Language of document : ECLI:EU:T:2022:809

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

14 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092 – Dazju kumpensatorju definittiv – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/1037 – Kontribuzzjoni finanzjarja – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 – Benefiċċju – Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament 2016/1037 – Kalkolu tal-ammont ta’ sussidji kumpensabbli – Il-punti 1(a)(iv) u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 – Azzjoni li ‘tinkariga’ organu privat mit-twettiq ta’ funzjoni li tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja jew li ‘tordnalu’ li jagħmel dan – Remunerazzjoni inqas minn adegwata – Appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet – Artikolu 28(5) tar-Regolament 2016/1037 – Użu tal-informazzjoni disponibbli – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u Artikolu 6(d) tar-Regolament 2016/1037 – Benefiċċju – Artikolu 8(8) tar-Regolament 2016/1037 – Theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni – Artikolu 8(5) u (6) tar-Regolament 2016/1037 – Rabta kawżali – Analiżi ta’ imputazzjoni – Analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni”

Fil-Kawża T‑111/20,

PT Wilmar Bioenergi Indonesia, stabbilita f’Medan (l-Indoneżja),

PT Wilmar Nabati Indonesia, stabbilita f’Medan,

PT Multi Nabati Sulawesi, stabbilita f’Sulawesi Utara, (l-Indoneżja),

irrappreżentati minn P. Vander Schueren u T. Martin-Brieu, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Kienapfel, G. Luengo u P. Němečková, fil-kwalità ta’ aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

European Biodiesel Board (EBB), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn M.‑S. Dibling u L. Amiel, avukati,

intervenjent,


IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, PT Wilmar Bioenergi Indonesia, PT Wilmar Nabati Indonesia u PT Multi Nabati Sulawesi, jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 tat‑28 ta’ Novembru 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (ĠU 2019, L 317, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn dan ir-regolament jikkonċernahom.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma kumpanniji Indoneżjani li jipproduċu u jesportaw il-bijodiżil.

3        Fid‑19 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2), li applika għar-rikorrenti dazju antidumping definittiv.

4        Fil‑25 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 1198/2013 li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni (ĠU 2013, L 315, p. 67).

5        Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1194/2013 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-ewwel żewġ rikorrenti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PT Wilmar Bioenergi Indonesia u PT Wilmar Nabati Indonesia vs Il‑Kunsill, T‑139/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:499).

6        Fil‑25 ta’ Jannar 2018, wara talba tar-Repubblika tal-Indoneżja, il-Bord tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ħareġ rapport dwar il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1194/2013 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Unjoni Ewropea – Miżuri Antidumping fuq il-Bijodiżil li Joriġina mill-Indoneżja”, adottat fil‑25 ta’ Jannar 2018 (WT/DS 480/R)). Il-Bord tal-WTO kkonkluda li l-Unjoni Ewropea kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU 1994, L 336, p. 103), li jinsabu fl-Anness 1A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l--WTO (ĠU 1994, L 336, p. 3).

7        Fit‑22 ta’ Ottubru 2018, European Biodiesel Board (EBB) ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 143, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Skont dan l-ilment, l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja kienu ssussidjati u għalhekk kienu jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

8        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, C 439, p. 16), il-Kummissjoni fetħet proċedura antisussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja.

9        Il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni jikkorrispondi għall-“esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, magħruf aktar bħala ‘bijodiżil’, fil-forma pura jew kif inkluż f’taħlita, li joriġina mill-Indoneżja”.

10      Il-bijodiżil prodott fl-Indoneżja huwa prinċipalment tal-ester metiliku taż-żejt tal-palm (iktar ’il quddiem il-“PME”), li huwa dderivat miż-żejt tal-palm mhux irraffinat (iktar ’il quddiem iċ-“CPO”). Mill-banda l-oħra, il-bijodiżil prodott fl-Unjoni huwa essenzjalment tal-ester metiliku tar-rapa (iktar ’il quddiem ir-“RME”), iżda jinkiseb ukoll minn materji primi oħra, fosthom iċ-CPO.

11      Il-PME u r-RME jappartjenu t-tnejn li huma għall-kategorija ta’ esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi. Il-kelma “ester” tirreferi għat-transesterifikazzjoni taż-żjut veġetali, jiġifieri t-taħlit taż-żejt mal-alkoħol, li jipproduċi l-bijodiżil u, bħala subprodott, il-gliċerina. L-aġġettiv “metiliku” jirriferi għall-metanol, l-alkoħol l-iktar użat f’dan il-proċess. L-esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi huma magħrufin ukoll bl-isem “esteri metiliċi tal-aċidi grassi” (iktar ’il quddiem il-“FAME”). Minkejja li l-PME u r-RME t-tnejn huma FAME, huma għandhom proprjetajiet fiżiċi u kimiċi f’partijiet differenti, u, b’mod partikolari, punt limitu tal-filtrabbiltà fil-ksieħ (iktar ’il quddiem iċ-“CFPP”) differenti. Iċ-CFPP jikkorrispondi għat-temperatura li fiha karburant jinblokka filtru tal-karburant, minħabba l-kristallizzazzjoni jew l-iffriżar ta’ wħud mill-komponenti tiegħu. Għar-RME, iċ-CFPP jista’ jkun ta’ ‑14 °C filwaqt li, għall-PME, huwa ta’ madwar 13 °C. Fis-suq, il-bijodiżil li għandu CFPP partikolari huwa ħafna drabi deskritt bħala FAME X, pereżempju, FAME 0 jew FAME 5.

12      L-investigazzjoni dwar is-sussidji u d-dannu kkawżat kopriet il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ottubru 2017 u t‑30 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-analiżi tax-xejriet rilevanti għad-determinazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fejn kien meħtieġ, il-Kummissjoni eżaminat ukoll data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

13      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Jannar 2019, PT Wilmar Bioenergi Indonesia ppreżentat tweġibiet għall-kwestjonarju antisussidji li kien indirizzat lilha mill-Kummissjoni fid‑19 ta’ Diċembru 2018. Il-Kummissjoni wettqet verifiki fuq il-post fil-bini tar-rikorrenti fl-Indoneżja, fit‑18 u fil‑21 ta’ Marzu 2019.

14      B’mod parallel, ir-rikorrenti għamlu l-osservazzjonijiet li ġejjin: fis‑17 ta’ Jannar 2019, dwar l-ilment; fl‑14 ta’ Frar 2019, dwar id-data ppreżentata minn EBB u l-produtturi tal-bijodiżil tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dwar l-allegazzjonijiet ta’ theddida ta’ dannu; fl‑14 ta’ Frar 2019, dwar l-applikabbiltà ta’ miżuri kumpensatorji għall-iskemi ta’ sussidju allegati, u, fid‑19 ta’ Ġunju 2019, dwar l-allegazzjonijiet ta’ theddida ta’ dannu esposti fl-osservazzjonijiet ta’ EBB tad‑29 ta’ April 2019 u dwar it-talba għal reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ EBB.

15      Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1344 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (ĠU 2019, L 212, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2019, L 236, p. 30, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). Id-dazju kumpensatorju provviżorju applikabbli għal PT Wilmar Bioenergi Indonesia u għal PT Wilmar Nabati Indonesia kien ta’ 15.7 %. Id-dazju kumpensatorju provviżorju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” minbarra dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament provviżorju, kien ta’ 18 %.

16      Fit‑13 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija adottat ir-Regolament provviżorju.

17      Fit‑28 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-Regolament provviżorju u dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien ġie adottat.

18      Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni kkomunikat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kienet ipprevediet li timponi miżuri kumpensatorji definittivi fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Indoneżja. Ir-rikorrenti għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn fl‑14 ta’ Ottubru 2019.

19      Fi tmiem il-proċedura antisussidji, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat li permezz tiegħu hija kkonfermat il-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom fir-Regolament provviżorju. Hija kkunsidrat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw lill-industrija tal-bijodiżil permezz ta’ sussidji fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sostniet li dan l-appoġġ seħħ permezz ta’ ċerti programmi. Dan kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-fatt li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, organu rregolat mid-dritt pubbliku, kien ħallas lill-produtturi tal-bijodiżil li pprovdew il-bijodiżil lill-kumpanniji msejħa “Entità tal-Petrofjuwil” id-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil minerali, imħallas minn dawn l-entitajiet, u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil iffissat mill-Ministru għall-Enerġija u għar-Riżorsi Minerali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu inkarigaw lill-produtturi taċ-CPO, materja prima li l-produtturi tal-bijodiżil kienu xtraw sabiex jibdluha f’bijodiżil, mill-provvista ta’ din il-materja prima b’remunerazzjoni inqas minn adegwata, jew ordnawlhom li jagħmlu dan, b’mod partikolari permezz ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u tal-kontroll tal-prezzijiet bl-intervent tal-grupp ta’ kumpanniji pubbliċi PT Perkebunan Nusantara (iktar ’il quddiem “PTPN”).

20      Id-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għal PT Wilmar Bioenergi Indonesia u għal PT Wilmar Nabati Indonesia kien ta’ 15.7 %. Id-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” minbarra dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat kien ta’ 18 %.

 Ittalbiet talpartijiet

21      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni, sostnuta minn EBB, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jirrigwarda PT Multi Nabati Sulawesi;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

23      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw essenzjalment erba’ motivi bbażati:

–        l-ewwel, fuq ksur tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3, tal-punt 1(a)(i) tal-Artikolu 3, tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni billi kkonkludiet li l-ħlasijiet miksuba mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienu jikkostitwixxu sussidju kumpensabbli u billi ma adattatx il-benefiċċju li allegatament irċevew ir-rikorrenti sabiex tqis it-tnaqqis mogħti kif ukoll l-ispejjeż tat-trasport u tal-kreditu mġarrba sabiex jinkisbu l-allegati sussidji;

–        it-tieni, fuq ksur tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3, tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3, tal-punt 2 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi għall-provvista taċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata;

–        it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni;

–        ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) u (6) tar-Regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni billi kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu qegħdin jheddu li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u billi injorat l-impatt tal-importazzjonijiet mill-Arġentina.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talpunt 1(a) tal-Artikolu 3, tal-punt 1(a)(i) talArtikolu 3, tal-punt 2 talArtikolu 3 u talArtikolu 7(1)(a) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni billi kkonkludiet li lħlasijiet miksuba millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu sussidju kumpensabbli u billi ma adattatx ilbenefiċċju li allegatament irċevew irrikorrenti sabiex tqis ittnaqqis mogħti kif ukoll lispejjeż tattrasport u talkreditu mġarrba sabiex jinkisbu lallegati sussidji

24      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq erba’ partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

 Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkunsidrat li lħlasijiet millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu kontribuzzjoni finanzjarja talawtoritajiet pubbliċi jew ta’ organu pubbliku

25      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma jikkostitwixxux kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ organu pubbliku.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jkollhom jeżaminaw (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tirrigwarda wkoll id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2012, Novatex vs Il‑Kunsill, T‑556/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:537, punti 34 u 35).

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li huwa meqjus li jeżisti sussidju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tiegħu huma ssodisfatti, jiġifieri jekk ikunx hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”.

29      L-għan tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” b’mod li jiġu esklużi l-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux f’waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni. Huwa f’din il-perspettiva li l-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jelenka sitwazzjonijiet konkreti li għandhom jiġu kkunsidrati li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri t-trasferiment dirett jew indirett ta’ fondi, dħul pubbliku mitluf u l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi jew ix-xiri ta’ oġġetti, filwaqt li t-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat iwettaq funzjoni waħda jew iktar mit-tipi hekk elenkati fil-punti (i), (ii) u (iii), jew jordnawlu li jagħmel dan, huwa ekwivalenti għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 106).

30      Mill-qari tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni “kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern”, jidher li l-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi ttrasferiti. Għalhekk, fil-punt 1(a)(i) tiegħu, dan l-artikolu jinkludi fil-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja”, “prattika tal-gvern” li tinvolvi trasferiment dirett ta’ fondi, mingħajr ma jżid rekwiżiti dwar l-oriġini ta’ dawn il-fondi. Il-fatt li l-oriġini tal-fondi ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ prattika tal-awtoritajiet pubbliċi bħala “kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi” jidher ċar fil-każ previst fit-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3, fejn l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat iwettaq ċerti funzjonijiet bħat-trasferiment dirett ta’ fondi, jew jordnawlu jagħmel dan, mingħajr ma jippreċiża minn fejn għandhom joriġinaw il-fondi użati. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi” jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw.

31      F’dan il-każ, mill-premessi 30 sa 33 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt huwa organu pubbliku. Dan l-organu huwa użat sabiex jappoġġja x-xiri ta’ bijodiżil mill-entitajiet indikati mill-organi tal-Istat u inkariga aġenzija, l-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Fond (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija ta’ Ġestjoni”), li tiġbor id-dazji fuq l-esportazzjoni fuq il-prodotti taż-żejt tal-palm li jikkostitwixxi l-finanzjament tiegħu (premessi 41 sa 43 tar-Regolament provviżorju).

32      Mir-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Fond għas-Sussidju tal-Bijodiżil, li jagħmel parti mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, ġie stabbilit bir-Regolament Presidenzjali 61/2015 (premessa 40) u li l-Aġenzija ta’ Ġestjoni ġiet fdata bil-missjoni tal-ġbir ta’ dazji fuq l-esportazzjoni fuq il-prodotti taż-żejt tal-palm li kien jikkostitwixxi l-finanzjament tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (premessi 41 u 42). Huwa permezz tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Presidenzjali 61/2015 li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani taw lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni d-dritt li tuża d-dazji fuq l-esportazzjoni u t-taxxi tal-esportazzjoni imposti fuq iċ-CPO u d-derivattivi tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Presidenzjali 66/2018 jipprovdi espressament li “l-użu tal-fond […] huwa intenzjonat li jkopri d-differenza bejn l-indiċi tal-prezz tas-suq tad-diżil u l-indiċi tal-prezz tas-suq tal-bijodiżil” (premessi 58 u 60). Għalhekk, id-differenza bejn dan il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil titħallas mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil mill-fondi tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (premessa 47).

33      L-ewwel, ir-rikorrenti jallegaw li l-oriġini u n-natura tal-fondi użati għall-ħlasijiet magħmula lill-produtturi tal-bijodiżil mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, jiġifieri d-dazju fuq l-esportazzjoni mħallas mill-produtturi‑esportaturi, huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix kontribuzzjoni finanzjarja. It-tieni, id-dazju fuq l-esportazzjoni kien espressament intiż sabiex jiffinanzja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani ma setgħux jużawh mod ieħor. It-tielet, il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien iffinanzjat mill-katina ta’ provvista taċ-CPO għall-benefiċċju ta’ din l-istess katina u għalhekk il-ħlasijiet ma kienu jinvolvu ebda spiża għall-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 30 iktar ’il fuq, li l-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku ma jinkludi ebda preċiżazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi ttrasferiti u jkopri għalhekk il-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw.

35      Għalhekk, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni proposta mir-rikorrenti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-fondi mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi bħala kontribuzzjoni finanzjarja u l-mod li bih dawn l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużawhom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li l-fondi li għandu l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt joriġinaw mid-dazju fuq l-esportazzjoni mħallas mill-produtturi‑esportaturi ma jfissirx li meta dawn il-fondi jitħallsu lill-produtturi tal-bijodiżil sabiex ikopru d-differenza bejn l-indiċi tal-prezz tas-suq tad-diżil u l-indiċi tal-prezz tas-suq tal-bijodiżil, ma hemmx piż fuq l-organu pubbliku li jħallashom.

36      Għandu jiżdied, l-ewwel, li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1988, Fediol vs Il‑Kummissjoni (188/85, EU:C:1988:400), invokata mir-rikorrenti. F’dik il-kawża li kellha bħala suġġett rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din għalqet proċedura antisussidji miftuħa fuq ilment min-naħa tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, ċertament, l-argument li l-kunċett ta’ sussidju għandu jkun estiż b’mod wiesa’ u li jkun hemm sussidju meta l-miżuri kollha meħuda jirriżultaw fl-għoti ta’ benefiċċju lill-benefiċjarji tiegħu. Madankollu, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ sussidju tal-esportazzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84 tat‑23 ta’ Lulju 1984 dwar il-protezzjoni mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1984, L 201, p.1), kien maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jinvolvi neċessarjament piż finanzjarju sostnut direttament jew indirettament minn organi pubbliċi u li l-kunċett ta’ piż kien jinkludi mhux biss il-każ fejn l-Istat iħallas fondi, iżda wkoll dak fejn irrinunzja għall-ġbir ta’ krediti fiskali (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1988, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 188/85, EU:C:1988:400, punt 12). Dik is-sentenza, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-fondi użati, ma teskludix li l-ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni f’dak il-każ, iffinanzjati mill-ġbir ta’ dazju fuq l-esportazzjoni minn dan l-organu, jikkostitwixxu piż finanzjarju direttament sostnut minn organu pubbliku.

37      It-tieni, ma jistax jirnexxi l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-Rapport tal-Korp tal-Appelli tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO intitolat “L-Istati Uniti – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ fl-Ajruplani Ċivili Kbar (It-tieni lment)”, adottat fit‑12 ta’ Marzu 2012 (WT/DS 353/AB/R, punt 617) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Korp tal-Appelli ‘L-Istati Uniti – Ajruplani Ċivili Kbar (It-tieni lment)’”).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim fuq is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 156, iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”) adottati minn dan il-korp, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 54, tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 103, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 419).

39      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 jimplika li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Ftehim SMK, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 32, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2021:533, punt 24, segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 92). Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel riferiment għalihom meta tkun qiegħda tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet tal-Ftehim SMK (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 103).

40      Fi kwalunkwe każ, il-punt 617 tar-Rapport tal-Korp tal-Appelli “L-Istati Uniti – Ajruplani Ċivili Kbar (It-tieni lment)” invokat mir-rikorrenti jippreċiża li “trasferiment dirett ta’ fondi ser jinvolvi normalment finanzjament mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi lill-benefiċjarju”. Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rapport jikkonkludi li l-kontribuzzjoni finanzjarja hija mogħtija “normalment […] mill-awtoritajiet pubbliċi”, iżda, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistabbilixxix rekwiżiti dwar l-oriġini tal-fondi li l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi jużaw.

41      Peress li l-argumenti tal-partijiet ġew esklużi fl-intier tagħhom, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lħlasijiet talFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu sussidji

42      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma jikkostitwixxux trasferiment dirett ta’ fondi fil-forma ta’ sussidju, iżda ħlas għax-xiri tal-bijodiżil.

43      Għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, li l-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jelenka sitwazzjonijiet konkreti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari t-trasferiment dirett jew indirett ta’ fondi, u li din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet pubbliċi.

44      Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk trasferiment dirett ta’ fondi jirrappreżentax benefiċċju li jikkostitwixxi sussidju fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ korrispettiv, jew ta’ korrispettiv ekwivalenti, min-naħa tal-impriża li tirċievi dan it-trasferiment.

45      F’dan il-każ, il-proċedura li ġiet ikklassifikata mill-Kummissjoni bħala “trasferiment dirett ta’ fondi” kienet is-segwenti, skont il-premessi 45 sa 50 tar-Regolament provviżorju (u anki l-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat):

“(45) B’mod aktar preċiż, ir-Regolament Presidenzjali 26/2016 jistipula fl-Artikolu 9(1) tiegħu li ‘id-Direttur Ġenerali ta[d-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija] għandu jaħtar l-Entità tal-Petrofjuwil li għandha twettaq l-akkwist tal-bijodiżil kif mifhum fl-Artikolu 4 fil-qafas ta’ finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni […] billi tosserva l-politika tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Aġenzija ta’ Ġestjoni […]’ u fl-artikolu 9(8) ta’ wara li ‘[f]uq il-bażi tal-approvazzjoni mill-Ministru kif mifhuma fil-paragrafu (7), id-Direttur Ġenerali ta[d-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija] f’isem il-Ministru għandu jaħtar: a. il-produtturi tal-bijodiżil li se jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil; u b. l-allokazzjoni tal-volum ta’ bijodiżil għal kull produttur tal-bijodiżil’. […]

(46) Il-produtturi tal-bijodiżil li għażlu li jipparteċipaw u li ġew allokati kwota skont dak ir-regolament huma obbligati li jbigħu l-ammont mensili ta’ bijodiżil lill-hekk imsejħa Entità tal-Petrofjuwil. Sa issa, il-GTI ħatar lil dawn li ġejjin bħala Entità tal-Petrofjuwil:

a) PT Pertamina (‘Pertamina’), kumpanija taż-żejt u tal-gass li tappartjeni lill-Istat, u

b) PT AKR Corporindo Tbk (‘AKR’), kumpanija taż-żejt u tal-gass privata.

(47) [Il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt] jipprevedi mekkaniżmu ta’ pagament speċifiku, li bih Pertamina (u għal xi volumi żgħar, AKR) tħallas lill-produtturi tal-bijodiżil il-prezz ta’ referenza tad-diżil (b’kuntrast mal-prezz attwali tal-bijodiżil li matul il-PI kien ikun ogħla), filwaqt li d-differenza bejn dak il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil tħallasha l-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil mill-[Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt].

(48) Il-prezz ta’ referenza għad-diżil u għall-bijodiżil jiġi determinat mill-Ministru tal-Enerġija u r-Riżorsi Minerali, […] kif ġej:

a) Il-prezz ta’ referenza tad-diżil huwa bbażat fuq il-prezzijiet irrappurtati minn Platts Singapore għaż-żejt […] u l-kost tal-produzzjoni tad-diżil fl-Indoneżja.

b) […] il-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil huwa bbażat fuq il-prezz domestiku tas-CPO, li miegħu jiżdiedu l-kostijiet tat-trasformazzjoni […].

(49) B’mod aktar preċiż, kull produttur tal-bijodiżil – inklużi l-produtturi esportaturi kollha – joħroġ fattura lil Pertamina (jew lil AKR, skont il-każ) għall-volum ta’ bijodiżil li x-xerrej huwa obbligat juża skont l-obbligu ta’ taħlit [li jipprovdi li, għal ċertu numru ta’ applikazzjonijiet bħal, pereżempju, it-trasport pubbliku, l-operaturi għandhom l-obbligu li jużaw bħala karburant taħlita ta’ diżil minerali u ta’ bijodiżil li tinkludi tal-inqas 20 % bijodiżil], u Pertamina (jew AKR) tħallas lill-produttur il-prezz ta’ referenza għal dak il-perjodu. […]

(50) Sabiex jikseb ir-rimborż tad-differenza fil-prezz bejn il-prezz imħallas minn Pertamina u AKR (abbażi tal-prezz ta’ referenza għad-diżil) u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil, il-produttur tal-bijodiżil imbagħad għandu jibgħat fattura addizzjonali għall-istess volum lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, u jehmeż lista tad-dokumenti. Ladarba l-Aġenzija ta’ Ġestjoni tkun irċeviet il-fattura, u wara verifika tal-elementi inklużi fiha, l-Aġenzija ta’ Ġestjoni għandha tħallas lill-produttur tal-bijodiżil rilevanti d-differenza bejn il-prezz ta’ referenza għad-diżil (imħallas minn Pertamina jew AKR, skont il-każ) u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil stabbilit għal dak il-perjodu.”

46      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kklassifikat, b’mod żbaljat, il-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt bħala trasferiment dirett ta’ fondi u mhux bħala ħlasijiet magħmula b’korrispettiv għax-xiri ta’ bijodiżil. L-ewwel, huma jsostnu li s-sistema ta’ ħlasijiet tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienet tinkludi obbligi reċiproċi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani u tal-produtturi ta’ bijodiżil, jiġifieri l-bejgħ tal-bijodiżil għall-ħlas ta’ prezz. L-eżistenza ta’ kuntratti preliminari bejn ir-rikorrenti u l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kif ukoll il-fatt li dawn tal-ewwel bagħtu fatturi lit-tieni sabiex jirċievu l-ħlasijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan is-sens. In-natura tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, li kien intiż sabiex jappoġġja x-xiri u l-użu tal-bijodiżil għall-implimentazzjoni tal-mandat impost mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fil-qasam tat-taħlit tal-bijodiżil, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata n-natura tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. It-tieni, il-parti l-kbira tax-xiri tal-bijodiżil mingħand ir-rikorrenti saret minn PT Pertamina (iktar ’il quddiem “Pertamina”), organu pubbliku li jagħmel parti mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. It-tielet, abbażi ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tikklassifika l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt bħala parti minn xiri ta’ oġġetti fis-sens tal-punt 1(a)(iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 38 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li “l-iżborż tal-[Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt] favur il-produtturi tal-bijodiżil ma jistax jikkwalifika bħala pagamenti dovuti f’kuntratt ta’ xiri bejn il-GOI [il-Gvern tal-Indoneżja] u l-produtturi tal-bijodiżil iżda jikkostitwixxi trasferiment dirett ta’ fondi”.

48      Mill-kuntest fattwali inkwistjoni, kif ippreżentat fil-premessi 45 sa 50 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) u li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema maħsuba mir-Regolament Presidenzjali 26/2016, l-Aġenzija ta’ Ġestjoni ma kinitx tintervjeni fit-tranżazzjoni bejn il-produtturi tal-bijodiżil u Pertamina u PT AKR Corporindo Tbk (iktar ’il quddiem “AKR”). Fil-fatt, huwa d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija li ħatar, l-ewwel, l-entitajiet inkarigati mix-xiri tal-bijodiżil (skont il-politika stabbilita mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Aġenzija ta’ Ġestjoni) u, it-tieni, f’isem il-Ministru, il-produtturi tal-bijodiżil li jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil kif ukoll il-volum ta’ bijodiżil allokat għal kull produttur. Il-prezz ta’ referenza għad-diżil kif ukoll għall-bijodiżil kien iddeterminat mill-Ministru għall-Enerġija u r-Riżorsi Minerali. Imbagħad, kull produttur bagħat fattura lil Pertamina jew AKR għall-volum ta’ bijodiżil li dawn l-impriżi kellhom jużaw skont il-mandat ta’ taħlit u dawn tal-aħħar ħallsu lill-produttur il-prezz ta’ referenza tad-diżil. Kien biss wara l-għeluq ta’ din it-tranżazzjoni li l-produtturi tal-bijodiżil bagħtu fattura addizzjonali lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni għall-istess volum ta’ bijodiżil sabiex jiksbu l-ħlas tad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil, akkumpanjata minn kopja tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija li tiċċertifika li huma kienu awtorizzati jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil u li tindika l-kwoti rispettivi ta’ bijodiżil allokati, minn kopja tal-kuntratt ta’ xiri ta’ bijodiżil konkluż ma’ Pertamina jew AKR, iċ-ċertifikat iffirmat minn Pertamina jew AKR u l-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat, ittimbrat mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Indoneżja u li jinkludi l-informazzjoni dwar il-post ta’ kunsinna, il-volum u t-tip ta’ bijodiżil u l-ammont tal-ispejjeż ta’ trasport kif ukoll minn kopja tal-ftehim konkluż bejn l-Aġenzija ta’ Ġestjoni u l-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll, fil-premessi 67 u 69 tar-Regolament ikkontestat, li l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil imħallas lill-fornituri indipendenti ma kienx jirrifletti d-domanda u l-provvista f’kundizzjonijiet normali tas-suq mingħajr intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, u li l-ammont tal-ispejjeż ta’ konverżjoni kkalkolat mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fil-kuntest tal-formula użata biex jiġi kkalkolat il-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil kien eċċessiv. Huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li minn din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat, li mingħajr dawn il-ħlasijiet, il-prezzijiet tal-bijodiżil fl-Indoneżja kienu ser ikunu inqas. Il-ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil, peress li huma kkalkolati abbażi ta’ prezz ta’ referenza tal-bijodiżil li ma jirriżultax mill-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu meqjusa bħala fondi addizzjonali għall-prezz li l-produtturi għandhom id-dritt li jiksbu bħala korrispettiv għall-kunsinni tagħhom lil Pertamina jew AKR.

50      Abbażi ta’ dawn l-elementi fattwali, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lilha mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u ta’ benefiċċju fis-sens tal-punt 2 tal-istess dispożizzjoni, ikkunsidrat, fil-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat, li l-fondi mħallsa mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt “[ma kinux] għalhekk parti minn kuntratt bi ħlas (bħax-xiri ta’ bijodiżil mill-gvern bi skambju ta’ prezz)”. Fil-fatt, mill-preżentazzjoni tal-fatti la jirriżulta li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien involut fit-tranżazzjoni bejn il-produtturi tal-bijodiżil u l-“Entità tal-Petrofjuwil”, jiġifieri Pertamina u AKR, u lanqas li l-imsemmi Fond irċieva xi korrispettiv għall-ħlasijiet li huwa għamel. Għalhekk, in-natura tat-tranżazzjoni, li għamlu enfasi fuqha r-rikorrenti waqt is-seduta, ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ħlasijiet magħmula mill-imsemmi Fond kienu jagħmlu parti minn skema ta’ obbligi reċiproċi.

51      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata min-natura tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li, skont ir-rikorrenti, kien intiż sabiex jappoġġja x-xiri u l-użu tal-bijodiżil għall-implimentazzjoni tal-mandat stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fil-qasam ta’ taħlit tal-bijodiżil. Fil-fatt, f’dan il-każ, in-natura u l-għan tal-imsemmi fond ittieħdu inkunsiderazzjoni ġustament mill-Kummissjoni, fil-premessi 56 sa 61 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 30 tar-Regolament ikkontestat, sabiex tikklassifika l-ħlasijiet li kien għamel bħala “kontribuzzjoni finanzjarja”.

52      Barra minn hekk, din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mir-referenza tar-rikorrenti għall-punti 616 u 617 tar-Rapport tal-Korp tal-Appelli “L-Istati Uniti – Ajruplani Ċivili Kbar (It-tieni lment)” fejn huwa indikat li “f’tali tranżazzjoni [jew ‘donazzjoni’], il-flus jew l-ekwivalenti jingħataw lil benefiċjarju, normalment mingħajr ma dan ikun meħtieġ jew mistenni jagħti xi ħaġa lura lid-donanti”, li “trasferiment dirett ta’ fondi ser jinvolvi normalment finanzjament mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi lill-benefiċjarju”, u li “[f]’ċerti każijiet, bħal dak ta’ donazzjonijiet, it-trasmiżżjoni ta’ fondi ma hijiex ser tinvolvi obbligu reċiproku min-naħa tal-benefiċjarju”.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar preliminarjament li, skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim SMK, adottati minn dan il-korp, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat (ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq).

54      Madankollu, mill-qari tal-estratt iċċitat mir-rikorrenti jidher li l-kunċett ta’ trasferiment dirett ta’ fondi “normalment” jinvolvi finanzjament mogħti “mill-awtoritajiet pubbliċi” u li, meta dan ikun “donazzjoni”, “it-trasmiżżjoni ta’ fondi ma tkunx tinvolvi obbligu reċiproku” u ssir “normalment mingħajr ma [l-benefiċjarju] ikun meħtieġ jew mistenni jagħti xi ħaġa lura lid-donanti”.

55      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punt 46 iktar ’il fuq, l-ewwel, kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, il-ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil, peress li huma kkalkolati abbażi ta’ prezz ta’ referenza tal-bjiodiżil li ma jirriżultax minn kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu meqjusa bħala fondi addizzjonali għall-prezz li l-produtturi għandhom id-dritt li jiksbu bħala korrispettiv għall-kunsinni tagħhom lil Pertamina jew AKR. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

56      It-tieni, għandu jiġi osservat li mill-premessa 46 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li Pertamina tappartjeni lill-Istat Indoneżjan. Anki jekk jiġi preżunt, għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 48 u 49 tar-Regolament ikkontestat, li Pertamina hija organu pubbliku, din hija entità separata mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni u xejn ma jindika li Pertamina kienet taġixxi bħala xerrej ta’ bijodiżil flimkien mal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kif isostnu r-rikorrenti. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, Pertamina ma kinitx aġenzija inkarigata mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex twettaq biss ċerti funzjonijiet, iżda kumpannija taż-żejt u tal-gass li kienet teżerċita l-istess funzjonijiet bħal AKR, kumpannija taż-żejt u tal-gass privata, kif jirriżulta mill-premessa 46 tar-Regolament provviżorju u mill-premessa 55 tar-Regolament ikkontestat, li ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li, anki kieku l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li Pertamina kienet organu pubbliku kienu korretti, żball dwar dan il-punt min-naħa tal-Kummissjoni kien jiġġustifika l-annullament tar-Regolament ikkontestat biss jekk seta’ jikkontesta l‑legalità tiegħu, billi jinvalida l‑analiżi kollha tagħha fir‑rigward tal-eżistenza ta’ sussidju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 119), li ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni.

58      It-tielet, il-fatt li l-ħlasijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala korrispettiv għax-xiri ta’ bijodiżil ifisser li t-tranżazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma tistax tiġi kklassifikata bħala “xiri” ta’ oġġetti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani u taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1(a)(iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti magħmula f’dan is-sens għandhom jiġu miċħuda.

59      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jressqu serje ta’ argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu li, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li Pertamina ma hijiex organu pubbliku, madankollu hija kienet “inkarigata” jew ġiet “ordnata” mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani tixtri l-bijodiżil u li l-produtturi tal-bijodiżil kienu “inkarigati” jew ġew “ordnati” ibigħuh fis-sens tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la huwa l-ħlas tal-prezz ta’ referenza tad-diżil minn Pertamina bħala korrispettiv għax-xiri tal-bijodiżil li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala “trasferiment dirett ta’ fondi”, u lanqas il-bejgħ tal-bijodiżil mill-produtturi tal-bijodiżil, iżda l-ħlas mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, organu pubbliku, tad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil stabbilita għall-perijodu inkwistjoni lill-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat. Għaldaqstant, il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda l-aġir ta’ organi privati (ara l-punti 111 u 116 iktar ’il quddiem), ma huwiex applikabbli.

61      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha.

 Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lħlasijiet talFond għallPjantaġġuni talPalm taż-Żejt kienu jagħtu benefiċċju

62      Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma jagħtux benefiċċju lill-produtturi tal-bijodiżil.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprevedi li sussidju huwa meqjus li jeżisti fil-preżenza ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” jew “appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet” tal-awtoritajiet pubbliċi u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju” mogħti. Skont il-ġurisprudenza, benefiċċju huwa mogħti lill-benefiċjarju meta dan jinsab f’sitwazzjoni aħjar milli kien ikun fiha fl-assenza tas-skema ta’ sussidju. Barra minn hekk, mill-punti 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jirriżulta li huwa biss fil-każ fejn il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi tagħti effettivament benefiċċju lil produttur‑esportatur li għandu jitqies li jeżisti sussidju għal dan il-produttur‑esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 195 u 210).

64      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq xenarju kontrofattwali manifestament żbaljat meta hija kkonkludiet li, fl-assenza tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u tal-ħlasijiet tiegħu, il-produtturi ta’ bijodiżil ma setgħux ibigħu l-prodott tagħhom fis-suq Indoneżjan u li l-prezzijiet tal-bijodiżil kienu jkunu inqas. Fl-assenza tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, il-mandat ta’ taħlit kien jeżisti xorta waħda u l-blenders kien ikollhom jixtru l-bijodiżil sabiex jikkonformaw mal-mandat ta’ taħlit u l-produtturi tal-bijodiżil kienu joħorġu fattura bl-istess prezz bħal dak li setgħu jiksbu fis-suq dinji.

65      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 65 tar-Regolament ikkontestat, li x-xenarju kontrofattwali korrett ma kienx dak fejn, fl-assenza tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, il-blenders kienu jħallsu l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil. Skont il-Kummissjoni, mingħajr il-mandat ta’ taħlit, mingħajr il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u mingħajr il-ħlasijiet tiegħu, il-blenders ma kien ikollhom ebda interess li jixtru l-bijodiżil u l-produtturi tal-bijodiżil ma kinux jirċievu l-fondi addizzjonali korrispondenti għad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

66      Mir-Regolament provviżorju jirriżulta li l-mandat ta’ taħlit kien introdott mir-Regolament 12/2015 tal-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Materjali (premessa 189). Fl-istess sena 2015, il-Fond għas-Sussidju tal-Bijodiżil, li jagħmel parti mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, ġie stabbilit mir-Regolament Presidenzjali 61/2015 (premessa 40) u l-Aġenzija ta’ Ġestjoni ngħatat il-missjoni tal-ġbir tad-dazji fuq l-esportazzjoni fuq il-prodotti taż-żejt tal-palm li kienu jikkostitwixxu l-finanzjament tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (premessi 41 u 42). Huwa permezz tal-istess dispożizzjoni (l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Presidenzjali 61/2015) li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani taw lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni d-dritt li tuża d-dazji fuq l-esportazzjoni u t-taxxi tal-esportazzjoni imposti fuq iċ-CPO u d-derivattivi tiegħu u imponew l-obbligu tax-xiri u l-użu tal-bijodiżil (premessa 60). Il-fondi sabiex il-produtturi tal-bijodiżil jitħallsu d-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u dak tal-bijodiżil kienu joriġinaw mill-fondi hekk allokati lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni.

67      Jidher li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit fis-sistema maħsuba mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienet tiddependi mill-finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni. Din hija skema kumplessa stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani bil-għan li jappoġġjaw ix-xiri tal-bijodiżil mill-entitajiet maħtura mill-organi tal-Istat, kif jirriżulta mir-Regolamenti Presidenzjali 24/2016 u 26/2016 (premessa 44 tar-Regolament provviżorju). Ix-xenarju tal-eżistenza tal-mandat ta’ taħlit mingħajr il-finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni huwa għalhekk purament ipotetiku u l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma bbażatx l-analiżi tagħha fuqu.

68      Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq, li tapplika wkoll għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju ta’ sussidju, li l-Kummissjoni kkunsidrat din l-iskema fl-intier tagħha għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ benefiċċju.

69      Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet li mingħajr il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt il-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil kien ikun inqas.

70      Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan l-ilment tar-rikorrenti huwa ineffettiv. Huwa minnu li l-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u anki fis-seduta, li l-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li jiġi kkalkolat preċiżament l-ammont tal-benefiċċju, iżda pjuttost li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ benefiċċju. Il-kalkolu tal-benefiċċju kien jaqa’ taħt l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-fatt li l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil kien ogħla minn dak li kien jirriżulta mill-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma kien hemm bżonn li f’dan l-istadju dan jiġi kkwantifikat b’eżattezza, huwa wieħed mill-aspetti tas-sistema tal-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ benefiċċju. Il-fatt li l-ammont tal-ħlasijiet tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt seta’ eventwalment jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċju mogħti ma jfissirx a priori li ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali benefiċċju.

71      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti huwa effettiv.

72      F’dan il-każ, il-premessa 69 tar-Regolament ikkontestat tistabbilixxi dan li ġej:

“B’mod partikolari, il-Kummissjoni osservat li l-prezzijiet ta’ referenza użati mill-GOI sabiex jiddetermina l-ammont ta’ għotja żborżata mill-[Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma kinux] indikattivi ta’ prezz tas-suq peress li l-formula għall-kalkolu mhijiex ibbażata fuq realtà tas-suq mingħajr distorsjoni. Dan għaliex, minn naħa, is-suq kollu, upstream u downstream, huwa distort u għalhekk ma jistax ikun rappreżentattiv tal-kundizzjonijiet normali, kompetittivi tas-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-ispejjeż ta’ konverżjoni kkalkulati mill-GOI bħala parti mill-formula użata biex jiġi kkalkulat il-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil (il-prezz domestiku medju għas-CPO u tariffa ta’ konverżjoni ta’ USD 100 għal kull tunnellata miżjuda) huwa eċċessiv. Il-Kummissjoni vverifikat l-ispejjeż attwali ta’ trasformazzjoni ta’ xi wħud mill-produtturi esportaturi u osservat li l-kalkolu tal-GOI [kien] jagħmel dikjarazzjoni għolja wisq ta’ dawk l-ispejjeż. Dawn l-ispejjeż ta’ trasformazzjoni attwali kienu jammontaw, bħala medja, għal bejn USD 60 u USD 80 għal kull tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni”.

73      Għalhekk, mill-premessa 69 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni żewġ elementi sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ benefiċċju. L-ewwel, hija kkonkludiet li s-suq Indoneżjan kollu, upstream u downstream, kien distort, u ma setax jirrappreżenta kundizzjonijiet tas-suq normali u kompetittivi u, it-tieni, hija qieset li l-ammont tal-ispejjeż ta’ konverżjoni, jiġifieri 100 dollaru Amerikan (USD) għal kull tunnellata, użat fil-formula sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil, kien eċċessiv meta mqabbel mal-ispejjeż attwali ta’ ċerti produtturi‑esportaturi li hija kienet ivverifikat.

74      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil ma pproteġiex lill-produtturi tal-bijodiżil mill-varjazzjonijiet tas-suq, għaliex dan żviluppa skont il-kwotazzjonijiet taċ-CPO “kost, assigurazzjoni u nol” (CIF) ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li l-prezz ta’ referenza Indoneżjan tal-bijodiżil kien żviluppa skont il-kwotazzjonijiet taċ-CPO CIF ta’ Rotterdam, preżunt li huwa minnu, ma jfissirx li dan kien jikkostitwixxi prezz tas-suq. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil kien isegwi l-varjazzjonijiet ta’ prezzijiet internazzjonali oħra, ma jbiddilx il-fatt li dan il-prezz ta’ referenza kien iffissat abbażi tal-prezz domestiku taċ-CPO (ara l-premessa 48 tar-Regolament provviżorju) li kien suġġett għall-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani (ara l-punt 150 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, il-prezz CIF ta’ Rotterdam taċ-CPO diġà jinkludi l-prezz ta’ trasport u tal-assigurazzjoni, li ma huwiex il-każ għall-prodott mibjugħ fis-suq domestiku. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax, waħdu, jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

76      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil kien iddeterminat abbażi tal-ispejjeż tal-materja prima, li magħhom kien miżjud ammont raġonevoli sabiex ikopri l-ispejjeż differenti ta’ konverżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-“ispejjeż ta’ konverżjoni” ma kinux limitati għal dawn l-ispejjeż, iżda kienu jinkludu wkoll ammont raġonevoli għall-“ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali kif ukoll il-benefiċċju”.

77      Mill-premessa 81 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, u dan ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti, li l-ispejjeż ta’ konverżjoni kienu ġew stabbiliti għal USD 100 għal kull tunnellata sa mill‑21 ta’ Marzu 2016. Dan l-element juri li dawn l-ispejjeż ma kinux suġġetti għal varjazzjonijiet. Barra minn hekk, ma hemmx rabta evidenti bejn partiti baġitarji bħall-“ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra kif ukoll il-benefiċċju” u l-kategorija ta’ spejjeż “spejjeż tal-konverżjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma żiditx mal-ispejjeż ta’ konverżjoni attwali tal-produtturi‑esportaturi, li kienu bejn USD 60 u USD 80 għal kull tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni skont il-premessa 69 tar-Regolament ikkontestat, tali partiti baġitarji li donnhom ma humiex marbuta mal-konverżjoni tal-prodott.

78      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, meta hija kkonkludiet li l-prezz ta’ referenza Indoneżjan għall-bijodiżil kien eċċessiv.

79      Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li kull benefiċċju li jirriżulta mill-ħlasijiet tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien ġie mgħoddi fuq l-“Entitajiet tal-Petrofjuwil”.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja li tagħtihom benefiċċju ġew miċħuda fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u ta’ din il-parti tal-ewwel motiv. Huwa stabbilit ukoll li l-ħlasijiet inkwistjoni, korrispondenti għad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u dak tal-bijodiżil, tħallsu mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil, fosthom ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti baqgħu ma pproduċewx elementi suffiċjenti li jindikaw li parti minn dawn l-ammonti jew mill-benefiċċju magħmul mill-ħlas tagħhom kienet ġiet ittrasferita lil AKR u Pertamina. Madankollu, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62). Il-fatt li l-iskema stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħet tkun ta’ benefiċċju għal AKR u Pertamina wkoll ma jfissirx li l-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarji ġie mgħoddi fuq dawn l-impriżi. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li dawn il-blenders kienu bbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ xiri tal-bijodiżil vantaġġjużi, billi xtrawh bil-prezz ta’ referenza tad-diżil u mhux bil-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil, din iċ-ċirkustanza ma teskludix li, fil-kuntest tal-istess skema, il-produtturi tal-bijodiżil kienu bbenefikaw minn benefiċċju ieħor, li jirriżulta mill-ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

82      Fil-kuntest tar-raba’ lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-benefiċċju mwettqa mill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien iffinanzjat mid-dazji fuq l-esportazzjoni mħallsa b’mod partikolari mill-produtturi tal-bijodiżil. L-għan ta’ dawn id-dazji kien il-finanzjament tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u ma kinux jeżistu fl-assenza tal-imsemmi Fond u tal-ħlasijiet tiegħu.

83      Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li dan l-ilment tar-rikorrenti huwa ineffettiv. Peress li d-dazji fuq l-esportazzjoni jagħmlu parti mill-finanzjament tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, ir-rwol tagħhom fis-sistema tal-ħlasijiet tal-imsemmi fond jista’ jkollu effett fuq l-eżistenza ta’ benefiċċju għall-benefiċjarju. Il-fatt li l-ammont tad-dazji fuq l-esportazzjoni jista’ eventwalment jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju ma jfissirx li a priori ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali benefiċċju.

84      F’dan il-każ, mill-premessa 89 tar-Regolament provviżorju jirriżulta b’mod ċar, u huwa aċċettat mir-rikorrenti, li d-dazju fuq l-esportazzjoni ma jirrigwardax biss il-bijodiżil, iżda ċ-“CPO u l-prodotti downstream”, fosthom il-bijodiżil. Barra minn hekk, mill-istess premessa jirriżulta li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, id-dazju fuq l-esportazzjoni kien ferm ogħla għaċ-CPO milli għall-bijodiżil. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif dazju fuq l-esportazzjoni li jirrigwarda diversi prodotti kien ipaċi s-sussidju li minnu kien jibbenefika prodott wieħed minnhom u kien jannulla għalhekk il-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarji ta’ dan is-sussidju.

85      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, l-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq ir-rapporti tal-korpi tal-WTO ma jistgħux jiġu aċċettati.

86      L-ewwel, ir-rikorrenti jinvokaw ir-Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “L-Istati Uniti – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ tal-Ajruplani Ċivili Kbar – It-tieni lment (Użu mill-Unjoni Ewropea tal-Artikolu 21.5 tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim)”, adottat fid‑9 ta’ Ġunju 2017 (WT/DS 353/RW). Din it-tilwima kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-trasferimenti diretti ta’ fondi tal-Istat ta’ South Carolina (l-Istati Uniti) lill-kumpannija Boeing kinux is-suġġett ta’ kumpens, taħt il-forma ta’ investimenti ta’ Boeing fi proprjetajiet immobbli fis-sit tal-proġett ikkonċernat, jew jekk kinux jikkostitwixxu sussidju. Il-Korp tal-Appelli kien qies li ma ntwerietx l-eżistenza ta’ kumpens mogħti minn Boeing, peress li mill-ftehim ta’ bejn l-Istat ta’ South Carolina u Boeing ma kienx jirriżulta li l-valur residwu tal-proprjetajiet immobbli kien ser jiġi restitwit lill-Istat ta’ South Carolina. Għaldaqstant, din it-tilwima ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dazji fuq l-esportazzjoni li jirrigwardaw firxa ta’ prodotti kinux ipaċu sussidju li minnu kienu jibbenefikaw il-produtturi ta’ wieħed minn dawn il-prodotti u l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq analiżi a contrario tar-Rapport tal-Bord għandu jiġi miċħud.

87      It-tieni, ir-rikorrenti jipprevalixxu mir-Rapport tal-Korp tal-Appelli tal-WTO intitolat “Stati Uniti – Miżuri Kumpensatorji fuq Ċerti Prodotti Ċatti tal-Azzar bil-Karbonju Rrumblati bis-Sħana mill-Indja”, adottat fit‑8 ta’ Diċembru 2014 (WT/DS 436/AB/R). Din it-tilwima kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż magħmula mill-benefiċjarji ta’ ċertu self sabiex jiġi ddeterminat jekk dan is-self kienx jagħti benefiċċju lill-benefiċjarji. Għaldaqstant, dik it-tilwima ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dazji fuq l-esportazzjoni li jirrigwardaw firxa ta’ prodotti jpaċux sussidju li minnu kienu jibbenefikaw il-produtturi ta’ wieħed minn dawn il-prodotti u l-argument b’analoġija tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

88      Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu, u konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq irraba’ parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 7(1)(a) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni ma adattatx lammont tassussidju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ttnaqqis mogħti kif ukoll lspejjeż tattrasport u talkreditu

89      Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jsostnu li meta kkalkolat l-ammont tas-sussidju kumpensabbli, il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-spejjeż tat-trasport u tal-kreditu magħmula mir-rikorrenti.

90      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, jipprovdi dan li ġej:

“[…] Biex jiġi stabbilit […] l-ammont [tas-sussidju kumpensabbli] jistgħu jitnaqqsu l-elementi li ġejjin mit-total tas-sussidju:

a)      kull miżata għall-applikazzjoni, jew spejjeż oħra magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal, jew jingħata, is-sussidju;

b)      taxxi tal-esportazzjoni, dazji jew tariffi oħra imposti fuq l-esportazzjoni tal-prodott lejn l-Unjoni speċifikament maħsuba biex ipaċu s-sussidju.

Fejn parti interessata tagħmel talba għal tnaqqis, hija għandha turi li t-talba tagħha hija ġustifikata.”

91      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li mill-qari tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni “jistgħu jitnaqqsu”, jidher ċar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq. It-tnaqqis ta’ dawn l-elementi mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli jippreżumi li l-parti kkonċernata turi li t-talba tagħha għal tnaqqis hija ġġustifikata. Ladarba tiġi prodotta din il-prova, il-Kummissjoni għandha tipproċedi bit-tnaqqis mitlub.

92      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tnaqqas mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli l-ispejjeż tat-trasport tal-bijodiżil fil-kuntest tal-bejgħ lil Pertamina u AKR li kienu neċessarji sabiex jinkisbu l-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju fl-investigazzjonijiet antisussidji (ĠU 1998, C 394, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji”), li tillimita l-ispejjeż tat-trasport li jistgħu jitnaqqsu għal dawk imħallsa direttament lill-awtoritajiet pubbliċi jew lil organu pubbliku.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Linji Gwida jikkostitwixxu strument intiż sabiex jippreċiża, fl-osservanza tar-regoli tad-dritt ta’ natura superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tapplika fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidji kumpensabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, EU:T:2006:75, punt 49). Minn dan jirriżulta li, meta tadotta linji gwida, il-Kummissjoni ma tistax tmur kontra t-test ta’ natura superjuri li tiegħu hija tippreċiża l-kriterji ta’ applikazzjoni.

94      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, billi tadotta regoli ta’ kondotta intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħalma huwa l-każ tal-linji gwida li huma intiżi għal operaturi ekonomiċi, u billi tistqarr permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tagħmel restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ċaħda tad-deċiżjonijiet tagħha, skont il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 210 u 211).

95      Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji jipprevedu, taħt it-Titolu “G. Elementi li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont tas-sussidju”, li “l-uniċi tariffi jew kostijiet li normalment jistgħu jitnaqqsu huma dawk imħallsa direttament lill-gvern fil-perjodu ta’ investigazzjoni”, li “[j]rid jintwera li dan il-ħlas huwa obbligatorju sabiex jiġi riċevut is-sussidju” u li “[l]-pagamenti lil partijiet privati, pereżempju avukati, kontabilisti, imġarrba biex issir applikazzjoni għas-sussidji, mhumiex deduċibbli”.

96      Dawn il-preċiżazzjonijiet huma kompatibbli mat-test ta’ natura superjuri li huma intiżi li jispjegaw. L-ewwel, il-preċiżazzjoni li wieħed għandu jipproduċi prova li t-tariffi u l-ispejjeż deduċibbli huma “obbligatorji sabiex jiġi riċevut is-sussidju” hija konformi mal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li l-ispejjeż u t-tariffi deduċibbli għandhom ikunu “magħmulin kif meħtieġ” sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sussidju. It-tieni, il-preċiżazzjoni li “l-uniċi tariffi jew kostijiet li normalment jistgħu jitnaqqsu huma dawk imħallsa direttament lill-gvern fil-perjodu ta’ investigazzjoni” hija kompatibbli wkoll ma’ din id-dispożizzjoni. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Kummissjoni fil-qasam, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma llimitatx b’mod żbaljat it-tariffi u l-ispejjeż deduċibbli meta hija ppreċiżat permezz tal-Linji Gwida li “kull miżata għall-applikazzjoni, jew spejjeż oħra magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal […] sussidju” imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku kienu dawk “direttament imħallsa lill-gvern matul il-perijodu ta’ investigazzjoni”.

97      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament applikat, fil-premessi 87 sa 92 tar-Regolament ikkontestat, il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji għat-talba ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport.

98      Madankollu, f’dan il-każ, l-ewwel, ir-rikorrenti ma jsostnux li t-tariffi tat-trasport għall-kunsinna tal-bijodiżil kienu tħallsu direttament lill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. It-tieni, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tagħhom ibbażat fuq il-fatt li t-tariffi tat-trasport kienu neċessarji sabiex jirċievu l-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li kienu suġġetti għall-kunsinna tal-bijodiżil. Fil-fatt, dawn it-tariffi kienu marbuta esklużivament mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ bejn ir-rikorrenti u Pertamina jew AKR. Il-fatt li, sabiex jirċievu l-ħlasijiet mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, il-produtturi tal-bijodiżil kellhom jehmżu mal-fattura tagħhom serje ta’ dokumenti ta’ sostenn inkluż l-informazzjoni dwar il-post ta’ kunsinna, il-volum u t-tip ta’ bijodiżil ipprovdut u l-ammont ta’ tariffi tat-trasport ma jfissirx li dawn it-tariffi kienu “obbligatorji sabiex jiġi riċevut is-sussidju” fis-sens tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji u ma jbiddilx din il-konklużjoni.

99      Konsegwentement, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

100    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kellha tnaqqas mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli spiża tal-kreditu marbut mal-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt. Skont ir-rikorrenti, huma ma setgħux jiffatturaw lill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt il-parti tal-prezz relatata mal-bejgħ tal-bijodiżil li huwa kellu jħallashom biss ladarba toħroġ il-fattura lil Pertamina jew lil AKR. Il-Fond jissuġġetta l-informazzjoni pprovduta għal diversi verifiki u r-rikorrenti jirċievu l-ħlas biss diversi xhur wara li tintbagħat il-fattura lil Pertamina jew AKR. Fis-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li l-ispiża tal-kreditu kienet dovuta għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn il-kunsinna tal-bijodiżil u l-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt.

101    Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ispejjeż tal-kreditu, jekk jiġi preżunt li saru, jirriżultaw mill-proċedura stabbilita mis-setgħat pubbliċi Indoneżjani u miż-żmien tal-ipproċessar tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mir-rikorrenti lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, skont il-proċedura deskritta fil-premessi 49 u 50 tar-Regolament provviżorju. Minn dan isegwi li dawn ma humiex “spejjeż […] magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal […] sussidju” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Dawn l-ispejjeż lanqas ma huma “tariffi jew kostijiet […] imħallsa direttament lill-gvern” fis-sens tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji, għaliex, bħala spejjeż marbuta mat-termini tal-ipproċessar mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ammonti “mħallsa direttament” lill-imsemmi fond. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirreferu għat-terminu ta’ bejn il-kunsinna tal-bijodiżil u d-data li fiha tintbagħat il-fattur lil Pertamina jew AKR, minn naħa, u d-data tal-ħlasijiet, min-naħa l-oħra. Madankollu, id-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-ispejjeż tal-kreditu humiex neċessarjament magħmula għall-finijiet tal-kisba tas-sussidju għandha tkun mhux dik tal-kunsinna tal-bijodiżil jew li fiha tintbagħat il-fattur lil Pertamina jew AKR, iżda dik, sussegwenti, li fiha tintbagħat il-fattura lill-Fond, formalità neċessarja għall-kisba tal-ħlasijiet tal-Fond. Għalhekk, permezz ta’ tali argumenti, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li huma kienu esposti għal spejjeż ta’ kreditu għall-finijiet tal-ħlas tas-sussidju mill-Fond.

102    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi eskluż.

103    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma ġarrbu wkoll “kost li jirriżulta mit-tnaqqis applikat” sabiex jiksbu l-pagamenti mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li l-Kummissjoni kellha tnaqqas mill-ammont ta’ sussidju kumpensabbli.

104    Il-Kummissjoni twieġeb li r-rikorrenti ma ddikjarawx, matul l-investigazzjoni, li l-ammont tas-sussidju għandu jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur attwali tal-bijodiżil mibjugħ lil Pertamina u AKR. Mingħajr ma jindikaw li huma ressqu talba f’dan is-sens, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni neċessarja u, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, hija kellha tgawdi rwol iktar attiv u tikkunsidra li l-provi prodotti mill-partijiet interessati kienu jiġġustifikaw tnaqqis.

105    Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, meta parti titlob tnaqqis “hija għandha turi li t-talba tagħha hija ġustifikata”. Mill-fatti ta’ dan il-każ, esposti fil-punt 104 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux tali talba u lanqas ma pprovdew il-preċiżazzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward. Issa, fil-kuntest tat-tnaqqis tal-ispejjeż mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha l-Kummissjoni skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma naqqsitx l-ispejjeż fuq inizjattiva tagħha stess.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-argument għandu jiġi miċħud u, għalhekk, ir-raba’ parti kollha tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

107    Peress li l-argumenti kollha mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv ġew esklużi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talpunt 1(a)(iv) talArtikolu 3, talpunt 1(b) talArtikolu 3, talpunt 2 talArtikolu 3, talArtikolu 6(d) u talArtikolu 28(5) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ appoġġ talawtoritajiet pubbliċi għallprovvista taċCPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

108    It-tieni motiv huwa bbażat fuq tliet partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

 Fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(iv) talArtikolu 3 u talArtikolu 28(5) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta kkonkludiet li l-fornituri taċ-CPO kienu ġew inkarigati jipprovdu ċCPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata jew li kienu ġew ordnati jagħmlu dan

109    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani inkarigaw lill-fornituri taċ-CPO, jew ordnawlhom, jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, l-ewwel, permezz ta’ taxxa u ta’ dazju fuq l-esportazzjoni u, it-tieni, permezz ta’ “ffissar tal-prezzijiet” trasparenti mill-PTPN, produttur taċ-CPO li huwa kompletament proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fornituri Indoneżjani taċ-CPO ma huma suġġetti għal ebda forma ta’ theddid jew persważjoni li twassalhom ibigħu l-prodott tagħhom fis-suq domestiku għal prezzijiet inqas.

110    Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali skont il-ġurisprudenza tirrigwarda wkoll id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara l-punti 26 u 27 iktar ’il fuq).

111    L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li huwa meqjus li jeżisti sussidju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tiegħu jiġu ssodisfatti, jiġifieri li jkun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni u jekk b’hekk jingħata “benefiċċju”. Skont il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, teżisti “kontribuzzjoni finanzjarja” jekk l-awtoritajiet pubbliċi “jinkariga[w] […] korp privat biex iwettaq waħda jew iktar mit-tip ta’ funzjonijiet deskritti fil-punti (i), (ii) u (iii) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern” jew li “jidderiġ[uh li jagħmel dan], u l-prattika, fl-ebda sens, ma tkun differenti mill-prattiċi normali segwiti minn gvernijiet”.

112    Il-kunċetti ta’ “jinkariga” jew “jordna” ma humiex iddefiniti fir-Regolament bażiku.

113    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tifsira u l-portata ta’ kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19, u tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 52).

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sussidju” kumpensabbli.

115    B’mod iktar preċiż, l-għan tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” b’mod li minnu jiġu esklużi l-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni. Huwa f’din il-perspettiva li l-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jelenka sitwazzjonijiet konkreti li għandhom jitqiesu li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri t-trasferiment dirett jew indirett ta’ fondi, dħul pubbliku mitluf jew il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprevedi fit-tieni inċiż tiegħu li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat sabiex iwettaq wieħed jew iktar mit-tipi ta’ funzjonijiet hekk elenkati jew jordnawlu li jagħmel dan huwa ekwivalenti għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kontribuzzjoni finanzjarju fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 106).

116    F’dan il-kuntest, it-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa, essenzjalment, dispożizzjoni kontra l-evażjoni, li tfittex li tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jevadu r-regoli dwar is-sussidji billi jadottaw miżuri li fl-apparenza ma jaqgħux stricto sensu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, iżda, fil-prattika, għandhom effetti ekwivalenti (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 107). Din hija wkoll l-interpretazzjoni tal-Korp tal-Appelli tal-WTO tal-Artikolu 1.1(a)(1)(iv) tal-Ftehim SMK, li l-kontenut tiegħu huwa simili għal dak tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara r-Rapport tal-Korp tal-Appelli tal-WTO intitolat “L-Istati Uniti – Investigazzjoni dwar dazji kumpensatorji fuq is-semikondutturi għall-memorji dinamiċi b’aċċess każwali (DRAM) li joriġinaw mill-Korea”, adottat fis‑27 ta’ Ġunju 2005 (WT/DS 296/AB/R, punt 113), iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Korp tal-Appelli – ‘L-Istati Uniti – DRAM’”).

117    Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, il-kelma “tinkariga” tfisser “tassumi funzjoni jew pożizzjoni, tikkommetti, tiddelega, tippreskrivi”. Huwa għalhekk li l-ġurisprudenza interpretat din il-kelma, sabiex tiżgura effett utli sħiħ tat-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, bħala li tindika “kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tammonta, direttament jew indirettament, għall-għoti lil organu privat tar-responsabbiltà li jwettaq tip ta’ funzjoni bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) tal-imsemmi regolament” (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 108). Minn dan isegwi li l-kelma “tordna”, li skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti tfisser “tħeġġeġ, tikkmanda, tiddetta, tordna, tippreskrivi, issejjaħ”, tinkludi kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tikkonsisti, direttament jew indirettament, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom fuq organu privat sabiex dan iwettaq tip ta’ funzjoni bħal dawk previsti fil-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

118    Barra minn hekk, mill-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni li timmarka l-alternattiva “jew” bejn “tinkariga” u “tordna” jirriżulta b’mod ċar li dawn iż-żewġ azzjonijiet jistgħu jseħħu indipendentement minn xulxin, iżda wkoll flimkien. Minbarra dan, mill-qari tat-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li ma jillimitax in-natura jew l-għan tal-azzjoni li “tinkariga” jew li “tordna”, u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, li tieħu inkunsiderazzjoni “kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi”, jidher li din l-azzjoni ma għandhiex tkun neċessarjament ir-riżultat ta’ att jew miżura meħuda b’mod iżolat, iżda tista’ tkun ukoll ir-riżultat tal-effett magħqud ta’ diversi miżuri.

119    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi analizzata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li permezz ta’ miżuri bħal taxxa u dazju fuq l-esportazzjoni, il-kontroll de facto permezz tal-intervent ta’ PTPN tal-prezzijiet domestiċi taċ-CPO u l-għoti ta’ sussidji lill-produtturi taċ-CPO, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fittxew li jiksbu mill-produtturi taċ-CPO l-provvista ta’ dan il-prodott fis-suq Indoneżjan għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

–       Fuq ittaxxa u ddazju fuq lesportazzjoni

120    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li t-taxxa tal-esportazzjoni, li kienet iffissata għal żero matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u d-dazju fuq l-esportazzjoni, li kien taxxa intiża sabiex tiġġenera dħul u li kien iffissat għal żero fix-xahar ta’ Diċembru 2018, kellhom bħala effett li “jinkarigaw” lill-fornituri taċ-CPO jew li jordnawlhom jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

121    Mill-premessi 113 sa 117 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani imponew taxxa u dazju fuq l-esportazzjoni fuq iċ-CPO.

122    Skont il-premessi 87 u 88 tar-Regolament provviżorju, it-taxxa tal-esportazzjoni kienet ġiet stabbilita fl‑1994, u fil-verżjoni tagħha tal‑2016, hija kienet tikkonsisti fi skeda progressiva ta’ tariffi fuq iċ-CPO kif ukoll fuq prodotti oħra, inkluż il-bijodiżil (li kien konsistentement mogħti rata iktar baxxa miċ-CPO). L-esportaturi Indoneżjani kienu jħallsu taxxa marbuta mal-prezz ta’ referenza tal-awtoritajiet pubbliċi għall-esportazzjonijiet taċ-CPO. Għalhekk, meta l-prezz ta’ referenza tal-esportazzjoni ffissat mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani żdied, hekk ukoll għamlu d-dazji tal-esportazzjoni. Meta l-prezz ta’ referenza kien inqas minn USD 750 għal kull tunnellata, ir-rata tat-taxxa applikabbli fuq l-esportazzjoni kienet ta’ 0 %. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz taċ-CPO baqa’ taħt il-limitu ta’ USD 750 għal kull tunnellata u għalhekk ma kienet dovuta ebda taxxa tal-esportazzjoni.

123    Skont il-premessa 89 tar-Regolament provviżorju, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu wkoll stabbilixxew fl‑2015 dazju fuq l-esportazzjoni fuq iċ-CPO u l-prodotti downstream. Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, dan id-dazju kien iffissat għal USD 50 kull tunnellata għaċ-CPO u għal USD 20 kull tunnellata għall-bijodiżil.

124    Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fir-Regolament provviżorju, li l-konklużjonijiet tiegħu huma kkonfermati mir-Regolament ikkontestat (fil-premessi 102 sa 161), il-Kummissjoni wettqet analiżi bbażata fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-WTO.

125    Abbażi ta’ din l-analiżi, fil-premessi 111 sa 157 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset li l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li tirrigwarda l-produtturi taċ-CPO kienet azzjoni li “tinkariga” jew li “tordna” l-provvista tal-prodotti tagħhom lill-utenti nazzjonali għal remunerazzjoni inqas minn adegwata sabiex toħloq fl-Indoneżja suq domestiku taċ-CPO fejn il-prezzijiet kienu artifiċjalment baxxi. Imbagħad, fil-premessa 160 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni rrilevat li l-produtturi Indoneżjani taċ-CPO kollha għandhom jiġu kkunsidrati bħala organi privati u, fil-premessi 162 u 169 tal-istess regolament, li dawn l-impriżi kienu jipprovdu ċ-CPO fis-suq domestiku għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Fl-aħħar nett, fil-premessa 170 tal-istess regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provvista taċ-CPO mit-territorju Indoneżjan lill-industrija tal-bijodiżil Indoneżjana kienet funzjoni li normalment kienet vestita fl-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, fl-istess premessa, li taħt tali funzjoni kienet taqa’ d-determinazzjoni mill-gvern ta’ Stat, li kellu s-sovranità fuq ir-riżorsi naturali tiegħu, ta’ kundizzjonijiet regolatorji tal-provvista ta’ materja prima tal-pajjiż lill-impriżi ta’ dak il-pajjiż.

126    Permezz tal-analiżi inkwistjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, kif jirriżulta mill-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat, permezz tat-taxxa u tad-dazju fuq l-esportazzjoni, flimkien, kif jenfasizzaw il-premessi 103, 146 u 157 tar-Regolament ikkontestat, ma’ miżuri oħra, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu fittxew li jiksbu mill-produtturi taċ-CPO il-provvista taċ-CPO fis-suq Indoneżjan għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Fil-fatt, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi kienu stabbilixxew sistema ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni li kienet tirrendi l-esportazzjoni taċ-CPO kummerċjalment mhux attraenti.

127    Il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani ħasbu u imponew tali sistema joħroġ minn diversi elementi msemmija mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat u fir-Regolament provviżorju.

128    Għalhekk, fil-premessa 116 tar-Regolament provviżorju, ġie rrilevat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu rabtu direttament is-sistema tat-taxxi tal-esportazzjoni mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO, u mhux ma’ data oħra (bħal-livelli tal-produzzjoni jew l-impatt ambjentali) bil-għan li jkun hemm effett fuq il-prezzijiet imħallsa mill-produtturi‑esportaturi. Mit-Tabella 1 riprodotta f’din il-premessa jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani segwu l-iżvilupp tal-prezzijiet fil-livell internazzjonali u aġġustaw il-livell tat-taxxi tal-esportazzjoni skont dawn il-prezzijiet bir-riżultat tat-tnaqqis tal-profittabbiltà tal-esportazzjonijiet.

129    Fil-premessa 119 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-Direttorat Ġenerali Indoneżjan għad-Dwana u s-Sisa kien spjega pubblikament fl‑2015 li l-għan tad-dazji tal-esportazzjoni kien li jiżguraw id-disponibbiltà tal-materja prima u li jixprunaw it-tkabbir tal-industrija domestika taż-żejt tal-palm downstream, li l-manifattura tal-bijodiżil tifforma parti integrali minnha.

130    Għal dak li jirrigwarda d-dazju fuq l-esportazzjoni, fil-premessa 117 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni enfasizzat li l-impożizzjoni tiegħu fl‑2015 kien ikkoinċida ma’ perijodu fejn il-prezzijiet Indoneżjani kienu kważi identiċi għall-prezzijiet dinjija u kien ippermetta lill-produtturi tal-bijodiżil jixtru ċ-CPO bi prezzijiet inqas minn dawk li kienu normalment proposti. Barra minn hekk, fil-premessa 114 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni spjegat li dan id-dazju kien jiffinanzja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u fil-fatt kien jappoġġja esklużivament l-industrija tal-bijodiżil permezz tas-sussidji.

131    Fil-premessi 128 u 129, ir-Regolament ikkontestat isemmi wkoll żewġ artikli tal-istampa sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni li jikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-perijodu. B’hekk, fl-artiklu tad‑19 ta’ Diċembru 2018, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Indoneżjana taż-Żejt tal-Palm ippreveda li l-esportazzjonijiet taċ-CPO setgħu jiżdiedu ladarba d-dazju fuq l-esportazzjoni jitnaqqas għal żero. F’artiklu tas‑6 ta’ Diċembru 2018, analist indipendenti qies li t-tneħħija tad-dazju fuq l-esportazzjoni kienet ser iżżid il-kompetittività tal-esportaturi Indoneżjani tal-prodotti taż-żejt tal-palm permezz tal-iffrankar magħmul li l-biċċa l-kbira minnu x’aktarx imur lura għand il-bdiewa Indoneżjani permezz ta’ prezzijiet ogħla taċ-CPO domestiċi.

132    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat, li “s-sistema globali ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbilita mill-GOI hija mfassla biex tibbenefika l-industrija tal-bijodiżil billi żżomm il-prezzijiet domestiċi tas-CPO artifiċjalment baxxi”.

133    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-taxxa tal-esportazzjoni, li kienet iffissata għal żero matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ma setgħetx tippermetti li l-fornituri taċ-CPO jiġu inkarigati, jew ordnati, jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

134    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 122 u 128 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu rabtu direttament is-sistema ta’ taxxi tal-esportazzjoni mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO. Minn dan isegwi li l-fatt li t-taxxa tal-esportazzjoni kienet ta’ ammont null matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien dovut, kif tenfasizza l-premessa 113 tar-Regolament ikkontestat, għaċ-ċirkustanzi partikolari tas-suq. Fil-fatt, il-livell baxx tal-prezzijiet internazzjonali kien suffiċjenti fih innifsu sabiex jinkoraġġixxi lill-produtturi taċ-CPO jissodisfaw l-ewwel id-domanda domestika. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, kieku l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienet li ma jiġbrux iktar din it-taxxa, huma kienu jneħħuha. Barra minn hekk, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat, huwa l-effett magħqud tat-taxxa u tad-dazju fuq l-esportazzjoni (li kien miġbur matul il-perijodu ta’ investigazzjoni) li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, bħala sistema globali ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li kienet maħsuba għall-benefiċċju tal-industrija tal-bijodiżil billi żżomm il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO f’livell artifiċjalment baxx.

135    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li kull referenza tal-Kummissjoni għat-taxxa tal-esportazzjoni għandha tiġi injorata.

136    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi imponew id-dazju fuq l-esportazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani eżerċitaw is-setgħat ġenerali regolatorji tagħhom sabiex jiġġeneraw dħul mill-esportazzjonijiet ta’ komoditajiet li, minkejja li huma suġġetti għal dazju fuq l-esportazzjoni, baqgħu kompetittivi fis-swieq ta’ esportazzjoni.

137    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ammettiet, fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat, li, meta ddeċidew li jiffinanzjaw il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt permezz ta’ dazju fuq l-esportazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani eżerċitaw sempliċement is-setgħat ġenerali regolatorji tagħhom, deċiżjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala azzjoni li “tinkariga” jew li “tordna”. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-Rapport tal-Korp tal-Appelli “L-Istati Uniti – DRAM”.

138    Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottaw ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni inkwistjoni f’kuntest konkret fejn, minn naħa, it-taxxa tal-esportazzjoni kienet marbuta mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO u żdiedet meta dawn il-prezzijiet żdiedu u fejn, min-naħa l-oħra, id-dazju fuq l-esportazzjoni kien stabbilit matul perijodu fejn il-prezzijiet Indoneżjani kienu kważi identiċi għall-prezzijiet dinjija, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi rrestrinġew il-libertà ta’ azzjoni ta’ dawn l-impriżi billi fil-prattika llimitaw il-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu dwar is-suq li fih ibigħu l-prodotti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 124).

139    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-analiżi tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat, fejn, waqt li tindirizza aspett ieħor tal-kawża, jiġifieri l-eżistenza ta’ benefiċċju, hija tosserva l-fatt li “l-kumpaniji kollha involuti fil-katina tal-valur tas-CPO, inklużi l-produtturi tal-bijodiżil, huma mġiegħla jħallsu l-levy [tal-esportazzjoni] bis-saħħa ta’ regolament”, u kkonkludiet li huwa żbaljat li jiġi argumentat li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien iffinanzjat minn riżorsi privati, iżda li pjuttost kien iffinanzjat permezz “tal-attività normali ta’ ġbir ta’ dħul fiskali u pubbliku tal-GOI”.

140    Fil-fatt, u bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, din l-osservazzjoni tal-Kummissjoni ma tfissirx li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appelli tal-WTO ċċitata mir-rikorrenti, jiġifieri l-punt 115 tar-Rapport tal-Bord tal-Appelli “L-Istati Uniti – DRAM”, hija tat interpretazzjoni tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku “tant wiesgħa li tawtorizza lill-membri japplikaw miżuri kumpensatorji għal prodotti kull darba li l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw sempliċement is-setgħat ġenerali regolatorji tagħhom”.

141    F’dan il-każ, il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani stabbilixxew u aġġustaw ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni inkwistjoni b’mod kontinwu sabiex jiżguraw li l-għan li għandu jintlaħaq minn dawn ir-restrizzjonijiet jintlaħaq, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sempliċi inkoraġġiment lejn il-produtturi nazzjonali taċ-CPO. Għall-kuntrarju, dawn l-azzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani wasslu lil dawn il-produtturi jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq domestiku għal prezz inqas minn adegwat, konsegwenza li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “sempliċi konsegwenza mhux mistennija ta’ leġiżlazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens tal-punt 114 tar-Rapport tal-Korp tal-Appelli “L-Istati Uniti – DRAM” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 125).

142    Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

143    It-tieni, ir-rikorrenti jargumentaw li d-dokumenti u l-komunikazzjonijiet iċċitati mill-Kummissjoni fil-premessi 118 sa 121 tar-Regolament provviżorju insostenn tal-konstatazzjoni tagħha li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fittxew espliċitament għan strateġiku intiż sabiex jappoġġja u jiżviluppa l-industrija tal-bijodiżil, b’mod partikolari billi raw li jnaqqsu l-prezz taċ-CPO, jirrigwardaw it-taxxa tal-esportazzjoni, li kienet iffissata għal żero u konsegwentement ma kellhiex effetti fuq il-produtturi taċ-CPO, u mhux id-dazju fuq l-esportazzjoni. Skont ir-rikorrenti, iż-żewġ strumenti kienu distinti u l-għan tad-dazju fuq l-esportazzjoni kien li jiffinanzja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u mhux li jnaqqas il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO.

144    Dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament provviżorju. Fil-fatt, wara li fil-premessa 118 tal-imsemmi regolament iddikjarat li ċertu numru ta’ dokumenti kienu jindikaw l-għan strateġiku li għandu jintlaħaq mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, il-Kummissjoni ċċitat dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li jikkonċernaw it-taxxa u d-dazji tal-esportazzjoni (premessa 119) u r-rapporti tal-WTO u tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) li jikkonċernaw it-taxxa tal-esportazzjoni (premessi 120 u 121). Imbagħad, fil-premessa 122, il-Kummissjoni indirizzat l-analiżi tagħha lejn id-dazju fuq l-esportazzjoni u qieset li dan id-dazju, li kien allokat lill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, kellu l-għan li jappoġġja l-industrija tal-bijodiżil, bħala l-parti l-kbira tal-fondi tal-imsemmi fond. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat kemm it-taxxa kif ukoll id-dazju fuq l-esportazzjoni qabel ma waslet għal konklużjonijiet dwar l-għanijiet ta’ dawn ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li t-taxxa tal-esportazzjoni kienet iffissata għal żero matul il-perijodu ta’ investigazzjoni diġà ġew miċħuda fil-punt 134 iktar ’il fuq.

145    Il-fatt li, kif isostnu r-rikorrenti, id-dazju fuq l-esportazzjoni japplika wkoll għall-esportazzjonijiet tal-bijodiżil u li kien maħsub sabiex jappoġġja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma jistax jinvalida dawn il-kunsiderazzjonijiet. Minn naħa, mill-premessa 117 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li dan id-dazju kien sostanzjalment ogħla għaċ-CPO milli għall-prodotti rraffinati bħall-bijodiżil, u min-naħa l-oħra, il-fatt li d-dazju fuq l-esportazzjoni kien allokat lill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li min-naħa tiegħu kien responsabbli għall-ħlasijiet fil-kuntest tas-sistema esposta fil-punt 45 iktar ’il fuq jikkorrobora l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

146    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 u 27, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 123 tar-Regolament provviżorju li “l-objettiv tas-sistema ta’ limitazzjonijiet tal-esportazzjoni stabbilita mill-GTI [kien] fil-fatt li tappoġġa direttament u indirettament lill-industrija tal-bijodiżil u li dan [ma kienx] sempliċement ‘effett sekondarju’ tal-eżerċizzju tas-setgħat regolatorji ġenerali”, konklużjoni kkonfermata fil-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat.

147    It-tielet, ir-rikorrenti jargumentaw li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 115 tar-Regolament ikkontestat li tipprovdi li “l-introduzzjoni tal-levy tal-esportazzjoni fl‑2015 mill-GOI ħabtet ma’ perjodu fejn il-prezzijiet tas-CPO Indoneżjan kienu kważi identiċi għall-prezzijiet dinjija” hija purament konġetturali u ma turix li d-dazju fuq l-esportazzjoni kien ġie stabbilit sabiex inaqqas il-prezzijiet taċ-CPO, li żviluppaw kontinwament skont il-prezzijiet dinjija. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni żbaljat billi sostniet, fil-premessa 116 tar-Regolament ikkontestat, li d-dazju fuq l-esportazzjoni kien laħaq l-għan tiegħu, jiġifieri tnaqqis tal-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza bejn il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-CPO kienet tikkorrispondi għad-dazju fuq l-esportazzjoni ta’ USD 50 għal kull tunnellata. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-prezzijiet taċ-CPO fis-suq Indoneżjan kien spjegat minn kollass tas-suq dinji tal-komoditajiet.

148    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, li l-introduzzjoni tad-dazju fuq l-esportazzjoni kkoinċidiet ma’ tnaqqis tal-prezzijiet taċ-CPO fis-suq Indoneżjan u, min-naħa l-oħra, li ż-żieda fil-produzzjoni tal-bijodiżil ikkonstatata fit-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 192 tar-Regolament provviżorju implikat żieda fil-konsum domestiku taċ-CPO fl‑2016, kif inhu kkonstatat fil-premessa 117 tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, minn tabella ppreżentata mir-rikorrenti fir-replika jirriżulta li l-prezz taċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan naqas matul dan il-perijodu u li l-prezzijiet taċ-CPO Indoneżjani kienu bħala regola ġenerali inqas mill-prezzijiet dinjija.

149    Permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti jikkontestaw mhux l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet fattwali sostnuti mill-Kummissjoni, iżda l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti mill-imsemmija istituzzjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-politika tal-protezzjoni mis-sussidji ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu sabiex josserva jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    F’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwat id-data inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq l-għan li għalih kienet maħsuba s-sistema globali ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat, abbażi ta’ ġabra ta’ data, jiġifieri l-eżistenza ta’ taxxa u ta’ dazju fuq l-esportazzjoni, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, rapporti tal-WTO u tal-OCDE, iż-żieda tal-konsum domestiku taċ-CPO kif ukoll it-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ dan il-prodott fis-suq Indoneżjan wara l-introduzzjoni tad-dazju fuq l-esportazzjoni, li s-sistema globali ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni kienet maħsuba għall-benefiċċju tal-industrija tal-bijodiżil billi żżomm il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO f’livell artifiċjalment baxx, u dan għall-kuntrarju ta’ sempliċi effett sekondarju ta’ miżura pubblika intiża għall-ġbir ta’ dħul pubbliku.

151    Ir-raba’, ir-rikorrenti jsostnu li d-dazju fuq l-esportazzjoni ma kellux l-effett li jirrestrinġi l-esportazzjonijiet taċ-CPO, peress li l-produtturi taċ-CPO baqgħu dejjem jesportaw sa 70 % tal-produzzjoni tagħhom.

152    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li 70 % taċ-CPO Indoneżjan kien esportat ma jfissirx li l-produtturi taċ-CPO kienu f’pożizzjoni li jagħmlu liberament l-għażla razzjonali li jesportaw il-prodott tagħhom u jagħmlu minnu remunerazzjoni adegwata. Għall-kuntrarju, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-produtturi taċ-CPO ssodisfaw qabelxejn id-domanda domestika, li kienet tikkorrispondi għal 30 % tal-produzzjoni, skont sorsi pubbliċi msemmija fil-premessa 153 tar-Regolament ikkontestat, u huwa biss wara dan li bdew jirrikorru għall-esportazzjoni. Minn dan jirriżulta li dawn il-produtturi ma kinux qegħdin ifittxu li jesportaw proporzjon ikbar tal-produzzjoni tagħhom fejn il-prezzijiet kienu ogħla, għaliex il-benefiċċji addizzjonali potenzjali tal-esportazzjoni kienu limitati mir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni imposti mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

153    Peress li dan l-argument ġie miċħud, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

–       Fuq ilkontroll talprezzijiet minn PTPN

154    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani naqqsu l-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku permezz ta’ PTPN.

155    Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-premessi 91 sa 99 u 126 tar-Regolament provviżorju u mill-premessi 120 u 123 tar-Regolament ikkontestat, li, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-fornituri taċ-CPO u ta’ PTPN, il-Kummissjoni applikat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku u bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq id-data disponibbli.

156    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkonkludiet li PTPN iffissat il-prezzijiet taċ-CPO tagħha f’livell artifiċjalment baxx u ma aġixxietx bħala operatur razzjonali fis-suq. Huma jsostnu li PTPN, li tirrappreżenta biss minn 6 % sa 9 % tal-provvisti totali taċ-CPO fl-Indoneżja, ma ffissatx il-prezzijiet tagħha, peress li, minn naħa, dawn il-prezzijiet kienu ddeterminati permezz ta’ rkanti ta’ kuljum li jirriflettu l-offerta u d-domanda fl-Indoneżja u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-prezzijiet Indoneżjani taċ-CPO kienu inqas mis-swieq internazzjonali kien dovut għall-fatt li l-Indoneżja kienet il-produttur prinċipali taċ-CPO fid-dinja. Skont ir-rikorrenti, mill-informazzjoni kkomunikata minn tmien fornituri taċ-CPO kien jirriżulta li l-bejgħ ta’ CPO tagħhom kien profittabbli, li kien juri li kienu qegħdin isegwu l-prezzijiet ta’ PTPN għaliex kienu jqisuhom profittabbli u li dan ifisser ukoll li PTPN kienet taġixxi bħala operatur razzjonali.

157    F’dan ir-rigward, mill-premessi 128 sa 131 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li PTPN hija grupp ta’ kumpanniji kompletament pubbliċi, imqiegħed taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, li jipproduċi komoditajiet differenti, fosthom iċ-CPO.

158    Fil-premessi 132 u 133 tar-Regolament provviżorju, huwa spjegat, u dwar dan hemm qbil bejn il-partijiet, li PTPN kienet torganizza rkanti ta’ kuljum sabiex tbigħ iċ-CPO tagħha. Qabel ma tniedi l-proċess tal-offerti ta’ kuljum, PTPN kienet tidentifika “idea tal-prezz” għall-jum, iżda ma kinitx obbligata tirrifjuta offerti inqas minn din l-“idea tal-prezz”.

159    Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi ta’ data disponibbli sabiex tikkonkludi li PTPN iffissat il-prezzijiet taċ-CPO tagħha f’livell artifiċjalment baxx. L-ewwel, mill-premessa 151 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ PTPN dwar il-politika tariffarja tagħha. Fil-fatt, meta l-prezz offrut għax-xiri taċ-CPO kien inqas mill-“idea tal-prezz” stabbilita għal dak il-jum speċifiku, il-Bord tad-Diretturi ta’ PTPN, fejn kienu rrappreżentati biss l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, seta’ jiddeċiedi li jaċċetta l-offerta, kif kien jiġri regolarment. It-tieni, mill-premessa 125 tar-Regolament ikkontestat u mill-premessa 135 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-informazzjoni disponibbli kienet uriet li, billi ssegwi d-direttivi tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, PTPN kienet qiegħda tagħmel telf matul dawn l-aħħar snin. It-tielet, kif jirriżulta mill-premessi 122 sa 124 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma setgħet tikseb ebda prova li l-“idea tal-prezz” kienet tirrifletti kwalunkwe prezz tas-suq li jirriżulta minn proċess ta’ offerti kompetittivi. Għall-kuntrarju, il-prezz domestiku taċ-CPO kien inqas mill-kriterji kollha ta’ referenza internazzjonali.

160    Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 146 tar-Regolament provviżorju, PTPN tirrappreżenta biss minn 6 % sa 9 % tal-provvisti totali taċ-CPO fl-Indoneżja, minn fejn jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li x-xerrejja taċ-CPO, li huma impriżi kbar, kienu kapaċi jimponu l-prezzijiet tagħhom kemm fuq PTPN kif ukoll fuq fornituri żgħar taċ-CPO, skont il-liġi tal-provvista u tad-domanda.

161    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li s-suq huwa kkaratterizzat minn żbilanċ li jiffavorixxi x-xerrejja taċ-CPO, li huma impriżi kbar li għandhom “qawwa kumpensatorja tal-bejjiegħ”. Il-Kummissjoni ammettiet dan fil-premessa 146 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li, bl-intervent ta’ PTPN, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħu jimplimentaw mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 146 tar-Regolament provviżorju mingħajr ma kienet kontradetta, karatteristika oħra tas-suq taċ-CPO, din id-darba min-naħa tal-provvista, kienet il-frammentazzjoni tiegħu bejn numru kbir ta’ impriżi żgħar, b’mod partikolari, bdiewa individwali. F’tali kuntest, ladarba PTPN kienet tiffissa prezz għall-jum, kien diffiċli ħafna għall-fornituri taċ-CPO li kull wieħed kellu parti żgħira mis-suq li jiffissaw prezzijiet tal-bejgħ ogħla peress li x-xerrejja kellhom qawwa ta’ xiri sinjifikattiva. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-konfigurazzjoni tas-suq kienet tipprekludi li PTPN tiffissa l-prezzijiet. Għall-kuntrarju, jidher li din l-istruttura tas-suq kienet fattur li kien jippermetti lil PTPN tiffissa l-prezzijiet taċ-CPO.

162    Abbażi ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessi 124 u 125 tar-Regolament ikkontestat, abbażi tad-data disponibbli, li PTPN ma aġixxietx bħala operatur razzjonali fis-suq u ffissat il-prezz taċ-CPO f’livell inqas mill-kriterji ta’ referenza.

163    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 145 tar-Regolament provviżorju li “billi jagħmel pubbliku l-prezz unitarju ta’ kuljum tas-CPO, il-GTI effettivament jistabbilixxi prezz massimu li bih tinbiegħ il-komodità f’dak il-jum speċifiku”. Skont ir-rikorrenti, iċ-CPO huwa komodità nnegozjata fid-dinja kollha abbażi ta’ diversi indizji disponibbli b’mod wiesa’ u li ma huwiex anormali li l-prezz tagħha jsegwi xejriet speċifiċi u l-analiżi tal-Kummissjoni turi li s-suq Indoneżjan taċ-CPO huwa kompetittiv ħafna.

164    Mill-premessa 160 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, bl-intervent ta’ PTPN, kienu jaġixxu bħala stipulanti tal-prezzijiet fis-suq domestiku Indoneżjan u li l-fornituri indipendenti taċ-CPO kollha kienu jsegwu dawn l-indikazzjonijiet tal-prezz. Fil-fatt, qabelxejn, il-Kummissjoni stabbilixxiet, u r-rikorrenti ma jikkontestawx b’mod validu dawn il-konstatazzjonijiet, kif jirriżulta mill-punti 157 sa 159 iktar ’il fuq, li PTPN iffissat il-prezzijiet taċ-CPO tagħha f’livell artifiċjalment baxx. Imbagħad, il-Kummissjoni nnotat, fil-premessi 140 u 141 tar-Regolament provviżorju, li PTPN kienet dejjem tippubblika r-riżultat tal-offerti ta’ kuljum fuq pjattaforma online fit‑15.30 tal-istess jum tal-offerta, billi tindika l-prezz unitarju eżatt ta’ aġġudikazzjoni għaċ-CPO, u li n-negozjati ta’ kuljum, bejn il-fornituri taċ-CPO minbarra PTPN u x-xerrejja taċ-CPO, li fihom il-prezz tal-bidu kien jikkorrispondi għall-prezz ta’ kuljum iffissat minn PTPN, kienu ġeneralment iseħħu wara li jsiru magħrufa r-riżultati tal-offerti ta’ PTPN. Il-prezz ta’ kuljum taċ-CPO fis-suq domestiku kien jirrifletti strettament il-prezz ta’ aġġudikazzjoni tal-irkanti ta’ kuljum organizzati minn PTPN u, barra minn hekk, il-prezz unitarju mħallas mill-produtturi‑esportaturi lill-produtturi taċ-CPO li ma humiex tal-Istat, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien dejjem l-istess jew inqas mill-prezz ta’ PTPN għal dik il-ġurnata. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 138 tar-Regolament ikkontestat, dawn il-fatti seħħew f’kuntest fejn l-awtoritajiet pubbliċi kienu adottaw miżuri li jillimitaw il-possibbiltajiet tal-fornituri li jesportaw iċ-CPO tagħhom.

165    F’tali kuntest, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu eżerċitaw azzjoni li tinkariga jew tordna lill-fornituri taċ-CPO permezz ta’ “ffissar tal-prezzijiet” trasparenti minn PTPN, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq.

166    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku billi ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni li huma kienu pprovdewlha fir-rigward tal-azzjoni ta’ PTPN.

167    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku jawtorizza lill-istituzzjonijiet jużaw id-data disponibbli, sabiex ma tiġix kompromessa l-effettività ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni, kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċċjati b’rifjut jew b’nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries, C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62, punt 67), mingħajr madankollu ma jġegħelhom jużaw l-aħjar data disponibbli (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 94). Minn dan jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, hija eżerċitata wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

168    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, meta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jkunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari fuq l-informazzjoni pprovduta fl-ilment, din l-informazzjoni tiġi “vverifikata b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli […] jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni”, “fejn ikun prattikabbli u b’konsiderazzjoni għal-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni”.

169    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 155 iktar ’il fuq). Huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li huwa pprovdew matul l-investigazzjoni skont l-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku.

170    Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni, iżda l-evalwazzjoni tagħhom. L-elementi fattwali li huma jinvokaw, jiġifieri l-fatt li l-bejgħ ta’ tmien fornituri taċ-CPO marbuta mal-grupp Wilmar kien profittabbli u li ċ-CPO huwa komodità nnegozjata fid-dinja kollha abbażi ta’ indizji disponibbli b’mod wiesa’, ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

171    Fi kwalunkwe każ, in-neċessità li tiġi żgurata l-effettività ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali tiġġustifika wkoll, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, li l-imsemmija istituzzjonijiet ikunu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti, kif esposti fil-punti 158 sa 159 iktar ’il fuq, sabiex jikkonkludu l-provvista taċ-CPO għal prezz inqas minn adegwat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, u għalhekk, it-tieni lment kollu għandu jiġi miċħud.

–       Fuq lazzjoni li “tinkariga” jew li “tordna”

173    Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jippreżentaw serje ta’ argumenti sabiex juru li l-fornituri Indoneżjani taċ-CPO ma kienu suġġetti għal ebda forma ta’ theddida jew ta’ persważjoni li wasslithom ibigħu ċ-CPO fis-suq Indoneżjan bi prezzijiet inqas.

174    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jirrepetu xi argumenti li jirrigwardaw l-effetti tad-dazju fuq l-esportazzjoni li diġà ġew miċħuda fl-analiżi tal-ilmenti preċedenti. Fil-fatt, l-argumenti dwar l-effett tad-dazju fuq l-esportazzjoni, jiġifieri l-fatt li l-parti l-kbira tal-produzzjoni Indoneżjana taċ-CPO hija esportata, l-għażla tal-fornituri taċ-CPO li jbigħu fis-suq domestika jew dinji, l-effetti tad-dazju fuq l-esportazzjoni fuq il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO u r-relazzjoni bejn il-prezzijiet Indoneżjani taċ-CPO u l-prezzijiet dinjija, diġà ġew miċħuda fil-punti 136 sa 153 iktar ’il fuq.

175    Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni minn żewġ artikli tal-istampa ċċitati fil-premessi 153 u 154 tar-Regolament provviżorju billi jargumentaw li dan tal-aħħar ma stabbilixxiex rabta kawżali bejn l-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani lill-industrija taċ-CPO u l-allegazzjonijiet li dan l-appoġġ kien użat sabiex jipperswadihom jipprovdu ċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Skont ir-rikorrenti, l-artikli inkwistjoni kienu jirrigwardaw l-appoġġ ta’ operaturi żgħar mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, intiż li jilħaq, f’termini ta’ volum u mhux ta’ prezz, iż-żieda tal-konsum taċ-CPO. Ma kienet teżisti ebda forma ta’ persważjoni, u lanqas theddid, intiżi sabiex dawn il-volumi taċ-CPO jkunu pprovduti għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

176    Dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament provviżorju. Iż-żewġ artiklu tal-istampa inkwistjoni kienu intiżi li juru, kif targumenta l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u fil-premessa 153 tar-Regolament provviżorju, li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu jintervjenu b’mod proattiv fis-suq taċ-CPO sabiex jinkoraġġixxu lill-fornituri taċ-CPO jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija lilhom u kienu jagħtu għal dan il-għan sussidji sabiex jiżguraw li l-produtturi taċ-CPO ma jiġux affettwati b’mod negattiv waqt l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni tispjega li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani jappoġġjaw lill-produtturi taċ-CPO essenzjalment fl-interess tal-produtturi tal-bijodiżil. Barra minn hekk, dawn is-sussidji ma kinux ġew ikkunsidrati b’mod iżolat mill-Kummissjoni, iżda bħala parti mill-miżuri kollha li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi kienu jinkoraġġixxu lill-produtturi taċ-CPO jbigħu l-prodotti tagħhom lokalment bi prezzijiet inqas minn dawk li kieku kienu jitolbu (premessa 162 tar-Regolament provviżorju).

177    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv kollha għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(b) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni meta kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw iddħul talprodutturi talbijodiżil

178    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat li kien jeżisti appoġġ għad-dħul u għall-prezzijiet favur il-produtturi tal-bijodiżil fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

179    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-eżistenza ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani esposti mill-Kummissjoni fil-premessi 188 sa 190 tar-Regolament provviżorju, li l-konklużjoni tagħhom kienet ikkonfermata mill-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat, iżda l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet”, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

180    Peress li din l-espressjoni ma hijiex iddefinita fir-Regolament bażiku, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 113 iktar ’il fuq, hija għandha tiġi interpretata skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih hija użata u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti.

181    L-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sussidju” li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju. B’mod iktar preċiż, il-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-punt (a), li huwa meqjus li jeżisti sussidju meta jkun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja”, “jew”, fil-punt (b), jekk jeżisti “xi tip ta’ appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994”. Minn dan jirriżulta li l-għan tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jipprevedi forma alternattiva ta’ sussidju għal dik prevista fil-punt (a), kif jindika b’mod ċar l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni li timmarka l-alternattiva “jew” sabiex jitwessa’ l-perimetru ta’ din id-dispożizzjoni.

182    Din id-dispożizzjoni hija użata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ sussidju u tirreferi espressament għall-Artikolu XVI tal-GATT għall-interpretazzjoni tagħha, minn fejn tirriżulta r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni diskrezzjonali tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-GATT u tal-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-artikolu jirreferi għal “kwalunkwe sussidju inkluża kwalunkwe forma ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet, li jopera direttament jew indirettament sabiex iżid l-esportazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott mit-territorju tiegħu, jew biex inaqqas l-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott fit-territorju tiegħu”. Minn dan jirriżulta li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-“appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet” huwa forma ta’ sussidju u li din id-dispożizzjoni tiffoka fuq l-effetti ta’ dan is-sussidju fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet.

183    Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, il-kelma “appoġġ” tfisser l-“għajnuna”, is-“sostenn”, il-“protezzjoni”, l-“eżenzjoni” jew is-“sapport” u l-azzjoni ta’ “appoġġjar” tfisser “li jżomm, li jġorr, li jsostni” jew “jgħin, isostni, jinkoraġġixxi, jappoġġja”. Mill-formulazzjoni tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-Artikolu XVI tal-GATT, jirriżulta li din l-azzjoni tista’ tieħu “xi forma” jew “kwalunkwe forma”, formulazzjoni li tħalli miftuħa l-“apparenza”, l-“aspett”, il-“konfigurazzjoni” jew il-“mod jew il-manjiera ta’ kif wieħed jaġixxi jew jipproċedi”. Għalhekk, l-espressjoni “appoġġ għad-dħul u għall-prezzijiet” għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li twassal, direttament jew indirettament, sabiex iżżomm l-istabbiltà tad-dħul jew tal-prezzijiet jew sabiex tipprovoka ż-żieda tagħhom. Ir-riferiment mill-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku għall-Artikolu XVI tal-GATT jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ta’ din l-azzjoni fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet.

184    F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet fir-Regolament provviżorju, li l-konklużjonijiet tiegħu huma kkonfermati mill-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni sostniet li, permezz ta’ sett ta’ miżuri, jiġifieri sistema ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni taċ-CPO, l-iffissar de facto tal-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku f’livell artifiċjalment baxx u sussidji diretti lill-produtturi taċ-CPO sabiex jinkoraġġuhom jikkonformaw ruħhom mal-għanijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, ikkunsidrati fil-kuntest iktar wiesa’ tal-promozzjoni tal-iżvilupp tal-industrija tal-bijodiżil, b’mod partikolari bil-preskrizzjonijiet ta’ taħlit obbligatorju kif ukoll bl-istabbiliment tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt għall-benefiċċju tal-produtturi tal-bijodiżil, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kellhom l-intenzjoni li jintervjenu fis-suq sabiex jiżguraw riżultat partikolari, jiġifieri li l-produtturi tal-bijodiżil jibbenefikaw minn prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-provvista tagħhom taċ-CPO, materja prima li tirrappreżenta madwar 90 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom.

185    Fil-premessa 191 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu kkontribwixxew għad-dħul magħmul mill-produtturi tal-bijodiżil billi ppermettew li jkollhom aċċess għall-materja prima u għall-element ta’ spiża prinċipali tagħhom bi prezz inqas minn dak tas-suq dinji, li mbagħad kien tradott fi profitti artifiċjalment ogħla li jirriżultaw prinċipalment mill-esportazzjonijiet lil swieq terzi. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll żieda qawwija tal-esportazzjonijiet tal-bijodiżil fl‑2018, kif jirriżulta mit-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 192 tar-Regolament provviżorju. Din l-analiżi kienet ikkonfermata kollha mir-Regolament ikkontestat (ara l-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat).

186    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet hija kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-WTO, jiġifieri l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Iċ-Ċina – Dazji Kumpensatorji u Dazji Antidumping fuq l-Azzar Elettriku Rromblat Ċatt Orjentat fuq Fili li Joriġina mill-Istati Uniti”, adottat fil‑15 ta’ Ġunju 2012 (WT/DS 414/R). B’mod iktar partikolari, huma jinvokaw il-punt 7.85 ta’ dan ir-rapport fejn ġie sostnut li “l-espressjoni ‘appoġġ għall-prezzijiet’ ma tinkludix kwalunkwe intervent tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jkollu effett fuq il-prezzijiet, bħad-dazji doganali u r-restrizzjonijiet kwantitattivi”, u li, “[b]’mod partikolari, ma jidhirx b’mod ċar li [l-Artikolu 1.1(a)(2)] kien intiż sabiex jinkludi kull forma ta’ miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li barra minn hekk ma jikkostitwixxux kontribuzzjoni finanzjarja, iżda li jista’ jkollhom effett indirett fis-suq, inkluż fuq il-prezzijiet”.

187    Bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-Bord iddeċieda dwar ftehimiet ta’ awtolimitazzjoni li jirrestrinġu l-importazzjonijiet tal-azzar fl-Istati Uniti, li huwa qies li kellhom biss effett sekondarju aċċessorju, ta’ importanza każwali, fuq il-prezzijiet. Huwa kkunsidra li l-frażi “kwalunkwe forma ta’ […] appoġġ […] għall-prezzijiet” li tinsab fl-Artikolu 1(1.1)(a)(2) tal-Ftehim SMK ma kellhiex portata daqstant wiesgħa li tinkludi tali ftehimiet. Għaldaqstant, dik it-tilwima ma kinitx tirrigwarda sett ta’ miżuri li kellhom l-istess għan u l-istess natura bħal dawk eżaminati mir-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari, ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni speċifiċi u ffissar de facto tal-prezzijiet permezz ta’ impriża li tappartjeni kompletament lill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

188    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, billi jirreferu għal diversi premessi tar-Regolament provviżorju, li kkonkludiet, b’mod żbaljat, minn naħa, li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kellhom l-intenzjoni jippromwovu l-użu tal-bijodiżil fl-Indoneżja permezz ta’ tnaqqis tal-prezzijiet taċ-CPO u, min-naħa l-oħra, li kienu jeżistu sett ta’ miżuri intiżi sabiex jappoġġjaw l-industrija tal-bijodiżil u li juru l-eżistenza ta’ appoġġ għad-dħul.

189    Fir-rigward tal-ewwel punt, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-provi użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li jappoġġjaw l-industrija nazzjonali tal-bijodiżil, iżda l-fatt li dawn il-provi jirrigwardaw l-intenzjoni tal-imsemmija awtoritajiet pubbliċi li jagħtu dan l-appoġġ billi jnaqqsu l-prezzijiet taċ-CPO.

190    Issa, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament provviżorju. Fil-fatt, minn naħa, it-taxxa u d-dazji tal-esportazzjoni msemmija fil-premessa 182 tar-Regolament provviżorju huma fost il-miżuri li ppermettew lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-fornituri taċ-CPO kienu inkarigati jipprovdu ċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata jew li kienu ordnati jagħmlu dan (ara l-punti 121 sa 132 iktar ’il fuq). L-istess kunsiderazzjoni hija valida għall-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, imsemmi fil-premessa 186 tar-Regolament provviżorju u li kien iffinanzjat mid-dazju fuq l-esportazzjoni taċ-CPO u d-derivattivi tiegħu (premessa 117 tar-Regolament provviżorju). Min-naħa l-oħra, mill-qari tar-Regolament provviżorju jidher li l-Kummissjoni l-ewwel stabbilixxiet l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li jappoġġjaw l-industrija nazzjonali tal-bijodiżil fil-premessi 182 sa 186, qabel ma esponiet, fil-premessi 188 sa 190, l-istrumenti differenti li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu jintervjenu fis-suq taċ-CPO sabiex ikabbru l-iżvilupp tal-industrija tal-bijodiżil.

191    Mill-premessi mfakkra fil-punt preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li jiżviluppaw l-industrija tal-bijodiżil billi jintervjenu fis-suq taċ-CPO u li dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

192    Fir-rigward tat-tieni punt, ir-rikorrenti jirreferu, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom relatati mas-sett ta’ miżuri intiżi sabiex jappoġġjaw l-industrija tal-bijodiżil, għall-argumenti tagħhom imressqa fil-kuntest tal-parti preċedenti. Peress li l-ewwel parti tat-tieni motiv ġiet miċħuda, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

193    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif dan is-sett ta’ miżuri kellu direttament jew indirettament l-effett li jżid l-esportazzjonijiet ta’ prodott li joriġina mit-territorju tal-Indoneżja jew li jnaqqas l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott fit-territorju tagħha, kif jeħtieġ l-Artikolu XVI tal-GATT. Mid-data tat-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 192 tar-Regolament provviżorju jirriżulta, l-ewwel, li l-esportazzjonijiet Indoneżjani tal-bijodiżil kienu naqsu kunsiderevolment bejn l‑2015 u l‑2018 u, it-tieni, li kien iktar probabbli li dan is-sett ta’ miżuri kien naqqas l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil, għaliex kien jiffavorixxi l-konsum domestiku, filwaqt li l-miżuri li allegatament kellhom effett fuq iċ-CPO kienu l-istess għall-produtturi tal-bijodiżil, kemm jekk jesportaw u kemm jekk le.

194    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi enfasizzat, bħall-Kummissjoni fil-premessa 193 tar-Regolament provviżorju, li d-data tat-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 192 tal-imsemmi regolament tindika li l-esportazzjonijiet Indoneżjani tal-bijodiżil naqsu kunsiderevolment matul il-perijodu li fih kienu jeżistu miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni (bejn ix-xahar ta’ Novembru 2013 u x-xahar ta’ Marzu 2018), biex imbagħad jerġgħu jibdew fl‑2018 b’żieda ta’ 847.59 % meta mqabbla mas-sena 2017 (ara l-premessi 281, 282, 322 u 323 tar-Regolament provviżorju). Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 193, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni kien akkumpanjat minn żieda tal-inventarji.

195    It-tieni, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 191 tar-Regolament provviżorju, il-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani jippermettu lill-produtturi tal-bijodiżil li jkollhom aċċess għall-materja prima u għall-element ta’ spiża prinċipali tagħhom bi prezz inqas minn dak tas-suq dinji, li jiġi tradott imbagħad fi profitti artifiċjalment ogħla li jirriżultaw prinċipalment minn esportazzjonijiet lejn swieq terzi. Barra minn hekk, il-fatt li l-mandat ta’ taħlit kellu l-missjoni li jżid il-konsum domestiku tal-bijodiżil ma jikkontestax il-konklużjoni li l-miżuri kollha introdotti mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, inkluż it-trasferiment dirett ta’ fondi mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, kellhom effetti fuq l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil.

196    Għaldaqstant, dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

197    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-miżuri implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħu jiġi kklassifikati bħala appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet għall-benefiċċju tal-produtturi tal-bijodiżil.

 Fuq ittielet parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 tal-Artikolu 3 u talArtikolu 6(d) tarRegolament bażiku kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni fiddeterminazzjoni talbenefiċċju mogħti lillprodutturi talbijodiżil

198    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ benefiċċju u billi użat prezzijiet ta’ referenza żbaljati għall-kalkolu tal-imsemmi benefiċċju, il-Kummissjoni kisret il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku.

199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li huwa meqjus li jeżisti sussidju fejn ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” jew “appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet” tal-awtoritajiet pubbliċi u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju” mogħti. Fir-rigward ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ oġġetti mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprevedi, essenzjalment, li din il-provvista tagħti benefiċċju jekk issir għal remunerazzjoni inqas minn adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 195 u 196).

200    L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi regoli sabiex jiġi ddeterminat, skont it-tip ta’ miżura kkonċernata, jekk din tistax titqies bħala “benefiċċju lir-reċipjent”. Skont dawn ir-regoli, jeżisti benefiċċju jekk, b’mod konkret, il-benefiċjarju rċieva kontribuzzjoni finanzjarja li tippermettilu jikseb kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li għalihom kellu aċċess fis-suq. B’mod partikolari, fir-rigward tal-provvista ta’ oġġetti, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprevedi li jeżisti benefiċċju biss jekk “l-għoti jsir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata”, “[l]-adegwatezza ta’ remunerazzjoni [hija] determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għoti jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kondizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ”. Minn dawn it-termini jirriżulta li d-determinazzjoni tal-“benefiċċju” tinvolvi paragun u li dan, peress li jfittex li jevalwa l-adegwatezza tal-prezz imħallas fil-konfront tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, bħala prinċipju fil-pajjiż tal-provvista, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-ispiża li tinvolvi, għall-benefiċjarju, ir-riċezzjoni tal-oġġett ipprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sa fejn huwa possibbli, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-benefiċċju għandu jippermetti li jirrifletti l-benefiċċju effettivament mogħti lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 208 sa 210).

201    F’dan il-każ, mill-premessi 170 u 171 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-eżistenza ta’ benefiċċju billi użat bħala prezz ta’ referenza għall-finijiet tal-paragun il-prezzijiet franki abbord (FAB) taċ-CPO esportat mill-Indoneżja lejn il-bqija tad-dinja, kif jinsabu fl-istatistiċi Indoneżjani dwar l-esportazzjonijiet, u li hija kkalkolat il-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju bħala l-addizzjoni tad-differenzi bejn dawn il-prezzijiet ta’ referenza taċ-CPO kkalkolati kull xahar, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u l-prezzijiet imħallsa għaċ-CPO mixtri fis-suq domestiku.

202    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-benefiċċju mogħti lill-produtturi tal-bijodiżil, sostniet punt ta’ paragun żbaljat sabiex tikkonkludi li ċ-CPO kien ipprovdut għal remunerazzjoni inqas minn adegwata fis-suq Indoneżjan.

203    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha ssostni bħala punt ta’ paragun, għall-analiżi tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni, il-prezzijiet mitluba fil-pajjiż, li kienu ddeterminati mis-suq.

204    Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet, u l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinvalidaw il-konklużjonijiet tagħha diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li l-prezzijiet taċ-CPO fis-suq Indoneżjan kienu ffissati minn PTPN u li l-“idea tal-prezz” proposta minn din tal-aħħar ma kienet tirrifletti ebda prezz tas-suq li jirriżulta minn proċess ta’ offerti kompetittivi (premessi 124 u 148 tar-Regolament ikkontestat).

205    Għaldaqstant, fid-dawl tad-distorsjoni tas-suq minħabba l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani (premessa 198 tar-Regolament provviżorju), il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, b’mod validu, fil-premessa 197 tar-Regolament provviżorju, li l-prezz tax-xiri taċ-CPO kellu jitqabbel ma’ parametru referenzjarju xieraq b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, b’tali mod li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

206    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huwa żbaljat li l-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan mal-prezzijiet domestiċi Malasjani u mal-prezzijiet tal-esportazzjoni Indoneżjani. B’mod partikolari, il-prezzijiet FAB tal-esportazzjoni kienu jinkludi d-dazju fuq l-esportazzjoni li ma kienx jaffettwa t-tranżazzjonijiet domestiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha twettaq aġġustamenti tal-prezz ta’ referenza sabiex tiżgura li l-punt ta’ referenza użat kien jirrifletti l-kundizzjonijiet li fihom iċ-CPO kien innegozjat f’kundizzjonijiet tas-suq.

207    Qabelxejn, kemm mill-premessa 182 tar-Regolament ikkontestat kif ukoll mill-premessa 198 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni ma użatx bħala prezz ta’ referenza l-prezzijiet Malasjani sabiex tiddetermina l-benefiċċju inkwistjoni. Il-fatt li, kif jinvokaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet domestiċi Indoneżjani taċ-CPO mal-prezzijiet Malasjani sabiex waslet għall-konklużjoni li l-prezz iffissat minn PTPN ma kienx ġust u li l-prezzijiet fis-suq domestiku fl-Indoneżja kienu inqas mill-prezz tas-suq, f’parti oħra tar-Regolament provviżorju (premessa 163), ma għandux effett fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-benefiċċju mogħti lill-produtturi tal-bijodiżil. Għalhekk, din l-allegazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

208    Imbagħad, mill-premessa 198 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet FAB taċ-CPO esportat mill-Indoneżja lejn il-bqija tad-dinja kienu jikkostitwixxu parametru referenzjarju xieraq, għaliex kienu ffissati skont il-prinċipji tas-suq liberu, kienu jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq fl-Indoneżja, u ma kienx fihom distorsjoni bl-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi u, għalhekk, kienu l-aħjar indikatur ta’ dak li kien ikun il-prezz domestiku Indoneżjan fl-assenza tad-distorsjoni minħabba l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. Għall-kuntrarju ta’ din l-analiżi, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li l-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan kienu distorti, il-prezz FAB tal-esportazzjoni ma huwiex prezz ta’ referenza validu, għaliex huwa stess ikun distort bir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni.

209    Dan l-argument għandu jiġi eskluż. Fil-fatt, il-fatt li l-prezz FAB taċ-CPO esportat mill-Indoneżja jinkludi l-effetti tad-dazju fuq l-esportazzjoni, kif tippreċiża l-Kummissjoni fil-premessi 173 u 181 tar-Regolament ikkontestat, ma jimplikax li dan il-prezz huwa distort. Għall-kuntrarju, peress li l-prezz taċ-CPO fis-suq domestiku kien inqas minn adegwat, minħabba sett ta’ miżuri fosthom it-taxxa u d-dazju fuq l-esportazzjoni u l-iffissar tal-prezzijiet minn PTPN, il-prezz taċ-CPO esportat, ladarba jitħallas id-dazju fuq l-esportazzjoni, kien jikkorrispondi, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, għall-prezz li l-bejjiegħa kienu joffru għall-esportazzjoni. Minkejja li d-dazju fuq l-esportazzjoni huwa wieħed mill-miżuri li bħala riżultat iġiegħlu lill-fornituri taċ-CPO jbigħu fis-suq domestiku għal prezzijiet inqas minn adegwati, huwa ma jirrendix il-prezz FAB Indoneżjan tal-esportazzjoni inadegwat bħala prezz ta’ referenza għall-kalkolu tal-benefiċċju. Fil-fatt, kif ġustament qieset il-Kummissjoni, dan il-prezz kien jippermetti, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku u fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 200 iktar ’il fuq, li jirrifletti, sa fejn huwa possibbli, il-benefiċċju effettivament mogħti lill-benefiċjarju.

210    Fl-aħħar nett, għandu jiġi eskluż ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha twettaq aġġustamenti tal-prezz ta’ referenza. Fil-fatt, l-ewwel, l-approċċ tar-rikorrenti li d-dazju fuq l-esportazzjoni kellu jitnaqqas diġà ġie miċħud fil-punt preċedenti. It-tieni, jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti jsostnu li kienu neċessarji aġġustamenti oħra tal-prezz ta’ referenza, huma baqgħu ma pproduċewx provi suffiċjenti li jindikaw liema huma dawn l-aġġustamenti u għaliex kienu neċessarji. Issa, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġi ġġustifikat l-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62).

211    It-tielet, ir-rikorrenti jinvokaw, insostenn tal-argument tagħhom, ir-Rapport tal-Bord tal-Appelli tal-WTO intitolat “Stati Uniti ‐ Miżuri Kumpensatorji fuq Ċerti Prodotti Ċatti tal-Azzar bil-Karbonju Rrumblati bis-Sħana mill-Indja”, adottat fit‑8 ta’ Diċembru 2014 (WT/DS 436/AB/R), fejn fil-punti 4.148 u 4.151 huwa sostnut li “determinazzjoni dwar jekk remunerazzjoni hijiex ‘inqas minn adegwata’ fis-sens tal-Artikolu 14(d) tippreżumi l-għażla ta’ kumparatur – jiġifieri prezz li jservi bħala punt ta’ referenza – li miegħu jitqabbel il-prezz mitlub mill-awtoritajiet pubbliċi għall-oġġetti inkwistjoni” u li dan il-punt ta’ referenza “għandu jkun ikkostitwit minn prezzijiet iddeterminati mis-suq għal oġġetti identiċi jew simili li jirrigwardaw, jirreferu jew huma marbuta mal-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti għall-oġġett inkwistjoni fil-pajjiż tal-provvista”. Għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, li l-konstatazzjonijiet hekk magħmula f’dan ir-rapport ma jikkontestawx l-analiżi tal-Kummissjoni esposta fil-punti 201, 205 u 208 iktar ’il fuq, li tirreferi wkoll għal prezz tas-suq disponibbli għall-istess prodott, fuq kollox fid-dawl tal-kunsiderazzjoni li tinsab fil-punt 4.155 tal-imsemmi rapport li jipprovdi li “[m]inkejja li l-analiżi tal-punti ta’ referenza tibda minn eżami tal-prezzijiet fil-pajjiż għall-oġġett inkwistjoni, ma jkunx xieraq li jintużaw dawn il-prezzijiet meta ma jkunux iddeterminati mis-suq”.

212    Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud u, għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv kollha għandha tiġi miċħuda.

213    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 8(8) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni billi kkonkludiet leżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għallindustrija talUnjoni

214    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija kkonkludiet l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni abbażi tal-premessa żbaljata li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni fraġli.

215    Il-Kummissjoni, sostnuta minn EBB, tirrifjuta dan il-motiv.

216    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 319 u 320 tar-Regolament ikkontestat, li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx ġarrbet dannu materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, anki jekk l-imsemmija industrija ma kinitx robusta. Madankollu, hija kkunsidrat li kienet teżisti, f’dan il-każ, theddida ta’ dannu materjali għall-imsemmija industrija.

217    Preliminarjament, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-kelma “dannu” bħala li tfisser, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, b’mod partikolari, dannu materjali kkawżat lil industrija tal-Unjoni jew theddida ta’ dannu materjali lil tali industrija, u li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett.

218    L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jirregola d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Din għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili u, min-naħa l-oħra, tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

219    L-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet issussidjati fuq l-industrija tal-Unjoni kkonċernata tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi rilevanti kollha li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija, inkluż il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew ta’ dumping fil-passat.

220    L-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku jippreċiża li għandha tintwera, bl-għajnuna tal-provi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ dannu mġarrab minn din l-industrija. B’mod partikolari, dan l-artikolu jipprevedi li tali prova timplika d-dimostrazzjoni li l-volum jew il-livelli tal-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom impatt fuq l-industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu, u li dan l-impatt huwa tali li jista’ jiġi kkunsidrat bħala materjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 49).

221    L-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku jirregola d-“determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu materjali”. Huwa jippreċiża li din id-determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew xi possibbiltà remota, u li l-bidla fiċ-ċirkostanzi li toħloq xi sitwazzjoni fejn is-sussidju jikkawża dannu għandha tkun prevedibbli b’mod ċar u imminenti. Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ dannu għanda tirriżulta b’mod ċar mill-fatti tal-każ. Jirriżulta wkoll li d-dannu li tiegħu jkun hemm theddida għandu jseħħ minnufih (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 54).

222    Din id-dispożizzjoni telenka b’mod mhux limitattiv il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2015:767, punt 44).

223    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu, bħal dik ta’ dannu, għandha tiġi stabbilita fid-data tal-adozzjoni tal-miżura antisussidji, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’dik id-data. Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiddeterminaw jekk iż-żieda imminenti tal-importazzjonijiet futuri ssussidjati tikkawżax dannu materjali għal din l-industrija, fl-ipoteżi fejn ebda miżura ta’ difiża kummerċjali ma tittieħed. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, id-data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punti 40 u 41).

224    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-eżami ta’ theddida ta’ dannu jippreżumi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni għandu, għaldaqstant, ikun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-istituzzjonijiet, ta’ data ta’ natura ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 53 u, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 149). B’mod partikolari, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 64).

225    Fl-aħħar nett, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, stabbilita fil-kuntest tal-analiżi ta’ dannu materjali kkawżat lil industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, tibqa’, bħala prinċipju, rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tat-theddida ta’ dannu materjali għal din l-industrija, fis-sens tal-Artikolu 8(8) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 42).

226    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipju li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 8(8) meta hija kkonkludiet, fil-premessa 360 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermata fil-premessa 405 tar-Regolament ikkontestat, li s-sitwazzjoni ekonomika fraġli tal-industrija tal-Unjoni setgħet tiġi aggravata mill-importazzjonijiet issussidjati kontinwi u imminenti tal-bijodiżil mill-Indoneżja, importazzjonijiet li kkostitwixxew, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

227    Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li hija wettqet żball billi qieset li l-industrija tal-Unjoni kienet fraġli, hija setgħet, fi kwalunkwe każ, tikkunsidra li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kellha tinbidel fil-futur qrib u twassal għal dannu materjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv tar-rikorrenti, li ma jikkontestax din il-parti tal-analiżi tat-theddida ta’ dannu materjali, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

228    Għandu jitfakkar li, filwaqt li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li “d-determinazzjoni tad-dannu” tinvolvi b’mod partikolari eżami oġġettiv tal-impatt tal-importazzjonijiet issussidjati fuq l-industrija tal-Unjoni, eżami li jinkludi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, l-evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji rilevanti kollha li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, dan l-eżami ma huwiex meħtieġ espliċitament mir-Regolament bażiku fir-rigward tal-analiżi ta’ theddida ta’ dannu, fis-sens tal-Artikolu 8(8) tiegħu. Madankollu, l-eżami tal-fatturi rilevanti li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ theddida ta’ dannu tidher neċessarja, għaliex tippermetti li jiġi indirizzat l-istat tal-industrija tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu l-istituzzjonijiet jistgħu jevalwaw, kif jeħtieġ l-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku, jekk, fil-preżenza ta’ importazzjonijiet imminenti ġodda, it-theddida ta’ dannu materjali fuq l-industrija tal-Unjoni timmaterjalizzax f’dannu materjali fil-każ li ma jiġux adottati miżuri ta’ difiża. Fi kliem ieħor, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk teżistix theddida ta’ dannu materjali fuq l-industrija tal-Unjoni, filwaqt li, skont id-definizzjoni, din l-industrija ma ġġarrabx dannu materjali attwali minkejja l-effetti ta’ importazzjonijiet issussidjati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, huwa neċessarju li jkunu jafu s-sitwazzjoni attwali ta’ din l-industrija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 31, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2015:767, punti 43 sa 48).

229    F’dan il-każ, kif jenfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, mill-premessa 360 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma hijiex nieqsa minn rabta mal-analiżi tat-theddida ta’ dannu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 58). Għalhekk, jekk jintlaqa’, it-tielet motiv jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali.

230    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 227 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud u għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv tar-rikorrenti.

231    Ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-indikaturi ekonomiċi tal-Unjoni ma tirrilevax sitwazzjoni ekonomika fraġli tal-industrija tal-Unjoni. Il-fatturi kollha, bl-eċċezzjoni tas-sehem mis-suq, tjiebu bejn l‑2015 u l-perijodu ta’ investigazzjoni u kien hemm biss tnaqqis żgħir tal-bejgħ bejn is-sena sħiħa tal‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ssottomettew lill-Qorti Ġenerali tabella bl-analiżi tagħhom ta’ data li tirrappreżenta s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju.

232    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jieħdu inkunsiderazzjoni data ppreżentata mill-Kumissjoni li tirrigwarda mhux biss il-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda wkoll “il-perijodu kkunsidrat” kollu, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 13 tar-Regolament provviżorju). Skont il-ġurisprudenza, l-idea wara l-istabbiliment ta’ “perijodu kkunsidrat” hija li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina perijodu itwal minn dak kopert mill-investigazzjoni proprja, b’mod li tibbaża l-analiżi tagħha fuq xejriet reali u virtwali, li sabiex jiġu identifikati jeħtieġu żmien suffiċjentement twil (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 87, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 337).

233    Sabiex waslet għall-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx robusta matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi fil-premessi 309 sa 340 tar-Regolament provviżorju u kkonfermat din l-analiżi fil-premessi 279 sa 317 tar-Regolament ikkontestat li fih hija eżaminat ukoll, fil-premessi 321 sa 341, indikaturi ekonomiċi sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

234    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, l-ewwel, ir-rikorrenti jargumentaw li l-produzzjoni tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċitajiet żviluppaw b’mod pożittiv bejn l‑2015 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

235    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mit-Tabella 3 riprodotta fil-premessa 268 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, wara żieda bejn l‑2015 u l‑2017, il-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet kważi stabbli bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (żieda żgħira minn 13 071 053 għal 13 140 582 tunnellata għal indiċi stabbli ta’ 111), filwaqt li, f’dan l-istess perijodu, il-konsum tal-Unjoni żdied, kif jirriżulta mit-Tabella 4 riprodotta fil-premessa 271 tar-Regolament provviżorju (minn 14 202 128 għal 15 634 102 tunnellati, żieda ta’ 10.08 %). Minn dan jirriżulta li l-produzzjoni tal-Unjoni ma segwietx iż-żieda tal-konsum tal-Unjoni, u għalhekk id-domanda. Barra minn hekk, mit-Tabella 8 riprodotta fil-premessa 309 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet ftit bejn l‑2015 u l‑2016 (minn 16 009 878 għal 16 561 814‑il tunnellata) u bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 16 594 853 għal 17 031 230 tunnellata), filwaqt li l-użu ta’ dawn il-kapaċitajiet, wara li żdied fl‑2015, fl‑2016 u fl‑2017, naqas ftit bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

236    Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 310 tar-Regolament provviżorju, li ż-żieda tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet kunsiderevolment inqas minn dik tad-domanda peress li l-imsemmija industrija setgħet tibbenefika mit-tkabbir tas-suq sa ċertu punt limitat ħafna minħabba ż-żieda sinjifikattiva fl-importazzjonijiet issussidjati, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

237    Peress li din il-konstatazzjoni tikkorrispondi għad-data analizzata u hija ta’ natura li ssostni l-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni delikata, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

238    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-volum tal-bejgħ żdied.

239    Madankollu, mit-Tabella 9 riprodotta fil-premessa 314 tar-Regolament provviżorju jirriżulta b’mod ċar li, minkejja li l-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni żdied bejn l‑2015 u l‑2017, dan il-bejgħ naqas bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, perijodu li jikkorrispondi, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 317 tar-Regolament provviżorju, għat-tneħħija tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

240    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-industrija tal-Unjoni żammet sehem għoli mis-suq, bejn 81 % u 95 %.

241    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 9 riprodotta fil-premessa 314 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinjifikattiv bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 91.6 % għal 81.5 %). Fil-premessa 317 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tispjega, u r-rikorrenti ma jikkontestawx b’mod validu dan il-punt bl-argument tagħhom ibbażat fuq ir-rwol tal-importazzjonijiet mill-Arġentina (ara l-punti 285 sa 293 iktar ’il quddiem), li dan it-tnaqqis huwa spjegat bit-tneħħija tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Indoneżja li biddlet is-sitwazzjoni tas-suq f’Marzu 2018, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fid-dawl ta’ din id-data, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

242    Ir-raba’, ir-rikorrenti jargumentaw li l-impjieg u l-produttività kienu qegħdin juri xejriet pożittivi.

243    Fil-fatt, mit-Tabella 10 riprodotta fil-premessa 319 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li n-numru ta’ impjegati tal-industrija tal-Unjoni żdied ftit bejn l‑2015 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (bi 78 impjegat). Madankollu, il-produttività naqset bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 4 782 tunnellata għal kull impjegat għal 4 625 tunnellata għal kull impjegat). Minn dan jirriżulta li ż-żieda żgħira tan-numru ta’ impjegati ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-indikaturi makroekonomiċi kollha. Fil-fatt, skont l-ġurisprudenza, jekk l-eżami tal-istituzzjonijiet għandu jwassal għall-konklużjoni li t-theddida ta’ dannu hija materjali, ma huwiex meħtieġ li l-fatturi u l-indizji ekonomiċi rilevanti kollha jkunu juru xejra negattiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Minn dan isegwi li dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

245    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, l-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni u l-ispejjeż tal-produzzjoni ppreżentaw żvilupp parallel.

246    Għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, wara li żdiedu bejn l‑2015 u l‑2017, il-perijodu li matulu kienu jeżistu d-dazji tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja, il-prezzijiet naqsu minn EUR 832 għal kull tunnellata għal EUR 794 bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Mit-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju jirriżulta wkoll li l-ispiża tal-produzzjoni naqset minn EUR 827 għal kull tunnellata għal EUR 791 għal kull tunnellata bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, mid-data kollha ta’ din it-tabella jirriżulta, b’mod partikolari mit-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ, li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika minn dan it-tnaqqis tal-ispejjeż, għaliex hija kellha tgħaddi dan it-tnaqqis kollu fuq il-klijenti tagħha, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 328 tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

247    It-tieni, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ispiża lavorattiva medja għal kull impjegat żviluppat b’mod pożittiv.

248    Madankollu, mit-Tabella 12 riprodotta fil-premessa 330 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li din l-ispiża, wara li naqset kunsiderevolment bejn l‑2015 u l‑2016, baqgħet kważi stabbli bejn l‑2016 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi eskluż.

249    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-fluss tal-flus, il-profittabbiltà tal-bejgħ u r-redditu fuq l-investimenti żviluppaw b’mod pożittiv.

250    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 14 riprodotta fil-premessa 334 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-fluss tal-flus żdied bejn l‑2015 u l‑2017 (b’żieda qawwija bejn l‑2016 u l‑2017) biex imbagħad reġa’ waqa’ għal-livelli tal‑2016. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat żvilupp pożittiv, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti.

251    Għal dak li jirrigwarda r-redditu fuq l-investimenti, dan żdied kunsiderevolment bejn l‑2015 u l‑2016 biex imbagħad baqa’ relattivament stabbli (18 % fl‑2016, 16 % fl‑2017 u 17 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni). Issa, dawn l-iżviluppi, kif ukoll l-istabbilizzazzjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti indipendenti għal 0.8 % fl‑2017 u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni globali tal-industrija tal-Unjoni. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, din ir-rata ta’ profittabbiltà hija dgħajfa u ma hijiex suffiċjenti sabiex tiżgura s-sopravivenza ta’ industrija fuq żmien twil.

252    Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni miċ-ċifri li jirrigwardaw il-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.

253    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-awtorizzazzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, id-data ta’ wara perijodu ta’ investigazzjoni hija ġġustifikata fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom bħala għan mhux il-konstatazzjoni ta’ dannu iżda d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu li, min-natura tagħha, timplika analiżi prospettiva. Din id-data tista’ għalhekk tintuża sabiex tikkonferma jew tinvalida l-previżjonijiet li jinsabu fir-regolament tal-Kummissjoni li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju u tippermetti, fl-ewwel ipoteżi, li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv. Madankollu, l-użu, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tad-data ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma jistax jevita l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 41).

254    F’dan il-każ, il-Kummissjoni studjat, fil-premessi 321 sa 341 tar-Regolament ikkontestat, id-data relatata mal-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2018 u x-xahar ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ wara l-investigazzjoni”) u kkonkludiet li, matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kompliet tiddeterjora.

255    Ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li din id-data hija inkompleta, jidher li, minn naħa, il-bejgħ u l-użu tal-kapaċitajiet baqgħu stabbli u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu iktar mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità, u b’hekk il-profittabbiltà tjiebet.

256    Issa, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament ikkontestat, li d-data tagħha ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li kemm il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-bejgħ naqas bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni (rispettivament minn 2 510 356 tunnellata għal 1 824 599 tunnellata u minn 2 524 646 tunnellata għal 1 871 962 tunnellata). Ir-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet naqset ftit ukoll (minn 82 % għal 80 %). Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-ispiża ta’ unità tal-produzzjoni naqset minn EUR 791 għal kull tunnellata għal EUR 760, il-prezz tal-bejgħ ta’ unità naqas ukoll b’EUR 4 għal kull tunnellata. Dan it-tnaqqis jibbilanċja t-tkabbir żgħir tal-profittabbiltà osservat li ma jistax jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li huma bbażati fuq l-elementi rilevanti kollha f’dan ir-rigward.

257    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinvalidaw l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għandhom jiġu miċħuda u, għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 8(5) u (6) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni billi kkonkludiet li limportazzjonijiet millIndoneżja kienu jheddu li jikkawżaw dannu lillindustrija talUnjoni u billi injorat limpatt talimportazzjonijiet millArġentina

258    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żewġ partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

259    Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, b’konformità mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 257). L-istess prinċipju japplika meta d-dazju kumpensatorju definittiv ikun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

260    Skont l-Artikolu 8(5) u (6) tar-Regolament bażiku, minn naħa, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu jeżaminaw jekk id-dannu li huma jridu jsostnu jirriżultax effettivament minn importazzjonijiet issussidjati. Din hija l-analiżi msejħa ta’ imputazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma għandhom jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra, b’tali mod li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-imsemmija importazzjonijiet. Din hija l-analiżi msejħa ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il‑Kunsill, T-160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata).

261    Dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponu ebda obbligu fuq l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-forma jew tal-ordni tal-analiżi ta’ imputazzjoni u ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni li għandhom iwettqu. Għall‑kuntrarju, dawn id‑dispożizzjonijiet jipprevedu li dawn l-analiżi għandhom jitwettqu b’tali mod li l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet issussidjati jkunu jistgħu jiġu separati u distinti mill‑effetti kkawżati minn fatturi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 38).

262    Kif diġà ppreċiżat il-qorti tal-Unjoni, l-għan tal-Artikolu 8(5) u (6) tar-Regolament bażiku, minn-naħa, huwa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jisseparaw u jiddistingwu l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet issussidjati minn dawk ta’ fatturi oħra, peress li jekk huma jastjenu milli jisseparaw u jiddistingwu l-impatt ta’ fatturi differenti, huma ma jistgħux jikkonkludu b’mod validu li l-importazzjonijiet issussidjati inkwistjoni kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li ma jagħtux lill-industrija tal-Unjoni protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 90; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 39, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Godrej Industries u VVF vs Il‑Kunsill, T‑6/12, EU:T:2013:408, punt 63).

263    Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod iktar partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, tirrigwarda b’mod partikolari l-kundizzjonijiet kollha ta’ determinazzjoni ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antisussidju, ir-rabta kawżali inkluża, u għalhekk huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni u fil-kawżi tad-dannu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑443/11, EU:T:2014:774, punti 323 sa 325).

264    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-analiżi ta’ imputazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 406 sa 415 tar-Regolament ikkontestat. Permezz tat-tieni parti, huma jikkritikaw l-analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, imwettqa fil-punti 416 et seq. tal-istess regolament.

 Fuq lewwel parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 8(5) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni meta hija kkonkludiet li limportazzjonijiet millIndoneżja kienu jheddu li jikkawżaw dannu

265    Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li kienet teżista rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja u t-theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

266    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tal-effett tal-importazzjonijiet issussidjati fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, hija eżerċizzju differenti minn dak intiż sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku hija intiża sabiex tistabbilixxi l-effett tal-importazzjonijiet issussidjati fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni. Din id-determinazzjoni tinvolvi eżami tar-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet issussidjati u dawk ta’ prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni. Id-determinazzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku hija intiża, min-naħa tagħha, sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu, ikkunsidrat kollu, tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, anki jekk dawn iż-żewġ determinazzjonijiet għandhom skop differenti, il-provi tal-eżistenza ta’ dannu, inkluż dawk relatati mal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ rabta kawżali, prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, teżisti relazzjoni bejn id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u, b’mod iktar ġenerali, tal-effett tal-importazzjonijiet issussidjati fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, u l-istabbiliment ta’ rabta kawżali, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 59 u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, taħt appell, T‑254/18, EU:T:2021:278, punt 363).

267    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali, fil-premessa 361 tar-Regolament provviżorju, iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, it-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-bijodiżil li joriġina mill-Indoneżja u l-fatt li dawn l-importazzjonijiet kienu waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Fil-premessa 362 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 407 tar-Regolament ikkontestat, hija osservat li din is-sitwazzjoni kienet wasslet għal telf ta’ ishma mis-suq għall-industrija tal-Unjoni minkejja żidiet tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet u l-fatt li din tal-aħħar ma setgħetx tkabbar il-marġni ta’ profitt mhux sodisfaċenti tagħha f’sitwazzjoni tas-suq altrimenti favorevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 265 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermata mill-premessa 415 tar-Regolament ikkontestat, li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil Indoneżjan issussidjati kienu jikkostitwixxu theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

268    Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indoneżja ma kinux kawża tal-vulnerabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u, għalhekk, li dawn l-importazzjonijiet ma setgħux jheddu li jikkawżaw dannu lil din l-industrija. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, l-analiżi rilevanti f’dan il-każ ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk l-importazzjonijiet mill-Indoneżja jikkostitwixxux kawża tas-sitwazzjoni vulnerabbli tas-sitwazzjoni tal-Unjoni, iżda l-kwistjoni dwar jekk dawn l-importazzjonijiet jikkostitwixxux theddida ta’ dannu materjali fil-futur qrib.

269    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li mid-data ppreżentata fit-tabelli riprodotti fir-Regolament provviżorju jirriżulta li ż-żieda tal-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, li kienet konsegwenza loġika tal-annullament tal-miżuri antidumping deċiżi illegali li kienu jinblokkaw l-importazzjonijiet Indoneżjani (ara l-punti 3 sa 6 iktar ’il fuq), kienet inqas importanti mit-tnaqqis tal-ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li jfisser li l-importazzjonijiet Indoneżjani sempliċement imlew vojt li ma kienx issodisfatt mill-industrija tal-Unjoni u li ma kienx jiġġustifika t-telf tal-ishma tas-suq mill-industrija tal-Unjoni.

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-data użata mill-Kummissjoni sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha. Għalhekk, hemm qbil bejn il-partijiet li l-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet ftit bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, minn 13 071 053 għal 13 140 852 tunnellata (Tabella 3 riprodotta fil-premessa 268 tar-Regolament provviżorju), filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied b’mod iktar sinjifikattiv fuq l-istess perijodu, minn 14 202 128 għal 15 634 102 tunnellati (Tabella 4 riprodotta fil-premessa 271 tar-Regolament provviżorju). Matul l-istess perijodu, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu minn 24 984 għal 516 088 tunnellata (Tabella 5 riprodotta fil-premessa 280 tar-Regolament provviżorju), jiġifieri żieda ta’ 1 965.67 % jew ta’ 491 104 tunnellati, u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas minn 13 004 462 għal 12 741 791 tunnellata (Tabella 9 riprodotta fil-premessa 314 tar-Regolament provviżorju), jiġifieri tnaqqis ta’ 262 671 tunnellata. Barra minn hekk, matul l-istess perijodu, l-industrija tal-Unjoni użat biss 77 % tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha (Tabella 8 riprodotta fil-premessa 309 tar-Regolament provviżorju).

271    Mid-data esposta fil-punt preċedenti jirriżulta li, minkejja żieda fil-konsum, u għalhekk tad-domanda, fis-suq tal-Unjoni, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fuq l-istess suq naqas minkejja l-eżistenza ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni mhux użati sinjifikattivi, filwaqt li, fl-istess ħin, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu b’ 1 965.67 %. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 263 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 407 tar-Regolament ikkontestat, li ż-żieda tal-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll it-twaqqigħ u t-tnaqqis tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kkawżati mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja ssussidjati kienu wasslu telf tal-ishma mis-suq għall-industrija tal-Unjoni minkejja żieda tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet, u kienu pprekludewha milli tibbenefika minn sitwazzjoni tas-suq altrimenti favorevoli.

272    Ir-rikorrenti jsostnu li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kinux ser jiżdiedu iktar fil-futur. L-ewwel, id-domanda tal-bijodiżil b’CFPP għoli kienet limitata. It-tieni, żewġ testi adottati reċentement kienu jillimitaw l-użu tal-PME fl-Unjoni: id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat‑13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU 2019, L 133, p. 1).

273    L-ewwel, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-konklużjonijiet tagħha dwar ir-relazzjoni kompetittiva tal-bijodiżil prodott fl-Unjoni u tal-bijodiżil mill-Indoneżja u l-fatt li dan tal-aħħar jeżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet (premessa 254 tar-Regolament ikkontestat). Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-Tabella 4 riprodotta fil-premessa 353 tar-Regolament ikkontestat, il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja għat-tliet trimestri tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni kien ikbar mill-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet għall‑4 trimestri tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

274    It-tieni, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 360 tar-Regolament ikkontestat, li l-effett tad-Direttiva 2018/2001 ma kienx prevedibbli u li “ma jaffettwax l-analiżi kurrenti tat-theddida tad-dannu li l-importazzjonijiet Indoneżjani joħolqu għall-industrija tal-Unjoni fil-futur qrib”. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva kienet adottata wara l-perijodu ta’ investigazzjoni u li, skont l-Artikolu 36(1) tagħha, it-terminu ta’ traspożizzjoni kien jiskadi biss fit‑30 ta’ Ġunju 2021. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(2) tal-imsemmija direttiva, il-limitazzjoni sħiħa tal-importazzjoni ta’ “bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art, prodotti minn għelejjel tal-ikel jew tal-għalf, li għalihom hija osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna għolja ta’ karbonju” ser tkun progressiva, sa mill‑31 ta’ Diċembru 2023, skont l-Artikolu 26(2) ta’ din l-istess direttiva.

275    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx rabta bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u l-problemi ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, mid-data ppreżentata fit-tabelli riprodotti fir-Regolament provviżorju jirriżulta li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni baqgħet pożittiva matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li ma hemmx korrelazzjoni bejn l-importazzjonijiet mill-Indoneżja u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Id-data tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni tikkonferma din l-assenza ta’ korrelazzjoni.

276    Fil-fatt, mit-Tabella 14, riprodotta fil-premessa 334 tar-Regolament provviżorju, jirriżulta li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni baqgħet stabbli matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (ta’ 0.8 %). Madankollu, kif jirriżulta mit-Tabella 3 riprodotta fil-premessa 329 tar-Regolament ikkontestat, matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni u wara żieda tal-profittabbiltà għal 10.8 % fir-raba’ trimestru tal‑2018, il-profittabbiltà naqset għal livelli inqas meta mqabbla mal-perijodu ta’ investigazzjoni, u anki għal livelli negattivi (-5 %) għat-tieni trimestru tal‑2019. Barra minn hekk, mit-Tabella 4 riprodotta fil-premessa 353 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu ogħla fl-ewwel u fit-tieni trimestri tal‑2019 meta mqabbla mar-raba’ trimestru tal‑2018 li matulu l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienet żdiedet.

277    Għalhekk, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet li kienet teżisti rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja u l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

278    Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 8(6) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni flanaliżi talimpatt talimportazzjonijiet talbijodiżil millArġentina

279    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni tagħha, tat-theddida ta’ dannu kkawżata mill-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina li kienu s-suġġett tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/244 tal‑11 ta’ Frar 2019 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina (ĠU 2019, L 40, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 86, p. 116).

280    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 260 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-analiżi tan-nuqqas ta’ imputazzjoni prevista fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha teskludi kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra, b’tali mod li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jkunx attribwit lil dawk li kienu s-suġġett ta’ sussidji.

281    Għal dan il-għan, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra kinux ta’ natura li tikser ir-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Hija għandha tivverifika wkoll jekk d-dannu attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra jiġix ikkunsidrat fid-determinazzjoni tad-dannu, għaliex, anki jekk fattur ieħor partikolari ma jistax jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet eżaminati u d-dannu lill-industrija ta-Unjoni, huwa jista’ jikkawża dannu awtonomu lill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li, minkejja tali fatturi, id-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet huwa materjali, konsegwentement tista’ tiġi stabbilita r-rabta kawżali bejn dawn l-importazzjonijiet u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punti 182 sa 185 u l-ġurisprudenza ċċitata).

282    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lill-importazzjonijiet issussidjati r-responsabbiltà ta’ dannu, anki jekk l-effetti tagħhom jirrappreżentaw biss parti minn dannu ikbar attribwibbli lil fatturi oħra. L-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji hija possibbli, anki jekk din tħalli s-sopravivenza tal-problemi li joħolqu fatturi oħra lill-industrija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il‑Kunsill, 277/85 u 300/85, EU:C:1988:467, punti 62 u 63; tad‑29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il‑Kunsill, T‑97/95, EU:T:1998:9, punti 99 sa 103, u tat‑28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il‑Kunsill, T‑160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punt 192). Għalhekk, sabiex teżisti rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati u d-dannu, jew it-theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, ma huwiex neċessarju li dawn l-importazzjonijiet ikunu l-kawża unika ta’ dan id-dannu.

283    F’dan il-kuntest, ma huwiex neċessarju li jiġi espost, jew li jiġu kkwantifikati jew ivvalutati, l-effetti preċiżi tal-fattur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy (China) et vs Il‑Kunsill, T‑160/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:125, punt 195; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, T‑300/03, EU:T:2006:289, punt 269).

284    Għandu jitfakkar ukoll li huma l-partijiet li jinvokaw l-illegalità tar-regolament kontenzjuż li għandhom jipproduċu l-provi ta’ natura li juru li dawn il-fatturi seta’ jkollhom effett ta’ tali importanza li l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni kif ukoll dik tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-importazzjonijiet suġġett ta’ dumping jew issussidjati ma humiex stabbiliti u għandhom, konsegwentement, jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, C‑13/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:780, punt 75, u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 28).

285    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, evalwat l-effetti tal-fatturi l-oħra li jistgħu jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-premessi 416 sa 460 tar-Regolament ikkontestat. F’dan il-kuntest, hija evalwat b’mod partikolari, fil-premessi 416 sa 420 tar-Regolament ikkontestat u 368 sa 370 tar-Regolament provviżorju, l-effetti tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina.

286    B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 368 tar-Regolament provviżorju, li l-importazzjonijiet mill-Arġentina kienu laħqu sehem mis-suq ta’ 2.8 % fl‑2017, u kienu żdiedu għal kważi 10 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda kienu suġġetti għal investigazzjoni li kienet wasslet għall-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv u għall-aċċettazzjoni ta’ offerti ta’ impenn fi Frar 2019. Għalhekk, fil-premessi 417 u 418 tar-Regolament ikkontestat, hija kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-Arġentina kienu parti minn theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, raġuni li għaliha l-Kummissjoni kienet imponiet miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet fi Frar 2019 u aċċettat impenji fuq il-prezzijiet, iżda li dan il-fatt ma jfissirx li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kinux jikkostitwixxu wkoll theddida ta’ dannu, b’mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ ta’ miżuri kontra l-importazzjonijiet mill-Arġentina.

287    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li ż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Arġentina kienet tliet darbiet iktar minn dik tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Arġentini kienu ferm iktar baxxi, li jfisser li kienu l-kawża prinċipali tat-theddida ta’ dannu. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu ta’ 516 088 tunnellata, jiġifieri sehem mis-suq ta’ 3.3 %, u matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni kienu ta’ 581 086 tunnellata, jiġifieri sehem mis-suq ta’ 5 %, sehem mis-suq li, skont il-Kummissjoni, fisser, skont il-premessa 466 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244, li kien improbabbli li dawn l-esportazzjonijiet ikunu l-kawża ewlenija tad-dannu fil-futur imminenti. Matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, is-sehem mis-suq tal-Arġentina naqas b’ 4.1 % filwaqt li dak tal-Indoneżja żdied b’ 1.7 %, dak tal-Malasja żdied b’ 0.9 %, dak taċ-Ċina baqa’ stabbli u dak tal-industrija tal-Unjoni żdied b’ 1.5 %. Il-prezzijiet tal-bijodiżil Indoneżjan baqgħu inqas mill-prezzijiet tal-bijodiżil Arġentin u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kibret.

288    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, barra minn hekk, il-Kummissjoni awtorizzat, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/245 tal‑11 ta’ Frar 2019 li taċċetta offerti ta’ impenn wara l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina (ĠU 2019, L 40, p. 71, rettifika fil-ĠU 2019, L 86, p. 117), importazzjonijiet ta’ madwar 10 % tal-medja annwali tal-konsum tal-Unjoni bejn l‑2014 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (li jikkorrispondi, skont ir-rikorrenti, għal 1 233 417-il tunnellata kull sena, jiġifieri iktar minn darbtejn mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja). Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-importazzjonijiet Arġentini ma kellhomx, bħala prinċipju, jaffettwaw l-prestazzjoni globali tal-industrija tal-Unjoni. Dawn l-importazzjonijiet jibqgħu, minkejja l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244, theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, għaliex jevitaw id-dazji kumpensatorji biss meta ma jaqbżux il-limitu ta’ 1 233 417-il tunnellata kull sena u meta josservaw prezz minimu ta’ importazzjoni. Mit-Tabelli 2 u 6 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-importazzjonijiet mill-Arġentina kienu jikkostitwixxu volumi ikbar minn dawk tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Arġentina matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kif stabbilit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244.

289    Permezz ta’ dawn l-argumenti kollha, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, l-ewwel, li l-importazzjonijiet mill-Arġentina jkomplu jkunu fattur ta’ theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni u li, it-tieni, fil-kuntest globali wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma jikkostitwixxux theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

290    Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-ewwel punt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 282 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lill-importazzjonijiet issussidjati r-responsabbiltà ta’ dannu, anki jekk l-effetti tagħhom jirrappreżentaw biss parti minn dannu ikbar attribwibbli lil fatturi oħra. L-importazzjonijiet issussidjati ma għandhomx neċessarjament ikunu l-unika kawża tad-dannu jew tat-theddida ta’ dannu. Għalhekk, il-persistenza ta’ theddida ta’ dannu marbuta mal-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina ma teskludix il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni, fir-Regolament ikkontestat, tal-eżistenza ta’ theddida oħra ta’ dannu, ikkawżata mill-importazzjonijiet Indoneżjani tal-bijodiżil.

291    Għal dak li jirrigwarda t-tieni punt, il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li l-importazzjonijiet mill-Arġentina ma kinux ta’ natura li jiksru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja u, min-naħa l-oħra, it-theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, għaliex l-importazzjonijiet mill-Arġentina kienu diġà s-suġġett ta’ miżuri kumpensatorji (premessa 418 tar-Regolament ikkontestat). Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll ġustament li, minkejja dawn l-importazzjonijiet, it-theddida ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet sinjifikattiva, u li r-rabta kawżali bejn dawn tal-aħħar u t-theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni setgħet tiġi stabbilita. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-Tabella 6 riprodotta fil-premessa 430 tar-Regolament ikkontestat, li d-data tagħha ma hijiex kkontestata mir-rikorrenti, matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, l-ishma mis-suq Arġentin u Indoneżjan kienu kważi l-istess (5.7 % u 5 % rispettivament), filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja (EUR 655 għal kull tunnellata) kienu inqas mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Arġentina (EUR 673 għal kull tunnellata). Din id-differenza fil-prezz bejn l-importazzjonijiet mill-Indoneżja u l-prezz tal-importazzjonijiet mill-Arġentina hija ta’ natura li ssostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-theddida ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienet sinjifikattiva minkejja l-eżistenza ta’ importazzjonijiet mill-Arġentina.

292    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrewx, kif għandhom jagħmlu skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 284 iktar ’il fuq, li l-importazzjonijiet mill-Arġentina seta’ jkollhom impatt ta’ tali importanza li l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Indoneżjani ssussidjati u t-theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni ma kinux stabbiliti.

293    Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 463 u 466 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244, jiġifieri li kien improbabbli li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja li kienu jikkorrispondu għal sehem mis-suq ta’ 5 % jkunu l-kawża ewlenija tad-dannu fil-futur imminenti, ma jistgħux jintlaqgħu. L-ewwel, dawn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jirrigwardaw perijodu ta’ investigazzjoni differenti, jiġifieri l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2017, li matulu l-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu għadhom fis-seħħ. It-tieni, is-sitwazzjoni nbidlet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, għaliex kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, l-effetti negattivi tal-importazzjonijiet mill-Arġentina kienu nnewtralizzati bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244 fi Frar 2019, li bidel is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni. It-tielet, il-Kummissjoni, billi rrilevat li kien improbabbli li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja jkunu l-kawża “ewlenija” tad-dannu fil-futur imminenti, ma eskludietx li dawn l-importazzjonijiet jistgħu jirrappreżentaw kawża ta’ dannu jew theddida ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

294    Minn dan jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-punti 280 sa 282 iktar ’il fuq u li hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Indoneżja u t-theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

295    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-inkoerenza tal-analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni hija enfasizzata mill-ġurisprudenza tal-korpi tal-WTO.

296    Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ rapporti tal-Bord tal-WTO. Dawn huma, minn naħa, ir-Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Iċ-Ċina – Miżuri Antidumping fuq l-Importazzjonijiet tal-Polpa tal-Karta mill-Kanada”, adottat fil‑25 ta’ April 2017 (WT/DS 483/R), fejn fil-punt 7.150 hemm iddikjarat dan li ġej:

“Iż-żieda tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li ma humiex suġġetti għal dumping, li kienu mibjugħa bi prezzijiet qrib għal dawk tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, ma kinitx eżaminata […] fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tagħha ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u d-dannu materjali. […] Madankollu, nistennew li awtorità responsabbli mill-investigazzjoni raġonevoli u oġġettiva teżamina tal-inqas, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rwol possibbli tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fit-tnaqqis tal-prezzijiet li l-[awtorità responsabbli mill-investigazzjoni] ikkonstatat li kien ikkontribwixxa sabiex jikkawża dannu materjali lill-industrija domestika”.

297    Min-naħa l-oħra, hemm ir-Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Stati Uniti – Miżuri Antidumping u Kumpensatorji fuq Ċerti Karti Miksija mill-Indoneżja”, adottat fis‑6 ta’ Diċembru 2017 (WT/DS 491/R), li, fil-punti 7.211 u 7.233 jenfasizza li:

“Sabiex nindirizzaw [il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni żguratx li ma tattribwixxix lill-importazzjonijiet issussidjati xi dannu (futur) li jista’ jkun ikkawżat minn ‘fatturi oħra’ allegati] ser neżaminaw jekk [l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni] tatx spjegazzjoni sodisfaċenti tan-natura u tal-importanza tal-effetti dannużi probabbli ta’ fatturi oħra, meta mqabbla mal-effetti dannużi probabbli tal-importazzjonijiet issussidjati, u jekk l-ispjegazzjonijiet […] jippermettulniex niddeterminaw li l-konklużjonijiet li hija siltet huma raġonevoli wkoll bħal dawk li tista’ tislet awtorità responsabbli mill-investigazzjoni imparzjali u oġġettiva fid-dawl tal-fatti u tal-argumenti ppreżentati […] [F]il-każ fejn fatturi oħra kkontribwixxew għall-vulnerabbiltà ta’ produzzjoni domestika, nistennew li l-effett futur probabbli ta’ dawn il-fatturi l-oħra jittieħed inkunsiderazzjoni u jiġi eżaminat mill-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat li ebda dannu futur probabbli li jirriżulta minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġi attribwit lill-importazzjonijiet inkwistjoni”.

298    Madankollu, u bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, mill-parti tar-Regolament ikkontestat u tar-Regolament provviżorju ddedikata għall-analiżi tar-rabta kawżali u, b’mod partikolari, mill-premessi 416 sa 420 tar-Regolament ikkontestat u 368 sa 370 tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw l-importazzjonijiet mill-Arġentina, jirrizulta li l-analiżi tal-Kummissjoni hija kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti minn dawn ir-rapporti tal-Bord tal-WTO. Fil-fatt, il-Kummissjoni evalwat ir-rwol u l-effetti tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina fuq l-industrija tal-Unjoni (premessi 430 sa 433 tar-Regolament ikkontestat u 367 sa 370 tar-Regolament provviżorju) u pprovdiet spjegazzjonijiet sodisfaċenti tan-natura u tal-importanza tal-effetti dannużi probabbli tal-imsemmija importazzjonijiet, b’mod partikolari fil-premessi 370 tar-Regolament provviżorju u 431 tar-Regolament ikkontestat, qabel ma kkonkludiet, fil-premessa 431 tar-Regolament ikkontestat, li ma jistgħux jibqgħu parti mit-theddid fuq l-industrija tal-Unjoni.

299    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq dawn ir-rapporti tal-WTO għandhom jiġu miċħuda.

300    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba, għaliex hija ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet mill-Arġentina u, b’mod partikolari, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tagħha stess fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244.

301    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jippreżumi obbligu ta’ diliġenza li jimponi li l-istituzzjoni kompetenti teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

302    F’dan il-każ, mill-premessi 416 sa 420 tar-Regolament ikkontestat u 368 sa 370 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti sabiex tiddetermina jekk l-importazzjonijiet mill-Arġentina setgħux inaqqsu jew jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet issussidjati mill-Indoneżja u t-theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Peress li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru l-kuntrarju ġew miċħuda, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi eskluża u, għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

303    Fid-dawl tal-preċedenti, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu, mingħajr ma huwa neċessarju, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-Kummissjoni li jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors għal dak li jirrigwarda waħda mir-rikorrenti, PT Multi Nabati Sulawesi (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

 Fuq lispejjeż

304    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni u ta’ EBB, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u ta’ EBB.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PT Wilmar Bioenergi Indonesia, PT Wilmar Nabati Indonesia u PT Multi Nabati Sulawesi huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2022.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

It talbiet talpartijiet

Id dritt

Fuq l ewwel motiv, ibbażat fuq ksur talpunt 1(a) tal-Artikolu 3, tal-punt 1(a)(i) talArtikolu 3, tal-punt 2 talArtikolu 3 u talArtikolu 7(1)(a) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni billi kkonkludiet li lħlasijiet miksuba millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu sussidju kumpensabbli u billi ma adattatx ilbenefiċċju li allegatament irċevew irrikorrenti sabiex tqis ittnaqqis mogħti kif ukoll lispejjeż tattrasport u talkreditu mġarrba sabiex jinkisbu lallegati sussidji

Fuq l ewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkunsidrat li lħlasijiet millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu kontribuzzjoni finanzjarja talawtoritajiet pubbliċi jew ta’ organu pubbliku

Fuq it tieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lħlasijiet talFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt kienu jikkostitwixxu sussidji

Fuq it tielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lħlasijiet talFond għallPjantaġġuni talPalm taż-Żejt kienu jagħtu benefiċċju

Fuq ir raba’ parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 7(1)(a) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni ma adattatx lammont tassussidju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ttnaqqis mogħti kif ukoll lspejjeż tattrasport u talkreditu

Fuq it tieni motiv, ibbażat fuq ksur talpunt 1(a)(iv) talArtikolu 3, talpunt 1(b) talArtikolu 3, talpunt 2 talArtikolu 3, talArtikolu 6(d) u talArtikolu 28(5) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ appoġġ talawtoritajiet pubbliċi għallprovvista taċCPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

Fuq l ewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(iv) talArtikolu 3 u talArtikolu 28(5) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta kkonkludiet li l-fornituri taċ-CPO kienu ġew inkarigati jipprovdu ċCPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata jew li kienu ġew ordnati jagħmlu dan

– Fuq ittaxxa u ddazju fuq lesportazzjoni

– Fuq ilkontroll talprezzijiet minn PTPN

– Fuq lazzjoni li “tinkariga” jew li “tordna”

Fuq it tieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(b) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni meta kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw iddħul talprodutturi talbijodiżil

Fuq it tielet parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 tal-Artikolu 3 u talArtikolu 6(d) tarRegolament bażiku kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni fiddeterminazzjoni talbenefiċċju mogħti lillprodutturi talbijodiżil

Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 8(8) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni billi kkonkludiet leżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali għallindustrija talUnjoni

Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 8(5) u (6) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni billi kkonkludiet li limportazzjonijiet millIndoneżja kienu jheddu li jikkawżaw dannu lillindustrija talUnjoni u billi injorat limpatt talimportazzjonijiet millArġentina

Fuq l ewwel parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 8(5) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa millKummissjoni meta hija kkonkludiet li limportazzjonijiet millIndoneżja kienu jheddu li jikkawżaw dannu

Fuq it tieni parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 8(6) tarRegolament bażiku u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni flanaliżi talimpatt talimportazzjonijiet talbijodiżil millArġentina

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.