Language of document : ECLI:EU:C:2017:114

OPINJONI 3/15 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Frar 2017

“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat – Artikolu 3 TFUE – Kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 207 TFUE – Politika kummerċjali komuni – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Ftehim internazzjonali li jista’ jolqot xi regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(3)(b) u (4) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet favur persuni b’diżabbiltà”

Fil-proċedura ta’ opinjoni 3/15,

li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fil-11 ta’ Awwissu 2015 mill-Kummissjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hartmann, F. Castillo de la Torre u J. Samnadda, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Šváb, M. Smolek, E. Ruffer u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, F.‑X. Bréchot, D. Colas u G. de Bergues, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. Radu, A. Voicu, R. Mangu u E. Gane, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Parlament Ewropew, minn A. Neergaard, D. Warin u A. Auersperger Matić, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Florindo Gijón u M. Balta, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

1.      It-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taqra kif ġej:

“L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat?”

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà

2.      L-Artikolu 30(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), jipprovdi:

“L-Istati Partijiet jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jieħdu sehem fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-ħajja kulturali, u għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà:

(a)      Igawdu aċċess għal materjali kulturali f’formats aċċessibbli;

[...]”

 Id-Direttiva 2001/29/KE

3.      Il-premessi 1, 4, 6, 7, 9, 21 u 31 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), jiddikjaraw:

“(1)      It-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.

[...]

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni [...].

[...]

(6)      Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi [teknoloġiċi] jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. [...]

(7)      Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplimentat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. Għal dan il-għan, dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor jew li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali li jimpedixxu l-funzjonament faċli tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati, u reazzjonijiet nazzjonali inkonsistenti għall-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu evitati, filwaqt li differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

[...]

(21)      Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utent[i] ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...] Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. [...] Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

4.      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, b’mod partikolari, id-dritt esklużiv għall-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kompletament jew parzjalment, tax-xogħlijiet tagħhom.

5.      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

6.      Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.”

7.      L-Artikolu 5(3) sa (5) tad-Direttiva 2001/29 jaqra kif ġej:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli  2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

(b)      użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika;

[...]

4.      Fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni skont il-paragrafi 2 u 3, huma bl-istess mod jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop tal-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat.

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

 It-Trattat ta’ Marrakexx

8.      Skont il-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Marrakexx”):

“Il-Partijiet Kontraenti,

[(1)] Filwaqt li jiftakru fil-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, opportunitajiet indaqs, aċċessibbiltà u parteċipazzjoni u inklużjoni sħaħ u effettivi fis-soċjetà, proklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-[Konvenzjoni tal-ONU],

[(2)] Konsapevoli mill-isfidi li jippreġudikaw l-iżvilupp sħiħ ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat ta’ kull tip fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż permezz tal-forom ta’ komunikazzjoni kollha tal-għażla tagħhom, it-tgawdija tad-dritt għall-edukazzjoni, u l-opportunità li jwettqu riċerka,

[(3)]      Filwaqt li jenfasizzaw l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur bħala inċentiv u premju għal kreazzjonijiet letterarji u artistiċi u li jtejbu l-opportunitajiet għal kulħadd, inklużi tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista jew b’diffikultà biex jaqraw materjal stampat, biex jipparteċipaw fil-ħajja kulturali tal-komunità, biex igawdu l-arti u biex jaqsmu l-progress xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu,

[(4)] Konxji mill-ostakli ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat biex jaċċessaw ix-xogħlijiet ippubblikati u biex jiksbu opportunitajiet ugwali fis-soċjetà, u kemm il-ħtieġa li jikber l-għadd ta’ xogħlijiet f’formati aċċessibbli kif ukoll li titjieb iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet bħal dawn,

[(5)] Filwaqt li jqisu li l-maġġoranza tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati,

[...]

[(7)] Filwaqt li jirrikonoxxu li bosta Stati Membri stabbilixxew limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ieħor, iżda hemm in-nuqqas dejjem jikber ta’ xogħlijiet disponibbli f’kopji f’format aċċessibbli għal dawn il-persuni, u li hemm bżonn ta’ riżorsi konsiderevoli għall-isforz tagħhom biex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni, u li n-nuqqas ta’ possibbiltajiet ta’ skambju transfruntier ta’ kopji f’format aċċessibbli ħoloq il-ħtieġa tad-duplikazzjoni ta’ dawn l-isforzi,

[(8)] Filwaqt li jirrikonoxxu kemm l-importanza tal-irwol tad-detenturi li j[agħ]mlu x-xogħlijiet tagħhom aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u l-importanza ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet xierqa biex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni, b’mod partikolari meta s-suq ma jkunx jista’ jipprovdi dan l-aċċess,

[(9)] Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-awtur u l-interessi tal-pubbliku, b’mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni, u li dan il-bilanċ għandu jiffaċilita l-aċċess effettiv u f’waqtu għal xogħlijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat,

[(10)] Filwaqt li jtennu mill-ġdid l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti skont it-trattati internazzjonali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-importanza u l-flessibbiltà tat-test fuq tliet livelli għal limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, u strumenti internazzjonali oħra,

[...]

[(12)] Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistema internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u x-xewqa li l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet jiġu armonizzati bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-użu ta’ xogħlijiet minn persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat,

[...]”

9.      L-Artikolu 1 ta’ dan it-trattat jaqra kif ġej:

“Xejn f’dan it-Trattat m’għandu jidderoga minn xi obbligi li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin skont kwalunkwe trattat ieħor, u lanqas ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt li Parti Kontraenti jkollha skont xi trattati oħra.”

10.    L-Artikolu 2 tal-imsemmi trattat jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan it-Trattat:

(a)      ‘xogħlijiet’ tfisser xogħlijiet letterarji u artistiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fil-forma ta’ test, notazzjoni u/jew illustrazzjonijiet relatati, kemm jekk ippubblikati kif ukoll jekk b’mod ieħor magħmula disponibbli pubblikament bi kwalunkwe midja [...];

(b)      ‘kopja f’format aċċessibbli’ tfisser kopja ta’ xogħol f’mod jew għamla alternattiva li tagħti lil persuna benefiċjarja aċċess għax-xogħol, inkluż li l-persuna tingħata permess ikollha aċċess realistiku u fil-kumdità daqs persuna mingħajr diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandha diffikultà biex taqra materjal stampat. Il-kopja f’format aċċessibbli tintuża esklussivament mill-persuni benefiċjarji u għandha tirrispetta l-integrità tax-xogħol oriġinali, billi tittieħed konsiderazzjoni xierqa tal-bidliet meħtieġa biex jagħmlu xogħol aċċessibbli fil-format alternattiv u tal-ħtiġijiet tal-aċċessibbiltà tal-persuni benefiċjarji;

(ċ)      ‘entità awtorizzata’ tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta mill-gvern li tipprovdi edukazzjoni, taħriġ, qari adattiv jew aċċess għal informazzjoni għal persuni benefiċjarji fuq bażi ta’ mingħajr skop ta’ qligħ. Tinkludi wkoll istituzzjoni jew organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tipprovdi l-istess servizzi lil persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji jew l-obbligi istituzzjonali tagħha [...].

Entità awtorizzata tistabbilixxi u ssegwi l-prattiċi tagħha stess:

(i)      li tistabbilixxi li l-persuni li sservi huma persuni benefiċjarji;

(ii)      li tillimita d-distribuzzjoni u t-tqiegħid għad-disponibbiltà ta’ kopji f’format aċċessibbli tagħha għal persuni benefiċjarji u/jew entitajiet awtorizzati;

(iii) li tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u d-disponibilità ta’ kopji mhux awtorizzati, u

(iv)      li żżomm attenzjoni kif imiss fi, u reġistri ta’, l-immaniġġar tagħha ta’ kopji ta’ xogħlijiet, filwaqt li tirrispetta l-privatezza tal-persuni benefiċjarji skont l-Artikolu 8.”

11.    L-Artikolu 4(1) tal-istess trattat jaqra kif ġej:

“(a)      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-awtur għal limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ distribuzzjoni, u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kif previst fit-Trattat WIPO tad-Drittijiet tal-Awtur (WCT), biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet f’kopji f’format aċċessibbli għal persuni benefiċjarji. [...]

(b)      Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprovdu wkoll limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt tal-prestazzjoni pubblika biex jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħlijiet għal persuni benefiċjarji.”

12.    L-Artikolu 4(2) tat-Trattat ta’ Marrakexx jispeċifika li l-partijiet kontraenti jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan it-trattat billi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni li jkollha ċerti karatteristiċi speċifikati minn din id-dispożizzjoni tal-ewwel.

13.    L-Artikolu 4(3) sa (5) tal-imsemmi trattat jistabbilixxi:

“3.      Parti Kontraenti tista’ tissodisfa l-Artikolu 4(1) billi tipprovdi limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet oħra fil-liġi tad-drittijiet tal-awtur nazzjonali tagħha skont l-Artikoli 10 u 11 [...].

4.      Parti Kontraenti tista’ tillimita l-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet skont dan l-Artikolu għal xogħlijiet li, f’format aċċessibbli partikolari, ma jistgħux jinkisbu kummerċjalment skont termini raġonevoli għal persuni benefiċjarji f’dak is-suq. [...]

5.      Għandha tkun kwistjoni għal-liġi nazzjonali li tiddetermina jekk limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet skont dan l-Artikolu humiex suġġetti għal remunerazzjoni.”

14.    Skont l-Artikolu 5 tal-istess trattat:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu li jekk kopja f’format aċċessibbli ssir taħt limitazzjoni jew eċċezzjoni jew skont il-liġi, dik il-kopja f’format aċċessibbli tista’ titqassam jew issir disponibbli permezz ta’ entità awtorizzata lil persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata f’Parti Kontraenti oħra [...].

2.      Parti Kontraenti tista’ tissodisfa l-Artikolu 5(1) billi tipprovdi limitazzjoni jew eċċezzjoni fil-liġi tad-drittijiet tal-awtur nazzjonali tagħha b’tali mod li:

(a)      l-entitajiet awtorizzati għandhom ikunu permessi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li jqassmu jew jagħmlu disponibbli għall-użu esklussiv ta’ persuni benefiċjarji kopji f’format aċċessibbli lil entità awtorizzata f’Parti Kontraenti oħra; u

(b)      l-entitajiet awtorizzati għandhom ikunu permessi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet u skont l-Artikolu 2(c), li jqassmu jew jagħmlu disponibbli kopji f’format aċċessibbli lil persuna benefiċjarja f’Parti Kontraenti oħra;

sakemm qabel id-distribuzzjoni jew id-disponibilità, l-entità awtorizzata oriġinarja ma kinitx taf jew ma kelliex bażi raġonevoli biex tkun taf li l-kopja f’format aċċessibbli se tintuża għal persuni oħra barra l-persuni benefiċjarji [...].

[...]

4.      (a)   Meta entità awtorizzata f’Parti Kontraenti tirċievi kopja f’format aċċessibbli skont l-Artikolu 5(1) u dik il-Parti Kontraenti ma jkollhiex obbligi skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, [hija għandha] tiżgura, f’konsistenza mas-sistema u prattiki legali tagħha stess, li kopji f’format aċċessibbli jiġu biss ripprodotti, distribwiti jew isiru disponibbli għall-benefiċċju ta’ persuni benefiċjarji fil-ġurisdizzjoni ta’ dik il-Parti Kontraenti.

(b)      Id-distribuzzjoni u d-disponibbiltà ta’ kopji f’format aċċessibbli permezz ta’ entità awtorizzata skont l-Artikolu 5(1) għandha tkun limitata għal dik il-ġurisdizzjoni sakemm il-Parti Kontraenti tkun parti [ma tkunx parti] fit-Trattat WIPO tad-Drittijiet tal-Awtur jew inkella tillimita [ma tillimitax] limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet li jimplimentaw dan it-Trattat għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt li jkunu disponibbli għall-pubbliku għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet [...].

[...]”

15.    L-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprovdi:

“Sa fejn il-liġi nazzjonali ta’ Parti Kontraenti tippermetti lil persuna benefiċjarja, min jaġixxi f’isimha, jew entità awtorizzata, biex tagħmel kopja f’format aċċessibbli ta’ xogħol, il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti għandha wkoll tħallih jimporta kopja f’format aċċessibbli għall-benefiċċju tal-persuni benefiċjarji, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt.”

16.    L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan it-trattat jaqra kif ġej:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom ifittxu li jrawmu l-iskambju transfruntier ta’ kopji f’format aċċessibbli billi jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni volontarja tal-informazzjoni biex jgħinu lill-entitajiet awtorizzati fl-identifikazzjoni ta’ xulxin. L-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jistabbilixxi punt ta’ aċċess ta’ informazzjoni għal dan l-għan.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jassistu lill-entitajiet awtorizzati tagħhom involuti f’attivitajiet skont l-Artikolu 5 biex jagħmlu informazzjoni dwar il-prattiki tagħhom disponibbli skont l-Artikolu 2(c), kemm permezz ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni fost l-entitajiet awtorizzati, kif ukoll billi jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki tagħhom, inkluż dawk relatati mal-iskambju transfruntier ta’ kopji f’format aċċessibbli, lil partijiet interessati u lil membri tal-pubbliku kif xieraq.”

17.    L-Artikolu 11 tal-imsemmi trattat jistabbilixxi:

“Fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, Parti Kontraenti tista’ teżerċita d-drittijiet u għandha tikkonforma mal-obbligi li dik il-Parti Kontraenti jkollha skont il-Konvenzjoni ta’ Berna, il-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali u t-Trattat WIPO tad-Drittijiet tal-Awtur, inklużi ftehimiet interpretattivi tagħhom sabiex:

(a)      skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, Parti Kontraenti tista’ tippermetti r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet f’ċerti każijiet speċjali sakemm din ir-riproduzzjoni ma tmurx kontra sfruttament normali tax-xogħol u ma tippreġudikax b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur;

(b)      skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, Parti Kontraenti għandha tillimita limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklussivi għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet;

(ċ)      skont l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Parti Kontraenti tista’ tipprevedi limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtija lill-awturi skont il-WCT f’ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur;

(d)      skont l-Artikolu 10(2) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Parti Kontraenti għandha tillimita, meta tapplika l-Konvenzjoni ta’ Berna, kwalunkwe limitazzjoni ta’, jew eċċezzjoni għad-drittijiet f’ċerti [għal ċerti] każijiet speċjali li ma jmorrux kontra sfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tal-awtur.”

18.    L-Artikolu 12 tal-istess trattat huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti jagħrfu li Parti Kontraenti tista’ timplimenta fil-liġi nazzjonali tagħha limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju tal-persuni benefiċjarji apparti dawk li huma previsti f’dan it-Trattat wara li tkun ikkunsidrat is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dik il-Parti Kontraenti u l-bżonnijiet soċjali u kulturali tagħha, b’konformità mad-drittijiet u l-obbligi internazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti, u fil-każ ta’ pajjiż inqas żviluppat jitqiesu l-bżonnijiet speċjali u d-drittijiet u l-obbligi internazzjonali partikolari u flessibiltajiet tiegħu.

2.      Dan it-Trattat huwa mingħajr preġudizzju għal limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra għal persuni b’diżabbiltà previsti fil-liġi nazzjonali.”

 L-oriġini tat-trattat li hija prevista l-konklużjoni tiegħu

19.    Fis-26 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, f’negozjati, immexxija fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dwar eventwali trattat internazzjonali li jistabbilixxi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (iktar ’il quddiem il-“persuni benefiċjarji”).

20.    Dawn in-negozjati wasslu, waqt il-konferenza diplomatika li nżammet f’Marrakexx (il-Marokk) bejn is-17 u t-28 ta’ Ġunju 2013, għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fis-27 ta’ Ġunju 2013.

21.    Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar ta’ dan it-trattat, f’isem l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE, tal-14 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 115, p. 1). Din id-deċiżjoni kienet ibbażata kemm fuq l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 207 TFUE.

22.    Fil-21 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx f’isem l-Unjoni, ibbażata fuq l-istess bażijiet legali. Din il-proposta ma kisbitx il-maġġoranza meħtieġa fi ħdan il-Kunsill.

 Evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal opinjoni

23.    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 144 TFUE, minħabba l-effett ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li ser ikollu dan it-trattat, kif ukoll fuq l-Artikolu 207 TFUE, sabiex jiġi kopert l-iskambju ta’ kopji f’format aċċessibbli mal-pajjiżi terzi. F’din is-sitwazzjoni, l-Unjoni jkollha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-imsemmi trattat, skont l-Artikolu 3(1) u (2) TFUE.

24.    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni tal-istess trattat għandha tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 207 TFUE u li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 3(1) TFUE.

 Fuq l-Artikolu 3(1) TFUE

25.    Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, inkluż f’dak li jirrigwarda l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali.

26.    Dan il-kunċett tal-aħħar ikopri t-Trattat ta’ Marrakexx kollu kemm hu jew, tal-inqas, l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan it-trattat, kif ukoll l-aspetti tal-artikoli l-oħra tal-imsemmi trattat li huma relatati ma’ dawn l-Artikoli 5 u 6.

27.    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, billi tirreferi għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520), li huma biss ir-regoli adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fis-sens tal-Artikolu 207 TFUE.

28.    Dan il-kunċett ma jkoprix biss ftehimiet marbuta mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ftehim internazzjonali li jinvolvi armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandu, b’mod ġenerali, ikun marbut mal-politika kummerċjali komuni meta dan tal-aħħar ifittex li jippromwovi l-kummerċ.

29.    F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, għalkemm l-Artikoli 4 sa 6 u 9 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprevedu l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-partijiet kontraenti, l-għan ewlieni ta’ dan it-trattat ma huwiex li jarmonizza dawn il-leġiżlazzjonijiet, iżda li jiffaċilita, permezz ta’ din l-armonizzazzjoni, l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli, inkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, kif jindikaw, b’mod partikolari, il-preambolu tal-imsemmi trattat u l-Artikolu 9 tiegħu. L-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli internazzjonali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għalhekk jidher li huwa sempliċi mezz sabiex jintlaħaq l-għan ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali.

30.    Il-fatt li t-Trattat ta’ Marrakexx japplika biss għall-kopji f’format aċċessibbli prodotti mingħajr skop ta’ lukru huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, din il-partikolarità ma teskludix remunerazzjoni intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż inkorsi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 207 TFUE japplika wkoll meta oġġetti jew servizzi jiġu pprovduti mingħajr skop ta’ lukru. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li jiġi osservat li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29 tapplika wkoll għall-attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru. Barra minn hekk, is-sistema stabbilita minn dan it-trattat hija ta’ natura li tinterferixxi ma’ attivitajiet kummerċjali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni u ta’ skambju ta’ kopji f’format aċċessibbli.

31.    Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, l-argument li l-għan aħħari tal-imsemmi trattat huwa soċjali jew umanitarju ma jistax jirnexxi, peress li mill-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-lastiku naturali), tal-4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224), u mis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328), jirriżulta li l-politika kummerċjali komuni ma tistax tingħata interpretazzjoni restrittiva li teskludi l-miżuri li jfittxu li jilħqu għanijiet speċifiċi.

 Fuq l-Artikolu 3(2) TFUE

32.    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ li bażi legali differenti mill-Artikolu 207 TFUE kellha titqies adegwata sabiex jiġi approvat, kompletament jew parzjalment, it-Trattat ta’ Marrakexx, l-Unjoni jkollha kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE, li jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Unjoni għandha tali kompetenza sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali sa fejn din il-konklużjoni tista’ tolqot xi regoli komuni tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

33.    Filwaqt li ssostni li l-Artikolu 114 TFUE, u mhux l-Artikolu 19 TFUE, jikkostitwixxi l-bażi legali korretta, il-Kummissjoni ssostni li l-identifikazzjoni tal-bażi legali hija, fi kwalunkwe każ, sekondarja għaliex hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim internazzjonali għandux effett fuq regoli komuni tal-Unjoni.

34.    Issa, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati koperti mit-Trattat ta’ Marrakexx, u, b’mod partikolari, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet, ġew armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2001/29.

35.    Huwa minnu li l-Istati Membri huma liberi li japplikaw jew le l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti minn din id-direttiva. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri f’dan ir-rigward huwa limitat peress li, minn naħa, il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva hija eżawrjenti u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jimplementaw dawn l-eċċezzjonijiet u dawn il-limitazzjonijiet biss fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni.

36.    Minn dan isegwi li t-Trattat ta’ Marrakexx tabilħaqq jidderoga mid-drittijiet tal-awtur u mid-drittijiet relatati, li ġew armonizzati kompletament permezz tad-Direttiva 2001/29, billi jipprovdi eċċezzjoni jew limitazzjoni obbligatorja għal użi marbuta direttament mad-diżabbiltà, meta l-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi eċċezzjoni jew limitazzjoni fakultattiva f’dan il-qasam.

37.    F’dan il-kuntest, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jipprevedu tali eċċezzjoni jew limitazzjoni, huma ma jimplementawx kompetenza “miżmuma” iżda jagħmlu użu minn għażla “mogħtija/awtorizzata” mid-dritt tal-Unjoni filwaqt li jħarsu l-qafas stabbilit minn dan id-dritt. Is-sempliċi fatt li l-Istati Membri għandhom ċerta libertà sabiex jadattaw ċerti aspetti ta’ leġiżlazzjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies li l-kompetenza esterna tal-Unjoni f’dan il-qasam ma hijiex esklużiva.

38.    Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista mit-Trattat ta’ Marrakexx hija suġġetta, skont l-Artikolu 11 ta’ dan it-trattat u l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, għall-osservanza tal-kundizzjoni ġenerali li l-applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni jew limitazzjoni ma jistax ikollha l-effett li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttament normali tax-xogħol tiegħu. Issa, dan l-obbligu jirriżulta minn ftehimiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

39.    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-Artikoli 5 u 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx huma intiżi sabiex jirregolaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li dawn l-artikoli jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija. Bl-istess mod, l-Artikolu 7 ta’ dan it-trattat għandu effett fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, li jirrigwarda l-protezzjoni ġuridika tal-miżuri teknoloġiċi użati mid-detenturi ta’ drittijiet.

 Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-Artikolu 3(1) TFUE

40.    Il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit iqisu li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx abbażi tal-Artikolu 3(1) TFUE u tal-Artikolu 207 TFUE.

41.    F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li, mis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520), jirriżulta li huma biss ir-regoli li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tal-Artikolu 207 TFUE. Din ir-rabta tiddependi minn kemm is-suġġett u l-iskopijiet tal-ftehim previst ikunu relatati mal-politika kummerċjali komuni, peress li sempliċi implikazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali ma humiex suffiċjenti.

42.    Issa, is-suġġett jew l-iskop tat-Trattat ta’ Marrakexx ma huwiex il-liberalizzazzjoni jew il-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali.

43.    Minn naħa, mill-preambolu u mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jirriżulta li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u tal-inklużjoni fis-soċjetà ta’ persuni b’diżabbiltà. L-iskambju transkonfinali huwa biss mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan jew, skont il-Gvern Ungeriż, għan anċillari tal-imsemmi trattat. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż iqis li l-istess trattat ifittex li jilħaq ukoll għan ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta’ għajnuna umanitarja. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprevedi t-Trattat ta’ Marrakexx għalhekk hija intiża sabiex jiżdied in-numru ta’ kopji disponibbli f’format aċċessibbli u mhux sabiex jiġi promoss, iffaċilitat jew irregolat il-kummerċ internazzjonali.

44.    Konsegwentement, skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Rumen u l-Gvern tar-Renju Unit, ma jistax jitqies li dan it-trattat ifittex li jestendi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet analogi għal dawk tad-dritt tal-Unjoni sabiex jippromwovi l-kummerċ internazzjonali, bħal dawk li kienu inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675). Min-naħa l-oħra, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit iqisu li l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664), u s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑411/06, EU:C:2009:518), jikkostitwixxu preċedenti rilevanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet inkwistjoni f’dawk il-kawżi, li kienu jirrigwardaw il-kummerċ internazzjonali, ma kinux jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni minħabba l-għanijiet li kienu jfittxu li jilħqu.

45.    Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, l-iskambji previsti mit-Trattat ta’ Marrakexx ma jitwettqux f’kuntest kummerċjali, ħaġa li timplika, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huma ma jaqgħux taħt il-politika kummerċjali komuni.

46.    Għaldaqstant, mill-Artikolu 4(2) ta’ dan it-trattat jirriżulta li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista minnu tista’ tiġi applikata biss mingħajr skop ta’ lukru jew minn entità awtorizzata, jew minn persuna benefiċjarja jew minn persuna fiżika li taġixxi f’isem persuna benefiċjarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) tal-imsemmi trattat jippermetti lill-partijiet kontraenti jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur biss jekk is-suq ma jkunx f’pożizzjoni li joffri lill-persuni benefiċjarji l-possibbiltà li jakkwistaw kopji f’format aċċessibbli bi prezz raġonevoli. Bl-istess mod, l-iskambji transkonfinali ta’ tali kopji previsti mit-Trattat ta’ Marrakexx jistgħu jitwettqu biss minn entità awtorizzata li taġixxi mingħajr skop ta’ lukru.

47.    Barra minn hekk, skont il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, huwa wkoll importanti li jiġi rrilevat li t-Trattat ta’ Marrakexx ġie nnegozjat bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni tal-ONU, fil-qafas tal-WIPO, li l-għan tagħha huwa estranju għal-liberalizzazzjoni u għall-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali.

48.    Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Litwan u l-Parlament, l-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ dan it-trattat, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jimplementawhom, ifittxu li jippromwovu, li jiffaċilitaw u li jirregolaw il-kummerċ transkonfinali u għalhekk huma koperti mill-politika kummerċjali komuni, qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Gvern tar-Renju Unit jaqbel, sussidjarjament, ma’ din il-konklużjoni.

 Fuq l-Artikolu 3(2) TFUE

49.    Id-diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jadottaw pożizzjonijiet li jvarjaw fir-rigward tal-bażi legali adegwata sabiex jiġi konkluż it-Trattat ta’ Marrakexx, bil-Gvern Franċiż isemmi l-Artikoli 114 TFUE u 209 TFUE jew, sussidjarjament, l-Artikoli 19 TFUE u 209 TFUE, il-Gvern Ungeriż l-Artikoli 4 TFUE u 114 TFUE, il-Gvern tar-Renju Unit l-Artikolu 19 TFUE u l-Gvern Finlandiż l-Artikoli 19 TFUE u 114 TFUE.

50.    Minkejja dawn id-diverġenzi, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Litwan, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit iqisu li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, sabiex tikkonkludi dan it-trattat, sa fejn dan tal-aħħar ma jistax jolqot xi regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

51.    F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kwalunkwe konklużjoni f’dan ir-rigward għandha tkun ibbażata fuq analiżi konkreta tar-relazzjoni li teżisti bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-kontenut tar-regoli inkwistjoni.

52.    Issa, id-Direttiva 2001/29 wettqet biss armonizzazzjoni minima ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati. B’mod partikolari, din id-direttiva ma armonizzatx l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet.

53.    Għaldaqstant, l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29 sempliċement joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati favur persuni b’diżabbiltà. L-Istati Membri għalhekk iżommu l-kompetenza tagħhom, kemm fuq livell intern kif ukoll fuq livell estern, sabiex jagħmlu tali eċċezzjoni jew tali limitazzjoni obbligatorja. Skont il-Gvern Franċiż u l-Gvern Rumen, din l-analiżi hija kkonfermata mill-fatt li din id-direttiva ma tiddefinixxix il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati favur persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li ma teżisti ebda inkoerenza bejn it-Trattat ta’ Marrakexx u l-imsemmija direttiva.

54.    Fuq din il-bażi, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Rumen isostnu li mill-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384), jirriżulta li l-Unjoni ma tistax timponi, permezz ta’ ftehim internazzjonali, l-adozzjoni ta’ miżuri relatati ma’ eċċezzjoni jew ma’ limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati favur persuni b’diżabbiltà, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu tali miżuri fuq livell intern.

55.    Madankollu, il-Gvern Franċiż iqis li s-sitwazzjoni nbidlet wara t-talba li tressqet mill-Kunsill lill-Kummissjoni, fid-19 ta’ Mejju 2015, u li sussegwentement ġiet aċċettata minn din tal-aħħar, sabiex hija tippreżenta proposta leġiżlattiva intiża sabiexi tintroduċi, fid-dritt tal-Unjoni, l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 4 tat-Trattat ta’ Marrakexx. Fil-fatt, dan il-fatt huwa rilevanti fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, sabiex jiġi ddeterminat jekk qasam huwiex diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iżviluppi prevedibbli tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 4 ta’ dan it-trattat jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

56.    Skont dan il-gvern, din il-konstatazzjoni ma tqegħidx fid-dubju l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi trattat, iktar u iktar peress li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-oqsma tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja u peress li l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’dawn l-oqsma ma’ jistax ikollu l-effett li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’dan ir-rigward.

57.    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, isostnu li t-talba tal-Kunsill, imsemmija fil-punt 55 ta’ din l-opinjoni, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi pprovat żvilupp prevedibbli tad-dritt tal-Unjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk teżistix kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat mit-Trattat ta’ Marrakexx.

58.    Madankollu, il-Parlament iqis li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ dan it-trattat, peress li l-Unjoni eżerċitat ukoll il-kompetenza tagħha f’dan il-qasam meta adottat id-Direttiva 2001/29. Il-fatt li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti minn din id-direttiva ma jimplikax l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża, minħabba d-distinzjoni li għandha ssir bejn l-eċċezzjonijiet relatati mal-portata ta’ att tal-Unjoni u dawk relatati mad-drittijiet stabbiliti f’tali att.

59.    Barra minn hekk, l-effett tal-Artikolu 4 tat-Trattat ta’ Marrakexx fuq is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2001/29 huwa manifest, sa fejn dan it-trattat jelimina l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom attwalment l-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva.

 Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-Artikolu 3(1) TFUE

60.    Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tat-Trattat ta’ Marrakexx, jidher ċar li dan tal-aħħar ma jirrigwardax xi wieħed mill-ewwel erba’ oqsma previsti fl-Artikolu 3(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk dan it-trattat huwiex relatat, kompletament jew parzjalment, mal-politika kummerċjali komuni, iddefinita fl-Artikolu 207 TFUE, li taqa’, skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

61.    Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi fatt li att tal-Unjoni jista’ jkollu ċerti implikazzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dan l-att għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ dawk li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Min-naħa l-oħra, att tal-Unjoni jaqa’ taħt din il-politika jekk jirrigwarda speċifikament il-kummerċ internazzjonali sa fejn ikun intiż essenzjalment sabiex jippromwovi, li jiffaċilita jew li jirregola dan il-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuqu (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 57.

62.    Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-Trattat ta’ Marrakexx jaqax taħt l-imsemmija politika, huwa neċessarju li jiġu eżaminati kemm l-iskopijiet tiegħu kif ukoll il-kontenut tiegħu.

63.    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-iskop tat-Trattat ta’ Marrakexx, it-titolu stess ta’ dan it-trattat jispeċifika li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess tal-persuni benefiċjarji, jiġifieri l-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, għal xogħlijiet ippubblikati.

64.    Ix-xewqa tal-partijiet kontraenti li jiżguraw armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, u li jiffaċilitaw iċ-ċirkulazzjoni tal-kopji f’format aċċessibbli bil-għan li jtejbu l-aċċess tal-persuni benefiċjarji għal xogħlijiet ippubblikati u li b’hekk jegħlbu l-ostakoli li attwalment jipprekludu dan l-aċċess hija kkonfermata, b’mod partikolari, mill-premessi 7, 8 u 12 tal-imsemmi trattat.

65.    Barra minn hekk, mill-premessi 1, 2 u 4 ta’ dan il-preambolu jirriżulta li l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku msaħħaħ fuq livell internazzjonali previst fl-istess trattat għandu jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ opportunitajiet indaqs, ta’ aċċessibbiltà u ta’ parteċipazzjoni u inklużjoni sħaħ u effettivi fis-soċjetà tal-persuni b’diżabbiltà, ipproklamati mill-Konvenzjoni tal-ONU, b’mod partikolari billi jiġu miġġielda l-ostakoli li jimpedixxu l-iżvilupp sħiħ tagħhom, il-libertà tal-espressjoni tagħhom u t-tgawdija tagħhom tad-dritt għall-edukazzjoni.

66.    Huwa minnu li l-premessi 4 u 7 tal-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx isemmu ċ-ċirkulazzjoni u l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli.

67.    Madankollu, minn naħa, dawn il-premessi ma jirreferux għan-natura kummerċjali ta’ din iċ-ċirkulazzjoni jew ta’ dan l-iskambju u, min-naħa l-oħra, isemmuhom biss bħala strument intiż sabiex jittejjeb l-aċċess tal-persuni benefiċjarji għal dawn il-kopji u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi magħmula mill-partijiet kontraenti għal dan il-għan.

68.    Barra minn hekk, għalkemm mill-premessi 3, 9, 10 u 12 tal-preambolu ta’ dan it-trattat jirriżulta li l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, b’mod ġenerali, u s-sistema internazzjonali tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari, it-termini użati f’dan il-preambolu ma jindikawx li l-iskop tal-imsemmi trattat huwa li jsaħħaħ din il-protezzjoni jew din is-sistema.

69.    Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-istess trattat ma jirriżultax li dan tal-aħħar ifittex li jilħaq għanijiet oħra minbarra dawk indikati fit-titolu u fil-preambolu tiegħu.

70.    Konsegwentement, għandu jitqies li t-Trattat ta’ Marrakexx għandu essenzjalment l-iskop li jtejjeb il-kundizzjoni tal-persuni benefiċjarji billi jiffaċilita, b’diversi modi, fosthom ċirkulazzjoni ffaċilitata tal-kopji f’format aċċessibbli, l-aċċess ta’ dawn il-persuni għal xogħlijiet ippubblikati.

71.    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ dan it-trattat, dan tal-aħħar jispeċifika li l-partijiet kontraenti għandhom jużaw żewġ strumenti distinti u komplementari sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

72.    L-ewwel nett, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi trattat jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex jiffaċilitaw iktar it-tqegħid tal-kopji f’format aċċessibbli għad-dispożizzjoni tal-persuni benefiċjarji. Il-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu jipprovdu dettalji dwar il-mod kif il-partijiet kontraenti jistgħu jimplementaw dan l-obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, filwaqt li jħallulhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward.

73.    It-tieni nett, l-Artikoli 5 u 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx jistabbilixxu ċerti obbligi dwar l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli.

74.    B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 5(1) ta’ dan it-trattat jistipula li l-partijiet kontraenti għandhom jipprevedu li, jekk kopja f’format aċċessibbli ssir taħt limitazzjoni jew eċċezzjoni jew skont il-liġi, dik il-kopja tista’ titqassam jew issir disponibbli permezz ta’ entità awtorizzata lil persuna benefiċjarja jew lil entità awtorizzata f’parti kontraenti oħra. Il-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu jipprovdu dettalji dwar il-mod kif il-partijiet kontraenti jistgħu jimplementaw dan l-obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, filwaqt li jħallulhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward.

75.    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6 tal-imsemmi trattat jispeċifika li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ parti kontraenti tippermetti lil persuna benefiċjarja, lil persuna fiżika li taġixxi f’isimha jew lil entità awtorizzata jagħmlu kopja ta’ xogħol f’format aċċessibbli, dik il-leġiżlazzjoni għandha wkoll tippermettilhom jimportaw tali kopja, għall-benefiċċju tal-persuni benefiċjarji, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet.

76.    L-Artikoli 5 u 6 tal-istess trattat huma ssupplimentati mill-Artikolu 9 tiegħu li jobbliga lill-partijiet kontraenti jikkooperaw sabiex irawmu l-iskambji transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli.

77.    Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi ddeterminat jekk it-Trattat ta’ Marrakexx jaqax, kompletament jew parzjalment, taħt il-politika kummerċjali komuni.

78.    F’dan ir-rigward, għandu tabilħaqq jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-regoli adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”, previst fl-Artikolu 207(1) TFUE, u, għaldaqstant, taħt il-qasam ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 52).

79.    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li ċerti regoli internazzjonali li jistabbilixxu dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall kull waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali, peress li dawn ir-regoli jidħlu fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni ta’ dan il-kummerċ, billi jifformaw parti integrali mis-sistema tad-WTO u għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-imsemmi kummerċ billi jnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 53 u 57 sa 60).

80.    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regoli li jistabbilixxu protezzjoni ġuridika adegwata tas-servizzi bbażati fuq aċċess kundizzjonali għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali u għalhekk jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li dawn ir-regoli għandhom iktar l-għan li jippromwovu tali kummerċ li jirrigwarda dawn is-servizzi milli l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 64, 65 u 67).

81.    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi applikat raġunament paragunabbli għar-regoli tat-Trattat ta’ Marrakexx dwar l-istabbiliment ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

82.    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 63 sa 70 ta’ din l-opinjoni, l-iskop tat-Trattat ta’ Marrakexx huwa li jtejjeb il-kundizzjoni tal-persuni benefiċjarji billi jiffaċilita, b’diversi modi, l-aċċess ta’ dawn il-persuni għal xogħlijiet ippubblikati u mhux li jippromwovi, li jiffaċilita jew li jirregola l-kummerċ internazzjonali tal-kopji f’format aċċessibbli.

83.    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-premessa 12 tal-preambolu tal-istess trattat tispjega speċifikament li din l-armonizzazzjoni għandha titwettaq bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-użu ta’ xogħlijiet mill-persuni benefiċjarji.

84.    Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tat-Trattat ta’ Marrakexx ma huwiex ta’ natura li jiżgura approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li tippermetti li l-kummerċ internazzjonali jiġi ffaċilitat b’mod notevoli, sa fejn il-partijiet kontraenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu u sa fejn mill-Artikolu 12 ta’ dan it-trattat jirriżulta li dan tal-aħħar ma għandux l-għan jew l-effett li jipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet oħra favur il-persuni benefiċjarji apparti dawk previsti mill-imsemmi trattat.

85.    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li, fost ir-regoli li jirregolaw il-proprjetà intellettwali, huma biss dawk relatati mad-drittijiet morali li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”, previst fl-Artikolu 270 TFUE, ma jistax jirnexxi, peress li jwassal sabiex iwessa’ b’mod eċċessiv il-kamp tal-politika kummerċjali komuni billi jorbot ma’ din il-politika regoli li ma għandhomx rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali.

86.    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li r-regoli tat-Trattat ta’ Marrakexx li jipprevedu l-istabbiliment ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali li timplika li huma jirrigwardaw l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali previsti fl-Artikolu 207 TFUE.

87.    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-regoli tat-Trattat ta’ Marrakexx li jirregolaw l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ kopji f’format aċċessibbli, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-regoli mingħajr ebda dubju jirrigwardaw l-iskambji internazzjonali ta’ tali kopji.

88.    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata r-rabta ta’ tali regoli mal-politika kummerċjali komuni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħhom [ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 35 sa 37, u s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518, punti 49 sa 54 u 71 u 72].

89.    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 63 sa 70 ta’ din l-opinjoni u fl-assenza ta’ kwalunkwe element li jindika li l-Artikoli 5, 6 u 9 tat-Trattat ta’ Marrakexx ifittxu li jilħqu għan distint minn dak ta’ dan it-trattat fl-intier tiegħu, għandu jitqies li dawn l-artikoli ma jfittxux speċifikament li jippromwovu, li jiffaċilitaw jew li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-kopji f’format aċċessibbli, iżda tabilħaqq li jtejbu l-kundizzjoni tal-persuni benefiċjarji billi jiffaċilitaw l-aċċess ta’ dawn il-persuni għal kopji f’format aċċessibbli riprodotti f’partijiet kontraenti oħra.

90.    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffaċilitar tal-iskambji transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli jidher li huwa iktar mezz sabiex jintlaħaq l-għan mhux kummerċjali tal-imsemmi trattat milli għan fih innifsu mogħti lil dan tal-aħħar.

91.    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, l-iskambji previsti mit-Trattat ta’ Marrakexx ma jistgħux jiġu assimilati ma’ skambji internazzjonali mwettqa għal finijiet kummerċjali [ara, b’analoġija, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:2001:664, punt 38, u s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518, punt 69].

92.    Fil-fatt, l-obbligu li tiġi awtorizzata l-esportazzjoni ta’ kopji f’format aċċessibbli previst fl-Artikolu 5(1) ta’ dan it-trattat ikopri biss l-esportazzjonijiet imwettqa minn entità awtorizzata. L-Artikolu 9 tal-imsemmi trattat jikkonferma li l-mekkaniżmu hekk stabbilit ma jfittixx li jippromwovi, li jiffaċilita jew li jirregola, b’mod ġenerali, l-iskambji kollha ta’ kopji f’format aċċessibbli, iżda tabilħaqq l-iskambji mwettqa bejn l-entitajiet awtorizzati.

93.    Issa, mill-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat ta’ Marrakexx jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom jiġu awtorizzati jew irrikonoxxuti mill-gvern tagħhom, għandhom jaġixxu mingħajr skop ta’ lukru u għandhom jindirizzaw is-servizzi tagħhom biss lejn il-persuni benefiċjarji. Għaldaqstant, għalkemm ma huwiex eskluż, skont l-Artikolu 4(5) ta’ dan it-trattat, li l-esportazzjonijiet irregolati mill-Artikolu 5 tal-imsemmi trattat ikunu s-suġġett ta’ remunerazzjoni, din ir-remunerazzjoni tista’ tiġi prevista biss fil-limiti imposti min-natura mingħajr skop ta’ lukru tal-attivitajiet tal-esportatur.

94.    Bl-istess mod, l-Artikolu 6 tal-istess trattat jobbliga lill-partijiet kontraenti li jawtorizzaw l-importazzjonijiet biss sa fejn dawn jitwettqu jew minn persuna benefiċjarja, li taġixxi direttament jew indirettament, jew minn entità awtorizzata.

95.    Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx jirriżulta espliċitament li huma biss l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet intiżi għall-persuni benefiċjarji, jekk ikun il-każ permezz ta’ entità awtorizzata, li huma koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(ċ) u l-Artikolu 5(2) u (4) ta’ dan it-trattat jistabbilixxu mekkaniżmi intiżi sabiex jiggarantixxu li jkunu biss persuni benefiċjarji li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom kopji f’format aċċessibbli hekk skambjati.

96.    Barra minn hekk, il-kopji f’format aċċessibbli li l-esportazzjoni tagħhom hija rregolata mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmi trattat huma biss dawk li jsiru taħt limitazzjoni jew eċċezzjoni jew skont il-liġi. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6 tal-istess trattat sempliċement jipprovdi li l-importazzjoni ta’ tali kopji fit-territorju ta’ parti kontraenti għandha tkun awtorizzata fil-każ li l-leġiżlazzjoni ta’ din il-parti kontraenti tippermetti lill-persuna jew lill-entità kkonċernati jagħmlu dawn il-kopji.

97.    Għalhekk, jidher mhux biss li l-iskambji transkonfinali promossi mit-Trattat ta’ Marrakexx jaqgħu ’l barra mill-qafas ordinarju tal-kummerċ internazzjonali, iżda wkoll li l-iskambji internazzjonali ta’ kopji f’format aċċessibbli li jitwettqu għal finijiet kummerċjali minn operaturi ordinarji, jew sempliċement ’il barra mill-qafas tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet favur il-persuni benefiċjarji, ma humiex inklużi fis-sistema speċifika stabbilita minn dan it-trattat.

98.    Barra minn hekk, l-Artikoli 1 u 11 tal-imsemmi trattat jipprevedu l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn trattati internazzjonali oħra, ħaġa li timplika li din is-sistema ma hijiex intiża sabiex tidderoga mir-regoli internazzjonali li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi.

99.    Fid-dawl ta’ dawn id-diversi karatteristiċi, għandha għalhekk issir distinzjoni bejn is-sistema stabbilita mit-Trattat ta’ Marrakexx u s-sistemi li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-lastiku naturali), tal-4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224), kif ukoll fis-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328), tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2), u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑281/01, EU:C:2002:761), li, minkejja li ma kinux ifittxu li jilħqu esklużivament għanijiet kummerċjali, kienu madankollu bbażati fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ natura kummerċjali.

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li s-sistema stabbilita mit-Trattat ta’ Marrakexx tista’ eventwalment tiġi applikata għal xogħlijiet li jiġu sfruttati kummerċjalment jew li jistgħu jiġu sfruttati b’dan il-mod u, għalhekk, li hija tista’, jekk ikun il-każ, taffettwa b’mod indirett il-kummerċ internazzjonali ta’ tali xogħlijiet ma jistax jimplika li hija taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni [ara, b’analoġija, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 40].

101. Għaldaqstant għandu jitqies li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx ma taqax taħt il-politika kummerċjali komuni ddefinita fl-Artikolu 207 TFUE u, konsegwentement, li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi dan it-trattat, abbażi tal-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

 Fuq l-Artikolu 3(2) TFUE

102. Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sa fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

103. Issa, il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx ma hija prevista minn ebda att leġiżlattiv tal-Unjoni u din il-konklużjoni ma hijiex meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha.

104. Konsegwentement, huwa biss il-każ imsemmi fl-aħħar frażi tal-Artikolu 3(2) TFUE, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni li fiha l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”, li huwa rilevanti f’din il-kawża.

105. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm riskju li regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali meħuda mill-Istati Membri jew li jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-regoli, b’tali mod li tkun iġġustifikata kompetenza esterna esklużiva tagħha, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli [Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 71, u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 29].

106. Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma tippreżupponix konkordanza kompleta bejn il-qasam kopert mill-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni [Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 72, u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 30].

107. B’mod partikolari, tali impenji internazzjonali jistgħu jolqtu xi regoli tal-Unjoni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli [ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 73, u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 31].

108. B’dan premess, peress li l-Unjoni tgawdi biss minn kompetenzi ta’ attribuzzjoni, l-eżistenza ta’ kompetenza, iktar u iktar meta tkun ta’ natura esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi globali u konkreta tar-relazzjoni li teżisti bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, rispettivament, mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, il-prospetti ta’ żvilupp prevedibbli tagħhom, kif ukoll in-natura u l-kontenut ta’ dawn ir-regoli u dispożizzjonijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom [Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 74, u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 33].

109. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 71 sa 76 ta’ din l-opinjoni, it-Trattat ta’ Marrakexx jipprovdi li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-partijiet kontraenti għandhom jimplementaw żewġ strumenti distinti u komplementari, jiġifieri, minn naħa, eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex jiffaċilitaw iktar it-tqegħid tal-kopji f’format aċċessibbli għad-dispożizzjoni tal-persuni benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, sistemi ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni intiżi sabiex jiffavorixxu ċerti tipi ta’ skambji transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli.

110. Issa, l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29 jagħtu lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet.

111. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-każ ta’ “użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika”. Mill-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni, sa fejn dan ikun iġġustifikat mill-iskop tal-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat skont l-Artikolu 5(3)(b) tal-istess direttiva.

112. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista mit-Trattat ta’ Marrakexx tkun trid tiġi implementata fil-qafas tal-qasam armonizzat mid-Direttiva 2001/29. L-istess japplika għas-sistemi ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni previsti minn dan it-trattat, sa fejn l-għan tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, huwa li tiġi awtorizzata l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-distribuzzjoni, fit-territorju ta’ parti kontraenti, ta’ kopji f’format aċċessibbli ppubblikati f’parti kontraenti oħra mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tad-detenturi ta’ drittijiet.

113. F’dan ir-rigward, għalkemm diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sostnew li l-obbligi previsti mit-Trattat ta’ Marrakexx jistgħu jiġu applikati b’mod kompatibbli mad-Direttiva 2001/29, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jieħdu impenji internazzjonali li jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn regoli komuni tal-Unjoni, anki jekk ma jkun hemm ebda possibbiltà ta’ kontradizzjoni bejn dawn l-impenji u dawn ir-regoli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 70 u 71, u l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 86].

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprevedi obbligu paragunabbli ma’ dak li jirriżulta mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 jew li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan it-trattat ma humiex, bħala tali, inkompatibbli ma’ dawk li jinsabu fl-Artikolu 5(3)(b) u (4) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun determinanti.

115. Barra minn hekk, għandu tabilħaqq jiġi rrilevat li, kif enfasizzaw il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, mit-titolu tad-Direttiva 2001/29 u mill-premessa 7 tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq biss armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, peress li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li telimina jew li timpedixxi d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jippreġudikawx il-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 88, u tas-26 ta’ Marzu 2015, C More Entertainment, C‑279/13, EU:C:2015:199, punt 29).

116. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjoni għal dawn id-drittijiet, il-premessa 31 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għaldaqstant, pereżempju, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax b’mod komplet, fl-Artikolu 5(3)(b) u (4) tal-istess direttiva, l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet favur persuni b’diżabbiltà.

117. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax, bħala tali, tkun deċiżiva.

118. Fil-fatt, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ftehim internazzjonali li jkopri qasam li jkun diġà ġie armonizzat kompletament jista’ jolqot xi regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom [ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 96, u s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 84], jibqa’ l-fatt li din hija biss waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjoni li tinsab fl-aħħar frażi tal-Artikolu 3(2) TFUE tkun issodisfatta [ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 121].

119. Bl-istess mod, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-possibbiltà li għandhom li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni favur persuni b’diżabbiltà, għandu jiġi enfasizzat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirriżulta mid-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti din il-possibbiltà lill-Istati Membri, fi ħdan il-qafas ġuridiku armonizzat li jiżgura protezzjoni għolja u omoġenja tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni stabbilit mid-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 32, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑ 114/12, EU:C:2014:2151, punt 79).

120. L-Artikolu 5(3)(b) u (4) ta’ din id-direttiva ma jikkonċernax sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik imsemmija fil-punti 18 u 21 tal-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-ILO), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx li l-Unjoni kellha kompetenza esklużiva minħabba n-natura ta’ rekwiżiti minimi kemm tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ta’ dawk tal-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni.

121. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jistabbilixxux limitu minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati billi jħallu l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jipprevedu protezzjoni ikbar ta’ dawn id-drittijiet intatta, iżda minflok jintroduċu deroga għal drittijiet armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni billi jawtorizzaw lill-Istati Membri jipprevedu, taħt ċerti kundizzjonijiet, eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-imsemmija drittijiet. Għalhekk, Stat Membru li juża din il-possibbiltà mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ser jiggarantixxi, fl-aħħar mill-aħħar, protezzjoni ta’ dawn l-istess drittijiet li tkun inferjuri għal dik li tirriżulta normalment mil-livell ta’ protezzjoni armonizzat stabbilit fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva.

122. F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri għandu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 104), li jimplika li l-Istati Membri ma humiex liberi li jiddeterminaw, b’mod mhux armonizzat, il-parametri kollha tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni favur persuni b’diżabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 36).

123. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu biss, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, eċċezzjoni jew limitazzjoni favur persuni b’diżabbiltà sakemm huma josservaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri li din l-eċċezzjoni jew din il-limitazzjoni tkopri biss l-użi, għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà, li jkunu relatati direttament mad-diżabbiltà inkwistjoni u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn ikun meħtieġ minn din id-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 39), liema kundizzjonijiet, barra minn hekk, ma jinsabux fl-Artikoli 4 sa 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx.

124. Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri sabiex jimplementaw eċċezzjoni jew limitazzjoni favur persuni b’diżabbiltà ma jistax jintuża b’mod li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 9 tagħha, jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 107, u tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 34).

125. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat ukoll mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jissuġġetta l-istabbiliment tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li din l-eċċezzjoni jew din il-limitazzjoni tkun applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali, li ma tmurx kontra l-isfruttament normali tax-xogħol u li ma tippreġudikax b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 58, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 110).

126. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidher li, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimplementaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli armonizzati stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29 favur persuni b’diżabbiltà, din hija possibbiltà mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni li hija limitata ħafna mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni deskritti fil-punti 123 sa 125 ta’ din l-opinjoni.

127. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, filwaqt li l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi biss il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni favur persuni b’diżabbiltà, l-Artikolu 4 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprevedi, min-naħa tiegħu, obbligu li tiġi introdotta tali eċċezzjoni jew limitazzjoni.

128. Konsegwentement, il-konklużjoni ta’ dan it-trattat timplika li d-diversi limiti u rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 123 sa 125 ta’ din l-opinjoni ser japplikaw għall-Istati Membri kollha, li minn dak iż-żmien ’il quddiem ikunu obbligati jipprevedu tali eċċezzjoni jew limitazzjoni skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi trattat.

129. Minn dan isegwi li l-obbligi kollha previsti mit-Trattat ta’ Marrakexx jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa diġà kopert minn regoli komuni tal-Unjoni u li l-konklużjoni ta’ dan it-trattat tista’ tolqot dawn ir-regoli jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

130. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti l-opinjoni segwenti:

Il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.



Lenaerts

Tizzano

Ilešič

Bay Larsen

von Danwitz

Prechal

Bonichot

Arabadjiev

Toader

Safjan

Šváby

Jarašiūnas

Fernlund

Vajda

Rodin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2017.

A. Calot Escobar

 

      K. Lenaerts

Reġistratur

 

      President