Language of document : ECLI:EU:F:2011:23

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

15 ta’ Marzu 2011

Kawża F-28/10

Gaëtan Barthélémy Maxence Mioni

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Residenza abitwali qabel id-dħul fil-kariga”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Mioni essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Ġunju 2009, li twaqqaflu, mill-1 ta’ Lulju 2009, il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni li huwa kien jirċievi sa mid-dħul fil-kariga tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Suġġett — Residenza abitwali fl-Istat Membru ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

1.      Fl-ambitu tal-allowance tal-espatrijazzjoni, ir-residenza abitwali, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-post fejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun stabbilixxa, bir-rieda li jagħtih natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu, bil-kundizzjoni li għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt kollha li jikkostitwixxu dan u, b’mod partikolari, tar-residenza effettiva tal-persuna kkonċernata.

L-allowance tal-espatrijazzjoni għandha bħala skop li tikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mit-teħid ta’ kariga ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni lill-uffiċjali li, minħabba dan il-fatt, huma obbligati li jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat tad-domiċilju tagħhom għall-Istat ta’ assenjazzjoni u li jintegraw ruħhom hemmhekk f’ambjent ġdid u l-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi wkoll mis-sitwazzjoni suġġettiva tal-uffiċjal, jiġifieri l-livell ta’ integrazzjoni tiegħu fl-ambjent ġdid li jirriżulta, pereżempju, mir-residenza abitwali tiegħu jew mill-eżerċizzju ta’ attività professjonali prinċipali. Minbarra dan, l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni huwa intiż sabiex jirrimedja l-inugwaljanzi ta’ fatt li jseħħu bejn l-uffiċjali integrati fis-soċjetà tal-Istat ta’ assenjazzjoni u dawk li ma humiex.

Il-fatt li wieħed jirrisjedi f’pajjiż, b’mod partikolari sabiex hemmhekk iwettaq l-istudji tiegħu, li mid-definizzjoni stess tikkostitwixxi residenza temporanja, bħala prinċipju ma jippreżumix ir-rieda li wieħed iċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi tiegħu f’dan il-pajjiż iżda, l-iktar, perspettiva li tkun għadha inċerta li jagħmel dan. Ikun differenti li kieku l-fatt li wieħed jirrisjedi f’pajjiż bħala student, meħud inkunsiderazzjoni ma’ fatti rilevanti oħra, juri l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali u professjonali fit-tul tal-persuna kkonċernata mal-pajjiż inkwistjoni; f’dan il-kuntest, f’każ ta’ perijodu ta’ studji segwit minn perijodu ta’ stage jew ta’ impjieg fl-istess post, il-preżenza kontinwa tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż ikkonċernat tista’ toħloq preżunzjoni, li ċertament tista’ tiġi kkonfutata, ta’ eventwali rieda min-naħa tiegħu li jċaqlaq iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu, kif ukoll ir-residenza abitwali tiegħu, lejn dan il-pajjiż.

(ara l-punti 22, 24, 31 u 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Novembru 2007, Salvador García vs Il‑Kummissjoni, C‑7/06 P, punti 43 u 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Settembru 2000, Lemaître vs Il‑Kummissjoni, T‑317/99, punt 51; 3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, punt 55; 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il‑Kummissjoni, T‑283/03, punt 114; 25 ta’ Ottubru 2005, Salvador García vs Il‑Kummissjoni, T‑205/02, punt 72; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ Ottubru 2005, Dedeu i Fontcuberta vs Il‑Kummissjoni, T‑299/02, punt 67; 26 ta’ Settembru 2007, Salvador Roldán vs Il‑Kummissjoni, F‑129/06, punt 48; 9 ta’ Marzu 2010, Tzvetanova vs Il‑Kummissjoni, F‑33/09, punt 48

2.      Il-ħlas lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal ta’ benefiċċji finanzjarji mill-amministrazzjoni, anki matul diversi snin, ma jistax minnu nnifsu jiġi kkunsidrat bħala ċertezza preċiża, inkondizzjonata u konkordanti, peress li, jekk dan kien il-każ, kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tirrifjuta għall-futur, u eventwalment għall-passat, il-ħlas ta’ tali benefiċċji mħallsa indebitament lill-persuna kkonċernata għal diversi snin, tkun sistematikament annullata mill-qorti tal-Unjoni abbażi tal-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tirriżulta f’telf kunsiderevoli, b’mod partikolari, tal-effettività tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut.

(ara l-punt 41)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 125