KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Mazák
ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2010(1)
Kawża C‑64/08
Staatsanwaltschaft Linz
vs
Ernst Engelmann
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Linz (l‑Awstrija)]
“Libertà ta’ stabbiliment – Logħob tal-ażżard – Sistema ta’ liċenzji għall-operat ta’ logħob tal-ażżard fil-każinòs – Possibbiltà ta’ ksib ta’ liċenzja miftuħa biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fit-territorju nazzjonali – Koerenza tal-politika nazzjonali fil-qasam tal-logħob – Riklamar”
I – Introduzzjoni
1. Id-domandi preliminari mressqa mil-Landesgericht Linz (l-Awstrija) għal darb’oħra jiġbdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-relazzjoni bejn il-libertajiet Komunitarji u l-politika leġiżlattiva dwar il-logħob tal-ażżard fl-Istati Membri.
2. Fil-kuntest ta’ ġurisprudenza diġà ferm stabbilita, din id-darba l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità mal-Artikoli 43 KE u 49 KE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-operat tal-logħob tal-ażżard fl-istabbilimenti tal-logħob esklużivament għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, li tillimita t-tul tal-konċessjonijiet għal ħmistax-il sena, u li tippermetti lill-organizzaturi li għandhom konċessjoni li jagħmlu riklamar li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-logħob inkwistjoni.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-liġi Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard
3. Il-logħob tal-ażżard fl-Awstrija huwa regolat mill-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz), fil-verżjoni tagħha tal-1989 (2).
1. L-għanijiet li hija bbażata fuqhom il-liġi dwar il-logħob tal-ażżard
4. Il-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma tiddedika l-ebda dispożizzjoni li tiddikjara l-għanijiet imfittxija mir-Repubblika tal-Awstrija permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard. Madankollu, ix-xogħol preparatorju tagħha jitfa’ ftit dawl fuq dawn l-għanijiet u juri li l-għanijiet tagħha huma ta’ natura statutorja u ta’ natura fiskali.
5. F’dak li jirrigwarda l-għan statutorju, l-imsemmi xogħol preparatorju jindika li “idealment, projbizzjoni totali tal-logħob tal-ażżard tkun l-iktar leġiżlazzjoni għaqlija. Madankollu, fid-dawl tal-fatt magħruf li l-passjoni għal-logħob tidher li hija inerenti fil-bniedem, […] ikun ħafna iktar għaqli li din il-passjoni għal-logħob tkun irregolata fl-interess tal-individwi u tas-soċjetà. B’hekk jintlaħqu żewġ għanijiet: il-logħob tal-ażżard ma jaqax f’illegalità, kif huwa evidenti fl-Istati li jipprojbixxu kompletament il-logħob tal-ażżard, u fl-istess waqt l-Istat jirriżerva l-possibbiltà li jissorvelja l-logħob tal-ażżard li jsir legalment. Din is-sorveljanza għandha jkollha bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-lagħaba individwali”.
6. Fir-rigward tal-għan fiskali, ix-xogħol preparatorju jidentifika “interess tal-Istat Federali li jiġbed lejh l-ikbar dħul possibbli mill-monopolju fuq il-logħob tal-ażżard. […] Għalhekk, fir-regolazzjoni tal-logħob tal-ażżard, il-gvern federali għandu jiżgura – filwaqt li josserva u jipproteġi l-għan statutorju – li l-logħob tal-ażżard isir b’tali mod li l-monopolju jattira lejh l-ikbar dħul possibbli”.
2. Il-monopolju tal-Istat fil-qasam tal-logħob tal-ażżard
7. L-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jiddefinixxi l-logħob tal-ażżard bħala “dak il-logħob li r-rebħ u t-telf tiegħu jiddependu esklużivament jew b’mod predominanti mix-xorti”.
8. L-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jistabbilixxi “monopolju tal-Istat” fil-logħob tal-ażżard, billi jistipula li bħala prinċipju, id-dritt li jiġi organizzat u operat il-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fil-liġi msemmija.
3. Il-logħob liberalizzat
9. L-imħatri sportivi, is-slot machines “żgħar” u l-lotteriji ż-żgħar ma humiex suġġetti għal dan il-monopolju.
10. Minn naħa, fl-Awstrija, l-imħatri sportivi ma humiex ikkunsidrati bħala logħob tal-ażżard, peress li ma humiex ibbażati fuq ix-xorti biss, iżda jinvolvu wkoll ċertu ħiliet u għarfien tal-lagħaba. Dawn jidħlu fil-kompetenza tal-Länder u ġew liberalizzati. Dawk kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali neċessarji għandhom id-dritt li jiksbu liċenzja għall-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi bil-metodi konvenzjonali jew inkella bl-internet.
11. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jeskludi mill-monopolju Statali l-islot machines ta’ mhux iktar minn EUR 0.50 kull logħba u b’potenzjal ta’ rebħ li ma jaqbiżx l-EUR 20 (is-slot machines iż-“żgħar”), kif ukoll il-lotteriji b’somom żgħar, it-tombli u r-raffles fejn jintrebħu oġġetti. Ir-regolamentazzjoni tal-islot machines iż-żgħar ġiet mgħoddija lil-Länder. Fir‑rigward tal-lotteriji ż-żgħar, dawn għandhom ikunu awtorizzati mill-Ministeru Federali tal-Finanzi.
4. Is-sistema tal-konċessjonijiet
12. Il-Ministru Federali tal-Finanzi jista’ jagħti d-dritt li jiġi organizzat u li jsir logħob tal-ażżard taħt sistema ta’ monopolju permezz tal-ħruġ ta’ konċessjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ lotteriji u tlugħ bix-xorti elettroniċi (skont l-Artikolu 14 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard) u għall-operat ta’ stabbilimenti tal-logħob (skont l-Artikolu 21 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard).
13. L-Artikolu 14 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ konċessjoni għal-lotteriji u tlugħ bix-xorti elettroniċi. B’kollox, tista’ tingħata konċessjoni waħda biss (3). Min jingħata konċessjoni għandu jkun kumpannija b’kapital azzjonarju rreġistrata fl-Awstrija. F’każ li jkun hemm iktar minn kandidat wieħed, il-konċessjoni għandha tingħata lil dak li joffri l-aħjar prospetti ta’ dħul fiskali lill-Istat Federali.
14. Skont l-Artikolu 20 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, (4) ammont ekwivalenti għal 3 % tad-dħul mil-lotteriji fl-Awstrija u ta’ mill-inqas EUR 40 miljun fis-sena għandu jiġi allokat għal fond għall-promozzjoni tal-attivitajiet sportivi.
15. L-Artikolu 21 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operat ta’ każinò. In-numru ta’ konċessjonijiet għal każinòs huwa limitat għal total ta’ tnax. (5) Konċessjoni waħda biss tista’ tingħata għal kull territorju muniċipali. Il-liġi tistabbilixxi li l-konċessjonarji għandhom ikunu kumpanniji b’responsabbiltà limitata li jkollhom bord ta’ sorveljanza u li jkunu reġistrati fl-Awstrija, ikollhom kapital ta’ mhux inqas minn EUR 22 miljun, u, skont iċ-ċirkustanzi, joffru l-aħjar prospetti ta’ dħul fiskali għall-awtoritajiet pubbliċi lokali fl-osservanza tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard dwar il-protezzjoni tal-lagħaba.
16. L-Artikolu 22 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jistabbilixxi t-tul massimu tal-konċessjoni għal-logħob tal-ażżard għal ħmistax-il sena.
17. L-Artikolu 24 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jipprekludi lill-konċessjonarju milli jistabbilixxi kumpanniji sussidjarji barra mit-territorju Awstrijaku. Skont l-Artikolu 24(a) tal-istess liġi, kull estensjoni tas-suġġett ta’ konċessjoni diġà mogħtija għandha tkun awtorizzata meta ma jkunx hemm il-possibbiltà li jkollha impatt negattiv fuq id-dħul fiskali provenjenti mill-miżati mħallsa mill-istabbilimenti tal-logħob.
18. Skont l-Artikoli 19 u 31 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, il-Ministeru tal-Finanzi għandu d-dritt ta’ sorveljanza ġenerali fuq il-konċessjonarju. Huwa jista’, għal dan il-għan, jara l-kontijiet tal-konċessjonarju, u l-aġenti awtorizzati minnu biex jeżerċitaw id-dritt ta’ sorveljanza jistgħu jaċċedu għaż-żoni kummerċjali tal-konċessjonarju. Barra minn hekk, il-Ministeru huwa r-rappreżentant fi ħdan il-kumpannija konċessjonarja minn “Kummissarju tal-Istat”. Il-kontijiet annwali, awditjati, għandhom finalment jiġu ppreżentati lill-Ministru Federali fi żmien sitt xhur minn meta tingħalaq is-sena ta’ stima.
19. L-Artikolu 25(3) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, fil-verżjoni tal-1989, kien jobbliga lill-konċessjonarju li jipprojbixxi jew li jillimita l-aċċess tal-lagħaba għall-każinò, ta’ nazzjonalità Awstrijaka, li ma kinux f’pożizzjoni li jipparteċipaw f’logħob tal-ażżard jew li kienu ġew ipprojbiti milli jieħdu sehem f’tali logħob. Huwa abbażi ta’ din ir-regola li l-konċessjonarju, il-kumpannija Casinos Austria AG, ġie kkundannat, wara xi proċeduri legali mressqa minn xi lagħaba, li jirrimborsa telf sinifikanti minn logħob. Sa mir-riforma tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard f’Awwissu 2005, l-obbligu ta’ rimbors tal-konċessjonarju ġie limitat għal-livell minimu ta’ għajxien reali tal-lagħab, u r-responsabbiltà tal-konċessjonarju hija limitata għall-każijiet fejn kien hemm premeditazzjoni jew negliġenza serja, b’tali mod li din ma tkoprix iktar sitwazzjonijiet fejn il-lagħab, li jkun ġie mistoqsi minn qabel dwar il-kapaċità tiegħu li jipparteċipa f’logħob tal-ażżard, ikun ipprovda biss informazzjoni mhux kompleta. Barra minn hekk, issa l-liġi tipprovdi perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur.
20. Wara emenda tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard fl-2008, l-Artikolu 56(1) jipprovdi li l-konċessjonarji huma marbuta li josservaw attitudni responsabbli fir-riklami tagħhom, liema riklami, barra minn hekk, huma suġġetti għal monitoraġġ mill-awtorità superviżorja.
B – Il-Kodiċi Kriminali Awstrijaku
21. L-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaku (Strafgesetzbuch) jippenalizza lil “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r-rebħ jew it-telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix-xorti, jew lil kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil-għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l-organizzazzjoni jew minn din il-laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terz”.
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
22. E. Engelmann, ċittadin Ġermaniż, iġġestixxa xi stabbilimenti tal-logħob f’Linz, fl-Awstrija, bejn il-bidu tal-2004 u d-19 ta’ Lulju 2004, u f’Schärding, fl-Awstrija wkoll, bejn April 2004 u l-14 ta’ April 2005. Huwa kien joffri logħob divers lill-klijentela tiegħu, b’mod partikolari fosthom, logħba tar-roulette partikolari u logħob tal-karti: powker u “Two Aces”. E. Engelmann ma kienx talab konċessjoni mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, u lanqas ma kien awtorizzat legalment mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.
23. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2007, il-Bezirksgericht Linz sabet lil E. Engelmann ħati li organizza illegalment, fit-territorju Awstrijaku, logħob tal-ażżard bl-intenzjoni li jikseb vantaġġ finanzjarju. Is-sentenza sabithu ħati tar-reat ta’ organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard skont l-Artikolu 68(1) tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaku, u kkundannatu jħallas multa ta’ EUR 2 000.
24. E. Engelmann ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Landesgericht Linz. Minħabba xi dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet Awstrijaċi dwar il-logħob tal-ażżard mal-libertajiet Komunitarji dwar il-provvista ta’ servizzi u dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-qorti nazzjonali rriferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari skont l-Artikolu 234 KE.
25. Fl-ewwel lok, dawn id-dubji huma bbażati fuq il-fatt li, skont il-Qorti tar-rinviju, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma kinitx ippreċeduta minn analiżi tal-perikoli marbuta mal-logħob kompulsiv u tal-possibbiltajiet ta’ prevenzjoni li jeżistu fil-liġi jew fil-fatt, liema ħaġa tmur kontra s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (Kawża C‑42/02, Ġabra p. I‑13519, punti 25 u 26).
26. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar in-natura koerenti u sistematika tal-politika Awstrijaka fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mogħti b’konċessjoni. Hija tqis li jista’ jkun hemm limitazzjoni koerenti u sistematika tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard u tal-imħatri biss meta l-leġiżlatur jevalwa l-oqsma u s-setturi kollha tal-logħob tal-ażżard u għalhekk jintervjeni skont il-potenzjal ta’ perikolu jew ta’ dipendenza li jirrappreżenta kull tip ta’ logħob. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ fl-Awstrija. Fil-fatt, il-monopolju tal-logħob tal-ażżard fl-Awstrija jippermetti l-organizzazzjoni massiva tar-riklamar għal dan is-settur, b’mod partikolari għall-imħatri fuq partiti tal-futbol imsejħa TOTO, kif ukoll għal-logħob tal-“Lotto Jackpot”. Għaldaqstant, tkompli tgħid il-qorti ta’ rinviju, inċitazzjoni qawwija għall-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard jew fl-imħatri hija aċċettata fl-Awstrija.
27. Fit-tielet lok, il-Landesgericht Linz għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-adegwatezza, tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni tal-għoti tal-konċessjonijiet biss lill-kumpanniji b’responsabbiltà limitata li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali, u dwar il-ġustifikazzjoni ta’ tali limitazzjoni fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-logħob kompulsiv.
28. Fl-aħħar nett, il-Landesgericht tinvoka l-Artikolu 24(a) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li l-għan tiegħu huwa speċifikament li jkun evitat kull impatt negattiv fuq id-dħul fiskali provenjenti mill-miżati li jitħallsu mill-istabbilimenti tal-logħob. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk f’dan il-każ hemmx kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha r-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard għandhom ikunu mmirati sabiex inaqqsu effettivament l-opportunitajiet tal-logħob u mhux biex joħolqu sors ta’ finanzjament ġdid.
29. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, jekk jitqies li l-liġi Komunitarja tippermetti li E. Engelmann jingħata permess sabiex jopera stabbiliment tal-logħob tal-ażżard mingħajr ma jkun obbligat li jistabbilixxi jew li jakkwista kumpannija b’responsabbiltà limitata rreġistrata fl-Awstrija għal dan il-għan, huwa jkun jista’ bħala prinċipju japplika sabiex jikseb konċessjoni. Għalhekk, jekk din il-konċessjoni tkun ingħatatlu, ma jkunux sodisfatti l-elementi li jikkostitwixxu logħob tal-ażżard illegali skont l-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaku.
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Linz iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“1. L-Artikolu 43 [KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tirriżerva l-operat tal-logħob tal-ażżard fl-istabbilimenti tal-logħob esklużivament għall-kumpanniji stabbiliti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li għalhekk timponi l-istabbiliment jew l-akkwist ta’ tali kumpannija f’dan l-Istat Membru?
2. L-Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu kull monopolju nazzjonali ta’ ċertu logħob tal-ażżard, bħal-logħob tal-ażżard fl-istabbilimenti tal-logħob, meta l-Istat Membru kkonċernat ma jkollux politika koerenti u sistematika ta’ limitazzjoni tal-logħob tal-ażżard minħabba li l-organizzaturi li jkunu ngħataw liċenzja nazzjonali jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard – bħal imħatri sportivi u lotteriji nazzjonali – u jirriklamaw f’dan is-sens fuq it-televiżjoni, fil-gazzetti jew fir-rivisti, riklamar li jħabbar anki li tista’ tintrebaħ somma flus kontanti ma’ biljett ftit qabel it-tlugħ tal-lottu (“TOI TOI TOI – Glaub’ ans Glück”) (“Xorti tajba – Temmen fix-xorti”)?
3. L-Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li kull konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard u ta’ stabbilimenti tal-logħob previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal-logħob tal-ażżard, tingħata għal perijodu ta’ 15-il sena fuq il-bażi ta’ liġi li teskludi mis-sejħa għall-offerti lill-kandidati taż-żona Komunitarja (li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru)?”
31. E. Engelmann, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Greċja, ta’ Spanja u tal-Portugall ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta, li saret fl-14 ta’ Jannar 2010, saru trattazzjonijiet orali mir-rappreżentanti ta’ E. Engelmann, mill-Kummissjoni u mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Greċja u tal-Portugall.
IV – Kunsiderazzjonijiet legali
A – Domanda preliminari: dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari u l-effett eventwali tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-sitwazzjoni ta’ E. Engelmann
32. Din il-kawża tqajjem kwistjoni preliminari ta’ ammissibbiltà tad-domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, billi r-risposta eventwali għalihom tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ ma jkollha ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ E. Engelmann, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.
33. Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li r-rekwiżit ta’ uffiċċju reġistrat ta’ kumpannija fl-Awstrija ma huwiex konformi mat-Trattat, il-fatt jibqa’ li E. Engelmann huwa persuna fiżika. Huwa jkun affettwat bir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja biss kieku kellu jifforma kumpannija b’mod konformi mal-liġi Awstrijaka (kapital minimu, eċċ., sakemm din titqies konformi mat-Trattat). It-tieni domanda preliminari, li tikkonċerna l-attività ta’ riklamar tal-logħob tal-ażżard, lanqas ma hi marbuta direttament mas-sitwazzjoni ta’ E. Engelmann u mal-fatti tal-kawża prinċipali. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, il-ġurisprudenza tħeġġiġna sabiex ikollna fiduċja fil-qorti tar-rinviju, liema qorti għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tagħti sentenza abbażi tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi mqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (6)
34. Ir-rilevanza tat-tielet domanda preliminari, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-konċessjoni, hija ħafna inqas dubjuża u hija direttament marbuta mal-fatti tal-kawża prinċipali. Dan jirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza tas-6 Marzu 2007, Placanica, (7) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet miftuħa għal operaturi li kienu ġew illegalment esklużi mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn konċessjoni fl-aħħar sejħa għall-offerti, in-nuqqas ta’ konċessjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ operaturi bħal dawn” (8).
35. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tiddeċiedi li perijodu ta’ ħmistax-il sena ma huwiex konformi mat-Trattat, tkun applikabbli indirettament is-sentenza Placanica.
36. Minħabba din il-ġurisprudenza, għandha tingħata wkoll risposta għal domanda li ma kinitx intavolata mil-Qorti tar-rinviju, iżda li tqajmet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li tista’ tinfluwenza l-eżitu tal-kawża prinċipali: din tikkonċerna l-kwistjoni tal-allegat nuqqas ta’ trasparenza fit-tiġdid tal-konċessjonijiet għat-tħaddim tal-każinòs.
B – Fuq l-ewwel domanda preliminari
37. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 43 KE jipprekludix legiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-operat tal-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard esklużivament lill-kumpanniji stabbiliti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata u li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’tali mod għalhekk li din il-leġiżlazzjoni timponi l-istabbiliment jew l-akkwist ta’ tali kumpannija f’dan l-Istat Membru.
1. Argumenti prinċipali tal-partijiet
38. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll E. Engelmann iqisu li din id-domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv Madankollu, il-Kummissjoni, tippreċiża li raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-kredituri, tista’ eventwalment tiġġustifika l-ħtieġa ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju.
39. Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Greċja u ta’ Spanja jsostnu li anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, din tista’ tkun iġġustifikata minn raġuni ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonata.
40. B’mod partikolari, il-Gvern Awstrijaku josserva li r-rekwiżiti stabbiliti mill-legiżlazzjoni nazzjonali tiegħu rigward l-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija li għandha l-konċessjoni u rigward il-forma legali tagħha huma indispensabbli sabiex ikun żgurat il-kontroll effettiv tal-attività tagħha. Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijaku jippreċiża li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikjedix li l-kumpannija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fit-territorju Awstrijaku fil-mument meta tapplika għal konċessjoni u waqt il-fażi tal-evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.
41. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Portugiż jikkunsidra li d-digriet tar-rinviju ma fihx elementi biżżejjed sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, b’tali mod li din hija inammissibbli.
2. Kunsiderazzjonijiet
a) Nota preliminari dwar l-invokazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment
42. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE) tal-Artikolu 21 tal-Liġi Federali dwar il-logħob tal-ażżard, li jistipula li l-konċessjonarji tal-każinòs għandhom ikunu kumpanniji b’responsabbiltà limitata li jkollhom bord ta’ sorveljanza u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Awstrija.
43. L-ewwel qari ta’ din id-domanda jista’ jwassal għall-ħsieb li hija pjuttost il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE) li hija involuta f’dan il-każ, peress li l-kumpanniji li jistgħu jiġu esklużi mill-għoti ta’ konċessjonijiet bħal dawn huma dawk li ma għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat fejn jingħataw is-servizzi. Eżami iktar mill-qrib tal-fatti tal-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza, jippermetti madankollu li jiġi konkluż li l-approċċ tal-Landesgericht Linz huwa korrett.
44. Il-ġurisprudenza għamlet delimitazzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn iż-żewġ libertajiet, fejn l-element prinċipali huwa dak jekk il-kummerċjant jipprovdix is-servizzi tiegħu “b’manjiera stabbli u kontinwa”, mill-post ta’ negozju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew mill-post ta’ negozju fi Stat Membru ieħor. Fl-ewwel każ, l-operatur jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment; fit-tieni każ, huwa fornitur transkonfinali taħt il-provvista ħielsa ta’ servizzi (9).
45. Fid-dawl tal-Artikolu 43 KE, dan il-kunċett ta’ “post ta’ negozju” huwa interpretat b’mod wiesa’, li jinkorpora fih mhux biss l-uffiċċju reġistrat fiżiku prinċipali tal-attività tal-operatur, iżda wkoll l-eventwali uffiċċji reġistrati sekondarji tiegħu. Kif iddikjarat b’mod espliċitu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gebhard, iċċitata iktar ’il fuq, “persuna tista’ tkun stabbilita, skont it-Trattat, f’iktar minn Stat Membru wieħed, u dan, b’mod partikolari fil-każ ta’ kumpanniji, permezz tal-ħolqien ta’ aġenziji, ta’ fergħat jew ta’ kumpanniji sussidjarji u, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal-membri tal-professjonijiet liberali, bil-ħolqien tat-tieni post ta’ negozju” (punt 24) (10). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
46. Konsegwentement, l-essenza tal-Artikolu 43 KE, tinsab fl-“eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor għal perijodu indefinit” (11).
47. F’dan il-każ, il-liġi Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard tipprojbixxi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija billi tipprekludihom milli jiftħu stabbiliment fiss intiż għall-operat ta’ każinò tul iż-żmien ta’ konċessjoni eventwali. Kif indikat il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-każinòs “fiżiċi”, li neċessarjament għandhom preżenza kummerċjali fl-Awstrija, il-kwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 43 KE. Għall-kumpanniji mhux Awstrijaċi, japplika d-dritt li jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija permezz tal-ħolqien hemmhekk tat-tieni post ta’ negozju.
48. L-obbligu impost fuq il-kummerċjanti tal-Istati Membri l-oħra li jistabbilixxu ruħhom, b’mod prinċipali, fl-Istat fejn iridu joffru s-servizzi tagħhom jikkostitwixxi ċertament iċ-“ċaħda tal-libertà tal-provvista ta’ servizzi” (12). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li “d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar is-servizzi huma sussidjarji għal dawk tal-kapitolu dwar id-dritt ta’ stabbiliment” (13).
49. L-ewwel domanda tal-Landesgericht Linz tirrigwarda tnejn mill-kundizzjonijiet li l-Artikolu 21 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jimponi fuq il-kumpanniji li jixtiequ jressqu l-kandidatura tagħhom sabiex joperaw każinò. Min-naħa waħda, il-konċessjonijiet jistgħu jingħataw biss lil kumpannija b’responsabbiltà limitata; min-naħa l-oħra, il-kumpannija b’responsabbiltà limitata inkwistjoni għandu jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Awstrija. Peress li dawn iż-żewġ rekwiżiti huma differenti ħafna fin-natura u fil-portata tagħhom, jidher li jkun preferibbli li ssir evalwazzjoni separata ta’ kull wieħed minnhom.
b) Ir‑rekwiżit ta’ uffiċċju rreġistrat fl-Awstrija
50. Fl-ewwel lok, neżaminaw ir-rekwiżit fuq il-kumpanniji li jistabbilixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Awstrija.
51. Dan ir-rekwiżit għandu l-konsegwenza li jimpedixxi kull parteċipazzjoni fil-qasam tal-logħob fl-Awstrija lill-kumpanniji inkorporati fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ, għal dan il-għan, sempliċement jistabbilixxu negozju fiss fl-Awstrija (kemm jekk taħt forma ta’ aġenzija, ta’ kumpannija sussidjarja, ta’ fergħa jew xi forma oħra). Kumpannija barranija li tixtieq tkun konċessjonarja ta’ każinò fl-Awstrija għandha tistabbilixxi jew takkwista kumpannija oħra fl-Awstrija, u ma tistax sempliċement topera każinò b’mod transkonfinali, billi tillimita l-istabbiliment tal-logħob għal post ta’ negozju sekondarju biss. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-ġurisprudenza eżaminata iktar ’il fuq, tali rekwiżit jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 43 KE.
52. Barra minn hekk, dan huwa eżempju ċar ta’ diskriminazzjoni diretta bejn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.
53. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE jinvolvi projbizzjoni ta’ kull restrizzjoni li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, fejn l-iktar gravi minn dawn ir-restrizzjonijiet huma l-miżuri diskriminatorji.
54. B’applikazzjoni tal-Artikolu 48 KE, il-libertà ta’ stabbiliment żgurata mill-Artikolu 43 KE tinkludi, għall-kumpanniji inkorporati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fil-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa jew ta’ aġenzija. Għalhekk, l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanniji, kif deskritt iktar ’il fuq, iservi sabiex tiġi stabbilita, l-istess bħal fil-każ taċ-ċittadinanza ta’ persuna naturali, ir-rabta tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat,. Konsegwentement, jekk jiġi aċċettat li l-Istat Membru fejn il-kumpannija hija stabbilita jista’ japplika liberament trattament differenti sempliċement minħabba l-fatt li l-uffiċċju reġistrat ta’ kumpannija jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, din id-dispożizzjoni titlef is-sens tal-kontenut tagħha (14).
55. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-regoli ta’ trattament ugwali jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet evidenti bbażati fuq in-nazzjonalità, jew fuq il-post fejn tal-uffiċċju reġistrat fil-każ tal-kumpanniji, iżda wkoll kull forma oħra ta’ diskriminazzjoni moħbija li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (15).
56. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard tintroduċi diskriminazzjoni diretta billi tipprojbixxi lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru ieħor milli jingħataw konċessjoni għall-operat ta’ każinò.
57. B’mod evidenti, il-kwalifika bħala “diskriminazzjoni diretta” ma hijiex newtrali: kif inhu magħruf, il-miżuri diskriminatorji jistgħu jiġu ġġustifikati biss minn waħda mid-derogi espressament previsti mill-Artikoli 45 KE u 46 KE, filwaqt li r-restrizzjonijiet li ma humiex diskriminatorji u dawk li jinvolvu diskriminazzjoni indiretta jistgħu ikunu ġġustifikati wkoll minn “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”, kunċett li huwa ċertament iktar wiesa’ (16).
58. Fost id-derogi tal-Artikoli 45 KE u 46 KE, huma biss ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika tal-Artikolu 46 KE li jistgħu eventwalment jiġu invokati f’dan il-każ.
59. Bħal fil-każ ta’ kull regola derogatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tat interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 46 KE. Fil-fatt, l-użu ta’ din il-ġustifikazzjoni jippresupponi l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement serja li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà (17).
60. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijaku, ma jistax jingħad li tali theddida tirriżulta mill-impossibbiltà, li jkunu jinsabu fiha l-awtoritajiet Awstrijaċi, kieku r-regola inkwistjoni ma kinitx teżisti, li jwettqu kontroll effettiv tal-attivitajiet eżerċitati minn impriża tal-logħob li l-uffiċċju reġistrat prinċipali tagħha jkun jinsab fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, jistgħu jsiru kontrolli fuq kull impriża stabbilita fi Stat Membru, u barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuqhom, irrispettivament mill-post tar-residenza tal-amministraturi tagħhom. Bl-istess mod, il-ħlas effettiv ta’ sanzjoni pekunjarja eventwali jista’ jiġi żgurat permezz ta’ depożitu ta’ garanzija minn qabel (18).
61. Il-Gvern Awstrijaku jinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward tal-logħob tal-ażżard, tħalli lill-Istati Membri “setgħa diskrezzjonali suffiċjenti biex jiddeterminaw il-ħtiġijiet inklużi fil-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali”, skont l-iskala tal-valuri tagħhom (19). Madankollu, fir-realtà, din is-setgħa diskrezzjonali għandha l-limiti tagħha. L-ewwel limitu huwa preċiżament il-projbizzjoni ta’ kull miżura ta’ natura diskriminatorja. Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Awstrijaku ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.
62. Finalment, il-Gvern Awstrijaku jsostni li l-Artikolu 21 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma jeħtieġx li kumpannija kandidata għal konċessjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fit-territorju nazzjonali matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħha, u li r-rekwiżit inkwistjoni japplika biss għall-kandidat magħżul u għat-tul tal-konċessjoni. Għalhekk, skont il-Gvern Awstrijaku, din hija miżura proporzjonata. Madankollu, dan l-argument ma huwiex validu. L-ewwel nett, minħabba li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ta’ natura li tiskoraġġixxi lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli japplikaw minħabba l-ispejjeż tal-istabbiliment u tal-installazzjoni fl-Awstrija li jkollhom jonfqu jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun aċċettata. It-tieni nett, u f’kull każ, minħabba li d-diskriminazzjoni tal-kumpanniji barranin hija tabilħaqq reali minn meta tingħata l-konċessjoni, u ma jkun hemm l-ebda tibdil f’dan is-sens fl-eventwali “proporzjonalità” tal-miżura diskriminatorja.
ċ) Ir-rekwiżit ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata
63. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-rekwiżit impost fuq il-konċessjonarju ta’ każinò li jkollu l-istatus ġuridiku ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata huwiex kompatibbli mal-Artikolu 43 KE.
64. Din il-kundizzjoni hija ta’ natura li tipprekludi lill-operaturi Komunitarji – Awstrijaċi jew oħrajn – li huma persuni fiżiċi milli joħolqu stabbiliment sekondarju fl-Awstrija bl-istess iskop. Din hija għalhekk restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (20).
65. Madankollu, b’differenza mill-kundizzjoni taċ-ċittadinanza li għadha kemm ġiet analizzata, ir-rekwiżit ta’ forma legali speċifika ma huwiex ta’ natura diskriminatorja, minħabba li dan japplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini Awstrijaċi u għal dawk ta’ Stati Membri oħra. Konsegwentement, u għalkemm jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, dan jista’ jkun iġġustifikat minn għanijiet ta’ interess ġenerali.
66. B’mod iktar preċiż, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, meta jkunu jistgħu jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex u meta ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. F’kull każ, u kif diġà ssemma, dawn għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju (21).
67. Fost ir-“raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet, hemm il-ħarsien tal-konsumatur kif ukoll il-prevenzjoni tal-frodi u tal-instigazzjoni taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob. Il-Gvern Awstrijaku jinvoka, f’dan ir-rigward l-“għan ta’ kontroll effettiv mill-Istat” ta’ settur sensittiv bħal dak tal-logħob tal-ażżard. Huwa kompitu tiegħu li juri, quddiem il-qorti tar-rinviju, li r-rekwiżit li l-konċessjonarju ta’ każinò għandu jkun kumpannija b’responsabbiltà limitata huwa adegwat sabiex jintlaħaq dan l-għan, u li huwa soluzzjoni proporzjonata, u li l-għan inkwistjoni ma jistax jintlaħaq jekk il-konċessjonarju jagħżel forma ġuridika oħra.
68. Ser nillimita ruħi sabiex nindika li f’dan ir-rigward naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li tgħid li “s-sottoskrizzjoni ta’ kapital minimu, kif meħtieġ għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata mill-liġi [Komunitarja] dwar il-kumpanniji, tista’ per eżempju eventwalment isservi għan ta’ ħarsien soċjali, għaliex din tikkostitwixxi ċertu livell ta’ affidabbiltà u tiżgura ċerta protezzjoni lill-kredituri fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ operazzjonijiet kummerċjali”. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment applikata mill-liġi Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.
C – Fuq it-tieni domanda preliminari
69. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux kull monopolju nazzjonali ta’ ċertu logħob tal-ażżard, bħal dawk li jintlagħbu fl-istabbilimenti tal-logħob, meta l-Istat Membru kkonċernat ma jkollux politika koerenti u sistematika ta’ restrizzjoni tal-logħob tal-ażżard. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan in-nuqqas ta’ koerenza huwa dovut għall-fatt li “l-organizzaturi li jkollhom konċessjoni nazzjonali jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard – bħall-imħatri sportivi u l-lotteriji nazzjonali – u jirriklamaw f’dan is-sens fuq it-televiżjoni, fil-gazzetti u fir-rivisti”.
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
70. E. Engelmann isostni li l-politika Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard ma hijiex koerenti u bħala evidenza ta’ dan jgħid li l-offerta tal-logħob mill-monopolisti u l-ispejjeż tar-riklamar tagħhom, f’dawn l-aħħar snin, kellhom tkabbir kostanti. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Awstrijaku, dan it-tkabbir huwa r-riżultat ta’ xewqa ta’ “espansjoni kontrollata”, sabiex tiġi offruta soluzzjoni kemm affidabbli kif ukoll attraenti ta’ sostituzzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet ipprojbiti; il-Gvern Awstrijaku jsostni wkoll li kampanja ta’ riklamar mhux xierqa waħda biss (hekk kif jidher li qed tinvoka l-qorti tar-rinviju) ma tistax tpoġġi f’dubju l-koerenza ta’ sistema ta’ konċessjoni.
71. Il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Greċja u tal-Portugall josservaw, filwaqt li jinvokaw il-ġurisprudenza Placanica et, li l-eżistenza ta’ ċertu tip ta’ riklamar għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ma timplikax, fiha nnifisha, li l-politika nazzjonali f’dan ir-rigward hija inkoerenti skont l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
72. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tippreċiża li għall-evalwazzjoni tan-natura koerenti u sistematika tal-politika tal-logħob ipprattikata, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni l-istrateġija tal-monopolista fuq il-prodotti u fuq ir-riklamar kif ukoll il-mezzi ta’ kontroll eżistenti.
2. Kunsiderazzjonijiet
73. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirriżulta minn evalwazzjoni tal-koerenza globali tal-politika tal-logħob fi Stat Membru. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-monopolju Statali fuq il-każinòs huwa inkompatibbli mat-Trattat billi d-detenturi tal-konċessjonijiet fuq logħob ieħor ukoll monopolizzat (bħal-lotteriji) jirriklamaw il-prodotti tagħhom.
74. It-tweġiba teħtieġ raġunament f’żewġ stadji.
75. Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat kemm huwa possibbli li jsir riklamar ta’ logħob li huwa suġġett għal monopolju mingħajr ma tkun ippreġudikata l-koerenza tal-politika dwar il-logħob – il-kwistjoni tar-riklamar.
76. Fit-tieni stadju, għandu jiġi mistoqsi jekk l-inkoerenza eventwali li tirriżulta mill-attività ta’ riklamar żviluppata mill-konċessjonarji tal-lotteriji tistax tqiegħed indiskussjoni l-koerenza, u għalhekk il-kompatibbiltà mat-Trattat, tad-deċiżjoni li logħob ieħor jiġi ssuġġettat għal sistema ta’ monopolju, bħal dak li jintlagħab fil-każinòs – il-kwistjoni tal-analiżi settorjali.
a) Il-kwistjoni tar-riklamar
77. Primarjament għandna naraw jekk ir-riklamar u l-monopolju jistgħux jeżistu flimkien fl-osservanza tat-Trattati.
78. L-eżami tal-koerenza u tal-proporzjonalità ta’ miżura restrittiva bħall-monopolju tal-logħob hija, b’mod evidenti, kwistjoni wiesgħa u tassumi, qabel kollox, li jiġu stabbiliti l-għanijiet segwiti mir-regolamentazzjoni restrittiva.
79. F’dan il-każ, għandna biss ħjiel ta’ dawn l-għanijiet. Ix-xogħol preparatorju tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard juri li l-leġiżlatur kien qiegħed isegwi l-għan doppju li l-logħob jiġi dirett lejn il-legalità u li b’hekk jiġi evitat li l-lagħaba jaqgħu fit-tentazzjoni li jilgħabu logħob tal-ażżard illegali u, fl-istess ħin, li jissorvelja l-prattika tal-logħob u li jipproteġi lil-lagħaba.
80. Ix-xogħol preparatorju juri li l-leġiżlatur kien qiegħed ifittex ukoll, minbarra dan l-għan doppju, għan fiskali. E. Engelmann isostni li l-politika Awstrijaka f’dan il-qasam hija nieqsa mill-koerenza, minħabba li l-monopolju jsegwi b’mod prinċipali dan l-għan fiskali li jinkiseb dħul għall-Istat. Billi l-qorti tar-rinviju, madankollu ma hijiex qed tistaqsi espressament fuq dan il-punt, jien ser nillimita ruħi sabiex nindika li, skont il-ġurisprudenza, dan it-tip ta’ għan “għandu jikkostitwixxi biss benefiċċju inċidentali, u mhux il-ġustifikazzjoni reali tal-politika restrittiva implementata” (22). Il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina l-portata tal-Artikoli 14 u 21 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard sa fejn dawn jagħtu prijorità, għall-akkwist tal-konċessjonijiet, lill-kandidat li joffri l-aħjar prospetti ta’ dħul fiskali. Jekk jiġi rilevat li dan l-għan fiskali huwa għan prinċipali, is-sistema tal-monopolju tkun, kemm bir-riklamar jew mingħajru, tikser il-liġi Komunitarja.
81. Għaldaqstant nibdew mill-għan ta’ “direzzjoni” li x-xogħol preparatorju tal-liġi Awstrijaka jsemmi fl-ewwel lok. Dan jirrigwarda l-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità f’dan il-qasam, billi d-domanda għal-logħob tiġi diretta lejn offerta kontrollata u sorveljata mill-Istat.
82. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà bejn dan l-għan ta’ “direzzjoni” tad-domanda għal-logħob u ċertu attività ta’ riklamar. Fis-sentenza tagħha Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti ddeċidiet li “politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard jista’ jkun kompletament koerenti ma’ l-għan li jinġibed il-lagħba li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u ta’ l-imħatri klandestini fihom infushom ipprojbiti lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati. […] sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-operaturi awtorizzati għandhom jagħtu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attività pprojbita, li fiha nnifisha tkun tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, riklamar ta’ ċertu wesa’ u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni” (punt 55).
83. Għalhekk, il-prinċipju diġà ġie stabbilit mill-ġurisprudenza (23). Il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk l-offerta ta’ logħob proposta mill-proprjetarji ta’ konċessjoni nazzjonali u r-riklamar li jiżviluppaw għandhomx il-portata adegwata biex jikkostitwixxu alternattiva “attraenti” għal logħob ipprojbit, mingħajr iżda ma jistimulaw b’mod eċċessiv id-domanda għal-logħob tal-ażżard, liema ħaġa tmur kontra l-għan tal-protezzjoni tal-lagħab individwali, ukoll iċċitat fix-xogħol preparatorju tal-liġi. Finalment, ir-riklamar u l-espansjoni tal-logħob għandhom ikunu proporzjonati.
84. Jien naqbel, fuq dan il-punt, mal-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li jindikaw li “fir-rigward tar-riklamar, il-qorti nazzjonali għandha wkoll tistabbilixxi jekk l-istrateġiji rilevanti tal-monopolista fil-fatt għandhomx biss l-iskop li jinfurmaw lill-klijenti potenzjali dwar l-eżistenza ta’ prodotti u jekk dawn humiex utli sabiex jiżguraw aċċess regolari għal-logħob tal-ażżard jew jekk dawn il-miżuri strateġiċi jħajrux u jistimulawx parteċipazzjoni attiva f’tali logħob”.
85. Madankollu, il-Gvern Awstrijaku osserva b’mod rilevanti fin-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu li “operazzjoni ta’ riklamar individwali ma tistax tikkomprometti l-legalità ta’ sistema ta’ protezzjoni nazzjonali anki jekk bħala tali din kellha tkun eċċessiva”. Fil-fatt, jien nikkunsidra li l-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-koerenza tar-restrizzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-istrateġija ta’ riklamar tal-konċessjonarji, iżda b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-effettività tal-kontroll li l-Istat jeżerċita fuq dik l-attività kummerċjali.
b) Il-kwistjoni tal-analiżi settorjali
86. F’kull każ, dan l-eventwali nuqqas ta’ koerenza jaffettwa biss, skontna, il-monopolju li favurih tiġi żviluppata tali attività ta’ riklamar sproporzjonata u inkongruenti.
87. Għalkemm, kif tenfasizza ġurisprudenza stabbilita, “l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet politiċi tagħhom f’materji ta’ logħob tal-ażżard u, fejn xieraq, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mfittxija”(24), il-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet mal-libertajiet li huma jagħżlu li jimponu għandha tiġi analizzata individwalment, mingħajr interferenza minn logħba għal oħra.
88. Fis-sentenza tagħha Placanica et, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament li kien xieraq li jsir it-test ta’ koerenza u ta’ proporzjonalità “separatament għal kull waħda mir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali” (25). Dan jeskludi l-eżami konġunt tal-monopolju fuq żewġ tipi ta’ logħob tal-ażżard differenti bħalma huma, minn naħa, il-lotteriji u, min-naħa l-oħra, il-logħob fil-każinòs.
89. Barra minn hekk, kull logħba hija differenti mill-oħrajn. Tali settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun iktar inklinat għall-iżvilupp ta’ attivitajiet frawdolenti jew kriminali, jew tali settur ieħor jista’ jkun iktar perikoluż f’termini ta’ dipendenza. Konsegwentement, dawn is-setturi differenti ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod, u huwa l-Istat Membru li għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu.
90. Għaldaqstant, Stat Membru huwa ħieles li jittratta b’mod differenti żewġ monopolji tal-logħob, bħalma huwa liberu li jipprojbixxi r-riklamar fuq it-televiżjoni għal ċertu xorb alkoħoliku u mhux għal xorb ieħor (26).
91. Din l-analiżi settorjali hija inkompatibbli mal-argument, imqajjem waqt is-seduta mill-Gvern Awstrijaku, li jgħid li riklamar iktar ampju favur logħob inqas perikoluż, bħal-lotteriji, jikkontribwixxi għall-għan li l-lagħaba jiġu diretti lejn dan il-logħob, u li jbegħedhom minn logħob ieħor li wieħed ikun iktar dipendenti fuqu, bħal dak li jsir fil-każinòs.
D – Fuq it-tielet domanda preliminari
1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet
92. F’dak li jirrigwarda t-tielet domanda preliminari, E. Engelmann isostni li kemm l-allokazzjoni tal-konċessjonijiet għal perijodu ta’ ħmistax-il sena kif ukoll il-fatt tal-esklużjoni mis-sejħa għall-offerti tal-applikanti li ma għandhomx iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru jmorru kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Fir-rigward tat-tul tal-konċessjonijiet, E. Engelmann isemmi l-għan prijoritarjament fiskali tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14(5) u 21(4) u (5) tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jipprovdu li fl-ipoteżi li jiġu ppreżentati simultanjament iktar minn applikazzjoni waħda għall-konċessjonijiet, il-konċessjoni tingħata lil dak li joffri l-aħjar prospetti ta’ qligħ fiskali.
93. Il-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu risposta iktar sfumata għal din it-tielet domanda preliminari, li tikkonsisti f’li tiġi rriżerva soluzzjoni distinta, min-naħa waħda, għall-eventwali esklużjoni mis-sejħa għal offerti ta’ persuni li ma jkunux ċittadini u, min-naħa l-oħra, għat-tul tal-konċessjonijiet.
94. Qabel kollox, fir-rigward tal-esklużjoni tal-kandidati li ma humiex ċittadini tal-Istat Membru, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Belġjan jindikaw li tali dispożizzjoni diskriminatorja tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Il-Gvern Awstrijaku jissottometti li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tipprekludix mill-proċedura għall-għoti ta’ konċessjonijiet lill-kandidati potenzjali li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor, peress li ma hemmx għalfejn li r-rekwiżiti tal-forma legali u tal-uffiċċju reġistrat tal-kandidat jkunu sodisfatti fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ksib ta’ konċessjoni. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Portugiż isostni li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat, filwaqt li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet, ma fih ebda obbligu li l-fornituri barranin jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli miċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn titwettaq il-provvista tas-servizzi.
95. Fir-rigward tat-tul tal-konċessjonijiet, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Awstrijaku jikkunsidraw li l-limitazzjoni tiegħu għal perijodu ta’ ħmistax-il sena hija raġonevoli u proporzjonali, fid-dawl tad-daqs kbir tal-investimenti li għandhom jagħmlu l-konċessjonarji. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni tista’ tikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, restrizzjoni ġġustifikata fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2. Kunsiderazzjonijiet
96. Fit-tielet u l-aħħar domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa t-tul ta’ kull konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard u għall-istabbilimenti tal-logħob għal ħmistax-il sena, u li teskludi mis-sejħa għall-offerti lill-kandidati li jinsabu fiż-żona Komunitarja li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru.
97. Fl-ewwel lok, fil-fehma tagħna, xejn ma jipprekludi milli t-tul tal-konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob jiġi stabbilit għal ħmistax-il sena. Huwa essenzjali li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għat-tul tal-konċessjonijiet sabiex tkun żgurata ċerta kompetizzjoni miftuħa fuq tul ta’ żmien medju. Fl-istess ħin, perijodu ta’ ħmistax-il sena ma jidhirx li huwa eċċessivament twil fid-dawl tad-daqs kbir tal-investimenti li ġeneralment tinvolvi din it-tip ta’ attività. Perijodu qasir wisq jobbliga lill-konċessjonarji sabiex isegwu politika kummerċjali agressiva, li tkun inkonsistenti mal-għanijiet ta’ interess pubbliku. Din hija għaldaqstant restrizzjoni nondiskriminatorja, koerenti u proporzjonali.
98. Fil-kuntest ta’ din id-domanda, E. Engelmann sostna wkoll li l-konċessjonijiet tal-logħob tal-ażżard fl-Awstrija “jingħataw in camera lill-CASAG u lill-ÖLG”, u jallega li l-awtoritajiet Awstrijaċi pproċedew għal tiġdid tal-perijodu ta’ dawn il-konċessjonijiet qabel id-data tal-iskadenza tiegħu sabiex tiġi evitata l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u konsegwentement, tiġi evitata l-possibbiltà għal operaturi oħra li jiksbu konċessjoni.
99. Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijaku ma ċaħadx, u kkonferma li t-tul tal-konċessjonijiet għall-operat ta’ każinòs kien ġiet pprorogat għal 22 sena mingħajr riklamar bil-quddiem.
100. Skont ġurisprudenza diġà ferm stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza jobbliga li “jiġi garantit, favur kull offerent potenzjali, livell adegwat ta’ riklamar li jippermetti l-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-konċessjoni tas-servizzi, kif ukoll l-istħarriġ tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni (27).
101. Għaldaqstant, jekk jirriżulta li l-estensjoni tat-tul tal-konċessjonijiet inkwistjoni saret mingħajr riklamar u mingħajr ftuħ għall-kompetizzjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw tali proċedura għajr billi jinvokaw waħda mid-derogi tal-Artikoli 45 KE u 46 KE, jew inkella raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u f’dan l-aħħar każ bil-kundizzjoni li n-nuqqas ta’ trasparenza tkun miżura xierqa għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali inkwistjoni, u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (28).
102. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ttenni t-tħassib tagħha dwar l-eventwali portata diskriminatorja tar-regoli għall-għoti tal-konċessjonijiet fil-qasam tal-logħob. Il-Landesgericht Linz hawnhekk tirreferi għall-esklużjoni preżunta tal-persuni li ma jkunux ċittadini ta’ dak l-Istat fil-mument meta ssir il-proċedura tal-għoti (liema ħaġa hija miċħuda mill-Gvern Awstrijaku), filwaqt li l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-esklużjoni mill-attività tal-operat li tirriżulta mill-konċessjonijiet.
103. Minkejja din l-isfumatura, jien nikkunsidra li r-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda għandha tkun l-istess bħal dik mogħtija lill-ewwel domanda preliminari, fejn il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu faċilment jiġu trasposti għal eventwali limitazzjoni tal-Artikolu 49 KE. Il-projbizzjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli jieħdu sehem fis-sejħa għal offerti tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (billi s-sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura ma tirrikjedix stabbiliment sekondarju fil-pajjiż inkwistjoni), u din hija restrizzjoni diskriminatorja li ma tistax tkun ġustifikata f’dan il-każ.
V – Konklużjoni
104. Għaldaqstant, nipproponu li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jingħataw ir-risposti li ġejjin:
“1) L-artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li jirriżerva l-operat tal-logħob tal-ażżard fl-istabbilimenti tal-logħob esklużivament għall-kumpanniji stabbiliti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
2) Il-fatt li d-detenturi ta’ konċessjoni nazzjonali jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-ażżard u jagħmlu riklamar ma jimplikax neċessarjament li l-politika nazzjonali ta’ restrizzjoni tal-logħob tal-ażżard hija nieqsa mill-koerenza fis-sens tal-ġurisprudenza. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dak ir-riklamar huwiex koerenti mal-għan li jkun hemm alternattiva “attraenti” għal-logħob ipprojbit, mingħajr madankollu ma tiġi stimulata b’mod eċċessiv id-domanda għal-logħob tal-ażżard. F’kull każ, dan l-eventwali nuqqas ta’ koerenza jaffettwa esklużivament lil dak il-monopolju li jiżviluppa din l-attività ta’ riklamar b’mod sproporzjonat u inkoerenti.
3) L-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li skontha l-konċessjonijiet kollha għall-operat tal-logħob tal-ażżard u ta’ stabbilimenti tal-logħob jingħataw fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni li teskludi mis-sejħa għal offerti lill-kandidati li qegħdin fiż-żona Komunitarja li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru.
L-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux limitazzjoni tat-tul tal-konċesjonijiet għal ħmistax-il sena.”