Language of document : ECLI:EU:C:2020:744

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2020 (1)

Kawża C615/19 P

John Dalli

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Rikors għal kumpens – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kumpens tad-dannu allegatament imġarrab mill-appellant minħabba l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) marbut mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Ottubru 2012”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tiegħu, John Dalli qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑399/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:384), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu għal kumpens tad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), marbut mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni.

2.        Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħti deċiżjoni dwar diversi kwistjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-funzjonijiet investigattivi tal-OLAF u l-iżvolġiment ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tispeċifika ċerti aspetti tal-ġurisprudenza dwar l-awtorità ta’ res judicata kif ukoll dwar l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ dannu morali.

3.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għal analiżi tal-argument tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll għal analiżi tal-ewwel aggravju, tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, tal-ħames aggravju u tas-seba’ aggravju.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999

4.        L-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (2), applikabbli għall-fatti inkwistjoni (3), jipprovdi:

“Fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta’, it-Trattati (minnhawn iżjed ‘il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji’), l-Uffiċċju għandu jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li:

–        jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

–        jinvestiga għal dak l-iskop kwistjonijiet serji li għandhom x’jaqsmu mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali b’tali mod li jkun jikkostitwixxi nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li jistgħu iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji jew, skond il-każ, għal proċeduri kriminali, jew nuqqas ekwivalenti ta’ qadi ta’ obbligi minn membri ta’ istituzzjonijiet u korpi, kapi ta’ uffiċċji u aġenziji jew membri tal-Persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li m’humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (‘ir-Regolamenti tal-Persunal’).”

5.        L-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu r-regoli applikabbli rispettivament għall-investigazzjonijiet esterni u interni tal-OLAF.

6.        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet esterni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju, li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-Istat Membru in kwestjoni.

Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju, li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha għandha ssir l-investigazzjoni.”

7.        L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament jispeċifika li d-Direttur tal-Uffiċċju għandu jidderieġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

8.        L-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttur għandu jagħmel ċert li l-impjegati ta’ l-Uffiċċju u l-persuni l-oħra li jkunu qegħdin jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u dawl [dawk] nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali, partikolarment dawk li hemm provdut dwarhom fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-Parlament Ewropew u ta l-Kunsill ta’ l-24 Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u l-moviment liberu ta’ dik l-informazzjoni [(4)].”

9.        L-Artikolu 11(1) u (7) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-Uffiċċju b’sorveljanza regolari mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.

Fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju, mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

[…]

7.      Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza l-programm ta’ attivitajiet ta’ l-Uffiċċju […]. Id-Direttur għandu jżomm lill-kumitat informat regolarment dwar l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju, l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjoni meħuda fuqhom. Meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet fejn l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija in kwistjoni jkunu naqsu milli jaġixxu fuq ir-rakomandazzjonijiet magħmula minnu. Id-Direttur għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.”

10.      L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Sakemm jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lid-Direttur ta’ l-Uffiċċju lment bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu kontra xi att magħmul mill-Uffiċċju bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b’mod negattiv […]

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom japplikaw b’analoġija għalil-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji li m’humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.”

B.      Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

11.      L-Artikolu 13(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (5) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”) jipprovdi:

“Każijiet li jkunu jeħtieġu li informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru għandhom ikunu eżaminati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u skont ir-[Regolament Nru 1073/1999]. Għandu wkoll ikun hemm segwitu fuq din il-bażi.

B’mod partikolari, qabel ma tkun intbagħtet l-informazzjoni, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jitlob aċċess għall-investigazzjonijiet inkwistjoni sabiex jaċċerta ruħu li d-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali jkunu qed jiġu mħarsa. Ladarba s-Segretarjat ikun kiseb aċċess għad-dokumenti f’perjodu ta’ żmien li jiggarantixxi konformità ma’ din il-funzjoni, ir-relaturi maħtura biex jeżaminaw il-każijiet għandhom jippreparaw il-preżentazzjoni tagħhom fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat. Il-persunal responsabbli tal-OLAF jista’ jiġi mistieden għal din is-sessjoni sabiex tinkiseb informazzjoni sħiħa.

Il-Kumitat għandu jaħtar relaturi sabiex jeżaminaw dawn linvestigazzjonijiet u, jekk meħtieġ, joħorġu opinjoni.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

12.      Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

13.      Permezz tad-Deċiżjoni 2010/80/UE (6), J. Dalli nħatar Membru tal-Kummissjoni għall-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 2010 u l-31 ta’ Ottubru 2014. Huwa ngħata l-portafoll tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-konsumaturi mill-President tal-Kummissjoni.

14.      Fil-25 ta’ Mejju 2012, wara li fil-21 ta’ Mejju 2012 il-Kummissjoni kienet irċeviet ilment mill-kumpannija Swedish Match li kien jinkludi allegazzjonijiet dwar l-aġir ta’ J. Dalli, l-OLAF fetaħ investigazzjoni.

15.      J. Dalli nstema’ mill-OLAF fis-16 ta’ Lulju u fil-15 ta’ Ottubru 2012.

16.      Fil-15 ta’ Ottubru 2012, ir-rapport tal-OLAF intbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, indirizzat għall-attenzjoni tal-President ta’ din l-istituzzjoni. Ma’ dan ir-rapport kien hemm ittra ffirmata mid-Direttur tal-OLAF li kienet tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet prinċipali tal-investigazzjoni u li kienet tinforma lill-President tal-Kummissjoni li dawn il-konklużjonijiet kienu qegħdin jitressqu għall-għarfien tiegħu sabiex jadotta eventwali miżuri taħt il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissarji (C(2011) 2904).

17.      Fis-16 ta’ Ottubru 2012, J. Dalli kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni. Iktar tard dakinhar stess, dan tal-aħħar informa lill-Prim Ministru tar-Repubblika ta’ Malta kif ukoll lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bir-riżenja ta’ J. Dalli. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll stqarrija għall-istampa li biha tħabbret din ir-riżenja.

18.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2012, J. Dalli ppreżenta rikors għall-annullament tad-“deċiżjoni verbali tas-16 ta’ Ottubru 2012, meħuda mill-President tal-Kummissjoni, li ttemm b’effett immedjat l-inkarigu tiegħu” u għall-kumpens tad-dannu mġarrab fl-ammont ta’ EUR 1 simboliku fir-rigward tad-dannu morali u, provviżorjament, fl-ammont ta’ EUR 1 913 396 fir-rigward tad-dannu materjali.

19.      Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑562/12, iktar ’il quddiem is-sentenza “Dalli vs Il‑Kummissjoni”, EU:T:2015:270).

20.      Fir-rigward, minn naħa, tat-talba għal annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellant kien ippreżenta r-riżenja tiegħu b’mod volontarju, mingħajr din ir-riżenja ma kienet is-suġġett ta’ talba mill-President tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE. Peress li l-eżistenza ta’ din it-talba, li kienet tikkostitwixxi l-att ikkontestat mill-appellant, ma kinitx ġiet stabbilita, il-Qorti Ġenerali qieset li t-talba għal annullament kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-appellant jista’ jikkontesta, fil-kuntest tar-rikors, il-legalità tar-riżenja tiegħu minħabba li din kienet ivvizzjata b’difett ta’ kunsens, l-eżistenza ta’ tali difett ma kinitx ġiet stabbilita.

21.      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-talba għal kumpens, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li kienet irrilevat li l-eżistenza tal-atti tal-Kummissjoni kkontestati fil-kuntest tat-talba għal annullament ma kinitx ġiet stabbilita, ebda illegalità minħabba dawn l-atti u, a fortiori, ebda ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali ma setgħu jiġu kkonstatati fuq din il-bażi fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni. Fir-rigward tad-difett ta’ kunsens allegat, b’mod sussidjarju, fil-kuntest tat-talba għal annullament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-eżistenza tiegħu ma ġietx stabbilita. Hija kkonkludiet li l-allegazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni jew min-naħa tal-President tagħha ma kinux ġew stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt. Hija għalhekk ċaħdet it-talba għal kumpens bħala infondata.

22.      Fil-21 ta’ Ġunju 2015, J. Dalli ppreżenta appell minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li ġie miċħud b’digriet tal-14 ta’ April 2016, Dalli vs Il-Kummissjoni (7).

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017, J. Dalli ppreżenta rikors intiż li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu kumpens fl-ammont stmat b’mod provviżorju bħala EUR 1 000 000 bħala kumpens għad-dannu, b’mod partikolari morali, li huwa allegatament ġarrab minħabba l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u tal-OLAF, marbut mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Ottubru 2012.

24.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, J. Dalli invoka seba’ lmenti dwar l-illegalità tal-aġir tal-OLAF ibbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni, it-tieni, fuq difetti fil-karatterizzazzjoni tal-investigazzjoni u fl-estensjoni tagħha, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova u fuq l-iżnaturament kif ukoll il-falsifikazzjoni ta’ provi, ir-raba’, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396/KE (8) u tal-Artikolu 18 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF lill-persunal tiegħu dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet tal-OLAF”), il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 u tal-Artikolu 13(5) tar-Regoli ta’ Proċedura, is-sitta, fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999, tal-Artikolu 339 TFUE u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, is-seba’, fuq ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u tal-Protokoll ta’ Ftehim dwar kodiċi ta’ kondotta sabiex jiġi żgurat l-iskambju fil-ħin ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet interni tal-OLAF fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, J. Dalli ppreżenta żewġ ilmenti dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni.

25.      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

26.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u mbagħad ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn J. Dalli bħala infondat.

27.      Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, qieset li l-punti ta’ liġi u ta’ fatt dwar l-aġir tal-OLAF u tal-Kummissjoni li allegatament jikkostitwixxu nuqqas ma kinux ġew eżaminati fis-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni u li għalhekk din is-sentenza ma kellhiex l-awtorità ta’ res judicata f’dan ir-rigward.

28.      Hija sussegwentement ċaħdet l-ilmenti kollha mqajma minn J. Dalli fil-konfront tal-OLAF u tal-Kummissjoni.

29.      Fl-aħħar nett, għal finijiet ta’ kompletezza, hija kkonstatat li J. Dalli la kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir ikkontestat u d-dannu allegat u lanqas ma kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar.

V.      Talbiet imressqa mill-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Permezz tal-appell tiegħu, J. Dalli jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tordna l-kumpens tad-dannu, b’mod partikolari morali, li huwa allegatament ġarrab u li jista’ jiġi stmat, b’mod provviżorju, fl-ammont ta’ EUR 1 000 000; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

31.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil J. Dalli għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

32.      Ma nżammitx seduta.

VI.    Analiżi

A.      Fuq l-inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

33.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha dubji dwar l-eżattezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassalha biex tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa quddiemha mill-Kummissjoni, marbuta mal-awtorità ta’ res judicata li għandha s-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni.

34.      L-ewwel nett, huwa meħtieġ li nispeċifika li, għalkemm il-Kummissjoni ma ppreżentatx appell inċidentali sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażati fuq l-awtorità ta’ res judicata huma motivi ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni għandhom iqajmu ex officio (9). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun meta ddeċidiet li r-rikors quddiemha kien ammissibbli billi bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ awtorità ta’ res judicata tas-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni.

35.      Wara li rrilevat l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kemm fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata (10), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-awtorità ta’ res judicata tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk ir-rikors li jkun wassal għas-sentenza inkwistjoni kien bejn l-istess partijiet, kien jikkonċerna l-istess suġġett u kien ibbażat fuq l-istess kawża (11). Hija fakkret li s-suġġett ta’ rikors jikkorrispondi għall-pretensjonijiet tal-parti interessata, filwaqt li l-kawża tar-rikorsi tikkorrispondi għall-bażi legali u fattwali tal-pretensjonijiet invokati (12). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjonijiet marbuta mal-identiċità tal-partijiet u tas-suġġett bejn ir-rikors li kien wassal għas-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni u r-rikors ippreżentat quddiemha kienu ssodisfatti (13).

36.      Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-identiċità tal-kawża taż-żewġ rikorsi, il-Qorti Ġenerali fakkret li, permezz tal-ewwel rikors tiegħu, l-appellant kien sostna li l-illegalitajiet allegati fil-kuntest tat-talba għal annullament kienu jikkostitwixxu ksur sinjifikattiv ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, fis-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni kien ġie deċiż li l-eżistenza tal-atti kkontestati fil-kuntest tat-talba għal annullament ma kinitx ġiet stabbilita, b’tali mod li ebda illegalità ma setgħet tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni (14). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fis-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni, ma kinitx ingħatat deċiżjoni dwar l-aġir li jikkostitwixxi nuqqas tal-Kummissjoni u tal-OLAF invokat u kienet ġiet ikkonstatata biss l-ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata (15).

37.      Issa, il-Qorti Ġenerali speċifikat li l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament u neċessarjament maqtugħa permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (16). Sa fejn ma kinitx eżaminat l-allegazzjonijiet dwar l-aġir li jikkostitwixxi nuqqas tal-Kummissjoni u tal-OLAF fl-ewwel rikors, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi ma kinux effettivament u neċessarjament maqtugħa permezz tas-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, din is-sentenza ma kellhiex l-awtorità ta’ res judicata.

38.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li għalhekk ma kienx hemm lok li teżamina jekk il-kawża taż-żewġ rikorsi kinitx identika.

39.      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kinitx eżaminat it-talbiet għal kumpens dwar l-aġir tal-Kummissjoni u tal-OLAF ma kienx rilevanti. Hija qieset li dawn it-talbiet kienu diġà ġew effettivament jew neċessarjament maqtugħa permezz tas-sentenza Dalli vs Il-Kummissjoni, peress li kienu ġew miċħuda f’dik is-sentenza bħala “infondati” minħabba li “ma [kinux] stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt” (17). Skont il-Kummissjoni, it-tieni motiv ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kien intiż biss li jerġa’ jqajjem kontroversja li kienet ġiet deċiża mill-qrati tal-Unjoni, li ma huwiex permess mill-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata.

40.      Madankollu, jiena tal-fehma li r-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma jistax jiġi kkontestat. Il-Qorti Ġenerali osservat ġustament li ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens imressqa fil-kuntest tal-ewwel rikors kienet ibbażata esklużivament fuq l-ineżistenza tal-atti kkontestati. Dan neċessarjament jimplika li ebda eżami tal-allegazzjonijiet tal-appellant dwar l-aġir li jikkostitwixxi nuqqas tal-Kummissjoni ma kien neċessarju, u għalhekk ma twettaqx. Għalhekk, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li kienu effettivament jew neċessarjament maqtugħa mill-imsemmija sentenza u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax ikollhom l-awtorità ta’ res judicata.

41.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fis-sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni tagħha, li l-allegazzjonijiet tal-appellant “ma [kinux ġew] stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt”, jimplika li dawn l-allegazzjonijiet kienu ġew neċessarjament maqtugħa permezz ta’ dik is-sentenza. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali kienet impliċitament iddeċidiet il-punti ta’ fatt u ta’ liġi marbuta mal-imsemmija allegazzjonijiet.

42.      Din is-soluzzjoni kieku tiftaħ il-possibbiltà, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ estensjoni irraġonevoli tal-awtorità ta’ res judicata għal dak li kien impliċitament deċiż, li fil-fehma tiegħi ma hijiex mixtieqa (18). Barra minn hekk, tali estensjoni ma jidhirlix li tapplika fil-kawża ineżami, peress li ma jistax jiġi sostnut li punt ta’ fatt jew ta’ liġi ġie impliċitament maqtugħ permezz ta’ sentenza meta minn din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li din il-kwistjoni lanqas biss ma kienet ġiet eżaminata.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza Dalli vs Il-Kummissjoni ma jistax ikollha l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-allegazzjonijiet li ma kinux ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali f’dik is-sentenza.

44.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta ddeċidiet li r-rikors kien ammissibbli.

B.      Fuq l-ewwel aggravju

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

45.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellant jikkontesta l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li la l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 u lanqas l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF ma jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lil individwu (19).

46.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal aġir illegali tal-korpi tagħha jeżiġi li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li tkun akkużata bih l-istituzzjoni (20). Din il-kundizzjoni teħtieġ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lil individwu (21). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx b’mod korrett li d-dispożizzjonijiet invokati ma jagħtux drittijiet lill-individwi, b’tali mod li r-rikors għal kumpens ibbażat fuq dawn id-dispożizzjonijiet ma kienx fondat.

47.      Fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kienet sempliċement tistabbilixxi l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-OLAF fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet amministrattivi u għalhekk ma kinitx tagħti drittijiet lill-individwi. L-appellant isostni li l-imsemmija dispożizzjoni tillimita l-kompetenzi tal-OLAF u tippermettilu jiftaħ investigazzjoni fil-każ biss li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm “kwistjonijiet serji” u “suspetti suffiċjentement serji”. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiggarantixxu lill-persuna kkonċernata li tkun twettqet evalwazzjoni preliminari tal-każ u għalhekk id-dispożizzjoni kkonċernata tagħti drittijiet lil individwu.

48.      Tali argument ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, li jista’ jintlaqa’. Minn naħa, kemm mill-kontenut u kemm mit-titolu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1073/1999 jidher li din id-dispożizzjoni hija intiża biss li tistabbilixxi, b’mod ġenerali, l-għanijiet imfittxija mill-OLAF fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet tiegħu u l-funzjonijiet mogħtija lill-OLAF għal dan il-għan. L-istruttura tar-Regolament Nru 1073/1999 tindika wkoll li l-Artikolu 1(3) tiegħu ma huwiex intiż li jirregola l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u lanqas li jirregola s-sitwazzjoni legali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ dawn l-investigazzjonijiet, peress li dawn il-preskrizzjonijiet jinsabu essenzjalment fid-dispożizzjonijiet segwenti ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxu, b’mod prattiku, il-mod kif għandhom jitmexxew l-investigazzjonijiet tal-OLAF. L-għan essenzjali tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament ma huwiex li jistabbilixxi, fih innifsu, forma ta’ protezzjoni tal-interessi tal-individwi iżda li jiddefinixxi r-rwol tal-OLAF fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet tiegħu.

49.      Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, fit-test tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma hemm xejn li jeżiġi, sabiex tinfetaħ investigazzjoni mill-OLAF, li jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li huma l-eżistenza ta’ “kwistjonijiet serji” u l-eżistenza ta’ “suspetti suffiċjentement serji”, fejn dawn tal-aħħar lanqas biss jissemmew f’din id-dispożizzjoni.

50.      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ suspetti suffiċjentement serji bħala kundizzjoni meħtieġa għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva mill-OLAF joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li “id-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF li jiftaħ investigazzjoni […] ma tistax tittieħed sakemm ma jkunx hemm provi [suspetti] suffiċjentement serji” (22), xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali kundizzjoni ma hijiex marbuta mad-dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li tinsab fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 dwar l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-OLAF. Ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ suspetti suffiċjentement serji għandu jkun marbut mad-dispożizzjoni ta’ natura partikolari dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF, jiġifieri mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1073/1999 (23).

51.      B’hekk, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma huwiex dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

52.      Fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn huma dispożizzjonijiet interni għall-OLAF li huma intiżi li jiżguraw li l-investigazzjonijiet tal-OLAF jitmexxew b’mod loġiku u konsistenti. Skont il-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni tiddeskrivi l-proċedura ta’ selezzjoni tal-każijiet u, waħedha, ma tagħti ebda dritt lill-individwi. L-appellant isostni li n-natura interna ta’ dispożizzjoni ma tfissirx li din ma tistax tkun dispożizzjoni li tagħti drittijiet lil individwu. Skont l-appellant, l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF jimponi fuq dan tal-aħħar numru ta’ kundizzjonijiet meta jevalwa l-informazzjoni għall-finijiet tal-eventwali ftuħ ta’ investigazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet, li joħolqu obbligi għall-OLAF, jagħtu drittijiet lill-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni.

53.      L-argument tal-appellant dwar l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF ma jikkonvinċinix. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha esklużivament fuq in-natura interna għal istituzzjoni tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF sabiex teskludi li dawn jistgħu jagħtu drittijiet lill-individwi, iżda studjat ukoll il-kontenut tad-dispożizzjoni invokata mill-appellant. Issa, tali raġunament jidhirli li huwa fondat fid-dritt.

54.      In-natura interna għal istituzzjoni ta’ dispożizzjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, indizju tal-fatt li din id-dispożizzjoni ma tagħtix drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, dispożizzjoni interna għal istituzzjoni hija qabel kollox indirizzata lill-persunal ta’ din l-istituzzjoni, b’tali mod li tiżgura l-aħjar funzjonament ta’ din tal-aħħar, u għalhekk, bħala prinċipju, ma tipproduċi ebda effett barra minn din l-istituzzjoni.

55.      Jiena madankollu tal-fehma li tali indizju għandu jiġi kkorroborat minn studju iktar speċifiku tal-kontenut tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li ġustament wettqet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (24). B’hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF kien jikkonċerna l-proċedura ta’ selezzjoni tal-investigazzjonijiet u, b’mod iktar speċifiku, it-tfassil tal-opinjoni dwar il-ftuħ jew le ta’ investigazzjoni. Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-organu għal dan il-għan, kif ukoll it-terminu li fih għandha tingħata din l-opinjoni. Fi kliem ieħor, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża qabel kollox li torjenta lill-persunal tal-OLAF b’tali mod li tingħata prijorità lil ċerti każijiet u li tippermetti, kif tirrileva l-Kummissjoni, użu effikaċi tar-riżorsi tal-OLAF. Għaldaqstant, l-istess dispożizzjoni ma hijiex intiża li tagħti garanziji proċedurali lill-persuni kkonċernati u, għaldaqstant, ma tagħtihomx, fil-fehma tiegħi, drittijiet suġġettivi li jistgħu jservu ta’ bażi għal rikors għad-danni.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li la l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 u lanqas l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF ma huma dispożizzjonijiet intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

57.      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

58.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni, permezz ta’ diversi argumenti, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-allegazzjoni dwar il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza min-naħa tal-OLAF.

a)      Fuq l-iżnaturament tal-fatti

59.      L-appellant isostni li meta kklassifikat bħala “qasir ħafna” il-perijodu bejn it-trażmissjoni tal-ilment lid-Direttur tal-OLAF u d-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni, meta kienu għaddew biss ftit sigħat, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti.

60.      Fil-fehma tiegħi tali argument ma huwiex fondat peress li perijodu ta’ ftit sigħat jista’ ġustament jiġi kklassifikat bħala “qasir ħafna”. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi akkużata b’ebda żnaturament tal-fatti f’dan ir-rigward.

b)      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

61.      L-appellant isostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, l-Unità “Investigazzjoni – selezzjoni u reviżjoni” ma wettqitx eżami tal-ilment u ma ġabritx informazzjoni supplimentari f’dan ir-rigward.

62.      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tikkonċerna l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Issa, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma hijiex, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (25). Peress li l-appellant ma huwiex qiegħed jallega, f’dan ir-rigward, żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, jiena tal-fehma li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

63.      Insostenn ta’ dan it-tieni argument, l-appellant jenfasizza wkoll li, meta ċaħdet l-argument li l-OLAF ma wettaqx l-evalwazzjoni neċessarja tal-informazzjoni li kien irċieva, mingħajr ma spjega għalfejn l-evalwazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

64.      Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa twieġeb b’mod eżawrjenti għal kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-partijiet quddiemha (26). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża sa fejn il-motivazzjoni tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (27).

65.      Issa, dan huwa l-każ fil-kawża ineżami. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imressaq quddiemha fis-sens li l-OLAF ma wettaqx l-evalwazzjoni neċessarja tal-informazzjoni li kien irċieva billi rrilevat, minn naħa, li tali evalwazzjoni ma għandhiex titqies li hija l-istess bħall-eżami li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-investigazzjoni, ladarba tinfetaħ, u, min-naħa l-oħra, li, fuq il-bażi tal-elementi fattwali mressqa quddiemha, din l-evalwazzjoni kienet effettivament twettqet mill-OLAF.

66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-iżball ta’ liġi

67.      L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF ma kienx kiser id-dmir ta’ diliġenza tiegħu sa fejn kien wettaq eżami korrett u suffiċjenti tal-elementi inklużi fl-ilment qabel fetaħ l-investigazzjoni li tikkonċerna lill-appellant. Huwa jinvoka diversi argumenti f’dan ir-rigward.

68.      Fl-ewwel lok, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-investigazzjonijiet, l-OLAF għandu jivverifika jekk l-informazzjoni li jkollu hijiex suffiċjenti, mingħajr dan ma jimplika, madankollu, evalwazzjoni fil-fond ta’ din l-informazzjoni, liema elementi għandhom jiġu analizzati jew stabbiliti meta tintemm l-investigazzjoni (28). Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma identifikatx b’mod preċiż l-elementi inkwistjoni u billi ma spjegatx għalfejn dawn l-elementi ma setgħux jiġu evalwati fl-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni.

69.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. L-appellant seta’ effettivament jidentifika l-elementi ta’ fatt inkwistjoni, peress li jibbaża parzjalment dan l-argument tal-appell fuq l-evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-imsemmija elementi. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-argument li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx b’liema mod dawn l-elementi kellhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi fil-fond fil-kuntest tal-investigazzjoni u mhux fl-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni huwa fil-verità intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, tali allegazzjoni ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, u għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

70.      Fit-tieni lok, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF jista’ jiftaħ investigazzjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkluża fi lment mingħajr ma jwettaq verifiki sabiex jistabbilixxi l-kredibbiltà ta’ din l-informazzjoni, f’sitwazzjoni fejn din l-informazzjoni tkun preċiża u ddettaljata. L-appellant iqis li l-OLAF għandu, skont il-prinċipju ta’ diliġenza, jeżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet u li l-fatt li din l-informazzjoni kienet preċiża u ddettaljata ma jistax ikun biżżejjed sabiex jintwera li din l-informazzjoni hija affidabbli u kredibbli.

71.      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1073/1999 ma jipprevedix kundizzjonijiet speċifiċi għall-ftuħ ta’ investigazzjoni, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF ma jistax iseħħ fl-assenza ta’ suspetti suffiċjentement serji (29). Għaldaqstant, l-OLAF ma għandux setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni iżda għandu marġni ta’ diskrezzjoni limitat mill-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ suspetti suffiċjentement serji. Fi kliem ieħor, ilment mibgħut lill-OLAF ma jistax jagħti lok awtomatikament għall-ftuħ ta’ investigazzjoni u l-OLAF għandu jiżgura ruħu wkoll min-natura suffiċjentement serja tal-allegazzjonijiet ippreżentati quddiemu.

72.      Għalhekk, fadal li jiġi ddeterminat jekk tali rekwiżit jimplikax li l-OLAF għandu jwettaq sistematikament verifiki fir-rigward tal-informazzjoni inkluża fi lment jew jekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, f’ċerti ċirkustanzi, l-informazzjoni inkluża fl-ilment tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura suffiċjentement serja tas-suspetti u sabiex jiġi ġġustifikat, minħabba f’dan, il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

73.      Fil-fehma tiegħi, għandha tiġi aċċettata din it-tieni ipoteżi. Jiena tal-fehma li lment ibbażat fuq informazzjoni preċiża u ddettaljata, bħal dik identifikata mill-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed sabiex jiżvela suspetti suffiċjentement serji u, għalhekk, sabiex jippermetti l-ftuħ ta’ investigazzjoni. Fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ tali informazzjoni, u sakemm il-kredibbiltà tagħha ma tkunx manifestament is-suġġett ta’ dubju, l-OLAF għandu jkun jista’ jipproċedi bil-ftuħ ta’ investigazzjoni.

74.      Fil-fatt, il-proċedura ta’ selezzjoni, li tippreċedi l-investigazzjoni, ma għandhiex titqies li hija l-istess bħall-proċedura ta’ investigazzjoni stess. Filwaqt li l-investigazzjoni hija intiża li tistabbilixxi l-veridiċità tal-allegazzjonijiet inklużi fi lment, il-proċedura ta’ selezzjoni għandha tikkonsisti biss f’eżami iktar konċiż ta’ din l-informazzjoni. Għaldaqstant, il-verifiki mwettqa f’dan l-istadju ma jistgħux iwasslu sabiex l-OLAF ikollu jipprovdi eżami sħiħ tal-informazzjoni inkluża fl-ilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħlief fil-każ li l-informazzjoni tidher manifestament mhux kredibbli jew insuffiċjenti, jiena tal-fehma li n-natura suffiċjentement serja tas-suspetti mqajma minn din l-informazzjoni tista’ tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża u ddettaljata (30). Dan l-argument, għalhekk, għandu jiġi miċħud.

75.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF ma kellux jeżamina l-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi bejn il-lanjant u l-appellant ħlief fil-każ li dan il-kunflitt ikun stabbilit b’mod manifest fuq il-bażi biss tal-eżami tal-informazzjoni kkomunikata lill-OLAF. Issa, għalkemm il-verifika tal-eżistenza ta’ suspetti suffiċjentement serji qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-OLAF timplika wkoll li jiġi żgurat li l-persuna li tkun l-oriġini tal-ilment ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, dan madankollu ma jobbligax lill-OLAF iwettaq eżami fil-fond ta’ din l-ipoteżi meta din ma tkunx manifesta. Tali eżami għandu jitwettaq fl-istadju tal-investigazzjoni filwaqt li, fl-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni, l-OLAF għandu jwettaq biss verifiki konċiżi, għaliex inkella ma tinżammx id-distinzjoni bejn il-fażi ta’ investigazzjoni u l-fażi ta’ selezzjoni. Għaldaqstant, l-OLAF ma jistax jiġi kkritikat li ma kkunsidrax il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interessi jekk l-eżistenza ta’ tali kunflitt ma kinitx tidher b’mod manifest, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

76.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

77.      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellant jinvoka diversi argumenti intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova mill-OLAF.

78.      Permezz tal-ewwel żewġ argumenti tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-imparzjalità oġġettiva tal-OLAF ma kinitx kompromessa mill-parteċipazzjoni tad-Direttur tiegħu u ta’ membru ta’ awtorità nazzjonali u tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF fl-investigazzjoni.

79.      Fir-rigward tal-ewwel argument dwar il-parteċipazzjoni tad-Direttur tal-OLAF fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li dan huwa ineffettiv peress li ma jdaħħalx inkwistjoni r-raġunijiet kollha mogħtija mill-Qorti Ġenerali sabiex teskludi ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità minħabba l-parteċipazzjoni tad-Direttur tal-OLAF.

80.      Dan l-argument ma jidhirlix li jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, l-elementi l-oħra tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li ma humiex indirizzati fl-appell, li jinsabu fil-punt 103 tas-sentenza appellata, ma humiex elementi li jippermettu, waħedhom, li jiġi miċħud l-argument tal-appellant, iżda huma pjuttost konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Iċ-ċaħda tal-argument mill-Qorti Ġenerali hija bbażata biss fuq il-fatt li r-rwol ta’ tmexxija ta’ investigazzjoni ma jeskludix il-parteċipazzjoni tad-Direttur tal-OLAF f’din l-investigazzjoni.

81.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward għandu jiġi approvat. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, il-fatt li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li d-Direttur tal-OLAF għandu jmexxi l-eżekuzzjoni tal-investigazzjonijiet ma jistax jiġi interpretat, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens, bħala li jipprekludi kull parteċipazzjoni diretta min-naħa tiegħu fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward nirrileva li l-funzjonijiet l-oħra mogħtija lid-Direttur tal-OLAF mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 lanqas ma jistgħu jipprekluduh milli jipparteċipa f’investigazzjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li r-rapport tal-investigazzjoni għandu jiġi redatt taħt l-awtorità tiegħu diġà jindika ċerta forma ta’ parteċipazzjoni fl-investigazzjoni. Dan jgħodd ukoll għad-dmir tiegħu li jivverifika li l-persuni li jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali, li jissuġġerixxi involviment fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Barra minn hekk, insibha diffiċli nara kif id-Direttur tal-OLAF jista’ jmexxi investigazzjoni b’mod utli jekk fl-istess ħin ikun prekluż milli jipparteċipa fl-istadji kollha ta’ din l-investigazzjoni.

82.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-imparzjalità oġġettiva tal-OLAF ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-parteċipazzjoni tad-Direttur tiegħu f’investigazzjoni, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

83.      Fir-rigward tat-tieni argument dwar il-parteċipazzjoni ta’ membru tal-Anti-Fraud Coordinating Structures (AFCOS) ta’ Malta (id-dipartiment responsabbli għall-koordinazzjoni kontra l-frodi) fl-investigazzjoni, tali parteċipazzjoni lanqas ma jidhirli li ddaħħal inkwistjoni l-imparzjalità tal-OLAF. Fil-fatt, fir-Regolament Nru 1073/1999 ma hemm xejn li jimponi separazzjoni stretta bejn l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet. Għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar u l-OLAF għandhom imexxu l-investigazzjonijiet b’mod koordinat (31), b’tali mod li l-parteċipazzjoni ta’ membru ta’ awtorità nazzjonali fl-investigazzjoni ma tistax iddaħħal inkwistjoni l-imparzjalità tal-OLAF, u dan iktar u iktar meta, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, din il-membru ma intervjenietx fl-iżvolġiment tas-smigħ li fih ipparteċipat. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

84.      Il-fatt li din il-membru tal-AFCOS kienet fl-istess ħin membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jidher iktar problematiku prima facie. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-preżenza ta’ membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF għas-smigħ ta’ xhud hija “ta’ dispjaċir fid-dawl tar-rwol mogħti lil dan il-kumitat mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1073/1999” (32), li jipprevedi li l-Kumitat ta’ Sorveljanza ma għandux jinterferixxi fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet pendenti. Skont l-appellant, tali parteċipazzjoni turi n-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva tal-OLAF.

85.      Madankollu, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-obbligu ta’ imparzjalità ma kienx ġie miksur mill-OLAF minkejja l-preżenza ta’ membru tal-Kunsill ta’ Sorveljanza fis-smigħ ta’ xhud. Fil-fatt, huwa minnu li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li l-Kumitat ta’ Sorveljanza ma għandux jinterferixxi fl-investigazzjonijiet pendenti. Tali rekwiżit jippermetti li jiġi żgurat li l-OLAF jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod indipendenti. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li s-sempliċi preżenza ta’ membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fis-smigħ ta’ xhud ma tistax titqies li hija interferenza minn dan il-membru fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni f’sitwazzjoni fejn dan il-membru ma jkunx effettivament ipparteċipa fl-investigazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza inkwistjoni kienet preżenti għas-smigħ għal finijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setax jitqies li din il-membru kienet effettivament ipparteċipat f’atti ta’ investigazzjoni, b’tali mod li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi approvat.

86.      Permezz tat-tielet argument tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument li l-użu, il-ġbir u l-ħażna tal-informazzjoni miksuba wara li saru talbiet għal reġistrazzjonijiet telefoniċi mill-OLAF lill-awtoritajiet Maltin jikkostitwixxu ndħil illegali minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tad-dritt għall-ħajja privata. B’mod partikolari, huwa jirrileva li l-bażi legali invokata mill-OLAF sabiex jitlob dawn ir-reġistrazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet Maltin kienet żbaljata u għalhekk ma setgħetx tiġġustifika tali ndħil.

87.      Madankollu, minn naħa, għalkemm it-talbiet għal reġistrazzjonijiet telefoniċi fihom indikazzjoni żbaljata dwar id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 li fuqha huma bbażati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta b’mod ċar li l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta b’obbligu iktar ġenerali ta’ kooperazzjoni leali mal-aġenti tal-OLAF fir-rigward tat-twettiq tal-missjoni tagħhom. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta minn dan siltet il-konklużjoni li l-OLAF kellu effettivament bażi legali sabiex jitlob dawn ir-reġistrazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet Maltin.

88.      Min-naħa l-oħra, anki li kieku dawn ir-reġistrazzjonijiet ma setgħux jingħataw konformement mad-dritt Malti, minn dan xorta waħda ma jistax jiġi konkluż li l-OLAF għandu jinżamm responsabbli għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni u għall-inkompatibbiltà ta’ dan il-ġbir mad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn l-imsemmi ġbir twettaq mill-awtoritajiet Maltin.

89.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li din it-talba tal-OLAF ma kinitx tikkostitwixxi ndħil illegali fil-ħajja privata sa fejn l-OLAF seta’ jitlob b’mod validu r-reġistrazzjonijiet telefoniċi mingħand l-awtoritajiet Maltin u sa fejn l-inkompatibbiltà ta’ dawn it-talbiet mad-dritt Malti ma setgħetx tiġi imputata lill-OLAF.

90.      Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ argument tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, peress li l-appellant ma kienx waħda mill-persuni li l-konverżazzjoni tagħha kienet instemgħet u ġiet irreġistrata, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ma kienx ġie miksur.

91.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għal aġir illegali tal-korpi tagħha jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni. Din il-kundizzjoni teħtieġ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lil individwu (33).

92.      Tali kundizzjoni timplika li l-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjoni invokata għandha tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u li din il-persuna tkun fost dawk li lilhom id-dispożizzjoni inkwistjoni tagħti drittijiet. Dispożizzjoni li ma tipproteġix lill-individwu kontra l-illegalità invokata minnu, iżda lil individwu ieħor, ma tistax tiġi aċċettata bħala sors ta’ kumpens (34). Minn dan jirriżulta li l-appellant ma jistax jinvoka b’mod validu illegalità bbażata fuq l-allegat ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ terz, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

93.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

D.      Fuq il-ħames aggravju

94.      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti meta ddeċidiet li, meta informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza lejlet it-trażmissjoni tar-rapport tiegħu lill-awtoritajiet Maltin, l-OLAF ma kienx kiser l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, li jobbliga lid-Direttur tal-OLAF jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru, u mill-Artikolu 13(5) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jipprovdi li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jitlob l-aċċess għall-investigazzjonijiet ikkonċernati sabiex jiżgura ruħu li jkunu qegħdin jiġu osservati l-garanziji proċedurali u li jkunu qegħdin jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali.

95.      Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li, wara li jkun informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru, l-OLAF għandu josserva terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol qabel it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni. Għalkemm terminu iqsar jista’ jiġi aċċettat b’mod eċċezzjonali, huwa madankollu meħtieġ il-kunsens tal-Kumitat ta’ Sorveljanza f’dan is-sens. Għalhekk, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF kien jibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-terminu għat-trażmissjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali wara l-informazzjoni mogħtija lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

96.      Nirrileva li, għalkemm l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li d-Direttur tal-OLAF għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar il-każijiet li jeħtieġu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji, din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprevedi ebda terminu minimu li għandu jiġi osservat qabel it-trażmissjoni effettiva tal-informazzjoni kkonċernata. It-terminu ta’ ħamest ijiem li għalih jirreferi l-appellant huwa previst mill-arranġament provviżorju ta’ xogħol konkluż bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza f’Settembru 2012. Dan l-arranġament ta’ xogħol jipprevedi li d-dokumenti li ser ikunu s-suġġett ta’ trażmissjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jiġu kkomunikati lill-Kumitat ta’ Sorveljanza “bħala regola ġenerali” ħamest ijiem qabel din it-trażmissjoni.

97.      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 u kemm tal-arranġament provviżorju ta’ xogħol konkluż bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza f’Settembru 2012 jirriżulta b’mod ċar li l-OLAF ma huwa suġġett għal ebda terminu imperattiv fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. B’hekk, ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi invokat fil-konfront tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konklużjoni tagħha li l-OLAF kellu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-terminu.

98.      Minn dan jirriżulta wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, il-kunsens tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għal tqassir ta’ dan it-terminu ma kienx meħtieġ sa fejn tali terminu huwa, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, indikattiv.

99.      Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kien ġie informat dwar il-ħtieġa ta’ trażmissjoni malajr tal-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u kien ta l-kunsens tiegħu għal tali trażmissjoni, meta ma teżisti ebda prova li tippermetti li tiġi ssostanzjata l-affermazzjoni tal-Kummissjoni.

100. Jiena tal-fehma li tali argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, peress li l-OLAF għandu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-terminu għat-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji, il-fatt li l-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kienx ta jew le l-kunsens tiegħu għal trażmissjoni malajr ta’ din l-informazzjoni ma huwiex rilevanti.

101. Fl-aħħar lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji setgħet titwettaq qabel ma l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun wettaq il-funzjonijiet tiegħu kif iddefiniti fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

102. Huwa minnu li l-Artikolu 13(5) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li, “qabel ma tkun intbagħtet l-informazzjoni, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jitlob aċċess għall-investigazzjonijiet inkwistjoni sabiex jaċċerta ruħu li d-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali jkunu qed jiġu mħarsa”. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, kif tirrileva ġustament il-Qorti Ġenerali, ir-Regoli ta’ Proċedura ma jistgħux jimponu fuq l-OLAF obbligi li ma kinux previsti mil-leġiżlatur, b’mod partikolari fir-Regolament Nru 1073/1999.

103. Issa, mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li l-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jeżerċita kontroll regolari fuq l-attivitajiet tal-OLAF, intiż li jsaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF (35), mingħajr madankollu ma jinterferixxi fl-investigazzjonijiet pendenti. Il-kontroll mill-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu għalhekk jinftiehem bħala kontroll sistemiku tal-attivitajiet tal-OLAF.

104. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi l-informazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar każijiet li jeħtieġu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji, ma hemm xejn madankollu li jindika li t-trażmissjoni hija suġġetta għall-eżami mill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-imsemmija informazzjoni, sa fejn tali natura sospensiva barra minn hekk tmur kontra r-rwol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, li jwettaq kontroll sistemiku tal-attivitajiet tal-OLAF.

105. Barra minn hekk, nenfasizza li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 ma tippermetti lill-Kumitat ta’ Sorveljanza joġġezzjona għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 għandu jinftiehem bħala li jimponi fuq id-Direttur sempliċi obbligu ta’ informazzjoni, li kien ġie ssodisfatt f’dan il-każ.

106. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2013, li issa jirregola l-kwistjonijiet dwar l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF. Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ dan ir-regolament b’hekk jipprevedi li d-Direttur għandu jinforma b’mod perjodiku lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, b’mod partikolari dwar il-każijiet li fihom l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-kontroll imwettaq mill-Kumitat ta’ Sorveljanza ma huwiex sistematiku iżda sistemiku u li, barra minn hekk, dan il-kumitat għandu sempliċement jiġi informat a posteriori dwar l-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa.

107. Jiena għalhekk insibha diffiċli nimmaġina kif jista’ jitqies li, taħt ir-Regolament Nru 1073/1999 u minħabba d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura, l-obbligu ta’ informazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jista’ jiġi estiż b’mod li t-trażmissjoni tal-informazzjoni kienet suġġetta għall-eżami sħiħ ta’ din l-informazzjoni mill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 u d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura ma kinux ġew miksura.

109. Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

E.      Fuq is-seba’ aggravju

110. Qabel kollox, nirrileva li dan l-aggravju, dwar l-eżistenza ta’ dannu għall-appellant, ikollu jiġi miċħud bħala ineffettiv jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-pretensjonijiet kollha tal-appellant dwar żbalji fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar illegalitajiet fl-aġir tal-OLAF għandhom jiġu miċħuda.

111. Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-argumenti tal-partijiet sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellant ma kienx irnexxielu jistabbilixxi li l-aġir inkwistjoni kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu dannu.

112. Fl-ewwel lok, l-argument dwar l-iżnaturament tar-rikors ma jidhirlix li jista’ jiġi aċċettat. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-provi ppreżentati mill-appellant quddiemha, iżda qieset li dawn il-provi ma kinux suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li l-aġir inkwistjoni kien ta’ natura li jikkawżalu dannu.

113. Fit-tieni lok, l-appellant jinvoka żball ta’ liġi li jirriżulta, skont hu, minn definizzjoni żbaljata tad-dannu morali.

114. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu morali, l-appellant kellu “minn tal-inqas […] jistabbilixxi li l-aġir inkwistjoni kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu” (36), ħaġa li l-appellant ma kienx irnexxielu jistabbilixxi.

115. Jiena tal-fehma li tali raġunament jirriżulta minn żball ta’ liġi, li joħroġ minn qari żbaljat tal-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali.

116. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għalkemm il-preżentazzjoni ta’ prova proposta ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali dannu, ir-rikorrent għandu minn tal-inqas jistabbilixxi li l-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li jikkawżalu tali dannu” (37).

117. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dannu morali, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu tista’ tiġi ssodisfatta b’żewġ modi. Minn naħa, ir-rikorrent jista’ jressaq provi ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza u l-portata ta’ dannu morali.

118. Min-naħa l-oħra, anki fl-assenza ta’ tali provi, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu tista’ tiġi ssodisfatta jekk ir-rikorrent jistabbilixxi li dannu morali kien neċessarjament irriżulta mill-aġir inkwistjoni. Fi kliem ieħor, il-ġurisprudenza tippermetti rikonoxximent eħfef tad-dannu morali minħabba ċertu aġir.

119. Dan hu l-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet negattivi mingħajr ebda bażi dwar l-aġir u l-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal magħmula f’rapport ta’ evalwazzjoni (38). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tammetti li meta persuna tkun assoċjata b’mod pubbliku ma’ aġir ikkunsidrat li huwa oġġezzjonabbli minħabba inklużjoni illegali f’lista ta’ entitajiet koperti minn miżuri restrittivi, bil-konsegwenza li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ stigma u nuqqas ta’ fiduċja, tali assoċjazzjoni hija ta’ natura li tikkawżalha dannu morali (39).

120. Filwaqt li, milli jidher, ibbażat ruħha fuq din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali madankollu ma mxietx magħha. Fil-fatt, minflok ma ddeċidiet li ċertu aġir jirriżulta, min-natura tiegħu, f’dannu morali għall-persuna kkonċernata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-aġir inkwistjoni kellu, minħabba l-gravità tiegħu, ikun ta’ natura li jikkawża tali dannu.

121. Issa, mill-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jirriżulta li l-implimentazzjoni tagħha hija suġġetta għall-istabbiliment mir-rikorrent tal-gravità tal-aġir inkwistjoni. Meta żiedet tali kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat il-possibbiltà għal persuna li d-dannu morali tagħha jirriżulta neċessarjament mill-aġir inkwistjoni sabiex tikseb kumpens. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li kieku kellu jiġi segwit, iċaħħad minn effett utli lil din il-ġurisprudenza, li hija intiża ġustament li tiffaċilita r-rikonoxximent tad-dannu morali minħabba ċertu aġir.

122. Barra minn hekk, ma huwiex faċli li tali raġunament jiġi kkonċiljat mal-ġurisprudenza iktar ġenerali dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lil individwu, li, skont il-ġurisprudenza, għandu jkun “suffiċjentement serju”. Issa, il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u gravi min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (40).

123. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li l-gravità tal-aġir tal-istituzzjoni diġà tiġi evalwata fl-istadju tal-eżami ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni li tagħti drittijiet lil individwu. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kriterju tal-gravità tal-aġir fl-istadju tal-eżami tad-dannu morali ma jidhirlix li hija rilevanti, sakemm ma jitqiesx li ċertu ksur serju ta’ dispożizzjoni legali huwa, fil-verità, ta’ gravità relattiva.

124. B’hekk, jiena tal-fehma li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar id-definizzjoni tad-dannu morali huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, b’tali mod li s-seba’ aggravju, bil-kundizzjoni li jkun effettiv, għandu jintlaqa’.

125. Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv hija stess, jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

126. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ dannu morali għall-appellant, sa fejn dan ma kienx irnexxielu jistabbilixxi li l-aġir inkwistjoni kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu dannu.

127. Issa, kif ikkonstatajt fil-punt 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali konklużjoni hija bbażata fuq kriterju żbaljat fid-definizzjoni tad-dannu morali.

128. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dannu morali huwa meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti fid-dawl tal-ġurisprudenza identifikata f’dawn il-konklużjonijiet, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-aġir inkwistjoni f’din il-kawża kienx ta’ natura li jikkawża dannu morali lill-appellant, mingħajr ma l-appellant ikun meħtieġ jistabbilixxi l-gravità ta’ dan l-aġir.

129. Minn dan jirriżulta li t-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hemm lok li tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami tar-rikors tal-appellant bil-għan li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dannu morali.

VII. Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel aggravju, l-ewwel parti tat-tielet aggravju kif ukoll il-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji dwar l-illegalità tal-aġir tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), jiena tal-fehma li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ wieħed mill-aggravji dwar l-illegalità tal-aġir tal-OLAF, jiena tal-fehma li s-seba’ aggravju jkollu jintlaqa’ wkoll u li, għaldaqstant, il-kawża jkollha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91).


3      Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2013.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


5      ĠU 2011, L 308, p. 114.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2010 dwar il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU 2010, L 38, p. 7).


7      C‑394/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:262.


8      Deċiżjoni tal-Kummissjoni KEFA, Euratom tat-2 ta’ Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118).


9      Ara d-digriet tal-1 ta’ April 1987, Ainsworth et vs Il‑Kummissjoni (159/84, 12/85 u 264/85, mhux ippubblikat, EU:C:1987:172); is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 45); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:298, punt 63). Fuq dan il-punt, ara Wathelet, M., u Wildemeersch, J., Contentieux européen, Larcier, Brussell, 2014 (it-tieni edizzjoni), p. 484.


10      Punt 27 tas-sentenza appellata. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 35 u 36).


11      Punt 28 tas-sentenza appellata. Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (T‑66/01, EU:T:2010:255, punt 197).


12      Punti 33 u 34 tas-sentenza appellata.


13      Punti 32 u 33 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward nenfasizza li għandi xi dubji dwar l-identiċità tas-suġġett tar-rikorsi. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel rikors kien jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab minħabba r-riżenja imposta fuq l-appellant mill-Kummissjoni, it-tieni rikors jikkonċerna l-kumpens tad-dannu mġarrab minħabba atti ta’ investigazzjoni illegali mwettqa mill-OLAF. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ż-żewġ rikorsi kellhom suġġett identiku ma humiex ċari għalija peress li l-finijiet taż-żewġ rikorsi huma differenti.


14      Punt 36 tas-sentenza appellata.


15      Punt 37 tas-sentenza appellata.


16      Punt 30 tas-sentenza appellata.


17      Sentenza Dalli vs Il‑Kummissjoni (punti 163 u 164).


18      Ara, dwar ir-riskji tal-awtorità ta’ res judicata impliċitament fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, Turmo, A., L’autorité de la chose jugée en droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2017, p. 177, jew, dwar l-użu tal-awtorità ta’ res judicata bħala strument għall-konċentrazzjoni tal-kontenzjuż, Deshayes, O., “L’autorité de la chose jugée”, Procédures, 2012, Nru 3, p. 33 sa 36.


19      L-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF, intitolat “Il-proċedura ta’ selezzjoni”, jipprevedi, b’mod partikolari fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu:


      “3. […] L-opinjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq jekk l-informazzjoni taqax jew le fil-kompetenza tal-OLAF, fuq jekk din l-informazzjoni tkunx suffiċjenti jew le sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni u fuq jekk taqax jew le fost il-prijoritajiet tal-politika fil-qasam ta’ investigazzjoni stabbiliti mid-Direttur Ġenerali.


      4. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-OLAF huwiex kompetenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regolamenti, id-deċiżjonijiet u l-ftehimiet interistituzzjonali rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll l-istrumenti legali l-oħra dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-interessi l-oħra tal-Unjoni. L-affidabbiltà tas-sors u l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni. L-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni. Il-prijoritajiet tal-politika fil-qasam tal-investigazzjoni għandhom jiffissaw il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni taqax taħt prijorità ta’ investigazzjoni stabbilita.


      5. L-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ għandha toħroġ opinjoni dwar il-ftuħ jew it-twaqqif mingħajr passi ulterjuri ta’ każ indirizzata lid-Direttur Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni rċevuta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


20      Sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE (26/81, EU:C:1982:318), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 53).


21      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ilha stabbilita sa mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 42 et seq.), li allineat il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma’ dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ara, b’mod iktar reċenti, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30). Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll Kawczyńska, M., Pozaumowna odpowiedzialność odszkodowawcza Unii Europejskiej, Wolters Kluwer, Varsavja, 2015, pp. 313 sa 316.


22      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 141), u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 164).


23      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 883/2013, li ħassar u li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1073/1999, jikkonferma din l-interpretazzjoni sa fejn l-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni, jispeċifika, din id-darba, li investigazzjoni għandha tinfetaħ meta jkun hemm suspetti suffiċjenti.


24      Fil-fatt, is-sempliċi natura interna ta’ dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi żgurat li din ma għandhiex l-għan li tagħti drittijiet lil individwu. Għandi f’moħħi b’mod partikolari l-ipoteżi ta’ dispożizzjoni interna li fil-verità tkun intiża li tesprimi b’mod konkret, fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, dispożizzjoni iktar ġenerali li tagħti drittijiet lil individwu.


25      Sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2019, LS Cable & System vs Il‑Kummissjoni (C‑596/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1025, punt 24), u tat-13 ta’ Frar 2020, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (Mergħat permanenti) (C‑252/18 P, EU:C:2020:95, punt 59).


26      Digriet tad-19 ta’ Ġunju 2014, Donaldson Filtration Deutschland vs ultra air (C‑450/13 P, EU:C:2014:2016, punt 49), u sentenza tal-14 ta’ April 2016, Netherlands Maritime Technology Association vs Il‑Kummissjoni (C‑100/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:254, punt 50).


27      Sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 42); tat-22 ta’ Mejju 2014, Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni (C‑36/12 P, EU:C:2014:349, punt 31); kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni (C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 72).


28      Sentenza appellata, punt 70.


29      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 141), u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 164).


30      Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2013 li attwalment jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-OLAF. B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkodifika l-ġurisprudenza dwar l-eżistenza ta’ suspetti suffiċjenti, u tenfasizza li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu bbażati fuq informazzjoni pprovduta minn terz, li toħloq suspett dwar l-eżistenza ta’ atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni, jew ta’ attivitajiet illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-OLAF ma huwiex meħtieġ, sabiex jiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, jistabbilixxi li l-informazzjoni li jkun irċieva turi l-eżistenza vverifikata ta’ atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra, sa fejn l-eżistenza ta’ dawn tal-aħħar għandha tkun is-suġġett biss ta’ suspett.


31      Artikolu 6(6), Artikolu 7(2) u Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Nru 1073/1999.


32      Sentenza appellata, punt 105.


33      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, CN vs Il-Parlament (T‑343/13, EU:T:2015:926, punt 86).


35      Premessa 17 tar-Regolament Nru 1073/1999.


36      Sentenza appellata, punt 225.


37      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38); tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 31); kif ukoll tad-29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑707/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:160, punt 125).


38      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni (T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punt 206).


39      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 82 sa 85).


40      Sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30), u tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33).