Language of document : ECLI:EU:T:2021:904

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

15 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri ta’ appoġġ meħuda mir-Rumanija favur impriża petrokimika – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni, akkumulazzjoni u annullament ta’ djun pubbliku – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Bidu tad-dekorrenza – Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Interess ġuridiku – Eżistenza ta’ miżura waħda jew iktar – Riżorsi tal-Istat – Imputabbiltà lill-Istat – Applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑565/19,

Oltchim SA, stabbilita f’Râmnicu Vâlcea (ir-Rumanija), irrappreżentata minn C. Arhold, L.‑A. Bondoc, S.‑E. Petrisor u K. Struckmann, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1144 tas‑17 ta’ Diċembru 2018 dwar l-għajnuna mill-istat SA.36086 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mir-Rumanija għal Oltchim SA (ĠU 2019, L 181, p. 13),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik‑Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kuntest fattwali u l-proċedura amministrattiva

1        Ir-rikorrenti, Oltchim SA, stabbilita fl‑1966 u li r-Rumanija għandha sehem ta’ 54.8 % tal-kapital tagħha, kienet waħda mill-ikbar impriżi petrokimiċi tar-Rumanija u tax-Xlokk tal-Ewropa. L-operazzjoni tagħha kienet il-manifattura ta’ prodotti petrokimiċi, prinċipalment soda kawstika likwida, ossidu-poljoli tal-propilen, plastifikanti u osso-alkoħols.

2        Matul il-perijodu ta’ bejn l‑2007 u l‑2012, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti marret għall-agħar minħabba li kellha żieda sistematika fit-telf operatorju tagħha, fit-telf akkumulat tagħha u fil-fondi proprji negattivi tagħha.

3        Sabiex tirrimedja dan, fis‑17 ta’ Lulju 2009, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari, miżura ta’ appoġġ li tikkonsisti fil-konverżjoni tad-dejn pubbliku ta’ Oltchim f’azzjonijiet. Fis‑7 ta’ Marzu 2012, bid-Deċiżjoni 2013/246/UE dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.29041 (C 28/2009, ex N 433/2009) Miżuri ta’ appoġġ favur Oltchim SA Râmnicu Vâlcea (ĠU 2013, L 148, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2012”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-dejn tar-rikorrenti fl-ammont ta’ 1 049 000 000 lei Rumeni (RON) (li jikkorrispondi għal madwar EUR 231 miljun) ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

4        Fit‑23 ta’ Novembru 2012, il-Ministeru għall-Finanzi Rumen, il-Ministeru għall-Ekonomija Rumen, il-Ministeru għat-Trasport u għall-Infrastruttura Rumen, l-Oficiul Participațiilor Statului și Privatizării în Industrie (l-Uffiċċju tal-Ishma tal-Istat u tal-Privatizzazzjoni fl-Industrija, ir-Rumanija) u l-Autoritatea pentru Valorificarea Activelor Statului (l-Awtorità għall-Kapitalizzazzjoni tal-Assi tal-Istat, ir-Rumanija), fejn din tal-aħħar sussegwentement ingħatat l-isem il-ġdid bħala Autoritatea pentru Administrarea Activelor Atatului (l-Awtorità li Tamministra l-Assi tal-Istat, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“AAAS”), kif ukoll erba’ impriżi pubbliċi kredituri tar-rikorrenti, jiġifieri Electrica SA, Salrom SA, CFR Marfă SA u CEC Bank SA; żewġ banek privati kredituri tar-rikorrenti, jiġifieri Banca Transilvania SA u Banca Comercială Română SA, fejn dan tal-aħħar sussegwentement sar Erste Bank, u r-rikorrenti kkonkludew Memorandum ta’ Ftehim (iktar ’il quddiem il-“Memorandum”) għall-finanzjament tat-tkomplija tal-produzzjoni ta’ din tal-aħħar.

5        Wara li saret taf bl-eżistenza tal-Memorandum permezz tal-istampa, fis‑16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ex officio.

6        Fit‑30 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti, fuq talba tagħha stess, kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fid‑9 ta’ Jannar 2015, l-amministratur legali ffinalizza l-lista definittiva ta’ kredituri, li tindika l-ammont, il-prijorità u n-natura ta’ kull kreditu u bagħatha lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti.

7        Fid‑9 ta’ Marzu 2015, il-kredituri tar-rikorrenti approvaw pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-impriża, li kien jipprevedi, essenzjalment, il-bejgħ tagħha lil investitur ġdid li jieħu l-assi jew l-operazzjonijiet tagħha (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riorganizzazzjoni” jew il-“pjan”). Barra minn hekk, il-pjan approvat kien jipprevedi annullament parzjali tad-dejn tar-rikorrenti. Fit‑22 ta’ April 2015, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti adottat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, billi approvat l-annullament parzjali tad-dejn tar-rikorrenti, il-ħolqien ta’ entità ġdida (Oltchim SPV) u t-trasferiment tal-assi vijabbli kollha tar-rikorrenti lil din tal-aħħar. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni sar definittiv fl‑24 ta’ Settembru 2015.

8        Fit‑8 ta’ April 2016, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

9        Fis‑6 ta’ Marzu 2017, il-kredituri tar-rikorrenti approvaw pjan ta’ riorganizzazzjoni rrevedut, li issa kien jipprevedi l-bejgħ tal-assi tar-rikorrenti permezz ta’ raggruppamenti u mhux permezz tal-ħolqien ta’ entità ġdida. Dan il-pjan irrevedut ġie kkonfermat mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti fit‑28 ta’ Ġunju 2017 u sar definittiv fis‑16 ta’ Ottubru 2017. Skont dan il-pjan irrevedut, il-parti l-kbira tar-raggruppamenti tal-assi tar-rikorrenti nbiegħet lill-kumpannija Chimcomplex, raggruppament ieħor inbiegħ lill-kumpannija Dynamic Selling Group, filwaqt li, għar-raggruppamenti li kien fadal, tnediet sejħa għal offerti ġdida f’Mejju 2018.

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

10      Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2019/1144 dwar l-għajnuna mill-istat SA.36086 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mir-Rumanija għal Oltchim SA (ĠU 2019, L 181, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tat-tliet miżuri li ġejjin u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern:

–        in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni tad-djun tar-rikorrenti mill-AAAS, bejn Settembru 2012 u Jannar 2013 (iktar ’il quddiem il-“Miżura 1”);

–        l-appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ Oltchim fil-forma tat-tkomplija ta’ kunsinni mingħajr ħlas bejn Settembru 2012 u Jannar 2013 minn CET Govora u Salrom (iktar ’il quddiem il-“Miżura 2”);

–        l-annullament tad-dejn imwettaq fl‑2015 fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni mill-AAAS, mill-Administrația Națională Apele Române (l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Ilmijiet Rumeni, iktar ’il quddiem l-“ANE”), Salrom, Electrica u CET Govora (iktar ’il quddiem il-“Miżura 3”).

12      Fil-punt 6.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 183 sa 301), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ċċitati fil-punt 11 iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ għall-operazzjonijiet tar-rikorrenti minn Salrom fil-kuntest tal-Miżura 2, u tal-annullament tad-dejn imwettaq fl‑2015 fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni minn CET Govora fil-kuntest tal-Miżura 3. Skont l-imsemmija deċiżjoni, il-miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat ittieħdu bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u kienu, għalhekk, illegali.

13      Fil-punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 302 sa 310), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat kienet inkompatibbli mas-suq intern.

14      Fil-punti 6.3 (premessi 311 sa 315) u 6.4 (premessi 316 sa 351) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Rumeni kellhom jipproċedu għall-irkupru tal-ammonti korrispondenti għall-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, minħabba li dan l-irkupru, madankollu, ma setax jiġi estiż għax-xerrejja tal-assi tar-rikorrenti, fl-assenza ta’ kontinwità ekonomika bejnha u bejniethom.

15      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Il-miżuri li ġejjin soġġetti għal din id-Deċiżjoni mdaħħla fis-seħħ b’mod illegali mir-Rumanija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, flimkien u b’mod separat, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat:

(a)      in-nuqqas ta’ infurzar u l-akkumulazzjoni ulterjuri tad-djun [mill-AAAS] bejn Settembru 2012 u Jannar 2013;

(b)      l-appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ Oltchim fil-forma ta’ provvisti ssoktati mhux imħallsa u akkumulazzjoni ulterjuri tad-dejn minn Settembru 2012 minn CET Govora mingħajr miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-pretensjonijiet tagħha fl-ammont li għandu jiġi determinat flimkien mar-Rumanija matul il-fażi ta’ rkupru;

(c)      it-tħassir tad-dejn skont il-Pjan ta’ Riorganizzazzjoni minn AAAS, [l-ANE], minn Salrom u minn Electrica SA għal ammont aggregat, flimkien mal-Artikolu 1(a), ta’ RON 1 516 598 405.”

16      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Il-miżuri li ġejjin soġġetti għal din id-Deċiżjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE:

(a)      Is-sostenn għall-operazzjonijiet ta’ Oltchim fil-forma ta’ provvisti ssoktati minn Settembru 2012;

(b)      It-tħassir tad-dejn tal‑2015 skont il-Pjan ta’ Riorganizzazzjoni minn CET Govora.”

17      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(a) u (c), li tammonta għal total ta’ RON 1 516 598 405 miljun, kif ukoll l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(b), mogħtija illegalment mir-Rumanija, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, favur Oltchim, hi inkompatibbli mas-suq intern.”

18      Fl-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Rumanija tirkupra l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni mingħand ir-rikorrenti, b’effett immedjat, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi implimentata għalkollox fi żmien sitt xhur mill-komunikazzjoni tagħha. Fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Rumanija tikkomunikalha ċerta informazzjoni u li żżommha informata bil-progress tal-miżuri meħuda sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni kkontestata. Fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-Rumanija kienet destinatarja ta’ din id-deċiżjoni u li l-Kummissjoni setgħet tippubblika l-ammonti tal-għajnuna u tal-interessi rkuprati b’applikazzjoni tagħha.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Fit‑3 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

21      Fil‑21 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

22      Fil‑25 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

23      Fid‑19 ta’ Ġunju 2020, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

24      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tad‑19 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali indirizzat, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li rrispondewhom fit-termini stabbiliti.

25      Instemgħu s-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2021.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

28      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors, bl-ewwel waħda relatata mat-tardività tar-rikors, u t-tieni waħda relatata mal-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

1.      Fuq it-tardività allegata tar-rikors

29      Il-Kummissjoni tqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba tardività. Fil-fehma tagħha, essenzjalment, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri mill-mument li fih rappreżentant tar-rikorrenti sar jaf bid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittri rrakkomandati tas‑16 ta’ Mejju 2019, bagħtet lill-amministraturi ġudizzjarji tar-rikorrenti, Rominsolv S.p.r.l. u BDO – Business Restructuring S.p.r.l., verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata bir-Rumen u bl-Ingliż. Skont il-Kummissjoni, BDO – Business Restructuring irċeviet din il-komunikazzjoni fit‑30 ta’ Mejju 2019, filwaqt li Rominsolv irċevietha fl‑4 ta’ Ġunju 2019. Għalhekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri minn meta l-ewwel wieħed fosthom sar jaf bih, f’dan il-każ, fit‑30 ta’ Mejju 2019, u mhux mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri l‑5 ta’ Lulju 2019, b’tali mod li d-data ta’ skadenza għall-preżentata ta’ dan ir-rikors kienet it‑12 ta’ Awwissu 2019. Issa, peress li r-rikors ġie ppreżentat fl‑14 ta’ Awwissu 2019, ir-rikors huwa inammissibbli minħabba tardività.

30      Skont il-Kummissjoni, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa d-data tal-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat fil-Ġurnal Uffiċjali esklużivament meta din il-pubblikazzjoni tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi att u hija prevista mit-Trattat FUE. Issa, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1589, bħad-deċiżjoni kkontestata, jidħlu fis-seħħ permezz tal-komunikazzjoni tagħhom lill-Istat Membru kkonċernat, li huwa l-uniku destinatarju tagħhom, u mhux permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ tali deċiżjoni, skont l-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament, ma tikkostitwixxix pubblikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iżda sempliċi għarfien tagħha, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Konsegwentement, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa jew id-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċerna l-Istat Membru destinatarju tagħha, jew id-data li fiha d-deċiżjoni saret magħrufa, f’dak li jikkonċerna l-partijiet interessati. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, jekk id-data li fiha parti interessata tirċievi l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, prevista fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, tkun qabel id-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, hija din l-ewwel data li minnha jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

31      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li hija tirrakkomanda tmur kontra ġurisprudenza li ilha teżisti tal-qrati tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kif ikkonfermat espressament waqt is-seduta, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra mill-ġdid din il-ġurisprudenza, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384), u tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120), li jikkonfermaw, fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija tressaq.

32      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

33      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jiġi kkomunikat lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-jum minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ.

34      Il-komunikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta’ att jikkomunikah lid-destinatarju jew lid-destinatarji tiegħu u għalhekk jippermettilhom isiru jafu bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Rumanija kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, minħabba li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tagħha, il-komunikazzjoni li saritilha tal-imsemmija deċiżjoni, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2015/1589, ma tikkostitwixxix komunikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, EU:T:2005:218, punti 75 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tar-rikorrenti għandux jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-pubblikazzjoni, jew bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-għarfien tal-att fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

37      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE stess, u b’mod partikolari mill-kliem “fin-nuqqas ta’ dan”, jirriżulta li l-kriterju tad-data meta r-rikorrent isir jaf b’att huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 35, u tal‑11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 33). Għalhekk, id-data tal-pubblikazzjoni, jekk ikun hemm waħda, hija, meta mqabbla ma’ dik tal-għarfien tal-att, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (digriet tal‑25 ta’ Novembru 2008, S.A.BA.R. vs Il‑Kummissjoni, C‑501/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:652, punt 22, u s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Transportes Evaristo Molina vs Il‑Kummissjoni, C‑36/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2010:670, punt 37).

38      Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li, fir-rigward tal-atti li, skont prassi kostanti tal-istituzzjoni kkonċernata, kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, minkejja li din il-pubblikazzjoni ma kinitx kundizzjoni għall-applikabbiltà tagħhom, il-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf bl-att ma kienx applikabbli u li t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, it-terz interessat jista’ leġittimament jistenna li l-att inkwistjoni jiġi ppubblikat. Din is-soluzzjoni, li tirreferi għaċ-ċertezza legali u tapplika għat-terzi interessati kollha, tapplika, b’mod partikolari, meta t-terz interessat li ppreżenta r-rikors sar jaf bl-att qabel il-pubblikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq tapplika a fortiori għall-atti li l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ssir obbligatorja mid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, minħabba li l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 2015/1589 jeżiġi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Fuq il-bażi ta’ dan l-obbligu, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata integralment fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑5 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 181, p. 13).

40      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra mill-ġdid din il-ġurisprudenza. Fil-fehma tagħha, il-kriterju tal-pubblikazzjoni fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirrigwarda biss l-ipoteżi fejn il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-att ikkontestat tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tiegħu u hija prevista mit-Trattat FUE.

41      Sabiex jiġi eżaminat jekk għandhiex tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-ġurisprudenza eżistenti fis-sens irrakkomandat mill-Kummissjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, fit-tieni lok, l-effett eventwali fuq din l-interpretazzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120), invokati mill-Kummissjoni.

a)      Fuq l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ewwel, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tuża l-kliem “pubblikazzjoni tal-miżura [att]”, mingħajr ma żżid xejn magħhom u mingħajr ma teżiġi li tali pubblikazzjoni għandha neċessarjament tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ ta’ tali att, jew tkun prevista mit-Trattat FUE. Il-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għalhekk ma turix li l-awturi tat-Trattat riedu jirrestrinġu l-kunċett ta’ pubblikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni esklużivament għall-każ fejn il-pubblikazzjoni tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att ikkontestat u fejn dan huwa previst mit-Trattat FUE.

44      It-tieni, l-użu tal-espressjoni “fin-nuqqas ta’” juri li l-għarfien tal-att ikkontestat kien indikat b’mod konxju mill-awturi tat-Trattat bħala kriterju sussidjarju li japplika biss fl-assenza tal-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat.

45      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikkonferma dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 263 TFUE, li jagħmel parti mit-Taqsima 5, intitolata “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” tal-Kapitolu 1, intitolat “L-istituzzjonijiet”, tat-Titolu I tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE, jirregola, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet fil-kawża jistgħu jadixxu lill-qorti tal-Unjoni b’rikors għal annullament ta’ att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar id-dritt ta’ partijiet fil-kawża li jressqu rikors ma jistgħux jiġu interpretati restrittivament (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 222, u digriet tal‑25 ta’ Mejju 2004, Schmoldt et vs Il‑Kummissjoni, T‑264/03, EU:T:2004:157, punt 59).

47      Issa, l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, irrakkomandat mill-Kummissjoni, essenzjalment twassal sabiex jiġi interpretat il-kriterju tal-pubblikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni b’mod iktar restrittiv minn dak li jirriżulta mill-kliem tagħha, billi żżid kundizzjoni supplimentari, li skontha l-pubblikazzjoni għandha tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att ikkontestat u għandha tkun prevista mit-Trattat FUE. Issa, minbarra li din il-kundizzjoni supplimentari ma tirriżultax mill-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), hija wkoll tmur kontra l-għan li hija bbażata fuqu din id-dispożizzjoni.

48      Fil-fatt, l-iskop tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkonsisti fis-salvagwardja ta’ ċertezza legali billi jiġi evitat l-eżami mill-ġdid indefinit tal-atti tal-Unjoni li jwasslu għal effetti legali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, Fryč vs Il‑Kummissjoni, C‑230/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:685, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li t-termini għall-preżentata ta’ rikors u l-bidu tad-dekorrenza tagħhom jiġu ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż, ċar, prevedibbli u faċilment verifikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huwa fl-interess taċ-ċertezza legali, u b’mod iktar ġenerali tal-istabbiltà tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li tkun tista’ tiġi ddeterminata b’ċertezza d-data li minnha l-atti tal-Unjoni jsiru definittivi, fin-nuqqas ta’ rikors fir-rigward tagħhom.

49      Huwa billi fittxew l-għan ta’ ċertezza legali li l-awturi tat-Trattat FUE riedu li d-data tal-pubblikazzjoni tal-att tipprevali bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, minħabba li din id-data tista’ tiġi ddeterminata minn kull parti interessata biċ-ċertezza meħtieġa u mingħajr dubju possibbli, fuq dik tal-għarfien tal-att ikkontestat.

50      Fil-fatt, minn naħa, din id-data tal-aħħar tista’ tvarja skont l-għarfien individwali ta’ kull persuna interessata, b’tali mod li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u, għalhekk, id-data tal-iskadenza tiegħu, ma jistgħux jiġu ddeterminati b’mod uniformi. Min-naħa l-oħra, id-data li fiha l-att sar magħruf tista’, f’ċerti każijiet, tkun diffiċli li tiġi ddeterminata u tkun suġġetta għal kontroversji, minħabba li l-prova tal-għarfien hija ferm fattwali u ċirkustanzjali.

51      Għalhekk, ir-rekwiżiti marbuta maċ-ċertezza legali jeżiġu li tiġi ppreferuta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, in-natura ċerta, prevedibbli u faċilment verifikabbli tal-pubblikazzjoni tal-att tal-Unjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, kemm jekk din il-pubblikazzjoni tikkundizzjona, u anki jekk le, id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, kif ukoll jekk din tkun prevista fit-Trattat FUE jew fid-dritt sekondarju.

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata mhux biss iċ-ċertezza legali, iżda anki l-ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża quddiem il-liġi (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, RF vs Il‑Kummissjoni, C‑660/17 P, EU:C:2019:509, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan l-aħħar rigward, ċertament ma huwiex eskluż li, fattwalment, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, parti interessata tirċievi komunikazzjoni tal-att ikkontestat skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2015/1589 diversi ġimgħat, jew anki diversi xhur, qabel il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, b’tali mod li hija tkun tista’ tibbenefika, f’tali ċirkustanzi, minn terminu ta’ iktar minn xahrejn sabiex tipprepara r-rikors tagħha u għalhekk itwal minn dak li għandu l-Istat Membru kkonċernat.

54      Madankollu, kull differenza eventwali fiż-żmien bejn il-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2015/1589, u l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tiddependi ħafna mill-ħeffa li biha d-dipartimenti tal-Kummissjoni jippreparaw il-verżjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni għall-pubblikazzjoni, kif ukoll minn kwalunkwe dewmien fil-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Għaldaqstant, l-oriġini ta’ din id-differenza hija amministrattiva, jew saħansitra ċiklika, u għalhekk bl-ebda mod ma tista’ tiġi attribwita lill-parti interessata inkwistjoni. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tevita, sa fejn huwa possibbli, tali differenza permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri amministrattivi xierqa, u mhux permezz ta’ interpretazzjoni restrittiva tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif hija tirrakkomanda.

55      Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tislet argument mill-fatt li, fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE segwita fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq tneħħi kull effett utli għall-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2015/1589. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi nnotat li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tirregola l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u li, fi kwalunkwe każ, ma tistax tikkundizzjona l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju.

56      Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament minn rikorrent li ma huwiex id-destinatarju ta’ dan l-att, ma għandux jiġi interpretat bħala li jirreferi biss għall-każ fejn il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi att u hija prevista mit-Trattat FUE.

b)      Fuq l-effett tas-sentenza tas17 ta’ Mejju 2017, IlPortugall vs IlKummissjoni (C339/16 P), u tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos SánchezBordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C135/16)

57      Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120) biddlux il-ġurisprudenza fis-sens previst mill-Kummissjoni.

58      L-ewwel, għandu jiġi nnotat li l-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384), kienet tikkonċerna każ kompletament differenti minn dak inkwistjoni f’din il-kawża, minħabba li f’din il-kawża kienet inkwistjoni r-rabta bejn il-kriterju tal-pubblikazzjoni u dak tal-komunikazzjoni fir-rigward ta’ rikorrent li kien id-destinatarju tal-att ikkontestat u li kien ġie kkomunikat lilu.

59      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li minn qari flimkien tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jirriżulta li, fir-rigward tar-rikorsi għal annullament, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kienet dik tal-pubblikazzjoni, meta din il-pubblikazzjoni, li kienet tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att, kienet prevista minn dan it-trattat, u dik tal-komunikazzjoni fil-każijiet l-oħrajn imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li fosthom kien hemm dak li kienu jindikaw id-destinatarju tagħhom. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni ta’ att ma għandhiex karattru sussidjarju, meta mqabbel mal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, għad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu tal-preżentata ta’ rikors li japplika għad-destinatarju ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑337/16 P, EU:C:2017:381, punti 36, 38 u 40; tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑338/16 P, EU:C:2017:382, punti 36, 38 u 40; u tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑339/16 P, EU:C:2017:384, punti 36, 38 u 40).

60      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE sabiex tiċċara r-rabta bejn il-kriterju tal-pubblikazzjoni u dak tal-komunikazzjoni fir-rigward tal-Istat Membru destinatarju tal-att ikkontestat. Minħabba li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jindikax jekk wieħed minn dawn il-kriterji jipprevalixxix fuq l-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE sabiex tiddefinixxi dawn il-kriterji.

61      Għall-kuntrarju, din il-kawża tikkonċerna r-rabta bejn il-kriterju tal-pubblikazzjoni u dak tal-għarfien fir-rigward ta’ rikorrent li ma huwiex id-destinatarju tal-att ikkontestat. Issa, f’dan il-każ, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi huwa nnifsu n-natura sussidjarja tal-kriterju tal-għarfien meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni.

62      Barra minn hekk, xejn ma jindika li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑339/16 P, EU:C:2017:384), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tabbanduna l-ġurisprudenza tagħha mfakkra fil-punt 37 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, fil-punt 39 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat it-tagħlim li jirriżulta mill-punt 35 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94), li jipprovdi li mill-formulazzjoni nnifisha tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-kriterju tad-data tal-għarfien tal-att bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni jew tal-komunikazzjoni tal-att.

63      Issa, il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94), qajmet, essenzjalment, l-istess kwistjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. F’din il-kawża, kienet inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li kkonkludiet ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li l-kontenut tagħha kien magħruf minn dan l-Istat Membru sa mill-istess jum tal-adozzjoni tiegħu, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija adozzjoni fi ħdan il-Kunsill. Sussegwentement, l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, mingħajr ma din il-pubblikazzjoni tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tagħha. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill kien sostna, essenzjalment, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa mill-Kummissjoni f’din il-kawża, li r-rikors kien inammissibbli, billi argumenta li d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tista’ titqies bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors esklużivament għall-atti li għalihom din kienet kundizzjoni għall-applikabbiltà tagħhom.

64      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx l-interpretazzjoni rrakkomandata mill-Kunsill, minħabba li jirriżulta, impliċitament iżda neċessarjament, mill-punti 34 sa 40 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94), li, meta l-att ikkontestat ma jindikax destinatarju jew, jekk jindika, meta r-rikorrent ma huwiex id-destinatarju ta’ dan l-att, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-imsemmi att tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, anki meta l-imsemmija pubblikazzjoni ma tikkondizzjonax id-dħul fis-seħħ tiegħu, u anki jekk ir-rikorrent isir jaf bl-att, qabel id-data tal-pubblikazzjoni, permezz ta’ mezzi oħrajn affidabbli wkoll.

65      It-tieni, fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:120, punt 63), huwa biżżejjed jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et (C‑135/16, EU:C:2018:582), il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx l-affermazzjoni magħmula fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

66      It-tielet, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/1589 huwa irrilevanti, minħabba li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE baqa’ ma nbidilx u li, manifestament, il-modifiki magħmula fid-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jistgħux ibiddlu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2015/1589, li fuqu l-Kummissjoni bniet parti mill-argumenti tagħha, kif ukoll l-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament, baqgħu, essenzjalment, l-istess meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet analogi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

c)      Konklużjonijiet

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2015/1589, fir-rigward ta’ rikorrent li ma huwiex id-destinatarju tagħha, huwa d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

68      Minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil‑5 ta’ Lulju 2019 u r-rikors ġie ppreżentat fl‑14 ta’ Awwissu 2019, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud, konformement mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regoli tal-Proċedura, rispettivament, bit-termini ta’ erbatax‑il jum u ta’ għaxart ijiem.

69      Għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq it-tardività tar-rikors, għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti

70      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku minħabba li, minn naħa, hija ma tibqax teżisti probabbilment qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura minħabba l-likwidazzjoni definittiva imminenti tagħha u, min-naħa l-oħra, li dan ir-rikors iservi biss fl-interess ta’ ċerti kredituri privati privileġġati tar-rikorrenti, u mhux dak tar-rikorrenti stess.

71      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li, għalhekk, ir-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, u għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Cañas vs Il‑Kummissjoni, C‑269/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:415, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      L-ewwel, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti kienet teżisti bħala persuna ġuridika. L-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti tista’ tieqaf teżisti qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura huwa purament ipotetiku, minħabba li ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk u meta r-rikorrenti tista’ tieqaf teżisti.

74      It-tieni, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet ta’ kull proċedura ta’ insolvenza huwa li tiġi mmassimizzata l-massa tal-patrimonju tal-impriża insolventi, inkluż permezz tal-preżentata ta’ rikors intiż li jikkontesta d-djun li jnaqqsu din il-massa. Issa, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, dan l-annullament jista’ jkollu effett fuq il-massa tal-patrimonju li jifdal tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti taġixxi fl-interess tagħha stess.

75      Barra minn hekk, il-fatt li dan l-interess jista’ jikkoinċidi ma’ dak ta’ persuni oħrajn ma huwiex ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 84).

76      Għaldaqstant, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, għandha tiġi miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

77      Ir-rikorrenti tqajjem disa’ motivi li jikkonċernaw, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ta’ kull waħda mit-tliet miżuri msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq bħala għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, fir-rigward tal-Miżuri 1 u 2, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, kif ukoll nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tal-Miżura 3, hija tqajjem tliet motivi bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward, rispettivament, tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fir-rigward ta’ Electrica, l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat, u l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku kif ukoll motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u anki motiv dwar il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

78      Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li, fil-punti 6.1.1 u 6.1.2.1 sa 6.1.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat separatament kull waħda mit-tliet miżuri msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq u, fil-premessa 298 tal-imsemmija deċiżjoni, ikklassifikathom, kull waħda minnhom separatament, bħala għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, fil-punt 6.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Miżuri 1, 2 u 3 kienu intrinsikament marbuta u kienu jsegwu l-istess għan, u kkonkludiet, fil-premessa 299 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-“Miżuri 1, 2 u 3 meħuda flimkien [kienu] jikkostitwixxu għajnuna [mill-Istat]”. Fl-aħħar, il-Kummissjoni, filwaqt li ssemmi kull waħda minn dawn it-tliet miżuri fl-Artikolu 1(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonkludiet, fl-imsemmi artikolu, li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, “flimkien u b’mod separat”.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk il-Miżuri 1, 2 u 3 jikkostitwixxux tliet interventi distinti jew intervent wieħed.

1.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Miżuri 1, 2 u 3 jikkostitwixxux tliet interventi distinti jew intervent wieħed

80      Mingħajr ma tinvoka motiv separat dwar il-klassifikazzjoni tal-Miżuri 1, 2 u 3 bħala interventi distinti jew bħala intervent wieħed, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ setgħet tiġi stabbilita esklużivament b’mod individwali, miżura b’miżura, u kreditur bi kreditur.

81      Għalhekk, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza, billi tirreferi għall-punt 6.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni “kellha […] turi li l-konklużjoni tal-Memorandum kienet imputabbli lill-Istat f’dak li jirrigwarda kull kreditur pubbliku meħud individwalment” u li “[l-]miżuri meħuda minn kull wieħed mill-kredituri pubbliċi kellhom […] jiġu evalwati separatament”. Barra minn hekk, fil-parti tar-rikors intitolata “L-imputabbiltà lill-Istat għandha tiġi eżaminata individwalment għall-kredituri pubbliċi kollha kkonċernati”, hija ssostni, essenzjalment, li “l-Kummissjoni għandha turi l-imputabbiltà għal kull impriża pubblika meħuda individwalment”.

82      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni applikat il-kriterju ta’ kreditur privat sabiex tiddetermina jekk kienx jeżisti vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija kellha twettaq, “[g]ħal kull miżura”, “evalwazzjoni individwali ta’ kull impriża pubblika kkonċernata”.

83      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li “l-imputabbiltà lill-Istat (kif ukoll l-elementi l-oħra kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, bħall-vantaġġ ekonomiku) għandha tiġi evalwata għal kull miżura ta’ kull kreditur pubbliku individwalment”.

84      Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti żiedet, essenzjalment, li fid-dawl tas-suġġett, tan-natura, tal-kronoloġija, tal-iskop u tal-kuntest tal-Miżuri 1, 2 u 3, kif ukoll tal-identità differenti ta’ dawk li taw l-għajnuna u tas-sitwazzjoni differenti li kienu jinsabu fiha fil-mument meta dawn il-miżuri kienu ġew adottati, dawn kienu jikkostitwixxu tliet interventi distinti, u mhux intervent wieħed, fis-sens tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 103 u 104).

85      Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku li jirriżulta min-natura interkonnessa tal-miżuri inkwistjoni u li, għaldaqstant, kull motiv ġdid imqajjem mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, anki b’risposta għall-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huwa tardiv u inammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni tirrepeti ċerti konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 6.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata u tqis li wriet, fiha, li l-miżuri inkwistjoni kienu intrinsikament marbuta u li kienu jfittxu l-istess għan, jiġifieri li jsostnu u jżommu lir-rikorrenti fis-suq, kif ukoll li jipproteġu lill-impjegati tagħha u li, għaldaqstant, flimkien, kienu taw vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti u kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti

86      Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-Miżuri 1, 2 u 3 bħala intervent wieħed jew bħala interventi separati jikkostitwixxu motiv ġdid inammissibbli.

87      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ dan il-motiv għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 81 u 82 iktar ’il fuq, il-motivi u l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti fir-rikors tagħha huma bbażati fuq il-premessa, minn naħa, li kull waħda mill-Miżuri 1, 2 u 3 għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni separata u, min-naħa l-oħra, li din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda individwalment lil kull kreditur ikkonċernat minn dawn il-miżuri. Barra minn hekk, diversi drabi fir-rikors tagħha u fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni kellha tipprova li kull waħda minn dawn il-miżuri, meħuda individwalment u, konsegwentement, l-aġir ta’ kull kreditur fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat u jagħtuh vantaġġ.

89      Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma ppreżentatx dan l-argument bħala motiv distint insostenn tar-rikors tagħha ma huwiex determinanti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għandu jiġi interpretat bil-għan li jingħatalu effett utli billi titwettaq evalwazzjoni globali tiegħu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Intercontact Budapest vs Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, T‑640/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:167, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, miġbura fil-qosor fil-punt 84 iktar ’il fuq, jiżdiedu u jiżviluppaw iktar l-argument diġà msemmi fir-rikors tagħha kif ukoll fir-replika tagħha, b’tali mod li dawn jikkostitwixxu estensjoni ta’ dan l-argument u huma marbuta mill-qrib miegħu. Għaldaqstant, tali argumenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

91      Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-Miżuri 1, 2 u 3 jikkostitwixxux tliet interventi distinti jew intervent wieħed hija prerekwiżit neċessarju għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat u kienu jagħtu vantaġġ ekonomiku selettiv, huwa neċessarju li jiġi stabbilit, minn qabel, jekk dawn il-kriterji għandhomx jiġu ssodisfatti għal kull miżura meħuda separatament jew għall-miżuri kollha, meqjusa bħala intervent wieħed.

92      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq il-klassifikazzjoni tal-Miżuri 1, 2 u 3 bħala tliet interventi distinti jew bħala intervent wieħed

93      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Miżuri 1, 2 u 3 kienu intrinsikament marbuta u kienu jaqgħu taħt l-istess għan prinċipali, kif kien ġie spjegat mill-Memorandum u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet Rumeni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet pubbliċi”), jiġifieri s-sostenn u ż-żamma tar-rikorrenti fis-suq, u s-salvagwardja tal-impjiegi tal-impjegati tagħha, fid-dawl tal-istess identità ta’ dawk li ħadu l-miżuri, tal-kronoloġija tagħhom, tal-iskop tagħhom u tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni sabiex tittieħed kull waħda mill-miżuri. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Miżura 3 ma setgħetx tiġi sseparata mill-Miżuri 1 u 2 u li dawn il-miżuri kollha kienu jikkostitwixxu sensiela ta’ interventi strettament marbuta ma’ xulxin imputabbli lill-Istat li jagħtu vantaġġ lir-rikorrenti, kif propost mill-Memorandum (punt 6.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi eskluż li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ikunu meqjusa bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta interventi konsekuttivi jippreżentaw, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-iskop tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu disassoċjati (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 103 u 104).

95      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti, bħalma huma, minbarra l-kriterji msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq, is-suġġett, in-natura u l-kuntest tal-interventi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punti 176 u 178, u tal‑15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑1/12, EU:T:2015:17, punti 45 sa 48), l-identità ta’ dawk li taw l-għajnuna jew tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑1/12, EU:T:2015:17, punti 38, 47 u 48), u l-kwistjoni dwar jekk l-interventi differenti inkwistjoni kinux previsti jew prevedibbli fil-mument tal-ewwel intervent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni, T‑732/16, taħt appell, EU:T:2020:98, punt 169).

96      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-Miżuri 1, 2 u 3 kienu jikkostitwixxu intervent statali wieħed.

1)      Fuq is-suġġett u n-natura tal-Miżuri 1, 2 u 3

97      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx, għall-inqas b’mod espliċitu, id-differenzi jew ix-xebh fis-suġġett u fin-natura tal-Miżuri 1, 2 u 3.

98      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-suġġett u n-natura tat-tliet miżuri inkwistjoni huma differenti. Għalhekk, il-Miżura 1 ġiet adottata mill-AAAS, li taġixxi bħala kreditur “klassiku”, filwaqt li l-Miżura 2 kienet ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ interdipendenza teknoloġika bejn dik li ħaditha, CET Govora, u l-benefiċjarju, jiġifieri r-rikorrenti. Fir-rigward tal-Miżura 3, din hija ppreżentata bħala l-kulminu tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra din tal-aħħar.

99      Għandu jiġi nnotat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li s-suġġett u n-natura tal-Miżuri 1, 2 u 3 ma humiex l-istess. Il-Miżura 1 tikkonsisti fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni tad-djun mill-AAAS. Dan huwa, essenzjalment, aġir passiv min-naħa tal-AAAS, li permezz tiegħu din astjeniet, matul perijodu relattivament qasir ta’ erba’ xhur, milli twettaq l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħha kontra r-rikorrenti. Barra minn hekk, l-akkumulazzjoni ta’ krediti mill-AAAS matul dan il-perijodu kienet tikkonsisti mhux fi krediti ġodda miftiehma matul dan il-perijodu, iżda esklużivament fl-akkumulazzjoni tal-interessi dovuti fuq krediti preeżistenti. Il-Miżura 2 tikkonsisti, min-naħa tagħha, fit-tkomplija ta’ kunsinni ta’ materji primi mingħajr ħlas u fl-akkumulazzjoni tad-djun mingħajr miżuri xierqa sabiex jiġu protetti l-krediti ta’ CET Govora. Il-Miżura 3 tikkonsisti, min-naħa tagħha, f’aġir attiv min-naħa tal-AAAS, tal-ANE, Salrom u Electrica, li permezz tiegħu dawn annullaw parti mill-krediti tagħhom, fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

100    Għalhekk, kull waħda minn dawn il-miżuri hija kkaratterizzata minn suġġett u minn natura speċifiċi. Barra minn hekk, kif tinnota r-rikorrenti, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 246, 248 u 251 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Miżura 2 ġiet adottata minn CET Govora f’kuntest partikolari ħafna kkaratterizzat mill-interdipendenza teknoloġika eżistenti bejn CET Govora u r-rikorrenti, sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti kienet xerrejja sinjifikattiva, b’mod partikolari tal-fwar industrijali pprovdut minn CET Govora, u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ CET Govora kienu jiddependu fuq il-provvista tal-ilma industrijali mir-rikorrenti. Fir-rigward tal-Miżura 3, minħabba s-suġġett u n-natura tagħha, din ukoll hija differenti mill-Miżuri 1 u 2, sa fejn tikkonsisti fl-annullament parzjali tal-krediti ta’ ċerti kredituri fil-kuntest ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, li ma huwiex il-każ tal-Miżuri 1 u 2.

2)      Fuq dawk li ħadu l-Miżuri 1, 2 u 3

101    Fil-premessa 286 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat l-“istess identità ta’ dawk li ħadu l-miżuri”.

102    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li dawk li ħadu l-Miżuri 1, 2 u 3 kienu differenti u li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti meta adottawhom.

103    Għandu jiġi nnotat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-AAAS tat l-għajnuna fil-kuntest tal-Miżura 1, li CET Govora tagħti l-għajnuna fil-kuntest tal-Miżura 2, u li l-AAAS, l-ANE, Salrom u Electrica jagħtu l-għajnuna fil-kuntest tal-Miżura 3. Għalhekk dawk li jagħtu l-għajnuna huma differenti, bl-eċċezzjoni tal-AAAS li tidher fil-Miżuri 1 u 3.

104    Barra minn hekk, dawn l-entitajiet differenti li jagħtu l-għajnuna huma entitajiet ta’ natura ġuridika differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-AAAS tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika, l-ANE, Salrom u CET Govora huma impriżi pubbliċi u Electrica hija impriża li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira miżmum minn persuni privati sa minn Lulju 2014.

3)      Fuq il-kronoloġija tal-Miżuri 1, 2 u 3

105    Fil-premessa 286 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat il-konklużjoni tagħha li t-tliet miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu intervent statali wieħed, b’mod partikolari, permezz tal-“[tal-]kronoloġija tal-miżuri inkwistjoni”, mingħajr ma żviluppat iktar l-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju.

106    Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm devjazzjoni ta’ kważi tliet snin bejn l-adozzjoni tal-Miżuri 1 u 2, minn naħa, u tal-Miżura 3, min-naħa l-oħra.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Miżuri 1 u 2 jirrigwardaw l-istess perijodu, jiġifieri dak ta’ bejn Settembru 2012 u Jannar 2013. Għall-kuntrarju, l-annullament parzjali tad-djun tar-rikorrenti li jikkostitwixxi s-suġġett tal-Miżura 3, seħħ fl-2015 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Għalhekk, filwaqt li l-Miżuri 1 u 2 kienu konkorrenti, il-Miżura 3 intervjeniet biss iktar minn sentejn wara.

108    Barra minn hekk, ebda element tad-deċiżjoni kkontestata jew tal-fajl li għandha l-Qorti Ġenerali ma jissuġġerixxi li l-Miżura 3 kienet prevista jew prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-Miżuri 1 u 2, b’dan il-kriterju jkun jinsab fost l-elementi rilevanti li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq.

4)      Fuq l-iskop tal-Miżuri 1, 2 u 3

109    Fil-premessi 285 u 286 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-Miżuri 1, 2 u 3 kienu jaqgħu taħt l-istess għan prinċipali, jiġifieri li r-rikorrenti tiġi sostnuta u miżmuma fis-suq u li jiġu protetti l-impjiegi tal-impjegati tagħha.

110    Ir-rikorrenti ssostni li l-iskop tal-miżuri inkwistjoni ma kienx l-istess. Fil-fehma tagħha, permezz tal-Miżura 1, l-AAAS kellha bħala għan li “tirbaħ il-ħin” sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tagħha. Permezz tal-Miżura 2, CET Govora kellha l-għan li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha stess, fid-dawl tal-interdipendenza teknoloġika tagħha fir-rigward tar-rikorrenti. Permezz tal-Miżura 3, dawk li taw l-għajnuna kellhom bħala għan li jeżegwixxu l-krediti tagħhom, filwaqt li jannullaw parti minnhom, sabiex jiġi mmassimizzat l-irkupru tagħhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza.

111    Fir-rigward tal-Miżura 1, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-AAAS b’ċerta passività matul perijodu relattivament qasir ta’ erba’ xhur, li matulu din tal-aħħar ma wettqitx l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħha kontra r-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, id-dritt Rumen kien iwaqqaf madankollu lill-AAAS milli twettaq tali eżekuzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher diffiċli li jiġi attribwit għan ċar lil din il-miżura.

112    Fir-rigward tal-Miżura 2, huwa biżżejjed jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li din kienet intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi l-interessi ekonomiċi proprji ta’ CET Govora, u anki sabiex tiżgura s-sopravivenza tagħha fis-suq, f’kuntest ikkaratterizzat mill-interdipendenza teknoloġika eżistenti bejn CET Govora u r-rikorrenti, kif ġie nnotat fil-punt 100 iktar ’il fuq.

113    Fir-rigward tal-għan tal-Miżura 3, għandu jitfakkar li din ttieħdet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza li matulha kemm kredituri pubbliċi, kif ukoll kredituri privati, ivvotaw favur pjan ta’ riorganizzazzjoni li jimplika l-annullament parzjali tal-krediti minn dawn il-kredituri kontra r-rikorrenti. Issa, permezz ta’ tali annullament, dawn il-kredituri fittxew l-għan doppju li jwettqu r-ristrutturazzjoni tar-rikorrenti u għall-irkupru tal-krediti li kien fadal tagħhom jew ta’ parti minnhom. Għalhekk, l-iskop tal-Miżura 3 ma kienx jikkoinċidi ma’ dak tal-Miżuri 1 u 2.

5)      Fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-mument meta ġew adottati l-Miżuri 1, 2 u 3

114    Fil-premessa 286 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat il-konklużjoni tagħha li t-tliet miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu esklużivament intervent wieħed billi jirreferu għas-“sitwazzjoni (finanzjarja u r-riskju) tal-impriża fiż-żmien li ttieħdet id-deċiżjoni biex tittieħed kull waħda mill-miżuri, jiġifieri li Oltchim kienet viċin l-insolvenza”.

115    Madankollu, ir-rikorrenti tenfasizza li s-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tal-Miżura 3 kienet differenti mis-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tal-Miżuri 1 u 2, minħabba li l-Miżura 3 ġiet adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-konfront tagħha.

116    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ebda proċedura ta’ insolvenza ma nfetħet kontra r-rikorrenti matul il-perijodu kkonċernat mill-Miżuri 1 u 2. Għall-kuntrarju, il-Miżura 3 ttieħdet fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra r-rikorrenti fit‑30 ta’ Jannar 2013. Is-sitwazzjoni legali li kienet tinsab fiha r-rikorrenti meta l-Miżura 3 ġiet adottata kienet għalhekk differenti minn dik li kienet tipprevali waqt l-implimentazzjoni tal-Miżuri 1 u 2.

117    It-tieni, mill-premessi 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti wkoll kienet avvanzat bejn il-perijodu kopert mill-Miżuri 1 u 2 u l-mument li fih ġiet adottata l-Miżura 3. Fil-fatt, matul il-proċedura ta’ insolvenza, qabel l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, ir-rikorrenti implimentat xi miżuri sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha billi, b’mod partikolari, iddeċidiet li tkeċċi xi impjegati, li tbiddel elettrolizzatur fil-faċilitajiet ewlenin ta’ produzzjoni u li terġa’ tiftaħ l-impjant tal-osso-alkoħols. Dawn il-miżuri ppermettew lir-rikorrenti ttejjeb ir-riżultati ekonomiċi u finanzjarji tagħha, minħabba li d-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena 2015 żdied b’31 % meta mqabbel mas-sena 2014 u b’59 % meta mqabbel mas-sena 2013 u l-qligħ tagħha qabel l-interessi, taxxi, deprezzament u amortizzament (EBITDA) li tjiebu wkoll.

6)      Fuq il-kuntest li fih ittieħdu l-Miżuri 1, 2 u 3

118    Fil-premessi 285, 288 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li t-tliet miżuri inkwistjoni kienu intrinsikament marbuta u inseparabbli wkoll minħabba l-kuntest li ttieħdu fih, li kien ikkaratterizzat b’mod partikolari mill-eżistenza tal-Memorandum u minn ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet Rumeni.

119    Ir-rikorrenti ssostni li la l-Memorandum u lanqas id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ma jippermettu li jitqies li l-miżuri inkwistjoni kienu intrinsikament marbuta u inseparabbli, minħabba li, essenzjalment, ma hemm ebda rabta bejn il-Memorandum u l-imsemmija miżuri. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Memorandum sempliċement stabbilixxa qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-kredituri prinċipali u l-azzjonisti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u li ma kien jinkludi ebda obbligu tal-Istat jew ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn li jagħtuha għajnuna mill-Istat. Dan il-Memorandum lanqas ma jinkludi obbligi kuntrattwali intiżi għall-abbandun tal-krediti. Id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, min-naħa tagħhom, lanqas ma juru li l-Istat daħal f’impenji vinkolanti fil-konfront tiegħu.

i)      Fuq il-Memorandum

120    L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li l-Kummissjoni ma kklassifikatx il-Memorandum bħala miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, dan huwa esklużivament element tal-kuntest li fih ttieħdu l-miżuri inkwistjoni.

121    It-tieni, għandu jiġi nnotat li l-Memorandum ġie ffirmat mhux biss minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni, iżda wkoll minn impriżi pubbliċi u minn żewġ banek privati, li kienu fost il-kredituri prinċipali tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ma tallegax li dawn il-kredituri kienu ordnati mill-Istat li jikkonkludu l-imsemmi Memorandum. Il-fatt li l-kredituri, kemm pubbliċi, kif ukoll privati, iddeċidew li jikkonkludu dan, jissuġġerixxi li mill-inqas ċerti firmatarji tal-Memorandum setgħu ġew iggwidati mis-salvagwardja tal-interessi ekonomiċi tagħhom waqt il-konklużjoni tal-Memorandum u mhux minn allegat għan li jsostnu u li jżommu lir-rikorrenti fis-suq.

122    It-tielet, għandu jiġi nnotat li wħud minn dawk li ħadu l-miżuri ta’ għajnuna allegati, jiġifieri CET Govora, fil-kuntest tal-Miżura 2, u l-ANE, fil-kuntest tal-Miżura 3, ma humiex parti mill-imsemmi Memorandum.

123    Ir-raba’, fir-rigward tal-kontenut tal-Memorandum, dan kien jipprevedi, essenzjalment, li l-firmatarji tiegħu impenjaw ruħhom li jikkooperaw bil-għan li jiżviluppaw strateġija li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tar-rikorrenti u li tippermettilha tilħaq livell sostenibbli ta’ profittabbiltà, ta’ solvenza u ta’ likwidità, bil-għan b’mod partikolari li tipproteġi l-kredituri tagħha u li tiżgura r-riorganizzazzjoni ta’ din tal-aħħar. Il-Memorandum kien jinkludi impenji min-naħa tal-banek firmatarji, tal-Istat u tar-rikorrenti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ tali strateġija.

124    Madankollu, ebda klawżola ma ssemmi, la espliċitament u lanqas impliċitament, il-Miżuri 1, 2 u 3. B’mod partikolari, ebda klawżola ta’ dan ma timponi lill-AAAS sabiex ma twettaqx l-eżekuzzjoni tal-krediti kontra r-rikorrenti, jew sabiex ma tiħux passi oħrajn fir-rigward ta’ din tal-aħħar sabiex tipproteġi l-krediti tagħha, dak li jikkostitwixxi s-suġġett tal-Miżura 1. Bl-istess mod, ebda klawżola ta’ dan ma tobbliga lill-AAAS, lill-ANE, Salrom jew Electrica sabiex jaċċettaw kwalunkwe annullament tal-krediti tagħhom, u lanqas li japprovaw ċertu pjan ta’ riorganizzazzjoni, dak li jikkostitwixxi s-suġġett tal-Miżura 3. Fir-rigward tal-Miżura 2, huwa biżżejjed jiġi nnotat li l-unika entità li ħadet din il-miżura, jiġifieri CET Govora, ma hijiex parti minn dan il-Memorandum.

125    Barra minn hekk, il-klawżola 8.1 tal-Memorandum kienet tipprevedi dan li ġej:

“Ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma tista’ tiġi interpretata bħala rinunzja, restrizzjoni, limitu jew sospensjoni ta’ drittijiet, prerogattivi jew interessi ta’ parti, skont jew b’rabta ma’ kuntratt li hija parti minnu jew li jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli. Sabiex tiġi evitata kull ambigwità, il-partijiet jaqblu li dan il-ftehim ma jistax jiġi interpretat bħala moratorju dwar is-sospensjoni tal-pagamenti jew ir-ristrutturazzjoni, u lanqas bħala obbligu, għall-banek, Electrica jew [l-AAAS], li jiftiehmu dwar skedar mill-ġdid tad-dejn jew kwalunkwe miżura oħra ta’ ristrutturazzjoni, jew li jipprovdu finanzjament, li jistabbilixxu annullament ta’ dejn, sospensjoni ta’ pagamenti jew miżuri oħrajn simili relatati ma’ Oltchim.”

126    Għalhekk, din il-klawżola tal-Memorandum stabbilixxiet espliċitament li, “[s]abiex tiġi evitata kull ambigwità”, fuq il-firmatarji tiegħu dan la jimponi l-obbligu li jabbandunaw il-krediti tagħhom fil-konfront tar-rikorrenti, la li jaċċettaw kwalunkwe pjan ta’ riorganizzazzjoni, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, li jirrinunzjaw għal xi dritt kuntrattwali jew dritt ieħor fir-rigward tar-rikorrenti.

127    Il-ħames, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-realtà, l-allegat impatt tal-Memorandum kien differenti fir-rigward ta’ kull waħda mit-tliet miżuri inkwistjoni u kull min ta l-għajnuna allegata. L-eżempji li ġejjin jixhdu dan. Fir-rigward tal-Miżura 1, kif jirriżulta mill-premessa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li Electrica ffirmat il-Memorandum ma waqqafhiex milli tadotta miżuri għall-irkupru tal-krediti tagħha mix-xahar ta’ Novembru 2012, b’differenza mill-AAAS, li wkoll kienet iffirmat ukoll il-Memorandum. Fir-rigward tal-Miżura 2, kif tinnota r-rikorrenti, u anki kif jirriżulta mill-premessi 255 sa 257 u 263 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li Salrom iffirmat il-Memorandum ukoll ma waqqafhiex milli taġixxi bħala kreditur privat, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li Salrom ma kinitx tat għajnuna mill-Istat lir-rikorrenti fil-kuntest tal-Miżura 2. Fir-rigward tal-Miżura 3, huwa biżżejjed jiġi nnotat li, bħalma jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 84 tad-deċiżjoni kkontestata, CFR Marfă, impriża pubblika parti mill-Memorandum, ivvotat kontra l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

128    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kontenut tal-Memorandum u tal-aġir tad-diversi firmatarji tiegħu fil-kuntest tal-Miżuri 1, 2 u 3, jidher, minn naħa, li l-Memorandum kellu biss impatt limitat fuq il-portata ta’ dawn il-miżuri u, min-naħa l-oħra, li l-impatt eventwali tiegħu fuq kull waħda minn dawn il-miżuri ma kienx l-istess.

129    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-Memorandum ġie ffirmat minn rappreżentanti ta’ tliet ministeri u approvat mill-Prim Ministru. Kif issostni r-rikorrenti, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, din kienet fil-parti l-kbira tagħha miżmuma mill-Istat u kienet, hija stess, parti mill-Memorandum, b’tali mod li l-iffirmar tal-Memorandum minn uffiċjali għolja tal-Istat jidher li jirriżulta mill-kuntest ġuridiku li jirregola l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-azzjonisti statali prinċipali tagħha. Fi kwalunkwe każ, dan il-fatt ma jbiddel xejn mill-kontenut tal-Memorandum u lanqas ma jwaqqaf lill-firmatarji differenti ta’ dan tal-aħħar milli jaġixxu b’mod differenti u mhux ikkoordinat fil-kuntest ta’ kull waħda mill-miżuri inkwistjoni, kif ġie nnotat fil-punt 127 iktar ’il fuq.

ii)    Fuq id-dikjarazzjonijiet pubbliċi

130    Fil-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet ukoll, billi għamlet riferiment għal premessi oħrajn ta’ din, għal diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet Rumeni sabiex turi li t-tliet miżuri inkwistjoni kienu jagħmlu parti minn strateġija ġenerali intiża sabiex iżżomm lir-rikorrenti attiva u sabiex tevita l-likwidazzjoni tagħha.

131    Għandu jiġi nnotat qabelxejn li l-Kummissjoni ma kklassifikatx id-dikjarazzjonijiet pubbliċi bħala miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

132    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, bħala elementi tal-kuntest, jistgħux juru li l-Miżuri 1, 2 u 3 għandhom rabtiet tant mill-qrib bejniethom li kien impossibbli li dawn jiġu sseparati, b’mod li kellhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat waħda.

133    Il-Kummissjoni rreferiet għad-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

–        dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Rumen f’artiklu tal-istampa tal‑1 ta’ Ottubru 2012, li fiha ddikjara b’mod partikolari li huwa kellu “[llum jispjega l-]pjan ta’ riżerva biex ikomplu l-attivitajiet, [isalva] l-impjiegi u [jħejji] proċedura ta’ privatizzazzjoni ġdida, f’kundizzjonijiet differenti ħafna li tjiebu b’mod konsiderevoli”, li “[i]l-pjan ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ Oltchim” ser jiġi ppreżentat dalwaqt, li l-awtoritajiet jibdew uffiċjalment diskussjonijiet mal-kredituri prinċipali kollha tagħha għal dan il-għan (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni tħabbar il-bidu tad-diskussjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-Memorandum madwar xahar u nofs wara. Għalhekk, ma għandhiex kontenut awtonomu mill-Memorandum innifsu;

–        dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru għall-Ekonomija tas‑17 ta’ Ottubru 2012 li fiha huwa ħabbar il-ftuħ mill-ġdid parzjali tar-rikorrenti u l-intenzjoni tal-Gvern li jagħtiha għajnuna ta’ salvataġġ (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, l-imsemmija “għajnuna ta’ salvataġġ” ma ngħatatx u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata;

–        dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija tal‑15 ta’ Novembru 2012 li fiha huwa ddikjara, essenzjalment, li “[l]-idea ta’ insolvenza [kienet] tispiċċa li kieku [ġie konkluż] ftehim mal-kredituri ewlenin [ta’ Oltchim]”, u ħabbar l-adozzjoni tal-Memorandum, li ġie ffirmat tmint ijiem wara, u li l-għan tiegħu jkun, skont din id-dikjarazzjoni, “li nkunu nistgħu nerġgħu nniedu, insalvaw, nirristrutturaw lil Oltchim b’mod ikkontrollat, bi ftehim mal-kredituri” (premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa, l-impatt ta’ din id-dikjarazzjoni huwa limitat minħabba li, kuntrarjament għal dak li l-imsemmi Ministru kien għadu kemm ħabbar, madwar xahrejn wara, il-proċedura ta’ insolvenza nbdiet. Min-naħa l-oħra, din id-dikjarazzjoni kull ma tagħmel huwa li tħabbar l-iffirmar tal-Memorandum u għalhekk ma għandhiex kontenut awtonomu fir-rigward tiegħu;

–        id-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja tas-sindakat tal-impjegati tar-rikorrenti (premessa 204(b), u nota ta’ qiegħ il-paġna 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, minħabba li dawn ma humiex dikjarazzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-Istat, huma irrilevanti;

–        artiklu tal-istampa tas‑26 ta’ Jannar 2013, li fih jissemma li l-ex Ministru għall-Ekonomija kien iddiskuta l-konsegwenzi tal-falliment tal-privatizzazzjoni tar-rikorrenti, billi semma b’mod partikolari li “d-dħul fl-insolvenza ta’ Oltchim [ikun] bħala possibbiltà ta’ ristrutturar u ta’ valorizzazzjoni tal-partijiet vijabbli” (premessa 204(c) tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni ma tinvolvi ebda impenn min-naħa tal-Istat;

–        artiklu tal-istampa tad‑29 ta’ Marzu 2013 li skontu, essenzjalment, il-Prim Ministru Rumen kien indika li l-Kummissjoni ma kinitx tapprova l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lir-rikorrenti li, għal din ir-raġuni, kellha tikseb finanzjament mingħand il-banek u n-negozjanti, u li l-Gvern xtaq li “jiġu salvati l-impjiegi” (premessa 204(d) tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni tindika, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-Istat Membru kkonċernat ma kellu ebda intenzjoni li jagħti għajnuna mill-Istat lir-rikorrenti. Fir-rigward tal-fatt li l-Gvern “kellu ‘interess […]’” li jiġu salvati xi impjiegi, il-Qorti Ġenerali ma tara ebda kritika possibbli, u ebda indizju tar-rieda tal-Istat li jagħti għajnuna lir-rikorrenti;

–        dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija bid-data tax-xahar ta’ Marzu 2013, li fiha huwa indika li kellu preferenza sabiex isib investitur strateġiku fil-kapital tar-rikorrenti, li kien ikbar mill-prezz tal-bejgħ (premessa 204(e) tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni ma tinkludi ebda impenn min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni;

–        dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija tat‑30 ta’ Mejju 2013, li fiha huwa indika li, “minbarra l-isem tagħha, Oltchim [kienet is-]sid ta’ numru importanti ta’ privattivi li [kienu] jiswew miljuni ta’ euro” u li “l-qerda ta’ din il-kumpanija kienet ekwivalenti għall-qerda ta’ teżor ta’ proprjetà intellettwali” (premessa 204(f) tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, din id-dikjarazzjoni ma għandha ebda rabta mal-miżuri inkwistjoni;

–        dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija tad‑9 ta’ Lulju 2013, li fiha huwa afferma b’mod partikolari li “[setgħu] jinstabu soluzzjonijiet biex tiġi salvata l-kumpanija”, li r-rikorrenti kienet kwistjoni “ta’ sens ta’ kburija u ta’ dinjità nazzjonali” u li hija “[kienet] ta’ min isalvaha” (premessa 204(g) tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm, ċertament, din id-dikjarazzjoni tagħti x’tifhem li l-awtoritajiet Rumeni xtaqu “[isalvaw]” lir-rikorrenti, din hija sempliċi dikjarazzjoni ta’ natura politika intiża sabiex tiżgura lill-impjegati, u b’mod iktar ġenerali lill-pubbliku. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni ma tinkludi ebda impenn ċar, preċiż, konkret u sod min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni li jadottaw il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li l-parametri tiegħu ma kinux għadhom magħrufa fiż-żmien ta’ din id-dikjarazzjoni;

–        dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija bid-data ta’ Settembru 2013, li fiha huwa kien ħabbar, essenzjalment, li l-kredituri tar-rikorrenti dalwaqt kienu ser japprovaw “finanzjament”, li din kienet ser tikseb self mingħand banek privati, u li “Oltchim Nru 2” ser tkun ħielsa minn djun “fi tmiem Settembru” (premessa 204(h) tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni tidher li tagħmel riferiment għal finanzjament privat u ma tinkludi ebda impenn ċar, preċiż, konkret u sod tal-Istat. Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmi ministru ddikjara ruħu “kontra l-likwidazzjoni ta’ SOEs kbar” jirrifletti wkoll sempliċi dikjarazzjoni ta’ natura politika li ma tinkludi ebda impenn ċar tal-Istat;

–        dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Rumen tad‑19 ta’ Frar 2014, li fiha huwa kien eżiġa lill-Ministru l-ġdid għall-Ekonomija sabiex jieħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-“problema ta’ Oltchim”, u żied li “ma jixtieqx li s-sitwazzjoni tisplodi […] minħabba nuqqas ta’ kapaċità politika” (premessa 204(i) tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni hija ġenerali ħafna;

–        id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Ekonomija tal‑2014, li jgħidu li r-rikorrenti “[kienet] kumpanija ta’ interess nazzjonali u strateġiku”, “l-interess tal-investituri fl-akkwiżizzjoni tar-raffinerija ta’ Arpechim ukoll” u “Oltchim qatt [ma kienet] se tingħalaq” (premessa 204(j) tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm din l-affermazzjoni tal-aħħar tista’, fil-fatt, tissuġġerixxi li l-awtoritajiet Rumeni xtaqu jevitaw l-għeluq tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dikjarazzjoni ma hijiex suffiċjentement speċifika u konkreta.

134    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-kredituri pubbliċi u privati jieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-persuni responsabbli sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex juri li kien hemm rabtiet tant mill-qrib bejn il-Miżuri 1, 2 u 3 li kien impossibbli li dawn jiġu sseparati.

135    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-Miżura 3, adottata fid‑9 ta’ Marzu 2015, dawn id-diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi saru madwar sena jew sentejn qabel, minħabba li d-data tad-dikjarazzjoni l-iktar qrib tad-data ta’ din il-miżura kienet it‑3 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri madwar disa’ xhur qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżura. Għaldaqstant, għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala element tal-kuntest, ma ġiex stabbilit, fid-dawl taż-żmien li għadda bejniethom u d-data tal-adozzjoni tal-Miżura 3, li dawn kellhom rabta suffiċjentement mill-qrib mal-imsemmija miżura.

136    Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni setgħet validament tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjonijiet, bħala element tal-kuntest li fih ittieħdu l-Miżuri 1, 2 u 3, il-kontenut tagħhom ma jurix li kienu jeżistu rabtiet tant mill-qrib bejn il-Miżuri 1, 2 u 3 li kien impossibbli li jiġu sseparati, b’tali mod li dawn kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat waħda.

7)      Konklużjoni

137    Fid-dawl tal-kriterji kollha previsti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq, b’mod partikolari tas-suġġett u tan-natura tal-Miżuri 1, 2 u 3, tal-identità differenti ta’ dawk li ħadu dawn il-miżuri, tal-kronoloġija ta’ dawn il-miżuri, minħabba l-fatt li dawn ma kinux previsti jew prevedibbli fil-mument tal-ewwel intervent, tal-iskop tagħhom, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-mument tal-implimentazzjoni ta’ kull waħda minnhom, kif ukoll tal-kuntest li ttieħdu fih, għandu jiġi konkluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fil-punt 6.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jippreżentaw rabtiet tant mill-qrib bejniethom li kien impossibbli li jiġu sseparati. Konsegwentement, il-Miżuri 1, 2 u 3 għandhom jitqiesu bħala tliet interventi distinti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.      Fuq il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat

138    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproduċi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li turi li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punti 194 u 196 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Miżuri 1 u 2 jimplikaw riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat. Għall-kuntrarju, hija tikkontesta li din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta fir-rigward tal-Miżura 3. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li ebda waħda mill-miżuri inkwistjoni ma hija ta’ vantaġġ għaliha.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fil-kuntest tal-Miżura 3 u fuq l-imputabbiltà tagħha lill-Istat

141    Fil-punt 6.1.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li l-annullament ta’ parti mill-krediti rispettivi tagħhom mill-AAAS, Electrica, Salrom, CET Govora u l-ANE fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u kien imputabbli lill-Istat.

142    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, l-ewwel, li l-annullament parzjali tal-krediti ta’ Electrica fil-kuntest tal-Miżura 3 ma kienx jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u, it-tieni, li l-Miżura 3, meħuda kollha kemm hi, ma kinitx imputabbli lill-Istat.

1)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-annullament parzjali tal-krediti ta’ Electrica fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kienx jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

143    Ir-rikorrenti tinnota li, f’Lulju 2014, Electrica, li sa dak iż-żmien kienet impriża pubblika, ġiet ipprivatizzata, b’tali mod li, minn dik id-data, hija ma baqgħetx impriża pubblika taħt l-influwenza dominanti tal-Istat. Għaldaqstant, ir-riżorsi ta’ Electrica ma kinux riżorsi tal-Istat, b’tali mod li l-annullament ta’ parti mill-krediti miżmuma minn din l-impriża fil-konfront tar-rikorrenti ma kien jimplika ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

144    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk Electrica kinitx impriża pubblika ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba li r-Rumanija kellha rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Miżura 3 u fl-għażla tal-modalitajiet ta’ finanzjament tagħha.

145    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li, minn Lulju 2014, il-maġġoranza tal-ishma ta’ Electrica kienu privati, minħabba li l-Istat kellu biss 48.78 % tal-kapital tagħha.

146    Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motiv ieħor dwar is-sitwazzjoni ta’ Electrica, kif kienet wara l-privatizzazzjoni tagħha, li tista’ tispjega r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-annullament parzjali tal-krediti tagħha fil-kuntest tal-Miżura 3 kien jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

147    Skont il-ġurisprudenza, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ intervent “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa intiż li jinkludi, minbarra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Viasat Broadcasting UK/TV2/Danmark, C‑657/15 P, EU:C:2017:837, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, mix-xahar ta’ Lulju 2014, ir-Rumanija ma kinitx tikkontrolla iktar il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot f’Electrica, ma setgħetx taħtar il-maġġoranza tal-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ din l-impriża, u ma kellha ebda dritt speċjali skont l-istatut ta’ din l-impriża li jippermettilha tikkontrolla d-deċiżjonijiet tagħha.

149    Ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jiġi konkluż li r-riżorsi ta’ Electrica użati fil-kuntest tal-Miżura 3 kienu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq.

150    Is-sempliċi fatt li impriża bħal Electrica ffirmat il-Memorandum fl‑2012 (premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jfissirx li r-riżorsi tagħha kienu taħt il-kontroll tal-Istat. Fi kwalunkwe każ, waqt l-implimentazzjoni tal-Miżura 3, fl‑2015, l-Istat ma kienx jikkontrolla iktar ir-riżorsi ta’ Electrica.

151    Bl-istess mod, il-fatt li impriża privata tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet (premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata) meta hija tiddeċiedi dwar l-aġir tagħha fis-suq, bl-ebda mod ma jfisser, fin-nuqqas ta’ kull element konkret ieħor f’dan is-sens, li r-riżorsi tagħha jkunu taħt il-kontroll tal-Istat jew għad-dispożizzjoni tiegħu.

152    Barra minn hekk, il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-krediti ta’ Electrica inkwistjoni fil-kuntest tal-Miżura 3 kienu ġew mislufa qabel il-privatizzazzjoni tagħha huwa irrilevanti, minħabba li, minn naħa, id-djun u l-krediti preeżistenti għall-privatizzazzjoni ta’ impriża huma normalment riflessi fil-prezz tal-bejgħ tagħha u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ Electrica li tapprova l-pjan ta’ riorganizzazzjoni ttieħdet fl‑2015, jiġifieri wara l-privatizzazzjoni tagħha.

153    Bl-istess mod, il-fatt li, wara l-privatizzazzjoni ta’ Electrica, l-Istat kellu 48.78 % tal-kapital tagħha u li, għalhekk, skont il-Kummissjoni, huwa żamm “livell għoli ta’ influwenza” fuq il-politika kummerċjali ta’ Electrica ma jfissirx, fin-nuqqas ta’ elementi konkreti oħrajn f’dan is-sens, li r-riżorsi tagħha kienu kontinwament taħt il-kontroll tal-Istat jew għad-dispożizzjoni tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, l-analiżi li tinsab fil-punti 148 sa 152 iktar ’il fuq tissuġġerixxi li, minkejja l-parteċipazzjoni tiegħu, ċertament sinjifikattiva, iżda li saret minoritarja fil-kapital ta’ Electrica, l-Istat ma kellu ebda mekkaniżmu li jippermettilu jikkontrolla l-mod kif din l-impriża kienet tamministra r-riżorsi tagħha fil-kuntest tal-Miżura 3.

154    Fl-aħħar, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tislet argument mis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑139/09, EU:T:2012:496). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li miżuri ta’ għajnuna adottati favur ċerti organizzazzjonijiet ta’ produtturi agrikoli, iffinanzjati parzjalment minn kontribuzzjonijiet privati fakultattivi, iwasslu għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat minħabba, essenzjalment, li l-awtoritajiet Franċiżi kienu jiddeċiedu, b’mod unilaterali, dwar miżuri ffinanzjati mill-iskema ta’ għajnuna, kif ukoll dwar modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li l-benefiċjarji tal-imsemmija miżuri kellhom biss is-setgħa li jipparteċipaw jew le fis-sistema hekk iddefinita mill-Istat, billi jaċċettaw jew jirrifjutaw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet stabbiliti minn dan tal-aħħar. Issa, b’differenza minn din il-kawża, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx li l-awtoritajiet Rumeni kienu ddeċidew, b’mod unilaterali, il-mod kif ir-riżorsi ta’ Electrica kellhom jintużaw fil-kuntest tal-Miżura 3.

155    Fir-rigward ta’ Electrica Furnizare, kreditur ieħor tar-rikorrenti, li l-parti l-kbira tal-ishma tiegħu kienu miżmuma minn Electrica bejn l‑2011 u l‑2017, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-aġir ta’ din il-kumpannija bħala miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b’tali mod li l-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

156    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Miżura 3 kienet timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fir-rigward tal-annullament parzjali tal-krediti ta’ Electrica u lanqas, għaldaqstant, li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn din kienet ingħatat permezz tagħha.

2)      Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-parti li fadal tal-Miżura 3

157    Ir-rikorrenti ssostni li l-parti li fadal tal-Miżura 3, jiġifieri l-annullament parzjali tal-krediti ta’ AAAS, ta’ Salrom, ta’ CET Govora u tal-ANE fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, ma kinitx imputabbli lill-Istat.

158    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Miżura 3 kienet imputabbli lill-Istat.

159    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Miżura 3 kienet imputabbli lill-Istat għar-raġuni, l-ewwel, li, skont id-dritt Rumen fil-qasam tal-insolvenza, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma setax jiġi approvat mingħajr il-kunsens tal-AAAS jew ta’ CET Govora (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni, dan il-pjan kien tfassal mill-amministratur legali, li kien parti mill-Istat (premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet, l-imsemmi pjan ġie approvat bis-saħħa tal-kredituri privati u pubbliċi li ffirmaw, f’Novembru 2012, il-Memorandum, li huwa l-mezz użat mill-Istat sabiex iżomm lir-rikorrenti fis-suq u sabiex jiġbor il-maġġoranza meħtieġa fi ħdan l-assemblea tal-kredituri bil-għan li tiġi ggarantita l-adozzjoni tal-imsemmi pjan (premessi 202, 203 u 205 sa 210 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raba’, l-intenzjoni tal-Istat li jżomm lir-rikorrenti fis-suq ġiet ikkonfermata mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi (premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ħames, il-Kummissjoni ressqet ċerti elementi iktar speċifiċi li juru l-imputabbiltà lill-Istat tal-aġir tal-ANE fil-kuntest tal-Miżura 3 (premessi 212 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata).

160    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, meta vantaġġ jingħata minn awtorità pubblika, dan huwa, minnu nnifsu, imputabbli lill-Istat, anki jekk l-awtorità inkwistjoni tgawdi minn awtonomija ġuridika fir-rigward ta’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, EU:T:1996:194, punt 62).

161    F’dan il-każ, minħabba li l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata ddefinixxa l-Miżura 3 bħala l-annullament tad-dejn “skont il-Pjan ta’ Riorganizzazzjoni” minn ċerti kredituri, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi pjan, li l-approvazzjoni tiegħu mill-kredituri tar-rikorrenti wasslet għall-annullament parzjali tad-dejn tagħha, kienx, kollu kemm hu, imputabbli lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

162    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament parzjali ta’ ċerti djun fil-kuntest tal-Miżura 3 ma kienx annullament unilaterali, deċiż separatament minn kull wieħed mill-kredituri inkwistjoni, iżda annullament kollettiv, li seħħ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, suġġett għal regoli legali speċifiċi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-maġġoranza meħtieġa fi ħdan l-assemblea tal-kredituri sabiex jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Fi kliem ieħor, il-vot individwali ta’ kreditur partikolari favur il-pjan ma setax iwassal għall-approvazzjoni tal-imsemmi pjan, sakemm il-krediti tiegħu ma jissodisfawx, waħedhom, ir-rekwiżiti legali f’dak li jirrigwarda l-maġġoranza neċessarja għal dan il-għan.

163    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-lista tal-kredituri kienet tinkludi numru kbir ta’ kredituri, kemm pubbliċi, kif ukoll privati, u li l-voti favur dan il-pjan kienu joriġinaw kemm mill-kredituri pubbliċi, kif ukoll mill-kredituri privati.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-vot favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni mill-AAAS, l-ANE, Salrom u CET Govora kienx imputabbli lill-Istat. Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, flimkien, il-kredituri li l-vot tagħhom favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat kellhomx il-maġġoranza meħtieġa, skont id-dritt nazzjonali, sabiex japprovaw dan il-pjan.

i)      Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-voti tal-AAAS, ta’ Salrom, ta’ CET Govora u tal-ANE

–       Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot tal-AAAS

165    Mill-premessi 186, 187 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-vot tal-AAAS kien imputabbli lill-Istat minħabba, b’mod partikolari, li din kienet tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika u kienet suġġetta għall-gvern.

166    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

–       Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot ta’ Salrom

167    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-vot ta’ Salrom favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni kienx imputabbli lill-Istat. Il-fatt li l-Istat kellu l-maġġoranza tal-ishma ta’ Salrom, li huwa kien ħatar rappreżentanti fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha u li l-baġit annwali ta’ Salrom kellu jiġi approvat mill-Istat kien biżżejjed, ċertament, sabiex juri li Salrom kienet impriża pubblika, iżda mhux li l-vot tagħha favur l-approvazzjoni tal-imsemmi pjan kien imputabbli lill-Istat.

168    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-imputabbiltà tal-vot ta’ Salrom lill-Istat tirriżulta mil-“livell għoli ta’ intervent mill-Istat fid-definizzjoni tal-miżura u tal-modalitajiet ta’ finanzjament tagħha”, b’mod partikolari mill-Memorandum u mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi.

169    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-punt 6.1.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 201 sa 218), iddedikat għall-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 3, il-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk il-vot ta’ Salrom, kreditur u fornitur b’mod partikolari tas-soluzzjoni salina lir-rikorrenti, kienx imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, dan il-punt jinkludi biss żewġ riferimenti għal Salrom, waħda għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li tillimita ruħha li tindika li Salrom kienet waħda mill-firmatarji tal-Memorandum, u l-oħra fil-premessa 218 tal-imsemmija deċiżjoni, li hija l-premessa konklużiva ta’ dan il-punt tad-deċiżjoni kkontestata, u li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti tal-Miżura 3 b’mod partikolari minn Salrom kienet imputabbli lill-Istat. F’dan l-istess punt, il-Kummissjoni għamlet riferiment, b’mod ġenerali u mingħajr ma semmiet speċifikament lil Salrom, għall-iffirmar tal-Memorandum minn uħud mill-kredituri tar-rikorrenti, u għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi sabiex tiġġustifika l-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 3.

170    F’dan ir-rigward, ma ġiex ikkontestat li Salrom kienet impriża pubblika waqt l-adozzjoni tal-Miżura 3. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex possibbli tiġi dedotta l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat mis-sempliċi fatt li din tkun ittieħdet minn impriża pubblika. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ konkret ma jistax jiġi awtomatikament preżunt, filwaqt li jiġi ppreċiżat li ma jistax jiġi mitlub li jintwera, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 51 sa 53).

171    Fil-każ ta’ vantaġġi mogħtija minn impriżi pubbliċi, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, minħabba li l-imputabbiltà lill-Istat tista’ tiġi dedotta minn għadd ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun ittieħdet din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-organu inkwistjoni ma setax jieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi jew li, minbarra elementi ta’ natura organika li jorbtu lill-impriżi pubbliċi mal-Istat, dawn, li permezz tagħhom ingħatat l-għajnuna, kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni direttivi maħruġa minn organu pubbliku. Indizji oħrajn jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu rilevanti sabiex jiġi konkluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika hija imputabbli lill-Istat, bħalma huma, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju tagħhom fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus ġuridiku tal-impriża, minħabba li din tal-aħħar taqa’ taħt id-dritt pubbliku jew taħt id-dritt komuni tal-kumpanniji, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża, jew kull indizju ieħor li jindika, fil-każ partikolari, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew in-nuqqas ta’ probabbiltà li jkunu involuti fl-adozzjoni ta’ miżura, anki fir-rigward tal-portata tagħha, fil-kontenut u fil-kundizzjonijiet li tinkludi (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52, 55 u 56).

172    Issa, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 6.1.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, apparti li kkonstatat l-eżistenza tal-Memorandum u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi, il-Kummissjoni ma nnotatx l-eżistenza ta’ indizji bħal dawk li jinsabu fil-punt 171 iktar ’il fuq li jippermettu li tiġi stabbilita l-imputabbiltà lill-Istat tal-aġir ta’ Salrom fil-kuntest tal-Miżura 3.

173    Fir-rigward tal-fatt li Salrom iffirmat il-Memorandum, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, minn naħa, li dan kien jipprevedi espliċitament li l-firmatarji tiegħu ma kellhom ebda obbligu li jabbandunaw il-krediti tagħhom kontra r-rikorrenti, li jaċċettaw pjan ta’ riorganizzazzjoni partikolari, jew, b’mod iktar ġenerali, li jirrinunzjaw għal xi dritt kuntrattwali jew ieħor fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod li dan il-Memorandum ma jimponi ebda obbligu fuq Salrom fil-kuntest tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

174    Min-naħa l-oħra, ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma jiżvela r-raġunijiet għalfejn il-Memorandum kellu rwol deċiżiv fl-aġir ta’ Salrom fil-kuntest tal-Miżura 3. Għall-kuntrarju, l-aġir ta’ din l-impriża fil-kuntest tal-Miżura 2 jissuġġerixxi li dan ma kienx il-każ, kif jirriżulta mill-punt 127 iktar ’il fuq.

175    L-istess jgħodd fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif ġie nnotat fil-punti 134 u 136 iktar ’il fuq.

176    It-tieni, ċertament, fil-punt 6.1.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 188 sa 200), iddedikata għall-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 2, il-Kummissjoni osservat li r-Rumanija kellha 51 % tal-ishma ta’ Salrom, kienet ħatret ir-rappreżentanti tagħha fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha, u li l-baġit annwali ta’ Salrom kellu jiġi approvat mill-Istat, minħabba li din l-approvazzjoni ex ante tikkonċerna b’mod partikolari l-ammonti korrispondenti għall-krediti kummerċjali tal-klijenti bħar-rikorrenti (premessi 191 u 192 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat li ma kienx neċessarju li jiġi konkluż li l-aġir ta’ Salrom fil-kuntest tal-Miżura 2 kien imputabbli lill-Istat, minħabba li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna min-naħa ta’ Salrom għar-raġuni, essenzjalment, li din tal-aħħar aġixxiet kif kien jaġixxi kreditur privat (premessi 193 u 263 tad-deċiżjoni kkontestata).

177    Madankollu, minħabba li l-Miżura 2 tirreferi għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2012 u Jannar 2013, jista’ jiġi nnotat biss li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jista’ juri li dawn l-elementi kienu għadhom attwali fl‑2015, waqt l-adozzjoni tal-Miżura 3. Issa, sabiex jiġi analizzat jekk il-kriterju tal-imputabbiltà huwiex issodisfatt, wieħed għandu jqiegħed lilu nnifsu fil-mument meta l-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, EU:T:2015:450, punti 221 u 229).

178    Anki jekk dawn l-elementi kollha baqgħu attwali fl‑2015, xorta waħda għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kkonkludietx l-aġir ta’ Salrom bħala imputabbli lill-Istat fil-kuntest tal-Miżura 2. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li tittieħed konjizzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn l-elementi u, b’mod partikolari, li wieħed ikun jaf jekk humiex biżżejjed sabiex il-Miżura 2 tkun imputabbli lill-Istat, sa fejn jirrigwarda lil Salrom. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dawn l-elementi kienu għadhom rilevanti fl‑2015, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik, nieqsa, tal-Kummissjoni.

179    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi li l-vot ta’ Salrom favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat.

–       Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot ta’ CET Govora

180    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-vot ta’ CET Govora fuq il-pjan ta’ riorganizzazzjoni kienx imputabbli lill-Istat. Issa, CET Govora ma ffirmatx il-Memorandum u, għaldaqstant, huwa improbabbli li dan seta’ jinfluwenzaha fil-votazzjoni tagħha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea, entità pubblika li mill-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija l-unika azzjonista ta’ CET Govora, imsemmija fil-premessa 195 ta’ din id-deċiżjoni, ma kinux jikkonċernaw il-Miżura 3.

181    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, kif jirriżulta mill-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, “ikun implawżibbli”, fid-dawl tal-kuntest ġenerali li fih jaqa’ l-aġir ta’ CET Govora, li din ma ġarrbet ebda influwenza tal-Istat, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Memorandum u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi.

182    Fil-premessi 201 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment espressament għall-analiżi tagħha tal-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 2, sa fejn din kienet tikkonċerna lil CET Govora, kreditur u fornitur b’mod partikolari tal-elettriku u tal-fwar tar-rikorrenti, sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha, li skontha l-vot ta’ CET Govora favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat. Għalhekk, fil-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-premessa 200 tagħha, li hija l-punt konklużiv tal-analiżi tal-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 2, u dan ir-riferiment ġenerali għandu għalhekk jinftiehem bħala riferiment għall-elementi kollha nnotati għal dan il-għan fil-kuntest tal-analiżi tal-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 2. F’dan ir-rigward, qabel kollox, il-Kummissjoni nnotat, essenzjalment, li CET Govora kienet miżmuma mill-Istat, it-tieni li t-tkomplija ta’ kunsinni ta’ elettriku mingħajr ħlas favur ir-rikorrenti, li kienet is-suġġett tal-Miżura 2, kienet implimentata bit-teħid ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea u, fl-aħħar, li l-“kuntest usa’” juri li kien “ikun implawżibbli li CET Govora titqies li kienet ħielsa minn kwalunkwe influwenza mill-istat” (premessi 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fil-punt 6.1.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment, b’mod ġenerali, għall-iffirmar tal-Memorandum minn uħud mill-kredituri tar-rikorrenti u għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi sabiex tiġġustifika l-imputabbiltà lill-Istat tal-Miżura 3.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li CET Govora kienet impriża pubblika waqt l-adozzjoni tal-Miżura 3. Madankollu, kif ġie nnotat fil-punt 170 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex possibbli tiġi preżunta l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat fuq il-bażi tas-sempliċi fatt li din ittieħdet minn impriża pubblika.

184    Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 171 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għadd ta’ indizji rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk l-aġir ta’ CET Govora fil-kuntest tal-Miżura 3 kienx imputabbli lill-Istat.

185    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka validament il-Memorandum, minħabba li CET Govora lanqas biss iffirmatu. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li CET Govora ħaditu inkunsiderazzjoni fil-votazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Miżura 3, xorta jibqa’ l-fatt, kif ġie nnotat fil-punt 173 iktar ’il fuq, li l-Memorandum kien jipprevedi espliċitament li l-firmatarji tiegħu ma kellhom ebda obbligu li jabbandunaw il-krediti tagħhom fil-konfront tar-rikorrenti, li jaċċettaw pjan ta’ riorganizzazzjoni partikolari jew, b’mod iktar ġenerali, li jirrinunzjaw għal xi dritt kuntrattwali jew ieħor fir-rigward tar-rikorrenti. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punt 136 iktar ’il fuq.

186    Fir-rigward tal-indizji nnotati fid-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-Miżura 2, li għamlet riferiment għalihom il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw il-perijodu ta’ bejn Settembru 2012 u Jannar 2013, u li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jista’ juri li dawn l-elementi kienu għadhom attwali fl‑2015, waqt l-adozzjoni tal-Miżura 3, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 177 iktar ’il fuq, sabiex jiġi analizzat jekk il-kriterju tal-imputabbiltà huwiex issodisfatt, għandu jsir riferiment għall-mument li fih tiġi adottata l-miżura.

187    Barra minn hekk, ċerti elementi relatati mal-aġir ta’ CET Govora nnotati fil-kuntest tal-Miżura 2 huma irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-imputabbiltà lill-Istat tal-vot ta’ CET Govora favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Għalhekk, kif issostni r-rikorrenti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea msemmija fil-premessi 29, 85 u 195 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw esklużivament il-Miżura 2, u ma kellhomx rabta mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni li seħħew iktar minn sentejn wara.

188    Fir-rigward tal-elementi tal-“kuntest usa’” li jagħmlu riferiment għalihom il-premessi 196 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ma humiex direttament rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-vot ta’ CET Govora favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni kienx imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tiddefinixxix b’mod ċar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn, minn naħa, il-fatt li l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ CET Govora kien ikkundannat mill-qrati kriminali nazzjonali għal abbuż ta’ poter u ta’ traffikar ta’ influwenza mwettaq matul il-perijodu ta’ bejn Ottubru 2011 u Lulju 2014 u, min-naħa l-oħra, il-vot ta’ CET Govora favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ CET Govora kien, sussegwentement, l-uffiċjal kap eżekuttiv tar-rikorrenti bejn Ottubru 2012 u Frar 2013, u li huwa reġa’ sar, wara Frar 2013, l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ CET Govora ma huwiex rilevanti. Minbarra l-fatt li dan il-fatt huwa relatat, huwa nnifsu, mal-perijodu preċedenti għal dak ikkonċernat mill-Miżura 3, is-sempliċi fatt li persuna fiżika partikolari kienet, f’mumenti differenti, maħtura uffiċjal kap eżekuttiv ta’ żewġ impriżi pubbliċi ma jfissirx, bħala tali, li l-azzjonijiet adottati minn waħda minnhom sentejn wara huma imputabbli lill-Istat.

189    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indizji oħrajn rilevanti u kontemporanji fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-vot ta’ CET Govora favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat.

–       Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot tal-ANE

190    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li skontha l-vot tal-ANE favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-ANE kienet istituzzjoni pubblika ta’ interess nazzjonali b’kapaċità ġuridika, ikkoordinata mill-amministrazzjoni pubblika ċentrali tal-ġestjoni tal-ilma; li l-għan tagħha kien, b’mod partikolari, li tapplika l-istrateġija u l-politika nazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi idrawliċi, li tiżgura l-osservanza tar-regolamenti f’dan il-qasam, li tmexxi u topera l-infrastruttura tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-ilma, u li tiżgura l-eżerċizzju ta’ ċertu numru ta’ attivitajiet ta’ interess nazzjonali u soċjali; li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kienu jinħatru fuq ordni tad-direttur tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali tal-ġestjoni tal-ilma u kienu jinkludu rappreżentant tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi u rappreżentant tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali tal-ġestjoni tal-ilma, u li d-direttur ġenerali tal-ANE kien maħtur, sospiż u mneħħi mill-funzjonijiet tiegħu fuq ordni tad-direttur tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali tal-ġestjoni tal-ilma, u li d-dħul u l-ispejjeż tiegħu kienu approvati mill-bord tad-diretturi bi qbil mad-direttur tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali tal-ġestjoni tal-ilma.

191    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħawdet iż-żewġ istituzzjonijiet distinti. B’mod partikolari, ir-riferiment għall-ANE li sar fil-kategorija “kredituri mhux garantiti skont l-Artikolu 96 tal-liġi [Rumena] dwar l-insolvenza” tat-tabella 1 li tinsab fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata huwa żbaljat, minħabba li dan il-kreditu jappartjeni lil istituzzjoni pubblika oħra, jiġifieri l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-ilmijiet – Amministrazzjoni tal-baċir ta’ Olt (iktar ’il quddiem l-“ANE‑ABO”). Skont ir-rikorrenti, l-ANE‑ABO vvotat favur il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, filwaqt li l-ANE la vvotat favur u lanqas kontra l-imsemmi pjan. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot tal-ANE‑ABO.

192    Il-Kummissjoni tinnota li l-ANE‑ABO hija waħda mill-ħdax-il fergħa reġjonali tal-ANE. Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 212 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ANE japplikaw ukoll għal din il-fergħa.

193    Ir-rikorrenti tillimita ruħha, essenzjalment, sabiex tafferma li l-Kummissjoni għamlet riferiment, bi żball, għal korp li ma huwiex dak li għandu krediti fil-konfront tagħha. Issa, hija la tikkontesta l-fatt, innotat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li l-ANE‑ABO hija fergħa tal-ANE, u lanqas il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 212 sa 217 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ANE japplikaw, mutatis mutandis, għall-fergħa tagħha. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kull element fis-sens kuntrarju, l-elementi nnotati fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ANE japplikaw ukoll għall-fergħat tagħha.

194    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa ċertament ta’ dispjaċir li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħawdet lill-ANE mal-fergħa tagħha, dan huwa biss żball formali mingħajr effett fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

195    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

–       Konklużjonijiet intermedji

196    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rnexxielha turi li l-vot tal-AAAS u dak tal-fergħa tal-ANE favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat. Għall-kuntrarju, hija ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imputabbiltà lill-Istat tal-vot ta’ Salrom u ta’ CET Govora fil-kuntest ta’ dan il-pjan.

ii)    Fuq l-imputabbiltà lill-Istat tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni

197    Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat, fil-premessa 201 tagħha, essenzjalment, li l-Miżura 3 kienet imputabbli lill-Istat minħabba li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma setax jiġi approvat mingħajr il-kunsens tal-AAAS jew ta’ CET Govora.

198    Madankollu, din il-konklużjoni hija żbaljata.

199    L-ewwel, kif jirriżulta mill-punti 180 sa 189 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-vot ta’ CET Govora favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat.

200    It-tieni, anki jekk jitqies li l-vot ta’ CET Govora favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat, għandu jiġi nnotat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompatibbli mad-deskrizzjoni tar-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-insolvenza li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

201    F’dan ir-rigward, mill-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, konformement mal-Artikoli 100 u 101 tal-legea no 85 privind procedura insolvenţei (il-Liġi Nru 85 dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza, iktar ’il quddiem il-“Liġi Rumena dwar l-Insolvenza”), tal‑5 ta’ April 2006 (Monitorul Oficial al României, Partea I, no 359, tal‑21 ta’ April 2006), pjan ta’ riorganizzazzjoni għandu jitqies li huwa aċċettat jekk maġġoranza assoluta tal-kategoriji ta’ kredituri tivvota favur il-pjan, bil-kundizzjoni li mill-inqas waħda mill-kategoriji żvantaġġati taċċetta l-pjan. Il-pjan għandu jitqies bħala aċċettat minn kategorija ta’ kredituri jekk, f’din il-kategorija, il-pjan ikun aċċettat minn kredituri li jkollhom maġġoranza assoluta tal-valur tal-krediti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

202    Barra minn hekk, mill-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 3(21) tal-Liġi Rumena dwar l-Insolvenza, “kategorija żvantaġġata” tfisser kategorija ta’ krediti li għaliha l-pjan ta’ riorganizzazzjoni jipprevedi b’mod partikolari tnaqqis fl-ammont tal-kreditu.

203    F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-tabella 1, li tinsab fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kredituri tar-rikorrenti tqassmu f’ħames kategoriji, li jfisser li, sabiex jiġi approvat il-pjan, kien neċessarju li tal-inqas tlieta minn dawn il-kategoriji jivvotaw favur dan tal-aħħar. Ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, dawn il-kategoriji kollha ta’ kredituri kienu kategoriji żvantaġġati, fis-sens tal-Artikolu 3(21) tal-Liġi Rumena dwar l-Insolvenza, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 tad-deċiżjoni kkontestata.

204    Barra minn hekk, minn din l-istess tabella jirriżulta li l-AAAS u CET Govora kellhom, flimkien, maġġoranza assoluta tal-valur tal-krediti esklużivament f’żewġ kategoriji, jiġifieri dik tal-“kredituri baġitarji” u dik tal-“kredituri mhux garantiti skont l-Artikolu 96 tal-liġi [Rumena] dwar l-insolvenza”, kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata.

205    Għaldaqstant, l-AAAS u CET Govora ma kellhomx il-maġġoranza meħtieġa sabiex japprovaw, waħedhom, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

206    Il-fatt nnotat fil-premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontu t-tielet kategorija, jiġifieri dik tal-impjegati, kienet “naturalment” tippreferi l-pjan, minħabba li dan ma kien jipprevedi ebda tnaqqis fil-krediti tal-impjegati, huwa irrilevanti, minħabba li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma sostniet li l-vot tal-impjegati kien imputabbli lill-Istat.

207    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-AAAS u CET Govora flimkien kellhom is-setgħa li jibblokkaw l-adozzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Għall-kuntrarju, mill-informazzjoni dwar l-orjentazzjoni tal-vot tad-diversi kredituri li tinsab fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, u fit-tabella tal-punt 75 tal-osservazzjonijiet tar-Rumanija ta’ Mejju 2018, jirriżulta li kien ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kredituri li vvotaw favur l-imsemmi pjan sabiex dan jiġi kkunsidrat bħala aċċettat minn tlieta mill-ħames kategoriji ta’ kredituri, inkluż mill-inqas “kategorija żvantaġġata”, anki fil-każ fejn l-AAAS u CET Govora vvotaw kontra l-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

208    It-tielet, l-AAAS u l-fergħa tal-ANE, li l-vot tagħhom kien imputabbli lill-Istat, kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni, kellhom, flimkien, il-maġġoranza assoluta tal-krediti f’kategorija waħda biss, jiġifieri dik tal-kredituri baġitarji. Għaldaqstant, waħedhom, huma la setgħu jwaqqfu l-pjan ta’ riorganizzazzjoni u lanqas jibblokkaw l-approvazzjoni tiegħu mill-assemblea tal-kredituri.

209    Ir-raba’, anki jekk jitqies li l-vot ta’ CET Govora favur l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien imputabbli lill-Istat, u kellu jiġi miżjud ma’ dawk tal-AAAS u tal-fergħa tal-ANE, għandu jiġi nnotat li, flimkien, huma kellhom maġġoranza assoluta tal-valur tal-krediti esklużivament f’żewġ kategoriji, jiġifieri dak tal-“kredituri baġitarji” u dak tal-“kredituri mhux garantiti skont l-Artikolu 96 tal-liġi [Rumena] dwar l-insolvenza”. Barra minn hekk, anki fil-każ li dawn ikunu vvotaw kontra l-pjan ta’riorganizzazzjoni, kien ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kredituri li vvotaw favur l-imsemmi pjan sabiex dan jiġi kkunsidrat bħala aċċettat minn tlieta mill-ħames kategoriji ta’ kredituri, inkluż mill-inqas kategorija żvantaġġata. Għaldaqstant, waħedhom, huma la setgħu jwaqqfu l-pjan ta’ riorganizzazzjoni u lanqas jibblokkaw l-approvazzjoni tiegħu mill-assemblea tal-kredituri.

210    Fit-tieni lok, l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, il-Miżura 3 hija imputabbli lill-Istat minħabba li l-pjan ta’ riorganizzazzjoni kien ġie “prodott” mill-amministratur legali, li kien jagħmel parti mill-Istat, tista’ biss tiġi miċħuda. Fil-fatt, mill-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-amministratur legali “jħejji” l-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li għandu, sussegwentement, jiġi eżaminat u approvat mill-kredituri. Għalhekk, l-amministratur legali ma għandux is-setgħa li jadotta l-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

211    Fit-tielet lok, huwa ċertament minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-qorti kompetenti, li hija estensjoni tal-Istat, għandha wkoll tapprova l-pjan, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli. Madankollu, din il-qorti ma tistax tapprova pjan li ma ġiex adottat mill-kredituri. Fir-realtà, l-argument tal-Kummissjoni, li kieku kellu jiġi segwit, iwassal sabiex kull pjan ta’ riorganizzazzjoni adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza jiġi kkunsidrat bħala imputabbli lill-Istat minħabba s-sempliċi fatt tal-implikazzjoni ta’ amministratur legali u ta’ qorti fil-proċedura.

212    Il-Kummissjoni ma tista’ tislet ebda argument f’dan ir-rigward mis-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 59, 77 u 81), u tat‑3 ta’ Marzu 2016, Simet vs Il‑Kummissjoni (T‑15/14, EU:T:2016:124, punti 38, 44 u 45). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni f’dawn il-kawżi bl-ebda mod ma kienu komparabbli mal-Miżura 3 inkwistjoni f’din il-kawża. Il-kawża li tat lok għall-ewwel sentenza msemmija iktar ’il fuq kienet tikkonċerna għajnuna mill-Istat mogħtija lil produtturi tal-aluminju u emendata b’digriet għal miżuri provviżorji tal-qorti nazzjonali kompetenti, li testendi l-applikazzjoni ta’ tariffa preferenzjali tal-provvista tal-elettriku. Il-kawża li wasslet għat-tieni sentenza msemmija iktar ’il fuq kienet tikkonċerna għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet Taljani b’eżekuzzjoni ta’ digriet ta’ qorti nazzjonali. F’dawn il-kawżi, l-oriġini tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, li n-natura u s-suġġett tagħhom ma għandhom xejn komparabbli ma’ dawk ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, kienet statali, filwaqt li d-deċiżjoni li tiġi annullata parti mid-djun tar-rikorrenti ttieħdet, f’din il-kawża, kif innotat il-Kummissjoni nnifisha, mill-kredituri tagħha u mhux mill-amministratur legali jew mill-qorti kompetenti.

213    Fir-raba’ lok, l-affermazzjoni, li tinsab b’mod partikolari fil-premessi 203 sa 205 u 209 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, l-eżistenza tal-Memorandum u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi turi li l-Miżura 3 kienet, kollha kemm hi, imputabbli lill-Istat, għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 128 u 136 iktar ’il fuq.

214    B’mod partikolari, il-fatt, innotat fil-premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-firmatarji tal-Memorandum u CET Govora kellhom flimkien il-maġġoranza neċessarja f’erba’ kategoriji ta’ kredituri huwa irrilevanti. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma argumentat, u wisq inqas uriet, li l-vot tal-banek privati firmatarji tal-Memorandum kien imputabbli lill-Istat. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-voti ta’ Electrica u ta’ Salrom, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 156 u 167 sa 179 iktar ’il fuq, filwaqt li fir-rigward ta’ CET Govora, hija lanqas biss ffirmat dan il-Memorandum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Memorandum kien ippermetta li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa fi ħdan l-assemblea tal-kredituri.

215    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Miżura 3 kienet imputabbli lill-Istat u li, għaldaqstant, hija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

b)      Fuq il-motivi dwar il-Miżuri 1 u 2 ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

216    L-ewwel, fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li n-natura selettiva tal-għajnuna ma kinitx toħloq diffikultà, minħabba li l-Miżuri 1 u 2 ingħataw esklużivament lir-rikorrenti, filwaqt li impriżi oħrajn, tas-settur petrokimiku jew ta’ setturi oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali simili, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija miżuri, ma kinux ibbenefikaw minnhom.

217    It-tieni, fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

218    It-tielet, fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, “għall-fini ta’ kompletezza”, hija kienet madankollu vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux josservaw il-kriterju ta’ kreditur privat. Għalhekk, fil-punti 6.1.2.1 (premessi 224 sa 243) u 6.1.2.2 (premessi 244 sa 263) tad-deċiżjoni kkontestata, hija applikat dan il-kriterju, rispettivament, għall-Miżuri 1 u 2, u kkonkludiet li dawn kienu jagħtu lir-rikorrenti vantaġġ ekonomiku selettiv, bl-eċċezzjoni tas-sostenn mogħti għall-attivitajiet tar-rikorrenti minn Salrom fil-kuntest tal-Miżura 2, minħabba li din l-impriża aġixxiet, skont il-Kummissjoni, bħala kreditur privat u għalhekk ma tat ebda vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti.

219    Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom, l-ewwel, il-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli f’dan il-każ u, it-tieni, ingħatalha vantaġġ ekonomiku fil-kuntest tal-Miżuri 1 u 2, kif indikat fil-punt 218 iktar ’il fuq.

220    Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li ma għadux meħtieġ li jiġi eżaminat l-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fil-kuntest tal-Miżura 3. Fil-fatt, kif ġie nnotat fil-punti 156 u 215 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-miżura kienet timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u kienet imputabbli lill-Istat, u dan huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Miżura 3 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq.

1)      Fuq l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat

221    Fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li kienet sostniet ir-Rumanija matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli f’dan il-każ, għar-raġuni, essenzjalment, li r-Rumanija aġixxiet b’mod kostanti u ċar fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità pubblika sabiex issalva lir-rikorrenti mill-falliment, inkluż permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi u permezz tal-Memorandum, u mhux bħala azzjonist li jinvesti fiha jew bħala kreditur tagħha.

222    Il-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessi “204 u dawk sussegwenti”, 274 u 276 ta’ din id-deċiżjoni. Issa, għandu jiġi nnotat qabelxejn li dawn ir-riferimenti ma jidhru li qegħdin iressqu ebda element supplimentari meta mqabbla mar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-premessi “204 u dawk sussegwenti” tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu b’mod partikolari għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi, diġà msemmija fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-premessi 274 u 276 ta’ din id-deċiżjoni jikkonċernaw l-applikazzjoni, u mhux l-applikabbiltà, tal-kriterju ta’ kreditur privat fil-kuntest speċifiku tal-Miżura 3.

223    Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżuri inkwistjoni ma jimplikawx l-eżerċizzju, mill-Istat, ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, kif juri l-fatt li dawn setgħu anki jittieħdu, u effettivament ġew meħuda, minn kredituri privati. Barra minn hekk, in-natura tagħhom, is-suġġett tagħhom, il-kuntest li ttieħdu fih, l-għanijiet li huma jsegwu u r-regoli li għalihom huma kienu suġġetti jindikaw ukoll li l-imsemmi kriterju japplika f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, la l-Memorandum u lanqas id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ma jistgħu jeskludu l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju.

224    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni, essenzjalment, li l-kriterju ta’ kreditur privat ma huwiex applikabbli f’dan il-każ għaliex, meta r-Rumanija adottat il-miżuri inkwistjoni, hija aġixxiet fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità jew ta’ awtorità pubblika, u mhux bħala kreditur privat, kif juru l-Memorandum u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi.

225    Għandu jitfakkar li t-test tal-kreditur privat u t-test tal-investitur privat huma espressjonijiet speċifiċi tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq li jintużaw sabiex jiġi eżaminat jekk l-aġir ta’ kreditur pubbliku jew ta’ investitur pubbliku, rispettivament, jistgħux iwasslu għal għajnuna mill-Istat.

226    Skont il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tal-Istat azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra. Għalhekk, il-kriterju tal-investitur privat japplika meta l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. Sabiex jiġi evalwat jekk miżura hijiex l-att tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, u mhux f’dik ta’ awtorità pubblika, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u s-suġġett tal-miżura, il-kuntest li ttieħdet fih, l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 80, 81 u 86).

227    Jekk Stat Membru jinvoka, matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju tal-investitur privat, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni l-provi meħtieġa, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru, kwalunkwe prova oħra rilevanti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx jikkostitwixxi eċċezzjoni li ma tapplikax ħlief fuq talba ta’ Stat Membru, iżda, meta kien applikabbli, kien jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, meta jidher li dan il-kriterju japplika, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 86, 103 u 104).

228    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li, meta kreditur pubbliku kien jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriża, il-kriterju ta’ kreditur privat kien, bħala prinċipju, applikabbli (ara, f’dan sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 71).

229    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-natura ekonomika tal-azzjoni tal-Istat Membru kellha tkun il-“punt ta’ tluq” tal-analiżi tal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat u li, meta jkun jidher li l-kriterju ta’ kreditur privat ikun jista’ jiġi applikat, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina din l-ipoteżi indipendentement minn kull talba f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 25 u 27).

230    F’ċerti każijiet, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat ukoll tista’ tiġi preżunta, minħabba n-natura nnifisha tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑100/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:900, punt 53).

231    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, fil-premessi 221 u 222 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, essenzjalment, fuq l-eżistenza tal-Memorandum u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi. Issa, sa fejn il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-imsemmi Memorandum u l-imsemmija dikjarazzjonijiet bħala għajnuna mill-Istat, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu biss bħala elementi tal-kuntest li fih jittieħdu l-miżuri inkwistjoni.

232    B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari, ta’ dawk relatati man-natura u mas-suġġett tal-miżura, mal-għan imfittex u mar-regoli li għalihom kienet suġġetta l-imsemmija miżura, kif titlob il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 226 u 227 iktar ’il fuq.

233    Ċertament, ma huwiex eskluż li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tinftiehem bħala li tindika, impliċitament iżda neċessarjament, li, skont il-Kummissjoni, l-elementi tal-kuntest kellhom tali importanza f’dan il-każ li huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex tiġi konkluża l-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, indipendentement mill-fatturi l-oħrajn stabbiliti mill-ġurisprudenza.

234    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li dawn il-fatturi l-oħrajn juru li l-kriterju ta’ kreditur privat kien japplika f’dan il-każ.

235    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha, relatati man-natura u mas-suġġett tal-Miżuri 1 u 2, mal-kuntest li jittieħdu fih, mal-għan imfittex u mar-regoli li għalihom huma suġġetti, il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball, li l-kriterju ta’ kreditur privat ma japplikax għall-Miżuri 1 u 2.

236    Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett u tan-natura tal-Miżuri 1 u 2, mill-punt 99 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Miżura 1 tikkonċerna, essenzjalment, l-opportunità, l-aġenda u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni eventwali tal-krediti tal-AAAS. Kull kreditur privat jista’ wkoll jiġi kkonfrontat b’tali għażla.

237    Bl-istess mod, il-Miżura 2 tikkonċerna l-modalitajiet li bihom għandhom jiġu segwiti jew interrotti kunsinni ta’ materji primi lil impriża f’diffikultà. Kull fornitur privat jista’ wkoll jiġi kkonfrontat b’tali għażla.

238    In-natura tal-Miżuri 1 u 2 hija għalhekk essenzjalment ekonomika u ma timplikax, bħala tali, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

239    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jittieħdu dawn il-miżuri, l-ewwel, għandu jiġi osservat li, kif tinnota r-rikorrenti, il-perijodu rilevanti tal-Miżuri 1 u 2 kien jibda f’Settembru 2012, filwaqt li l-Memorandum ġie ffirmat fit‑23 ta’ Novembru 2012. Għalhekk, il-Miżuri 1 u 2 ġew implimentati madwar xahrejn qabel l-iffirmar tal-Memorandum, b’tali mod li dan tal-aħħar ma setax ikun ir-raġuni għall-adozzjoni tagħhom.

240    It-tieni, kif issostni r-rikorrenti, u kif ġie nnotat fil-punt 124 iktar ’il fuq, ebda klawżola tal-Memorandum ma kienet timponi fuq l-AAAS li ma teżegwixxix il-krediti tagħha kontra r-rikorrenti. Fir-rigward ta’ CET Govora, l-unika entità li tat għajnuna fil-kuntest tal-Miżura 2, lanqas biss hija firmatarja tal-Memorandum.

241    It-tielet, kif ġie nnotat fil-punt 127 iktar ’il fuq, il-fatt li ġie ffirmat il-Memorandum ma waqqafx lil ċerti firmatarji milli jaġixxu bħala kredituri privati.

242    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 130 sa 136 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li dawn ma jwasslux għal impenji ċari, preċiżi, konkreti u sodi tal-Istat li jimponu lill-AAAS u lil CET Govora jadottaw aġir kkaratterizzat mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, EU:T:2015:450, punti 235 sa 245).

243    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tal-Miżuri 1 u 2, isir riferiment għall-punti 111 u 112 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li ebda għan ċar ma jista’ jiġi assenjat għall-Miżura 1, filwaqt li l-Miżura 2 issegwi l-għan li tinżamm il-vijabbiltà ta’ CET Govora nnifisha.

244    Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-regoli li għalihom kienu suġġetti l-Miżuri 1 u 2, dawn lanqas ma jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

245    Fil-fatt, ir-regoli applikabbli għall-Miżura 1 huma, essenzjalment, dawk relatati mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ krediti. Għalkemm huwa minnu li jeżistu liġijiet speċjali li jirregolaw l-irkupru tad-djun tal-Istat, li jipprevedu b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni diretta tal-krediti mingħajr deċiżjoni ta’ qorti, xorta jibqa’ l-fatt li l-AAAS, li l-aġir passiv tagħha huwa s-suġġett tal-Miżura 1, ma implimentatx din il-possibbiltà f’dan il-każ (ara l-punti 266 sa 275 iktar ’il quddiem).

246    Fir-rigward tal-Miżura 2, din tirrigwarda, essenzjalment, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn CET Govora, Salrom u r-rikorrenti matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 2012 u Jannar 2013.

247    Konsegwentement, min-natura, mis-suġġett, mill-kuntest, mill-għan u mir-regoli tad-dritt li għalihom kienu suġġetti l-Miżuri 1 u 2 jirriżulta li dawn kienu jaqgħu fl-isfera ekonomika u kummerċjali u ma kinux marbuta mal-eżerċizzju mill-Istat ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

248    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli għall-Miżuri 1 u 2.

2)      Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku f’dak li jirrigwarda l-Miżura 1

249    Fil-punt 6.1.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 224 sa 243), il-Kummissjoni qieset li l-AAAS kienet tat vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni ta’ krediti matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Settembru 2012 u x-xahar ta’ Jannar 2013, għar-raġuni, essenzjalment, li l-AAAS ma aġixxietx kif kien jaġixxi kreditur privat. Fil-fatt, anki jekk hija kienet konxja mis-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli u li qiegħda tiddeterjorja tar-rikorrenti, l-AAAS ma kinitx tadotta miżuri sabiex tipprova teżegwixxi l-krediti tagħha jew, għall-inqas, sabiex tikseb pożizzjoni aħjar bħala kreditur.

250    B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi sabiex turi li l-AAAS kienet tat vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti fil-kuntest tal-Miżura 1, jiġifieri:

–        b’differenza miċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2012, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni tal-krediti mill-AAAS matul il-perijodu kkonċernat ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn proġett ta’ privatizzazzjoni imminenti;

–        il-perijodu kkonċernat kien twil biżżejjed sabiex l-AAAS tkun tista’ tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni;

–        l-AAAS setgħet tinvoka drittijiet speċjali li hija kellha bħala amministrazzjoni pubblika sabiex teżegwixxi l-krediti tagħha;

–        il-legea no 137 privind unele măsuri pentru accelerarea privatizării (il-Liġi Nru 137 dwar il-Miżuri Intiżi Sabiex Titħaffef il-Privatizzazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni”), tat‑28 ta’ Marzu 2002 (Monitorul Oficial al României, Partea I, no 215, tat‑28 ta’ Marzu 2002), ma waqqfitx lill-AAAS milli tirkupra l-krediti tagħha;

–        l-AAAS ma ppreżentat ebda rapport jew dokument intern kontemporanju li juri li hija aġixxiet bħala kreditur privat;

–        b’differenza mill-AAAS, kredituri oħrajn tar-rikorrenti ħadu miżuri sabiex jirkupraw jew jipproteġu l-krediti tagħhom;

–        il-Memorandum jipprova li l-AAAS aċċettat in-nuqqas ta’ rkupru u l-akkumulazzjoni tad-djun;

–        l-AAAS setgħet tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Rumena dwar l-insolvenza li jippermettulha tipproponi pjan ta’ riorganizzazzjoni alternattiv;

–        l-AAAS setgħet thedded lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza;

–        l-AAAS setgħet tissekwestra l-kontijiet tar-rikorrenti jew tikseb garanzija ta’ proprjetà immobbli.

251    Ir-rikorrenti tikkontesta kull wieħed minn dawn l-elementi. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-Miżura 1 ma kinitx konformi mal-kriterju ta’ kreditur privat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma wrietx li hija manifestament ma kisbitx l-istess vantaġġi ta’ kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS.

252    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-AAAS kienet tat vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-akkumulazzjoni tal-krediti tagħha kontriha.

253    Skont il-ġurisprudenza, il-kriterju ta’ kreditur privat huwa intiż li jeżamina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx manifestament tikseb faċilitajiet komparabbli ta’ kreditur privat fl-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku li jkun qiegħed jipprova jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jinsab f’diffikultà finanzjarja u, għaldaqstant, jekk din l-impriża setgħetx tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

254    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, kull kreditur, meta jaffaċċja debitur li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu tkun qiegħda tiddeterjorja b’mod sinjifikattiv, għandu jagħmel għażla fir-rigward tal-possibbiltajiet u tal-modalitajiet għall-irkupru eventwali tal-krediti tiegħu. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħall-kwalità tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, privileġġat jew ordinarju, in-natura u l-portata tal-garanziji li jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ tiġi fuq saqajha, kif ukoll il-qligħ li jagħmel f’każ ta’ likwidazzjoni. Isegwi li hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, għal kull organu pubbliku inkwistjoni, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi ċċitati iktar ’il fuq, jekk il-faċilitajiet li jkun ta kinux manifestament ikbar minn dawk li kienu jingħataw minn kreditur privat ipotetiku li jinsab, fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-organu pubbliku kkonċernat u li jfittex li jirkupra s-somom dovuti lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li, billi ma eżegwitx il-krediti tagħha u billi akkumulat oħrajn matul il-perijodu kkonċernat, l-AAAS kienet tat lir-rikorrenti faċilitajiet li hija manifestament ma kinitx tikseb minn kreditur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-AAAS, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 253 iktar ’il fuq.

256    L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-perijodu, qasir ħafna, ta’ din il-miżura, l-AAAS ma wettqitx l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħha, minħabba li hija kienet għadha fil-proċess li tfittex l-aħjar soluzzjoni possibbli sabiex tirkuprahom, kif juri l-Memorandum. Barra minn hekk, matul il-perijodu kkonċernat, l-AAAS setgħet ukoll tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet u l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni tal‑2012, li jikkonfermaw li l-konverżjoni tad-dejn u l-privatizzazzjoni kienu iktar profittabbli minn likwidazzjoni. Barra minn hekk, kif ġie nnotat fil-punt 99 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tenfasizza, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, li l-akkumulazzjoni ta’ krediti mill-AAAS matul dan il-perijodu ma kinitx tikkonsisti fi krediti ġodda konklużi matul dan il-perijodu, iżda esklużivament fl-akkumulazzjoni ta’ interessi dovuti fuq krediti preeżistenti.

257    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni tal‑2012, adottata madwar sitt xhur qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat mill-Miżura 1, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, b’mod partikolari, li l-konverżjoni tad-djun tar-rikorrenti f’kapital ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u li privatizzazzjoni kienet iktar vantaġġuża minn likwidazzjoni, filwaqt li ġie ppreċiżat li l-awtoritajiet Rumeni impenjaw ruħhom li jipprivatizzaw kompletament lir-rikorrenti fi żmien qasir (premessi 17, 52, 73, 86, 153, 160 u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑2012).

258    Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tentattiv ta’ privatizzazzjoni tar-rikorrenti falla fit‑22 ta’ Settembru 2012, minħabba l-fatt li ċerti azzjonisti minoritarji ostakolaw il-konverżjoni prevista tad-dejn f’azzjonijiet.

259    Għalhekk, il-perijodu rilevanti tal-Miżura 1 beda jiddekorri, skont il-premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata, wara l-falliment ta’ dan it-tentattiv. B’dan il-mod, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-AAAS kellha twettaq l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħha fuq ir-rikorrenti immedjatament wara l-imsemmi falliment jew, l-iktar, f’perijodu ta’ erba’ xhur wara dan, jew tieħu miżuri oħrajn intiżi sabiex tinkiseb pożizzjoni aħjar bħala kreditur f’dan l-istess perijodu ta’ żmien.

260    Issa, minn naħa, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wrietx li kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien neċessarjament jikkunsidra, f’dak il-mument, li ebda tentattiv ieħor ta’ privatizzazzjoni ma huwa prevedibbli, minħabba li l-falliment tagħha la kien dovut għan-nuqqas ta’ investituri potenzjali, la għall-profittabbiltà tal-investiment previst, u lanqas għas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti.

261    Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni nnotat li tentattivi oħrajn qabilha kienu fallew ukoll u li ma kien għad hemm ebda proġett ta’ privatizzazzjoni imminenti f’dak il-mument, hija madankollu ma wrietx li kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien neċessarjament jistenna li l-privatizzazzjoni tar-rikorrenti kienet minn dakinhar ’il quddiem eskluża, fid-dawl mhux biss tar-raġunijiet speċifiċi ta’ dan l-aħħar falliment, iżda wkoll tal-fatt li, madwar sitt xhur qabel, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat hija stess li din il-possibbiltà kienet prevedibbli fi żmien qasir.

262    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-perijodu rilevanti tal-Miżura 1 kien relattivament qasir, jiġifieri mit‑22 ta’ Settembru 2012 sal‑31 ta’ Jannar 2013, jiġifieri madwar erba’ xhur. Issa, sa fejn, fid-deċiżjoni tal‑2012, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li x-xenarju tal-privatizzazzjoni kien iktar vantaġġuż minn dak tal-likwidazzjoni, kien ikun leġittimu għal kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS li jirrifletti l-għażliet li kellu għal ċertu żmien minflok iwettaq immedjatament l-eżekuzzjoni tal-krediti tiegħu, li seta’ jwassal għal-likwidazzjoni tar-rikorrenti, xenarju li, skont l-imsemmija deċiżjoni, kien ikun żvantaġġuż.

263    Għalkemm ma hemmx regoli dwar il-ħeffa li biha kreditur għandu jaġixxi sabiex jeżegwixxi l-krediti tiegħu, ma jistax jiġi mistenni li kredituri privati ipotetiċi jitolbu l-likwidazzjoni tal-impriża mal-ewwel nuqqas, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-potenzjal tagħha fuq perijodu itwal, anki jekk madankollu ma jistax jiġi aċċettat li l-awtoritajiet pubbliċi jittolleraw b’mod passiv akkumulazzjoni ta’ djun fuq perijodi twal mingħajr l-iċken sinjal ta’ titjib (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑480/98, EU:C:2000:305, punti 36 u 37).

264    Il-kriterju ta’ kreditur privat ma jeżiġix għalhekk li tintalab il-likwidazzjoni immedjata ta’ impriża f’diffikultà, sa fejn jista’ jkun kompletament konċepibbli li kreditur privat, li jkollu mezzi sinjifikattivi, ikollu interess li jżomm l-attività ta’ impriża debitriċi għaddejja għal ċertu żmien, jekk l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni immedjata jirriżultaw ogħla mill-ispejjeż tal-għoti ta’ għajnuna (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑276/02, EU:C:2004:211, punt 39).

265    Barra minn hekk, il-fatt, innotat fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet issospendiet il-produzzjoni tagħha u ma kellha ebda dħul operatorju fil-futur qarib li, skont il-Kummissjoni, kellu jwassal lill-AAAS sabiex tibda proċedura ta’ eżekuzzjoni, huwa parzjalment fattwalment infondat. Fil-fatt, mill-premessi 29 u 244 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li fl‑24 ta’ Ottubru 2012, jiġifieri fil-bidu tal-perijodu kkonċernat mill-Miżura 1, ir-rikorrenti reġgħet bdiet il-produzzjoni tagħha u għalhekk setgħet tagħmel qligħ.

266    It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-AAAS kienet legalment imwaqqfa milli tinvoka l-krediti tagħha, konformement mal-Artikolu 16(5)(c) tal-Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni, sakemm hija nnifisha kienet taħt amministrazzjoni speċjali. Issa, dan kien il-każ wara d-digriet tal-Ministru għall-Ekonomija tat‑2 ta’ Lulju 2012.

267    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, kif jirriżulta mill-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, il-liġijiet speċjali li jirregolaw l-irkupru tad-djun tal-Istat, b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2) tal-ordonanță no 51 de urgenţă privind valorificarea unor active ale statului (id-Digriet Nru 51 ta’ Urġenza dwar l-Irkupru ta’ Ċerti Beni tal-Istat), tal‑15 ta’ Diċembru 1998 (Monitorul Oficial al României, Partea I, no 482, tal‑15 ta’ Diċembru 1998), jagħtu lill-AAAS drittijiet speċjali li jinkludu, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni diretta tal-krediti tagħha, mill-korpi ta’ bailiffs tagħha nnifisha, mingħajr deċiżjoni ta’ qorti.

268    Madankollu, l-Artikolu 16(5)(c) tal-Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni kien iwaqqaf lill-kredituri fiskali milli jwettqu l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħhom kontra r-rikorrenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, kif kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kienet tipprevedi dan li ġej:

“Mid-data ta’ stabbiliment tal-proċedura ta’ amministrazzjoni speċjali matul il-perijodu ta’ privatizzazzjoni, il-miżuri eċċezzjonali li ġejjin għandhom japplikaw għall-kumpannija: […] il-kredituri fiskali għandhom jissospendu, sakemm iseħħ it-trasferiment tal-azzjonijiet, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda kontra l-kumpannija, u joqogħdu lura milli japplikaw tali miżuri. L-istess dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-istituzzjoni pubblika kkonċernata, jekk din tkun kreditur.”

269    Issa, ma huwiex ikkontestat li, matul il-perijodu kkonċernat mill-Miżura 1, ir-rikorrenti tqiegħdet taħt l-iskema tal-proċedura ta’ amministrazzjoni speċjali. Lanqas ma huwa kkontestat li l-AAAS kienet kreditur fiskali fis-sens tal-Artikolu 16(5)(c) tal-Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni.

270    Għaldaqstant, kif tinnota r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kienet tapplika għall-AAAS.

271    Minn naħa, madankollu, fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet, li l-Ministeru għall-Ekonomija kien, “għal raġunijiet mhux spjegati”, żamm lir-rikorrenti taħt l-iskema tal-proċedura ta’ amministrazzjoni speċjali, anki wara l-falliment tal-privatizzazzjoni f’Settembru 2012.

272    Madankollu, din il-kritika hija ineffettiva, minħabba li l-Kummissjoni ma kklassifikatx bħala għajnuna mill-Istat id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ekonomija li jżomm lir-rikorrenti taħt l-iskema tal-proċedura ta’ amministrazzjoni speċjali, iżda esklużivament l-aġir tal-AAAS.

273    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-AAAS setgħet tipprova tikkontesta d-“deċiżjoni tal-Ministeru li jtawwal […] l-istatus speċjali [tar-rikorrenti] mingħajr spjegazzjoni”.

274    Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS iddeċieda li jagħti bidu għal tali proċedura ġudizzjarja, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tat-tul mistenni b’rabta mal-perijodu qasir ħafna kkonċernat mill-Miżura 1. Issa, it-tul ta’ proċedura ġudizzjarja huwa element li jista’ jinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, normalment prudenti u diliġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 81).

275    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li r-Rumanija setgħet temenda l-Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni. Madankollu, tali kunsiderazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-Kummissjoni ma tistax tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata matul il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑289/01, EU:T:2007:155, punt 132).

276    It-tielet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, kuntrarjament għall-AAAS, ċerti kredituri pubbliċi u privati, b’mod partikolari Electrica, Salrom, Polcheme SA u Bulrom Gas, kienu taw bidu għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni matul l-imsemmi perijodu.

277    Ir-rikorrenti ssostni li l-maġġoranza kbira tal-kredituri privati aġixxiet bl-istess mod bħall-AAAS.

278    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova li turi, la espliċitament u lanqas impliċitament, li l-AAAS u tlieta mill-erba’ kredituri msemmija fil-punt 276 iktar ’il fuq, jiġifieri Salrom, Polcheme u Bulrom Gas, kienu jinsabu, matul il-perijodu rilevanti, f’sitwazzjoni komparabbli. Għall-kuntrarju, mill-premessa 231 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Polcheme u Bulrom Gas jinsabu fost il-kredituri privileġġati, filwaqt li kważi l-krediti kollha miżmuma mill-AAAS ma kinux iggarantiti.

279    Fir-rigward ta’ Electrica, il-Kummissjoni nnotat, ċertament, fil-premessa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha “l-istess proporzjon ta’ rkupru” bħall-AAAS, skont studju tal-bank Raiffeisen tal‑2011. Madankollu, fl‑2012, jiġifieri qabel il-privatizzazzjoni tagħha, Electrica kienet kreditur pubbliku. Issa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, huwa biss l-aġir ta’ kredituri privati li jinsabu fl-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-AAAS li huwa rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

280    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-argument tar-rikorrenti, li skontu l-parti l-kbira tal-kredituri privati tagħha ma wettqitx, bħall-AAAS, l-eżekuzzjoni tal-krediti tagħhom jew adottaw miżuri kawtelatorji oħra, matul il-perijodu kkonċernat. Għalkemm il-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrenti talli ma wrietx li dawn il-kredituri privati l-oħrajn kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS, din l-istess kritika tista’ tiġi invokata kontra l-Kummissjoni nnifisha, sa fejn hija ma wrietx li l-erba’ kredituri li hija semmiet fid-deċiżjoni kkontestata kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha turi li l-aġir ta’ kreditur pubbliku ma kienx kompatibbli mal-kriterju ta’ kreditur privat u li, għalhekk, kien ta vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 29).

281    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat ukoll li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat tista’ tkun ibbażata fuq l-aġir ta’ kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-kreditur pubbliku inkwistjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 254 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma titlobx neċessarjament li kreditur privat reali li jinsab f’tali sitwazzjoni komparabbli jiġi identifikat. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien iwettaq l-eżekuzzjoni tal-krediti tiegħu jew jadotta miżuri kawtelatorji oħrajn matul il-perijodu kkonċernat, li t-tul tagħhom kien relattivament qasir.

282    F’dan ir-rigward, u mingħajr ma dan ġie kkontestat b’mod sostnut mill-Kummissjoni, kien probabbli li, fid-dawl tal-ammont tal-krediti tal-AAAS, l-eżekuzzjoni tagħhom kienet twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

283    Issa, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kważi t-totalità tal-krediti tal-AAAS ma kinitx iggarantita. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma wrietx li kreditur privat li għandu espożizzjoni simili għal dik tal-AAAS kien ikollu interess ekonomiku li jwassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, minħabba li, b’differenza mill-kredituri privileġġati, huwa jirriskja li jitlef parti ikbar mill-krediti tiegħu fil-kuntest ta’ tali proċedura. Għalhekk, għal tali kreditur, privatizzazzjoni eventwali jew soluzzjoni oħra setgħu, f’dak iż-żmien, jidhru kemm prevedibbli kif ukoll iktar interessanti għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 262 iktar ’il fuq. Għall-inqas, ikun leġittimu li tali kreditur jevalwa l-għażliet ippreżentati lilu matul ċertu żmien, minflok ma jieħu passi f’approċċ bħal dak irrakkomandat mill-Kummissjoni.

284    Il-motiv, li jinsab fil-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontu l-AAAS setgħet twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sabiex sussegwentement tipproponi pjan ta’ riorganizzazzjoni alternattiv, la huwa suffiċjentement sostnut u lanqas konvinċenti. Fil-fatt, anki jekk l-AAAS setgħet tipproponi pjan ta’ riorganizzazzjoni alternattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-Kummissjoni la wriet li hija setgħet, waħedha, tadottah, u lanqas li dan il-pjan alternattiv kien iwassal għal irkupru aħjar tal-krediti mhux iggarantiti tal-AAAS.

285    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma wrietx li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien wettaq, matul il-perijodu kkonċernat, is-sekwestru tal-kontijiet tar-rikorrenti jew seta’ jikseb garanziji għall-krediti tiegħu, bħal garanzija ta’ proprjetà immobbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha li ssemmi tali possibbiltà, madankollu mingħajr ma wettqet eżami konkret u sostnut għal dan il-għan. Għalhekk, bħala eżempju, il-Kummissjoni ma eżaminatx id-disponibbiltà ta’ likwidità jew ta’ beni immobbli ta’ valur suffiċjenti fil-patrimonju tar-rikorrenti li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS seta’ jadixxi jew li fuqhom huwa seta’ jikseb garanzija. Hija lanqas ma eżaminat il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan u jekk, fid-dawl tagħhom, tali kreditur privat ipotetiku kienx jaġixxi bil-mod kif irrakkomanda, matul il-perijodu relattivament qasir mit‑22 ta’ Settembru 2012 sal‑31 ta’ Jannar 2013. Fi kwalunkwe każ, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 254 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha turi li kien ċar li tali kreditur privat ipotetiku kien jaġixxi bil-mod irrakkomandat minnha matul il-perijodu kkonċernat mill-Miżura 1. Fir-rigward tal-eżempji konkreti mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dawn ma jikkonċernawx kredituri b’espożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS.

286    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta b’mod sostnut mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 16(5)(c) tal-Liġi Rumena dwar il-Privatizzazzjoni kien iwaqqaf lill-AAAS milli timponilha tali miżuri.

287    Ir-raba’, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Rumeni talli ma ppreżentaw ebda rapport jew dokument intern kontemporanju li juri li l-AAAS kienet aġixxiet, matul il-perijodu kkonċernat, bħala kreditur privat.

288    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li kien leġittimu li l-AAAS ma tippreparax immedjatament tali dokumenti, fid-dawl tal-fatt li hija kienet iffirmat il-Memorandum preċiżament bil-għan li żżomm l-għażliet kollha miftuħa u li tevalwa l-vijabbiltà tiegħu.

289    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, qabel kollox, li l-AAAS kellha, matul il-perijodu rilevanti, l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal‑2012, li kienet tikkostitwixxi evalwazzjoni kontemporanja u aċċessibbli għal kull kreditur, li kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tax-xenarju tal-likwidazzjoni meta mqabbel ma’ dak tal-privatizzazzjoni. Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 256 sa 265 iktar ’il fuq, u kif issostni r-rikorrenti, kien leġittimu għal kreditur li jqis li din l-evalwazzjoni baqgħet rilevanti matul il-perijodu kkonċernat.

290    Sussegwentement, il-kredituri, inkluża l-AAAS, kellhom ukoll l-istudju tal-bank Raiffeisen ta’ Ottubru 2011, ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala “l-aħħar studju disponibbli dak iż-żmien” (premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-istudju, ippreżentat mill-awtoritajiet Rumeni lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2012, kien iqabbel id-dħul mil-likwidazzjoni tar-rikorrenti ma’ dak ta’ privatizzazzjoni. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont dan l-istudju, fil-każ ta’ likwidazzjoni, l-AAAS kienet tirkupra madwar EUR 23 000 000, filwaqt li, fil-każ ta’ konverżjoni tad-dejn u ta’ privatizzazzjoni, hija kienet tirkupra bejn EUR 22 900 000 u EUR 79 500 000. Għalkemm huwa minnu li dan l-istudju sar sena qabel l-adozzjoni tal-Miżura 1, il-Kummissjoni ma tallegax li d-data li tinsab fiha ma kinitx għadha valida matul il-perijodu rilevanti ta’ din il-miżura. Barra minn hekk, minħabba li dan l-istudju ġie sottomess lill-Kummissjoni mir-Rumanija u li jinkludi data speċifika dwar l-irkupru tal-krediti tal-AAAS, huwa probabbli li din tal-aħħar kellha aċċess jew kienet f’pożizzjoni li jkollha aċċess għall-imsemmi studju, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni.

291    Fl-aħħar, il-klawżola 1.1.b) tal-Memorandum kienet tipprevedi t-tfassil ta’ studju ta’ vijabbiltà. Dan l-istudju ġie ordnat fit‑23 ta’ Novembru 2012, jiġifieri fl-istess jum tal-firma tal-Memorandum u ġie mfassal minn Alvarez & Marsal. Minn dan isegwi li l-kredituri firmatarji tal-Memorandum, fosthom l-AAAS, aġixxew fil-pront, billi ordnaw tali studju madwar xahrejn wara l-falliment tal-aħħar tentattiv ta’ privatizzazzjoni tar-rikorrenti.

292    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher leġittimu li kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS jistenna r-riżultati tal-imsemmi studju dwar il-vijabbiltà tad-debitur sabiex jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, dwar il-passi li għandhom jittieħdu fuq il-bażi tiegħu, minflok iwettaq immedjatament l-eżekuzzjoni tal-krediti tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-akkumulazzjoni ta’ krediti mill-AAAS kontra r-rikorrenti matul il-perijodu kkonċernat ma kinitx tikkonsisti fi krediti ġodda konklużi matul dan il-perijodu, iżda esklużivament fl-akkumulazzjoni ta’ interessi sostnuti fuq il-krediti preeżistenti.

293    Il-Kummissjoni ssostni li r-Rumanija ma stabbilixxietx li dan l-istudju kien twettaq għall-AAAS jew f’isimha, u lanqas li dan l-istudju kien intuża mill-AAAS.

294    Madankollu, ebda dispożizzjoni legali ma teżiġi li kreditur privat iwettaq l-istudju ekonomiku tiegħu nnifsu. Fil-fatt, tali studji jistgħu jiġu ordnati kollettivament mill-kredituri u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom, bħal f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni lanqas ma argumentat li kreditur privat li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien, pereżempju minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalih, neċessarjament iwettaq studju distint.

295    Il-ħames, fir-rigward tal-affermazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-Memorandum jipprova li l-AAAS aċċettat in-nuqqas ta’ rkupru u l-akkumulazzjoni tad-djun, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punt 124 iktar ’il fuq, li minnu jirriżulta li l-Memorandum ma kienx jinkludi tali impenn.

296    Is-sitt, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 231 u 241 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu li l-AAAS setgħet “thedded” lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li jidher dubjuż li tali theddida kienet ġiet ipperċepita bħala kredibbli għar-raġunijiet esposti fil-punt 283 iktar ’il fuq.

297    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li, billi ma eżegwietx il-krediti tagħha u billi akkumulat oħrajn matul il-perijodu kkonċernat, l-AAAS kienet tat lir-rikorrenti faċilitajiet li hija manifestament ma kinitx tikseb mingħand kreditur privat li jinsab fl-iktar sitwazzjoni simili possibbli għal dik tal-AAAS, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 253 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Kummissjoni la wriet li kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-AAAS kien iwettaq l-eżekuzzjoni immedjata tal-krediti tiegħu jew kien jieħu miżuri oħrajn sabiex jirkupra jew jipproteġihom matul il-perijodu relattivament qasir ta’ bejn it‑22 ta’ Settembru 2012 u l‑31 ta’ Jannar 2013, u lanqas li tali eżekuzzjoni jew tali miżuri kienu jippermettulu li jirkupra jew jipproteġi parti mill-krediti tiegħu.

298    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Miżura 1 kienet tagħti vantaġġ lir-rikorrenti u li, għaldaqstant, hija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

3)      Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku f’dak li jirrigwarda l-Miżura 2

299    Fil-punt 6.1.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 244 sa 263), il-Kummissjoni nnotat li kienet teżisti interdipendenza teknoloġika bejn CET Govora u Salrom, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, fis-sens li kull waħda minnhom kienet, fl-istess ħin, fornitur u klijent tal-oħra. Fil-fatt, filwaqt li CET Govora kienet tipprovdi l-elettriku u l-fwar lir-rikorrenti u li Salrom kienet tipprovdilha soluzzjoni salina u ġibs, ir-rikorrenti kienet tipprovdi lil CET Govora u lil Salrom bl-ilma industrijali neċessarju għall-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, dawn l-impriżi kienu klijenti ta’ xulxin maqbuda, b’tali mod li t-tmiem ta’ waħda minnhom kien iwassal għat-tmiem tal-oħrajn.

300    Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir ta’ CET Govora ma kienx konformi ma’ dak ta’ kreditur privat u kien jagħti vantaġġ lir-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba li CET Govora kienet iddeċidiet li tkompli l-kunsinni tagħha ta’ elettriku u ta’ fwar lir-rikorrenti “mingħajr ħlas”, mingħajr ma talbet ħlasijiet minn qabel għat-tkomplija tal-imsemmija kunsinni, u lanqas sigurtà immobiljari fir-rigward tad-djun preċedenti tar-rikorrenti magħha. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija tkomplija ta’ kunsinni kienet deċiża mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi li kreditur privat ma kienx isegwi.

301    Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, Salrom aġixxiet kif kien jaġixxi kreditur privat u għalhekk ma tatx vantaġġ lir-rikorrenti, minħabba li hija ssuġġettat it-tkomplija tal-kunsinni tagħha għal ħlasijiet minn qabel u għall-istabbiliment ta’ sigurtà immobiljari.

302    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-aġir ta’ CET Govora fil-kuntest tal-Miżura 2 ma kienx konformi mal-kriterju ta’ kreditur privat.

303    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

304    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-argument tagħha li CET Govora ma aġixxietx kif kien jaġixxi kreditur privat, essenzjalment, fuq paragun bejn l-aġir tagħha u dak ta’ Salrom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nnotat li dawn iż-żewġ impriżi komplew il-kunsinni tagħhom lir-rikorrenti bejn Settembru 2012 u Jannar 2013, minkejja n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun tagħha. Issa, filwaqt li Salrom eżiġiet mingħand ir-rikorrenti ħlasijiet minn qabel, kif ukoll sigurtà immobiljari, CET Govora ma imponietx kundizzjonijiet simili.

305    Ir-rikorrenti tikkunsidra, essenzjalment, li ma huwiex biżżejjed li l-aġir ta’ CET Govora jiġi pparagunat ma’ dak ta’ Salrom, sabiex jiġi konkluż li CET Govora ma aġixxietx kif kien jaġixxi kreditur privat.

306    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li n-natura u s-suġġett tal-aġir rispettiv ta’ CET Govora u ta’ Salrom, jiġifieri t-tkomplija ta’ kunsinni ta’ materji primi lir-rikorrenti, kienu komparabbli, u li dawn il-kunsinni seħħew b’mod parallel, matul l-istess perijodu, għalhekk jaqgħu f’kuntest simili.

307    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat ukoll li kienet teżisti interdipendenza teknoloġika bejn CET Govora u Salrom, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Kummissjoni nnifisha fid-deċiżjoni kkontestata.

308    Fl-aħħar, id-data li tinsab fit-tabelli 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati, turi li l-iżvilupp tad-djun tar-rikorrenti fil-konfront ta’ CET Govora u Salrom kien globalment komparabbli matul il-perijodu kkonċernat mill-Miżura 2. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-krediti ta’ dawn tal-aħħar kważi rdoppjaw matul dan il-perijodu, billi segwew perkorsi simili.

309    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma twettaq żball, tikkunsidra, impliċitament iżda neċessarjament, li CET Govora u Salrom kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fil-kuntest tal-Miżura 2.

310    Huwa minnu, kif ġie espost fil-punt 279 iktar ’il fuq, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, huwa neċessarju li l-aġir ta’ kreditur pubbliku jiġi pparagunat ma’ dak ta’ kreditur privat, reali jew ipotetiku, filwaqt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qabblet l-aġir ta’ żewġ impriżi pubbliċi.

311    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, minħabba s-sitwazzjoni ta’ interdipendenza teknoloġika tagħhom mar-rikorrenti, kemm CET Govora, kif ukoll Salrom, kienu jinsabu f’sitwazzjoni partikolari ħafna, jekk mhux unika, fir-rigward tar-rikorrenti. Hija din is-sitwazzjoni partikolari ħafna u komuni ta’ CET Govora u Salrom li kienet tiġġustifika, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-paragun ma’ xulxin.

312    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li Salrom kienet aġixxiet bħala kreditur privat fil-kuntest tal-Miżura 2. Għalhekk, fir-rigward ta’ impriża pubblika li madankollu aġixxiet bħala kreditur privat, il-paragun magħha, bħala riferiment sabiex jintwera l-aġir ta’ kreditur privat ipotetiku li jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ CET Govora, huwa ġġustifikat.

313    It-tieni, għandu jiġi nnotat li CET Govora u Salrom aġixxew b’mod differenti ħafna fil-kuntest tal-Miżura 2, kif ġustament nnotat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

314    Fil-fatt, filwaqt li Salrom talbet u kisbet ħlasijiet minn qabel għall-kunsinni tagħha u żgurat, sa fejn possibbli, il-krediti tagħha permezz ta’ sigurtà immobiljari, CET Govora ma ħaditx miżuri komparabbli.

315    Madankollu, ir-rikorrenti tqis li CET Govora kienet xorta waħda ħadet ċerti miżuri sabiex tiggarantixxi l-krediti dovuti lilha.

316    Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li CET Govora rċeviet ħlasijiet mingħandha f’ammont ta’ RON 8 miljun [madwar EUR 1.6 miljun] bejn Settembru 2012 u Jannar 2013. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata, matul dan il-perijodu, CET Govora wettqet kunsinni lir-rikorrenti għal ammont ta’ madwar RON 50 miljun [madwar EUR 10.1 miljun], b’tali mod li l-pagamenti riċevuti jikkostitwixxu biss parti minima minnhom.

317    Sussegwentement, ir-rikorrenti ssemmi l-eżistenza ta’ “impenn” min-naħa tagħha sabiex tħallas l-elettriku pprovdut minn CET Govora permezz ta’ somom imħallsa minn qabel sa Frar 2013. Madankollu, hija baqgħet ma pprovdietx iktar informazzjoni dwar l-ammont ta’ dawn is-somom imħallsa minn qabel u dwar jekk dawn ġewx effettivament imħallsa minnha, li jippermettu li wieħed jifhem il-portata u r-rilevanza ta’ tali impenn.

318    Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li CET Govora żiedet penali għall-krediti li hija kellha fir-rigward tagħha, li nħolqu bejn Frar 2008 u Diċembru 2012. Issa, tali miżura ma għandhiex l-għan li tiggarantixxi l-krediti ta’ CET Govora.

319    It-tielet, mill-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tkomplija minn CET Govora tal-kunsinni lir-rikorrenti, mingħajr ma nnegozjat jew ipproteġiet l-krediti tagħha, ġiet deċiża mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea. Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li skontha din l-awtorità ħadet din id-deċiżjoni fuq il-bażi ta’ proposti ta’ CET Govora u ta’ kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi ma hija sostnuta minn ebda prova. Barra minn hekk, din hija kontradetta mill-motivi ta’ ordni pubbliku invokati mill-awtoritajiet muniċipali sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 110 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati mir-rikorrenti.

320    Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li, kieku CET Govora ma kinitx kompliet tforniha, hija stess kienet issostni telf u tfalli.

321    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma kkritikatx lil CET Govora minħabba l-fatt li kompliet bil-kunsinni tagħha lir-rikorrenti bħala tali, iżda l-fatt li kompliethom mingħajr ebda miżura bil-għan li tipproteġi l-krediti tagħha. L-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt huwa għaldaqstant ineffettiv.

322    Il-ħames, ir-rikorrenti ssostni li “diversi fornituri privati” komplew, bħal CET Govora, ifornuha minkejja l-eżistenza ta’ krediti mhux imħallsa. Madankollu, dan l-argument ma huwiex sostnut, minħabba li r-rikorrenti lanqas ma identifikat dawn id-“diversi fornituri privati” oħrajn.

323    Is-sitt, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ PCC, wieħed mill-azzjonisti minoritarji tagħha, jew dawk tal-amministratur legali ta’ CET Govora, b’mod partikolari, fil-premessi 258, 259, 261 u 262 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex rilevanti u jikkontradixxu l-osservazzjonijiet tar-Rumanija matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, PCC igawdi biss minn “kredibbiltà limitata”.

324    Madankollu, dawn l-argumenti huma ineffettivi. Fil-fatt, l-imsemmija dikjarazzjonijiet għandhom biss rilevanza sekondarja fl-istruttura ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati prinċipalment fuq il-paragun tal-aġir ta’ CET Govora ma’ dak ta’ Salrom, u fuq il-fatt li huwa l-parir tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Vâlcea li kien impona fuq CET Govora li tkompli bil-kunsinni tagħha.

325    Is-seba’, ir-rikorrenti tenfasizza li CET Govora għandha l-obbligu legali li ma tinterrompix is-servizz ta’ provvista ta’ tisħin u ta’ enerġija termika lill-pubbliku.

326    Madankollu, dan l-argument huwa irrilevanti, minħabba li r-rikorrenti hija klijenta industrijali ta’ CET Govora, b’tali mod li l-imsemmi obbligu ma japplikax fir-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ bejniethom.

327    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fil-kuntest tal-Miżura 2 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Miżura 2

328    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, essenzjalment, għaliex, minn naħa, ma huwiex biżżejjed li l-aġir ta’ CET Govora jiġi pparagunat ma’ dak ta’ Salrom sabiex jiġi konkluż li CET Govora ma aġixxietx kif kien jaġixxi kreditur privat u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dikjarazzjonijiet ta’ PCC u tal-amministratur legali ta’ CET Govora mingħajr ma spjegat għaliex dawn kienu iktar kredibbli mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Rumeni.

329    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

330    Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jieħdu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-kontroll tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

331    F’dan il-każ, l-ewwel, kif ġie nnotat fil-punti 306 sa 309 iktar ’il fuq, il-qari globali tal-punt 6.1.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata juri b’mod ċar l-elementi rilevanti li ġġustifikaw il-paragun bejn CET Govora u Salrom fil-kuntest tal-Miżura 2. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija konsistenti u suffiċjenti.

332    It-tieni, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ PCC u tal-amministratur legali ta’ CET Govora, dan l-argument ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 324 iktar ’il fuq.

333    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-Miżura 2 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Konklużjonijiet

334    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Miżuri 1 u 3 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn mqajma mir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna dawn il-miżuri.

335    Għall-kuntrarju, il-motivi kollha tar-rikorrenti dwar il-Miżura 2 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

336    Għaldaqstant, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1(a) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dawn jirrigwardaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 1(a) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata.

337    Għandu jiġi annullat ukoll l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-obbligu tar-Rumanija li tikkomunika lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni, previst f’dan l-artikolu, jikkonċerna l-Miżuri 1 u 3.

338    Ir-rikorrenti titlob ukoll l-annullament tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-Artikolu 7(1) tagħha sempliċement jindika li r-Rumanija hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament 2015/1589. Issa, minħabba li ebda motiv jew argument ma tqajjem mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda t-talba għall-annullament tal-Artikolu 7(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

339    Fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-deċiżjoni kkontestata, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-pubblikazzjoni tal-ammonti tal-għajnuna u tal-interessi rkuprati skont id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(2) ta’ din id-deċiżjoni għandu wkoll jiġi annullat, sa fejn dan jirrigwarda l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(a) u (c) tal-imsemmija deċiżjoni.

IV.    Fuq l-ispejjeż

340    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu jekk din tidher iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, waħda mill-partijiet għandha tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

341    Minħabba li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u li r-rikors intlaqa’ fir-rigward ta’ tnejn mit-tliet miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża hija tikkunsidra ġust li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati l-kumplament tal-ispejjeż tagħha, minbarra li din tal-aħħar għandha tbati wkoll l-ispejjeż tagħha nnifisha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(a) u (c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1144 tas17 ta’ Diċembru 2018 dwar l-għajnuna mill-istat SA.36086 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mir-Rumanija għal Oltchim SA, huwa annullat.

2)      L-Artikoli 3 sa 6 u l-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2019/1144 huma annullati sa fejn jikkonċernaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(a) u (c) ta’ din id-deċiżjoni.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Oltchim għandha tbati kwart tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti minn Oltchim.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.