Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2023 minn Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres, Clara Ponsatí i Obiols mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fil-5 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-272/21, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament

(Kawża C-572/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres, Clara Ponsatí i Obiols (rappreżentanti: P. Bekaert u S. Bekaert, avukati, G. Boye, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061 tad-9 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba li titneħħa l-immunità tal-appellanti; jew, sussidjarjament

tirreferi l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż; jew, sussidjarjament

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti jinvokaw għaxar aggravji:

L-ewwel aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ewwel motiv billi argumentat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-tieni motiv, partikolarment billi sostniet li la l-Parlament u lanqas il-Qorti Ġenerali ma setgħu jistħarrġu t-talba li titneħħa l-immunità, speċjalment l-ammissibbiltà tagħha, skont il-ġurisprudenza fil-Kawża Berlusconi u Fininvest 1 .

It-tielet aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-dritt li l-każijiet tagħhom jitmexxew b’mod imparzjali u ġust mill-Parlament ma kienx inkiser.

Ir-raba’ aggravju. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Parlament ma kisirx id-dritt għal smigħ tal-appellanti, kif irrikonoxxut mill-Artikolu 41(2) tal-Karta.

Il-ħames aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-ħames motiv, li kien jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba n-nuqqas ta’ kjarezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

Is-sitt aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet is-sitt motiv, li jallega ksur tal-immunitajiet stabbiliti fl-Artikolu 343 TFUE u fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 39(2) u 45 tal-Karta, mal-Artikolu 21 TFUE, u mar-Regola 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ukoll is-seba’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jew billi l-Parlament iddevja mill-prassi preċedenti tiegħu, jew billi wettaq ta’ evalwazzjoni.

Is-seba’ aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u wettqet distorsjoni tal-fatti billi ċaħdet it-tmien motiv tar-rikors għal annullament, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-prassi preċedenti tal-Parlament li juru li l-Parlament ma jneħħix l-immunità għall-finijiet ta’ arrest ta’ Membri tal-Parlament mingħajr ma jkunu ġew ikkundannati, u fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regola 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew.

It-tmien aggravju: Ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Artikolu 296 TFUE, u tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma pprovdietx motivazzjoni xierqa u suffiċjenti.

Id-disa’ aggravju: Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni msemmija, billi naqset milli tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji mitluba.

L-għaxar aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminatx, ex officio, jekk kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, partikolarment fid-dawl tad-digriet tal-maġistrat inkwirenti tal-Qorti Suprema Spanjola tat-12 ta’ Jannar 2023. Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

____________

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C-219/17, EU:C:2018:1023.