Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2008 - E.I. du Pont de Nemours et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-76/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: E.I. du Pont de Nemours and Company (Wilmington, l-Istati Uniti), DuPont Performance Elastomers LLC (Wilmington, l-Istati Uniti), DuPont Performance Elastomers SA (Geneva, l-Iżvizzera) (rappreżentanti: J. Boyce u A. Lyle Smythe, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni in kwantu din tikkonstata li E.I. DuPont kienet parti fil-ksur;

tannulla l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni in kwantu din tikkonstata li E.I. DuPont għandha tħallas multa;

tnaqqas il-multi imposti fuq ir-rikorrenti skond l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)5910 finali tal-5 ta' Diċembru 2007 (Każ COMP/F/38.629) - Gomma Chloroprene), li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea billi pparteċipaw fi ftehim wieħed u kontinwu u/jew prattika mifthema fis-settur tal-gomma chloroprene

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tal-fatti, żball ta' liġi u naqset milli tagħti raġunament xieraq għad-deċiżjoni tagħha:

billi żammet lir-rikorrenti E.I. DuPont responsabbli għall-involviment tan-negozju bi sħab DuPont Dow Elastomers fil-kartell għall-perijodu wara li r-rikorrenti E.I. DuPont kienet ittrasferiet in-negozju ta' l-elastomeri sħiħ tagħha, inkluż il-gomma chloroprene, lil DuPont Dow Elastomers;

billi imponiet multa fuq E.I. DuPont għall-perijodu ta' qabel it-trasferiment ta' l-attivitajiet ta' l-elastomeri tagħha lil DuPont Dow Elastomers, meta l-Kummissjoni kienet fil-fatt preskritta milli tagħmel dan;

billi ma wrietx interess leġittimu fl-għoti ta' deċiżjoni kontra E.I. DuPont f'dan il-każ;

billi ma wrietx li Bayer u DuPont Dow Elastomers kienu laħqu ftehim jew akkordju dwar l-għeluq ta' impjanti;

billi wżat multiplikatur għal tul ta' 6.5 li huwa ugwali għal sitt snin u sitt xhur sħaħ, meta t-tul ta' l-involviment ta' DuPont Dow Elastomers kien biss ta' sitt snin u xhar sħiħ;

billi ma tagħtx lir-rikorrenti t-tnaqqis klementi massimu disponibbli ta' 30%; u

billi kkonstatat li impjegat ta' DuPont Dow Elastomers ipparteċipa fil-kartell.

____________