Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 taʼ April 2013 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-6 taʼ Frar 2013 fil-Kawża F-67/12, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-226/13 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant : G. Cipressa, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' t-talbiet kollha fformulati mir-rikorrent fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenuta għar-rifużjoni, favur l-appellant, tal-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

F'din il-kawża l-appellant jappella mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-6 ta' Frar 2013, li ċaħad bħala manifestament infondat fid-dritt rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu allegatament naxxenti wara li ntbagħtet ittra li tikkonċerna l-modalitajiet ta' eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta' Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-41/06, lill-avukat li rrappreżentah fl-appell ippreżentat kontra din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas id-dannu allegatament subit minħabba tali ċirkustanza.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni li hemm difett assolut ta' motivazzjoni tat-talba għad-danni li ġiet miċħuda, anki minħabba nuqqas ta' struzzjonijiet u żnaturament u żvijjar tal-fatti, arbitrarjetà, u interpretazzjoni u applikazzjoni ħażina u mhux raġonevoli:

tar-regoli tad-dritt inerenti naxxenti mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

tal-kunċett ta' obbligu ta' motivazzjoni li għandha kull istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u li għandha l-qorti tal-Unjoni Ewropea;

tal-kunċett ta' aġir illeċitu min-naħa ta' istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-appellant jinvoka wkoll l-illeġittimità tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza dwar l-ispejjeż tal-proċedura.

____________