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Jannar 2001, La Conqueste vs Il‑Kummissjoni, T‑215/00, Ġabra p. II‑181, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II–5839, punt 73).

111    Madankollu għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-rikorrenti nfushom jammettu li ma għandhomx tali garanziji proċedurali abbażi tad-Direttiva 67/548 jew tar-Regolament Nru 1272/2008.

112    Fir-rigward tad-direttiva kkontestata, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-regoli tal-proċedura rilevanti li jirregolaw il-proċess tal-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari l-punti 4.1.2 sa 4.1.5 tal-Anness VI tad-Direttiva 67/548, effettivament ma jipprovdux tali garanziji proċedurali favur operaturi li jistgħu potenzjalment jiġu affettwati mir-riżultat ta’ proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 (ara, f’dan is-sens, id-digriet, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punti 72 sa 80, u l‑ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

113    Dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008, b’mod partikolari għall-Artikoli 53(1) u 54(3) tiegħu moqrija flimkien mal-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni 1999/468 (ara l-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq), li jirregolaw l‑adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Artikolu 37(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1272/2008 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) jagħti lill-manifattur, lill-importatur jew lill-utenti downstream id‑dritt li jissottomettu lill-ECHA proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettjar armonizzati ta’ sustanza u li jiksbu, wara li jkunu eventwalment ipproduċew osservazzjonijiet, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECHA. Fil-fatt l-eventwali garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1272/2008 jistgħu jkunu applikabbli biss fil-każ fejn jew awtorità nazzjonali jew inkella manifattur, importatur jew utent downstream jissottomettu tali proposta, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

114    Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-istatus proċedurali tagħhom abbażi tar-Regolament Nru 793/93, għandu jiġi osservat li għalkemm huwa ċertament minnu li dan ir‑regolament jipprovdi, fl-Artikoli 6 sa 10 tiegħu, bħala drittijiet u obbligi proċedurali speċifiċi (ara l-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq), il-parteċipazzjoni attiva tal-operaturi kkonċernati fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiġi stabbilita lista ta’ sustanzi ta’ prijorità u eventwali proposti ta’ strateġiji jew ta’ miżuri sabiex, b’mod partikolari, jiġu llimitati r-riskji identifikati. Madankollu għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 793/93 ma humiex applikabbli għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża u li, min-naħa l-oħra, il‑proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji tal-Borati – li, kif ir-rikorrenti nfushom jammettu, kienet għadha ma ntemmitx fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-istess regolament meta ġew adottati l-klassifikazzjonijiet ikkontestati – hija distinta minn dik li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 11(1) sa (3) tar-Regolament Nru 793/93, li jgħid li huwa biss abbażi tal-evalwazzjoni finali tar-riskji u ta’ eventwali rakkomandazzjoni ta’ strateġija min-naħa tar-relatur li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, jekk meħtieġ, li tipproponi miżuri Komunitarji fil-kuntest tad-Direttiva 76/769 jew strumenti oħra Komunitarji eżistenti xierqa (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-riżultat tal-evalwazzjoni tar-riskji jista’ jagħti lok għal proposta ta’ klassifikazzjoni tas-sustanza kkonċernata abbażi tad-Direttiva 67/548, jew saħansitra tar-Regolament Nru 1272/2008, u dan juri l‑awtonomija tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji meta mqabbla ma’ dik għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża.

115    Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 793/93 ma jipprovdux garanziji proċedurali applikabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża abbażi tad-Direttiva 67/548 jew tar-Regolament Nru 1272/2008. Dawn lanqas ma jistabbilixxu rabta bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji ta’ sustanza, minn naħa, u l-proċedura intiża għal tali klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża, min-naħa l-oħra, u dan jippermetti li jiġi konkluż li l-garanziji proċedurali mogħtija mir-Regolament Nru 793/93 huma applikabbli fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura.

116    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li dawn il-garanziji proċedurali u l-eżerċizzju tagħhom matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji huma ta’ natura tali li jindividwalizzaw lir-rikorrenti fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ikkontestati, peress li dawn tal-aħħar ma humiex ir-riżultat tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji abbażi tar-Regolament Nru 793/93, iżda r‑riżultat tal-proċeduri rispettivi distinti ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548 u tar-Regolament Nru 1272/2008, li fil-kuntest tiegħu r‑rikorrenti ma għandhomx tali garanziji.

117     Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ garanzija proċedurali marbuta ma’ dawn l-aħħar proċeduri, ma jistax jintlaqa’ l-argument li jgħid li r-rikorrenti huma individwalizzati minħabba li huma pparteċipaw attivament għall-proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ Eti Mine Work u tal-awtoritajiet Torok għall-imsemmija proċeduri tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti.

118    Ir-raba’ nett, anki l-argument li jgħid li l-premessa 2 tad-direttiva kkontestata tagħmel riferiment espliċitu għal informazzjoni prodotta mill-awtoritajiet Torok, b’mod partikolari l-istudju tas-sur K, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, ħlief għal riferiment għal studju ċiniż li għadu qed isir, din il-premessa hija vaga ħafna u la tispeċifika l-identità u lanqas is-sors tal-informazzjoni li ttieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548. F’kull każ, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti, inkwantu sussidjarji ta’ Eti Mine Works, li hija kumpannija kkontrollata mill-Istat Tork, setgħux validament jinvokaw dan l‑argument, la huwa paċifiku li din l-informazzjoni kienet tinkludi l-istudju tas-sur K, u lanqas li din l-informazzjoni hija speċifikatament dik li l-awtoritajiet Torok ipproduċew matul il-proċedura inkwistjoni.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrewx li, minħabba numru ta’ karatteristiċi speċifiċi għalihom, huma kienu kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-klassifikazzjonijiet ikkontestati li jinsabu fl-atti kkontestati.

120    Għalhekk, it-talba għall-annullament parzjali tal-atti kkontestati għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, u saħansitra mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba sabiex jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata, ir-rikors għandu jiġi miċħud, kollu kemm hu, bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

123    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

124    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’din il-kawża, Borax, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Etimine SA u AB Etiproducts Oy għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka u Borax Europe għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom

Il-Lussemburgu, 7 ta’ Settembru 2010.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger












Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u FUE

Id-Direttiva 67/548

Il-Proċedura ta’ adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva 67/548

Tħassir, emendar u bdil parzjali tad-Direttiva 67/548 bir-Regolament Nru 1272/2008

Ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikorrenti u s-sustanzi kkonċernati

Il-Proċedura li wasslet għall-klassifikazzjonijiet ikkontestati

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-applikabbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.