Language of document : ECLI:EU:T:2009:126

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

29 ta’ April 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva α – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-Kawża T‑23/07,

BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Wolter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Kicia, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tat-30 ta’ Novembru 2006 (Każ R 808/2006‑4), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv α bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Frar 2007,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ April 2007,

wara li rat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2007, li ċaħdet l-awtorizzazzjoni għall-preżentata ta’ replika,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara li rat id-domandi bil-miktub magħmula lill-partijiet mill-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2008, li matulha ġew ippreżentati dokumenti mir-rikorrenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti, BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bħala trade mark figurattiva, hija s‑sinjal:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xorb alkoħoliku ħlief birer, inbejjed, inbejjed bil-gass u xorb li jkollu fih l-inbid” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2006, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjal, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-eżaminatur ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tikkostitwixxi riproduzzjoni fidila tal-ittra Griega żgħira “α”, mingħajr tibdil grafiku, u li x-xerrejja ta’ lingwa Griega ma jagħrfux f’dan is-sinjal l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għat-trade mark.

5        Fil-15 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra din id-deċiżjoni.

6        Dan l-appell ġie miċhud b’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, fuq il-bażi li s-sinjal ippreżentat kien nieqes mill-karattru distintiv rikjest mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonstata li l-Artikolu 7(1)(b)(ċ) u (2) tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprekludix il-pubblikazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti tal-klassi 33 indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tal-kumplament tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi mressqa għall-ewwel darba mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

9        Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jipprevedi l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell. Minn dan jirriżulta li d-dokumenti mressqa għall-ewwel darba mir-rikorrenti matul is-seduta huma inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18].

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b), tal-Artikolu 7(1)(ċ), u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal ippreżentat għandu l-karattru distintiv rikjest mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, inkwantu jippermetti li l-prodotti inkwistjoni tal-klassi 33 jiġu identifikati bħala prodotti tal-impriża tagħha u jippermetti, għalhekk, li dawn il-prodotti jiġu differenzjati mill-prodotti ta’ impriżi oħra.

12      Ladarba, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, l-ittri jistgħu jikkostitwixxu trade mark, wieħed ma jistax, bħala regola ġenerali, iċaħħadhom minn karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b), mingħajr ma jirrendi l-Artikolu 4 mingħajr is-sustanza tiegħu.

13      L-argument tal-Bord tal-Appell li l-ittri għandhom jibqgħu disponibbli huwa irrilevanti. Minn naħa, anki kulur jista’ jkollu karattru distintiv u għalhekk jista’ jiġi rreġistrat. Min-naħa l-oħra, il-ħsieb li jiġi evitat li ċerti ittri jsiru suġġett ta’ monopolju huwa estranju għall-kwistjoni tal-karattru distintiv tagħhom. Wara kollox, l-użu ta’ sinjal għal finijiet esklużivament deskrittivi huwa espressament limitat bl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94.

14      Ir-rikorrenti ssostni li minimu ta’ karattru distintiv huwa suffiċjenti sabiex it-trade marks jingħataw protezzjoni, tkun xi tkun il-kategorija ta’ sinjali, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jaqgħu taħtha. Għalhekk wieħed ma jistax, bħala regola ġenerali u mingħajr lanqas ma jeżamina l-prodotti inkwistjoni, iċaħħad lill-ittri minn karattru distintiv biss minħabba li dawn ma jkollhom ebda żieda oriġinali jew li tindividwahom.

15      Sabiex trade marks figurattivi jew verbali taħt forma ta’ ittri jiġu mċaħħda minn karattru distintiv fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom isiru konstatazzjonijiet konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li l-pubbliku kkonċernat ma jinterpretax l-ittra inkwistjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti rrapreżentati. Mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell ivverifika b’mod konkret li s-sinjal ippreżentat kien nieqes minn karattru distintiv inkwantu dan kellu għall-pubbliku kkonċernat karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni.

16      Id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-konsumaturi kkonċernati ta’ lingwa Griega jużaw jew jifhmu bl-ittra żgħira “α” livell ta’ daqs, indikazzjoni ta’ kategorija jew denominazzjoni ġenerika fir-rigward tax-xorb alkoħoliku.

17      L-UASI ssostni li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikors huwa inammissibbli, peress li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda biss tal-UASI, li tislet il-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament eventwali, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94.

18      Fil-mertu, l-UASI tqis li, fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Bord tal-Appell ma injorax il-fatt li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji kollha tat-trade marks, anki jekk jista’ jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ xi wħud minnhom ikun iktar diffiċli sabiex jiġi kkonstatat. Minkejja li t-trade marks verbali, figurattivi jew tridimensjonali klassiċi jistgħu jiġu direttament interpretati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti rrapreżentati, dan mhuwiex neċessarjament il-każ fir-rigward tas-sinjali komposti minn ittra waħda. Dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-indikazzjoni ta’ livell ta’ daqs, ta’ tip ta’ prodotti jew bħala denominazzjoni ġenerika u jintużaw ukoll għal dawn il-finijiet.

19      Il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li l-ittri uniċi ma jiġux interpretati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti rrapreżentati ma timplikax li huwa impossibbli li jiġu rreġistrati trade marks kkostitwiti minn ittri uniċi. Il-Bord tal-Appell espona b’mod ċar li, meta ittra unika jkollha kapaċità astratta sabiex tikkostitwixxi trade mark fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, ma jkunx possibbli li wieħed jislet minnha konklużjoni dwar il-karattru distintiv konkret tagħha.

20      Għalhekk il-Bord tal-Appell ma eskludiex totalment il-karattru distintiv ta’ ittra unika, rikjest mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kif juri l-eżami tal-karattru distintiv konkret tas-sinjal inkwistjoni li huwa għamel.

21      Skont il-Bord tal-Appell, il-kontroll taż-żamma tad-disponibbiltà ta’ sinjal għandu jsir biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, kif il-Bord tal-Appell enfasizza, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, Ġabra p. I‑3793), li tirrigwarda l-karattru distintiv ta’ sinjal. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-disponibbiltà tal-kuluri ma kellhiex tiġi indebitament restritta, u dan fid-dawl tan-numru limitat tagħhom. L-istess għandu jingħad għall-ittri uniċi, u għalhekk il-każ ineżami huwa simili għal kollox.

22      Fil-każ ineżami, għandu jkun hemm stħarriġ, permezz ta’ eżami a priori u apparti kull evalwazzjoni tal-użu effettiv tas-sinjal, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, dwar jekk jidhirx li huwa eskluż li dan is-sinjal jista’ jkun kapaċi sabiex, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, jiddistingwi l-prodotti li huwa jirrapreżenta minn dawk ta’ oriġini oħra, meta dan il-pubbliku jiġi biex jagħmel l-għażla tiegħu fil-kummerċ.

23      Is-sinjal ippreżentat huwa kkostitwit minn ittra riprodotta taħt forma ta’ sinjal figurattiv, li madankollu jinvolvi grad ta’ bidla tant sottili li jiġi interpretat bħala sempliċi ittra. Għalhekk il-kwistjoni hija dwar jekk il-pubbliku rilevanti, meta ffaċċjat b’dan is-sinjal imqiegħed f’forma ta’ kitba regolari fuq il-prodotti inkwistjoni jew fuq kwalunkwe parti tal-imballaġġ regolari tagħhom, jissoponix jekk dawn il-prodotti jkunux ta’ impriża partikolari, jiġifieri tal-istess impriża.

24      B’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, jeżistu diversi ċifri, ittri u tagħqid simili li jintużaw fuq l-imballaġġi tal-prodotti inkwistjoni, marbuta mal-ittri tal-alfabett Grieg, għal finijiet ta’ deskrizzjoni tal-proprjetajiet speċifiċi.

25      Il-pubbliku rilevanti jinterpreta s-sinjal ippreżentat bħala sempliċi ittra li tiddistingwi ruħha biss mill-ittri l-oħra tal-alfabett minħabba dettall sekondarju, jiġifieri s-sempliċi fatt li hija ittra oħra tal-alfabett. Għalhekk dan is-sinjal m’għandu ebda element li jindika jew li jista’ jiġi kkunsidrat, mill-konsumatur medju tax-xorb alkoħoliku raġonevolment attent u informat, bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni.

26      Huwa diffiċilment konċepibbli li l-pubbliku ta’ riferiment ma jikkunsidrax ittra unika “α” bħala li tindika tip jew firxa ta’ prodotti, partikolarment, meta din ma tkunx imwaħħla fuq il-prodott b’mod li tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari. Fil-każ ineżami, l-ewwel ittra tal-alfabett hija użata ħafna drabi bħala indikazzjoni promozzjonali tas-superjorità ta’ prodott, partikolarment, f’termini ta’ kwalità. L-ittra inkwistjoni sservi tal-inqas għal tali użu, peress li l-konsumatur huwa ġeneralment f’pożizzjoni li jagħti dan is-sinjifikat kemm lil ittra kapitali kif ukoll lil ittra żgħira.

27      Barra minn hekk, is-sinjal ikkontestat huwa ġeneralment użat mill-konsumatur ta’ lingwa Griega bħala indikazzjoni ta’ kwalità, kif jikkonferma d-dizzjunarju Ingliż-Grieg. L-ittra “α” hija riprodotta bħala s-simbolu tan-numri wieħed u elf. Din it-tifsira tas-sinjal ippreżentat tirrendi ftit verosimili l-perċezzjoni tiegħu mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti li huwa jirrapreżenta.

28      Wara li kkonstata l-kapaċità tal-ittra “α” li tindika kategorija ġenerali jew ġeneru u li tikkostitwixxi numru ta’ kodiċi jew ir-riferiment għal daqs partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra korrettament li l-pubbliku ma jipperċepixxix f’dan is-sinjal l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti rrapreżentati, mingħajr ma eskluda, minħabba f’hekk, bħala regola ġenerali l-karattru distintiv tas-sinjal ikkontestat. L-assenza eventwali ta’ evalwazzjonijiet fattwali oħra mhijiex ta’ natura li tqiegħed f’dubju l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

29      Ir-Regolament Nru 40/94 jipprovdi fl-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja”:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

30      Din id-dispożizzjoni tinkludi lista ta’ eżempji ta’ sinjali li jistgħu jirrappreżentaw b’mod grafiku u li huma kapaċi li jikkostitwixxu trade mark, sakemm dawn is-sinjali jkunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra, jiġifieri li jservu sabiex jidentifikaw l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti taħt din it-trade mark [ara, fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989 L 40, p.1), li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, Nichols, C-404/02, Ġabra p. I-8499, punt 22].

31      Jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi espressament l-ittri, il-kapaċità ġenerali ta’ kategorija ta’ sinjali li jikkostitwixxu trade mark fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma timplikax, madankollu, li dawn is-sinjali għandhom neċessarjament karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b), fir-rigward ta’ prodott jew servizz partikolari [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Nuance d’orange), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 26].

32      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, li jelenka r-raġunijiet assoluti għal rifjut li jistgħu jitqajmu fil-konfront tar-reġistrazzjoni ta’ sinjali bħala trade marks Komunitarji, jispeċifika, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]”

33      Huma hekk ikkunsidrati s-sinjali li mhumiex kapaċi jidentifikaw konkretament l-oriġini tal-prodotti indikati u li ma jippermettux lill-konsumatur li jakkwista dawn il-prodotti li, meta jiġi biex jagħmel akkwist sussegwenti, jkun jista’ jagħmel l-isess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din tirriżulta negattiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2008, Hartmann vs UASI (E), T‑302/06, Ġabra p. II-132, punt 31; sentenza Nuance d’orange, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

34      Barra minn hekk, diffikultà akbar li tista’ tinqala’ fl-evalwazzjoni konkreta tal-karattru distintiv ta’ ċerti trade marks, ma tistax tiġġustifika s-suppożizzjoni li dawn huma, a priori, nieqsa minn karattru distintiv jew li jistgħu jiksbuh biss permezz tal-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza Nichols, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

35      Skont ġurisprudenza kostanti, il-karattru distintiv ta’ trade mark rikjest mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġu evalwat fid-dawl, minn naħa, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, u min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni tal-persuni kkonċernati, li huma l-konsumaturi tal-imsemmija prodotti jew servizzi [ara, fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, Ġabra p. I‑1725, punt 50].

36      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 moqri flimkien mal-paragrafu (2) tal-istess artikolu jirriżulta li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 81).

37      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti applikat għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjal ippreżentat bħala figurattiv li iżda mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li, kif ikkonstatat mill-Bord tal-Appell, jirriproduċi l-ittra tal-alfabett Grieg alpha (“α”) taħt forma simili għal dik tal-istess ittra miktuba fil-forma ta’ kitba standard Times New Roman, mingħajr ebda tibdil grafiku jew żieda ta’ element grafiku.

38      Ladarba t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tirrigwarda, kif il-partijiet ikkonfermaw matul l-istanza, xorb alkoħoliku ħlief għal birer, inbejjed, inbejjed bil-gass u xorb li jkollu fih l-inbid, jiġifieri oġġetti ta’ konsum komuni, u li din hija kkostitwita mill-ittra Griega żgħira “α”, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark għandha ssir fid-dawl tal-perċezzjoni tas-sinjal mill-konsumaturi medji ta’ lingwa Griega normalment informati u raġonevolment attenti u avżati.

39      Għaldaqstant, fil-każ ineżami, huwa l-kompitu tal-Bord tal-appell li jistħarreġ, matul eżami konkret tal-kapaċitajiet potenzjali tas-sinjal propost għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jekk jidhirx eskluż il-fatt li dan is-sinjal jista’ jiddistingwi, f’għajnejn il-konsumaturi medji ta’ lingwa Griega, il-prodotti tar-rikorrenti minn dawk li għandhom oriġini differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2001, Bank für Arbeit and Wirtschaft vs UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II 1259, punt 40, u s-sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35), peress li minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex jostakola l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Mag Instrument vs UASI (Forma ta’ torċa tal-idejn), T-88/00, Ġabra p. II 467, punt 34].

40      Għal finijiet ta’ evalwazzjoni bħal din, huwa l-kompitu tal-UASI li, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jieħu inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi kollha u l-fatti rilevanti kollha.

41      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 17 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li ittri uniċi, u, konsegwentement, l-ittra żgħira kkontestata “α”, sa fejn ma jiġux miżjuda elementi ta’ preżentazzjoni grafika li fit-totalità tagħhom jipproduċu effett grafiku, huma nieqsa minn karattru distintiv, peress li sinjal huwa “xi ħaġa perċettibbli, li hija idonea sabiex tibqa’ fil-memorja u tiġi rikonoxxuta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

42      Meta kkonkluda b’dan il-mod a priori li kien hemm nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjal ippreżentat minħabba li ma kellux tibdil jew ornamenti grafiċi, il-Bord tal-Appell impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra, bi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li l-ittra inkwistjoni ma kellhiex, fiha nfisha, il-livell ta’ karattru distintiv minimu rikjest mill-Artikolu 7(1)(b) sabiex tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja.

43      Apparti li mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-ittri jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, sakemm dawn is-sinjali jkunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra [sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T 441/05, Ġabra p. II 1937, punt 47], ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja mhijiex suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ kreattività jew ta’ immaġinazzjoni artistika min-naħa tal-applikant (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 41), iżda biss għall-kapaċità tas-sinjal li jindividwalizza l-prodotti tal-applikant tat-trade mark minn dawk offruti mill-kompetituri tiegħu [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Rewe-Zentral vs UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 30]. Issa, il-Bord tal-Appell m’għamilx eżami konkret tas-sinjal ikkontestat fuq dan il-punt.

44      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 li ittra unika tippreżenta karattru distintiv għandha bħala konsegwenza l-esklużjoni ta’ kull ipoteżi ta’ nuqqas ta’ karattru distintiv ta’ sinjal fil-qasam tal-ittri, u dan jirrendi lil dan it-test mingħajr skop.

45      In-nuqqas li jiġi rrikonoxxut, lill-ittri uniċi, bħala regola ġenerali, kull karattru distintiv, mingħajr riżerva u mingħajr ma jsir l-eżami konkret imsemmi fil-punt 39 iktar ’il fuq, imur kontra l-istess termini tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jinkludi l-ittri fost is-sinjali li jista’ jkollhom rappreżentazzjoni grafika u li jistgħu jikkostitwixxu trade marks, sakemm dawn ikunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

46      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jiddistingwix bejn is-sinjali ta’ natura differenti u li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks ikkostitwiti minn ittra unika huma l-istess bħal dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks (sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

47      Sabiex ikollu l-livell minimu ta’ karattru distintiv rikjest minn din id-dispożizzjoni, is-sinjal ippreżentat għandu biss jidher a priori kapaċi li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u li jiddistingwihom, mingħajr ebda konfużjoni, minn dawk li għandhom oriġini oħra (sentenza I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

48      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, filwaqt li rrefera għas-sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, ikkunsidra, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bħall-kuluri u ċ-ċifri uniċi, l-ittri uniċi, inkwantu huma elementi fundamentali, għandhom jibqgħu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd bħala “riżerva ta’ bażi” għal finijiet ta’ identifikazzjoni, deskrizzjoni jew użi oħra.

49      Kif ġie preċedentement imfakkar, motivazzjoni bħal din, li tistipula, bħala regola ġenerali, l-impossibbiltà li ittra unika tiġi rreġistrata bħala trade mark, mingħajr ma jsir l-eżami konkret tal-kapaċità tas-sinjal ikkontestat li jiddistingwi l-prodotti inkwistjoni minn dawk ta’ impriżi oħra, tmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94.

50      Barra minn hekk, fir-rigward tas-sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u invokata mill-UASI, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, fil-qasam tad-dritt Komunitarju tat-trade marks, għandu jiġi rrikonoxxut interess ġenerali sabiex ma jkunx hemm restrizzjoni indebita tad-disponibbiltà tal-kuluri lill-operaturi l-oħra li joffru prodotti u servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

51      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li karattru distintiv jista’ jiġi rrikonoxxut fir-rigward ta’ kulur sakemm, fid-dawl tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, huwa kapaċi jidentifika l-prodotti jew is-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark u jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69). Ir-rilevanza ta’ din l-evalwazzjoni, għall-finijiet tal-kawża ineżami, ma titqiegħedx f’dubju minħabba r-regola li tidher fl-istess sentenza li l-eżistenza ta’ karattru distintiv qabel kull użu tista’ tirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66), meta din ir-riżerva ssemmiet fid-dawl tal-fatt, irrilevat qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ sinjal ikkostitwit minn kulur fih innifsu bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti, bħal fil-każ ineżami, f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrapreżenta (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

52      Għalhekk il-Bord tal-Appell ma kienx korrett meta qajjem fil-konfront tar-reġistrazzjoni tal-ittra “α” l-argument ibbażat fuq id-disponibbiltà tas-sinjali, meta din il-kunsiderazzjoni bl-ebda mod ma teskludi eżami konkret tal-kapaċità tat-trade mark mitluba li tidentifika l-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u li tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra.

53      Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku ta’ riferiment “forsi” jinterpreta l-ittra “α” bħala riferiment għall-kwalità (kwalità “A”), indikazzjoni ta’ daqs jew li tirrapreżenta tip jew għamla ta’ xorb alkoħoliku bħal dak indikat fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

54      L-UASI ma jistax isostni li meta ppronunzja ruħu b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell wettaq eżami konkret tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni. Fil-fatt, minbarra n-natura dubjuża tagħha li tneħħilha kull valur, din il-motivazzjoni ma tirreferi għal ebda fatt konkret li jista’ jiġġustifika l-konklużjoni li t-trade mark mitluba tiġi mifhuma mill-pubbliku rilevanti bħala riferiment għall-kwalità, indikazzjoni ta’ daqs jew li tirrapreżenta tip jew għamla tal-prodotti previsti fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba.

55      Jekk wieħed jassumi l-ammissibbiltà tagħhom, id-dokumenti l-ġodda ppreżentati mill-UASI fl-annessi B1 u B2 tar-risposta tiegħu, sabiex jistabbilixxi li l-pubbliku rilevanti jinterpreta l-ittra alpha kapitali “Α” bħala indikazzjoni tal-kwalità tal-inbejjed, huma nieqsa mis-saħħa probatorja fil-kawża ineżami, peress li dawn huma komposti minn elementi li jirreferu esklużivament għall-inbejjed u mhux għax-xorb alkoħoliku inkwistjoni, kif l-UASI rrikonoxxa fis-seduta, u l-ittri li jidhru fuq ir-riproduzzjonijiet ta’ flixken tal-inbid annessi, jew mhumiex l-istess bħall-ittra “α”, jew huma marbuta ma’ ittra oħra, jew jikkostitwixxu wieħed mill-komponenti tal-isem tal-kumpannija ta’ impriża tal-inbid.

56      Mill-assjem tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta kkonkluda li s-sinjal ippreżentat huwa nieqes minn karattru distintiv biss minħabba n-nuqqas tiegħu ta’ tibdil jew ornamenti grafiċi fir-rigward tal-forma ta’ kitba Times New Roman, mingħajr ma pproċeda għal eżami konkret tal-kapaċità tiegħu li jiddistingwi, mill-perspettiva tal-pubbliku ta’ riferiment, il-prodotti inkwistjoni minn dawk li joriġinaw minn kompetituri tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

57      Għalhekk hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

58      B’applikazzjoni tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, huwa l-oneru tal-UASI li jeżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fid-dawl tal-motivazzjonijiet ta’ din is-sentenza.

59      Għalhekk m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti u, konsegwentement, lanqas dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UASI f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

61      Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-30 ta’ Novembru 2006 (Każ R 808/2006-4), hija annullata.

2)      M’hemmx lok għal deċiżjoni dwar it-tieni kap ta’ talbiet ta’ BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG.

3)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Meij

Vadapalas

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta’ April 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.