Language of document : ECLI:EU:T:2014:582

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

26 ta’ Ġunju 2014

Kawża T‑20/13 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet u allowance ta’ invalidità – Irtirar mhux volontarju minħabba invalidità – Kumitat tal-invalidità – Kompożizzjoni – Nomina tat-tobba – Nuqqas tal-uffiċjal ikkonċernat li jinnomina t-tieni tabib – Nomina tat-tieni tabib mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja – Nomina tat-tielet tabib bi ftehim komuni tal-ewwel u tat-tieni tobba nnominati – Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza wara rinviju mill-Qorti Ġenerali”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas‑6 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑41/06 RENV), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Kompożizzjoni – Nomina tat-tobba – Ħatra tat-tielet tabib bi ftehim komuni mal-ewwel u t-tieni tobba maħtura jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja – Bidla tal-għażla wara s-sostituzzjoni tal-ewwel u t-tieni tobba – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

2.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Kompożizzjoni – Nomina tat-tobba – Assenza ta’ rtirar tal-att ta’ ħatra tal-ewwel tielet tabib qabel il-ħatra ta’ tielet tabib ġdid – Adozzjoni tal-ħatra tat-tielet tabib il-ġdid skont forma oħra meta mqabbla mal-att ta’ ħatra tal-ewwel tielet tabib – Ksur tal-prinċipju tal-att kuntrarju – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

3.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Kompożizzjoni – Nomina tat-tobba – Bidla tal-għażla – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 7)

4.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Dmir ta’ lealtà – Kunċett – Portata – Obbligu ta’ kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Invalidità fil-każ ta’ talba ta’ din tal-aħħar

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 21)

5.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku – Kontenut – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1))

6.      Uffiċjali – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9)

1.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħatra tat-tielet tabib, f’terminu ta’ xahrejn mill-ħatra tat-tieni tabib, it-tielet tabib jinħatar ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-partijiet. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet tabib jinħatar bi ftehim komuni taż-żewġ tobba maħtura mill-istituzzjoni u mill-uffiċjal ikkonċernat.

Fil-fatt, il-ftehim komuni taż-żewġ tobba maħtura fir-rigward tat-tielet tabib jieħu preċedenza fuq il-ħatra ex officio min-naħa tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tintervjeni u ssir valida biss fin-nuqqas ta’ ftehim bejn iż-żewġ tobba inkwistjoni. B’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn tabib inizjalment maħtur mill-istituzzjoni jew mill-uffiċjal ikkonċernat fejn lanqas dawn iż-żewġ tobba ma huma iżjed disponibbli u għaldaqstant ikollhom jiġu ssostitwiti b’tobba oħra, ma jkunx fl-interess tal-iżvolġiment korrett tax-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Invalidità li dawn iż-żewġ tobba ġodda maħtura jkollhom iżommu lit-tielet tabib fil-kariga tiegħu. Fil-kapaċità tagħhom bħala tobba maħtura mill-istituzzjoni u mill-uffiċjal ikkonċernat, dawn għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ il-prerogattivi rikonoxxuti lilhom mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn it-tobba għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiftehmu dwar tabib ieħor.

(ara l-punti 89 u 90)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ invalidità, il-prinċipju tal-att kuntrarju ma ġiex miksur bil-fatt li l-ħatra ta’ tielet tabib ġdid ma kienet la ppreċeduta mill-irtirar tal-att ta’ ħatra tal-ewwel tielet tabib fi ħdan il-Kumitat tal-Invalidità mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas adottata skont l-istess forma bħall-att ta’ ħatra ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikjedi biss li t-tielet tabib jiġi maħtur bi ftehim komuni taż-żewġ tobba maħtura mill-istituzzjoni u mill-uffiċjal ikkonċernat. L-għan tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ ftehim bejn dawn iż-żewġ tobba. Għalhekk, il-ħatra tat-tielet tabib ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi, b’mod eċċezzjonali, dik magħmula b’mod ġenerali bi ftehim komuni taż-żewġ tobba inkwistjoni. Konsegwentement, il-ħatra tat-tielet tabib ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun ta’ natura differenti minn dik magħmula miż-żewġ tobba inkwistjoni. B’hekk, il-ħatra tat-tielet tabib mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitwixxix att ta’ natura ġudizzjarja, iżda att ta’ natura amministrattiva.

(ara l-punt 93)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il‑Kummissjoni, T‑196/95, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑403, punt 80

3.      Is-sostituzzjoni progressiva ta’ membru jew ta’ numru ta’ membri ta’ Kumitat tal-Invalidità, li saħansitra tagħti lok għall-bidla sħiħa tal-kompożizzjoni tiegħu, ma trendix awtomatikament bla effett l-eżistenza ta’ dan il-kumitat, u lanqas tal-mandat tiegħu.

(ara l-punt 100)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ invalidità, il-fatt li wieħed jirrifjuta, numru ta’ drabi, milli jikkollabora mal-Kumitat tal-Invalidità ma huwiex konformi mad-dmir ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni li għandu kull uffiċjal skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 103)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑329, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal fuq leave tal-mard jista’, f’kull mument, jiġi suġġett għal kontroll mediku organizzat mill-istituzzjoni. Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan il-kontroll, huwa s-servizz mediku tal-istituzzjoni li taħtu jaqa’ l-uffiċjal li jiddeċiedi, skont l-istat tas-saħħa tiegħu, liema tip ta’ eżamijiet jirriżulta li huwa opportun jew indispensabbli, anki jekk dawn ikunu testijiet psikjatriċi, fejn il-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika biss l-eżistenza ta’ żball manifest.

(ara l-punti 105 u 106)

6.      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li x-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Invalidità huma sigrieti. In-natura sigrieta tax-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Invalidità tispjega ruħha permezz tan-natura, tal-kontenut u tal-implikazzjonijiet ta’ oriġini medika tagħhom. Għalhekk, l-għarfien mill-Awtorità tal-Ħatra tal-fatt li opinjoni tal-kumitat imsemmi ngħatat b’mod unanimu ma jikkostitwixxix ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 110)