Language of document : ECLI:EU:C:2024:312

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta’ April 2024 (*)

“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-media – Talba għal informazzjoni – Data personali – Urġenza – Twettiq ta’ reat kriminali”

Fil-Kawża C‑89/24 P(R),

li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ Frar 2024,

Lagardère SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn G. Aubron, C. Bocket u D. Théophile, avocats,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Caro de Sousa, B. Cullen u D. Viros, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Lagardère SA titlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Jannar 2024, Lagardère vs Il‑Kummissjoni (T‑1119/23 R, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2024:16), li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħad it-talba tagħha intiża, minn naħa, li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6429 final tad‑19 ta’ Settembru 2023 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ M.11184 – Vivendi/Lagardère), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7464 final tas‑27 ta’ Ottubru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, b’mod kawtelatorju, li hija tiġi ordnata żżomm id-dokumenti kollha tal-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża li jistgħu jkunu ta’ interess għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 8 tad-digriet appellat. Dawn jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        Fl‑24 ta’ Ottubru 2022, Vivendi SE nnotifikat lill-Kummissjoni operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li kienet tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ Lagardère. Fid‑9 ta’ Ġunju 2023, din l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-impenji meħuda minn Vivendi.

4        Fil‑25 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni informat lil Vivendi bil-ftuħ ta’ investigazzjoni formali dwar twettiq antiċipat potenzjali tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, permezz tad-Deċiżjoni C(2023) 6429 final tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet lil Lagardère talba għal informazzjoni, flimkien ma’ terminu li jiskadi fis‑27 ta’ Ottubru 2023. Permezz tad-Deċiżjoni C(2023) 7464 final, tas‑27 ta’ Ottubru 2023, din l-istituzzjoni estendiet dan it-terminu sal‑1 ta’ Diċembru 2023.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ddigriet appellat

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Novembru 2023, Lagardère ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

6        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2023, Lagardère ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, minn naħa, li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, b’mod kawtelatorju, li hija tiġi ordnata żżomm id-dokumenti kollha tal-persuni kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni li jistgħu jkunu ta’ interess għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

7        Permezz tad-digriet tad‑29 ta’ Novembru 2023, Lagardère vs Il‑Kummissjoni (T‑1119/23 R), adottat abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm il-proċedura fil-Kawża T‑1119/23 R, bla ħsara għall-obbligu ta’ Lagardère li tkompli tiġbor l-informazzjoni u li żżomm fil-pussess tagħha, fuq mezz elettroniku, id-dokumenti kollha kkonċernati minn din id-deċiżjoni li jistgħu jkunu ta’ interess għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

8        Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 6 ta’ dan id-digriet, minħabba li Lagardère ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza kienet issodisfatta, u rtira d-digriet tiegħu tad‑29 ta’ Novembru 2023 (T‑1119/23 R).

9        Fl-ewwel lok, fil-punt 29 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li r-riskju li Lagardère tkun obbligata tħallas pagamenti ta’ penalità jew multi kien, fl-istadju tal-proċedura li fih kellu jingħata dan id-digriet, ta’ natura ipotetika.

10      Fit-tieni lok, huwa qies, fil-punt 39 tal-imsemmi digriet, li kellu wkoll jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq dannu allegat li jkun jirriżulta mir-riskju ta’ ksur tal-ħajja privata tal-impjegati u tar-rappreżentanti ta’ Lagardère. F’dan ir-rigward, huwa qies b’mod partikolari, fil-punti 40 sa 42 tal-istess digriet, li Lagardère ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-espożizzjoni tagħha għal riskju li jiġu imposti fuqha sanzjonijiet kriminali.

 Ittalbiet talpartijiet flappell u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

11      Lagardère titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddeċiedi li t-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Lagardère fil-Kawża T‑1119/23 R hija ta’ natura urġenti;

–        tibgħat lura din l-kawża lill-Qorti Ġenerali għall-kumplament jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tqis li hija suffiċjentement informata, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din it-talba għal miżuri provviżorji;

–        tissospendi l-obbligu impost fuq Lagardère permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 572 final, tal‑24 ta’ Jannar 2024, li tiġbor u li tikkomunika lill-Kummissjoni dokumenti inklużi fil-kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u fl-apparati mobbli privati jew personali ta’ ċerti impjegati u rappreżentanti ta’ Lagardère sakemm il-President tal-Qorti Ġenerali jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑1119/23 R jew, fin-nuqqas ta’ dan, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

12      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Lagardère għall-ispejjeż.

13      Permezz tad-digriet tiegħu tas‑6 ta’ Frar 2024, Lagardère vs Il‑Kummissjoni (C‑89/24 P(R)‑R, EU:C:2024:120), adottat abbażi tal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuq Lagardère, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tiġbor u li tikkomunika lill-Kummissjoni dokumenti inklużi fil-kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u fl-apparati mobbli privati jew personali ta’ ċerti impjegati u rappreżentanti ta’ Lagardère sal-adozzjoni tad-digriet li jingħata l-ewwel bejn dak li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑89/24 P(R)‑R u dak li jiddeċiedi dan l-appell, bla ħsara għall-obbligu, ta’ Lagardère, li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiżgura ż-żamma ta’ dawn id-dokumenti kollha.

 Fuq lappell

14      Insostenn tal-appell tagħha, Lagardère tinvoka tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fuq ksur tas-sigriet tal-korrispondenza, it-tieni wieħed, fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tad-dannu allegat u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq lewwel parti talewwel aggravju

 Argumenti

15      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Lagardère ssostni li l-President tal-Qorti Ġenerali żnatura t-talba tagħha għal miżuri provviżorji billi ddeċieda, fil-punt 40 tad-digriet appellat, li din it-talba kienet partikolarment lakunarja.

16      Fil-fatt, l-affermazzjoni magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali f’dak il-punt, li skontha t-talba għal miżuri provviżorji ma kinitx tinkludi riferiment għat-test ta’ inkriminazzjoni u lanqas preċiżazzjonijiet dwar il-piena imposta, hija żbaljata. It-testi rilevanti tad-dritt Franċiż ġew spjegati, f’termini perfettament ċari, fil-punti 35 u 38 ta’ din it-talba. Barra minn hekk, Lagardère pproduċiet, f’anness mal-imsemmija talba, il-konsultazzjoni ma’ avukat speċjalizzat fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda li tirreferi għal dawn it-testi.

17      Għaldaqstant, il-President tal-Qorti Ġenerali ma kienx fondat meta kkonstata, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li d-dannu allegat minn Lagardère ma kienx issostanzjat biżżejjed.

18      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv kollu kemm hu. Fil-fatt, dan l-aggravju, fir-realtà, jilmenta li l-President tal-Qorti Ġenerali ma eżaminax il-kundizzjoni relatata mal-fumus boni juris, anki jekk huwa seta’ jillimita ruħu jikkonstata li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma kinitx issodisfatta.

19      Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-argumenti magħmula fit-talba għal miżuri provviżorji relatati mal-urġenza la jinkludu preċiżazzjonijiet dwar it-test ta’ inkriminazzjoni li fuqu tibbaża ruħha Lagardère u lanqas dwar il-piena allegatament imposta fuqha.

 Evalwazzjoni

20      Preliminarjament, peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tikkritika direttament il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kundizzjoni relatata mal-urġenza li jinsabu fil-punti 40 u 41 tad-digriet appellat, din il-parti ma tistax titqies li hija bbażata fuq ilment ibbażat fuq il-fatt li l-President tal-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqas milli jiddeċiedi dwar il-kundizzjoni relatata mal-fumus boni juris.

21      Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni li l-ewwel aggravju huwa, kollu kemm hu, ineffettiv għandhom jiġu miċħuda u li għalhekk hemm lok li tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 40 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali afferma li t-talba għal miżuri provviżorji kienet “partikolarment lakunarja” f’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ sanzjonijiet kriminali li Lagardère tkun esposta għalihom, peress li din it-talba kienet “tirreferi għall-possibbiltà ta’ tali sanzjonijiet, mingħajr riferiment għat-test ta’ inkriminazzjoni u mingħajr preċiżazzjonijiet dwar il-piena imposta”. Fil-punt 41 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeduċa minn dan li d-dannu allegat minn Lagardère ma kienx issostanzjat biżżejjed.

23      Madankollu, hekk kif issostni Lagardère, jidher li diversi elementi tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji kienu jinkludu preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li taħthom hija kienet tqies li r-responsabbiltà kriminali tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita jekk hija kellha tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fir-rigward tal-pieni imposti f’tali ipoteżi.

24      Għalhekk, qabel kollox, Lagardère ppreċiżat, fil-punt 35 tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, li l-ksur tas-sigriet tal-korrispondenza huwa ssanzjonat kriminalment fid-dritt Franċiż b’applikazzjoni tal-Artikolu 226‑1 tal-code pénal (il-Kodiċi Kriminali) Franċiż. Barra minn hekk, hija ċċitat it-test ta’ din id-dispożizzjoni u ppreċiżat li l-piena imposta fil-każ ta’ ksur tagħha kienet ta’ sena priġunerija u ta’ multa ta’ EUR 45 000.

25      Sussegwentement, fil-punt 38 ta’ din it-talba, Lagardère semmiet diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt kriminali Franċiż li setgħu, fil-fehma tagħha, ikunu applikabbli għaliha, jiġifieri l-Artikoli L. 223‑6 u R. 226‑1 sa 4 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, mingħajr madankollu ma ċċitat espliċitament il-formulazzjoni tagħhom.

26      Fl-aħħar nett, fil-punt 75 tal-imsemmija talba, Lagardère rreferiet, sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għal konsultazzjoni ma’ avukat annessa mal-istess talba. Din il-konsultazzjoni tispjega, b’mod partikolari, it-test u l-portata tal-Artikolu 226‑1 u tal-Artikolu 226‑15 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż.

27      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta, fil-punt 40 tad-digriet appellat, l-argumenti tal-Kummissjoni li skonthom it-talba għal miżuri provviżorji ta’ Lagardère kienet “partikolarment lakunarja”, sa fejn hija kienet issemmi riskju li tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali “mingħajr riferiment għat-test ta’ inkriminazzjoni u mingħajr preċiżazzjonijiet dwar il-piena imposta”, il-President tal-Qorti Ġenerali żnatura din it-talba.

28      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-preċiżazzjonijiet dwar ir-regoli rilevanti tad-dritt Franċiż, irrilevati fil-punti 24 sa 26 ta’ dan id-digriet, ma kinux jinsabu fil-parti tat-talba għal miżuri provviżorji li tittratta l-kundizzjoni relatata mal-urġenza, iżda fil-parti li tittratta l-kundizzjoni relatata mal-fumus boni juris.

29      Minn naħa, mill-kliem stess użat mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tad-digriet appellat jirriżulta li huwa ma kkonstatax in-natura “lakunarja” tal-argumenti ta’ Lagardère fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-urġenza, iżda huwa ikkonstata n-natura “lakunarja” tat-“talba għal miżuri provviżorji” kollha kemm hi.

30      Min-naħa l-oħra, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ħeffa li tikkaratterizza l-proċedura għal miżuri provviżorji u tar-rekwiżiti applikabbli għall-volum tal-atti proċedurali prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-persuna li tressaq it-talba għal miżuri provviżorji ma tistax tiġi mistennija tirrepeti sistematikament, fil-parti tat-talba tagħha li tkun tirrigwarda l-kundizzjoni relatata mal-urġenza, l-argumenti relatati ma’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jkunu diġà ġew ippreżentati f’parti oħra ta’ din it-talba u li jkunu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ żewġ kundizzjonijiet jew iktar li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji.

31      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa.

32      Dan premess, il-konstatazzjoni tal-iżnaturament tar-rikors li jivvizzja l-punt 40 tad-digriet appellat ma hijiex biżżejjed sabiex twassal, waħedha, għall-annullament tad-digriet. Fil-fatt, il-President tal-Qorti Ġenerali indika, fil-punt 42 ta’ dak id-digriet, għal finijiet ta’ kompletezza, motiv ieħor intiż li jiġġustifika ċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Lagardère marbuta mal-applikazzjoni potenzjali tal-liġi kriminali Franċiża.

33      Peress li dan il-motiv huwa kkontestat mill-ewwel parti tat-tieni aggravju, hemm lok li din tiġi eżaminata.

 Fuq lewwel parti tattieni aggravju

 Argumenti

34      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Lagardère ssostni li, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, hija indikat b’mod ċar li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza kienet issodisfatta minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża timponilha twettaq atti ta’ investigazzjoni li jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala kriminali fid-dritt Franċiż.

35      Għalhekk, l-urġenza li fuqha tibbaża ruħha Lagardère tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-fatt li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tkun twassalha twettaq reat kriminali li għalih hija tissogra, fit-tieni lok, sanzjonijiet kriminali. It-twettiq ta’ tali reat ikun jikkostitwixxi fih innifsu dannu għal Lagardère. Il-President tal-Qorti Ġenerali għalhekk qies b’mod żbaljat li d-dannu invokat minn Lagardère kien ta’ natura ipotetika.

36      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li n-natura suffiċjentement ċerta tad-dannu marbut mal-applikazzjoni tal-liġi kriminali Franċiża ma tistax tiġi aċċettata f’dan il-każ, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punti 40 u 41 tad-digriet appellat, li r-riskju, għal Lagardère, li tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali ma kienx issostanzjat biżżejjed.

37      Il-Kummissjoni tirrileva, sussidjarjament, li l-President tal-Qorti Ġenerali kien fondat iwettaq l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 42 ta’ dak id-digriet, sa fejn l-għan tal-proċeduri kriminali huwa li jistabbilixxu kemm l-eżistenza ta’ reat kriminali kif ukoll is-sanzjoni għal tali reat u l-eżistenza ta’ reat kriminali kienet għalhekk ta’ natura ipotetika fil-jum li fih huwa ddeċieda dwar it-talba għal miżuri provviżorji.

38      B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li Lagardère ma turix li huwa ġuridikament impossibbli teżegwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża, peress li persuna li timpjega ma għandhiex l-obbligu tikseb il-kunsens tal-impjegati tagħha sabiex tiġbor data personali b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

 Evalwazzjoni

39      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, peress li mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju jirriżulta li l-punti 40 u 41 tad-digriet appellat huma bbażati fuq żnaturament tat-talba għal miżuri provviżorji, l-evalwazzjonijiet magħmula f’dawk il-punti ma jistgħux jiġu utilment invokati sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-ewwel parti tat-tieni aggravju.

40      Fil-punt 42 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li r-riskju invokat minn Lagardère kien ta’ natura ipotetika. Huwa rrileva li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali kienet ibbażata neċessarjament fuq numru ta’ atti li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kompetenti fuq livell nazzjonali jew mill-vittmi potenzjali ta’ aġir li jista’ jiġi kkaratterizzat bħala kriminali. Minn dan huwa ddeduċa li kien minn tal-inqas prematur li jiġi allegat, f’dak l-istadju tal-proċedura, li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tkun twassal, skont kull probabbiltà, għar-riskju ta’ tali sanzjoni għal Lagardère.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif issostni Lagardère, l-argumenti ppreżentati fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji kienu intiżi b’mod partikolari li jistabbilixxu li, billi obbligatha tikser l-obbligi legali tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża esponietha, kif ukoll lir-rappreżentanti tagħha, għal dannu gravi “inklużi sanzjonijiet kriminali ta’ multa u ta’ priġunerija”. Il-punt 148 ta’ din it-talba kien jippreċiża wkoll li d-dannu invokat ikun irreparabbli “peress li l-ksur tad-dispożizzjonijiet legali [inkwistjoni] jkun definittivament u irrimedjabbilment serju”.

42      Konsegwentement, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li d-dannu invokat minn Lagardère kien jirrigwarda mhux biss l-impożizzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet kriminali, iżda wkoll il-fatt stess li hija tkun obbligata twettaq reati kriminali.

43      Issa, il-punt 42 tad-digriet appellat jirrigwarda biss ir-riskju ta’ ssuġġettar għal sanzjoni kriminali u għalhekk ma jinkludix tweġiba għall-argumenti ta’ Lagardère sa fejn dawn huma bbażati fuq dannu li jirriżulta mill-fatt li hija tkun obbligata twettaq reati kriminali.

44      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riskju ta’ ssuġġettar għal sanzjoni kriminali, kemm mit-talba għal miżuri provviżorji ta’ Lagardère kif ukoll mis-sunt tal-argumenti tagħha li jinsabu fil-punt 21 tad-digriet appellat jirriżulta li, hekk kif issostni din il-kumpannija insostenn tal-appell tagħha, hija riedet turi l-eżistenza ta’ dan ir-riskju billi tallega li, sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża, hija jkollha neċessarjament twettaq reati kriminali li jkunu jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni.

45      Minn dan isegwi li l-konnessjoni bejn l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-impożizzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet kriminali li Lagardère bbażat ruħha fuqha ma kinitx marbuta mal-fatt li tali sanzjonijiet setgħu jiġu imposti fuqha abbażi ta’ din id-deċiżjoni, iżda mal-allegat fatt li, sabiex twieġeb għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni inkluża fl-imsemmija deċiżjoni, Lagardère kellha neċessarjament issir kriminalment responsabbli billi tikser il-liġi kriminali applikabbli.

46      Issa, it-twettiq ta’ atti ta’ natura li jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali ta’ Lagardère jiddependi biss fuq l-aġir tagħha u mhux fuq it-tressiq jew l-eżitu ulterjuri ta’ proċeduri kriminali kontriha.

47      Għaldaqstant, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali ma ċaħadx l-allegazzjoni esposta fil-punt 44 ta’ dan id-digriet, huwa ma setax jeskludi r-riskju li Lagardère tkun effettivament obbligata twettaq reati kriminali sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li t-tressiq jew l-eżitu ta’ proċeduri kriminali kien jiddependi minn atti proċedurali ulterjuri tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jew tal-vittmi potenzjali.

48      F’dan il-kuntest, peress li t-twettiq ta’ tali reati jkun jista’ jiġġustifika, a posteriori, it-tressiq ta’ proċeduri kriminali kontra Lagardère kif ukoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali kontriha u peress li sospensjoni possibbli tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża f’mument li fih jinbdew tali proċeduri ma tkunx iktar tista’ tevita l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet, it-tressiq, f’dak il-mument, ta’ talba għal miżuri provviżorji intiża għal tali sospensjoni ma jkunx neċessarjament iktar ta’ ebda utilità.

49      Minn dan isegwi li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li Lagardère kienet ibbażat ruħha b’mod prematur fuq ir-riskju li tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

50      L-argument imqajjem b’mod iktar sussidjarju mill-Kummissjoni ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn Lagardère sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża ma jkunux inkompatibbli mad-dritt applikabbli, allegazzjoni li ma ntlaqgħetx mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 42.

51      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

52      Mill-iżbalji li bihom huma vvizzjati l-punti 40 sa 42 tad-digriet appellat jirriżulta li d-digriet ma jinkludix motiv li jista’ jkun ta’ bażi għaċ-ċaħda tal-argumenti ta’ Lagardère bbażati fuq ir-riskju li ġġarrab dannu marbut mal-applikazzjoni tal-liġi kriminali Franċiża.

53      Peress li t-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda minħabba li Lagardère ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza kienet issodisfatta, minn dawn l-iżbalji jirriżulta li d-dispożittiv tad-digriet appellat huwa infondat.

54      Minn dan isegwi li d-digriet appellat għandu jiġi annullat kollu kemm hu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-ewwel u tat-tieni aggravju u lanqas it-tielet aggravju.

 Fuq ittalba għal miżuri provviżorji mressqa quddiem ilQorti Ġenerali

55      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 172 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li prima facie jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba minnhom. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li dawn ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li dawn jiġu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar ir-rikors fuq il-mertu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi involuti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 175 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmija kundizzjonijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, Symrise vs ECHA, C‑282/2 P(R), EU:C:2021:631, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet diġà mwettqa mill-President tal-Qorti Ġenerali u tal-proċedura bil-miktub bejn il-partijiet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu elementi suffiċjenti sabiex jiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kundizzjoni relatata mal-urġenza f’din il-kawża.

 Argumenti

59      Bil-għan li turi li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza hija ssodisfatta, Lagardère tibbaża ruħha fuq diversi danni separati.

60      Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża timponi li Lagardère tikser id-drittijiet fundamentali tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħha, li għandhom jiġu eżaminati qabel kollox, hija ssostni li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun twassalha sabiex ma tosservax l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

61      Minn naħa, Lagardère tkun meħtieġa tfittex dokumenti li hija ma hijiex awtorizzata taċċedi għalihom, u sussegwentement tikkomunikahom lill-Kummissjoni, anki jekk dawn ikunu jirrigwardaw il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Għalhekk hija tissogra li ġġarrab dannu gravi inkwantu hija tkun obbligata tikser l-obbligi legali tagħha, u b’hekk tesponi ruħha b’mod partikolari, bl-istess mod bħar-rappreżentanti tagħha, għal sanzjonijiet kriminali ta’ multa u ta’ priġunerija. Tali dannu ikun irreparabbli, peress li l-ksur tal-obbligi legali inkwistjoni jkun definittivament u irrimedjabbilment serju.

62      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kontenzjuża tkun tobbliga lil Lagardère tikser is-sigriet tas-sorsi tal-ġurnalisti li jaħdmu għaliha, fatt li jkun jesponiha għal rikorsi ppreżentati minnhom.

63      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-riskju ta’ ssuġġettar għal sanzjonijiet kriminali ma huwiex stabbilit f’dan il-każ. Għalhekk, it-talba għal miżuri provviżorji hija partikolarment lakunarja, peress li din tirreferi għall-possibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali, mingħajr riferiment għat-test ta’ inkriminazzjoni u mingħajr preċiżazzjonijiet dwar il-piena imposta. Barra minn hekk, dan ir-riskju huwa ipotetiku, inkwantu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali tistrieħ neċessarjament fuq numru ta’ atti li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari, mill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni jew mill-vittmi potenzjali. Barra minn hekk, Lagardère ma hijiex obbligata tikseb il-kunsens tal-impjegati tagħha jew tar-rappreżentanti tagħha sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża.

64      Fit-tieni lok, huwa inevitabbli li l-Kummissjoni, sabiex twettaq sewwa l-investigazzjoni tagħha, tipproċessa data personali. Is-sempliċi fatt li hija tivverifika r-rilevanza ta’ tali data ma jistax, fih innifsu, jikkawża dannu gravi u irreparabbli, meta Lagardère ma ssemmix riskju ta’ żvelar ta’ data sensittiva u personali ħafna. Fi kwalunkwe każ, hija Lagardère li għandha turi l-eżistenza ta’ tali riskju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprevediet garanziji proċedurali speċifiċi f’dan ir-rigward.

 Evalwazzjoni

65      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma tbati dannu ta’ din in-natura. Għalkemm huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li tkun meħtieġa li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li tkun qegħda titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti meqjusa li jipprovdu l-bażi għall-perspettiva ta’ tali dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja, C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hijiex issodisfatta, għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni li Lagardère tissogra ġġarrab dannu gravi u irreparabbli minħabba l-fatt li, sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża, hija tkun obbligata twettaq reati kriminali.

67      Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal miżuri provviżorji hija lakunarja fir-rigward tal-kontenut tar-regoli tad-dritt Franċiż li Lagardère għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan ir-rigward, mill-punti 23 sa 30 ta’ dan id-digriet jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

68      Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn ir-regoli, jirriżulta, b’mod partikolari, minn din it-talba għal miżuri provviżorji, li l-portata tagħha ma hijiex, f’dan ir-rigward, ikkontestata mill-Kummissjoni, li d-dritt Franċiż jipprevedi li għandu jkun suġġett għal piena ta’ priġunerija u għal multa l-fatt li tiġi ppreġudikata l-intimità tal-ħajja privata ta’ ħaddieħor billi jiġi trażmess, mingħajr il-kunsens tal-awtur tiegħu, kliem li jkun intqal b’mod privat jew il-fatt li tiġi żvelata, b’mala fide, korrispondenza mibgħuta, trażmessa jew irċevuta b’mezz elettroniku.

69      Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża tobbliga b’mod partikolari lil Lagardère tiġbor l-iskambji kollha mwettqa, permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, matul perijodu ta’ diversi snin bejn diversi persuni fiżiċi kif ukoll ċerti skambji bejn persuni fiżiċi oħra, u sussegwentement tikkomunika l-informazzjoni miġbura lill-Kummissjoni.

70      Huwa paċifiku li, konformement mal-punt 2 ta’ din id-deċiżjoni, dan l-obbligu jestendi b’mod partikolari għal skambji mwettqa permezz ta’ kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u ta’ apparati mobbli privati jew personali tal-impjegati u tar-rappreżentanti kkonċernati, sakemm dawn il-kaxxi tal-posta elettronika u dawn l-apparati jkunu ntużaw mill-inqas darba għal komunikazzjonijiet relatati max-xogħol.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ikkontestat li, sabiex teżegwixxi b’mod sħiħ id-deċiżjoni kontenzjuża, Lagardère, li ma hijiex awtorità pubblika, ikollha taċċedi, fil-parti l-kbira, għall-komunikazzjonijiet ta’ wħud mill-impjegati u mir-rappreżentanti tagħha, anki jekk id-dritt Franċiż ma jagħtihiex espliċitament tali setgħa u li hija ssostni, mingħajr kontradizzjoni effettiva f’dan ir-rigward, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb il-kunsens tal-persuni kkonċernati.

72      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali ċċitati minn Lagardère u tal-informazzjoni relatata mad-dritt Franċiż imsemmija fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji kif ukoll fl-annessi tagħha, informazzjoni li ma hijiex direttament ikkontestata mill-Kummissjoni, l-allegazzjoni li l-aġir li Lagardère jkollha tadotta sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża jkun jista’ jikkostitwixxi reat kriminali fid-dritt Franċiż għandha l-grad ta’ probabbiltà meħtieġ mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ dan id-digriet.

73      Għalkemm ċertament ma jistax jiġi kompletament eskluż a priori li Lagardère tkun tista’, kompletament jew parzjalment, tevita r-responsabbiltà kriminali tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-obbligi jew il-forza vinkolanti li jirriżultaw fir-rigward tagħha mid-deċiżjoni kontenzjuża, din hija kwistjoni li taqa’ essenzjalment taħt id-dritt Franċiż li dwarha l-partijiet ma pprovdew ebda informazzjoni lill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

74      B’mod partikolari, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li Lagardère ma hijiex obbligata tikseb il-kunsens tal-impjegati tagħha jew tar-rappreżentanti tagħha sabiex tiġbor u sussegwentement tittrażmetti lil din l-istituzzjoni d-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija istituzzjoni ma turix, abbażi tat-testi applikabbli jew tal-prassi preċedenti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li Lagardère tkun tista’ tevita kull responsabbiltà kriminali meta tiġbor u tittrażmetti lill-istess istituzzjoni d-dokumenti kollha msemmija f’din id-deċiżjoni mingħajr ma hija tkun ġiet awtorizzata minn qabel tagħmel dan mill-persuni kkonċernati.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jitqies li Lagardère stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li, sabiex teżegwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża, hija tkun obbligata tadotta aġir li x’aktarx ikun jista’ jiġġustifika r-responsabbiltà kriminali tagħha u, konsegwentement, jissuġġettaha għal sanzjonijiet kriminali.

76      Issa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 44 sa 49 ta’ dan id-digriet, il-fatt li l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet ikun jippreżupponi l-adozzjoni ta’ atti proċedurali mill-awtoritajiet kompetenti jew minn vittmi potenzjali ma huwiex ta’ natura li jippermetti li jiġi eskluż ir-riskju li Lagardère tibbaża ruħha fuqu.

77      Id-dannu li Lagardère hija għaldaqstant esposta għalih għandu jitqies li huwa gravi, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura infamanti ta’ kundanna kriminali u tal-ksur tar-rabta ta’ fiduċja mar-rappreżentanti tagħha u mal-impjegati tagħha li t-twettiq ta’ reati kriminali fil-konfront ta’ dawn il-persuni jista’ jikkawża.

78      Tali dannu ta’ natura mhux materjali ikun, barra minn hekk, irreparabbli, inkwantu annullament possibbli tad-deċiżjoni kontenzjuża la jkun jippermetti li Lagardère tiġi meħlusa mir-responsabbiltà kriminali tagħha u lanqas li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ Lagardère minħabba t-twettiq ta’ reati kriminali.

79      Il-kundizzjoni relatata mal-urġenza għandha għalhekk titqies li hija ssodisfatta f’dan il-każ.

80      Fir-rigward tal-kumplament, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda b’mod żbaljat li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, mingħajr ma eżamina l-kundizzjoni relatata mal-fumus boni juris, li l-eżami tagħha jippreżupponi kemm evalwazzjonijiet ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar din il-kundizzjoni u sabiex jitwettaq, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

 Fuq ittalba għassospensjoni taddeċiżjoni kontenzjuża, kif emendata bidDeċiżjoni talKummissjoni C(2024) 572 final tal24 ta’ Jannar 2024

81      Mill-appell ma jirriżultax b’mod ċar jekk it-talba għas-sospensjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 572 final tal‑24 ta’ Jannar 2024, sakemm il-President tal-Qorti Ġenerali jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑1119/23 R jew, fin-nuqqas ta’ dan, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors fil-Kawża T‑1119/23 (iktar ’il quddiem it-“talba addizzjonali”), għandhiex tinftiehem bħala li tifforma parti mit-talba intiża li jintlaqgħu t-talbiet imressqa fil-Kawża T‑1119/23 R jew bħala li tikkostitwixxi kap ta’ talbiet separat.

82      Sa fejn it-talba addizzjonali għandha tiġi interpretata bħala li tifforma parti mit-talba intiża li jintlaqgħu t-talbiet imressqa fil-Kawża T‑1119/23 R, għandu jiġi kkonstatat li diġà ngħatat deċiżjoni dwar din it-talba fil-punti 58 u 80 ta’ dan id-digriet.

83      Għall-kuntrarju, jekk hemm lok li t-talba addizzjonali tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi kap tat-talbiet separat, f’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li tali talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-appellant ma jistax jikkompleta t-talbiet tiegħu mressqa fl-ewwel istanza.

84      Issa, it-talba addizzjonali hija parzjalment differenti mit-talbiet imressqa minn Lagardère fl-ewwel istanza.

85      Għaldaqstant, jekk jitqies li t-talba addizzjonali għandha tinftiehem bħala li tressqet bil-għan li jiġu kkompletati t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, inkwantu din tikkostitwixxi kap ta’ talbiet ġdid (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2023, Xpand Consortium et vs Il‑Kummissjoni, C‑739/22 P(R), EU:C:2023:228, punt 20).

86      Min-naħa l-oħra, it-talba addizzjonali lanqas ma tista’ titqies li tikkostitwixxi talba għal miżuri provviżorji mressqa skont l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Artikolu 160(4) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ tali talba għal preżentata permezz ta’ att separat (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Marzu 2023, Xpand Consortium et vs Il‑Kummissjoni, C‑739/22 P(R), EU:C:2023:228, punt 21).

87      Barra minn hekk, Lagardère, f’dan il-każ, ressqet talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrata bin-numru C‑89/24 P(R)-R, li ma tinkludix talbiet li jikkorrispondu għat-talba addizzjonali.

88      Minn dan isegwi li din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

89      Peress li din il-kawża hija mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Jannar 2024, Lagardère vs IlKummissjoni (T1119/23 R, EU:T:2024:16), huwa annullat.

2)      Il-kawża hija mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar il-kundizzjoni relatata mal-fumus boni juris u sabiex jitwettaq, jekk ikun il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

3)      It-talba ta’ Lagardère SA intiża li tikseb is-sospensjoni tal-obbligu impost fuq Lagardère permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6429 final tad19 ta’ Settembru 2023 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (Każ M.11184 – Vivendi/Lagardère), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 572 final tal24 ta’ Jannar 2024, li tiġbor u li tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea dokumenti inklużi fil-kaxxi tal-posta elettronika privati jew personali u fl-apparati mobbli privati jew personali ta’ ċerti impjegati u rappreżentanti ta’ Lagardère, sakemm il-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T1119/23 R jew, fin-nuqqas ta’ dan, sakemm il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar ir-rikors fil-Kawża T111/23, hija miċħuda.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.