Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 minn GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-62/21, GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-177/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG (rappreżentanti: I. Zenke, Rechtsanwältin, u T. Heymann, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, E.ON SE, RWE AG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG vs Il-Kummissjoni (T-62/21), u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Settembru 2019 dwar il-konċentrazzjoni “E.ON/innogy” (Każ M.8870, ĠU 2020, C 379, p. 16);

sussidjarjament, u fi kwalunkwe każ, tibgħat il-Kawża T-62/21 lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata kwalunkwe deċiżjoni neċessarja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż legali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti mill-appellanti fil-proċedura fil-Kawża T-62/21.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet 1 . Il-Qorti Ġenerali eskludiet żbaljatament l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE minħabba allegat effett ta’ bblokkar tal-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi ta’ ftehim ta’ akkordju bejn E.ON u RWE prodotti mill-appellanti, u peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti ppreżentati mill-appellanti, hija kisret id-drittijiet proċedurali tagħha.

It-tieni nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li s-suġġetti tal-proċeduri amministrattivi M.8870, M.8871 u B8-28/19 kienu jagħmlu parti integrali minn konċentrazzjoni waħda, liema proċeduri kellhom neċessarjament jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċentrazzjoni, u għalhekk hija kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali eskludiet is-sehem ta’ 16.67 % ta’ RWE f’E.ON. Min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ konċentrazzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, flimkien mal-premessa 20 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.

It-tielet nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali, permezz ta’ definizzjoni żbaljata tas-suq, ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni u ta’ pronjożi żbaljata, kif ukoll permezz ta’ kategorizzazzjoni żbaljata tal-impenn, kisret ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.

Ir-raba’ nett, l-appellanti tallega li fis-sentenza appellata hemm żbalji manifesti jew żnaturamenti tal-fatti, li fir-rigward tagħhom ġiet ippreżentata talba għal rettifika tal-imsemmija sentenza.

Fl-aħħar u l-ħames nett, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali imponiet rekwiżiti probatorji sproporzjonati meta f’diversi okkażjonijiet obbligat lill-appellanti, fir-rigward tal-prova tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, tiżvela l-eżitu tal-investigazzjoni li ma twettqitx mill-Kummissjoni u tipprovdi provi aritmetiċi tal-konklużjonijiet konkreti li waslet għalihom il-Kummissjoni li kieku wettqet eżami korrett. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji marbuta mat-tqassim tal-provi billi ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex jiġu prodotti atti proċedurali.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).