Language of document : ECLI:EU:C:2021:133

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Frar 2021 (*)

“Appell – Rikors għal kumpens – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Tmiem tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kummissjoni – Regoli proċedurali li jirregolaw l-investigazzjoni tal-OLAF – Ftuħ ta’ investigazzjoni – Dritt għal smigħ – Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Evalwazzjoni tad-dannu allegat”

Fil-Kawża C‑615/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2019,

John Dalli, residenti f’San Ġiljan (Malta), irrappreżentat minn L. Levi u S. Rodrigues, avocats,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑P. Keppenne u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, John Dalli qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑399/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-kumpens tad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), marbut mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Ottubru 2012.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999

2        L-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), kien jipprovdi:

“Fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta’, it-Trattati (minnhawn iżjed ‘il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji’), l-Uffiċċju għandu jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li:

–        jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

–        jinvestiga għal dak l-iskop kwistjonijiet serji li għandhom x’jaqsmu mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali b’tali mod li jkun jikkostitwixxi nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li jistgħu iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji jew, skond il-każ, għal proċeduri kriminali, jew nuqqas ekwivalenti ta’ qadi ta’ obbligi minn membri ta’ istituzzjonijiet u korpi, kapi ta’ uffiċċji u aġenziji jew membri tal-Persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li m’humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (‘ir-Regolamenti tal-Persunal’).”

3        L‑Artikolu 2 ta’ dan ir‑regolament kien jippreċiża:

“Skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, ‘investigazzjonijiet amministrattivi’ (minnhawn iżjed il quddiem imsejħa ‘investigazzjonijiet’) għandha tfisser kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta’ l-Uffiċċju fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond Artikoli 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta’ l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.”

4        L-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament kienu jistabbilixxu r-regoli applikabbli, rispettivament, għall-investigazzjonijiet esterni u interni tal-OLAF.

5        L-Artikolu 6 tal-istess regolament kien jispeċifika li d-Direttur tal-Uffiċċju kellu jidderieġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

6        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 kien ifformulat kif ġej:

“Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju, dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.”

7        L-Artikolu 11(1) u (6) sa (8) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“1.      Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-Uffiċċju b’sorveljanza regolari mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.

Fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju, mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

[…]

6.      Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jaħtar il-president tiegħu. Għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. […]

7.      Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza l-programm ta’ attivitajiet ta’ l-Uffiċċju […] Id-Direttur għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.

8.      Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jadotta ta’ mill-inqas rapport wieħed dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, u dan għandu jibagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet. Il-kumitat jista’ jippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-Uffiċċju u l-azzjoni meħuda fuqhom.”

 Id-Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom

8        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tat-2 ta’ Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118), jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjnijiet. Għal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu [fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawha].”

 Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF

9        L-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (ĠU 2011, L 308, p. 114), jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Każijiet li jkunu jeħtieġu li informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru għandhom ikunu eżaminati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999. Għandu wkoll ikun hemm segwitu fuq din il-bażi.

B’mod partikolari, qabel ma tkun intbagħtet l-informazzjoni, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jitlob aċċess għall-investigazzjonijiet inkwistjoni sabiex jaċċerta ruħu li d-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali jkunu qed jiġu mħarsa. Ladarba s-Segretarjat ikun kiseb aċċess għad-dokumenti f’perjodu ta’ żmien li jiggarantixxi konformità ma’ din il-funzjoni, ir-relaturi maħtura biex jeżaminaw il-każijiet għandhom jippreparaw il-preżentazzjoni tagħhom fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat. […]

Il-Kumitat għandu jaħtar relaturi sabiex jeżaminaw dawn l-investigazzjonijiet u, jekk meħtieġ, joħorġu opinjoni.”

 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

10      Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1073/1999.

11      L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 883/2013 huwa fformulat kif ġej:

“Meta investigazzjoni tikkumbina elementi esterni u interni, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 4 rispettivament.”

 L-Istruzzjonijiet tal-OLAF lill-persunal tiegħu dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni

12      L-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF lill-persunal tiegħu dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fiż-żmien tal-fatti (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet tal-OLAF”), kien jipprovdi:

“1.      Jekk ikun il-każ, l-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ tista’ tikkuntattja lis-sors u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni kkonċernati sabiex tikseb kjarifiki u dokumenti komplementari li jikkonċernaw l-informazzjoni inizjali. Hija tista’ tikkonsulta wkoll id-databases u s-sorsi l-oħra għad-dispożizzjoni tal-OLAF. Meta jirriżulta neċessarju li tinġabar informazzjoni supplimentari għall-finijiet tal-proċedura ta’ selezzjoni, l-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ tista’ tuża, fost oħrajn, il-mezzi segwenti:

(a)      ġbir ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni;

(b)      ġbir ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ laqgħat operattivi;

(c)      ġbir tax-xhieda ta’ kull persuna f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni rilevanti;

(d)      twettiq ta’ missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-Istati Membri.

2.      Meta s-sors ikun il-persuna li għamlet id-denunzja, l-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ għandha tinforma lil din il-persuna, fi żmien 60 jum, dwar it-terminu meħtieġ sabiex jittieħdu miżuri adatti.

3.      L-opinjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq jekk l-informazzjoni taqax jew le fil-kompetenza tal-OLAF, fuq jekk din l-informazzjoni tkunx suffiċjenti jew le sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni u fuq jekk taqax jew le fost il-prijoritajiet tal-politika fil-qasam ta’ investigazzjoni stabbiliti mid-Direttur Ġenerali.

4.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-OLAF huwiex kompetenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regolamenti, id-deċiżjonijiet u l-ftehimiet interistituzzjonali rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll l-istrumenti legali l-oħra dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-interessi l-oħra tal-Unjoni. L-affidabbiltà tas-sors u l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni. L-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ fajl ta’ koordinazzjoni. Il-prijoritajiet tal-politika fil-qasam tal-investigazzjoni għandhom jiffissaw il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni taqax taħt prijorità ta’ investigazzjoni stabbilita.

5.      L-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ għandha toħroġ opinjoni dwar il-ftuħ jew it-twaqqif mingħajr passi ulterjuri ta’ każ indirizzata lid-Direttur Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni rċevuta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      L-Artikolu 11(6) tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF kien jispeċifika:

“Il-membri tal-unità investigattiva għandhom iwettqu l-attivitajiet investigattivi li ġejjin wara li jippreżentaw att bil-miktub mingħand id-Direttur Ġenerali li jiċċertifika l-identità tagħhom, il-kwalità tagħhom u l-attività investigattiva li huma awtorizzati u inkarigati li jwettqu:

(a)      is-smigħ tal-persuni kkonċernati;

(b)      l-ispezzjoni fuq il-post;

(c)      il-verifiki fuq il-post;

(d)      il-perizji tekniċi u legali;

(e)      il-verifiki u l-ispezzjonijiet suġġetti għal regoli settorjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      L-Artikolu 12(3) tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF kien jipprovdi:

“Meta l-unità investigattiva jkollha l-intenzjoni twettaq attività investigattiva li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni jew tal-fajl ta’ koordinazzjoni, hija għandha tressaq talba lill-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ sabiex jiġi estiż dan il-kamp ta’ applikazzjoni. L-Unità ‘Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni’ għandha tivverifika l-proposta ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u għandha tissottometti opinjoni lid-Direttur Ġenerali, li abbażi tagħha dan tal-aħħar jieħu deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/80/UE tad-9 ta’ Frar 2010 dwar il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU 2010, L 38, p. 7), J. Dalli nħatar bħala Membru tal-Kummissjoni għall-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 2010 u l-31 ta’ Ottubru 2014. Huwa ngħata, mill-President tal-Kummissjoni, il-portafoll tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

16      Fil-25 ta’ Mejju 2012, wara li fil-21 ta’ Mejju 2012 il-Kummissjoni kienet irċeviet ilment mill-kumpannija Swedish Match (iktar ’il quddiem il-“lanjant”) li kien jinkludi allegazzjonijiet dwar l-aġir ta’ J. Dalli, l-OLAF fetaħ investigazzjoni (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni tal-OLAF”).

17      Fis-16 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Settembru 2012, J. Dalli nstema’ mill-OLAF.

18      Fil-15 ta’ Ottubru 2012, ir-rapport tal-OLAF intbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, indirizzat għall-attenzjoni tal-President ta’ din l-istituzzjoni. Dan ir-rapport kien akkumpanjat minn ittra ffirmata mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (iktar ’il quddiem id-“Direttur tal-OLAF”), li tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet prinċipali tal-investigazzjoni.

19      Fis-16 ta’ Ottubru 2012, J. Dalli kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni. Iktar tard dakinhar stess, dan tal-aħħar informa lill-Prim Ministru tar-Repubblika ta’ Malta kif ukoll lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bir-riżenja ta’ J. Dalli. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll stqarrija għall-istampa li biha tħabbret din ir-riżenja.

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2012, J. Dalli ppreżenta azzjoni għall-annullament tad-“deċiżjoni verbali tas-16 ta’ Ottubru 2012, meħuda mill-President tal-Kummissjoni, li ttemm b’effett immedjat l-inkarigu tiegħu” u għall-kumpens tad-dannu mġarrab fl-ammont ta’ EUR 1 simboliku fir-rigward tad-dannu morali u, provviżorjament, fl-ammont ta’ EUR 1 913 396 fir-rigward tad-dannu materjali.

21      Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270).

22      Fir-rigward, minn naħa, tat-talbiet għal annullament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li J. Dalli kien ippreżenta r-riżenja tiegħu verbalment, mingħajr din ir-riżenja ma kienet is-suġġett ta’ talba mill-President tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 17(6) TUE. Peress li l-eżistenza ta’ din it-talba, li kienet tikkostitwixxi l-att ikkontestat minn J. Dalli, ma kinitx ġiet stabbilita, il-Qorti Ġenerali qieset li t-talba għal annullament kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

23      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-talbiet għal kumpens, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li kienet irrilevat li l-eżistenza ta’ tali talba ma kinitx ġiet stabbilita, ebda illegalità minħabba din it-talba ma setgħet tiġi kkonstatata fuq din il-bażi fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni. Fir-rigward tad-difett ta’ kunsens allegat, b’mod sussidjarju, fil-kuntest tat-talbiet għal annullament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-eżistenza tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita. Minn dan hija kkonkludiet li l-allegazzjonijiet ta’ J. Dalli dwar aġir li jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni jew min-naħa tal-President tagħha ma kinux ġew stabbiliti u għalhekk ċaħdet it-talbiet għal kumpens bħala infondati.

24      Fil-21 ta’ Ġunju 2015, J. Dalli ppreżenta appell minn dik is-sentenza. Dak l-appell ġie miċħud b’digriet tal-14 ta’ April 2016, Dalli vs Il‑Kummissjoni (C‑394/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:262).

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017, J. Dalli ppreżenta azzjoni intiża li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu kumpens fl-ammont stmat b’mod provviżorju għal EUR 1 000 000 bħala kumpens għad-dannu, b’mod partikolari morali, li huwa allegatament ġarrab minħabba l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u tal-OLAF, marbut mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Ottubru 2012.

26      Insostenn ta’ dan ir-rikors, J. Dalli invoka seba’ motivi dwar l-illegalità tal-aġir tal-OLAF ibbażati, l-ewwel, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni, it-tieni, fuq difetti fil-karatterizzazzjoni tal-investigazzjoni u fl-estensjoni tagħha, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova u fuq l-iżnaturament kif ukoll il-falsifikazzjoni ta’ provi, ir-raba’, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u tal-Artikolu 18 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 u tal-Artikolu 13(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, is-sitta, fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999, tal-Artikolu 339 TFUE u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, is-seba’, fuq ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999, tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u tal-Protokoll ta’ Ftehim dwar kodiċi ta’ kondotta sabiex jiġi żgurat l-iskambju fil-ħin ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet interni tal-OLAF fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, J. Dalli ppreżenta żewġ motivi dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni.

27      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

28      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn J. Dalli kontra l-OLAF u l-Kummissjoni.

29      Barra minn hekk, għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li J. Dalli la kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir ikkontestat u d-dannu allegat u lanqas ma kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar.

30      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn J. Dalli fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

31      Permezz tal-appell tiegħu, J. Dalli qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tordna l-kumpens tad-dannu, b’mod partikolari morali, li huwa allegatament ġarrab u li jista’ jiġi stmat, b’mod provviżorju, fl-ammont ta’ EUR 1 000 000; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

32      Il-Kummissjoni qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil J. Dalli għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-appell

33      J. Dalli jinvoka seba’ aggravji. L-ewwel sas-sitt aggravju jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-ewwel sitt motivi ppreżentati fl-ewwel istanza dwar l-aġir tal-OLAF. Is-seba’ aggravju jirrigwarda l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-realtà tad-dannu allegat u dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat.

34      Preliminarjament, il-Kummissjoni tippreċiża li, għalkemm ma kkunsidratx li kien utli, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li tippreżenta appell inċidentali, hija tqis madankollu li r-rikors fl-ewwel istanza kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio l-iżball imwettaq fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali.

35      F’dan ir-rigward, fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tagħti deċiżjoni mill-ewwel fuq il-mertu tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Polonja vs Il‑Kunsill, C‑273/04, EU:C:2007:622, punt 33, u tas-7 ta’ Marzu 2013, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑547/10 P, EU:C:2013:139, punt 47).

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-aggravji kollha ppreżentati minn J. Dalli huma ineffettivi.

 Fuq in-natura ineffettiva tal-aggravji kollha

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni tosserva li, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu. Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, it-talba għal kumpens ikollha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra.

38      Issa, l-ewwel sas-sitt aggravju invokati insostenn tal-appell jirrigwardaw l-aġir li bih huwa akkużat l-OLAF, filwaqt li s-seba’ aggravju jikkonċerna biss l-eżistenza ta’ dannu morali. Il-Kummissjoni tqis li J. Dalli, għalhekk, ma qiegħed jippreżenta ebda aggravju li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-OLAF u d-dannu allegat. Fil-fehma tagħha, J. Dalli ma jistax jippretendi li s-seba’ aggravju jirrigwarda wkoll din ir-rabta kawżali peress li, fl-appell tiegħu, huwa jirreferi speċifikament, fl-argumenti żviluppati insostenn ta’ dan l-aggravju, għall-punt 225 tas-sentenza appellata, li jirrigwarda biss id-dannu, u peress li J. Dalli ma huwiex qiegħed jikkontesta l-motivi tas-sentenza li jinsabu fil-punt 224 tas-sentenza appellata dwar l-assenza ta’ rabta kawżali.

39      Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li l-aggravji ppreżentati minn J. Dalli ma jikkontestawx il-motiv tas-sentenza li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rabta kawżali bejn l-aġir tal-OLAF u d-dannu allegat minn J. Dalli ma kinitx stabbilita. Peress li dan il-motiv tas-sentenza huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza appellata, dawn l-aggravji huma ineffettivi u hemm lok li, għal dan ir-raġuni, l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

40      J. Dalli jitlob li dan l-argument jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih tkun akkużata l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 147 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-aggravji ppreżentati minn J. Dalli jikkonċernaw il-kundizzjonijiet dwar l-illegalità tal-aġir li bih huwa akkużat l-OLAF u dwar ir-realtà tad-dannu invokat minn J. Dalli. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma humiex qegħdin jaqblu dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-seba’ aggravju jikkonċernax ukoll, parzjalment, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu.

44      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-fatt li J. Dalli jsemmi biss il-punt 225 tas-sentenza appellata fl-argumenti tiegħu żviluppati insostenn tas-seba’ aggravju, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi li, permezz ta’ dan l-aggravju, huwa ma huwiex qiegħed jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-OLAF u d-dannu invokat.

45      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, ma wettqitx eżami sħiħ ta’ din il-kundizzjoni. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li J. Dalli ma kien ippreżenta ebda element li kien jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dannu morali allegat u ċaħdet l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni u d-dannu invokat. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, b’mod ġenerali, li J. Dalli ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabta bejn l-aġir tal-OLAF u dan id-dannu.

46      Min-naħa l-oħra, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li J. Dalli ma kienx stabbilixxa li “l-aġir inkwistjoni kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu”. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li J. Dalli la kien ipprova r-realtà tad-dannu u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu.

47      Barra minn hekk, huwa biss fil-punt 226 tas-sentenza appellata li wieħed isib il-konklużjoni li J. Dalli ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir inkwistjoni u d-dannu allegat.

48      Fit-tieni lok, permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, J. Dalli jsostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li minnha jirriżulta, fil-fehma tiegħu, li meta persuna tiġi assoċjata b’mod pubbliku ma’ nuqqas jew meta evalwazzjonijiet dannużi fil-konfront tagħha jkunu mxerrda b’mod estiż, din il-persuna ġġarrab dannu morali minħabba l-ħsara għar-reputazzjoni tagħha.

49      Għaldaqstant, permezz ta’ dan l-aggravju J. Dalli qiegħed isostni li huwa biżżejjed li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ tali aġir min-naħa tal-istituzzjonijiet sabiex tiġi stabbilita kemm l-eżistenza ta’ dannu kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tas-seba’ aggravju, J. Dalli qiegħed jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li r-rabta kawżali bejn l-aġir tal-OLAF u d-dannu allegat minn J. Dalli ma kinitx ġiet stabbilita. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura ineffettiva tal-aggravji kollha ppreżentati minn J. Dalli insostenn tal-appell tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel aggravju, dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata, li la l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 u lanqas l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF ma jikkostitwixxu dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi.

52      Skont J. Dalli, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tistabbilixxi b’mod ċar u preċiż obbligu għall-OLAF li jiftaħ investigazzjoni fil-każ biss li jkun hemm “suspetti suffiċjentement serji” u “kwistjonijiet serji”. Huwa jsostni li l-eżistenza ta’ tali obbligu kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395), u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI (C‑15/00, EU:C:2003:396), u li dan l-obbligu jipproteġi lill-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-OLAF.

53      Fir-rigward tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, din tissuġġetta, skont J. Dalli, il-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-OLAF għal sensiela ta’ kundizzjonijiet ċari u preċiżi. Huwa jargumenta li, sa fejn b’hekk tipproduċi effetti fuq terzi, il-kwalità tagħha ta’ regola ta’ natura ġenerali jew interna ma teskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tagħti drittijiet lill-individwi.

54      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda bħala infondata jew, fi kwalunkwe każ, ineffettiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Għandu jitfakkar li, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hemm ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma jistax jitqies li huwa tali dispożizzjoni legali peress li huwa sempliċement jistabbilixxi l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-OLAF fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.

57      L-argument imressaq minn J. Dalli, fis-sens li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi għaliex ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-OLAF għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ “suspetti suffiċjentement serji” u l-eżistenza ta’ “kwistjonijiet serji”, ma jistax jintlaqa’.

58      Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni tispeċifika li l-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF għandhom l-“għan” li “jinvestiga […] kwistjonijiet serji” li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri. B’hekk, peress li, skont il-kliem stess tal-istess dispożizzjoni, investigazzjoni tal-OLAF għandha l-għan li jiġu investigati kwistjonijiet serji, l-eżistenza ta’ tali kwistjonijiet ma tistax titqies li hija kundizzjoni meħtieġa minn qabel sabiex tkun tista’ tinfetaħ tali investigazzjoni.

59      Min-naħa l-oħra, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta effettivament li investigazzjoni tal-OLAF tista’ tinfetaħ biss meta jkun hemm suspetti suffiċjentement serji dwar frodi jew korruzzjoni jew dwar attivitajiet illegali oħra li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 141, u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 164), din il-kundizzjoni ma tirriżultax, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999, li barra minn hekk ma jagħmilx riferiment għall-kunċett ta’ “suspetti suffiċjentement serji”.

60      Fit-tieni lok, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF ma jikkostitwixxix dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi filwaqt li bbażat ruħha fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-istruzzjonijiet bħala “regoli interni” kif ukoll fuq il-fatt li dan l-artikolu jiddeskrivi l-proċedura ta’ selezzjoni introdotta fi ħdan l-OLAF sabiex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet tiegħu jitmexxew b’mod loġiku u konsistenti.

61      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt ma hijiex ibbażata biss fuq il-klassifikazzjoni tal-imsemmi artikolu bħala “regola interna” iżda hija bbażata wkoll fuq il-kontenut tiegħu.

62      Issa, mill-kliem stess tal-Artikolu 5 tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF jirriżulta li dan l-artikolu huwa intiż li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet sabiex tinħareġ opinjoni indirizzata lid-Direttur tal-OLAF fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni u jelenka l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-proċedura, mingħajr ma jistabbilixxi kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti qabel l-OLAF jiftaħ investigazzjoni.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, J. Dalli ma jistax isostni b’mod validu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li dan l-artikolu ma jikkostitwixxix dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

64      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

65      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li ma kienx hemm ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

66      Fl-ewwel lok, huwa jsostni li, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta ma ppreċiżatx li ż-“żmien qasir ħafna” jew iż-“żmien qasir” bejn it-trażmissjoni tal-informazzjoni li kienet tinsab fl-ilment u d-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni ma kienx jikkorrispondi għal jum, iżda għal ftit sigħat.

67      Fit-tieni lok, J. Dalli jargumenta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta minn dan il-punt 68, mill-opinjoni tal-Unità “Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni” ma jistax jiġi dedott li din l-unità wettqet xi riċerki dwar il-lanjant u dwar żewġ persuni oħra mdaħħla inkwistjoni, sa fejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Sorveljanza”) indika li huwa ma kien sab ebda element li jikkonferma l-eżistenza ta’ verifiki mill-OLAF, għajr dawk dwar l-eżistenza tal-persuni u tal-kumpanniji msemmija b’isimhom fl-ilment. Dan ifisser, skont J. Dalli, li l-OLAF ma wettaqx l-eżami fid-dettall li kien mistenni jwettaq.

68      Fit-tielet lok, skont J. Dalli, is-sentenza appellata ma għandhiex motivazzjoni suffiċjenti sa fejn ma tesponix ir-raġunijiet għaliex l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma ttiħditx inkunsiderazzjoni.

69      Fir-raba’ lok, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-OLAF wettaq eżami suffiċjenti tal-allegazzjonijiet imqajma fl-ilment dwar J. Dalli qabel ma ddeċieda li jiftaħ investigazzjoni dwar dan is-suġġett.

70      J. Dalli jsostni li, b’hekk, il-Qorti Ġenerali ma esponietx b’mod suffiċjenti l-punti ta’ fatt imsemmija minnu u r-raġuni għaliex dawn il-punti ma setgħux jiġu evalwati qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, u dan minkejja li setgħu b’mod partikolari jitwettqu verifiki dwar il-pożizzjoni adottata mil-lanjant fil-fajls li kellu quddiemu J. Dalli u dwar ir-relazzjonijiet ta’ dan il-lanjant mal-Kummissjoni.

71      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-OLAF jista’ jiftaħ investigazzjoni billi jibbaża ruħu fuq informazzjoni mogħtija fi lment meta din l-informazzjoni tkun preċiża u ddettaljata, mingħajr ma jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà ta’ dawn l-allegazzjonijiet, hija, skont J. Dalli, żbaljata. Bl-istess mod, dan tal-aħħar jargumenta li l-Qorti Ġenerali kien imissha ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li l-OLAF kien obbligat jiżgura ruħu mill-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, minkejja li tali kunflitt ma kienx jirriżulta b’mod manifest mill-informazzjoni rċevuta.

72      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ J. Dalli fis-sens li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, ħlief fil-każ li jkunu ġew żnaturati, punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2020, Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos vs Il‑Kummissjoni, C‑309/19 P, EU:C:2020:401, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma semmietx b’mod preċiż it-tul ta’ żmien li għadda bejn meta kienet irċevuta l-informazzjoni mingħand il-Kummissjoni u l-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF.

75      Madankollu, peress li r-regoli applikabbli ma jistabbilixxu ebda terminu imperattiv f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma indikatx it-tul ta’ żmien preċiż li għadda bejn dawn iż-żewġ avvenimenti.

76      Fir-rigward tal-espressjonijiet “żmien qasir ħafna” u “żmien qasir” użati mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, dawn bl-ebda mod ma huma inkompatibbli mat-tul ta’ żmien ta’ ftit sigħat imsemmi minn J. Dalli. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar it-tul ta’ żmien inkwistjoni, li l-użu ta’ dawn l-espressjonijiet ma jistax jikkostitwixxi żnaturament tal-fatti.

77      Fit-tieni lok, permezz tal-allegazzjonijiet tiegħu fis-sens li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, mill-opinjoni tal-Unità “Investigazzjoni, selezzjoni u reviżjoni”, iddeduċiet li l-OLAF kien wettaq riċerki dwar il-lanjant u dwar tnejn mill-persuni mdaħħla inkwistjoni, J. Dalli jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata.

78      Peress li ma jqajmu ebda żnaturament tal-fatti li wassal għal dawn l-evalwazzjonijiet, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-imsemmija allegazzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala li jinvokaw żnaturament tal-opinjoni adottata mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, għandu jiġi osservat li s-siltiet minn din l-opinjoni ċċitati fl-appell ma jikkontradixxux il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt 68.

79      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u punt punt, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fit-tilwima, u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Satcen vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, fil-punt 68 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali semmiet l-elementi li wassluha biex tqis li l-OLAF kien wettaq riċerki dwar il-lanjant u dwar tnejn mill-persuni mdaħħla inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-punti 69 sa 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi li wassluha biex tiddeċiedi li l-OLAF ma kienx obbligat iwettaq verifiki supplimentari qabel jiftaħ l-investigazzjoni tiegħu.

81      Din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil J. Dalli jifhem ir-raġunijiet għaliex l-argumenti tiegħu ġew miċħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tieħu speċifikament pożizzjoni dwar l-opinjoni adottata mill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

82      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi dwar l-eżami mill-OLAF tal-informazzjoni trażmessa li allegatament twettaq mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, investigazzjoni tal-OLAF tista’ tinfetaħ biss jekk ikunu jeżistu suspetti suffiċjentement serji dwar frodi jew korruzzjoni jew dwar attivitajiet illegali oħra li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

83      Minn din il-kundizzjoni jirriżulta li s-sempliċi trażmissjoni ta’ lment lill-OLAF tista’ tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-każ biss li l-OLAF ikun wettaq evalwazzjoni inizjali tal-allegazzjonijiet magħmula f’dan l-ilment.

84      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-OLAF ma huwiex meħtieġ iwettaq verifiki intiżi li tiġi evalwata b’mod komplet il-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet qabel tinfetaħ investigazzjoni, peress li mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li din l-investigazzjoni hija intiża preċiżament li tiġi stabbilita, jekk ikun il-każ, in-natura irregolari tal-attivitajiet suġġetti għal verifika. B’applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament, l-OLAF barra minn hekk ma għandux għodda investigattiva li tippermettilu jikkonkludi din il-verifika jekk mhux wara li tinfetaħ l-investigazzjoni.

85      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, li l-OLAF ma kienx obbligat, qabel tinfetaħ investigazzjoni, iwettaq evalwazzjoni fid-dettall tal-informazzjoni rċevuta, iżda li l-OLAF kellu, għall-kuntrarju, jeżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha inkwistjoni, u b’mod partikolari l-affidabbiltà tas-sors kif ukoll il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet, sabiex jiddetermina jekk din l-informazzjoni kinitx suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni.

86      Il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li n-natura preċiża u ddettaljata tal-informazzjoni rċevuta mill-OLAF kienet tali li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti, prima facie, il-kredibbiltà ta’ din l-informazzjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, qieset li l-OLAF ma kienx meħtieġ iwettaq riċerki intiżi li tiġi vverifikata l-affidabbiltà tas-sors tal-imsemmija informazzjoni fl-assenza ta’ elementi fil-fajl li kienu jindikaw b’mod manifest l-eżistenza ta’ manipulazzjoni jew ta’ kunflitt ta’ interessi.

87      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-OLAF ma kienx meħtieġ jieħu pożizzjoni, qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, dwar l-elementi msemmija minn J. Dalli fir-rikors fl-ewwel istanza tiegħu, dwar il-pożizzjoni adottata mil-lanjant fil-fajls li kellu quddiemu J. Dalli u dwar l-allegati relazzjonijiet ta’ dan il-lanjant mal-Kummissjoni.

88      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni aggravju, dwar l-estensjoni tal-investigazzjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

89      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 84 sa 89 tas-sentenza appellata, bi ksur tar-Regolament Nru 1073/1999, li investigazzjoni interna tal-OLAF setgħet tiġi estiża sabiex tinkludi elementi li jaqgħu taħt investigazzjoni esterna ta’ dan il-korp. Huwa jsostni li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament, fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 883/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 1073/1999, il-possibbiltà li jingħaqdu taħt investigazzjoni waħda l-aspetti ta’ investigazzjoni esterna u ta’ investigazzjoni interna, tali possibbiltà ma kinitx permessa taħt ir-Regolament Nru 1073/1999, li kien jimponi, f’tali każ, il-ftuħ ta’ żewġ investigazzjonijiet distinti.

90      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala infondata jew, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Ir-Regolament Nru 1073/1999 jagħmel distinzjoni bejn l-investigazzjonijiet esterni, imwettqa fuq il-post fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi, u l-investigazzjonijiet interni, imwettqa fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ tipi ta’ investigazzjonijiet huma rregolati, rispettivament, permezz tal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament.

92      Sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-argument ta’ J. Dalli bbażat fuq l-estensjoni irregolari tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni tal-OLAF, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 1073/1999 ma kien fih ebda dispożizzjoni dwar “il-possibbiltà li l-portata ta’ investigazzjoni interna tiġi estiża għal dik ta’ investigazzjoni esterna, u vice versa”. Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li jkun imur kontra l-għanijiet tal-OLAF kif ukoll l-indipendenza tiegħu jekk id-Direttur tal-OLAF ma jingħatax is-setgħa li jwettaq tali estensjoni. Hija enfasizzat ukoll, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, li l-possibbiltà ta’ din l-estensjoni kienet prevista espliċitament fl-Artikolu 12(3) tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-motivi tal-Qorti Ġenerali dwar l-analiżi tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 ma huma vvizzjati b’ebda żball.

94      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-għanijiet tal-OLAF, imħaddna mill-Qorti Ġenerali, hija ta’ natura li tiffavorixxi l-effettività tal-azzjoni tal-OLAF, peress li tippermettilu jwettaq, fil-kuntest tal-istess proċedura, attivitajiet investigattivi kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u kemm esternament għalihom, bil-għan li jinġabru l-provi kollha li jippermettu li tiġi evalwata r-regolarità tal-aġir suġġett għall-verifika tal-OLAF.

95      Fl-aħħar nett, ma jistax jitqies li l-akkumulazzjoni ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt investigazzjoni esterna u taħt investigazzjoni interna fi ħdan l-istess proċedura hija ta’ natura li ċċaħħad lill-persuni interessati minn garanziji proċedurali jew, b’mod iktar ġenerali, li tostakola l-applikazzjoni għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet tar-regoli li japplikaw għall-azzjoni tal-OLAF.

96      Għaldaqstant, mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament, fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 883/2013, li investigazzjoni tal-OLAF tista’ tgħaqqad elementi esterni u interni ma jirriżultax li tali possibbiltà kienet eskluża mir-Regolament Nru 1073/1999. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(4) jesprimi, b’ħafna iktar ċarezza, il-prinċipji li kienu diġà applikabbli taħt ir-Regolament Nru 1073/1999 u li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li “l-estensjonijiet tal-portata ta’ investigazzjoni [ma kinux], fihom innifishom, illegali”.

97      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

98      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors fl-ewwel istanza meta osservat, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li huwa ma kienx identifika bi preċiżjoni, f’dan ir-rikors, regola li tagħti drittijiet lill-individwi li tagħha kien wettaq ksur l-OLAF f’dan il-każ. J. Dalli jsostni li, fil-fatt, mill-kliem tal-punti 92 sa 96 tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li huwa kien qiegħed jirreferi għall-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1073/1999.

99      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, imwettaq fil-punti 91 sa 97 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset, fil-punti 84 sa 89 tas-sentenza appellata, li, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF seta’ legalment jestendi l-portata ta’ investigazzjoni interna sabiex jinkludi fiha elementi li jaqgħu taħt investigazzjoni esterna.

101    Barra minn hekk, J. Dalli la kkontesta l-eżami tal-proċedura segwita mill-OLAF għall-finijiet tal-estensjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu, imwettaq fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, u lanqas ma kkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata, fis-sens li J. Dalli ma kienx stabbilixxa li l-estensjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF kienu irregolari.

102    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali, kif qiegħed isostni J. Dalli, żnaturat ir-rikors fl-ewwel istanza meta ddeċidiet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li dan ir-rikors ma kienx jidentifika bi preċiżjoni regola li tagħti drittijiet lill-individwi li allegatament wettaq ksur tagħha l-OLAF, dan l-iżball ma huwiex ser ikun ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni ċ-ċaħda tat-tieni motiv ippreżentat minn J. Dalli fl-ewwel istanza, ibbażat fuq difetti fil-karatterizzazzjoni tal-investigazzjoni u fl-estensjoni tagħha.

103    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aggravji indirizzati kontra motivi mogħtija f’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Dovgan vs EUIPO, C‑142/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:487, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet aggravju, dwar il-ġbir tal-provi

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

105    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami tat-tielet motiv ippreżentat fl-ewwel istanza dwar il-ġbir tal-provi mill-OLAF.

106    Fl-ewwel lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li d-Direttur tal-OLAF seta’ jipparteċipa direttament fl-investigazzjoni minkejja li, minn naħa, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi biss li r-rwol tiegħu huwa li jidderieġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet u minkejja li, min-naħa l-oħra, din il-parteċipazzjoni diretta tippreġudika l-imparzjalità oġġettiva tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

107    Fit-tieni lok, J. Dalli jqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ awtorità nazzjonali fl-investigazzjoni ma kinitx tippreġudika l-imparzjalità oġġettiva tal-OLAF, minkejja li wieħed minn dawn ir-rappreżentanti kien ukoll membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-fatt li din il-parteċipazzjoni kienet aċċettata mill-persuna li kienet is-suġġett tal-attività investigattiva inkwistjoni u li ma ġiex stabbilit li l-imsemmija parteċipazzjoni kellha konsegwenza fuq l-iżvolġiment tal-investigazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-imparzjalità tal-OLAF.

108    Fit-tielet lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-indħil fil-ħajja privata kkostitwit mill-ġbir, mill-ħażna u mill-użu ta’ konverżazzjoni telefonika seta’ jiġi ġġustifikat mill-assenza ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Maltin u mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

109    Fir-raba’ lok, skont J. Dalli, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, qieset li ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar in-natura illegali jew le tar-reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni telefonika għaliex huwa ma kienx ipparteċipa f’din il-konverżazzjoni.

110    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala infondata u, fi kwalunkwe każ, bħala parzjalment ineffettiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta tat deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tad-Direttur tal-OLAF fl-investigazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(1) tal-Karta jipprovdi, b’mod partikolari, li kull persuna għandu jkollha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

112    Minn dan isegwi li dawn l-istituzzjonijiet, dawn il-korpi u dawn l-organi għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tagħha li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni minn qabel jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punt 91, kif ukoll tas-27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 27).

113    Ir-rwol tad-Direttur tal-OLAF fl-iżvolġiment ta’ investigazzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, li jipprevedi, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li d-Direttur tal-OLAF jidderieġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

114    Għalkemm l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-funzjoni ma huwiex irregolat speċifikament permezz ta’ dan ir-regolament, min-natura tal-attivitajiet tal-OLAF jirriżulta li dan l-eżerċizzju jimplika neċessarjament li d-Direttur tal-OLAF għandu l-possibbiltà jagħti istruzzjonijiet lill-membri tal-persunal tal-unità responsabbli għall-investigazzjoni sabiex jiggwida x-xogħol investigattiv tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jordna, jekk ikun il-każ, li jitwettqu ċerti attivitajiet investigattivi.

115    Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(6) tal-Istruzzjonijiet tal-OLAF jirriżulta li ċerti attivitajiet investigattivi elenkati f’din id-dispożizzjoni jistgħu jitwettqu biss wara li jiġi ppreżentat att bil-miktub min-naħa tad-Direttur tal-OLAF li jiċċertifika, b’mod partikolari, l-attività investigattiva li l-membri tal-persunal tal-OLAF huma awtorizzati jwettqu. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ tas-smigħ tal-persuni kkonċernati jew tax-xhieda kif ukoll fil-każ tal-ispezzjoni fuq il-post u tal-verifiki fuq il-post.

116    Id-Direttur tal-OLAF huwa għalhekk meħtieġ jeżerċita rwol attiv fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, li jipprevedi li r-rapport tal-investigazzjoni għandu jiġi stabbilit taħt l-awtorità tiegħu.

117    Issa, J. Dalli ma stabbilixxiex li l-parteċipazzjoni diretta tad-Direttur tal-OLAF f’ċerti attivitajiet investigattivi, li tista’ tintrabat mad-dispożizzjonijiet li jagħtuh dan ir-rwol attiv, hija ta’ natura li tippreġudika l-imparzjalità oġġettiva tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma kkontestax il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li J. Dalli stabbilixxa li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 103 tas-sentenza appellata, fis-sens li tali parteċipazzjoni diretta ma tippreġudikax l-imparzjalità tal-investigazzjoni, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

119    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi smigħ tas-Sur Z. ta’ rappreżentant ta’ awtorità nazzjonali li huwa wkoll membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li dan il-kumitat, permezz tas-sorveljanza regolari li huwa jeżerċita fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjoni investigattiva, isaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF. Fil-kuntest ta’ din il-funzjoni, dan il-kumitat jista’, b’mod partikolari, jagħti opinjonijiet lid-Direttur tal-OLAF dwar l-attivitajiet tal-OLAF.

120    B’hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-membri tal-imsemmi kumitat huma meħtieġa jeżerċitaw funzjoni ta’ sorveljanza fuq l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF.

121    Fid-dawl tar-rwol mogħti lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-fatt li wieħed mill-membri tiegħu pparteċipa direttament fit-twettiq ta’ attività investigattiva tal-OLAF huwa ċertament ta’ natura li joħloq dubju leġittimu dwar l-eżistenza ta’ eventwali preġudizzju, pożittiv jew negattiv, min-naħa tiegħu, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet ta’ sorveljanza fi ħdan dan il-kumitat fuq il-kundizzjonijiet li fihom twettqet l-attività investigattiva inkwistjoni.

122    Madankollu, għalkemm l-imparzjalità oġġettiva ta’ membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tista’ b’hekk tiddaħħal inkwistjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza li huwa jeżerċita f’din il-kwalità, il-fatt li dan l-individwu jista’ jkun meħtieġ jeżerċita, fi stadju ulterjuri, tali sorveljanza ma jistax, għall-kuntrarju, joħloq dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tiegħu fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’attività investigattiva.

123    Għaldaqstant, għalkemm in-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva mqajjem minn J. Dalli jista’, jekk ikun il-każ, jiġi invokat fir-rigward tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar l-investigazzjoni tal-OLAF, dan in-nuqqas ma jistax idaħħal inkwistjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, matul is-smigħ li fih ipparteċipa membru ta’ dan il-kumitat.

124    Issa, l-argumenti ta’ J. Dalli indirizzati fil-punt 105 tas-sentenza appellata kienu intiżi li jikkontestaw il-legalità tal-ġbir tal-provi mill-OLAF u mhux il-legalità tal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq f’dan il-punt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125    Fit-tielet lok, l-argument indirizzat kontra l-punt 119 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, sa fejn jikkonċerna motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza.

126    Fil-fatt, J. Dalli jqis li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad l-argumenti tiegħu intiżi li jiġi stabbilit li l-ġbir, mill-awtoritajiet Maltin, ta’ reġistrazzjonijiet telefoniċi kien jikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata billi tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ avviż minn qabel mogħti lill-OLAF mill-awtoritajiet Maltin kif ukoll fuq l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jikkollaboraw mal-OLAF bil-kundizzjoni li l-għajnuna tagħhom tkun konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, J. Dalli ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li huwa ma kienx stabbilixxa li l-OLAF seta’ jinżamm responsabbli għall-modalitajiet tal-ġbir tal-informazzjoni inkwistjoni mill-awtoritajiet Maltin.

127    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tad-dritt ta’ J. Dalli għar-rispett tal-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet minħabba li huwa ma kienx ipparteċipa fil-konverżazzjoni telefonika tat-3 ta’ Lulju 2012 li kienet ġiet irreġistrata, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita minħabba kull ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda biss minħabba ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

128    Bla ħsara għar-regoli applikabbli fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni, din ir-restrizzjoni hija intiża li tillimita l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà għal dawk is-sitwazzjonijiet biss li fihom l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni jkun ikkawża dannu lil individwu billi ppreġudika l-interessi tiegħu protetti speċifikament mid-dritt tal-Unjoni.

129    B’hekk, il-funzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tinkiser jekk jiġi aċċettat li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita sabiex jiġi kkumpensat dannu kkawżat lil individwu mill-ksur ta’ dispożizzjoni legali li ma toħloq ebda dritt favur tiegħu iżda li tkun intiża li tagħti drittijiet lil terz.

130    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li r-responsabbiltà tal-Unjoni ma setgħetx tiġi stabbilita fil-konfront ta’ J. Dalli minħabba l-eventwali ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ta’ terzi li l-konverżazzjoni tagħhom kienet instemgħet u ġiet irreġistrata.

131    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

132    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fl-evalwazzjoni tal-provi.

133    Fl-ewwel lok, J. Dalli jsostni li mill-kliem stess tal-kummenti magħmula minn ex impjegati tiegħu matul l-intervisti tagħhom ma’ Membri tal-Parlament Ewropew jirriżulta li l-membri tal-persunal tal-OLAF kienu talbuhom iżommu mal-verżjoni tal-fatti tagħhom, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 108 tas-sentenza appellata.

134    Fit-tieni lok, skont J. Dalli, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta ddeċidiet, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li kien hemm biss “differenza żgħira” bejn żewġ verżjonijiet tat-traskrizzjoni tal-istess parti minn konverżazzjoni telefonika minkejja li waħda minn dawn il-verżjonijiet kienet tirreferi għall-fatt li prezz partikolari kien intalab minn J. Dalli filwaqt li l-oħra kienet tirreferi għal talba li saret minn terz.

135    Fit-tielet lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad b’mod validu, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tal-artikli tal-istampa li l-kontenut tagħhom ma kienx ġie kkontestat mill-Kummissjoni, minkejja li dawn l-artikli jikkostitwixxu, bħala tali, provi dwar il-kundizzjonijiet li fihom inżamm is-smigħ tas-Sinjura K. Il-fatt li s-Sinjura K. iffirmat proċess verbali li ma jdaħħalx inkwistjoni l-kundizzjonijiet tas-smigħ tagħha ma huwiex determinanti għaliex minn dawn l-artikli tal-istampa jirriżulta b’mod espliċitu li din kellha tiffirma dan il-proċess verbali mingħajr ma setgħet taqrah mill-ġdid.

136    Fir-raba’ lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni provi prodotti minnu dwar ir-reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni telefonika li saret fit-3 ta’ Lulju 2012 mill-OLAF. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha meta affermat, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li ebda prova ma kienet tippermetti li jitqies li din il-konverżazzjoni kienet intiża li ddaħħal inkwistjoni lil J. Dalli, minkejja li fil-punt 122 tas-sentenza appellata hija kienet ikkonstatat li din il-konverżazzjoni kienet ġiet organizzata sabiex jinġabru provi supplimentari bil-għan li tiġi kkonfermata jew miċħuda r-realtà tal-fatti.

137    Fil-ħames lok, skont J. Dalli, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-Opinjoni 2/2012 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza minkejja li din l-opinjoni tikkostitwixxi prova.

138    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Preliminarjament, sa fejn J. Dalli qiegħed isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi għamlet qari żbaljat ta’ ċerti dokumenti, għandu jiġi osservat li, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument li tkun kuntrarja għall-kontenut tiegħu, sabiex jiġi stabbilit tali żnaturament ma huwiex biżżejjed li jintwera li dan id-dokument seta’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dokument, b’mod partikolari billi qratu b’mod li jmur kontra l-formulazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 54; tas-7 ta’ April 2016, Akhras vs Il-Kunsill, C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 72; kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punt 60).

140    Fl-ewwel lok, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, qieset li, mit-traskrizzjoni tal-intervista bejn ex impjegati ta’ J. Dalli u Membri tal-Parlament Ewropew kien jirriżulta, essenzjalment, li membri tal-persunal tal-OLAF kienu rrakkomandaw lis-Sur G. ikun prudenti fil-mod kif jikkomunika l-informazzjoni, sabiex ma jfixkilx l-investigazzjoni f’Malta, mingħajr madankollu ma talbuh iżomm mal-verżjoni inizjali tiegħu. Il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, enfasizzat li s-Sur G. kien ċaħad, bi tweġiba għal mistoqsija, li dawn il-membri tal-persunal tal-OLAF kienu talbuh iżomm ma’ din il-verżjoni.

141    Għalkemm il-kummenti tas-Sur G. irreġistrati f’din it-traskrizzjoni fihom ċerti ambigwitajiet fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-imsemmija membri tal-persunal tal-OLAF, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-punt 108, il-Qorti Ġenerali ħadet nota, b’mod preċiż, tat-tweġiba mogħtija mis-Sur G. għal mistoqsija li kienet tikkonċerna direttament il-kwistjoni ta’ jekk il-membri tal-persunal tal-OLAF kinux inkoraġġixxewh jagħmel dikjarazzjoni falza. Barra minn hekk, mill-imsemmija traskrizzjoni jirriżulta li s-Sur G. kien indika wkoll li l-istess membri tal-persunal tal-OLAF kienu stidnuh ikun prudenti, mingħajr qatt ma talbuh espliċitament li ma jsemmix ċerti fatti.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, J. Dalli ma stabbilixxiex li l-Qorti Ġenerali, fl-imsemmi punt 108, żnaturat it-traskrizzjoni kontenzjuża b’mod li marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dokument.

143    Fit-tieni lok, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ differenza bejn iż-żewġ verżjonijiet tat-traskrizzjoni tal-istess parti minn konverżazzjoni telefonika tad-29 ta’ Marzu 2012. Hija qieset li din kienet differenza żgħira li ma kellhiex impatt fuq il-konklużjonijiet tal-OLAF u li, minn dawn iż-żewġ verżjonijiet, seta’ jiġi impliċitament dedott li kienu jagħmlu riferiment, it-tnejn li huma, għal somma mitluba minn J. Dalli.

144    F’dan ir-rigward, jidher li l-Qorti Ġenerali pproduċiet b’mod preċiż il-kliem użat f’kull waħda mill-verżjonijiet prodotti minn J. Dalli. Barra minn hekk, għalkemm l-interpretazzjoni proposta minn J. Dalli tal-verżjoni pprovduta mill-awtoritajiet Maltin, fis-sens li din il-verżjoni setgħet tinftiehem bħala li ssemmi somma mitluba mis-Sur Z., u mhux minn J. Dalli, hija interpretazzjoni konċepibbli, hija ma hijiex suffiċjentement evidenti sabiex jitqies li l-Qorti Ġenerali kienet marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ din il-verżjoni.

145    Fit-tielet lok, mill-punt 111 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tagħtix piż deċiżiv lill-artikli li dehru fl-istampa Maltija prodotti minn J. Dalli sabiex jikkontesta l-kundizzjonijiet li fihom inżamm l-ewwel smigħ tas-Sinjura K.

146    Madankollu, mill-istess punt jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll, b’mod sussidjarju, fuq il-fatt li mill-proċess verbali tat-tieni smigħ tas-Sinjura K. ma kienx jirriżulta li din tal-aħħar kienet ikkontestat, fl-okkażjoni tat-tieni smigħ, il-kundizzjonijiet li fihom kien inżamm l-ewwel smigħ tagħha, u dan minkejja li hija kienet ipprovdiet kummenti addizzjonali, emendi u kjarifiki fir-rigward ta’ dan l-ewwel smigħ.

147    Dan il-motiv tal-aħħar, li J. Dalli bl-ebda mod ma kkontesta fil-kuntest ta’ dan l-appell, huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li ma kienx ġie stabbilit li l-prattiki tal-membri tal-persunal tal-OLAF matul dan l-ewwel smigħ kienu jmorru kontra l-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-argumenti ta’ J. Dalli indirizzati kontra l-punt 111 tas-sentenza appellata għandhom jitqiesu li huma ineffettivi b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, sa fejn jikkonċernaw motivi ta’ din is-sentenza mogħtija għal finijiet ta’ kompletezza.

149    Fir-raba’ lok, filwaqt li J. Dalli jikkontesta diversi elementi tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni telefonika tat-3 ta’ Lulju 2012, għandu jiġi osservat li tali reġistrazzjoni setgħet twassal għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-każ biss li kienet twettqet bi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

150    Issa, mill-punti 127 sa 130 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li r-regoli invokati f’dan ir-rigward minn J. Dalli ma kinux intiżi li jagħtuh drittijiet u li din il-konstatazzjoni kienet suffiċjenti sabiex jiġi eskluż l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-fatt li kienet saret din ir-reġistrazzjoni.

151    Għaldaqstant, peress li l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi supplimentari dwar l-imsemmija reġistrazzjoni jew l-istabbiliment tal-fatt li l-istess reġistrazzjoni kienet intiża li ddaħħal inkwistjoni lil J. Dalli ma humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni din l-evalwazzjoni, l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ dan l-appell għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

152    Fil-ħames lok, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien J. Dalli li kellu jipprova li l-allegazzjonijiet magħmula fl-Opinjoni 2/2012 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kienu stabbiliti, iżda li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tieħu pożizzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet.

153    Il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet b’dan il-mod, ibbażat ruħha fuq ir-regoli li jallokaw l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ rikors intiż li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, iżda ma ċaħditx, b’mod ġenerali, li din l-opinjoni għandha xi valur probatorju.

154    Minn dan isegwi li l-argument ta’ J. Dalli fis-sens li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija opinjoni, huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt u għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

155    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ aggravju, dwar l-osservanza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

156    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, J. Dalli jsostni, fl-ewwel lok, li, mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), jirriżulta li l-OLAF huwa obbligat jisma’ lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-fatti kollha li jikkonċernawhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina jekk J. Dalli kellux jinstema’ fir-rigward ta’ nota li tittraskrivi s-smigħ tas-Sur G. tad-19 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem in-“nota dwar is-smigħ tas-Sur G.”) billi tibbaża ruħha fuq il-fatti riprodotti f’din in-nota u mhux, kif allegatament għamlet fil-punt 143 tas-sentenza appellata, bl-użu ta’ kriterji oħra marbuta man-natura ta’ din in-nota, mal-eżistenza ta’ provi oħra jew inkella mal-fatt li l-imsemmija nota ma tinsabx fost l-annessi tar-rapport tal-OLAF.

157    Fit-tieni lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali tat motivi kontradittorji meta affermat, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, li mill-preżenza ta’ prova fl-annessi ta’ rapport tal-OLAF ma setax jiġi dedott li din il-prova ntużat mill-OLAF sabiex jistabbilixxi ċerti allegazzjonijiet, filwaqt li, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat li d-dokumenti li fuqhom huwa bbażat tali rapport huma intiżi li jidhru biss, jekk ikun il-każ, bħala annessi ma’ dan ir-rapport.

158    Fit-tielet lok, skont J. Dalli l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt tinstema’ dwar il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-OLAF. Huwa jsostni li, fil-fatt, il-kwistjoni determinanti hija jekk din il-persuna nstemgħetx dwar il-fatti kollha li fuqhom ikunu bbażati dawn il-konklużjonijiet.

159    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

160    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 143 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ippreżentat minn J. Dalli fis-sens li l-OLAF kiser l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 billi ma tahx l-opportunità jesprimi ruħu fuq in-nota dwar is-smigħ tas-Sur G.

161    Sabiex waslet għal din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet li l-OLAF kien obbligat jitlob lill-persuna inkwistjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti li jikkonċernawha, iżda ma kienx obbligat jagħtiha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar kull xhieda miġbura. Il-Qorti Ġenerali mbagħad enfasizzat li n-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. kienet intużat fir-rapport tal-OLAF għal diversi skopijiet, iżda l-OLAF madankollu ma silet ebda konklużjoni dwar J. Dalli fuq il-bażi ta’ din in-nota waħedha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li mis-sempliċi fatt li l-imsemmija nota tinsab fl-annessi ta’ dan ir-rapport ma jistax jiġi dedott li din in-nota ntużat bħala prova tal-allegazzjonijiet magħmula kontra J. Dalli.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, li jirregola l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet interni, jipprevedi, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-konklużjonijiet li jirreferu għal Membru tal-Kummissjoni b’ismu ma jistgħux isiru fi tmien investigazzjoni “mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu [fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawha]”.

163    Mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-OLAF ma huwiex obbligat jippermetti lill-“parti interessata” tesprimi ruħha dwar kull prova miġbura matul l-investigazzjoni li tkun tista’ tintuża sabiex isiru konklużjonijiet fir-rigward tagħha, iżda huwa obbligat biss li jippermetti lil din il-parti tesprimi ruħha dwar il-fatti li jikkonċernawha u li joħorġu minn dawn il-provi.

164    Minn dan jirriżulta li l-OLAF kien obbligat jisma’ lil J. Dalli dwar il-fatti relatati fin-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. jekk dawn il-fatti kienu meqjusa li jikkonċernawh. Għaldaqstant, meta bbażat ruħha fuq l-użu limitat minn din in-nota li għamel l-OLAF fir-rapport tal-investigazzjoni sabiex tiċħad l-argument ippreżentat fl-ewwel istanza minn J. Dalli dwar allegat ksur tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

165    B’dan premess, anki jekk jirriżulta li hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-appell għandu xorta waħda jiġi miċħud jekk id-dispożittiv tas-sentenza jidher li jkun fondat fuq motivi legali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Terna vs Il-Kummissjoni, C‑812/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:437, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Dan huwa l-każ hawnhekk.

167    Fil-fatt, min-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. jirriżulta li huwa, matul is-smigħ tiegħu, semma laqgħa li seħħet fl-10 ta’ Frar 2012 bejn J. Dalli u s-Sur Z. kif ukoll skambji bejn is-Sur Z., is-Sinjura K. u s-Sur G. dwar il-possibbiltà li J. Dalli jadotta ċerti pożizzjonijiet bi skambju għall-ħlas ta’ somma kbira ta’ flus.

168    Issa, mit-traskrizzjonijiet tas-smigħ ta’ J. Dalli li nżammu fis-16 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Settembru 2012 jirriżulta li J. Dalli ngħata l-opportunità jesprimi ruħu dwar l-eżistenza ta’ din il-laqgħa u dwar l-iskambji li allegatament seħħew fil-kuntest ta’ din il-laqgħa kif ukoll dwar il-proposta tas-Sur Z. li kienet is-suġġett prinċipali tal-iskambji msemmija fin-nota dwar is-smigħ tas-Sur G.

169    Barra minn hekk, J. Dalli ma qajjimx fatti ġodda li kienu ssemmew għall-ewwel darba f’din in-nota u li dwarhom huwa għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jesprimi ruħu matul is-smigħ tiegħu mill-OLAF.

170    Għaldaqstant, l-argument ippreżentat fl-ewwel istanza fis-sens li huwa ma kienx instema’, bi ksur tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar il-fatti esposti fin-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. għandu jiġi miċħud bħala infondat. Minn dan isegwi li l-argument ippreżentat insostenn ta’ dan l-appell u bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 143 tas-sentenza appellata huwa ineffettiv.

171    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni fil-motivi bejn il-punt 109 u l-punt 143 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, sabiex tiċħad l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ riproduzzjoni ta’ ċerti provi fir-rapport tal-OLAF, li ma kienx meħtieġ li d-dokumenti li fuqhom tali rapport huwa bbażat jiġu riprodotti b’mod sħiħ fir-rapport u, jekk ikun il-każ, kellhom jidhru bħala anness ma’ dan ir-rapport.

172    Fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi fatt li n-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. tinsab fl-annessi tar-rapport tal-OLAF ma jippermettix li jiġi stabbilit li din in-nota kienet intużat bħala prova tal-allegazzjonijiet magħmula kontra J. Dalli.

173    Ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi kkonstatata bejn il-motivi li jinsabu fil-punt 109 tas-sentenza appellata u dawk li jinsabu fil-punt 143 tagħha. Fil-fatt, mill-punt 109 ma jirriżultax li l-annessi ta’ rapport tal-OLAF jistgħu jinkludu biss provi li nżammu kontra l-persuni mdaħħla inkwistjoni jew, a fortiori, kontra waħda minnhom, meta dan ir-rapport ikun fih, bħalma huwa l-każ hawnhekk, konklużjonijiet dwar l-aġir ta’ diversi persuni.

174    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 144 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, li J. Dalli ma kienx indika l-fatti li fuqhom kienet ibbażata l-konklużjoni inkwistjoni li huwa kellu l-intenzjoni jiċħad jew jispeċifika.

175    Minn dan isegwi li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-OLAF ma kienx meħtieġ jisma’ lil J. Dalli fuq il-fatti li fuqhom kienet ibbażata waħda mill-konklużjonijiet tiegħu iżda, għall-kuntrarju, hija impliċitament irrikonoxxiet li l-OLAF effettivament għandu tali obbligu, filwaqt li speċifikat li J. Dalli, sabiex jipprova l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li kien qiegħed jinvoka, kellu jindika l-fatti li fuqhom huwa allegatament ma kienx instema’ mill-OLAF.

176    L-argument ta’ J. Dalli dwar l-iżball ta’ liġi li bih huwa allegatament ivvizzjat il-punt 144 tas-sentenza appellata għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat sa fejn huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

177    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

178    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat in-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. meta qieset, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, li din in-nota ma kinitx tesponi fatti li jinvolvu lil J. Dalli, minkejja li mill-imsemmija nota kien jirriżulta b’mod ċar li dan kien il-każ. Dan l-iżball reġa’ sar fil-punt 145 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali affermat li J. Dalli kien ingħata l-opportunità jesprimi ruħu dwar il-fatti li jikkonċernawh.

179    Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

180    Fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li n-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. kienet issemmiet fir-rapport tal-OLAF “bil-għan biss li jiġi ppreżentat is-smigħ ta’ xhieda li kien inżamm […], li jiġi rrapportat fatt li ma jikkonċernax [lil J. Dalli] u li jikkonferma dak li x-xhud kien diġà indika fi smigħ inizjali […] u li jiġi rrapportat il-mod suġġettiv kif ix-xhud fehem l-offerti magħmula mis-Sur Z. b’mod partikolari lil-lanjant”. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li minn dan ir-rapport ma kienx jirriżulta “li l-OLAF kien silet xi tip ta’ konklużjoni fir-rigward [ta’ J. Dalli] fuq il-bażi ta’ din in-nota waħedha”.

181    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 164 ta’ din is-sentenza, dawn id-diversi konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jikkonċernaw kollha kemm huma l-użu mill-OLAF tan-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. fir-rapport tiegħu. Barra minn hekk, minn ebda element fil-punt 143 tas-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, kif isostni J. Dalli, li l-imsemmija nota ma kienx fiha fatti li jikkonċernawh.

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, fis-sens li J. Dalli kien ingħata l-opportunità jesprimi ruħu fuq il-fatti li jikkonċernawh, hija, anki jekk parzjalment, ibbażata fuq evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sens li n-nota dwar is-smigħ tas-Sur G. ma kinitx tikkonċerna tali fatti.

183    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 167 sa 170 ta’ din is-sentenza, anki jekk din in-nota ma kinitx tressqet għall-għarfien tiegħu, J. Dalli xorta waħda kellu l-opportunità jieħu pożizzjoni dwar il-fatti li għalihom tirreferi din in-nota.

184    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ aggravju hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames aggravju, dwar it-tressiq tal-każ quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza

 L-argumenti tal-partijiet

185    Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji meta ċaħdet il-ħames motiv tiegħu ppreżentat fl-ewwel istanza, dwar l-intervent tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

186    Fl-ewwel lok, J. Dalli jsostni li, skont l-arranġament ta’ xogħol konkluż bejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza u l-OLAF (iktar ’il quddiem l-“arranġament ta’ xogħol”), kellu jiġi osservat terminu ta’ ħamest ijiem bejn it-tressiq tal-każ quddiem dan il-kumitat u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Minkejja li f’ċirkustanzi eċċezzjonali dan it-terminu seta’ jkun ta’ inqas minn ħamest ijiem, l-OLAF kellu dejjem ifittex il-kunsens tal-Kumitat ta’ Sorveljanza qabel din it-trażmissjoni. Barra minn hekk, skont J. Dalli l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-OLAF kellu jitqies li għandu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, u dan għaliex tali approċċ iċaħħad mill-effettività lill-funzjoni ta’ kontroll mogħtija lil dan il-kumitat mill-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999. Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, in-natura sensittiva ta’ dan il-każ kienet timplika osservanza stretta tal-garanziji proċedurali applikabbli.

187    Fit-tieni lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-proċess meta affermat, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza aċċetta t-trażmissjoni tar-rapport tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħamest ijiem. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dan il-kunsens, li r-realtà tiegħu kienet allegatament ikkontestata minn J. Dalli matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ma toħroġ minn ebda element fil-proċess. Barra minn hekk, diversi elementi fil-proċess fihom indikazzjonijiet f’sens kuntrarju.

188    Fit-tielet lok, skont J. Dalli, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, kif interpretat fil-ġurisprudenza tagħha stess, meta ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li l-OLAF seta’ jittrażmetti r-rapport tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali qabel ma l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun temm l-eżami ta’ dan ir-rapport. Il-kontroll imwettaq minn dan il-kumitat ma jikkostitwixxix indħil ipprojbit fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni u huwa indispensabbli sabiex jiġu protetti b’mod effettiv id-drittijiet tal-persuni kkonċernati.

189    F’dan il-każ, dan l-obbligu ma ġiex osservat peress li l-OLAF, minn naħa, fit-18 ta’ Ottubru 2012, ta aċċess għall-fajl lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, u, min-naħa l-oħra, fid-19 ta’ Ottubru 2012, ittrażmetta dan il-fajl lill-awtoritajiet Maltin, u dan minkejja li dan il-kumitat kien informa lill-OLAF li kellu bżonn ta’ terminu itwal sabiex iwettaq l-eżami. Il-fatt li dan il-kumitat ma setax jipprekludi t-trażmissjoni tar-rapport tal-OLAF ma huwiex, barra minn hekk, suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat li dan il-kumitat jiġi mċaħħad minn kull possibbiltà effettiva li jwettaq il-kontroll tiegħu.

190    Il-Kummissjoni ssostni li l-ħames aggravju ma huwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

191    Preliminarjament, għandha tiġi speċifikata l-funzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, li dwarha ma humiex qegħdin jaqblu J. Dalli u l-Kummissjoni.

192    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1073/1999 jiddefinixxi din il-funzjoni b’mod ġenerali billi jispeċifika li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jsaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF permezz tal-kontroll regolari li huwa jeżerċita fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu.

193    Għal dan il-għan, il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa meħtieġ, skont l-Artikolu 11(8) ta’ dan ir-regolament, jadotta minn tal-inqas rapport dwar l-attivitajiet kull sena. Barra minn hekk, huwa jista’ wkoll, skont l-Artikolu 11(1) u (8) tal-imsemmi regolament, jagħti opinjonijiet lid-Direttur tal-OLAF dwar l-attivitajiet tal-OLAF kif ukoll jippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-azzjonijiet meħuda dwarhom.

194    Għalkemm ma huwiex eskluż li opinjoni mogħtija mill-Kumitat ta’ Sorveljanza tikkonċerna każ partikolari, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa li tali opinjoni ma jistax ikollha l-għan li tinfluwenza l-għażliet li għandhom isiru mill-OLAF f’każ partikolari, u dan sa fejn, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 11(1) tal-istess regolament jipprevedi li l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jingħataw mingħajr interferenza fl-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet pendenti.

195    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu l-funzjoni li jeżerċita kontroll sistemiku tal-attivitajiet tal-OLAF. Għalkemm huwa għalhekk meħtieġ jivverifika li dawn l-attivitajiet jiġu eżerċitati skont modalitajiet li jirrispettaw id-drittijiet, b’mod partikolari proċedurali, tal-persuni kkonċernati, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ma huwiex meħtieġ iwettaq, għal dan il-għan, kontroll a priori tal-atti tal-OLAF.

196    Dan il-mod ta’ kif jinftiehmu l-funzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa kkorroborat, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru, mill-assenza ta’ setgħa mogħtija lil dan il-kumitat, meta jiġi informat dwar il-ħtieġa ta’ tali trażmissjoni skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999, li joġġezzjona għal din it-trażmissjoni, kif semmiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza appellata.

197    Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jistgħu eventwalment jiġu interpretati, kif isostni J. Dalli, bħala li huma intiżi li jagħtu funzjoni iktar estiża lill-Kumitat ta’ Sorveljanza ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sa fejn dawn ir-regoli ta’ proċedura, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1073/1999, ma jistgħux jibdlu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

198    F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li l-OLAF kien obbligat jistenna li tintemm il-missjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza qabel jittrażmetti r-rapport tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li tali obbligu ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999.

199    Barra minn hekk, dan l-obbligu huwa ta’ natura li joħloq dewmien fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali mingħajr ma jidher li huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-Kumitat ta’ Sorveljanza jwettaq il-funzjoni speċifika tiegħu, u dan sa fejn il-kompitu ta’ dan tal-aħħar ma huwiex li joġġezzjona għal trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali iżda huwa biss li jwettaq kontroll sistemiku tal-prattiki tal-OLAF f’dan il-qasam.

200    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li t-trażmissjoni tar-rapport lill-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin qabel ma ttieħdet pożizzjoni dwar dan mill-Kumitat ta’ Sorveljanza ma kinitx tikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

201    Fit-tieni lok, fir-rigward taż-żmien li għadda bejn it-tressiq tal-każ quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza u t-trażmissjoni tar-rapport lill-awtoritajiet Maltin, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi l-obbligu li dan il-kumitat jiġi informat dwar il-każijiet li jeħtieġu trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mingħajr ma jiffissa t-terminu li għandu jkollu l-imsemmi kumitat sabiex iwettaq kontroll qabel din it-trażmissjoni.

202    Għalkemm huwa minnu li l-arranġament ta’ xogħol jipprevedi li d-dokumenti li għandhom jitressqu quddiem il-Kumitat ta’ Sorveljanza f’dan il-kuntest għandhom “bħala regola ġenerali” jiġu kkomunikati lilu ħamest ijiem ta’ xogħol qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mill-kliem stess ta’ dan l-arranġament jirriżulta, kif osservat il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, li dan it-terminu huwa indikattiv u li l-OLAF jista’ għalhekk ma jimxix miegħu.

203    Peress li, fid-dawl tal-funzjoni speċifika tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, ma huwiex fi kwalunkwe każ meħtieġ li dan jieħu pożizzjoni qabel din it-trażmissjoni, l-OLAF għandu jiġi rrikonoxxut li għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddetermina d-data li fiha jittrażmetti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Għaldaqstant, huwa jista’ jiddeċiedi li jwettaq tali trażmissjoni qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-arranġament ta’ xogħol mingħajr ma l-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun ta minn qabel il-kunsens tiegħu f’dan ir-rigward.

204    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta ddeċidiet li, fid-dawl tal-importanza u tan-natura sensittiva tal-investigazzjoni kif ukoll fid-dawl tal-fatt li J. Dalli kien diġà rriżenja mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Kummissarju, l-OLAF seta’, mingħajr ma jmur manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, iqis li kien opportun li jittrażmetti r-rapport tiegħu lill-awtoritajiet Maltin sa mid-19 ta’ Ottubru 2012, minkejja li kien biss fil-jum ta’ qabel li l-Kumitat ta’ Sorveljanza kellu aċċess għall-fajl sħiħ.

205    Fit-tielet lok, l-allegazzjoni ta’ J. Dalli dwar żnaturament tal-proċess minħabba li, għall-kuntrarju ta’ dak li tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 160 tas-sentenza appellata, il-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma kienx aċċetta t-trażmissjoni tar-rapport tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħamest ijiem, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva sa fejn mill-punt 203 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kien approva n-neċessità ta’ trażmissjoni ta’ malajr tar-rapport lill-awtoritajiet Maltin, dan l-iżball ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 164 tas-sentenza appellata, fis-sens li din it-trażmissjoni setgħet titwettaq mill-OLAF mingħajr ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

206    Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq is-sitt aggravju, dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza

 Fuq it-tieni parti tas-sitt aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

207    Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, J. Dalli jsostni li l-motivi tal-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tad-Direttur tal-OLAF matul konferenza stampa huma kontradittorji sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, minn naħa, li d-Direttur tal-OLAF kien afferma li J. Dalli ma kienx irreaġixxa għall-aġir inkwistjoni li kellu għarfien tiegħu u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet tad-Direttur tal-OLAF ma kinux jirriflettu l-ħtija ta’ J. Dalli.

208    Barra minn hekk, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali ħalliet barra numru ta’ provi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni sensiela ta’ allegazzjonijiet negattivi magħmula mid-Direttur tal-OLAF matul il-konferenza stampa tiegħu.

209    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tas-sitt aggravju ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

210    Fil-punt 176 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, osservat li l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mid-Direttur tal-OLAF kienu jikkonċernaw b’mod partikolari “l-għarfien [li J. Dalli] kellu tal-aġir inkwistjoni u l-assenza ta’ reazzjoni min-naħa tiegħu f’dan ir-rigward”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li “ma setax jitqies li dawn il-konstatazzjonijiet issemmew b’mod intiż li jirrifletti l-ħtija [ta’ J. Dalli] jew li jinkoraġġixxi lill-pubbliku jemmen li huwa ħati”.

211    B’hekk, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-fatti li d-Direttur tal-OLAF semma matul il-konferenza stampa tas-17 ta’ Ottubru 2012, qabel ma wettqet evalwazzjoni tal-mod kif id-Direttur tal-OLAF kien ippreżenta dawn il-fatti. F’dan l-istess punt 176, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk tiżviluppa din it-tieni idea billi tiddeskrivi l-prekawzjonijiet meħuda mid-Direttur tal-OLAF sabiex jevita li l-kummenti tiegħu jkunu jistgħu jiġu interpretati bħala dikjarazzjoni ta’ ħtija ta’ J. Dalli.

212    Għaldaqstant, l-allegazzjoni li dan il-punt tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’kontradizzjoni ta’ motivi għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

213    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-ommissjoni ta’ ċerti provi, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan l-argument J. Dalli ma huwiex qiegħed isostni li l-Qorti Ġenerali injorat xi provi iżda qiegħed isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat waħda minn dawn il-provi effettivament evalwati minnha, jiġifieri t-traskrizzjoni tal-konferenza stampa tad-Direttur tal-OLAF tas-17 ta’ Ottubru 2012. Barra minn hekk, it-tieni parti tas-sitt aggravju hija ppreżentata taħt it-titolu “Żnaturament tal-provi”.

214    F’dan ir-rigward, huwa minnu li minn din it-traskrizzjoni jirriżulta li d-Direttur tal-OLAF, matul din il-konferenza stampa, ippreżenta b’mod kritiku l-aġir ta’ J. Dalli bħala Membru tal-Kummissjoni u ta x’jifhem li dan l-aġir seta’ kien marbut ma’ ċerti attivitajiet frawdolenti.

215    Madankollu, mill-imsemmija traskrizzjoni ma jirriżultax li d-Direttur tal-OLAF afferma b’mod ċar li J. Dalli kien wettaq reati kriminali.

216    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm it-traskrizzjoni tal-konferenza stampa inkwistjoni tista’ leġittimament tiġi interpretata b’diversi modi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat din it-traskrizzjoni billi marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dokument.

217    Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ewwel parti tas-sitt aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

218    Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi dwar il-portata tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

219    Fl-ewwel lok, skont J. Dalli, il-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi żgurat bilanċ bejn dan il-prinċipju u l-libertà ta’ espressjoni meta, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, għamlet riferiment għad-dritt tal-OLAF li jinforma lill-pubbliku bl-iktar mod preċiż possibbli, minkejja li tali dritt ma jinsabx stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”).

220    Fit-tieni lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-fatt li ċerti elementi espressi matul il-konferenza stampa organizzata mill-OLAF kienu diġà jinsabu fi stqarrijiet għall-istampa ppubblikati preċedentement minn J. Dalli jew mill-Kummissjoni kien ta’ natura li jiġġustifika ċertu preġudizzju għall-preżunzjoni ta’ innoċenza jew għall-prinċipju ta’ kunfidenzjalità li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li l-istqarrija għall-istampa ppubblikata minn J. Dalli kienet tikkonċerna l-konklużjonijiet tal-OLAF peress li din l-istqarrija kienet tippreċedi l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-OLAF.

221    Fit-tielet lok, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, qieset li kien rilevanti l-fatt li l-istqarrija għall-istampa ppubblikata mill-OLAF sussegwentement kellha l-għan li tikkorreġi informazzjoni inkorretta mxandra fil-media.

222    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tas-sitt aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

223    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali sabiex tiżgura bilanċ bejn il-preżunzjoni ta’ innoċenza u l-libertà ta’ espressjoni, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni ta’ innoċenza hija stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta. Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, bħala livell ta’ protezzjoni minima (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Kif osservat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punt 173 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta, minn naħa, li jkun hemm ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jekk deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali li tikkonċerna imputat tirrifletti s-sentiment li huwa ħati, f’sitwazzjoni fejn il-ħtija tiegħu ma tkunx ġiet stabbilita minn qabel b’osservanza tal-liġi u, min-naħa l-oħra, li, għalkemm l-awtoritajiet jistgħu jagħtu informazzjoni lill-pubbliku dwar l-investigazzjonijiet kriminali pendenti, huma għandhom jagħmlu dan b’diskrezzjoni sħiħa u bir-riżerva kollha li titlob l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Mejju 2014, Ilgar Mammadov vs Azerbajġan, CE:ECHR:2014:0522JUD001517213, punti 125 u 126).

225    F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li, kif sostna J. Dalli, din il-ġurisprudenza ma rrikonoxxietx lill-awtoritajiet pubbliċi l-possibbiltà li jinformaw lill-pubbliku, bl-iktar mod preċiż possibbli, dwar l-azzjonijiet implimentati fil-kuntest ta’ eventwali anomaliji jew frodi.

226    Madankollu, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-OLAF kien jibbenefika minn din il-possibbiltà iżda li, fit-tfittxija ta’ bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-OLAF kellu interess jiżgura tali informazzjoni lill-pubbliku.

227    Barra minn hekk, f’dan il-punt 175, meta evalwat il-kummenti magħmula mid-Direttur tal-OLAF matul il-konferenza stampa tas-17 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Ġenerali speċifikat ukoll li dawn kienu meqjusa u li d-Direttur tal-OLAF kien aġixxa bir-riżerva meħtieġa. B’hekk, il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB msemmija fil-punt 224 ta’ din is-sentenza.

228    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-punt 175 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi eżaminat jekk l-OLAF kienx ippreġudika l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

229    Fit-tieni lok, l-argumenti l-oħra ppreżentati minn J. Dalli insostenn tal-ewwel parti tas-sitt aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, sa fejn jikkonċernaw motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza.

230    Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li ċ-ċaħda tal-motiv ippreżentat fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-motiv tas-sentenza li d-Direttur tal-OLAF aġixxa bir-riżerva meħtieġa fil-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-OLAF u, min-naħa l-oħra, li l-elementi msemmija fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li fuqhom huwa bbażat dan il-motiv tas-sentenza, ma humiex ikkontestati b’mod validu minn J. Dalli.

231    Għaldaqstant, peress li l-imsemmi motiv tas-sentenza huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 223 u 224 ta’ din is-sentenza, li d-dikjarazzjonijiet tad-Direttur tal-OLAF ma kinux kisru l-Artikolu 48 tal-Karta, il-motivi supplimentari mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 175 u 177 tas-sentenza appellata, marbuta essenzjalment mal-fatt li ċerti elementi ta’ informazzjoni kienu diġà xxandru mill-Kummissjoni jew minn J. Dalli, ma humiex neċessarji sabiex tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 178 tas-sentenza appellata.

232    Fit-tielet lok, l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 179 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud ukoll bħala ineffettiv.

233    B’hekk, mill-punt 180 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tal-kontenut tal-istqarrija għall-istampa tad-19 ta’ Ottubru 2012, li, permezz ta’ din l-istqarrija, l-OLAF kien leġittimament informa lill-pubbliku bid-diskrezzjoni u bir-riżerva kollha meħtieġa.

234    Peress li dan il-motiv tas-sentenza huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 223 u 224 ta’ din is-sentenza, li l-OLAF kien osserva l-preżunzjoni ta’ innoċenza meta ħareġ din l-istqarrija, u peress li dan il-motiv tas-sentenza ma huwa s-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni f’dan l-appell, għandu jitqies li l-argumenti l-oħra magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt saru għal finijiet ta’ kompletezza.

235    Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata. Minn dan isegwi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq is-seba’ aggravju, dwar l-evalwazzjoni tad-dannu morali

 L-argumenti tal-partijiet

236    Permezz tas-seba’ aggravju, J. Dalli jsostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żnaturat ir-rikors fl-ewwel istanza meta qieset li ma kienx ġie stabbilit li l-aġir tal-Kummissjoni jew tal-OLAF inkwistjoni kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu dannu.

237    Il-Kummissjoni titlob li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv jew, sussidjarjament, infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

238    Mill-punt 218 tas-sentenza appellata jirriżulta espliċitament li d-dannu allegat u r-rabta kawżali ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza sa fejn din tal-aħħar kienet qieset, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, li J. Dalli ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-OLAF jew tal-Kummissjoni.

239    Peress li l-ewwel sas-sitt aggravju ta’ dan l-appell ġew miċħuda, għandu jitqies li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 217 tas-sentenza appellata ma hijiex ikkontestata b’mod utli minn J. Dalli.

240    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta ma jiġix stabbilit li aġir illegali jista’ jiġi attribwit lil istituzzjoni tal-Unjoni, ir-rikors għall-kumpens għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata r-realtà tad-dannu jew l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat.

241    Minn dan isegwi li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, sa fejn jikkonċerna motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ kompletezza.

242    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

243    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

244    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

245    Peress li l-Kummissjoni talbet li J. Dalli jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef fir-rigward tal-aggravji tiegħu, hemm lok li J. Dalli jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      John Dalli huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.