Language of document : ECLI:EU:T:2017:282

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

24 ta’ April 2017 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Sensiela ta’ reklutaġġi bħala membru tal-persunal – Kuntratti għal żmien determinat – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Użu ħażin ta’ poter – Talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑584/16,

HF, residenti f’Bousval (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Tymen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Deneys u S. Alves, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet, essenzjalment, b’riżultat ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, HF, ġiet irreklutata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) permezz ta’ kuntratti suċċessivi, mis-6 ta’ Jannar sal-14 ta’ Frar 2003, mill-15 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2003, mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2003 u mill-1 sal-31 ta’ Lulju 2003, u dan bħala membru tal-persunal awżiljarju, kategorija ta’ impjieg li kienet prevista fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), fil-verżjoni tagħhom ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Ir-rikorrenti kienet assenjata lid-diviżjoni “Awdjoviżiv”, li llum saret unità (iktar ’il quddiem l-“unità tal-awdjoviżiv”) tad-Direttorat għall-Midja (iktar ’il quddiem id-“Direttorat għall-Midja”) tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Informazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi”, li sar id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Komunikazzjoni”. Hemmhekk hija kienet twettaq funzjonijiet ta’ assistent fil-kategorija B, grupp V, klassi 3.

2        Mill-1 ta’ Awwissu 2003 sal-31 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ġiet irreklutata minn kumpannija, stabbilita fi Franza u li kienet tipprovdi servizzi għall-Parlament, bħala amministratriċi ta’ produzzjoni, sabiex twettaq attività żejda marbuta mal-amministrazzjoni ta’ produzzjoni tal-unità tal-awdjoviżiv. Dan il-kuntratt iġġedded, bi qbil komuni bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija fornitriċi, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2004 u l-31 ta’ Jannar 2005, u sussegwentement, skont kuntratt tal-31 ta’ Jannar 2005, ir-reklutaġġ tar-rikorrenti ma’ din il-kumpannija tkompla għal żmien indeterminat.

3        Fl-1 ta’ April 2005, ir-rikorrenti waqfet twettaq l-attivitajiet tagħha għall-Parlament f’isem l-imsemmija kumpannija, peress li ġiet irreklutata direttament mill-ġdid mill-ASTK bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, fil-kategorija ta’ impjieg maħluqa mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004. Hija għalhekk kienet ikklassifikata fil-grad 9 tal-grupp ta’ funzjonijiet III sabiex twettaq “[k]ompiti eżekuttivi, kompiti ta’ abbozzar, ta’ kontijiet u tekniċi ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju” fi ħdan il-parti mill-unità tal-awdjoviżiv imsejħa “Newsdesk Hotline” (iktar ’il quddiem in-“Newsdesk Hotline”), għal perijodu inizjali ta’ disa’ xhur, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2005. Dan ir-reklutaġġ, fl-istess grad u bl-istess funzjonijiet, ġie estiż permezz ta’ kuntratt mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2006.

4        Skont kuntratt ta’ reklutaġġ iffirmat mill-ASTK u mir-rikorrenti, fl-24 u fil-25 ta’ Jannar 2006 rispettivament, dawn tal-aħħar ftehmu li r-rikorrenti issa kienet ser tiġi rreklutata, skont l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill-1 ta’ Frar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2007, bħala membru tal-persunal temporanju suġġett għal perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur. Permezz ta’ żewġ ftehimiet addizzjonali suċċessivi, dan ir-reklutaġġ ġie estiż, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008 u mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Jannar 2010, rispettivament, jiġifieri għal perijodu totali ta’ tliet snin. Skont kuntratt iffirmat mill-ASTK u mir-rikorrenti, fis-26 u fis-27 ta’ Jannar 2010 rispettivament, dawn tal-aħħar ftehmu li l-kuntratt tar-rikorrenti kien ser jiġġedded għal perijodu ta’ sentejn sal-31 ta’ Jannar 2012. Dan il-kuntratt kien jistipula li, “[s]kont l-Artikolu 8[(2)] tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ebda tiġdid ulterjuri […] ma [kien] awtorizzat”.

5        Permezz ta’ nota tas-26 ta’ Settembru 2011 tal-unità “Kompetizzjonijiet u proċeduri ta’ selezzjoni” (iktar ’il quddiem l-“unità tal-kompetizzjonijiet”) tad-DĠ “Persunal”, ir-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li hija ma kinitx kisbet marka suffiċjenti sabiex tiġi ammessa għall-istadju segwenti ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni interna għall-Parlament għal impjiegi ta’ assistent fil-grad AST 5.

6        Permezz ta’ kuntratt tal-31 ta’ Jannar 2012, l-ASTK u r-rikorrenti ftehmu li din tal-aħħar kienet ser tiġi rreklutata, mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Lulju 2012, bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ikklassifikat fl-iskala 1 tal-grad 11 tal-grupp ta’ funzjonijiet III, sabiex twettaq “[kompiti eżekuttivi, kompiti ta’ abbozzar, ta’ kontijiet u tekniċi ekwivalenti oħra, […] taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju”. Dan ir-reklutaġġ ġie offert lir-rikorrenti wara l-pubblikazzjoni mingħajr suċċess tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 136691, li kien jirrigwarda impjieg fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti (AST) intitolat “produttur awdjoviżiv” li kellu jimtela bi prijorità minn uffiċjal.

7        Permezz ta’ ftehimiet suċċessivi, dan ir-reklutaġġ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt ġie estiż mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2012, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2013, mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2013, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Marzu 2014, mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2014 u mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2014. Dawn l-estensjonijiet tal-kuntratt ġew iġġustifikati, f’termini identiċi, minn bżonn ta’ “[t]isħiħ neċessarju għall-funzjonament effikaċi [tan-]Newsdesk Hotline tal-unità [tal‑a]wdjoviżiv”.

8        Mis-26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard u, minn dak iż-żmien ’il quddiem, ma reġgħet lura għal ebda attività professjonali fi ħdan il-Parlament.

9        Permezz ta’ posta elettronika tal-20 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti talbet lil wieħed mill-kollegi tagħha tal-unità tal-awdjoviżiv jekk kellux aħbarijiet dwar l-estensjoni tal-kuntratt tiegħu, liema kollega wieġeb, fis-27 ta’ Novembru 2014, li kien għadu kemm ġie informat li l-kuntratt tiegħu kien ser jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

10      Sadanittant, permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2014, il-kap tal-unità tal-awdjoviżiv (iktar ’il quddiem il-“kap ta’ unità”) kien ġie informat minn membru tal-persunal tad-DĠ “Persunal” li kien ġie informat minn dan id-direttorat ġenerali li l-kuntratti ta’ tliet membri tal-persunal tal-unità tiegħu, fosthom dak tar-rikorrenti, kienu ser jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2015, liema informazzjoni l-kap ta’ unità għadda lit-tliet membri tal-persunal ikkonċernati f’posta elettronika ddatata l-għada. F’din il-posta elettronika, huwa spjega li “it-tliet talbiet għal estensjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fl-2015 fl-aħħar [kienu ġew] aċċettati”, iżda “[id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”], min-naħa l-oħra, [kien] wissa li, għall-2016, l-affarijiet kienu ser ikunu iktar ikkomplikati u li wieħed [kellu] jistenna tnaqqis drastiku tal-membri tal-persunal bil-kuntratt”.

11      F’din il-posta elettronika tas-27 ta’ Novembru 2014, il-kap ta’ unità indika li kien jidhirlu li kien “għaqli ferm li jiġġeddu [l-]kuntratti [tal-membri tal-persunal bil-kuntratt] għas-sena [2015] kollha u [li] dan ma jibqax isir f’partijiet ta’ [tliet] jew [sitt] xhur, [ħaġa] li kienet tirrendi l-affarijiet, fuq livell professjonali u fuq kollox fuq livell uman, ħafna iktar diffiċli”. Huwa ħabbar ukoll, fl-istess posta elettronika, li dalwaqt kien ser jasal fl-unità uffiċjal fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD), li kien ġej minn kompetizzjoni fil-qasam tal-awdjoviżiv, li l-kompitu prinċipali tiegħu kien ser ikun il-koordinazzjoni ta’ parti mill-produzzjoni u r-responsabbiltà li jiġġestixxi l-istrateġija “Promozzjoni”, inkluża l-koordinazzjoni tan-Newsdesk Hotline u l-“Akkreditazzjonijiet”. It-tliet membri tal-persunal ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, ġew informati wkoll bil-fatt li r-responsabbiltajiet tagħhom kienu ser jiġu adattati għal din l-organizzazzjoni l-ġdida tal-unità, li l-għan tagħha kien li jitwettqu aħjar il-prijoritajiet tad-Direttorat għall-Midja u tad-DĠ “Komunikazzjoni” u t-tibdiliet fil-metodi ta’ xogħol mitluba mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”).

12      Permezz ta’ ftehim addizzjonali ffirmat mill-ASTK fid-9 ta’ Diċembru 2014, il-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti, bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, kellu jiġi estiż, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, sal-31 ta’ Marzu 2015. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġiet informata, permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Diċembru 2014, bil-fatt li, “wara l-estensjoni tal-kuntratt [tagħha], li kien għadu kemm ġie nnotifikat [lilha], sal-31 ta’ Marzu 2015, […] it-talba li [kienet ġiet] indirizzata lid-DĠ [“Persunal”] fil-fatt [kienet] tirrigwarda estensjoni ta’ sena [tal-kuntratt tagħha] sal-31 [ta’ Diċembru] 2015”, li, “[m]adankollu, id-DĠ [“Persunal”] [kien] wettaq analiżi ta[l-]fajl [tar-rikorrenti] qabel ma ta segwitu għat-talba għal tiġdid” u li “b’hekk [kien] irriżulta li [hija ma kinitx] għaddiet minn [proċedura ta’ selezzjoni] CAST [u li, m]eta din il-kundizzjoni ma tkunx [ġiet] issodisfatta, kuntratt [seta’] jingħata biss [bil-]kundizzjoni li l-Kumitat ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ikun ta opinjoni favorevoli”. Din il-posta elettronika spjegat li d-DĠ “Persunal” kien ta estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti ta’ tliet xhur sabiex is-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, filwaqt li l-persuna kkonċernata ġiet mistiedna, fl-imsemmija posta elettronika, timla formola ta’ kandidatura u tipprovdi sensiela ta’ dokumenti fi żmien utli, sabiex il-fajl tagħha jkun jista’ jkompli jiġi eżaminat mill-Kumitat ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“KuSKun”) matul il-laqgħa tiegħu ta’ Jannar 2015 u, fil-każ ta’ opinjoni favorevoli ta’ dan il-kumitat, il-kuntratt tagħha jkun għalhekk jista’ jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

13      Fil-11 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti kkontrafirmat il-ftehim addizzjonali ddatat id-9 ta’ Diċembru 2014 u li kien jipprevedi l-estensjoni tar-reklutaġġ tagħha sal-31 ta’ Marzu 2015. Permezz ta’ ittra ddatata wkoll il-11 ta’ Diċembru 2014 u indirizzata lis-Segretarju Ġenerali u kkopjata lill-President tal-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv”) kif ukoll lill-President tal-Parlament u lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, ir-rikorrenti ressqet ukoll, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), liema artikoli huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikoli 92 u 117, rispettivament, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tal-kap ta’ unità, liema fastidju seħħ permezz ta’ aġir, kliem u kitbiet ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari waqt laqgħat tad-dipartiment. Hija talbet essenzjalment li jiġu adottati miżuri urġenti sabiex tiġi protetta immedjatament mill-persuna li allegatament kienet qiegħda tagħtiha fastidju u li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti.

14      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2015, il-kap tal-unità “Riżorsi umani” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Persunal”, li barra minn hekk kien il-President tal-kumitat konsultattiv, irrikonoxxa li rċieva t-talba għal assistenza u informa lir-rikorrenti li din it-talba ntbagħtet lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, li jiddeċiedi fuq l-imsemmija talba, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, f’terminu ta’ erba’ xhur li fl-iskadenza tiegħu, jekk ikun il-każ, ikun jista’ jitqies li ttieħdet deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ din it-talba għal assistenza u sussegwentement tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

15      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti ġab għall-konjizzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” il-fatt, b’mod partikolari, li l-kap tal-unità “Riżorsi umani” kien ġie informat bit-tressiq tat-talba għal assistenza u bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva mill-ASTK. Fil-fatt, din l-informazzjoni ddaħħlet fil-minuti ta’ laqgħa tal-unità tal-awdjoviżiv, u dan ikkontribwixxa għat-tixrid ta’ ċerta informazzjoni mhux biss lill-kollegi tar-rikorrenti, iżda wkoll lil ċerti persuni esterni għall-istituzzjoni. Waqt din il-laqgħa, il-kap ta’ unità ħabbar ukoll li r-rikorrenti ma kinitx ser terġa’ lura fl-unità tal-awdjoviżiv u li, konsegwentement, kellha tiġi prevista ristrutturazzjoni tan-Newsdesk Hotline.

16      Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Jannar 2015, membru tal-persunal tal-unità “Reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tal-assistenti parlamentari akkreditati” (iktar ’il quddiem l-“unità tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt”) tad-Direttorat “Żvilupp tar-riżorsi umani”) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tar-RU”) tad-DĠ “Persunal” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament bagħat lir-rikorrenti “nota li tikkonferma l-bidla tad-dipartiment [tagħha] mill-21 [ta’ Jannar] 2015”. Din in-nota, ukoll iddatata s-26 ta’ Jannar 2015, kienet tindika li r-rikorrenti kienet ser tiġi assenjata, b’effett retroattiv mill-21 ta’ Jannar 2015, lill-unità tal-programm ta’ żjarat tal-Unjoni Ewropea (EUVP) (iktar ’il quddiem l-“unità tal-programm ta’ żjarat”) tad-Direttorat tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini tad-DĠ “Komunikazzjoni” u li, b’eċċezzjoni ta’ din il-bidla ta’ assenjazzjoni, ebda bidla oħra ma saret għall-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

17      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” wieġeb l-ittra tal-konsulent tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 2015 billi spjega li kienet ġiet adottata miżura ta’ tbegħid favur ir-rikorrenti fil-konfront tal-kap ta’ unità u kienet tikkonsisti fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar lill-unità tal-programm ta’ żjarat. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” informa lir-rikorrenti bil-fatt li, wara eżami fid-dettall tal-fajl tagħha u b’risposta għat-talba tagħha għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, huwa kien iddeċieda li jibgħat dan il-fajl lill-kumitat konsultattiv, li l-President tiegħu kien ser iżommha aġġornata b’kull żvilupp sussegwenti. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” qies li, b’dan il-mod, huwa kien irrisponda għat-talba għal assistenza u li dan kien iwassal, fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, għall-“għeluq [tal-]fajl” tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015”).

18      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2015, il-konsulent tar-rikorrenti b’mod partikolari talab lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” jispjega l-portata tal-miżura li huwa kien ħabbar fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 u, b’mod partikolari, jindika jekk il-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti kinitx ġiet adottata fuq bażi temporanja.

19      F’formola intitolata “Talba għal [m]embru tal-persunal [b]il-kuntratt – T[iġdid]”, li mtliet u ġiet iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” fit-2 ta’ Marzu 2015, bil-għan li tintbagħat lid-DĠ “Persunal” tal-inqas tliet ġimgħat qabel l-iskadenza tal-kuntratt tar-rikorrenti, ġie indikat li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” kien qiegħed jitlob estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti għal perijodu ta’ xahrejn, jiġifieri mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju 2015, u li din l-estensjoni kienet iġġustifikata min-neċessità ta’ tisħiħ tal-unità tal-programm ta’ żjarat “sabiex tiġi affaċċjata ż-żieda fil-volum ta’ xogħol sabiex jiġu ċċelebrati l-40 sena ta’ eżistenza tal-programm [taż-żjarat,] li għali[hom] [kienet ser tiġi] organizzata serje ta’ avvenimenti minn issa sal-aħħar ta’ Mejju [2015]”. Ġie speċifikat ukoll, f’dan il-kuntest, li din il-proposta kienet qiegħda ssir “wara l-approvazzjoni tal-KuSKun [waqt il-laqgħa tiegħu] tal-25 [ta’ Frar] 2015[, li quddiemu kienet tressqet] talba mill-unità “Reklutaġġ [tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tal-assistenti parlamentari akkreditati”] tad-DĠ “Persunal” [wara] verifika tal-fajl [ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt] ta[r-rikorrenti] li l-kuntratt tagħha [bħala membru tal-persunal bil-kuntratt] [kien segwa] kuntratt [bħala membru tal-persunal temporanju],” iżda li “[ir-rikorrenti] oriġinarjament ma kinitx għaddiet [mil-]lista CAST u lanqas [mill‑]proċedura KuSKun”.

20      Permezz ta’ nota wkoll iddatata t-2 ta’ Marzu 2015, li toriġina mill-kap tal-unità “Kompetizzjonijiet u proċeduri ta’ selezzjoni” tad-Direttorat tar-RU, ir-rikorrenti ġiet informata bil-fatt li isimha kien tqiegħed fil-lista ta’ riżerva tal-kandidati għal impjieg bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet III, li kienet valida sad-29 ta’ Frar 2016.

21      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” tenna l-fehma tiegħu li, permezz tad-deċiżjoni tiegħu li jibgħat it-talba għal assistenza lill-kumitat konsultattiv, huwa kien “għalaq dan il-fajl f’dak li [kien] jirrigwarda l-kamp ta’ kompetenzi tiegħ[u]”. Barra minn hekk, huwa spjega li l-miżura ta’ tbegħid tar-rikorrenti mill-unità tal-awdjoviżiv lejn l-unità tal-programm ta’ żjarat kienet ittieħdet kemm fuq talba tal-persuna kkonċernata, ifformulata fit-talba għal assistenza, kif ukoll “fl-interess tas-servizz sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet li qegħdin jikbru fi ħdan l-[unità tal-programm ta’ żjarat]”, u li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kellha tinżamm sal-iskadenza tal-kuntratt tagħha.

22      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ssejħet mill-kumitat konsultattiv sabiex tinstema’ minn dan tal-aħħar fil-25 ta’ Marzu 2015.

23      Permezz ta’ ftehim addizzjonali ffirmat mill-ASTK u mir-rikorrenti fis-27 ta’ Marzu 2015, ġie miftiehem li, b’effett mill-1 ta’ April 2015, il-“kuntratt bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt li sar effettiv fl-1 [ta’ Frar] 2012” kien ser jiġi estiż sal-31 ta’ Mejju 2015.

24      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel nett, kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-ASTK assenjatha mill-ġdid b’mod permanenti, u mhux fuq bażi temporanja, lill-unità tal-programm ta’ żjarat; it-tieni nett, kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015, li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” iddeċieda fuq it-talba għal assistenza billi qies li l-każ “fil-kamp ta’ kompetenzi tiegħu” ingħalaq u, it-tielet nett, kontra deċiżjoni, li ttieħdet fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet impliċitament it-talba għal assistenza.

25      Fid-29 ta’ April 2015, ġie ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bir-referenza AST/157554 fir-rigward ta’ pożizzjoni vakanti ta’ assistent “Relazzjonijiet pubbliċi – Awdjoviżiv” fl-unità tal-awdjoviżiv, li d-deskrizzjoni tiegħu tal-pożizzjoni kienet tikkorrispondi, essenzjalment, għall-funzjonijiet li kienet okkupat ir-rikorrenti, bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, fi ħdan din l-unità. Dan l-impjieg kellu jimtela konformement mal-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri permezz ta’ trasferiment jew ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal fil-kariga. Fit-12 ta’ Mejju 2015, ġie ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 11051 fir-rigward ta’ pożizzjoni oħra ta’ assistent, bħala uffiċjal tal-istampa, li kienet vakanti fi ħdan l-unità tal-awdjoviżiv.

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Novembru 2015 u rreġistrat bin-numru F‑142/15, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 270 TFUE, l-annullament ta’ deċiżjoni impliċita tal-ASTK, li skontha ttieħdet fil-11 ta’ April 2015, li permezz tagħha l-ASTK ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza tal-11 ta’ Diċembru 2014 kif ukoll il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu materjali li hija allegatament ġarrbet. Dik il-kawża wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament (T‑570/16).

27      Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Mejju 2015 indirizzata b’kopja lis-Segretarju Ġenerali, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha (iktar ’il quddiem it-“talba għat-tiġdid tal-kuntratt”).

28      F’dan ir-rigward, hija fakkret, fit-talba għat-tiġdid tal-kuntratt, li, minkejja li l-kap ta’ unità kien informaha, permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2014, bit-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2015, l-ASTK kienet iddeċidiet li testendi l-kuntratt tagħha biss għal perijodu ta’ tliet xhur, u sussegwentement għal perijodu ta’ xahrejn, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2015. Barra minn hekk, hija spjegat li, skont l-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kien legalment possibbli għall-ASTK li ġġedded il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha sal-31 ta’ Jannar 2018, jiġifieri għal perijodu totali ta’ sentejn u tmien xhur. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti enfasizzat, filwaqt li indikat li kienet bil-leave tal-mard, li, minn naħa, il-bżonnijiet tal-unità tal-programm ta’ żjarat kienu qegħdin jikbru, ħaġa li kienet tiġġustifika “perfettament it-tiġdid tal-kuntratt [tagħha]”, u, min-naħa l-oħra, li l-unità tal-awdjoviżiv ukoll kellha bżonn tissaħħaħ, peress li n-Newsdesk Hotline kellha biss żewġ persuni fil-kariga. B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti qieset li d-Direttorat għall-Midja tad-DĠ “Komunikazzjoni” ukoll kellu bżonn riżorsi umani ġodda.

29      Permezz ta’ posta elettronika tat-28 ta’ Mejju 2015 mibgħuta minn membru tal-persunal tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni” f’isem il-kap ta’ din l-unità, ġie spjegat lir-rikorrenti li d-DĠ “Komunikazzjoni” ma kienx biħsiebu jġedded ir-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015”). Din il-posta elettronika kienet tkompli kif ġej:

“Kif spjegajtlek meta tkellimna fl-4 ta’ Frar 2015, din l-unità kellha bżonn tissaħħaħ sabiex tipprepara avveniment kbir, l-40 anniversarju tal-EUVP, li [kien] ġie pprogrammat għas-26 ta’ Mejju 2015. Peress li[,] wara li nżamm dan l-avveniment, in-neċessità tat-tisħiħ fi ħdan l-unità [tal-programm ta’ żjarat] ma [kinitx] għadha ġġustifikata[,] ma [kinitx] saret talba għall-estensjoni tal-kuntratt tiegħek lill-awtorità kompetenti (ASTK).”

30      Fil-31 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika fit-18.44 lid-dipartiment tal-Parlament responsabbli għall-affarijiet amministrattivi, li fiha, filwaqt li spjegat li hija kienet ġiet informata li l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ma kienx ser jiġġedded u kien ser jintemm fl-istess data tal-31 ta’ Mejju 2015, hija staqsiet lil dan id-dipartiment dwar il-passi li kellha tieħu sabiex tirċievi l-allowance tal-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Skont ir-rikorrenti, fl-istess jum, l-aċċess tagħha għall-kaxxa tal-posta elettronika professjonali tagħha ġiet diżattivata. Madankollu, hija pprovdiet posta elettronika ddatata l-1 ta’ Ġunju 2015 u mibgħuta fl-10.26 mill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) lill-indirizz tal-posta elettronika tagħha fil-Parlament.

31      Permezz ta’ ittra rreġistrata mibgħuta lir-rikorrenti fl-14 ta’ Lulju 2015 mill-kap tal-unità tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tad-Direttorat tar-RU tad-DĠ “Persunal”, ir-rikorrenti tfakkret li, wara l-posta elettronika tagħha tat-22 ta’ Mejju 2015, li fiha hija talbet it-tiġdid tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, kienet ġiet ikkomunikata lilha “risposta ċara u motivata” mill-kap tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni”, f’dan il-każ fil-posta elettronika tat-28 ta’ Mejju 2015. Din l-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015 spjegat li l-unità tal-programm ta’ żjarat, li lilu r-rikorrenti kienet assenjata mill-21 ta’ Jannar 2015, “kellu bżonn jissaħħaħ sabiex jipprepara għal avveniment kbir, jiġifieri l-40 anniversarju ta’ din l-unità, li kien ipprogrammat għas-26 ta’ Mejju 2015[, u li kienet g]ħal din ir-raġuni [li l-]kuntratt [tagħha] [kien] iġġedded, fi ħdan din l-unità, għal xahrejn biss, mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju 2015”.

32      L-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015 spjegat ukoll li, wara dan il-perijodu, id-DĠ “Komunikazzjoni” ma kellux iktar bżonn li jipprovdi għal tisħiħ tal-unità tal-programm ta’ żjarat, tant li dan id-direttorat ġenerali ma setax jiġġustifika iktar estensjoni ġdida tal-kuntratt tar-rikorrenti u li, għaldaqstant, huwa ma kienx ressaq tali talba lid-DĠ “Persunal”. F’dan ir-rigward, filwaqt li esprima ruħu permezz ta’ delega f’isem l-ASTK, il-kap tal-unità tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt informa lir-rikorrenti li huwa seta’ biss jikkonferma r-raġunijiet li kienu ġew spjegati mill-kap tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni”, għaliex ma kellu “ebda raġuni oġġettiva għalfejn iqiegħed fid-dubju l-bżonnijiet identifikati jew le mid-dipartimenti operattivi”, u li “in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lid-dipartiment tiegħ[u] ta’ talba għat-tiġdid ta[l-]kuntratt kien il-mod tas-soltu li bih id-[d]ipartimenti [ġ]enerali jikkomunikaw[lu] x-xewqa tagħhom li jtemmu r-rabta kuntrattwali tagħhom mal-membru tal-persunal fl-iskadenza tal-kuntratt tiegħu”. Fl-aħħar nett, huwa ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-possibbiltà li kellha, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tressaq ilment “kontra n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha li seħħ fil-31 [ta’ Mejju] 2015 f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tat-tmiem tal-kuntratt”.

33      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, kif din tal-aħħar kienet ġiet ikkonfermata permezz tal-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015. Insostenn tal-ilment tagħha, hija sostniet użu ħażin ta’ poter, ksur tal-Arikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u ksur tad-dritt għal smigħ, kif previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ksur tad-dmir ta’ premura, ksur tal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, żball ta’ motivazzjoni u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

34      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti b’mod partikolari enfasizzat li l-bżonnijiet tal-unità tal-awdjoviżiv, li lilha hija kienet assenjata qabel il-miżura ta’ tbegħid, kienu reali u kienu jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha. Il-prova li kellha għal dan kienet il-fatt li, fid-29 ta’ April 2015, kien ġie ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-AST. Issa, skontha, id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet relatati ma’ din il-pożizzjoni kienu jikkorrispondu għall-kompiti li kienu tagħha għal tnax-il sena fl-imsemmija unità, ħaġa li kienet tikkonferma l-eżistenza ta’ bżonn ta’ din l-unità li tkompli tiġi assistita mis-servizzi tagħha.

35      Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkontestat ir-raġuni invokata mill-membru tal-persunal tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni” insostenn tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, jiġifieri l-fatt li l-bżonnijiet tal-unità tal-programm ta’ żjarat, li lilha hija kienet ġiet assenjata temporanjament bħala miżura ta’ tbegħid mill-persuna li allegatament kienet qiegħda tagħtiha fastidju, kienu biss ta’ darba u li, wara l-40 anniversarju, l-imsemmija unità ma kellhiex iktar bżonn is-servizzi tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti qieset li l-ASTK f’ebda mument ma allegat li l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha lill-unità tal-programm ta’ żjarat kienet iġġustifikata minn bżonn li jissaħħaħ dan id-dipartiment fid-dawl jew fid-dawl biss ta’ dan l-avveniment. Għall-kuntrarju, il-bżonnijiet ta’ din l-unità ġew deskritti bħala li kienu qegħdin jikbru mill-ASTK fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015. Għaldaqstant, kien f’daqqa waħda li, fl-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015, l-ASTK biddlet ir-raġuni għall-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-imsemmija unità u, għalhekk, ir-raġuni għad-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt tagħha. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, hija kienet ġarrbet, bi ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konsegwenzi tat-tressiq tat-talba tagħha għal assistenza, peress li, kieku hija ma kinitx ġiet assenjata mill-ġdid lil unità li l-bżonnijiet tagħha kienu biss ta’ darba, iżda baqgħet mal-unità tal-awdjoviżiv, l-ASTK kienet tiddeċiedi li ġġedded il-kuntratt tagħha fil-limitu previst fl-Artikolu 88(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri, f’dan il-każ, sal-31 ta’ Jannar 2018.

36      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, iddeċieda li jilqa’ parzjalment l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl-24 ta’ April 2015. Fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-unità tal-programm ta’ żjarat, is-Segretarju Ġenerali fakkar li din l-assenjazzjoni mill-ġdid kienet neċessarjament ta’ natura provviżorja u kellha tinżamm matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva, li kienet għadha pendenti, u, essenzjalment, ċaħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-fondatezza jew il-modalitajiet tal-miżura ta’ tbegħid (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015”).

37      Min-naħa l-oħra, f’din id-de ċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2015, is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li jirriforma d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 sa fejn, fiha, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” kien żbalja meta qies li l-ASTK kienet għalqet il-proċedura relatata mat-talba għal assistenza. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li din it-talba għal assistenza tagħti lok, sussegwentement, għal deċiżjoni definittiva tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” u li, konsegwentement, kuntrarjament għal dak li kienet qiegħda tallega r-rikorrenti, ma ttieħdet ebda deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza fil-11 ta’ April 2015, b’mod li l-ilment, fuq dan il-punt, kien inammissibli.

38      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ssupplimentat l-ilment tagħha fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015 li hija qieset li kienet fatt ġdid. Għalhekk, hija invokat, kontra d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha, żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-ASTK fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-dipartiment li r-rikorrenti kellha titqies li ġiet assenjata lilu u, għaldaqstant, żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-ASTK tal-bżonnijiet li kellhom jiġu analizzati sabiex tiġi evalwata, fid-dawl tal-interess tas-servizz, l-opportunità li jiġġedded il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha jew le. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, fid-dawl tan-natura temporanja tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, bħala miżura ta’ tbegħid, lill-unità tal-programm ta’ żjarat, il-bżonnijiet ta’ din l-unità ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha. Kienu biss il-bżonnijiet tal-unità ta’ assenjazzjoni oriġinali tagħha, jiġifieri l-unità tal-awdjoviżiv jew, b’mod iktar ġenerali, id-Direttorat għall-Midja, li messhom ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ASTK.

39      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li taqta’ l-ilment”), is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, iddeċieda fuq l-ilment tar-rikorrenti, tat-22 ta’ Lulju 2015, kif issupplimentat fl-10 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li taqta’ l-ilment”), billi qies b’mod partikolari li l-att li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ kien deċiżjoni impliċita tal-ASTK li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti.

40      Filwaqt li kkonferma l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti, is-Segretarju Ġenerali, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, irrikonoxxa li r-rikorrenti kienet ġiet informata mill-ġerarkija tagħha li l-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha kien ser jiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ukoll tal-karriera tal-persuna kkonċernata fl-istituzzjoni, huwa ddeċieda li jagħtiha ammont ta’ EUR 22 000, li jikkorrispondi għas-salarji li hija kienet tirċievi li kieku baqgħet fil-kariga sa din id-data.

41      Madankollu, is-Segretarju Ġenerali informa lir-rikorrenti li l-ASTK ma kinitx f’pożizzjoni li tipproponilha impjieg ieħor wara l-31 ta’ Diċembru 2015. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li ma kienx prevedibbli iktar li r-rikorrenti tkun tista’ tiġi rreklutata fl-unità tal-awdjoviżiv, peress li, fil-frattemp, kien ġie deċiż li t-twettiq tal-kompiti li għalih hija kienet ġiet inizjalment irreklutata jingħata lil uffiċjal u li, fid-dawl tal-profil speċifiku tar-rikorrenti u tal-funzjonijiet li hija kienet tokkupa, ma kienx possibbli għad-DĠ “Komunikazzjoni” li jipproponilha impjieg ieħor li jikkorrispondi għall-kwalifiki tagħha lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

42      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jqis li t-talba tagħha għal assistenza ma kinitx fondata, b’mod partikolari, wara s-smigħ tal-kap ta’ unità u ta’ erbatax-il uffiċjal ieħor mill-kumitat konsultattiv.

43      F’ittra tat-18 ta’ Frar 2016, il-konsulent tar-rikorrenti talab preċiżazzjonijiet mingħand is-Segretarju Ġenerali dwar l-offerta ta’ “kumpens fl-ammont ta’ EUR 22 000, li jikkorrispondi għas-salarji li [r-rikorrenti] kienet tirċievi bejn l-1 ta’ Ġunju 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015”, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk dan l-ammont kellux effett fuq id-dritt tal-persuna kkonċernata li tirċievi l-allowance tal-qgħad tagħha prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

44      Fis-16 ta’ April 2016, l-ammont ta’ EUR 22 000 ġie ttrasferit mill-ASTK fil-kont bankarju tar-rikorrenti.

45      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, l-ASTK ċaħdet it-talba għal assistenza, deċiżjoni li kontra tagħha r-rikorrenti indikat, fir-replika, li kien biħsiebha tressaq ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, li inizjalment ġie rreġistrat bin-numru F‑14/16.

47      B’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li kienet fih fil-31 ta’ Awwissu 2016 u issa għandha tiġi ttrattata skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑584/16 u ġiet assenjata lill-Ewwel Awla.

48      Wara t-tieni skambju ta’ noti li kien ġie awtorizzat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

49      Peress li l-partijiet ma talbux li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

50      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015;

–        sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-31 ta’ Mejju 2015 li permezz tagħha l-ASTK irrifjutat li ġġedded il-kuntratt tagħha u, sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni li taqta’ l-ilment;

–        tordna l-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ danni li għandhom jiġu stabbiliti, ex aequo et bono, fl-ammont ta’ EUR 115 000 bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

51      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors u l-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża

52      Permezz tal-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti tikkontesta, suċċessivament, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, deċiżjoni impliċita tal-ASTK, li hija tqis li ttieħdet fid-data li fiha ntemm il-kuntratt tagħha, jiġifieri l-31 ta’ Mejju 2015, li permezz tagħha din tal-aħħar iddeċidiet li ma ġġeddidx l-imsemmi kuntratt, kif ukoll id-deċiżjoni li taqta’ l-ilment.

 Fuq l-identifikazzjoni tad-deċiżjoni inizjali kkontestata

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’sitwazzjoni li fiha kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jista’ jiġġedded, id-deċiżjoni tal-ASTK li ma ġġeddidx l-imsemmi kuntratt, adottata wara proċedura prevista speċifikament għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Smit vs Europol, T‑143/03, EU:T:2005:71, punti 28 sa 31) jew b’risposta għat-talba tal-persuna kkonċernata fformulata skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal bħala persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 38), tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, distint mill-kuntratt inkwistjoni, li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment, jew ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE, fit-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, EU:T:2008:438, punt 21, ikkonfermata wara appell permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Potamianos u Potamianos vs Il‑Kummissjoni, C‑561/08 P u C‑4/09 P, EU:C:2009:656, punt 46).

54      F’dan il-każ, it-talba għat-tiġdid tal-kuntratt, kif kienet speċifikat ir-rikorrenti fl-imsemmija talba, għandha titqies li hija talba li ġiet indirizzata lill-ASTK skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’din it-talba, ir-rikorrenti spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li kien fl-interess tagħha u fl-interess tas-servizz li l-kuntratt tagħha jiġġedded wara li jintemm, jiġifieri fil-31 ta’ Mejju 2015.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm kopja tat-talba għal tiġdid intbagħtet lis-Segretarju Ġenerali, din it-talba wasslet għal risposta, jiġifieri d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, li, formalment, ma ġietx ifformulata minn persuna li għandha s-setgħa li taġixxi, f’dan il-qasam ta’ kompetenza, f’isem l-ASTK. Fil-fatt, din ir-risposta ngħatat f’isem il-kap tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni”.

56      Madankollu, fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015, li, min-naħa tagħha, kienet ġejja mill-kap tal-unità tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tad-Direttorat tar-RU tad-DĠ “Persunal”, li kien qiegħed jaġixxi “permezz ta’ delega” fil-kwalità ta’ ASTK, jidher li, meta fformula r-risposta fil-posta elettronika tiegħu tat-28 ta’ Mejju 2015, il-kap tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni” aġixxa bi ftehim mal-ASTK u, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kwalità tal-uffiċjal inkwistjoni, ir-rikorrenti setgħet raġonevolment tqis li din ir-risposta tat-28 ta’ Mejju 2015 għat-talba għal tiġdid kienet ġejja mill-ASTK u, għaldaqstant, kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1984, Erdini vs Il‑Kunsill, 65/83, EU:C:1984:24, punt 7; tat-30 ta’ Ġunju 1993, Devillez et vs Il‑Parlament, T‑46/90, EU:T:1993:54, punt 13, u tat-28 ta’ Ġunju 2006, Le Maire vs Il‑Kummissjoni, F‑27/05, EU:F:2006:56, punt 40).

57      Għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015 kienet tikkostitwixxi d-deċiżjoni tal-ASTK li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti, li hija att li jikkawża preġudizzju li fir-rigward tiegħu hija setgħet tressaq l-ilment tagħha u tifformula l-ewwel kap tat-talbiet għal annullament.

58      Madankollu, it-tieni kap tat-talbiet għal annullament jirrigwarda deċiżjoni impliċita tal-istess portata li allegatament ittieħdet fid-data li fiha ntemm il-kuntratt tar-rikorrenti, jiġifieri fil-31 ta’ Mejju 2015. Din id-deċiżjoni hija dik li għaliha rrefera s-Segretarju Ġenerali fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment meta qies li kienet tressqet quddiemu, fil-fażi prekontenzjuża, kwistjoni dwar il-legalità ta’ tali deċiżjoni impliċita.

59      F’dan ir-rigward, sa fejn l-ASTK ma hijiex obbligata mir-Regolamenti tal-Persunal tagħmel użu mill-eventwali possibbiltà, prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li testendi l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal, u lanqas ma hija obbligata tinforma lill-persuna kkonċernata f’terminu determinat bl-intenzjoni tagħha f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi imputata lill-ASTK, fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt, deċiżjoni impliċita tagħha li tirrinunzja li tagħmel użu minn din il-possibbiltà. Din hija barra minn hekk ir-raġuni għalfejn il-qorti tal-Unjoni Ewropea qieset li ittra, li tkun limitata li tfakkar lil membru tal-persunal fl-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu fir-rigward tad-data tal-iskadenza tiegħu u ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ dawk l-istipulazzjonijiet, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il‑Kummissjoni, 329/85, EU:C:1987:352, punti 10 u 11; tal-14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punti 45 sa 47, u d-digriet tat-2 ta’ Frar 2001, Vakalopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑97/00, EU:T:2001:38, punt 14).

60      Għaldaqstant, sabiex deċiżjoni tal-ASTK li tirrigwarda t-tiġdid ta’ kuntratt tkun tista’ titqies li ttieħdet, jeħtieġ li tkun l-eżitu ta’ eżami mill-ġdid mill-ASTK tal-interess tas-servizz u ta’ dak tal-persuna kkonċernata u li l-ASTK tkun wettqet evalwazzjoni ġdida meta mqabbla mat-termini tal-kuntratt inizjali li diġà jkunu jipprevedu d-data li fiha jintemm il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, Solberg vs EMCDDA, F‑124/12, EU:F:2013:157, punti 18, 20 u 34).

61      Issa tali deċiżjoni ttieħdet b’mod espliċitu fit-28 ta’ Mejju 2015 b’risposta għat-talba għal tiġdid. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kkunsidra s-Segretarju Ġenerali fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment u li jispjega t-tressiq mir-rikorrenti ta’ talbiet għall-annullament ta’ tali att, ebda deċiżjoni impliċita tal-ASTK dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħha wara li jintemm ma ttieħdet wara d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015.

62      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet għal annullament huwa mingħajr skop u, għalhekk, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-att inizjali tal-ASTK li r-rikorrenti titlob l-annullament tiegħu huwa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, li tinsab fil-posta elettronika tat-28 ta’ Mejju 2015, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, id-“deċiżjoni inizjali kkontestata”).

 Fuq ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża

64      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija suġġetta għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża u għall-osservanza tat-termini previsti minnha (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, EU:T:2004:207, punt 125; tad-9 ta’ Jannar 2007, Van Neyghem vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑288/04, EU:T:2007:1, punt 53, u digriet tal-14 ta’ Jannar 2014, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑60/13, EU:F:2014:6, punt 37).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ta’ ordni pubbliku u la jistgħu jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għad-dispożizzjoni tal-qorti li għandha tivverifika, saħansitra ex officio, jekk ikunux ġew osservati. Dawn it-termini jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li jiġi evitat kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs KES, 79/70, EU:C:1971:79, punt 18, u digriet tat-22 ta’ April 2015, ED vs ENISA, F‑105/14, EU:F:2015:33, punt 28).

66      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li, fid-deċiżjoni tagħha li taqta’ l-ilment amministrattiv, istituzzjoni jew aġenzija, bħal f’dan il-każ, tkun wieġbet għall-argumenti mressqa fuq il-mertu mingħajr ma qieset l-eventwalità li dawn l-argumenti tressqu f’ilment tardiv u, għalhekk, inammissibbli jew il-fatt li hija espressament indikat lill-persuna kkonċernata li hija kellha l-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ rimedji ġudizzjarji ma għandhomx effett fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat sussegwentement kontra din id-deċiżjoni. Fil-fatt, tali ċirkustanzi ma jistax ikollhom l-effett li jidderogaw mis-sistema tat-termini mandatorji stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u inqas u inqas li jeżentaw lill-Qorti Ġenerali mill-obbligu li għandha li tivverifika li t-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal ikunu ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑35/96, EU:T:1997:36, punt 30; id-digrieti tal-15 ta’ Jannar 2009, Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, EU:T:2009:6, punt 37, u tal-20 ta’ Marzu 2014, Michel vs Il‑Kummissjoni, F‑44/13, EU:F:2014:40, punt 68).

67      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kontra d-deċiżjoni inizjali kkontestata, ir-rikorrenti ressqet l-ilment tagħha fit-22 ta’ Lulju 2015, fit-terminu ta’ tliet xhur stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, hija kellha l-intenzjoni tissupplimenta dan l-ilment billi, f’ittra tal-10 ta’ Settembru 2015 ikkwalifikata bħala lment supplimentari, ressqet argumenti ġodda żviluppati fid-dawl tal-ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015 li permezz tagħha s-Segretarju Ġenerali, fil-frattemp, minn naħa, kien iddeċieda fuq l-ilment l-ieħor li hija kienet ressqet fl-24 ta’ April 2015 kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u, min-naħa l-oħra, irriforma d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2015 sa fejn, f’din id-deċiżjoni tal-aħħar, id-Direttur Ġenerali kien żbalja meta qies li l-proċedura dwar it-talba għal assistenza kienet magħluqa.

68      F’dan ir-rigward, l-ittra tal-14 ta’ Lulju 2015, li permezz tagħha l-ASTK ikkonfermat id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, ċertament ma kellhiex l-effett li reġgħet fetħet terminu għat-tressiq ta’ lment ta’ tliet xhur kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, minkejja li din l-ittra setgħet kienet l-okkażjoni, għall-ASTK, li tipprovdi motivazzjoni supplimentari għall-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ April 2015, ED vs ENISA, EU:F:2015:33, punti 38 sa 42). Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif sostniet ir-rikorrenti, l-ittra tal-20 ta’ Awwissu 2015 kienet tikkostitwixxi fatt ġdid u li, fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, adottata wara t-terminu għall-preżentata ta’ risposta ta’ erba’ xhur stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal, iżda fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 270 TFUE, l-ASTK, fl-ipoteżi prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti supplimentari esposti mir-rikorrenti fl-ittra tal-10 ta’ Settembru 2015.

69      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-proċedura prekontenzjuża żvolġiet ruħha b’mod regolari.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment

70      Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita applikabbli fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda espliċita jew impliċita tiegħu jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun dirett formalment kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi l-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun tressaq l-ilment (sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu jkun tressaq l-ilment (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26).

71      Fil-fatt, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatti ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-persuna kkonċernata għandha tressaq ilment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk jiġi ppreżentat biss kontra d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment, kemm jekk kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u kemm jekk kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, bil-kundizzjoni li l-ilment ikun tresssaq u r-rikors ikun ġie ppreżentat fit-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punt 7). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta hija tikkonstata li dawn tal-aħħar ma għandhomx kontenut awtonomu u, fir-realtà, ma jistgħux jiġu sseparati ma’ dawk imressqa kontra d-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 8 u 9).

73      F’dan il-każ, mit-termini tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali, minbarra li kkonferma l-fondatezza tad-deċiżjoni inizjali kkontestata, iddeċieda ex gratia li jagħti lir-rikorrenti somma ta’ EUR 22 000 billi rrikonoxxa, f’dak li jirrigwarda lil din tal-aħħar, li hija kienet kisbet aspettattivi leġittimi minħabba l-assigurazzjonijiet li kienu ngħatawla mill-ġerarkija tagħha, f’Diċembru 2014, fir-rigward tat-tiġdid futur tal-kuntratt tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2015. Minbarra dan, id-deċiżjoni li taqta’ l-ilment tispeċifika wkoll, b’kontenut deċiżjonali awtonomu meta mqabbel mad-deċiżjoni inizjali kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom, barra minn hekk, l-ASTK ma kinitx f’pożizzjoni, fis-7 ta’ Diċembru 2015, li toffri impjieg lir-rikorrenti lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu deċiżi flimkien, minn naħa, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali kkontestata, sa fejn din tirrifjuta li ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2015, u dan fid-dawl tal-motivazzjoni spjegata fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar sa fejn fiha l-ASTK iddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2015.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament

75      Fir-risposta, il-Parlament isostni li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali kkontestata għar-raġuni li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet ġiet issodisfatta f’dak li jirrigwarda t-talba tagħha għat-tiġdid tal-kuntratt fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, peress li hija kienet irċeviet mingħand l-ASTK, minbarra l-allowance tal-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ammont ta’ EUR 22 000 li jikkorrispondi għas-salarji li hija kienet tirċievi li kieku l-kuntratt tagħha kien ġie estiż għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2015. Min-naħa l-oħra, dejjem skont il-Parlament, l-eventwali annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali kkontestata ma jistax, fih innifsu, ikollu l-effett li jirreintegra lir-rikorrenti f’karigi fi ħdan il-Parlament.

76      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali għall-persuna kkonċernata jew, fi kliem ieħor, li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara d-digriet tat-22 ta’ April 2015, ED vs ENISA, F‑105/14, EU:F:2015:33, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Issa, kif sostniet ġustament ir-rikorrenti, din tal-aħħar kienet talbet, fit-talba għal tiġdid, estensjoni tal-kuntratt tagħha li tista’ tmur lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2015, mingħajr ma rreferiet biss għal estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015. F’dan ir-rigward, hija kienet saħansitra indikat b’mod iktar partikolari li, fil-fehma tagħha, il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha seta’ jiġġedded sal-31 ta’ Jannar 2018.

78      Għaldaqstant, irrispettivament mill-fatt li hija rċeviet ammont ta’ EUR 22 000 bħala, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, kumpens għar-remunerazzjonijiet li hija kienet tirċievi li kieku baqgħet fil-kariga sal-31 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku, anki għaliex, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK spjegat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li toffrilha kuntratt lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015.

79      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Parlament li, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni inizjali kkontestata, ir-rikorrenti madankollu ma tiġix irreintegrata fil-karigi tagħha, dan ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi pprovat in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex twettaq l-obbligu impost fuqha mill-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li toħroġ l-att li jiġi annullat mill-qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina liema huma l-miżura meħtieġa sabiex tiġi eżegwita s-sentenza ta’ annullament billi teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li għandha għal dan il-għan b’osservanza kemm tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza li hija tkun obbligata teżegwixxi kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il‑Parlament vs Meskens, C‑412/92 P, EU:C:1994:308, punti 28 u 30; tat-8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, EU:T:1992:103, punt 80, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 82).

80      Issa, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jidher li jipprevedi l-Parlament, ir-rikorrenti, fit-talbiet tagħha, ma talbitx formalment li tiġi rreintegrata fil-karigi preċedenti tagħha. Min-naħa l-oħra u, fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u ta’ dik li taqta’ l-ilment, l-ASTK ma tkunx neċessarjament kostretta tirreintegra lir-rikorrenti bħala miżura ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

81      Fil-fatt, f’dan il-każ, tkun biss l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, li jkollha tiddefinixxi l-miżuri meħtieġa, li jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu jew fir-reintegrazzjoni tar-rikorrenti f’dipartiment tal-Parlament jew fil-konferma, għal motivi oħra, tad-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015, jew fl-għoti lir-rikorrenti ta’ kumpens finanzjarju ekwu fil-kuntest ta’ eventwali ftehim bonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F‑137/14, EU:F:2016:14, punti 91 sa 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment

83      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment erba’ motivi, ibbażati, rispettivament:

–        l-ewwel nett, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

–        it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

–        it-tielet nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tad-dmir ta’ premura;

–        ir-raba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ.

 Fuq l-ewwel motiv

84      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-motivi kontradittorji invokati mill-ASTK fid-deċiżjoni inizjali kkontestata u fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment insostenn tal-għażla tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ reklutaġġ, l-ASTK wettqet użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, il-motiv reali ta’ din id-deċiżjoni li ma tibqax tiġi assistita mis-servizzi tagħha, wara iktar minn tlettax-il sena ta’ kollaborazzjoni diretta jew indiretta fi ħdan in-Newskesk Hotline tal-unità tal-awdjoviżiv, huwa l-fatt li r-rikorrenti ressqet talba għal assistenza. Skontha, id-deċiżjoni inizjali kkontestata hija miżura ta’ ritaljazzjoni meħuda fil-konfront tagħha.

85      Bħala prova ta’ dan hija ssemmi l-fatt li, minkejja li l-ASTK kienet ġeddet il-kuntratti ta’ reklutaġġ tagħha b’mod kontinwu mill-2005 ’l quddiem u li, f’Diċembru 2014, kien tħabbrilha li l-kuntratt tagħha kien ser jiġġedded sal-31 ta’ Dicembru 2015, l-ASTK iddeċidiet, bħala miżura ta’ tbegħid, li tassenja mill-ġdid lill-unità tal-programm ta’ żjarat għal perijodu mqassar ta’ tliet xhur, u sussegwentement għal perijodu ta’ xahrejn. Issa, minkejja li kien ġie ddikjarat lilha, fl-4 ta’ Marzu 2015, li l-bżonnijiet ta’ din l-unità kienu qegħdin jikbru, l-ASTK fl-aħħar mill-aħħar tat bħala pretest, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha meħuda fl-aħħar lok li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx, il-fatt li l-imsemmija unità fir-realtà kellha biss bżonnijiet ta’ tisħiħ ta’ darba sabiex torganizza l-40 anniversarju tagħha u li, sussegwentement, hija me kellhiex iktar tali bżonnijiet. Madankollu, ir-rikorrenti tallega li hija ma kinitx taf li dan l-avveniment ta’ darba kien ir-raġuni għall-aħħar tiġdid, għal perijodu ta’ xahrejn biss, tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt.

86      Barra minn hekk, għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-kap ta’ unità kkonċernat ma kkonsultax mad-direttur tad-Direttorat għall-Midja sabiex jistaqsi dwar l-istat tal-bżonnijiet ta’ dan id-direttorat fid-dawl tal-kompetenzi tar-rikorrenti.

87      Ir-rikorrenti tqiegħed ukoll fid-dubju l-għażla tad-DĠ “Komunikazzjoni” li l-kompiti li kienu tagħha jingħataw lil uffiċjal, liema għażla tista’ tiġi spjegata mir-rieda deliberata tal-ASTK li “teħles [minnha]”.

88      Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni inizjali kkontestata u d-deċiżjoni li taqta’ l-ilment ma ġewx adottati fl-interess tas-servizz u, sabiex jiġu adottati, l-interess tar-rikorrenti ma ttiħidx jew ma ttiħidx suffiċjentement inkunsiderazzjoni. Issa, skontha, dan jikser id-dritt tagħha, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-każ tagħha jiġi ttrattat b’mod ġust u imparzjali. Barra minn hekk, sa fejn, skont ir-rikorrenti, dawn id-deċiżjonijiet fir-realtà kienu jikkostitwixxu miżuri ta’ ritaljazzjoni tal-ASTK b’risposta għat-tressiq tat-talba għal assistenza, hija ssostni li dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu bi ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, sa fejn l-ASTK kellha, bis-saħħa tal-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-possibbiltà li testendi l-kuntratt tar-rikorrenti sal-31 ta’ Jannar 2018, il-fatt li l-ASTK irrinunzjat milli tagħmel użu minn din il-possibbiltà fil-każ tagħha jikser ukoll din id-dispożizzjoni.

89      Il-Parlament jitlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi jsostni li xejn ma jippermetti li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx kellha l-għan li ssirilha ħsara u kienet motivata minn rieda li ssir ritaljazzjoni b’risposta għat-tressiq tat-talba għal assistenza. L-ilment dwar ksur tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li, skont ir-rikorrenti, kien jippermetti li l-kuntratt tagħha jiġġedded sal-31 ta’ Jannar 2018, huwa ineffettiv fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Macchia (T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 51).

90      Il-Parlament jenfasizza li, għalkemm il-proposta ta’ tiġdid tal-kuntratt għal perijodu ta’ tliet xhur mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2015 saret fuq inizjattiva tal-kap ta’ unità li hija takkuża li wettaq fastidju psikoloġiku, il-proposta ta’ estensjoni ta’ xahrejn sal-31 ta’ Mejju 2015 ġiet, min-naħa tagħha, mill-kap tal-unità tal-programm ta’ żjarat, bl-istess mod bħad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jitlobx lid-DĠ “Persunal” twettaq tiġdid ulterjuri tal-kuntratt tar-rikorrenti fid-dawl tal-bżonnijiet tad-dipartiment tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament jikkontesta l-fatt li l-ASTK tat lir-rikorrenti motivi kontradittorji insostenn tad-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx u jqis li huwa osserva l-prinċipju ta’ premura, b’mod partikolari għaliex huwa ġedded il-kuntratt tar-rikorrenti anki wara t-tressiq tat-talba għal assistenza u għaliex, barra minn hekk, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, huwa ddeċieda li jagħtiha kumpens ex gratia billi rrikonoxxa li hija setgħet kisbet aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-reklutaġġ tagħha kien ser jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

91      Skont ġurisprudenza stabbilita, użu ħażin ta’ poter jitqies li jeżisti u li jaffettwa l-preżunzjoni ta’ legalità li jgawdi att ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ biss jekk jiġi pprovat li, meta adottat l-att kontenzjuż, din tal-aħħar fittxet li tilħaq għan differenti minn dak previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jew jekk ikun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li l-att inkwistjoni ttieħed sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Nija vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, EU:T:2006:288, punt 64; id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2015, Macchia vs Il‑Kummissjoni, T‑80/15 P, EU:T:2015:845, punt 67, u s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑41/14, EU:F:2015:24, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni mir-rikorrenti tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tas-superjur ġerarkiku tagħha ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi pprovat li kull att adottat mill-ASTK, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ investigazzjoni amministrattiva, huwa illegali. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata tkun trid tipprova wkoll l-effett tal-aġir kostituttiv ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-kontenut tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punt 69; tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑41/14, EU:F:2015:24, punt 89, u tat-12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 109), peress li, f’każ bħal dan, dan ikun ifisser li l-ASTK, permezz tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal ġerarkikament għolja tagħha, tkun għamlet użu mill-poter tagħha sabiex tilħaq għan illegali fid-dawl tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[l-u]ffiċjali għandhom joqogħdu lura minn kull forma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali”.

93      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-raġuni li għaliha l-kuntratt tar-rikorrenti ġie estiż għal perijodu ta’ tliet xhur biss, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2015, u mhux għal perijodu ta’ sena kif kien tħabbar lir-rikorrenti, b’mod partikolari mill-kap ta’ unità, ma tistax tintrabat raġonevolment jew oġġettivament ma’ deċiżjoni għall-għarrieda meħuda minn dan il-kap ta’ unità jew, b’mod iktar ġenerali, mill-ASTK, wara t-tressiq, mir-rikorrenti, tat-talba għal assistenza.

94      Fil-fatt, għalkemm, fil-posta elettronika tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2014, il-kap ta’ unità ħabbar lir-rikorrenti, li dak iż-żmien kienet bil-leave tal-mard, kif ukoll lil żewġ membri tal-persunal bil-kuntratt oħra li l-kuntratti tagħhom kellhom jiġġeddu għal sena sħiħa u li, fil-limitu tal-kompetenzi tiegħu, kien ser jipprova jikseb, sa fejn kien possibbli, perijodu ta’ tiġdid tar-reklutaġġi tagħhom fi ħdan l-unità tiegħu itwal minn qabel, dan tal-aħħar madankollu insista fuq id-diffikultajiet, b’mod partikolari baġitarji, li kienu jeżistu fir-rigward tat-tkomplija fit-tul tar-reklutaġġi tagħhom u tal-karigi tagħhom fil-futur.

95      Barra minn hekk, kien hemm il-posta elettronika tal-10 ta’ Diċembru 2014, li jista’ jiġi preżunt li r-rikorrenti, li dak iż-żmien kienet bil-leave tal-mard, saret taf biha, b’mod partikolari għaliex, matul l-imsemmi leave, hija kienet tuża l-kaxxa tal-posta elettronika professjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2014, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑60/13, EU:F:2014:6, punti 45 u 46). Issa, f’din il-posta elettronika mibgħuta lejlet it-tressiq mir-rikorrenti tat-talba tagħha għal assistenza, ġiet spjegata b’mod ċar lill-persuna kkonċernata r-raġuni għaliex il-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha kien ser jiġġedded, mhux għal perijodu ta’ sena kif kien seta’ tħabbrilha mill-kap ta’ unità kif ukoll minn xi wieħed mill-kollegi tagħha, iżda biss għal perijodu ta’ tliet xhur. Din ir-raġuni kienet il-fatt li hija ma kinitx għaddiet minn proċedura ta’ selezzjoni CAST u li, għaldaqstant, il-fajl tagħha kellu jiġi eżaminat mill-KuSKun, matul ix-xahar ta’ Jannar 2015, sabiex tkun tista’ tiġi prevista estensjoni tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha lil hinn mill-imsemmi perijodu ta’ tliet xhur. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tallega raġonevolment li d-deċiżjoni tal-ASTK li l-kuntratt tagħha jiġġedded biss għal perijodu ta’ tliet xhur hija marbuta mat-talba għal assistenza, li f’dan il-każ tressqet l-għada tal-jum li fih ir-rikorrenti rċeviet l-informazzjoni mill-ASTK dwar it-tiġdid imqassar tal-kuntratt tagħha u dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

96      Wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, bħala miżura ta’ tbegħid, lill-unità tal-programm ta’ żjarat, mill-formola tat-2 ta’ Marzu 2015, li mtliet mid-direttur tad-DĠ “Komunikazzjoni”, jirriżulta li l-proposta ta’ estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti għal perijodu ta’ xahrejn addizzjonali, jiġifieri mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju 2015, kienet ġiet ifformulata wara opinjoni favorevoli mogħtija mill-KuSKun matul il-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Frar 2015, f’liema data isem ir-rikorrenti diġà kellu jitqiegħed fil-lista msemmija fil-formola tat-2 ta’ Marzu 2015, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

97      F’dan ir-rigward, il-formola tat-2 ta’ Marzu 2015 tindika li l-estensjoni mitluba kienet iġġustifikata min-neċessità ta’ tisħiħ tal-unità tal-programm ta’ żjarat “sabiex tiġi affaċċjata ż-żieda fil-volum ta’ xogħol sabiex jiġu ċċelebrati l-40 sena ta’ eżistenza tal-programm […] li għali[hom] ser tiġi organizzata serje ta’ avvenimenti minn issa sal-aħħar ta’ Mejju [2015]”. Madankollu r-rikorrenti tikkontesta li kienet ġiet informata b’din ir-raġuni li fuqha kienet ibbażata l-aħħar estensjoni tal-kuntratt tagħha.

98      Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà ta’ intervista li seħħet fl-4 ta’ Frar 2015. Issa, skont il-posta elettronika tat-28 ta’ Mejju 2015, il-kap tal-unità “Persunal” tad-Direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni” iddikjara, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti matul il-fażi prekontenzjuża u l-fażi kontenzjuża, li kien spjegalha, matul din l-intervista tal-4 ta’ Frar 2015, li, għall-finijiet tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha bħala miżura ta’ tbegħid, kienet l-unità tal-programm ta’ żjarat, fi ħdan id-DĠ “Komunikazzjoni”, li ntgħażlet mill-ASTK minħabba l-bżonnijiet ta’ tisħiħ ta’ din l-unità fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan l-40 anniversarju, li kienet ipprogrammata għas-26 ta’ Mejju 2015.

99      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ ssostni li, bid-deċiżjoni tagħha li ġġedded il-kuntratt tagħha għal perijodu addizzjonali ta’ xahrejn biss, mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju 2015, l-ASTK kellha biss l-għan li tissanzjonaha għall-fatt li kienet ressqet it-talba għal assistenza.

100    Fi kwalunkwe każ, sa fejn, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tfittex li tqiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni tal-ASTK li ġġedded il-kuntratt tagħha għall-perijodu mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju 2015 biss jew li ġġeddu billi tibbaża ruħha esklużivament fuq il-bżonnijiet tal-unità tal-programm ta’ żjarat u mhux fuq dawk tal-unità tal-awdjoviżiv fejn hija kienet inizjalment assenjata, għandu jiġi kkonstatat li, irrispettivament mill-fatt li hija kkontrafirmat il-ftehim addizzjonali inkwistjoni, fis-27 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ma kkontestatx din id-deċiżjoni permezz ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, hija ma tistax, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tqiegħed fid-dubju l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li issa saret definittiva.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-provi invokati mir-rikorrenti b’rabta mal-assenza ta’ formulazzjoni, mill-unità tal-programm ta’ żjarat, ta’ proposta ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha lid-DĠ “Persunal” ma jistgħux jitqiesu li huma indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jindikaw li d-deċiżjoni tal-ASTK li ma ġġeddidx il-kuntratt tagħha lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2015 ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati minnha, meta mill-proċess jirriżulta li din id-deċiżjoni ġiet adottata minħabba l-assenza ta’ talba għat-tiġdid tal-imsemmi kuntratt mid-direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni” abbażi ta’ talba xi waħda mill-unitajiet li jaqgħu taħt dan id-direttorat ġenerali.

102    F’dak li jirrigwarda l-fatt li, wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-unità tal-programm ta’ żjarat, l-ASTK iddeċidiet li tagħti lil uffiċjali l-funzjonijiet li hija kienet twettaq preċedentement fl-unità tal-awdjoviżiv, fattur li kellu l-effett li ċaħħad minn ġustifikazzjoni kwalunkwe talba għat-tiġdid ulterjuri tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha għal din l-unità minkejja li r-rikorrenti kienet wettqet funzjonijiet fiha mill-2003, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-impjiegi permanenti tal-istituzzjonijiet huma intiżi, bħala prinċipju, li jimtlew minn uffiċjali u li għalhekk huwa biss fuq bażi eċċezzjonali li tali impjiegi jistgħu jiġu okkupati minn membri tal-persunal oħra (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 78). Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni u l-istrutturazzjoni tad-dipartimenti tagħha u tista’ tiddeċiedi li kompiti li ma kinux identifikati b’mod ċar jew li żviluppaw matul iż-żmien u li qabel kienu ngħataw lil membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, possibbilment sabiex jiġu ssostitwiti uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju, għandhom issa jaqgħu taħt impjiegi permanenti.

103    Fil-fatt, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom il-libertà li jistrutturaw l-unitajiet amministrattivi tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi, bħalma huma n-natura u l-portata tal-kompiti mogħtija lilhom u l-possibbiltajiet baġitarji (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il‑Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 19; tal-25 ta’ Settembru 1991, Sebastiani vs Il‑Parlament, T‑163/89, EU:T:1991:49, punt 33, u tad-9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 88). Din il-libertà tinvolvi dik li jitneħħew impjiegi u li tinbidel l-attribuzzjoni tal-kompiti, bil-għan li jkun hemm iktar effikaċja fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti baġitarji ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet imposti mill-organi politiċi tal-Unjoni, kif ukoll il-poter li jiġu assenjati mill-ġdid kompiti li qabel kienu jitwettqu mid-detentur tal-impjieg imneħħi, mingħajr ma din it-tneħħija tal-impjieg tkun neċessarjament suġġetta għall-kundizzjoni li l-kompiti kollha imposti jitwettqu minn numru iżgħar ta’ persuni minn dak ta’ qabel l-organizzazzjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ impjieg mhux neċessarjament tinvolvi l-eliminazzjoni tal-kompiti li kien jinkludi (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1997, Cesaratto vs Il‑Parlament, T‑108/96, EU:T:1997:115, punti 49 sa 51, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ASTK setgħet liberament tiddeċiedi li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, tagħti lil uffiċjali l-kompiti li qabel kienu jitwettqu mir-rikorrenti bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt u minn kollega oħra tagħha, li wkoll kienet membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt. Issa, sa fejn, fil-posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2014, jiġifieri qabel it-tressiq tat-talba għal assistenza, il-kap ta’ unità kien diġà ħabbar lir-rikorrenti, kif ukoll li żewġ kollegi oħra tagħha li kienu membri tal-persunal bil-kuntratt, l-imminenza ta’ organizzazzjoni mill-ġdid tan-Newsdesk Hotline marbuta mal-wasla ta’ uffiċjal tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi (AD), ir-rikorrenti ma tistax raġonevolment tallega li d-deċiżjoni tal-ASTK li tirrekluta uffiċjal sabiex iwettaq il-funzjonijiet li hija kienet tokkupa preċedentement fl-unità tal-awdjoviżiv hija prova jew anki biss indizju, oġġettiv u rilevanti, ta’ rieda li tiġi ssanzjonata minħabba li kienet ressqet it-talba għal assistenza. Fil-fatt, jidher li din id-deċiżjoni ttieħdet oġġettivament fl-interess ta’ razzjonalità fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha u b’implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-ASTK li tagħti importanza ikbar lin-Newsdesk Hotline billi tassenja dan is-settur lil uffiċjali.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdietx indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ użu ħażin ta’ poter.

106    Għall-istess motivi, hija lanqas ma tista’ ssostni, minn naħa, li, permezz tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK kisret l-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li uffiċjal li kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali jew li pprovda provi dwar fastidju psikoloġiku jew sesswali, ma għandu jsofri ebda preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, jew, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-każ tagħha ma ġiex ittrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-ASTK.

107    F’dak li jirrigwarda l-ksur, allegat mir-rikorrenti, tal-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004, dan tal-aħħar kien jipprevedi, f’dak li kien jirrigwarda “[l-]persunal [awżiljarju] bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3b”, li “il-perjodu attwali ta’ l-impieg f’istitituzzjoni, inkluż kull perjodu għat-tiġdid, ma [setax jaqbeż] it-tliet snin” u li, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ĠU 2013, L 287, p. 15 u rettifika ĠU 2015, L 175, p. 126), dan it-terminu ttawwal għal sitt snin. Madankollu, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi terminu massimu ta’ reklutaġġ f’din il-kategorija ta’ impjieg, hija bl-ebda mod ma timponi fuq l-ASTK terminu minimu ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal li jaqa’ taħt din il-kategorija ta’ impjieg.

108    Għaldaqstant, il-fatt li, permezz tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK ma eżawrietx il-perijodu massimu ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti, bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, manifestament ma jiksirx l-Artikolu 88(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

109    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka, bħala indizju ta’ użu ħażin ta’ poter, il-fatt li, skontha, l-ASTK “għall-għarrieda” biddlet l-attitudni fil-konfront tagħha wara t-tressiq tat-talba għal assistenza, għaliex hija dejjem, “mis-6 ta’ Jannar 2003 ’l quddiem, sistematikament sabet soluzzjoni li ppremettiet li [hija] tinżamm fil-kariga”. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti, li la kienet f’pożizzjoni li tgħaddi minn kompetizzjonijiet ġenerali organizzati mill-EPSO u lanqas minn kompetizzjoni interna fil-Parlament, setgħet tibqa’ rreklutata mill-ASTK permezz ta’ diversi kuntratti suċċessivi li jaqgħu taħt diversi kategoriji ta’ impjieg sabiex twettaq funzjonijiet essenzjalment identiċi bl-ebda mod ma kien jobbliga lill-ASTK tkompli r-relazzjoni ta’ impjieg mal-persuna kkonċernata fit-tul, peress li l-karatteristika prinċipali tal-kuntratti ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt hija l-prekarjetà tagħhom fiż-żmien, li tikkorrispondi għall-għan innifsu ta’ dawn il-kuntratti, li huwa li jitwettqu kompiti prekarji, min-natura tagħhom jew fl-assenza ta’ membru tal-persunal permanenti, minn membri tal-persunal każwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 86), u peress li l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni rreklutati abbażi ta’ kuntratt għal żmien determinat ma jistgħux jinjoraw in-natura temporanja tar-reklutaġġ tagħhom u l-fatt li dan tal-aħħar ma jagħtix garanzija ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 84).

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

111    Peress li jidhrilha li kienet is-suġġett ta’ tkeċċija li tirrifletti użu ħażin ta’ poter mill-ASTK, ir-rikorrenti tqis li din kienet tkeċċija mhux iġġustifikata li, għaldaqstant, ġiet deċiża bi ksur tal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li ASTK ma ħaditx pożizzjoni fuq dan l-argument fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, b’mod li “id-deċiżjonijiet ikkontestati [għandhom] jiġu annullati”.

112    Il-Parlament iqis li t-tieni motiv huwa ineffettiv, għaliex il-kuntratt tar-rikorrenti ntemm fid-data prevista fil-kuntratt u, għaldaqstant, ma ġiex xolt mill-ASTK.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv invokat mir-rikorrenti jippremetti, b’mod manifestament żbaljat, li f’dan il-każ l-ASTK adottat deċiżjoni ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew skont l-Artikolu 49 ta’ dawn il-kondizzjonijiet, meta l-kuntratt ta’ reklutaġġ tar-rikorrenti ntemm b’applikazzjoni tal-Artikolu 47(b)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa applikabbli għall-membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 119 tagħhom, jiġifieri “fid-data ddikjarata fil-kuntratt”.

114    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 Fuq it-tielet motiv

115    Insostenn tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni inizjali kkontestata u d-deċiżjoni li taqta’ l-ilment huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan jista’ jiġi kkonstatat mis-sempliċi fatt li l-ASTK ipprovdiet motivi kontradittorji insostenn tad-deċiżjoni tagħha li ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti, ħaġa li tipprova li r-raġunijiet invokati mill-ASTK ma humiex plawżibbli. Hija ssostni wkoll li l-ASTK kisret id-dmir ta’ premura tagħha.

116    Il-Parlament jitlob li t-tielet motiv jiġi miċħud, billi jispjega li l-ASTK kienet iddeċidiet li tirristruttura l-unità tal-awdjoviżiv mis-sena 2009, għaliex din l-unità, li saret operattiva ħafna u li kellha baġit sinjifikattiv ferm, kienet tinkludi numru kbir ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt. Għaldaqstant, ġew organizzati diversi kompetizzjonijiet u proċeduri ta’ selezzjoni u dawn ippermettew lill-parti l-kbira tal-membri tal-persunal fil-kariga f’din l-unità jiksbu l-istatus ta’ uffiċjal. Issa, ir-rikorrenti ma għaddietx minn dawn il-proċeduri ta’ selezzjoni, u għalhekk hija ma setgħetx tiġi rreklutata f’pożizzjoni ta’ uffiċjal f’din l-unità.

117    F’dak li jirrigwarda t-talba għal tiġdid, l-ASTK eżaminatha bl-attenzjoni kollha possibbli, iżda ma kellha ebda impjieg vakanti li seta’ jippermetti estensjoni tal-kuntratt tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt. Bħala prova ta’ dan il-Parlament isemmi l-fatt li, wara d-data tal-31 ta’ Mejju 2015 li fiha ntemm il-kuntratt tar-rikorrenti, ġie rreklutat membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt wieħed biss fid-Direttorat għall-Midja, mit-3 ta’ Awwissu 2015 sat-2 ta’ Frar 2016, sabiex jissostitwixxi membru tal-persunal tal-unità “Europarl TV” tad-Direttorat għall-Midja. Issa, meta, fil-15 ta’ April 2015, ġiet ifformulata t-talba għar-reklutaġġ ta’ dan il-membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, ir-rikorrenti, minkejja li kienet tidher bħala l-imsemmi membru tal-persunal f’lista ta’ selezzjoni CAST, ma kinitx disponibbli, peress li kienet għadha bil-leave tal-mard, li kien beda fl-aħħar ta’ Settembru 2014. Il-Parlament jispeċifika li, fi ħdan l-unità tal-awdjoviżiv, baqa’ biss membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt wieħed, tal-grupp ta’ funzjonijiet IV, wara l-assenjazzjoni mill-ġdid, li seħħet matul il-kuntratt, ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ieħor ta’ dan l-istess grupp ta’ funzjonijiet ta’ din l-unità lill-unità “Europarl TV”. Barra minn hekk, il-Parlament ifakkar li l-koordinazzjoni tat-tim tan-Newsdesk Hotline tal-unità tal-awdjoviżiv illum titwettaq minn uffiċjal, li l-kompiti kurrenti li minnhom kienet inkarigata r-rikorrenti fi żmienha ngħataw lil uffiċjali u li ġie rreklutat it-tielet uffiċjal sabiex jissupplimenta dan it-tim. F’dak li jirrigwarda l-unità tal-programm ta’ żjarat, ebda membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt ma ġie rreklutat f’din l-unità wara l-31 ta’ Mejju 2015. Dawn l-ispjegazzjonijiet juru li ma kien hemm ebda possibbiltà li jiġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti fiż-żewġ unitajiet imsemmija iktar ’il fuq, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fid-Direttorat għall-Midja.

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju huwa sempliċi possibbiltà li titħalla fl-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti, f’dan il-każ l-ASTK.

119    Fil-fatt, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, għal dan il-għan, tal-persunal li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti hija obbligata, meta hija tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan, fil-fatt, jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2015, Il‑Kummissjoni vs D’Agostino, T‑670/13 P, EU:T:2015:877, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Madankollu, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jimponux fuq l-amministrazzjoni l-obbligu preliminari li tiġi eżaminata l-possibbiltà li membru tal-persunal temporanju jiġi assenjat mill-ġdid f’dipartiment differenti minn dak li fih kien assenjat, u dan la fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 98, u tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 99) u lanqas fil-każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 57). Bl-istess mod, tali obbligu ma jeżistix fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, bħar-rikorrenti, li ma humiex assenjati għal impjieg previst fit-tabella tal-impjiegi annessa mat-taqsima tal-baġit relatata ma’ kull istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, anki għal din il-kategorija tal-aħħar ta’ membri tal-persunal, minkejja li ma jokkupawx impjieg inkluż f’din it-tabella, l-amministrazzjoni hija obbligata, meta tiddeċiedi dwar talba għat-tiġdid ta’ kuntratt ifformulata minn membru tal-persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2015, Il‑Kummissjoni vs D’Agostino, T‑670/13 P, EU:T:2015:877, punt 34).

121    Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, li fihom l-ASTK, bil-għan li tosserva l-obbligu tagħha ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, iddeċidiet li tassenja mill-ġdid lir-rikorrenti f’unità differenti minn dik li għaliha hija kienet ġiet irreklutata, kienet din tal-aħħar, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal tiġdid u skont id-dmir ta’ premura, li kellha tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa li wriet ir-rikorrenti li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħha titkompla fit-tul u minkejja l-fatt li hija effettivament kienet bil-leave tal-mard mix-xahar ta’ Ottubru 2014, jekk l-interess tas-servizz, kemm fl-unità ta’ assenjazzjoni inizjali kif ukoll f’dik ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, kienx jeżiġi r-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal bi profil bħal dak tar-rikorrenti.

122    F’dan ir-rigward, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2015, Il‑Kummissjoni vs D’Agostino, T‑670/13 P, EU:T:2015:877, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta ċar li, fl-istadju tad-deċiżjoni inizjali kkontestata, l-ASTK ħadet inkunsiderazzjoni kemm l-interess tas-servizz marbut mal-unità tal-programm ta’ żjarat kif ukoll dak tar-rikorrenti, kif immanifestat fit-talba għal tiġdid. Madankollu, hija waslet għall-konklużjoni li ma kinitx f’pożizzjoni li toffri lir-rikorrenti estensjoni tar-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, u dan irrispettivament mill-fatt li isimha issa kien jidher f’lista ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

124    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-ASTK li issa ma kien hemm bżonn ta’ ebda tisħiħ amministrattiv fi ħdan l-unità tal-programm ta’ żjarat wara li nżammu l-festivitajiet marbuta mal-40 anniversarju ta’ din l-unità, din il-konstatazzjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-argumenti u tad-dokumenti prodotti mill-Parlament. F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-posta elettronika tiegħu tal-4 ta’ Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” irrefera għal bżonnijiet ta’ din l-unità li sa dak iż-żmien kienu qegħdin jikbru bl-ebda mod ma jista’ jinvalida din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-riferiment għal bżonnijiet li qegħdin jikbru seta’ jinftiehem li kien marbut mal-bżonnijiet relatati mal-40 anniversarju. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li ebda membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt ma ġie rreklutat mill-ASTK sabiex iwettaq funzjonijiet fi ħdan l-unità tal-programm ta’ żjarat wara d-data li fiha ntemm il-kuntratt tar-rikorrenti, fattur li jikkorrobora l-fatt li l-bżonnijiet, anki jekk kienu qegħdin jikbru, fir-realtà kienu qegħdin jikbru minħabba avveniment ta’ darba biss u, fi kwalunkwe każ, ma kinux jiġġustifikaw ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2015.

125    Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament, tat-3 ta’ Mejju 2004, li tistabbilixxi regoli interni dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni dwar ir-reklutaġġ”), li jipprevedi li l-membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt għandhom jiġu rreklutati, skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sabiex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz, l-ASTK setgħet tqis li, wara dan l-40 anniversarju, hija ma kellhiex iktar bżonn li tirrekluta membri tal-persunal ta’ dan it-tip għall-unità tal-programm ta’ żjarat, u lanqas, b’mod partikolari, li tiġi assistita mis-servizzi ta’ membru tal-persunal bi profil professjonali bħal dak tar-rikorrenti.

126    F’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz marbut mal-unità tal-awdjoviżiv, huwa minnu li mill-proċess jirriżulta, kif issostni r-rikorrenti, li l-ASTK ma kinitx eżaminat, bil-għan li tieħu l-pożizzjoni adottata fid-deċiżjoni inizjali kkontestata, il-bżonnijiet ta’ din l-unità, għaliex, fit-28 ta’ Mejju u fl-14 ta’ Lulju 2015, kien jeżisti dubju, li r-rikorrenti fittxet li telimina fil-kuntest tal-ilment tagħha tal-24 ta’ April 2015, dwar l-identità tal-unità li kellha titqies li kienet dik li għaliha r-rikorrenti kienet effettivament irreklutata. Issa, kellha tkun din l-unità tal-aħħar li kellha tkun dik li tieħu l-inizjattiva li tressaq eventwali talba għat-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, indirizzata lid-direttorat tar-riżorsi tad-DĠ “Komunikazzjoni”, li sussegwentement setgħet titlob li jsir tali tiġdid lid-DĠ “Persunal” li jaġixxi bħala ASTK.

127    Fir-risposta tal-20 ta’ Awwissu 2015 għall-ilment tar-rikorrenti tal-24 ta’ April 2015, is-Segretarju Ġenerali madankollu elimina din l-ambigwità billi kkonferma n-natura temporanja tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti lill-unità tal-programm ta’ żjarat. Fl-ilment addizzjonali tagħha tal-10 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti għalhekk ikkontestat l-assenza ta’ interess tas-servizz fit-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha fid-dawl tal-bżonnijiet tal-unità tal-awdjoviżiv li lilha kellha titqies li baqgħet assenjata matul il-perijodu tal-investigazzjoni amministrattiva li nfetħet mill-ASTK b’risposta għat-talba għal assistenza.

128    Issa, bil-għan li tadotta d-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK, b’risposta għall-argumenti mressqa fl-ilment addizzjonali tal-10 ta’ Settembru 2015, eżaminat l-interess tas-servizz fid-dawl tal-bżonnijiet tal-unità tal-awdjoviżiv. Madankollu, hija wasslet għall-konklużjoni li, minkejja l-interess tar-rikorrenti li r-reklutaġġ tagħha jiġi estiż, din l-unità ma kellhiex bżonn li kien jiġġustifika li hija twettaq tali estensjoni ta’ dan ir-reklutaġġ ma’ din l-unità u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fi ħdan id-DĠ “Komunikazzjoni”. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz għandu jiġi miċħud bħala infondat.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ASTK tista’, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt, tbiddel jew tissostitwixxi l-motivi ta’ tali deċiżjoni fl-istadju tal-ilment, kif għamlet f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 33 sa 46, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 79). Fil-fatt, huwa fil-mument tal-adozzjoni tar-risposta għall-ilment li tiġi stabbilita l-pożizzjoni definittiva tal-istituzzjoni u għalhekk huwa f’dan l-istadju li għandha tiġi evalwata l-osservanza, mill-ASTK, tad-dmir ta’ premura, fir-rigward tal-motivazzjoni kemm tad-deċiżjoni inizjali kif ukoll tar-risposta għall-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2017, LP vs Europol, T‑719/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:7, punt 54).

130    Ir-rikorrenti ssostni wkoll, fir-replika, li, f’dan il-każ, il-Parlament, fir-risposta, “issepara d-diversi unitajiet – [l-]unità [“]Europarl TV[”], [l‑u]nità [tal-a]wdjoviżiv, [it-]tim Hotline Newsdesk – [li fir-rigward tagħhom l-ASTK] staqsi[et] dwar il-possibbiltà li jiġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti”, sabiex tagħti “in tempore suspecto” motivazzjoni ġdida għad-deċiżjoni inizjali kkontestata u għad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment. Issa, skontha, motivazzjoni bħal din hija inammissibbli.

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, għalkemm assenza totali ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi koperta minn spjegazzjonijiet ipprovduti wara l-preżentata ta’ rikors, peress li, f’dan l-istadju, tali spjegazzjonijiet ma jissodisfawx iktar il-funzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; tad-9 ta’ Diċembru 1993, Il‑Parlament vs Volger, C‑115/92 P, EU:C:1993:922, punt 23, u tat-23 ta’ Frar 1994, Coussios vs Il‑Kummissjoni, T‑18/92 u T‑68/92, EU:T:1994:19, punti 74 sa 76), dan ma japplikax fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-att ikkontestat adottat mill-ASTK jew mill-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni konvenuta.

132    Fil-fatt, f’dan il-każ tal-aħħar, istituzzjoni konvenuta tista’, fil-mori tal-kawża, tagħti spjegazzjonijiet addizzjonali li jirrendu mingħajr skop motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il‑Parlament, 111/83, EU:C:1984:200, punt 22; tat-8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 52, u tat-30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il‑Parlament, T‑78/92, EU:T:1993:107, punt 52). F’każ bħal dan, l-istituzzjoni konvenuta madankollu ma tkunx awtorizzata tissostitwixxi l-motivazzjoni inizjali żbaljata tal-att ikkontestat b’motivazzjoni kompletament ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 15, u tas-6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il‑Kummissjoni, T‑71/96, EU:T:1997:170, punt 79).

133    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK spjegat espressament, minn naħa, li “il-possibbiltà li [r-rikorrenti] tiġi rreklutata mill-ġdid mal-[u]nità [tal-a]wdjoviżiv ma [kienx] iktar prevedibbli, għar-raġuni li fil-frattemp [kien] ġie deċiż li t-twettiq tal-kompiti li għalihom hija kienet ġiet irreklutata jingħata lil uffiċjal”, u, min-naħa l-oħra, li, “fid-dawl tal-profil speċifiku ta[r-rikorrenti] u tal-funzjonijiet li hija [kienet] tokkupa, ma [kienx] possibbli għad-DĠ “K[omunikazzjoni]” li jipproponilha impjieg ieħor li jikkorrispondi għall-kwalifiki tagħha lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015”.

134    Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti, fil-fażi kontenzjuża, mill-Parlament, f’dak li jirrigwarda d-diversi unitajiet tad-Direttorat għall-Midja u ta’ dak tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini, li jaqgħu taħt id-DĠ “Komunikazzjoni”, li fir-rigward tagħhom l-ASTK kienet eżaminat il-possibbiltà li jiġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti, jikkostitwixxu biss spjegazzjonijiet addizzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, filwaqt li jiġi rrilevat li dawn l-ispjegazzjonijiet, sa fejn jirrigwardaw elementi preċedenti għad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment jew kontemporanji għaliha, josservaw f’dan ir-rigward il-prinċipju ta’ legalità (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 27). Fil-fatt, huwa paċifiku li, kemm fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment kif ukoll fl-istadju kontenzjuż, il-motiv ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015, adottat mill-ASTK u invokat mill-Parlament, kien ibbażat fuq l-assenza ta’ impjieg disponibbli fi ħdan id-DĠ “Komunikazzjoni” li jippermetti, fid-dawl tal-profil tar-rikorrenti, tali tiġdid.

135    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 119 u 120 ta’ din is-sentenza, l-ASTK ma kellhiex, skont id-dmir ta’ premura tagħha, l-obbligu li teżamina l-possibbiltà li l-kuntratt tar-rikorrenti jiġi estiż sabiex tiġi assenjata f’unitajiet differenti minn dawk tal-awdjoviżiv u tal-programm ta’ żjarat, peress li tali approċċ kien ifisser li r-rikorrenti tingħata dritt għall-prijorità li jeżisti biss għall-benefiċċju tal-uffiċjali u li kien jippreġudika l-interessi tal-membri tal-persunal ta’ dawn l-unitajiet l-oħra li jkunu jixtiequ li l-kuntratti ta’ reklutaġġ tagħhom f’dawn l-unitajiet jiġġeddu jew ta’ kandidati fi proċeduri ta’ selezzjoni miftuħa għal impjiegi vakanti fl-imsemmija unitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 87). Madankollu, f’dan il-każ, l-ASTK, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, għamlet iktar minn dak li kien jimponilha d-dmir ta’ premura u eżaminat il-pożizzjonijiet vakanti fid-DĠ “Komunikazzjoni” kollu, iżda waslet għall-konklużjoni li ebda impjieg idoneu ma kien jippermetti tali tiġdid lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015.

136    Issa, din il-konstatazzjoni ma hija vvizzjata, fi kwalunkwe każ, minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

137    Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet tokkupa impjieg ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha. F’dan ir-rigward, kif kien ħabbar il-kap ta’ unità fil-posta elettronika tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2014, l-unità tal-awdjoviżiv, kif juru l-informazzjoni u d-data pprovduti mill-Parlament, kienet is-suġġett ta’ organizzazzjoni mill-ġdid bil-għan li l-ASTK tagħti l-kompiti li qabel kienu jitwettqu mir-rikorrenti lil uffiċjali, ħaġa li, kif ġie spjegat qabel, kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha. Għalhekk, hija setgħet timla, bi prijorità, l-impjieg li kien is-suġġett tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bir-referenza AST/157554 permezz ta’ trasferiment ta’ uffiċjal fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti, liema status ir-rikorrenti ma kinitx tgawdi. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti mill-Parlament jipprovaw li membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt wieħed biss ġie rreklutat fl-2016, wara li telqet ir-rikorrenti, fi ħdan id-Direttorat għall-Midja. F’dan il-każ dan kien membru tal-persunal irreklutat sabiex jissostitwixxi, mit-3 ta’ Awwissu 2015 sat-2 ta’ Frar 2016, persuna li ngħatat leave tal-maternità. Issa, dan il-membru tal-persunal ġie rreklutat sabiex iwettaq funzjonijiet mal-unità “Europarl TV”, li hija distinta mill-unitajiet tal-awdjoviżiv u tal-programm ta’ żjarat, u, fid-data tar-reklutaġġ tagħha, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx disponibbli sabiex twettaq tali sostituzzjoni, peress li hija stess kienet bil-leave mediku, u, min-naħa l-oħra, xejn ma jindika li l-profil tagħha kien adegwat għall-finijiet ta’ din is-sostituzzjoni.

138    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-fatt li, minkejja t-talbiet li kienet ifformulat, il-kompetizzjonijiet interni li kienu ġew organizzati fi ħdan il-Parlament kienu jirrigwardaw biss “[profili] speċifiċi u tekniċi ħafna […] ta’ arkivisti, edituri ta’ programmi, grafiċi jew produtturi”. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[i]r-reklutaġġ [tal-uffiċjali] għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ- ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni”. Għaldaqstant, ebda membru tal-persunal ma jista’ jeżiġi l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni li tikkorrispondi għall-profil tiegħu, peress li, minkejja l-Artikolu 4(3) tar-regoli interni dwar ir-reklutaġġ, istituzzjoni ma tistax tiffaċilita l-aċċess tal-membri tal-persunal tagħha għall-istatus ta’ uffiċjal b’mod li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

139    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, hija wettqet l-istess funzjonijiet matul kważi tlettax-il sena, dejjem bi statuses differenti, u li, għaldaqstant, skont id-dmir ta’ premura, l-ASTK kellha testendi l-aħħar kuntratt tagħha.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti kienet taħdem għal kumpannija li tipprovdi servizzi għall-Parlament, l-ASTK ipproponietilha li tiġi rreklutata direttament minnha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mill-1 ta’ April 2005 u li, mill-1 ta’ Frar 2006, hija bbenefikat minn impjieg bħala membru tal-persunal temporanju. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dan il-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju ntemm b’mod obbligatorju fi tmiem il-perijodu massimu ta’ sitt snin ta’ reklutaġġ f’din il-kwalità u għandu jitqies li dan ir-reklutaġġ, magħmul b’eċċezzjoni għall-prinċipju li l-impjiegi permanenti huma intiżi li jimtlew bil-ħatra ta’ uffiċjali, setgħa biss ikollu l-għan li jissodisfa l-bżonnijiet tal-unità tal-awdjoviżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 79).

141    Madankollu, fi tmiem ir-reklutaġġ tagħha ta’ perijodu massimu ta’ sitt snin bħala membru tal-persunal temporanju, l-ASTK żgurat li r-rikorrenti setgħet tkompli tkun irreklutata minnha, f’dan il-każ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, anki jekk, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti issa tinvoka l-fatt li hija invarjabbilment ingħatat l-istess funzjonijiet, kemm bħala membru tal-persunal temporanju kif ukoll bħala membru tal-persunal awżiljarju u bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, ħaġa li, fl-aħħar mill-aħħar, titfa’ dubju fuq il-fondatezza tal-użu mill-ASTK ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kategoriji ta’ impjieg.

142    Barra minn hekk, l-ASTK aċċettat li tagħti lir-rikorrenti ammont ta’ EUR 22 000 ex gratia.

143    Issa, dawn l-elementi kollha jagħtu prova ta’ premura min-naħa tal-ASTK fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

144    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, f’dan il-każ, l-ASTK setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u mingħajr ma tikser id-dmir ta’ premura tagħha, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti, tal-inqas lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2015.

145    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv

146    Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ASTK kisret l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta naqset milli tismagħha qabel ma adottat id-deċiżjoni inizjali kkontestata. Issa, li kieku nstemgħet, hija kienet tkun tista’ ssostni li l-bżonnijiet tal-unità tal-programm ta’ żjarat kienu qegħdin jikbru u kienu jirrikjedu l-estensjoni tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tagħha. Għaldaqstant, l-ASTK kienet tkun tista’ tistaqsi lil din l-unità dwar il-bżonnijiet reali tagħha u tiċċara l-kontradizzjoni manifesta li kienet teżisti bejn ir-realtà tal-bżonnijiet tagħha u d-deċiżjoni inizjali kkontestata, li fiha l-eżistenza tal-imsemmija bżonnijiet kienet ġiet miċħuda. Hija kienet tkun tista’ wkoll tiġbed l-attenzjoni tal-ASTK għall-fatt li, fl-24 ta’ April 2015, hija kienet ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid sabiex tikkontesta n-natura permanenti tal-imsemmija assenjazzjoni mill-ġdid, bl-istess mod kif kienet tkun tista’ ssostni li unitajiet oħra tad-DĠ “Komunikazzjoni” kellhom bżonnijiet ta’ riżorsi umani, b’mod partikolari id-Direttorat għall-Midja u, fi ħdan din tal-aħħar, l-unità tal-awdjoviżiv. Il-pubblikazzjoni ta’ erba’ avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti bejn is-27 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju 2015 kienet ukoll tkun prova li fuqha hija kienet tkun tista’ tibbaża ruħha quddiem l-ASTK sabiex turi l-eżistenza tal-imsemmija bżonnijiet. Fl-aħħar nett, hija kienet tkun tista’ tikseb, insostenn tat-talba għal tiġdid, ix-xhieda tad-Direttur tad-Direttorat għall-Midja dwar l-istat tal-bżonnijiet ta’ dan id-direttorat.

147    Minbarra l-fatt li d-deċiżjoni inizjali kkontestata setgħet tkun differenti li kieku, qabel ma ttieħdet, hija nstemgħet mill-ASTK dwar il-kwistjoni tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha, ir-rikorrenti ssostni li s-sostituzzjoni mill-ASTK, fl-istadju tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali tagħha b’motivazzjoni totalment ġdida u kontradittorja meta mqabbla mal-ewwel waħda tammonta għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-istess japplika għall-fatt li l-ASTK ma rrispondietx għal uħud mill-ilmenti tagħha fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment.

148    Il-Parlament jitlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud, billi jirrileva li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, fit-talba għal tiġdid, setgħet tesprimi r-raġunijiet li, fil-fehma tagħha, kienu jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Issa, l-ASTK ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-argumenti spjegati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, b’mod partikolari meta ddeċidiet, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, li tilqa’ t-talba tagħha, ibbażata fuq l-aspettattivi leġittimi, li l-kuntratt tagħha jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, l-ASTK kisret id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ, il-Parlament iqis li huwa kien jadotta l-istess deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx li kieku hija debitament instemgħet. Fil-fatt, huwa jqis li l-argumenti invokati fir-rikors, li r-rikorrenti setgħet sostniet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni inizjali kkontestata, huma identiċi għal dawk li hija kienet spjegat fit-talba għal tiġdid u fl-ilment tagħha tat-22 ta’ Lulju 2015 u li għalihom huwa rrisponda kemm fid-deċiżjoni inizjali kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment.

149    Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża, kif issa huma rrikonoxxuti mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, skont il-qorti tal-Unjoni, huwa ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81), ikopru, filwaqt li l-portata tagħhom hija usa’, id-dritt proċedurali, previst fil-paragrafu 2(a) tal-imsemmi artikolu, ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F‑137/14, EU:F:2016:14, punt 71).

150    Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli, jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha fl-att li għandu jiġi adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 115).

151    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni ta’ amministrazzjoni li ma tagħmilx użu, meta jkollha tali possibbiltà skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill-possibbiltà li jiġġedded il-kuntratt ta’ reklutaġġ għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal ma hijiex, formalment, deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura mibdija kontra l-persuna kkonċernata.

152    Madankollu, meta, bħala persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal, membru tal-persunal iressaq, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għat-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu qabel l-iskadenza tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 38) jew meta l-istituzzjoni tipprevedi, fir-regoli interni tagħha, li tinbeda fi żmien xieraq, qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal, proċedura partikolari dwar it-tiġdid ta’ dan il-kuntratt, għandu jitqies li, fi tmiem tali proċedura jew b’risposta għal tali talba mressqa skont ir-Regolamenti tal-Persunal, tiġi adottata deċiżjoni mill-ASTK dwar it-tiġdid tal-kuntratt tal-persuna kkonċernata u li, sa fejn tali deċiżjoni tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, din tal-aħħar għandha tkun instemgħet mill-ASTK qabel ma hija tadotta l-imsemmija deċiżjoni, li, barra minn hekk, għandha tkun immotivata, kif jeżiġi l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal awżiljarji bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

153    F’din is-sitwazzjoni li fiha l-ASTK tiddeċiedi, sa fejn tali possibbiltà hija prevista fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma tagħmilx użu mill-possibbiltà li hija għandha skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg li testendi l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal, tali deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tista’ tiġi adottata biss wara li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha, jekk ikun il-każ permezz ta’ sempliċi tħabbir min-naħa tal-ASTK tal-intenzjoni tagħha li, u tar-raġunijiet għalfejn, ma tkunx ser tagħmel użu mill-imsemmija possibbiltà, u dan fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali, imqar jekk fil-qosor (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 49 sa 52; tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 33, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 59). Dan l-iskambju għandu jinbeda mill-ASTK, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47; tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 54, u tat-12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 116).

154    F’dan ir-rigward, ġie deċiż ukoll li iktar u iktar huwa importanti li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża jiġi osservat meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tkun ġiet adottata f’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ diffikultajiet fir-relazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 51, u tat-12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 114), filwaqt li għandu madankollu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, skont ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. U R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 34).

155    F’dan il-każ, wara t-tressiq tat-talba għal tiġdid, sitt ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza tal-kuntratt fil-31 ta’ Mejju 2015 u irrispettivament mill-fatt li l-amministrazzjoni kellha f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, terminu ta’ erba’ xhur għal risposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2017, LP vs Europol, T‑719/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:7, punt 64) u li l-persuna kkonċernata dak iż-żmien kienet bil-leave tal-mard, l-ASTK kienet f’pożizzjoni li tipprovdi risposta għat-talba għal tiġdid f’inqas minn ġimgħa. Madankollu, hija formalment naqset milli qabel tisma’ lill-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward, minkejja li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jippreżentaw ebda diffikultà partikolari ta’ implementazzjoni għal amministrazzjoni diliġenti u li s-smigħ tal-persuna kkonċernata huwa garanzija minima meta l-amministrazzjoni taġixxi, bħal f’dan il-każ, f’qasam li fih għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F‑137/14, EU:F:2016:14, punt 77). Bl-istess mod, l-ASTK ma semgħetx formalment lir-rikorrenti qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni konfermattiva tal-14 ta’ Lulju 2015.

156    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-ASTK kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u, għaldaqstant, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

157    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, anki meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża, jeħtieġ barra minn hekk, sabiex il-motiv ikun jista’ jintlaqa’, li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal eżitu differenti (digriet tal-14 ta’ April 2016, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑394/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:262, punt 41, u s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, EU:T:2007:34, punt 149; ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-elementi mressqa mir-rikorrenti fl-istadju kontenzjuż jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li hija kienet esponiet fit-talba għal tiġdid. Issa, l-ASTK ħadet tali elementi inkunsiderazzjoni, peress li hija b’risposta għal din it-talba li hija adottat id-deċiżjoni inizjali kkontestata, jiġifieri d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2015, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2015.

159    Barra minn hekk, huma dawn l-istess elementi li ġew irrepetuti u żviluppati fl-ilment u fl-ilment addizzjonali. Issa, fid-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, l-ASTK irrispondiet għall-imsemmija argumenti, filwaqt li żammet id-deċiżjoni tagħha li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-erba’ avviżi ta’ pożizzjoni vakanti li r-rikorrenti setgħet tinvoka li kieku nstemgħet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw impjiegi fil-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi, li kellhom jimtlew, bi prijorità, permezz ta’ trasferiment jew ta’ ħatra ta’ uffiċjali.

160    Għaldaqstant, anki kieku r-rikorrenti nstemgħet formalment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali kkontestata, għandu jitqies, fid-dawl tal-elementi mressqa minnha fl-istadju kontenzjuż, li dan ma kienx jippermetti li jwassal għal eżitu differenti f’dak li jirrigwarda t-tiġdid tal-kuntratt tagħha.

161    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv ta’ annullament għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

162    Insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, b’mod partikolari għaliex dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-ASTK b’konsegwenza tat-tressiq tat-talba għal assistenza. Milquta ħażin fuq livell psikoloġiku, ir-rikorrenti tispjega li kellha ssegwi terapija u tqis li d-dinjità tagħha ġiet affettwata mill-aġir deċiżjonali tal-ASTK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tallega l-eżistenza ta’ dannu morali mġarrab minnha li għandu jiġi kkumpensat permezz tal-għoti ta’ ammont ta’ EUR 100 000.

163    Barra minn hekk, filwaqt li tinvoka aspetti oħra relatati mal-modalitajiet ta’ komunikazzjoni tal-ASTK mal-membri tal-persunal tagħha li l-kuntratt tagħhom ikun wasal sabiex jintemm, b’mod partikolari l-ibblokkar tal-kaxxa tal-posta elettronika tagħha fil-31 ta’ Mejju 2015 kif ukoll il-fatt li tintbagħat posta elettronika b’mod awtomatiku li tagħti informazzjoni dwar il-passi amministrattivi marbuta mat-tmiem ta’ kuntratt, li l-persuni kkonċernati jintalbu jinjoraw meta l-kuntratt tagħha jkun ser jiġġedded b’mod imminenti, ir-rikorrenti tqis li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu nuqqas separat tal-amministrazzjoni li kkawżalha dannu morali li għandu jiġi kkumpensat permezz tal-għoti ta’ ammont ta’ EUR 15 000.

164    Il-Parlament jitlob li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda bħala infondati, billi jenfasizza li d-dipartimenti tiegħu ma wettqu ebda nuqqas, la fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fil-mod li bih ġie ttrattat il-każ ta’ din tal-aħħar.

165    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li t-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta, bħal f’dan il-każ, ikunu marbuta strettament mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 129; tal-14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, EU:C:2006:582, punt 51, u tat-30 ta’ April 2014, López Cejudo vs Il‑Kummissjoni, F‑28/13, EU:F:2014:55, punt 105).

166    Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens, sa fejn ifittxu li jinkiseb kumpens għal dannu morali minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni inizjali kkontestata u tad-deċiżjoni li taqta’ l-ilment, għandhom jiġu miċħuda.

167    Barra minn hekk, sa fejn dawn it-talbiet ifittxu li jinkiseb kumpens għal dannu morali, li huwa marbut ta’ nuqqas separat tal-amministrazzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi stabbilit dan l-allegat nuqqas. Fil-fatt, peress li l-posta elettronika hija rriżervata strettament għal użu marbut direttament mal-kompiti mwettqa mill-membru tal-persunal, ma kienx anormali li l-ASTK iddiżattivat il-kaxxa tal-posta elettronika tar-rikorrenti mal-iskadenza tar-reklutaġġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 74). Barra minn hekk, l-ASTK setgħet tiddeċiedi, fl-interess tal-funzjonament tas-servizz, li tintbagħat posta elettronika b’mod awtomatiku skont skeda partikolari lill-membri tal-persunal li l-kuntratti tagħhom kienu waslu sabiex jiskadu.

168    Minn dan isegwi li t-talbiet għal kumpens marbuta ma’ allegat nuqqas amministrattiv separat tal-ASTK għandhom ukoll jiġu miċħuda.

169    Peress li t-talbiet għal annullament u t-talbiet għal kumpens ġew miċħuda, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

171    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      HF hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ April 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.