Language of document : ECLI:EU:C:2012:637

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C-543/10

Refcomp SpA

vs

SA Axa Corporate Solutions Assurance SA

Axa France IARD,

Emerson Network Power,

Climaveneta SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Interpretazzjoni tal-Artikolu 23 – Klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt konkluż bejn il-produttur u x-xerrej inizjali ta’ beni – Kuntratt li jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti ffirmati minn partijiet kontraenti stabbiliti fi Stati Membri differenti – Possibbiltà li din il-klawżola tiġi invokata kontra s-subakkwirent ta’ dan il-beni u kontra l-assiguratur surrogat tiegħu – Effett eventwali tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-regolament imsemmi fuq l-azzjoni diretta tas-subakkwirent kontra l-produttur”






I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura, mibdija quddiem qorti Franċiża, li matulha l-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lil qorti Taljana li kienet indikata fil-kuntratt ta’ bejgħ bejn produttur, stabbilit fl-Italja, u x-xerrej inizjali tal-merkanzija inkwistjoni, stabbilit ukoll fl-Italja, ġiet invokata minn dan il-produttur kontra subakkwirent Franċiż u l-assiguratur, li huwa Franċiż ukoll, li ġie surrogat fid-drittijiet tiegħu. Lil hinn minn dan il-każ partikolari, il-kwistjoni legali hija importanti peress li spiss ikun hemm nies fil-kummerċ internazzjonali li jilħqu ftehim dwar l-għażla tal-forum.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, għaldaqstant, li tiddeċiedi dwar il-punt jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermettix, u jekk dan hu l-każ, taħt liema kundizzjonijiet, li klawżola ta’ ġurisdizzjoni mdaħħla f’kuntratt inizjali tibqa’ tiddaħħal b’mod awtomatiku f’sensiela ta’ kuntratti li jkunu ġew sussegwentement konklużi bejn operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea (3). Hija għandha tiddeċiedi jekk għandux isir riferiment għad-dritt nazzjonali applikabbli biex jiġi stabbilit jekk l-għażla tal-forum tistax tiġi invokata jew le fir-rigward ta’ terzi li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għaliha, fil-linja tal-ġurisprudenza tagħha dwar l-estensjoni għal terzi li jkollhom tali klawżola fil-polza tat-tagħbija (4), jew jekk għandhiex tiġi stabbilita, f’dan ir-rigward, regola sostantiva awtonoma, kif ikkontemplaha reċentement il-Parlament Ewropew fil-kuntest tax-xogħlijiet ta’ riformulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (5).

4.        Id-digriet tar-rinviju jistabbilixxi wkoll relazzjoni bejn din il-problematika u s-sentenza Handte (6), li tirrigwarda l-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’materji Ċivili u Kummerċjali (7) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), li fis-sustanza huwa ekwivalenti għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Peress li din is-sentenza affermat li r-rabta legali li tgħaqqad lill-produttur ma’ subakkwirent ma kinitx ta’ natura kuntrattwali skont l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, il-Cour de cassation tistaqsi dwar l-effett ta’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-possibbiltà li klawżola ta’ ġurisdizzjoni, li tkun tinsab f’kuntratt iffirmat mill-produttur biss, tiġi invokata kontra s-subakkwirent.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi li “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]”.

6.        L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-sezzjoni 2 tal-Kapitolu II bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi li f’materja kuntrattwali, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mfittxija, fi Stat Membru ieħor, fil-qrati tal-post tat-twettieq tal-obbligi f'dak il-każ.

7.        L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II dwar il-“Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi li:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom [li tal-inqas wieħed minnhom] ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, d[i]k il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)       f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in‑negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Is-SNC Doumer (iktar ’il quddiem “Doumer”) għamlet xi xogħlijiet ta’ restawr ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’Courbevoie (Franza), filwaqt li kienet assigurata mas-SA Axa Corporate Solutions Assurance (iktar ’il quddiem “Axa Corporate”), li s-sede tagħha hija stabbilita f’Pariġi (Franza).

9.        Fil-kuntest ta’ dawn ix-xogħlijiet, ġew installati xi units tal-arja kkondizzjonata li kull wieħed minnhom huwa mgħammar b’sensiela ta’ kompressuri li kienu:

–        manifatturati minn Refcomp SpA (iktar ’il quddiem “Refcomp”), kumpannija li s-sede tagħha tinsab fl-Italja,

–        mixtrija minnha u mmuntati minn Climaveneta SpA (iktar ’il quddiem “Climaveneta”), kumpannija li s-sede tagħha tinsab fl-Italja wkoll,

–        sussegwentement ikkunsinnati lil Doumer mill-kumpannija Liebert, li llum daħlet fid-drittijiet tagħha l-kumpannija Emerson Network Power (iktar ’il quddiem “Emerson”), li min-naħa tagħha hija assigurata mal-kumpannija Axa France IARD (iktar ’il quddiem “Axa France”), li s-sede rispettivi tagħhom jinsabu fi Franza.

10.      Inqalgħu xi problemi fis-sistema tal-arja kkondizzjonata li ġiet installata. Perizja legali rrilevat li din il-ħsara kienet ġejja minn difett fil-produzzjoni tal-kompressuri.

11.      Wara li ġiet surrogata fid-drittijiet ta’ Doumer, li hija kkumpensat bħala l-assigurata tagħha, Axa Corporate ħarrket lill-produttur Refcomp, il-muntatur Climaveneta u l-fornitur Emerson quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris (Franza), sabiex tikseb rimbors mingħandhom in solidum minħabba dan id-difett.

12.      Iż-żewġ kumpanniji Taljani konvenuti kkontestaw il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal de grande instance de Paris, billi invokaw, f’dak li jirrigwarda lil Climaveneta, klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt ta’ distribuzzjoni bejnha u bejn Emerson, u f’dak li jirrigwarda lil Refcomp, klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lil qorti Taljana li kienet imniżżla fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ bejgħ konkluż bejnha stess u Climaveneta.

13.      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2007, l-Imħallef tat-Tribunal de grande instance de Paris ċaħad l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Climaveneta u Refcomp. Dawn appellaw kontra d-digriet imsemmi.

14.      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Cour d’appel de Paris rriformat id-digriet inkwistjoni inkwantu dan kien ċaħad l-eċċezzjoni mressqa minn Climaveneta. Hija qalet li t-Tribunal de grande instance de Paris ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa kontra dik il-kumpannija minħabba li f’sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà, il-klawżola ta’ arbitraġġ kienet tiġi ittrasferita b’mod awtomatiku bħala aċċessorja għad-dritt ta’ azzjoni, li minnu nnifsu huwa aċċessorju għad-dritt sostantiv ittrasferit, indipendentement min-natura omoġenja jew eteroġenja ta’ din is-sensiela ta’ kuntratti.

15.      Min-naħa l-oħra, il-Cour d’appel de Paris kkonfermat iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Refcomp. Hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi indikat li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kinux japplikaw għal kawża bejn is-subakkwirent ta’ oġġett u l-produttur li ma jkunx biegħ dan il-prodott, peress li tali kawża tidħol fil-kamp tad-delitt, li huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tar-regolament imsemmi, filwaqt li ppreċiżat li l-Artikolu 23 tal-istess regolament ma għandux japplika peress li l-azzjoni ma kinitx ibbażata fuq relazzjoni kuntrattwali. Hija kkunsidrat, għaldaqstant, li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-produttur u l-bejjiegħ intermedjarju ma setgħatx tiġi invokata kontra l-assiguratur issurrogat fid-drittijiet tas-subakkwirent u li l-qorti Franċiża li quddiemha tressqet il-kawża kellha ġurisdizzjoni fid-dawl tal-post fejn seħħet il-ħsara.

16.      Din is-sentenza tal-Cour d’appel de Paris kienet is-suġġett ta’ appell prinċipali ppreżentat minn Refcomp u appell inċidentali ppreżentat minn Emerson.

17.      Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Novembru 2010, il-Cour de cassation ċaħdet l-imsemmi appell inċidentali, iżda fir-rigward tal-appell prinċipali ppreżentat minn Refcomp, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Klawżola ta’ ġurisdizzjoni, li ssir f’sensiela Komunitarja ta’ kuntratti, bejn manifattur ta’ oġġett u xerrej skont l-Artikolu 23 tar-Regolament [Nru 44/2001], għandha effett fir-rigward tas-subakkwirent u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet?

2)      Il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni għandha effett fir-rigward tas-subakkwirent u tal-assiguraturi surrogati tiegħu anki meta l-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 44/2001] ma japplikax għall-azzjoni tas-subakkwirent kontra l-manifattur, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Handte tas-17 ta’ Ġunju 1992?”

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Refcomp, Axa Corporate u Emerson, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

19.      Waqt is-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012, Refcomp, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet introduttivi

20.      Iż-żewġ domandi preliminari msemmija iktar ’il fuq jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, essenzjalment, dwar it-tixrid ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni f’sensiela ta’ kuntratti konklużi minn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti u, b’mod iktar partikolari, fuq l-effetti legali ta’ tali klawżola kontra subakkwirent (8) li ma jkunx iffirma l-kuntratt li fih tinsab din il-klawżola u li ma jidhirx li ta l-kunsens tiegħu f’dan ir-rigward taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 (9).

21.      Anki jekk id-digriet tar-rinviju ma jinkludix elementi ta’ motivazzjoni espliċiti, mill-proċess jirriżulta li l-mistoqsijiet tal-Cour de cassation Franċiża nibtu mill-informazzjoni li ġejja.

22.      Minn naħa waħda, il-problema hija marbuta mal-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali, jiġifieri t-teorija legali li biha, għalkemm il-kuntratti normalment ikollhom effett relattiv, inkwantu jorbtu biss lill-partijiet li jkunu ffirmawhom, issir madankollu eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta jkun hemm trasferiment ta’ proprjetà, fejn din tiġi ttrasferita lix-xerrejja sussegwenti kollha tal-proprjetà kkonċernata, barra minn hekk bl-elementi kollha li jkunu aċċessorji għaliha. Minn dan jirriżulta li skont id-dritt Franċiż, is-subakkwirent ta’ beni jista’ jieħu azzjoni għall-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà kontra x-xerrej tiegħu, jew kontra kwalunkwe mill-intermedjarji li jkunu biegħu dan il-beni, jew anki direttament kontra l-produttur tiegħu.

23.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eventwali trasferibbiltà awtomatika, bħala aċċessorja għad-dritt ta’ azzjoni kuntrattwali, li minnu nnifsu huwa wkoll aċċessorju għad-dritt ta’ proprjetà li tkun ġiet ittrasferita, tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tkun imniżżla fil-kuntratt inizjali ta’ sensiela Ewropea ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà, hemm tliet skejjel ta’ ħsieb fid-duttrina Franċiża, u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10):

–        għal ċerti awturi, tali klawżola tista’ dejjem tiġi invokata kontra s-subakkwirent tal-oġġett li jkun is-suġġett ta’ tranżazzjoni minkejja l-fatt li dan ma jkunx parti kontraenti f’dak il-kuntratt u, għaldaqstant, ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-klawżola,

–        għal oħrajn, min-naħa l-oħra, din ma għandha qatt tkun trasferibbli,

–        filwaqt li ċerti awturi jippreferu t-triq tan-nofs, fejn tali klawżola tkun trasferibbli f’ċerti każijiet, jiġifieri meta d-drittijiet u obbligi tax-xerrej inizjali jkunu kompletament ittrasferiti lix-xerrejja sussegwenti.

24.      Din il-problema ma teżistix biss fid-dritt Franċiż, peress li s-sistemi legali ta’ ċerti Stati Membri oħra għandhom l-istess finzjoni legali (11). Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-kawża ma hijiex biss teoretika imma ekonomika wkoll. Fil-fatt, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domanda preliminari ser ikollha effett potenzjalment sinjifikattiv peress li, fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ internazzjonali, spiss jiġu konklużi klawżoli ta’ ġurisdizzjoni (12) u għaldaqstant, huwa possibbli li dawn jiddaħħlu f’sensiela ta’ kuntratti li jagħtu titolu ta’ proprjetà li jikkonċernaw it-territorju ta’ diversi Stati Membri.

25.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-linja ta’ domandi meħuda mill-qorti tar-rinviju hija dik ta’ kawżola ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti li tagħmel parti minn “sensiela Komunitarja ta’ kuntratti”, li taf li l-operaturi ekonomiċi li huma partijiet kontraenti fil-kuntratti suċċessivi tas-sensiela inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsabu stabbiliti fi Stati Membri differenti. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-każ fejn tali klawżola ta’ ġurisdizzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001. Skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, huwa biżżejjed fil-prinċipju li tal-inqas wieħed mill-partijiet fil-kawża, kemm jekk ikun ir-rikorrent jew il-konvenut, ikollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni (13), u dan huwa fil-fatt il-każ f’din il-kawża.

26.      Barra minn hekk, nosserva li d-domandi preliminari magħmulin f’din il-kawża jirrigwardaw “klawżola ta’ ġurisdizzjoni”, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jirregolaw żewġ tipi ta’ “ftehim [...] li jagħti ġurisdizzjoni” li jinkludu kemm il-klawżoli ta’ għażla tal-forum li jiddaħħlu fil-kuntratti, f’eventwalità ta’ kwistjoni fil-futur, u l-ftehim ta’ ġurisdizzjoni li jiġu konklużi barra minn dak il-kuntest, meta tkun diġà qamet kwistjoni (14). Minkejja l-aċċettazzjoni doppja li tinsab f’dan l-artikolu, fid-dawl tal-portata limitata li l-qorti tar-rinviju tat lid-domanda tagħha u s-suġġett speċifiku tal-kawża prinċipali, jidhirli li wieħed għandu jiddirezzjona r-risposti mogħtija fuq dan l-aspett u għaldaqstant li jiġu ttrattati biss il-“klawżoli” ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu in futurum fil-kuntratti.

27.      Barra minn hekk, nippreċiża li, anki jekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod ġenerali, fuq l-“effetti” legali ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ subakkwirent, il-portata tar-risposta proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-konklużjonijiet ser tkun limitata għall-kwistjoni tal-eventwali implementazzjoni ta’ klawżola ta’ dan it-tip għad-dannu ta’ tali terz, bl-esklużjoni tal-ipoteżi fejn dan jinvoka l-klawżola favur tiegħu (15). Fil-fatt, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, ir-risposta għad-domandi preliminari minn dan l-aħħar angolu ma tkunx utli għall-qorti nazzjonali biex tiddeċiedi l-kawża msemmija. Għalhekk ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni ħlief fuq li klawżola ta’ ġurisdizzjoni tiġi invokata kontra subakkwirent, u mhux fuq il-bqija tal-effetti eventwali.

28.      Fl-aħħar nett, infakkar li l-elementi ta’ risposta li jinsabu fil-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu trasposti fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 inkwantu d-dispożizzjonijiet ikkonċernati mit-talba għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw lil dan tal-aħħar jirriżulta li, fis-sustanza, għandhom l-istess portata bħal dawk tal-imsemmija konvenzjoni li ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (16). F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u dawk tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 huma globalment simili, anki jekk jeżistu xi differenzi bejniethom. Fid-dawl tal-kontenut tagħhom, dawn id-differenzi, madankollu, ma jaffettwawx il-paragunabbiltà tal-elementi li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

B –    Fuq l-eventwali effett vinkolanti ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni imdaħħla f’kuntratt ta’ bejgħ inizjali kontra subakkwirent ta’ beni

29.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk, fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-produttur li huwa parti kontraenti fl-ewwel kuntratt minn sensiela ta’ kuntratti, li fih hemm klawżola ta’ ġurisdizzjoni jistax jinvokaha biex jikkontesta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li quddiemha titressaq il-kawża kontrih minn subakkwirent li huwa terz għall-kuntratt imsemmi imma li jinvoka l-eżekuzzjoni żbaljata ta’ dan tal-aħħar min-naħa tal-konvenut, fejn kemm wieħed kif ukoll l-ieħor huma stabbiliti fi Stati Membri differenti.

30.      Il-partijiet intervenjenti f’din il-proċedura fformulaw proposti ta’ tweġiba differenti. Kuntrarjament għal Refcomp, Axa Corporate u Emerson jeskludu totalment il-possibbiltà li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita fil-konfront ta’ subakkwirent f’dan il-kuntest. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Spanjol jammettu li klawżola miftiehma taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 tipproduċi l-effetti tagħha fil-konfront tas-subakkwirent meta dan it-terz ikun daħal kompletament fid-drittijiet u obbligi ta’ waħda mill-partijiet kontraenti fil-kuntratt inizjali skont id-dritt nazzjonali applikabbli. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jsostnu li tali klawżola tista’ tiġi invokata biss kontra subakkwirent bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun ta l-kunsens tiegħu għall-klawżola msemmija skont ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu, indipendentement mid-dritt nazzjonali applikabbli.

1.      Fuq il-possibbiltà li tiġi stabbilita regola ta’ interpretazzjoni sostantiva

31.      Minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma fformulathiex b’dawn it-termini, il-problema ċentrali li tittratta l-ewwel domanda preliminari, kif jirriżulta mill-pożizzjonijiet meħudin mill-partijiet intervenjenti msemmija iktar ’il fuq, hija li jsir magħruf jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 li tkun tvarja skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistgħu jirregolaw ir-relazzjoni inkwistjoni jew li tkun valida indipendentement mill-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

32.      Dan l-aħħar metodu jippreżumi f’dan il-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk, meta jkun japplika l-Artikolu 23 imsemmi, klawżola ta’ ġurisdizzjoni tkunx tista’ tiġi invokata jew le kontra terz f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, mingħajr ma jsir riferiment għall-effetti li jistgħu jingħataw fuq ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni mid-dritt ta’ Stat Membru jew ieħor (17).

33.      Fil-fehma tiegħi, il-fatt li tkun preferuta l-kitba ta’ regola sostantiva li tkun speċifika għad-dritt tal-Unjoni jkollu l-vantaġġ li jiġi ggarantit funzjonament aħjar tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ applikazzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha, il-kunċetti li jinsabu f’dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati, fil-prinċipju, mhux b’sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ Stat Membru wieħed jew l-ieħor ikkonċernati, iżda b’mod awtonomu, b’riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet tat-test (18). Nikkunsidra li tali metodu ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss meta hija tkun qiegħda tagħti definizzjoni pura tal-kliem, espressjonijiet jew kunċetti li jinsabu fir-regolament imsemmi, imma wkoll meta hija tkun mitluba tistabbilixxi l-għan jew il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (19).

34.      F’dan il-każ, kieku jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dritt nazzjonali li japplika għar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni, din il-kwistjoni tat-trasferibbiltà ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni tingħata tweġiba li ma hijiex uniformi iżda anki varjabbli, fid-dawl tad-diverġenzi ta’ approċċ ikkonstatati bejn il-liġijiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna n-natura ġuridika tar-relazzjoni eżistenti bejn il-produttur ta’ oġġett u s-subakkwirent tiegħu (20), apparti l-problema speċifika tal-estensjoni eventwali għal dawn it-terzi tal-effetti ta’ klawżola li għaliha ma jkunux taw il-kunsens tagħhom.

35.      Minbarra dan, il-formulazzjoni ta’ regola sostantiva min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tiffaċilita x-xogħol tal-qrati tal-Istati Membri. Filwaqt li huwa magħruf li r-regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (21) la jirregola l-validità u lanqas l-effetti tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni, l-eventwali riferiment għad-dritt nazzjonali jimponi fuq dawn il-qrati li jkollhom jidentifikaw liema sistema legali għandhom jikkonsultaw għal dan il-għan. Il-problema li jiġi stabbilit liema liġi għandha tiġi applikata u f’liema mument, hija ċertament tipika meta tkun ġiet eċċepita klawżola ta’ ġurisdizzjoni f’sitwazzjoni li tinvolvi elementi barranin, iżda d-diffikultà li jintużaw regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet hija ħafna ikbar f’każ ta’ kuntratti multipli, bħal fil-kawża prinċipali, peress li huma ħafna l-liġijiet li jistgħu jintervjenu (22).

36.      Ikun ukoll fl-interess taż-żewġ partijiet fil-kawża li jkunu jafu direttament jekk qorti għandhiex ġursidizzjoni jew le skont il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-kuntratt li ma jkunx ġie ffirmat mir-rikorrent, mingħajr ma jkunu suġġetti għar-riskju li jirriżulta minn riferiment għad-diversi kunċetti fis-seħħ fl-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li tintgħażel interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 li twassal biex id-determinazzjoni tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni ma tkunx tiddependi minn ċirkustanzi inċerti u fortuwiti, ħaġa li tiffoka fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ġenerali (23).

37.      Inżid ngħid li r-Regolament Nru 44/2001 li wassal biex jiġi abbandunat il-metodu tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet li ġie adottat fis-sentenza Industrie Tessili Italiana Como (24), f’tentattiv mixtieq ta’ simplifikazzjoni (25), ftit li xejn ikun konformi mal-evoluzzjoni kif mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni li terġa’ tiġi introdotta interpretazzjoni bbażata fuq dan il-metodu.

38.      Bl-istess mod, filwaqt li ttratta preċiżament il-problema li hija s-suġġett ta’ din il-kawża fil-kuntest tar-riformulazzjoni attwali tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Parlament iddeċieda favur l-adozzjoni ta’ regola sostantiva li tistabbilixxi kundizzjonijiet, mingħajr ebda riferiment għas-sistemi legali tal-Istati Membri, b’mod li jillimita l-possibbiltà li l-ftehim dwar l-għażla tal-forum irregolati minn dan l-artikolu jkunu jistgħu jiġu invokati kontra terz li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu espressament, u dan fid-dawl tar-riskju eżistenti, fil-każ kuntrarju, li jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ dawn il-persuni li jkollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja (26). Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issegwi l-istess approċċ.

2.      Fuq l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001

39.      Fil-kliem tiegħu, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jitkellem fuq ir-rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-validità ta’ ftehim li jagħtu ġurisdizzjoni li huwa jirregola, iżda mhux kompletament fuq il-portata u l-effetti tagħhom. B’mod partikolari, ma jippreċiżax liema huma l-persuni li jistgħu jitqiesu bħala li huma “parti kontraenti” f’dak il-ftehim, u lanqas jekk klawżola għall-għażla tal-forum tistax tiġi ttrasferita mill-partijiet kontraenti fil-kuntratt lil dawk ta’ kuntratt ieħor bħala aċċessorja għall-proprjetà ta’ oġġett (27).

40.      L-uniku element espliċitu li t-test attwali għandu fir-rigward tal-effetti legali tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni huwa li l-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qrati magħżula mill-kontraenti hija esklużiva (28). Madankollu, dan l-aspett ma jaffettwax l-eventwali effett vinkolanti ta’ dawn il-klawżoli fir-rigward ta’ terz.

41.      Fuq il-livell terminoloġiku, nosserva li bil-fatt li jsemmi l-każ fejn “il-partijiet [...] ikunu qablu li qorti” (enfasi miżjud minni), l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jeżiġi li jrid ikun hemm bejniethom “ftehim” dwar l-għażla ta’ ġurisdizzjoni. Hija r-rieda li tiġi osservata l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet f’kawża li tiġġustifika li qorti differenti minn dik li kellha jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-regolament imsemmi tiġi magħżula minn dawk il-partijiet, u dan kif tippreċiża l-premessa 11 tiegħu, iżda xorta waħda hemm bżonn li l-volontà li l-kwistjoni tiġi ppreżentata quddiem din il-qorti trid tkun preżenti kemm f’moħħ ir-rikorrent kif ukoll f’moħħ il-konvenut.

42.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (29), is-sensiela ta’ rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 irendu l-prova tal-eżistenza ta’ kunsens tal-partijiet li kontrihom tiġi invokata l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni, bħala element ċentrali għall-validità tal-istess klawżola. Minn dan jirriżulta li, jekk ikun hemm kontestazzjoni, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha, fil-prinċipju, tivverifika b’mod konkret il-qbil tal-persuna li kontriha tiġi invokata tali klawżola b’mod li dan il-qbil ikun fil-forma t-tajba.

43.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ persuna li ma tkunx tat formalment il-kunsens tagħha għaliha, iżda biss f’ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari f’sentenzi li jirrigwardaw il-poloz tat-tagħbija li fuqhom ser nitkellem iktar tard. Kif issostni Refcomp, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament li ddeċidiet li l-qbil fuq klawżola ta’ dan it-tip jista’ jirriżulta mill-adeżjoni għall-memorandum tal-assoċjazzjoni ta’ kumpannija (30), iżda dan bl-ebda mod ma huwa l-każ hawnhekk. Hija aċċettat ukoll tali effetti fis-sentenzi mogħtija fil-qasam tal-assigurazzjoni, iżda biss f’sens favorevoli għal terz (31), u filwaqt li bbażat ruħha fuq il-fatt li dan kien jibbenefika minn klawżola għall-benefiċċju ta’ terz kif ukoll fuq l-għan li tiġi protetta l-parti dgħajfa (32) li huwa dak tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi għal dan il-qasam (33). La ebda mekkaniżmu u lanqas ebda għan simili ma jeżisti fil-fatti ta’ din il-kawża. (34).

44.      Fl-aħħar nett, infakkar li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jeżiġi li l-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni jrid ikun sar fil-kuntest ta’ “relazzjoni legali partikolari”. Peress li d-derogi mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni normali tar-regolament imsemmi huma interpretati b’mod restrittiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jirriżulta li l-portata ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni ma tistax tkun estiża wisq (35). Issa, kif tosserva Axa Corporate, sensiela Ewropea ta’ kuntratti kif hija dik li torbot lill-produttur mas-subakkwirent tikkostitwixxi mhux “relazzjoni legali partikolari” iżda diversi relazzjonijiet li fihom “l-obbligi kuntrattwali tal-kontraenti jistgħu jvarjaw minn kuntratt għall-ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u dan skont ma ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja (36).

3.      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001

45.      Hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun ġiet mitluba l-interpretazzjoni tagħha għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tal-għanijiet li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tagħha, u dan japplika b’mod partikolari għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistabbilixxi r-Regolament Nru 44/2001 (37).

46.      Mill-premessi 8 u 12 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jagħti preferenza lill-mekkaniżmi ta’ ġurisdizzjoni li jippermettu li jkun hemm rabta partikolarment stretta bejn il-kwistjoni u l-qorti li tiddeċidieha. Issa f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, niddubita kemm huwa konformi ma’ dan l-għan jekk klawżola ta’ ġurisdizzjoni tkun tista’ torbot mhux biss lill-partijiet kontraenti li jkunu ftiehmu fuqha imma wkoll lil terzi. Huwa minnu li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 jawtorizza lill-partijiet kontraenti f’dak il-ftehim biex jagħżlu qorti li tkun imbiegħda miċ-ċentru reali tal-kwistjoni (38), pereżempju minħabba xewqa ta’ newtralità, u li tkun għalhekk inqas kapaċi li tieħu miżuri esperti fir-rigward tad-difetti fl-oġġetti inkwistjoni. Madankollu, meta tali ftehim jiġi invokat kontra terz, li pereżempju ma jkunx ħa sehem f’dik l-għażla u li l-interessi tiegħu jistgħu jkunu lokalizzati fi Stat Membru differenti minn dawk li jikkonċernaw lill-partijiet kontraenti fil-kuntratt, dan ir-riskju ta’ lontananza ma huwiex preżunt daqshekk liberament. Barra minn hekk, l-imsemmi riskju jkun amplifikat f’sensiela Ewropea ta’ kuntratti, u dan peress li jkun hemm numru ħafna ikbar ta’ kuntratti intermedjarji eżistenti bejn il-kuntratt li fih il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni u dak li jkun ġie konkluż mis-subakkwirent li jallega difett fil-produzzjoni.

47.      Għan fundamentali ieħor tar-Regolament Nru 44/2001 huwa dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni tar-regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni. Biex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ, minn naħa waħda, li jiġu stabbiliti “regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni”, kif tipprevedi l-premessa 8 tal-imsemmi regolament, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, li jiġu applikati prinċipji ta’ interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli li jwasslu biex dawn jiġu implementati b’mod omoġenju mill-qrati kollha tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni rregolati mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, dan ir-riżultat ma huwiex suffiċjentement iggarantit jekk l-eżitu tagħhom, u b’mod partikolari l-possibbiltà li dawn jiġu invokati kontra terzi, kellhom jiġu rregolati mhux minn prinċipju li jirriżulta minn regola sostantiva standardizzata iżda minn riferiment għad-diversi sistemi legali tal-Istati Membri.

48.      Ir-Regolament Nru 44/2001 ifittex ukoll li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni tal-qrati, u dan kif tindika l-premessa 11 tiegħu (39), u għaldaqstant iċ-ċertezza legali ta’ kull waħda mill-partijiet f’kawża(40), b’mod partikolari fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ ġurisdizzjoni.

49.      Fil-fehma tiegħi, il-kriterju taċ-ċertezza legali tal-partijiet ma huwiex faċli li jiġi implementat f’dan il-każ, peress li dak li hu prevedibbli għall-konvenut ma huwiex neċessarjament l-istess għar-rikorrent, u l-istess viċe versa. Minn naħa, il-produttur Taljan li ġie intimat daħħal klawżola ta’ ġurisdizzjoni fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tiegħu biex jipprevedi liema qorti jkun jista’ jitħarrek quddiemha fir-rigward tal-kuntratt li huwa kkonkluda mal-ewwel xerrej Taljan tal-beni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, is-subakkwirent Franċiż ma ffirmax il-kuntratt li fih din il-klawżola u seta’ raġonevolment jinjora l-eżistenza tagħha qabel ma din tiġi invokata kontrih fi proċedura li tikkonċerna l-beni li jinsabu fit-territorju Franċiż.

50.      Jekk ir-rekwiżit dwar il-prevedibbiltà jinftiehem b’mod iktar ġenerali u oġġettiv, jiġifieri indipendentement mill-fehma tal-partijiet fil-kawża (41), għandu jitfakkar hawnhekk li l-eventwali użu tal-metodu tal-kunflitti tal-liġijiet, flok il-formulazzjoni ta’ regola sostantiva, imur kontra dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, dan il-metodu jkun sors kemm ta’ kumplikazzjonijiet, minħabba d-diffikultà li jkun hemm biex jiġi stabbilit liema dritt japplika għal klawżola ta’ ġurisdizzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll ta’ inċertezza, meħud kont tad-diverġenzi ta’ klassifikazzjonijiet li jirriżultaw minnu skont id-dritt nazzjonali applikat (42).

51.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan speċifiku għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, insostni li dan huwa intiż li jippermetti l-ġurisdizzjoni ta’ qrati li huma differenti minn dawk li, fil-prinċipju, għandhom jiddeċiedu skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (43). Peress li tali ġurisdizzjoni li tkun ipprorogata minħabba biss ir-rieda tal-partijiet hija ta’ natura derogatorja (44), din il-kunsiderazzjoni għandha twassal għal interpretazzjoni stretta tal-artikolu msemmi, skont il-pożizzjoni stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (45). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, b’mod iktar globali, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 (46). Minn dan niddeduċi li tali klawżoli għandhom jipproduċu effetti vinkolanti fil-konfront ta’ terzi biss fil-każijiet previsti mir-Regolament Nru 44/2001 u ttrattati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li dawn jistgħu jorbtu lil terz biss jekk jiġi ppruvat li l-persuna kkonċernata tat il-kunsens tagħha għalihom taħt kundizzjonijiet konformi ma’ dawk iddefiniti fl-imsemmi artikolu.

4.      Fuq l-interpretazzjoni distinta bbażata fuq is-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

52.      Il-qorti tar-rinviju ma ssemmihomx fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, madankollu mill-osservazzjonijiet ta’ Refcomp jirriżulta li din tal-aħħar tibbaża l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha prinċipalment fuq sensiela ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti ta’ trasport marittimu. Skont dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-riferiment għar-relazzjoni bejn it-trasportatur u t-terz li jkollu klawżola ta’ ġurisdizzjoni stipulata f’polza tat-tagħbija li tkun ġiet magħmula bejn it-trasportatur u min jibgħat il-merkanzija u mbagħad assenjata minn dan tal-aħħar lil portatur terz, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tivverifika li dan it-terz ta l-kunsens tiegħu għall-klawżola, peress li dan jidħol fid-drittijiet u obbligi ta’ min jibgħat il-merkanzija skont id-dritt nazzjonali li huwa applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża (47). Minn dan, Refcomp, l-istess bħall-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Spanjol, tiddeduċi li teżisti regola ġenerali li biha t-trasferibbiltà ta’ klawżola ta’ dan it-tip tifforma parti in solidum mas-sensiela ta’ drittijiet u obbligi li għalihom din tirreferi.

53.      Madankollu, l-istess bħal Axa Corporate, Emerson, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li ma hemmx lok li r-risposti mogħtija f’dawn is-sentenzi jiġu trasposti għal din il-kawża. Fid-dawl mill-ġdid tan-natura derogatorja tal-ġurisdizzjonijiet li huma bbażati fuq il-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni u tal-approċċ restrittiv li jeħtieġ li jittieħed biex tiġi ddefinita l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 (48), jidhirli li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi estiża għal kuntesti li ma jaqgħux taħt il-kamp speċifiku tal-poloz tat-tagħbija li fih din l-istess ġurisprudenza ġiet adottata. Issa, wieħed ma għandux jinsa li l-kawża prinċipali tirrigwarda azzjoni diretta dwar il-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà wara sensiela ta’ kuntratti ta’ bejgħ, fejn kien hemm trasferiment tal-proprjetà tal-beni minn xerrej għal ieħor, u mhux fuq relazzjoni tripartitika bbażata fuq polza tat-tagħbija, li n-natura legali tagħha hija partikolari ħafna.

54.      Fil-fatt, infakkar li l-polza tat-tagħbija hija riċevuta maħruġa minn trasportatur marittimu lil min jibgħat il-merkanzija, magħruf bħala “shipper”, bħala prova tat-teħid ta’ responsabbiltà għal dik il-merkanzija u tal-obbligu li jikkonsenjahom wara li jiġi ppreżentat dan id-dokument. Hija ssemmi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet prinċipali tal-kuntratt ta’ trasport li jkun ġie konkluż bejn dawn il-partijiet, fosthom l-eventwali klawżola ta’ ġurisdizzjoni. Fil-parti l-kbira tas-sistemi legali tal-Istati Membri, li jaqblu dwar dan is-suġġett, dan jikkostitwixxi wkoll titlu li jista’ jiġi nnegozjat u endorsjat li jippermetti lill-proprjetarju li jbigħ il-merkanzija, waqt li tkun qiegħda tiġi ttrasportata, lil xerrej li jsir inkwantu l-portatur tal-polza tat-tagħbija, id-destinatarju tal-merkanzija u t-titolari tad-drittijiet u obbligi kollha ta’ min jibgħat il-merkanzija fil-konfront tat-trasportatur. Jidhirli li, għalkemm huwa terz fil-konfront tal-kuntratt ta’ trasport inizjali, li ma jkunx ikkonkluda hu, il-portatur tat-titlu endorsjat għandu jaderixxi mal-kontenut essenzjali ta’ dan il-kuntratt, b’mod partikolari l-klawżola tal-għażla tal-forum, sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedi t-trasferiment lilu tad-drittijiet u obbligi ta’ min jibgħat il-merkanzija.

55.      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ bejgħ, l-akkwist tal-oġġett ma jwassalx għal trasferiment tad-drittijiet u obbligi kollha ta’ wieħed mill-partijiet kontraenti fil-kuntratt inizjali għall-benefiċċju u r-responsabbiltà ta’ terz b’mod li jkun hemm sostituzzjoni ta’ din l-aħħar persuna flok l-oħra. B’kuntrast mat-terz portatur ta’ polza tat-tagħbija, is-subakkwirent, li ffirma kuntratt separat, ma jidħolx verament fir-relazzjoni ġuridika inizjali, anki jekk f’ċerti sistemi legali nazzjonali, bħalma hija s-sistema Franċiża, huwa jibbenefika mid-dritt li jieħu azzjoni għall-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà direttament kontra l-produttur. Fil-fehma tiegħi, peress li s-subakkwirent jibqa’ terz fil-konfront tal-kuntratt li fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni, il-qorti li quddiemha titresesaq il-kawża għandha tivverifika jekk huwa setax validament jaderixxi ma’ din il-klawżola mdaħħla mill-produttur fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

56.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-produttur ta’ oġġett u wieħed mix-xerrejja tal-istess oġġett u li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tas-subakkwirent ta’ dan il-beni li ma huwiex parti kontraenti fil-kuntratt li fih dik il-klawżola, u lanqas kontra l-assiguratur li jiġi ssurrogat fid-drittijiet tas-subakkwirent (49), sakemm ma jiġix ippruvat li dan tal-aħħar ta l-kunsens tiegħu fir-rigward tal-klawżola skont il-metodi previsti fl-artikolu msemmi.

57.      Ir-regola sostantiva li nipproponi, għaldaqstant, li għandha tistabbilixxi l-Qorti tal-Ġustizzja, hija konformi mal-prinċipju tal-effett relattiv tal-kuntratti, li jipprevali fil-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali. Barra minn hekk, din għandha l-vantaġġ li qiegħda fl-istess linja bħax-xogħlijiet ta’ reviżjoni pendenti tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-Artikolu 23, li semmejt iktar ’il fuq (50).

58.      Fid-dawl ta’ din il-proposta ta’ risposta negattiva, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ulterjuri fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari li tirrigwarda, sussidjarjament, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom, klawżola ta’ dan it-tip tkun tista’ tiġi ttrasferita b’mod awtomatiku lil terz fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti, u dan fid-dawl tal-fatt li l-kunsens għall-klawżola validament mogħti jew le minn din il-persuna huwa fil-fehma tiegħi l-kriterju determinanti għall-possibbiltà li din tiġi invokata.

C –    Fuq l-eventwali effett tan-natura mhux kuntrattwali tal-azzjoni diretta tas-subakkwirent kontra l-produttur

59.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-impatt, fir-rigward tal-effetti legali ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq. Anki jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax ir-relazzjoni eżistenti bejn din il-probema u dik ta’ qabilha, jidhirli, fid-dawl tal-kliem li użat il-Cour de cassation biex ifformulatha (51), li t-tieni domanda saret speċjalment biex tkopri l-ipotesi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, u dan b’kuntrast ma’ dak li nipproponi jien.

60.      Skont l-imsemmija sentenza (52), ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” imsemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li hija ekwivalenti għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma tapplikax għall-azzjoni eżerċitata mis-subakkwirent direttament kontra l-produttur minħabba difetti fl-oġġett mixtri jew l-inadegwatezza tal-istess oġġett għall-użu li huwa ddestinat għalih. Minn dan jirriżulta, a contrario, li tali azzjoni tirrigwarda “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ xi wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istrumenti (53), dispożizzjoni li minnha jirriżulta li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq.

61.      Il-Kummissjoni ssostni li l-problematika tal-possibbiltà li tiġi invokata l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni kontra terz hija marbuta mill-qrib ma’ dik tan-natura legali tar-relazzjoni eżistenti bejn dan tal-aħħar u wieħed mill-partijiet kontraenti fil-kuntratt li fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni. Hija tikkunsidra li n-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali bejn is-subakkwirent u l-produttur, li ġie ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, ifisser li bejniethom ma setgħux “qablu” fuq din il-klawżola fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Emerson issostni wkoll li l-klassifikazzjoni li adottat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-azzjoni tas-subakkwirent kontra l-produttur bħala waħda delittwali għandha bħala korollarju neċessarju l-fatt li tali klawżola ma tistax tiġi invokata kontra s-subakkwirent.

62.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż isostni li t-tifsira msemmija iktar ’il fuq ta’ din is-sentenza Handte ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001. Bl-istess mod, Refcomp kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Spanjol huma tal-fehma li l-kwistjoni tan-natura kuntrattwali jew le tal-azzjoni diretta tas-subakkwirent hija legalment separata mill-kwistjoni tal-effetti ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni fil-konfront ta’ dan.

63.      Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda preliminari ma hijiex neċessarja peress illi, fil-fehma tiegħi, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ materja li għandha x’taqsam ma’ xi kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, kif tirriżulta mis-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, ma taffettwax direttament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-regolament imsemmi, u dan peress li l-ewwel test minn dawn jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’dan il-qasam, mingħajr ma jittratta bl-ebda mod l-effetti legali fil-konfront ta’ terzi, ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tkun tinsab f’kuntratt. Issa, il-kwistjoni li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ tirrigwarda biss din l-aħħar problema, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidiet xejn fil-kuntest tas-sentenza Handte, u ebda element mill-motivazzjoni ta’ din is-sentenza ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-raġunament li sar hemmhekk japplika wkoll, b’estensjoni jew b’analoġija, fil-kuntest ta’ din il-kawża.

64.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha madankollu li jkun utli li tirrispondi għad-domanda magħmula, jidhirli li ma jkunx wisq loġiku li jiġi kkonstatat:

–        minn naħa waħda, kif sar fis-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, li l-azzjoni eżerċitata minn subakkwirent kontra l-produttur fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti ma hijiex ibbażata fuq kuntratt skont id-dritt tal-Unjoni, minħabba n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ obbligu assunt liberament (54) bejn dawn iż-żewġ partijiet,

–        u min-naħa l-oħra, li klawżola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’relazzjoni ġuridika ta’ natura kuntrattwali tista’ tiġi invokata kontra subakkwirent, minħabba biss li din il-klawżola tiġi ttrasferita bħala aċċessorju fis-sensiela ta’ kuntratti, minn produttur li huwa wkoll għandu jitħarrek abbażi ta’ delitt skont is-sentenza msemmija.

65.      Għandi nammetti li l-kombinazzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u r-regoli materjali tad-dritt nazzjonali invokati fil-kawża prinċipali tista’, f’dan il-każ, twassal għal sitwazzjoni xi ftit paradossali. Fil-fatt, peress li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni prevista mill-produttur ikkonċernat ma tistax tiġi invokata kontra subakkwirent li ma tax il-kunsens tiegħu skont l-Artikolu 23 tar-regolament imsemmi kif nipproponi li għandu jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-produttur għandu jiżgura d-difiża tiegħu quddiem qorti ta’ Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huwa jkollu d-domiċilju tiegħu li l-ġurisdizzjoni tagħha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li japplikaw għal materji delittwali, u mhux kuntrattwali, skont is-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li huwa għandu jikkontesta rikors li jkun intiż li tiġi kkontestata r-responsabbiltà kuntrattwali tiegħu, u mhux delittwali, skont id-dritt Franċiż.

V –    Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tkun tinsab f’kuntratt ta’ bejgħ li jkun ġie konkluż bejn il-produttur u x-xerrej inizjali ta’ beni, u li jkun jagħmel parti minn sensiela ta’ kuntratti ffirmati minn partijiet kontraenti stabbiliti fi Stati Membri differenti, ma tistax tiġi invokata la kontra s-subakkwirent ta’ dak il-beni u lanqas kontra l-assiguratur issurrogat fid-drittijiet ta’ dan, ħlief jekk jiġi ppruvat li dan it-terz ta l-kunsens effettiv tiegħu fir-rigward tal-klawżola taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi artikolu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 44/2001, l-espressjoni “Stat Membru” ser tirreferi, f’dawn il-konklużjonijiet, għall-Istati Membri tal-Unjoni kollha ħlief ir-Renju tad-Danimarka.


4 – Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1984, Tilly Russ (71/83, Ġabra p. 2417); tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti (C‑159/97, Ġabra p. I‑1597), u tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck (C‑387/98, Ġabra p. I‑9337).


5 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-applikazzjoni [u r-reviżjoni] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (2009/2140[INI), P7_TA(2010)0304, premessa O u l-punt 13.


6–      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992 (C‑26/91, Ġabra p. I‑3967).


7 – ĠU 1972, L 299, p. 32, konvenzjoni kif emendata mill-konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni.


8 – Nippreċiża li fil-kawża prinċipali, huwa fir-realtà assiguratur surrogat fid-drittijiet tas-subakkwirent li jkun aġixxa kontra l-produttur, iżda din is-sitwazzjoni ġuridika hija ekwivalenti għal dik li fiha l-azzjoni tinbet mis-subakkwirent innifsu.


9 – It-talba għal deċiżjoni preliminari hija mressqa biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li huma ta’ natura ġenerali. Hija ma tikkonċernax ir-regoli speċjali ta’ dan ir-regolament dwar il-klawżoli ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jiddaħħlu fil-kuntratti li jinvolvu parti dgħajfa, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ assigurazzjoni (Artikoli 13 u 14), tal-konsumatur (Artikolu 17) jew tal-impjieg (Artikolu 21).


10 – F’dan il-kuntest, ara l-estratti tal-opinjoni li l-Avukat Ġenerali référendaire Chevalier ippreżenta lill-Cour de cassation fil-kawża prinċipali, ippubblikati fit-“Transmission des clauses de compétence dans les chaînes communautaires de contrats: la CJUE va pouvoir trancher”, Editur JCP. G, 2010, Nru 52, p. 2438, li jindika li “mis en perspective, les arrêts [iċċitati iktar ’il fuq] Handte et Tilly Russ semblent autoriser deux analyses quant au régime juridique applicable à [la] transmission au sous-acquéreur d’une clause de compétence dans une [telle] chaîne” u li jsemmi l-pożizzjonijiet diverġenti meħudin mill-membri tad-duttrina Franċiża.


11 – Fil-punti 18 et seq tal-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fit-8 ta’ April 1992 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Jacobs irrileva li, f’dak iż-żmien, kien biss fil-Belġju, fi Franza u fil-Lussemburgu li l-azzjoni diretta tas-subakkwirent kontra l-produttur kienet ikkwalifikata bħala kuntrattwali.


12 – F’dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010, bit-titolu Sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt, Dokument ta’ akkumpanjament għall-proposta għal regolament [...] dwar [ir-riformulazzjoni tar-]Regolament Nru 44/2001 [SEC(2010) 1548 finali, punt 2.3.1], hemm indikat li “[i]l-maġġoranza l-kbira tan-negozji tal-UE involuti f’kummerċ transkonfinali jużaw ftehim dwar l-għażla tal-forum (kważi 70% mill-impriżi kollha u 90% mill-kumpanniji l-kbar)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


13 – Nirrileva li l-pożizzjoni tkun differenti, madankollu, meta tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-ftehim dwar l-għażla tal-forum konkluża fit-30 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-2005”, li t-test tagħha huwa disponibbli fis-sit: www.hcch.net), u dan peress li jkun meħtieġ, imbagħad, li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jirrisjedu fl-Unjoni sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevalixxu fuq dawk tal-Konvenzjoni. L-iffirmar ta’ din il-konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/397, tas-26 ta’ Frar 2009, ĠU L 133, p. 1.


14 – Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni jista’ jirrigwarda “kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu”.


15 – Dan jista’ jkun il-każ jekk terz jidhirlu li l-prorogazzjoni tal-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn klawżola ta’ ġurisdizzjoni tista’ tkun favorevoli għalih, pereżempju fid-dawl tal-ġurisprudenza abitwali tal-qorti magħżula jew tad-dritt applikabbli skont ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet tal-Istat Membru fejn dan ikun stabbilit.


16–      Is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising u Martinez (C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I‑10269, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-2005 ma tgħid xejn fuq tali opponibbiltà. Fir-rapport spjegattiv li jikkonċernaha, T. Hartley u M. Dogauchi jtendu lejn l-użu ta’ metodu kunflittwali (ara l-punt 97: “À condition que les parties initiales consentent à l’accord d’élection de for, l’accord pourra lier les tiers qui n’y ont pas expressément consenti, si leur capacité à engager la procédure dépend de leur reprise des droits et obligations de l’une des parties initiales. Le droit national déterminera s’il en est ainsi”, kif ukoll il-punti 142, 143 u 294).


18 – Ara b’mod partikolari, il-punt 44 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża pendenti Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha.


19 – Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-kunċett ta’ “ftehim [...] li jagħti ġurisdizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jista’ jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-effetti legali tiegħu, u dan kif turi s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Powell Duffryn (C‑214/89, Ġabra p. I‑1745, punti 11 et seq).


20 – Ara l-punti 18 et seq tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Handte, iċċitati iktar ’il fuq.


21–      Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177 , p. 6). L-Artikolu 1(2)(e) tar-regolament imsemmi jeskludi l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.


22 – Il-liġi tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, dik tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-qorti magħżula bil-klawżola ta’ ġurisdizzjoni, dik li tapplika għall-kuntratt inizjali li jkun fih dik il-klawżola, jew ukoll dik li tapplika għall-kuntratt konkluż mit-terz li kontrih tiġi invokata l-klawżola (kif jipproponi l-Gvern Spanjol).


23 –      Ara b’analoġija, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, Ġabra p. I‑6511, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 –      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976 (12/76, Ġabra p. 1473).


25 – Ara l-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, li tindika li: “[i]l-ġurisdizzjoni alternattiva tal-Artikolu 5-1, dwar il-forum kuntrattwali, ġiet riveduta. Illum il-ġurnata, il-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba huwa stabbilit b’mod awtonomu f’żewġ ipoteżijiet kuntrattwali: il-bejgħ ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi. Din is-soluzzjoni tevita li jsir riferiment għar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat li fih tkun adita l-qorti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM (1999) 348 finali, punt 4.2].


26 – Riżoluzzjoni 2009/2140(INI), imsemmija iktar ’il fuq (premessa O u l-punt 13).


27 – Peress li l-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma ġiex definit hemmhekk, dan jista’ a priori jinftiehem bħala li jirreferi kemm għall-partijiet kontraenti fi ftehim li fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni, kif ukoll il-partijiet f’kawża li titressaq quddiem qorti.


28 – Jiġifieri li huma esklużi milli jiddeċiedu qrati li mingħajr tali klawżola kien ikollhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, barra jekk il-partijiet ma jkunux iddeċidew mod ieħor.


29 – Dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-formaliżmu mitlub mill-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellu bħala funzjoni li jipproduċi l-prova ta’ qbil tar-rieda li tikkonċerna l-għażla ta’ qorti. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, MSG (C‑106/95, Ġabra p. I-911, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Fis-sentenza Powell Duffryn, iċċitata iktar ’il fuq, il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li kienet tinsab fil-memorandum tal-assoċjazzjoni ta’ kumpannija ġiet iddikjarata bħala li tista’ tiġi invokata kontra l-azzjonisti kollha, minħabba li dan il-memorandum kellu jitqies bħala kuntratt u li meta sar azzjonist fil-kumpannija, l-azzjonist ta l-kunsens tiegħu sabiex ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-memoradum, anki jekk uħud minnhom ma tawx il-kunsens tagħhom.


31 – Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat il-possibbiltà għat-terz li jkun benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn assiguratur u l-persuna li titlob l-assigurazzjoni li jipprevalixxi ruħu minn klawżola ta’ dan it-tip imdaħħla f’dan il-kuntratt minkejja li ma jkunx iffirmah (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1983, Gerling Konzern Speziale Kreditversicherunget, 201/82, Ġabra p. 2503), iżda hija eskludiet li tali klawżola tiġi invokata kontra terz benefiċjarju li ma jkunx approvaha (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, Ġabra p. I‑3707).


32 – Ara s-sintesi magħmula f’dan ir-rigward fil-punt 23 tas-sentenza Tilly Russ, iċċitata iktar ’il fuq.


33 – L-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti espressament li klawżola ta’ ġurisdizzjoni taħdem mhux biss favur min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jew l-assigurat imma wkoll il-benefiċjarju tal-assigurazzjoni, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx firmatarju tal-kuntratt.


34 – Bl-istess mod, ma naqbilx mal-fehma tal-Gvern Ġermaniż meta jsostni li l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirregola l-effetti ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni fil-konfront ta’ fundatur ta’ trust, trustee jew benefiċjarju ta’ trust, mingħajr ma jiddistingwi skont jekk dawn humiex il-membri jew il-benefiċjarji inizjali tat-trust. Fil-fehma tiegħi, is-suġġett ta’ dan it-test huwa speċifiku għat-trust u ma jistax jiġi estiż għar-relazzjonijiet bejn il-produttur u s-subakkwirent.


35 – Għaldaqstant, tali klawżola ma għandhiex tiġi fformulata b’mod daqshekk ġenerali li tinkludi l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqumu bejn il-partijiet, ikunu x’ikunu l-kuntratti konklużi minnhom.


36–      Ara l-punt 16 tas-sentenza Handte, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).


37 – Fost l-oħrajn, reċentement, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, punti 60 et seq).


38 – Ara s-sentenza Castelletti, iċċitata iktar ’il fuq (punti 46 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fejn tfakkar li l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 23 ma jinkludi ebda element oġġettiv ta’ konnessjoni bejn ir-relazzjoni inkwistjoni u l-qorti magħżula.


39–      Skont din il-premessa, “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel [...]”.


40      Sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, Ġabra p. I‑3327, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


41 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 1.1 tal-proposta ta’ regolament COM (1999) 348 finali, imsemmija iktar ’il fuq, fejn iċ-“ċertezza legali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tal-qrati” hija marbuta mal-“funzjonament tajjeb tas-suq intern”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


42 – Fuq ir-rabta eżistenti bejn id-definizzjoni awtonoma ta’ forum ta’ ġurisdizzjoni u l-għanijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ unifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger (C‑19/09, Ġabra p. I‑2121, punt 23).


43 – Skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbiliti fis-sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jew ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fis-sezzjonijiet sussegwenti tiegħu.


44 – Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tesponi li “l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut [...] għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa [...] [l-]awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti” (enfasi miżjud).


45 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1976, Estasis Salotti di Colzani (24/76, Ġabra p. 1831, punt 7), u Galeries Segoura (25/76, Ġabra p. 1851, punt 6).


46 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, Ġabra p. I‑8661, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Russ (punti 24 et seq); Castelletti (punti 41 et seq) kif ukoll Coreck (punti 23 sa 27 u 30).


48 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Estasis Salotti di Colzani u Galeries Segoura.


49 – Il-problema tal-effetti tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-assiguratur issurrogat, f’dan il-każ, fid-drittijiet tat-terz u mhux ta’ parti kontraenti fil-kuntratt inizjali, tissemma mill-qorti tar-rinviju biss fit-tieni mid-domandi preliminari tagħha, iżda fir-realtà tista’ ssir bl-istess mod għall-ewwel waħda. Jidhirli li huwa ċar li jekk isseħħ surroga skont ir-regoli tad-dritt applikabbli, l-assiguratur li ħallas lis-subakkwirent, ikun issostitwixxa ruħu floku b’mod li huwa jista’, fil-prinċipju, jeżerċita d-drittijiet kollha li jappartjenu lil dan tal-aħħar kontra l-persuna eventwalment responsabbli għall-ħsara koperta, fl-istess kundizzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati.


50 – Ninnota li fir-riżoluzzjoni tiegħu  2009/2140 (INI) imsemmija iktar ’il fuq, il-Parlament isemmi speċifikament il-każ tat-terzi li jistgħu jkunu marbutin bi klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-poloz tat-tagħbija u jipproponi li tiġi adottata regola sostantiva speċifika għalihom, ċertament fid-dawl tal-partikolaritajiet tagħhom.


51 – “La clause attributive de juridiction produit-elle ses effets à l’égard du sous acquéreur et de ses assureurs subrogés quand bien même […] ?” (enfasi miżjud).


52 – Ara, b’mod speċjali, il-punti 16 et seq.


53 – Fil-fatt, dan il-kunċett jinkludi kull talba intiża li tinvoka r-responsabbiltà tal-konvenut mingħajr ma tkun marbuta mal-materja kuntrattwali. Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-azzjoni li biha id-destinatarju ta’ merkanzija ħarrek lil dak li huwa qies li kien it-trasportatur reali, is-sentenza Réunion européenne et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – U dan wara li jitfakkar li tali obbligu huwa l-kriterju ta’ klassifikazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat ripetutament biex tiddefinixxi b’mod awtonomu l-kunċett ta’ “materja li għandha x’taqsam ma’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u għaldaqstant tar-Regolament Nru 44/2001. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C-27/02, Ġabra p. I‑481, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).