Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Brně (irRepubblika Ċeka) fid29 ta’ Frar 2024 – OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, z.s. vs Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

(Kawża C161/24, OSA)

Lingwa tal-kawża: iċĊek

Qorti tar-rinviju

Krajský soud v Brně

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OSA – Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, z.s.

Konvenut: Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

Domandi preliminari

Il-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-prattika ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva li għandha monopolju de facto fi Stat Membru u tapplika għall-operaturi ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni prezzijiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni r-rata attwali ta’ okkupazzjoni tal-kmamar differenti tal-imsemmija stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, inkambju għall-għoti ta’ liċenzji għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet tal-awturi permezz ta’ riċevituri tat-televiżjoni u tar-radju installati fi kmamar intiżi għall-akkomodazzjoni privata ta’ klijenti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, hemm lok li tiġi evalwata tali prattika mill-perspettiva (a) tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali inġusti, jew (b) tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi?

–Jekk l-istandard rilevanti huwa l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet kummerċjali inġusti, liema eżami speċifiku għandu jiġi applikat għall-evalwazzjoni tal-imsemmija prattika?

–Jekk l-istandard rilevanti huwa l-applikazzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi, liema eżami speċifiku għandu jiġi applikat: l-eżami “United Brands” tas-soltu jew verżjoni adattata tiegħu?

Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE li jirriżulta mill-prattika msemmija fl-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ effetti negattivi reali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni (inkluż l-effetti fuq il-benesseri tal-konsumaturi u l-effetti tal-isfruttament tal-prattika tal-entità dominanti)?

Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-punt (a) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE li jirriżulta mill-prattika msemmija fl-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li jintwera li l-imsemmija prattika taffettwa b’mod sostanzjali l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, jew huwa biżżejjed li wieħed jista’ raġonevolment jippreżumi l-possibiltà ta’ tali effett mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata il-portata reali tiegħu?