Language of document : ECLI:EU:T:2012:431

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Settembru 2012 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina – Bidu ta’ proċedura kontra kumpannija waħda – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Terminu ta’ tliet xhur previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Oneru tal-prova – Determinazzjoni tad-dannu”

Fil-Kawża T‑156/11,

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd, stabbilita f’Canton (iċ-Ċina), irrappreżentata minn V. Akritidis u Y. Melin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, bħala aġent, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avocat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Thomas u H. van Vliet, bħala aġenti,

u minn

Vale Mill (Rochdale) Ltd, stabbilita f’Rochdale (ir-Renju Unit),

Colombo New Scal SpA, stabbilita f’Rovagnate (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, avocat, u N. Chesaites, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. (ĠU L 338, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Dritt tad-WTO

1        L-Artikolu VI.1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) jipprovdi li, “il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li d-dumping, li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ xi pajjiż fuq is-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz orħos mill-valur normali tagħhom, huwa kkundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu materjali sinjifikattiv għal xi fergħa mill-produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk jittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa mill-produzzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2        Il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim antidumping”) jinsab fl-Anness I  tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

3        L-Artikolu 1 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Miżura kontra d-damping ser tiġi applikata biss taħt iċ-ċirkostanzi pprovduti fl-Artikolu VI tal-GATT [...] u skont l-investigazzjoni mibdija u kondotta skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim [...]”.

4        Skont l-Artikolu 3.1 tal-Ftehim antidumping, “[id-d]eterminażżjoni ta’ ħsara [dannu] għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu VI tal-GATT 1994 għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva fuq kemm (a) il-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata u l-effett ta’ l-istess importazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq domestiku, kif ukoll (b) l-impatt konsegwenti li jkollha din l-importazzjoni fuq il-produtturi domestiċi ta’ dawn il-prodotti”.

5        L-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li “L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni ddampjata fuq l-industrija domestika kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u indiċi li jistgħu jkunu influwenti fuq l-istat ta’ l-industrija, li jkunu jinkludu tnaqqis fil-bejgħ, qligħ, xejriet imgħoddija, ishma tas-suq, produttività, dħul ta’ l-investimenti, jew utilizzazzjoni tal-kapaċità bħala effett ta’ natura attwali u potenzali; fatturi li jaffetwaw l-prezzijiet domestiċi; il-kobor tal-marġini ta’ d-damping; l-effetti negattivi attwali u potenzali fuq id-dħul tal-flus, inventorji, impjieg, kapaċità biex iżżid il-kapital jew l-investimenti [; din i]l-lista mhix waħda eżawrjenti, u lanqas wieħed jew ħafna minn dawn il-fatturi neċessarjament jista jagħti gwida deċisiva”.

6        L-Artikolu 5.2 tal-Ftehim antidumping jipprovdi li ġej:

“L-applikazzjoni taħt paragrafu 1 għandha tinkludi l-evidenza ta’ (a) damping, (b) ħsara [dannu] skond l-Artikolu VI tal-GATT 1994 kif interpretati minn dan il-Ftehim (ċ) il-konnessjoni kawżali bejn l-importazzjoni ddampjata u l-allegat ħsara. Sempliċi asserzjoni, mhux sostnuta minn evidenza rilevanti, mhix biżżejjed biex tilqa’ r-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu. L-applikazzjoni għandha tikkonsisti f’informazzjoni li hija raġonevolment disponibbli lill-applikant kif ġej:

[...]

ii)      Deskrizzjoni kompleta tal-prodotti allegatament iddampjati, l-ismijiet tal-pajjiż jew pajjiżi ta’ oriġini jew esportazzjoni in kwistjoni, l-identità magħrufa ta’ kull esportatur jew produttur barrani u lista ta’ kull persuna magħrufa li qed timporta l-prodott in kwistjoni;

[...]”.

7        L-Artikolu 5.8 tal-Ftehim antidumping huwa miktub kif ġej:

“Applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandha tkun miċħuda u l-investigazzjoni tintemm fil-pront malli l-awtoritajiet konċernati jkunu sodisfatti li m’hemmx evidenza biżżejjed li turi l-eżistenza ta’ damping jew ħsara [dannu] biżżejjed biex jipproċedu bil-każ. Ikun kemm waqfa immedjata fil-każijet fejn l-awtoritajiet jiddeterminaw li l-marġini tad-damping hija de minimis, jew li l-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata, attwali jew potenzali, huwa negliġibbli [...]”.

8        L-Artikolu 6.1.3 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Malli l-investigazzjoni tinbeda, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu test sħiħ tal-applikazzjonijiet bil-miktub riċevuti skont paragrafu 1 tal-Artikolu 5, lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Membru esportatur, u jekk ikun hemm talba, dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe parti oħra interessata. Konsiderazzjoni mistħoqqa tingħata lir-rekwiżit għal protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzali, kif pprovduta fil-paragrafu 5.”

9        L-Artikolu 6.7 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Sabiex tkun verifikata informazzjoni jew sabiex jiġu pprovduti aktar dettalji, l-awtoritajiet jistgħu jesegwixxu investigazzjonijiet fit-territorji ta’ Membri oħra kif ikun meħtieġ, stante li jiksbu l-ftehim tad-ditti kkonċernati u jinnotifikaw ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Membru in kwistjoni, u sakemm il-Membru ma joġġezjonawx għall-investigazzjoni. Il-proċeduri msemmija fl-Anness I għandhom japplikaw dwar ta’ l-investigazzjonijiet eżegwiti fit-territorji tal-Membri l-oħra. Fuq bażi tar-rekwiżit li jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzali, l-awtoritajiet jagħmlu disponibbli kwalunkwe riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet, jew jipprovdu l-isvelar tagħhom skond il-paragrafu 9, lid-ditti relatati u jistgħu jagħmluhom disponibbli ukoll fir-rigward ta’ l-applikanti.”

10      Skont l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping, “l-awtortajiet għandhom, bħala regola, jistabbilixxu marġini individwali għal kull esportatur magħruf jew għal produtturi kkonċernati bil-prodott li qed ikun investigat [; f’]każijiet meta n-numru ta’ esportaturi, produtturi, importaturi jew tipi ta’ prodotti huwa kbir wisq sal-punt li jrendi din id-determinazzjoni impratikkabli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżaminazzjoni jew għal numru raġonevoli ta’ partijiet interessati jew prodotti permezz ta’ l-użu ta’ kampjuni li huma validi statistikament fuq bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli lill-awtoritajiet fiż-żmien ta’ l-għażla, jew lill-ikbar persentaġġ tal-volum ta’ l-esportazzjoni mill-pajjiż in kwistjoni li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli”.

11      L-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jipprovdi:

“Meta dazju kontra d-damping jiġu mposti fir-rigward ta’ kwalunkwe prodotti, dan it-tip ta’ dazju f’kull każ jinġabar f’ammonti xierqa, fuq bażi mhux diskriminatorja ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mis-sorsi kollha li jitqiesu għad-damping jew li qegħdin jikkawżaw ħsara [dannu], ħlief fil-rigward ta’ importazzjoni minn sorsi fejn l-intrapriża tal-prezzijiet ġew aċċettati skond it-termini ta’ dan il-Ftehim. L-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat. Jekk, madankollu, ħafna fornituri mill-istess pajjiż huma nvoluti, u jekk huwa imprattikabbli li ssemmi l-fornituri kollha, l-awtoritatjiet jistgħu jsemmu l-pajjiż fornitur ikkonċernat. Jekk ħafna fornituri minn ħafna pajjiżi differenti huma nvoluti, l-awtoritajiet jistgħu jsemmu jew il-fornituri involuti, jew, jekk dan huwa imprattikabbli, il-pajjiżi fornituri kollha involuti.”

 Dritt tal-Unjoni

12      Il-leġiżlazzjoni bażika antidumping hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Diċembru 2009, dwar il‑protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22) (iktar ‘il quddiem, ir-“Regolament bażiku”), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat.

13      Mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, “[f]l-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ukrajna, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat [; m]eta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw”.

14      Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament:

“Pretensjoni [Talba] skond [is-subparagrafu 7] trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

–        id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

[...]

Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

15      L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1.      Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ [‛dannu’] għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.      Id-deċisjoni ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq xiehda pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta’:

a)      il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjat[i] u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili; u

b)      l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3.      Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4.      Fejn l-importazzjonijiet ta’ prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta’ importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b’mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

a)      il-marġini ta’ dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli;

u

b)      stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili.

5.      L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz [dumping] jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji, effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox [ma hijiex eżawrjenti], u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.”

16      L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, dwar il-bidu tal-proċeduri, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment miktub minn kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandiex personalità legali, f’azzjoni għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja.[...]

2.      Ilment taħt paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz, ħsara [dannu] u rabta każwali bejn l-importazzjonijiet allegatament li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara allegata. L-ilment għandu jkun fih informazzjoni bħal din kif disponibbli b’mod raġjonevoli lil min qiegħed jagħmel l-ilment wara:

[...]

b)      deskrizzjoni sħiħa tal-prodott allegatament mixtri taħt il-prezz, l-ismijiet tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni msemmija, l-identità ta’ kull esportatur jew produttur barrani magħruf u lista ta’ persuni magħrufa li jimpurtaw il-prodott imsemmi;

ċ)      informazzjoni dwar il-prezzijiet li bihom il-prodott msemmi jiġi mibjugħ meta destinat għal konsum fis-swieq domestiċi tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni [...];

[...]

7.      L-evidenza kemm ta’ dumping kif ukoll tal-ħsara għandha tiġi kkunsidrata fl-istess ħin fid-deċiżjoni ta’ jekk għandiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jiġi mwarrab fejn ma jkunx hemm biżżejjed evidenza ta’ dumping jew ta’ ħsara biex tiġġustifika proċediment bil-każ. Ma għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma jagħtux kont ta’ 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità.

[...]

9.      Fejn, wara konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata minn meta jkun sar l-ilment u għandha tippubblika notifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza biżżejjed, min jagħmel l-ilment għandu, wara konsultazzjoni, jiġi b’hekk infurmat fi żmien 45 ġurnata mid-data li fiha l-ilment jiġi mressaq lill-Kummissjoni.”

17      L-Artikolu 9(3) sa (6) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“3.      Għal proċediment mibdi skond l-Artikolu 5(9), ħsara [dannu] għandha normalment tiġi meqjusa negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrapreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċediment, għandu jkun hemm terminazzjoni immedjata fejn jiġi stabbilit li l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz huwa inqas minn 2 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz ta’ l-esportazzjoni, għalkemm hija biss l-investigazzjoni li għandha tiġi mitmuma fejn il-marġini huwa taħt 2 % għall-esportaturi individwali u għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni mwettqa għall-pajjiż konċernat skond l-Artikolu 11.

4.      Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

5.      Dazju ta’ antidumping jiġi impost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-egħjun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skond it-termini ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a), għal kull pajjiż li jissupplixxi kkonċernat.

Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:

a)      fil-każ ta’ ditti li huma kompletament jew parjalment ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, huma liberi li jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

b)      il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiert u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

ċ)      il-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati. L-uffiċjali ta’ l-Istat li jidhru fuq il-Bord tad-Diretturi jew li għandhom karigi manaġerjali importanti jew huma [jew għandhom ikunu] fil-minoranza jew għandu jintwera’ li l-kumpannija hi xorta waħda indipendenti biżżejjed mill-indħil ta’ l-Istat.

d)      Il-kambji tal-muniti jitwettqu skond ir-rata tas-suq; [u]

e)      l-indħil ta’ l-Istat mhux tali li jippermetti ħelsien mir-restrizzjonijiet ta’ miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

6.      Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra d-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 18. Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previsti fl-Artikolu 17.”

18      L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, rigward it-teħid ta’ kampjuni, jipprovdi kif ġej:

“1.      F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet [transazzjonijiet] huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet [transazzjonijiet] bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum [rappreżentattiv] ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[...]

3.      F’każijiet fejn l-eżaminazzjoni tkun ġiet limitata skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali tal-bejgħ taħt il-prezz għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizzjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien previsti f’dan id-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.

4.      Fejn huwa deċiż li jiġi meħud kampjun u hemm grad ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula li x’aktarx materjalment jaffettwaw ir-riżultat ta’ l-investigazzjoni, jista’ jiġi magħżul kampjun ġdid. Madanakollu, jekk grad materjali ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni jippersisti jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 18 għandhom japplikaw.”

19      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li “[k]ull meta i[l-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim j]adotta Rapport dwar miżura tal-Komunità li ttieħded skond ir-Regolament [...] Nru 384/96 [li sar ir-Regolament bażiku], ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 jew dan ir-Regolament [...], il-Kunsill jista’ [...] jieħu wieħed jew aktar mill-miżuri li ġejjin, skond liema tqis xieraq: a) tħassar jew temmenda il-miżura kontestata, [jew] b) tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi”.

20      Skont l-Artikolu 2(1) tal-istess regolament, “Il-Kunsill jista’ ukoll jadotta kwalunkwe mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jieħu konsiderazzjoni ta’ l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport adottat mi[ll-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim] dwar miżura mhux kontestata, jekk tqis li dan ikun xieraq”. L-Artikolu 2(3) jipprovdi li, “[s]akemm ikun xieraq li tiġi kondotta reviżjoni qabel jew fl-istess żmien li jittieħdu kwalunkwe miżuri taħt paragrafu 1, din ir-reviżjoni għandha tiġi mibdija mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

21      Ir-rikorrenti, Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., hija kumpannija stabbilita f’Canton (iċ-Ċina), li tipproduċi u tesporta twavel għall-mogħdija.

22      Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 452/2007 li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 4M, p. 437). Permezz tal-imsemmi regolament, il-Kunsill impona miżuri definittivi antidumping fuq il-produtturi kollha tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw, b’mod partikolari, miċ-Ċina, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, li bbenefikat minn rata ta’ dazju żero (premessi 1 u 2 tar-regolament ikkontestat).

23      Fl-20 ta’ Awwissu 2009, tliet produtturi tal-Unjoni, jiġifieri Columbo New Scal SpA, Pirolla SpA u Vale Mill (Rochdale) Ltd, li jirrappreżentaw parti kbira tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija, ippreżentaw ilment antidumping kontra r-rikorrenti (premessa 4 tar-regolament ikkontestat).

24      Fit-2 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku), ippubblikat notifika ta’ bidu ta’ proċedura antidumping rigward l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina, limitata għal produttur esportatur Ċiniż, ir-rikorrenti, u, b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001, bdiet reviżjoni tal-miżuri antidumping rigward l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 (ĠU C 237, p. 5) (premessa 3 tar-regolament ikkontestat).

25      Fin-notifika ta’ bidu, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ikkonkludiet, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment kien ġie ppreżentat mill-industrija Komunitarja jew f’isimha u li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 384/96 (punt 5 tan-notifika ta’ bidu).

26      Min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-fatt li r-Regolament Nru 452/2007 kien stabbilixxa dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija msemmija mill-imsemmi regolament u li r-rata ta’ dazju applikata għar-rikorrenti kienet ġiet stabbilita għal 0 % (punt 10 tan-notifika ta’ bidu), il-Kummissjoni enfasizzat li, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, tad-29 ta’ Novembru 2005, intitolat “Messiku – Miżuri antidumping definittivi fuq il-Laħam taċ-Ċanga u r-Ross” (AB‑2005‑6) (WT/DS295/AB/R) (iktar ’il quddiem, ir-“rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”), ma kienx hemm lok li titkompla l-impożizzjoni tal-miżuri li japplikaw għar-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 452/2007.

27      Għaldaqstant il-Kummissjoni bdiet reviżjoni tar-Regolament Nru 452/2007, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001, sabiex tkun tista’ tagħmel it-tibdiliet neċessarji fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO (punt 10 tan-notifika ta’ bidu).

28      Fis-26 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat talba skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku], sabiex tingħata t-trattament ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem, l-“MET”) (premessa 26 tar-regolament ikkontestat).

29      Fid-19 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti bagħtet ir-risposti tagħha għall-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni. Fit-23 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat kummenti rigward il-legalità tal-proċedura.

30      Fil-25 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti ittra ta’ osservazzjonijiet rigward it-talba tagħha għal MET sabiex tkun tista’ tipprovdilha informazzjoni ulterjuri. Ir-rikorrenti rrispondiet għal din l-ittra fis-7 ta’ Diċembru 2009.

31      Fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 23 hawn fuq bagħtu lill-Kummissjoni r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping. Il-Kummissjoni talbet lill-imsemmija produtturi jipprovdu informazzjoni addizzjonali fit-3 ta’ Frar 2010, u din l-informazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni b’ittri tad-19 u tal-24 ta’ Frar 2010.

32      Mill-4 sal-10 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika għand ir-rikorrenti relatata mal-informazzjoni mibgħuta mill-imsemmija rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha għal MET u fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping.

33      B’ittra tat-2 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni data statistika relatata mal-prezz ta’ sett ta’ prodotti tal-azzar fiċ-Ċina u indikat li dawn kienu simili għall-prezzijiet internazzjonali. Hija esponiet ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmija prezzijiet ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hija kellhiex tingħata l-MET.

34      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kienet tal-fehma li hija ma tissodisfax il-kriterju msemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u għalhekk kienet beħsiebha tipproponi ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal MET.

35      Ir-rikorrenti għamlet l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward b’ittra tat-13 ta’ April 2010. F’din l-ittra, wara li sostniet li l-Kummissjoni kienet aġixxiet ultra vires billi bdiet proċedura kontra kumpannija waħda, ir-rikorrenti invokat ksur tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif ukoll nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel u tat-tieni kriterju tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

36      Inżammet seduta quddiem l-uffiċjal responsabbli għas-smigħ fid-29 ta’ April 2010.

37      B’ittra tat-30 ta’ April 2010, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti prinċipali tar-rikorrenti magħmula fl-ittra tagħha tat-13 ta’ April 2010 u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha rigward it-talba għal MET tar-rikorrenti, magħmula fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Marzu 2010.

38      Fid-dawl tal-elementi li kienu ġew diskussi waqt is-seduta tad-29 ta’ April 2010, ir-rikorrenti, b’ittra tal-31 ta’ Mejju 2010, ippreżentat osservazzjonijiet addizzjonali rigward il-bidu tal-proċedura, b’mod partikolari fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, u tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħha għal MET. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2010. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 2010.

39      B’ittra tal-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali, flimkien ma’ dokumenti li jipprovdu fid-dettall il-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u l-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġni ta’ dannu kif ukoll dokument ta’ informazzjoni partikolari li tindirizza l-argumenti tar-rikorrenti rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Ir-rikorrenti rrispondiet għall-imsemmi dokument b’ittra tas-6 ta’ Ottubru 2010.

40      Seduta ġdida quddiem l-uffiċjal responsabbli għas-smigħ inżammet fil-11 ta’ Ottubru 2010, u wara dan il-minuti ntbagħtu lir-rikorrenti fis-27 ta’ Ottubru 2010.

41      Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2010, li jemenda r-Regolament Nru 452/2007 (ĠU L 338, p. 8). F’dan ir-regolament, il-Kunsill iddeċieda li jeskludi lir-rikorrenti mill-miżura antidumping definittiva stabbilita permezz tar-Regolament Nru 452/2007.

42      Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1243/2010, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd (ĠU L 338, p. 22) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”).

 Regolament ikkontestat

43      Fir-regolament ikkontestat, fl-ewwel lok, il-Kunsill fakkar il-miżuri stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 kif ukoll iċ-ċirkustanzi li kienu fis-seħħ fil-bidu tal-proċeduri f’din il-kawża.

44      B’dan il-mod, il-Kunsill enfasizza li, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, kienet inbdiet investigazzjoni ġdida antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kontra r-rikorrenti minflok reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, għaliex minn dan ir-rapport jirriżulta (punti 305 u 306) li produttur-esportatur li ma jinstabx li ppratika dumping waqt l-investigazzjoni inizjali għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura definittiva stabbilita wara l-imsemmija investigazzjoni u ma jistax ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi (premessa 5 tar-regolament ikkontestat).

45      Il-Kunsill irrikonoxxa li l-proċeduri antidumping normalment jinbdew kontra l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż u mhux kontra kumpanniji individwali. Madankollu, din il-kawża tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola msemmija hawn fuq, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 216 sa 218 u 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, it-tieni nett, tal-fatt li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma teskludi l-bidu ta’ investigazzjoni ġdida antidumping kontra kumpannija waħda skont l-Artikolu 5 tiegħu, u, fit-tielet lok, tal-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi interpretata b’mod koerenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma intiżi sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (premessi 7, 8 u 87 tar-regolament ikkontestat).

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ dumping, u b’mod partikolari tad-determinazzjoni tal-MET, il-Kunsill osserva li l-investigazzjoni kienet stabbiliet li r-rikorrenti, li kienet ippreżentat talba għal MET, ma setgħetx tingħata dan it-trattament, għaliex ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti permezz tal-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (premessi 26 u 27 tar-regolament ikkontestat). F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, jiġifieri li d-deċiżjonijiet tal-impriżi jiġu adottati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sinjali tas-suq, mingħajr interferenza sinjifikattiva tal-Istat, u li l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq, il-Kunsill osserva li r-rikorrenti kienet sostniet li bdiet tixtri l-materji primi ewlenin tagħha fis-suq intern Ċiniż. L-Istat kompla jeżerċita influwenza importanti fuq is-suq intern tal-azzar u, għaldaqstant, il-prezzijiet tal-azzar fiċ-Ċina għal dawn il-materji primi speċifiċi ma jsegwux liberament it-tendenzi tas-swieq internazzjonali (premessi 28 sa 33 tar-regolament ikkontestat). Fir-rigward tat-tieni kriterju, il-Kunsill indika li l-kumpannija ma setgħetx tipprova li hija kellha sett wieħed ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà bażiċi li kienu s-suġġett ta’ verifika indipendenti konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (IAS) u li jintużaw għall-finijiet kollha, għaliex il-kontijiet, u b’mod partikolari r-rapport ta’ verifika tal-kapital, ma kinux jirreferu għal tranżazzjoni importanti li seħħet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 34 tar-regolament ikkontestat).

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kunsill, qabel kollox, enfasizza n-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-fatt li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kienu applikabbli dazji antidumping għall-importazzjonijiet kollha li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna (ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti). Peress li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta kontra l-effetti dannużi ta’ dawn l-importazzjonijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kien ikun impossibbli li jsir eżami normali komplet tad-dannu. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, ġie żviluppat approċċ speċifiku adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, skont liema l-istituzzjonijiet iffokaw fuq ċerti indikaturi ta’ dannu. B’dan il-mod, il-Kummissjoni eżaminat: fl-ewwel lok, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdiija prodotti mir-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta’ dumping; it-tieni nett, jekk dawn l-importazzjonijiet seħħewx bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u liema kien ir-redditu fuq dawk il-prezzijiet; it-tielet lok, kull informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li tindika li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu, pereżempju f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ klijenti u ta’ ordnijiet favur din il-kumpannija u r-redditu fuq il-bejgħ tagħhom fl-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni (premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat).

48      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti, il-Kunsill ikkonstata, fl-ewwel lok, li dawn l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni (premessa 66 tar-regolament ikkontestat), fit-tieni lok, li matul il-perijodu kkunsidrat l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu żdiedu sew, b’64 % (premessa 67 tar-regolament ikkontestat), fit-tielet nett, li l-parti tas-suq tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti kienet żdiedet b’mod konsiderevoli (premessi 68 u 69 tar-regolament ikkontestat), fir-raba’ lok, li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet tul dawn l-aħħar snin bosta ordnijiet li ttieħdu mir-rikorrenti (premessi 70 sa 72), fil-ħames lok, li l-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li nstab għal Since Hardware, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni, kien ta’ 16.1 % (premessi 73 u 74 tar-regolament ikkontestat), u, fis-sitt lok, li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li bħala total kienu qed jagħmlu telf matul il-perijodu tal-investigazzjoni (premessa 75 tar-regolament ikkontestat).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

50      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din il-kawża permezz ta’ proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Għal dan il-għan, hija ppreżentat ukoll verżjoni mqassra tal-att. B’faks tal-4 ta’ April 2011, il-Kunsill oppona ruħu għal din it-talba. B’deċiżjoni tad-19 ta’ April 2011, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet l-imsemmija talba.

51      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

52      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2011, Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal ukoll talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-partijiet prinċipali ma opponewx ruħhom għal din it-talba.

53      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Vale Mill (Rochdale) u ta’ Colombo New Scal ta’ ċerti dokumenti annessi mal-att. Dawn tal-aħħar ma għamlu l-ebda oġġezzjoni għall-imsemmija talba.

54      B’digrieti tat-30 ta’ Awwissu 2011, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent.

55      Fil-5 ta’ Ottubru 2011, Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom. Fil-11 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

56      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

57      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

58      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

59      Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnhom.

60      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2012.

 Id-dritt

61      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9) u tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni kienet sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn, minn naħa, id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni imponiet, f’dan ir-rigward, oneru ta’ prova eċċessiv fuq ir-rikorrenti. F’dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9), tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk

62      L-ewwel motiv huwa magħmul minn tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO. It-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

63      Fil-kuntest tal-ewwel parti, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami tal-Kummissjoni, li jinsab fil-premessi 7, 8 u 87 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 45 hawn fuq), huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku jew tal-Ftehim antidumping ma tipprojbixxi l-bidu ta’ proċedura antidumping kontra kumpannija waħda. Fil-fehma tagħha, mill-istruttura tar-Regolament bażiku u tal-Ftehim antidumping jirriżulta biċ-ċar li proċedura antidumping tikkonċerna pajjiż jew diversi pajjiżi kif ukoll il-produtturi kollha tal-pajjiż jew tal-pajjiżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, hija ssostni, għall-finijiet ta’ konformità mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li jipprojbixxi lill-membri tad-WTO li jissuġġettaw għal reviżjoni lill-kumpanniji li l-marġni ta’ dumping tagħhom kien de minimis waqt l-investigazzjoni inizjali, kien ikun biżżejjed li l-istituzzjonijiet jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 u li ma jerġgħux jissuġġettawha għal reviżjoni.

64      Fil-premessa 7 tar-regolament ikkontestat u fin-noti tiegħu, il-Kunsill irrikonoxxa li din il-kawża kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-investigazzjonijiet normalment immexxija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu r-Regolament bażiku ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tipprekludi lill-istituzzjonijiet, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, milli jibdew investigazzjoni fir-rigward ta’ produttur wieħed.

65      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-proċeduri antidumping jikkonċernaw, bħala regola ġenerali, l-importazzjonijiet kollha ta’ ċerta kategorija ta’ prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz u mhux il-prodotti ta’ impriżi speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1993, Rima Electrometalurgia vs Il-Kunsill, C‑216/91, Ġabra p. I‑6303, punt 17).

66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit madankollu jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, kif ukoll il-paragrafi (1), 2(b) u (ċ) u (7) ta’ din id-dispożizzjoni, iċċitati wkoll mir-rikorrenti, moqrija flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, u b’mod konformi mal-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament, mal-Artikolu VI.1 tal-GATT u mal-Artikolu (1), mal-Artikolu 5.2(ii), u mal-Artikoli 6.1.3, 6.7, 6.10, u 9.2 tal-Ftehim antidumping, qatt ma jippermettu l-bidu ta’ proċedura antidumping fir-rigward ta’ prodottur wieħed, identifikat b’ismu u bl-esklużjoni tal-oħrajn kollha, u l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku ma setax għaldaqstant, f’dan il-każ, iservi ta’ bażi ġuridika sabiex jiġi deċiż li tinbeda l-proċedura f’din il-kawża.

67      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et, C‑83/94, Ġabra p. I‑3231, punt 22, u tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 11; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 101, u tad-19 ta’ Ġunju 2009, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑369/05, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

68      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li hija tinvoka ma jistax jiġġustifika l-affermazzjoni li proċedura antidumping qatt ma tista’ tinbeda fir-rigward ta’ produttur wieħed.

69      Mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li investigazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat għandha, bħala regola ġenerali, tinbeda fuq ilment ippreżentat bil-miktub minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma għandhiex personalità ġuridika, li jaġixxu f’isem l-industrija Komunitarja. Tali lment għandu jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat. Skont il-paragrafu (9) ta’ din id-dispożizzjoni, il-bidu tal-proċedura jista’ jiġi deċiż, wara konsultazzjoni, biss meta jeżistu provi suffiċjenti.

70      B’dan il-mod, mill-kliem tal-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 5 jirriżulta li dawn jifformulaw ir-rekwiżiti marbuta mal-preżentata ta’ lment f’isem l-industrija tal-Unjoni u mal-provi li għandhom ikunu inklużi fih rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu, u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat. Għaldaqstant huma ma jippermettux il-kunsiderazzjoni, affermata mir-rikorrenti, li proċedura antidumping qatt ma tista’ tinbeda fir-rigward ta’ produttur wieħed, b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, meta jiġi allegat li tali produttur, li nstab li ma pprattikax dumping fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti li matulha ġew imposti dazji antidumping, dazji li għadhom fis-seħħ, jipprattika dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, invokat b’mod speċifiku mir-rikorrenti, ma huwiex rilevanti, għaliex huwa jsemmi elementi li għandhom ikunu inklużi fl-ilment ippreżentat mill-industrija tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Però, mill-proċess jidher li l-ilment li ta lok għall-bidu tal-proċedura f’din il-kawża kien isemmi l-isem tal-pajjiż ikkonċernat.

71      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li r-rikorrenti ssostni l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari tal-paragrafu (9) tiegħu, hija ma ppreżentat, fin-noti tagħha, l-ebda argument intiż sabiex juri li l-kundizzjonijiet għall-bidu tal-proċedura previsti b’mod espliċitu minn din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti. B’mod partikolari, hija ma tikkontestax il-fatt li l-istituzzjonijiet ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu mill-produtturi tal-Unjoni li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

72      L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, li hija tgħid li jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika liema huma l-importazzjonijiet tal-pajjiż li huma s-suġġett tal-ilment u li tikkonkludi li huma jirrappreżentaw iktar minn 1 % mill-konsum tal-Unjoni, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-fatt, li “[m]a għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma [jirrappreżentawx] 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità”. Minn naħa, din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-limitu minimu rigward in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura mibdija mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, imsemmi fil-premessa 20 tar-regolament ikkontestat, ma jirrappreżentawx iktar minn 1 % mill-konsum tal-Unjoni.

73      L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping, jippermetti l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni biss fil-każijiet fejn in-numru tal-produtturi huwa importanti u li, fil-każijiet l-oħra kollha, il-produtturi kollha tal-pajjiż imsemmi għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jikkooperaw mal-Kummissjoni u jiksbu marġni ta’ dumping individwali, lanqas ma jista’ jintlaqa’, għaliex din id-dispożizzjoni lanqas ma tinkludi l-iċken kunsiderazzjoni rigward il-bidu mill-Kummissjoni ta’ proċedura kontra produttur wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex, f’dan il-każ, tieħu kampjuni tal-produtturi-esportaturi kkonċernati, peress li l-proċedura nbdiet biss kontra l-importazzjonijiet tar-rikorrenti.

74      Minbarra dan, ma jistax jitqies li mill-Artikolu VI.1 tal-GATT jew mill-Artikolu 1 tal-Ftehim antidumping jirriżulta li proċedura qatt ma tista’ tinbeda kontra produttur wieħed. L-Artikolu VI.1 tal-GATT ma jirrigwardax il-bidu tal-proċeduri u lanqas in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali proċeduri. L-Artikolu 5.2(ii) u l-Artikoli 6.1.3, 6.7, 6.10 u 9.2 tal-Ftehim antidumping lanqas ma jinkludu restrizzjonijiet rigward in-numru ta’ produtturi li jistgħu jkunu kkonċernati fil-bidu ta’ proċedura.

75      Minn dak li ntqal hawn fuq ma jirriżultax li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u tal-Ftehim antidumping li hija tinvoka jew mill-Artikolu IV.1 tal-GATT, proċedura qatt ma tista’ tinbeda kontra produttur wieħed.

76      Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku u tal-għan tiegħu, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mill-leġiżlazzjoni bażika rigward il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 5 tagħha, li jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew proċeduri intiżi sabiex jipproteġu l-Unjoni kontra tali importazzjonijiet li jikkawżawlha dannu. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tobbliga lill-Kummissjoni, meta, wara konsultazzjonijiet, jeżistu provi biżżejjed sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura, tibda din il-proċedura fi żmien 45 jum li jibdew jgħoddu mill-preżentata tal-ilment u li tħabbar dan il-bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

77      Għaldaqstant l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sakemm ikunu ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat, milli jibdew proċedura fir-rigward ta’ produttur wieħed, meta, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ikun instab, waqt proċedura preċedenti, li l-imsemmi produttur kellu marġni ta’ dumping żero jew de minimis u li hemm fis-seħħ miżuri antidumping kontra l-produtturi l-oħra kollha tal-istess prodott ikkonċernat.

78      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO jipprojbixxi lill-Istati Membri tad-WTO milli jissuġġettaw għal reviżjoni lill-kumpanniji li l-marġni ta’ dumping tagħhom kien de minimis waqt l-investigazzjoni inizjali, li huwa l-każ tagħha. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom sempliċement jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 u ma jissuġġetawhiex għal reviżjoni. Ir-rikorrenti żżid li ma huwiex probabbli li kumpannija li ma pprattikatx id-dumping qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping tipprattika d-dumping meta hija ssir l-unika li tkun eżentata mid-dazji.

79      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġietx suġġetta formalment għal reviżjoni.

80      Kif il-Kunsill fakkar fil-premessa 7 tar-regolament ikkontestat, huwa ppreċiżat, fil-punti 216 sa 218 tar-rapport tal-Korp tal-Appel tad-WTO, li l-Artikolu 5.8 tal-Ftehim antidumping jobbliga lill-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni li tagħlaq l-imsemmija investigazzjoni f’dak li jikkonċerna esportatur li nstab li ma kellux marġni ogħla mil-livell de minimis matul investigazzjoni inizjali, u, fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li l-esportatur għandu għaldaqstant jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping definittiva u ma għandux ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi u għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi.

81      Fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, dan l-aħħar speċifika f’dan ir-rigward li, “l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni ovvjament ma [kinitx] timponi dazji – inklużi dazji ta’ rata żero fil-mija – fuq l-esportaturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping definittiva” u li huwa “għaldaqstant [kien] jaqbel mal-parir tal-Grupp Speċjali li l-‛konsegwenza loġika’ ta’ dan l-approċċ hija li dawn l-esportaturi ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi għaliex dawn ir-reviżjonijiet jirrigwardaw, rispettivament, id-‛dazju mħallas’ u ‛in-neċessità li titkompla l-impożizzjoni tad-dazju’ [; k]ieku l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni kellha tibda reviżjoni tal-esportaturi li ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping minħabba l-marġni de minimis tagħhom, dawn l-esportaturi jkunu effettivament suġġetti għall-miżura antidumping, b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 5.8”.

82      Għaldaqstant huwa minħabba l-fatt li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura antidumping u li l-esportazzjonijiet tagħhom huma eżenti mid-dazji li l-produtturi kkonċernati ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet, għaliex dawn tal-aħħar jirrigwardaw id-dazji mħallsa jew in-neċessità li titkompla l-impożizzjoni tad-dazji, u għalhekk ma jistgħux japplikaw għall-produtturi li l-marġni tagħhom huwa de minimis.

83      Dak li ntqal hawn fuq, li jispjega f’iktar dettall biss ir-raġunijiet li għalihom il-Korp tal-Appell tad-WTO jeskludi l-possibbiltà ta’ reviżjoni, ma jistax jimplika li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-imsemmi korp jipprekludu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jibdew proċedura ġdida kontra kumpannija fil-każ li huma jiġu aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu li jinkludi provi rigward l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

84      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO jobbliga lill-istituzzjonijiet sabiex sempliċement jeskluduha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007. Fil-fatt, tali approċċ ikun ifisser li l-istituzzjonijiet jiġu obbligati jibqgħu lura milli jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ dumping li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, biss għar-raġuni li nstab li l-produttur-esportatur ikkonċernat ma kellux marġni ta’ dumping ogħla mil-livell de minimis waqt proċedura preċedenti, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ġew aditi b’ilment ippreżentat b’mod validu fir-rigward tal-imsemmi produttur-esportatur. Kif il-Kunsill ġustament osserva fil-premessa 8 tar-regolament ikkontestat (ara wkoll il-punt 45 hawn fuq), peress li l-Ftehim antidumping minn naħa, jippermetti lill-membri tad-WTO li jistabbilixxu dazji intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għad-dumping dannuż, iżda, min-naħa l-oħra, ġie interpretat fir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fis-sens li ma jippermettix ir-reviżjoni tal-kumpanniji li nstabu li ma kinux ipprattikaw dumping waqt l-investigazzjoni inizjali, ir-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-bidu ta’ proċedura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, f’kawża bħal dik inkwistjoni hawnhekk.

85      F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ma huwiex probabbli li kumpannija li ma pprattikatx id-dumping qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping tipprattika d-dumping meta hija ssir l-unika li tkun eżentata mid-dazji lanqas ma tista’ tintlaqa’, għaliex hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li kumpannija li tkun ibbenefikat minn dazju de minimis qatt ma tista’ tipprattika dumping wara li jkun ġie stabbilit dazju b’rata żero fir-rigward tagħha.

86      Barra minn hekk, tali affermazzjoni hija kontradetta mill-fatt li, f’dan il-każ, filwaqt li, fil-kuntest tal-investigazzjoni li tat lok għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 452/2007 (iktar ’il quddiem, l-“ewwel investigazzjoni”), l-istituzzjonijiet ma kinux ikkonstataw dumping min-naħa tar-rikorrenti, deher, fil-kuntest tal-preżenti investigazzjoni, li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ dumping, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors l-eżistenza nfisha ta’ tali dumping.

87      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

88      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, moqri b’mod konformi mad-dritt tad-WTO, ma jippermettix l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li ġejjin minn kumpannija waħda, iżda jeżiġi l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet tal-kumpanniji kollha li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż jew ta’ diversi pajjiżi.

89      Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta fuq il-portata ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti sostniet, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li kien ġie allegat biss il-ksur tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

90      B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti sempliċement affermat li, jekk ir-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li hija tipproduċi, u mhux dazju individwali kontra kull wieħed mill-produtturi Ċiniżi tat-twavel għall-mogħdija, jew dazju residwali kontra wħud minnhom, dan jikser l-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku.

91      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet li hija tinvoka ma jirriżultax li l-Kunsill ma jistax jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ kumpannija waħda.

92      Qabel kollox, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, meta jipprovdi li dazju antidumping huwa impost meta jirriżulta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti li jeżisti dumping u dannu konsegwenti u li l-interess tal-Komunità jeħtieġ azzjoni, ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit rigward in-numru ta’ kumpanniji li fir-rigward tagħhom tali konstatazzjoni għandha ssir u għandu jkun possibbli li jiġi impost dazju antidumping.

93      Imbagħad, fir-rigward tal-obbligu impost mit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li huwa intiż sabiex ir-regolament li jimponu d-dazju jispeċifika l-ammont tad-dazju impost fuq kull fornitur ikkonċernat jew, jekk dan ma jistax isir, l-isem tal-pajjiż tal-fornitur ikkonċernat, għandu jitqies li l-kliem “kull fornitur” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal kull fornitur ikkonċernat mill-proċedura. Din id-dispożizzjoni ma titlobx, għaldaqstant, kif tallega r-rikorrenti, li jiġu imposti dazju fuq il-fornituri kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. Għandu wkoll jiġi osservat f’dan ir-rigward li tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, li jirreferi b’mod espliċitu għall-fatt li “[l]-awtoritajiet għandhom isemmu l-isem tal-fornitur jew fornituri tal-prodott ikkonċernat”.

94      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kull dazju ta’ kumpens applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu magħrufa skont l-Artikolu 17 imma li ma kinux ġew inklużi fl-investigazzjoni, ma għandhomx jeċċedu l-marġni medju ta’ dumping stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma ġietx applikata f’dan il-każ u li, għaldaqstant, hija irrilevanti, għaliex il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni kkonċernat biss l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti u ma ġie impost l-ebda dazju residwali. F’kull każ, hija ma tobbligax lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jimponu dazji antidumping biss fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti fabbrikati mill-produtturi kollha ta’ pajjiż.

95      Għaldaqstant ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku

–       Osservazzjonijiet preliminari

96      Fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-Unjoni li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehim tad-WTO ma humiex inklużi, bħala regola ġenerali, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l‑intenzjoni li timplementa obbligu partikolari li tkun assumiet fil‑kuntest tad‑WTO, jew f’każ bħal dak ineżami fejn l‑att tal‑Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal‑ftehim tad‑WTO li l‑qorti tal‑Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal‑att inkwistjoni fid‑dawl tar‑regoli tad‑WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsil, C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punti 52 u 53; tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punti 39 u 40, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punti 29 u 30.

97      Fil-kuntest ta’ argument prinċipali, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku ma huwiex intiż sabiex jittrasponi dispożizzjoni tal-Ftehim antidumping fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO ma għandux effett dirett u ma jistax jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, sa fejn huwa inkompatibbli ma’ dan ir-rapport, u li tirrifjuta li tirrevedi dazju b’rata żero b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni fil-każ li lment ammissibbli jiġi ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni.

98      Billi pproċedew b’dan il-mod, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jidher li jirriżulta “li l-effett dirett tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom hija parti l-Unjoni ma jippermettix li jiġi eskluż test ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni meta ma jkunx possibbli li dan it-test jinqara b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni”.

99      Fil-kuntest ta’ argument sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku ma timplementax obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO u lanqas ma tirreferi għal dispożizzjoni speċifika tal-ftehim tad-WTO u għaldaqstant ma għandhiex effett dirett fid-dritt tal-Unjoni.

100    Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta dwar ir-rilevanza f’dan il-każ tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 96 hawn fuq, ir-rikorrenti indikat li hija kienet fakkret l-imsemmija ġurisprudenza insostenn tal-argument tagħha li l-qorti tal-Unjoni għandha teżamina jekk interpretazzjoni mill-istituzzjonijiet tar-Regolament bażiku hijiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni fid-dritt tad-WTO.

101    Għalhekk, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, hija kienet qed tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni li tgħid li s-supremazija tal-ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità fuq it-testi ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-imsemmi ftehim.

102    F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet ma bbażawx ruħhom fuq kwalunkwe tip ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO u lanqas tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO sabiex jiddeċiedu, f’dan il-każ, li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għal reviżjoni b’mod konformi mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. B’dan il-mod, mill-punt 10 tan-notifika ta’ bidu, mill-bażijiet legali ċċitati tar-Regolament Nru 1241/2010 u mill-premessi 3 u 7 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet wettqu l-modifiki meħtieġa tar-Regolament Nru 452/2007 fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO billi bbażaw ruħhom fuq ir-Regolament Nru 1515/2001.

103    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 96 sa 102 hawn fuq li għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti magħmula f’din il-parti ta’ dan il-motiv.

–       Fuq l-argument prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-istituzzjonijiet li jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament

104    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku “jobbliga” lill-istituzzjonijiet sabiex jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament.

105    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod espliċitu min-notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura f’din il-kawża b’mod konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, wara li kkonkludiet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment li kien ġie ppreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2009 minn tliet produtturi tal-Unjoni sar mill-industrija Komunitarja jew f’isimha u li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura (punti 1 u 5 tan-notifika ta’ bidu).

106    Minbarra dan, il-Kummissjoni mxiet mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001 meta ddeċidiet li tibda reviżjoni tar-Regolament Nru 452/2007, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO (punt 10 tan-notifika ta’ bidu), u l-istess għamel il-Kunsill meta adotta r-Regolament Nru 1241/2010, li eskluda lir-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 452/2007.

107    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1515/2001, meta l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim jadotta rapport dwar miżura li ma hijiex ikkontestata, il-Kunsill jista’, skont il-każ, iħassar jew jimmodifika l-miżura kkontestata, jew jadotta kwalunkwe miżura oħra speċifika meqjusa bħala xierqa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport. B’dan il-mod, skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jqisu li huwa xieraq li jħassru jew jimmodifikaw miżuri adottati fil-kuntest tar-Regolament bażiku, inklużi miżuri li ma kinux is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-kuntest tal-ftehim fuq ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, jew li jadottaw kwalunkwe miżura speċifika oħra, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet legali ppreżentati f’rapport adottat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim.

108    Fit-tieni lok, kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, it-testi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità, bħalma huwa l-każ tar-Regolament bażiku, li ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping (ara l-premessa 3 tar-Regolament bażiku).

109    Is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52; tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20; tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 49; tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica, C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punti 56 u 57, u tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 138).

110    Hawnhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku magħmula mill-istituzzjonijiet, f’dan il-każ, kienet konformi mal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi għal sempliċi possibbiltà, u mhux obbligu, għall-istituzzjonijiet li jagħmlu reviżjoni jekk ikun ġie kkonstatat li esportatur għandu marġni de minimis.

111    Fil-fatt mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-proċeduri jintemmu immedjatament kontra l-esportaturi individwali li nstabu, waqt l-investigazzjoni, li kellhom marġni ta’ dumping de minimis “għalkemm hija biss l-investigazzjoni li għandha tiġi mitmuma [...] u għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni [ulterjuri]”.

112    F’dan ir-rigward mill-użu tal-verb “jista’” jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom il-fakultà, u mhux l-obbligu, waqt reviżjoni, li jissuġġettaw għal investigazzjoni ġdida produttur li l-marġni ta’ dumping tiegħu kien de minimis. Għaldaqstant għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tagħti lill-istituzzjonijiet setgħa diskrezzjonali rigward id-deċiżjoni li jibdew investigazzjoni ġdida kontra esportaturi individwali li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa inqas minn 2 % fil-kuntest ta’ reviżjoni. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-istituzzjonijiet “injoraw deliberatament” l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, għaliex din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-istituzzjonijiet sabiex iwettqu reviżjoni fil-każ li esportatur ikun ingħata marġni de minimis.

113    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u tal-konklużjoni tal-Korp tal-Appell li tinsab fil-punt 305 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, li tgħid li l-esportaturi li ma għandhomx marġni ta’ dumping ogħla mil-livell de minimis ma jistgħux ikunu suġġetti għal reviżjonijiet amministrattivi jew għal reviżjonijiet minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li ma kienx hemm ksur tar-Regolament bażiku meta l-istituzzjonijiet, f’dan il-każ, użaw il-possibbiltà mogħtija lilhom mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għall-proċedura ta’ reviżjoni stabbilita mill-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament u ssuġġettawha għal investigazzjoni ġdida, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

114    Għandu jitqies li l-istituzzjonijiet, b’mod konformi mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kellhom il-fakultà li ma jissuġġettawx lir-rikorrenti għall-proċedura ta’ reviżjoni.

115    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-użu minn proċedura ġdida minflok reviżjoni jkollu konsegwenzi konsiderevoli fir-rigward tagħha, biżżejjed jingħad li, anki jekk jiġi ammess li tali konsegwenzi jseħħu, ir-rikorrenti baqgħet ma stabbilietx illegalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

116    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-argument prinċipali tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-argument magħmul sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO

117    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. B’dan il-mod, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-fatt ipprovaw jiċħdu l-effetti tal-imsemmi rapport.

118    Sabiex turi li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal tali reviżjoni, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni billi tirreferi għat-tieni motiv tagħha, li, minkejja li l-Kummissjoni indikat fil-punt 5.1 tan-notifika ta’ bidu li l-investigazzjoni kienet ser tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li ġej miċ-Ċina u li huwa ffabbrikat mir-rikorrenti huwiex is-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping u jekk dawn tal-aħħar jikkontribwixxux għad-dannu, il-Kummissjoni ma wettqitx tali eżami. Fil-fatt, filwaqt li l-perijodu ta’ investigazzjoni kien bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ma eżaminatx id-dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni matul dan il-perijodu, iżda sempliċement adottat il-konklużjonijiet li hija għamlet fl-ewwel investigazzjoni, fejn kien instab dannu għas-sena 2007, u eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fabbrikat mir-rikorrenti setax jikkontribwixxi għal dan id-dannu.

119    Għandu jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tad-dannu wara l-bidu ta’ proċedura tippresupponi, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, li jiġi pprovat li jeżisti “ħsara [dannu] materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din”, filwaqt li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, dwar ir-reviżjonijiet interim, jipprovdi li, waqt tali reviżjoni, “il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz [dumping] u l-ħsara [d-dannu], tbiddlux b’mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita”.

120    Hawnhekk, fil-premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill enfasizza n-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, minħabba liema ma kienx possibbli, f’dan il-każ, li jitwettaq eżami normali komplet tad-dannu. Fl-ewwel lok, il-Kunsill indika b’dan il-mod li eżami komplet tad-dannu kien twettaq fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni. Fit-tieni lok, il-Kunsill osserva li, waqt din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kienet stabbiliet li l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li kienu s-suġġett ta’ dumping, li oriġina, b’mod partikolari, miċ-Ċina, bl-esklużjoni unika tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti, kienu kkawżaw dannu konsiderevoli lill-industrija tal-Unjoni. Fit-tielet lok, il-Kunsill enfasizza li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, dazji antidumping kienu applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet (ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti) u li l-industrija kienet, għaldaqstant, protetta mill-effetti dannużi ta’ dawn l-importazzjonijiet. Il-Kunsill indika wkoll li approċċ speċifiku ġie żviluppat, adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, li fiha l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq indikaturi partikolari ta’ dannu.

121    Dawn l-indikaturi ta’ dannu inkludew l-istat tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti, il-volum tal-importazzjonijet li kienu s-suġġett ta’ dumping, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-fatt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu nstabu li globalment kienu qed jagħmlu telf matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll l-informazzjoni kollha pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li turi li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu (premessi 71 sa 76 tar-regolament ikkontestat).

122    Mingħajr ma hemm lok, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, li tingħata deċiżjoni dwar ir-rilevanza tal-indikaturi ta’ dannu adottati mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 120 u 121 hawn fuq, li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha f’din l-investigazzjoni li teżamina jekk iċ-ċirkustanzi rigward id-dumping u d-dannu nbidlux konsiderevolment jew jekk il-miżuri eżistenzi kinux ikkawżaw l-effetti antiċipati u eliminaw id-dannu stabbilit preċedentement. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 76 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill kien ikkonkluda effettivament li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tbati dannu kkawżat mill-prodotti li kienu s-suġġett ta’ dumping mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq tal-Unjoni.

123    Għalhekk, il-Kunsill kellu raġun jindika, fil-premessa 90 tar-regolament ikkontestat, li l-eżami tad-dannu li sar ma kienx limitat għall-konfermazzjoni li kien instab dannu waqt l-ewwel investigazzjoni. Bil-kontra, dan l-eżami tad-dannu ffoka fuq l-effetti fil-fatt dannużi li rriżultaw, għall-industrija tal-Unjoni, mill-importazzjonijiet tar-rikorrenti bi prezzijiet ta’ dumping wara l-imsemmija investigazzjoni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li eżami normali tad-dannu ma kienx possibbli f’dan il-każ.

124    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dazju impost mir-regolament ikkontestat jiskadi fl-istess żmien bħad-dazji imposti mir-Regolament Nru 452/2007 kontra l-produtturi Ċiniżi l-oħra, filwaqt li l-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku donnu huwa perijodu imperattiv. Madankollu, tali argument għandu wkoll jiġi miċħud.

125    Fil-fatt għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, miżura antidumping għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm, u sa fejn, hija meħtieġa sabiex tagħmel tajjeb għal dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, “[m]iżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali li tħallih jiffissa għal inqas minn ħames snin il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dazji definittivi antidumping jekk, minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, tali limitazzjoni tkun l-aħjar mod sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi diverġenti tal-partijiet fil-kawża u sabiex jinżamm l-ekwilibrju bejn dawn l-interessi li r-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jistabbilixxi (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 1998, Cecom vs Il-Kunsill, T‑232/95, Ġabra p. II‑2679, punt 46).

126    Għaldaqstant l-istituzzjonijiet kellhom raġun iqisu, fil-premessa 90 tar-regolament ikkontestat, li, minkejja li r-rikorrenti ma kellu jkollha l-ebda vantaġġ li jirriżulta mill-fatt li bdiet il-prattiki ta’ dumping tagħha wara l-ewwel investigazzjoni, din il-kumpannija lanqas ma kellha tbati effetti negattivi mhux iġġustifikati. Għalhekk, skont il-Kunsill, jekk ma ntalbet l-ebda reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 452/2007, jidher li huwa diskriminatorju li titkompla l-applikazzjoni ta’ dazju għar-rikorrenti wara l-iskadenza tal-imsemmi regolament.

127    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, marbuta fost l-oħrajn mal-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta parzjalment permezz tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping skont ir-Regolament Nru 452/2007 u li kellu jiġi limitat id-dewmien tal-miżuri imposti permezz tar-regolament ikkontestat wara l-iskadenza tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament Nru 452/2007, sabiex tiġi evitata kull eventwali diskriminazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-produtturi suġġetti għall-imsemmi regolament u sabiex ikun possibbli li ssir, fejn xieraq, reviżjoni simultanja tal-miżuri imposti permezz tar-Regolament Nru 452/2007 u r-regolament ikkontestat, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq id-dewmien tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-regolament ikkontestat ma jipprovax li, f’dan il-każ, saret reviżjoni de facto tad-dazju antidumping b’rata żero tar-rikorrenti.

128    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet is-suġġett ta’ “trattament tenaċi” min-naħa tal-istituzzjonijiet, bl-għan evidenti li jintemm id-dazju b’rata żero li hija kienet tibbenefika minnu abbażi ta’ informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni u li qatt ma ġiet ikkontestata.

129    Għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jistabbilixxi użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-istituzzjonijiet.

130    Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li deċiżjoni jew att tal-Unjoni ma humiex ivvizzjati b’użu ħażin ta’ poter jekk jidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li huma ġew adottati sabiex jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk imsemmija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Sermes, C‑323/88, Ġabra p. I‑3027, punt 33; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 66, u tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 376). Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma pprovdietx tali provi.

131    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni

132    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li f’din il-kawża ġew imposti dazji antidumping mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku.

133    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikoli 3.1 u 3.4 tal-Ftehim antidumping, interpretat f’dan is-sens mill-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO u mill-Qorti tal-Ġustizzja, jitlob li, f’kull investigazzjoni, għandha ssir evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi rilevanti kollha. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet sabiex mill-inqas iwettqu l-eżami tal-impatt tas-sittax-il fattur u indizji msemmija fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping tad-WTO, li magħhom jiġi miżjud il-fattur speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Issa, f’dan il-każ, l-eżami tad-dannu ġie limitat għal ċerti indizji, rigward esklużivament l-evoluzzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti, kif indikat mis-sehem tas-suq u mill-prezz, mingħajr l-ebda eżami tal-fatturi u tal-indizji rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom il-Kunsill irrefera kompletament għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni.

134    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 26; Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq, punt 40, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 85).

135    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-determinazzjoni tad-dannu tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 86; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 131, u tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra p. II‑669, punt 43).

136    Għaldaqstant il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti adottati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 135 iktar ’il fuq, punt 67; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T‑210/95, Ġabra p. II‑3291, punt 57, u Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, punt 135 iktar ’il fuq, punt 43).

137    Barra minn hekk, hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tad-dannu (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 119, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T‑300/03, Ġabra p. II‑3911, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Kif ġie mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jagħti lill-awtoritajiet tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali fl-eżami u fl-evalwazzjoni tad-diversi indizji msemmija f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indizji ekonomiċi “rilevanti [...] li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija [tal-Unjoni]”.

139    Huwa għaldaqstant fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom li l-istituzzjonijiet huma msejħa jeżaminaw il-fatturi msemmija hawn fuq u li jużaw fost l-elementi ta’ evalwazzjoni, elenkati għal dan il-għan fid-dispożizzjoni ċċitata hawn fuq, dawk li huma jqisu rilevanti f’kull każ partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1992, Sharp Corporation vs Il-Kunsill, C‑179/87, Ġabra p. I‑1635, punt 46).

140    Ladarba huwa stabbilit li, fir-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ma eżaminawx il-fatturi kollha msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, kif issostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminaw biss il-fatturi u l-indizji ekonomiċi li huma qiesu rilevanti f’dan il-każ, li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

141    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-rilevanza tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi li ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet fl-eżami tad-dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni u lanqas l-eżami tagħhom li sar mill-Kummissjoni kif jirriżulta mill-premessi 58 sa 75 tar-regolament ikkontestat. Hija lanqas ma tikkontesta l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet, li tinsab fil-premessa 76 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu dovut għall-kwantitajiet ta’ prodotti li kienu s-suġġett ta’ dumping mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq tal-Unjoni, li seta’ jiġi fornut daqstant tajjeb mill-industrija tiegħu stess.

142    Fil-fatt ir-rikorrenti sempliċement issostni, minn naħa, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha msemmija fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping u fl-Artikolu 3.5 tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill irrefera kompletament għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni fl-eżami tiegħu tal-fatturi u tal-indizji li huma marbuta mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, meta, fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni, kien instab li r-rikorrenti ma kinitx qed tipprattika dumping.

143    Minkejja li, huwa minnu, huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx, kif għamlet fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni, l-eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha marbuta mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni [premessi 94 sa 107 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1620/2006, tat-30 ta’ Ottubru 2006, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Ukrajna (ĠU L 314M, p. 293), u l-premessi 44 sa 47 tar-Regolament Nru 452/2007], minn dan ma jistax jiġi konkluż li, f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet ma wettqux l-eżami tal-uniċi elementi rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 138 u 139 hawn fuq.

144    Kif ġie enfasizzat fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat, f’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat, l-ewwel nett, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mir-rikorrenti u li kienu s-suġġett ta’ dumping, it-tieni nett, jekk dawn l-importazzjonijiet kinux seħħew bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u liema kien ir-redditu fuq dawn il-prezzijiet, it-tielet lok, kull informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni li tindika li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu, pereżempju f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ klijenti u ta’ ordnijiet favur din il-kumpannija u r-redditu fuq il-bejgħ tagħhom fl-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni.

145    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżami mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill qies, fil-premessi 70 sa 72 tar-regolament ikkontestat, minn naħa, li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet bosta ordnijiet li saru favur ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tal-perijodu kopert mill-ewwel investigazzjoni, il-bejgħ ta’ diversi produtturi tal-Unjoni lil klijenti tal-Unjoni donnu naqas sew, filwaqt li l-bejgħ tar-rikorrenti lil dawn il-klijenti kien żdied sew matul il-perijodu ta’ investigazzjoni attwali. Ir-rikorrenti ma tikkontestatx ir-rilevanza tal-imsemmija fatturi u indizji ta’ dannu.

146    Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet ma eskludewx li jsemmu l-fatt li huma ma kkonstatawx dumping min-naħa tagħha fil-kuntest tal-ewwel investigazzjoni. Bil-kontra, huma ħadu debitament inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet kif ukoll l-effetti tar-Regolament Nru 452/2007 sabiex jeżaminaw biss l-indizji ta’ dannu rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

147    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 120 hawn fuq), mill-premessi 58 sa 61 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill irrefera għall-konklużjonijiet tal-ewwel investigazzjoni sabiex jispjega li, peress li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta kontra l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet kollha ta’ twavel għall-mogħdija li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna, ħlief l-importazzjonijiet tar-rikorrenti, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kien impossibbli, f’dan il-każ, li jsir eżami normali komplet tad-dannu, b’tali mod li ġie żviluppat approċċ speċifiku, adattat għan-natura partikolari ta’ din l-investigazzjoni, skont liema l-istituzzjonijiet iffokaw fuq ċerti indikaturi ta’ dannu. Barra minn hekk, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq data miġbura fl-ewwel investigazzjoni sabiex jistabbilixxi li ċerti klijenti importanti tal-industrija tal-Unjoni kienu bdew jużaw fornitur ieħor, u bdew jordnaw iżjed mingħand ir-rikorrenti, bi ħsara għall-industrija tal-Unjoni fi proporzjonijiet ikbar minn qabel (premessi 70 sa 72 tar-regolament ikkontestat).

148    Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta indika, fil-premessa 96 tar-regolament ikkontestat, li eżami ġdid tal-fatturi kollha ta’ dannu ma kienx ikun utli, għaliex, anki jekk jingħad li dawn il-fatturi kollha issa saru pożittivi, dan ikun dovut (almenu parzjalment) għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni fil-preżent hija protetta kontra l-esportazzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ dumping li ġejjin miċ-Ċina u mill-Ukrajna (ħlief għal dawk li ġejjin mir-rikorrenti).

149    Ladarba minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kunsill kellu raġun jeżamina biss l-elementi rilevanti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 138 u 139 hawn fuq, l-argument tar-rikorrenti li l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 96 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 148 hawn fuq) hija “ammissjoni tal-fatt li, kieku l-Kummissjoni kienet wettqet eżami tal-fatturi u tal-indizji kollha, dawn il-fatturi kollha kienu jkunu pożittivi, sa fejn l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta mid-dazji fis-seħħ” għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

150    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha, fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

151    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li ma tingħatax l-MET tikser id-dritt tal-Unjoni. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tagħha għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha. Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-oneru tal-prova impost fuqha huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

152    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihiex l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punti 43 u 44), u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill (T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punti 128 u 138). Hija ssostni wkoll li l-istituzzjonijiet kisru “b’mod iktar ġenerali d-drittijiet tagħha tad-difiża”.

153    B’mod preliminari, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra bħala sostenn. Għalhekk, ir-rikors għandu jiċċara f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li l-fatt li huwa sempliċement jissemma b’mod astratt ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-regoli tal-proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68; tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989 punt 333, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, Association belge des consommateurs test-achats vs Il-Kummissjoni, T‑224/10, Ġabra p. II‑7177, punt 71). Peress li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ċċarat il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

154    Fir-rigward tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti ssostni li mis-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jinkiser kull darba li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-MET f’mument li fih diġà għandha elementi li jippermettulha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tal-produttur ikkonċernat, fil-każ li l-MET jingħata u fil-każ li ma jingħatax.

155    Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta dwar il-portata tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi msemmija fil-punt 152 hawn fuq kif ukoll fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2011, Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill (T‑274/07, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37), joffri protezzjoni kontra l-arbitrarjetà tal-Kummissjoni, li ma tistax tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal MET ta’ kumpannija abbażi tal-fatt li hija taf bl-effett ta’ tali deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping ta’ din il-kumpannija.

156    Fil-prattika dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti meta l-Kummissjoni tkun talbet u rċeviet min-naħa tal-produttur ikkonċernat ir-risposti għat-taqsimiet tal-kwestjonarju antidumping rigward il-bejgħ intern tiegħu u rigward l-ispejjeż tiegħu, u rċeviet ukoll din l-informazzjoni min-naħa tal-kumpannija jew tal-kumpanniji fil-pajjiż analogu, jew meta l-Kummissjoni kienet taf bi kwalunkwe mezz ieħor li l-valur normali fis-suq analogu kien ogħla minn dak fiċ-Ċina.

157    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha fit-18 ta’ Diċembru 2009, data li fiha l-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping tal-produtturi tal-Unjoni, b’tali mod li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, għaliex id-deċiżjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tibbenefika mill-MET setgħet tkun differenti kieku l-Kummissjoni ma kellhiex l-imsemmija elementi.

158    Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, il-valur normali għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6), jekk jiġi muri, abbażi ta’ talbiet sostanzjati kif xieraq minn produttur jew minn diversi produtturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri msemmija fl-istess Artikolu 2(7)(ċ), illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi, f’dak li jirrigwarda l-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

159    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku “[g]ħandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta [; d]in id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha”.

160    Fid-dawl tas-sentenzi invokati mir-rikorrenti, imsemmija fil-punti 152 u 155 hawn fuq, fl-ewwel lok, ma jistax jitqies li kull skadenza tat-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku twassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping, li l-proċess ta’ adozzjoni tiegħu jinkludi l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali osservat fis-sentenza tagħha Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punti 138 u 139), l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tista’ twassal għal tali annullament biss jekk ir-rikorrenti turi li, fin-nuqqas ta’ tali skadenza, il-Kunsill seta’ jadotta regolament differenti li huwa iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regolament ikkontestat.

161    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq ir-ratio legis tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hekk kif setgħet tiġi osservata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi msemmija fil-punti 152 u 155 hawn fuq, sabiex issostni li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jinkiser kull darba li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-MET f’mument li fih diġà għandha elementi li jippermettulha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tal-produttur ikkonċernat u, konsegwentement, teskludi l-applikazzjoni tal-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha terminu ta’ tliet xhur sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet għal MET mibgħuta lilha.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li huwa fir-risposta tagħha għall-argument speċifiku tar-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni, li jipprovdi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku tipprovdi, mingħajr eċċezzjoni, li s-soluzzjoni adottata rigward l-MET tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni, li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fis-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punt 44), li l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kien jipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-informazzjoni li huma kellhom diġà waqt id-determinazzjoni inizjali tal-MET u li din id-dispożizzjoni kellha l-għan, fost l-oħrajn, li tiżgura li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur inkwistjoni operax fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma tiġix deċiża abbażi tal-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. L-argument tar-rikorrenti għandu madankollu jiġi miċħud, peress li l-element li pprevala fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien li deċiżjoni li jingħata l-MET li ma tibqax tirrifletti s-sitwazzjoni tal-produttur inkwistjoni ma għandhiex tinżamm (sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punti 45 sa 47).

163    Imbagħad, fis-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq (punt 128), il-Qorti Ġenerali rreferiet għar-ratio legis tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq biss sabiex tistabbilixxi jekk l-effettività tal-imsemmi terminu tkunx imqiegħda f’dubju jekk, matul il-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur u d-deċiżjoni dwar l-MET, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impriżi li talbu li jiġi rikonoxxut l-MET kienu qiegħdu lill-Kummissjoni fl-impossibbiltà li ssir taf liema effett seta’ jkollha d-deċiżjoni tagħha rigward l-MET fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

164    Fl-aħħar nett, fis-sentenza Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq (punt 37), il-Qorti Ġenerali semmiet ir-ratio legis tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku filwaqt li fakkret li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-għoti tal-MET ma jinżammx meta bidla fis-sitwazzjoni fattwali li abbażi tagħha kien ingħata dan l-istatus ma tibqax tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-produttur inkwistjoni jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jew meta l-Kummissjoni jkollha tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi li jkomplu, bi ħsara għall-impriża kkonċernata, żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-kriterji materjali msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

165    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fis-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, u Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li r-ratio legis tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kien jiġġustifika li regolament li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping jiġi annullat fir-rigward ta’ impriża kull darba li l-Kummissjoni setgħet tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ din l-impriża u minħabba s-sempliċi fatt ta’ tali għarfien fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-MET. Għandu jiġi osservat, bħalma għamel il-Kunsill, li ma hemmx rabta immedjata bejn it-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u l-eventwali fatt li l-Kummissjoni tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża. Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma jitlobx li d-deċiżjoni dwar l-MET tiġi adottata f’mument li fih il-Kummissjoni ma kinitx taf b’elementi li jippermettulha tkun taf l-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, anki meta fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-MET ma jkunx skada dan it-terminu, il-Kummissjoni tieħu tali deċiżjoni anki meta hija jkollha diġà informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-effett ta’ din fuq il-marġni ta’ dumping tal-impriża kkonċernata.

166    F’kull każ, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147), jirriżulta li, billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba u suġġett għall-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament bażiku, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiffavorixxi l-applikazzjoni korretta tal-kriterji materjali stabbiliti bl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku pjuttost milli r-rekwiżit ta’ deċiżjoni dwar l-MET li ma tinbidilx fiż-żmien jew inkella l-assenza ta’ għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’impriża waqt l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 155 iktar ’il fuq (punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat, f’din is-sentenza, li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu bi ħsara għall-impriża kkonċernata żball imwettaq fl-evalwazzjoni tal-kriterji materjali stabbiliti permezz ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, fil-każ li l-Kummissjoni tinduna matul l-investigazzjoni li, bil-kontra tal-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hija jkollha tiddeduċi l-konsegwenzi xierqa, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-Regolament bażiku (sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 111 u 112).

167    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li, huwa minnu, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha dwar l-MET, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandhom jittieħdu fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni u li s-soluzzjoni adottata għandha tibqa’ fis-seħħ tul din l-investigazzjoni, jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-qorti tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 152 u 155 hawn fuq, minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni barra minn dan it-terminu ma twassalx sempliċement minħabba dan il-fatt għall-annullament tar-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping u, min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tiġi mibdula tul il-proċedura jekk jirriżulta li hija żbaljata.

168    F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni finali li tiġi miċħuda t-talba għal MET tar-rikorrenti ma ġietx addotata fit-terminu ta’ tliet xhur previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, in-notifika ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea fit-2 ta’ Ottubru 2009. Madankollu d-deċiżjoni finali li tiċħad l-MET ġiet proposta fis-26 ta’ Marzu 2010 u ġiet ikkonfermata fit-30 ta’ April 2010.

169    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping tar-rikorrenti fid-19 ta’ Novembru 2009, inklużi t-taqsimiet tal-imsemmi kwestjonarju rigward il-bejgħ intern u l-ispejjeż ta’ din (ara l-punt 29 hawn fuq). Skont ir-rikorrenti, din l-informazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha fil-każ tal-għoti tal-MET. Minbarra dan, fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni rċeviet ir-risposti għall-kwestjonarji antidumping tal-produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 23 hawn fuq u setgħet, kif osservat ir-rikorrenti, minn din id-data, tikkalkola l-effett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ MET tar-rikorrenti fuq il-marġni ta’ dumping tagħha.

170    Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jingħad li l-fatt li l-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, setgħet tkun taf bl-effett tad-deċiżjoni dwar l-MET tar-rikorrenti fuq il-marġni ta’ dumping tal-imsemmija rikorrenti jista’ jkun rilevanti, sa fejn jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tkun influwenzata minn tali għarfien fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li r-regolament ikkontestat seta’ jkollu kontenut differenti fin-nuqqas tal-allegata irregolarità li taffettwa l-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-MET.

171    Qabel kollox, l-argument tagħha li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tagħha għal MET ittieħdet “abbażi tal-fatt li hija kienet taf bl-impatt ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping [tagħha], u li din id-deċiżjoni setgħet tkun differenti kieku l-Kummissjoni ma kellhiex din l-informazzjoni” ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, is-sempliċi għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar l-MET fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża ma jimplikax neċessarjament li tali deċiżjoni – u, konsegwentement, ir-regolament ikkontestat – seta’ jkollu kontenut differenti kieku din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Minn naħa, skont ir-rikorrenti nfisha, il-Kummissjoni diġà setgħet, fit-18 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, tkun taf bl-effett tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-MET fuq il-marġni ta’ dumping tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jingħad li l-Kummissjoni għandha informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping ta’ produttur fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-MET ta’ dan il-produttur, tibqa’ dejjem il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni – u r-regolament li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping – ma setgħetx tkun differenti. Dan jista’ jkun il-każ jekk kien manifest li tali produttur ma jkunx jista’ jibbenefika mill-MET minħabba li l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ġustament li l-produttur inkwistjoni ma osservax il-kriterji għall-għoti tal-MET previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping kienu kollha ssodisfatti.

172    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bl-ebda mod ma huwa sostnut. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement tafferma, mingħajr ma ssostni din l-affermazzjoni, “li l-għan tal-Kummissjoni kien li ttemm id-dazju b’rata żero li [hija] kienet qed tibbenefika minnu [...], u li r-raġunijiet kollha kienu tajbin sabiex jintlaħaq dan l-għan”. F’dan il-kuntest, anki jekk jingħad li fil-formulazzjoni tal-argument tagħha r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tipprova l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni, l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 130 hawn fuq.

173    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni rigward l-elementi tad-deċiżjoni dwar l-MET li setgħu ġew evalwati mod ieħor kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet ittieħdet fit-terminu ta’ tliet xhur jew fl-assenza ta’ kwalunkwe għarfien tal-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tagħha.

174    Huwa minnu li r-rikorrenti tagħmel, b’mod inċidentali, ċerti osservazzjonijiet rigward il-prezz imħallas għall-input prinċipali tagħha fis-suq intern. B’dan il-mod, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma osservat l-ebda influwenza tal-Istat Ċiniż fuq id-deċiżjonijiet tagħha rigward ix-xiri ta’ materji primi. F’dan ir-rigward, l-uniċi influwenzi allegati kienu dawk fuq il-livell makro-ekonomiku u jikkonċernaw l-allegata interferenza tal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jirregolaw il-prezz tas-suq kollu. Tali interferenzi ma humiex tali li jikkostitwixxu interferenza sinjifikattiva tal-Istat f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tal-impriżi rigward il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-input, ta’ natura li tipprekludi li dawn id-deċiżjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni s-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda.

175    Tali osservazzjonijiet huma intiżi pjuttost biex jikkontestaw l-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku milli biex jistabbilixxu li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf fl-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, li huwa madankollu l-ilment li fuqu huwa bbażat dan il-motiv.

176    F’kull każ, anki jekk jingħad li bil-kontestazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmi kriterju r-rikorrenti beħsiebha tistabbilixxi li, indipendentement minn kull ksur tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, id-deċiżjoni dwar l-MET kienet żbaljata, ikollu jiġi kkunsidrat li, kif jirriżulta mill-premessi 27 sa 34 tar-regolament ikkontestat, l-investigazzjoni stabbiliet li r-rikorrenti la kienet tissodisfa l-kriterju msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, rigward l-ispejjeż tal-materji primi, u lanqas il-kriterju msemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, rigward iż-żamma tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha.

177    Peress li l-produttur ikkonċernat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-istatus rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq u peress li, jekk huwa ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba tiegħu għandha tkun miċħuda (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 54), l-argument tar-rikorrenti ma jistax iqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tagħha għal MET, għaliex hija ma tikkontestax li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

178    Għaldaqstant ir-rikorrenti baqgħet ma pprovatx li r-regolament ikkontestat seta’ jkollu kontenut differenti kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba tagħha għal MET kienet ġiet adottata fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew fl-assenza ta’ kwalunkwe għarfien mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħha.

179    Għalhekk hemm lok li din il-parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

180    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-oneru tal-prova impost fuqha mill-Kummissjoni sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jeżiġu minn esportatur Ċiniż li huwa jġib il-prova ta’ fatt li huwa impossibbli li huwa jipprova sabiex jibbenefika minn dritt previst fir-Regolament bażiku.

181    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżiġiet li r-rikorrenti tipprova li s-suq tal-azzar fiċ-Ċina kien eżenti minn kull interferenza sinjifikattiva min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi, li jikkostitwixxi prova impossibbli li tinġab min-naħa tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għandha tindika biċ-ċar l-informazzjoni li hija tixtieq tirċievi mill-produtturi Ċiniżi u tara li l-informazzjoni mitluba ma tkunx eċċessiva fid-dawl tal-għan tat-talba u tal-kapaċitajiet tal-esportaturi kkonċernati.

182    Kif ġie mfakkar fil-punt 134 hawn fuq, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni, dan għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ikea Wholesale, punt 96 iktar ’il fuq, punti 40 u 41, u tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P,, punt 63).

183    L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż kkonċernat u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u jista’, għalhekk, jibbenefika mill-għoti ta’ status xieraq lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T‑155/94, Ġabra p. II‑873, punt 98; Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 49, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punt 81).

184    Madankollu, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, hija għandha madankollu tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Minbarra dan, mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-oneru tal-prova hija fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mill-istatus rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, talba ppreżentata skont id-dispożizzjoni msemmija taħt l-Artikolu 2(7)(b), għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi provi suffiċjenti li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Min-naħa l-oħra, huma l-imsemmija istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk il-provi pprovduti mill-produttur humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku huma ssodisfatti u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizjata bi żball manifest [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C‑249/10 P, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 53, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 152 iktar ’il fuq, punt 83].

186    Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istituzzjonijiet ma injorawx l-oneru tal-prova f’din il-kawża.

187    B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rikors u waqt is-seduta, ir-rikorrenti rreferiet għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 184 hawn fuq, mingħajr madankollu ma kkontestat l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet fuq it-talba tagħha għal MET li jinsabu fil-premessi 28 sa 33 tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-evalwazzjoni li saret fuq l-imsemmija talba mill-Kummissjoni, fil-premessi 37 sa 44 tar-regolament ikkontestat, provi mressqa b’mod partikolari minnha fl-ittri tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010 u tat-13 ta’ April 2010 sabiex turi li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u lanqas ma sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

188    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2009, Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group vs Il-Kunsill (T‑498/04, Ġabra p. II‑1969, punti 99 u 100), li l-oneru tal-prova impost fuq il-produttur-esportatur li qed jitlob l-MET huwa ssodisfatt meta dan tal-aħħar ikun ipprovda lill-Kummissjoni diversi provi li juru li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ), mitluba mill-Kummissjoni fil-kwestjonarju tagħha intiż għall-produtturi li jitolbu l-MET, u li ġew ivverifikati mill-Kummissjoni mingħajr ma tqiegħdet f’dubju l-awtentiċità tagħhom.

189    Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 187 hawn fuq, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-provi li hija ppreżentat insostenn tat-talba tagħha għal MET matul il-proċedura amministrattiva juru li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u ma tikkontestax il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward. L-argument tagħha, għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’.

190    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni talbitha “turi li s-suq tal-azzar fiċ-Ċina kien eżenti minn kull interferenza sinjifikattiva min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi”, u dan jikkostitiwixxi għar-rikorrenti prova impossibbli sabiex tinġab. Madankollu hija ma tippreżenta l-ebda prova tal-eżistenza ta’ tali rekwiżit min-naħa tal-istituzzjonijiet, li ġiet barra minn hekk ikkontestata mill-Kunsill fir-risposta tiegħu.

191    F’dan ir-rigward, kif enfasizza ġustament il-Kunsill, kienet ir-rikorrenti li kellha turi, permezz ta’ provi suffiċjenti, li hija kienet topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li l-infiq tal-inputs tagħha kien konformi mal-valuri tas-suq.

192    Peress li ġie stabbilit mill-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet xtrat il-materji primi tagħha matul il-perijodu tal-investigazzjoni fis-suq intern Ċiniż u kienet ibbenefikat b’dan il-mod minn prezzijiet tal-azzar artifiċjalment baxxi u distorti matul l-imsemmi perijodu (premessi 32 u 33 tar-regolament ikkontestat) u li l-infiq tal-inputs ma kienx jirrifletti l-valuri tas-suq, kienet ir-rikorrenti li kellha tippreżenta quddiem il-Kummissjoni provi sabiex tirribatti dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

193    Fid-dawl tal-fatt li l-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa bbażat biss fuq l-allegat ksur tal-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova, huwa wkoll għandu jiġi miċħud.

194    Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

195    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

196    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u minn Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal.

197    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn Vale Mill (Rochdale) u Colombo New Scal.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2012.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Dritt tad-WTO

Dritt tal-Unjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Regolament ikkontestat

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(9), tal-Artikolu 9(3) sa (6), u tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, sa fejn il-bidu ta’ proċedura ma jistax jirreferi għal kumpannija b’mod partikolari, iżda għandu jirreferi għal pajjiż jew diversi pajjiżi u l-produtturi kollha li huma stabbiliti hemmhekk

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(4) sa (6) tar-Regolament bażiku, interpretat b’mod konformi mad-dritt tad-WTO

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq l-argument prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-istituzzjonijiet li jirrevedu d-dazji b’rata żero tal-produtturi li l-marġni ta’ dumping tagħhom huwa de minimis skont l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament

– Fuq l-argument magħmul sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni de facto pproċediet għal reviżjoni tad-dazju b’rata żero tar-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat b’mod konformi mar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament bażiku, sa fejn ġew imposti dazji antidumping fuq ir-rikorrenti mingħajr ma ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu matul il-perijodu tal-investigazzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax l-MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tagħha, fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal MET ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali rifjut fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-oneru tal-prova impost mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti sabiex turi li kienet topera f’ekonomija tas-suq huwa eċċessiv u jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.