Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Novembru 2023 – IP vs Quirin Privatbank AG
(Kawża C-655/23, Quirin Privatbank)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: IP
Konvenut: Quirin Privatbank AG
Domandi preliminari
a) L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li suġġett tad-data li d-data personali tiegħu tkun ġiet ikkomunikata illegalment mill-kontrollur permezz ta’ trażmissjoni għandu d-dritt li jikseb mandat ta’ inibizzjoni kontra l-kontrollur sabiex tiġi prekluża trażmissjoni illegali sussegwenti ta’ din id-data, fil-każ fejn is-suġġett tad-data ma jkunx talab lill-kontrollur iħassar id-data?
b) Tali dritt għal mandat ta’ inibizzjoni jirriżulta (ukoll) mill-Artikolu 18 tal-GDPR jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-GDPR?
2. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1(a) u/jew għad-domanda 1(b):
a) Id-dritt għal mandat ta’ inibizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni jeżisti biss jekk ikun hemm riskju li fil-futur ser iseħħ ksur ġdid tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont il-GDPR (riskju ta’ okkorrenza mill-ġdid)?
b) L-eżistenza tar-riskju ta’ okkorrenza mill-ġdid tista’ tiġi preżunta minħabba l-ksur preżenti tal-GDPR?
3. Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 1(a) u għad-domanda 1(b):
L-Artikolu 84 flimkien mal-Artikolu 79 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-qorti nazzjonali tirrikonoxxi, fil-konfront tas-suġġett tad-data li d-data personali tiegħu tkun ġiet ikkomunikata illegalment mill-kontrollur permezz ta’ trażmissjoni, flimkien mad-dritt li jinkiseb kumpens għal dannu materjali jew morali skont l-Artikolu 82 tal-GDPR u mad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 17 u 18 tal-GDPR, id-dritt għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-kontrollur sabiex tiġi prekluża trażmissjoni illegali sussegwenti ta’ din id-data skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali?
4. L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi preżunt dannu morali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sempliċi emozzjonijiet negattivi bħal frustrazzjoni, diżappunt, insodisfaċenza, tħassib u biża’, li fihom infushom jagħmlu parti mir-riskju ġenerali tal-ħajja u spiss parti mill-ħajja ta’ kuljum, huma suffiċjenti? Jew inkella, sabiex jiġi kkonstatat tali dannu, għandu jkun hemm preġudizzju lill-persuna fiżika kkonċernata, li jmur lil hinn minn tali emozzjonijiet?
5. L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-grad ta’ kolpa tal-kontrollur jew tal-proċessur jew tal-impjegati tagħhom jikkostitwixxi kriterju rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu morali li għandu jiġi kkumpensat?
6. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1(a), 1(b) jew 3:
L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li s-suġġett tad-data, flimkien mad-dritt għal kumpens, ikollu dritt għal mandat ta’ inibizzjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu morali li għandu jiġi kkumpensat, sabiex tali ammont jitnaqqas?
____________
1 ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.