Language of document : ECLI:EU:T:2009:236

Kawża T-24/07

ThyssenKrupp Stainless AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Ħlas addizzjonali fuq il-liga — Kompetenza tal-Kummissjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Res judicata — Drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Preskrizzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Leġiżlazzjoni Komunitarja — Rekwiżit ta’ kjarezza u prevedibbiltà — Indikazzjoni espressa tal-bażi legali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Akkordji suġġetti ratione materiae u ratione temporis għas-sistema legali tat-Trattat KEFA — Skadenza tat-Trattat KEFA

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Regoli sostantivi — Distinzjoni — Retroattività ta’ regola sostantiva — Kundizzjonijiet

(Artikolu 65(1) KEFA; Artikolu 305 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

4.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Awtorità assoluta ta’ res judicata — Portata

5.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-istess impriża u l-istess ksur bħal deċiżjoni preċedenti parzjalment annullata

(Artikolu 233 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-azzjonijiet — Imputazzjoni tal-ksur lil persuna ġuridika differenti mill-persuna responsabbli għall-amministrazzjoni tal-impriża matul il-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25(1) u (2); Deċiżjoni ġenerali Nru 715/78, Artikoli 1 (1) u 2)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 233 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Obbligu li l-fajl kollu jkun aċċessibbli

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 325/07, punti 18, 19 u 23)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

1.      Fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, l-istituzzjonijiet għandhom biss il-kompetenzi li huma assenjati lilhom. Għal din ir-raġuni, l-atti Komunitarji jsemmu fil-preambolu tagħhom il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata taġixxi fil-qasam inkwistjoni. L-għażla ta’ bażi legali xierqa fil-fatt għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali.

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati. Dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeħtieġ li l-forza vinkolanti ta’ att intiż sabiex joħloq effetti legali għandha tirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha espressament tkun indikata bħala bażi legali u li tippreskrivi l-forma ġuridika li l‑att għandu jkollu.

Barra minn hekk, sanzjoni, anki jekk mhux ta’ natura kriminali, tista’ tkun imposta biss jekk hija bbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa.

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni Komunitarja tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu.

Deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, li impriża kisret l-Artikolu 65(1) KEFA u timponi fuqha multa, għandha l‑bażi legali tagħha fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat, għall-konstatazzjoni tal-ksur u fl-Artikolu 23(2) tal-istess Regolament għall-impożizzjoni tal-multa, bl-esklużjoni tal-Artikolu 65 KEFA. Barra minn hekk, tali deċiżjoni tista’ tirreferi għall-Artikolu 65(1) KEFA, jiġifieri d-dispożizzjoni sostantiva intiża għall-impriżi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tipprojbixxi ċertu aġir antikompetittiv. Hija tista’ wkoll tirreferi għall-applikabbiltà tal-Artikolu 65(5) KEFA fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-prinċipju ta’ lex mitior, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mhux tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa.

(ara l-punti 64, 69, 70, 74, 160, 163, 168)

2.      Għalkemm is-suċċessjoni tal-kuntest ġuridiku tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA wasslet, b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, għal bidla tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli sostantivi applikabbli, din is-suċċessjoni tifforma parti mill-unità u l-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u mill-għanijiet tagħha. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha huma ggarantiti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li fuqha ġeneralment huma bbażati r-regoli fil-qasam tal-akkordji bejn impriżi, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA. F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw il-kuntest tal-akkordji huma sa ċertu punt differenti, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma taħt l-Artikolu 65(1) KEFA jikkorrispondu għal dawk ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma interpretati bl-istess mod mill-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, l-ilħiq tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-setturi li inizjalment kienu jaqgħu taħt is-suq komuni tal-faħam u tal-azzar mhuwiex interrott minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan irid jintlaħaq ukoll fil-kuntest tat-Trattat KE u mill-istess istituzzjoni, il-Kummissjoni, awtorità amministrattiva responsabbli għall-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità.

Il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u tal-għanijiet tagħha li jirregolaw il-funzjonament tagħha teżiġi għaldaqstant li, bħala suċċessur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u fil-kuntest proċedurali tagħha stess, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu imposti eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi taħt it-Trattat KEFA u tar-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Dan ir-rekwiżit huwa neċessarju iktar u iktar fejn id‑distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-akkordji bejn l-impriżi tista’ testendi l-effetti tagħha ratione temporis wara l‑iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE.

Jirriżulta li r-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tiegħu u l-Artikolu 23(2) tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata u tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji konklużi fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis, u dan anki meta d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-imsemmi regolament ma jsemmux espressament l-Artikolu 65 KEFA.

(ara l-punti 80-84)

3.      Għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa li japplikaw għall-kawżi pendenti kollha minn meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jingħatalhom.

F’din il-perspettiva, il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi adottati skont it‑Trattat KEFA, għall-fatti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ratione materiae u ratione temporis. Il-fatt li, minħabba li t-Trattat KEFA skada, il‑kuntest leġiżlattiv inkwistjoni mhuwiex iktar fis-seħħ fil-mument li ssir l‑evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali ma tbiddilx din il-kunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni tikkonċerna sitwazzjoni ġuridika definittivament stabbilita f’epoka fejn kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet sostantivi adottati taħt it-Trattat KEFA.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ġiet adottata, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tal-Artikolu 7(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat, wara proċedura mwettqa skont l-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-bażi legali u l-proċedura segwita sal-adozzjoni tad-deċiżjoni jaqgħu taħt ir-regoli proċedurali skont ir-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2003.

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li jawtorizza lill-Kummissjoni timponi multi fuq l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li kisru l-Artikoli 81  u 82 KE jistabbilixxi biss regola bażika li, b’definizzjoni, mhijiex intiża li tipprovdi bażi legali għall-azzjoni tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, fir-rigward tar-regoli bażiċi, peress li l-imsemmija deċiżjoni tikkonċerna sitwazzjoni legali definittivament stabbilita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fin-nuqqas ta’ kull effett retroattiv tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni applikabbli mill-24 ta’ Lulju 2002, l-Artikolu 65(1) KEFA jikkostitwixxi r-regola bażika applikabbli, filwaqt li għandu jitfakkar li min-natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE meta mqabbel mat-Trattat KEFA, stabbilita fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta preċiżament li s-sistema speċifika li tirriżulta mit-Trattat KEFA u mir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju ta’ lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet stabbiliti qabel l-24 ta’ Lulju 2002.

(ara l-punti 85-89, 165)

4.      Il-kwistjoni dwar ir-res judicata hija waħda ta’ ordni pubbliku u għandha, għalhekk, titqajjem ex officio mill-qorti Kommunitarja.

Il-prinċipju ta’ res judicata għandu importanza fundamentali, kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibbli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw il-mezzi għal appell kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dan il-għan.

Il-prinċipju ta’ res judicata japplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu effettivament jew neċessarjament deċiżi bid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Dan il-prinċipju ma japplikax biss għad-dispożittiv tas-sentenzi ġuridiċi ta’ annullament, imma jestendi għall-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u li għalhekk huma inseparabbli.

Meta, wara li tannulla parzjalment deċiżjoni li timponi multa għal ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni minħabba li, għalkemm il-Kummissjoni eċċezzjonalment setgħet timputa lill-impriża, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tagħha f’dan is-sens, ir‑responsabbiltà għall-aġir li kienet akkużata bih lil impriża oħra, hija ma tirrispettax id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma tpoġġihiex f’pożizzjoni li tressaq l‑osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmi aġir, il-qorti Komunitarja hija, fil-kuntest tat-tieni rikors, mistiedna tiddeċiedi fuq il-legalità tal-att li jissostiwixxi d‑deċiżjoni parzjalment annullata, peress li l-punt ta’ liġi dwar il-validità tad-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq bħala bażi legali tal-attribuzzjoni tal-imġiba tat-tieni impriża lill-ewwel impriża jkun diġà ġie eżaminat u deċiż definittivament mill-qorti Komunitarju, u għalhekk huwa res judicata, minkejja l-fatt li t-tieni rikors jikkonċerna att formalment differenti mill-ewwel deċiżjoni

(ara l-punti 94, 112, 113, 139, 140, 143, 144)

5.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, stabbilit barra minn hekk mill-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tkun ikkundannata jew li jittieħdu proċeduri kontriha għal darba oħra, minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata. L‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa suġġett għal kundizzjoni trippla ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett.

Meta l-qorti Kommunitarja tirrileva li, fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ impriża li tieħu r-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ impriża oħra, il‑Kummissjoni eċċezzjonalment għandha d-dritt timputa lill-ewwel impriża r‑responsabbiltà tal-aġir tat-tieni waħda, imbagħad, wara li tkun irrilevat l-eżistenza ta’ difett proċedurali bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel impriża, tannulla d-deċiżjoni inkwantu żżommha responsabbli tal-ksur li wettqet it-tieni impriża, tnaqqas, konsegwentement, il-multa tagħha mill-ammont ta’ dik li kienet ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur imwettaq mit-tieni impriża u tiffissa għal ċertu ammont il-multa imposta fuq l-ewwel impriża minħabba l-aġir antikompetittiv tagħha, hija l-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 233 KE, tirrimedja għall-illegalità kkonstatata mill-qorti Komunitarja. Il-Kummissjoni, għalhekk tista’, ġustament, tadotta deċiżjoni li għandha bħala l-uniku għan, wara li tirrimedja għad-difett proċedurali, li timputa lill-ewwel impriża, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni msemmija qabel, ir-responsabbiltà għall-ksur għar-regoli tal-kompetitzjoni mwettaq mit-tieni impriża u, konsegwentement, li timponi fuqha multa. Tali deċiżjoni ma tikkostitwixxi fl-ebda każ sanzjoni doppja tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-ewwel impriża li diġà kien issanzjonat, b’mod definittiv, bl-ewwel deċiżjoni.

Barra minn hekk, it-teħid ta’ responsabbiltà tal-imsemmija dikjarazzjoni ma jirriduċix iż-żewġ ksur imwettqa mill-impriżi inkwistjoni għal ksur wieħed. Barra minn hekk, billi tirreferi għal darba oħra u esklużivament għall-imġiba antikompetittiva tat-tieni impriża, tali deċiżjoni ma tiksirx iktar il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ ne bis in idem fih innifsu ma jipprekludix it-teħid ta’ azzjonijiet legali li għandhom bħala suġġett l-istess aġir antikompetittiv meta l-ewwel deċiżjoni ġiet annullata għal raġunijiet ta’ forma mingħajr ma kien ġie deċiż fuq il-mertu tal-fatti kkontestati, peress li f’dawn iċ‑ċirkustanzi d-deċiżjoni ta’ annullament ma tistax titqies li hija “dikjarazzjoni ta’ liberazzjoni” fis-sens mogħti lil din l-espressjoni fil-kwistjonijiet kriminali. F’tali każ, is-sanzjonijiet imposti bid-deċiżjoni l-ġdida ma jiżdidux ma’ dawk stabbiliti bid-deċiżjoni annullata, imma jissostitwuhom.

(ara l-punti 141, 178, 179, 183-190)

6.      Minkejja li prinċipalment, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li tmexxi l-impriża kkonċernata fil-mument li fih twettaq il-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il‑kompetizzjoni li għandha tkun responsabbli għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, l-amministrazzjoni tal-impriża tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra, mhuwiex eċċezzjonalment hekk fil-każ fejn il-persuna li tkun ingħatat l-amministrazzjoni tal-impriża tiddikjara li ser taċċetta li tinżamm responsabbli għall-fatti li jkun akkużat bihom il-predeċessur tagħha. Il-persuna li issa tkun saret responsabbli għall-amministrazzjoni tal-impriża ġuridikament titqies li tkun wettqet hija stess il-ksur inkwistjoni. Hija biss għandha tirrispondi għall-ksur li tkun ġuridikament akkużata bih fid-dawl tad-dikjarazzjoni li tkun saret. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi eżaminat jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża li tkun għamlet tali dikjarazzjoni saritx fl-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienx għad għandha d-dritt li timponi multa fuq din l-impriża, peress li l-kwistjoni mhijiex dwar jekk il-multa setgħetx tiġi imposta fuq il-predeċessur fid-dritt ta’ din l-impriża.

(ara l-punti 200, 202, 203, 207, 208)

7.      Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti redatt fi kliem ċar biżżejjed, fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet tal-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni jeżiġi fil-fatt li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw il-possibbiltà, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu utilment l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit jiġi osservat meta d-deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ biss tieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti li fir-rigward tagħhom dawn tal-aħħar kellhom l-opportunità jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Huma biss id-dokumenti li kienu ċċitati jew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, bħala regola ġenerali, jistgħu jikkostitwixxu provi kontra d‑destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li rrilevat l-eżistenza ta’ difett proċedurali bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwantu timputa lill-impriża r-responsabbiltà ta’ ksur imwettaq minn oħra, il‑Kummissjoni għandha biss l-obbligu, skont l-Artikolu 233 KE, li telimina, fl-att intiż li jissostitwixxi l-att annullat, l-illegalità effettivament ikkonstatata. Il‑proċedura intiża li tissostitwixxi l-att annullat għandha bħala regola ġenerali titkompla mill-punt preċiż li fih saret l-illegalità. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza, il-Kummissjoni għalhekk tista’ tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lill-impriża li d-drittijiet tad-difiża ma ġewx rrispettati u, fid-dawl tal-identità tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meta mqabbla mal-proċedura oriġinali, tannetti l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mal-annessi tagħha.

(ara l-punti 225, 228, 230-233, 235)

8.      Il-Komunikazzjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għal fajls tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], tal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament Nru 139/2004 tippreċiża li l-fajl tal-Kummissjoni jista’ jinkludi dokumenti aċċessibbli u mhux aċċessibbli, u dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li fihom żewġ kategoriji ta’ informazzjoni, jiġifieri s‑sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, li l-aċċess għalihom jista’ jkun parzjalment jew totalment ristrett u li huma ddefiniti fil-punti 18 u 19 tal-imsemmija komunikazzjoni. Skont l-aħħar sentenza tal-punt 23 tal-imsemmija komunikazzjoni, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tippreżumi li l‑informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ, il-bejgħ, l-ishma tas-suq tal-partijiet u informazzjoni oħra simili li għandha iktar minn ħames snin mhijiex iktar kunfidenzjali.” Il‑kliem “bħala regola ġenerali” u “tippreżumi” imsemmija fl-imsemmija sentenza jeskludu kull awtomatiċità fil-klassifikazzjoni ta’ dokument li għandu iktar minn ħames snin. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inġustifikat unikament minħabba li l-imsemmi dokument ikollu iktar minn għaxar snin u b’hekk ikun tilef in-natura kunfidenzjali tiegħu.

(ara l-punti 257-260, 270)

9.      Sabiex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa bis-saħħa tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell ta’ 1996, l-aġir tal-impriża inkwistjoni għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fit-tmiem tal-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, f’kull każ individwali, jekk l-imsemmi aġir iffaċilitalhiex ix-xogħol tagħha. Barra minn hekk, tnaqqis fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jista’ jkun ġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża kkonċernata, ikunu jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward li juru spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha.

L-aġir ta’ impriża li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tikkontesta b’saħħa l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u li timputa lilha r-responsabbiltà għall-ksur tal-imsemmija regoli, filwaqt li żżid dikjarazzjoni allegatament intiża li turi l‑kooperazzjoni tagħha, imma li, fir-realtà, hija intrinsikament ambigwa u qarrieqa, li jirrifletti strateġija intiża li tirrikonċilja għanijiet kontradittorji, ma jistax jitqies li juri spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha.

(ara l-punti 309, 311-313)