Language of document : ECLI:EU:T:2003:343

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Diċembru 2003 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kompetenza tal-Kummissjoni – Diskriminazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ l-ajru – Suq settorjali u ġeografiku rilevanti – Rabta bejn is-swieq settorjali allegatament affettwati – Bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata – Eżistenza tal-pożizzjoni dominanti – Użu abbużiv tal-pożizzjoni dominanti – Proporzjonalità ta’ l-ammont tal-multa”

Fil-Kawża T‑219/99,

British Airways plc, stabbilita f’Waterside (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn W. Allan u O. Black, solicitors,  W. Wood u H. Davies, barristers, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Erhart, bħala aġent, assistit minn A. Barav, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Virgin Atlantic Airways Ltd, stabbilita fi Crawley (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Binetter, solicitor, N. Green u C. West, barristers,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni 2000/74/KE tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Lulju 1999, dwar proċedura skond l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (IV/D-2/34.780 Virgin vs British Airways) (ĠU 2000, L 30, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla),

komposta minn: B. Vesterdorf, President, M. Jaeger u H. Legal, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Skond it-tieni premessa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/74/KE, tal-14 ta’ Lulju 1999, dwar proċedura skond l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (IV/D‑2/34.780 Virgin vs British Airways) (ĠU 2000, L 30, p. 1, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), British Airways plc (iktar ’il quddiem, “BA”) hija l-ikbar kumpannija ta’ l-ajru Britannika. Hija tuża hub network iċċentrat fuq l-ajruporti tar-reġjun ta’ Londra. Matul il-perijodu rilevanti, in-netwerk ta’ rotot skedati kien iservi ħmistax-il destinazzjoni ġewwa r-Renju Unit u 155 destinazzjoni internazzjonali f’72 pajjiż. Fl-1997, BA kienet tokkupa l-ewwel post fid-dinja f’termini ta’ numru ta’ passiġġieri-kilometri ttrasportati fuq titjiriet skedati internazzjonali, u d-disa’ post għal passiġġieri-kilometri ttrasportati fuq titjiriet skedati internazzjonali u interni magħduda flimkien.

2        Id-dħul mill-bejgħ konsolidat ta’ BA matul is-sena li għalqet fil-31 ta’ Marzu 1998 kien ta’ GBP 8 642 miljun (sterlina), li minnu hija għamlet GBP 460 miljun bħala profitti netti. Matul l-istess sena, BA impjegat medja ta’ 60 675 persuna.

3        Virgin Atlantic Airways Ltd (iktar ’il quddiem, “Virgin”) hija impriża privata, ikkostitwita bħala kumpannija taħt id-dritt Ingliż, u topera servizzi skedati tal-passiġġieri fuq numru ta’ rotot internazzjonali. Fl-1997, din kienet fil-21 post fid-dinja fir-rigward tan-numru ta’ passiġġieri-kilometri ttrasportati fuq titjiriet skedati internazzjonali u fil-wieħed u tletin post f’termini ta’ passiġġieri-kilometri ttrasportati fuq titjiriet skedati internazzjonali u interni magħduda flimkien. Id-dħul mill-bejgħ ta’ Virgin matul is-sena li għalqet fit-30 ta’ April 1998, kien ta’ madwar GBP 942 miljun. Hija impjegat madwar 4 522 persuna sa l-aħħar tas-sena 1997.

4        BA kkonkludiet ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u akkreditati mill-International Air Transport Association (IATA) diversi ftehim li kien jintitolahom għal kummissjoni standard bażika fuq il-bejgħ minn dawn l-aġenti ta’ biljetti ta’ l-ajru ta’ BA. Bejn l-1976 u l-1997, din il-kummissjoni kienet tammonta għal 9 % għall-bejgħ ta’ biljetti internazzjonali u 7.5 % għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru għal titjiriet interni.

5        Minbarra dik is-sistema ta’ kummissjoni bażika, BA kkonkludiet diversi ftehim ma’ l-aġenti ta’ l-ivvaġġar ta’ l-IATA li kien fihom tliet sistemi differenti ta’ inċentivi finanzjarji: “ftehim kummerċjali”, “ftehim globali” u fl-aħħar nett, “sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni”.

 Il-ftehim kummerċjali u l-ftehim globali

6        L-ewwel sistema ta’ inċentivi li BA stabbilixxiet kienet ikkostitwita minn “ftehim kummerċjali” li kienu jippermettu lil ċerti aġenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-IATA stabbiliti fir-Renju Unit li jirċievu ħlasijiet miżjudin mal-kummissjoni bażika tagħhom, jiġifieri:

–        premium ta’ produzzjoni, flimkien ma’ ċerti premiums speċjali, ibbażati fuq il-volum ta’ setturi fejn ikunu saru titjiriet ta’ BA;

–        ammonti ta’ flus minn fond għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar biex jużawhom għat-taħriġ tal-persunal tagħhom;

–        ammonti ta’ flus minn fond ta’ żvilupp kummerċjali stabbilit minn BA sabiex iżżid id-dħul tagħha u li r-riżorsi tiegħu kellhom jintużaw minn kull aġent għall-iffinanzjar ta’ proġetti promozzjonali favur BA.

7        Il-ftehim kummerċjali kien jeħtieġ ukoll li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit ma jagħtux trattament lil BA li jkun inqas favorevoli minn dak li huma jagħtu lil kwalunkwe linja ta’ l-ajru oħra, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jintwerew it-tariffi tagħhom, il-prodotti tagħhom, il-brochures u l-iskedi tal-ħin tagħhom.

8        Dawn il-ftehim kummerċjali, konklużi għal sena, kienu fil-prinċipju riżervati għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-IATA stabbiliti fir-Renju Unit li jkollhom bejgħ ta’ iktar minn GBP 500 000 fis-sena ta’ biljetti ta’ BA (iktar ’il quddiem, id-“dħul mit-titjiriet”). L-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li kellhom dħul mit-titjiriet li jaqbeż GBP 500 000, imma inqas minn GBP 10 miljun setgħu jidħlu fi ftehim kummerċjali standard. L-aġenti li kellhom dħul mit-titjiriet li jaqbeż GBP 10 miljun daħlu fi ftehim kummerċjali nnegozjat individwalment ma’ BA.

9        Il-premium ta’ produzzjoni kien ikkalkolat fuq skala progressiva, ibbażata fuq iż-żieda fid-dħul mit-titjiriet ta’ BA minn aġent ta’ l-ivvjaġġar. Barra mill-premium ta’ produzzjoni ġenerali, ċerti rotot kienu jikkwalifikaw għal premium ta’ produzzjoni speċjali.

10      Il-ħlas tal-premium ta’ produzzjoni jew tal-premium speċjali kien suġġett għaż-żieda mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar tal-bejgħ tagħhom ta’ biljetti ta’ BA minn sena għall-oħra. Bħala regola ġenerali, għalkemm l-ebda premium minn dawn it-tnejn ma kien jitħallas fir-rigward ta’ setturi b’titjiriet interni ta’ BA ġewwa r-Renju Unit, dawk is-setturi ġew ikkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-għanijiet tal-bejgħ intlaħqux, billi dawn l-għanijiet kienu kkalkolati f’termini ta’ dħul mit-titjiriet, inkluż titjiriet fit-tul (longhaul), f’distanzi qosra (shorthaul) u interni.

11      Flimkien mal-ftehim kummerċjali, BA kkonkludiet it-tieni tip ta’ ftehim ta’ inċentiv (iktar ’il quddiem, il-“ftehim globali”) ma’ tliet aġenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-IATA. Għall-istaġun tax-xitwa 1992/1993, BA waqqfet programmi ta’ inċentiv mondjali ma’ tliet aġenti ta’ l-ivvjaġġar li kien jintitolahom li jirċievu kummissjonijiet addizzjonali kkalkolati fuq il-bażi tat-tkabbir tas-sehem ta’ BA fil-bejgħ tagħhom mad-dinja kollha.

12      Fid-9 ta’ Lulju 1993, Virgin ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni li jikkonċerna, b’mod partikolari, dawn il-ftehim kummerċjali.

13      Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura fir-rigward ta’ dawn il-ftehim kummerċjali konklużi minn BA ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u adottat, fl-20 ta’ Diċembru 1996, dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kontra BA. BA għamlet l-osservazzjonijiet orali tagħha fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 1997.

 Is-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni

14      Fis-17 ta’ Novembru 1997, BA bagħtet lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kollha stabbiliti fir-Renju Unit ittra fejn spjegat il-modalitajiet tat-tielet tip ta’ ftehim ta’ inċentivi li jikkonsistu f’sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 1998 (iktar ’il quddiem, is-“sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni”).

15      Minbarra r-rata ta’ kummissjoni fissa ġdida ta’ 7 % applikata għall-biljetti kollha mibjugħin fir-Renju Unit, kull aġent ta’ l-ivvjaġġar seta’ jaqla’ kummissjoni addizzjonali li tasal sa 3 % għall-biljetti internazzjonali u sa 1 % għall-biljetti ta’ titjiriet interni. L-importanza ta’ l-element varjabbli addizzjonali għall-biljetti ta’ titjiriet interni u internazzjonali kienet tiddependi fuq ir-riżultati miksubin mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar fil-bejgħ tal-biljetti ta’ BA. Il-produzzjoni ta’ l-aġenti kienet titkejjel billi jiġi pparagunat id-dħul mit-titjiriet totali ġej mill-bejgħ tal-biljetti ta’ BA maħruġin mill-aġent f’xahar kalendarju partikolari ma’ dak li jsir matul ix-xahar korrispondenti fis-sena ta’ qabel.

16      Bis-saħħa tas-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni, kull punt ta’ perċentwali ta’ titjib fir-riżultati li jaqbeż ir-rata ta’ riferiment ta’ 95 % kien ifisser l-għoti lill-aġent ta’ l-ivvjaġġar ta’ element varjabbli addizzjonali ta’ 0.1 % li jikkostitwixxi l-kummissjoni addizzjonali fuq il-bejgħ tal-biljetti internazzjonali u li jiżdied mal-kummissjoni bażika ta’ 7 %. Għall-bejgħ ta’ biljetti għal titjiriet interni, l-element varjabbli kien ta’ 0.1 % għal kull żieda ta’ 3 % tal-bejgħ li jaqbeż ir-rata ta’ riferiment ta’ 95 %. L-element varjabbli massimu li seta’ jirċievi aġent ta’ l-ivvjaġġar fil-kuntest tas-sistema ġdida ta’ premiums kien ta’ 3 % fuq il-biljetti internazzjonali u ta’ 1 % fuq il-biljetti interni, meta l-livell ta’ produzzjoni kien ta’ l-inqas 125 % fiż-żewġ każijiet.

17      Għalhekk, meta aġent jilħaq riżultat, għal xahar kalendarju partikolari, ta’ 112 %, l-element varjabbli għall-biljetti internazzjonali kien ta’ 1.7 % [(112 - 95) × 0.1 %] tad-dħul mit-titjiriet internazzjonali kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-premium għal dak ix-xahar. Iżda, għall-istess grad ta’ riżultat, l-element varjabbli fuq il-biljetti interni kien ta’ 0.5 % [(112 - 95) ÷ 3 × 0.1 %] tad-dħul minn titjiriet interni kkunsidrat għall-kalkolu tal-premium għax-xahar kalendarju. Il-ħlasijiet ta’ l-elementi varjabbli taħt is-sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni kienu jsiru kull xahar.

18      Fil-bidu, is-sistema l-ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni kellha tapplika sal-31 ta’ Marzu 1999. Għax-xahar ta’ Diċembru 1997, BA stabbilixxiet sistema tranżitorja li tikkonsisti fiż-żieda tas-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni mal-kummissjonijiet standard li kienu jeżistu qabel, ta’ 9 % u ta’ 7.5 % għall-biljetti internazzjonali u interni, rispettivament. Fit-8 ta’ Frar 1999, BA ħabbret li din is-sistema ma kinitx ser titkompla matul is-sena 1999/2000.

19      Fid-9 ta’ Jannar 1998, Virgin ressqet ilment addizzjonali kontra din is-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA. Fit-12 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali fir-rigward ta’ din is-sistema ġdida.

 Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni

20      Fl-14 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) adottat id-deċiżjoni kkontestata li pprovdiet li kull rotta ta’ l-ajru li fiha topera BA minn u lejn l-ajruporti tar-Renju Unit tikkostitwixxi potenzjalment suq għas-servizzi tat-trasport bl-ajru separat (premessa 80) u li s-suq ġeografiku rilevanti għat-trasport bl-ajru huwa s-suq tar-Renju Unit (premessa 83).

21      Skond il-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jipprovdu lill-kumpanniji ta’ l-ajru b’servizzi li jikkonsistu fil-promozzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru pprovduti mill-kumpanniji ta’ l-ajru, biex jassistu lill-vjaġġaturi fl-għażla tas-servizzi ta’ trasport xierqa u biex iwettqu xogħol amministrattiv ta’ ħruġ ta’ biljetti, jirċievu l-flus li jħallas il-vjaġġatur u jgħadduhom lill-kumpannija ta’ l-ajru. Għal dawn is-servizzi, il-kumpanniji ta’ l-ajru jħallsu lill-aġenti kummissjonijiet skond il-bejgħ tal-biljetti li jsir permezz ta’ dawn l-aġenti.

22      Imbagħad il-Kummissjoni kkunsidrat li BA hija xerrejja f’pożizzjoni dominanti fis-suq Britanniku ta’ servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivjaġġar bl-ajru, minħabba, b’mod partikolari, il-perċentwali li l-bejgħ tal-biljetti ta’ BA jirrappreżenta fit-total tal-bejgħ tal-biljetti ta’ l-ajru li jsir fit-territorju tar-Renju Unit fil-kuntest tas-sistema ta’ ħlas ta’ l-IATA għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar (premessi 90 u 91).

23      Fil-premessi 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża l-modalitajiet tal-ftehim kummerċjali tas-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni f’dawn it-termini:

“(29) Is-sistemi ta’ kummissjonijiet applikabbli għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li huma deskritti iktar ’il fuq għandhom karatterisitika importanti inkomuni. Fiż-żewġ każijiet, it-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ tkabbir fil-bejgħ ifisser żieda tal-kummissjoni mħallsa fuq il-biljetti mibjugħin mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar in kwistjoni, u mhux biss fuq il-biljetti mibjugħin ladarba l-għan jintlaħaq. Fil-ftehim kummerċjali, il-premium mħallas fuq kull biljett lill-aġent ta’ l-ivvjaġġar jiżdied għal kull biljett mibjugħ. Fil-kuntest tas-sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni, l-perċentwali ta’ kummissjoni mħallsa tiżdied għall-biljetti kollha mibjugħin mill-aġent. Dan ifisser li, meta aġent ikun ser jilħaq wieħed miż-żewġ livelli meħtieġa biex jibbenefika miż-żieda fir-rata tal-kummissjoni, il-bejgħ ta’ ftit biljetti ta’ BA addizzjonali jista’ jkollu effett konsiderevoli fuq l-ammont tad-dħul li jirċievi f’kummissjonijiet. Min-naħa l-oħra, kompetitur ta’ BA li jixtieq jagħti lil aġent ta’ l-ivvjaġġar vantaġġ biex jagħtih inċentiv biex ibiegħ il-biljetti tiegħu ta’ l-ajru minflok il-biljetti BA għandu, biex jinnewtralizza dan l-effett, joffri perċentwali ta’ kummissjoni ferm ogħla minn dik li tħallas BA fuq il-biljetti kollha mibjugħin minn dan l-aġent.

(30) Dan l-effett tas-sistemi ta’ kummissjonijiet ta’ BA huwa spjegat sewwa permezz ta’ eżempju. Nassumu li l-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru internazzjonali mibjugħin minn aġent ta’ l-ivvjaġġar jammonta għal GBP 100 000 fix-xahar fis-sena ta’ riferiment. Jekk ibiegħ b’GBP 100 000 ta’ biljetti ta’ l-ajru internazzjonali ta’ BA fix-xahar jirċievi kummissjoni ta’ 7 % u ‘premium ta’ produzzjoni’ ta’ 0.5 % ([100 % - 95 %] × 0.1 %), li jwassal għal dħul mill-kummissjoni totali fuq il-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru internazzjonali ta’ GBP 7 500 (100 000 × [7 % + 0.5 %]). Jekk l-aġent ta’ l-ivvjaġġar jgħaddi 1 % tal-bejgħ tal-biljetti internazzjonali lil kompetitur ta’ BA, il-“premium ta’ produzzjoni” tiegħu jonqos għal 0.4 % ([99 % - 95 %] × 0.1 %) u din ir-rata mnaqqsa tiġi applikata għall-bejgħ kollu tiegħu ta’ biljetti ta’ BA. B’dan il-mod, id-dħul tiegħu bħala kummissjoni mill-bejgħ ta’ biljetti internazzjonali ta’ BA jaqa’ għal GBP 7 326 (99 000 × [7 % +0.4 %]). Tnaqqis ta’ GBP 1 000 f’bejgħ ta’ biljetti internazzjonali ta’ BA jwassal għal tnaqqis ta’ GBP 174 fid-dħul tal-kummissjoni. Għalhekk, ir-rata tal-kummissjoni ‘marġinali’ tkun ta’ 17.4 %. Fil-prattika, dan ifisser li kompetitur ta’ BA li jista’ joffri titjiriet li jieħdu post l-GBP 1 000 ta’ bejgħ ta’ biljetti ta’ BA ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ikollu joffri kummissjoni ta’ 17.4 % fuq dawn il-biljetti biex jikkumpensa lill-aġent ta’ l-ivvjaġġar għat-telf ta’ dħul (f’termini ta’ kummissjonijiet mhux imħallsin minn BA). Għalkemm BA jkollha wkoll toffri din ir-rata marġinali għolja biex tkabbar il-bejgħ tal-biljetti tagħha, hija għandha vantaġġ fuq il-kompetitur tagħha li jkollu joffri din ir-rata għolja ta’ kummissjoni fuq il-bejgħ tiegħu kollu [...]

Dan l-effett jiżdied jekk in-numru ta’ biljetti in kwistjoni huwa perċentwali iżgħar tal-bejgħ tal-punt ta’ riferiment ta’ biljetti ta’ BA magħmul mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Dan l-effett jiżdied ukoll jekk l-aġent ta’ l-ivvjaġġar mhux biss jaqla’ kummissjonijiet addizzjonali taħt is-sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni imma jaqla’ wkoll premiums taħt ftehim kummerċjali’.”

24      Il-Kummissjoni tikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata li, fl-applikazzjoni tal-ftehim kummerċjali u s-sistema l-ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru stabbiliti fir-Renju Unit, BA abbużat mill-pożizzjoni dominanti li kellha fis-suq Britanniku tas-servizzi ta’ l-aġenziji tal-vjaġġi bl-ajru (premessa 96).

25      L-applikazzjoni minn BA tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti billi din l-applikazzjoni għandha l-effett, minn naħa, li tħajjar lil dawn l-aġenti jżommu jew iżidu l-bejgħ tagħhom ta’ biljetti ta’ BA, minflok ma jbiegħu s-servizzi tagħhom lill-kompetituri ta’ BA, billi dawn l-inċentivi finanzjarji ma jiddependux mill-volum ta’ bejgħ f’ċifri assoluti ta’ biljetti ta’ BA li dawn l-aġenti jagħmlu (premessa 102), u, min-naħa l-oħra, li timponi fuq l-aġenti in kwistjoni kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti (premessa 109).

26      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġir abbużiv ta’ BA fis-suq Britanniku tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru għandu l-effett li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn BA u l-kumpanniji l-oħrajn ta’ l-ajru fis-swieq Britanniċi ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru (premessi 103 u 111).

27      Għaldaqstant, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa redatt kif ġej:

“Artikolu 1

[BA] kisret l-Artikolu 82 [KE] meta applikat sistemi ta’ kummissjoni u inċentivi oħrajn għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li mingħandhom tixtri servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru fir-Renju Unit, billi dawn is-sistemi u dawn l-inċentivi għandhom bħala għan u bħala effett, billi tiġi ppremjata l-fedeltà mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u billi ssir diskriminazzjoni bejniethom, li jeskludu lill-kompetituri ta’ BA mis-swieq tar-Renju Unit għat-trasport bl-ajru.

Artikolu 2

Għall-ksur msemmi fl-Artikolu 1, qiegħda tiġi imposta multa ta’ EUR 6.8 miljun fuq [BA].

[…]”

 Il-kawża

28      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Ottubru 1999, BA ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, lilha nnotifikata fis-27 ta’ Lulju 1999.

29      B’att ippreżentat fl-10 ta’ April 2000, Virgin talbet li tintervjeni f’din il-kawża biex issostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

30      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ April 2000, il-kumpannija Air France talbet ukoll li tintervjeni f’din il-kawża, insostenn għat-talbiet għal annullament ta’ BA, filwaqt li sostniet li s-soluzzjoni ta’ din il-kawża se jkollha impatt fuq il-pożizzjoni li l-Kummissjoni se tkun mitluba tadotta fil-kuntest ta’ proċedura diretta kontra s-sistemi ta’ inċentivi kummerċjali applikati mill-Air France għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

31      B’digriet tad-9 ta’ Frar 2001, intlaqgħet it-talba għal intervent ta’ Virgin kif ukoll it-talba ta’ BA li ċerti dokumenti għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali fir-rigward ta’ Virgin.

32      Min-naħa l-oħra, it-talba għal intervent ta’ Air France ġiet miċħuda, u dan minħabba li ma kellhiex interess fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża, billi kull impatt li s-sentenza jista’ jkollha fuq deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tista’ tadotta kontra Air France ma kienx jaqa’ taħt is-suġġett ta’ din il-kawża.

33      B’deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat fl-Ewwel Awla, li lilha, għalhekk, ġiet assenjata l-kawża.

34      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lil BA u lill-Kummissjoni sabiex jirrispondu ċerti mistoqsijiet. BA u l-Kummissjoni ssodisfaw dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Virgin, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Insostenn tar-rikors tagħha, BA tinvoka tmien motivi bbażati, rispettivament, fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni, il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, id-definizzjoni żbaljata tas-suq settorjali u ġeografiku rilevanti, in-nuqqas ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib bejn is-swieq settorjali allegatament affettwati, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq bażi legali żbaljata, l-ineżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, in-nuqqas ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u, fl-aħħar, in-natura eċċessiva ta’ l-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

39      BA ssostni li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha meta fl-14 ta’ Lulju 1999 adottat id-deċiżjoni kkontestata, billi l-membri kollha tagħha, li kienu rriżenjaw fis-16 ta’ Marzu 1999, biex jevitaw mozzjoni ta’ ċensura mill-Parlament, kellhom biss l-awtorità li jwettqu x-xogħol kurrenti tal-Kummissjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 201 KE, applikabbli b’analoġija, sal-ħatra tal-membri tal-Kummissjoni ġdida fil-15 ta’ Settembru 1999.

40      Ir-raġunijiet għar-restrizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni mill-Artikolu 201 KE, li jinkludu, l-ewwel nett, l-attribuzzjoni lill-Parlament tas-setgħa kostituzzjonali li jirtira l-mandat politiku tal-Kummissjoni, huma, kif tissottometti BA, ta’ l-inqas applikabbbli bl-istess mod kemm meta r-riżenja tal-Kummissjoni bħala korp hija volontarja, bħal f’dan il-każ, kif ukoll meta din issegwi mozzjoni ta’ ċensura mill-Parlament.

41      B’mod differenti miż-żamma tal-membri tal-Kummissjoni fil-kariga sakemm jiġu ssostitwiti bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE, li jipprevedi postijiet battala fil-Kummissjoni li tkompli teżerċita l-mandat tagħha li taħtu ġiet appuntata, il-kunċett ta’ “xogħol kurrenti” li membri tal-Kummissjoni jkomplu jwettqu bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 201 KE jkopri biss l-attivitajiet ta’ kuljum tal-Kummissjoni. Dan jeskludi inizjattivi politiċi ġodda bħad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni riedet b’mod ċar tagħtiha s-saħħa ta’ preċedent applikabbli għall-kumpanniji ta’ l-ajru li jkollhom pożizzjoni fis-suq simili għal dik ta’ BA.

42      Anki jekk wieħed jassumi li japplika, l-Artikolu 215 KE ma kienx jawtorizza lill-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li d-dmirijiet tal-membri tal-Kummissjoni jintemmu meta jirriżenja. It-terminu “dmirijiet” ikopri deċiżjoni, bħal f’din il-kawża, li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE, skond it-termini ta’ l-Artikolu 213(2) KE li jipprovdi li l-membri tal-Kummissjoni jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom b’mod kompletament indipendenti.

43      Il-Kummissjoni ssostni li, fin-nuqqas ta’ mozzjoni ta’ ċensura tal-Parlament, l-Artikolu 201 KE ma japplikax, anki b’analoġija, għar-riżenja volontarja, anki simultanja, tal-membri kollha tal-Kummissjoni billi dan il-każ jaqa’ taħt l-Artikolu 215 KE.

44      Billi l-ebda restrizzjoni fuq il-poteri tagħhom m’hija imposta minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-membri tal-Kummissjoni huma legalment awtorizzati, u obbligati, li jeżerċitaw il-poteri li jagħtihom it-Trattat sakemm jinħatru s-suċċessuri tagħhom.

45      Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix inizjattiva politika ġdida u hija parti mix-xogħol kurrenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46      L-Artikolu 201 KE jgħid hekk:

“Jekk mozzjoni ta’ ċensura fuq l-operat tal-Kummissjoni tiġi ppreżentata fil-Parlament Ewropew, il-vot dwarha jista’ jittieħed biss wara terminu ta’ mhux anqas minn tlett ijiem mill-preżentata tal-mozzjoni u biss b’vot miftuħ.

Jekk il-mozzjoni ta’ ċensura tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrapreżentaw maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew, il-membri tal-Kummissjoni għandhom jirriżenjaw bħala korp mill-kariga tagħhom. Huma għandhom jibqgħu iwettqu ix-xogħol kurrenti tagħhom sakemm jiġu sostitwiti skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 214. F’dan il-każ, il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni magħżula biex jissostitwuhom għandu jiskadi fid-data li kellu jiskadi il-mandat tal-membri tal-Kummissjoni li kienu obbligati jirriżenjaw kollettivament.”

47      Barra minn hekk, l-Artikolu 215 KE jgħid:

“Barra minn b’tiġdid regolari, jew bil-mewt, il-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kummissjoni jintemmu individwalment meta dan jirriżenja minn jeddu jew għax imġiegħel.

Il-Membru li jkun irriżenja jew li jkun miet, jiġi, għall-bqija taż-żmien tal-kariga tiegħu sostitwit b’Membru ġdid maħtur mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi b’unanimità, jiddeċiedi li dak il-post battal ma jkollux għalfejn jimtela.

F’każ ta’ riżenja, voluntarja jew imġiegħla, jew f’każ ta’ mewt tal-President, huwa għandu jiġi sostitwit għall-bqija taż-żmien tal-kariga tiegħu. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 214(2) għandha applikabbli għas-sostituzzjoni tal-President.

Barra minn fil-każ ta’ riżenja mġiegħla skond l-Artikolu 216, il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti.”

48      B’ittra tas-16 ta’ Marzu 1999, il-President tal-Kummissjoni, J. Santer, informa lill-President tal-konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri bid-deċiżjoni tal-membri tal-Kummissjoni li jirriżenjaw kollettivament u li jpoġġu l-mandat tagħhom f’idejn il-gvernijiet ta’ l-Istati Membri. F’din l-ittra, il-president u l-membri tal-Kummissjoni ddikjaraw li, bis-saħħa, b’mod partikolari, tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE, huma kienu qed jassumu l-funzjonijiet tagħhom sakemm jiġu pprovduti s-sostituti tagħhom skond il-proċeduri previsti fit-Trattati.

49      B’dikjarazzjoni tat-22 ta’ Marzu 1999, il-Kunsill, filwaqt li kkunsidra li kien meħtieġ li tinħatar Kummissjoni ġdida kemm jista’ jkun malajr, talab lill-membri tal-Kummissjoni biex ikomplu fil-frattemp il-funzjonijiet tagħhom skond it-Trattati.

50      Mill-Artikolu 201 KE jirriżulta li l-membri tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li “kienu obbligati jirriżenjaw kollettivament”, fis-sens ta’ l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, sakemm il-Parlament ma jkunx l-ewwel adotta mozzjoni ta’ ċensura taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-istess artikolu.

51      Fin-nuqqas ta’ mozzjoni bħal din, bħal f’dan il-każ, riżenji individwali, anki jekk simultanji, tal-membri tal-Kummissjoni jikkostitwixxu xenarju li ma jaqax taħt l-Artikolu 201 KE.

52      Il-fatt li l-membri tal-Kummissjoni setgħu jirrikonoxxu r-responsabbiltà politika tagħhom meta rriżenjaw kollettivament ma għandux, fid-dritt, l-ebda rilevanza f’dan ir-rigward. Fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni, imma għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 11).

53      Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-funzjonijiet tal-membri tal-Kummissjoni kkonċernati spiċċaw meta rriżenjaw individwalment u volontarjament, fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE u l-fatt li r-riżenji individwali kienu simultanji ma jistax iqiegħed f’dubju n-natura volontarja ta’ kull waħda minnhom.

54      Barra minn hekk, kif jidher mill-premessi tagħha, id-Deċiżjoni 1999/627/KE, KEFA, KEEA tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, tal-15 ta’ Settembru 1999, li taħtar il-President u l-Membri tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 133), hija bbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 215 KE.

55      Meta jingħad, fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE, li l-funzjonijiet ta’ membru tal-Kummissjoni jintemmu mar-riżenja tiegħu, l-awturi tat-Trattat riedu sempliċement jiddefinixxu l-kawżi ġuridiċi tat-tmiem tal-funzjonijiet tal-membri tal-Kummissjoni matul il-mandat tagħhom, mingħajr ma riedu b’dan jipprojbixxu l-eżerċizzju tal-poteri normali ta’ membri li jkunu rriżenjaw sakemm tidħol fis-seħħ ir-riżenja volontarja tagħhom fid-data tas-sostituzzjoni effettiva tagħhom.

56      Isegwi li l-persuni kkonċernati baqgħu “fil-kariga sakemm [ġew] [s]sostitwiti”, fil-15 ta’ Settembru 1999, skond id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 215 KE. Għalhekk, sa dik id-data, huma żammew il-poteri kollha tagħhom.

57      Għalhekk, meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontestata fl-14 ta’ Lulju 1999, hija ma qabżitx il-kompetenza tagħha.

58      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

59      BA tilmenta li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li poġġietha f’pożizzjoni kompetittiva sfavorevoli ħafna meta ipprojbietha, fid-deċiżjoni kkontestata, milli tapplika s-sistemi tagħha ta’ premiums ta’ produzzjoni għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, mingħajr ma adottat deċiżjoni simili fil-konfront ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li għandhom pożizzjoni ta’ l-inqas b’saħħitha daqs dik li l-Kummissjoni attribwixxiet lil BA fl-applikazzjoni ta’ l-istess sistemi ta’ inċentivi finanzjarji.

60      Il-fatt li Virgin kienet għamlet l-ilment tagħha qabel ma jiġġustifikax l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ ksur kontra BA biss. Is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fl-allokazzjoni tar-riżorsi tagħha għal każijiet pendenti ma tistax tippermetti li jkun hemm diskriminazzjoni, partikolarment meta din tipproduċi hi stess effetti antikompetittivi għad-detriment ta’ l-impriża li kontriha jkunu saru l-proċeduri.

61      Il-Kummissjoni ma tara xejn diskriminatorju fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sitt snin wara li Virgin għamlet l-ilment tagħha. Hija tikkunsidra li għandha setgħa diskrezzjonali fl-allokazzjoni ta’ gradi differenti ta’ prijorità għal każijiet li jkollha quddiemha, b’riferiment għall-interess Komunitarju tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, Ġabra p. II‑2223, punt 77).

62      Skond l-istqarrija għall-istampa dwar il-“prinċipji li jirregolaw il-kummissjonijiet ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar”, li ġiet ippubblikata fil-jum meta d-deċiżjoni kkontestat kienet ġiet adottata, din ta’ l-aħħar kienet l-ewwel pass fil-kwistjoni tal-kummissjonijiet imħallsin mil-linji ta’ l-ajru lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Il-prinċipji stabbliti f’din l-istqarrija għall-istampa jagħtu wkoll gwida ċara għal kull kumpannija ta’ l-ajru oħra f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ BA, u l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li dawk il-prinċipji jiġu osservati mill-kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn li jinsabu f’sitwazzjonijiet ekwivalenti.

63      Id-deċiżjoni kkontestata ma kienet toħloq l-ebda effett negattiv għad-detriment ta’ BA fis-swieq ġeografiċi oħrajn għajr is-suq tar-Renju Unit. Ladarba ma tokkupax pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq l-oħrajn, BA tista’ tapplika skemi ta’ inċentivi finanzjarji biex tikkumbatti dawk użati mill-impriża f’kompetizzjoni.

64      Barra minn hekk, il-fatt li kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn li joperaw fit-territorju tar-Renju Unit offrew diversi sistemi ta’ premiums lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma għandux rilevanza għad-deċiżjoni kkontestata. Din ta’ l-aħħar kienet tikkonċerna lil BA fil-kwalità tagħha ta’ impriża dominanti fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, minħabba r-responsabbiltà partikolari li taqa’ fuq impriża ta’ din il-kwalità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

65      Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġi kkritikata b’diskriminazzjoni, jeħtieġ li hija tkun ittrattat b’mod differenti sitwazzjonijiet ugwali, b’mod li ċerti operaturi jiġu żvantaġġati meta mqabblin ma’ oħrajn, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ għanijiet differenti ta’ ċertu importanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1999, Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑106/96, Ġabra p. II-2155, punt 103).

66      Il-fatt li operatur, li kien jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ rikorrent, ma kienx akkużat bi ksur mill-Kummissjoni ma jistax, f’kull każ, jippermetti li jiġi eskluż il-ksur li bih huwa akkużat dan ir-rikorrent, sa fejn dan kien ġie stabbilit korrettament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I-1307, punt 146).

67      Barra minn dan, il-motiv huwa bbażat fuq s-sempliċi allegazzjoni, li mkien ma ġiet ippruvata, ta’ l-illegalità, fid-dawl ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ta’ l-iskemi ta’ inċentivi finanzjarji li l-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri ta’ BA japplikaw għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

68      Barra minn hekk, apparti l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata segwiet l-ilment li ressqet Virgin kontra BA sa mill-1993, il-Kummissjoni hija intitolata, sabiex tiżgura b’mod effettiv l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni li tagħti, kif għamlet f’dan il-każ, gradi differenti ta’ prijorità għall-ilmenti li jiġu quddiemha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 88), fid-dawl ta’ l-interess Komunitarju tagħhom, imkejjel skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jiġu ppreżentati lilha (sentenza Automec vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 86).

69      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata f’kull każ li tevalwa s-serjetà tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni allegati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1999, SGA vs Il-Kummissjoni, T-189/95, T-39/96 u T-123/96, Ġabra p. II-3587, punt 53) u, bħal f’dan il-każ, kemm kien ilu li nġab quddiemha l-ilment. Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonkludi l-proċeduri ta’ investigazzjoni tagħha fi żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punti 55 u 56).

70      Meta l-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, tiġi ffaċċata b’sitwazzjoni fejn diversi fatturi jagħtu lok għal suspett ta’ mġiba antikompetittiva min-naħa ta’ diversi impriżi kbar fl-istess settur ekonomiku, il-Kummissjoni hija intitolata wkoll li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq waħda mill-impriżi in kwistjoni, filwaqt li tistieden lill-operaturi ekonomiċi li allegatament sofrew dannu bħala riżultat ta’ l-aġir possibbilment antikompetittiv ta’ l-impriżi l-oħrajn biex iqajmu l-kwistjoni quddiem l-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGA vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, punt 59).

71      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sostniet fis-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt minn BA, li hija kienet bdiet proċeduri ta’ investigazzjoni kontra tmien kumpanniji ta’ l-ajru, wara lmenti mressqin minn BA f’Ġunju u f’Settembru 1998, u b’ittra tas-6 ta’ Frar 2003, informat lil BA bl-intenzjoni tagħha li ttemm dawn il-proċeduri.

72      Għalhekk huwa l-kompitu ta’ BA li, jekk temmen li għandha raġunijiet biex tagħmel hekk, tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni u biex tikkontesta deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li ma taġixxix iktar fuq l-ilmenti tagħha.

73      Għalhekk it-tieni motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq settorjali u ġeografiku rilevanti.

74      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq rilevanti, biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni dominanti ta’ BA, kien is-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

 L-argumenti tal-partijiet

75      BA tikkontesta din l-analiżi tal-Kummissjoni billi ssostni li, anki jekk wieħed jippreżumi li jeżisti, is-suq tas-servizzi pprovduti mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar lill-kumpanniji ta’ l-ajru ma jistax jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, is-suq settorjali rilevanti.

76      BA tissottometti li l-Kummissjoni imputat ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni indikati fis-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni kkontestati għall-pożizzjoni li kellha BA fil-kwalità tagħha ta’ xerrejja tas-servizzi pprovduti mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni skartat, minn naħa, il-metodu regolari tagħha tad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni, biex b’hekk iġġudikat minn qabel il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti u, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ abbuż u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 155).

77      L-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jirrappreżentaw kanal ta’ distribuzzjoni li jippermetti lill-kumpanniji ta’ l-ajru li jbiegħu postijiet fuq it-titjiriet tagħhom u jipprovdu funzjoni ta’ bejgħ bl-imnut. Madankollu, fis-swieq tal-prodotti tal-marka, in-natura tal-kompetizzjoni hija evalwata billi jitqiesu rilevanti s-swieq tal-prodotti in kwistjoni, u mhux dawk tax-xiri ta’ servizzi bl-imnut ipprovduti minn postijiet tal-bejgħ użati mill-manifatturi biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom.

78      BA tgħid li l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ma hija bl-ebda mod xierqa biex tiġi evalwata s-saħħa tagħha fis-suq. Sabiex jiġi ddefinit is-suq settorjali in kwistjoni, biex jiġu evalwati l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-vantaġġi finanzjarji mogħtija lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, id-domanda rilevanti hija jekk fornitur wieħed ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru fuq rotta partikolari jistax iżid bi profitt il-prezzijiet tiegħu.

79      Kif tammetti l-Kummissjoni fil-premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-risposta tiddependi minn kemm il-vjaġġaturi jixtiequ jtiru fuq rotta partikolari meta hemm rotot oħrajn alternattivi effettivi. Il-Kummissjoni tadotta dan l-approċċ meta teżamina t-trasport bl-ajru ta’ persuni fid-direzzjoni ta’ u ġejjin mir-Renju Unit, iżda hija ma hijiex korretta meta ssostni li jeżisti suq separat ta’ servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

80      BA ssostni li, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, jekk is-suq tas-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kellu jonqos sakemm isir insinjifikattiv, dan jibqa’ xorta waħda s-suq rilevanti. Imma skond BA, il-forom l-oħrajn ta’ distribuzzjoni ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li kumpannija ta’ l-ajru għandha saħħa fis-suq anki jekk parti sinjifikattiva mid-distribuzzjoni tal-biljetti ssir permezz ta’ l-aġenziji.

81      Barra minn hekk, kieku hemm erba’ settijiet ta’ destinazzjonijiet (l-Istati Uniti, l-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Imbiegħed) u fornitur wieħed biss ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru għal kull wieħed minnhom, kull kumpannija ta’ l-ajru tkun tista’ teżerċita poter sostanzjali fuq ir-rotot tagħha, mingħajr ma tbati pressjoni minn kumpanniji oħrajn. Issa, skond l-analiżi tal-Kummissjoni, l-ebda kumpannija ma tkun neċessarjament f’pożizzjoni dominanti għax-xiri tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, billi kull waħda minnhom tirrappreżenta biss 25 % tax-xiri ta’ dawn is-servizzi.

82      Fl-aħħar nett, kumpannija ta’ l-ajru li ma għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, imma li kienet l-unika linja ta’ l-ajru li operat fuq rotta partikolari jew sett żgħir ta’ rotot, tista’ taġixxi b’mod għal kollox indipendenti mill-kompetituri u aġenti tagħha fir-rigward ta’ dawk ir-rotot. Madankollu, fl-analiżi tal-Kummissjoni, dik is-sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 82 KE.

83      BA żżid tgħid li, anki jekk is-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru jikkostitwixxu s-suq settorjali in kwistjoni, is-suq ġeografiku rilevanti ikun iktar estiż mit-territorju tar-Renju Unit. Numru mdaqqas ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar ewlenin joperaw f’diversi pajjiżi. Barra minn hekk, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jinnegozjaw dejjem iżjed mal-kumpanniji ta’ l-ajru fil-livell internazzjonali, kif jidher mill-ftehim globali konklużi minn BA ma’ ċerti aġenziji.

84      Il-Kummissjoni tfakkar li, skond il-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jaġixxu f’isem il-kumpanniji ta’ l-ajru, bħala intermedjarji indipendenti li jeżerċitaw attività ta’ provvista ta’ servizzi awtonomi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1987, VVR, 311/85, Ġabra p. 3801, punt 20).

85      Is-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, li jitħallsu mill-kumpanniji ta’ l-ajru b’kummissjoni ibbażata fuq il-ħruġ tal-biljetti tagħhom, jikkonsistu fir-reklamar favur il-kumpanniji ta’ l-ajru rispettivi, fl-għajnuna lill-vjaġġaturi sabiex jagħżlu l-kumpanniji u t-titjiriet xierqa, fil-ħruġ tal-biljetti, fil-ġbir tal-flus mingħand il-vjaġġaturi u l-ħlas tagħhom lill-kumpanniji ta’ l-ajru.

86      Xejn ma jimpedixxi li jiġi kkonstatat li hemm abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq minn xerrej dominanti, li ma jkunx eżenti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Komunità.

87      Il-Kummissjoni tfakkar li kienet ikklassifikat bħala suq separat is-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/480/KEE, tat-30 ta’ Lulju 1991, dwar proċedura skond l-Artikolu [81] tat-Trattat (Każ Nru IV/32.659 – IATA Passenger Agency Programme) (ĠU L 258, p. 18)] minn swieq oħrajn marbutin mal-vjaġġi bl-ajru, bħas-sistemi kompjuterizzati ta’ booking tal-vjaġġi bl-ajru [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/589/KEE, tal-4 ta’ Novembru 1988, dwar proċedura skond l-Artikolu [82] tat-Trattat (IV/32.318, London European – SABENA) (ĠU L 317, p. 47)].

88      Fl-aħħar nett, skond il-Kummissjoni, il-limitazzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għar-Renju Unit hija ġġustifikata b’diversi fatturi li jillokalizzaw l-attivitajiet ikkonċernati fit-territorju tar-Renju Unit. B’mod partikolari, il-klijenti normalment jibbukkjaw il-biljetti tagħhom fil-pajjiż tar-residenza tagħhom u r-relazzjonijiet bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u l-linji ta’ l-ajru huma stabbiliti fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

89      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq settorjali li għandu jiġi kkunsidrat, biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni dominanti ta’ BA, jinkludi s-servizzi li l-kumpanniji ta’ l-ajru jixtru mingħand l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar biex jikkummerċjalizzaw u jiddistribwixxu l-biljetti ta’ l-ajru tagħhom (premessa 72). Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-prattika tal-kumpanniji ta’ l-ajru għandha l-effett li toħloq suq tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru separat mis-swieq tat-trasport bl-ajru.

90      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li s-suq ġeografiku rilevanti kien f’dan il-każ it-territorju tar-Renju Unit, minħabba d-dimensjoni nazzjonali li għandha l-attività ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

91      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II-1885, punt 62, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, C‑241/00 P, Ġabra p. I‑7759), għall-finijiet ta’ l-eżami tal-pożizzjoni, possibbilment dominanti, ta’ impriża f’settur ta’ suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tas-suq li jiġbor il-prodotti jew is-servizzi li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli ma’ prodotti u servizzi oħra. Barra minn hekk, peress illi d-determinazzjoni tas-suq in kwistjoni ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, u li jkollha mġiba, b’mod sinjifikattiv, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha u, fil-kawża preżenti, minn dik tal-fornituri tas-servizzi tagħha, wieħed ma jistax, għal dan il-għan, jillimita ruħu għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tas-servizzi in kwistjoni, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal-provvista fis-suq.

92      Mill-atti ta’ BA jidher li hija stess tammetti l-eżistenza ta’ suq awtonomu tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, billi hija ssostni, fil-punt 11.34 tar-rikors tagħha, li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar joperaw ukoll f’suq kompetittiv billi jikkompetu reċiprokament biex jipprovdu l-aħjar servizz possibbli lill-klijenti tagħhom.

93      F’dan ir-rigward, minkejja l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jaġixxu f’isem il-kumpanniji ta’ l-ajru, li jassumu r-riskji u l-vantaġġi kollha marbutin mas-servizz tat-trasport innifsu u li jikkonkludu kuntratti ta’ trasport direttament mal-vjaġġaturi, huma xorta waħda jikkostitwixxu intermedjarji indipendenti li jeżerċitaw attività ta’ provvista ta’ servizzi indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VVR, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 20).

94      Kif issemmi l-Kummissjoni fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-attività speċifika ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar tikkonsisti, minn naħa, fl-għoti ta’ pariri lill-vjaġġaturi potenzjali, fil-booking u l-ħruġ tal-biljetti ta’ l-ajru, fil-ġbir tal-prezz tat-trasport u l-ħlas tiegħu lill-kumpanniji ta’ l-ajru u, min-naħa l-oħra, fl-iżgurar favur dawn il-kumpanniji ta’ servizzi ta’ reklamar u ta’ promozzjoni kummerċjali.

95      F’dan ir-rigward, BA issostni hija stess li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar huma u għadhom, ta’ l-inqas għal żmien qasir, għall-kumpanniji ta’ l-ajru kanal ta’ distribuzzjoni vitali li jippermettilhom li jbiegħu b’mod effiċjenti postijiet fuq it-titjiriet li jipproponu u li hemm dipendenza reċiproka bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u l-kumpanniji ta’ l-ajru li ma humiex, waħidhom, f’pożizzjoni li jikkummerċjalizzaw effettivament is-servizzi tagħhom tat-trasport bl-ajru.

96      Kif BA osservat ukoll, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar joffru għażla ikbar ta’ rotot bl-ajru, skedi ta’ tluq u ta’ wasla li ebda kumpannija ta’ l-ajru ma tista’ tipprovdi. L-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jgħaddu l-informazzjoni dwar id-diversi titjiriet għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi li jkollhom quddiemhom proliferazzjoni ta’ strutturi differenti ta’ tariffi tat-trasport bl-ajru, ġejjin minn sistemi tariffarji f’ħin reali mħaddmin mill-kumpanniji ta’ l-ajru.

97      BA irrikonoxxiet ukoll li r-rwol li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar għandhom fid-distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru jispjega għaliex il-kumpanniji ta’ l-ajru jipprovaw joffrulhom vantaġġi biex ibiegħu postijiet fuq it-titjiriet tagħhom. In-natura insostitwibbli tas-servizzi li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jagħtu lill-kumpanniji ta’ l-ajru hija b’hekk ikkonfermata mill-premiums kollha li dawn jagħtuhom.

98      Fl-aħħar nett, BA enfasizzat hija stess li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ewlenin jinnegozjaw individwalment ftehim ta’ distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru u li għalhekk huma jistgħu jdaħħlu lill-kumpanniji ta’ l-ajru f’kompetizzjoni.

99      In-natura speċifika tas-servizzi pprovduti lill-kumpannija ta’ l-ajru mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, mingħajr ma l-kumpanniji ta’ l-ajru jistgħu serjament jaħsbu biex jissostitwixxu lilhom infushom ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar biex iwettqu huma stess dawk is-servizzi, hija kkorroborata bil-fatt li, fiż-żmien tal-fatti lmentati, 85 % tal-biljetti ta’ l-ajru mibjugħin fit-territorju tar-Renju Unit kienu jinbiegħu permezz ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

100    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru jirrappreżentaw attività ekonomika li, fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpanniji ta’ l-ajru ma setgħux jissostitwixxu b’forma oħra ta’ distribuzzjoni tal-biljetti tagħhom, u għalhekk dawn kienu jikkostitwixxu suq ta’ servizzi separat minn dak tat-trasport bl-ajru.

101    Fir-rigward tal-fatt li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni timputa għas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA jiġu mill-pożizzjoni li BA għandha fil-kwalità tagħha, mhux ta’ fornitriċi, imma ta’ xerrejja ta’ servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, dan huwa irrilevanti għad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni. L-Artikolu 82 KE japplika fil-fatt kemm għall-impriżi li l-pożizzjoni dominanti possibbli tagħhom hija kkonstatata, bħal f’dan il-każ, fil-konfront tal-fornituri tagħhom kif ukoll għal dawk li jistgħu jkunu fl-istess pożizzjoni fil-konfront tal-klijenti tagħhom.

102    Barra minn hekk, BA ammettiet hija stess fis-seduta li huwa possibbli kemm għall-bejjiegħ kif ukoll għax-xerrej li jkollu pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.

103    Isegwi li BA ma tistax issostni b’mod validu li, għad-definizzjoni tas-suq settorjali in kwistjoni, bil-għan li jiġu evalwati l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-vantaġġi finanzjarji li din tippermetti lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, għandu jiġi ddeterminat jekk fornitur wieħed ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fuq rotta partikolari jistax iżid il-prezzijiet bi profitt.

104    Parametru bħal dan, li jista’ eventwalment ikun rilevanti fir-rigward ta’ kull linja ta’ l-ajru, ma huwiex tali li jippermetti l-kejl tas-saħħa ekonomika li BA għandha fil-kwalità tagħha, mhux bħala fornitur ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru, imma bħala xerrej ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, fuq ir-rotot kollha lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit, fil-konfront tal-kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn kollha kkunsidrati fl-istess kwalità bħala xerrejja ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, minn naħa, u, fil-konfront ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, min-naħa l-oħra.

105    Għalhekk huma irrilevanti l-oġġezzjonijiet ta’ BA dwar ir-rilevanza tas-suq settorjali adottati mill-Kummissjoni u bbażati fuq il-marġinalizzazzjoni possibbli tad-distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru permezz ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, fuq l-ispeċjalizzazzjoni esklużiva ta’ kumpanniji permezz ta’ destinazzjonijiet ġeografiċi, u fuq l-aġir indipendenti ta’ kumpannija ta’ l-ajru eventwali f’sitwazzjoni ta’ monopolju fuq ċerti rotot.

106    Dawn l-argumenti huma bbażati fuq sitwazzjonijiet li huma jew ipotetiċi jew estranji għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li joperaw fis-suq settorjali in kwistjoni kkostitwit mis-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, kemm bejn l-aġenti li jipprovdu dawn is-servizzi u kif ukoll bejn il-kumpanniji ta’ l-ajru li jużaw dawn is-servizzi.

107    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddefinixxiet bħala rilevanti s-suq settorjali tas-servizzi pprovduti mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar favur kumpanniji ta’ l-ajru, biex jiġi stabbilit jekk BA għandhiex pożizzjoni dominanti f’dan is-suq fil-kwalità tagħha ta’ xerrejja ta’ dawn is-servizzi.

108    Fir-rigward tas-suq ġeografiku li għandu jiġi kkunsidrat, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li dan jista’ jiġi ddefinit bħala t-territorju li fuqu l-operaturi ekonomiċi kollha jkunu jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni simili jew omoġenji biżżejjed għal dak li jirrigwarda, speċifikament, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati, mingħajr ma jkun meħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet ikunu perfettament omoġenji (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 91, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C-333/94 P, Ġabra p. I‑5951).

109    Issa, bilkemm jista’ wieħed jikkontesta li, fil-maġġoranza tagħhom, il-vjaġġaturi jirriżervaw il-biljetti ta’ l-ajru fil-pajjiżi ta’ residenza tagħhom. Jekk BA sostniet li l-biljetti kollha mibjugħin mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar fir-Renju Unit ma humiex neċessarjament lir-residenti ta’ dan il-pajjiż, hija rrikonoxxiet li t-tranżazzjonijiet li kien hemm barra r-Renju Unit ma jistgħux jiġu kkwantifikati.

110    Barra minn hekk, kif qalet il-Kummissjoni fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr oġġezzjoni min-naħa ta’ BA, ir-regoli ta’ l-IATA fuq l-ordni ta’ l-użu tal-kupuni tal-biljetti ta’ l-ajru jipprekludu li biljetti mibjugħin barra t-territorju tar-Renju Unit jiġu użati għal titjiriet li jitilqu mill-ajruporti tar-Renju Unit.

111    Billi d-distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru ssir fil-livell nazzjonali, isegwi li l-kumpanniji ta’ l-ajru normalment jixtru servizzi għad-distribuzzjoni ta’ dawn il-biljetti fuq bażi nazzjonali, kif jidher mid-diversi ftehim iffirmati għal dak l-iskop minn BA ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

112    Lanqas ma hemm dubju li l-kumpanniji ta’ l-ajru jistrutturaw is-servizzi kummerċjali tagħhom fuq livell nazzjonali, li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jittrattaw il-biljetti ta’ l-ajru fid-dawl tal-pjanijiet nazzjonali ta’ ħlas bankarju ta’ l-IATA u, f’dan il-każ, permezz tal-pjan ta’ ħlas bankarju għar-Renju Unit (Billing and Settlement Plan for the United Kingdom, iktar ’il quddiem, il-“BSPUK”).

113    Barra minn hekk, BA ma topponix l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li BA tapplika s-sistemi tagħha ta’ premiums ta’ produzzjoni lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit b’mod uniformi fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru.

114    BA lanqas ma kkontestat li l-inċentivi finanzjarji kkontestati japplikaw biss għall-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA li jsir fir-Renju Unit, anki jekk dawn l-inċentivi jidħlu fil-ftehim konklużi ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li l-attivitajiet tagħhom jestendu għal iktar minn Stat Membru wieħed.

115    Kuntrarjament għal dak li BA ssostni, il-konklużjoni minn BA ta’ ftehim globali ma’ ċerti aġenti ta’ l-ivvjaġġar ma tistax tistabbilixxi li dawn ta’ l-aħħar qegħdin dejjem iktar jinnegozjaw ma’ kumpanniji ta’ l-ajru fuq livell internazzjonali. Kif jidher mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li BA ma tikkontestax, dawn il-ftehim globali ġew iffirmati biss ma’ tliet aġenti ta’ l-ivvjaġġar u għall-istaġun tax-xitwa 1992/1993 biss. Barra minn hekk, dawn il-ftehim huma sempliċement miżjuda mal-ftehim lokali li sar fil-pajjiżi kkonċernati.

116    Għalhekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni ddeċidiet ħażin meta ddefinixxiet is-suq ġeografiku rilevanti bħala s-suq tar-Renju Unit, biex turi li BA kienet f’pożizzjoni dominanti f’dak is-suq fil-kwalità tagħha ta’ xerrejja tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar ipprovduti minn aġenti stabbiliti fir-Renju Unit.

117    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq settorjali u ġeografiku rilevanti ma jistax jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rabta bejn is-swieq settorjali affettwati

118    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ effetti ta’ prattiki kkontestati f’diversi swieq. Kif jidher b’mod partikolari mill-premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni applikati minn BA taw lok, fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, għal diskriminazzjoni bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u kellhom it-tendenza, minn naħa, li jnaqqsu l-kwantità ta’ servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru pprovduti lil kumpanniji oħrajn u, min-naħa l-oħra, li jissuġġettaw il-provvista ta’ dawn is-servizzi għal kundizzjonijiet inqas favorevoli. Barra minn hekk, din l-imġiba abbużiva ta’ BA fis-suq tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru tipproduċi effetti antikompetittivi serji fis-swieq tat-trasport bl-ajru tar-Renju Unit għad-detriment tal-kumpanniji ta’ l-ajru li jikkompetu ma’ BA (premessi 103 u 113).

 L-argumenti tal-partijiet

119    BA ssostni li ma hemmx rabta suffiċjentement mill-qrib, meħtieġa mill-Artikolu 82 KE bejn, minn naħa, is-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, allegatament dominat minn BA, u, min-naħa l-oħra, is-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru, fejn BA ma tokkupax pożizzjoni dominanti.

120    L-analiżi tal-Kummissjoni hija “ċirkulari” billi tikkunsidra li s-suċċess ta’ BA fis-swieq tat-trasport bl-ajru jpoġġiha, fir-rigward tas-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, f’pożizzjoni dominanti, li l-abbuż tagħha jkollu riperkussjonijiet dannużi fuq is-swieq tat-trasport bl-ajru.

121    Barra minn hekk, l-ishma li BA għandha fis-swieq Britanniċi tat-trasport bl-ajru huma wisq insinjifikattivi biex joħolqu tħassib, u li l-pożizzjoni tagħha bħala xerrejja ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar fir-Renju Unit ma tippermettilhiex li tikkontrolla l-provvista ta’ dawn is-servizzi.

122    Il-Kummissjoni tikkunsidra li kienet identifikat is-suq ikkostitwit mis-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru stabbiliti fir-Renju Unit, fejn BA tokkupa pożizzjoni dominanti u minnha hija abbużat, minħabba d-diskriminazzjoni illegali magħmula bejn dawn l-operaturi u l-effett ta’ esklużjoni li l-imġiba tagħha pproduċiet fuq l-istess suq. Ġew ikkunsidrati wkoll l-effetti ta’ esklużjoni li dan l-abbuż ipproduċa fir-rigward tal-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri fis-swieq settorjali tat-trasport bl-ajru minn u lejn ir-Renju Unit.

123    Il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li l-Artikolu 82 KE ma fih l-ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward tar-rekwiżiti marbuta mal-lokalizzazzjoni ta’ l-abbuż fis-suq tal-prodotti u s-servizzi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, punt 113), u l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tiġi kkontestata fuq dan il-punt (sentenza tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, punt 24).

124    Anki jekk il-każ tal-lum huwa differenti mill-każ li wassal għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, sa fejn l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq minn BA pproduċa effetti kemm fis-suq dominat u kif ukoll fi swieq oħrajn, ma hemmx dubju li s-suq tar-Renju Unit ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru għandu rabtiet mill-qrib mas-swieq tat-trasport bl-ajru minn, ġewwa u lejn r-Renju Unit.

125    Il-parti intervenjenti, Virgin, tfakkar li BA kkontestat l-indipendenza tas-suq tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru minn dak tat-trasport bl-ajru. Għalhekk BA ma tistax targumenta li ż-żewġt iswieq huma totalment separati u mingħajr ebda rabta.

126    Virgin iżżid tgħid li l-kapaċità ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jkollhom influwenza determinanti fuq l-għażla ta’ kumpannija ta’ l-ajru mill-vjaġġatur ma tistax tiġi serjament ikkontestata. Barra minn hekk, il-premiums li l-kumpanniji ta’ l-ajru jħallsuhom jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli l-metodi tagħhom ta’ bookings fir-rigward ta’ vjaġġaturi li jiddelegawlhom l-għażla tal-kumpannija ta’ l-ajru.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127    Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq fis-suq settorjali ddominat imma li l-effetti tiegħu jinħassu f’suq separat fejn l-impriża kkonċernata ma għandhiex pożizzjoni dominanti jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 82 KE sakemm dan is-suq separat ikun suffiċjentement marbut ma’ ta’ l-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 22, u tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, Ġabra p. 3261, punt 26).

128    F’dan il-każ, is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni kkontestati jifformaw parti minn sensiela ta’ ftehim li BA kkonkludiet ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ l-aġenziji tat-trasport bl-ajru, inkluż il-ħruġ tal-biljetti tagħha lil vjaġġaturi, u l-provvista ta’ servizzi anċillari ta’ reklamar u promozzjoni kummerċjali.

129    Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, huwa rrikonoxxut li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru għandhom funzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut u li, ta’ l-inqas għal żmien qasir, ser iżommu dan ir-rwol u, għalhekk, importanza vitali għall-kumpanniji ta’ l-ajru.

130    Is-servizzi li l-kumpanniji ta’ l-ajru jbiegħu wkoll lill-vjaġġaturi permezz ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit huma kkostitwiti mis-servizzi tat-trasport bl-ajru fuq it-titjiriet skedati li l-kumpanniji jiżguraw minn u lejn ajruporti tar-Renju Unit.

131    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li, fiż-żmien tal-prattiki kkontestati ta’ BA, 85 % tal-biljetti ta’ l-ajru mibjugħin fir-Renju Unit inħarġu mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

132    Għalhekk, bla dubju hemm rabta bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru pprovduti lill-kumpanniji ta’ l-ajru mill-aġenti stabbiliti fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport bl-ajru pprovduti minn dawn il-kumpanniji fis-swieq tat-trasport bl-ajru tar-Renju Unit ikkostitwiti mir-rotot ta’ l-ajru li jitilqu jew jaslu fl-ajruporti tar-Renju Unit.

133    Barra minn hekk, l-argumentazzjoni ta’ BA tistrieħ fuq il-premessa li hemm din ir-rabta bejn is-swieq ikkonċernati. Fil-fatt, BA tinnota, fil-punt 10.28 tar-rikors tagħha, li r-rifjut ta’ aġent li jiżgura l-promozzjoni tat-titjiriet ta’ BA jista’ jfisser għal BA telf kummerċjali assolut. Telf ta’ dħul bħal dan jista’ jiġri biss permezz ta’ tnaqqis fin-numru ta’ biljetti maħruġin favur BA.

134    B’mod invers, BA tirrileva, fil-punt 4.39 tar-rikors tagħha li, sa fejn jistgħu jwasslu għal żieda fid-domanda għas-servizzi tat-trasport bl-ajru, il-vantaġġi mogħtija mill-kumpanniji ta’ l-ajru lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar iwasslu għal iffrankar ta’ spejjeż sinjifikattivi.

135    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li kien hemm ir-rabta meħtieġa mill-Artikolu 82 KE bejn is-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar li l-kumpanniji ta’ l-ajru jixtru mingħand l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u s-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq l-iżball tal-bażi legali

137    Ir-Regolament Nru 17, li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, huwa l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli 81 KE u 82 KE u jistabbilixxi l-qafas legali ġenerali ta’ l-implementazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

138    Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 141, tas-26 ta’ Novembru 1962, li jeżenta lis-settur tat-trasport mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1962, 124, p. 2751), “ir-Regolament Nru 17 ma japplikax għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tat-trasport li għandhom bħala għan jew bħala effett tagħhom l-iffissar ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet tat-trasport, il-limitazzjoni jew il-kontroll ta’ l-offerta tat-trasport jew it-tqassim tas-swieq tat-trasport, u lanqas ma japplika għall-pożizzjonijiet dominanti, fis-sens ta’ l-Artikolu [82 KE] fis-suq tat-trasport” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

139    Madankollu, skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 141, l-aspetti speċjali tat-trasport jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 biss fir-rigward tal-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jirrigwardaw direttament il-provvista tas-servizzi tat-trasport.

140    Fl-aħħar nett, fl-14 ta’ Diċembru 1987, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 3975/87/KEE li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262).

 L-argumenti tal-partijiet

141    BA ssostni li, anki jekk wieħed jippreżumi li s-suq settorjali in kwistjoni huwa dak tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, il-prattiki lmentati fil-konfront ta’ BA ma jaqgħux taħt ir-regolament li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-Regolament Nru 17, imma taħt ir-Regolament Nru 3975/87.

142    Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs UIC (C‑264/95 P, Ġabra p. I‑1287, punt 28), li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Union internationale des chemins de fer vs Il-Kummissjoni (T‑14/93, Ġabra p. II‑1503), il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet l-argument li l-Kummissjoni qed issostni f’din il-kawża ta’ l-applikabbiltà tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68, tad-19 ta’ Lulju 1968, li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 6) għall-ftehim u prattiki miftiehma biss li jikkonċernaw direttament il-provvista ta’ trasport, għar-raġuni li l-parti rilevanti ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1017/68 kienet preċiża u ddettaljata u ma semmietx it-terminu “direttament”.

143    Il-Kummissjoni tipprova tiddistingwi l-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs UIC, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, mill-kawża ineżami billi ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1017/68 huwa ddefinit b’mod iktar wiesa’ minn dak tar-Regolament Nru 3975/87, billi l-ewwel test jirreferi għall-“ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li għandhom bħala għan jew bħala effett l-iffissar ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet ta’ trasport, il-limitazzjoni jew il-kontroll ta’ l-offerta ta’ trasport jew it-tqassim tas-swieq ta’ trasport”. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs UIC, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, dan huwa preċiżament dak li hemm fil-kliem ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, li jneħħi s-settur tat-trasport kollu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17.

144    Barra minn hekk, il-kliem tar-Regolament Nru 3975/87 stess juri li dan l-att ma huwiex intiż biex ikollu biss il-kamp ta’ applikazzjoni ristrett issuġġerit mill-Kummissjoni. L-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi l-inapplikabbiltà tal-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 81(1) KE għall-akkordji elenkati fl-anness. Issa, dan l-anness jinkludi, taħt il-punt (k), l-akkordji dwar “l-approvazzjoni u l-ħlas ta’ kontijiet bejn trasportaturi bl-ajru u l-aġenti maħtura tagħhom permezz ta’ pjan jew sistema ċentralizzata u awtomatika ta’ ħlas, inklużi dawk is-servizzi li jistgħu jkunu meħtieġa jew inċidentali għalihom”. Li kieku l-argument tal-Kummissjoni kien korrett, dawn l-akkordji fl-ebda każ ma jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 3975/87.

145    Skond l-analiżi tal-Kummissjoni stess, il-prattiki lmentati fil-konfront ta’ BA jipproduċu l-effetti tagħhom, jew ta’ l-inqas l-effetti ewlenin tagħhom, fis-settur tat-trasport bl-ajru (premessi 118 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-premiums ta’ produzzjoni kkontestati jikkostitwixxu parti waħda mill-ispejjeż diretti tal-bejgħ ta’ biljett ta’ trasport bl-ajru u għandhom influwenza fuq il-prezz nett li l-kumpannija ta’ l-ajru tirċievi bħala rimunerazzjoni għas-servizz ta’ trasport bl-ajru pprovdut, billi jiġu stabbiliti wkoll b’mod indirett il-“prezzijiet tat-trasport” fis-sens tar-Regolament Nru 141.

146    L-iżball dwar il-bażi legali li l-Kummissjoni għamlet kellu l-effett li jċaħħad lil BA mill-garanziji proċedurali tagħha, minħabba d-differenzi tas-sistemi li hemm f’dan ir-rigward bejn ir-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 3975/87.

147    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza li tadotta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din taffettwa l-linji ta’ l-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3975/87, li huwa limitat għat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti Komunitarji.

148    Skond il-Kummissjoni, ma hemm l-ebda dubju li, bħala attivitajiet konnessi ma’ jew marbutin indirettament mas-suq tat-trasport bl-ajru fis-sens sħiħ tiegħu, is-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma jaqgħux fi ħdan l-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 u li, għall-kuntrarju, dawn jibqgħu suġġetti għar-Regolament Nru 17.

149    Ir-Regolament Nru 3975/87, li t-tielet premessa tiegħu tenfasizza l-karatteristiċi li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bl-ajru, japplika biss għal ftehim direttament marbuta mal-provvista tas-servizzi tat-trasport bl-ajru.

150    Issa, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss is-servizzi li BA tixtri mingħand l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Kemm l-abbuż allegat kif ukoll l-effetti ewlenin tiegħu seħħew fis-suq tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru (premessi 85 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata). L-arranġamenti antikompetittivi miftiehma bejn BA u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar tar-Renju Unit ma jirrigwardawx “servizzi tat-trasport bl-ajru” u ma humiex marbutin direttament mal-provvista ta’ dawn is-servizzi.

151    Il-Kummissjoni tissottometti li irrispettivament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 1017/68 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ u li ż-żewġ sentenzi dwar l-Union internationale des chemins de fer, iċċitati fil-punt 142 iktar ’il fuq, jirrigwardaw dan ir-regolament u mhux ir-Regolament Nru 3975/87.

152    Filwaqt li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1017/68 jagħti definizzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 3975/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2410/92/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1992, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 7, Vol. 1, p. 430) jipprevedi biss, fl-Artikolu 1(2) tiegħu, “trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-Komunità”.

153    Barra minn hekk, din il-kawża la tirrigwarda l-provvista tat-trasport u lanqas l-iffissar tal-prezzijiet tat-trasport, imsemmijin espressament fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1017/68.

154    Jekk, kif timplika BA, is-servizzi ta’ l-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3975/87, filwaqt li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 bir-Regolament Nru 141, dawn is-servizzi ma jkunu koperti minn ebda leġiżlazzjoni Komunitarja, u dan ma jistax ikun il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

155    Is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni applikati minn BA jagħmlu parti minn ftehim konklużi bejn BA u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit biex BA tiġi pprovduta b’servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar u, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni ta’ titoli tat-trasport ta’ BA, bl-esklużjoni, konsegwentement, tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru fis-sens proprju tagħhom li BA tipprovdi lill-vjaġġaturi.

156    Dawn il-provvisti ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru huma fil-fatt is-suġġett ta’ kuntratti individwali konklużi bejn BA u l-vjaġġaturi u għalhekk ma jirrigwardawx is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

157    Is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni, li l-applikazzjoni tagħhom għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit hija kkritikata mill-Kummissjoni, ma għandhomx, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala li huma direttament marbuta mas-servizz ta’ trasport bl-ajru fis-sens proprju tiegħu li jkun miftiehem bejn il-vjaġġatur u l-kumpannija ta’ l-ajru.

158    Issa, kif jirriżulta mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 141, l-aspetti speċjali tat-trasport ma jiġġustifikawx li ma jiġix applikat ir-Regolament Nru 17 fir-rigward tal-ftehim, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiki miftiehma li “jikkonċernaw direttament l-provvista tas-servizz tat-trasport” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punt 18)

159    Għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 jipprekludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 biss fir-rigward ta’ l-akkordji li għandhom “bħala għan jew effett l-iffissar tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet, il-limitazzjoni jew il-kontroll ta’ l-offerta tat-trasport jew it-tqassim tas-swieq tat-trasport” (sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 158 iktar ’il fuq, punt 18), u tal-“[…] pożizzjonijiet dominanti, fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE, fis-suq tat-trasport”.

160    Huwa inutli li BA tibbaża ruħha, b’riferiment għas-sentenza Il-Kummissjoni vs UIC, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, fuq ix-xebħ fil-kliem ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1017/68 ma’ dawk ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 17 fir-rigward tar-regolamenti li japplikaw għat-trasport in ġenerali, sabiex issostni li r-Regolament Nru 3975/87 japplika għal dan il-każ.

161    Fl-ewwel lok, mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 3975/87 jirriżulta li r-Regolament Nru 1017/68 japplika esklużivament għat-trasport intern (linji tal-ferrovija, toroq u passaġġi fuq l-ilma interni). BA ma tistax validament issostni li r-Regolament Nru 3975/87 huwa rilevanti f’dan il-każ billi tinvoka r-Regolament Nru 1017/68, li għandu kamp ta’ applikazzjoni materjali differenti.

162    Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 3975/87 li l-Kummissjoni ma kellhiex mezzi, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, biex tinvestiga direttament il-każijiet ta’ ksur issuspettat ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE fis-settur tat-trasport bl-ajru.

163    Fit-tieni lok, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skond il-ħames premessa tar-Regolament Nru 3975/87, ċerti karatteristiċi partikolari ta’ l-attivitajiet ta’ trasport ikkunsidrati globalment, l-awturi ta’ dan it-test kienu ddeċidew ukoll li s-settur tat-trasport bl-ajru għandu karatteristiċi li huma partikolari għalih, kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ l-istess regolament.

164    Fit-tielet lok, mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli għat-trasport bl-ajru toħroġ intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, li ma tinstabx fir-Regolament Nru 1017/68, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3975/87 għall-attivitajiet li jikkonċernaw direttament il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, minħabba n-natura speċifika ta’ dan is-settur.

165    Għalhekk, jirriżulta mit-titolu tar-Regolament Nru 3975/87 li dan “jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru”, b’kuntrast mar-Regolament Nru 1017/68 “li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permess tal-passaġġi fuq l-ilma interni”. Din id-differenza fil-kliem tikkonferma li attività taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3975/87 biss jekk din tkun marbuta direttament mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 158 iktar ’il fuq, punt 22).

166    Barra minn hekk, l-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3976/87, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1987, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji u prattiki miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1 p. 270), adottat fl-istess jum li fih ġie adottat ir-Regolament Nru 3975/87, tfakkar li r-Regolament Nru 17 jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-kompetizzjoni għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma “barra dawk li għandhom x’jaqsmu direttament mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru” (sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 158 iktar ’il fuq, punt 24).

167    Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3975/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2410/92, jipprovdi li “[d]an ir-regolament għandu japplika biss għat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Komunità”.

168    Bl-istess mod, l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 3975/87, introdott bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1284/91, tal-14 ta’ Mejju 1991, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1 p. 312), jirrigwarda biss il-prattiki li għandhom bħala effett li “jagħmlu ħsara diretta lis-servizz ta’ l-ajru”, u dan jippreżupponi li hemm rabta diretta mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru (sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 158 iktar ’il fuq, punt 23).

169    Għalhekk, bl-ebda mod ma huwa deċiżiv l-argument testwali ta’ BA bbażat fuq l-eżenzjoni prevista fid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3975/87 u ta’ l-ittra (k) ta’ l-anness ta’ dan ir-regolament favur akkordji dwar l-approvazzjoni u l-ħlas ta’ kontijiet bejn il-kumpanniji ta’ l-ajru u l-aġenti approvati tagħhom.

170    Dawn l-akkordji, ta’ portata purament teknika, għandhom, fil-fatt, jiġu kkunsidrati, fil-kuntest regolatorju deskritt iktar ’il fuq, bħala separabbli mill-ftehim bħalma huma dawk konklużi bejn BA u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar fis-sens proprju tagħhom.

171    Fl-aħħar nett, BA m’għandha l-ebda bażi biex tgħid li l-prattiki tagħha li hemm lment dwarhom jipproduċu l-effetti prinċipali tagħhom fis-suq tat-trasport bl-ajru. Fil-fatt, l-għażla tar-regolament applikabbli tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tal-prattiki in kwistjoni u mhux fuq l-identifikazzjoni minn qabel tas-suq li fuqu dawn il-prattiki jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs UIC, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, punt 42).

172    Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 85 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni llokalizzat fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru kemm l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkonstatat fir-rigward ta’ BA kif ukoll ċerti effetti tiegħu, li huwa biżżejjed biex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 għal dan il-każ.

173    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq ir-Regolment Nru 17 biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

174    Hemm għaldaqstant lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

 L-argumenti tal-partijiet

175    L-ewwel nett, BA tilmenta li l-Kummissjoni kkunsidratha bħala impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru mingħajr ma debitament ikkunsidrat il-kompetizzjoni qawwija li biha hija kkonfrontata fis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru.

176    Indipendentement mit-total ta’ rotot li sservi, BA ssostni li ma taġixxix bi grad sinjifikattiv ta’ indipendenza la fir-rigward tal-kompetituri tagħha fuq kull rotta u lanqas fir-rigward ta’ vjaġġaturi li għandhom il-kapaċità li jagħżlu l-kumpannija ta’ l-ajru tagħhom għal kull rotta.

177    Fit-tieni lok, BA takkuża lill-Kummissjoni li naqset milli tispjega kif l-allegata pożizzjoni dominanti ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru “tirriżulta” mis-“suċċess kbir” li hija għandha fis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru.

178    BA tosserva, fit-tielet lok, li l-ishma tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru li, skond il-Kummissjoni, hija għandha bħala klijent ta’ l-aġenti, ma jurux li hija tokkupa f’dan is-suq pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni sempliċement għaddet flimkien il-bejgħ kollu tal-biljetti ta’ BA fuq ir-rotot kollha lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit, anki jekk dawk ir-rotot jikkostitwixxu swieq separati.

179    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkalkolatx b’mod korrett l-ishma fis-suq li BA għandha. Il-perċentwalijiet li semmiet il-Kummissjoni jinkludu wkoll il-bejgħ li kien hemm barra r-Renju Unit u għalhekk jissopravalutaw l-ishma fis-suq ta’ BA. Il-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha fuq il-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru li jgħaddu mill-BSPUK li fih jipparteċipaw biss parti mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit. Mingħajr ma analizzat it-tranżazzjonijiet li saru mill-aġenti l-oħra, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tassumi li l-operazzjonijiet li jgħaddu mill-BSPUK kienu jirrappreżentaw minn 80 sa 85 % tal-biljetti kollha mibjugħin mill-aġenti. Fl-aħħar nett, bejgħ imputat lil BA u magħmul fil-qafas tal-BSPUK jinkludi tranżazzjonijiet imwettqin minn kumpanniji oħrajn li jużaw lil BA bħala aġent u ma jipparteċipawx fil-ftehim bejn BA u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

180    BA ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett tal-bejgħ li sar permezz ta’ kanali oħra li ma jinkludux l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, bħall-bejgħ dirett bit-telefown jew bl-Internet. Issa, dawn l-affarijiet jaffettwaw, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, is-saħħa tal-kumpanniji ta’ l-ajru fis-suq tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

181    Meta enfasizzat il-pożizzjoni partikolarment b’saħħitha ta’ BA fir-rigward ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ewlenin, il-Kummissjoni injorat it-tnaqqis nett fil-perċentwali tal-bejgħ totali tagħhom ta’ biljetti ta’ BA u s-sehem relattivament dgħajjef tas-servizzi provduti lil BA fl-attivitajiet ta’ wħud mill-aġenziji prinċipali.

182    Jekk wieħed japplika l-kriterju ta’ l-istabbiltà ta’ l-ishma fis-suq jew dak tas-sensittività għall-kompetizzjoni, adottat fil-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461), l-ishma ta’ BA fis-“suq” tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li hija għandha hemm pożizzjoni dominanti li tipprevali f’kull mument.

183    Analiżi korretta tad-data dwar l-ishma fis-suq miżmuma minn BA pjuttost tikkontradixxi l-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, is-sehem fis-suq ta’ BA għadda minn 47.7 % fil-bidu tas-snin 90 għal 39.7 %. Min-naħa l-oħra, l-ishma fis-suq ta’ kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn, partikolarment dawk ta’ Virgin u ta’ British Midland, kibru b’mod mgħaġġel.

184    L-importanza tal-perċentwali ta’ biljetti mibjugħin minn aġenzija ta’ l-ivvjaġġar ma tagħmilx lill-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata “sieħeb kummerċjali obbligat” ta’ din l-aġenzija, u dan b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-prattika, kull aġenzija għandha toffri l-biljetti ta’ firxa wiesgħa ta’ kumpanniji ta’ l-ajru. Fil-fatt, l-aġenziji għandhom setgħa kbira ta’ negozjar u l-għażla finali ta’ aġent hija f’idejn il-klijent.

185    Kuntrarjament għad-distributuri li joperaw fis-swieq in kwistjoni fil-każ li wassal għas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, u fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar normalment ma jkollhomx stokks u lanqas ma jkollhom verament bżonn li jbiegħu biljetti ta’ BA. Ir-rotot servuti minn BA jservuhom ukoll kumpanniji oħrajn u għalhekk l-aġenti jistgħu jissodisfaw l-għażla tal-vjaġġaturi sakemm dawn ikunu f’pożizzjoni li jbiegħu l-biljetti ta’ BA.

186    Fl-aħħar nett, kieku BA kellha fil-fatt pożizzjoni dominanti, hija ma kien ikollha l-ebda interess li tuża somom konsiderevoli biex ittejjeb is-servizzi tagħha biex tikkompeti b’mod iktar effettiv mal-kumpanniji l-oħrajn.

187    Il-Kummissjoni ssostni li, biex tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, hija kkunsidrat il-perċentwali tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA minn aġenziji ta’ l-ivvjaġġar akkreditati ma’ l-IATA u sensiela ta’ fatturi relatati, bħalma huma d-daqs ta’ BA, il-firxa tas-servizzi tat-trasport bl-ajru u tan-netwerk tagħha.

188    BA kienet manifestament f’pożizzjoni li taġixxi indipendentement mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u, b’mod partikolari, biex unilateralment tissostitwixxi l-kummissjoni bażika ta’ 7 % ma’ dik ta’ 7.5 % fir-rigward ta’ titjiriet interni u għal dik ta’ 9 % fir-rigward ta’ titjiriet internazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

189    Il-pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża li tagħtiha s-setgħa li toħloq ostakolu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tagħti l-possibbiltà ta’ mġiba indipendenti f’miżura sinjifikattiva fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, Ġabra p. II-3929, punt 147).

190    Kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet motiv, huwa fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, li jikkonsistu b’mod partikolari fid-distribuzzjoni ta’ biljetti ta’ l-ajru, ipprovduti għall-kumpanniji ta’ l-ajru mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit li l-Kummissjoni għażlet li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ BA.

191    Kif ġie osservat fil-punt 101 iktar ’il fuq, ma għandux rilevanza l-fatt li BA għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża f’pożizzjoni dominanti bħala xerrejja ta’ servizzi u mhux bħala fornitriċi ta’ servizzi.

192    Minn dan isegwi li n-numru ta’ postijiet offruti fis-servizzi pprovduti minn BA fuq ir-rotot kollha lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit, li jirrappreżentaw biljetti ta’ l-ajru ta’ BA li jistgħu jinbiegħu permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, jikkostitwixxi l-kriterju xieraq biex titkejjel is-saħħa ekonomika li BA tista’ teżerċita fir-rigward ta’ dawn l-aġenti u kumpanniji oħrajn li jixtru s-servizzi ta’ distribuzzjoni in kwistjoni.

193    BA stess irrilevat li l-operazzjoni tal-hub netwerk tagħha fit-territorju tar-Renju Unit jippermettilha toffri ferm iktar titjiriet lejn u mill-ajruporti hub u għalhekk li ġġorr numru ikbar ta’ passiġġieri minn dak li jġorru l-kumpanniji ta’ l-ajru l-oħrajn li jservu r-rotot diretti.

194    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta, sabiex tikkalkola l-ishma li BA għandha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, għaddet flimkien il-biljetti kollha ta’ BA mibjugħin permezz ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit fuq ir-rotot kollha lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit.

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, BA ma tistax validament tinjora n-numru totali ta’ rotot ta’ l-ajru li hija topera sabiex tikkontesta l-kapaċità tagħha li taġixxi bi grad sinjifikattiv ta’ indipendenza fir-rigward tal-kompetituri tagħha preżenti f’kull waħda minn dawk ir-rotot, ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u tal-vjaġġaturi li għandhom il-possibbiltà li jagħżlu l-kumpannija ta’ l-ajru tagħhom.

196    BA lanqas ma tista’ takkuża b’mod validu lill-Kummissjoni li naqset milli tispjega kif il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru hija riżultat tas-suċċessi tagħha fit-trasport bl-ajru.

197    Fil-fatt, biex jiġi stabbilit jekk BA għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, ma hemmx bżonn li tiġi evalwata s-saħħa ekonomika tagħha fid-dawl tal-kompetizzjoni bejn kumpanniji li jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru fuq kull rotta servuta minn BA u mill-kompetituri tagħha lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit.

198    Kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet motiv, dawn id-diversi swieq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru huma separati mis-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, fosthom, b’mod partikolari, id-distribuzzjoni tal-biljetti ta’ l-ajru.

199    Fir-rigward ta’ l-iżbalji fattwali allegati, BA ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li naqset milli tikkunsidra l-impatt tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru bit-telefown jew bl-internet, meta wieħed iqis in-natura speċifika, fid-dawl tal-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, tas-servizzi pprovduti mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

200    Barra minn hekk, din in-natura speċifika wasslet lil BA għall-affermazzjoni li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar huma ta’ importanza vitali, bħala intermedjarji, għall-kumpanniji ta’ l-ajru. Din in-natura speċifika tidher ukoll mill-fatt li l-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru li jsir mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit jirrappreżenta 85 % tat-titoli ta’ trasport bl-ajru kollha mibjugħin f’dan l-Istat Membru.

201    Barra minn hekk, BA ma tistax korrettament tikkritika lill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-biljetti ta’ BA li sar barra mir-Renju Unit fid-determinazzjoni ta’ l-ishma tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

202    Fil-fatt, BA ammettiet, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma kienx possibbli li jiġu kkwantifikati t-tranżazzjonijiet li saru barra mir-Renju Unit. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel distinzjoni skond jekk il-biljetti nbigħux ġewwa r-Renju Unit jew le. Kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet motiv, il-vjaġġaturi normalment jirriżervaw il-biljetti ta’ l-ajru fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda numru ta’ biljetti ta’ natura li setgħu joħolqu distorsjoni fl-istima ta’ l-ishma fis-suq miżmuma minn BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

203    L-argument ta’ BA li l-BSPUK ma huwiex rappreżentattiv ma huwiex konvinċenti. Anki jekk il-BSPUK jkopri biss 4 634 mis-7 000 aġent ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, huwa paċifiku li huma l-ikbar fosthom li huma membri ta’ dan il-pjan ta’ ħlas nazzjonali.

204    Fid-dawl tal-parti l-kbira tal-bejgħ tal-biljetti ta’ l-ajru permezz tal-BSPUK fit-total ta’ bejgħ ta’ biljetti magħmul permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, jidher li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-ishma tas-sitt kumpanniji ta’ l-ajru ewlenin f’dan il-bejgħ totali ta’ biljetti ta’ l-ajru ma setgħux ikunu differenti ħafna minn dawk imdaħħlin fil-kontijiet permezz tal-BSPUK.

205    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, BA infisha indikat matul il-proċedura amministrattiva li hija kienet biegħet, bejn Jannar u Novembru 1998, 85 % tal-biljetti ta’ l-ajru tagħha maħruġin fir-Renju Unit permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-IATA u tal-BSPUK. Issa, jidher li mill-qari tal-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kkritikatx fuq dan il-punt, li 4 108 mill-4 634 aġent li jipparteċipaw fil-BSPUK, jiġifieri xi 89 %, huma akkreditati mill-IATA.

206    Lanqas m’hemm kwistjoni li l-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA minn aġenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-IATA stabbiliti fir-Renju Unit jirrappreżentaw 66 % tal-bejgħ ta’ l-ewwel għaxar kumpanniji ta’ l-ajru, ittrattati mill-BSPUK matul l-istess sena.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li 2 366 aġent ta’ l-ivvjaġġar ma jipparteċipawx fil-BSPUK ma jidhirx li jnaqqas b’mod sinjifikattiv is-sehem ta’ BA fil-bejgħ tal-biljetti ta’ l-ajru fir-Renju Unit permezz ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

208    L-istess japplika għall-bejgħ ta’ biljetti minn kumpanniji oħrajn li jużaw lil BA bħala aġent u li ma jipparteċipawx fis-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ikkontestati. Kif il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet kontradetta minn BA, din ta’ l-aħħar sempliċement qalet li l-ammont ta’ dan il-bejgħ seta’ jirrappreżenta perċentwali ta’ 5 % jew inqas.

209    Għandu jerġa’ jiġi eżaminat jekk ir-raġunament li l-Kummissjoni għamlet biex tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ BA, fuq il-bażi ta’ l-elementi materjali li għaldaqstant hija użat b’mod legali, jistax ikun ivvizjat bi żbalji ta’ evalwazzjoni.

210    F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-indikatur sinjifikattiv ħafna kkostitwit mill-fatt li l-impriża in kwistjoni għandha ishma kbar fis-suq u kif ukoll il-proporzjon bejn l-ishma fis-suq miżmuma mill-impriża kkonċernata u dawk miżmuma mill-eqreb kompetituri tagħha (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, punti 39 u 48), u dan b’mod partikolari billi l-eqreb kompetituri għandhom biss ishma fis-suq marġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 111).

211    Issa, kif jirriżulta mit-tabella riprodotta hawn isfel, meħuda mill-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata u li BA ma kinitx f’pożizzjoni li turi li ma kinitx fattwalment preċiża (ara l-punti 199 sa 208 iktar ’il fuq), l-ishma fis-suq okkupati minn BA fit-total tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru li għaddew mill-BSPUK ma għandhomx biss jitqiesu li huma kbar, iżda huma invarjabbilment jikkostitwixxu multiplu ta’ l-ishma fis-suq ta’ kull wieħed mill-ħames kompetituri ewlenin tagħha fis-suq tar-Renju Unit għas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.


1992

1993

1994

1995

1996

1997

1998

British Airways

46.3

45.6

43.5

42.7

40.3

42.0

39.7

American Airlines

_

5.4

7.3

7.7

7.6

3.6

3.8

Virgin

2.8

3.0

3.7

4.0

4.0

5.8

5.5

British Midland

3.6

3.4

3.2

3.0

2.7

_

_

Qantas

3.0

2.7

3.0

2.6

6.4

3.0

3.3

KLM

2.5

_

_

_

_

3.8

5.3

212    Is-saħħa ekonomika li BA għandha mill-ishma fis-suq tagħha hija rrinforzata bil-pożizzjoni fid-dinja li hija tokkupa minħabba n-numru ta’ passiġġieri-kilometri magħmula f’titjiriet skedati internazzjonali, bil-medda tal-firxa tas-servizzi ta’ trasport tagħha u kif ukoll bil-hub netwerk tagħha.

213    Skond l-affermazzjonijiet ta’ BA stess, l-operazzjonijiet fin-netwerk tagħha jippermettulha, b’paragun mal-ħames kompetituri tagħha, li toffri għażla iktar wiesgħa ta’ rotot u titjiriet iktar frekwenti.

214    Jirriżulta wkoll mill-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li BA ma kkontestatx, li hija operat, fl-1995, 92 mill-151 rotta ta’ l-ajru internazzjonali żgurati li jitilqu minn Heathrow u 43 mit-92 rotta pprovduti f’Gatwick, jiġifieri ħafna drabi n-numru ta’ rotot servuti minn kull wieħed mill-eqreb tliet jew erba’ kompetituri tagħha li joperaw minn dawn iż-żewġ ajruporti.

215    Is-servizzi kollha operati minn BA fuq ir-rotot lejn u mill-ajruporti tar-Renju Unit għandhom l-effett kumulattiv li jiġġeneraw ix-xiri mill-vjaġġaturi ta’ numru sinjifikattiv ta’ biljetti ta’ l-ajru ta’ BA permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u, b’mod korrispondenti, ta’ l-inqas daqstant ieħor tranżazzjonijiet bejn BA u dawn l-aġenti, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru, partikolarment fid-distribuzzjoni ta’ biljetti ta’ l-ajru ta’ BA.

216    Minn dan isegwi neċessarjament li dawn l-aġenti jiddependu b’mod sostanzjali fuq id-dħul li jirċievu minn BA bħala korrispettiv għas-servizzi tagħhom ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

217    Għalhekk BA hija żbaljata meta tiċħad li hija sieħeb kummerċjali obbligat ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u meta ssostni li dawn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ma għandhomx fil-fatt bżonn li jbiegħu biljetti ta’ BA. L-argumenti ta’ BA ma jistgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni, li tidher fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li BA għandha pożizzjoni partikolarment b’saħħitha b’paragun ma’ l-eqreb kompetituri tagħha u ma’ l-ikbar aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

218    Għalhekk, mill-fatti tal-kawża jirriżulta li BA kienet f’pożizzjoni li timponi unilateralment, b’ċirkulari tas-17 ta’ Novembru 1997, it-tnaqqis, mill-1 ta’ Jannar 1998, tar-rati tal-kummissjoni tagħha fis-seħħ sa dakinhar u li testendi s-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kollha stabbiliti fir-Renju Unit.

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, la d-daqs possibbilment żgħir tas-sehem mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA fin-negozju ta’ wħud mill-aġenziji prinċipali, li barra minn hekk dan ġie biss allegat, u lanqas l-allegat tibdil tas-sehem ta’ BA fiċ-ċifra totali tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru li sar mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit ma jistgħu joħolqu dubji fuq il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li BA għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

220    Id-dipendenza kbira ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar tar-Renju Unit fuq BA u l-libertà ta’ azzjoni korrispondenti ta’ BA fir-rigward tal-kumpanniji l-oħrajn li jużaw is-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru lanqas ma jistgħu jiġu ddubitati mill-fatt li dawn l-aġenti normalment ma jkollhomx stokks ta’ biljetti ta’ l-ajru.

221    Fil-fatt, ċirkustanza bħal din, ta’ natura purament loġistika, ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-pożizzjoni dominanti li BA tikseb mill-piż kbir tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

222    L-argumenti li, bħala impriża f’pożizzjoni dominanti, BA ma għandha ebda interess tonfoq somom konsiderevoli biex ittejjeb is-servizzi tagħha biex tikkompeti b’mod iktar effettiv mal-kumpanniji kompetituri tagħha huwa irrilevanti billi dan jikkonċerna s-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru u mhux is-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru li l-Kummissjoni qieset sabiex tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ BA.

223    Fl-aħħar nett, għall-istess raġuni, la t-tnaqqis tal-perċentwali fil-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru ta’ BA u lanqas il-progress ta’ l-ishma fis-suq ta’ ċerti kumpanniji kompetituri ma huma kbar biżżejjed sabiex jikkonfutaw l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar.

224    F’dan il-każ, it-tnaqqis ta’ l-ishma fis-suq ta’ BA ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi l-prova li ma hemmx pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pożizzjoni li BA għadha tokkupa fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru tar-Renju Unit baqgħet preponderanti ħafna. Kif turi t-tabella fil-punt 211 iktar ’il fuq, għad hemm diskrepanza sostanzjali, matul il-perijodu kollu tal-ksur li l-Kummissjoni kkonstatat, bejn, minn naħa, l-ishma fis-suq ta’ BA u, min-naħa l-oħra, kemm l-ishma fis-suq ta’ l-eqreb kompetitur tagħha kif ukoll l-ishma kumulattivi tal-ħames kompetituri ewlenin tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

225    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li BA kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

226    Għaldaqstant is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

227    BA tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ħolqu diskriminazzjoni bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit jew ipproduċew effett ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri.

 Fuq in-natura diskriminatorja tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA fir-rigward ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

–       L-argumenti tal-partijiet

228    BA tilmenta li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kriterji mhux ugwali jew li m’hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali leġittimi.

229    Il-fatt li żewġ aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jbiegħu numri differenti ta’ biljetti ta’ BA jistgħu jirċievu l-istess ħlasijiet u li żewġ aġenti li jkunu biegħu l-istess numru ta’ biljetti ta’ BA jistgħu jirċievu ħlasijiet ta’ inċentivi differenti ma jistabbilixxix li hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-punt ċ) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

230    Għall-kuntrarju, aġenti ta’ l-ivvjaġġar li huma ta’ daqs differenti jistgħu jiddedikaw l-istess ammont ta’ sforz u ta’ riżorsi għall-bejgħ tal-biljetti ta’ BA. Il-kalkolu tal-premiums ta’ produzzjoni bbażat fuq il-bejgħ ta’ l-aġent fil-perijodu ta’ riferiment ta’ qabel għandu l-vantaġġ li d-daqs ta’ l-aġent jittieħed inkunsiderazzjoni.

231    Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA ħolqu diskriminazzjoni illegali bejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar għaliex kienu bbażati fuq kemm l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jilħqu jew itejbu l-livell tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA fil-perijodu ta’ riferiment ta’ qabel, u mhux fuq volum differenti ta’ bejgħ ta’ biljetti li sar jew fuq il-livell ta’ servizz ipprovdut lil BA.

232    Din il-prattika ħolqot lil ċerti aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, meta pparagunati ma’ oħrajn, żvantaġġ fil-kompetizzjoni qawwija ta’ bejniethom. Billi ħolqu distorsjoni fil-livell ta’ kummissjonijiet imħallsa lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, l-iskemi ta’ inċentivi finanzjarji applikati minn BA affettwaw il-kapaċità ta’ l-aġenti biex jikkompetu ma’ xulxin.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

233    L-Artikolu 82 KE jgħid fil-punt ċ) tat-tieni paragrafu tiegħu li l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti jista’ jikkonsisti fl-applikazzjoni, fir-rigward ta’ l-imsieħba kummerċjali, ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv.

234    Huwa stabbilit li, kif tgħid il-Kummissjoni fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, it-twettiq mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit ta’ l-għan tagħhom li jżidu l-bejgħ tal-biljetti ta’ BA kien ifisser żieda fir-rati tal-kummissjonijiet li BA kienet tħallashom, mhux biss fuq il-biljetti ta’ BA mibjugħin wara li jkun intlaħaq l-għan imma wkoll fuq il-biljetti kollha ta’ BA li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ikunu ħadu ħsieb matul il-perijodu ta’ riferiment in kwistjoni.

235    B’dak il-mod, is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni in kwistjoni setgħu wasslu għall-applikazzjoni ta’ rati differenti ta’ kummissjoni għal ammont indentiku ta’ dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA minn żewġ aġenti ta’ l-ivvjaġġar, billi ċ-ċifri ta’ bejgħ rispettivi tagħhom, u għalhekk ir-rati tat-tkabbir tagħhom, kienu differenti matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ qabel.

236    Bir-remunerazzjoni f’livelli differenti ta’ servizzi li madankollu kienu identiċi u pprovduti matul l-istess perijodu ta’ riferiment, dawn is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ħolqu distorsjoni fil-livell ta’ remunerazzjoni li l-partijiet ikkonċernati rċevew bħala kummissjonijiet imħallsin minn BA.

237    Kif BA stess osservat, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit għandhom kompetizzjoni kbira bejniethom, u din il-kapaċità li jikkompetu ma’ xulxin tiddependi fuq l-abbiltà tagħhom li jipprovdu postijiet fuq titjiriet adattati għax-xewqat tal-vjaġġaturi, bi prezz raġonevoli.

238    Din l-abbiltà ta’ l-aġenziji li joperaw f’kompetizzjoni reċiproka meta jipprovdu lill-vjaġġaturi servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru u li jistimulaw id-domanda tal-kumpanniji ta’ l-ajru għall-istess servizzi, inwkantu tiddependi mir-riżorsi finanzjarji ta’ kull aġent, kienet naturalment affettwata mill-kundizzjonijiet diskriminatorji ta’ remunerazzjoni inerenti fis-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA.

239    L-argumenti ta’ BA bbażati fuq l-importanza tad-daqs ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit huma irrilevanti. Is-sistemi tal-premiums ta’ produzzjoni kkritikati kienu minnhom infushom, ibbażati fuq parametru li ma għandu l-ebda rabta mal-kriterju tad-daqs ta’ l-impriżi, billi kienu bbażati fuq kemm l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar żiedu l-bejgħ tagħhom ta’ biljetti ta’ BA fir-rigward tal-limitu kkostitwit min-numru ta’ biljetti ta’ BA mibjugħin matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ qabel.

240    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li s-sistemi ta’ premiums ta’ BA kienu jikkostitwixxu abbuż minn BA tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar, billi dawn ipproduċew effetti diskriminatorji fost l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u, għaldaqstant, imponew fuq uħud minnhom żvantaġġ kompetittiv fis-sens tal-punt ċ) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

 Fuq l-effett ta’ esklużjoni fuq kumpanniji ta’ l-ajru li jikkompetu ma’ BA li huwa riżultat tan-natura ta’ “tkabbir ta’ fedeltà” tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA.

241    B’mod preliminari, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jkopri mġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ta’ natura li tinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament bħala riżultat tal-preżenza ta’ l-impriża in kwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef u li għandha l-effett li tostakola, permezz ta’ użu ta’ metodi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi tar-rendiment ta’ l-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li jkun għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, punt 91, u Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 70; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 69; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 111).

242    Għalhekk, għalkemm il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward ta’ l-impriża kkonċernata, din għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz ta’ l-imġiba tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni (sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 57, u Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 112).

243    Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma tipprekludix impriża mqiegħda f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tħares l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn ikunu mhedda, u għalkemm din l-impirża għandha l-fakultà, b’mod raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tqis xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, tali mġiba ma tistax madankollu tiġi aċċettata meta din tkun intiża sabiex issaħħaħ lil din il-pożizzjoni dominanti u jsir abbuż minnha (sentenza United Brands vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, punt 189; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II‑389, punt 69; tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T‑24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 107, u Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 112).

244    Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ l-għoti ta’ roħs minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li roħs ta’ fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jiġi pprovdut bi provvisti pprovduti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, jmur kontra l-Artikolu 82 KE. Tali roħs iwassal, fil-fatt, għall-preklużjoni, permezz ta’ l-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, li l-klijenti jiġu pprovduti bi provvisti mingħand produtturi kompetituri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 518; Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, punti 89 u 90; Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 71, u BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 244 iktar ’il fuq, punt 120).

245    B’mod iktar ġenerali, sistema ta’ roħs li għandha bħala effett il-preklużjoni li klijenti jiġu pprovduti bi provvisti mingħand kompetituri fis-suq hija kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk hija applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li roħs marbut mat-twettiq ta’ għan ta’ xiri jikser ukoll l-Artikolu 82 KE (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 86).

246    Is-sistemi ta’ roħs kwantitattivi marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri mingħand produttur dominanti huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx bħala effett li jipprekludu, bi ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, li klijenti ta’ dan il-produttur jiġu pprovduti bi provvisti mingħand il-kompetituri tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 71, u tad-29 ta’ Marzu 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-163/99, Ġabra p. I-2613, punt 50). Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I-2618, punt 106). Ir-roħs tal-kwantità huwa għalhekk intiż sabiex jirrifletti ż-żieda ta’ l-effiċjenza u ta’ l-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

247    Minn dan isegwi li sistema ta’ roħs li r-rata ta’ tnaqqis fil-prezz tagħha tiżdied skond il-volum mixtri ma tiksirx l-Artikolu 82 KE, ħlief jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tar-roħs juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, iżda twassal, bħar-roħs ta’ fedeltà u ta’ mira, sabiex tipprekludi li l-klijenti jiġu pprovduti bi provvisti mingħand produtturi kompetituri (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, punt 90; Michelin vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 73 u Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 114).

248    B’mod ġenerali, minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li kull sistema ta’ roħs ta’ “tkabbir ta’ fedeltà” applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandha tendenza li tipprekludi lill-klijenti milli jiksbu provvisti mingħand il-kompetituri, bi ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, irrispettivament minn jekk is-sistema ta’ roħs hijiex diskriminatorja. L-istess japplika fir-rigward ta’ sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ “tkabbir ta’ fedeltà” prattikata minn xerrej f’pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-fornituri tiegħu ta’ servizzi (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).

249    Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ma laqgħetx l-ilment tal-Kummissjoni li s-sistema ta’ roħs applikata minn Michelin kienet diskriminatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li sistema bħal dik kienet tikser l-Artikolu 82 KE billi l-bejjiegħa bl-imnut kienu jiddependu fuq Michelin.

–       L-argumenti tal-partijiet

250    BA tallega li l-Kummissjoni sempliċement ippreżumiet li l-prattiki ta’ BA kellhom effett ta’ esklużjoni, kuntrarjament għal dak li teħtieġ is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq. Id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull analiżi tas-swieq tat-trasport bl-ajru u minn kull prova empirika tal-preġudizzju li s-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA kkawżaw lill-kompetituri, lill-klijenti jew lill-konsumaturi.

251    Jidher li l-Kummissjoni assumiet, mingħajr ebda prova insostenn, li l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jistgħu jikkontrollaw parti sinjifikattiva mill-bejgħ ta’ biljetti għad-detriment tal-konsumaturi, meta dawn għandhom biss ftit influwenza fuq l-għażla tal-kumpanniji ta’ l-ajru mill-vjaġġaturi.

252    Is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA ma pprekludewx lill-kompetituri tagħha milli jikkonkludu ftehim simili ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit. Billi BA kienet tirrappreżenta inqas minn 50 % tal-bejgħ totali ta’ biljetti fis-suq iddefinit mill-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jikkonkludi li l-kumpanniji l-oħrajn, ikkunsidrati kollha kemm huma, kienu jqisu li ma kienx jaqblilhom ekonomikament li jipproponu inċentivi ekwivalenti għal dawk ta’ BA. L-aġenziji l-kbar ta’ l-ivvjaġġar, li jagħmlu bejgħ totali ta’ biljetti ta’ BA ta’ ftit inqas minn 50 %, innegozjaw individwalment ftehim u setgħu għalhekk idaħħlu lill-kumpanniji ta’ l-ajru f’kompetizzjoni bejniethom.

253    Fi kwalunkwe każ, l-istruttura tal-premiums ta’ produzzjoni ta’ BA ma kinitx ta’ inċentiv għall-aġenziji biex BA tiġi ppreferuta fil-konfront ta’ kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn. Il-vantaġġi mogħtija lill-aġenti kienu jiddependu minn numru ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, il-livell tal-limiti fil-mira u r-rata ta’ suċċess tal-partijiet ikkonċernati fid-dawl ta’ dawn il-limiti.

254    Il-vantaġġi offruti minn BA ngħataw fid-dawl tan-numru ta’ biljetti mibjugħin u mhux fuq il-bażi tal-perċentwali tat-tranżazzjonijiet ta’ l-aġent magħmulin f’isem BA. Anki meta aġent żied il-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA, is-sehem ta’ BA fin-negozju tiegħu seta’ naqas u dak tal-kumpanniji l-oħrajn seta’ żdied b’mod parallel.

255    Il-ftehim ta’ fedeltà jservu ta’ mezz biex jippermetti l-operazzjoni tal-kompetizzjoni u bl-ebda mod ma joħolqu distorsjoni fiha. Id-daqs tat-tkabbir ta’ l-ishma fis-suq ta’ kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn juri li l-ftehim ta’ fedeltà ma setgħux ikollhom l-effett ta’ esklużjoni allegat mill-Kummissjoni.

256    Il-vantaġġi mogħtija lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kienu jfissru ffrankar ta’ flus konsiderevoli, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, billi BA tingħata possibbiltà ikbar sabiex tnaqqas it-tariffi tagħha u/jew billi tkun tista’ toffri numru ikbar ta’ titjiriet fuq ċerti linji ta’ l-ajru.

257    BA tikkontesta l-kritika indirizzata mill-Kummissjoni lejn l-istruttura tal-ftehim ta’ fedeltà tagħha. Fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ kontinwità taż-żieda ta’ vantaġġi tariffarji mogħtija lill-aġenti kien ikun rilevanti biss kieku dan kellu, li BA tiċħad, effett ta’ esklużjoni. Fi kwalunkwe każ, wieħed ma jistax jassumi li dan in-nuqqas ta’ kontinwità kien ta’ vantaġġ għal BA. Fil-prattika, fl-industrija tat-trasport bl-ajru kollha in ġenerali, kien impossibbli li wieħed jipprevedi li l-vantaġġi mogħtija jiffavorixxu sistematikament lil BA jew lil kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn.

258    Fit-tieni lok, il-kalkolu ta’ l-għanijiet ta’ bejgħ b’riferiment għar-riżultati miksubin fis-sena ta’ qabel, ikkritikat mill-Kummissjoni fil-premessi 48 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata, kien kemm raġonevoli għall-partijiet u kif ukoll ta’ benefiċċju fl-effetti tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-effett ta’ inċentiv tal-ftehim in kwistjoni seta’ jitkejjel biss matul iż-żmien.

259    BA tinnota li ż-żewġ oġġezzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni ma humiex rilevanti billi din hija sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni li hija implementat bejn Diċembru 1997 u Marzu 1999. Din is-sistema pprevediet kemm żieda kontinwa kif ukoll kalkolu ta’ kull xahar, u mhux annwali, ta’ l-inċentivi mogħtija lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

260    Fit-tielet lok, BA tikkontesta l-fondatezza ta’ l-oġġezzjoni li l-Kummissjoni tqajjem fil-premessi 48 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata, tan-nuqqas ta’ kull relazzjoni bejn il-ħlasijiet mogħtijin lill-aġenti u l-ekonomiji magħmulin f’termini ta’ spejjeż. Politika ekonomika raġonevoli tinkoraġġixxi impriża sabiex tirrikorri għal sistema ta’ roħs, indipendentement mit-twettiq ta’ ekonomiji li jista’ jkun hemm. Il-ftehim ta’ fedeltà huma mezz prattiku biex jingħataw vantaġġi marbutin mar-riżultati mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jagħmel kalkolu diffiċli, jekk mhux impossibbli, tar-relazzjoni eżatta, li tvarja ħafna, li l-prezz ta’ biljett għandu ma’ l-ispiża tiegħu. Minħabba l-livell ta’ spejjeż fissi li jipprevali fis-settur tat-trasport bl-ajru, titjib fl-użu tal-kapaċitajiet inaqqas l-ispiża unitarja medja u pprovda, għalhekk, lil BA b’iffrankar li hija intitolata taqsam ma’ l-aġenti u mal-klijenti.

261    BA tosserva, fir-raba’ lok, li, bl-imputazzjoni ta’ l-effetti ta’ fedeltà tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni kkontestati għall-użu minn BA ta’ medda ta’ rotot ikbar minn dik ta’ kumpanniji ta’ l-ajru oħrajn (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tinjora l-fatt li r-roħs globali offrut minn BA kien ekwivalenti għall-ħlas tar-rati ta’ roħs iddifferenzjati fuq diversi rotot. Anki jekk kumpanniji ta’ l-ajru iżgħar jista’ jkollhom medja ikbar ta’ spejjeż fil-bejgħ, huma ma kinux b’daqshekk esklużi mid-diversi swieq in kwistjoni jew preklużi milli jipprovdu kompetizzjoni effettiva.

262    Skond il-Kummissjoni u Virgin, is-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, u Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, jistabbilixxu l-prinċipju li fornitur f’pożizzjoni dominanti jista’ jagħti roħs bħala korrispettiv għal effiċjenza ikbar, bl-esklużjoni ta’ roħs jew inċentivi intiżi biex jiżgurawlu l-fedeltà tal-klijentela (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

263    Roħs mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti, fid-dawl taż-żieda fix-xiri magħmul matul ċertu perijodu, mingħajr ma dan ir-roħs jista’ jiġi kkunsidrat bħala skont normali tal-kwantità, jikkostitwixxi użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, inkwantu prattika bħal din jista’ jkollha biss l-għan li torbot lill-klijenti li fil-konfront tagħhom din issir u li l-kompetituri jitpoġġew f’pożizzjoni kompetittiva sfavorevoli (sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 213).

264    L-Artikolu 82 KE ma jirrikjedix li jiġi ppruvat li l-imġiba kkontestata kellha effett reali jew dirett fuq il-konsumaturi. Id-dritt tal-kompetizzjoni huwa intiż sabiex jipproteġi l-istruttura tas-suq minn distorsjonijiet artifiċjali u b’dan il-mod jipproteġi aħjar l-interessi tal-konsumatur għal żmien medju u fit-tul.

265    Meta, bħal f’dan il-każ, jiltaqgħu l-karatteristiċi kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala determinati fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, biex jiġi deċiż li sistema ta’ skontijiet tikkostitwixxi abbuż, ma huwiex meħtieġ li tintwera wkoll il-preżenza tal-karatteristiċi u ta’ l-effetti ta’ sistema bħal dik ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq.

266    Minħabba l-istruttura tas-sistemi ta’ premiums applikata minn BA, il-kummissjoni marġinali miksuba mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar fuq kull parti addizzjonali mibjugħa għal BA żdiedet b’mod esponenzjali viċin il-limitu tal-kummissjoni addizzjonali. Kien impossibbli għall-kumpanniji ta’ l-ajru iżgħar kompetituri li joffru rati ta’ kummissjoni ta’ dak id-daqs. Barra minn hekk, minħabba l-livell tal-kummissjoni marġinali li jirriżulta mis-sistema in kwistjoni, BA biegħet b’telf numru kbir ta’ biljetti.

267    L-abbuż twettaq billi l-kummissjonijiet addizzjonali ma kinux marbuta ma’ l-iffrankar ta’ l-ispejjeż jew it-tkabbir fl-effiċjenza minn BA fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tagħha ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, imma pjuttost ma’ kemm dawn ta’ l-aħħar laħqu jew qabżu l-livell tal-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA milħuq matul is-sena ta’ qabel irrispettivament mid-daqs jew l-effiċjenza tagħhom jew is-servizzi pprovduti lil BA.

268    Billi l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar baqgħu, fil-wisa’, l-iktar kanal ta’ distribuzzjoni importanti użat mill-kumpanniji ta’ l-ajru biex ibiegħu s-servizzi tat-trasport bl-ajru fir-Renju Unit, il-Kummissjoni ssostni li l-imġiba abbużiva ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru kellu wkoll effett ta’ esklużjoni serju fil-konfront tal-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri fis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru.

269    Il-fatt li, minħabba l-liberalizzazzjoni ta’ dawn is-swieq ta’ l-aħħar, il-kompetituri ta’ BA setgħu jieħdu mill-ishma fis-suq ta’ BA ma jfissirx li s-sistemi ta’ inċentivi finanzjarji ta’ BA ma kellhomx effetti antikompetittivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

270    Sabiex jiġi ddeterminat jekk BA abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha bl-applikazzjoni tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-kriterji kif ukoll il-modalitajiet ta’ l-għoti u li jiġi eżaminat jekk dawn il-premiums kellhomx it-tendenza, permezz ta’ l-attribuzzjoni ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq l-ebda servizz ekonomiku li jiġġustifikah, li jneħħu jew jirrestrinġu l-possibbiltà li l-aġenti jbiegħu s-servizzi tagħhom lill-kumpanniji ta’ l-ajru ta’ l-għażla tagħhom u b’hekk jostakolaw l-aċċess lill-kumpanniji kompetituri ta’ l-ajru ta’ BA għas-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, punt 90; Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 89, u Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punti 114 u 197).

271    Huwa meħtieġ, f’dan il-każ, li jiġi stabbilit jekk il-ftehim kummerċjali u s-sistema ġdida ta’ premiums ta’ produzzjoni kellhomx effett ta’ tkabbir ta’ fedeltà fil-konfront ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u, f’dan il-każ, jekk dawn is-sistemi kinux ibbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 73; Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 246 iktar ’il fuq, punt 52, u Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 114).

272    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-natura tat-tkabbir ta’ fedeltà tas-sistemi in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba n-natura progressiva tagħhom b’effett notevoli fuq il-marġni, ir-rati ta’ kummissjoni miżjudin setgħu jiżdiedu b’mod esponenzjali minn perijodu wieħed ta’ riferiment għall-ieħor, kif kiber in-numru ta’ biljetti ta’ BA mibjugħin mill-aġenti matul perijodi ta’ riferiment suċċessivi.

273    F’mod invers, iktar ma kiber id-dħul mill-bejgħ tal-biljetti ta’ BA, iktar kienet qawwija l-penalità li sofrew il-persuni kkonċernati fil-forma ta’ tnaqqis sproporzjonat fir-rati ta’ premiums ta’ produzzjoni, anki fil-każ ta’ tnaqqis żgħir fil-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA pparagunat mal-perijodu ta’ riferiment ta’ qabel. Għalhekk BA ma tistax tiċħad in-natura ta’ tkabbir ta’ fedeltà tas-sistemi in kwistjoni.

274    Sabiex tiċħad l-effett tat-tkabbir ta’ fedeltà tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni fuq l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, BA ma tistax validament tistrieħ fuq il-fatt li dawn l-aġenti għandhom biss influwenza żgħira fuq l-għażla tal-linji ta’ l-ajru tal-vjaġġaturi. Fil-fatt, BA nfisha sostniet li dawn l-aġenti jipprovdu servizz utli ta’ filtrazzjoni ta’ informazzjoni kkommunikata lill-vjaġġaturi ffaċċjati bil-proliferazzjoni ta’ diversi strutturi tariffarji tat-trasport bl-ajru.

275    Barra minn hekk, jekk huwa veru li l-vantaġġi mogħtija lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kienu jiddependu, kif issostni BA, fuq il-livell tal-limiti mmirati u r-rata ta’ suċċess miksuba fid-dawl ta’ dawn il-limiti, l-effett tat-tkabbir tal-fedeltà fuq l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jirriżulta mill-premiums ta’ produzzjoni għandu madankollu jitqies li nkiseb.

276    Barra minn hekk, l-oġġezzjoni ta’ BA li l-“ftehim ta’ fedeltà” ma pprekludewx lill-kompetituri tagħha milli jikkonkludu ftehim simili ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit ma hijiex konvinċenti. Il-ħames kompetituri ewlenin ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit għas-servizzi ta’ l-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma jistgħux jitqiesu li kienu f’pożizzjoni li jagħtu l-istess vantaġġi lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar.

277    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li n-numru ta’ biljetti ta’ BA mibjugħa mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit fir-rigward tar-rotot kollha ta’ l-ajru minn u għall-ajruporti tar-Renju Unit jirrappreżenta invarjabbilment multiplu kemm ta’ bejgħ ta’ biljetti mwettaq minn kull wieħed minn dawn il-ħames kompetituri prinċipali u kif ukoll tat-total akkumulat ta’ dan il-bejgħ stess.

278    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta b’mod suffiċjenti skond il-liġi, li l-impriżi kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu, fir-Renju Unit, dħul li jista’ jikkostitwixxi bażi finanzjarja wiesgħa biżżejjed sabiex tippermettilhom li jistabbilixxu b’mod effettiv sistema ta’ premiums komparabbli mas-sistemi ta’ premiums ta’ BA li tkun ta’ natura li tpatti għall-effett ta’ esklużjoni ġġenerat fil-konfront tagħhom fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

279    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni applikati minn BA kinux ibbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, għandu jitfakkar li l-fatt li impriża hija f’pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadhiex mill-fakultà tagħha, f’miżura raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tikkunsidra xierqa sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn ikunu mhedda (sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241, iktar ’il fuq, punt 112).

280    Madankollu, sabiex tkun legali, il-protezzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża li għandha, bħal BA, pożizzjoni dominanti, għandha tkun ibbażata fuq kriterji ta’ effiċjenza ekonomika (sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 189).

281    Issa, f’dan il-każ jidher li BA ma wrietx li n-natura ta’ fedeltà tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni jistrieħu fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat.

282    Fil-fatt, ir-realizzazzjoni tal-miri ta’ tkabbir fil-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit wasslet għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ kummissjoni ogħla, mhux biss fuq il-biljetti ta’ BA mibjugħa ladarba dawn il-miri ntlaħqu, iżda fuq il-biljetti ta’ BA kollha maħruġa matul il-perijodu ta’ riferiment ikkunsidrat.

283    Jidher għalhekk li r-remunerazzjoni addizzjonali ta’ l-aġenti hija nieqsa minn kull relazzjoni oġġettiva mal-korrispettiv li jirriżulta għal BA mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru addizzjonali.

284    Dan kollu premess, is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni ta’ BA ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-korrispettiv għal żieda fl-effiċjenza jew fl-iffrankar ta’ l-ispejjeż li jirriżulta mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA wara li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet. Għall-kuntrarju, din l-applikazzjoni retrospettiva ta’ rati ta’ kummissjoni miżjudin għall-biljetti kollha ta’ BA mibjugħin minn aġent ta’ l-ivvjaġġar matul il-perijodu ta’ riferiment in kwistjoni għandha titqies ukoll bħala li hija ta’ natura li twassal għall-bejgħ ta’ ċerti biljetti ta’ BA bi prezz mhux proporzjonat maż-żieda fil-produttività miksuba minn BA mill-bejgħ ta’ dawn il-biljetti addizzjonali.

285    Anki jekk, kif issostni BA, kull kumpannija ta’ l-ajru għandha interess tbiegħ biljetti addizzjonali għat-titjiriet tagħha minflok tħalli postijiet vojta, il-vantaġġ li jirriżulta minn rata aħjar ta’ mili ta’ l-ajruplani għandu normalment ikun, f’każ bħalma huwa dan in eżami, konsiderevolment imnaqqas, minħabba ż-żieda fl-ispiża mħallsa minn BA minħabba ż-żieda fir-remunerazzjoni ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar li tirriżulta mill-applikazzjoni retrospettiva tal-kummissjoni miżjuda.

286    Għaldaqstant, billi s-sistemi ta’ premiums in kwistjoni kienu nieqsa minn korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom essenzjalment it-tendenza li jagħtu remunerazzjoni għaż-żieda fil-bejgħ ta’ biljetti ta’ BA minn perijodu ta’ riferiment għall-ieħor u, għalhekk, li jsaħħu l-fedeltà lejn BA ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fit-territorju fir-Renju Unit.

287    Għalhekk l-aġenti ġew skoraġġuti milli joffru s-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar lill-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri ta’ BA, li minħabba f’hekk id-dħul jew il-progress tagħhom fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar kien neċessarjament ostakolat.

288    BA ma jista’ jkollha l-ebda interess fl-applikazzjoni tas-sistemi ta’ premiums tagħha għajr dak li teskludi lill-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri u li b’hekk tiġi ostakolata ż-żamma tal-livell eżistenti ta’ kompetizzjoni jew ta’ l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

289    B’mod partikolari, BA ma tistax validament issostni li ’l fuq minn ċerta rata ta’ mili ta’ ajruplan, il-bejgħ ta’ biljetti addizzjonali jiġġenera neċessarjament profitti. Fil-fatt, kif għadu kif issemma, il-korrispettiv għal bejgħ ta’ biljetti li jagħmel aġent ladarba l-għanijiet ta’ tkabbir tal-bejgħ tiegħu ikun intlaħaq kien jirrappreżenta spiża addizzjonali, fil-forma ta’ applikazzjoni retrospettiva tal-kummissjoni miżjuda mal-biljetti kollha ta’ BA mibjugħin matul il-perijodu ta’ riferiment in kwistjoni, li setgħet tkun ugwali jew superjuri għal dan il-profitt.

290    Barra minn hekk, BA stess ammettiet matul is-seduta li ma kienx hemm relazzjoni preċiża bejn, minn naħa, l-ekonomiji ta’ skala li seta’ kien hemm permezz tal-biljetti ta’ BA addizzjonali mibjugħa wara li ntlaħqu l-miri ta’ bejgħ u, min-naħa l-oħra, iż-żidiet tar-rati tal-kummissjonijiet imħallsa bħala korrispettiv lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

291    Kuntrarjament għal dak li ssostni BA, is-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni tagħha ma setgħux għalhekk jikkostitwixxu modalità ta’ eżerċizzju ta’ operazzjoni normali tal-kompetizzjoni u lanqas ma setgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ l-ispejjeż tagħha. L-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn BA ma humiex ta’ natura li juru li s-sistemi tagħha ta’ premiums ta’ produzzjoni kellhom ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva.

292    Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet korretta meta ddeċidiet li BA abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru meta rrestrinġiet, permezz ta’ l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni mhux ibbażati fuq korrispettiv ekonomiku ġġustifikat, il-libertà ta’ dawn l-aġenti li jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-kumpanniji ta’ l-ajru ta’ l-għażla tagħhom u, konsegwentement, l-aċċess ta’ dawn ta’ l-aħħar għas-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

293    Fl-aħħar nett, BA ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-prattiki tagħha pproduċew effett ta’ esklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, għall-finijiet ta’ l-istabbiliment ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, ma huwiex neċessarju li jintwera li l-abbuż ikkunsidrat kellu effett konkret fis-swieq ikkonċernati. F’dan ir-rigward, hija suffiċjenti l-prova ta’ l-imġiba abbużiva ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha t-tendenza li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, jew, fi kliem ieħor, li l-imġiba hija ta’ natura jew jista’ jkollha dan l-effett.

294    Min-naħa l-oħra, jidher li mhux biss il-prattiki kkontestati setgħu verament ikollhom effett restrittiv fis-swieq tar-Renju Unit ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru u tat-trasport bl-ajru, imma wkoll li dan l-effett intwera b’mod konkret mill-Kummissjoni.

295    Fil-fatt, peress li fiż-żmien ta’ l-imġiba oġġezzjonata, l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit għamlu l-85 % tal-bejgħ kollu tal-biljetti ta’ l-ajru fit-territorju tar-Renju Unit, l-imġiba abbużiva ta’ BA fis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ l-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru ma setgħetx ma tipproduċix l-effett li jiġu esklużi kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri (għad-detriment tagħhom) mis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru, minħabba r-rabta li hemm bejn is-swieq in kwistjoni, kif ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ l-eżami tar-raba’ motiv.

296    Minħabba dan l-effett prodott mis-sistemi ta’ premiums applikati minn BA fis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru, ma jistax jiġi aċċettat l-argument ta’ BA li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda analiżi tas-swieq tat-trasport bl-ajru jew prova empirika tal-ħsara li l-iskemi ta’ inċentivi finanzjarji tagħha kkawżaw lill-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri jew lill-vjaġġaturi.

297    Barra minn hekk, meta impriża f’pożizzjoni dominanti timplementa prattika li tiġġenera effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħha, il-fatt li l-produzzjoni mixtieqa ma tintlaħaqx ma huwiex suffiċjenti biex jipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.

298    Barra minn hekk, it-tkabbir ta’ l-ishma fis-suq ta’ ċerti kompetituri ta’ BA, tkabbir żgħir f’termini ta’ valur assolut, fid-dawl ta’ l-ishma baxxi oriġinali tagħhom, ma jfissirx li l-prattiki ta’ BA kienu bla effett. Fin-nuqqas ta’ dawn il-prattiki, jista’ jiġi kkunsidrat li l-ishma fis-suq ta’ dawn il-kompetituri setgħu jiżdiedu b’mod iktar sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 243 iktar ’il fuq, punt 149).

299    Għalhekk il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li BA kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 82 KE meta applikat għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru fir-Renju Unit sistemi ta’ premiums ta’ produzzjoni li kienu kemm diskriminatorji kontra uħud mill-benefiċjarji tagħhom ipparagunati ma’ oħrajn kif ukoll kellhom bħala għan u effett, mingħajr ebda korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, li tiġi kkumpensata l-fedeltà ta’ dawn l-aġenti lejn BA u, b’hekk, li jiġu esklużi l-kumpanniji ta’ l-ajru kompetituri kemm mis-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru kif ukoll, bħala konsegwenza neċessarja, mis-swieq tar-Renju Unit ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru.

300    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv ibbażat fuq in-natura eċċessiva ta’ l-ammont tal-multa.

 L-argumenti tal-partijiet

301    BA tikkunsidra li l-multa li ġiet imposta fuqha, f’ammont ta’ EUR 6 800 000, hija eċċessiva fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171; iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida”).

302    L-ewwel nett, l-ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 4 miljun, li huwa intiż sabiex jirrifletti l-gravità, id-daqs u l-impatt tal-ksur imwettaq, huwa eċċessiv fid-dawl tal-punt 1 A tal-Linji Gwida. Skond din id-dispożizzjoni, biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur biex jikkawża ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħrajn, partikolarment lill-konsumaturi. F’dan il-każ, BA issostni, li bl-ebda mod ma ġie stabbilit li s-sistemi ta’ premiums ta’ BA għamlu ħsara lill-konsumaturi.

303    Skond it-tielet inċiż tal-punt 1 B tal-Linji Gwida, l-okkorrenzi ta’ ksur fit-tul huma suġġetti għal ammont addizzjonali ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-multa ddeterminata għall-gravità tal-ksur. Iż-żieda fl-ammont tal-multa ta’ 70 %, jiġifieri 10 % mill-1992, hija sproporzjonata. It-tul ta’ l-imġiba ta’ BA jirrifletti d-dewmien tal-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ l-investigazzjoni tagħha. Matul il-proċedura, BA emmnet ġenwinament li l-iskemi ta’ inċentivi finanzjarji kienu jikkonformaw mad-dritt Komunitarju.

304    Fl-aħħar nett, BA targumenta li d-dubju raġonevoli tagħha dwar jekk is-sistemi ta’ premiums kinux jikkostitwixxu ksur u l-kooperazzjoni totali tagħha mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti li jistħoqqilhom tnaqqis tal-multa skond il-punt 3 tal-Linji Gwida.

305    Il-Kummissjoni ssostni li l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kkonstatat f’dan il-każ għandu jitqies bħala ksur serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Is-sistemi ta’ roħs esklużivi diġà ġew ikkundannati fil-passat. Ir-rilevanza ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi fl-ekonomija tar-Renju Unit ġiet enfasizzata u ġie osservat li, minkejja l-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru, BA ppreservat l-ishma fis-suq medji tagħha fis-swieq tar-Renju Unit tat-trasport bl-ajru.

306    L-Artikolu 82 KE ma jirrigwardax biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw ħsara immedjata għall-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom ħsara billi jippreġudikaw sistema ta’ kompetizzjoni effettiva.

307    Barra minn hekk, l-abbużi minn pożizzjoni dominanti li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’diskriminazzjoni, imġiba ta’ esklużjoni, u roħs ta’ fedeltà magħmulin minn impriża f’pożizzjoni dominanti biex il-kompetituri tagħha jiġu esklużi mis-suq huma kklassifikati bħala “ksur serju” mil-Linji Gwida.

308    Fir-rigward ta’ ċerti aġenti ta’ l-ivvjaġġar, il-prattiki abbużivi in kwistjoni bdew fl-1992. Minn Jannar 1998 sa Marzu 1999, is-sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni estendiet l-imġiba abbużiva għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kollha stabbiliti fir-Renju Unit u saħħet l-effetti tagħha fuq l-aġenti li kienu partijiet fuq ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni. It-tul ta’ dawn il-prattiki ġġustifika żieda ta’ 70 % ta’ l-ammont tal-multa imposta skond il-gravità tal-ksur.

309    It-tul taż-żmien tal-proċedura amministrattiva, li r-raġonevolezza tiegħu hija evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ (sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, punt 278), ma kienx wieħed eċċessiv u ma jispjegax it-tul ta’ l-okkorrenzi ta’ ksur ikkonstatati.

310    Skond il-Linji Gwida, it-tmiem tal-ksur ma’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Issa, wara li rċeviet l-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Diċembru 1996, BA estendiet għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kollha stabbiliti fir-Renju Unit is-sistemi tal-premiums ta’ produzzjoni li, sa dakinhar, kienu applikati biss għal dawk li kienu jilħqu ammont partikolari ta’ bejgħ annwali ta’ biljetti ta’ BA.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

311    Billi l-Artikolu 82 KE għandu l-għan li jippenalizza anki ħsara oġġettiva għall-istruttura tal-kompetizzjoni nfisha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26), l-argument ta’ BA li ma hemmx prova tal-ħsara kkawżata lill-konsumaturi bis-sistemi ta’ premiums tagħha ma jistax jiġi aċċettat.

312    BA lanqas ma tista’ tikkritika ż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa imposta billi tirreferi għad-dewmien fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li mingħajr dubju twalet minħabba l-persistenza ta’ BA fl-imġiba illegali tagħha u l-aggravar ta’ din l-imġiba.

313    Fil-fatt, sa mix-xahar stess ta’ wara s-seduta li saret wara l-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li nżammet fit-12 ta’ Novembru 1997, BA saħħet l-effetti antikompetittivi ta’ l-ewwel sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni tagħha billi estendiet is-sistema ġdida ta’ inċentivi tagħha lill-aġenziji ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru kollha tar-Renju Unit.

314    Billi BA injorat l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ewwel sistema ta’ premiums ta’ produzzjoni tagħha, hija naturalment ma tistax titqies li emmnet in bona fide, matul il-proċedura amministrattiva kollha, li l-iskemi ta’ inċentivi tagħha kienu kompatibbli mad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

315    Fl-aħħar nett, billi BA intensifikat il-prattiki restrittivi tagħha matul il-proċedura amministrattiva, hija lanqas ma hija ġġustifikata li ssostni li kkooperat bis-sħiħ mal-Kummissjoni matul il-proċedura. Għalhekk il-Kummissjoni kienet korretta meta ċaħdet lil BA mill-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti.

316    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa ddeterminat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkonfermat billi dan ġie ffissat f’livell li jikkorrispondi kemm mal-Linji Gwida kif ukoll ma’ sanzjoni xierqa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

317    Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ BA bbażati fuq in-natura eċċessiva tal-multa imposta fuqha għandhom jiġu miċħuda.

318    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

319    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

320    Billi BA tilfet it-talbiet kollha tagħha, hija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn Virgin, il-parti intervenjenti, b’mod konformi mat-talbiet f’dan is-sens ta’ dawn il-partijiet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-parti intervenjenti.

Vesterdorf

Jaeger

Legal

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2003.

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.