Language of document : ECLI:EU:T:2009:416

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali RNAiFect – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti RNActive – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑80/08,

CureVac GmbH, stabbilita f’Tübingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Graf von Stosch, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn M. Kicia, sussegwentement minn S. Schäffner, bħala aġenti

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Qiagen GmbH, stabbilita f’Hilden (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn E. Krings, sussegwentement minn V. von Bomhard, A. Renck u T. Dolde, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-11 ta’ Diċembru 2007 (Każ R 1219/2006‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn CureVac GmbH u Qiagen GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Mejju 2008,

wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Awwissu 2003, l-intervenjenti, Qiagen GmbH, ippreżentat applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali RNAiFect.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 5 u 9 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 1 : “Prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi; prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi għat-trattament ta’ bijopolimeri; materjali bijoloġiċi għal-laboratorji sabiex jintużaw fil-qasam xjentifiku u r-riċerka, jiġiferi buffers u reaġenti, jiġiferi dawk li jintużaw sabiex jiġu introdotti mollekoli u taħlita ta’ mollekoli, jiġifieri peptidi u/jew aċti nukleiċi, f’ċelluli, jiġiferi ċelluli prokarjotiċi u ewkarjotiċi; materjali kromatografiċi sabiex jintużaw fis-separazzjoni, it-tindif u l-iżolazzjoni tal-bijopolimeri u reaġenti u taħlit għall-eżekuzzjoni tas-separazzjonijiet kromatografiċi, tindif u/jew proċessi ta’ iżolazzjoni tal-bijopolimeri; kits sabiex jiġu introdotti mollekoli u taħlit ta’ mollekoli, jiġifieri peptidi u/jew aċti nukleiċi, f’ċelluli, jiġiferi ċelluli prokarjotiċi u ewkarjotiċi; reaġenti ta’ trasfettazzjoni”;

–        klassi 5 : “Preparazzjonijiet farmaċewtici, veterinarji u sanitarji”;

–        klassi 9 : “Apparat u strumenti xjentifiċi, b’mod partikolari strumenti u apparat għar-riċerka u t-testijiet fil-laboratorju”.

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippublikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 39/2004, tas-27 ta’ Settembru 2004.

5        Fis-17 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti, CureVac GmbH, ressqet oppożizzjoni kontra t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, fejn allegat probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq parti mill-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 2 953 768 tat-trade mark verbali RNActive, ippreżentata fid-29 ta’ Novembru 2002 u rreġistrata fit-28 ta’ Ottubru 2004, jiġifieri l-prodotti segwenti tal-klassijiet 1 u 5:

–        klassi 1: “Prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi; reaġenti għar-riċerka”;

–        klassi 5: “Prodotti kimiċi għal użu mediku; prodotti farmaċewtiċi u veterinarji, b’mod partikolari prodotti ta’ kimoterapija għat-trattament ta’ tumuri, prodotti li jikkuraw u preparazzjonijiet għat-trattament tal-asmatiċi, agonisti u antagonisti ta’ riċevituri prodotti farmaċewtiċi għat-trattament ta’ kundizzjonijiet newroloġiċi, għat-trattament ta’ mard infettiv; preparazzjonijiet sanitarji; sustanzi dijetetiċi addattati għall-użu mediku, b’mod partikolari sustanzi għal supplimenti alimentari; diżinfettanti; fungiċidi; erbiċidi”.

7        L-oppożizzjoni kienet diretta biss kontra prodotti koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha li jaqgħu taħt il-klassijiet 1 u 5, bl-esklużjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-klassi 9.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, għar-raġuni li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju Komunitarju.

9        Fil-15 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell caħad ir-rikors tal-appell. Dan il-Bord qabel mal-konstatazzjoni li saret mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li l-prodotti li jridu jiġu pparagunati kienu identiċi jew jixxiebhu ħafna. Fir-rigward taż-żewġ sinjali inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, għalkemm bilkemm distintivi, peress li l-element “rna” jikkorrispondi mat-taqsira tal-kelma Ingliża “ribonucleid acid” (acide ribonucléique bil-Franċiż u Ribonukleinsäure bil-Ġermaniż), iż-żewġ trade marks kienu differenti u l-ebda proprjetarju tat-trade mark ma seta’ jimmonopolizza t-taqsira RNA jew jipprekludi lil impriżi oħra milli jużawha jew jintegrawha fi trade marks, b’mod partikolari fil-qasam tal-prodotti farmaċewtiċi. Il-konsumaturi jifmhu sew it-tifsira tat-taqsira RNA u ma jissuponux li t-trade marks kollha li jibdew b’din it-taqsira jindikaw l-istess oriġini. L-attenzjoni tagħhom tinġibed pjuttost fuq it-tmiem tal-kelma li huwa iktar distintiv. Id-differenzi li jeżistu bejn l-element “ifect” u l-element “ctive” jippermettu li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha RNAiFect;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

14      Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li ser tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u ttieħed nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li ċerti prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u l-prodotti indikati fl-applikazzjoni għat-trade mark m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li inparti jixxiebhu ħafna, iżda li għall-kuntrarju huma identiċi, peress li dawn tal-aħħar huma inklużi fil-prodotti proprji tagħha u b’hekk huma koperti b’mod identiku mit-trade marks konfliġġenti.

17      Ir-rikorrenti mbagħad tikkunsidra li t-trade mark RNActive għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha, fi kwalunkwe każ, karattru distintiv medju, peress li hija ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja. Sa fejn iż-żewġ trade marks huma indirizzati lill-konsumatur medju, li ma jkollux għarfien tat-tifsira tal-inizjali RNA, it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv għall-inqas medju.

18      Ir-rikorrenti barra minn hekk tippreċiża, li s-sinjali inkwistjoni huma viżivament simili, peress li l-bidu tal-kliem huwa identiku, u li, għat-trade marks verbali, barra t-trade mark irreġistrata, kull forma oħra ta’ riproduzzjoni li tiġi ppreżentata lill-pubbliku hija koperta mis-suġġett tal-protezzjoni, b’mod partikolari r-riproduzzjoni f’ittri kbar u f’ittri żgħar. Ir-rikorrenti żżid li x-xebh fonetiku tas-sinjali huwa eċċezzjonali, minħabba l-identiċità tal-ewwel tliet ittri u l-fatt li l-ħoss prodott mill-aħħar ittri ftit huwa differenti. Għal dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali tas-sinjali, jeżisti wkoll xebh eċċezzjonali inkwantu t-trade mark preċedenti RNActive tinkludi l-kelma Ġermaniża “aktiv” li tista’ tiġi pperċepita bħala sinonimu tal-kelma Ġermaniża “effektiv” jew li tfisser “li jkollha effett”, li tinsab fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha RNAiFect.

19      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, minħabba l-identiċità tal-prodotti, il-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti u l-livell ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku.

20      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

21      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi rrifjutata jekk, “minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

22      Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti tfisser it-trade marks Komunitarji kif ukoll it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data tal-preżentata tagħhom hija preċedenti għal dik tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p. II-174, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29, tad-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17].

24      Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod ġlobali billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza CAPIO, punt 23 iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 40).

25      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, li tistipula li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi minn numru ta’ fatturi, b’mod partikolari, kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, il-livell tax-xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza CAPIO, punt 23 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jistipula li “teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku”, li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew tas-servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza CAPIO, punt 23 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi SABEL, punt 24 iktar ’il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 23 iktar ’il fuq, punt 25).

27      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà jagħmel paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda jrid jafda fl-immaġni imperfetta tagħhom li jiftakar. Għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li l-livell ta’ attenzjonit tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 38; ara, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 23 iċċitata iktar ’il fuq, punt 26].

28      Fil-każ preżenti, it-trade mark li fuqa hija bbażata l-oppożizzjoni hija trade mark Komunitarja. Konsegwentement, hekk kif ġie kkonstatat mill-Bord tal-Appell fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami għandu jiġi estiż għall-Unjoni Ewropea.

29      Għal dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti, kif sostniet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fil-paġna 4 tad-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Awwissu 2006 u hekk kif jirriżulta mill-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa kompost mill-konsumaturi kkonċernati mill-prodotti inkwistjoni. B’mod partikolari, il-prodotti tal-klassi 5 huma intiżi għall-ispiżjara kif ukoll għall-konsumaturi finali li huma raġonevolment infurmati, attenti u avżati [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Madaus vs UASI – Optima Healthcare (ECHINAID), T‑202/04, Ġabra p. II‑1115, punt 23], li madankollu għandhom livell ta’ attenzjoni għolja u jibbenefikaw, fl-għażla tagħhom, mill-għajnuna ta’ professjonisti kkwalifikati ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 61, u s-sentenza ECHINAID, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Fir-rigward tal-prodotti kimiċi tal-klassi 1, dawn huma intiżi għal pubbliku speċjalizzat (b’mod partikolari x-xjenzati tal-kimika u dawk li jaħdmu fil-laboratorji) li b’hekk ikollu livell ogħla ta’ attenzjoni.

30      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn prodotti jew servizzi, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti tar-relazzjoni li tista’ teżisti bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-kwistjoni jekk hemmx kompetizzjoni bejniethom jew jekk humiex kumplimetari għal xulxin (ara s-sentenza CAPIO, punt 23 iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-prodotti inkwistjoni mhumiex kollha identiċi, iżda wħud minnhom huma identiċi u wħud oħra huma simili, hekk kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata b’referenza għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: b’hekk, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, bħala eżempju, li l-“kittijiet sabiex jiġu introdotti mollekoli u ta’ taħlit ta’ mollekoli” u l-prodotti kimiċi għall-użu mediku jixxiebhu ħafna, iżda b’daqshekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala identiċi.

33      B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonfermata għal dak li jirrigwarda l-analiżi tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni.

–       Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

34      Hekk kid diġà ġie indikat fil-punt 26 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tiġi bbażata fuq l-impressjoni globali prodott minnhom, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u CAPIO, punt 23 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 24 iktar ’il fuq, punt 23].

35      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali għal dak li jirrigwarrda aspett rilevanti wieħed jew diversi aspetti (sentenzi MATRATZEN, punt 25 iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u CAPIO, punt 23 iktar ’il fuq, punt 89).

36      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja l-eżistenza ta’ xebh li tirriżulta mill-karattru identiku tal-ewwel tliet ittri tas-sinjali inkwistjoni, id-differenzi bejn il-kliem “iFect” u “ctive” tant huma kbar li jeskludu probabbiltà ta’ konfużjoni.

37      F’dan ir-rigward, is-sinjali li għandhom jiġu pparagunati huma s-segwenti:

Trade mark preċedenti

Trade mark li saret applikazzjoni għaliha

RNActive

RNAiFect

38      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun viżiv, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali inkwistjoni t-tnejn huma magħmula minn kelma waħda u li kull waħda minnhom fiha tmien ittri. L-ewwel tliet ittri tagħhom, li huma miktuba b’ittri kbar, huma identiċi. Il-ħames ittri segwenti tat-trade mark preċedenti huma miktubin f’ittri żgħar, bħal ta’ dawk tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, bl-eċċezzjoni tal-ħames ittra “f”.

39      Ix-xebh li jirriżulta mill-identiċità tal-ewwel tliet ittri huwa madankollu mnaqqas ħafna bil-preżenza tal-aħħar ħames ittri tas-sinjali inkwistjoni li, għalkemm erba’ fosthom huma komuni għaż-żewġ sinjali, ma jidhrux fl-istess ordni, ħaġa li tippermetti li tiġi kkreata perċezzjoni viżiva differenti ħafna bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni. B’hekk, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjali inkwistjoni turi differenzi viżivi.

40      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell ikkuntenta ruħu li janalizza l-ittri użati fis-sinjali inkwistjoni mingħajr ma jagħmel evalwazzjoni viżiva globali. Fil-fatt, anki jekk sfortunatament id-deċiżjoni kkontestata mhix ċara ħafna fuq dan il-punt, il-Bord tal-Appell, meta kkunsidra fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata li, minkejja l-element komuni “rna”, l-attenzjoni tinġibed pjuttost fuq it-tmiem tal-kelma li huwa iktar distintiv, għamel analiżi globali tas-sinjali inkwistjoni billi kkonkluda li din id-differenza kbira kienet tippermetti li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

41      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, hekk kif tallega r-rikorrenti, is-sinjali huma t-tnejn miktuba b’ittri kbar jew b’ittri żgħar, għandu fi kwalunkwe każ jingħad li x-xebh viżiv mhuwiex iktar evidenti, peress li d-differenza li tirriżulta mill-pożizzjoni tal-aħħar ħames ittri tippermetti li x-xebh provenjenti mill-identiċità tal-ewwel tliet ittri jiġi kkumpensat.

42      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, għandu jingħad li, għalkemm iż-żewġ sinjali jibdew bit-tliet ittri “r”, “n” u “a”, it-tmiem tagħhom jippermetti li tiġi kkreata distinzjoni pjuttost ċara bejniethom. Iż-żewġ sinjali huma b’hekk ippronunzjati b’mod differenti ħafna, b’mod li, anki li kieku jitqies li jeżisti xebh, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala għall-inqas estremament dgħajjef. Barra minn hekk, fil-każ fejn il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn il-vokali “a” u “i” tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, id-differenza fonetika hija iktar perċepibbli. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni normali, ftit huwa probabbli, minn naħa, li l-konsumatur jirdoppja l-vokali “a” tad-trade mark preċedenti sabiex jippronunzja s-sinjal “r-n-a-active”, għalkemm is-sinjal jinkludi biss “a” waħda u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess konsumatur ma jippronunzjax l-“i” tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha sabiex jippronunzjaha “r-n-a-fect”. Barra minn hekk, anki f’sitwazzjoni bħal din, fi kwalunkwe każ, din ma tagħmilx l-imsemmija sinjali fonetikament simili.

43      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali, huwa minnu li, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, il-pubbliku kkonċernat jew, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-pubbliku speċjalizzat, ser jipperċepixxi l-ewwel tliet ittri bħala li jirreferu għat-taqsira Ingliża tal-aċtu ribonuklejku (ribonucleid acid), jew, għal dak li jirrigwarda l-pubbliku inġenerali, ser jippreżumi li dawn l-inizjali jirreferu għall-inqas għal element ta’ natura medika jew kimika, anki jekk ma jafx it-tifsira preċiża tagħhom. Hekk kif sostnew fis-seduta kemm l-UASI kif ukoll l-intervenjenti, mhuwiex rari li, fil-qasam ikkunsidrat, il-produtturi jirreferu għal sustanzi kumplessi kimiċi jew molekolari sabiex jenfasizzaw l-allegata effikaċità ta’ prodott farmaċewtiku offert għall-bejgħ.

44      Madankollu, it-tmiem tal-kliem rispettiv tas-sinjali (“ctive” għal wieħed u “ifect” għall-ieħor), li għandu sinjifikat differenti, jikkontrobilanċja x-xebh li jirriżulta mill-element komuni “rna”. L-argumentazzjoni tar-rikorrenti, li hija żviluppat b’mod partikolari fis-seduta, li l-konsumatur Ġermaniż ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi rabta bejn “ifect” u l-kelma Ingliża “effect”, li b’hekk huwa ser jassoċja mal-kelma “active”, peress li ż-żewġ kelmiet jirreferu għal-kunċett ta’ effikaċità jew għall-kelma “effectif”, teħtieġ wisq sforzi ta’ dikostruzzjoni tas-sinjal min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat sabiex tiġi stabbilita assoċjazzjoni bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni u b’hekk tidher bħala improbabbli wisq sabiex tintlaqa’.

45      Għalkemm jeżisti ċertu xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, dan jirriżulta mill-fatt li l-element “rna” huwa komuni għas-sinjali inkwistjoni, iżda huwa kontrobilanċjat mit-tifsiriet differenti provenjenti mit-tmiem tal-kliem rispettivi.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

46      Għandu jiġi mfakkar li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta, kumulattivament, il-livell ta’ xebh tat-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks huma suffiċjentement għolja (sentenza MATRATZEN, punt 25 iktar ’il fuq, punt 45).

47      Fil-każ preżenti, diġà ġie kkonstatat fil-punt 32 iktar ’il fuq li l-prodotti inkwistjoni inparti huma identiċi u inparti jixxiebhu ħafna.

48      Iż-żewġ sinjali huma effettivament mibnija fuq l-element komuni “rna”. Madankollu, għandu jingħad li, hekk kif ġie kkonstatat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, mingħajr ma din ġiet ikkontradetta mill-Bord tal-Appell fil-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-element l-iktar l-iktar jista’ jkollu karattru distintiv imnaqqas, anki jekk parti mill-konsumaturi ma jafux preċiżament it-tifsira tat-taqsira inkwistjoni, iżda jippreżumu l-eżistenza ta’ referenza indiretta b’mod partikolari għal komponent kimiku jew molekolari.

49      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem peress li hija iktar ippronunzjata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – Link Interchange Network (WORLDLINK), T‑325/04, Ġabra p. II-29, punt 82], jibqa’ l-fatt li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv jew ftit distintiv li jifforma parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta minnha (ara s-sentenza ECHINAID, punt 29 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Issa, hekk kif ġie kkonstatat, peress li l-element komuni għaż-żewġ sinjali kkonċernati, jiġifieri “rna”, għandu, l-iktar l-iktar, karattru ftit distintiv, dan ma jippermettix li tintgħaraf l-oriġini kummerċjali tal-prodotti. B’hekk il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suffissi kkonċernati tas-sinjali konfliġġenti, jiġifieri “ctive” u “ifect”, ikunu kkunsidrati bħala l-elementi distintivi u dominanti li jiġbdu l-attenzjoni tal-konsomaturi, peress li huma iktar distintivi mill-element inizjali “rna” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ECHINAID, punt 29 iktar ’il fuq, punt 55).

51      Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq u hekk kif l-UASI ġustament osserva, huwa żbaljat li jiġi mistenni li l-partijiet finali rispettivi tas-sinjali jkunu pperċepiti bħala identiċi billi ssir assoċjazzjoni, peress li l-kelma Ġermaniża “aktiv” bl-ebda mod ma hija sinonima ma’ “effektiv”, u dan jippermetti li ssir distinzjoni bejn it-trade marks. Konsegwentement, dawn id-differenzi fit-tifsira jkunu jistgħu jipermettu lill-konsumaturi kkonċernati jiddistingwu s-sinjali inkwisjtoni.

52      B’hekk, għalkemm l-element komuni taż-żewġ sinjali, jiġifieri “rna”, jinsab quddiem, din l-identiċità ma twassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li dan l-element għandu karattru ftit distintiv, b’mod li l-attenzjoni tal-pubbliku tinġibed lejn il-parti finali taż-żewġ sinjali li huma, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, distintivi viżivament, fonetikament u kunċettwalment. B’hekk iż-żewġ sinjali jagħtu impressjoni differenti.

53      Fil-każ preżenti jirriżulta li l-livell ta’ identiċità jew ta’ xebh għoli ħafna bejn il-prodotti koperti huwa kkumpensat mil-livell dgħajjef ta’ xebh bejn is-sinjali kif ukoll mill-karattru ftit distintiv, jew deskrittiv, tat-taqsira “RNA”, b’mod li għandha tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat. B’hekk, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li ma kenitx teżisti, min-naħa tal-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwisjtoni.

54      Barra minn hekk, anki jekk il-prodotti kollha inkwistjoni jkunu, hekk kif tallega r-rikorrenti, identiċi, l-analiżi li saret fil-punti 34 sa 53 iktar ’il fuq ma tippermettix li tinsilet konklużjoni differenti għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

55      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv uniku ma jistax jintlaqa’, b’mod li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

56      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CureVac GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Ottubru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.