Language of document : ECLI:EU:T:2009:416

Kawża T-80/08

CureVac GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali RNAiFect — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti RNActive — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni, għall-konsumaturi kkonċernati, bejn is‑sinjal verbali RNAiFect, li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għall-“Prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi; prodotti kimiċi intiżi għall-industrija u għax-xjenzi għat-trattament ta’ bijopolimeri; materjali bijoloġiċi għal-laboratorji sabiex jintużaw fil-qasam xjentifiku u r-riċerka, jiġiferi buffers u reaġenti, jiġiferi dawk li jintużaw sabiex jiġu introdotti mollekoli u taħlita ta’ mollekoli, jiġifieri peptidi u/jew aċti nukleiċi, f’ċelluli, jiġiferi ċelluli prokarjotiċi u ewkarjotiċi; materjali kromatografiċi sabiex jintużaw fis-separazzjoni, it-tindif u l-iżolazzjoni tal-bijopolimeri u reaġenti u taħlit għall-eżekuzzjoni tas-separazzjonijiet kromatografiċi, tindif u/jew proċessi ta’ iżolazzjoni tal-bijopolimeri; kits sabiex jiġu introdotti mollekoli u taħlit ta’ mollekoli, jiġifieri peptidi u/jew aċti nukleiċi, f’ċelluli, jiġiferi ċelluli prokarjotiċi u ewkarjotiċi; reaġenti ta’ trasfettazzjoni u preparazzjonijiet farmaċewtici, veterinarji u sanitarji” li jaqgħu rispettivament taħt il-klassijiet 1 u 5 skont il‑Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali RNActive, irreġistrata preċedentement bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti li jaqgħu fl-istess klassijiet li inparti huma identiċi u inparti jixxiebhu ħafna.

Iż-żewġ sinjali huma effettivament mibnija fuq l-element komuni “rna”. Madankollu, għandu jingħad li dan l-element l-iktar l-iktar jista’ jkollu karattru distintiv imnaqqas, anki jekk parti mill-konsumaturi ma jafux preċiżament it‑tifsira tat-taqsira inkwistjoni, iżda jippreżumu l-eżistenza ta’ referenza indiretta b’mod partikolari għal komponent kimiku jew molekolari.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem peress li hija iktar ippronunzjata, jibqa’ l-fatt li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv jew ftit distintiv li jifforma parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta minnha.

Issa, peress li l-element komuni għaż-żewġ sinjali kkonċernati, jiġifieri “rna”, għandu, l-iktar l-iktar, karattru ftit distintiv, dan ma jippermettix li tintgħaraf l‑oriġini kummerċjali tal-prodotti. Huwa għalhekk li s-suffissi kkonċernati tas-sinjali konfliġġenti, jiġifieri “ctive” u “ifect”, ikunu kkunsidrati bħala l-elementi distintivi u dominanti li jiġbdu l-attenzjoni tal-konsomaturi, peress li huma iktar distintivi mill-element inizjali “rna”.

B’hekk, għalkemm l-element komuni taż-żewġ sinjali, jiġifieri “rna”, jinsab quddiem, din l-identiċità ma twassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li dan l-element għandu karattru ftit distintiv, b’mod li l-attenzjoni tal-pubbliku tinġibed lejn il-parti finali taż-żewġ sinjali li huma, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, distintivi viżivament, fonetikament u kunċettwalment. B’hekk iż-żewġ sinjali jagħtu impressjoni differenti.

B’hekk jirriżulta li l-livell ta’ identiċità jew ta’ xebh għoli ħafna bejn il-prodotti koperti huwa kkumpensat mil-livell dgħajjef ta’ xebh bejn is-sinjali kif ukoll mill-karattru ftit distintiv, jew deskrittiv, tat-taqsira “RNA”, b’mod li għandha tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat.

(ara l-punti 47-50, 52, 53)