Language of document : ECLI:EU:T:2017:282

Kawża T-584/16

HF

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Artikolu 3 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg – Sensiela ta’ reklutaġġi bħala membru tal-persunal – Kuntratti għal perijodu ta’ żmien fiss – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Użu ħażin ta’ poter – Talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ April 2017

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Kunċett ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fil-qasm ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma l-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà li l-ewwel tressaq l-osservazzjonijiet tagħha – Ksur tad-dritt għal smigħ

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Allegazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku – Illegalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Kundizzjoni – Rabta bejn l-aġir li jikkostitwixxi fastidju u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

3.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Libertà li jistrutturaw l-unitajiet amministrattivi – Portata – Tneħħija ta’ impjiegi – Bidla tal-allokazzjoni tal-kompiti – Limiti – Effikaċja tal-organizzazzjoni tax-xogħlijiet

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat u tas-servizz – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikoli 2 u 3a)

1.      Id-drittijiet tad-difiża, hekk kif ġew stabbiliti permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ applikazzjoni ġenerali, ikopru, ġaladarba l-portata tagħhom hija usa’, id-dritt proċedurali previst fl-Artikolu 41(2)(a), li kull persuna għandha li tinstema’ qabel ma tiġi adottata kull miżura individwali fir-rigward tagħha li taffettwaha b’mod sfavorevoli.

Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli, jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha fl-att li għandu jiġi adottat.

Fil-qasam ta’ tiġdid ta’ kuntratt, sa fejn l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ma hijiex obbligata mir-Regolamenti tal-Persunal tagħmel użu mill-eventwali possibbiltà, prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, li testendi l-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal, u lanqas ma hija obbligata tinforma lill-persuna kkonċernata f’terminu determinat bl-intenzjoni tagħha f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi imputata lill-imsemmija awtorità, fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt, deċiżjoni impliċita tagħha li tirrinunzja li tagħmel użu minn din il-possibbiltà.

Fil-fatt, sabiex deċiżjoni tal-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ li tirrigwarda t-tiġdid ta’ kuntratt tkun tista’ titqies li ttieħdet, jeħtieġ li tkun l-eżitu ta’ eżami mill-ġdid mill-imsemmija awtorità tal-interess tas-servizz u ta’ dak tal-persuna kkonċernata u li din l-istess awtorità tkun wettqet evalwazzjoni ġdida meta mqabbla mat-termini tal-kuntratt inizjali li diġà jkunu jipprevedu d-data li fiha jintemm il-kuntratt.

Madankollu, meta, bħala persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal, membru tal-persunal iressaq, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba għat-tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu qabel l-iskadenza tal-imsemmi kuntratt jew meta l-istituzzjoni tipprevedi, fir-regoli interni tagħha, li tinbeda fi żmien xieraq, qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal, proċedura partikolari dwar it-tiġdid ta’ dan il-kuntratt, għandu jitqies li, fi tmiem tali proċedura jew b’risposta għal tali talba mressqa skont ir-Regolamenti tal-Persunal, tiġi adottata deċiżjoni mill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ, dwar it-tiġdid tal-kuntratt tal-persuna kkonċernata u li, sa fejn tali deċiżjoni tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, din tal-aħħar għandha tkun instemgħet mill-imsemmija awtorità qabel ma hija tadotta l-imsemmija deċiżjoni, li, barra minn hekk, għandha tkun immotivata, kif jeżiġi l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal awżiljarji bil-kuntratt skont l-Artikolu 92 tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra.

Fis-sitwazzjoni li fiha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tiddeċiedi, sakemm din il-possibbiltà hija prevista fil-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, li ma tużax l-awtorità li hija għandha skont l-imsemmija kundizzjonijiet li testendi l-kuntratt ta’ impjieg ta’ aġent, l-imsemmija awtorità tadotta għalhekk att li jikkawża preġudizzju u tali deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tista’ tiġi adottata biss wara li l-persuna kkonċernata tkun tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha, jekk ikun il-każ permezz ta’ sempliċi tħabbir min-naħa tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-intenzjoni tagħha li, u tar-raġunijiet għalfejn, ma tkunx ser tagħmel użu mill-imsemmija possibbiltà, u dan fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali, imqar jekk fil-qosor. Dan l-iskambju għandu jinbeda mill-imsemmija awtorità, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova.

F’dan ir-rigward, ġie deċiż ukoll li iktar u iktar huwa importanti li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża jiġi osservat meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tkun ġiet adottata f’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ diffikultajiet fir-relazzjonijiet, filwaqt li għandu madankollu jitfakkar li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, skont ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat

(ara l-punti 59, 60, 149, 150, -154)

2.      Fil-kuntest tan-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ aġent kuntrattwali li jkun ressaq talba ta’ assistenza, l-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju pskoloġiku ta’ superjur ġerarkiku ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabilixxi li kull att adottat minn awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ invetsigazzjoni amministrattiva, huwa illegali. Fil-fatt, għadu meħtieġ li l-persuna kkonċernata turi l-impatt tal-aġir li jikkostitwixxi fastidju morali fuq il-kontenut tal-att ikkontestat, peress li, f’każ bħal dan, ikun ifisser li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, permezz tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal ġerarkikament għolja tagħha, tkun għamlet użu mill-poter tagħha sabiex tilħaq għan illegali fid-dawl tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li kull uffiċjal għandu joqgħod lura minn kull forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali.

(ara l-punt 92)

3.      L-impjiegi permanenti tal-istituzzjonijiet huma intiżi, bħala prinċipju, li jimtlew minn uffiċjali u li għalhekk huwa biss fuq bażi eċċezzjonali li tali impjiegi jistgħu jiġu okkupati minn membri tal-persunal oħra. L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni u l-istrutturazzjoni tad-dipartimenti tagħha u tista’ tiddeċiedi li kompiti li ma kinux identifikati b’mod ċar jew li żviluppaw matul iż-żmien u li qabel kienu ngħataw lil membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, possibbilment sabiex jiġu ssostitwiti uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju, għandhom issa jaqgħu taħt impjiegi permanenti.

Fil-fatt, l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni Ewropea għandhom ukoll il-libertà li jistrutturaw id-diviżjonijiet amministrattivi tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi, bħan-natura u l-portata tal-kompiti mogħtija lilhom u l-possibbiltajiet baġitarji. Din il-libertà tinvolvi dik li jitneħħew impjiegi u li tinbidel l-attribuzzjoni tal-kompiti, bil-għan li jkun hemm iktar effikaċja fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti baġitarji ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet imposti mill-organi politiċi tal-Unjoni, kif ukoll il-poter li jiġu assenjati mill-ġdid kompiti li qabel kienu jitwettqu mid-detentur tal-impjieg imneħħi, mingħajr ma din it-tneħħija tal-impjieg tkun neċessarjament suġġetta għall-kundizzjoni li l-kompiti kollha imposti jitwettqu minn numru iżgħar ta’ persuni minn dak ta’ qabel l-organizzazzjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ impjieg mhux neċessarjament tinvolvi l-eliminazzjoni tal-kompiti li kien jinkludi.

(ara l-punti 102, 103)

4.      It-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju huwa sempliċi possibbiltà li titħalla fl-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti, f’dan il-każ, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ.

Fil-fatt, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, għal dan il-għan, tal-persunal li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha, meta hija tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ impjegat, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-impjegat ikkonċernat. Dan, fil-fatt, jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha.

B’hekk, l-imsemmija kundizzjonijiet tal-impjieg ma jimponux fuq l-amministrazzjoni l-obbligu preliminari li tiġi eżaminata l-possibbiltà li membru tal-persunal temporanju jiġi assenjat mill-ġdid f’dipartiment differenti minn dak li fih kien assenjat, u dan la fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt għal żmien determinat. Bl-istess mod, tali obbligu ma jeżistix fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, bħar-rikorrenti, li ma humiex assenjati għal impjieg previst fit-tabella tal-impjiegi annessa mat-taqsima tal-baġit relatata ma’ kull istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, anki għal din il-kategorija ta’ membri tal-persunal, minkejja li ma jokkupawx impjieg kopert minn din it-tabella, l-amministrazzjoni għandha, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li huma suxxettibbli li jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

F’dan ir-rigward, inkunsiderazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-istabbiliment tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 118-120, 122)