Language of document : ECLI:EU:C:2022:116

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Frar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Applikazzjoni ratione temporis – Provvisti suġġetti għall-VAT – Provvisti ta’ servizzi taħt titolu oneruż – Kriterji – Relazzjoni intragrupp – Provvisti li jikkonsistu fit-tiswija jew fis-sostituzzjoni ta’ komponenti ta’ turbini eoliċi taħt garanzija u li jitwettqu rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità – Noti ta’ debitu maħruġa mill-fornitur mingħajr ma tissemma l-VAT – Tnaqqis mill-fornitur tal-VAT imposta fuq l‑oġġetti u s-servizzi li ġew iffatturati lilu mis-subappaltaturi tiegħu fir-rigward tal-istess provvisti”

Fil-Kawża C‑605/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Suzlon Wind Energy Portugal - Energia Eólica Unipessoal Lda

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Suzlon Wind Energy Portugal – Energia Eólica Unipessoal Lda, minn L. Scolari u R. Reigada Pereira, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa u R. Campos Laires, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħat l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Suzlon Wind Energy Portugal – Energia Eólica Unipessoal Lda (iktar ’il quddiem “Suzlon Wind Energy Portugal”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-provvisti ta’ servizzi ta’ tiswija mwettqa matul il-perijodu ta’ garanzija ta’ oġġetti favur kumpannija, stabbilita fi Stat terz, li għandha indirettament il-kapital kollu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE

3        Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kien jipprevedi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għa[ll]-[VAT]: […] il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali[…]”.

 IdDirettiva 2006/112

4        Skont il-premessa 66 tad-Direttiva 2006/112:

“L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttivi ta’ qabel. L-obbligu li jiġu trasposti f’liġi nazzjonali d-disposizzjonijiet li ma nbidlux joħroġ mid-Direttivi ta’ qabel”.

5        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jiddisponi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6        Skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, hija kkunsidrata bħala “[p]rovvista ta’ servizzi” kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti.

7        L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess”.

8        L-Artikolu 411(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttiva 67/227/KEE u [s-Sitt Direttiva 77/388] qed jitħassru, bla preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti taż-żmien, elenkati fl-Anness XI, il-Parti B, għat-traspożizzjoni f’liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni ta’ dawk id-Direttivi”.

9        Skont l-Artikolu 413 tad-Direttiva 2006/112:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007”.

 Iddritt Portugiż

 IlKodiċi dwar ilVAT

10      L-Artikolu 4 tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Decreto-Lei 102/2008 (id-Digriet-Liġi Nru 102/2008), tal‑20 ta’ Ġunju 2008 (Diário da República, Serje 1, Nru 118, tal‑20 ta’ Ġunju 2008, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-VAT”), intitolat “Kunċett ta’ provvista ta’ servizzi”, jipprevedi:

“1.      Għandhom jitqiesu li huma provvisti ta’ servizzi t-tranżazzjonijiet imwettqa taħt titolu oneruż li ma humiex kunsinni, akkwisti intra-Komunitarji jew importazzjonijiet ta’ oġġetti.

2.      Jitqiesu wkoll li huma provvisti ta’ servizzi taħt titolu oneruż:

[…]

ċ)      il-kunsinna ta’ oġġetti mobbli mmanifatturati jew assemblati fuq ordni b’materjali li l-persuna responsabbli tkun ipprovdiet f’dan ir-rigward, irrispettivament minn jekk il-kontraent ikunx ipprovda jew le parti mill-prodotti użati.

[…]

4.      Meta l-provvista ta’ servizzi titwettaq minn mandatarju li jaġixxi f’ismu stess, dan tal-aħħar ikun suċċessivament ix-xerrej u l-fornitur tas-servizz”.

 Ċirkulari tal4 ta’ Mejju 1989

11      L-Ofício-Circulado da Direção de Serviços do IVA Nru 49424 (iċ-Ċirkulari tad-Direttorat tas-Servizzi tal-VAT Nru 49424), tal‑4 ta’ Mejju 1989 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari tal‑4 ta’ Mejju 1989”), hija fformulata kif ġej:

“1.      It-tiswijiet imwettqa matul il-perijodu ta’ garanzija għandhom jitqiesu li ma humiex suġġetti għat-taxxa, magħmula mingħajr ħlas, peress li jitqiesu li huma impliċitament inklużi fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett suġġett għall-garanzija, u, konsegwentement, ma jiġux assimilati ma’ tranżazzjonijiet imwettqa taħt titolu oneruż, kif ikunu, f’ċirkustanzi oħra, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3)(f) u tal-Artikolu 4(2)(b) tal-Kodiċi dwar il-VAT.

Madankollu, meta l-provvisti ta’ servizzi msemmija (bl-applikazzjoni ta’ materjali jew mingħajrhom) ikunu s-suġġett ta’ fatturazzjoni, dawn tal-aħħar ikunu mingħajr dubju tranżazzjonijiet imwettqa taħt titolu oneruż u, b’konsegwenza, taxxabbli taħt il-kundizzjonijiet normali tal-Kodiċi dwar il-VAT.

2.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-mument li fih ikun hemm fatturazzjoni tat-tiswijiet imsemmija, jiġifieri debitu magħmul lil terzi (kemm jekk ikunu l-klijent, il-konċessjonarju jew il-manifattur), ikun hemm ħlas tat-taxxa, u l-istess sistema tapplika jekk, minflok debitu li jsir minn dak li jsewwi jew mill-konċessjonarju, dan ikun kreditu kkomunikat mill-konċessjonarju jew mill-manifattur.

[…]”.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Suzlon Wind Energy Portugal hija kumpannija li topera fis-settur tal-industrija tal-enerġija, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija eolika. L-attività tagħha tinvolvi l-manifattura, l-assemblaġġ, l-operat, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-iżvilupp, l-ipproċessar, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi. Hija rreġistrata fil-Portugall bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Din il-kumpannija hija sussidjarja 100 % ta’ Suzlon Wind Energy A/S, stabbilita fid-Danimarka (iktar ’il quddiem “Suzlon Wind Energy Danimarka”).

13      Fis‑17 ta’ Ġunju 2006, Suzlon Energy Limited, kumpannija rregolata mid-dritt Indjan (iktar ’il quddiem “Suzlon Energy Indja”), ikkonkludiet ma’ Suzlon Wind Energy Danimarka, li tagħha hija l-propjetarja tal-kapital kollu, ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ (Terms and Conditions of Sales Agreement) ta’ turbini eoliċi u ta’ tagħmir awżiljarju (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-2006”).

14      Il-Ftehim tal-2006 kien jirregola l-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ proġetti ta’ turbini eoliċi u ta’ tagħmir awżiljarju bejn il-fornitur, Suzlon Energy Indja, u x-xerrej, Suzlon Wind Energy Danimarka, kif ukoll bejn din tal-aħħar u s-sussidjarji tagħha, skont il-klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim. Skont il-klawżola 11 tal-imsemmi ftehim, il-fornitur iggarantixxa kontra d-difetti fil-manifattura l-partijiet kollha prodotti matul sentejn mid-data tat-tranżazzjoni kummerċjali. Il-fornitur b’hekk iggarantixxa l-ħlas tal-komponenti, tat-tiswijiet u tat-trasport tal-komponenti difettużi, fejn l-ispejjeż tax-xogħol konnessi mas-sostituzzjoni ta’ dawn tal-aħħar madankollu jibqgħu r-responsabbiltà tax-xerrej. Fir-rigward tad-dokumenti mmanifatturati minn terzi, il-fornitur kellu jittrażmetti l-kuntratti ta’ provvista lix-xerrej sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jagħmel kuntatt huwa stess mal-imsemmija fornituri bil-għan li jinvoka l-garanzija applikabbli, bl-ispejjeż assoċjati f’dan il-każ jaqgħu fuq ix-xerrej.

15      Fl-2007 u fl-2008, Suzlon Wind Energy Portugall xtrat direttament mingħand Suzlon Energy Indja sett ta’ 21 turbina eolika, bi tliet pali kull wieħed, intiżi għal parks eoliċi li jinsabu fil-Portugall, għal valur totali ta’ EUR 3 879 000. Dawn il-parks jappartjenu lil impriżi terzi.

16      Mix-xahar ta’ Settembru 2007, dehru xquq f’ċerti pali li kienu għadhom taħt garanzija, li ħtieġu t-tiswija jew is-sostituzzjoni tagħhom.

17      Fil‑25 ta’ Jannar 2008, Suzlon Wind Energy Portugall u Suzlon Energy l-Indja kkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi (Services Agreement, iktar ’il quddiem il-“Kuntratt tal-2008”) għat-tiswija jew is-sostituzzjoni ta’ 63 pala difettuża. Dan il-kuntratt jispeċifika li Suzlon Wind Energy Portugall kellha l-kapaċità li toħloq unità ta’ tiswija ta’ turbini eoliċi u ta’ tagħmir awżiljarju fil-Portugall u li l-pali ta’ sostituzzjoni kienu ser jiġu ttrasportati mill-Indja lejn il-Portugall.

18      Skont l-imsemmi kuntratt, Suzlon Energy Indja impenjat ruħha li tipprovdi appoġġ loġistiku lil Suzlon Wind Energy Portugall u li tassistiha fit-tiswija jew fis-sostituzzjoni tal-pali. Din tal-aħħar kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Suzlon Energy Indja faċilitajiet ta’ tiswija u tipprovdi servizzi assoċjati mal-ħażna u l-immaniġġar tal-pali. Hija kellha wkoll takkwista, f’isem Suzlon Energy Indja, it-tagħmir u l-materjal kollu neċessarju għat-tiswija tal-pali difettużi, u torganizza t-trasport intern tal-pali ta’ sostituzzjoni. Suzlon Wind Energy Portugall kellha fl-aħħar lok, bi spejjeż tagħha, tipprovdi lil Suzlon Energy Indja kull informazzjoni jew assistenza raġonevolment meħtieġa minnha.

19      Il-Kuntratt tal-2008 kien jikklassifika r-relazzjoni bejn Suzlon Energy Indja u Suzlon Wind Energy Portugall bħala relazzjoni bejn klijent u fornitur, fejn Suzlon Energy Indja kienet qegħda taġixxi f’isimha stess u mhux fl-interess ta’ Suzlon Wind Energy Portugall.

20      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2007 u x-xahar ta’ Marzu 2009, Suzlon Wind Energy Portugall ipproċediet bis-sostituzzjoni jew bit-tiswija tal-pali difettużi, kif ukoll ta’ diversi komponenti tat-turbini eoliċi. Sabiex tagħmel dan, hija akkwistat il-materjal neċessarju u subappaltat ċerti servizzi mingħand terzi, li ħarġu l-fatturi korrispondenti għall-bejgħ u għall-provvisti inkwistjoni. Hija naqqset il-VAT imposta fuq dawn it-tranżazzjonijiet kollha, hekk kif jirriżulta mill-kontabbiltà tagħha.

21      Fis‑27 ta’ Frar 2009, Suzlon Wind Energy Portugall ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 39/2008, li kellha bħala destinatarja Suzlon Energy Indja, għall-ammont ta’ EUR 2 909 643. Għal parti minn dan l-ammont, jiġifieri EUR 2 232 373, din in-nota kienet tindika “Rapport ta’ nuqqas ta’ konformità sa tmiem Marzu [2008]/Lista ddettaljata tar-[rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità] fl-anness”.

22      Fil‑31 ta’ Marzu 2009, Suzlon Wind Energy Portugall ħarġet it-tieni nota ta’ debitu, bin-numru 44/2008, indirizzata wkoll lil Suzlon Energy Indja, għall-ammont ta’ EUR 3 263 454.84 bl-indikazzjoni “Aġġornament tal-pali fil-Portugall sa Marzu 2009/a) Spejjeż ta’ aġġornament tal-pali sa Marzu 2009/b) Spejjeż ta’ IMT (istruzzjonijiet ta’ modifiki tekniċi) (mhux marbutin mal-proġett)”.

23      Fl-istess ġurnata, hija ħarġet it-tielet nota ta’ debitu, li kellha l-istess destinatarju u nnumerata 50/2008, li kienet tammonta għal EUR 1 913 533.68. Din l-aħħar nota ta’ debitu kellha l-indikazzjoni “Rapport ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ April [20]08 sa tmiem Marzu [20]09/Lista ddettaljata tar-[rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità] fl-anness”.

24      L-ebda waħda minn dawn it-tliet noti ta’ debitu (iktar ’il quddiem, flimkien, in-“noti ta’ debitu kontenzjużi”) la tinkludi l-VAT u lanqas ma ssemmi raġuni għall-eżenzjoni. Barra minn hekk, il-VAT ma tħallsitx.

25      Fil‑31 ta’ Mejju 2012, fil-kuntest ta’ kontroll tal-VAT għas-sena 2009, is-Serviços de Inspecção Tributária da Direcção de Finanças de Lisboa (id-Dipartiment ta’ Spezzjoni Fiskali tad-Direttorat tal-Finanzi ta’ Lisbona, l-Portugall) bagħat lil Suzlon Wind Energy Portugall stima addizzjonali tal-VAT li tikkorrispondi, kważi totalment, għal dik li tħalliet barra min-noti ta’ debitu kontenzjużi. L-avviż ta’ irkupru wara din it-tfakkira kien jammonta għal EUR 1 666 710.02, inklużi l-interessi moratorji. Skont l-elementi li jinsabu fir-rapport tad-Dipartiment ta’ Spezzjoni Fiskali, jekk it-tranżazzjonijiet sottostanti għan-noti ta’ debitu kontenzjużi kienu ġew suġġetti għall-VAT, l-ammont ta’ din tal-aħħar kien jitla’ għal EUR 1 481 872.31.

26      Suzlon Wind Energy Portugall ippreżentat rikors kontra dan l-avviż ta’ irkupru. Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunal Tributário de Lisboa (il-Qorti Fiskali ta’ Lisbona, il-Portugall) ċaħdet dan ir-rikors.

27      Suzlon Wind Energy Portugall appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li s-sempliċi rimbors lill-fornitur, f’dan il-każ Suzlon Energy Indja, matul il-perijodu ta’ garanzija, tal-ammont tal-ispejjeż li hija sostniet fl-okkażjoni tat-tiswija jew tas-sostituzzjoni tal-oġġetti li hija kienet akkwistat, ma huwiex intiż għall-kisba ta’ dħul. In-noti ta’ debitu kontenzjużi ma humiex il-korrispettiv ta’ xi provvista tal-fornitur, iżda r-rimbors tal-ispejjeż li hija sostniet sabiex twettaq kompitu li kien jaqa’ fuq dan tal-aħħar, peress li dan kien jirriżulta mill-obbligu tagħha ta’ garanzija tal-prodott mibjugħ. Dawn ma humiex provvisti ta’ servizzi taħt titolu oneruż, iżda sempliċi flussi tal-flus li, peress li ma jiġġeneraw ebda valur miżjud, ma humiex għalhekk suġġetti għall-VAT.

28      L-Awtorità Fiskali u Doganali tqis, min-naħa tagħha, li t-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tan-noti ta’ debitu kontenzjużi jikkorrispondu għall-provvista effettiva minn Suzlon Wind Energy Portugall ta’ servizz imwettaq fil-Portugall, b’applikazzjoni tal-Kuntratt tal-2008, li fil-kuntest tiegħu din tal-aħħar ikkontabilizzat l-oġġetti kollha kkunsinnati u s-servizzi kollha pprovduti mis-subappaltaturi tagħha, u naqqset il-VAT korrispondenti. Għaldaqstant hija ssostni li dawn is-servizzi kellhom ikunu suġġetti għall-VAT bir-rata normali. Din l-Awtorità tirrileva b’mod partikolari li jirriżulta mill-kliem tan-noti ta’ debitu kontenzjużi li dawn jirrigwardaw rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità mwettqa matul il-proġett kollu. Barra minn hekk, hija tqis li ċ-Ċirkolari tal‑4 ta’ Mejju 1989, dwar is-servizzi mwettqa mill-klijent lill-fornitur matul il-perijodu ta’ garanzija, applikabbli f’dan il-każ, tipprevedi li għal servizzi bħal dawk imsemmija fin-noti ta’ debitu kontenzjużi, il-VAT għandha titħallas.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-interpretazzjoni li tgħid li t-tiswijiet magħmula matul l-hekk imsejjaħ perijodu “ta’ garanzija” jitqiesu li huma tranżazzjonijiet mhux suġġetti għat-taxxa meta jitwettqu gratwitament u sa fejn dawn jirriżultaw inklużi taċitament fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett kopert bil-garanzija, hija konformi mad-dritt [tal-Unjoni], fejn għandhom jitqiesu li huma suġġetti għat-taxxa l-provvisti ta’ servizzi fil-perijodu ta’ garanzija (bi jew mingħajr applikazzjoni ta’ materjal) li huma suġġetti għal fatturazzjoni inkwantu ma jistgħux ma jiġux ikklassifikati bħala servizzi b’titolu oneruż?

2)      Il-ħruġ ta’ nota ta’ debitu lil fornitur ta’ komponenti ta’ turbini eoliċi għar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi mix-xerrej ta’ dawn l-oġġetti matul il-perijodu ta’ garanzija rispettiva, bis-sostituzzjoni ta’ komponenti (fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti mill-fornitur li ġew intaxxati bil-VAT u li taw lok għad-dritt ta’ tnaqqis) u bl-arranġament rispettiv (permezz tax-xiri ta’ servizzi minn terzi bi ħlas tal-VAT), fl-ambitu tal-provvista lil terzi ta’ servizzi ta’ installazzjoni ta’ park eoliku, minn dan ix-xerrej (li jinsab f’relazzjoni fi ħdan grupp mal-bejjiegħ, li għandu s-sede tiegħu f’pajjiż terz), għandu jiġi kklassifikat bħala sempliċi tranżazzjoni ta’ rimbors tal-ispejjeż u, bħala tali, eżenti mill-VAT, jew preċedentement bħala provvista ta’ servizzi taħt titolu oneruż li għandha tagħti lok għall-ħlas tat-taxxa?

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Mingħajr ma jsostni formalment li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, il-Gvern Portugiż jesprimi dubji dwar il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu lill-qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis li jkun neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li d-domandi preliminari, riprodotti fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma jsemmu ebda dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni u lanqas tad-dritt Portugiż, għandu, madankollu, jiġi rrilevat qabel kollox li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sitt Direttiva 77/388 u ssemmi “l-eżistenza ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ [din] id-Direttiva”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija ma sabietx risposta inekwivoka jew ċara fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva u fil-Kodiċi dwar il-VAT. Din il-qorti tirreferi wkoll għad-duttrina tal-amministrazzjoni fiskali Portugiża dwar it-tiswijiet ta’ oġġetti matul il-perijodu ta’ garanzija, esposta fiċ-Ċirkulari tal‑4 ta’ Mejju 1989 u li għalhekk tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Metropol Spielstätten, C‑440/12, EU:C:2013:687, punt 39).

33      Il-qorti tar-rinviju għalhekk iddefinixxiet b’mod sommarju iżda li jinftiehem il-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali.

34      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) qiegħda tistaqsi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tan-noti ta’ debitu kontenzjużi, dwar il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż”, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni għandhomx ikunu suġġetti għall-VAT.

35      Issa, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, BB construct, C‑534/16, EU:C:2017:820, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’din il-kawża, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali jippermettu li tiġi evalwata l-portata tagħhom u li tingħata risposta utli lill-imsemmija qorti.

37      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-ewwel domanda preliminari hija magħmula minn żewġ partijiet u li t-tieni parti, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-korrispettiv inkwistjoni jistax jitqies li huwa inkluż b’mod taċitu fil-prezz tal-bejgħ tal-prodott meta s-servizz ta’ tiswija jiġi pprovdut b’xejn, hija inammissibbli peress li tikkonċerna servizzi li ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tal-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, it-tranżazzjonijiet “jitwettqu gratwitament u […] inklużi taċitament fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett kopert bil-garanzija” jirrappreżentaw biss ipoteżi ta’ interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388 li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika u li minnha jirriżulta, a contrario, li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma taxxabbli abbażi tal-VAT.

38      Għaldaqstant, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Dwar lapplikabbiltà ratione temporis tadDirettiva 2006/112

39      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva 77/388, direttiva li hija tqis li hija applikabbli, fil-verżjoni tagħha “fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti”, għall-kawża li tressqet quddiemha.

40      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont din il-qorti, l-istima addizzjonali tal-VAT fil-kawża prinċipali toriġina min-noti ta’ debitu kontenzjużi, ikkontabilizzati fl-2009, li jeskludu l-VAT, li, konsegwentement, ma tħallsitx f’din id-data. Il-fatti rilevanti huma għalhekk sussegwenti għall‑1 ta’ Jannar 2007, data li fiha d-Direttiva 2006/112 daħlet fis-seħħ u ssostitwixxiet is-Sitt Direttiva 77/388, kif jirriżulta mill-Artikoli 411 u 413 tad-Direttiva 2006/112 (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C‑107/10, EU:C:2011:298, punt 24).

41      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 66 ta’ din id-direttiva, “[l]-obbligu tat-traspożizzjoni [tagħha] fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttivi ta’ qabel” u li “[l]-obbligu li jiġu trasposti f’liġi nazzjonali d-disposizzjonijiet li ma nbidlux joħroġ mid-Direttivi ta’ qabel” (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Federal Express Europe, C‑273/16, EU:C:2017:733, punt 29).

42      Issa, mit-tabella li tinsab fl-Anness XII tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva 77/388, li jgħidu li l-provvisti ta’ servizzi kienu suġġetti għall-VAT, imwettqa taħt titolu oneruż fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

43      Fl-assenza ta’ kwalunkwe emenda sostantiva fir-rigward tas-Sitt Direttiva 77/388, għandu jitqies l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 kien diġà ġie traspost fid-dritt Portugiż meta din id-direttiva daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Federal Express Europe, C‑273/16, EU:C:2017:733, punt 30). Is-Sitt Direttiva 77/388 kellha fil-fatt tiġi trasposta fid-dritt Portugiż sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 1989, skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 395 u tal-Anness XXXVI, II, in fine, tat-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża mal-Komunità Ekonomika Ewropea u mal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1985, L 302, p. 9).

44      Minn dan isegwi li, sa fejn il-kawża prinċipali tirrigwarda l-irkupru tal-VAT dovuta għas-sena 2009, l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Federal Express Europe, C‑273/16, EU:C:2017:733, punt 31). Għalhekk, hija l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija rilevanti għall-eżami tal-imsemmija domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C‑107/10, EU:C:2011:298, punt 26).

 Fuq id-domandi preliminari

45      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li tranżazzjonijiet li jkunu taw lok għar-reġistrazzjoni kontabbli ta’ noti ta’ debitu min-naħa ta’ persuna taxxabbli għall-VAT kif ukoll għat-tnaqqis tal-VAT tal-input li tkun ġiet imposta fuq il-provvista tal-oġġetti u tas-servizzi li jkunu ppermettew l-imsemmija tranżazzjonijiet jikkostitwixxux provvisti ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, ikunu jikkonċernaw oġġetti taħt garanzija u min-naħa l-oħra, jiġu ppreżentati minn din il-persuna taxxabbli bħala li ma jkunu ġġeneraw ebda profitt favuriha.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-issuġġettar għall-VAT skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jippreżupponi, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġu ssodisfatti ħames kriterji, jiġifieri li t-tranżazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, li din titwettaq taħt titolu oneruż, li ssir fit-territorju ta’ Stat Membru, li tkun magħmula minn persuna taxxabbli u li din tal-aħħar taġixxi bħala tali.

47      Fl-ewwel lok, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li Suzlon Wind Energy Portugall hija suġġetta għall-VAT fil-Portugall u li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’tali mod li tnejn mill-kriterji msemmija fil-punt preċedenti jidhru diġà ssodisfatti.

48      Fit-tieni lok, għandu jiġi indikat li l-kriterju li l-persuna taxxabbli taġixxi bħala tali, kriterju li għandu jiġi eżaminat issa, jippreżupponi li jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar wettqitx it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli, fi kliem ieħor jekk, minn naħa, wettqitx dawn it-tranżazzjonijiet mhux b’mod privat (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht et, C‑291/92, EU:C:1995:304, punti 16 sa 18), iżda fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C‑354/03, C‑355/03 u C‑484/03, EU:C:2006:16, punt 42) u, min-naħa l-oħra, jekk hijiex verament l-attriċi ġuridika. F’dan il-każ, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tan-noti ta’ debitu kontenzjużi, jekk Suzlon Wind Energy Portugall aġixxietx f’isimha stess bħala persuna suġġetta għall-VAT, jew f’isem u għan-nom ta’ Suzlon Energy Indja.

49      F’dan ir-rigward hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-kuntest kuntrattwali u kontabbli li fih ġew stabbiliti n-noti ta’ debitu kontenzjużi, b’mod partikolari sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza eventwali ta’ kontijiet ta’ sospiża fis-sens tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, De Danske Bilimportører, C‑98/05, EU:C:2006:363, punt 25).

50      Minn perspettiva kuntrattwali, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-Ftehim tal-2006 jirregola l-garanzija ta’ konformità u ta’ funzjonament tal-oġġetti kkunsinnati, bejn il-fornitur, Suzlon Energy Indja, u x-xerrej, Suzlon Wind Energy Danimarka, liema ftehim jinvolvi wkoll is-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, bħal Suzlon Wind Energy Portugall. F’dan il-każ, jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li, billi importat direttament l-oġġetti difettużi mingħand Suzlon Energy Indja, Suzlon Wind Energy Portugall kienet tibbenefika mill-garanzija prevista mill-Ftehim tal-2006.

51      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-garanzija offruta minn Suzlon Wind Energy Portugall lill-klijenti tagħha ma hijiex inkwistjoni. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li f’dan il-każ teżisti garanzija diretta min-naħa ta’ Suzlon Energy Indja favur il-klijenti finali.

52      L-estratti tal-kuntratt tal-2008, riprodotti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, huma espliċiti fir-rigward tal-fatt li s-servizzi ta’ tiswija u ta’ sostituzzjoni li jikkostitwixxu s-suġġett tagħhom jiġu pprovduti minn fornitur ta’ servizzi, Suzlon Wind Energy Portugall, għall-benefiċċju ta’ klijent, Suzlon Energy Indja.

53      Minn perspettiva ta’ kontabbiltà, għandu jiġi enfasizzat li persuna suġġetta għall-VAT għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika r-realtà u l-kontenut tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fil-kontabbiltà tagħha. F’dan ir-rigward, it-titolu tal-imsemmija tranżazzjonijiet jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali, fost iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, sabiex tiġi ddeterminata n-natura taxxabbli ta’ tranżazzjoni. F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi l-formulazzjoni tan-noti ta’ debitu kontenzjużi, li minnhom jirriżulta li Suzlon Wind Energy Portugall wettqet sensiela ta’ “rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità” u ta’ “aġġornamenti” tat-tagħmir ikkonċernat favur Suzlon Energy Indja.

54      Suzlon Wind Energy Portugall indikat ukoll li għażlet li tieħu responsabbiltà għat-tiswijiet jew għas-sostituzzjonijiet rilevanti fit-territorju Portugiż. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din tal-aħħar użat, sabiex tagħmel dan, fornituri ta’ oġġetti u fornituri ta’ servizzi. Il-fatturi kollha maħruġa f’dan ir-rigward ġew stabbiliti mhux f’isem Suzlon Energy Indja, iżda f’isem Suzlon Wind Energy Portugall. Din tal-aħħar naqqset l-ammont tal-VAT fuq l-imsemmija fatturi, li għalhekk għandha titqies li hija l-VAT tal-input fuq it-tranżazzjonijiet ikkontabilizzati permezz tan-noti ta’ debitu kontenzjużi.

55      Barra minn hekk, jidher li huwa stabbilit, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-ammonti relatati max-xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ sostituzzjoni ma ġewx ikkontabilizzati minn Suzlon Wind Energy Portugall f’kontijiet ta’ sospiża, kif għandu jkun il-każ fid-dawl ta’ assenjazzjoni mill-ġdid immedjata tal-imsemmija ammonti.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq din tal-aħħar, li persuna suġġetta għall-VAT li tkun aġixxiet kif jidher li għamlet Suzlon Wind Energy Portugall għandha titqies li hija persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

57      Fit-tielet lok, it-tranżazzjoni inkwistjoni għandha tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi.

58      Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/112, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti hija provvista ta’ servizzi. Sabiex it-tranżazzjoni inkwistjoni tiġi kklassifikata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din titwettaq (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 32). F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti jikkostitwixxu element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun meħtieġ li jiġu identifikati l-fornitur u l-benefiċjarju fi tranżazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Budimex, C‑224/18, EU:C:2019:347, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kuntratt tal-2008, intitolat “Kuntratt ta’ Provvista ta’ Servizzi”, u n-noti ta’ debitu kontenzjużi li jirreferu għar-rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ aġġornament juru l-fatt li Suzlon Wind Energy Portugall tidher li hija fornitriċi ta’ servizzi li għandha bħala klijent Suzlon Energy Indja.

60      Għandu jingħad ukoll li tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu ekwivalenti għal riferiment għal materjal difettuż lill-fornitur għal tiswija jew sostituzzjoni, peress li, f’dan il-każ, huwa x-xerrej tal-oġġetti inkwistjoni li ġie inkarigat mill-fornitur sabiex iwettaq ċertu numru ta’ servizzi intiżi li jimplimentaw il-garanzija ta’ dan il-fornitur.

61      Fir-raba’ lok, il-provvista ta’ servizzi għandha titwettaq taħt titolu oneruż.

62      Qabelxejn, għandu jitfakkar li provvista ta’ servizzi titwettaq taħt titolu oneruż, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju teżisti relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn il-ħlas irċevut mill-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwalizzabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ jekk tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Balgarska natsionalna televizia, C‑21/20, EU:C:2021:743, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Bla ħsara għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-varji elementi mill-qorti tar-rinviju, huwa possibbli li jiġi indikat li, permezz ta’ qari sempliċi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel nett, ir-relazzjoni legali li wasslet għan-noti ta’ debitu kontenzjużi hija kkostitwita mill-Kuntratt tal-2008, it-tieni nett, il-ħlas tal-fornitur tas-servizzi jidher li jikkorrispondi għal dawn in-noti ta’ debitu u, it-tielet nett, is-servizzi pprovduti minn Suzlon Wind Energy Portugall lil Suzlon Energy Indja, jiġifieri, b’mod partikolari, l-assistenza mogħtija fit-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-pali difettużi, jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “servizz individwalizzabbli pprovdut lill-benefiċjarju”.

64      Sussegwentement, il-fatt li l-korrispettiv ta’ din il-provvista ta’ servizzi ħa l-forma ta’ noti ta’ debitu ma huwiex ostakolu sabiex dan il-korispettiv jitqies li huwa ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li huwa irrilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura oneruża ta’ provvista ta’ servizzi, il-fatt li remunerazzjoni ma tieħux il-forma ta’ ħlas jew ta’ ħlas ta’ spejjeż speċifiċi (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C‑264/14, EU:C:2015:718, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza, jekk jitqies li hija stabbilita, li Suzlon Wind Energy Portugall għaddiet l-ispiża tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tal-pali difettużi, mingħajr marġni jew suppliment, għandu jitfakkar li l-fatt li tranżazzjoni ekonomika titwettaq bi prezz ogħla jew inqas mill-prezz ta’ bejgħ huwa irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “tranżazzjoni taħt titolu oneruż”, peress li dan il-kunċett tal-aħħar jirrikjedi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi u korrispettiv realment irċevut mill-persuna taxxabbli (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Gemeente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punt 26).

66      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li tranżazzjonijiet bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju jissodisfaw il-kriterji ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

67      Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ garanzija li tirrigwarda l-oġġetti kkunsinnati jkollha effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż biss jekk din taffettwa wieħed mill-kriterji msemmija minn din id-dispożizzjoni. Dan ikun, pereżempju, il-każ jekk il-fornitur ta’ servizzi jkun aġixxa f’isem u għan-nom ta’ ħaddieħor, billi sempliċement jgħaddi l-ammonti relatati mal-oġġetti akkwistati u max-xogħlijiet ta’ sostituzzjoni jew ta’ tiswija inkwistjoni fuq kontijiet ta’ sospiża fis-sens tal-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2006/112, billi ma jnaqqasx il-VAT tal-input u billi jsemmi fuq l-ordnijiet u l-fatturi l-isem tal-kumpannija li għalija l-imsemmija oġġetti jkunu ġew akkwistati u x-xogħlijiet imwettqa.

68      Fi kwalunkwe każ, sitwazzjoni li fiha rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti taħt garanzija jkunu ġew stabbiliti għal diversi xhur u l-aġġornamenti tal-imsemmija oġġetti twettqu hija differenti minn dawk li fihom l-oġġetti difettużi taħt garanzija ġew purament u sempliċement issostitwiti.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjonijiet li jaqgħu f’kuntest kuntrattwali li jidentifika fornitur ta’ servizzi, ix-xerrej ta’ dawn tal-aħħar u n-natura tal-provvisti inkwistjoni, debitament ikkontabilizzati mill-persuna taxxabbli, li għandhom titolu li jikkonferma n-natura tagħhom ta’ servizzi u li jkunu taw lok għal ħlas riċevut mill-fornitur li jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-imsemmija servizzi fil-forma ta’ noti ta’ debitu, jifformaw provvista ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja, minn naħa, l-eventwali assenza ta’ profitt tal-persuna taxxabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ garanzija rigward l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-imsemmija provvisti.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjonijiet li jaqgħu f’kuntest kuntrattwali li jidentifika fornitur ta’ servizzi, ix-xerrej ta’ dawn tal-aħħar u n-natura tal-provvisti inkwistjoni, debitament ikkontabilizzati mill-persuna taxxabbli, li għandhom titolu li jikkonferma n-natura tagħhom ta’ servizzi u li jkunu taw lok għal ħlas riċevut mill-fornitur li jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-imsemmija servizzi fil-forma ta’ noti ta’ debitu, jifformaw provvista ta’ servizzi mwettqa taħt titolu oneruż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja, minn naħa, l-eventwali assenza ta’ profitt tal-persuna taxxabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ garanzija rigward l-oġġetti li kienu s-suġġett tal-imsemmija provvisti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.