Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Ottubru 2023 – TA et vs British Airways plc

(Kawża C-616/23, British Airways)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TA, ET, VB, CI

Konvenut: British Airways plc

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ikun intitolat għal kumpens minħabba dewmien twil mal-wasla fid-destinazzjoni finali meta, fil-kuntest ta’ titjira b’waqfa, jitlef it-titjira konnessa minkejja li l-ewwel titjira waslet fil-ħin, u meta d-dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali jkun dovut għall-fatt li l-ħin tal-waqfa effettiv fl-ajruport bejn il-ftuħ tal-bibien tal-ajruplan u l-għeluq tal-imbark ma kienx suffiċjenti sabiex jilħaq it-titjira konnessa fil-ħin minħabba d-distanza bejn il-post tal-wasla u l-post tat-tlugħ kif ukoll minħabba l-kontrolli tal-passaporti u tas-sigurtà?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: fil-każijiet fejn it-tilwima tkun marbuta mal-kwistjoni jekk il-passiġġier tilifx it-titjira konnessa minħabba nuqqas min-naħa tiegħu (pereżempju għaliex ma ħaffifx), l-oneru tal-prova jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera jew huwa l-passiġġier li għandu jirribatti n-nuqqas allegat fil-konfront tiegħu? F’dan il-kuntest, x’importanza għandha tingħata lill-osservanza tal-hekk imsejjaħ “Minimum Connection Time” (MCT) bejn l-ewwel titjira u t-titjira konnessa?

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li fir-rigward tat-titjira tiegħu jista’ jkun raġonevolment mistenni dewmien mal-wasla fid-destinazzjoni finali ta’ tliet sigħat jew iktar għandu, bħall-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati u lil hinn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, dritt għal rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tiegħu f’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli u fl-iqsar ħin possibbli u fis-sens li, fil-każ ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi, it-trasportatur tal-ajru li jopera jkollu jikkumpensa lill-passiġġier għall-ispejjeż li dan tal-aħħar ikun ħallas għat-trasport b’rotta differenti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.