Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Jannar 2013 - Ekologický právní servis vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-19/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ekologický právní servis (Brno, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: P. Černý, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 8382, tat-12 ta' Novembru 2012, li tiddikjara inammissibbli t-talba tar-rikorrent intiża għall-eżami intern mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 4576, tas-6 ta' Lujlu 2012, dwar l-applikazzjoni nnotifikata mir-Repubblika Ċeka, skont l-Artiklu 10c(5) tad-Direttiva 2003/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2, għall-finijiet tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti b'mod tranżitorju għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 4576, tas-6 ta' Lujlu 2012, dwar l-applikazzjoni nnotifikata mir-Repubblika Ċeka, skont l-Artiklu 10c(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-finijiet tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti b'mod tranżitorju għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 8382, tat-12 ta' Novembru 2012, hija illegali, peress li tikser l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2(1)(g) u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 4.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 4576, tas-6 ta' Lujlu 2012, hija illegali, peress li tikser l-Artikolu 263 TFUE, id-Direttiva 2003/87/KE li tistabblixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE , il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Dokument ta' gwida dwar l-applikazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE (2011/C 99/03) u d-Direttiva 2001/42/KE  dwar l-istima tal-effetti ta' ċertu pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.

____________

1 - Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE

2 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

3 - Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63).

4 - Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).