Language of document : ECLI:EU:T:2014:994

Kawża T-240/13

(publikazzjoni ta’ estratti)

Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva Komunitarja Alifoods — Trade marks verbali internazzjonali u Komunitarji preċedenti ALDI — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Assenza ta’ xebh bejn is-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2014

Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tal-oppożizzjoni — Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni ta’ trademark internazzjonali preċedenti — Estratt mid-database tal-Uffiċċju dwar reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 152; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 19(2)(a)(ii))

Peress li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma huwiex responsabbli għall-amministrazzjoni tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali u ma huwiex l-amministrazzjoni li permezz tagħha ġiet irreġistrata t-trade mark, fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, estratt mid-database tal-Uffiċċju prodott mill-parti li topponi ma jikkostitwixxix, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali.

Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja. Skont dan tal-aħħar, il-pubblikazzjoni marbuta ma’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Komunità Ewropea ma tirrigwardax il-lista ta’ prtodotti jew ta’ servizzi li intalbet il-protezzjoni għalihom. L-imsemmija lista ma hijiex tradotta mill-UASI u hija għalhekk disponibbli biss fit-tliet lingwi li fihom l-Organizazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (ODPI) ippubblikat ir-reġistrazzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispjanjol u l-Franċiż.

Kieku tali informazzjoni ppubblikata mill-UASI kienet ikkunsidrata li hija suffiċjenti bħala prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ikkonċernata u li kieku r-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Komunità kellha tiġi, f’dan ir-rigward, ittrattata bħala trade mark Komunitarja, minn dan ikun jirriżulta li din tal-aħħar tibbenefika minn trattament preferenzjali. Fil-fatt, peress li fil-proċedimenti kollha ta’ oppożizzjoni, inklużi dawk li jsiru f’lingwa oħra differenti minn dawk li fihom l-ODPI tippubblika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali, id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti għandhom ikunu disponibbli fil-lingwa tal-proċedura għat-tipi kollha tal-imsemmija drittijiet, ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali li jindikaw il-Komunità għalhekk ikunu jibbenefikaw minn eżenzjoni f’dan ir-rigward fil-każ li l-lingwa tal-proċedura tal-oppożizzjoni tkun waħda miż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-UASI, jiġifieri l-Ġermaniż jew it-Taljan. F’dawn il-każijiet, il-lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi mitluba fil-fatt ma tkunx disponibbli fil-lingwa tal-kawża. Tali trattament preferenzjali la huwa previst mir-Regolament Nru 207/2009 u lanqas mir-Regolament Nru 2868/95.

Barra minn hekk, kieku l-informazzjoni ppubblikata mill-UASI kienet ikkunsidrata li hija suffiċjenti bħala prova dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark ikkonċernata fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni biss li fihom il-lingwa tal-kawża tkun tikkoinċidi ma’ waħda mit-tliet lingwi li fihom l-ODPI tippubblika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali tagħha, tali sitwazzjoni tkun mhux biss tmur kontra l-kliem u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, iżda tkun toħloq, fuq il-livell legali, inċertezza u inugwaljanza.

(ara l-punti 28-31)