Language of document : ECLI:EU:C:2010:146

Kawżi magħquda C-317/08 sa C-320/08

Rosalba Alassini et

vs

Telecom Italia SpA et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Ischia)

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Servizz universali — Tilwim bejn utenti finali u fornituri — Tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Servizz universali u drittijiet tal-utenti — Direttiva 2002/22 — Riżoluzzjoni extra ġudizzjarja tat-tilwim

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil 2002/22, Artikolu 34)

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.        L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22 dwar Servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi, li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, għandhom ikunu s-suġġett ta’ tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja sabiex ikunu ammessi bħala rikorsi ġudizzjarji.

Fil-fatt, l-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva jiffissa għall-Istati Membri l-għan li huma għandhom jistabbilixxu proċeduri extra ġudizzjarji sabiex id-tilwim mhux riżolt li fih il-konsumaturi jkunu partijiet u li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva jiġi riżolt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, mhux biss stabbilixxiet proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja, iżda, barra minn hekk, għamlitha obbligatorja, u dan qabel ma t-tilwima titressaq quddiem korp ġudizzjarju, ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imsemmi iktar ’il fuq. Bil-kontra, din il-leġiżlazzjoni, peress li tiggarantixxi li l-proċedura extra ġudizzjara għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim issir ta’ natura sistematika, għandha tendenza li ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva “Servizz universali”.

(ara l-punti 45, 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, għal tilwim fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn utenti finali u fornituri tal-imsemmija servizzi li jaqgħu taħt id-drittijiet mogħtija bid-Direttiva 2002/22, dwar Servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz universali”), l-impożizzoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja bil-quddiem meta dawn il-proċeduri ma jwasslux għal deċiżjoni vinkolanti fuq il-partijiet, ma jikkawżawx dewmien sinjifikattiv biex rikors ġudizzjarju jiġi ppreżentat, jissospendu l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma jiġġenerawx spejjeż, jew spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sa fejn, madankollu, il-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbli f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa.

Ċertament, peress li l-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ġudizzjarji ppreżentati fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għat-tentattiv obbligatorju ta’ konċiljazzjoni, hija tintroduċi stadju addizzjonali fl-aċċess lejn il-qrati. Din il-kundizzjoni tista’ taffettwa l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, id-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti. F’dan ir-rigward, peress illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrigwarda r-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi b’pass mgħaġġel u b’inqas spejjeż, kif ukoll sabiex jitnaqqas il-piż tal-qrati; hija ssegwi, għaldaqstant, għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali. Isegwi li l-impożizzjoni ta’ din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni extra ġudizzjarja ma hijiex, fid-dawl tal-modalitajiet preċiżi tagħha għat-tħaddim, iċċitati iktar ’il fuq, sproporzjonata mal-għanijiet imfittxija, minn naħa, peress li l-introduzzjoni ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni extra ġudizzjarja li hija purament fakultattiva ma tikkostitwixxix mezz effettiv sabiex l-imsemmija għanijiet jintlaħqu, u għalhekk ma hemmx alternattivi inqas vinkolanti mill-implementazzjoni ta’ proċedura obbligatorja u li, min-naħa l-oħra, ma hemmx sproporzjon sinjifikattiv bejn dawn l-għanijiet u l-inkonvenjenzi eventwali kkawżati min-natura obbligatorja tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni extra ġudizzjarja.

(ara l-punti 54-59, 61-65, 67 u d-dispożittiv 2)