Language of document : ECLI:EU:C:2022:543

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawża C-166/21

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Dazji tas-sisa fuq alkoħol etiliku u xorb alkoħoliku – Direttiva 92/83/KEE – Eżenzjoni minn dazju armonizzat – Artikolu 27(1)(d) – Alkoħol użat għall-produzzjoni ta’ mediċini – Artikolu 27(6) – Kundizzjoni li titlob moviment ta’ prodott skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Proporzjonalità – Oneru tal-prova”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (2), alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini huwa eżentat mid-dazju tas-sisa.

2.        Sabiex tiġi applikata din l-eżenzjoni b’mod ħafif u għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż, ir-Repubblika tal-Polonja tissuġġetta din l-eżenzjoni għar-rekwiżit li l-prodott imsemmi preċedentement jitqiegħed taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju (3).

3.        Il-Kummissjoni tqis dan ir-rekwiżit bħala inkompatibbli mal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 u li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li huwa l-mezz esklużiv li bih tista’ tinkiseb din l-eżenzjoni. Għaldaqstant hija bdiet proċeduri kontra r-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikolu 258 TFUE billi talbet għal dikjarazzjoni li dan l-Istat Membru kien naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

4.        Il-premessi dsatax, għoxrin, tnejn u għoxrin u tlieta u għoxrin tad-Direttiva 92/83 jiddikjaraw:

“Billi hu meħtieġ li f’livell Komunitarju jkunu stipulati l-eżenzjonijiet li japplikaw għal oġġetti li huma trasportati bejn l-Istati Membri;

Billi, madankollu, hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew ikollhom il-possibbiltà ta’ l-għażla li japplikaw eżenzjonijiet marbuta ma’ l-użi finali fit-territorju tagħhom;

[…]

Billi l-Istati Membri m’għandhomx jiċċaħħdu mill-mezzi għall-ġlieda kontra xi evażjoni, ħelsien jew abbuż li jista’ jirriżulta f’dak li jirrigwarda eżenzjonijiet;

Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew idaħħlu fis-seħħ l-eżenzjonijiet meħtieġa minn din id-Direttiva permezz ta’ rifużjoni.”

5.        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa għal alkoħol etiliku (4) konformement ma’ din id-direttiva.

6.        Is-Sezzjoni VII tad-Direttiva 92/83, bit-titolu “Eżenzjonijiet”, tipprovdi fl-Artikolu 27(1)(d) u (6) li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

[…]

(d) meta użat għall-produzzjoni ta’ mediċini definiti mid-Direttiva 65/65/KEE;

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħtu l-eżenzjonijiet imsemmija hawn fuq permezz ta’ rifużjoni tat-taxxa tas-sisa mħallsa.”

B.      Iddritt Pollakk

7.        Skont l-Artikolu 30(9)(4) tal-Ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa) tas‑6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. tal-2009, Nru 254, punt 11), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 864) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa’), “għandha tingħata eżenzjoni mid-dazju tas-sisa lil alkoħol etiliku […] li jkun jinsab fi prodotti mediċinali skont it-tifsira tal-[prawo farmaceutyczne (il-Liġi dwar ir-Regolamentazzjoni Farmaċewtika)] tas‑6 ta’ Settembru 2001 […]”.

8.        Sa fejn jidher li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 32 tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa jipprovdi li:

“1.      Il-prodotti bid-dazju segwenti għandhom jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa minħabba l-għan intiż tagħhom:

[…]

3.      l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa pprovduta fil-paragrafu (1) għandu japplika għall-merkanzija kkonċernata biss fil-każijiet segwenti:

(1)      kunsinna lill-utent minn maħżen tat-taxxa fit-territorju nazzjonali; jew

[…]

(4)      akkwist intrakomunitarju minn destinatarju rreġistrat, sakemm dan id-destinatarju ma jkollux awtorizzazzjoni għal akkwist ta’ darba ta’ prodotti bid-dazju bħala destinatarju rreġistrat, għall-użu minn dak id-destinatarju bħala utent; jew

[…]

(8)      użu mill-operatur bħala utent ta’ maħżen tat-taxxa; jew

[…].

4.      Is-segwenti huma wkoll eżentati mid-dazju tas-sisa minħabba l-għan intiż tagħhom:

[…]

(3)      xarbiet alkoħoliċi użati:

[…]

(b)      għall-manifattura tal-prodotti mediċinali msemmija fl-Artikolu 30(9)(4),

[…]

–      biss fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3(1), (4) jew (8), jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (5) sa (6b), (12) u (13) […].

5      Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa minħabba l-għan intiż ta’ prodotti bid-dazju tiddependi wkoll mill-kundizzjonijiet segwenti:

(1)      il-prodotti bid-dazju koperti bl-eżenzjoni huma inklużi fil-garanzija ta’ dazju jew, fil-każ ta’ importazzjonijiet, f’garanzija ddepożitata konformement mal-garanzija fuq dazji doganali taħt ir-regolamenti doganali mill-operatur tal-maħżen tat-taxxa, mill-intermedjarju jew mid-destinatarju reġistrat (sakemm dan tal-aħħar ma jkollux awtorizzazzjoni għall-akkwist ta’ darba ta’ prodotti bid-dazju bħala destinatarju reġistrat), sal-ammont tad-dejn ta’ taxxa li jirriżulta mill-użu tal-merkanzija inkwistjoni li ma jikkorrispondix mal-għan ta’ eżenzjoni ta’ dazju tas-sisa jew min-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni, sakemm ir-riċeviment tal-prodotti bid-dazju jiġi kkonfermat jew mill-utent jew mill-intermedjarju; din il-kundizzjoni ma għandhiex tapplika fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3(4) jew (8);

(2)      il-prodotti bid-dazju jiċċirkolaw permezz ta’ e-DD [nota ta’ kunsinna elettronika] jew b’dokument li jissostitwixxi l-e-DD, u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom hija tterminata bil-mod imsemmi fl-Artikolu 46b(2) u fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 46b(3);

[…].”

9.        Permezz tal-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa:

“L-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju japplika fis-sitwazzjonijiet segwenti:

(1)      il-prodotti bid-dazju:

(a)      huma f’maħżen tat-taxxa, inkluż wara li jiġu rritornati fih mill-intermedjarju jew mill-utent,

(b)      jiċċirkolaw bejn imħażen tat-taxxa li jinsabu fit-territorju nazzjonali,

(ċ)      jiċċirkolaw, għall-finijiet ta’ esportazzjoni, bejn maħżen tat-taxxa fit-territorju nazzjonali u stazzjon doganali fit-territorju nazzjonali li jissuperviżjona l-ħruġ attwali tagħhom mit-territorju tal-Unjoni Ewropea,

(d)      jiċċirkolaw bejn il-maħżen tat-taxxa fit-territorju nazzjonali u l-persuna taxxabbli li tibbenifika mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 31(1);

[…]”

III. Ilproċedura prekontenzjuża u ttalbiet talpartijiet

10.      Permezz ta’ ittra ta’ avviż formali mibgħuta lir-Repubblika tal-Polonja fit‑8 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni allegat li ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa kienu jiksru l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 u kienu jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fit-tweġiba tagħha tas‑7 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika tal-Polonja spjegat ir-raġuni għalfejn hija ma qablitx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

11.      Fis‑7 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja li fiha hija tenniet il-pożizzjoni stabbilita fl-ittra ta’ avviż formali. L-ittra stiednet lill-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma l-liġi nazzjonali tiegħu ma’ dik l-opinjoni. Permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni tal‑31 ta’ Lulju 2019 ir-Repubblika tal-Polonja żammet il-pożizzjoni tagħha.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

12.      Il-Kummissjoni ppreżentat din l-azzjoni fit‑30 ta’ Ottubru 2020. Hija titlob dikjarazzjoni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni, flimkien ma’ ordni ta’ kundanna għal spejjeż. Fid-difiża tagħha r-Repubblika tal-Polonja titlob ordno ta’ revoka tal-proċeduri bħala infondati u ordni biex il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

13.      Fit‑22 ta’ Lulju 2021 ir-Repubblika Ċeka ngħatat permess tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Il-partijiet ressqu s-sottomissjonijiet orali u wieġbu għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt seduta tal‑4 ta’ Mejju 2022.

V.      Largumenti talpartijiet

A.      IlKummissjoni

14.      Il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni huwa li l-għan tal-eżenzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 huwa li jiġi nnewtralizzat l-impatt ta’ dazji tas-sisa fuq alkoħol etiliku meta dan jintuża bħala element intermedju fil-manifattura ta’ prodotti oħra. L-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet mill-Istati Membri, għalhekk, tiddependi mill-użu aħħari li tal-prodott inkwistjoni (5).

15.      Il-Kummissjoni tikkonċedi li l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, moqri flimkien mal-premessa tnejn u għoxrin tagħha, jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjonijiet maħluqa minn din id-dispożizzjoni u li jiġi pprevenut kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż. Madankollu, hija tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni ta’ prodotti koperti bl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 hija r-regola u li r-rifjut ta’ eżenzjoni hija l-eċċezzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri ma jistax inaqqas min-natura inkundizzjonata tal-obbligu li tingħata eżenzjoni (6).

16.      Isegwi li, meta jeżerċitaw is-setgħa mogħtija mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom jipproduċu provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ta’ riskju serju ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż u l-kundizzjonijiet stabbiliti ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet deskritti f’din id-dispożizzjoni (7). Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni taħt l-Artikolu 27(1)(d) ta’ din id-direttiva għall-konformità ma’ kundizzjonijiet li ma humiex ipprovati permezz ta’ provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli li jkunu neċċesarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa ta’ din l-eżenzjoni u biex tiġi pprevenuta kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż.

17.      Il-liġi Pollakka teżiġi li, sabiex tinkiseb l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83, għandu jkun hemm moviment tal-prodott inkwistjoni skont arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju. Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni ċċaħħad lil kummerċjanti li jużaw alkoħol etiliku fil-produzzjoni ta’ mediċini mill-benefiċċju ta’ dik li hija eżenzjoni inkundizzjonata meta ma jċaqalqux dak il-prodott skont arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju. Ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx, permezz ta’ evidenza konkreta, oġġettiva u verifikabbli, li r-rekwiżit li wieħed jirrikorri għal arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjoni u sabiex jiġu pprevenuti kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż.

18.      Il-Kummissjoni ulterjorment tasserixxi li l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li jista’ jkun hemm prevenzjoni ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż b’mod li ma jobbligax lil kummerċjanti jġorru l-ispejjeż żejda għal moviment ta’ prodott skont dan l-arranġament. Fejn il-prodott jiċċirkola wara li jkun tħallas dazju tas-sisa, bħal f’sistema ta’ rifużjoni, ma jkunx għad hemm xi riskju ta’ frodi. Tali riskju ta’ frodi, fejn jeżisti, jista’ jiġi evitat billi kummerċjanti jintalbu jipprovdu dokumenti u ċertifikati biex juru l-użu li għalih ikun tqiegħed il-prodott.

19.      Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni taċċetta li l-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju applikat mir-Repubblika tal-Polonja nnifisha jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83. Madankollu, sabiex jiġi rrettifikat in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tintroduċi sistema parallela li biha kummerċjanti, li ma jkunux jistgħu jiksbu eżenzjoni mid-dazju tas-sisa taħt din id-dispożizzjoni minħabba li ma kienx hemm moviment tal-prodott inkwistjoni taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju, jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa mħallas.

B.      IrRepubblika talPolonja u rRepubblika Ċeka

20.      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, taqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi għal eżenzjoni inkundizzjonata mid-dazju tas-sisa. Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja tissottometti li, skont din id-direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż. L-Artikolu 27(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi jġibu fis-seħħ l-eżenzjoni permezz ta’ sistema ta’ rifużjoni. Din id-dispożizzjoni b’mod ċar ma teżiġix li Stat Membru jintroduċi sistema għar-rifużjoni ta’ dazju tas-sisa mħallas.

21.      Ir-Repubblika tal-Polonja tgħid li s-sistema li hija tħaddem hija bbażata fuq is-sistema tal-Unjoni tal-moviment ta’ merkanzija suġġetta għas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju, li r-raġuni għalih tinkludi l-prevenzjoni ta’ frodi (8). Il-moviment tal-prodotti jseħħ bħalma jsir bejn imħażen tat-taxxa mħaddma minn persuni awtorizzati li għandhom jikkonformaw lilhom infushom ma’ għadd ta’ obbligi u juru livell għoli ta’ professjonaliżmu u kawtela (9). L-awtoritajiet tat-taxxa jimmonitorjaw moviment ta’ merkanzija fi ħdan is-sistema bl-użu ta’ dokumentazzjoni elettronika, li tiffaċilita intervent fejn hemm riskju konkret ta’ frodi. Ir-rekwiżit li jseħħ moviment ta’ alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, għalhekk, b’ebda mod ma jeskludi kummerċjanti milli jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni. Huwa wkoll ċar mill-provi prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-sistema li titħaddem fil-Polonja virtwalment telimina r-riskju ta’ evażjoni, ħelsien u abbuż. Fil-kuntest speċifiku tal-eżenzjoni għal alkoħol etiliku użat fil-produzzjoni ta’ mediċini, ir-Repubblika tal-Polonja pprovdiet data mill-Ministru għall-Finanzi tagħha sabiex turi li fl‑2019 kienu twettqu 165 kontroll doganali u fiskali, 545 fl‑2020 u 194 fl‑2021. Ġew irrapportati irregolaritajiet f’żewġ każijiet. Minħabba r-riskju serju ta’ frodi fir-rigward ta’ alkoħol etiliku eżentat minn dazju tas-sisa, ir-rekwiżit li jseħħ moviment ta’ alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini skont arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju josserva r-rekwiżiti tad-Direttiva 92/83 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22.      Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju jimponi spejjeż ogħla fuq il-kummerċjanti, ir-Repubblika tal-Polonja tispjega li, taħt tali arranġament, qatt ma jitħallas dazju tas-sisa. B’kuntrast, ir-rekwiżit li jitħallas dan id-dazju tas-sisa bil-quddiem inerenti f’sistema ta’ rifużjoni ta’ dazju jista’ joħloq implikazzjonijiet onerużi ta’ likwidità għall-kummerċjanti. Ir-Repubblika tal-Polonja, għalhekk, tqis li l-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju hija vantaġġuża amministrattivament, tapplika l-eżenzjoni b’mod korrett u tagħmel hekk b’mod li jippreveni kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż.

23.      Ir-Repubblika Ċeka żżid li r-rekwiżit ta’ moviment għal prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju huwa fundamentalment differenti mill-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-assenza ta’ konnessjoni mal-għan ta’ prevenzjoni tal-frodi. Ir-Repubblika Ċeka tikkritika lill-Kummissjoni talli kkundannat bħala sproporzjonati l-kundizzjonijiet li r-Repubblika tal-Polonja timponi għar-raġuni biss li din tal-aħħar ma tipprovdix sistema ta’ rifużjoni. Il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li s-sistema li hija tiffavorixxi hija inqas oneruża għal kummerċjanti mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

24.      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-talba tal-Kummissjoni li tintroduċi sistema ta’ rifużjoni b’mod parallel mal-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju li hija tħaddem iċċaħħadha mil-libertà, prevista espressament mid-Direttiva 92/83, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 27 tagħha. Hija tqis ukoll li ma huwiex meħtieġ li kummerċjanti jingħataw għażla ta’ mekkaniżmi li bihom huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83. Tabilħaqq, it-tħaddim ta’ tali sistema parallela fih innifsu jikkomprometti l-prevenzjoni ta’ frodi.

VI.    Analiżi

A.      Ksur talArtikolu 27(1)(d) tadDirettiva 92/83

1.      Artikolu 27(1)(d)

25.      It-test tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 huwa ċar. Dan jeżiġi li l-Istati Membri (“għandhom”) jeżentaw il-prodotti msemmija fid-Direttiva 92/83 minn sisa armonizzata. L-Istati Membri jissodisfaw dan l-obbligu billi jadottaw (“għandhom jistipulaw”) kundizzjonijiet għal żewġ skopijiet: li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjonijiet u li tiġi pprevenuta kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż. Il-premessa tnejn u għoxrin tad-Direttiva 92/83, li tgħid li l-Istati Membri ma għandhomx jiġu miċħuda mill-mezzi għall-ġlieda kontra xi evażjoni, ħelsien jew abbuż li jistgħu jirriżultaw fil-qasam tal-eżenzjonijiet, għandha l-istess effett. L-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva sussegwentement fih lista ta’ eżenzjonijiet speċifiċi, inkluż il-punt (d) fir-rigward ta’ alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini.

26.      Id-Direttiva 92/83, għalhekk, timponi fuq l-Istati Membri obbligu primarju, li l-ġurisprudenza tiddeskrivi bħala inkundizzjonat (10), li jagħtu l-eżenzjonijiet elenkati hemmhekk, u obbligu sekondarju li jadottaw kundizzjonijiet li jġibu fis-seħħ dan l-obbligu primarju. In-natura inkundizzjonata tal-eżenzjoni, għalhekk, tikkoeżisti ma’, u għaldaqstant ma ddgħajjifx, l-obbligu sekondarju fuq l-Istati Membri li jadottaw tali kundizzjonijiet.

27.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tindika li, meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-poter li jadottaw kundizzjonijiet biex iġibu fis-seħħ l-obbligu primarju taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, dawn għandhom jipproduċu provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ta’ riskju serju ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż. Tali kundizzjonijiet ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (11).

28.      Għal żewġ raġunijiet, insaqsi jekk ir-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jipproduċu provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ta’ riskju serju ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż sabiex jadottaw kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, imurx lil hinn minn dak ta’ din id-dispożizzjoni.

29.      L-ewwel, ma hemm ebda ħjiel ta’ dan ir-rekwiżit fil-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83, li jirriferi għal Stati Membri li jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż b’tali mod li jindika li l-Istati Membri għandhom livell ta’ diskrezzjoni dwar il-forma u l-kontenut tal-kundizzjonijiet li għandhom jadottaw.

30.      It-tieni, insostenn tal-propożizzjoni ddikjarata fil-punt 51 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Repertoire Culinaire (12) kif deskritt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat sentenza preċedenti, dik ta’ L-Italja vs Il-Kummissjoni (13) li kienet kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/617/KE(14). Skont l-Artikolu 27(5) tad-Direttiva 92/83, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jagħti l-eżenzjoni jew jirtira l-eżenzjoni diġà mogħtija jekk isib li prodott li kien eżentat skont l-Artikolu 27(1)(a) jew (b) tagħha jagħti lok għal evażjoni, ħelsien jew abbuż. L-Istat Membru javża lill-Kummissjoni, li tittrasmetti dik il-komunikazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Sussegwentement tittieħed deċiżjoni finali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12/KEE (15). F’dik il-kawża, l-Italja kienet ipprovat tintroduċi obbligu li jintuża alkoħol pur għall-manifattura ta’ fwejjaħ u kożmetiċi, iżda l-Kummissjoni ddeċidiet li xejn fid-Direttiva 92/83 ma kien jeżiġi li prodotti eżentati taħt l-Artikolu 27(1)(b) tagħha joriġinaw minn alkoħol pur; lanqas ma kien jikkostitwixxi evażjoni, ħelsien jew abbuż l-użu ta’ alkoħol mhux pur għall-produzzjoni ta’ prodotti eliġibbli għall-eżenzjoni. L-eżenzjoni mitluba, għalhekk, ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva kien jippermetti lill-Istati Membri jimponu.

31.      Is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (16) ngħatat, għalhekk, f’ċirkustanzi fejn l-Italja kienet fittxet il-benefiċċju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tiġġustifika rifjut li tagħti eżenzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-oneru kien fuq l-Italja li tipperswadi lill-Kummissjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni tagħha (17). Madankollu, il-Kummissjoni ma tat ebda spjegazzjoni għalfejn dik l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova tista’ tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi differenti ħafna li fihom Stat Membru jeżerċita setgħa mogħtija lilu legalment. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ koperazzjoni leali (18), jista’ jiġi argumentat li meta l-Kummissjoni tipprova tikkontesta eżerċizzju mid-dehra validu ta’ tali poter, hija jkollha, mill-inqas, iġġorr l-oneru li turi l-eżistenza ta’ każ prima facie dwar dan (19).

32.      Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni taċċetta li t-tħaddim ta’ arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju mir-Repubblika tal-Polonja huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83. F’tali ċirkustanzi ma huwiex ċar għalfejn ir-Repubblika tal-Polonja hija meħtieġa tipproduċi provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli ta’ riskju serju ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż sabiex tiġġustifika li hija jkollha tirrikorri għal dan l-arranġament, iktar u iktar fil-kuntest ta’ proċeduri li fihom il-Kummissjoni ġġorr l-oneru tal-prova (20).

33.      Barra minn dan, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fil-motivi tagħha ma jsostnux il-propożizzjoni li, billi teżiġi l-moviment ta’ prodott taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju, ir-Repubblika tal-Polonja tkun qiegħda teċċedi l-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83.

34.      Fis-sentenza Repertoire Culinaire (21) il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taħt skrutinju kienu jikkonsistu f’restrizzjoni għall-persuni awtorizzati biex jirkupraw dazju tas-sisa, perijodu ta’ erba’ xhur għal sottomissjoni ta’ talba u rekwiżit li r-rifużjoni tikkonsisti f’somma minima ta’ flus. Fl-assenza ta’ provi konkreti, oġġettivi u verifikabbli dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjoni taħt l-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 u sabiex tiġi pprevenuta kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dawk il-kondizzjonijiet kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa li l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 kien jagħti lill-Istati Membri (22).

35.      Bl-istess raġunament bħal fis-sentenza Repertoire Culinaire (23), fil-kawża Asprod (24) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola nazzjonali li biha ġiet irrifjutata eżenzjoni fuq il-bażi li l-kummerċjant ma kienx kiseb deċiżjoni mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa li kienet tistabbilixxi limitu massimu awtorizzat għall-użu ta’ xarbiet alkoħoliċi fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħelu, kienet tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa mogħtija mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 lill-Istati Membri (25).

36.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (26) huwa fformulat f’termini simili ħafna għal dawk tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 (27). Fis-sentenza Polihim-SS(28) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rifjut ta’ awtoritajiet nazzjonali li jeżentaw żjut kombustibbli mid-dazju tas-sisa għas-sempliċi raġuni li l-persuna ddikjarata mill-magazzinier awtorizzat bħala d-destinatarju tagħhom ma kellhiex l-istatus ta’ utent aħħari awtorizzat taħt id-dritt nazzjonali biex tirċievi prodotti tal-enerġija eżentati mid-dazju tas-sisa, mingħajr verifika jekk ir-rekwiżiti bażiċi għal dawk iż-żjut kombustibbli biex jintużaw għal għan li kien jagħti lok għal dritt ta’ eżenzjoni kinux ġew issodisfatti meta tneħħew mill-maħżen tat-taxxa, mar lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjonijiet u sabiex tiġi pprevenuta kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż.

37.      Fl-aħħar nett, fis-sentenza Vakarų Baltijos laivų statykla (29), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra interpretat l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96, kien ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-applikazzjoni għal eżenzjoni għall-kundizzjoni ta’ konformità ma’ rekwiżiti formali mhux relatati mal-użu tal-prodotti tal-enerġija kkonċernati jew mar-rekwiżiti sostantivi ta’ din id-dispożizzjoni, tixħet dubju dwar in-natura inkundizzjonata tal-obbligu ta’ eżenzjoni u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

38.      F’kull waħda minn dawk is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Istat Membru inkwistjoni kien eċċeda l-limiti tal-poter tiegħu li jadotta kundizzjonijiet biex jeżenta merkanzija minn dazju tas-sisa minħabba li l-kundizzjonijiet li kien biħsiebu jimponi ma kinux jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ħafifa tal-eżenzjonijiet jew jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż, u b’hekk kienu jinterferixxu man-natura mhux kwalifikata tal-eżenzjoni rilevanti. Kif innotaw ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Ċeka waqt is-seduta, ma huwiex parti mill-każ tal-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri li l-awtoritajiet Pollakki ma jagħtux eżenzjoni fuq il-bażi li ma ġewx issodisfatti ċerti kundizzjonijiet u mingħajr ma jivverifikaw jekk humiex issodisfatti r-rekwiżiti sostantivi sabiex tinkiseb l-eżenzjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju mħaddem mir-Repubblika tal-Polonja jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-eżenzjoni.

2.      L-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83

39.      L-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu (“għandhom ikunu liberi li”) idaħħlu fis-seħħ l-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 27(1) tagħha permezz ta’ rifużjoni ta’ dazju tas-sisa mħallas. Il-premessa tlieta u għoxrin tad-Direttiva 92/83 (“l-Istati Membri għandhom jitħallew idaħħlu fis-seħħ l-eżenzjonijiet meħtieġa minn din id-Direttiva permezz ta’ rifużjoni”) tikkonferma t-termini espliċiti tal-Artikolu 27(6) ta’ din id-direttiva.

40.      Minkejja t-termini ċari ta’ din id-dispożizzjoni l-Kummissjoni tidher li hija tal-fehma li n-natura inkundizzjonata tal-eżenzjonijiet testendi għall-mod li bih l-Istati Membri jqegħduhom għad-dispożizzjoni. Sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 ir-Repubblika tal-Polonja tista’ ġġib fis-seħħ din l-eżenzjoni permezz ta’ arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju, iżda hija għandha wkoll tagħmel hekk billi tirrifondi dazju tas-sisa mħallas. Il-Kummissjoni qiegħda effettivament tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 27(6) ta’ din id-direttiva fis-sens li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iġibu fis-seħħ l-eżenzjonijiet permezz ta’ rifużjonijiet tad-dazju tas-sisa mħallas.

41.      Fil-fehma tiegħi, din il-propożizzjoni tiltaqa’ ma’ żewġ ostakoli insormontabbli.

42.      L-ewwel, kif spjegat fil-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għażla tal-mezzi li bihom huma jġibu fis-seħħ l-eżenzjonijiet imsemmija hemmhekk. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-għażliet magħmula mir-Repubblika tal-Polonja jmorru lil hinn minn din id-dispożizzjoni.

43.      It-tieni, l-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom ikunu liberi li jagħtu l-eżenzjonijiet imsemmija hawn fuq permezz ta’ rifużjoni tat-taxxa tas-sisa mħallsa”. Sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx din id-dispożizzjoni. Fortunatament dan l-eżerċizzju ma joħloq ebda diffikultà partikolari minħabba li t-tifsira litterali tal-paragrafu ma tistax tkun iktar ċara milli hi. It-terminu “eżenzjoni” komunement jinftiehem bħala riferiment għal libertà jew ħelsien minn obbligu jew rekwiżit legali. Fil-kuntest fiskali, it-tifsira ordinarja tiegħu timplika li, sakemm ikun hemm lok ta’ eżenzjoni, ma hemmx obbligu ta’ ħlas ta’ taxxa. L-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li jkunu jistgħu jinġiebu fis-seħħ l-eżenzjonijiet maħluqa b’din id-dispożizzjoni permezz ta’ rifużjoni ta’ dazju tas-sisa mħallas. Il-kliem “għandhom ikunu liberi” jindika b’mod ċar li l-artikolu ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri biex iġibu fis-seħħ eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni ta’ dazju tas-sisa mħallas (30).

44.      Il-Kummissjoni argumentat waqt is-seduta li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Repertoire Culinaire (31), limitat il-portata tal-għazla ta’ azzjoni li l-Artikolu 27(6) tad-Direttiva 92/83 jagħti lill-Istati Membri. Is-sentenza Repertoire Culinaire ma indirizzatx l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(6) ta’ din id-direttiva minħabba li l-Istat Membru inkwistjoni kien ġab fis-seħħ l-eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(f) tagħha permezz ta’ rifużjoni ta’ dazju tas-sisa mħallas. Din is-sentenza, għalhekk, ma tistax issostni l-propożizzjoni mressqa mill-Kummissjoni.

3.      Konklużjoni

45.      Il-parir tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83.

B.      Ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

46.      Il-Kummissjoni tasserixxi wkoll li r-rekwiżit li wieħed jirrikorri għal arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju sabiex tinkiseb eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li tista’ ssir prevenzjoni minn evażjoni, ħelsien jew abbuż b’mod li kummerċjanti ma jkunux obbligati jġorru l-ispiża żejda ta’ moviment tal-prodott taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju. Meta l-prodott jiċċirkola wara li jkun tħallas dazju tas-sisa, bħalma jsir taħt sistema ta’ rifużjoni, ma jkunx hemm iktar riskju ta’ frodi. Tali riskju ta’ frodi, fejn jeżisti, jista’ jiġi evitat billi kummerċjanti jintalbu jipprovdu dokumenti u ċertifikati bħala prova tal-użu tal-prodott.

47.      It-tieni parti tal-każ tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-oneru tal-prova fi proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE.

1.      Loneru talprova fi proċeduri skont lArtikolu 258 TFUE

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE għandhom jiġu bbażati fuq konstatazzjoni oġġettiva li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-TFUE jew leġiżlazzjoni sekondarja (32).

49.      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-eżistenza tal-ksur allegat u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk dak il-ksur ikunx seħħ. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq preżunzjonijiet (33).

50.      F’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni għandha tipproduċi prova li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli timplimenta l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 b’mod korrett u proporzjonat meta ssuġġettat l-eżenzjoni minn dazju tas-sisa armonizzat għal alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni ta’ mediċini għall-kundizzjoni tal-moviment ta’ dan il-prodott skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

51.      Skont l-Artikolu 4(3) TUE l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 17(1) TUE, dawn jikkonsistu, inter alia, fl-iżgurar li d-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet f’konformità miegħu huma applikati (34). L-Istati Membri huma, għalhekk, obbligati jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża lill-Kummissjoni li tindika b’mod inekwivoku l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li permezz tagħhom huma jikkunsidraw li ssodisfaw id-diversi rekwiżiti li direttiva timponi fuqhom (35). Barra minn dan, meta tinqala’ kwistjoni dwar jekk dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali humiex applikati korrettement fil-prattika, il-Kummissjoni tistrieħ ġeneralment fuq l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe lanjant u mill-Istat Membru kkonċernat.

52.      F’dan il-każ, xejn fis-sottomissjonijiet bil-miktub jew fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li r-Repubblika tal-Polonja naqset mid-dmir tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni jew li hija ma pprovdietx informazzjoni ċara u preċiża dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jew dwar l-applikazzjoni tagħha fil-prattika.

2.      Analiżi

53.      L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tinvolvi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra jekk il-miżuri taħt skrutinju jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu leġittimament f’dan is-sens; meta hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, wieħed għandu jirrikorri għal dak li huwa l-inqas oneruż, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu (36).

54.      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li r-rekwiżit li l-prodott inkwistjoni jiċċirkola skont arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju għandu l-benefiċċji sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

55.      Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda mir-Repubblika tal-Polonja jikkostitwixxu reazzjoni sproporzjonata, li dan l-Istat Membru għandu jirrimedja billi jintroduċi sistema parallela ta’ eżenzjoni permezz ta’ rifużjonijiet ta’ dazju mħallas.

56.      L-ewwel, il-Kummissjoni timplika li, minħabba li d-dazju tas-sisa jitħallas bil-quddiem, tali sistemi ta’ rifużjoni jagħtu lok għal riskju iktar baxx ta’ evażjoni, ħelsien u abbuż. Sussegwentement hija r-responsabbiltà ta’ awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw li rifużjonijiet ta’ dazju tas-sisa ma jitħallsux fir-rigward ta’ alkoħol li ma jintużax għall-produzzjoni ta’ mediċini.

57.      It-tieni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jipprevjeni lil xi kummerċjanti milli jiksbu l-benefiċċju tal-eżenzjoni minħabba li dan jimponi spejjeż ogħla fuq utenti milli timponi sistema ta’ rifużjoni, u b’hekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, ħelsien jew abbuż.

58.      Ir-Repubblika tal-Polonja ma taqbilx: il-kummerċjanti kollha jistgħu jiksbu l-eżenzjoni billi jċaqilqu l-prodott skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. Dan ma huwiex neċessarjament ta’ spiża ogħla minn sistema ta’ rifużjoni. Dan għandu wkoll il-vantaġġ li ma jirrikjedix il-ħlas ta’ dazju tas-sisa bil-quddiem.

59.      Il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova lill-Qorti tal-Ġustizzja insostenn tal-kontenzjoni tagħha li l-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazju huwa iktar oneruż minn sistema ta’ rifużjoni. Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li hija ma kinitx obbligata tipproduċi tali prova. Fis-sottomissjonijiet tagħha r-Repubblika Ċeka nnotat li l-każ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq preżunzjoni, li fuqha hija ma tistax tistrieħ fi proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE (37).

60.      Il-Kummissjoni ġġorr l-oneru sħiħ tal-prova fi proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE. Dan l-oneru ma jinqalibx għal fuq l-Istat Membru peress li l-Kummissjoni hija tal-fehma, mingħajr ma hija ssostanzjata minn xi tip ta’ prova, li mekkaniżmu alternattiv għall-kisba tal-għan li għandu jintlaħaq minn direttiva huwa iktar effettiv u/jew inqas restrittiv minn dak li l-Istat Membru konvenut iħaddem.

61.      Barra minn hekk, huwa diffiċli tifhem kif Stat Membru jista’ jkun mistenni juri li sistema li huwa ma jkunx implimenta hija inqas restrittiva minn waħda li huwa jkun implimenta. Jekk il-Kummissjoni tixtieq tressaq talba ta’ dan it-tip fi proċeduri taħt l-Artikolu 258 TFUE hija għandha tipprovdi materjal insostenn ta’ din l-asserzjoni lill-konvenut Stat Membru sabiex dan ikun jista’ jieħu pożizzjoni dwarha u sussegwentement tqiegħed dak il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ma seħħx f’din il-kawża.

62.      Għaldaqstant nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma wrietx konformement ma’ kif meħtieġ mil-liġi li r-Repubblika tal-Polonja kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni fl-intier tiegħu.

VII. Spejjeż

63.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika tal-Polonja.

64.      Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha stess.

VIII. Konklużjoni

65.      Fil-dawl tal-kunsiderazzjoni magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      Tiċħad ir-rikors.

(2)      Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

(3)      Tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż rispettivi tagħha.


1      Lingwa oriġinali l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206.


3      Il-Kapitolu IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009 L 9, p. 12) jipprovdi għall-moviment ta’ prodotti bid-dazju taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.


4      Kif iddefinit fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.


5      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C-163/09, EU:C:2010:752, punti 48 u 49) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza fil-kawża Repertoire Culinaire”).


6      Ibid., punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


7      Ibid., punt 52.


8      Ara, pereżempju, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/08/241, “Dazji tas-sisa: il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u tissemplifika ċerti regoli għal xirjiet privati u kummerċjali transkonfinali” (14 ta’ Frar 2008).


9      Il-magazzinier awtorizzat huwa responsabbli għar-riskji kollha inerenti fil-moviment ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa taħt tali arranġament u huwa magħżul biex ikun responsabbli għall-ħlas ta’ dazji tas-sisa f’każijiet fejn tkun twettqet irrregolarità jew ksur li jinvolvu l-eżiġibbiltà ta’ tali dazji matul il-movimenti ta’ dawk il-prodotti (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia (C-81/15, EU:C:2016:398, punt 32)).


10      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, (C-163/09, EU:C:2010:752, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ibid., punt 52.


12      Ibid.


13      Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000 (C-482/98, EU:C:2000:672).


14      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Ottubru 1998 li tiċħad lill-Italja l-awtorità li tirrifjuta eżenzjoni għal ċerti prodotti eżentati mid-dazju tas-sisa taħt [id-Direttiva 92/83] (ĠU 1998 L 295, p. 43).


15      Direttiva tal-Kunsill  tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39).


16      Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000 (C‑482/98, EU:C:2000:672).


17      Għalhekk hemm il-konstatazzjoni fil-punt 52 tas-sentenza li, mill-inqas, l-Italja kienet meħtieġa tipproduċi provi konkreti ta’ riskju serju ta’ evażjoni, ħelsien jew abbuż.


18      Artikolu 4(3) TUE. Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C-114/17 P, EU:C:2018:309, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Li huwa l-każ fi proċeduri taħt l-Artikolu 258 TFUE, kif deskritt fil-punti 48 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara l-punti 48 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010 (C‑163/09, EU:C:2010:752).


22      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Répertoire Culinaire (C-163/09, EU:C:2010:752, punti 53 sa 55).


23      Ibid.


24      Digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2014 (C‑313/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2426).


25      Digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Asprod (C-313/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2426, punti 22 sa 27).


26      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).


27      “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż”.


28      Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016 (C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 62).


29      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017 (C-151/16, EU:C:2017:537, punt51).


30      Verżjonijiet f’lingwi oħra tal-Artikolu 27(6) u tal-premessa tnejn u għoxrin tad-Direttiva 92/83, bħall-verżjoni Ġermaniża, Franċiża, Taljana u Olandiża, ukoll jirriflettu din il-pożizzjoni.


31      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C-163/09, EU:C:2010:752, punt 51).


32      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limiti – PM10)  (C-644/18, EU:C:2020:895, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Bacterium Xylella fastidiosa) (C-443/18, EU:C:2019:676, punti 78 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑14 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kontribuzzjoni għax-xiri ta’ karburanti) (C-63/19, EU:C:2021:18, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑301/10, EU:C:2012:633, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-456/03, EU:C:2005:388, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C-379/08 u C-380/08, EU:C:2010:127, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.