Language of document : ECLI:EU:C:2023:727

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

28 ta’ Settembru 2023 (*)(i)

“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem persuna fiżika fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għal dawk il-miżuri – Sospensjoni tal-proċess ta’ ‘inklużjoni mill-ġdid fil-lista’ ta’ din il-persuna – Pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu li jittieħdu miżuri dwar il-viżi maħruġa mill-Istati Membri – Miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Imħallef għal miżuri provviżorji”

Fil-Kawża C‑564/23 P(R),

li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑13 ta’ Settembru 2023,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Mahnič, R. Meyer u J. Rurarz, bħala aġenti,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Nikita Dmitrievich Mazepin, residenti f’Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn A. Bass, T. Marembert, D. Rovetta, avocats, M. Campa, M. Moretto u V. Villante, avvocati,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IrRepubblika talLatvja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RIII, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu l-istess president laqa’ t-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Nikita Dmitrievich Mazepin.

 Ilkuntest ġuridiku

 IdDeċiżjoni 204/145/PESK

2        L-Artikolu 1(1), (6) u (7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1218 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 159I, p. 526) jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:

[…]

e)      negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, jew negozjanti involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; […]

[…]

u persuni fiżiċi assoċjati magħhom jew mal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi […] kif elenkat fl-Anness.

[…]

6.      L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi, u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni [Ewropea], jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-[Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,] fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

7.      Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni ser tiġi kkunsidrata bħala mogħtija għajr jekk wieħed jew aktar mill-membri tal-Kunsill jagħmel oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta’ ħidma minn meta tiġi riċevuta n-notifika tal-eżenzjoni proposta. F’każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.”

 IrRegolament (UE) Nru 269/2014

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2014, L 78, p. 6), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 476/2014 tat‑12 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 137, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), jipprevedi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.”

4        L-Artikolu 14(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u għallanqas kull 12-il xahar.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

5        Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/397, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 118 u fil-ĠU 2022, L 156, p. 160), li permezz tagħha isem N. Mazepin ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145.

6        Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/396 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 117 u fil-ĠU 2022, L 154, p. 76), li permezz tiegħu N. Mazepin ġie inkluż mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, ta’ entitajiet u ta’ korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014.

7        Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1530 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 239, p. 149), li permezz tagħha ddeċieda li jżomm isem N. Mazepin fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145, billi jemenda r-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu f’din il-lista.

8        Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1529 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 239, p. 1), li permezz tiegħu N. Mazepin ġie inkluż, bl-istess modifika tal-motivi bħal dik imsemmija mal-punt preċedenti, mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, ta’ entitajiet u ta’ korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014.

9        Fit‑13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/572 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2023, L75I, p. 134), li permezz tagħha ddeċieda li jżomm isem N. Mazepin fil-lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi suġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145, billi jemenda r-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu f’din il-lista kif ukoll l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tiegħu.

10      Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/571 li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2023, L 75I, p. 1), li permezz tiegħu li permezz tiegħu isem A. Mazepin inżamm, bl-istess emenda tal-motivi u tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, ta’ entitajiet u ta’ korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2022, N. Mazepin ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2022/1530 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/1529, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“ewwel atti kontenzjużi”).

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Diċembru 2022, N. Mazepin ressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel atti kontenzjużi. Permezz tad-digriet tal‑1 ta’ Marzu 2023, Mazepin vs IlKunsill (T‑743/22 R, EU:T:2023:102), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba u ordna, parzjalment, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti, sa fejn dawn jikkonċernaw lil N. Mazepin.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ April 2023, N. Mazepin, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adatta r-rikors imsemmi fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, b’tali mod li dan huwa intiż ukoll għall-annullament tad-Deċiżjoni 2023/572 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/571 (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“tieni atti kontenzjużi”).

14      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, N. Mazepin ressaq it-tieni talba għal miżuri provviżorji intiża, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tieni atti kontenzjużi. Permezz tad-digriet tad‑19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RII, EU:T:2023:406), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba u ordna, parzjalment, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-atti, sa fejn dawn jikkonċernaw lil N. Mazepin.

15      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Settembru 2023, N. Mazepin ressaq it-tielet talba għal miżuri provviżorji.

16      Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba u ordna, essenzjalment:

–        fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-“inklużjoni mill-ġdid fil-lista” imħabbra ta’ N. Mazepin taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RII, EU:T:2023:406);

–        fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż li jindika b’mod ċar li s-sopensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din l-“inklużjoni mill-ġdid fil-lista” tħabbar,

–        fil-punt 3 tal-imsemmi dispożittiv, lill-Kunsill li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom, b’mod effettiv u komplet, mad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs IlKunsill (T‑743/22 RII, EU:T:2023:406), u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-viża maħruġa lil N. Mazepin fis‑7 ta’ Awwissu 2023 jew kull viża oħra li tista’ ssir neċessarja tkopri tal-inqas it-territorju tal-Istati Membri taż-żona Schengen u tibqa’ valida matul il-perijodu neċessarju sabiex N. Mazepin ikun jista’ jeżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija minn dan id-digriet, u

–        fil-punt 4 tal-istess dispożittiv, il-Kunsill għandu jinforma lill-President tal-Qorti Ġenerali bil-miżuri adottati.

17      Fl‑14 ta’ Settembru 2023, N. Mazepin ressaq, skont l-Artikolu 164 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talba għar-rettifika tad-digriet appellat.

18      Permezz tad-digriet tad‑19 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RIII), il-President tal-Qorti Ġenerali adotta miżuri provviżorji essenzjalment komparabbli ma’ dawk esposti fil-punt 16 ta’ dan id-digriet u annulla d-digriet appellat.

 Ittalbiet talpartijiet

19      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji; u

–        tirriżerva l-ispejjeż.

20      M. Mazepin jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, jew

–        tiċħad l-appell, u, fi kwalunkwe każ,

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

 Fuq ilfatt li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

 Argumenti

21      Mazepin isostni li, sa fejn, permezz tad-digriet tad‑19 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RIII), il-President tal-Qorti Ġenerali rrevoka d-digriet appellat, peress li dan l-appell ma għadx għandu skop u li, konsegwentement, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwaru.

 Kunsiderazzjonijiet

22      Mill-formulazzjoni stess tad-dispożittiv tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RIII), jirriżulta li d-digriet appellat huwa rrevokat.

23      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 159 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi li, fuq talba ta’ parti, digriet li jiddeċiedi fuq talba għal miżuri provviżorji jista’ f’kull ħin jiġi emendat jew revokat wara bidla fiċ-ċirkustanzi.

24      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji li jirrevoka digriet li ta miżura provviżorja ma twassalx għall-annullament retroattiv ta’ dan id-digriet, iżda biss għall-emenda jew it-tħassir tiegħu, peress li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jikkunsidra mill-ġdid, għall-futur biss, tali digriet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2002, IlKummissjoni vs Artegodan, C‑440/01 P(R), EU:C:2002:95, punt 65, u d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2022, IrRepubblika Ċeka vs IlPolonja (Minjiera ta’ Turów), C‑121/21 R, EU:C:2022:408, punt 22).

25      Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma jistax ikollha l-effett li tqiegħed inkwistjoni l-effetti passati ta’ digriet li ta miżura provviżorja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2022, IrRepubblika Ċeka vs IlPolonja (Minjiera ta’ Turów), C‑121/21 R, EU:C:2022:408, punt 23).

26      Minn dan isegwi li, mid-data tan-notifika tiegħu lill-partijiet, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs Il-Kunsill (T‑743/22 RIII), jista’, l-iktar l-iktar, iċaħħad id-digriet appellat minn kull effett, iżda ma jneħħix l-effett tiegħu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, sa fejn dan iħalli fis-seħħ l-effetti prodotti minn dan l-aħħar digriet bejn id-data tan-notifika tiegħu u dik tan-notifika tad-digriet li rrevokah.

27      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-appell għad għandu suġġett, b’tali mod li għandha tingħata deċiżjoni dwaru.

 Fuq lappell

28      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni u r-raba’, fuq żbalji manifesti ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-kompetenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ miżuri provviżorji u, il-ħames wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ liġi li jivvizzjaw il-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat.

 Fuq ilħames aggravju

 Argumenti

29      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li l-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat huwa vvizzjat minn diversi żbalji manifesti ta’ liġi.

30      Qabelxejn, il-miżura imposta fuq il-Kunsill f’dan il-punt 3 tikser it-tqassim tal-kompetenzi rifless fl-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, ma humiex il-qrati tal-Unjoni iżda l-Kunsill li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi dan id-digriet.

31      Sussegwentement, l-imsemmi punt 3 huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn jordna lill-Kunsill jadotta miżura li ma tirriżultax mill-kompetenza tiegħu. B’hekk, il-Kunsill ma għandux is-setgħa li jiggarantixxi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri. B’mod partikolari, la d-dritt primarju tal-Unjoni u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1); ma jippermettulux li jindaħal fil-ħruġ ta’ viżi mill-Istati Membri. Issa, konformement mal-Artikolu 13(2) TUE, il-Kunsill għandu jaġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu.

32      Fl-aħħar nett, fl-istess punt 3, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-prattika, impona ordni fuq l-Istati Membri u b’hekk eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu.

33      N. Mazepin isostni li l-Kunsill huwa obbligat jeżegwixxi l-miżuri li jinsabu fid-dispożittiv tad-digriet appellat, sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 13(2) TUE u mal-Artikolu 266 TFUE.

34      Barra minn hekk, huwa għandu kompetenza, iddefinita fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 32 TUE, sabiex jikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. B’hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni, mill-Istati Membri, tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑743/22 RII, EU:T:2023:406), il-Kunsill jista’, pereżempju, jinkoraġġixxi lil dawn l-Istati Membri jadottaw approċċ komuni li jikkonsisti fil-ħruġ ta’ viża uniformi lil N. Mazepin, filwaqt li jħalli lill-Istat Membru kkonċernat jevalwa jekk ir-raġunijiet invokati minn dan tal-aħħar sabiex jidħol fit-territorju tiegħu jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti minn dan id-digriet.

 Kunsiderazzjonijiet

35      Skont l-Artikolu 13(2) TUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑23 ta’ Ottubru 2007, IlParlament vs ilKummissjoni, C‑403/05, EU:C:2007:624, punt 49).

36      Din id-dispożizzjoni, li hija imposta fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, tipprekludi lill-Imħallef għal miżuri provviżorji milli jordna lill-Kunsill jadotta miżura waħda jew iktar li ma jirriżultawx mill-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni.

37      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-punt 3 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna lill-Kunsill jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom, b’mod effettiv u komplet, mad-digriet tal-President Ġenerali tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2023, Mazepin vs IlKunsill (T‑743/22 RII, EU:T:2023:406), u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-viża maħruġa lil N. Mazepin fis‑7 ta’ Awwissu 2023 jew kull viża oħra li tista’ ssir neċessarja tkopri tal-inqas it-territorju tal-Istati Membri taż-żona Schengen u tibqa’ valida matul il-perijodu neċessarju sabiex N. Mazepin ikun jista’ jeżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija minn dan id-digriet.

38      Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt primarju tal-Unjoni ma jagħtix lill-Kunsill kompetenza ġenerali sabiex jadotta miżuri li jirregolaw l-applikazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ atti bħall-ewwel jew it-tieni att kontenzjuż. B’mod partikolari, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, mill-Artikolu 32 TUE, li jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill dwar kull kwistjoni ta’ politika estera u ta’ sigurtà li hija ta’ interess ġenerali ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza lill-Kunsill jieħu miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri joħorġu viża fil-kundizzjonijiet previsti fid-digriet appellat.

39      Barra minn hekk, dan id-dritt lanqas ma jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jieħu miżuri individwali intiżi sabiex jiżgura l-ħruġ ta’ viża minn Stat Membru jew sabiex jiggarantixxi li tali viża jkollha portata ġeografika u temporali partikolari.

40      Fit-tieni lok, tali setgħa lanqas ma tingħata lill-Kunsill permezz ta’ atti tal-Unjoni li jarmonizzaw il-politiki mħaddna mill-Istati Membri fil-qasam tal-viżi. B’mod partikolari, tali setgħa bl-ebda mod ma hija prevista mir-Regolament Nru 810/2009.

41      Fit-tielet lok, għandu, ċertament, jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1218, jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’ċerti każijiet, dwar il-possibbiltà, għal Stat Membru, li joħroġ viża, b’deroga mill-miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni.

42      Madankollu, dan l-Artikolu 1(7) ma jippermettix lill-Kunsill jintervjeni ex officio fi Stat Membru jew li jindirizza lil Stat Membru istruzzjonijiet dwar il-ħruġ jew il-portata ta’ viża, iżda jagħti biss lil din l-istituzzjoni l-possibbiltà li tiddeċiedi jekk Stat Membru li jixtieq joħroġ viża jistax jidderoga minn dawn il-miżuri restrittivi, fil-każ fejn membru wieħed jew iktar tal-Kunsill ikunu opponew il-ħruġ ta’ din il-viża.

43      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma huwiex kompetenti sabiex jieħu l-miżuri msemmija fil-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat u li l-President tal-Qorti Ġenerali ma setax għalhekk, mingħajr ma jikser l-Artikolu 13(2) TUE, jordna lill-Kunsill jadotta tali miżuri.

44      Għaldaqstant il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

45      Sa fejn dan l-aggravju jirrigwarda biss il-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, hemm lok li jiġi eżaminat ukoll it-tieni aggravju.

 Fuq ittieni aggravju

 Argumenti

46      Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq, billi ordna l-miżuri msemmija fil-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, żball ta’ liġi manifest fir-rigward tal-portata tal-kompetenza tiegħu bħala Imħallef għal miżuri provviżorji.

47      L-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jieħu miżuri provviżorji sabiex jipproteġi l-effettività tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq talba għal miżuri provviżorji, li għandha l-għan li tippreżerva l-effettività tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq rikors prinċipali li għalih din it-talba hija anċillari.

48      F’dan il-każ, ir-rikors prinċipali ppreżentat minn N. Mazepin kien jirrigwarda erba’ atti tal-Unjoni. Konsegwentement, f’din il-proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jadotta miżuri provviżorji biss bl-għan li jippreżerva l-effettività ta’ eventwali deċiżjoni li tannulla dawn l-atti. Għaldaqstant, il-miżuri adottati skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu intiżi biss sabiex jippreżervaw l-effettività ta’ tali miżuri provviżorji.

49      Issa, il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz tad-digriet appellat, adotta miżuri li jirrigwardaw atti li ma humiex koperti mir-rikors prinċipali ppreżentat minn N. Mazepin u li kienu għadhom lanqas biss ġew adottati. B’dan il-mod, huwa eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu.

50      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 278 TFUE u tal-Artikolu 156(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li minnhom jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali jista’ biss jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat f’rikors prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali.

51      Għalkemm l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 156(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jippermettu, ċertament, lil din il-qorti tadotta tipi oħra ta’ miżuri provviżorji, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu madankollu li dawn il-miżuri jkunu marbuta ma’ rikors prinċipali ppreżentat quddiem l-imsemmija qorti mir-rikorrent ikkonċernat, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

52      N. Mazepin isostni, prinċipalment, li, permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mhux ta’ att futur, iżda ta’ proċedura amministrattiva li kienet pendenti fid-data li fiha ġie ffirmat dan id-digriet. Tali miżura tista’ tiġi adottata, skont l-Artikolu 279 TFUE, sabiex tiġi żgurata l-osservanza, mill-Kunsill, tad-digrieti għal miżuri provviżorji diġà adottati mill-President tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, f’kuntest fejn il-Kunsill manifestament jikser l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-digrieti tal-aħħar.

53      N. Mazepin isostni, sussidjarjament, li l-miżuri adottati mill-President tal-Qorti Ġenerali huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

54      B’mod iktar sussidjarju, huwa jsostni li kull difett ibbażat fuq in-natura antiċipata tad-digriet appellat issa jispiċċa, sa fejn, wara n-notifika tiegħu, huwa adatta t-talbiet tar-rikors għal annullament tiegħu.

 Kunsiderazzjonijiet

55      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm it-tieni aggravju jirrigwarda l-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, l-irregolarità tal-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv tirriżulta diġà mill-punt 43 ta’ dan id-digriet. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat biss sa fejn jirrigwarda l-punti 1 u 2 tal-imsemmi dispożittiv.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, jipprevedi li, għall-eżami tat-talbiet intiżi għall-ksib tal-miżuri previsti fl-Artikoli 278 u 279 TFUE, il-President jista’ jiddeċiedi “skond proċedura sommarja li tkun tista’ tidderoga safejn meħtieġ minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Istatut u li għandha tiġi stabbilita mir-Regoli tal-Proċedura”.

57      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 157(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jawtorizza lill-President tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxi terminu qasir għall-parti l-oħra għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub jew orali. Madankollu, l-Artikolu 157(2) ta’ dawn ir-regoli jipprevedi li l-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jilqa’ talba għal miżuri provviżorji mressqa minn parti qabel ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

58      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali, meta jiddeċiedi bħala Imħallef għal miżuri provviżorji, jista’ jiddeċiedi mingħajr ma jisma’ minn qabel lill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Price vs IlKunsill, C‑298/20 P(R), EU:C:2020:1006, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-qorti li tisma’ talba għal miżuri provviżorji tista’ tadotta tali miżuri kawtelatorji, anki qabel ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, jew sal-għoti tad-digriet li jtemm l-istanza għal miżuri provviżorji, jew sal-għeluq tal-proċedura prinċipali, jekk din isseħħ qabel, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Lulju 2023, VC vs EU-OSHA, C‑456/23 P(R)-R, EU:C:2023:612, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi b’hekk proċedura ta’ deroga intiża sabiex tippermetti li jiġu ordnati kemm jista’ jkun malajr miżuri provviżorji, sabiex jiġi żgurat li d-dekorriment taż-żmien neċessarju sabiex tingħata deċiżjoni, wara proċedura kontradittorja, dwar talba għal miżuri provviżorji, ma jkollux l-effett li jċaħħad lill-parti li tkun ressqet din it-talba minn protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti.

61      Xorta jibqa’ l-fatt li din il-proċedura derogatorja tikkostitwixxi modalità partikolari ta’ implimentazzjoni tal-Artikoli 278 u 279 TFUE kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni l-Kunsill, l-imsemmija proċedura ma tippermettix lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jieħu miżuri li ma jkunx awtorizzat jadotta skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE.

62      Sa fejn id-digriet appellat ma jippreċiżax jekk il-miżuri ordnati fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tiegħu humiex ibbażati fuq l-Artikolu 278 TFUE jew fuq l-Artikolu 279 TFUE, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri jirriżultawx mill-kompetenza mogħtija lill-Imħallef għal miżuri provviżorji minn xi wieħed minn dawn l-artikoli.

63      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 278 TFUE, dan jipprevedi li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx effett sospensiv, iżda li din il-qorti tista’ madankollu, jekk tqis li ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat.

64      Dan l-artikolu huwa implimentat mill-Artikolu 156(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jippreċiża li kull talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA hija ammissibbli biss jekk min iressaq it-talba jkun ikkontesta dan l-att b’rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

65      F’dan il-każ, fid-data li fiha ġie ffirmat id-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ġiet adita, fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat minn N. Mazepin quddiem din il-qorti, b’talbiet dwar id-Deċiżjonijiet 2022/1530 u 2023/572 kif ukoll ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2022/1529 u 2023/571 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”).

66      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet ma humiex formalment ippreżentati bħala li jiddikjaraw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att wieħed jew iktar ikkontestati minn N. Mazepin quddiem il-Qorti Ġenerali.

67      Dawn il-punti lanqas ma jistgħu jitqiesu li jordnaw, essenzjalment, is-sospensjoni ta’ ċerti effetti ta’ dawn l-atti.

68      Fil-fatt, il-proċess ta’ “inklużjoni mill-ġdid fil-lista”, li l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat jordna s-sospensjoni tiegħu, huwa intiż li jemenda, minn naħa, id-Deċiżjoni 2014/145 billi din tal-aħħar tiġi estiża u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 269/2014 billi jimplimenta l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 14(4) tiegħu, li l-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament tiġi rriveduta f’intervalli regolari.

69      Għaldaqstant, peress li l-atti kontenzjużi jillimitaw ruħhom ukoll li jemendaw id-Deċiżjoni 2014/145 u r-Regolament Nru 269/2014, mingħajr madankollu ma jobbligaw lill-Kunsill jibda fil-futur proċess ġdid ta’ “inklużjoni mill-ġdid fil-lista”, il-proċess imsemmi f’dan il-punt 1 ma jistax jitqies li jikkostitwixxi effett jew miżura ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-atti.

70      Fir-rigward tal-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, dan jordna l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, pubblikazzjoni li la hija prevista u lanqas ipprojbita mill-imsemmija atti.

71      Minn dan jirriżulta li l-punti 1 u 2 ta’ dan id-dispożittiv ma setgħux validament ikunu bbażati fuq l-Artikolu 278 TFUE.

72      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 279 TFUE, dan l-artikolu jipprevedi li, fil-kawżi mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

73      Dan l-artikolu jagħti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jingħataw, li jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’ordnijiet xierqa u f’miżuri anċillari intiżi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-miżuri provviżorji ordnati minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ April 2008, IlKummissjoni vs Malta, C‑76/08 R, EU:C:2008:252, punt 19, kif ukoll id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punti 96, 97 u 99).

74      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali miżuri provviżorji għandu jkollhom rabta diretta mas-suġġett tar-rikors prinċipali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Ottubru 1976, Société pour l’Exportation des Sucres vs IlKummissjoni, 88/76 R, EU:C:1976:140, punt 5, u tas‑16 ta’ Diċembru 1980, Metallurgica Rumi vs IlKummissjoni, 258/80 R, EU:C:1980:296, punt 21), rekwiżit li huwa essenzjalment imfakkar fl-Artikolu 156(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi li kull talba relatata ma’ waħda mill-miżuri provviżorji msemmija fl-Artikolu 279 TFUE hija ammissibbli biss jekk toriġina minn parti prinċipali f’kawża li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali u jekk hija tirreferi għal din il-kawża.

75      F’dan il-kuntest, il-miżuri provviżorji adottati skont l-Artikolu 279 TFUE ma għandhomx imorru lil hinn mill-kuntest tat-tilwima kif determinat mir-rikors prinċipali, sa fejn dawn ma jistax ikollhom għan ieħor ħlief li jissalvagwardjaw l-interessi ta’ waħda mill-partijiet f’tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex ma jrendux illużorja s-sentenza li ttemm l-istanza prinċipali billi jċaħħduha mill-effettività tagħha. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs IlKummissjoni, C‑313/90 R, EU:C:1991:220, punt 24, kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ April 2008, IlKummissjoni vs Malta, C‑76/08 R, EU:C:2008:252, punt 15).

76      Għaldaqstant, peress li sentenza ta’ annullament għandha l-effett li telimina retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, IlKummissjoni vs IlKunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 60), l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, jordna lil istituzzjoni tal-Unjoni li ma tadottax att li jikkostitwixxi forma ta’ eżekuzzjoni tal-att annullat jew li jkollu bħala konsegwenza li jagħti natura definittiva lil ċerti effetti ta’ dan l-aħħar att.

77      Min-naħa l-oħra, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax, mingħajr ma jmur lil hinn mill-kuntest ta’ kawża dwar rikors għal annullament, jordna lil istituzzjoni tal-Unjoni tissospendi proċedura li ma tiddependix mill-att ikkontestat, sabiex jiġi evitat li l-att adottat fi tmiem din il-proċedura jkollu l-istess illegalità bħal dik imsemmija f’dan ir-rikors.

78      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ annullament ta’ regolament li l-effett tiegħu huwa limitat għal perijodu ta’ żmien iddefinit sew, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tiegħu għandha l-obbligu li teskludi testi ġodda li għandhom iseħħu wara s-sentenza ta’ annullament, sabiex tirregola perijodi sussegwenti għal din is-sentenza, peress li kull dispożizzjoni għandha l-istess kontenut bħal dik meqjusa illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs IlKummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 29).

79      Madankollu, minn naħa, għalkemm l-awtorità assoluta li tgawdi sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mal-parti dispożittiva tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ tas-sentenza, hija ma tistax twassal għall-annullament ta’ att li ma jkunx ġie kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni li jkun ivvizzjat bl-istess illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, IlKummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 54). Min-naħa l-oħra, ma humiex dawn il-qrati li għandhom jindikaw, fil-kuntest ta’ sentenza ta’ annullament, il-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-istituzzjoni kkonċernata sabiex teżegwixxi din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u KZO Chemie UK vs IlKummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 23, kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 1993, Foyer culturel du Sart-Tilman vs IlKummissjoni, C‑199/91, EU:C:1993:205, punt 17).

80      Minn dan isegwi li sentenza ta’ annullament ma tistax twassal direttament sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ att sussegwenti għall-att annullat minħabba l-fatt li dan l-att sussegwenti huwa vvizzjat bl-istess illegalità bħal dik li tivvizzja l-att annullat.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji li jordna lil istituzzjoni tal-Unjoni tissospendi proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ tali att sussegwenti jwassal sabiex jiggarantixxi lir-rikorrent ikkonċernat mhux protezzjoni kontra l-effetti ta’ atti adottati minn istituzzjoni, kif prevista mid-dritt primarju tal-Unjoni, iżda protezzjoni preventiva ta’ kull tip ieħor.

82      Sabiex tiġi ggarantita tali protezzjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji huwa għalhekk obbligat li jwettaq evalwazzjoni fuq kwistjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni kkonċernata għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi, fatt li jkollu bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-dibattiti fil-mertu kif ukoll konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs IlKummissjoni , 60/81, EU:C:1981:264, punt 20), filwaqt li ma huwiex dan l-imħallef li għandu jissostitwixxi ruħu għal din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 1969, IlĠermanja vs IlKummissjoni, 50/69 R, EU:C:1969:42, p. 451).

83      Barra minn hekk, l-assenza ta’ kompetenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jordna lil istituzzjoni tal-Unjoni tissospendi proċedura li ma tiddependix minn att ikkontestat, sabiex jiġi evitat li l-att adottat fi tmiem din il-proċedura jkollu l-istess illegalità bħal dik allegata f’rikors għal annullament, ma huwiex, kuntrarjament għal dak li jsostni N. Mazepin, tali li jċaħħad lil dan tal-aħħar mill-protezzjoni ġudizzjarja li jagħtih id-dritt primarju tal-Unjoni, sa fejn dan l-aħħar att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji, li tista’, jekk ikun il-każ, tkun intiża sabiex jingħataw miżuri provviżorji skont l-Artikolu 156(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

84      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 65 ta’ dan id-digriet, fid-data li fiha ġie ffirmat id-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ġiet adita, fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat minn N. Mazepin quddiem din il-qorti, b’talbiet li jirrigwardaw l-atti kontenzjużi.

85      Issa, minn naħa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 68 u 69 ta’ dan id-digriet, l-atti li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċess ta’ “inklużjoni mill-ġdid fil-lista” inkwistjoni f’dan il-każ għandhom jitqiesu bħala li jirriżultaw minn proċedura li ma tiddependix mill-atti kontenzjużi u, b’mod partikolari, bħala li ma jimplimentawx dawn l-aħħar atti.

86      Min-naħa l-oħra, l-atti li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan il-proċess huma intiżi, fid-dawl tal-prattika ta’ din l-istituzzjoni, li jkunu applikabbli għal perijodu sussegwenti għal dak irregolat mill-atti kontenzjużi, b’tali mod li ma jistgħux jirrendu definittivi l-effetti ta’ dawn l-aħħar atti.

87      Minn dan jirriżulta li l-miżura ordnata fil-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat hija nieqsa minn rabta diretta mas-suġġett tar-rikors għal annullament ippreżentat minn N. Mazepin quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-assenza ta’ tali rabta, din il-miżura ma tistax titqies li tikkostitwixxi miżura anċillari intiża sabiex tiggarantixxi l-effettività tal-miżuri provviżorji diġà ordnati mill-President tal-Qorti Ġenerali fid-digrieti preċedenti li huwa ta f’din il-kawża, imsemmija fil-punti 12 u 14 ta’ dan id-digriet, peress li, permezz tagħhom, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna sospensjoni tal-eżekuzzjoni parzjali tal-atti koperti minn dan ir-rikors għal annullament. Minn dan isegwi li l-miżura ordnata f’dan il-punt 1 ma setgħetx tiġi adottata b’mod validu skont l-Artikolu 279 TFUE.

88      L-istess japplika għall-miżura ordnata fil-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, peress li din sempliċement tiżgura l-pubbliċità tal-miżura ordnata fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet.

89      Il-fatt li N. Mazepin, wara d-data tal-iffirmar tad-digriet appellat, ippreżenta nota ta’ adattament tat-talbiet tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali huwa, fi kwalunkwe każ, irrelevanti għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sa fejn din in-nota hija intiża għall-annullament ta’ atti ġodda adottati mill-Kunsill, atti li ma humiex direttament koperti mill-miżuri li jinsabu fid-dispożittiv ta’ dan id-digriet.

90      Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’ u li hemm lok, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju, li d-digriet appellat jiġi annullat fl-intier tiegħu, sa fejn il-punt 4 tad-dispożittiv tiegħu ma jistax jiġi sseparat mill-punti 1 sa 3 ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq ittalba għal miżuri provviżorji ppreżentata quddiem ilQorti Ġenerali

91      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-istatut (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó t vs IlParlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 172 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda qabel ma l-partijiet l-oħra fil-proċedura ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 157(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li għalhekk hemm lok li tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq lispejjeż

94      Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Settembru 2023, Mazepin vs IlKunsill (T743/22 RIII), huwa annullat.

2)      Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i      Fil-punt 18 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.