Language of document : ECLI:EU:T:2009:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Artikolu 87(3)(ċ) KE”

Fil-Kawża T‑297/02,

ACEA SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Giardina, L. Radicati di Brozolo u V. Puca, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

ACSM Como SpA, stabbilita f’Como (l-Italja), irrappreżentata minn L. Radicati di Brozolo u M. Merola, avukati,

u

AEM – Azienda Energetica Metropolitana Torino SpA, stabbilita f’Turin (l-Italja), irrappreżentata minn M. Merola u L. Radicati di Brozolo, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, ACEA SpA, hija kumpannija b’kapital azzjonarju u 51 % mill-kapital tagħha huwa miżmum mill-komun ta’ Ruma (l-Italja). Hija ġiet stabbilita fl-1997 wara li ġiet ittrasformata l-impriża muniċipali li kellha l-istess isem. Bħal din tal-aħħar, ir-rikorrenti hija attiva kemm fis-settur tal-elettriku, bħala fornitur ta’ servizzi tad-dawl pubbliku u ta’ produzzjoni, ta’ trasport, ta’ tqassim u ta’ bejgħ tal-enerġija, kif ukoll fis-settur tal-ilma, inkwantu tipprovdi servizzi ta’ ġbir, mogħdija u distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb u ta’ ġbir u trattament ta’ ilma użat.

 Fuq il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”). Ir-rikorrenti hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90.

3        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem l-“l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

 Il-proċeduri amministrattivi

5        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 220, p. 14).

8        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi kkonċernati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi kkonċernati li intervjenew.

9        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħar-rikorrenti, AEM SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (Kawżi T‑301/02 u T‑300/2), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10      L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, u għalhekk l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2002 rispettivament, ACSM Como SpA u AEM – Azienda Energetica Metropolitana Torino SpA talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza (kompożizzjoni preċedenti) awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-nota tagħhom u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom fit-termini stabbiliti.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Fl-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

22      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bir-referenza C‑290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02.

23      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 5, p. 85). Huwa b’hekk li din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

24      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, bil-miktub, domandi lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

26      B’digriet tal-President tat-Tmien’Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

28      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

30      Qabel xejn, il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti sa fejn ir-rikors tagħha huwa intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-self taċ-CDDPP. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma bbenefikatx minn dan tal-aħħar.

31      Imbagħad il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

32      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Fil-fehma tagħha, ma għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

33      Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, ma nkisrux drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi li jistgħu jiġu ddivrenzjati mill-impriżi l-oħrajn kollha li huma benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħmlu riferiment għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

34      Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tgħid li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

35      Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkpuru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

36      Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

37      Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mhuwiex il-fatt li tkun magħrufa l-identità ta’ impriża li huwa importanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, iżda l-fatt li tkun inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi karatteristiċi tal-każ inkwistjoni li jkunu tali li jiġġustifikaw eżami individwali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ingħatat ebda informazzjoni li turi li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna jew kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni.

38      Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali ta’ eżami previst mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhuma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

39      Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I 6677).

40      Fir-rigward tal-locus standi tagħha, ir-rikorrenti tafferma, essenzjalment, li hija individwalment ikkonċernata inkwantu hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90, u għaldaqstant hija impriża koperta mill-iskema ta’ għajnuna kkontestata fid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif huwa individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28).

43      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ rikorrent, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15, u s-sentenza Alzetta, punt 36 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines, punt 35 iktar ’il fuq, li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża inkwantu impriża tas-settur marittimu f’Sardenja, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Alzetta, punt 36 iktar ’il fuq, punt 39).

45      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II-4063, punt 70).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, mir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward jirriżulta li r-rikorrenti hija tabilħaqq benefiċjara effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt ir-rikorrenti tafferma li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin matul is-snin 1996 sa 1999. Din l-affermazzjoni ma ġietx kontradetta mir-Repubblika Taljana.

47      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

48      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

49      Fir-rigward tal-interess dirett tar-rikorrenti, sa fejn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni li tkun ingħatatilhom b’mod illegali u sa fejn ir-rikorrenti bbenefikat minnha u għandha tħallasha lura, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata direttament minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 75).

50      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mir-rikors promotur u mir-risposta tar-rikorrenti għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ma bbenefikatx mis-self taċ-CDDPP matul il-perijodu kkunsidrat.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda s-self taċ-CDDPP.

52      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

 Fuq il-mertu

53      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 88 KE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), u tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ eżami preċiż, konkret u divrenzjat;

–        ksur tal-Artikolu 87(1) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat;

–        ksur tal-Artikolu 88(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida u, għaldaqstant, ksur tar-Regoli tal-Proċedura u nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru u l-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88 KE, tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ eżami preċiż, konkret u divrenzjat

 L-argumenti tal-partijiet

54      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari ksur tal-Artikolu 88 KE tar-Regolament Nru 659/1999. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet investigazzjoni astratta u inkompleta inkwantu llimitat ruħha għal “eżami ġenerali u astratt” tal-miżura inkwistjoni mingħajr ma għamlet evalwazzjoni konkreta tas-sitwazzjonijiet differenti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata.

55      Skont ir-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni kienet tkopri, fil-prattika, firxa ta’ sitwazzjonijiet differenti ħafna kemm mill-perspettiva ġuridika kif ukoll minn dik fattwali u kienet tapplika għal impriżi ta’ daqs differenti ħafna. Ir-rikorrenti tispeċifika li dawn l-impriżi kienu joperaw f’setturi ekonomiċi differenti, kienu suġġetti għal leġiżlazzjonijiet differenti u kienu kkaratterizzati minn kundizzjonijiet tas-suq differenti mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

56      Ir-rikorrenti rrikonoxxiet li l-Kummissjoni għandha s-setgħa teżamina skema ta’ għajnuna mingħajr mhija marbuta tanalizza l-għajnuna mogħtija fil-każijiet individwali skont din l-iskema. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li, fin-nuqqas ta’ eżami iktar dettaljat, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni kienet tagħti “vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom”. Sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, huwa indispensabbli li tintwera l-eżistenza ta’ vantaġġ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Maribel bis/ter”, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 48).

57      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għamlet, fir-risposta tagħha, evalwazzjoni konkreta tad-diversi setturi inkwistjoni bil-għan li tirrimedja għan-nuqqasijiet serji li jaffettwaw l-investigazzjoni tal-każ u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-evalwazzjoni tardiva għandha tiġi respinta mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

58      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-insuffiċjenza tal-eżami tagħha. Fil-fatt, minn naħa, hija ssemmi fil-premessi 72, 85 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata l-possibbiltà li għajnuna individwali titqies kompatibbli mas-suq komuni, minħabba r-regola de minimis jew minħabba li din tinvolvi għajnuna eżistenti jew ukoll għajnuna meqjusa kompatibbli mas-suq komuni għal raġunijiet li huma speċifiċi għall-każ ineżami. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tafferma li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx biżżejjed informazzjoni sabiex isir eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji. Ir-rikorrenti tikkonfuta din l-affermazzjoni tal-aħħar. Anki jekk din l-allegata insuffiċjenza ta’ informazzjoni kellha tiġi ammessa, il-Kummissjoni kienet marbuta, skont ir-rikorrenti, tagħmel talbiet ġodda għal informazzjoni qabel tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ħtieġet żmien twil ta’ investigazzjoni, jiġifieri ħames snin.

59      Fir-rigward ta’ dan il-motiv, l-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

60      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba n-natura ġenerali u astratta tal-miżuri inkwistjoni, l-eteroġeneità tas-sitwazzjonijiet koperti mill-imsemmija miżuri u n-nuqqas ta’ informazzjoni kompleta u affidabbli dwar il-benefiċjarji individwali, hija kellha tillimita ruħha għal eżami tal-miżuri inkwistjoni, filwaqt li tħalli l-evalwazzjoni tal-każi individwali għall-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, bħala risposta għall-argument tar-rikorrenti fir-rigward tat-tul tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellha ebda raġuni biex titlob informazzjoni addizzjonali u b’hekk ittawwal iktar il-proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li fil-każ ineżami hemm inkwistjoni skema ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali u mhux għajnuna individwali.

62      Issa, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi ġenerali u astratti tal-iskema inkwistjoni, mingħajr mhija marbuta teżamina kull każ partikolari ta’ applikazzjoni, sabiex tivverifika jekk hemmx elementi ta’ għajnuna (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipprevedi kategorija speċifika ta’ impriżi, jiġifieri l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Il-fatt li tkun kumpannija bħal din huwa l-unika kundizzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbenefika minn din l-iskema.

64      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin mhijiex limitata għal servizzi partikolari. Fil-fatt, kif ir-rikorrenti ammettiet, l-impriżi koperti minn din l-iskema joperaw f’setturi ekonomiċi differenti ħafna. Issa, il-każ ineżami jinvolvi skema ta’ għajnuna waħda li tkopri diversi setturi u mhux diversi skemi ta’ għajnuna kklassifikati skont l-attività jew is-suq ikkonċernat. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ attività jew ta’ suq sabiex tevalwa l-effetti tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18; Maribel bis/ter, punt 56 iktar ’il fuq, punt 48, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punti 89 sa 91).

65      Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina skema ta’ għajnuna filwaqt li fl-istess ħin tevalwa l-każijiet individwali ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari minħabba li obbligu bħal dan jista’ jnaqqas l-effikaċja tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex marbuta titlob informazzjoni ex officio dwar każi konkreti ta’ applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

66      Fl-aħħar lok, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward. Fil-fatt jirriżulta li l-Kummissjoni enfasizzat li l-eżami tagħha kien jinvolvi biss l-iskemi ta’ għajnuna maħluqa mill-miżuri kkontestati u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil impriżi differenti. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għal analiżi tal-karatteristiċi ġenerali u astratti ta’ skema ta’ għajnuna sabiex tevalwa jekk din l-iskema tinvolvix għajnuna mill-Istat u jekk din l-għajnuna tkunx kompatibbli mas-suq komuni.

67      Minn dan kollu premessa jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin

 L-argumenti tal-partijiet

68      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

69      Il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

70      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tfakkar li l-kundizzjoni preliminari sabiex jiġi konkluż li skema ta’ għajnuna toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 87 KE hija li l-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema joperaw b’mod effettiv f’suq kompetittiv.

71      Essenzjalment, hija tissottometti li, meta l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienet fis-seħħ, u anki wara dan, il-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali differenti ma kinitx miftuħa għall-kompetizzjoni. Is-settur tal-bejgħ tal-enerġija elettrika, li fih kull impriża li tipproduċi l-enerġija kellha obbligu li tbiegħ lill-proprjetarju tal-monopolju, ġie lliberalizzat biss fl-1999 minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 3). Id-distribuzzjoni tal-gass ġiet biss illiberalizzata fis-sena 2000 permezz tat-traspożizzjoni fl-Italja tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 28). Barra minn hekk, id-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika, is-settur tat-tisħin urban kif ukoll is-suq tas-servizzi tal-ilma ġew imneħħija mill-kompetizzjoni. Għalhekk, minn dawn il-fatturi jirriżulta li s-setturi tas-servizzi pubbliċi lokali inkwistjoni ġew illiberalizzati biss wara l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

72      Barra minn hekk, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali kienu eċċezzjonali.

73      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-impriżi benefiċjarji tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin setgħu jipparteċipaw biss f’okkażjonijiet rari ħafna, u qatt fis-settur tal-elettriku, f’sejħiet għal offerti għall-iżgurar tal-ġestjoni ta’ servizzi lil hinn miż-żona ġeografika ta’ oriġini tagħhom. Fil-fatt, il-kuntratti mogħtija fis-settur tal-ilma, pereżempju, kienu ftit, b’ammonti moderati u ma kinux jinvolvu l-għoti tas-servizz bħala tali.

74      Skont ir-rikorrenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma kinitx ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u dan għat-tliet raġunijiet segwenti: fl-ewwel lok, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux liberi li jiddeterminaw waħidhom il-prezzijiet skont dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-setturi kkonċernati; fit-tieni lok, huma ngħataw konċessjonijiet jew kuntratti ta’ żmien twil li ma skadewx matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin; fit-tielet lok, id-dħul tagħhom kien essenzjalment intiż sabiex isaħħaħ id-dħul tal-komuni ta’ riferiment u ġie mqassam lill-azzjonisti.

75      Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi affermat li s-swieq ikkonċernati mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienu kompetittivi f’dak li jirrigwarda s-setturi li fihom hija topera.

76      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, ladarba ntwera n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-swieq ikkunsidrati, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri saret superfluwa.

77      F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “s-suq tal-konċessjonijiet għal ‘servizzi pubbliċi lokali’ huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni Komunitarja” hija indisputabbli u astratta.

78      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi dwar l-ostaklu għall-kummerċ intra-Komunitarju, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva b’mod eżawrjenti l-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin bħala għajnuna mill-Istat. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprevediet, b’mod purament astratt u ipotetiku, ir-riskju għall-kompetizzjoni li joħroġ mill-estensjoni tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għal attivitajiet oħra differenti minn dawk tal-konċessjonijiet pubbliċi jew tal-vantaġġi fiskali li huma bbenefikaw minnhom, mingħajr ma għamlet verifika dwar ir-realtà tal-fatti u analiżi korretta tas-setturi ekonomiċi differenti.

79      L-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha invokati u tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkollu l-possibbiltà li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, għandu jingħata vantaġġ selettiv. Fir-raba’ lok, l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 27).

82      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u tal-effett fuq il-kompetizzjoni mhumiex sodisfatti.

83      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Unicredito Italiano, punt 62 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba regoli dettaljati li dan il-programm jipprovdi, dan tal-aħħar huwiex tali li jagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq).

85      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/92, Ġabra p. II‑1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minbarra dan, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relativament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relativament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 43; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 42, u s-sentenza Altmark, punt 81 iktar ’il fuq, punt 81).

87      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li b’ebda mod ma kien eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha jista’ madankollu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport minn din l-impriża tista’ tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport tagħhom fis-suq ta’ dan l-Istat jonqsu (sentenza Altmark, punt 81 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

88      F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kompetizzjoni tkun affettwata, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, ċertament, ir-rikorrenti sostniet li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma kinux joperaw fi swieq kompetittivi, u dan u dan billi għamlet riferiment, b’mod partikolari, għas-setturi ta’ attività tagħha, hija ma pproduċiet ebda prova valida sabiex issostni l-affermazzjoni li tgħid li s-setturi tas-servizzi pubbliċi lokali ma kinux miftuħa għall-kompetizzjoni f’dak iż-żmien. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-każ jirrigwarda skema ta’ għajnuna li tkopri diversi setturi u mhux diversi skemi ta’ għajnuna li kull waħda minhom tkopri settur speċifiku.

89      Il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tapplika biss għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, indipendentement mill-attivitajiet tagħhom, u l-fatt li dawn l-impriżi joperaw effettivament f’diversi setturi tal-ekonomija, fost dawk li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-miżura inkwistjoni tista’, fiha nfisha, tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri.

90      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessi 73 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti setturi kkonċernati, bħal dawk tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-iskart, tal-gass, tal-elettriku u tal-ilma, kienu kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni fiż-żmien meta daħlu fis-seħħ il-miżuri inkwistjoni.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-setturi ta’ attività tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, l-impriżi jikkompetu sabiex jiksbu l-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi lokali fid-diversi komuni u li s-suq tal-imsemmija konċessjonijiet huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni (premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      L-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetizzjoni u b’hekk ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati minħabba li fir-realtà s-servizzi kkonċernati ngħataw direttament lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu jiġi miċħud. Minn naħa, l-għoti dirett ma jinvalidax il-konstatazzjoni magħmula fil-punti preċedenti li tgħid li s-suq inkwistjoni kien ikkaratterizzat, għall-inqas, minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-argument pjuttost juri l-effetti restrittivi tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza nfisha tal-għajnuna favur kumpanniji tal-Liġi 142/90 ħeġġet lill-komuni sabiex jafdawlhom direttament is-servizzi minflok ma jagħtu konċessjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa.

93      Fir-rigward preċiżament tal-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri kkonċernati ħolqux distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni saħħew il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpunniji tal-Liġi Nru 142/90 fil-konfront ta’ kull kumpannija Taljana jew barranija oħra attiva fis-suq ikkonċernat. Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi li ma għandhomx il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u li l-parti l-kbira tal-kapital tagħhom mhijiex miżmuma mill-awtoritajiet lokali huma żvantaġġati fil-każ li jkunu jridu jipparteċipaw f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz partikolari f’territorju partikolari.

94      Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 mhumiex limitati għas-settur tas-servizzi pubbliċi lokali. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni tista’ tiffaċilita l-espansjoni ta’ dawn il-kumpanniji fi swieq oħra miftuħa għall-kompetizzjoni, u b’hekk toħloq effetti ta’ distorsjoni anki f’setturi oħra differenti mis-servizzi pubbliċi lokali. F’dan ir-rigward, mil-Liġi Nru 142/90, kif interpretata mill-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), sentenza Nru 4989, tas-6 ta’ Mejju 1995, u mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), sentenza Nru 4586, tat-3 ta’ Settembru 2001, jirriżulta li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà jaġixxu f’territorji oħra kemm fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja u f’oqsma differenti minn dawk tas-servizzi pubbliċi previsti fl-istatuti tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom ir-riżorsi u l-mezzi b’mod sinjifikattiv u jkun ta’ natura li joħloq preġudizzju għall-awtorità ta’ riferiment.

95      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-miżura kkonċernata toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

96      Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 joperaw waħedhom fis-suq nazzjonali tagħhom jew fit-territorju tal-oriġini tagħhom mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżura kkonċernata meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

97      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura kkonċernata setgħet toħloq ostaklu għall-impriżi barranin xtaqu jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew joffru s-servizzi tagħhom hemmhekk u għaldaqstant kienet taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

98      Fil-fatt, minn naħa, il-miżura inkwistjoni tippreġudika lill-impriżi barranin li jressqu offerti għal konċessjonijiet lokali ta’ servizzi pubbliċi fl-Italja peress li l-impriżi pubbliċi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jistgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi mill-kompetituri nazzjonali jew Komunitarji tagħhom, li ma jibbenefikawx minnha. Min-naħa l-oħra, il-miżura kkonċernata tirrendi inqas attraenti għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn l-investiment fis-settur tas-servizzi pubbliċi lokali fl-Italja (pereżempju, permezz tal-akkwist tal-maġġoranza tal-azzjonijiet), peress li l-impriżi mixtrija ma jkunux intitolati għall-għajnuna (jew jistgħu jitilfuha) minħabba n-natura tal-azzjonisti l-ġodda tagħhom (ara l-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Mill-premessa jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-kundizzjonijiet marbuta mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kienu sodisfatti f’dan il-każ.

100    Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat fil-qosor iżda b’mod ċar, fil-premessi 62 sa 64, 69, 73 u 74 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kienet tali li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat, il-Kummissjoni mhijiex marbuta turi l-effetti reali tal-għajnuna diġà mogħtija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 33).

101    Minn dan kollu premessa jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 88(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida u, għaldaqstant, ksur tar-regoli tal-proċedura u nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

102    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna eżistenti u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 KE u l-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament Nru 659/1999. Hija tinvoka wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

103    Il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

104    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tqis li l-każ jinvolvi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li s-swieq ikkonċernati kienu magħluqa għall-kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 setgħu joperaw biss fit-territorju li jappartjenu għalih u b’sistema ta’ esklużività. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni saret fi kwalunkwe każ għajnuna mill-Istat wara l-allegat ftuħ għall-kompetizzjoni tas-setturi kkonċernati, l-iktar kmieni.

105    Fil-kuntest tat-tieni parti, ibbażata fuq l-Artikolu 1(b), (i) tar-Regolament Nru 659/1999, ir-rikorrenti ssostni li l-provvista taħt sistema ta’ monopolju ta’ servizzi ta’ interess pubbliku mill-komuni u mill-impriżi muniċipali ġiet eżentata mit-taxxi sa mill-bidu tal-aħħar seklu.

106    Skont ir-rikorrenti, kien hemm kontinwità bejn, minn naħa, is-sistema fiskali li minnha kienu jibbenefikaw il-komuni u l-impriżi muniċipali fuq il-bażi tal-attivitajiet ta’ operazzjoni ta’ servizzi pubbliċi lokali u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għal tliet snin. Fil-fatt, l-impriżi muniċipali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kienu essenzjalment jikkostitwixxu l-istess entità.

107    Għalhekk il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu li turi li l-miżura ġdida affettwat is-“sistema inizjali fis-sustanza tagħha”, u dan jikkostitwixxi kundizzjoni fundamentali sabiex għajnuna eżistenti tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309). Il-vantaġġi fiskali inkwistjoni ma ġewx mibdula u l-kategorija ta’ benefiċjarji ma ġietx estiża.

108    Id-distinzjoni temporali li l-Kummissjoni introduċiet bejn is-sistema ta’ impriżi muniċipali u dik tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-impriżi muniċipali komplew jibbenefikaw mis-sistema fiskali antika sa meta saret it-trasformazzjoni tagħhom f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, li seħħet biss meta s-sistema fiskali ġdida ġiet implementata. Għalhekk, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ma ġew qatt suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul bejn l-1990 u l-1993.

109    Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-raġonament tal-Kummissjoni huwa kontradittorju inkwantu fl-ewwel lok hija taċċetta l-eżistenza ta’ identiċità ekonomika u materjali bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipali antiki għall-finijiet tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti, imbagħad hija tinjora din l-identiċità fl-analiżi tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin.

110    Skont ir-rikorrenti, la l-kliem tal-Artikolu 22(3) tal-Liġi Nru 142/90 u lanqas il-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata mill-Kummissjoni ma jsostnu l-idea li għandu jsir divrenzjar bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipali jew speċjali fir-rigward tal-kamp materjali u territorjali tagħhom.

111    L-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

112    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

113    Fis-sentenza tagħha, tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, Ġabra p. I‑3829), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 88(3) KE, inklużi dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza, tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punti 4 sa 6), filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar il-miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna. It-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni.

114    Fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 irriproduċa u applika r-regoli stabbiliti mill-ġurisprudenza.

115    Skont din id-dispożizzjoni, dawn li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna eżistenti:

i)      kull għajnuna li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istat Membru kkonċernat;

ii)       kull għajnuna awtorizzata, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

iii)  kull għajnuna kkunsidrata awtorizzata meta l-Kummissjoni tonqos li tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn, li bħala prinċipju jiddekorri mill-ġurnata wara dik meta hija tirċievi n-notifika kompleta tagħha, u li hija għandha sabiex twettaq eżami preliminari;

iv)       kull għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-irkupru tagħha skada;

v)       kull għajnuna kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ hija ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma ġiet mibdula mill-Istat Membru. Il-miżuri li jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.

116    Imbagħad, skont l-Artikoli 1(ċ) tal-imsemmi regolament, kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida.

117    Essenzjalment, il-miżuri li jistabbilixxu għajnuna jew li jibdlu għajnuna eżistenti jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinsab mibdula fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-iskema inizjali (sentenza Government of Gibraltar, punt 107 iktar ’il fuq, punti 109 sa 111).

118    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma taqax taħt it-tieni, it-tielet u r-raba’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 li jippermettu li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala eżistenti. Barra minn hekk, dawn ma ġewx invokati mir-rikorrenti.

119    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata it-tieni parti ta’ dan il-motiv.

120    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet stabbilita mid-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 u mil-Liġi Nru 549/95. Fl-1990, filwaqt li l-Liġi Nru 142/90 irriformat l-istrumenti ta’ organizzazzjoni legali li l-komuni kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jamministraw is-servizzi pubbliċi lokali, fosthom il-possibbiltà li jistabbilixxu kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku, ma kienet ġiet prevista ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għal dawn il-kumpanniji.

121    Fil-fatt, kull kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 stabbilita bejn l-1990 u d-dħul fis-seħħ fit-30 ta’ Awwissu 1993 tal-Artikolu 66 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul.

122    Konsegwentement, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex is-sistema fiskali applikabbli għall-awtoritajiet lokali tiġi estiża għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, il-leġiżlatur Taljan kellu jadotta liġi ġdida għexur ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE.

123    Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-eżenzjoni mit-taxxi għall-impriżi muniċipali ġiet introdotta qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u baqgħet fis-seħħ sal-1995, jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma essenzjalment distinti mill-impriżi muniċipali. L-estensjoni tal-vantaġġi fiskali eżistenti għall-impriżi muniċipali u speċjali għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji, bħal dik tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, tikkostitwixxi bidla li tista’ tinfired mill-iskema inizjali. Fil-fatt, hekk kif huwa indikat fis-sentenza tal-Consiglio di Stato Nru 4586, tat-3 ta’ Settembru 2001, jeżistu differenzi legali bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipali b’mod partikolari minħabba li dawk imsemmijin l-ewwel mhumiex suġġetti għal-limitu territorjali strett impost fuq dawk imsemmijin l-aħħar u li l-kampijiet ta’ attività ta’ dawk imsemmijin l-ewwel huma ħafna iktar estiżi. B’hekk, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu barra mit-territorju ta’ riferiment kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dak tas-servizz pubbliku previst fl-istatut tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom b’mod kunsiderevoli riżorsi u mezzi u jekk ikun tali li jippreġudika lill-awtorità ta’ riferiment.

124    Konsegwentement, kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 daħlu fid-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi muniċipali, il-leġiżlazzjoni li tiddetermina l-kampijiet ta’ attività materjali u ġeografika tagħhom inbidlet b’mod kunsiderevoli.

125    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, introdotta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/95 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 66(14) tad-Digriet leġiżlattiv Nru 331/93 ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

126    Għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għal miżuri li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta daħlu fis-seħħ. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat, kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessi 83 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni ġiet stabbilita f’mument meta s-swieq kienu, fi kwalunkwe każ, għalkemm x’aktarx f’livelli differenti, miftuħin għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

127    Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-produzzjoni tal-enerġija ġiet illiberalizzata biss fl-1999. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-każ ineżami jinvolvi skema ta’ għajnuna li tipprevedi kategorija speċifika ta’ impriżi li tkopri diversi setturi. Minħabba f’hekk, ma għandux ikun mistenni mill-Kummissjoni li tagħmel eżami skont is-settur. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li ċerti każijiet partikolari jkunu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni din il-possibbiltà fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni.

129    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn l-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti u dak dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin skont jekk l-impriżi muniċipali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 humiex ikkunsidrati jew le bħala entitajiet ekonomikament u sostanzjalment distinti, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Taljan, indikat li hija kienet ikkunsidrat li l-ewwel eżenzjoni kienet iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema kkonċernata. Mingħajr mhuwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni setgħet possibbilment wettqet żball fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma jimplikax li għandha tiġi annullata parti oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

130    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

131    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball inkwantu eskludiet li l-miżura inkwistjoni kienet għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Skont ir-rikorrenti, il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni skont din id-dispożizzjoni toħroġ mill-fatt li din ippermettiet ir-ristrutturar tal-impriżi muniċipali u l-bidla għal suq kompetittiv. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-każ ineżami.

132    Barra minn hekk, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja inkwantu din ma qisitx rilevanti d-deċiżjonijiet preċedenti li għalihom sar riferiment mill-impriżi li intervenew fil-proċedura amminsitrattiva, bħad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Novembru 1999, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji intiżi biex jeliminaw l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għall-impriżi muniċipali ta’ trasport (ĠU C 379, p. 11), u d-Deċiżjoni 2000/410/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-iskema ta’ għajnuna li Franza biħsiebha tapplika favur is-settur Franċiż tal-portijiet (ĠU 2000, L 155, p. 52). Bħal fil-każ ineżami, il-miżuri fiskali inkwistjoni f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu intiżi sabiex jiżguraw it-tranżizzjoni ta’ sistema ta’ monopolju għal sistema liberalizzata.

133    Ir-rikorrenti ssostni li, mingħajr l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, it-trasformazzjoni ta’ impriżi muniċipali f’kumpanniji b’kapital azzjonarju ma kinitx issir. Din il-miżura kienet indispensabbli sabiex tiffavorixxi l-ftuħ tas-servizzi pubbliċi lokali għall-kompetizzjoni, billi ggarantixxiet it-trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi. Il-miżura inkwistjoni rrispondiet għar-rekwiżit fundamentali li jiġi żgurat perijodu ta’ tranżizzjoni għar-ristrutturar ta’ dawn l-impriżi, mingħajr madankollu ma ħolqot periklu għall-kontinwità tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

134    L-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

135    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv huwa irrilevanti. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, peress li din tikser l-Artikolu 43 KE, u dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-Artikolu 87(3) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18). L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

137    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna lil impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar koerenti li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, p. I‑2481, punt 45).

138    F’dan il-każ, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minnha li l-Kummissjoni vverifikat, abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jekk l-għajnuna setgħetx tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, l-ewwel nett, fid-dawl tal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna ta’ [mil]l-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti [impriżi] f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2) u, it-tieni nett, indipendentement mill-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija kienet waslet għal konklużjoni negattiva (premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

139    Imbagħad, jirriżulta b’mod ċar mill-proċess li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin taqa’ taħt id-deroga prevista mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE, ma kinux sodisfatti. L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji ma kinitx intiża sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jagħmlu profitt u ma kinitx irriżervata għal impriżi li kienu jinsabu f’diffikultà. Anki jekk jitqies li dan kien il-każ, ma ġie ppreżentat ebda pjan ta’ ristrutturar jew miżura intiża biex tikkumpensa d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni inerenti fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Skont il-ġurisprudenza, sabiex tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna lil impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar koerenti li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, p. I‑2481, punt 45).

140    Għal dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li l-miżura inkwistjoni ffaċilitat il-bidla ta’ ekonomija tas-suq ikkaratterizzata minn monopolju f’dik ta’ suq kompetittiv, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma turix kif il-miżura inkwistjoni wasslet għal kompetizzjoni iktar intensiva. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat, is-swieq ikkonċernati kienu diġà kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni u, b’hekk, il-miżura inkwistjoni setgħet tfixkel il-kompetizzjoni.

141    Għal dak li jikkonċerna l-allegata kontradizzjoni bejn l-approċċ segwit fil-każ ineżami u dak segwit f’deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li miż-żewġ deċiżjonijiet li tagħmel riferiment għalihom ir-rikorrenti jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni mhumiex paragunabbli mal-każ ineżami. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 1999, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni fiskali fl-imsemmija kawża ġew ipprojbiti milli jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti barra mit-territorju ta’ riferiment tagħhom sakemm is-swieq domestiċi tagħhom jinfetħu. Fir-rigward tad-deċiżjoni 2000/410, l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ kien suġġett għat-twettiq ta’ investimenti sabiex jiġi ttrasferit u ssostitwit it-tagħmir eżistenti.

142    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru u l-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità

143    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-ordni indirizzat lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija skont skemi ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ proporzjonalità. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru fid-dawl tal-evalwazzjoni astratta tal-miżura inkwistjoni

144    Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jordna lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupra l-għajnuna kollha li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ibbenefikaw minnha, minkejja li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-possibbiltà li ċerta għajnuna, mingħajr ma identifikat liema, mhijiex inkompatibbli mas-suq komuni. Skont ir-rikorrenti, ir-Repubblika Taljana hija għalhekk obbligata tagħmel analiżi fattwali kumplessa ħafna, li s-setgħa diskrezzjonali involuta fiha teċċedi sewwa l-kompetenzi tagħha, u tkun qed tirriskja li tagħmel irkupru ta’ miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna, jew li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, jew ukoll għajnuna li tista’ tkun kompatibbli jew li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli f’deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni.

145    Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ qafas proċedurali tal-ordni ta’ rkupru tal-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha jew teżamina hija stess b’mod dettaljat il-każijiet differenti li fir-rigward tagħhom l-ordni ta’ rkupru jista’ effettivament jinħareġ, jew tillimita ruħha għal evalwazzjoni tal-iskema b’mod astratt. F’dan il-każ tal-aħħar, hija għandha tirrinunzja li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija.

146    Ir-rikorrenti tirrileva li hemm kontradizzjoni fl-argumenti tal-Kummissjoni bejn il-possibbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkunsidraw għajnuna individwali bħala kompatibbli mas-suq komuni (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-affermazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

147    Hija ma tikkontestax ir-riferiment għas-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, iżda ssostni li għandu jiġi ddeterminat il-mument meta għandha ssir l-analiżi konkreta tal-każijiet individwali: dan il-mument għandu jkun dak tal-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni.

148    Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni hija marbuta biss ma’ każijiet fejn kien impossibbli, b’mod kuntrarju għall-każ ineżami, li ssir distinzjoni tal-għajnuna kkontestata skont id-diversi sitwazzjonijiet individwali tal-benefiċjarji. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ssanzjonat b’mod espliċitu lill-Kummissjoni f’żewġ sentenzi minħabba li ma ddivrenzjatx l-għajnuna eżaminata fid-dawl tal-elementi ta’ fatt (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, u tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487).

149    L-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

–       Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-ordni ta’ rkupru, li jinsab fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa vvizzjat b’nullità minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

152    Hija tqis li diversi fatturi kkontribwixxew sabiex joħolqulha aspettattiva reali tal-legalità tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri l-konvinzjoni li kien hemm identiċità bejn iż-żewġ sistemi fiskali suċċessivi, il-mod kif aġixxew l-awtoritajiet Taljani u, fl-aħħar nett, il-mod kif aġixxiet il-Kummissjoni, inkwantu tat bidu għall-proċedura formali ta’ investigazzjoni biss erba’ snin wara l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u inkwantu, matul din il-proċedura, hija la rrispondiet għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti u lanqas ma użat is-setgħa ta’ inġunzjoni li l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 659/1999 jagħtuha matul it-tliet snin ta’ investigazzjoni.

153    Fi kwalunkwe każ, minħabba l-adozzjoni mil-leġiżlatur Taljan tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, ir-rikorrenti ma setgħetx tħallas it-taxxa tal-kumpanniji għall-perijodu mill-1997 sal-1999, peress li impriża mhijiex mistennija tħallas taxxi li mhumiex previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

154    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti targumenta li, minħabba t-tibdil fundamentali tal-kundizzjonijiet tas-suq u tas-sitwazzjoni tal-impriżi, l-irkupru tal-għajnuna kjarament mhuwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni quo ante u, għaldqastant, mhuwiex iġġustifikat. Barra minn hekk, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma kinitx ta’ benefiċċju għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 iżda kienet ta’ benefiċċju għall-komuni azzjonisti.

155    L-intervenjenti jadottaw il-pożizzjoni u l-argumentazzjoni tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna din il-parti tal-motiv.

156    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

157    Kif imfakkar fil-punt 62 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha għal analiżi tal-karatteristiċi tal-iskema.

158    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li deċiżjoni negattiva dwar skema ta’ għajnuna ma għandhiex tinkludi analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali abbażi ta’ din l-iskema. Huwa biss fuq il-livell tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 91).

159    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru, kif ukoll il-ħlas tal-interessi relatati, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Tubemeuse, punt 86 iktar ’il fuq, punt 66; tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I‑135, punt 47, u tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑110/02, Ġabra p. I‑6333, punt 41).

160    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li din il-ġurisprudenza tapplika kemm għal għajnuna individwali kif ukoll għal għajnuna mħallsa fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna.

161    Madankollu, l-analiżi ġenerali u astratta ta’ skema ta’ għajnuna ma teskludix li, f’każ individwali, l-ammont mogħti abbażi ta’ din l-iskema ma jaqax taħt il-projbzzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE, pereżempju, minħabba li l-għoti individwali ta’ għajnuna jaqa’ taħt ir-regoli de minimis. Din il-kunsiderazzjoni tispjega r-riżervi li jinsabu fil-premessi 72, 85 u 126 tad-deċiżjoni kkontesata.

162    Għalkemm huwa ċertament minnu li r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jillimita ruħu, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalkemm, f’dan ir-rigward, dawn ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinicke & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 10). Dan ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali, meta jeżegwixxu l-imsemmija deċiżjoni, milli jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżervi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tordna biss l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u mhux tal-ammonti li, għalkemm ikunu tħallsu taħt l-iskema inkwistjoni, ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni skont regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija jew skont deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni.

163    Għal dak li jikkonċerna l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li r-Repubblika Taljana hija obbligata tiddetermina liema miżuri konkreti jikkostitwixxu għajnuna, għandu jiġi rrilevat li tali analiżi, fejn ikun hemm bżonn, għandha ssir fil-kuntest ta’ djalogu mal-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ għajnuna huwa ta’ natura ġuridika u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Barra dan, il-qorti nazzjonali hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċetti ta’ għajnuna u ta’ għajnuna eżistenti u tista’ tiddeċiedi fuq l-eventwali karatteristiċi speċifiċi ta’ każ definit, jekk ikun hemm bżonn, billi tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

164    Barra minn hekk, li kieku jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-evalwazzjoni astratta ta’ skema ta’ għajnuna, mingħajr eżami dettaljat tal-każijiet individwali ta’ applikazzjoni, ma tistax tagħti lok għal ordni ta’ rkupru, ikun ifisser li tiġi eskluża sistematikament il-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna mħallsa indebitament u b’hekk li jitneħħa kull sinjifikat mill-Artikoli 87 KE u 88 KE. F’każ bħal dan, ikun impossibbli għall-Kummissjoni, li hija l-unika awtorità kompetenti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, li teżamina d-diversi każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna.

165    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistax ikollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ għajnuna ħlief jekk din tingħata bl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE. Fil-fatt, operatur ekonomiku u diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li din il-proċedura tkun ġiet osservata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 51). Madankollu, mhuwiex eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali jkun jista’ b’mod leġittimu jibbaża l-aspettattivi tiegħu fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 16).

166    Issa, fil-każ ineżami, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 88 KE, u r-rikorrenti ma tinvoka ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika l-allegati aspettattivi leġittimi. B’mod partikolari, l-argument dwar il-konvinzjoni li hemm identiċità bejn iż-żewġ sistemi fiskali suċċessivi diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala infondat (ara l-punt 123 iktar ’il fuq) u ma jikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Imbagħad, kull nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni, li ma ġiex stabbilit fil-każ ineżami, huwa irrilevanti meta skema ta’ għajnuna ma tkunx ġiet nnotifikata lilha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punt 52). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mhijiex mistennija tordna b’mod awtomatiku lill-Istat Membru involut jissospendi l-ħlas ta’ għajnuna mhux notifikata.

167    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ħames motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

169    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

170    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda s-self tal-Cassa Depositi e Prestiti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala infondat fir-rigward tal-kumplament tiegħu.

3)      ACEA SpA hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

4)      ACSM Como SpA u AEM – Azienda Energetica Metropolitana Torino SpA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.