Language of document : ECLI:EU:T:2022:175

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

30 ta’ Marzu 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Drittijiet tad-difiża – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Artikolu 266 TFUE – Restrizzjoni statali – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Parteċipazzjoni sostanzjalment ridotta – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑324/17,

SAS Cargo Group A/S, stabbilita f’Kastrup (id-Danimarka),

Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

SAS AB, stabbilita fi Stokkolma,

irrappreżentati minn B. Creve, M. Kofmann, J. Killick u G. Forwood, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u C. Vollrath, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, essenzjalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, D. Spielmann u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, SAS Cargo Group A/S (iktar ’il quddiem “SAS Cargo”), Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (iktar ’il quddiem “SAS Consortium”) u SAS AB huma attivi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasport tal-merkanzija”). SAS Cargo, li toffri servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, hija sussidjarja li hija l-proprjetà esklużiva indiretta ta’ SAS. Sal-1 ta’ Ġunju 2001, SAS Cargo ma kinitx entità ġuridika distinta, iżda kienet tikkostitwixxi unità kummerċjali ta’ SAS Consortium. SAS Consortium tappartjeni lil SAS.

2        Fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, il-kumpanniji tal-ajru jipprovdu t-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”). Bħala regola ġenerali, it-trasportaturi jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija lill-burdnara, li jorganizzaw it-trasport ta’ din il-merkanzija f’isem l-ispedituri. Bħala korrispettiv, dawn il-burdnara jħallsu lit-trasportaturi prezz li jikkonsisti, minn naħa, minn tariffi kkalkolati għal kull kilogramma u nnegozjati jew għal perijodu twil (ġeneralment staġun, jiġifieri sitt xhur), jew fuq bażi ad hoc, u, min-naħa l-oħra, minn diversi sovrataxxi, li huma intiżi sabiex ikopru ċerti spejjeż.

3        Issir distinzjoni bejn erba’ tipi ta’ trasportaturi: l-ewwel, dawk li joperaw esklużivament ajruplani għat-trasport tal-merkanzija; it-tieni, dawk li, fuq it-titjiriet tagħhom maħsuba għall-passiġġieri, jirriżervaw parti mill-istiva tal-ajruplan għat-trasport tal-merkanzija; it-tielet, dawk li għandhom kemm ajruplani tal-merkanzija kif ukoll spazju rriżervat għat-trasport tal-merkanzija fil-istiva ta’ ajruplani tal-passiġġieri (kumpanniji tal-ajru mħallta), u, ir-raba’, l-integraturi li għandhom ajruplani tal-merkanzija li jipprovdu kemm servizzi ta’ kunsinna espressa integrati kif ukoll servizzi ta’ trasport tal-merkanzija ġenerali.

4        Peress li ebda trasportatur ma huwa f’pożizzjoni li jservi d-destinazzjonijiet ewlenin kollha fid-dinja tal-merkanzija bi frekwenzi suffiċjenti, dawn bdew jikkonkludu ftehimiet bejniethom sabiex iżidu l-kopertura tan-network tagħhom jew sabiex itejbu l-iskedi, inkluż fil-kuntest ta’ alleanzi kummerċjali iktar wiesgħa bejn it-trasportaturi. Fost dawn l-alleanzi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kien hemm b’mod partikolari l-alleanza WOW, li kienet tikkonsisti minn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), SAS Cargo, Singapore Airlines Cargo Pte Ltd (iktar ’il quddiem “SAC”) u Japan Airlines International Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Japan Airlines”).

A.      Il-proċedura amministrattiva

5        Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet, abbażi tal-avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), applikazzjoni għall-immunità mressqa minn Lufthansa u mis-sussidjarji tagħha, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG (iktar ’il quddiem “Swiss”). Skont din l-applikazzjoni, kien hemm kuntatti antikompetittivi intensivi bejn diversi trasportaturi, b’mod partikolari dwar:

–        is-sovrataxxa marbuta mal-karburant (iktar ’il quddiem is-“STK”), li ġiet introdotta sabiex tagħmel tajjeb għall-ispiża dejjem ikbar tal-karburant;

–        is-sovrataxxa marbuta mas-sigurtà (iktar ’il quddiem is-“STS”), li ġiet introdotta sabiex tagħmel tajjeb għall-ispiża ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà imposti wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001.

6        Fl-14 u fil-15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għal għarrieda fl-uffiċċji ta’ diversi trasportaturi f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

7        Wara l-ispezzjonijiet, diversi trasportaturi, fosthom SAS Cargo u SAS Consortium, ressqu applikazzjoni skont l-Avviż tal‑2002 imsemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq.

8        Fid-19 ta’ Diċembru 2007, wara li bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Hija indikat li dawk it-trasportaturi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru”), bis-sehem tagħhom f’akkordju li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-STK, is-STS u rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi (iktar ’il quddiem ir-“rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet”).

9        B’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-destinatarji tagħha ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

10      Inżammet seduta fit-30 ta’ Ġunju u fl-4 ta’ Lulju 2008.

B.      Id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010

11      Fid-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 7694 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim [bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera] (Każ KOMP/39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010”). Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil 21 trasportatur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010”), jiġifieri:

–        Air Canada;

–        Air France-KLM (iktar ’il quddiem “AF-KLM”);

–        Société Air France (iktar ’il quddiem “AF”);

–        Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”);

–        British Airways plc;

–        Cargolux Airlines International SA (iktar ’il quddiem “Cargolux”);

–        Cathay Pacific Airways Ltd (iktar ’il quddiem “CPA”);

–        Japan Airlines Corp. ;

–        Japan Airlines;

–        Lan Airlines SA;

–        LAN Cargo SA;

–        Lufthansa Cargo;

–        Lufthansa;

–        Swiss;

–        Martinair Holland NV (iktar ’il quddiem “Martinair”);

–        Qantas Airways Ltd (iktar ’il quddiem “Qantas”);

–        SAS;

–        SAS Cargo;

–        SAS Consortium;

–        SAC;

–        Singapore Airlines Ltd (iktar ’il quddiem “SIA”).

12      L-oġġezzjonijiet imressqa b’mod provviżorju fir-rigward tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew abbandunati (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi mhux inkriminati”).

13      Id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 tiddeskrivi, fil-motivi tagħha, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, li jkopri t-territorju taż-ŻEE u tal-Isvizzera, li permezz tiegħu t-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija.

14      Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

j)      SAS […], mis-17 ta’ Awwissu 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

k)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Ġunju 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

l)      [SAS Consortium], mit-13 ta’ Diċembru 1999 sat-28 ta’ Diċembru 2003;

[…]

Artikolu 2

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

q)      SAS […], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

r)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 3

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE iżda li mhumiex Stati Membri, u pajjiżi terzi, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      SAS […], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      [SAS Cargo], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 4

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera] dwar it-Trasport bl-Ajru billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

j)      SAS […], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

k)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

l)      [SAS Consortium], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sat-28 ta’ Diċembru 2003.

[…]

Artikolu 5

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikoli 1 sa 4 [tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010]:

[…]

o)      [SAS Consortium]: EUR 5 355 000;

p)      [SAS Cargo] u [SAS Consortium] flimkien u in solidum: EUR 4 254 250;

q)      [ir-rikorrenti] flimkien u in solidum: EUR 5 265 750;

r)      [SAS Cargo] u SAS […] flimkien u in solidum: EUR 32 984 250;

s)      [SAS Cargo]: EUR 22 308 250;

[…]

Artikolu 6

L-impriżi elenkati fl-Artikoli 1 sa 4 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmi f’dawn l-artikoli, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

Huma għandhom jiżguraw li minn issa ‘l quddiem ma jirrepetu l-ebda att jew aġir imsemmi fl-Artikoli 1 sa 4, u ma jwettqu l-ebda att jew aġir bl-istess għan jew effett identiku jew simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

C.      Fuq ir-rikors kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 quddiem il-Qorti Ġenerali

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, sa fejn tikkonċernahom, kif ukoll, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom. It-trasportaturi l-oħra inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, bl-eċċezzjoni ta’ Qantas, ukoll ippreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni.

16      Permezz tas-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il-Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni (T‑28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni (T‑38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il-Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni (T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), British Airways vs Il-Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France-KLM vs Il-Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il-Kummissjoni (T‑63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993), u Martinair Holland vs Il-Kummissjoni (T‑67/11, EU:T:2015:984), il-Qorti Ġenerali annullatt, kompletament jew parzjalment, id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sa fejn din tikkonċerna, rispettivament, lil Air Canada, lil KLM, lil Japan Airlines u lil Japan Airlines Corp., lil CPA, lil Cargolux, lil Latam Airlines Group SA (preċedentement Lan Airlines) u lil Lan Cargo, lil SAC u lil SIA, lil Lufthansa, lil Lufthansa Cargo u lil Swiss, lil British Airways, lir-rikorrenti, lil AF-KLM, lil AF u lil Martinair. Il-Qorti Ġenerali qieset li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni.

17      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kienet ivvizzjata minn kontradizzjonijiet bejn il-motivi tagħha u d-dispożittiv tagħha. Il-motivi ta’ din id-deċiżjoni jiddeskrivu ksur uniku u kontinwu, relatat mar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Min-naħa l-oħra, id-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni identifika jew erba’ każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, jew ksur uniku u kontinwu wieħed li r-responsabbiltà tiegħu hija imputata biss lit-trasportaturi li, fir-rotot imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tal-istess deċiżjoni, ipparteċipaw b’mod dirett fl-aġir li jikkostitwixxi ksur imsemmi f’kull wieħed mill-imsemmija artikoli jew kellhom għarfien ta’ kollużjoni dwar dawn ir-rotot li aċċettaw ir-riskju għaliha. Issa, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet tad-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni ma kienet konformi mal-motivi tagħha.

18      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala inkompatibbli mal-motivi tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 l-interpretazzjoni alternattiva tad-dispożittiv tagħha proposta mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li n-nuqqas ta’ riferiment għal ċerti trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fl-Artikoli 1, 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni seta’ jiġi spjegat, mingħajr il-ħtieġa li jitqies li dawn l-artikoli jikkonstataw każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, mill-fatt li l-imsemmija trasportaturi ma kinux joperaw ir-rotot koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet.

19      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivi tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kien fihom kontradizzjonijiet interni sinjifikattivi.

20      Fit-tielet lok, wara li rrilevat li l-ebda waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ma kienet konformi mal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ mill-inqas waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli, il-kontradizzjonijiet interni tal-imsemmija deċiżjoni kinux tali li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u li jimpedixxu lill-Qorti Ġenerali milli twettaq l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward tal-ewwel interpretazzjoni, li tgħid li kien hemm erba’ każijiet distinti ta’ ksur uniku u kontinwu, l-ewwel, il-Qorti qieset li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jifhmu l-portata sa fejn il-provi ppreżentati fil-motivi, relatati mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, setgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ erba’ każijiet distinti ta’ ksur ikkonstatati fid-dispożittiv u għalhekk lanqas ma kienu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jikkontestaw is-suffiċjenza ta’ dawk il-provi. It-tieni, il-Qorti qieset li r-rikorrenti kienu sabuha impossibbli li jifhmu l-loġika li permezz tagħha l-Kummissjoni kkunsidrathom bħala responsabbli għal ksur, inkluż għal rotot li ma kinux joperaw skont il-limiti ddefiniti minn kull artikolu tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

D.      Id-deċiżjoni kkontestata

21      Fl-20 ta’ Mejju 2016, wara l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bagħtet ittra lit-trasportaturi inkriminati bid-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li kienu ppreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn informathom li d-Direttorat Ġenerali (DĠ) tagħha għall-Kompetizzjoni kellu l-intenzjoni li jipproponilha li tadotta deċiżjoni ġdida li tikkonkludi li huma kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għar-rotot kollha msemmija f’din id-deċiżjoni.

22      Id-destinatarji tal-ittra tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 21 kienu mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta tad-DĠ għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahar. Kollha kemm huma, inklużi r-rikorrenti, għamlu użu minn din il-possibbiltà.

23      Fis-17 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-imsemmija deċiżjoni hija indirizzata lil 19-il trasportatur (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati”), jiġifieri:

–        Air Canada;

–        AF-KLM;

–        AF;

–        KLM;

–        British Airways;

–        Cargolux;

–        CPA;

–        Japan Airlines;

–        Latam Airlines Group;

–        LAN Cargo;

–        Lufthansa Cargo;

–        Lufthansa;

–        Swiss;

–        Martinair;

–        SAS;

–        SAS Cargo;

–        SAS Consortium;

–        SAC;

–        SIA.

24      Id-deċiżjoni kkontestata ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

25      Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi, fil-motivi tagħha, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, li permezz tiegħu t-trasportaturi inkriminati kienu jikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha permezz tas-STK, tas-STS u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi.

26      Fl-ewwel lok, fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-“[p]rinċipji bażiċi u [l-i]struttura tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessi 107 u 108 ta’ din id-deċiżjoni, hija indikat li l-investigazzjoni kienet kixfet akkordju fuq skala globali bbażat fuq network ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali fuq perijodu twil bejn il-kompetituri, dwar l-aġir li huma kienu ddeċidew, ipprevedew jew bassru li ser jadottaw fir-rigward ta’ diversi elementi tal-prezz għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, jiġifieri s-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Hija enfasizzat li dan in-network ta’ kuntatti kellu l-għan komuni li jikkoordina l-aġir tal-kompetituri fil-qasam tat-tariffi jew li jnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-politika tal-ipprezzar tagħhom (iktar ’il quddiem l-“akkordju kontenzjuż”).

27      Skont il-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni kkoordinata tas-STK kellha l-għan li tiżgura li t-trasportaturi madwar id-dinja kollha jimponu rata ta’ sovrataxxa fissa għal kull kilo għall-kunsinni kollha kkonċernati. Ġiet stabbilita network kumplessa ta’ kuntatti prinċipalment bilaterali bejn it-trasportaturi bil-għan li tikkoordina u li tissorvelja l-applikazzjoni tas-STK, peress li, skont il-Kummissjoni, id-data preċiża tal-applikazzjoni spiss kienet tiġi deċiża fuq livell lokali, bit-trasportatur lokali prinċipali ġeneralment jieħu t-tmexxija u bl-oħrajn isegwu. Dan l-approċċ ikkoordinat ġie estiż għas-STS, kif ukoll għar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, biex b’hekk dawn tal-aħħar saru dħul nett għat-trasportaturi u ħolqu inċentiv addizzjonali għalihom sabiex ikomplu l-koordinazzjoni fir-rigward tas-sovrataxxi.

28      Skont il-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, l-amministrazzjoni ġenerali tal-uffiċċju prinċipali ta’ diversi trasportaturi kienet jew direttament involuta fil-kuntatti mal-kompetituri, jew informata regolarment dwarhom. Fil-każ tas-sovrataxxi, l-impjegati responsabbli tal-uffiċċju prinċipali kienu jkunu f’kuntatt ma’ xulxin meta kienet tkun imminenti bidla fil-livell tas-sovrataxxa. Ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ġie kkonfermat ukoll diversi drabi f’kuntatti fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali. Kien hemm ukoll kuntatti frekwenti fil-livell lokali bil-għan, minn naħa, li jiġu eżegwiti aħjar l-istruzzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjonijiet ċentrali u li dawn jiġu adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq lokali u, min-naħa l-oħra, li jiġu kkoordinati u implimentati l-inizjattivi lokali. F’dan l-aħħar każ, l-uffiċji prinċipali tat-trasportaturi ġeneralment kienu jawtorizzaw l-azzjoni proposta jew kienu jiġu informati dwarha.

29      Skont il-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trasportaturi kienu jikkuntattjaw lil xulxin jew b’mod bilaterali, jew fi gruppi żgħar, jew, f’ċerti każijiet, f’fora multilaterali kbar. Kienu jintużaw l-assoċjazzjonijiet lokali ta’ rappreżentanti tat-trasportaturi, b’mod partikolari f’Ħong Kong u fl-Isvizzera, sabiex jiġu diskussi miżuri kif jista’ jittejjeb il-qliegħ u sabiex jiġu kkoordinati s-sovrataxxi. Kienu jsiru wkoll laqgħat tal-alleanzi, bħall-alleanza WOW, għal dawn l-għanijiet.

30      Fit-tieni lok, fil-punti 4.3, 4.4 u 4.5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-kuntatti li jikkonċernaw, rispettivament, is-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kuntatti kontenzjużi”).

31      B’hekk, l-ewwel, fil-premessi 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-kuntatti relatati mas-STK kif ġej:

“(118) Network ta’ kuntatti bilaterali li tinvolvi lil diversi kumpanniji tal-ajru ġiet stabbilita bejn l-aħħar tal-1999 u l-bidu tal-2000, li kienet tippermetti l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-impriżi mill-parteċipanti bejn il-membri kollha tan-network. It-trasportaturi kienu jikkuntattjaw lil xulxin regolarment sabiex jiddiskutu kull kwistjoni li tqum fir-rigward tas-STK, b’mod partikolari l-bidliet fil-mekkaniżmu, il-bidliet fil-livell tas-STK, l-applikazzjoni koerenti tal-mekkaniżmu u s-sitwazzjonijiet fejn ċerti kumpanniji tal-ajru ma kinux qegħdin isegwu s-sistema.

(119) Għall-implimentazzjoni tas-STK fil-livell lokali, spiss kienet tiġi applikata sistema li permezz tagħha l-kumpanniji tal-ajru dominanti fuq ċerti rotot jew f’ċerti pajjiżi kienu jħabbru l-bidla l-ewwel, u mbagħad kienu jsegwu l-oħrajn […]

(120) Il-koordinazzjoni antikompetittiva fir-rigward tas-STK seħħet prinċipalment f’erba’ kuntesti: fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK fil-bidu tal-2000, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ mekkaniżmu ta’ STK wara l-annullament tal-mekkaniżmu previst mill-[Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA)], l-introduzzjoni ta’ livelli ġodda ta’ skattar (b’żieda fil-livell massimu tas-STK) u fuq kollox il-mument meta l-indiċijiet tal-karburant kienu joqorbu l-limitu minimu fejn kienet tiskatta żieda jew tnaqqis tas-STK.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      It-tieni, fil-premessa 579 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-kuntatti relatati mas-STS kif ġej:

“Diversi [trasportaturi inkriminati] ddiskutew, fost oħrajn, l-intenzjonijiet tagħhom li jintroduċu STS […] Barra minn hekk, ġew diskussi wkoll l-ammont tas-sovrataxxa u l-iskeda ta’ żmien għall-introduzzjoni. Minbarra dan, [it-trasportaturi inkriminati] qasmu ma’ xulxin ideat dwar il-ġustifikazzjoni li għandha tingħata lill-klijenti tagħhom. Kuntatti iżolati ad hoc dwar l-implimentazzjoni tas-STS baqgħu jsiru matul il-perijodu kollu li jkopri s-snin 2002 sa 2006. Il-koordinazzjoni illegali seħħet kemm fil-livell tal-amministrazzjonijiet ċentrali kif ukoll fil-livell lokali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33      It-tielet, fil-premessa 676 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li t-trasportaturi inkriminati kienu “baqgħu jirrifjutaw li jħallsu kummissjoni fuq is-sovrataxxi u [kienu] kkonfermaw ma’ xulxin l-intenzjoni tagħhom f’dan ir-rigward f’diversi kuntatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34      Fit-tielet lok, fil-punt 4.6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-kuntatti kontenzjużi. L-evalwazzjoni ta’ dawk li jinvolvu lir-rikorrenti tinsab fil-premessi 790 sa 792 ta’ din id-deċiżjoni.

35      Ir-raba’, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 101 TFUE għall-fatti tal-każ, filwaqt li ppreċiżat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1289 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula kienu japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. B’hekk, l-ewwel nett, fil-premessa 846 tal-imsemmija deċiżjoni, hija qieset li t-trasportaturi inkriminati kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom jew influwenzaw it-tariffi, “b’dan finalment jammonta għal iffissar tal-prezzijiet fir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tas-STK, tas-STS u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi. Fil-premessa 861 tal-istess deċiżjoni, hija ddeskriviet is-“sistema ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-aġir fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija” li l-investigazzjoni tagħha kienet kixfet l-eżistenza ta’ “ksur kumpless li jikkonsisti f’diversi azzjonijiet li [setgħu] jiġu kklassifikati jew bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, li fil-kuntest tagħhom il-kompetituri intenzjonalment [kienu] issostitwixxew il-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36      It-tieni, fil-premessa 869 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-“aġir inkwistjoni [kien] jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk hija kkunsidrat li l-arranġamenti inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv uniku li jikkonsisti fit-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport tal-merkanzija fiż-ŻEE, inkluż meta l-koordinazzjoni tkun seħħet fil-livell lokali u kellha varjazzjonijiet lokali (premessi 872 sa 876), kienu jirrigwardaw “[p]rodott/servizzi uniku”, jiġifieri “il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] u t-tariffi tagħhom” (premessa 877), kienu jikkonċernaw l-istess impriżi (premessa 878), kienu ta’ natura unika (premessa 879) u kienu jikkonċernaw tliet komponenti, jiġifieri s-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, li “spiss kienu jiġu diskussi flimkien waqt l-istess kuntatt mal-kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 880).

37      Fil-premessa 882 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid li r-rikorrenti kienu involuti fi tnejn mit-tliet komponenti tal-ksur uniku, jiġifieri s-STK u s-STS, iżda li “fid-dawl tal-involviment tagħhom fl-elementi l-oħra tal-ksur, setgħu raġonevolment jipprevedu skambji bejn il-partijiet dwar tali kwistjoni relatata bħalma huwa l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi u kienu lesti jieħdu r-riskju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38      It-tielet, fil-premessa 884 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kien kontinwu.

39      Ir-raba’, fil-premessi 885 sa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-rilevanza tal-kuntatti li saru f’pajjiżi terzi u ta’ kuntatti li jikkonċernaw rotot li t-trasportaturi qatt ma kienu operaw jew li ma setgħux joperaw legalment. Hija qieset li, fir-rigward tal-karattru dinji tal-akkordju kontenzjuż, dawn il-kuntatti kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, minn naħa, hija rrilevat li s-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta, iżda kienu intiżi li jiġu applikati għar-rotot kollha, fuq livell dinji, inkluż fuq ir-rotot li jitilqu jew jispiċċaw fiż-ŻEE u fl-Isvizzera. Hija indikat li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ukoll kien ta’ natura ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda barriera insormontabbli li impedixxiet lit-trasportaturi milli jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot li huma qatt ma kienu operaw jew li ma setgħux joperaw legalment, b’mod partikolari minħabba l-ftehimiet li huma kienu f’pożizzjoni li jikkonkludu bejniethom.

40      Il-ħames, fil-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-aġir kontenzjuż kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni “tal-inqas fi ħdan l-U[njoni Ewropea], fiż-ŻEE u fl-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 917 ta’ din id-deċiżjoni, hija essenzjalment żiedet tgħid li ma kienx neċessarju, għaldaqstant, li tieħu inkunsiderazzjoni l-“effetti konkreti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ dan l-aġir.

41      Is-sitt, fil-premessi 922 sa 971 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni investigat l-alleanza WOW. Fil-premessa 971 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet dan li ġej:

“Wara li kkunsidrat il-kontenut tal-ftehim tal-alleanza WOW u l-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi bejn il-membri tal-[alleanza] WOW seħħet barra mill-kuntest leġittimu tal-alleanza, li ma jiġġustifikahiex. Fir-realtà, il-membri kienu jafu li tali koordinazzjoni ma kinitx legali. Barra minn hekk, huma kienu konxji li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi kienet tinvolvi lil diversi [trasportaturi] li ma kinux parti mill-[alleanza] WOW. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-provi dwar kuntatti bejn il-membri tal-[alleanza] WOW […] jikkostitwixxu prova tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif deskritt f’din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] 

42      Is-seba’, fil-premessi 972 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni ta’ seba’ pajjiżi terzi, li diversi mit-trasportaturi inkriminati sostnew li kienet ġegħlithom jikkolludu dwar is-sovrataxxi, u b’hekk fixklet l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawk it-trasportaturi baqgħu ma tawx provi li huma kienu mġiegħla jaġixxu b’dan il-mod mill-imsemmija pajjiżi terzi.

43      It-tmien, fil-premessi 1024 sa 1035 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur uniku u kontinwu seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE u bejn il-partijiet kontraenti għall-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

44      Id-disa’, il-Kummissjoni eżaminat il-limiti tal-kompetenza territorjali u ratione temporis tagħha sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dan il-każ. Minn naħa, fil-premessi 822 sa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Kompetenza tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija essenzjalment ikkunsidrat li ma kinitx ser tapplika, qabel kollox, l-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel l-1 ta’ Mejju 2004 dwar ir-rotot bejn ajruporti fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra ż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni-pajjiżi terzi”), imbagħad, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel id-19 ta’ Mejju 2005 dwar ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u r-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiż li huwa parti kontraenti għall-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem ir-“rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi” u, flimkien mar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, ir-“rotot ŻEE-pajjiżi terzi”) u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għall-ftehimiet u l-prattiki li saru qabel l-1 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-rotot bejn ajurporti ġewwa l-Unjoni u ajruporti Svizzeri (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni-Svizzera”). Hija speċifikat ukoll li d-deċiżjoni kkontestata “bl-ebda mod ma tippretendi li tirrileva xi ksur tal-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [bejn] l-Isvizzera [u] pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45      Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1036 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għar-rotot deħlin” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ diversi trasportaturi inkriminati li qalu li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha fir-rigward tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku billi kkonstatat u ssanzjonat ksur ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet fuq ir-rotot li jitilqu minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni jew iż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot deħlin” u, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija offruti fuq dawn ir-rotot, is-“servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin”). B’mod partikolari, fil-premessa 1042 ta’ din id-deċiżjoni, hija fakkret kif ġej il-kriterji li qieset li kienu applikabbli:

“Fir-rigward tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal ftehimiet li huma implimentati fl-U[njoni] (it-teorija tal-implimentazzjoni) jew li għandhom effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fl-U[njoni] (it-teorija tal-effetti).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46      Fil-premessi 1043 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat il-kriterji inkwistjoni għall-fatti tal-każ:

“(1043) Fil-każ tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [deħlin], l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huma applikabbli peress li s-servizz innifsu, li huwa s-suġġett tal-ksur fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, għandu jiġi pprovdut u fil-fatt jiġi pprovdut parzjalment fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, bosta kuntatti li permezz tagħhom id-destinatarji kkoordinaw is-sovrataxxi u [r-rifjut ta’] ħlas ta’ kummissjonijiet seħħew fiż-ŻEE jew involvew lil parteċipanti li kienu jinsabu fiż-ŻEE.

(1044) […] l-eżempju ċċitat fl-Avviż [konsolidat dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1)] ma huwiex rilevanti hawnhekk. [L-imsemmi] avviż jirreferi għat-tqassim ġeografiku tal-valur tal-bejgħ bejn l-impriżi bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-limiti tal-valur tal-bejgħ tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)] intlaħqux.

(1045) Barra minn hekk, il-prattiki antikompetittivi fil-pajjiżi terzi fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija […] lejn l-Unjoni u ż-ŻEE jista’ jkollhom effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni u fiż-ŻEE, peress li ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk il-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE. F’dan il-każ, il-prattiki antikompetittivi li jeliminaw il-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi li joffru servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija [deħlin] seta’ jkollhom tali effetti anki fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] minn trasportaturi oħra fiż-ŻEE, bejn il-pjattaformi ta’ korrispondenza (iktar ’il quddiem “hubs”) fiż-ŻEE użati mit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-ajruporti tad-destinazzjoni ta’ dawk il-kunsinni fiż-ŻEE li t-trasportatur tal-pajjiż terz ma joperax minnhom.

(1046) Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni skopriet akkordju fuq livell globali. L-akkordju ġie implimentat madwar id-dinja u l-arranġamenti tal-akkordju fir-rigward tar-rotot deħlin kienu kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. L-arranġamenti tal-akkordju kienu, f’ħafna każijiet, organizzati fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali u l-persunal lokali sempliċement applikahom. L-applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi fuq skala globali kienet element prinċipali tal-akkordju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

47      Fil-ħames lok, fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-akkordju kontenzjuż kien beda fis-7 ta’ Diċembru 1999 u dam sal-14 ta’ Frar 2006. Fl-istess premessa, din speċifikat li dan l-akkordju kien kiser:

–        l-Artikolu 101 TFUE, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fl-Unjoni;

–        l-Artikolu 101 TFUE, mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi;

–        l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fiż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot intra-ŻEE”);

–        l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi;

–        l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006, fir-rigward tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera.

48      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li t-tul tal-ksur kien mit-13 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006.

49      Fis-sitt lok, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni investigat il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u l-multi li għandhom jiġu imposti.

50      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur uniku u kontinwu, kif ukoll iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti possibbli. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

51      Fil-premessi 1184 u 1185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-ammont bażiku tal-multa kien jikkonsisti minn proporzjon li jista’ jitla’ sa 30 % tal-valur tal-bejgħ tal-impriża, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, flimkien ma’ ammont addizzjonali inkluż bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ammont addizzjonali”).

52      Fil-premessa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ billi żiedet, għas-sena 2005, li kienet l-aħħar sena sħiħa qabel intemm il-ksur uniku u kontinwu, il-valur tal-bejgħ relatat mat-titjiriet lejn jew mill-Unjoni/iż-ŻEE fuq ir-rotot intra-ŻEE, fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera, kif ukoll fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-2004.

53      Fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, b’kont meħud tan-natura tal-ksur (ftehimiet orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet), tas-sehem mis-suq kumplessiv tat-trasportaturi inkriminati (34 % fil-livell globali u mill-inqas l-istess ammont fuq ir-rotot intra-ŻEE u ŻEE-pajjiżi terzi), tal-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż (id-dinja kollha) u tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu, il-Kummissjoni ffissat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 %.

54      Fil-premessi 1214 sa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu kif ġej, skont ir-rotot ikkonċernati:

–        fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE, għal SAS, SAS Cargo u SAS Consortium, rispettivament: mis-17 ta’ Awwissu 2001 sal-14 ta’ Frar 2006, mill-1 ta’ Ġunju 2001 sal-14 ta’ Frar 2006 u mit-13 ta’ Diċembru 1999 sat-28 ta’ Diċembru 2003, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu, rispettivament, erba’ snin u ħames xhur, erba’ snin u tmien xhur, u erba’ snin, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni, rispettivament, ta’ 4 u 5/12, 4 u 8/12, u 4;

–        fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi, għal SAS u SAS Cargo: mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu sena u disa’ xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 u 9/12;

–        fir-rigward tar-rotot Unjoni-Svizzera, għal SAS, SAS Cargo u SAS Consortium, rispettivament: mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006, mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006 u mill-1 ta’ Ġunju 2002 sat-28 ta’ Diċembru 2003, li f’termini ta’ snin u xhur jiġu, rispettivament, tliet snin u tmien xhur, tliet snin u tmien xhur, u sena u sitt xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni, rispettivament, ta’ 3 u 8/12, 3 u 8/12, u 1 u 6/12;

–        fir-rigward tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi, għal SAS u SAS Cargo: mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, li f’termini ta’ xhur jiġu tmien xhur, u jwasslu għal fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 8/12.

55      Fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u tal-kriterji esposti fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-ammont addizzjonali kellu jikkorrispondi għal 16 % tal-valur tal-bejgħ. Fil-premessi 1221, 1223 u 1227 sa 1229 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan l-ammont addizzjonali kellu jinqasam bejn SAS, SAS Cargo u SAS Consortium b’mod li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-entitajiet fil-ksur uniku u kontinwu.

56      Konsegwentement, fil-premessi 1240 sa 1242 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont bażiku ddeterminat għal SAS, SAS Cargo u SAS Consortium, rispettivament, kien evalwat bħala EUR 106 000 000, EUR 108 000 000 u EUR 14 000 000, li ġie stabbilit, rispettivament, għal EUR 60 000 000, EUR 61 000 000 u EUR 14 000 000, wara l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 50 % abbażi tal-punt 37 tal-linji gwida tal-2006 (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis ġenerali ta’ 50 %”) b’rabta mal-fatt li parti mis-servizzi relatati mar-rotot deħlin u mar-rotot li jitilqu miż-ŻEE lejn pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem ir-“rotot ħerġin”) kienu pprovduti barra mit-territorju kopert mill-Ftehim ŻEE u li parti mid-dannu għalhekk seta’ jseħħ barra mill-imsemmi territorju.

57      Fil-premessi 1243 sa 1245 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-punt 28 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni imponiet fuq SAS Cargo u SAS Consortium żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva.

58      Fil-premessi 1258 u 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti, abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa.

59      Fil-premessi 1264 u 1265 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tat lit-trasportaturi inkriminati tnaqqis addizzjonali ta’ 15 % (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis ġenerali ta’ 15 %”) tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba li ċerti reġimi regolatorji kienu ħeġġew l-akkordju kontenzjuż.

60      Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1268 u 1271 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huma setgħu jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha sabiex tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Daniża tal-2002.

61      Konsegwentement, fil-premessa 1293 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multi ta’ SAS, SAS Cargo u SAS Consortium wara l-aġġustament għal, rispettivament, EUR 45 000 000, EUR 76 250 000 u EUR 17 500 000.

62      Fil-premessi 1347 sa 1354 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom għall-klemenza billi applikat tnaqqis ta’ 15 % tal-multa, sabiex b’hekk, kif indikat fil-premessa 1404 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi imposti fuq SAS, SAS Cargo u SAS Consortium ġie ffissat, rispettivament, għal EUR 38 250 000, EUR 64 812 500, u EUR 14 875 000.

63      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċerna din il-kawża, jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

Billi kkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] fid-dinja kollha fir-rigward tas-[STK], tas-[STS] u tal-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi, l-impriżi li ġejjin wettqu l-ksur uniku u kontinwu li ġej tal-Artikolu 101 [TFUE], tal-Artikolu 53 tal-[Ftehim ŻEE] u tal-Artikolu 8 tal-[Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru] fir-rigward tar-rotot li ġejjin u matul il-perijodi li ġejjin.

1)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot [intra-ŻEE ], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      SAS […], mis-17 ta’ Awwissu 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Ġunju 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

q)      [SAS Consortium], mit-13 ta’ Diċembru 1999 sat-28 ta’ Diċembru 2003;

[…]

2)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tar-rotot [Unjoni-pajjiż terz], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      SAS […], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

3)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot [ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      SAS […], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      [SAS Cargo], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

4)      L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera] dwar it-trasport bl-ajru fir-rigward tar-rotot [Unjoni-Svizzera], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      SAS […], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      [SAS Cargo], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

q)      [SAS Consortium], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sat-28 ta’ Diċembru 2003;

[…]

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni […] tad-9 ta’ Novembru 2010 hija emendata kif ġej:

fl-Artikolu 5, il-[punti] (j), (k) u (l) huma mħassra.

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur uniku u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u fir-rigward ta’ British Airways […], inkluż għal dak imsemmi fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni […] tad-9 ta’ Novembru 2010 li sar definittiv:

[…]

n)      [SAS Consortium]: EUR 5 355 000;

o)      [SAS Cargo u SAS Consortium] flimkien u in solidum: EUR 4 254 250;

p)      [ir-rikorrenti] flimkien u in solidum: EUR 5 265 750;

q)      [SAS Cargo] u SAS […] flimkien u in solidum: EUR 32 984 250;

r)      [SAS Cargo]: EUR 22 308 250

[…]

Artikolu 4

L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur uniku u kontinwu msemmi f’dak l-artikolu, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

Huma għandhom jiżguraw ukoll li ma jwettqu l-ebda att jew aġir bl-istess għan jew effett jew simili.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil:

[…]

[ir-rikorrenti]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

64      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

65      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2017.

66      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2018.

67      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2018.

68      Fl-24 ta’ April 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

69      Fil-25 ta’ Ġunju 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu mogħti.

70      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019. Ir-rikorrenti ġew mistiedna jipproduċu, wara s-seduta, il-ftehim relatat mal-Alleanza WOW kif ukoll ftehim dwar is-servizzi tal-ajru (iktar ’il quddiem “ASA”). Huma kkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu mogħti.

71      Il-fażi orali tal-proċedura kkonkludiet fit-18 ta’ Lulju 2019.

72      B’digriet tas-7 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża), filwaqt li qieset li ma kinitx informata biżżejjed u li kien neċessarju li l-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kienx ġie dibattut bejniethom, ordnat li terġa’ tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

73      Il-Kummissjoni, fit-terminu mogħti, wieġbet għadd ta’ mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Jannar, fit-2 ta’ Marzu u fit-12 ta’ April 2021. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Mejju 2021.

74      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2021, il-Qorti Ġenerali mill-ġdid għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

75      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew il-miżuri istruttorji li jordnaw lill-Kummissjoni tagħtihom aċċess għall-proċess tal-kawża quddiemha kollu, jew kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis li hija meħtieġa;

–        tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

76      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tibdel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi tirtira l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li l-fatturat mill-bejgħ provenjenti mis-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax kien inkluż fil-valur tal-bejgħ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

77      Fil-kuntest tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu kemm talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għamlet talba intiża, essenzjalment, biex jinbidel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-valur tal-fatturat mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ.

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

78      Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament. Dawn il-motivi huma bbażati:

–        l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, minħabba li kienu rrifjutati aċċess għall-provi inkriminanti u li jiskaġunaw;

–        it-tieni, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, minn naħa, sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin u, min-naħa l-oħra, sabiex tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija pprovduti fuq rotot bejn l-Isvizzera u t-tliet pajjiżi membri taż-ŻEE li ma humiex parti mill-Unjoni, jiġifieri l-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja (iktar ’il quddiem ir-“rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera”);

–        it-tielet, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-aġir li fih kienu involuti r-rikorrenti u l-fatt li dan l-aġir kien jipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu jew l-għarfien tagħhom tiegħu;

–        ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn inkoerenzi interni;

–        il-ħames, ippreżentat sussidjarjament, fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, minħabba li kienu rrifjutati aċċess għall-provi inkriminanti u li jiskaġunaw

79      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi rrifjutatilhom l-aċċess għal provi rilevanti, b’mod partikolari dawk li l-Kummissjoni rċeviet wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn huma provi inkriminanti u li jiskaġunaw li jidhru, l-ewwel nett, fit-tweġibiet ta’ destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dokumenti li jakkumpanjawhom, it-tieni, fl-osservazzjonijiet mibgħuta lill-Qorti Ġenerali minn trasportaturi oħra fir-rikorsi tagħhom kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 u, it-tielet, fid-dokumenti li fuqhom hija bbażata d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-alleanza WOW fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Lulju 2005 fil-Kawża KOMP/M.3770 – Lufthansa/Swiss.

80      Fir-rigward tal-provi inkriminanti li ma ġewx ikkomunikati lilhom u li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqisu li dawn għandhom jiġu miċħuda bħala mezzi ta’ prova. B’mod partikolari, dan jinvolvi ċerti dokumenti li jikkonċernaw il-qafas regolamentari applikabbli f’Ħong Kong, fil-Ġappun, fl-Indja, fit-Tajlandja, f’Singapor, fil-Korea t’Isfel u fil-Brażil.

81      Fir-rigward tal-provi li jiskaġunaw, ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti li l-Kummissjoni kisbet wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet probabbilment huma ta’ natura li jiskaġunaw, peress li oġġettivament għandhom rabta mal-oġġezzjonijiet imressqa kontrihom u għalhekk setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom. Peress li ma ngħatawx aċċess għal dawn id-dokumenti, huwa impossibbli għar-rikorrenti li jkunu jafu l-kontenut tagħhom. Madankollu, ir-rikorrenti jidentifikaw ċerti aspetti tal-kawża li jirrigwardaw dawn il-provi. Dawn jikkonċernaw l-aġir tagħhom fil-kuntest ta’ alleanzi, relazzjonijiet vertikali ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet bejn Lufthansa, minn naħa, u trasportaturi oħra, min-naħa l-oħra, l-aġir f’pajjiżi terzi li fih kienu involuti r-rikorrenti, spekulazzjonijiet interni ta’ trasportaturi oħra dwar informazzjoni pubblika fuq ir-rikorrenti, l-aġir lokali differenti inkwistjoni u aġir inkwistjoni li ma kienx jinvolvi lir-rikorrenti.

82      Ir-rikorrenti jżidu li huma, u mhux il-Kummissjoni, għandhom jiddeċiedu jekk informazzjoni partikolari tistax tkun utli għad-difiża tagħhom jew le.

83      Insostenn tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686), u tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑30/91, EU:T:1995:115), kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ April 2021, huma jinvokaw ukoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2019 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Rook vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2019:0725JUD000158615, punti 58 u 59). Fil-fehma tagħhom, din is-sentenza tafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif jirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑30/91, EU:T:1995:115), u tikkonferma li kwalunkwe limitazzjoni għall-iżvelar ta’ dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti għandha tkun strettament neċessarja sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet fundamentali ta’ parti terza jew sabiex jiġi ggarantit interess pubbliku sinjifikattiv.

84      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja li tordna lill-Kummissjoni tagħtihom aċċess għall-proċess tal-kawża kollu. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti biddlu t-talba tagħhom, minn naħa, billi llimitaw il-portata għat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-annessi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, billi estendewha għall-osservazzjonijiet u għad-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mit-trasportaturi inkriminati l-oħra fil-kuntest tar-rikorsi rispettivi tagħhom kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

86      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti setgħu jikkonsultaw il-provi kollha li huma għandhom dritt ta’ aċċess għalihom u li l-allegazzjonijiet tagħhom dwar l-eżistenza ta’ provi oħra li jiskaġunaw fil-proċess tal-kawża jammontaw biss għal sempliċement spekulazzjoni.

87      Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li eżaminat bir-reqqa t-talbiet għal aċċess għad-dokumenti li ressqu r-rikorrenti. Dawn ma għandhomx dritt li jaċċedu għat-tweġibiet kollha ta’ trasportaturi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni hija obbligata tiżvela dawn id-dokumenti lir-rikorrenti biss jekk jirriżulta li jkun fihom provi inkriminanti jew li jiskaġunaw ġodda jew li huma essenzjali sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw iċ-ċifri li użat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

88      Il-Kummissjoni toġġezzjona għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-aspetti tal-kawża li fir-rigward tagħhom ġie rrifjutat l-aċċess għal provi li jiskaġunaw.

89      Barra minn hekk, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba tar-rikorrenti li tittieħed miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja. Il-Kummissjoni tqisha sproporzjonata, b’mod partikolari minħabba li r-rikorrenti naqsu milli jipprovdu anki minimu ta’ provi insostenn tal-utilità tad-dokumenti mitluba għall-finijiet tal-kawża.

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, li tagħmel magħrufa b’mod utli l-perpsettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66).

91      Korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-proċess tal-kawża jfisser li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża. Dawn jinkludu kemm il-provi inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68).

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, it-tweġiba tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, fil-prinċipju, inkluża fis-sett ta’ dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 163).

93      Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 101(1) TFUE, il-partijiet l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jingħataw il-possibbiltà li jesprimu l-perspettiva tagħhom fuq dik il-prova. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is‑silta inkwistjoni jew id-dokument anness magħha fil‑fatt jikkostitwixxu prova inkriminanti kontra d‑diversi partijiet li kienu involuti fil‑ksur (ara s‑sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Skont il-ġurisprudenza, is-siltiet minn tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jikkostitwixxu provi inkriminanti meta l-Kummissjoni tużahom fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkorrobora oġġezzjoni li takkuża lill-impriża kkonċernata biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 54).

95      Min-naħa l-oħra, is-siltiet minn risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tiċċita fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġbor fil-qosor u tirrispondi argument magħmul minn destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva ma jistgħux jitqiesu bħala provi inkriminanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 391).

96      Hija l-impriża kkonċernata, jekk ikun il-każ, li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha seta’ kien differenti kieku dokument li ma ġiex ikkomunikat lil din l-impriża u li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu biex tagħmel konstatazzjoni ta’ ksur kontra dik l-impriża kellu jiġi miċħud bħala prova inkriminanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 78 u 79; ara, ukoll, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fir-rigward ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, hija ġurisprudenza stabbilita li l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-andament tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009), Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew li seta’ jaffettwa ħażin jew jagħmel iktar diffiċli d-difiża tal-interessi ta’ din l-impriża matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 368).

98      F’dan ir-rigward, silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew dokument anness ma’ tali tweġiba li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ impriża jikkostitwixxu element li jiskaġuna, sa fejn dawn jippermettu lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu d-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punt 34).

99      Madankollu, is-sempliċi fatt li impriżi oħra invokaw l-istess argumenti bħal dawk tal-impriża kkonċernata u li dawn, jekk ikun il-każ, użaw iktar riżorsi għad-difiża tagħhom ma huwiex suffiċjenti sabiex dawn l-argumenti jitqiesu bħala elementi li jiskaġunaw (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata li tiżvela fuq inizjattiva tagħha stess, l-impriżi kkonċernati ma jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw validament in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ allegati elementi li jiskaġunaw li jinsabu fir-risposti għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ladarba huma ma talbux aċċess għal dawn ir-risposti matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, FMC Foret vs Il-Kummissjoni, T‑191/06, EU:T:2011:277, punt 292).

101    Għandu jitfakkar ukoll li hija l-impriża li tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha li għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tad-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati lilha mill-Kummissjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 80).

102    F’dan il-każ, għandha ssir distinzjoni bejn l-allegati provi inkriminanti u l-allegati provi li jiskaġunaw li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw in-nuqqas ta’ żvelar.

a)      Fuq l-allegati provi inkriminanti

103    L-allegati provi inkriminanti li r-rikorrenti ma kellhomx aċċess għalihom kollha jirrigwardaw id-deskrizzjoni u l-analiżi, li jinsabu fil-premessi 976 sa 989 u 998 sa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-qafas regolatorju u tal-prassi amministrattiva applikabbli għall-istabbiliment tat-tariffi tat-trasportaturi f’ċerti pajjiżi terzi. Ir-rikorrenti jirreferu, f’dan ir-rigward, qabel kollox, għar-riferimenti diretti tal-Kummissjoni għar-risposti ta’ CPA, ta’ British Airways, ta’ Cargolux, ta’ traportatur ieħor u ta’ Japan Airlines għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sussegwentement, għall-elementi li impliċitament jirreferu għall-imsemmija risposti u, fl-aħħar nett, għad-dokumenti mhux żvelati li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom mingħajr ma dawn neċessarjament kienu ġejjin minn trasportaturi oħra destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

104    L-ewwel nett, fir-rigward tar-riferimenti diretti għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, essenzjalment, dawn ma humiex sempliċi sunt ta’ argument żviluppat minn destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 95 iktar ‘il fuq.

105    Minn naħa, dan japplika fir-rigward tal-affermazzjonijiet ta’ Japan Airlines u ta’ trasportatur ieħor riprodotti fil-premessi 1003, 1005 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom, l-ewwel nett, l-awtoritajiet Ġappuniżi ma kinux jeżiġu, sal-2006, riferiment għall-ftehim mat-trasportaturi magħżula mill-ASA applikabbli fil-kuntest tat-tressiq ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ sovrataxxi u, it-tieni, ma kien ġie impost l-ebda obbligu ta’ koordinazzjoni fuq it-titjiriet bejn il-Ġappun u r-Renju Unit.

106    Kif isostnu r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn id-dikjarazzjonijiet insostenn tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ prassi amministrattiva li ġiegħlet lit-trasportaturi inkriminati jikkoordinaw is-sovrataxxi matul il-perijodu tal-ksur u b’hekk biex tikkorrobora t-teżi tagħha li tgħid li l-aġir implimentat fil-Ġappun kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Analiżi tas-sistema regolatorja Ġappuniża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-premessi 1005 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-imsemmija dikjarazzjonijiet sabiex tistabbilixxi ż-żewġ konstatazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel, l-ASA konklużi bejn il-Ġappun u l-Istati li huma partijiet għall-Ftehim ŻEE fil-prattika ma kinux jobbligaw lit-trasportaturi jiftiehmu dwar it-tariffi, sa fejn kien biżżejjed għalihom, sabiex jiġi evitat tali obbligu, li jagħmlu riferiment, fit-talba tagħhom dwar is-STK, għal allegat ftehim fi ħdan il-IATA. It-tieni, l-awtoritajiet Ġappuniżi ma kienu jimponu l-ebda obbligu ta’ koordinazzjoni fir-rigward tat-titjiriet bejn il-Ġappun u r-Renju Unit.

107    Min-naħa l-oħra, dan japplika wkoll fir-rigward tal-affermazzjonijiet ta’ CPA, ta’ Cargolux u ta’ British Airways imsemmija fil-premessi 977 sa 979 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħhom dawn it-tliet trasportaturi jirrikonoxxu li kien possibbli li jitressqu talbiet individwali għall-approvazzjoni ta’ sovrataxxi f’Ħong Kong, b’mod partikolari fid-dawl ta’ ammont fiss ta’ STK. Dawn l-affermazzjonijiet jidhru, ċertament, f’parti mid-deċiżjoni kkontestata intitolata “Argumenti tat-trasportaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, kif ġustament jirrilevaw ir-rikorrenti, fil-premessa 987 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-analiżi tal-prassi amministrattiva f’Ħong Kong, il-Kummissjoni ssemmi dan li ġej:

“Partijiet oħra jiċħdu l-eżistenza possibbli ta’ rekwiżit [li jiġu diskussi t-tariffi u li tiġi mressqa talba kollettiva quddiem id-dipartiment tal-avjazzjoni ċivili ta’ Ħong Kong (iktar ’il quddiem id-“DAC”)], bi wħud minnhom jargumentaw li d-DAC ħeġġeġ, u mhux irrikjeda, il-ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

108    Issa, din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinftiehem biss bħala li tirreferi għad-dikjarazzjonijiet ta’ CPA, ta’ Cargolux u ta’ British Airways imsemmija fil-premessi 977 sa 979 tad-deċiżjoni kkontestata.

109    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet ta’ CPA riprodotti fil-premessa 1004 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala provi inkriminanti, peress li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tistabbilixxi l-ksur uniku u kontinwu.

110    Sussegwentement, fir-rigward tal-elementi li impliċitament jirreferu għall-imsemmija risposti, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mis-silta tal-premessa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “ma huwiex allegat li l-partijiet kellhom l-obbligu li jiftiehmu fuq is-STS jew fuq il-ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jirriżultax li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi inkriminanti mhux żvelati. Fil-fatt, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni sempliċement tosserva li l-ebda prova ta’ tali obbligu ma ġiet ipprovduta bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

111    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti mhux żvelati li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni mingħajr ma dawn tal-aħħar neċessarjament kienu ġejjin minn trasportaturi oħra li kienu destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti jsemmu d-dokumenti li ntużaw għall-analiżi tal-leġiżlazzjoni Ġappuniża u tal-ASA applikabbli f’pajjiżi terzi oħra minbarra Ħong Kong u l-Ġappun imsemmija fil-premessi 998 sa 1001, 1009, 1010 u 1013 sa 1019 tad-deċiżjoni kkontestata.

112    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-premessi ma jirreferu għall-ebda dokument tal-proċess tal-investigazzjoni, la dawk ipprovduti qabel u lanqas dawk ipprovduti wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni sempliċement tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-leġiżlazzjoni Ġappuniża u tal-ASA li huma partijiet għalihom il-pajjiżi terzi kkonċernati u tikkonstata li ma ntweriex li dawn jeżiġu li t-trasportaturi jimplimentaw koordinazzjoni tat-tariffi. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma dawk li jirreferu għalihom uħud mit-trasportaturi li huma destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-argumenti tagħhom bħala tweġiba għaliha, kif jirriżulta mill-premessi 1002, 1003 u 1013 tad-deċiżjoni kkontestata.

113    Ir-rikorrenti baqgħu ma spjegawx kif is-siltiet inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata jiżvelaw l-eżistenza ta’ dokument jew dokumenti inkriminanti li ma ġewx żvelati u li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

114    Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti f’dan ir-rigward qegħdin jilmentaw li l-Kummissjoni ma tathomx aċċess għat-test tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġuridiku applikabbli fil-Ġappun u fil-pajjiżi terzi l-oħra kkonċernati fir-rigward tas-sovrataxxi ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, element inkriminanti u li, fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni fil-prinċipju hija pubblika u aċċessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, EU:T:2006:270, punt 354). Qabel kollox, il-punt 139 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iddikjara li, fil-Ġappun, “il-koordinazzjoni [tal-]implimentazzjoni [tas-STS] bejn [it-trasportaturi] bl-ebda mod ma [kienet] obbligatorja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u l-premessa 1439 tagħha kienet tinkludi analiżi tal-klawżoli tal-iffissar konġunt tal-prezzijiet li jinsabu, fejn applikabbli, f’ASA. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienu ngħataw il-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni.

115    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għas-siltiet minn tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija fil-premessi 977 sa 979, 1003, 1005 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata u li huma deskritti fil-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq.

b)      Fuq l-allegati provi li jiskaġunaw

116    F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-partijiet jaqblu li d-dokumenti li fihom, skont ir-rikorrenti, hemm elementi li jiskaġunaw kienu s-suġġett ta’ talbiet għal aċċess mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

117    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fil-parti l-kbira tagħhom, sempliċement jinvokaw il-fatt li ċerti trasportaturi inkriminati jew destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet invokaw l-istess argumenti bħal fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex xierqa biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ elementi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punti 43 u 44).

118    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jispekulaw dwar l-eżistenza ta’ dokumenti li jiskaġunaw ipprovduti mit-trasportaturi l-oħra, huma ma jipprovdux provi prima facie tal-utilità tagħhom għall-finijiet ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T357/06, EU:T:2012:488, punt 164). Barra minn hekk, jekk jintlaqgħu l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti minkejja l-ġeneralità tagħhom, il-konsegwenza tkun li dawn jibbenefikaw mill-isforzi u mir-riżorsi iktar sinjifikattivi magħmula u użati, jekk ikun il-każ, mit-trasportaturi l-oħra, għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq.

119    B’mod speċifiku, fir-rigward tad-dokumenti li hija bbażata fuqhom id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-alleanza WOW li hemm fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Lulju 2005 fil-każ COMP/M.3770 – Lufthansa/Swiss, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuqhom fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u li r-riferiment li sar għal din id-deċiżjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1386 tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat biss, kif tirrileva l-Kummissjoni, fuq informazzjoni pubblika.

120    Fir-rigward tal-elementi li allegatament jipprovaw l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ kapaċitajiet bejn Lufthansa u d-destinatarji ta’ għadd ta’ messaġġi elettroniċi mibgħuta minn Lufthansa fir-rigward ta’ aġġustament tar-rati tal-STK tagħha, u li jservu għalhekk biex isostnu spjegazzjoni alternattiva plawżibbli għal dawn il-messaġġi elettroniċi, jiġifieri l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni leġittima minn fornitur lill-klijenti tiegħu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti, kif enfasizzat mill-Kummissjoni, diġà kien qajmu, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-argument li jgħid li d-destinatarji tal-messaġġi elettroniċi inkwistjoni kienu klijenti ta’ Lufthansa, it-tieni, li huma diġà kellhom, permezz tal-elementi li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, lista tat-trasportaturi li huma partijiet fi ftehim ta’ xiri ta’ kapaċitajiet ma’ Lufthansa, kif ammettew huma stess waqt is-seduta, u, it-tielet, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet l-argument tagħhom billi enfasizzat, fil-premessa 797, li l-avviżi kienu għamlu lir-rikorrenti konxji li Lufthansa kienet impenjata f’negozjati ma’ trasportaturi oħra. Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqsu milli juru li l-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi setgħet tkun utli għalihom fil-kuntest tad-difiża tagħhom.

121    Fir-rigward tal-elementi li kienu ġew ipprovduti mit-trasportaturi mhux inkriminati, ir-rikorrenti, billi jsostnu li l-imsemmija elementi setgħu ikunu ta’ natura li jiskaġunaw għad-difiża tagħhom, peress li t-trasportaturi mhux inkriminati kienu involuti fil-kuntatti kontenzjużi li ġew invokati kontra r-rikorrenti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, qegħdin jagħmlu suppożizzjonijiet estremament ġenerali. Issa, minħabba l-ġeneralità tagħha, l-ipoteżi tar-rikorrenti ma tistax tikkostitwixxi indikazzjoni preċiża biżżejjed tal-eżistenza ta’ elementi li jiskaġunaw fit-tweġibiet tal-imsemmija trasportaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, EU:T:2012:488, punt 164).

122    L-istess jgħodd għall-argument tar-rikorrenti fejn isostnu li, peress li l-impjegati tagħhom ipparteċipaw biss f’”parti minima” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-aġir inkwistjoni, il-provi li jiġġustifikaw il-biċċa l-kbira tal-imsemmi aġir jinsabu f’idejn it-trasportaturi inkriminati l-oħra.

123    Fl-aħħar nett, huwa inutli li r-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑30/91, EU:T:1995:115), li fiha l-Qorti Ġenerali indikat li ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi waħedha jekk id-dokumenti ssekwestrati fil-kuntest tal-inkjesta kinux ta’ natura li jiskaġunaw lill-impriżi kkonċernati, peress li dik il-kawża kienet tikkonċerna dokumenti li kienu parti mill-fajl tal-investigazzjoni stess. Issa, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li l-prinċipju li ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni waħedha li tiddetermina d-dokumenti li huma utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata jikkonċerna d-dokumenti li jifformaw parti mill-fajl tal-Kummissjoni u ma jistax japplika għal risposti mogħtija minn partijiet ikkonċernati oħra għall-oġġezzjonijiet ikkomunikati mill-Kummissjoni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 254).

c)      Konklużjoni

124    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess għas-siltiet tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet invokati fil-premessi 977 sa 979, 1003, 1005 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata. F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, ser jiġi evalwat iktar ’il quddiem (ara l-punt 550 iktar ’il quddiem), fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, jekk ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kienx ikun differenti kieku dawn is-siltiet kellhom jiġu miċħuda bħala mezzi ta’ prova inkriminanti.

125    Fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji sabiex jiksbu l-produzzjoni tat-tweġibiet tad-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tal-annessi tagħhom kif ukoll l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mit-trasportaturi l-oħra fil-kuntest tar-rikorsi rispettivi tagħhom kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, huma jsostnu li l-produzzjoni tagħhom tippermettilhom jistabbilixxu li dawn id-dokumenti kienu utli għad-difiża tagħhom u, għaldaqstant, li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħhom.

126    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-ewwel motiv abbażi tal-elementi quddiemha, u li hija biss tista’ tiġġudika l-ħtieġa li tissupplimenta l-elementi ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha billi tieħu l-miżuri mitluba f’din il-kawża, li ma jistgħux ikunu intiżi biex ipattu għan-nuqqas tar-rikorrenti li jressqu provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 44). Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, kemm sa fejn jirrigwardaw it-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll sa fejn jirrigwardaw l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza

127    Ir-rikorrenti jressqu dan il-motiv f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, u t-tieni waħda bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin

128    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom għal smigħ u marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha billi kkonstatat u ssanzjonat ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq rotot deħlin, affermazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

129    Għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ aġir adottat barra mit-territorju taż-ŻEE, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont id-dritt internazzjonali pubbliku li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-kriterju tal-implimentazzjoni jew tal-kriterji tal-effetti kkwalifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 40 sa 47, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punti 95 sa 97).

130    Dawn il-kriterji huma alternattivi u mhux kumulattivi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 98; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 62 sa 64).

131    Fil-premessi 1043 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha kemm fuq il-kriterju tal-implimentazzjoni kif ukoll fuq il-kriterju tal-effetti kkwalifikati sabiex tistabbilixxi, fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-kompetenza tagħha li tikkonstata u li tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin.

132    Peress li r-rikorrenti jallegaw żball fl-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel teżamina jekk il-Kummissjoni setgħetx tinvoka l-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza jekk ir-rikorrenti humiex iġġustifikati, minn naħa, li jallegaw ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju u, min-naħa l-oħra, li jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat fl-applikazzjoni tiegħu. F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, huwa biss fejn tal-inqas waħda minn dawn iż-żewġ oġġezzjonijiet hija fondata li jkollu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-implimentazzjoni.

1)      Fuq id-dritt għal smigħ

133    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ċaħdithom mill-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka l-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Hija lanqas ma indikat f’din id-dikjarazzjoni r-raġunijiet li hija bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonkludi li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt.

134    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 35).

136    Dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni tibgħat lil impriża li tipprevedi li ser timponi penali fuqha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun fiha l-elementi essenzjali użati kontriha, bħall-fatti invokati, il-kwalifika tagħhom u l-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, sabiex l-impriża tkun tista’ tagħmel l-argumenti tagħha b’mod effettiv fil-proċedura amministrattiva miġjuba kontriha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 36).

137    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), li japplikaw dan il-prinċipju, jeżiġu lill-Kummissjoni tadotta biss, fid-deċiżjoni finali tagħha, l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati kellhom l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom.

138    Fl-istess ħin, għandha titqies in-natura provviżorja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li timplika li l-eżistenza ta’ differenzi bejn dan l-aħħar dokument u d-deċiżjoni finali ma hijiex biss possibbli, iżda legali, sa fejn id-deċiżjoni finali tirrifletti l-provi kollha mressqa u diskussi matul il-proċedura amministrattiva, inkluż wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 67).

139    Huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li għandu jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punt 706 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza, dan ma huwiex il-każ meta d-differenzi allegati bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw biss aġir li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti kienu diġà spjegaw ruħhom u li, għaldaqstant, ma humiex relatati ma’ oġġezzjoni ġdida (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punti 84 u 85).

140    Il-partijiet jaqblu li, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tirreferix għall-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, billi f’din id-deċiżjoni bbażat ruħha fuq il-kriterju tal-effetti kkwalifikati għall-fondatezza, fir-rigward tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-kompetenza tagħha sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin, il-Kummissjoni la imponiet fuq ir-rikorrenti oġġezzjonijiet ġodda u lanqas ma emendat il-kontenut ta’ dawk li kienet ikkunsidrat b’mod provviżorju fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

141    Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet diġà indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kellha l-intenzjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin. Fil-premessa 129 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni b’hekk osservat li l-“ksur kien ikopri s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fl-U[njoni]/ŻEE u fl-Isvizzera u fuq rotot bejn ajruporti tal-U[njoni]/ŻEE u l-pajjiżi terzi fid-dinja kollha, fiż-żewġ direzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 1430 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni rrilevat li “l-attivitajiet antikompetittivi kollha li jinvolvu lil kull wieħed mill-parteċipanti kienu jifformaw parti minn għan globali, jiġifieri li jiġu miftiehma l-prezzijiet jew tal-inqas tiġi eliminata l-inċertezza fuq il-prezzijiet fis-suq tat-trasport tal-merkanzija taż-ŻEE, inkluż fuq ir-rotot bejn l-ajruporti taż-ŻEE u l-pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

142    Il-Kummissjoni ġġustifikat ukoll il-kompetenza tagħha sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin sa mill-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-premessa 1390 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni b’hekk irrilevat li hija kienet “kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu [101 TFUE] għall-arranġamenti dwar it-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-[Unjoni] u pajjiżi terzi li setgħu affettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 1394 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni żiedet tgħid li hija kienet ukoll “kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-arranġamenti għat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti ta[ż-ŻEE] u l-pajjiżi terzi li jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE jew bejn partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

143    Barra minn hekk, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti b’mod espliċitu kkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet. It-Taqsima 11 tar-risposta ta’ SAS Cargo għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-Taqsima 6 tar-risposta ta’ SAS Consortium għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma għalhekk kompletament iddedikati għall-eżami tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin.

144    Fil-premessi 1042 sa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement wieġbet dawn l-argumenti, f’konformità mal-possibbiltà mogħtija lilha, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, li tirrevedi jew tissupplimenta l-argumenti tagħha ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-oġġezzjonijiet li għamlet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 82).

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati ma ġiex diskuss speċifikament matul il-proċedura amministrattiva huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

146    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi invokat il-kriterju tal-effetti kkwalifikati għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata.

147    Ir-rikorrenti lanqas ma huma fondati li jsostnu li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati fil-premessi 1045 u 1046 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq fatti li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-fatti li fuqhom huma bbażati dawn il-premessi, fil-fatt, kollha jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’hekk, il-motiv imsemmi fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata u li jirrigwarda l-effett tal-aġir kontenzjuż fuq il-konsumaturi taż-ŻEE huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-istruttura tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, mar-rwol tal-burdnara bħala intermedjarji bejn it-trasportaturi u l-ispedituri u man-natura tal-ksur uniku u kontinwu (inkluża l-kwalifika tiegħu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”), li diġà kienu jinsabu fil-premessi 7, 104, 1396 sa 1411 u 1434 sa 1438 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Bl-istess mod, il-motiv relatat mal-effetti fuq il-kompetizzjoni tas-servizzi bejn il-kumpanniji tal-ajru stabbilit fl-istess premessa huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-settur tat-trasport tal-merkanzija msemmija fil-premessi 7, 9, 102 u 105 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż u tal-inklużjoni tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin fil-ksur uniku u kontinwu msemmija fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma ttrattati fil-premessi 3, 125, 129, 1045, 1390, 1394 u 1430 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

148    Minn dan isegwi li r-rikorrenti baqgħu ma pprovawx li d-dritt tagħhom għal smigħ kien inkiser f’dan ir-rigward.

2)      Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati

149    Fir-rikors, ir-rikorrenti kkontestaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, li dwarhom sostnew, essenzjalment, li dan ma kienx irrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni u li kien ġie invokat bi ksur tal-prinċipju tan-nonretroattività. Madankollu, fir-replika, huma indikaw li kienu qegħdin jirtiraw dawn l-argumenti fid-dawl tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632).

150    Ir-rikorrenti jsostnu, madankollu, li l-Kummissjoni żbaljat fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Il-Kummissjoni allegatament invertiet l-oneru tal-prova u bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet żbaljati u li jiksru d-dritt internazzjonali pubbliku sabiex tikkonkludi li dan il-kriterju kien ġie ssodisfatt.

151    Skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 49 sa 51), jirriżulta li l-effetti tal-ftehim kontenzjuż jew tal-prattika kontenzjuża għandhom jinħassu speċifikament fuq il-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern. Dawn l-effetti għandhom ikunu immedjati, sostanzjali u prevedibbli u għandhom ikunu probabbli.

152    F’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sovrataxxi ġew ittrasferiti fil-livell tal-katina tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni u kienu jaffettwaw lill-konsumaturi ġewwa ż-ŻEE fil-forma ta’ żieda fil-prezzijiet tal-merkanzija importata. Issa, tali effetti la huma immedjati u lanqas prevedibbli. Lanqas ma huma sostnuti, iżda, għall-kuntrarju, huma purament spekulattivi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, dan kellu effett biss fuq il-burdnara.

153    Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tipprova n-natura sostanzjali tal-effetti tal-aġir oġġezzjonat fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE. Dan l-aġir kien jikkonċerna biss żewġ sovrataxxi, li kienu jirrappreżentaw frazzjoni tal-prezz finali. Issa, fil-livell tat-teorija ekonomika, il-koordinazzjoni ta’ parti żgħira minn prezz ma għandhiex effett fuq il-kompetittività tal-prezz totali. Barra minn hekk, l-effett tal-aġir li r-rikorrenti kienu involuti fih f’pajjiżi terzi seta’ biss itejjeb, u mhux jillimita, il-kompetittività tal-prodotti importati fiż-ŻEE. Fil-fatt, dan l-aġir wassal għal tnaqqis tas-sovrataxxi fl-Istati Uniti, f’Ħong Kong, fil-Ġappun u fit-Tajlandja.

154    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rreferiet għall-effetti fuq il-kompetizzjoni tas-servizzi bejn il-kumpanniji tal-ajru, li t-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi li ma joperawx f’ajruport tad-destinazzjoni finali li jinsab fiż-ŻEE jixtru mingħand trasportaturi oħra. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet dawn l-effetti b’mod li ma tantx kien ċar u kien insuffiċjenti. Il-Kummissjoni lanqas ma tat provi insostenn tar-raġunament tagħha u huwa dubjuż kemm tali provi jeżistu.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

156    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, ibbażat ruħha fuq tliet motivi separati sabiex ikkonstatat li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt f’dan il-każ.

157    L-ewwel żewġ motivi jidhru fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif ikkonfermat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, dawn il-motivi jikkonċernaw l-effetti tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom. L-ewwel motiv huwa li ż-“żieda fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk il-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata [set]għu, min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tieni motiv jikkonċerna l-effetti tal-koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin “anki fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ [trasport ta’ merkanzija] minn trasportaturi oħra fiż-ŻEE, bejn il-pjattaformi ta’ korrispondenza (“hubs”) fiż-ŻEE użati mit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-ajruporti tad-destinazzjoni ta’ dawk il-kunsinni fiż-ŻEE li t-trasportatur tal-pajjiż terz ma joperax minnhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

158    It-tielet motiv jidher fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata u jikkonċerna, kif jirriżulta mir-risposti tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

159    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġu eżaminati kemm l-effetti ta’ koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom kif ukoll l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu, u li tibda b’dawk tal-ewwel.

i)      Fuq l-effetti tal-koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom

160    L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel motiv li fuqu hija bbażata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati huwa ssodisfatt f’dan il-każ (iktar ’il quddiem l-“effett kontenzjuż”).

161    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u taż-ŻEE fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku meta jkun prevedibbli li l-aġir kontenzjuż ser jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fis-suq intern jew fi ħdan iż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 90).

162    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw kemm ir-rilevanza tal-effett kontenzjuż (ara l-punti 163 sa 179 iktar ’il quddiem) kif ukoll il-prevedibbiltà tiegħu (ara l-punti 183 sa 200 iktar ’il quddiem), is-sostanzjalità tiegħu (ara l-punti 201 sa 216 iktar ’il quddiem) u n-natura immedjata tiegħu (ara l-punti 217 sa 226 iktar ’il quddiem).

–       Fuq ir-rilevanza tal-effett kontenzjuż

163    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ftehim jew fi prattika miftiehma tkun tinsab fi Stat terz ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, meta dak il-ftehim jew dik il-prattika, rispettivament, ikollhom effetti fis-suq intern jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11).

164    L-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandha preċiżament l-għan li twaqqaf aġir li, filwaqt li tassew ma ġiex adottat fit-territorju taż-ŻEE, l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq intern jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 45).

165    Dan il-kriterju ma jeżiġix li jiġi stabbilit li l-aġir inkwistjoni pproduċa effetti li fil-fatt seħħew fis-suq intern jew fiż-ŻEE. Għall-kuntrarju, skont il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett probabbli ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 51).

166    Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern jew fiż-ŻEE mit-theddid għall-funzjonament effettiv tagħha.

167    Meta jiġi kkonstatat aġir li l-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, tkun qieset li jirriżulta fi grad ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq intern jew fiż-ŻEE b’tali mod li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati lanqas ma tista’ teħtieġ, kif jaqblu r-rikorrenti, li jintwerew l-effetti konkreti li tippreżupponi l-klassifikazzjoni ta’ aġir bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba r-“riżultat” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif isostnu r-rikorrenti, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati huwa mnaqqax fil-formulazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li huma intiżi biex iwaqqfu l-ftehimiet u l-prattiki li jillimitaw il-kompetizzjoni, rispettivament, fis-suq intern u fiż-ŻEE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu ftehimiet u prattiki li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, rispettivament, “fi ħdan is-suq intern” u “fit-territorju kopert [bil-Ftehim ŻEE]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 42).

169    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan antikompetittiv u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Minn dan isegwi li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 917 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-aġir kontenzjuż ladarba l-għan antikompetittiv tiegħu jkun ġie stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 496, u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 55).

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, fis-sens li huma meħtieġa provi tal-effetti konkreti tal-aġir kontenzjuż anki fil-preżenza ta’ limitazzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”, tissuġġetta l-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal kundizzjoni mingħajr fondatezza fit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

172    Qabel kollox, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-effett inkwistjoni b’mod suffiċjenti.

173    Fil-fatt, fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset li l-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, seta’ jżid l-ammont tas-sovrataxxi u, konsegwentement, il-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin u li l-burdnara kienu għaddew din l-ispiża addizzjonali lill-ispedituri stabbiliti fiż-ŻEE, li kellhom iħallsu prezz ogħla għall-merkanzija li xtraw minn dak li kien jiġi ffatturat lilhom fin-nuqqas tal-imsemmi ksur.

174    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jitqies li dan l-effett huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, minħabba li dan ma jinħassx speċifikament fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern.

175    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqsu milli jispjegaw x’riedu jfissru b’dan l-argument.

176    Fit-tieni lok, jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġu interpretat fis-sens li l-aġir kontenzjuż, sa fejn jikkonċerna r-rotot deħlin, ma setax jillimita l-kompetizzjoni fiż-ŻEE, għar-raġuni li dan l-aġir seħħ biss fil-pajjiżi terzi fejn huma stabbiliti l-burdnara li xtraw servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin mingħand it-trasportaturi inkriminati, għandu jiġi osservat li dawn huma żbaljati.

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandha ssir fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 13).

178    F’dan il-każ, mill-premessi 14, 17 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-risposti tal-partijiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-trasportaturi jbigħu s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija tagħhom esklużivament jew kważi esklużivament lill-burdnara. Issa, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, kważi l-bejgħ kollu jsir fil-punt ta’ oriġini tar-rotot inkwistjoni, barra miż-ŻEE, fejn huma stabbiliti l-imsemmija burdnara. Fil-fatt, mir-rikors jirriżulta li, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006, il-proporzjon tal-bejgħ tar-rikorrenti ta’ servizzi ta’ merkanzija deħlin lil klijenti bbażati fiż-ŻEE kien biss wieħed negliġibbli.

179    Madankollu, għandu jiġi osservat li, jekk il-burdnara jixtru dawn is-servizzi, jagħmlu dan b’mod partikolari bħala intermedjarji, sabiex jikkonsolidawhom f’sett ta’ servizzi li l-għan tiegħu, minnu nnifsu, huwa li jorganizza t-trasport integrat tal-merkanzija lejn it-territorju taż-ŻEE f’isem l-ispedituri. Kif jirriżulta mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn tal-aħħar jistgħu b’mod partikolari jkunu x-xerrejja jew il-proprjetarji tal-merkanzija ttrasportata. Għalhekk huwa tal-inqas probabbli li dawn ikunu stabbiliti fiż-ŻEE.

180    Minn dan isegwi li, kemm-il darba l-burdnara jżidu mal-prezz tas-settijiet ta’ servizzi tagħhom kull spiża addizzjonali possibbli li tirriżulta mill-akkordju kontenzjuż, huwa b’mod partikolari fuq il-kompetizzjoni bejn il-burdnara sabiex jattiraw lill-klijenti spedituri li l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu, sa fejn jikkonċerna r-rotot deħlin, jista’ jkollhom impatt u, konsegwentement, huwa fis-suq intern jew fiż-ŻEE li l-effett kontenzjuż jista’ jimmaterjalizza.

181    Konsegwentement, l-ispejjeż addizzjonali li l-ispedituri seta’ kellhom iħallsu u ż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE li setgħet irriżultat minnha huma fost l-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

182    F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 161 iktar ’il fuq, il-mistoqsija għalhekk hija jekk dan l-effett għandux in-natura prevedibbli, sostanzjali u immedjata meħtieġa.

–       Fuq in-natura prevedibbli tal-effett kontenzjuż

183    Ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali billi jiggarantixxi li l-impriżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati minħabba l-effetti li jirriżultaw mill-aġir tagħhom fil-prattika, iżda li ma setgħux raġonevolment ikunu mistennija li jseħħu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Otis Gesellschaft et, C‑435/18, EU:C:2019:651, punt 83).

184    B’hekk, ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà huwa ssodisfatt mill-effetti li l-partijiet fl-akkordju inkwistjoni raġonevolment għandhom ikunu jafu li ser iseħħu, abbażi ta’ dak li ġeneralment iseħħ, għall-kuntrarju tal-effetti li jirriżultaw minn żvolġiment kompletament eċċezzjonali ta’ ċirkustanzi u, minħabba f’hekk, minn sekwenza atipika ta’ kawżi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 42).

185    Issa, mill-premessi 846, 909, 1199 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tinvolvi aġir kollużiv ta’ ffissar orizzontali tal-prezzijiet, li l-esperjenza tiegħu turi li b’mod partikolari jwassal għal żidiet fil-prezzijiet, u b’hekk iwassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51).

186    Mill-premessi 846, 909, 1199 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li dan l-aġir kien relatat mas-STK, mas-STS u mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

187    F’dan il-każ, kien għalhekk prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-iffissar orizzontali tas-STK u tas-STS kien ser iwassal għal żieda fil-livell tagħhom. Kif jirriżulta mill-premessi 874, 879 u 899 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien ta’ natura li jkabbar tali żieda. Fil-fatt, dan kien jammonta għal rifjut miftiehem li jingħataw restituzzjonijiet tas-sovrataxxi lill-burdnara u b’hekk kien probabbli li jippermetti lit-trasportaturi inkriminati “jżommu taħt kontroll l-inċertezza fil-qasam tat-tariffi li setgħet toħloq il-kompetizzjoni fuq il-ħlas ta’ kummissjonijiet [fil-kuntest tan-negozjati mal-burdnara]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 874 tal-imsemmija deċiżjoni) u b’hekk jeliminaw is-sovrataxxi mill-kompetizzjoni (premessa 879 tal-imsemmija deċiżjoni).

188    Issa, mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija jikkonsisti mit-tariffi u mis-sovrataxxi, fosthom is-STK u s-STS. Sakemm ma jitqiesx li żieda fis-STK u fis-STS, minħabba effett ta’ riperkussjonijiet probabbli biżżejjed li jseħħ, kienet ser tkun ikkumpensata bi tnaqqis korrispondenti fit-tariffi u f’sovrataxxi oħra, tali żieda kienet, fil-prinċipju, ta’ natura li twassal għal żieda fil-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin.

189    Issa, ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li effett ta’ riperkussjonijiet kien tant probabbli li l-effett kontenzjuż sar imprevedibbli.

190    Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement jagħmlu riferiment vag għat-“teorija ekonomika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u riferiment, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ħames motiv, għad-dikjarazzjoni orali ta’ espert matul is-seduta quddiem il-Kummissjoni. Issa, l-ewwel nett, din id-dikjarazzjoni ma hijiex akkumpanjata mill-istudju li hija tibbaża ruħha fuqu, u lanqas mid-data mhux ipproċessata sottostanti li setgħet tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-plawżibbiltà tagħha. It-tieni, l-imsemmija dikjarazzjoni hija bbażata fuq metodoloġija li ma taqbilx mal-portata tal-ksur uniku u kontinwu kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata. Il-metodu tad-“differenza fid-differenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fuqu hija bbażata l-imsemmija dikjarazzjoni, fil-fatt iqabbel l-iżvilupp tal-prezzijiet iffatturati fuq ir-rotot “potenzjalment affettwati mid-diskussjonijiet u fuq ir-rotot li huwa magħruf li ma ġew affettwati minn ebda diskussjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li, barra minn hekk, baqa’ ma ġiex identifikat. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-STK u s-STS kienu “miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta” u li “kienu intiżi li jiġu applikati għar-rotot kollha, fuq livell dinji, inkluż fuq ir-rotot li […] jispiċċaw fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dikjarazzjoni tikkonċerna lil AF u, f’punt iktar baxx, lil KLM. Issa, għalkemm l-imsemmija dikjarazzjoni tikkonkludi li kien hemm effett ta’ riperkussjonijiet f’dan il-każ, kien biss minħabba li t-tariffi ffatturati minn AF u KLM kienu flessibbli biżżejjed u setgħu jonqsu malajr biżżejjed sabiex ipattu għal kwalunkwe żieda fis-STK u fis-STS. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti rrilevaw li t-“tariffi tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru [kienu] stabbiliti minn qabel għal mill-inqas sitt xhur [u li] t-trasportaturi [kienu] jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali għall-karburant permezz ta’ taxxa addizzjonali (is-STK) li setgħet tiġi aġġustata iktar malajr biex tirrifletti l-bidliet fil-prezz tal-karburant” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet fl-akkordju kontenzjuż setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur uniku u kontinwu kellu l-effett, sa fejn kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot deħlin.

192    Il-mistoqsija għalhekk hija jekk kienx prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-burdnara kienu ser jgħaddu tali spiża addizzjonali lill-klijenti tagħhom, jiġifieri lill-ispedituri.

193    F’dan ir-rigward, mill-premessi 14 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija jikkostitwixxi dħul għall-burdnara. Din hija spiża varjabbli, li ż-żieda tagħha, fil-prinċipju, għandha l-effett li żżid l-ispiża marġinali li l-burdnara jiddefinixxu l-prezzijiet tagħhom stess b’riferiment għaliha.

194    Ir-rikorrenti ma jippreżentaw l-ebda prova li turi li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma tantx kienu jistgħu jwasslu għal riperkussjonijiet downstream, fuq l-ispedituri, fir-rigward tal-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot deħlin.

195    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien raġonevolment prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-burdnara kien ser jgħaddu tali spiża addizzjonali fuq l-ispedituri permezz ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija.

196    Issa, kif jirriżulta mill-premessi 70 u 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tal-merkanzija li t-trasport integrat tagħha ġeneralment huwa organizzat mill-burdnara f’isem l-ispedituri tinkludi l-prezz tas-servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija, u b’mod partikolari dak tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija li huma komponent tagħhom.

197    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kien għalhekk prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, kien ser ikollu bħala effett żieda fil-prezz tal-merkanzija importata.

198    Għall-motivi mogħtija fil-punt 179 iktar ’il fuq, kien ukoll prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li, kif jirriżulta mill-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-effett kien ser iseħħ fiż-ŻEE.

199    Peress li l-effett kontenzjuż kien irrilevat fil-kors normali tal-affarijiet u tar-razzjonalità ekonomika, fil-fatt, bl-ebda mod ma kien neċessarju għalihom li joperaw fis-suq tal-importazzjoni ta’ merkanzija jew tal-bejgħ mill-ġdid tagħha downstream sabiex tkun tista’ tipprevediha.

200    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-effett kontenzjuż kellu n-natura prevedibbli meħtieġa.

–       Fuq in-natura sostanzjali tal-effett inkwistjoni

201    L-evalwazzjoni tan-natura sostanzjali tal-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. Fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm b’mod partikolari t-tul, in-natura u l-portata tal-ksur. Ċirkustanzi oħra, bħall-importanza tal-impriżi li pparteċipaw f’dan l-aġir, jistgħu jkunu rilevanti wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 159, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 112).

202    Meta l-effett eżaminat jirrigwarda żieda fil-prezz ta’ oġġett jew ta’ servizz lest li jirriżulta mis-servizz tal-akkordju jew li jkun jinvolvi lil dan is-servizz, il-proporzjon tal-prezz tal-oġġett jew tas-servizz lest li jirrappreżenta s-servizz tal-akkordju wkoll jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.

203    F’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għandu jitqies li l-effett kontenzjuż, fir-rigward taż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE, huwa ta’ natura sostanzjali.

204    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tul tal-ksur uniku u kontinwu dam 21 xahar fir-rigward tar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u tmien xhur fir-rigward tar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Mill-premessi 1215 u 1217 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li dan kien ukoll it-tul tal-parteċipazzjoni tat-trasportaturi inkriminati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Lufthansa Cargo u ta’ Swiss.

205    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-ksur, mill-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-STK u s-STS kienu “miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta” u li “kienu intiżi li jiġu applikati għar-rotot kollha, fuq livell dinji, inkluż fuq ir-rotot li […] jispiċċaw fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

206    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura tal-ksur, mill-premessa 1030 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur uniku u kontinwu kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati, b’mod partikolari fuq rotot ŻEE-pajjiżi terzi. Fil-premessa 1208 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-“iffissar ta’ diversi elementi tal-prezz, inklużi ċerti sovrataxxi, [kien] jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi għall-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, konsegwentement, ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu kien jistħoqqlu l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità li jinsab “’il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prevista fil-linji gwida tal-2006.

207    Għall-finijiet ta’ kompletezza, fir-rigward tal-proporzjon tal-prezz tas-servizz tal-akkordju fil-prodott jew fis-servizz li jirriżulta minnu jew li jinvolvih, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sovrataxxi kienu jirrappreżentaw, matul il-perijodu tal-ksur, proporzjon sinjifikattiv tal-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija.

208    Minn ittra tat-8 ta’ Lulju 2005 tal-Hong Kong Association of Freight Forwarding & Logistics (l-Assoċjazzjoni ta’ Hong Kong tal-Ispedizzjoni tal-Merkanzija u tal-Loġistika) lill-President tas-sottokumitat tal-merkanzija (iktar ’il quddem l-“SCC”) tal-Board of Airline Representatives (l-Assoċjazzjoni tar-Rappreżentanti tal-Kumpanniji tal-Ajru, iktar ’il quddiem il-“BAR”) f’Ħong Kong, jirriżulta wkoll li s-sovrataxxi jirrappreżentaw “parti sinjifikattiva ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-prezz totali tal-poloz tal-vjeġġi bl-ajru li kellhom iħallsu l-burdnara. Fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li s-sovrataxxi kienu jirrappreżentaw bejn 5 u 30 % tal-prezz tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija. Kif jirriżulta mit-tabelli u mill-grafiki fl-Anness A.109 tar-rikors, dan il-proporzjon laħaq l-ogħla livell tiegħu matul il-perijodu li fih il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot deħlin, jiġifieri 21.7 % fl-2004 u 29.8 % fl-2005.

209    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija stess kien jikkostitwixxi “element importanti tal-ispiża tal-merkanzija ttrasportata, li għandu impatt fuq il-bejgħ tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

210    Dejjem għall-fini tal-kompletezza, fir-rigward tal-importanza tal-impriżi li pparteċipaw fl-aġir kontenzjuż, mill-premessa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sehem tas-suq akkumulat tat-trasportaturi inkriminati fis-“suq dinji” tela’ għal 34 % fl-2005 u kien “mill-inqas kbir daqshekk għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] pprovduti […] fuq rotot [ŻEE-pajjiżi terzi]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinkludu kemm ir-rotot ħerġin kif ukoll dawk deħlin. Barra minn hekk, matul il-perijodu tal-ksur ir-rikorrenti stess kellhom valur tal-bejgħ sinjifikattiv fuq ir-rotot deħlin, li kien jammonta għal iktar minn EUR 119 000 000 fl-2005.

211    Ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument li jista’ jitfa’ dubju fuq in-natura sostanzjali tal-effett previst.

212    L-ewwel, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-teorija tal-effett ta’ riperkussjonijiet diġà ġie miċħud fil-punti 188 u 190 iktar ’il fuq.

213    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-trasportaturi inkriminati ffissaw is-STK u s-STS fuq rotot li jitilqu minn Ħong Kong, mit-Tajlandja, mill-Ġappun u mill-Istati Uniti għal taħt il-livell kompetittiv, sabiex itejbu, pjuttost milli jillimitaw, il-kompetittività tal-prodotti importati fiż-ŻEE, għandu jitfakkar li fil-prinċipju hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba li għandha tipproduċi l-provi tal-verità tagħhom (digriet tal‑25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et, C‑464/07 P(I), mhux ippubblikata, EU:C:2008:49, punt 9; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113).

214    Issa, ir-rikorrenti baqgħu ma taw l-ebda prova li turi li t-trasportaturi inkriminati ffissaw is-STK u s-STS taħt il-livell kompettiv fuq ir-rotot li jitilqu minn Ħong Kong, mit-Tajlandja u mill-Ġappun. Fir-rigward tar-rotot li jitilqu mill-Istati Uniti, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-kuntatti li pparteċipaw fihom “żammew rata ta’ konverżjoni ta’ 1:1 bejn il-euro u d-dollaru Amerikan għas-STK, li għalhekk wassal għal tnaqqis ta’ 17 %, fid-dawl tad-deprezzament tad-dollaru meta mqabbel mal-euro” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma juru li l-livell tas-STK li rriżulta minnu kien taħt il-livell kompetittiv.

215    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li kien probabbli li t-trasportaturi inkriminati jiffissaw is-STK u s-STS fuq ir-rotot li jitilqu minn Hong Kong, mit-Tajlandja, mill-Ġappun u mill-Istati Uniti għal taħt il-livell kompetittiv, sabiex itejbu, pjuttost milli jillimitaw, il-kompetittività tal-prodotti importati fiż-ŻEE.

216    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-effett kontenzjuż kellu n-natura sostanzjali meħtieġa.

–       Fuq in-natura immedjata tal-effett kontenzjuż

217    Ir-rekwiżit tal-immedjatezza tal-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż jirrigwarda r-rabta kawżali bejn l-aġir kontenzjuż u l-effett eżaminat. Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jiżgura li l-Kummissjoni ma tkunx tista’, sabiex tiġġustifika l-kompetenza tagħha li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, tinvoka l-effetti kollha possibbli, u lanqas effetti remoti ħafna li jistgħu jirriżultaw minn dan l-aġir bħala conditio sine qua non (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 33 u 34).

218    Ir-rabta kawżali immedjata ma għandhiex madankollu titħawwad ma’ rabta kawżali unika, li teħtieġ li jiġi kkonstatat b’mod sistematiku u assolut li r-rabta ta’ kawżalità tinkiser meta l-azzjoni ta’ parti terza tikkontribwixxi għall-effetti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 36 u 37).

219    F’dan il-każ, l-intervent tal-burdnara, li fir-rigward tiegħu kien prevedibbli li, b’awtonomija sħiħa, kienu ser jgħaddu l-ispiża addizzjonali li kellhom iħallsu lill-ispedituri, ċertament huwa ta’ natura li seta’ kkontribwixxa għall-effett kontenzjuż. Madankollu, dan l-intervent ma kienx, minnu nnifsu, ta’ natura li jikser ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir kontenzjuż u l-imsemmi effett u, għalhekk, li jċaħħadha min-natura immedjata tagħha.

220    Għall-kuntrarju, fejn ma jkunx illegali, iżda jirriżulta b’mod oġġettiv mill-akkordju inkwistjoni, skont il-funzjonament normali tas-suq, tali intervent ma jiksirx ir-rabta ta’ kawżalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, CD Cartondruck vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑320/00, mhux ippubblikata, EU:T:2005:452, punti 172 sa 182), iżda jkompliha (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 37).

221    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti la jistabbilixxu u lanqas jallegaw li r-riperkussjoni prevedibbli fuq l-ispiża addizzjonali għall-ispedituri stabbiliti fiż-ŻEE hija illegali jew estranja għall-funzjonament normali tas-suq.

222    Minn dan isegwi li l-effett kontenzjuż għandu n-natura immedjata meħtieġa.

223    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti, invokat waqt is-seduta, li jgħid li, sabiex taffettwa lill-“konsumaturi fiż-ŻEE”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tagħmel riferiment għalihom il-Kummissjoni fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-ispiża addizzjonali kellha tgħaddi minn “katina twila ta’ intermedjarji”, fosthom l-ispedituri, il-burdnara u l-importaturi. Dan l-argument huwa bbażat, fil-fatt, fuq żewġ premessi żbaljati.

224    L-ewwel mill-premessi inkwistjoni hija dik li l-“konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmija fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata huma l-konsumaturi finali, jiġifieri persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet estranji għall-attività professjonali jew kummerċjali tagħhom. Il-kunċett ta’ konsumatur fid-dritt tal-kompetizzjoni ma jirreferix biss għall-konsumaturi finali iżda għall-utenti kollha, diretti jew indiretti, tal-prodotti jew tas-servizzi li kienu s-suġġett tal-aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:42, punt 156).

225    Mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kkontestawx b’mod effettiv il-fondatezza tagħha, jirriżulta li l-“ispedituri jistgħu jkunu x-xerrejja jew il-bejjiegħa ta’ merkanzija li hija s-suġġett ta’ kummerċ jew il-proprjetarji ta’ merkanzija li għandha tiġi ttrasportata malajr fuq distanzi relattivament twal” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li din il-merkanzija setgħet tiġi importata għall-konsum dirett tagħhom jew bħala inputs għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra. Issa, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, dawn l-ispedituri jistgħu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ikunu stabbiliti fiż-ŻEE. Għaldaqstant, ir-referenza għal “konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi lill-ispedituri.

226    It-tieni mill-premessi inkwistjoni hija li, anki jekk ir-referenza għall-“konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi biss lill-konsumaturi finali, dawn tal-aħħar jistgħu jixtru l-merkanzija importata biss wara l-intervent ta’ “katina twila ta’ intermedjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, il-konsumaturi finali jistgħu wkoll jixtru din il-merkanzija direttament mingħand l-ispeditur.

227    Minn dan isegwi li l-effett kontenzjuż għandu n-natura prevedibbli, sostanzjali u immedjata meħtieġa u li l-ewwel motiv li bbażat ruħha fuqu l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt huwa fondat. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq l-ebda żball, tikkunsidra li l-imsemmi kriterju kien issodisfatt fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedha, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv ikkunsidrat fil-premessa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata.

ii)    Fuq l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu

228    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti fir-replika, xejn ma jipprekludi li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni għandhiex il-kompetenza neċessarja sabiex tapplika, f’kull każ, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-aġir tal-impriża jew tal-impriżi inkwistjoni, meqjus fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 50).

229    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 101 TFUE jista’ jiġi applikat għal prattiki u ftehimiet li jservu l-istess għan antikompetittiv, sakemm ikun prevedibbli li, meqjusa flimkien, dawn ser ikollhom effetti immedjati u sostanzjali fis-suq intern. Fil-fatt, l-impriżi ma jistgħux jitħallew jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi jgħaqqdu aġir differenti li jsegwi għan identiku, li kull wieħed, meqjus waħdu, ma jistax jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-imsemmi suq, iżda li, meqjusa flimkien, jistgħu jipproduċu tali effett (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 106).

230    Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tibbaża l-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal ksur uniku u kontinwu kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali tiegħu fis-suq intern (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, T‑441/14, EU:T:2018:453, punt 105).

231    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

232    Issa, fil-premessa 869 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat l-aġir kontenzjuż bħala ksur uniku u kontinwu, inkluż sa fejn dan kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin. Sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw din il-kwalifika b’mod ġenerali u l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE, li fuqu hija bbażata, l-argumenti tagħhom ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv, li jirrigwarda dik il-kwistjoni.

233    Fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, kif jirriżulta mit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, eżaminat l-effetti ta’ dan il-ksur meqjus fl-intier tiegħu. Għalhekk, hija qieset b’mod partikolari li l-investigazzjoni tagħha kienet kixfet “akkordju implimentat madwar id-dinja”, li l-“arranġamenti [tiegħu] fir-rigward tar-rotot deħlin kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija żiedet tgħid li l-“applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi fuq skala globali kienet element prinċipali tal-akkordju [kontenzjuż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, kif indikat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi kienet tagħmel parti minn strateġija ġenerali intiża sabiex tinnewtralizza r-riskju li l-burdnara jkunu jistgħu jevitaw l-effetti ta’ dan l-akkordju billi jagħżlu rotot indiretti li ma jkunux suġġetti għal sovrataxxi kkoordinati sabiex jittrasportaw il-merkanzija mill-punt tal-oriġini sal-punt tad-destinazzjoni. Ir-raġuni hija li, kif jirriżulta mill-premessa 72 ta’ din id-deċiżjoni, il-“fattur tal-ħin huwa inqas importanti għat-trasport ta’ [merkanzija] milli għat-trasport ta’ passiġġieri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tant li l-merkanzija “tista’ tiġi ttrasportata b’numru ikbar ta’ waqfiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li r-rotot indiretti jistgħu, konsegwentement, jieħdu post il-konnessjonijiet diretti.

234    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha raġun li ssostni li l-projbizzjoni tagħha milli tapplika l-kriterju tal-effetti kkwalifikati għall-aġir kontenzjuż meqjus fl-intier tiegħu jista’ jwassal għal frammentazzjoni artifiċjali ta’ aġir antikompetittiv globali, li jista’ jaffettwa l-istruttura tas-suq fiż-ŻEE, f’sett ta’ aġir differenti li jista’ jevita, kompletament jew parzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 57).Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet, fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, teżamina l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

235    Issa, fir-rigward tal-ftehimiet u tal-prattiki li, l-ewwel, kellhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni tal-inqas fl-Unjoni, fiż-ŻEE u fl-Isvizzera (premessa 903 tal-imsemmija deċiżjoni), it-tieni, li laqqgħu lit-trasportaturi b’ishma mis-suq sinjifikattivi (premessa 1209 tal-imsemmija deċiżjoni), u, it-tielet, li parti sinjifikattiva tagħhom kienet tirrigwarda rotot intra-ŻEE matul perijodu ta’ iktar minn sitt snin (premessa 1146 tal-imsemmija deċiżjoni), ma hemmx dubju li kien prevedibbli li, meqjus fl-intier tiegħu, il-ksur uniku u kontinwu jipproduċi effetti immedjati u sostanzjali fis-suq intern jew fiż-ŻEE.

236    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet fondata wkoll li tqis, fil-premessa 1046 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu.

237    Peress li l-Kummissjoni b’hekk stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li kien prevedibbli li l-aġir kontenzjuż jipproduċi effett sostanzjali u immedjat fiż-ŻEE, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda din il-parti fl-intier tagħha, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-implimentazzjoni.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera

238    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru jirriżerva għall-awtoritajiet Svizzeri l-kompetenza sabiex jikkonstataw u jissanzjonaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera.

239    Issa, fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiż terz. Peress li ma hijiex parti għall-Ftehim ŻEE, il-Konfederazzjoni Svizzera neċessarjament hija “pajjiż terz” fis-sens ta’ dan l-artikolu. L-Artikolu 1(3) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk huwa vvizzjat b’illegalità li tikkonsisti fi ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

240    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

241    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kkonstatatx, kif isostnu r-rikorrenti, ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk meħtieġ, jekk qabżitx il-limiti tal-kompetenza mogħtija lilha skont il-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

242    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-prinċipju, li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jeżiġi li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun partikolarment ċar u preċiż u li l-impriżi miżmuma responsabbli u ssanzjonati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifhmu u jikkontestaw l-attribuzzjoni ta’ din ir-responsabbiltà u l-impożizzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, kif jirriżultaw mill-formulazzjoni tal-imsemmi dispożittiv (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Martinair Holland vs Il-Kummissjoni, T‑67/11, EU:T:2015:984, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243    Fil-fatt, huwa permezz tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħha li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-portata tal-ksur li hija tissanzjona. Fir-rigward b’mod preċiż tal-portata u tan-natura tal-ksur issanzjonat, huwa għalhekk fil-prinċipju d-dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa importanti. Huwa biss fejn ikun hemm nuqqas ta’ ċarezza fit-termini użati fid-dispożittiv li għandu jsir riferiment, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, għall-motivi tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Martinair Holland vs Il-Kummissjoni, T‑67/11, EU:T:2015:984, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li SAS u SAS Cargo kienu “kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda ma humiex Stati Membri, u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006. B’mod espliċitu, hija la inkludiet f’dawn ir-rotot lir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, u lanqas eskludiethom.

245    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-Konfederazzjoni Svizzera taqax taħt il-“pajjiżi terzi” msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata jiddistingwi bejn “pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda ma humiex Stati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-pajjiżi terzi. Huwa minnu li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex parti għall-Ftehim ŻEE, u għalhekk hija fost il-pajjiżi terzi għal dan il-ftehim.

247    Madankollu, għandu jitfakkar li, minħabba r-rekwiżiti ta’ unità u ta’ konsistenza fl-ordni legali tal-Unjoni, l-istess termini użati fl-istess miżura għandhom jiġu preżunti li għandhom l-istess tifsira.

248    Issa, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE fuq ir-“rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-kunċett ma jinkludix ajruporti fl-Isvizzera, minkejja li l-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex parti għall-Ftehim ŻEE u l-ajruporti tagħha għalhekk għandhom jitqiesu formalment bħala “barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhuux uffiċjali] jew, fi kliem ieħor, f’pajjiż terz għal dak il-ftehim. Dawn l-ajruporti huma s-suġġett tal-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata ksur tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru fuq ir-“rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

249    F’konformità mal-prinċipju mfakkar fil-punt 247 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi preżunt li t-terminu “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] użat fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom l-istess tifsira bħat-terminu “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] użat fl-Artikolu 1(2) u, konsegwentement, jeskludu l-ajruporti fl-Isvizzera.

250    Fin-nuqqas tal-iċken indikazzjoni fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħti tifsira differenti lill-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” msemmi fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “pajjiżi terzi” msemmi fl-Artikolu 1(3) jeskludi lill-Konfederazzjoni Svizzera.

251    Għalhekk ma jistax jitqies li l-Kummissjoni żammet lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata.

252    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma joħloq l-ebda dubju, u għalhekk, huwa biss għall-fini tal-kompletezza li l-Qorti Ġenerali żżid li l-motivi tiegħu ma jikkontradixxux dik il-konklużjoni.

253    Fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-“arranġamenti antikompetittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li ddeskriviet kisru l-Artikolu 101 TFUE mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006 “fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn ajruporti fl-U[njoni] u ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata (Nru 1514), il-Kummissjoni speċifikat dan li ġej: “Għall-fini ta’ din id-deċiżjoni, ‘ajruporti barra miż-ŻEE’ tfisser ajruporti li jinsabu f’pajjiżi oħra għajr [il-Konfederazzjoni S]vizzera u l-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

254    Huwa minnu li, meta tiddeskrivi l-portata tal-ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-premessa 1146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ “ajruporti barra miż-ŻEE”, iżda għal dak ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu ma jistax jiġi dedott minn dan li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tagħti tifsira differenti lill-kunċett ta’ “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u lil dak ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni użat dawn iż-żewġ espressjonijiet b’mod interkambjabbli fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-premessa 824 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija “ma [kinitx se] tapplik[a] l-Artikolu 101 TFUE għal ftehimiet u prattiki antikompetittivi li jikkonċernaw it-trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-U[njoni] u ajruporti ta’ pajjiżi terzi li seħħew qabel l-1 ta’ Mejju 2004” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 1222 ta’ din id-deċiżjoni, fir-rigward tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ SAS Consortium fil-ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni tirreferi għall-kompetenza tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet “għar-rotot bejn l-U[njoni] u pajjiżi terzi kif ukoll għar-rotot bejn l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein u l-pajjiżi barra ż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

255    Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk jikkonfermaw li l-kunċetti ta’ “ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi” u “ajruporti barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandhom l-istess tifsira. F’konformità mal-klawżola tad-definizzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1514, għandu għalhekk jitqies li t-tnejn jeskludu l-ajruporti fl-Isvizzera.

256    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippromwovux xi soluzzjoni oħra. Għalhekk, fil-premessa 1194 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet riferiment għar-“rotot bejn iż-ŻEE u l-pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-U[njoni] u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 1241 tal-istess deċiżjoni, fil-kuntest tad-“determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fuq ir-rotot mal-pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni naqqset b’50 % l-ammont bażiku għar-“rotot ŻEE-pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-U[njoni] u l-Isvizzera, li għalihom [hija] taġixxi skont il-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, jista’ jitqies li, kif essenzjalment jirrilevaw ir-rikorrenti, jekk il-Kummissjoni ħadet ħsieb li ddaħħal f’dawn il-premessi l-frażi “bl-eċċezzjoni tar-rotot bejn l-Unjoni u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan għamlitu għaliex qieset li l-Konfederazzjoni Svizzera kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pajjiż terz” fir-rigward tar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi.

257    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li fil-valur tal-bejgħ kienet inkludiet ammont ta’ EUR 262 084 bħala bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li r-rikorrenti kienu wettqu fl-2005 fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera. Fil-fehma tagħha, ir-raġuni hija li “sfortunatament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kinitx eskludiet dan l-ammont miċ-ċifri li pprovdewlha r-rikorrenti.

258    Għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn l-elementi kienu jikkonċernaw biss id-dħul li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, u mhux id-definizzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu, li tinsab indiskussjoni hawn.

259    Għaldaqstant, it-tieni parti u, konsegwentement, dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-aġir li fih kienu involuti r-rikorrenti u l-fatt li dan l-aġir kien jipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu jew l-għarfien tagħhom tiegħu

260    Dan il-motiv huwa bbażat fuq żbalji u fuq nuqqas ta’ rigorożità fl-evalwazzjoni tal-aġir li kienu involuti fih ir-rikorrenti. Dan il-motiv huwa maqsum f’għaxar partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura globali tal-ksur uniku u kontinwu, it-tieni waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza bilaterali ma’ Lufthansa, it-tielet waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi minn Diċembru 1999 fil-kuntest tal-alleanza Star Cargo, ir-raba’ waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza WOW, il-ħames waħda fuq żbalji marbuta mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet, is-sitt waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-kuntatti li saru f’pajjiżi terzi, is-seba’ waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-ispekulazzjonijiet ta’ trasportaturi oħra fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti, it-tmien waħda fuq żbalji marbuta mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ avvenimenti lokali mhux relatati f’xi pajjiżi, id-disa’ waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-għarfien tar-rikorrenti dwar l-aġir ta’ trasportaturi inkriminati oħra, u l-għaxar waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni.

261    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li l-ewwel jiġu eżaminati l-ewwel sar-raba’ parti ta’ dan il-motiv, sussegwentement, it-tmien parti ta’ dan il-motiv u, fl-aħħar nett, il-ħames, is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar parti ta’ dan il-motiv.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq diversi illegalitajiet fl-istabbiliment ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ portata globali

262    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi illegalitajiet fl-istabbiliment tal-ksur uniku u kontinwu ta’ portata globali. Huma jqajmu tliet oġġezzjonijiet insostenn ta’ din il-parti. Dawn l-oġġezzjonijiet huma bbażati, fil-każ tal-ewwel waħda, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura globali tal-ksur, it-tieni waħda fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura unika tal-ksur inkwistjoni, barra mill-“qalba” jew il-“grupp ristrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-akkordju kontenzjuż, u t-tielet waħda fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura kontinwa tal-ksur.

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura globali tal-ksur uniku u kontinwu

263    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-prattiki deskritti fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom portata globali.

264    Qabel kollox, il-konklużjoni, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki inkwistjoni jgħoddu bħala ksur dinji, ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-Kummissjoni ammettiet li ċerti pajjiżi ma humiex koperti mill-imsemmi ksur, u b’hekk tikser l-Artikolu 296 TFUE.

265    Sussegwentement, is-sempliċi fatt li s-STK u s-STS huma komponenti tipiċi tal-prezz fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija ma jfissirx li l-aġir kontenzjuż affettwa dawn is-sovrataxxi fil-pajjiżi kollha mingħajr eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tiddeċudi, minn aġir li jaffettwa numru ristrett ta’ rotot, l-eżistenza ta’ akkordju globali mingħajr ma jkollha indizji ta’ aġir li jaffettwa r-rotot l-oħra kollha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkritikaw il-konklużjoni fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li s-sovrataxxi huma miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma humiex speċifiċi għal rotta.

266    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li t-trasportaturi setgħu jikkonkludu ftehimiet dwar il-kapaċitajiet ma’ trasportaturi oħra, biex b’hekk jestendu n-network tagħhom lil hinn mir-rotot li joperaw fihom huma stess, ma jipprovax li huma pparteċipaw f’aġir illegali fir-rotot kollha fid-dinja kollha u, b’mod partikolari, f’diversi pajjiżi li ma humiex Stati Membri.

267    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

268    F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkonkludietx, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ksur fil-livell globali. Ir-referenza għall-koordinazzjoni tal-aġir tat-trasportaturi inkriminati “fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fid-dinja kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-punt introduttorju tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni hija sempliċement konstatazzjoni ta’ fatti li l-Kummissjoni kkwalifikat, fil-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi artikolu, bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli fuq rotot li hija qieset li kienu jaqgħu, matul il-perijodi inkwistjoni, fil-kompetenza tagħha, jiġifieri r-rotot intra-ŻEE bejn is-7 ta’ Diċembru 1999 u l-14 ta’ Frar 2006 (paragrafu 1), ir-rotot UE-pajjiżi terzi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-14 ta’ Frar 2006 (paragrafu 2), ir-rotot ta’ ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi bejn id-19 ta’ Mejju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 (paragrafu 3) u r-rotot Unjoni-Svizzera bejn l-1 ta’ Ġunju 2002 u l-14 ta’ Frar 2006 (paragrafu 4).

269    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma joħloq l-ebda dubju, u għalhekk, huwa biss għall-fini tal-kompletezza li l-Qorti Ġenerali żżid li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jsostnu dik il-konklużjoni. Għalhekk, dawn il-motivi jagħmlu riferiment ukoll, minn naħa, għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli, li l-portata ġeografika tiegħu hija limitata għal tipi speċifiċi ta’ rotot (premessi 1146 u 1187) u, min-naħa l-oħra, għal “akkordju globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 74, 112, 832 u 1300), akkordju ta’ “natura globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 887) jew akkordju “implimentat globalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1046).

270    Huwa minnu li l-premessa 1210 tad-deċiżjoni kkontestata tidderoga mir-regola sa fejn tirreferi għall-“portata ġeografika tal-ksur [li] kienet globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, jista’ jiġi kkonstatat li l-kuntest li fih isir dan ir-riferiment iżolat għal ksur globali juri li dan huwa sempliċement żball tal-pinna u li jeħtieġ li jaqra “il-portata ġeografika tal-akkordju [kontenzjuż] kienet globali”. Fil-fatt, dan ir-riferiment huwa segwit mis-sentenzi li ġejjin:

“Sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, dan ifisser li l-akkordju [kontenzjuż] kien ikopri ż-ŻEE kollha u l-Isvizzera. Dan jinkludi s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija […] fuq ir-rotot fiż-żewġ direzzjonijiet bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE, bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera u bejn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ partijiet kontraenti għaż-ŻEE li ma humiex Stati Membri u ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

271    Konsegwentement, il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ koordinazzjoni tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha mhux biss ma hijiex kontradittorja mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tirrifletti l-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni, tul id-deċiżjoni kkontestata kollha, dwar il-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż.

272    L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni din il-konklużjoni.

273    Minn naħa, sa fejn huma jibbażaw ruħhom mhux fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, iżda fuq id-differenzi kkonstatati bejnha u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex minnhom jiġi dedott li ċerti pajjiżi ma humiex koperti mill-ksur uniku u kontinwu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega d-differenzi eventwali bejn id-deċiżjoni finali tagħha u l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 96). F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silenzju tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tali differenzi fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi interpretat bħala rinunzja impliċita tal-kwalifika tal-akkordju kontenzjuż bħala globali. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li ċerti pajjiżi ma ssemmewx la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, dan ma jikkontradixxix il-konstatazzjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, tan-natura globali tal-akkordju kontenzjuż. Fil-fatt, peress li fid-deċiżjoni kkontestata hija għamlet riferiment għan-natura globali tal-akkordju kontenzjuż, il-Kummissjoni setgħet tevita li tagħmel riferiment espliċitu għal kull pajjiż ikkonċernat, mingħajr ma din l-ommissjoni tkun ta’ natura li tippreġudika l-fehim tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni.

274    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw il-premessa 1375 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li x-xhieda ta’ trasportatur inkriminat ieħor fil-kuntest tal-proċedura ta’ klemenza ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv, minħabba li kienet tikkonċerna avvenimenti li seħħew f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) u li ma kinux jagħmlu parti minn din id-deċiżjoni.

275    L-evalwazzjonijiet inkwistjoni jinsabu fil-punt 8.6 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ klemenza, u huma l-bażi tad-determinazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tingħata, skont il-Kummissjoni, lil trasportatur inkriminat.

276    Anki jekk jitqies li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jinftiehmu, bħalma jsostnu r-rikorrenti, bħala li jikkonkludu li l-aġir li seħħ f’Dubai u li huwa msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jaqax taħt il-portata tal-akkordju kontenzjuż, dawn fihom infushom ma jikkontradixxux il-konstatazzjoni ta’ akkordju ta’ portata globali.

277    Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sovrataxxi kienu “miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali”, li “kellhom l-għan li jiġu applikati fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali”, u li dan kien jgħodd ukoll għar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, li kien ukoll ta’ “natura ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija speċifikat li l-implimentazzjoni tas-sovrataxxi kienet isseħħ fil-kuntest ta’ sistema fuq diversi livelli, ċentrali u lokali, deskritta fil-premessi 107, 1046 u 1300 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-esklużjoni mill-portata tal-akkordju kontenzjuż ta’ aġir lokali ma tmurx kontra n-natura globali tiegħu.

278    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi eskluża l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-allegati inkoerenzi interni li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata.

279    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikabbiltà ġenerali tas-sovrataxxi u tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għamlet riferiment għal diversi provi msemmija u li, f’din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti naqsu milli jispjegaw b’liema mod tali provi ma humiex probatorji biżżejjed.

280    Issa, dawn il-provi, li wħud minnhom huma ċċitati bħala eżempju fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, isostnu biżżejjed il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li s-sovrataxxi kellhom applikabbiltà ġenerali, “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, fir-rigward tas-STK, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li l-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal messaġġ elettroniku intern fl-Isvizzera, li fih huwa indikat li AF “se timponi, fil-livell globali, [STK] ta’ EUR 0.10/USD 0.10 għal kull kg”, li KLM “se tagħmel eżatt l-istess” u li Lufthansa “miexja fl-istess direzzjoni iżda f’dan il-mument dan għadu ma huwiex ikkonfermat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn Lufthansa u Japan Airlines tas27 ta’ Settembru 2000 li fih huwa kkonstatat li Lufthansa Cargo kien beħsiebha tapplika ċertu ammont ta’ STK “fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li, fil-premessa 210 ta’ din id-deċiżjoni, isir riferiment għad-dikjarazzjoni tal-klemenza ta’ Martinair, fejn din tal-aħħar tiddikjara li kellha diversi laqgħat ma’ għadd ta’ trasportaturi dwar l-implimentazzjoni ta’ STK globali.

281    Bl-istess mod, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal avviżi ta’ żidiet jew ta’ tnaqqis fis-STK jew fis-STS li “għamlu riferiment għal applikazzjoni globali tas-sovrataxxa li ma kinitx limitata għal rotta speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

282    Fir-rigward tas-STS, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 608 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal messaġġ elettroniku li fih British Airways spjegat lil Lufthansa li xtaqet tintroduċi “tariffa ta’ manutenzjoni eċċezzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] madwar id-dinja. Barra minn hekk, fil-premessa 666 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-minuti ta’ laqgħa tat-30 ta’ Marzu 2004 tal-Kumitat Eżekuttiv tas-SCC tal-BAR f’Ħong Kong. Minn dawn il-minuti jirriżulta li l-ammont tas-STS għal tluq minn Ħong Kong kien ibbażat fuq il-“punt ta’ referenza globali”.

283    Fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, huwa minnu li l-Kummissjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ċċitat l-ebda eżempju speċifiku ta’ prova li jissostanzja l-applikabbiltà ġenerali tiegħu, “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

284    Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, peress li s-sovrataxxi kellhom applikabbiltà ġenerali “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], x’aktarx li l-istess kien japplika għar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Fil-fatt, fil-premessa 879 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet u ż-żewġ komponenti l-oħra tal-ksur uniku u kontinwu kienu komplementari sa fejn kienu “jippermettu li s-sovrataxxi ma jkunux element ta’ kompetizzjoni fin-negozjar tal-kummissjonijiet (fil-prattika, skontijiet fuq is-sovrataxxi) mal-klijenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

285    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, minbarra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet riferiment għal provi li jissostanzjaw l-applikabbiltà tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, fil-premessa 679 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal messaġġ elettroniku intern dwar ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet li fih il-kap tat-trasport tal-merkanzija ta’ Swiss talab lid-diretturi reġjonali tagħha “jipparteċipaw f’laqgħat lokali tal-BAR kull fejn [deher li kien] rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 683 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi memorandum intern indirizzat lid-diretturi tal-bejgħ tal-merkanzija ta’ CPA fejn huwa indikat li “sakemm il-kundizzjonijiet lokali jippermettu, C[PA] għandha tadotta approċċ u reazzjoni komuni għall-kwistjoni [ta’ talbiet ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi]” u “għalhekk għandha tikkunsidra li ssegwi kwalunkwe rifjut ta’ talba bħal din jew ta’ pretensjoni ta’ kummissjoni, kif ukoll kwalunkwe azzjoni oħra relatat li tista’ tiġi kkoordinata mill-assoċjazzjonijiet [tat-trasportaturi] lokali tagħkom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

286    Il-Kummissjoni ressqet ukoll provi li tali koordinazzjoni kienet seħħet f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, fosthom f’Ħong Kong (premessa 503 tad-deċiżjoni kkontestata), l-Isvizzera (premessa 692 tal-imsemmija deċiżjoni), l-Italja (premessi 694 sa 698 tal-imsemmija deċiżjoni), Franza (premessa 699 tal-imsemmija deċiżjoni), Spanja (premessa 700 tal-imsemmija deċiżjoni), l-Indja (premessa 701 tal-imsemmija deċiżjoni) u l-Istati Uniti (premessa 702 tal-imsemmija deċiżjoni).

287    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni, minħabba n-natura ġenerali tal-affermazzjoni msemmija fil-punt 277 iktar ’il fuq, ipproċediet b’estrapolazzjonijiet mhux fondati, din hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ aġir lokali li jiddependi fuq ir-regolamenti lokali. Issa, għandu jiġi rrilevat, kif barra minn hekk jaqblu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni ppreċiżat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-implimentazzjoni tas-sovrataxxi saret fil-kuntest ta’ sistema fuq diversi livelli u li r-rata tas-sovrataxxi setgħet tvarja u kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet distinti “fid-dawl tal-kundizzjonijiet jew tal-leġiżlazzjoni tas-swieq lokali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li ssostni li r-rati tas-sovrataxxi ġew applikati b’mod uniformi fuq ir-rotot kollha fid-dinja kollha.

288    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ kwalunkwe rabta bejn dan l-aġir lokali u akkordju ta’ portata usa’, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti huma żbaljati. Fil-premessa 832 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-akkordju konteżjuż “jopera fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni spjegat li l-akkordju inkwistjoni kien ibbażat fuq network kumpless ta’ kuntatti prinċipalment bilaterali, li seħħew f’diversi postijiet madwar id-dinja u f’diversi livelli fi ħdan l-impriżi kkonċernati (premessi 109 u 1300 tal-imsemmija deċiżjoni). Skont il-Kummissjoni, “l-arranġamenti tal-akkordju [kontenzjuż], f’ħafna każijiet, kienu organizzati fil-livell ċentrali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u implimentati lokalment minn persunal lokali (premessa 1046 tal-imsemmija deċiżjoni). Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ippermetta lill-persunal lokali jadatta l-miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali għall-kundizzjonijiet lokali, “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri s-sovrataxxi u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet (premessi 876, 889 u 890 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1323 tal-imsemmija deċiżjoni).

289    Minn naħa, il-persunal lokali rċieva struzzjonijiet mill-uffiċċju prinċipali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tas-sovrataxxi u rrapporta lura lill-uffiċċju prinċipali (ara l-premessi 171, 226, 233, 284, 381, 584 u 594). Barra minn hekk, il-persunal lokali kien marbut bid-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-uffiċċju prinċipali. Il-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk għamlet riferiment għal messaġġ elettroniku intern li fih impjegat ta’ Qantas qal li kważi t-trasportaturi kollha f’Ħong Kong kienu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jsegwu lil CPA, iżda li Qantas u għadd ta’ trasportaturi inkriminati, inklużi r-rikorrenti, kienu esprimew li kellhom bżonn jiksbu struzzjonijiet mill-uffiċċji prinċipali tagħhom qabel jagħmlu dan. Fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għall-minuti tal-laqgħa tas-SCC tal-BAR tat-23 ta’ Jannar 2003 f’Singapor, fejn huwa indikat li t-“trasportaturi membri rrimarkaw li l-indiċi tal-fjuwil żdied, iżda li ma rċevewx struzzjonijiet mill-uffiċċji prinċipali tagħhom biex iżidu s-[STK]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, il-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal messaġġ elettroniku mill-maniġer lokali ta’ CPA fil-Belġju, li minnu jirriżulta li SAC “inizjalment iddikjarat li [kienet ser iżżid ukoll is-STK mill-1 ta’ Ottubru 2004] iżda, imbagħad, ġiet imfakkra mill-amministrazzjoni ċentrali tagħha li kellha tagħżel id-data tal-4 ta’ Ottubru [2004]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kienet is-suġġett ta’ bosta kuntatti preċedenti fil-livell tal-uffiċċju prinċipali (premessi 406, 410 u 411).

290    Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koordinazzjoni fil-livell lokali spiss saret immedjatament wara l-avviżi fil-livell tal-uffiċċji prinċipali. Pereżempju, wara l-avviż ta’ Lufthansa dwar l-introduzzjoni tas-STK fit-28 ta’ Diċembru 1999 (premessa 138), il-kwistjoni ġiet indirizzata f’Ħong Kong fl-10, fit-13 u fid-19 ta’ Jannar 2000 (premessi 147 sa 149) u fl-Indja fl-istess xahar (premessi 151 u 152). L-istess jgħodd għall-avviż ta’ Lufthansa tas-17 ta’ Frar 2003 (premessa 274), segwit fl-istess jum b’kuntatti fil-Kanada (premessa 291) u fit-Tajlandja (premessa 298) kif ukoll f’Singapor l-għada (premessa 296). Dan kien il-każ ukoll għall-avviż ta’ Lufthansa tal-21 ta’ Settembru 2004 (premessi 409 sa 411), segwit fl-istess jum b’kuntatti f’Ħong Kong (premessa 431) u fl-Isvizzera fit-23 u fl-24 ta’ Settembru 2004 (premessi 426 u 427).

291    Ir-rikorrenti jwieġbu billi jagħmlu riferiment għall-argument tagħhom, żviluppat f’parti oħra ta’ dan il-motiv, li permezz tiegħu jikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u tal-portata tiegħu hija distinta mill-kwistjoni ta’ jekk ir-responsabbiltà għal dan il-ksur hijiex imputabbli, totalment jew parzjalment, lil impriża. Konsegwentement, fin-nuqqas min-naħa tar-rikorrenti li jispjegaw kif il-prova li huma ma pparteċipawx fil-ksur uniku hija intiża wkoll sabiex tistabbilixxi li l-konstatazzjoni ta’ organizzazzjoni f’diversi livelli fi ħdan l-akkordju kontenzjuż hija żbaljata, ir-riferiment għal dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

292    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni fil-premessa 890 tad-deċiżjoni kkontestata tal-possibbiltà, għat-trasportaturi, li jikkonkludu ftehimiet dwar il-kapaċitajiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ma għandhiex l-għan attribwit lilha mir-rikorrenti. Kemm mill-formulazzjoni tal-premessa kif ukoll mill-għan u mill-kuntest tagħha jirriżulta li din ma tikkonċernax ir-responsabbiltà tad-diversi trasportaturi inkriminati għall-ksur uniku u kontinwu, iżda biss l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar, li r-rikorrenti ma jikkontestawx fil-kuntest ta’ din il-parti. Fil-fatt, l-imsemmija premessa tirreferi b’mod espliċitu għall-“eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tal-premessi 112, 885 sa 887 tal-imsemmija deċiżjoni, dawn jindikaw li l-Kummissjoni kellha turi li l-kuntatti li seħħew f’pajjiżi terzi jew il-kuntatti relatati mar-rotot li t-trasportaturi inkriminati ma kinux joperaw u ma setgħux joperaw direttament kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu jew ta’ akkordju fil-livell globali.

293    Fi kwalunkwe każ, il-kritika tar-rikorrenti għandha miċħuda sa fejn din hija bbażata esklużivament fuq il-fatt li ċerti awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ pajjiżi terzi ma kkonstatawx li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet dwar il-kapaċità fuq ir-rotot lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tissanzjona l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk joriġina minn akkordju ta’ natura internazzjonali, hija għandha l-għan li tħares il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern. Issa, permezz tal-ispeċifiċità tal-interess ġuridiku hekk protett fil-livell tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu kunsiderevolment differenti minn dawk imwettqa minn awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 55, u tat-2 ta’ Frar 2012, Dow Chemical vs Il-Kummissjoni, T‑77/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:47, punt 102). Barra minn hekk, ma jeżisti l-ebda prinċipju jew konvenzjoni tad-dritt internazzjonali pubbliku li skonthom il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata, waqt l-imputazzjoni ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2012, Dow Chemical vs Il‑Kummissjoni, T‑77/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:47, punt 102).

294    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura unika tal-ksur

295    Ir-rikorrenti jsostnu li s-sitt fatturi msemmija fil-premessi 872 sa 884 tad-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri l-għan antikompetittiv uniku, il-prodott jew is-servizz uniku, l-impriżi implikati, in-natura unika tal-ksur, l-elementi diskussi b’mod parallel u l-involviment fl-elementi tal-ksur) ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita rabta bejn l-aġir kollu elenkat fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, barra mill-“qalba” jew mill-“grupp ristrett” tal-akkordju kontenzjuż.

296    Għandu jitfakkar li ksur tal-projbizzjoni fil-prinċipju prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew anki minn aġir kontinwu, anki meta wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta l-azzjonijiet differenti jifformaw parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

297    Fl-evalwazzjoni tan-natura unika tal-ksur u ta’ jekk kienx hemm pjan ġenerali, il-fatt li d-diversi azzjonijiet tal-impriżi jiffurmaw parti minn “pjan ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], minħabba l-għan identiku tagħhom li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern, huwa determinanti. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, tal-inqas l-identità parzjali tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni, T‑566/08, EU:T:2013:423, punti 265 u 266 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-diversi sovrappożizzjonijiet materjali, ġeografiċi u temporali bejn l-atti u l-aġir inkwistjoni jistgħu jkunu rilevanti.

298    Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, tal-identità tal-modalitajiet tal-implimentazzjoni, tal-identità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem l-impriżi u tal-identità tal-portata ġeografika tal-prattiki inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 60).

299    Skont il-ġurisprudenza, dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati fl-intier tagħhom (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni, T‑378/10, EU:T:2013:469, punt 58).

300    F’dan il-każ, fil-premessi 872 sa 883 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat sitt fatturi sabiex tikkonkludi li l-aġir kontenzjuż kien relatat ma’ ksur uniku. L-ewwel nett, l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku (premessi 872 sa 876), it-tieni, il-fatt li dan l-aġir kien jirrigwarda l-istess servizz (premessa 877), it-tielet, l-identità tal-impriżi involuti fl-aġir differenti inkwistjoni (premessa 878), ir-raba’, in-natura unika tal-ksur (premessa 879), il-ħames, iċ-ċirkustanza li d-diskussjonijiet li fihom ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati seħħew b’mod parallel (premessa 880) u, is-sitt, l-involviment tal-maġġoranza tat-trasportaturi inkriminati fit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu (premessi 881 sa 883).

301    Fil-premessa 900 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet ma’ dawn il-fatturi l-fatt li l-istess persuni kienu involuti fl-aġir kontenzjuż differenti.

302    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku, mill-premessa 872 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmi għan kien jikkonsisti, għat-trasportaturi inkriminati, “f’li jfixklu l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fiż-ŻEE billi jikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru billi jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni, l-ammont u ż-żmien tas-STK u s-STS u [r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

303    Fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni, ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni biss parzjalment. Huma jsostnu li l-uniku għan tal-kuntatti li seħħew f’pajjiżi terzi kien li t-trasportaturi inkriminati jkunu jistgħu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni lokali. Barra minn hekk, huma jsostnu li aġir ieħor kien ir-riżultat ta’ diskussjonijiet li seħħew fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni leġittimi bħall-alleanza bilaterali ma’ Lufthansa, l-alleanza WOW jew l-alleanza Star Cargo.

304    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jagħtu l-ebda prova insostenn tal-kontestazzjoni tagħhom u essenzjalment sempliċement jagħmlu riferiment, b’mod ġenerali, għall-argument tagħhom żviluppat f’parti oħra ta’ dan il-motiv, li permezz tiegħu jikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu. Dan l-argument ser jiġi analizzat fil-kuntest tal-eżami tal-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv.

305    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li ma jeżisti l-ebda suq globali għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija kollha, iżda numru kbir ta’ swieq rilevanti.

306    F’dak ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jistax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandux bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq intern li għandu jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni. Għalhekk, l-obbligu li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 101(1) TFUE huwa impost fuq il-Kummissjoni biss meta, jekk ma jiġix iddefinit, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhomx bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq intern (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

307    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jallegawx li kien impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ksur uniku u kontinwu kellux bħala għan ir-restrizzjoni u t-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq intern u li dan seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri mingħajr ma l-ewwel jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni.

308    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkonstatat li kien meħtieġ li jiġi ddefinit is-suq rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ksur uniku u kontinwu setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinitx obbligata tiddefinixxi dan is-suq u, għaldaqstant, qagħdet lura milli tagħmel dan.

309    Madankollu, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat ukoll, fil-premessa 877 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-arranġamenti [kienu] jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru u t-tariffi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kienu relatati ma’ “[p]rodott/servizz uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

310    F’każ ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huma fil-fatt il-ftehimiet u l-attivitajiet tal-akkordju li jiddeterminaw is-swieq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

311    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 205 u 288 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li kienu intiżi li jiġu applikati “fuq ir-rotot kollha, fil-livell globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li r-rifjut li ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet “ukoll kien ta’ natura ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

312    Minn dan isegwi li l-membri tal-akkordju kontenzjuż stess iddeterminaw il-prodotti jew is-servizzi li kienu s-suġġett tad-diskussjonijiet u tal-prattiki miftiehma tagħhom billi inkludew is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija fid-diskussjonijiet tagħhom, mingħajr ebda distinzjoni abbażi tal-post tat-tluq jew tal-oriġini tagħhom, ħlief għall-aġġustamenti skont il-kundizzjonijiet lokali (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1323 tad-deċiżjoni kkontestata).

313    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tikkwalifika l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bħala “servizz uniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif deskritt fil-premessi 14 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata.

314    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra l-kuntatti li saru fi ħdan il-“grupp ristrett” tal-akkordju kontenzjuż, il-biċċa l-kbira tal-aġir kontenzjuż kienet tikkonċerna lil impriżi differenti ħafna. Huma jsemmu bħala eżempju l-kuntatti li saru f’Ħong Kong imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li kienu jinvolvu lil madwar ħamsin impriża, li minnhom erbatax biss inżammu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu.

315    F’dan ir-rigward, mill-premessa 878 kif ukoll mill-premessi 881 sa 883 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ sovrappożizzjoni sinjifikattiva bejn l-impriżi li pparteċipaw fid-diversi komponenti tal-ksur uniku u kontinwat. Fil-fatt, minn naħa, it-trasportaturi inkriminati kollha pparteċipaw fil-komponent relatat mas-STK u, min-naħa l-oħra, kważi t-trasportaturi inkriminati kollha pparteċipaw fiż-żewġ komponenti l-oħra.

316    L-eżempju tal-kuntatti li seħħew f’Ħong Kong ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta din il-konstatazzjoni, sa fejn in-nuqqas ta’ involviment fihom minn ċerti trasportaturi inkriminati ma jikkontradixxix l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tagħhom fit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu jew f’diversi minnhom. Fir-rigward tal-argument li jgħid li n-numru ta’ trasportaturi involuti fl-imsemmija kuntatti – lil hinn mit-trasportaturi inkriminati biss – jixhed id-diversità tal-parteċipanti fl-aġir kontenzjuż, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 297 u 298 iktar ‘il fuq, l-identità tal-impriżi involuti fl-aġiri kontenzjuż differenti ma hijiex kundizzjoni indispensabbli sabiex dan tal-aħħar jiġi kkwalifikati bħal ksur uniku u kontinwu, iżda biss indizju fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni, T‑378/10, EU:T:2013:469, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan l-argument ma jipprekludix li l-aġir kontenzjuż tat-trasportaturi inkriminati seta’ jimplimenta fil-livell lokali d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-uffiċċji prinċipali tat-trasportaturi inkriminati fil-kuntest tas-sistema fuq diversi livelli deskritta fil-premessi 107, 1046 u 1300 tad-deċiżjoni kkontestata.

317    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti essenzjalment jakkużaw lill-Kummissjoni li injorat, fir-rigward tan-natura tal-ksur uniku u kontinwat, l-ispeċifiċitajiet tal-koordinazzjonijiet li kienu neċessarji minħabba l-kuntest leġiżlattiv lokali jew li kienu saru fil-kuntest ta’ alleanzi leġittimi. B’dan il-mod, ir-rikorrenti sempliċement tennew l-argumenti li diġà kienu tqajmu insostenn tal-kritika tagħhom tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku. Għaldaqstant dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet.

318    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet huwa distint minn komponenti oħra tal-ksur uniku minħabba l-fatt li rriżulta minn nuqqas ta’ qbil pubbliku bejn it-trasportaturi u l-burdnara dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli standard, b’kuntrast mal-“koordinazzjoni sigrieta [tas-STK u s-STS] minn għadd ta’ trasportaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

319    F’dan ir-rigward, huwa minnu li mill-premessi 675 sa 702 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kwistjoni tal-ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet legali differenti mit-trasportaturi u mill-burdnara. Dan in-nuqqas ta’ qbil kien jirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni ta’ ċerti klawżoli standard intiżi sabiex jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Madankollu, it-trasportaturi inkriminati ma llimitawx ruħhom għad-definizzjoni ta’ pożizzjoni komuni fuq dan is-suġġett sabiex jiddefenduha b’mod koordinat quddiem il-qrati kompetenti jew jippromwovuha kollettivament quddiem l-awtoritajiet pubbliċi u assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Għall-kuntrarju, it-trasportaturi aġixxew flimkien billi qablu – fuq livell multilaterali – li jirrifjutaw li jinnegozjaw il-ħlas tal-kummissjonijiet mal-burdnara u li jagħtuhom skontijiet fuq is-sovrataxxa. B’hekk, fil-premessa 695 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal messaġġ ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Mejju 2005, li fiha l-amministratur reġjonali ta’ Swiss fl-Italja indika li “[l-parteċipanti kollha f’laqgħa li saret fit-12 ta’ Mejju 2005] ikkonfermaw l-intenzjoni [tagħhom] li ma jaċċettawx remunerazzjoni STK/STS” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Lulju 2005 li fih CPA tindika li “[l-parteċipanti f’laqgħa li saret il-ġurnata ta’ qabel] ikkonfermaw mill-ġdid kollha l-intenzjoni soda tagħhom li ma jaċċettaw l-ebda negozjar dwar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-ħlas ta’ kummissjonijiet. Bl-istess mod, fil-premessa 700 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat messaġġ ta’ posta elettronika intern li fih impjegat ta’ Cargolux informa lill-amministrazzjoni ċentrali tagħha li saret laqgħa “mat-[trasportaturi] kollha li joperaw fl-ajruport ta’ [Barcelona]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u indika li “kienet l-opinjoni ġenerali li aħna ma għandna nħallsu l-ebda kummissjoni fuq is-sovrataxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

320     Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li diversi trasportaturi skambjaw informazzjoni – fuq livell bilaterali – biex iserrħu ras xulxin dwar l-aderenza kontinwa tagħhom mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet miftiehem qabel. Bħala eżempju, il-premessa 688 ta’ din id-deċiżjoni tiddeskrivi konverżazzjoni telefonika fid-9 ta’ Frar 2006 li fiha Lufthansa staqsiet lil AF jekk il-pożizzjoni tagħha dwar is-suġġett tar-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet kinitx għadha l-istess.

321    Għaldaqstant, l-għan tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet huwa separat mit-tilwima pubblika ta’ natura legali msemmija mir-rikorrenti. Kif jirriżulta mill-premessi 874 u 899 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien ta’ natura li jsaħħaħ il-koordinazzjoni relatata mas-sovrataxxi. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dan kien jammonta għal rifjut miftiehem li jingħataw restituzzjonijiet tas-sovrataxxi lill-burdnara u b’hekk kien probabbli li jippermetti lit-trasportaturi inkriminati “jżommu taħt kontroll l-inċertezza fil-qasam tat-tariffi li setgħet toħloq il-kompetizzjoni fuq il-ħlas ta’ kummissjonijiet [fil-kuntest tan-negozjati mal-burdnara]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 874) u b’hekk jeliminaw is-sovrataxxi mill-kompetizzjoni (premessa 879). L-argument tar-rikorrenti li n-natura pubblika tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet tikkontradixxi n-natura sigrieta tal-koordinazzjoni relatata mas-STK u s-STS huwa għalhekk fattwalment infondat.

322    Minn dan isegwi li għandha tiġi miċħuda wkoll il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti fil-kuntest tar-replika intiża sabiex tinkiseb, insostenn ta’ dan l-argument, il-produzzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-klemenza li huma l-bażi għad-deskrizzjoni tal-allegata “qalba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li jiġu ssuplimentati l-elementi ta’ informazzjoni li għandha għad-disponibbiltà tagħha l-Qorti Ġenerali sabiex tirrispondi għall-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tan-natura tal-ksur uniku (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

323    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma humiex ikkonċernati mill-eżempji li l-Kummissjoni tagħti, fil-premessa 880 tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ elementi tal-ksur diskussi b’mod parallel. Din l-allegazzjoni tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, u mhux l-eżistenza ta’ tali ksur. Għaldaqstant, f’konformità mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 291 iktar ’il fuq, din hija irrilevanti fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni.

324    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-involviment tat-trasportaturi inkriminati f’komponent wieħed jew iktar tal-ksur uniku u kontinwu ma jurix, fih innifsu, li dawn huma relatati. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv, peress li l-Kummissjoni ma bbażatx il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku fuq dan il-fatt biss, iżda fuq sett ta’ indizji msemmija fil-punt 300 iktar ’il fuq li s-suffiċjenza tagħhom ma ġietx validament ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni.

325    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura kontinwa tal-ksur

326    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma ssostanzjatx biżżejjed in-natura kontinwa tal-ksur. Jisħqu li l-membri tal-akkordju kontenzjuż ipparteċipaw biss f’aġir iżolat u sporadiku fil-livell lokali jew reġjonali.

327    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

328    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni, sempliċement itennu l-argument tagħhom dwar il-portata ġeografika tal-akkordju li diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tal-ewwel oġġezzjoni ta’ din il-parti. Barra minn hekk, peress li mill-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kuntatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu seħħew tul il-perijodu ta’ ksur u kienu konsistenti mal-kisba ta’ għan antikompetittiv uniku (ara l-punti 302 sa 304 iktar ’il fuq u l-punti 439 u 467 iktar ’il quddiem), ir-rikorrenti sempliċement jagħmlu riferiment ġenerali għan-natura sporadika u iżolata tal-kuntatti kontenzjużi u ma jidentifikaw l-ebda perijodu li fih ġie interrott il-ksur uniku inkwistjoni.

329    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda din il-parti kollha kemm hi.

b)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza bilaterali ma’ Lufthansa

330    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/180/KE tas-16 ta’ Jannar 1996 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (IV/35.545) (ĠU 1996, L 54, p. 28, iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni tal-1996”). Din id-deċiżjoni eżentat mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE l-ftehim ġenerali ta’ alleanza li permezz tiegħu Lufthansa u r-rikorrenti kienu ftiehmu dwar politika konġunta ta’ tariffi fil-livell globali u tal-iktar integrazzjoni wiesgħa possibbli tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl ta’ din l-eżenzjoni, il-Kummissjoni kellha twarrab mis-sensiela ta’ indizji meqjusa fil-konfront tagħhom il-kuntatti bilaterali tagħhom ma’ Lufthansa msemmija fil-premessi 223, 597, 618 sa 620 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata.

331    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

332    Kif jirriżulta kemm mill-premessi 791 u 792 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kuntatti bilaterali bejn Lufthansa u r-rikorrenti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, sa fejn kienu koperti mill-eżenzjoni tal-1996. Kif jirriżulta mill-premessi 24 u 28 ta’ din l-eżenzjoni, l-alleanza bejn ir-rikorrenti u Lufthansa kellha portata wiesgħa, “l-intenzjoni [tal-partijiet kienet] li joħolqu fil-livell globali sistema integrata tat-trasport li tinvolvi […] politika konġunta ta’ tariffi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], b’mod partikolari għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija. Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu li l-kuntatti bilaterali bejn Lufthansa u r-rikorrenti fil-qasam tas-STK u s-STS kienu relatati mal-alleanza eżentata.

333    Għall-finijiet ta’ risposta għal din il-parti, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, kif jirriżulta min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 1251 u 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kuntatti msemmija fil-premessi 223, 618 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata jikkontribwixxux għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ aġir li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-1996 bil-karatterizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’koordinazzjoni multilaterali fi ħdan l-alleanza WOW jew, fir-rigward tal-premessa 673, f’kuntatti antikompetittivi ma’ kompetituri differenti minn Lufthansa. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni la tibbaża ruħha fuq il-kuntatt tat-2 ta’ Ottubru 2001, imsemmi fil-premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas fuq dak tat-13 ta’ Jannar 2003, imsemmi fil-premessa 619 ta’ din id-deċiżjoni, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u l-analiżi għandha tiġi limitata għall-kuntatti msemmija fil-premessi 223, 618, 620 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata.

334    Fl-ewwel lok, il-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi skambju ta’ messaġġi elettroniċi interni ta’ Lufthansa datati t-3 u l-11 ta’ April 2002. F’dan l-iskambju, Lufthansa tagħmel riferiment, minn naħa, għall-pożizzjoni ta’ SAC kontra l-introduzzjoni mill-ġdid tas-STK u, min-naħa l-oħra, għall-attitudni relattivament kooperattiva tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tqis, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-element isostni l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’koordinazzjoni fi ħdan l-alleanza WOW fir-rigward tas-STK.

335    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li mill-iskambju tal-messaġġi elettroniċi inkwistjoni ma jirriżultax li huma kienu f’kuntatt ma’ SAC dwar is-STK. Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott, kif tagħmel il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li Lufthansa, billi tqabbel il-kooperazzjoni tar-rikorrenti u ta’ SAC, li ċertament it-tnejn huma partijiet għall-alleanza WOW, kienet neċessarjament qiegħda tagħmel riferiment għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-imsemmija alleanza pjuttost milli fil-kuntest tal-alleanza li tibbenefika mill-eżenzjoni tal-1996.

336    Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħda ssostni wkoll il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni ta’ għadd kbir ta’ trasportaturi, fosthom ir-rikorrenti u Lufthansa, li jintroduċu mill-ġdid is-STK f’April 2002 (premessi 209 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata) ma hijiex ta’ natura li twassal għal interpretazzjoni differenti tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi minn dik adottata fil-punt 335 iktar ’il fuq. Minn naħa, ir-rikorrenti ma humiex fost it-trasportaturi msemmija fil-premessi 209 u 210 tad-deċiżjoni kkontestata bħala li ħadu sehem f’diskussjoni dwar is-STK u b’mod partikolari dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tagħha fil-bidu tas-sena 2002. Min-naħa l-oħra, mill-fatt li r-rikorrenti reġgħu introduċew ukoll is-STK f’April 2002, ma jistax jiġi dedott li immedjatament qabel huma kellhom kuntatti ma’ Lufthansa li kienu jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-1996, b’mod partikolari ma’ SAC fil-kuntest tal-alleanza WOW. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-elementi riprodotti fil-premessi 209 u 210 sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

337    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-elementi msemmija fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex intiżi li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni relatata mas-STK fi ħdan l-alleanza WOW, iżda jsostnu biss l-eżistenza ta’ kuntatti bejn dawn tal-aħħar u Lufthansa dwar is-STK. Fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-kuntatti u tal-applikazzjoni, fid-data meta seħħew il-fatti, tal-eżenzjoni tal-1996, dawn l-elementi għandhom jitqiesu li ma għandhom ebda valur probatorju.

338    Fit-tieni lok, il-premessi 618 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu b’mod partikolari diversi messaġġi elettroniċi interni ta’ Lufthansa mibgħuta bejn l-aħħar ta’ Novembru 2002 u l-bidu ta’ Marzu 2003, dwar il-livell ta’ STS applikabbli f’Ħong Kong. Il-Kummissjoni tqis, fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-elementi jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kkoordinaw il-livell tas-STS mal-membri tal-alleanza WOW. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar żewġ messaġġi elettroniċi, mibgħuta fil-5 ta’ Diċembru 2002 u fil-5 ta’ Marzu 2003.

339    L-ewwel messaġġ elettroniku, dak tal-5 ta’ Diċembru 2002, intbagħat mill-persuna responsabbli ta’ Lufthansa f’Ħong Kong u rrapporta li, fl-okkażjoni ta’ laqgħa reċenti tas-SCC tal-BAR, il-maġġoranza tat-trasportaturi indikaw li kienu ser isegwu lil CPA u kienu ser jissieħbu ma’ talba għall-awtorizzazzjoni biex inaqqsu l-livell tas-STS. Din il-persuna responsabbli sussegwentement titlob lill-interlokutur tagħha “jitkellem mal-kontropartijiet tiegħu, b’mod partikolari ma’ [ir-rikorrenti], [AF] u [Japan Airlines], sabiex jara jekk dawn setgħux ibiddlu l-fehma tagħhom u jsegwu l-eżempju ta’ [Lufthansa] li ma jnaqqsux is-[STS]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u sabiex “jipperswadi lil [SAC] u lil [KLM], peress li ż-żewġ [trasportaturi] kienu għadhom ma ddeċidewx jekk kinux ser jibdlu s-STS tagħhom jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u ssuġġerietlu li seta’ jagħmel dan “fil-kuntest tal-laqgħa tal-[alleanza] WOW tal-ġimgħa d-dieħla” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara premessa 618).

340    Minn dan il-messaġġ elettroniku jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipaw fil-laqgħa tas-SCC tal-BAR inkwistjoni u li, f’din l-okkażjoni, huma informaw lit-trasportaturi l-oħra dwar il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-proposta ta’ aġġustament tal-livell tas-STS, fatt li barra minn hekk huma ma jikkontestawx quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan id-dokument jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-fatt li r-rikorrenti kienu involuti f’koordinazzjoni dwar l-iffissar tal-livell tas-STS f’Ħong Kong ma’ trasportaturi oħra minbarra Lufthansa, fil-kuntest tas-SCC tal-BAR. F’dan il-kuntest, is-suġġeriment ta’ Lufthansa, ifformulat fl-istess messaġġ elettroniku, li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-livell tas-STS f’Ħong Kong fil-kuntest tal-laqgħa li kien imiss tal-alleanza WOW għandha tinftiehem, lil hinn mill-kliem ċar tagħha, fid-dawl tal-kuntatti multilaterali li seħħew fuq din il-kwistjoni matul l-istess perijodu u li fihom ħadu sehem kemm Lufthansa kif ukoll ir-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi messaġġ elettroniku huwa intiża li jsostni l-eżistenza ta’ koordinazzjoni dwar il-livell tas-STS bejn membri tal-alleanza WOW.

341    Ċertament, ir-rikorrenti ġustament iwieġbu li ma hemmx provi li l-laqgħa tal-alleanza WOW fuq dan is-suġġett fil-fatt seħħet u lanqas li ġiet indirizzata proposta f’dan is-sens minn Lufthansa lill-membri l-oħra tal-imsemmija alleanza. Madankollu, dan ma jistax jipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvoka l-messaġġ elettroniku inkwistjoni bħala element inkriminanti fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indizji iktar estensiva. Fil-fatt, il-fatt li Lufthansa kellha l-intenzjoni li tiddiskuti din il-kwistjoni waqt laqgħa tal-alleanza WOW fih innifsu huwa indikazzjoni li l-kwistjoni tal-livell tas-STS kienet qiegħda tiġi diskussa bejn il-membri tal-imsemmija alleanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il-Kummissjoni, T‑370/09, EU:T:2012:333, punt 226).

342    It-tieni messaġġ elettroniku, dak tal-5 ta’ Marzu 2003, ġie mill-persuna responsabbli ta’ Lufthansa f’Ħong Kong u informa lill-interlokutur tiegħu f’Lufthansa li “l-isforzi tiegħu dwar is-STS mal-imsieħba tal-[alleanza] WOW” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu ta’ suċċess, u fih issemmiet l-aħħar informazzjoni rċevuta mir-rikorrenti u minn SAC f’dak ir-rigward (premessa 620 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-persuna responsabbli tispeċifika li r-rikorrenti kienu kisbu l-kunsens tal-awtoritajiet ta’ Ħong Kong u li s-STS kienet ser tiġi applikata b’effett mill-14 ta’ Marzu 2003.

343    Minn dan id-dokument jirriżulta li Lufthansa kienet ikkuntattjat lil SAC u lir-rikorrenti dwar is-STS applikabbli f’Ħong Kong u li kellha l-intenzjoni li dawn il-kuntatti jidħlu fil-kuntest tal-alleanza WOW.

344    Ċertament, għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet konkreti ta’ dan il-kuntatt ma humiex speċifikati, b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk dan kienx ta’ natura multilaterali jew le. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex neċessarju li kull prova prodotta mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji għal kull element tal-ksur. Minn dan isegwi li, minkejja li l-messaġġ elettroniku inkwistjoni fih innifisu ma jipprovax li r-rikorrenti kienu involuti f’kuntatt multilaterali ma’ SAC u ma’ Lufthansa fil-kuntest tal-alleanza WOW, huwa madankollu importanti, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jiġi eżaminat fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv jekk, meħud flimkien ma’ elementi oħra, dan il-messaġġ elettroniku setax jikkostitwixxi sensiela ta’ indizji li ppermettew lill-Kummissjoni tasal għal konklużjoni f’dan is-sens.

345    Fit-tielet lok, il-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal messaġġ elettroniku intern ta’ impjegat tal-uffiċċju ta’ Lufthansa f’Tokjo tat-30 ta’ Ottubru 2001 fejn jiġi ddeplorat li Lufthansa “tilfet l-opportunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] billi ma ħaditx l-inizjattiva biex tressaq, fi żmien xieraq, applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet Ġappuniżi dwar is-STS, li wasslet “għat-tmermir” tal-“alleanza tat-trasportaturi barranin għal[l-iffissar tas-STS għal] EUR 0.10-0.15 għal kull [kilo]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li sadattant il-“ġganti Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri AF, KLM, British Airways u r-rikorrenti, kienu ressqu applikazzjoni għal 500 sa 600 jen Ġappuniża għal kull polza tal-vjeġġ. L-imsemmija premessa sussegwentement tirreferi għall-fatt li d-destinatarju ta’ dan il-messaġġ elettroniku ttrasferixxih internament filwaqt li indika li kien għadu favur li Lufthansa tressaq applikazzjoni għal STS ta’ EUR 0.15 għal kull kilo u li kien “ċert li t-trasportaturi Ewropej l-oħra [kienu] ser isegwu wara li nħabbru li ser nieħdu r-riedni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

346    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn l-elementi ma jillimitawx ruħhom li jirreferu għall-applikazzjonijiet imressqa minn trasportaturi oħra quddiem l-awtoritajiet Ġappuniżi u li juru x-xewqa ta’ Lufthansa li titbiegħed mill-ammont ta’ STS mitlub, b’mod partikolari, mir-rikorrenti. L-ewwel messaġġ elettroniku fil-fatt jirreferi għal tentattiv ta’ koordinazzjoni bejn “trasportaturi barranin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bil-għan li jwassal għal qbil fuq ċertu ammont ta’ STS u impliċitament joħloq rabta bejn in-nuqqas ta’ suċċess tat-tentattiv u t-tressiq, minn diversi trasportaturi Ewropej, fosthom ir-rikorrenti, ta’ applikazzjoni għal ammont ieħor ta’ STS. It-tieni messaġġ elettroniku juri l-intenzjoni ta’ Lufthansa li tavża lill-imsemmija trasportaturi Ewropej li hija kienet ser tieħu r-riedni billi tressaq talba konformi mal-għan inizjali tal-koordinazzjoni. Għaldaqstant, l-elementi msemmija fil-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata huma ta’ natura li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn ir-rikorrenti u trasportaturi oħra minbarra Lufthansa.

347    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li l-elementi riprodotti fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi biss sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kuntatti bejn ir-rikorrenti u Lufthansa fir-rigward tas-STK, u għalhekk, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 337 iktar ’il fuq, għandhom jiġu jiġu esklużi mis-sensiela ta’ indizji li r-rikorrenti jikkontestaw fl-intier tagħha fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 620 ta’ din id-deċiżjoni ma jistabbilixxix, waħdu, li r-rikorrenti kienu involuti f’kuntatt multilaterali ma’ SAC u ma’ Lufthansa fil-kuntest tal-alleanza WOW, huwa importanti, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 344 iktar ‘il fuq, li jiġi eżaminat fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv jekk, flimkien ma’ elementi oħra, inklużi dawk deskritti fil-premessi 618 u 673 tal-imsemmija deċiżjoni, dan jistax madankollu jikkostitwixxi sensiela ta’ indizji li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

c)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi f’Diċembru 1999 fil-kuntest tal-alleanza Star Cargo

348    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta inkludiet l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999 bejn it-trasportaturi tal-alleanza Star Cargo, jiġifieri r-rikorrenti, Lufthansa, tliet trasportaturi oħra u Air Canada, fis-sensiela ta’ indizji li kellha l-għan li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu jew l-għarfien tagħhom ta’ dan il-ksur.

349    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li kuntatt invokat sabiex jiġi stabbilit il-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu għandu neċessarjament jistabbilixxi, minnu nnifsu, l-eżistenza ta’ ksur u li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fil-premessa 921 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambju inkwistjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji.

350    It-tieni, huma jindikaw li l-iskambju inkwistjoni huwa kopert mill-eżenzjoni tal-1996, peress li l-ksur uniku u kontinwu jirrigwarda biss, għal dan il-perijodu, ir-rotot intraŻEE u li huma u Lufthansa kienu l-uniċi trasportaturi membri tal-alleanza li kienu joperaw fuq tali rotot. Barra minn hekk, tali skambju kien iġġustifikat ukoll, skont ir-rikorrenti, mill-alleanza Star Cargo, u kien jibbenefika, fi kwalunkwe każ, mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87 tal-14 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262).

351    It-tielet, huma jsostnu li l-imsemmi skambju ma għandux rabta oġġettiva mal-ksur uniku u kontinwu. Dan jgħodd ukoll fid-dawl tal-kuntest ta’ dawn il-kuntatti, ikkaratterizzat mir-riżoluzzjoni tal-IATA intiża biex tistabbilixxi mekkaniżmu tas-STK, min-natura iżolata tal-iskambju inkwistjoni fil-kuntest ta’ alleanza abbandunata ftit taż-żmien wara u mill-fatt li huma u Lufthansa kienu l-uniċi trasportaturi involuti f’dan l-iskambju li fid-deċiżjoni kkontestata ntuża dan l-iskambju fil-konfront tagħhom. Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li l-impjegat ta’ SAS Cargo involut fl-iskambju inkwistjoni ma pparteċipa fl-ebda kuntatt kontenzjuż ieħor. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-iskambju inkwistjoni l-iktar l-iktar juri biss ftehim ma’ trasportatur intiż sabiex dan ma jintroduċix is-STK, li barra minn hekk ma ġiex osservat, peress li huma segwew il-pożizzjoni ta’ Lufthansa li ġiet ikkomunikata lilhom sussegwentement.

352    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

353    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ma jikkontestawx biss il-valur probatorju tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni. Fil-fatt, huma għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw, iktar minn hekk, id-data kkonstatata mill-Kummissjoni fil-premessa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata li kienet timmarka l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, li hija l-istess bħal dik tal-bidu tal-imsemmi skambju ta’ messaġġi elettroniċi, jiġifieri t-13 ta’ Diċembru 1999.

354    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 344 iktar ’il fuq, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi serji, preċiżi u konsistenti. Madankollu, mhux kull prova prodotta minn din tal-aħħar għandha neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati b’mod kumplessiv, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47). Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, T‑519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263, punti 175 sa 179, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, T‑544/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1075, punti 166 sa 179).

355    F’dan il-każ, l-iskambju inkwistjoni, iċċitat fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, beda permezz ta’ messaġġ elettroniku tar-rikorrenti li ntbagħat lil Lufthansa, lil tliet trasportaturi oħra u lil Air Canada. F’dak il-messaġġ elettroniku, ir-rikorrenti staqsewhom, filwaqt li esprimew it-tħassib tagħhom, dwar l-intenzjoni tagħhom li jintroduċu s-STK fil-kuntest tal-fatt li l-prezz tal-fjuwil kien qabeż il-limitu hekk imsejjaħ ta’ skattament stabbilit mill-IATA f’abbozz ta’ riżoluzzjoni intiż biex jintroduċi s-STK. Trasportatur wieġeb billi qabel mar-rikorrenti, filwaqt li Lufthansa qalet dan li ġej:

“aħna wkoll ma nixtiqux nieħdu l-inizjattiva din id-darba. Jekk kumpanniji oħra mill-kompetituri l-kbar tagħna jiddeċiedu li jagħmlu dan, insegwu, iżda b’mod differenti u inqas ċentralizzat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

356    Minn dan l-iskambju jista’ jiġi detott li r-rikorrenti ħadu l-inizjattiva li jikkuntattjaw lil diversi trasportaturi, f’kuntest multilaterali, sabiex jeżaminaw l-intenzjoni tagħhom li jintroduċu s-STK jew le. Minn dan jirriżulta wkoll li t-tweġibiet tat-trasportatur ikkonċernat u ta’ Lufthansa informaw lir-rikorrenti u lid-destinatarji l-oħra bl-intenzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dan il-kuntatt seħħ fil-livell tal-uffiċċji prinċipali tat-trasportaturi involuti.

357    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fix-xahrejn ta’ wara dan l-ewwel kuntatt, saru diversi kuntatti oħra li jinvolvu lir-rikorrenti, kemm fil-livell tal-uffiċċji prinċipali kif ukoll fil-livell lokali, u li juru rieda li s-STK tiġi kkoordinata fuq livell multilaterali, fil-Finlandja, fl-Isvizzera u f’Singapor. Dawn il-kuntatti jissemmew fil-premessi 144 sa 146 tad-deċiżjoni kkontestata u huma stabbiliti minn provi li l-valur probatorju tagħhom ma jistax jiġi miċħud (ara l-punti 438 sa 467, 567 sa 594 u 602 sa 606 iktar ’il quddiem). Dawn il-kuntatti kienu jinvolvu kemm lil trasportaturi inkriminati distinti minn dawk involuti fl-iskambju tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999 kif ukoll lil Lufthansa (premessi 145 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata) u lil Air Canada (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata).

358    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, u konsegwentement qieset it-13 ta’ Diċembru 1999 bħala d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom.

359    L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jinvalida din l-evalwazzjoni.

360    L-ewwel nett, il-kuntest fattwali invokat mir-rikorrenti u mfakkar fil-punt 351 iktar ’il fuq ma jikkonfutax in-natura u s-suġġett tal-kuntatti li saru fl-okkażjoni tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni, u juri r-rieda tal-partijiet fl-iskambju li jiftiehmu bejniethom, fil-livell tal-uffiċċji prinċipali, fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK. B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li l-impjegat tar-rikorrenti involut fl-iskambju inkwistjoni ma ħax sehem f’kuntatti antikompetittivi oħra, għandu jiġi rrilevat li l-identità tal-persuni fiżiċi involuti f’aġir kontenzjuż differenti ma hijiex meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu.

361    Barra minn hekk, mill-elementi mfakkra fil-punt 357 iktar ’il fuq jirriżulta li, kważi fl-istess żmien bħall-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni, ir-rikorrenti kienu involuti f’sensiela ta’ kuntatti li kellhom l-istess għan ma’ trasportaturi oħra kif ukoll ma’ Air Canada u ma’ Lufthansa, li kienu wkoll ipparteċipaw fl-imsemmi skambju ta’ messaġġi elettroniċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma huwiex probabbli li dan l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi juri rieda ta’ aġir miftiehem li hua limitat, fil-portata tiegħu, għall-alleanza Star Cargo.

362    Barra minn hekk, fir-rigward tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-IATA, ir-rikorrenti jammettu li dan ma kienx japplika fid-data tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni. Għalhekk, ir-rifjut mill-awtoritajiet kompetenti li japprovawh, li ċertament kien sussegwenti għal dan, huwa irrilevanti.

363    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ effetti, fuq l-aġir tar-rikorrenti, tal-ftehim implimentat fil-kuntest tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ effetti konkreti fuq l-aġir tal-impriża kkonċernata ma huwiex, minnu nnifsu, ta’ natura li jimpedixxi l-konklużjoni li dan jifforma parti minn ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva bħal dik inkwistjoni fil-premessi 144 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata jelimina l-inċertezza dwar l-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Comap vs Il-Kummissjoni, T‑377/06, EU:T:2011:108, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, meta impriża tirċievi tali informazzjoni, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-inizjattiva inkwistjoni jew mingħajr ma tirrapportaha lill-awtoritajiet amministrattivi, hija tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 68).

364    It-tieni, l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni la huwa kopert mill-eżenzjoni tal-1996 u lanqas mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament Nru 3975/87.

365    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-akkordji stabbilit fl-Artikolu 101(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet ta’ natura derogatorja, bħal dawk li jinsabu fl-eżenzjoni tal‑1996 jew fir-Regolament Nru 3975/87, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod estensiv u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jestendu l-effetti tal-atti li jkun fihom lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 1993, Peugeot vs Il-Kummissjoni, T‑9/92, EU:T:1993:38, punt 37).

366    Fir-rigward, qabel kollox, tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-1996, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx kif it-tentattiv ta’ koordinazzjoni dwar is-STK bejn sitt trasportaturi li juri l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni jaqa’ fil-kuntest tal-alleanza suġġetta għall-eżenzjoni tal-1996 u tal-għan tagħha li toħloq fil-livell globali, bejn ir-rikorrenti u Lufthansa, sistema ta’ trasport integrata (ara l-punt 332 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni li tgħid li l-alleanza Star Cargo hija sempliċi estensjoni tal-alleanza prevista mill-eżenzjoni tal-1996 ma tistax, jekk tiġi preżunta, twassal għall-estensjoni favur l-alleanza Star Cargo tal-eżenzjoni tal-1996, taħt piena li twassal għal interpretazzjoni estensiva tal-imsemmija eżenzjoni li tmur kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

367    Fir-rigward tal-argument sussidjarju li jgħid li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-alleanzi konklużi bejn ir-rikorrenti u Lufthansa kif ukoll bejn dawn u trasportatur ieħor turi li hija kienet tqis, f’dak iż-żmien, li l-partijiet l-oħra fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni stabbiliti barra ż-ŻEE la kienu kompetituri reali u lanqas potenzjali fuq ir-rotot intra-ŻEE, għandu jiġi rrilevat li l-kontestazzjoni tad-dimensjoni globali tal-akkordju kontenzjuż u tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn it-trasportaturi diġà ġiet eżaminata, u miċħuda, fil-kuntest tal-ewwel oġġezzjoni tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 279 sa 293 iktar ’il quddiem).

368    Jekk jiġi preżunt li, billi jirreferu għall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jinvokaw il-prinċipju tal-aspettattiva leġittima, huma għandhom jistabbilixxu li ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ta’ natura li jagħtu lok għal aspettattivi fondati fir-rigward tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97). Issa, il-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni individwali ta’ eżenzjoni wara l-bidu ta’ proċedura abbażi tar-Regolament Nru 3975/87 fir-rigward tal-alleanza bejn ir-rikorrenti, Lufthansa u trasportatur ieħor ma jistax jikkostitwixxi, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħtu x’jifhmu r-rikorrenti, teħid ta’ pożizzjoni fissa u definittiva fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE, fir-rigward tal-impatt tal-imsemmija alleanza fuq ir-rotot intra-ŻEE, u lanqas a fortiori fuq in-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Lufthansa, minn naħa, u t-trasportatur inkwistjoni, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, sa fejn diversi membri tal-alleanza Star Cargo ma kinux membri tal-alleanza bejn ir-rikorrenti, Lufthansa u t-trasportatur inkwistjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tiddeċiedi, fil-kuntest tal-proċedura mibdija abbażi tar-Regolament Nru 3975/87, fuq il-punti ta’ fatt li huma s-suġġett tal-iskambju tal-messaġġi elettroniċi inkwistjoni.

369    Fir-rigward, sussegwentement, tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament Nru 3975/87, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni huwa kopert mid-dispożizzjoni (i) tal-anness imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3975/87, sa fejn din hija biss kwistjoni ta’ “struttura tal-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

370    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3975/87 jaqra kif ġej:

“Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu [101(1) TFUE] ma għandiex tapplika għall-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma elenkati fl-Anness, sakemm l-objettiv u l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinkiseb titjib tekniku jew kooperazzjoni; Din il-lista mhijiex eżawrjenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

371    Id-dispożizzjoni (i) tal-anness imsemmi f’dan l-artikolu hija fformulata kif ġej:

“l-istabbiliment jew l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi li jirrigwardaw l-istruttura u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ tariffi tat-trasport, sakemm dawn ir-regoli ma jiffissawx direttament jew indirettament prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

372    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fihom hija limitata għall-aġir bil-għan jew l-effett uniku li jtejjeb jew li jistabbilixxi kooperazzjoni fil-livell tekniku. Il-fatt li aġir huwa msemmi fl-Anness tar-Regolament Nru 3975/87 ma huwiex biżżejjed għal deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-akkordji.

373    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda għan jew effett li jikkonsisti fit-titjib jew fl-istabbiliment ta’ kooperazzjoni fil-livell tekniku u li huwa marbut mal-kuntatti li seħħew fil-kuntest tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni. Huma ma jinvokaw a fortiori l-ebda element intiż sabiex jistabbilixxi li kien esklużivament segwit tali għan jew effett.

374    Barra minn hekk, mill-punt 355 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti, permezz tal-messaġġ elettroniku tagħhom tat-13 ta’ Diċembru 1999, kellhom l-intenzjoni li jeżaminaw l-intenzjonijiet tat-trasportaturi l-oħra dwar il-possibbiltà li jintroduċu s-STK. Minn dan isegwi li, għalkemm dak il-kuntatt juri rieda li jintlaħaq ftehim ma’ trasportaturi oħra dwar l-introduzzjoni tas-STK, dan ma huwiex meqjus, madankollu, bħala tentattiv li jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar l-istruttura u dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tariffi tat-trasport tal-merkanzija, fis-sens tal-punt (i) tal-anness imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3975/87.

375    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3975/87 għandha tiġi miċħuda.

376    It-tielet, ma huwiex stabbilit li l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni seta’ jiġi ġġustifikat mill-alleanza Star Cargo.

377    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jipproduċux provi prima facie li l-funzjonament fil-prattika tal-imsemmija alleanza kien jimplika li l-membri tagħha jiftiehmu fir-rigward tas-STK. Ir-rikorrenti stess jirrilevaw li, għalkemm ippruvaw, flimkien ma’ Lufthansa, jifformaw l-alleanza Star Cargo, it-tentattivi tagħhom malajr intemmu fl-2000. Għalkemm dikjarazzjoni reċiproka tal-intenzjonijiet bejn il-membri tal-alleanza ġiet fil-fatt adottata f’April 1999, kif jirriżulta mit-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dawn tal-aħħar ma jipproduċu l-ebda prova tal-bidu sussegwenti tal-implimentazzjoni operazzjonali li kieku kien jiġġustifika l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni.

378    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi inkwistjoni kkontribwixxa sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu u billi ddeterminat, abbażi ta’ dan l-iskambju, id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi ksur.

379    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza WOW

380    Din il-parti hija bbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza WOW. Din il-parti hija bbażata fuq tliet oġġezzjonijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żbalji fil-konstatazzjoni tal-illeġittimità tal-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW, it-tieni waħda fuq l-ommissjoni żbaljata tal-eżaminazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW mal-Artikolu 101 TFUE, u t-tielet waħda fuq żbalji marbuta mal-inklużjoni tal-imsemmija kuntatti fil-kamp tal-ksur uniku u kontinwu.

1)      Fuq l-ewwel oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fil-konstatazzjoni tal-illeġittimità tal-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW

381    Ir-rikorrenti josservaw li  d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq 18-il komunikazzjoni li jinvolvu biss trasportaturi tal-alleanza WOW sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu. Huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet, fil-premessa 971 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW kienu jaqgħu “barra mill-kuntest leġittimu tal-alleanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

382    Fil-fatt, l-aġir fil-kuntest tal-alleanza WOW fir-realtà jaqa’ taħt l-għan ġenerali tal-ftehim, kif deskritt fil-premessi 928 sa 931 tad-deċiżjoni kkontestata, li stabbilixxa għall-membri tiegħu sistema ta’ trasport ta’ merkanzija integrata u li bih jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija, inkluż bl-istabbiliment ta’ network integrat, l-integrazzjoni tal-bejgħ u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż u tad-dħul. Ir-rikorrenti jqisu għalhekk li l-Kummissjoni ma qisitx f’livell għoli biżżejjed l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-alleanza WOW u ssovravalutat il-portata tal-kuntatti dwar is-sovrataxxi.

383    Ir-rikorrenti jilmentaw ukoll li ma ngħatawx l-opportunità li jinstemgħu fuq ċerti fatti u konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-implimentazzjoni tal-alleanza u l-portata tal-koordinazzjoni tas-sovrataxxi fi ħdanha.

384    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-elementi msemmija fil-premessi 950, 956 u 957 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova turi li n-natura illeġittima tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW kienet magħrufa.

385    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

i)      Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

386    Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, sa fejn, minn naħa, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-implimentazzjoni tal-alleanza WOW u dwar il-portata tal-kuntatti dwar is-sovrataxxi fi ħdan l-alleanza WOW ma kinux jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, min-naħa l-oħra, ċerti elementi oħra minbarra dawk imsemmija fil-kuntest tal-ewwel motiv intużaw insostenn ta’ dawn il-konklużjonijiet mingħajr ma ġew ikkomunikati lilhom minn qabel.

387    Fir-rigward tal-ewwel ilment imressaq kontra l-Kummissjoni, dwar diverġenza bejn il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dak tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 136 iktar ’il fuq, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontra l-impriża kkonċernata, bħall-fatti li dwarhom jirrelata l-ilment, il-kwalifika tagħhom u l-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni.

388    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 138 iktar ’il fuq, l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom natura purament provviżorja u l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li żżomm magħhom.

389    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għamlet riferiment, fil-premessa 1321, għall-kuntatti kollha li jattestaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu. Fil-premessi 1325 u 1327 ta’ din id-dikjarazzjoni ġie ppreċiżat li l-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mas-STK u mas-STS kienu marbuta b’mod partikolari ma’ ċerti laqgħat u diskussjonijiet li seħħew fi ħdan l-alleanza WOW. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-għan tal-akkordju kontenzjuż li kien jikkonsisti, għat-trasportaturi inkriminati, fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fid-dinja kollha permezz, b’mod partikolari, tas-STK u tas-STS, kien diġà ġie indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan isegwi li l-portata tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW dwar is-sovrataxxi tirriżulta mill-kontenut tal-imsemmija komunikazzjoni u ma kinitx ibbażata, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, fuq allegazzjoni ġdida li dehret għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata.

390    Fir-rigward tal-iżviluppi, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-portata tal-implimentazzjoni tal-alleanza WOW, huwa tabilħaqq paċifiku li dawn ma jinsabux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija żviluppi għandhom l-għan li janalizzaw u jwieġbu għall-argumenti ddettaljati, imressqa b’mod partikolari mir-rikorrenti, fit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biex jiġġustifikaw il-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW fid-dawl tal-għanijiet leġittimi segwiti minn din tal-aħħar. Il-Kummissjoni b’hekk ma żiditx mal-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti, iżda sempliċement ikkumentat fuq dawk imressqa minn dawn tal-aħħar u minn trasportaturi oħra, destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u membri tal-alleanza WOW, fit-tweġibiet tagħhom. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-liġi magħmula mill-Kummissjoni li permezz tagħha hija tikkonkludi, fil-premessa 971 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-alleanza WOW ma tiġġustifikax il-koordinazzjoni tas-sovrataxxi mwettqa fi ħdanha, kienet diġà tidher, fil-qosor, iżda b’mod suffiċjenti mill-perspettiva ġuridika, fil-premessa 1446 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

391    Fir-rigward tat-tieni lment imressaq kontra l-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni matul il-proċedura amministrattiva ta’ ċerti elementi inkriminanti, imsemmija fil-premessi 933 u 949 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipji stabbiliti fil-punti 90 sa 96 iktar ’il fuq dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess tal-kawża huma applikabbli.

392    Ir-rikorrenti jsostnu għalhekk li d-dikjarazzjoni ta’ Lufthansa li tinsab fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u msemmija fil-premessa 933 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “l-alleanza [WOW] ma hijiex attiva llum u li ma għadux possibbli li jsir riferiment għall-fatt li hija topera network ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi element inkriminanti mhux żvelat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni, minn naħa, hija msemmija fil-punt intitolat “Analiżi tal-alleanza WOW: implimentazzjoni tal-ftehim tal-alleanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, hija invokata sabiex issostni l-konstatazzjoni li l-alleanza WOW ġiet implimentata biss sa punt limitat. B’hekk hija tikkorrobora t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-alleanza WOW ma setgħetx tiġġustifika l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi mwettqa fi ħdanha fid-dawl tal-implimentazzjoni limitata tagħha. Ċertament, ma jsirx riferiment espliċitu għal din id-dikjarazzjoni fil-premessi sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni kif ukoll il-mod kif tidħol fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata jwasslu għall-konklużjoni li dan huwa element inkriminanti. Issa, l-imsemmija dikjarazzjoni ma ġietx ikkomunikata matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, dan ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kkontestati fil-kuntest ta’ dan l-ilment, sabiex jiġi ddeterminat, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 iktar ‘il fuq, jekk ir-riżultat li waslet għalih fid-deċiżjoni kkontestata kienx ikun differenti li kieku din id-dikjarazzjoni kellha tiġi miċħuda bħala mezz ta’ prova inkriminanti (ara l-punti 416 u 432 iktar ’il quddiem).

393    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li s-silta mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2005 fil-Każ COMP/M.3770 – Lufthansa/Swiss iċċitata fil-premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi element inkriminanti li ma jistax jiġi invokat fil-konfront tagħhom. Sabiex tiġi miċħuda din l-allegazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din is-silta hija ċċitata mir-rikorrenti stess fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li l-oġġezzjoni li l-Kummissjoni ma kkomunikatx id-dokumenti li fuqhom hija bbażata l-affermazzjoni li tinsab f’dik is-silta lir-rikorrenti diġà ġiet miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, fil-punt 119 iktar ’il fuq.

ii)    Fuq il-portata tal-alleanza WOW u l-implimentazzjoni effettiva tagħha

394    Permezz ta’ din l-oġġezzjoni, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni, qabel kollox, li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessi 947 sa 952 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-portata tal-alleanza WOW u l-kundizzjonijiet effettivi tal-implimentazzjoni tagħha ma jiġġustifikawx il-koordinazzjoni tat-tariffi, b’mod partikolari fuq is-sovrataxxi, tat-tip implimentat fil-kuntest tal-akkordju kontenzjuż.

395    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma qisitx f’livell għoli biżżejjed, fid-deċiżjoni kkontestata, l-implimentazzjoni tal-alleanza WOW, billi bidlet in-natura ta’ ċerti elementi ta’ fatt jew billi naqset milli toħodhom inkunsiderazzjoni. L-integrazzjoni tan-networks tal-imsieħba b’hekk tirriżulta mill-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar ajruplani komuni tat-trasport tal-merkanzija u dwar il-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 941 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-partijiet ma wrewx li kienu ttieħdu xi miżuri fir-rigward tal-proġett ta’ integrazzjoni tas-sistemi tal-kompjuter hija b’mod partikolari kkontradita mir-riferiment, fil-premessa 934 ta’ din id-deċiżjoni, għal sistema komuni ta’ monitoraġġ online. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bidlet in-natura ta’ dak li qalu r-rikorrenti billi ssostni li l-integrazzjoni tal-funzjonijiet ta’ manutenzjoni kienet limitata jew li l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ trademark komuni kienet biss ad hoc. Fl-aħħar nett, in-neċessità li jiġu armonizzati l-prodotti offruti mill-membri tal-alleanza WOW ma ġietx ikkonfutata mill-Kummissjoni, u diversi inizjattivi intiżi sabiex jiġi inkluż il-bejgħ ġew injorati fid-deċiżjoni kkontestata.

396    F’din il-kawża, fil-premessi 947 sa 952 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda waħda mill-inizjattivi allegatament meħuda fil-kuntest tal-alleanza WOW ma kienet tiġġustifika koordinazzjoni ġenerali fuq is-sovrataxxi, minħabba li l-kooperazzjoni fi ħdan l-imsemmija alleanza baqgħet limitata, qatt ma laħqet l-istadju ta’ politika integrata tal-bejgħ u tat-tariffi u kienet limitata, essenzjalment, għal proġetti mmirati relatati ma’ ċerti rotot, ma’ ċerti klijenti jew ma’ ċerti prodotti. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-analiżi tad-dokumenti u tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti, matul il-proċedura amministrattiva, mit-trasportaturi inkriminati membri tal-alleanza inkwistjoni. Hija għamlet riferiment ukoll, fil-premessi 951 u 952 tad-deċiżjoni kkontestata, għal diversi dokumenti tal-proċess tal-kawża li juru li l-membri tal-alleanza WOW kienu segwew politiki individwali fil-qasam tas-sovrataxxi li dawn tal-aħħar ma kinux lesti li jwarrbu għall-bżonnijiet tal-imsemmi alleanza.

397    Issa, l-elementi mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-fondatezza tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni.

398    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jinvokawx l-eżistenza ta’ politika ġenerali ta’ tariffi integrata fi ħdan l-alleanza WOW. Sussegwentement, ir-rikorrenti naqsu milli juru li l-eżempji ta’ integrazzjoni kummerċjali ċċitati fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, bħall-eżistenza ta’ aġenti ta’ bejgħ komuni f’ċerti pajjiżi jew l-inklużjoni fl-offerta tat-tariffi tar-rikorrenti ta’ destinazzjonijiet, jekk ikun il-każ, offruti minn membri oħra tal-alleanza WOW, neċessarjament jimplikaw l-eżistenza ta’ ftehim ġenerali fuq it-tariffi jew fuq is-sovrataxxi. Dan jgħodd ukoll għall-prodotti armonizzati mibjugħa mill-alleanza WOW imsemmija fil-premessi 938 sa 940 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-armonizzazzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ forniment tas-servizz, u b’mod partikolari l-garanziji offruti, iżda ma huwiex stabbilit li din kienet intiża għat-tfassil tat-tariffi tal-imsemmija prodotti. Fir-rigward tal-ipoteżijiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet fi ħdan l-alleanza WOW imsemmija fil-premessa 946 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn kienu relatati ma’ inizjattivi speċifiċi, bħat-tħaddim konġunt ta’ ajurplan tal-merkanzija mir-rikorrenti u SAC fuq rotta partikolari jew is-sottomissjoni ad hoc ta’ offerti komuni għal ċerti klijenti, b’mod partikolari l-burdnara. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ ftehim ġenerali fuq is-sovrataxxi.

399    Fin-nuqqas ta’ prova ta’ politika integrata ta’ bejgħ u ta’ tariffi li tmur lil hinn minn xi interventi speċifiċi, l-elementi l-oħra mressqa mir-rikorrenti u intiżi sabiex jikkontestaw l-analiżi, mill-Kummissjoni, tal-isforzi ta’ promozzjoni tat-trademark, tal-istabbiliment ta’ manutenzjoni komuni jew ta’ sistema tal-kompjuter integrata ma jistgħux, fihom infushom, jiġġustifikaw ftehim ġenerali fuq is-sovrataxxi.

400    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu barra minn hekk ir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni, l-elementi li jsir riferiment għalihom b’mod partikolari fil-premessi 956 u 957 tad-deċiżjoni kkontestata juru li, għall-imsieħba tal-alleanza WOW, il-konformità tal-kuntatti inkwistjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni ma kinitx evidenti fiha nnifisha.

iii) Fuq il-portata tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW

401    Ir-rikorrenti mbagħad għandhom l-għan li jikkontestaw il-portata mogħtija mill-Kummissjoni għall-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW billi jsostnu li dawn kienu marbuta ma’ inizjattivi partikolari u lokali li ma setgħux, bħala tali, jippreżentaw rabta mal-ksur uniku u kontinwu.

402    Ir-rikorrenti għalhekk jikkontestaw il-portata mogħtija mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għal 18-il kuntatt bejn membri tal-alleanza WOW li jsir riferiment għalihom fil-premessi 401, 434, 484, 488, 490, 494, 496, 497, 512, 517, 531, 546, 596 u 628 sa 632. L-ebda wieħed minnhom ma jikkostitwixxi ftehim ġenerali fuq is-sovrataxxi. Għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti għal kull waħda mill-kategoriji ta’ kuntatti msemmija.

403    Fl-ewwel lok, il-kuntatt imsemmi fil-premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda komunikazzjoni mingħand SAC lil Lufthansa u lir-rikorrenti datata l-1 ta’ Ottubru 2001, li permezz tagħha hija tindika li ser tintroduċi s-STS mit-8 ta’ Ottubru 2001. Ir-rikorrenti jallegaw li dan il-kuntatt jaqa’ fil-kuntest speċifiku għall-Istati Uniti u huwa relatat mal-varar, ftit jiem qabel, tas-servizzi espressi armonizzati taħt it-trademark WOW. Issa, minbarra li huma ma jipproduċu l-ebda element li juri tali portata ristretta tal-avviż minn SAC, għandu jiġi rrilevat li l-introduzzjoni imminenti ta’ STS minn din tal-aħħar kienet diskussa, mit-28 ta’ Settembru 2001, f’diversi fora distinti li fihom kienu involuti trasportaturi oħra (ara l-premessi 592 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata), li tagħmel iktar improbabbli l-ispjegazzjoni alternattiva offruta mir-rikorrenti.

404    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatti msemmija fil-premessi 401, 434, 484, 494, 497, 512 u 546 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-kuntatti kienu parti mill-kuntest ta’ skambji speċifiċi għall-“Iskandinavja” bejn membri tal-alleanza WOW dwar il-metodu ta’ konverżjoni tas-STK fi flus lokali, li kienu ġġustifikati mill-operat ta’ ajruplani tal-merkanzija komuni ma’ Lufthansa u ma’ Japan Airlines, minn naħa, imbagħad ma’ SAC, min-naħa l-oħra. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda prova insostenn ta’ dan l-argument, filwaqt li l-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu interpretati, fin-nuqqas ta’ elementi kuntrarji u fid-dawl tal-applikabbiltà ġenerali tas-sovrataxxi (ara l-punti 279 sa 288 iktar ’il fuq u 445 iktar ’il quddiem), fis-sens li jirrigwardaw l-intenzjonijiet ta’ Lufthansa dwar l-applikazzjoni ġenerali tas-STK, irrispettivament minn kwalunkwe proġett speċifiku tal-alleanza WOW.

405    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-komunikazzjoni msemmija fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jinvokaw il-kuntest leġiżlattiv speċifiku għall-Ġappun sabiex jeskludu li din il-komunikazzjoni taqa’ taħt l-għanijiet imfittxija mill-ksur uniku u kontinwu. Dan l-argument ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tieni lment tas-sitt parti ta’ dan il-motiv.

406    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 490 u 496 tad-deċiżjoni kkontestata, li ntbagħtu mir-rappreżentant tar-rikorrenti fl-Istati Uniti u semmew il-koordinazzjoni tas-STK għal xogħlijiet bejn membri tal-alleanza WOW f’dak il-pajjiż, huma jsostnu li dawn huma spjegati mill-kuntest tal-isforzi magħmula mill-imsemmija persuna responsabbli sabiex isaħħaħ l-alleanza fl-Istati Uniti kif ukoll il-ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet bejn membri ta’ din l-alleanza. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-portata tal-koordinazzjoni tas-STK imsemmija fil-messaġġi elettroniċi inkwistjoni u ma jistabbilixxux li din kienet limitata għall-ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet konklużi bejn membri tal-alleanza.

407    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Ottubru 2005 msemmi fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li din kienet tikkonċerna l-kundizzjonijiet għat-tfassil ta’ offerta komuni lil burdnar u għalhekk manifestament ma kinitx relatata mal-implimentazzjoni tal-alleanza WOW. Il-Kummissjoni tikkontesta din l-interpretazzjoni mir-rikorrenti u tqis li l-messaġġ elettroniku inkwistjoni jittratta parzjalment l-approċċ ġenerali tal-membri tal-alleanza WOW fir-rigward tas-sovrataxxi, indipendentement mill-offerta komuni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni fl-iskambju li tgħid li “din il-kwistjoni [tas-sovrataxxi] ġiet diskussa ‘fil-qosor’ matul l-aħħar laqgħa [tal-Kumitat Globali tal-Bejgħ], iżda ma ġiet inkluża l-ebda osservazzjoni fil-minuti tal-laqgħa (antitrust!)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

408    Issa, minn dan il-messaġġ elettroniku jirriżulta li, kif ġustament jenfasizzaw ir-rikorrenti, l-għan tiegħu kien li jipprepara laqgħa mal-burdnar ikkonċernat mill-offerta komuni, li kellha ssir għaxart ijiem wara. Il-messaġġ elettroniku jirrapporta, f’dan il-kuntest, diskussjonijiet li saru fil-livell tal-Kumitat Globali tal-Bejgħ, li attendew għalihom il-viċi presidenti tal-membri tal-alleanza WOW responsabbli mill-bejgħ:

“Issemma li [l-alleanza] WOW ser tuża l-mudell ta’ L[ufthansa] fis-swieq ‘newtrali’; l-Istati Uniti, l-Ewropa. B’hekk, jistgħu japplikaw ċerti ftehimiet lokali fi swieq oħra, pereżempju fil-Ġappun (parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi) jew fis-swieq Asjatiċi, fejn il-kompetituri jużaw mudelli differenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

409    L-awtur tal-messaġġ elettroniku jżid:

“Fid-dokumentazzjoni tiegħi, sibt il-ftehim ta’ mandat maħruġ lin-negozjati ta’ Exel is-sena l-oħra (kopja mehmuża) fejn it-trasportaturi kollha aċċettaw li jużaw il-mudell ta’ [Lufthansa] għas-sovrataxxi. Nistgħu nużaw l-istess kliem fil-każ CAT/DHL ?????????? Nistgħu nistaqsu [lill-Kumitat Globali tal-Bejgħ] biex ikollna tweġiba malajr?” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

410    Għalkemm din is-silta effettivament tirrelata mal-kuntest tat-tfassil tal-offerta komuni inkwistjoni, dik riprodotta fil-punt 408 iktar ’il fuq ukoll tista’ tirrelata, fid-dawl tal-kuntest tagħha, mat-tfassil tal-imsemmija offerta, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-referenza għal “ftehimiet lokali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tista’ tiġi interpretata bħala l-applikazzjoni ta’ ftehimiet speċifiċi għall-klijent speditur minn ċerti ajruporti, u din l-interpretazzjoni hija iktar probabbli peress li l-għan tal-posta elettronika kien li jiġu deċiżi t-termini tal-offerta komuni li kellha ssir mill-alleanza WOW lil dak il-klijent. Huwa minnu li r-riferiment, espress permezz tal-esklamazzjoni “(antitrust!)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għar-riskju li d-diskussjoni li saret fil-livell tal-kumitat globali tal-bejgħ tista’ tkun ipprojbita mid-dritt tal-kompetizzjoni huwa indizju għall-kuntrarju. Madankollu, fih innifsu, dan ir-riferiment waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmel improbabbli l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, li hija bbażata, mhux fuq allegazzjonijiet mhux fondati, iżda fuq il-kontenut stess tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni.

411    Konsegwentement, għandu jitqies li l-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Ottubru 2005 msemmi fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata jaqa’ esklużivament taħt l-għan li tiġi mfassla offerta komuni mill-alleanza WOW lil klijent prospettiv u għalhekk ma hijiex ta’ natura li tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

412    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-kuntatti msemmija fil-premessi 531 u 628 sa 632 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li dawn kienu ġġustifikati mill-proġett tal-operat ta’ ajruplan tal-merkanzija komuni ma’ SAC fuq ir-rotta Kopenħagen-Chicago u, min-naħa l-oħra, li l-koordinazzjoni kienet tikkonċerna esklużivament l-applikazzjoni tas-STS fuq ir-rotot li jitilqu mid-Danimarka.

413    F’dan ir-rigward, qabel kollox, fir-rigward tal-portata tal-koordinazzjoni implimentata fil-kuntest tal-kuntatti msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija kuntatti ma humiex limitati għall-koordinazzjoni tas-STS, peress li l-kuntatt imsemmi fil-premessa 531 tad-deċiżjoni kkontestata jindirizza b’mod iktar wiesa’ l-kwistjoni tas-sovrataxxi. It-tieni, fir-rigward tal-kuntatti relatati mas-STS, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 630 tad-deċiżjoni kkontestata li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-portata tal-kuntatti inkwistjoni ma kinitx limitata għal rotot li jitilqu mid-Danimarka, iżda kienet tikkonċerna b’mod iktar wiesa’ l-impożizzjoni tas-STS fl-Ewropa b’rata armonizzata. Dan huwa sostnut mill-kontenut ġenerali tal-messaġġ elettroniku intern deskritt f’dik il-premessa: “fil-laqgħa tagħna tal-WOW għall-Ewropa qbilna li ser nimponu sovrataxxi. Irridu nirrealizzaw li dan ma huwiex sempliċi daqskemm ħsibna jew xtaqna”; “[j]ekk kulħadd imur f’direzzjoni differenti, ser indumu biss ftit jiem biex nilħqu l-agħar ftehim”; “[i]rridu niddeċiedu fi ħdan il-WOW jekk irridux inkomplu bħal qabel jew nippreferux separazzjoni bħal KL[M]/AF” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa indikat ukoll, fil-messaġġ elettroniku intern tar-rikorrenti ċċitat fil-premessa 632 tad-deċiżjoni kkontestata li “[huma] aħna, il-WOW, jiġifieri [Lufthansa] + [ir-rikorrenti], li ilna niġġieldu ma’ [SAC] biex tgħolli s-STS tagħha minn 0.10 għal 0.13…” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’mod partikolari, ir-rati ta’ 0.10 u 0.13 ma jikkorrispondux għar-rati applikati fid-Danimarka minn SAC, kif jirriżulta mill-elementi prodotti mir-rikorrenti fl-Anness A.57 tagħhom.

414    Minn dan isegwi li għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-portata ristretta tal-koordinazzjoni murija mid-dokumenti ċċitati fil-premessi 531 u 628 sa 632 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, huwa ġust li l-kuntatti inkwistjoni tqiesu li jikkontribwixxu biex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-argument, li sar ineffettiv, ibbażat fuq in-natura ġġustifikata ta’ koordinazzjoni fuq is-sovrataxxi ta’ portata iktar ristretta minħabba r-rekwiżiti tal-operat komuni ta’ ajruplan tal-merkanzija.

415    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Ottubru 2005 msemmi fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ esklużivament taħt l-għan li tiġi mfassla offerta komuni mill-alleanza WOW lil klijent prospettiv u ma hijiex, għalhekk, ta’ natura li tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu. Konsegwentement, dan għandu jiġi miċħud mis-sensiela ta’ indizji li r-rikorrenti jikkontestaw fl-intier tiegħu fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv.

416    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li ma jistax jiġi stabbilit li l-konstatazzjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti kieku ġiet miċħuda bħala mezz ta’ prova d-dikjarazzjoni ta’ Lufthansa li tinsab fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li tissemma fil-premessa 933, li fir-rigward tagħha ġie konkluż, fil-punt 392 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet irrifjutat b’mod żbaljat l-aċċess tagħha lir-rikorrenti. Fil-fatt, inkluż fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni kienet fondata, abbażi tal-provi li baqgħu għad-dispożizzjoni tagħha, li tikkonkludi li l-alleanza WOW ma setgħetx tiġġustifika l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi mwettqa fi ħdanha fid-dawl tal-implimentazzjoni limitata tagħha.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-ommissjoni żbaljata li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW mal-Artikolu 101 TFUE

417    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli twettaq eżami minn qabel tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW. Minn naħa, il-Kummissjoni tbiegħdet b’mod diskriminatorju u retroattiv mill-analiżi li applikat għall-alleanzi l-oħra tal-kumpanniji tal-ajru u li saret permezz tal-analiżi tas-sovrappożizzjonijiet bejn il-membri tal-alleanza WOW f’suq rilevanti. Min-naħa l-oħra, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE.

418    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

i)      Fuq l-applikazzjoni retroattiva u diskriminatorja ta’ interpretazzjoni ġdida tar-regola applikabbli għall-alleanzi tal-kumpanniji tal-ajru

419    Għandu jitfakkar li l-prinċipji tal-legalità tal-pieni u taċ-ċertezza legali ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali, iżda jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 217).

420    Dan huwa partikolarment il-każ fl-eventwalità ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali fejn ir-riżultat ma jkunx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta jitwettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 218 u l-ġurisprudenza ċċitata).

421    Dawn il-prinċipji huma applikabbli wkoll għall-Kummissjoni meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 u 102 TFUE għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 222, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 149).

422    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw diversi deċiżjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni li jawtorizzaw ftehim bejn żewġ trasportaturi, jew abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ ftehimiet bejn impriżi (ĠU 1989, L 395, p. 1, rettifika fil-ĠU 1990, L 257, p. 13), jew abbażi tar-Regolament Nru 139/2004. Dawn ma jirrigwardawx, f’dan ir-rigward, il-każijiet residwi li fihom l-Artikolu 101 TFUE jista’ jkun applikabbli meta jiġi eżaminat ftehim, f’konformità, b’mod partikolari, mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 139/2004. B’dan il-mod, huma jibbażaw ruħhom fuq l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi differenti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 101 TFUE, u għalhekk ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuqhom sabiex jakkużaw lill-Kummissjoni li applikat retroattivament interpretazzjoni ġdida tar-regola applikabbli f’dan il-każ.

423    Sussegwentement, fir-rigward tal-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ deċiżjonijiet li jagħtu eżenzjoni lil ċerti alleanzi ta’ kumpanniji tal-ajru adottati mill-Kummissjoni taħt il-proċedura applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, mill-premessi 922 sa 925 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-Artikolu 101 TFUE kienx inapplikabbli għall-alleanza WOW, iżda analizzat biss jekk il-kuntatti fi ħdanha li bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata kinux jaqgħu fil-kuntest tal-imsemmija alleanza jew kinux jeċċedu l-forom ta’ kooperazzjoni previsti minnha. Konsegwentement, minħabba l-fatt li huma ma kellhomx l-istess għan, id-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jirriflettu interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE differenti minn dik adottata fid-deċiżjoni kkontestata.

424    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-alleanza WOW kienet is-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ alleanzi ta’ kumpanniji tal-ajru oħra, sa fejn ir-responsabbiltà ta’ parti mill-membri tagħhom ma kinitx ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża li tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti ma kienet is-suġġett ta’ ebda konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni ma jistax jippermetti li jiġi eskluż il-ksur ikkonstatat fir-rigward tal-imsemmija rikorrenti, peress li dan ġie stabbilit b’mod korrett, u minkejja li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex adita bis-sitwazzjoni ta’ dik l-impriża l-oħra (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 461 u l-ġurisprudenza ċċitata).

ii)    Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE

425    Kif tfakkar fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE li għandha l-oneru tal-prova sabiex turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu huma ssodisfatti. Konsegwentement, il-persuna li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE għandha turi li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, permezz ta’ argumenti u provi konvinċenti (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 196).

426    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod adegwat dawn l-argumenti u dawn il-provi, jiġifieri għandha tiddetermina jekk jurux li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE huma ssodisfatti. F’ċerti każijiet, dawn l-argumenti u dawn il-provi jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligawha tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan li tippermetti li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova fuq il-persuna li tinvoka l-Artikolu 101(3) TFUE ġie ssodisfatt. Il-Kummissjoni, f’każ bħal dan, għandha tikkonfuta dawn l-argumenti u dawn il-provi (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 197).

427    F’din il-kawża, ir-rikorrenti invokaw, fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE fir-rigward tal-alleanza WOW. Issa, anki jekk jitqies li l-alleanza WOW issodisfat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, il-portata tal-akkordju kontenzjuż ma kinitx l-istess bħal dik tal-alleanza WOW u, min-naħa l-oħra, li l-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu jeċċedu, essenzjalment, il-qafas tal-implimentazzjoni tal-imsemmija alleanza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta naqset milli tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-elementi prodotti mir-rikorrenti skont l-Artikolu 101(3) TFUE u llimitat ruħha li tikkonkludi, fil-premessa 1050 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehimiet ta’ alleanzi konklużi bejn it-trasportaturi inkriminati ma setgħux jilleġittimizzaw l-aġir kontenzjuż.

3)      Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW fil-kamp tal-ksur uniku u kontinwu

428    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kuntatti tagħhom fi ħdan l-alleanza WOW ma kinux oġġettivament jifformaw parti mill-ksur uniku u kontinwu u lanqas ma kienu jipprovaw li huma kellhom għarfien tiegħu. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq diversi differenzi bejn il-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW u l-komunikazzjonijiet “transalleanzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-kuntest tal-ksur uniku u kontinwu li jirrelataw b’mod partikolari mal-għan tagħhom, mal-persunal parteċipanti, mal-kronoloġija tagħhom, mal-involviment tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mal-modus operandi tagħhom.

429    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom, sabiex jiċħdu l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn il-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW u l-ksur uniku u kontinwu, fuq numru ta’ fatturi li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-imsemmija kuntatti kienu saru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-alleanza WOW. Dan japplika wkoll għall-enfasizzar ta’ għan allegatament differenti, għall-kuntatti mal-awtoritajiet dwar il-kostituzzjoni tal-alleanza WOW jew għan-nuqqas ta’ rivalità bejn membri tal-alleanza msemmija.

430    Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel żewġ ilmenti ta’ din il-parti, id-diskussjonijiet li saru fi ħdan l-alleanza WOW jissodisfaw numru ta’ kriterji li l-qorti tal-Unjoni tqis bħala rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur (ara l-punt 298 iktar ’il fuq) u li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkwalifika l-aġir kontenzjuż bħala “ksur uniku kumpless u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 300 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-istess bħall-aġir l-ieħor li l-Kummissjoni qieset li kien jifforma parti mill-ksur uniku u kontinwu, dawn id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw is-servizzi kollha tat-trasport tal-merkanzija (servizz uniku). Bl-istess mod, dawn kollha kienu jirrigwardaw l-intenzjonijiet futuri tat-trasportaturi involuti, jew l-adozzjoni ta’ approċċ komuni, fir-rigward tal-introduzzjoni jew tal-implimentazzjoni tas-sovrataxxi (għan antikompetittiv u natura unika tal-ksur).

431    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex tali li jpoġġi indiskussjoni l-eżistenza ta’ pjan ġenerali. L-ewwel nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-persunal involut fil-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW u fil-kuntatti kontenzjużi l-oħra, min-naħa, l-identiċità tal-persuni fiżiċi involuti ma hijiex kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ ksur uniku (ara l-punt 360 iktar ’il fuq) u, barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fiż-żewġ każijiet, il-persunal involut spiss kien jaħdem fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali, għall-kuntrarju dak li jsostnu r-rikorrenti. It-tieni, diversi kunsiderazzjonijiet imsemmija mir-rikorrenti, bħall-forma, orali jew bil-miktub, ta’ kuntatti bejn membri tal-alleanza WOW, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma humiex, fid-dawl tan-natura minuri tagħhom, ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku. It-tielet, il-perċezzjoni li kellhom il-membri ta’ allegat “grupp ristrett” fuq ir-rwol li kellhom id-diskussjonijiet li seħħew fi ħdan l-alleanza WOW, minbarra li ma hijiex sostnuta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, ma hijiex ta’ natura li tpoġġi indiskussjoni l-valur probatorju tad-diversi kuntatti identifikati fid-deċiżjoni kkontestata li jinvolvu lill-membri tal-imsemmija alleanza kif ukoll il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tal-identità tal-għan antikompetittiv.

432    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda r-raba’ parti kollha kemm hi, filwaqt li jitfakkar li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-eżami globali mwettaq fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 415 iktar ’il fuq.

e)      Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ avvenimenti lokali u mhux relatati f’xi pajjiżi

433    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 395, 411, 425, 559 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ta’ natura lokali u mhux relatata u għalhekk ma setgħux jintużaw sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu fil-livell globali jew l-għarfien tagħhom tiegħu. Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tiċħad l-argumenti u l-provi mressqa mir-rikorrenti, li kienu intiżi sabiex jistabbilixxu li ma kienet teżisti l-ebda rabta intrinsika bejn dawn il-kuntatti u dawk li seħħew fil-kuntest tal-akkordju kontenzjuż.

434    L-imsemmija kuntatti u l-ksur uniku u kontinwu ma kellhomx l-istess għan, kienu jinvolvu lil trasportaturi u lil impjegati differenti u kienu differenti fir-rigward tad-data, tal-post u tal-kontenut tagħhom. Fil-fatt, l-imsemmija kuntatti kienu ta’ natura iżolata, kienu jinvolvu lil impjegati lokali fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fil-Finlandja u lil trasportaturi mhux inkriminati jew trasportaturi li għalihom dawn il-kuntatti ma ntużawx fil-konfront tagħhom u kienu jikkonċernaw diskussjonijiet speċifiċi dwar kwistjonijiet lokali speċifiċi. Il-fatt li dawn il-kuntatti ġew irrapportati lill-uffiċċju prinċipali tar-rikorrenti ma jistax jistabbilixxi awtomatikament l-eżistenza ta’ koordinazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-uffiċċju prinċipali tar-rikorrenti lil hinn mil-kwistjoni lokali inkwistjoni.

435    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li diversi mill-kuntatti inkwistjoni ma wasslu għall-ebda koordinazzjoni jew ma kellhomx effett fuq l-aġir tagħhom.

436    Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li l-kuntatti inkwistjoni ma ppermettewx lill-persunal tagħhom isir jaf bl-akkordju implimentat mill-grupp ristrett u li l-Kummissjoni ma wrietx li l-persuni fiżiċi involuti kellhom l-intenzjoni, permezz tal-involviment tagħhom f’dawn il-kuntatti, li jikkontribwixxu għal akkordju globali.

437    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

438    Għandu jiġi osservat li, bħall-kuntatti relatati mal-alleanza WOW eżaminati fil-kuntest tar-raba’ parti ta’ dan il-motiv, l-erba’ sensiliet ta’ kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 395, 411, 425, 559 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata jissodisfaw diversi kriterji li l-qorti tal-Unjoni tqis bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur (ara l-punt 298 iktar ’il fuq) u li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata biex tikkwalifika l-aġir kontenzjuż bħala “ksur uniku kumpless u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 300 iktar ’il fuq).

439    Fl-ewwel lok, l-istess bħall-aġir l-ieħor li l-Kummissjoni qieset li kien jifforma parti mill-ksur uniku u kontinwu, dawn l-erba’ sensiliet ta’ kuntatti kienu jikkonċernaw is-servizzi kollha tat-trasport tal-merkanzija (servizz uniku). Bl-istess mod, dawn kollha kienu jirrigwardaw l-intenzjonijiet futuri tat-trasportaturi involuti, jew l-adozzjoni ta’ approċċ komuni, fir-rigward tal-introduzzjoni jew tal-implimentazzjoni tas-sovrataxxi (għan antikompetittiv u natura unika tal-ksur).

440    Fil-fatt, l-ewwel, l-iskambju intern ta’ messaġġi elettroniċi mill-5 sal-11 ta’ Jannar 2000 deskritt fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel riferiment għal diskussjonijiet bejn il-persuna responsabbli lokali tar-rikorrenti fil-Finlandja u tliet trasportaturi inkriminati oħra fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK (ara wkoll il-punt 357 iktar ’il fuq). B’hekk huwa indikat li, fil-kuntest tal-imsemmija diskussjonijiet, il-persuna responsabbli lokali ta’ British Airways spjegat kif British Airways ma kinitx “għadha ddeċidiet jekk timplemntax [is-STK] jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-persuna responsabbli lokali ta’ KLM ipproponiet li “għandna lkoll inżommu ma’ din [is-STK]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u impjegat ta’ Lufthansa kkonferma li Lufthansa “[kienet] ser iżżomm ma’ din is-[STK]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

441    It-tieni, il-“laqgħa amikevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tat-22 ta’ Jannar 2001 deskritta fil-premessi 173 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-implimentazzjoni tas-STK. B’hekk jirriżulta minn memorandum intern ta’ impjegata ta’ Martinair dwar din il-laqgħa, kif deskritta fil-qosor fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[Lufthansa] kellha tnaqqas il-livell tas-STK sal-1 ta’ Frar 2001, filwaqt li [Cargolux, Swiss, trasportatur ieħor, KLM u British Airways] kienu ser iżommu l-livell tas-STK” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

442    It-tielet nett, il-premessi 395, 411, 425 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata jiddeskrivu kuntatti li seħħew bejn l-2004 u l-2005 dwar l-implimentazzjoni tas-STK. Qabel kollox, f’messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Settembru 2004, Lufthansa bagħtet lil diversi trasportaturi avviż dwar żieda fis-STK (premessa 411), sussegwentement, f’laqgħat tat-3 ta’ Settembru 2004 u tas-17 ta’ Novembru 2005 tal-kumitat dwar il-merkanzija tal-Board of Airlines Representatives in Germany (il-Bord tar-Rappreżentanti tal-Kumpanniji tal-Ajru fil-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BARIG”), li fil-kuntest tagħhom Lufthansa pprovdiet lil diversi trasportaturi informazzjoni dwar is-STK (premessi 425 u 559) u, fl-aħħar nett, f’laqgħa tas-SCC tal-BAR f’Singapor fit-23 ta’ Lulju 2004, li fil-kuntest tagħha persuna responsabbli ta’ SAC stiednet lil trasportaturi oħra, b’rabta mal-eżami tas-STK, “jeżerċitaw ċertu livell ta’ kooperazzjoni waqt eżerċizzji futuri, fid-dawl tal-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza dwar dawn is-sovrataxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 395).

443    Ir-raba’ nett, il-premessa 584 tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi messaġġ elettroniku tal-25 ta’ Settembru 2001. Mill-messaġġ elettroniku, kif deskritt fil-qosor mill-Kummissjoni fl-imsemmija premessa, jirriżulta li impjegat lokali ta’ SAC “fl-Iskandinavja” ikkomunika lir-rikorrenti l-“pjanijiet ta’ kompetituri li […] kollha [kienu] qegħdin jikkunsidraw jintroduċu STS, iżda li [kienu] jippreferu li [r-rikorrenti] jagħmlu l-ewwel pass” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

444    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-post, tad-data, tal-kontenut u tad-dimensjoni allegatament lokali tal-erba’ sensiliet ta’ kuntatti inkwistjoni u tal-persuni involuti fihom, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti huma żbaljati.

445    Huwa minnu li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 395, 411, 425, 559 u 584 tad-deċiżjoni msemmija kellhom dimensjoni lokali u, f’xi każijiet, ma seħħewx fl-istess mument bħall-avviżi tad-deċiżjonijiet dwar is-STK u s-STS. Madankollu, għandu jiġi osservat li, mhux talli ma wrewx li dawn il-kuntatti ma kinux parti mill-ksur uniku u kontinwu, iżda dawn iċ-ċirkustanzi huma sempliċement konsegwenza tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-akkordju kontenzjuż. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta, iżda kellhom l-għan li jiġu applikati għar-rotot kollha, fil-livell globali. Huwa għalhekk, kif spjegat il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1323 u fil-premessi 876 u 1046 ta’ din id-deċiżjoni, li d-deċiżjonijiet dwar is-sovrataxxi kienu ġeneralment jittieħdu fil-livell tal-uffiċċji prinċipali ta’ kull trasportatur, minħabba l-applikazzjoni globali tagħhom, iżda kienu implimentati fil-livell lokali mill-persunal lokali u setgħu jinbidlu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet tas-suq u tar-regolamenti lokali.

446    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif essenzjalment jirrikonoxxu r-rikorrenti, l-iskambju intern ta’ messaġġi elettroniċi msemmi fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata seħħ fix-xahar ta’ wara l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999 bejn it-trasportaturi tal-alleanza Star Cargo (ara l-punt 360 iktar ’il fuq), ftit wara l-avviż tal-introduzzjoni tas-STK, u kien jirrigwarda t-tweġiba li kellha tingħata għall-oġġezzjoni mill-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Burdnara għal dak l-avviż. Barra minn hekk, huwa l-uffiċċju prinċipali tar-rikorrenti li beda dak l-iskambju. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li kien impjegat fl-uffiċċju prinċipali tar-rikorrenti li talab lill-uffiċċju tar-rikorrenti f’Ħelsinki (il-Finlandja) sabiex jagħmel “kuntatt mill-qrib informali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma’ impjegat ta’ Lufthansa dwar l-oġġezzjoni li l-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Burdnara kienet esprimiet għall-introduzzjoni tas-STK. Kien ukoll l-uffiċċju prinċipali li ħeġġeġ lill-uffiċċju tar-rikorrenti f’Ħelsinki sabiex iwieġeb lil din l-assoċjazzjoni mingħajr ma jagħmel “riferiment għal trasportaturi oħra, għaliex dan jista’ joħloq problema mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-antitrust” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

447    It-tieni, għandu jiġi osservat li l-“laqgħa amikevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tat-22 ta’ Jannar 2001 u l-laqgħa tal-kumitat tal-merkanzija tal-BARIG tas-17 ta’ Novembru 2005 imsemmija, rispettivament, fil-premessi 173 u 174 u fil-premessa 559 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jirrigwardaw, mill-inqas, l-implimentazzjoni fil-Ġermanja ta’ bidla fil-livell tas-STK deċiża fil-livell tal-uffiċċju prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, mill-memorandum intern ta’ Martinair deskritt fil-punt 441 iktar ’il fuq, kif deskritt fil-qosor fil-premessa 174 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li fil-“laqgħa amikevoli” tat-22 ta’ Jannar 2001 li għaliha d-Direttur tal-Bejgħ ta’ Lufthansa għall-Asja u l-Awstralja kien stieden lil diversi kompetituri, kien ġie deċiża li “[Lufthansa] kellha tnaqqas il-livell tas-STK fl-1 ta’ Frar 2001, filwaqt li [Cargolux, Swiss, trasportatur ieħor, KLM u British Airways] żammew il-livell tas-STK tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, mill-premessi 168 sa 171 u 182 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li dan it-tnaqqis, li kien jirrigwarda l-implimentazzjoni fil-Ġermanja, ġie applikat ukoll fuq skala ikbar. Min-naħa l-oħra, il-laqgħa tal-kumitat tal-merkanzija tal-BARIG tas-17 ta’ Novembru 2005 kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-avviż minn Lufthansa ta’ tnaqqis tas-STK mit-28 ta’ Novembru 2005. Issa, mill-premessi 552 sa 556 u 562 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan it-tnaqqis, ukoll, ġie applikat fuq skala ikbar.

448    It-tielet, għandu jiġi osservat li l-laqgħa tal-kumitat tal-merkanzija tal-BARIG tat-3 ta’ Settembru 2004, imsemmija fil-premessa 425 tad-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda diversi “suġġetti kurrenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fir-rigward tagħhom Lufthansa informat lill-parteċipanti l-oħra dwar l-“aħbarijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jikkonċernawha. Fost dawn is-suġġetti kien hemm b’mod partikolari s-STK. Fir-rikors, ir-rikorrenti jispeċifikaw li din kienet kwistjoni ta’ emendi tas-STK.

449    Il-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna messaġġ elettroniku li permezz tiegħu Lufthansa, 19-il jum wara, bagħtet lil sittax-il trasportatur, li diversi minnhom kienu pparteċipaw fil-laqgħa tal-kumitat tal-merkanzija tal-BARIG deskritta fil-punt 448 iktar ’il fuq, l-avviż tagħha dwar żieda tas-STK mill-4 ta’ Ottubru 2004. Ma huwiex ikkontestat li dan il-messaġġ elettroniku ntbagħat mill-persuna responsabbli ta’ Lufthansa għall-bejgħ fil-Ġermanja lill-kontropartijiet lokali tagħha.

450    Madankollu, l-elementi fil-proċess tal-kawża juru li dan il-messaġġ elettroniku kellu dimensjoni li ma kinitx esklużivament lokali. Mill-inqas, dan kien intiż li jiżgura l-implimentazzjoni lokali ta’ żieda deċiża fil-livell tal-uffiċċji prinċipali. Fil-fatt, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżulta li l-portata ta’ din iż-żieda ma kinitx intiża li tapplika wkoll f’pajjiżi oħra.

451    Għall-kuntrarju, mill-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-jum ta’ qabel intbagħat dan il-messaġġ elettroniku, il-maniġer ta’ CPA fil-Belġju bagħat b’mezz intern lill-uffiċċju prinċipali tagħha l-avviż taż-żieda fis-STK ta’ Lufthansa u indika li fl-istess jum kien ser ikun hemm “diskussjoni finali mas-’settur’ sabiex tiġi diskussa d-data tal-bidu fil-Belġju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, mill-messaġġi elettroniċi interni ta’ CPA msemmija fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-“biċċa l-kbira tal-operaturi ta’ ajruplani tal-merkanzija fi Brussell [kienu] ddeċidew li jżidu [s-STK] mill-1 ta’ Ottubru 2004” [traduzzjoni mhux uffiċċjali], iżda li SAC, wara li indikat l-intenzjoni tagħha li tagħmel l-istess, kienet ġiet imfakkra mill-uffiċċju prinċipali tagħha li “kellha tagħżel id-data tal-4 ta’ Ottubru [2004]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 289 iktar ’il fuq).

452    Barra minn hekk, fir-rikors ir-rikorrenti indikaw li l-istess persuna responsabbli għall-bejgħ fil-Ġermanja kienu ntbagħtulha l-avviżi relatati mas-STK li Lufthansa kienet bagħtitilhom bejn l-2003 u l-2004, fosthom dak deskritt fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata.

453    Ir-raba’, għandu jiġi osservat li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti fir-rikors, il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 584 tad-deċiżjoni kkontestata kien indirizzat lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tagħhom. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-impjegat lokali ta’ SAC li, fl-imsemmi messaġġ elettroniku, bagħat lir-rikorrenti informazzjoni dwar l-intenzjoni ta’ trasportaturi differenti li jistabbilixxu STS bagħathom ukoll lill-uffiċċju prinċipali tagħha.

454    Ċertament, b’differenza mill-kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 559 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata, il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 584 ta’ din id-deċiżjoni jippreċedi t-teħid ta’ deċiżjoni dwar is-STS fil-livell tal-uffiċċji prinċipali tat-trasportaturi. Madankollu, dan huwa spjegat mill-fatt li dan il-messaġġ elettroniku ntbagħat meta ma kienx għadu ċert li s-STS kienet ser tiġi introdotta.

455    Il-ħames, mill-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-laqgħa tas-SCC tal-BAR tat-23 ta’ Lulju 2004 f’Singapor, imsemmija fil-premessa 395 ta’ din id-deċiżjoni, kienet parti mill-kuntest ta’ diskussjonijiet bejn trasportaturi li saru matul is-sajf tal-2004 kemm fil-livell tal-uffiċċji prinċipali kif ukoll fil-livell lokali fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ livelli ġodda ta’ skattar, iż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-fjuwil u ż-żieda fis-STK. Ir-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda element li jista’ jpoġġi indiskussjoni lil din l-interpretazzjoni.

456    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq il-kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 395, 411, 425, 559 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

457    L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

458    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma humiex fondati meta jsostnu li l-Kummissjoni kienet obbligata turi li l-persuni fiżiċi kollha li pparteċipaw fl-erba’ kuntatti inkwistjoni kellhom l-intenzjoni, permezz tal-involviment tagħhom f’dawn il-kuntatti, li jikkontribwixxu għall-akkordju kontenzjuż. Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jsostnu li l-Kummissjoni kienet obbligata turi li dawn il-kuntatti kienu ta’ natura li jippermettu lill-persuni involuti jkunu jafu bl-“akkordju implimentat mill-grupp ristrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

459    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implimentat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jiksbu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

460    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew li tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll id-dritt li timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, għaldaqstant, għall-ksur fl-intier tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43).

461    Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan ġenerali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża kkonċernata għal dak il-pjan, u l-għarfien tagħha (ipprovat jew preżunt) tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra li hija ma tkunx ipparteċipat fih direttament (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 35; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Stührk Delikatessen Import vs Il-Kummissjoni, T‑58/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:474, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

462    Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma kien neċessarju li dan jgħodd ukoll għal kull waħda mill-persuni fiżiċi involuti.

463    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li fir-rigward ta’ ċerti trasportaturi involuti fil-kuntatti msemmija fil-premessi 144, 173, 174, 395, 411, 425, 559 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata dawn ma ġewx invokati fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fihom, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 845 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex meħtieġ li kull prova prodotta mill-Kummissjoni tistabbilixxi b’ċertezza li l-ksur twettaq. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata fl-intier tagħha u li d-diversi elementi tagħha jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni, T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

464    Għalhekk, fil-premessa 716 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament indikat li hija “[ma kinitx] neċessarjament tagħti l-istess valur lil kull premessa […] u lanqas lil kull prova individwali li tinsab fiha” u li “[l]-premessi li għalihom [kien] sar riferiment [kienu] pjuttost jiffurmaw parti mis-sett totali ta’ provi li fuqhom [kienet] ibbażat ruħha u [kellhom] jiġu evalwati f’dan il-kuntest” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

465    Issa, ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni kellha sensiela ta’ indizji kontra t-trasportaturi inkwistjoni fir-rigward tal-kuntatti inkwistjoni ekwivalenti għal dik li kellha kontra r-rikorrenti.

466    Fit-tielet lok, għal motivi simili għal dawk indikati fil-punt 363 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw in-nuqqas ta’ effetti fuq l-aġir tagħhom tal-kuntatti msemmija fil-premessi 144 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata.

467    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

f)      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ kuntatti dwar ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet

468    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi meta kkonkludiet li l-messaġġi elettroniċi kollettivi ta’ Lufthansa msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jiffurmaw parti mill-ksur uniku u kontinwu minkejja li kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ STK fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet bejn Lufthansa u trasportaturi oħra.

469    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, huwa possibbli li tinstab prova tal-eżistenza u tat-termini ta’ dawn il-ftehimiet biss f’dokumenti li huma ma għandhomx aċċess għalihom u li huma talbu l-produzzjoni tagħhom fil-kuntest tal-ewwel motiv, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza ta’ Lufthansa kif ukoll it-tweġibiet ta’ trasportaturi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-interpretazzjoni tar-rikorrenti hija madankollu kkorroborata mit-tliet elementi li ġejjin. L-ewwel nett, dawn il-messaġġi elettroniċi ntbagħtu bejn Marzu u Awwissu 2005 mis-servizz ta’ Lufthansa responsabbli għat-tariffi lill-impjegati tas-servizzi tan-“network” ta’ trasportaturi li kienu jakkwistaw il-kapaċitajiet mingħandha. Issa, dawn is-servizzi huma inkarigati mill-amministrazzjoni tal-ftehim ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet bejn it-trasportaturi u ma humiex, b’mod ġenerali, involuti fl-iffissar ta’ tariffi jew sovrataxxi. It-tieni, Lufthansa rreferiet għad-destinatarji ta’ dawk il-messaġġi elettroniċi bħala “[g]ħeżież imsieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tielet, l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċitajiet bejn Lufthansa u d-destinatarji tal-imsemmija messaġġi elettroniċi hija l-unika spjegazzjoni plawżibbli tal-bidla fid-destinatarji minn messaġġ elettroniku għal ieħor.

470    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset milli turi li l-messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa Cargo msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jiffurmaw parti mill-ksur uniku u kontinwu.

471    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma twieġeb lil ebda wieħed mill-argumenti u mill-provi ppreżentati mir-rikorrenti. Issa, dawn l-argumenti u l-provi juru li ma kienet teżisti l-ebda rabta intrinsika, u lanqas interazzjoni, bejn dawn il-messaġġi elettroniċi u l-komunikazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-akkordju kontenzjuż. Qabel kollox, il-messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata ntbagħtu kull darba lil bejn għaxar u tnax-il trasportatur, li l-ebda wieħed minnhom ma kien jifforma parti mill-“grupp ristrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li iktar minn nofshom ma kinux meqjusa li pparteċipaw fl-akkordju kontenzjuż. Sussegwentement, l-impjegati li lilhom kienu indirizzati l-imsemmija messaġġi elettroniċi kienu inkarigati mill-ġestjoni ta’ ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet. L-impjegat tar-rikorrenti li lilu kienu indirizzati l-imsemmija messaġġi elettroniċi barra minn hekk ma rċieva l-ebda wieħed mill-messaġġi elettroniċi l-oħra li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom kontrihom. Fl-aħħar nett, it-trażmissjoni tal-imsemmija messaġġi elettroniċi, li kienet tinkludi esklużivament informazzjoni pubblikament aċċessibbli, ikkoinċidiet mal-introduzzjoni ta’ STK fil-ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet bejn it-trasportaturi fl-2005.

472    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma spjegatx kif l-impjegat tar-rikorrenti li lilu kienu indirizzati l-messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata kellu l-intenzjoni li jikkontribwixxi għall-ksur uniku u kontinwu, billi jirċievi b’mod passiv messaġġi elettroniċi li jinkludu avviżi pubbliċi fil-qasam tas-STK li għalihom kienet teżisti ġustifikazzjoni kummerċjali leġittima.

473    Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, il-messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata ma setax kellhom influwenza fuq l-aġir tar-rikorrenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti stabbilixxew il-politika tagħhom fil-qasam tas-sovrataxxi fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom ma’ Lufthansa fi ħdan l-alleanza eżentata. Din il-kooperazzjoni saret permezz ta’ skambji ta’ messaġġi elettroniċi bilaterali bejn l-uffiċċji prinċipali taż-żewġ trasportaturi, li dejjem ippreċedew il-messaġġi elettroniċi kollettivi ta’ Lufthansa.

474    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

475    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, bħall-aġir l-ieħor li jifforma parti mill-ksur uniku u kontinwu, il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw is-servizzi kollha ta’ trasport tal-merkanzija (servizz uniku) u kienu jirrigwardaw l-ammont u ż-żmien tas-STK (għan antikompetittiv u natura unika tal-ksur). Fil-fatt, dawn il-messaġġi elettroniċi kollha kellhom l-għan li jinformaw lid-destinatarji tagħhom bl-intenzjoni ta’ Lufthansa li żżid is-STS tagħha minn data futura stabbilita.

476    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jitqies li din kienet tirrigwarda esklużivament l-eżekuzzjoni kif suppost ta’ ftehimiet ipotetiċi ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet.

477    Fil-fatt, mill-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kuntatti inkwistjoni kienu jservu, tal-inqas parzjalment, bħala sostenn għall-akkordju kontenzjuż. Fl-imsemmija premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċitat it-tweġiba ta’ trasportatur għall-messaġġ elettroniku ta’ Lufthansa ċċitat fl-istess premessa. F’dik it-tweġiba, l-imsemmi trasportatur informa lil Lufthansa: “tajna struzzjonijiet lill-uffiċċji tagħna biex japplikaw iż-żieda kif xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

478    Issa, mill-elementi fil-proċess tal-kawża ma jirriżultax li din ir-risposta kienet tagħmel parti mill-implimentazzjoni ta’ ftehim kummerċjali konkluż bejn it-trasportatur inkwistjoni u Lufthansa. Il-fatt li dan it-trasportatur ma ġiex inkriminat u li kien qasam dawn l-intenzjonijiet b’mod bilaterali ma huwiex tali li jikkonfuta din il-konstatazzjoni.

479    Barra minn hekk, minn eżami tal-kronoloġija tal-kuntatti relatati mas-STK jirriżulta li dawn il-messaġġi elettroniċi kollettivi mibgħuta minn Lufthansa skattaw sensiela ta’ azzjonijiet mit-trasportaturi l-oħra fir-rigward tas-STK tagħhom stess. Pereżempju, il-komunikazzjoni ta’ Lufthansa tat-22 ta’ Awwissu 2005 (premessa 495) wasslet, fl-istess jum jew l-għada, għal skambji interni mir-rikorrenti (premessa 496), Japan Airlines (premessa 497) u trasportatur ieħor (premessa 498) dwar iż-żieda tas-STK.

480    Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq in-natura pubblika tal-informazzjoni mxerrda fil-kuntest tal-kuntatti deskritti fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, fil-fatt, għandu jitfakkar li l-iskambju ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jikser l-Artikolu 101(1) TFUE, fejn ikun il-bażi ta’ arranġament antikompetittiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 281).

481    Issa, kif jirriżulta mill-premessi 118, 121, 125, 706 u 848 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-punti 476 u 478 iktar ’il fuq, dan kien il-każ fir-rigward tal-kuntatti deskritti fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata.

482    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li, fil-kuntest tal-kuntatti deskritti fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata, Lufthansa ma llimitatx ruħha li tikkomunika informazzjoni pubblikament aċċessibbli lill-partijiet fi ftehimiet ipotetiċi ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet. Lufthansa, għall-kuntrarju, bagħtitilhom messaġġi elettroniċi kollettivi, u b’hekk żvelat lid-destinatarji kollha l-identità tat-trasportaturi kkonċernati (ara l-premessa 797 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll l-ammont u ż-żmien tas-STK li huma kellhom iħallsu skont dawn il-ftehimiet ipotetiċi.

483    Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma jallegaw li tali messaġġi kollettivi kienu neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet ipotetiċi u d-dokumenti tal-proċess tal-kawża juru li dan ma kienx il-każ. B’hekk, mill-premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fit-22 ta’ Marzu 2005, Lufthansa bagħtet lil waħda mill-partijiet għal dawn il-ftehimiet ipotetiċi l-istqarrija għall-istampa fejn ħabbret żieda tas-STK li hija kienet bagħtet minn qabel lill-“[g]ħeżież imsieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħha permezz ta’ messaġġ elettroniku kollettiv (premessa 450). Bl-istess mod, mill-messaġġi elettroniċi li jidhru fl-Annessi A.59 sa A.61 tar-rikors jirriżulta li kien fuq bażi bilaterali li SAC informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li żżid is-STS li huma kellhom iħallsu skont il-ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet li huma kienu kkonkludew.

484    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-mittent ta’ tlieta minn dawn l-erba’ messaġġi elettroniċi (premessi 446, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata) huwa impjegat ta’ Lufthansa li r-rikorrenti jiddeskrivuh huma stess bħala “apparentament l-element ċentrali tal-[ksur uniku u kontinwu] globali” u l-“impjegat prinċipali ta’ [Lufthansa] fi ħdan il-grupp ristrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-persuna li bagħtet ir-raba’ mill-imsemmija messaġġi elettroniċi (premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata) kienet id-Direttriċi tat-Tariffi ta’ Lufthansa. Issa, minn naħa, din kienet involuta f’mill-inqas kuntatt kontenzjuż wieħed ieħor (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, mill-messaġġ elettroniku tas-7 ta’ April 2005 msemmi fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-Direttur tal-Politika tal-Ipprezzar ta’ Lan Airlines talab lil wieħed mill-kollegi tiegħu jagħmel kuntatt magħha sabiex jiddiskutu l-indiċi tal-prezz tal-fjuwil.

485    Madankollu, huwa minnu li l-impjegat tar-rikorrenti li lilu ntbagħtu l-messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa msemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata ma pparteċipax f’aġir ieħor li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien parti mill-ksur uniku u kontinwu. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li dawn il-messaġġi elettroniċi ma kinux parti mill-ksur uniku u kontinwu. Għalhekk, minn naħa, hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn id-destinatarji l-oħra tal-imsemmija messaġġi elettroniċi u l-persuni fiżiċi li pparteċipaw f’aġir ieħor li ġie konkluż li kien jagħmel parti minn dan il-ksur. B’mod partikolari, l-impjegat ta’ Lan Airlines li ġie indirizzat fil-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 495 tad-deċiżjoni kkontestata ħa sehem fil-kuntatti kontenzjużi deskritti fil-premessa 474 tal-istess deċiżjoni.

486    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-identità tal-persuni fiżiċi involuti fid-diversi azzjonijiet kontenzjużi ma hijiex meħtieġa għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Lanqas ma hija meħtieġa l-identità tal-impriżi involuti (ara l-punt 316 iktar ’il fuq).

487    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu li jikkonsisti f’li Lufthansa tinforma permezz ta’ messaġġi elettroniċi kollettivi, lil diversi trasportaturi bl-intenzjoni tagħha li tibdel dalwaqt il-livell tas-STK ma ntużax biss fil-kuntest ta’ kuntatti li r-rikorrenti jallegaw li kienu intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet. Fil-fatt, Lufthansa għamlet l-istess fil-kuntest ta’ kuntatti oħra, kemm fil-livell tal-uffiċċji prinċipali (premessi 279 u 346 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fil-livell lokali (premessi 313 u 507 tad-deċiżjoni kkontestata).

488    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fatt li t-trażmissjoni tal-imsemmija messaġġi elettroniċi kienet tikkoinċidi mal-inklużjoni ta’ sovrataxxi fi ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet, għandu jiġi osservat li dawn ukoll seħħew fl-istess żmien bħal għadd ta’ kuntatti kontenzjużi oħra, li fir-rigward tagħhom ma huwiex sostnut li kienu intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ tali ftehimiet.

489    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni żviluppat fil-kuntest ta’ din il-parti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu mmotivati.

490    Il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147).

491    L-osservanza tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati minnu fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat) (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

492    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet il-“[p]rinċipji bażiċi u [l-i]struttura tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessi 107 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessi 118 sa 120 ta’ din id-deċiżjoni ddeskriviet il-kuntatti li jikkonċernaw is-STK, li kienu b’mod partikolari jinkludu messaġġi elettroniċi li xerrdu informazzjoni pubblika, inkluż fost trasportaturi mhux inkriminati. Fil-premessi 869 sa 883 ta’ din id-deċiżjoni, hija spjegat il-motivi għalfejn kienet ikkonkludiet li kien hemm ksur uniku. Fil-premessa 719 tal-istess deċiżjoni, hija eżaminat il-provi mressqa kontra r-rikorrenti fir-rigward tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK, fosthom dawk imsemmija fil-premessi 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

493    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti u, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-argumenti fuq il-mertu mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti (ara l-punti 475 sa 488 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ppermettiet lir-rikorrenti jifhmu għalfejn il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-provi kienu jagħmlu parti mill-ksur uniku u kontinwu minkejja l-argumenti mressqa fl-istadju tal-proċedura amministrattiva u ppermettiet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

494    Konsegwentement, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

495    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li r-rikorrenti riedu jtennu, fil-kuntest ta’ din il-parti, it-talba tagħhom għall-produzzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza ta’ Lufthansa kif ukoll tat-tweġibiet ta’ trasportaturi oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-produzzjoni tagħhom ma jista’ jkollha l-ebda utilità għall-eżami ta’ din il-parti u, għaldaqstant, li ma hemmx lok, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li titlob lill-Kummissjoni tippreżentahom.

g)      Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni ta’ kuntatti li saru f’pajjiżi terzi

496    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi meta inkludiet fil-ksur uniku u kontinwu l-aġir tar-rikorrenti fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi. Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, ħames oġġezzjonijiet insostenn ta’ din it-teżi. Dawn l-oġġezzjonijiet huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipji tas-sovranità u ta’ nuqqas ta’ ndħil, it-tieni, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-pressjoni statali li kienu suġġetti għaliha r-rikorrenti f’diversi pajjiżi terzi, it-tielet, fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għal aġir relatat ma’ rotot deħlin u qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għal aġir relatat mar-rotot Unjoni-Svizzera u qabel l-1 ta’ Ġunju 2002, ir-raba’, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir imwettaq fl-Isvizzera u, il-ħames, fuq żball relatat mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu tal-aġir tar-rikorrenti fil-pajjiżi terzi.

1)      Fuq l-ewwel oġġezzjoni, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tas-sovranità u ta’ nuqqas ta’ ndħil

497    Ir-rikorrenti essenzjalment jilmentaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tas-sovranità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago (l-Istati Uniti) fis-7 ta’ Diċembru 1944, u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil billi applikat il-kriterju tal-effetti kkwalifikati sabiex tissanzjona aġir li seħħ u ġie implimentat f’pajjiżi terzi u li dawn tal-aħħar, għar-raġunijiet politiċi tagħhom, iddeċidew li jawtorizzaw.

498    Il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha b’mod espliċitu fuq din l-oġġezzjoni.

499    Id-dritt internazzjonali konswetudinarju jirrikonoxxi l-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 103 u 104). Dan il-prinċipju huwa kkodifikat fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li r-rikorrenti jinvokaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

500    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, dan wkoll huwa rrikonoxxut mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. Imsejjaħ ukoll il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ intervent, dan il-prinċipju jinvolvi d-dritt ta’ kull Stat sovran li jmexxi l-affarijiet tiegħu mingħajr indħil estern u jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana tal-Istati (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 69).

501    Anki jekk jiġi preżunt li l-appellanti jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-prinċipji tas-sovranità tal-ajru u ta’ nuqqas ta’ ndħil, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kisrithom billi applikat il-kriterju tal-effetti kkwalifikati sabiex tissanzjona aġir li seħħ u ġie implimentat f’pajjiżi terzi u li dawn tal-aħħar iddeċidew, għal raġunijiet politiċi tagħhom, li jawtorizzaw. L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-aġir li jista’ jitbassar li ser jipproduċi effetti immedjati u sostanzjali fiż-ŻEE hija ġġustifikata, fil-fatt, mid-dritt internazzjonali pubbliku (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Viscas vs Il‑Kummissjoni, T‑422/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:446, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, għalhekk, mill-prinċipji tas-sovranità u n-nuqqas ta’ ndħil.

502    Issa, mill-punti 149 sa 237 iktar ’il fuq jirriżulta li kien prevedibbli li l-ksur uniku u kontinwu jipproduċi effetti sostanzjali u immedjati fis-suq intern u fiż-ŻEE.

503    Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-pressjoni statali li r-rikorrenti kienu suġġetti għaliha f’diversi pajjiżi terzi

504    Sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ pressjoni statali li kienu suġġetti għaliha t-trasportaturi inkriminati f’diversi pajjiżi terzi, mill-premessi 972 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, qabel kollox, il-Kummissjoni analizzat il-portata tal-ASA, li huma konklużi bejn żewġ pajjiżi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom rotta waħda jew iktar tal-ajru jiġu operati mill-kumpanniji tal-ajru magħżula għal dan il-għan. B’hekk, hija indikat, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-ASA inkwistjoni f’dan il-każ ma kinux ġeneralment applikati mill-partijiet kontraenti li fit-territorju tagħhom it-trasportaturi inkriminati kienu wettqu l-ksur uniku u kontinwu. Sussegwentement, wara li analizzat il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ta’ diversi pajjiżi terzi, jiġifieri Ħong Kong, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Indja, ir-Renju tat-Tajlandja, ir-Repubblika ta’ Singapor, ir-Repubblika tal-Korea t’Isfel u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kummissjoni eskludiet li kwalunkwe pressjoni statali setgħet tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-aġir tat-trasportaturi inkriminati.

505    Ir-rikorrenti jsostnu li dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn diversi żbalji.

506    Minn naħa, huma jsostnu li, f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, il-kundanna ta’ aġir awtorizzat minn pajjiż terz skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, u tal-Artikolu 351 TFUE, minħabba l-ksur tal-proċedura prevista fir-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193).

507    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġir ta’ SAS Cargo dwar is-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li jitilqu minn Ħong Kong, mill-Ġappun u mit-Tajlandja, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni evalwat b’mod inadegwat il-provi u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u, konsegwentement, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal aġir li fir-realtà kien kopert mill-ASA konklużi bejn dawn il-pajjiżi terzi u l-“pajjiżi Skandinavi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew mir-regolamenti lokali. Fir-rigward tal-aġir ta’ SAS Cargo fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li jitilqu mill-Indja, minn Singapor, mill-Korea t’Isfel u mill-Brażil, il-Kummissjoni mhux veru pprovat teżamina l-liġijiet u l-prattiki applikabbli waqt l-analiżi tagħha tas-sistemi regolatorji, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuq dikjarazzjonijiet żbaljati jew mhux sostnuti minn provi.

508    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

509    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jirrigwarda biss aġir antikompetittiv li ġie adottat mill-impriżi fuq inizjattiva proprja. Jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq qafas legali li minnu nnifsu jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, l-Artikolu 101 TFUE ma japplikax. F’sitwazzjoni bħal din, il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni ma hijiex attribwibbli, kif teżiġi b’mod impliċitu din id-dispożizzjoni, għall-aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C-379/95 P, EU:C:1997:531, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

510    Għall-kuntrarju, jekk regolament nazzjonali jħalli l-possibbiltà li l-kompetizzjoni tiġi evitata, limitata jew imfixkla permezz ta’ aġir awtonomu mill-impriżi, l-Artikolu 101 TFUE jista’ japplika. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva vinkolanti li timponi aġir antikompetittiv, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li hemm assenza ta’ awtonomija f’moħħ l-operaturi akkużati biss jekk, abbażi ta’ ħjiel oġġettiv, rilevanti u konkordanti jkun jidher li l-aġir ġie impost fuqhom b’mod unilaterali mill-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-eżerċizzju ta’ pressjoni li ma tistax tiġi reżistita, bħat-theddida tal-adozzjoni ta’ miżuri statali li jistgħu jikkawżawlhom telf kbir (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, EU:T:2003:337, punti 177 u 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

511    Skont il-ġurisprudenza, dan ma huwiex il-każ meta liġi jew aġir sempliċement jinċentivaw jew jiffaċilitaw l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ aġir antikompetittiv awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 258).

512    Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom juru li liġi jew aġir statali kienu ta’ natura li jneħħulhom kull awtonomija fl-għażla tal-politika kummerċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T‑228/97, EU:T:1999:246, punt 129). Għalkemm huwa f’idejn l-awtorità li qiegħda tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan, hija l-impriża li tinvoka d-difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

513    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għal-liġijiet u għal-aġir ta’ Stat Membru jew ta’ parti kontraenti għall-Ftehim ŻEE u għal dawk ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummisjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 1131), kif jirriżulta essenzjalment min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1435 tad-deċiżjoni kkontestata.

514    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex iġġustifikati li jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-eżami tagħha tal-leġiżlazzjoni applikabbli għat-titjiriet li jitilqu minn Ħong Kong, mill-Ġappun u mill-pajjiżi terzi l-oħra inkwistjoni.

515    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li fil-punt 115 iktar ’il fuq ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta rrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għas-siltiet mit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija fil-premessi 977 sa 979, 1003, 1005 u 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, u li, konsegwentement, dawn tal-aħħar għandhom jiġu miċħuda bħala elementi inkriminanti fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni.

i)      Ħong Kong

516    Il-premessi 976 sa 993 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, minn naħa, l-ASA ffirmati mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, ir-reġim leġiżlattiv ta’ Ħong Kong. Skont dawn il-premessi, il-Kummissjoni qieset li ebda rekwiżit li jiġu diskussi t-tariffi ma kien ġie impost fuq it-trasportaturi f’Ħong Kong.

517    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessi 981 sa 986 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-biċċa l-kbira tal-ASA ffirmati mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienu jeħtieġu li t-tariffi mitluba mit-trasportaturi ddeżinjati tal-pajjiżi kontraenti jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri d-DAC f’Ħong Kong, u li dawn jippermettu l-konsultazzjoni minn qabel dwar il-prezzijiet bejn it-trasportaturi ddeżinjati. Xorta jibqa’ l-fatt, skont l-imsemmija deċiżjoni, li l-imsemmija ASA fl-ebda każ ma kienu jimponu konsultazzjonijiet bħal dawn qabel applikazzjoni għall-approvazzjoni.

518    Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni tirriproduċi fil-premessa 983 tad-deċiżjoni kkontestata l-formulazzjoni ta’ klawżola standard ta’ diversi ASA li tipprovdi:

“It-tariffi li jsir riferiment għalihom fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistgħu jiġu miftiehma mill-kumpanniji tal-ajru ddeżinjati mill-partijiet kontraenti li jfittxu li jiksbu l-approvazzjoni tat-tariffi, li jistgħu jikkonsultaw kumpanniji tal-ajru oħra attivi fuq l-istess rotta jew parti minnha qabel ma jipproponu tali tariffi. Madankollu, xejn ma jipprekludi li kumpannija tal-ajru ddeżinjata tipproponi, u xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet aeoronawtiċi tal-partijiet kontraenti milli japprovaw, kwalunkwe tariffa jekk din il-kumpannija tal-ajru ma tiksibx il-qbil tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra ddeżinjati fuq din it-tariffa jew għaliex l-ebda kumpannija tal-ajru oħra ddeżinjata ma tkun attiva fuq l-istess rotta.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

519    Fil-premessa 985 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li l-ASA bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, pereżempju, kienet tindika li l-ebda pajjiż ma jeżiġi mit-trasportaturi li jiddiskutu tariffi.

520    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ argumenti. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ċċitatx il-paragrafu 1 tal-klawżola li tinsab f’diversi ASA ffirmati mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jimponi reġim kollettiv ta’ sovrataxxi, filwaqt li t-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Liġi Fundamentali ta’ dan ir-reġjun tipprevedi l-applikabbiltà diretta tal-ASA.

521    Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jiġi kkonstatat li mill-paragrafu 1 tal-klawżola li tinsab f’diversi ASA li r-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa parti għalihom, jirriżulta li t-tariffi tat-trasportaturi ddeżinjati għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi rilevanti. Għalkemm huwa stipulat li t-tariffi ta’ trasportaturi oħra huma fost l-imsemmija fatturi, madankollu ma huwiex previst li dawn għandhom jiġu ffissati wara diskussjoni bejn l-operaturi kkonċernati. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-paragrafu 1 tal-klawżola msemmija iktar ’il fuq ma jistax jinftiehem bħala li jimponi sistema kollettiva ta’ sovrataxxa. Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

522    Dan stabbilit, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni argument relatat mal-applikabbiltà diretta tal-ASA skont il-Liġi Fundamentali tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-fatt, peress li l-ASA ma jimponux reġim kollettiva ta’ sovrataxxi, ma jistgħux jostakolaw l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-aġir inkwistjoni abbażi tad-difiża tal-azzjoni statali, indipendentement mill-valur ġuridiku tagħhom f’Ħong Kong.

523    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li d-dispożizzjonijiet tal-ASA dwar id-diskussjonijiet dwar it-tariffi bejn it-trasportaturi ddeżinjati fuq rotot speċifiċi ma jistgħux jawtorizzaw diskussjonijiet ġenerali dwar it-tariffi bejn bosta trasportaturi li jservu pajjiżi ta’ destinazzjoni differenti tat-tip imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata.

524    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prassi amministrattiva ta’ Ħong Kong, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessi 987 sa 989 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex stabbilit li d-DAC kien irrikjeda konsultazzjoni mat-trasportaturi għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ talba kollettiva għall-approvazzjoni tat-tariffi. B’mod partikolari, l-ebda wieħed mit-trasportaturi ma pprovda prova li tistabbilixxi li d-DAC espliċitament impona s-sottomissjoni ta’ talbiet kollettivi.

525    Fil-premessa 992 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, fir-rigward tas-STK, li d-DAC ma kienx lest jaċċetta applikazzjonijiet individwali għal mekkaniżmu tas-STK, iżda li kien lest jaċċetta applikazzjonijiet individwali għal ammont fiss ta’ STK u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sovrataxxi l-oħra, li t-trasportaturi ma kinux allegaw li d-DAC kien eżiġa applikazzjonijiet kollettivi.

526    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, id-DAC, li għandu marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv, ma kienx lest li jaċċetta applikazzjonijiet individwali mingħand trasportaturi għal STK ta’ ammont fiss. Id-DAC għalhekk obbliga lis-SCC tal-BAR jiftiehem dwar mekkaniżmu tas-STK ibbażat fuq indiċi, u konsegwentement eżamina biss applikazzjonijiet kollettivi li saru wara diskussjonijiet bejn it-trasportaturi dwar it-tariffi applikabbli. Kien biss meta l-investigazzjonijiet fuq is-sovrataxxi bdew f’diversi pajjiżi fl-2006 li d-DAC finalment beda japprova STK li mhux taħt il-mekkaniżmu fondat fuq indiċi. Id-determinazzjoni tal-ammont tas-STS kienet timxi fuq l-istess reġim, sakemm id-DAC iddeċieda, fl-2004, li ma jeħtieġx iktar l-approvazzjoni għas-STS. Ir-rikorrenti jipproduċu diversi elementi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-ittri tad-DAC tal-5 ta’ Settembru 2008 u tat-3 ta’ Settembru 2009 indirizzati lill-Kummissjoni, filwaqt li jsostnu li din tal-aħħar ma pproduċiet l-ebda prova li turi li d-DAC kienet irċeviet u approvat applikazzjonijiet individwali għal STK ta’ ammont fiss qabel l-14 ta’ April 2006.

527    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jipproduċu sensiela ta’ dokumenti li ma humiex ġejjin mid-DAC, iżda li tfasslu minnhom stess jew minn trasportaturi oħra.

528    Fost id-dokumenti hekk ippreżentati, xi wħud jikkonsistu f’artikli tal-gazzetti, pubblikazzjonijiet online tal-Kunsill tat-Trasportaturi ta’ Ħong Kong jew f’dokumenti mfassla mill-SCC tal-BAR. Għalkemm huwa minnu li dawn id-diversi dokumenti juru l-eżistenza, mis-sena 1997, ta’ miżuri meħuda mit-trasportaturi jew mill-awtoritajiet ta’ Ħong Kong sabiex jippreżentaw mekkaniżmu tas-STK ibbażat fuq indiċi, jew ta’ applikazzjonijiet kollettivi intiżi għall-approvazzjoni tas-STS mid-DAC, xorta jibqa’ l-fatt li ebda wieħed minnhom ma jindika li kien impossibbli għal trasportatur li jressaq applikazzjoni individwali quddiem id-DAC dwar STK fissa jew dwar is-STS.

529    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ittri tad-DAC indirizzati lill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal-5 ta’ Settembru 2008 indikat li d-DAC kien jeżiġi, matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2007, li t-trasportaturi kollha li jixtiequ jimponu sovrataxxa fuq it-trasport ta’ merkanzija minn Ħong Kong kellhom jiksbu approvazzjoni minn qabel, li, f’dan il-kuntest, id-DAC kien iqis l-applikazzjonijiet kollettivi kienu fl-istess ħin effiċjenti, raġonevoli u legali u li tali prattika kienet konformi mal-ASA konklużi mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Issa, il-fatt li huwa ppreċiżat li l-applikazzjoni kollettiva hija mezz effikaċi sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni, u eżaminata u approvata, għal sovrataxxi u li d-DAC jikkunsidra din il-forma ta’ applikazzjoni bħala legali f’Ħong Kong ma jipprovax li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi amministrattivi f’Ħong Kong jimponu applikazzjonijiet kollettivi u jeskludu applikazzjonijiet individwali li jikkonċernaw is-STS.

530    Bl-istess mod, l-ittra tat-3 ta’ Settembru 2009 hija fformulata kif ġej:

“Għandu jkun assolutament ċar għall-Kummissjoni li, fir-rigward tal-mekkaniżmu relatat ma[s-STK] għat-trasport tal-merkanzija bbażat fuq indiċi, aħna neżiġu li [s-SCC tal-BAR] u t-trasportaturi parteċipanti jiftiehmu fuq id-dettalji tal-applikazzjonijiet kollettivi, inkluż l-ammont tas-sovrataxxa li għaliha ntalbet l-approvazzjoni, fuq il-provi li għandhom jiġu pprovduti lid-DAC sabiex isostnu l-applikazzjonijiet u dwar il-mekkaniżmu uniku li għandu jintuża għad-determinazzjoni tas-sovrataxxa. Id-DAC ta wkoll mandat lit-trasportaturi parteċipanti u eżiġiehom li huma jimponu speċifikament is-sovrataxxa approvata. Barra minn hekk, tajna mandat lis-SCC tal-BAR u eżiġejnieh li jissottometti għall-approvazzjoni tad-DAC kull emenda tal-lista tat-trasportaturi parteċipanti fl-applikazzjonijiet kollettivi u indikajna b’mod ċar li dawn it-trasportaturi ma kellhom jimponu l-ebda [STK] mingħajr l-approvazzjoni espliċita tad-DAC indirizzata lis-SCC tal-BAR.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

531    B’hekk, din l-ittra tillimita ruħha għal spjegazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa mid-DAC meta s-SCC tal-BAR u t-trasportaturi jikkunsidraw applikazzjoni kollettiva relatata mas-STK ibbażata fuq indiċi. Min-naħa l-oħra, din ma tagħmilx riferiment għall-eżistenza ta’ obbligu ġenerali li tiġi ppreżentata applikazzjoni kollettiva għal STK, u lanqas għall-impossibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni individwali għal STK fissa. Għaldaqstant, ma tikkontradixxix il-premessa 992 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha jirriżulta li l-applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu diskussjonijiet bejn trasportaturi kienu imposti biss għal mekkaniżmu tas-STK ibbażat fuq indiċi, u li applikazzjonijiet individwali baqgħu possibbli għal STK ta’ ammont fiss.

532    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li liġi jew aġir tal-awtoritajiet ta’ Ħong Kong, inklużi l-ASA konklużi minn dawn tal-aħħar, kienu jobbligawhom jiddiskutu t-tariffi tagħhom ma’ trasportaturi oħra u għamlu impossibbli t-tressiq ta’ applikazzjoni individwali quddiem id-DAC dwar STK ta’ ammont fiss. Għalhekk huma ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-leġiżlazzjoni ta’ Ħong Kong ma kinitx tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

ii)    Il-Ġappun

533    Il-premessi 995 sa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, minn naħa, l-ASA konklużi mill-Ġappun u, min-naħa l-oħra, ir-reġim leġiżlattiv Ġappuniż. Skont dawn il-premessi, il-Kummissjoni qieset li ebda rekwiżit li jiġu diskussi t-tariffi ma kien ġie impost fuq it-trasportaturi fil-Ġappun.

534    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ASA konklużi mill-Ġappun, id-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 995, tirriproduċi l-formulazzjoni ta’ klawżola li tinsab fil-ftehim konkluż mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li tinsab fi ftehimiet oħra u li tipprovdi:

“Sa fejn ikun possibbli, il-kumpanniji tal-ajru ddeżinjati għandhom jilħqu ftehim dwar it-tariffi bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tat-tariffi tal-IATA. Jekk dan ma jkunx possibbli, it-tariffi għal kull rotta speċifikata għandhom jiġu miftiehma mill-kumpanniji tal-ajru ddeżinjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

535    Wara li rrilevat, fil-premessa 996 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont trasportatur partikolari, l-ASA kienu jeżiġu, pjuttost milli jippermettu, ftehimiet fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 997 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ftehim konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kien ġie emendat fl-2000 permezz ta’ memorandum ta’ qbil li jipprovdi li t-trasportaturi ddeżinjati ma humiex obbligati li jikkonsultaw dwar it-tariffi qabel iressqu applikazzjoni għall-approvazzjoni. Skont il-premessi 1005 sa 1008 ta’ din id-deċiżjoni, minkejja li mill-ASA jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet, it-trasportaturi kellhom jilħqu ftehim dwar it-tariffi, tali diskussjonijiet kienu strettament limitati għat-trasportaturi ddeżinjati fuq rotot speċifiċi u fl-ebda każ ma kienu jikkonċernaw diskussjonijiet ġenerali bejn bosta trasportaturi. Fl-aħħar nett, fil-prattika, il-partijiet tal-ASA ma fittxewx l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, tant li l-obbligi rriżultaw pjuttost mid-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali fis-seħħ fil-Ġappun, li kienu msaħħa mill-fatt li l-partijiet jinvokaw li l-koordinazzjoni kienet meħtieġa għas-STK, iżda mhux għas-STS.

536    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni naqset milli tiċċita l-paragrafu 1 tal-klawżola standard riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni, huma jirrilevaw li l-kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-Ġappun jipprevedu l-applikabbiltà diretta tal-ASA għall-Ġappun, li ma hijiex ikkontestata min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżoli tariffarji mill-“pajjiżi Skandinavi”. It-tielet, huma jsostnu li ma humiex ikkonċernati mill-ASA konkluż bejn il-Ġappun u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

537    Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tiċċita l-paragrafu 1 tal-klawżola standard riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li dan il-paragrafu jelenka l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tariffi u jipprevedi li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jsegwu tal-artikolu li fih tinsab. Għaldaqstant, la minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn dik riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta li l-ASA jimponu obbligu ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi għad-determinazzjoni tas-sovrataxxi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda argument fondat li jista’ jistabbilixxi l-kuntrarju.

538    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li d-dispożizzjonijiet tal-ASA dwar id-diskussjonijiet dwar it-tariffi bejn it-trasportaturi ddeżinjati fuq rotot speċifiċi ma jistgħux jawtorizzaw diskussjonijiet ġenerali dwar it-tariffi bejn bosta trasportaturi li jservu pajjiżi ta’ destinazzjoni differenti tat-tip imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata.

539    Dan stabbilit, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument relatat mal-applikabbiltà diretta tal-ASA skont il-kostituzzjoni u d-dritt Ġappuniżi. Fil-fatt, peress li l-ASA ma jimponux obbligu ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi għad-determinazzjoni tas-sovrataxxi u ma jawtorizzawx diskussjonijiet ġenerali dwar it-tariffi bejn bosta trasportaturi li jservu pajjiżi ta’ destinazzjoni differenti, ma jistgħux jostakolaw l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-aġir inkwistjoni abbażi tad-difiża tal-azzjoni statali, indipendentement mill-valur ġuridiku tagħhom fil-Ġappun.

540    It-tielet, il-fatt li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati mill-ASA konkluż bejn il-Ġappun u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa irrilevanti, peress li ġie konkluż li, indipendentement mill-kontenut ta’ dan il-ftehim tal-aħħar, l-ASA l-oħra ffirmati mill-Ġappun ma jimponux obbligu ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi għad-determinazzjoni tas-sovrataxxi u ma jawtorizzawx diskussjonijiet ġenerali dwar it-tariffi bejn bosta trasportaturi li jservu pajjiżi ta’ destinazzjoni differenti.

541    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni u tal-prassi amministrattivi Ġappuniżi, il-Kummissjoni semmiet, fil-premessi 998 sa 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ġappuniża dwar l-avjazzjoni ċivili kif ukoll dikjarazzjonijiet magħmula minn trasportaturi dwar il-prassi amministrattivi tal-Uffiċċju Ġappuniż tal-Avjazzjoni Ċivili (iktar ’il quddiem il-“BJAC”). Fil-premessi 1009 sa 1011 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li ma jirriżultax b’mod espliċitu minn dik il-liġi li l-koordinazzjoni tat-tariffi kienet obbligatorja u, min-naħa l-oħra, li t-trasportaturi inkriminati ma pprovdew l-ebda evidenza li tista’ tistabbilixxi li tali obbligu kien ġie impost mill-prassi amministrattiva tal-BJAC. Barra minn hekk, it-trasportaturi ma sostnewx li tali obbligu jista’ jikkonċerna s-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

542    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li pproduċew provi li juru li l-BJAC ma kienx aċċetta l-applikazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ STK li l-ammont tagħha kien iffissat individwalment. Huma jsostnu wkoll li, wara l-adozzjoni, matul is-sena 2000, ta’ riżoluzzjoni tal-IATA ddedikata speċifikament għas-STK applikabbli fuq it-titjiriet li jitilqu mill-Ġappun, il-BJAC approva, fl-2001, mekkaniżmu tas-STK għat-trasportaturi nazzjonali, li t-trasportaturi barranin kellhom l-obbligu li jikkonformaw miegħu. Konsegwentement, l-ewwel nett, l-emendi kollha għas-STK kellhom ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni quddiem il-BJAC imfassla mit-trasportaturi nazzjonali. It-tieni, kienu t-trasportaturi barranin li kellhom jaqblu għat-tariffi l-ġodda billi jressqu talba f’dan is-sens quddiem il-BJAC. L-istess prassi kienu japplikaw fir-rigward tas-STS.

543    Għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ma humiex dokumenti mfassla mill-BJAC, iżda dokumenti li fasslu huma stess. Barra minn hekk, fost dawn id-dokumenti, xi wħud jikkonsistu f’ittri mibgħuta lill-Kummissjoni jew lill-Qorti Ġenerali li ma huma akkumpanjati minn ebda element probatorju ieħor. Dokument ieħor huwa telex, li ma ġiex tradott fil-lingwa tal-kawża u li huwa ddatat it-2 ta’ Diċembru 1996, u għalhekk jippreċedi b’iktar minn tliet snin il-bidu tal-perijodu tal-ksur. Dokument ieħor jikkonsisti f’dokument anness ma’ applikazzjoni għal żieda tas-STK li ma jipprovax l-impossibbiltà li titressaq applikazzjoni individwali quddiem il-BJAC. Dokument ieħor jindika li l-applikazzjoni tas-STK kienet ġiet eskluża għat-titjiriet mill-Ġappun għal finijiet ta’ protezzjoni tal-ekonomija lokali, mingħajr iktar spjegazzjonijiet. Konsegwentement, l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jistabbilixxi l-eżistenza ta’ pressjoni statali li tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

544    Fir-rigward tal-provi l-oħra prodotti mir-rikorrenti, dawn lanqas ma juru li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi amministrattiva Ġappuniża kienu jimponu ftehim fuq il-livell tas-STK. Dawn il-provi huma bbażati fuq riżoluzzjoni adottata mill-IATA u fuq dokumenti tat-trasportaturi stess, li, fl-aħjar dawl, jistabbilixxu li ċerti trasportaturi ressqu applikazzjonijiet dwar il-livelli tas-STK li wħud minnhom ġew approvati, iżda ma jurux li huma kellhom l-obbligu li jagħmlu dan.

545    Għalhekk, sa fejn dawn ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ tali obbligu, l-ebda wieħed mill-elementi probatorji prodotti mir-rikorrenti ma jista’ jinvalida l-informazzjoni li tinsab fil-premessi 198, 244, 256, 391, 392, 488 u 491 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-inizjattiva li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet kollettivi fir-rigward tas-STK hija imputabbli lit-trasportaturi u mhux lill-BJAC.

546    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-STS, qabel kollox, ir-rikorrenti jsostnu li pproċedew bħalma għamlu għas-STK, fis-sens li stennew it-tressiq ta’ applikazzjoni mit-trasportaturi nazzjonali quddiem l-awtoritajiet Ġappuniżi qabel ma fasslu talba li tinkludi tariffi simili. Madankollu, huma ma jipproduċu l-ebda prova li ssostni dawn l-allegazzjonijiet.

547    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni, jiġifieri l-kuntatti msemmija fil-premessi 597 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata, jaqgħu taħt il-koordinazzjoni multilaterali fi ħdan l-alleanza WOW, u għalhekk huma koperti mill-eżenzjoni tal-1996, billi f’dan ir-rigward isir riferiment għall-argument żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv tagħhom. Madankollu, mill-premessa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-partijiet fil-proċedura ma kinux sostnew li kellhom l-obbligu li jiftiehmu dwar is-STS, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-imsemmija kuntatti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ din l-oġġezzjoni.

548    L-argumenti tar-rikorrenti dwar is-STS għandhom għalhekk jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

549    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li liġi jew aġir tal-awtoritajiet tal-Ġappun, inklużi l-ASA konklużi minn dawn il-pajjiżi terzi, kienu jobbligawhom jiddiskutu t-tariffi tagħhom ma’ trasportaturi oħra f’dak li jikkonċerna s-STK, is-STS jew il-ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi. Għalhekk, huma ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-leġiżlazzjoni tal-Ġappun ma kinitx tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

550    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li ma huwiex stabbilit li l-konstatazzjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti kieku ġew miċħuda bħala mezzi ta’ prova s-siltiet mit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħha ġie konkluż, fil-punt 124 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet irrifjutat b’mod żbaljat l-aċċess għalihom lir-rikorrenti. Fil-fatt, inkluż fin-nuqqas tagħhom, il-Kummissjoni kienet fondata, abbażi tal-provi li baqgħu għad-dispożizzjoni tagħha, li tikkonkludi li l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE japplikaw għall-aġir tat-trasportaturi inkriminati li seħħ f’Ħong Kong u fil-Ġappun.

iii) Pajjiżi terzi oħra

551    Fil-premessi 1013 sa 1019 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat is-sistemi regolatorji applikabbli fir-Repubblika tal-Indja, fir-Renju tat-Tajlandja, fir-Repubblika ta’ Singapor, fir-Repubblika tal-Korea t’Isfel u fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil. Hija rrilevat li l-ASA konklużi bejn dawn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri tal-Unjoni kienu jipprevedu, bħala regola ġenerali, sistema ta’ approvazzjoni tat-tariffi tat-trasportaturi mill-awtoritajiet kompetenti. Sussegwentement, fir-rigward tar-Renju tat-Tajlandja u tar-Repubblika ta’ Singapor, hija qieset li, għalkemm l-ASA rilevanti kienu jinkludu wkoll, b’mod ġenerali, klawżola li tipprovdi li t-tariffi kellhom ikunu, jekk possibbli, miftiehma bejn it-trasportaturi ddeżinjati, tali dispożizzjonijiet tariffarji ma kinux ikopru diskussjonijiet tariffarji ġenerali bejn bosta operaturi, bħal dawk ikkonċernati f’din il-kawża.

552    Fil-premessa 1019, il-Kummissjoni qieset li, “[s]kont ir-raġunament […] fir-rigward ta’ Ħong Kong u l-Ġappun” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-motiv ta’ difiża ta’ pressjoni statali ma kienx ġie stabbilit fil-każ tal-Indja, tat-Tajlandja, ta’ Singapor, tal-Korea t’Isfel u tal-Brażil.

553    Fl-istess premessa, il-Kummissjoni speċifikat li dik l-analoġija kienet valida minħabba li, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tariffarji fl-ASA applikabbli f’dawk il-pajjiżi terzi kienu limitati għat-trasportaturi ddeżinjati fuq rotot speċifikati u ma estendewx għal diskussjonijiet tariffarji ġenerali bejn bosta operaturi li jipprovdu servizzi lejn destinazzjonijiet nazzjonali multipli u, it-tieni, id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali applikabbli ma ntwerewx li jeħtieġu koordinazzjoni tat-tariffi.

554    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti r-reġimi regolatorji applikabbli fl-Indja, fit-Tajlandja, f’Singapor, fil-Korea t’Isfel u fil-Brażil. Qabel kollox, huma jikkontestaw il-limitazzjoni tad-diskussjonijiet tariffarji previsti mill-ASA għat-trasportaturi ddeżinjati fuq rotot speċifiċi, billi jagħmlu riferiment għall-analiżi tagħhom tar-regoli fis-seħħ f’Ħong Kong u fil-Ġappun, li minnhom jirriżulta li l-osservanza tal-klawżoli tariffarji tal-ASA tista’ timplika ftehim bejn it-trasportaturi fuq it-tariffi. Sussegwentement, huma jsostnu li l-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva fit-Tajlandja kienu jobbligaw lit-trasportaturi jikkoordinaw it-tariffi tagħhom, billi jinvokaw, b’mod partikolari, struzzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili tat-Tajlandja (iktar ’il quddiem id-“DOA”).

555    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ASA, ir-rikorrenti jirreferu għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-analiżi tagħhom tar-regolamenti validi f’Ħong Kong u fil-Ġappun, sabiex jistabbilixxu li l-paragrafu 1 tal-klawżola standard ta’ dawn il-ftehimiet riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata hija l-bażi tar-reġimi li jimponu diskussjoni tariffarja bejn it-trasportaturi. Issa, ġie stabbilit, fil-punti 521 sa 523 u 537 sa 539 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ma wrewx li l-applikazzjoni tal-ASA fis-seħħ f’Ħong Kong u fil-Ġappun kienet tikkostitwixxi l-bażi ta’ reġimi lokali li jimponu diskussjoni fuq is-sovrataxxi bejn it-trasportaturi. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, b’analoġija, l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward sabiex jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessi 1013 sa 1019 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ASA konklużi mir-Repubblika tal-Indja, mir-Renju tat-Tajlandja, mir-Repubblika ta’ Singapor, mir-Repubblika tal-Korea t’Isfel u mir-Repubblika Federattiva tal-Brażil ma jistgħux jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

556    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet statali fit-Tajlandja, mill-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul ix-xahar ta’ Awwissu 2004, ċerti trasportaturi ltaqgħu u ddeċidew li jippreżentaw kollettivament applikazzjoni għal żieda tas-STK quddiem id-DOA, fejn Lufthansa tindika f’dan ir-rigward li hija kienet qiegħda tispera li dan l-“approċċ konġunt [kien] ser ikun ta’ suċċess” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mill-premessa 464 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, matul ix-xahar ta’ Jannar 2005, trasportatur Tajlandiż kien diġà ħabbar is-STK tiegħu lid-DOA, u li t-trasportaturi l-oħra “kienu qegħdin jiddiskutu din il-kwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

557    Minn dawn l-elementi, li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li, fix-xahar ta’ Awwissu 2004, ċerti trasportaturi ħadu l-inizjattiva li jaġixxu kollettivament sabiex jiksbu żieda fis-STK mingħand id-DOA u li, f’Jannar 2005, id-DOA seta’ jilqa’ applikazzjonijiet individwali relatati mas-STK. Minn dan jirriżulta wkoll li t-trasportaturi kienu jgawdu minn awtonomija fl-aġir fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kellhomx isegwu l-inizjattiva tat-trasportatur nazzjonali f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, prima facie, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li ma kienx ġie stabbilit li d-dispożizzjonijiet legali u l-prassi amministrattiva fis-seħħ fit-Tajlandja kienu jeħtieġu koordinazzjoni tat-tariffi.

558    Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruzzjoni tad-DOA li tinsab f’ittra tal-20 ta’ Lulju 2005 ippreżentata mir-rikorrenti kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.

559    Minn din l-ittra jirriżulta li, bi tweġiba għal applikazzjoni minn transportatur, id-DOA ddeċieda li jemenda b’mod provviżorju t-tariffi tas-STK għal tluq mit-Tajlandja, billi ddefinixxa r-rata ta’ din is-sovrataxxa kif ukoll limitu massimu li jikkorrispondi għar-rati li dak iż-żmien kienu imposti mill-IATA, u talab lit-trasportatur inkwistjoni jikkomunika dawn it-tariffi provviżorji lit-trasportaturi kollha, bil-għan li dawn tal-aħħar jimplimentaw il-modifiki hekk miftiehma.

560    Għalhekk, minn din l-istruzzjoni jirriżulta li t-trasportaturi kellhom jikkonformaw ruħhom mal-bidla provviżorja tat-tariffi stabbilita mid-DOA u nnotifikata mit-trasportatur inkwistjoni.

561    Bl-adozzjoni ta’ tali struzzjoni, id-DOA, f’dak li jikkonċerna s-STK, ma llimitax ruħu li jinkoraġġixxi jew li jiffaċilita l-adozzjoni, mir-rikorrenti, ta’ aġir antikompetittiv. Billi adotta t-tariffi tas-STK, u billi impona dawn it-tariffi fuq it-trasportaturi kollha, id-DOA ħoloq qafas legali li minnu nnifsu jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv bejn it-trasportaturi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-STK applikabbli għat-titjiriet li jitilqu mit-Tajlandja.

562    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli fit-Tajlandja, jirriżulta li r-rikorrenti setgħu jistabbilixxu, mingħajr ma tikkontradixxihom il-Kummissjoni, li, mill-20 ta’ Lulju 2005, l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż ħolqu qafas legali li minnu nnifsu jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv bejn it-trasportaturi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-STK applikabbli għat-titjiriet li jitilqu mit-Tajlandja. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma wrewx li l-leġiżlazzjoni Tajlandiża telimina kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni fir-rigward tas-STS jew li, fir-rigward tas-STK, kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni kienet ġiet eliminata għall-perijodu qabel l-20 ta’ Lulju 2005.

563    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija kkonstatat li l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kienu applikabbli għall-aġir tar-rikorrenti fir-rigward tad-determinazzjoni tas-STK għat-titjiriet li jitilqu mit-Tajlandja bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006.

564    Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, u tal-Artikolu 351 TFUE għandhom neċessarjament jiġu miċħuda. Dawn l-argumenti jitilqu, fil-fatt, mill-premessa li l-Kummissjoni injorat il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 847/2004. Issa, ir-rikorrenti baqgħu ma spjegawx għal liema motivi kellha tapplika din il-proċedura u b’liema mod il-Kummissjoni kisret din il-proċedura. Huma lanqas ma spjegaw kif il-ksur allegat ta’ din il-proċedura jikser, f’din il-kawża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali, l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati u l-Artikolu 351 TFUE.

3)      Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-aġir relatat ma’ rotot deħlin qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għal aġir relatat mar-rotot Unjoni-Svizzera qabel l-1 ta’ Ġunju 2002

565    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li bbażat ruħha, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, fuq kuntatti relatati ma’ rotot li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. Dawn huma, rispettivament, kuntatti relatati ma’ rotot deħlin qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (premessi 135, 146, 237, 295, 587, 595 sa 597, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata) u kuntatti relatati mar-rotot Unjoni-Svizzera qabel l-1 ta’ Ġunju 2002 (premessi 145 u 204 tal-imsemmija deċiżjoni).

566    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

567    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 103(1) TFUE jagħti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-kompetenza li jadotta r-regolamenti jew id-direttivi utli fid-dawl tal-applikazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 TFUE.

568    Fin-nuqqas ta’ tali leġiżlazzjoni, l-Artikoli 104 u 105 TFUE japplikaw u jimponu fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-obbligu li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE u jillimitaw is-setgħat tal-Kummissjoni f’dan il-qasam għall-fakultà li tinvestiga, fuq talba ta’ Stat Membru jew ex officio, u b’rabta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jagħtuh l-assistenza tagħhom, il-każijiet ta’ ksur preżunt tal-prinċipji previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet u, jekk ikun il-każ, li jipproponu l-mezzi xierqa sabiex jintemm il-ksur (sentenza tat-30 ta’ April 1986, Asjes et, 209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punti 52 sa 54 u 58).

569    Fis-6 ta’ Frar 1962, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu [103 TFUE], ir-Regolament Nru 17, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

570    Madankollu, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 141 tas‑26 ta’ Novembru 1962 dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 għas-settur tat-trasport (ĠU 1962, 124, p. 2751), neħħa s-settur tat-trasport kollu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs UIC, C‑264/95 P, EU:C:1997:143, punt 44). F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 103(1) TFUE, l-Artikoli 104 u 105 TFUE baqgħu inizjalment applikabbli għat-trasport bl-ajru (sentenza tat-30 ta’ April 1986, Asjes et, 209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punti 51 u 52).

571    Il-konsegwenza ta’ dan kienet tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif deskritt fil-punt 568 iktar ’il fuq.

572    Kien biss fl-1987 li l-Kunsill adotta regolament dwar it-trasport bl-ajru skont l-Artikolu 103(1) TFUE. Dan huwa r-Regolament Nru 3975/87, li ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE għat-trasport bl-ajru bejn ajruporti ġewwa l-Unjoni, minbarra t-trasport bl-ajru internazzjonali bejn l-ajruporti ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiż terz (sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 11). Dawn tal-aħħar baqgħu suġġetti għall‑Artikoli 104 u 105 TFEU (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T‑128/98, EU:T:2000:290, punt 55).

573    Id-dħul fis-seħħ, fl-1994, tal-Protokoll 21 tal-Ftehim ŻEE dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ĠU 1994, L 1, p. 181) estenda din is-sistema għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mill-Ftehim ŻEE, u b’hekk eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE t-trasport bl-ajru internazzjonali bejn l-ajruporti tal-Istati partijiet fiż-ŻEE li ma humiex membri tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi.

574    Ir-Regolament Nru 1/2003 u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 130/2004 tal-24 ta’ Settembru 2004 li jemenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni), il-Protokoll 21 (dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi) u l-Protokoll 23 (dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005, L 64, p. 57), li sussegwentement ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE, inizjalment ħallew dan ir-reġim intatt. L-Artikolu 32(c) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi, fil-fatt, li dan tal-aħħar “[ma kienx] japplika għal […] trasport bl-ajru bejn ajrupoprti tal-[Unjoni] u terzi pajjiżi”.

575    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004 tas-26 ta’ Frar 2004 [li] jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni ma’ trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 17), li l-Artikolu 1 tiegħu ħassar ir-Regolament Nru 3975/87 u li l-Artikolu 3 tiegħu ħassar l-Artikolu 32(c) tar-Regolament Nru 1/2003, ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE għar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004.

576    Fir-rigward tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, dan daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002. Huwa minn din id-data li l-Kummissjoni saret kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim għar-rotot Unjoni-Svizzera.

577    F’din il-kawża, il-partijiet jaqblu li l-Kummissjoni, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ma kkonstatatx ksur tal-Artikolu 101 TFUE fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jew tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera qabel l-1 ta’ Ġunju 2002.

578    Ir-rikorrenti madankollu jqisu, essenzjalment, li l-Kummissjoni għamlet id-deċiżjoni kkontestata illegali billi għamlet riferiment għal kuntatti relatati ma’ rotot li, fil-perijodi inkwistjoni, allegatament kienu barra l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha (premessi 135, 145, 146, 204, 237, 295, 587, 595 sa 597, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata) sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu fuq rotot li kienu fil-ġurisdizzjoni tagħha.

579    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-premessi 790 sa 792 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom elenkat il-provi tagħha kontra r-rikorrenti, ma invokatx fil-konfront tagħhom il-kuntatt imsemmi fil-premessa 597 tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punt 333 iktar ’il fuq).

580    Dan stabbilit, għandu jiġi rrilevat li l-elementi fil-proċess tal-kawża ma jsostnix għalkollox l-interpretazzjoni tal-kontenut tal-kuntatti l-oħra msemmija fil-punt 578 iktar ’il fuq, li l-applikanti ressqu quddiem il-qorti. Fost dawn il-kuntatti, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kuntatti msemmija fil-premessi 135 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, dawk imsemmija fil-premessi 145, 146, 204, 237, 295, 587, 595, 618, 620, 660, 665 u 673 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, tal-ewwel jikkonċernaw kuntatti li kienu jinvolvu sempliċement lil trasportaturi stabbiliti barra mill-Unjoni, filwaqt li tat-tieni jirrigwardaw kuntatti li seħħew barra mill-Unjoni.

581    Fir-rigward tal-kuntatti msemmija fil-premessi 135 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu, madankollu, jiġi osservat li dawn kienu jinvolvu kemm lil trasportaturi stabbiliti fiż-ŻEE kif ukoll lil trasportaturi stabbiliti barra miż-ŻEE. Fil-premessa 135 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiċċita kuntatt li beda b’messaġġ elettroniku mibgħut minn SAS lil Lufthansa, lil tliet trasportaturi oħra u lil Air Canada. F’dak il-messaġġ elettroniku, filwaqt li esprimiet it-tħassib tagħha, SAS staqsiet lill-interlokuturi tagħha dwar l-intenzjoni tagħhom li jintroduċu s-STK fil-kuntest tal-fatt li l-prezz tal-fjuwil kien qabeż il-limitu hekk imsejjaħ ta’ skattament stabbilit mill-IATA f’abbozz ta’ riżoluzzjoni intiż li jintroduċi s-STK. Trasportatur wieġeb, kif indikat fil-punt 355 iktar ’il fuq, billi qabel ma’ SAS, filwaqt li Lufthansa qalet dan li ġej:

“aħna wkoll ma nixtiqux nieħdu l-inizjattiva din id-darba. Jekk kumpanniji oħra mill-kompetituri l-kbar tagħna jiddeċiedu li jagħmlu dan, insegwu, iżda b’mod differenti u inqas ċentralizzat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

582    Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 440 iktar ’il fuq, mill-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, inqas minn xahar wara l-kuntatt imsemmi fil-premessa 135, saru diskussjonijiet bejn il-persuna responsabbli lokali tar-rikorrenti fil-Finlandja, li fost oħrajn staqsiet, internament, “[k]if [kienu] sejrin l-affarijiet għal L[ufthansa] din id-darba” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u tliet trasportaturi inkriminati oħra fir-rigward tal-introduzzjoni tas-STK.

583    Fil-premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal messaġġ elettroniku tal-1 ta’ Ottubru 2001 li fih SAC qalet lil Lufthansa u lir-rikorrenti li kienet ser timponi sovrataxxa ta’ assigurazzjoni u ta’ sigurtà mit-8 ta’ Ottubru ta’ wara. Dan il-messaġġ elettroniku, barra minn hekk, kien ippreċedut minn kuntatt li, kif ma huwiex ikkontestat, kien jirrigwarda r-rotot intra-ŻEE. Dan jirrigwarda l-kuntatt imsemmi fil-premessa 584 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntatt, kif deskritt fil-qosor fl-imsemmija premessa, impjegat lokali ta’ SAC “fl-Iskandinavja” kkomunika lir-rikorrenti l-“pjanijiet ta’ kompetituri”, fosthom AF u Lufthansa, li “kollha [kienu] qegħdin jikkunsidraw jintroduċu STS, iżda li [kienu] jippreferu li [r-rikorrenti] jagħmlu l-ewwel pass” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

584    Issa, fir-rigward tal-kuntatti li kienu jinvolvu lil bosta trasportaturi stabbiliti fiż-ŻEE, fid-dawl tal-applikabbiltà ġenerali tas-sovrataxxi kkonstatata fil-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata u fin-nuqqas ta’ elementi konkreti li jindikaw li r-rotot intra-ŻEE kienu esklużi, ma jistax jitqies li dawn kienu jirrigwardaw esklużivament ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi.

585    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati sabiex isostnu li l-kuntatti msemmija fil-premessi 135 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw esklużivament rotot li, matul il-perijodi inkwistjoni, ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

586    Fir-rigward tal-kuntatti msemmija fil-premessi 146, 237, 295, 587, 595, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, il-partijiet jaqblu li dawn saru f’pajjiżi terzi jew, tal-inqas, li kienu jinvolvu lil impjegati lokali ta’ trasportaturi inkriminati f’dawn il-pajjiżi. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ma kien hemm xejn li jipprevjeni lit-trasportaturi inkriminati milli jikkoordinaw ma’ xulxin jew jiskambjaw informazzjoni f’dawn il-pajjiżi dwar is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija intra-ŻEE. Bħala eżempju, fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal messaġġ elettroniku intern mill-Uffiċċju ta’ Qantas f’Singapor tat-18 ta’ Frar 2003 li fih isir riferiment għall-introduzzjoni ta’ STK ta’ ċertu ammont minn British Airways “fl-Ewropa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata, isir riferiment għal messaġġ elettroniku tad-19 ta’ Novembru 2001 li fih il-President tas-SCC tal-BAR f’Ħong Kong stieden lill-membri tal-assoċjazzjoni biex “jindikaw jekk l-amministrazzjoni ċentrali [tagħhom] [kellhiex] l-intenzjoni li tnaqqas jew tneħħi [s-STK] fis-swieq barranin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

587    Dan stabbilit, għandu jiġi rrilevat li l-parti preżenti tal-motiv tiġi miċħuda anki kieku l-kuntatti msemmija fil-premessi 145, 146, 204, 237, 295, 587, 595, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jirrigwardaw esklużivament rotot li, fil-perijodi inkwistjoni, ma kinux jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

588    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din tal-aħħar tista’ tibbaża ruħha fuq kuntatti preċedenti għall-perijodu tal-ksur sabiex tibni stampa globali tas-sitwazzjoni u b’hekk tikkorrobora l-interpretazzjoni ta’ ċerti provi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punti 427 u 428). Dan jgħodd anki kieku l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel dak il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 89, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145, punti 45 sa 52).

589    Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Prinċipji bażiċi u struttura tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-premessa 107, il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni tagħha kienet żvelat akkordju fil-livell globali bbażat fuq network ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali, li seħħew “f’diversi livelli fi ħdan l-impriżi kkonċernati […] u kienu jirrigwardaw, f’ċerti każijiet, lil diversi żoni ġeografiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

590    Fil-premessi 109, 110, 876, 889 u 1046 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat il-modalitajiet ta’ funzjonament ta’ din l-organizzazzjoni f’diversi livelli. Skont il-Kummissjoni, is-sovrataxxi kienu miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinux speċifiċi għal rotta, iżda kellhom l-għan li jiġu applikati għar-rotot kollha, fil-livell globali. Id-deċiżjonijiet dwar is-sovrataxxi ġeneralment kienu jittieħdu fil-livell tal-uffiċċji prinċipali ta’ kull trasportatur. L-uffiċċji prinċipali tat-trasportaturi b’hekk kienu jkunu f’”kuntatt reċiproku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] meta bidla fil-livell ta’ sovrataxxa kienet tkun imminenti. Fil-livell lokali, it-trasportaturi kkoordinaw, bil-għan, minn naħa, li jiġu eżegwiti aħjar l-istruzzjonijiet tal-uffiċċji prinċipali rispettivi tagħhom u li dawn jiġu adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq u tal-leġiżlazzjoni lokali, u min-naħa l-oħra, li jiġu kkoordinati u implimentati l-inizjattivi lokali. Fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li ntużaw l-assoċjazzjonijiet lokali tar-rappreżentanti tat-trasportaturi għal dan il-għan, b’mod partikolari f’Ħong Kong u fl-Isvizzera.

591    Issa, il-kuntatti inkwistjoni saru preċiżament f’dan il-kuntest. Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn il-kuntatti kollha kienu jirrigwardaw, kompletament jew parzjalment, l-istabbiliment jew l-implimentazzjoni tas-sovrataxxi fl-Isvizzera (premessi 145 u 204), f’Ħong Kong (premessi 237, 587, 618, 620, 660 u 665), f’Singapor (premessi 146 u 295) jew fil-Ġappun (premessa 673) jew, b’mod iktar ġenerali, fix-Xlokk tal-Asja (premessa 595). It-tieni, il-maġġoranza ta’ dawn il-kuntatti jew kienu jinvolvu lil impjegati tal-uffiċċju prinċipali tat-trasportaturi inkriminati, jew għamlu riferiment għal istruzzjonijiet min-naħa tagħhom jew għal komunikazzjonijiet magħhom (premessi 237, 295, 595, 618, 620 u 673). It-tielet, bosta minn dawk il-kuntatti jew kienu jirriflettu, fil-livell lokali, avviżi li saru jew deċiżjonijiet meħuda qabel fil-livell ċentrali (premessi 204 u 673), jew kienu mill-inqas saru fl-istess żmien bħal diskussjonijiet bejn l-uffiċċji prinċipali jew id-deċiżjonijiet meħuda minnhom fir-rigward tas-sovrataxxi (premessi 145, 146, 237, 295, 587 u 595). Ir-raba’, il-maġġoranza ta’ dawn il-kuntatti seħħew fil-kuntest ta’ jew b’rabta ma’ assoċjazzjonijiet lokali ta’ rappreżentanti tat-trasportaturi (premessi 145, 146, 204, 295, 587, 618, 660 u 665).

592    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnewx li dawk il-kuntatti jonqsu milli jikkorroboraw l-interpretazzjoni ta’ provi oħra li ma humiex allegati li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Għalhekk, il-kuntatti kontenzjużi msemmija fil-premessi 145, 146, 204, 237 u 295 tad-deċiżjoni kkontestata jinsabu fost xi 20 kuntatt inkwistjoni li l-Kummissjoni ċċitat fil-Premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-applikanti fi tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mas-STK.

593    Fir-rigward tal-kuntatti kontenzjużi msemmija fil-premessi 587, 595, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jirrappreżentaw seba’ mill-erbatax-il kuntatt kontenzjuż li l-Kummissjoni semmiet fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 1258 sa 1260 ta’ din id-deċiżjoni sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti kienu jafu b’koordinazzjoni tas-STS li kienet teċċedi l-kuntatti tagħhom ma’ Lufthansa, minħabba li kellhom kuntatti diretti ma’ diversi trasportaturi dwar l-implimentazzjoni tas-STS.

594    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq il-kuntatti msemmija fil-premessi 145, 146, 204, 237, 295, 587, 595, 618, 620, 660, 665 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tibni stampa globali tal-akkordju kontenzjuż u b’hekk tikkorrobora l-interpretazzjoni tal-provi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex timputa lir-rikorrenti r-responsabbiltà tal-komponenti tal-ksur uniku u kontinwat marbuta mas-STK u mas-STS.

595    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq ir-raba’ oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir li seħħ fl-Isvizzera

596    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tat-tliet kuntatti li saru fl-Isvizzera, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessi 145, 204 u 443 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, dawn il-kuntatti ma jurux li huma kienu involuti fil-koordinazzjoni tas-sovrataxxi.

597    Fl-ewwel lok, l-eżami tal-messaġġ elettroniku deskritt fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata juri li r-rikorrenti, Air Canada u Lufthansa kienu “eċċezzjonijiet fir-rigward tal-ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bejn trasportaturi li kienu jikkonsistu fl-applikazzjoni fl-Isvizzera tal-istess politika bħal Swiss fil-qasam tas-STK. Il-konverżazzjonijiet deskritti f’dan il-messaġġ elettroniku jikkonċernaw lil Lufthansa, lil KLM u lil AF, filwaqt li l-informazzjoni relatata mar-rikorrenti kienet tinsab fid-dominju pubbliku.

598    Fit-tieni lok, il-messaġġ elettroniku minn impjegat lokali tar-rikorrenti lill-President tal-Aassoċjazzjoni Svizzera tat-trasportaturi Air Cargo Council Switzerland (il-Kunsill tat-Trasport tal-Merkanzija bl-Ajru tal-Isvizzera, iktar ’il quddiem l-“ACCS”) imsemmi fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement jindika li huma kienu ħabbru t-tneħħija tas-STK tagħhom. Issa, din l-informazzjoni diġà kienet tinsab fid-dominju pubbliku. Barra minn hekk, ikun żbaljat li jitqies li l-ACCS kienet ġabret u kkoordinat, għall-benefiċċju tal-membri tagħha, l-informazzjoni fid-dominju pubbliku dwar is-STK. Għall-kuntrarju, l-ACCS segwiet raġuni leġittima li tikkonsisti f’li tagħti lill-klijenti tat-trasportaturi informazzjoni dwar is-sovrataxxi.

599    Fit-tielet lok, il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx indirizzat lir-rikorrenti, li kienu għalqu l-uffiċċju tagħhom fl-Isvizzera u telqu mill-ACCS qabel intbagħat. Huwa minnu li dan il-messaġġ elettroniku kien intbagħat lil aġent kummerċjali tar-rikorrenti, iżda dan kien jaħdem ukoll għal madwar għoxrin trasportatur ieħor.

600    Il-Kummissjoni twieġeb li l-interpretazzjoni tal-messaġġ elettroniku deskritt fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata li jipproponu r-rikorrenti diffiċli tiġi rrikonċiljata mal-formulazzjoni tiegħu, filwaqt li l-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessa 204 ta’ din id-deċiżjoni kienu jiffurmaw parti minn mekkaniżmu stabbilit ta’ skambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-ACCS. Fir-rigward tal-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tal-imsemmija deċiżjoni, dan ġie rċevut minn aġent kummerċjali tar-rikorrenti u għalhekk jista’ jiġi imputat lilhom.

601    Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament it-tliet kuntatti li huma s-suġġett ta’ din l-oġġezzjoni.

602    Fl-ewwel lok, il-kuntatt imsemmi fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata huwa messaġġ elettroniku mingħand Swiss tal-10 ta’ Jannar 2000, li minnu l-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessa 851 ta’ din id-deċiżjoni, li Lufthansa u r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ftehim sabiex jużaw il-piż taxxabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-STK.

603    F’dan il-messaġġ elettroniku, huwa indikat li, “[f]l-Isvizzera, it-trasportaturi kollha ftehmu li japplikaw l-istess politika bħal [Swiss]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kienet tikkonsisti fl-użu tal-piż taxxabbli minflok dak reali għall-kalkolu tas-STK, bl-“unika eċċezzjoni sinjifikattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tkun Lufthansa.

604    Huwa minnu li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, dan il-messaġġ elettroniku jindika wkoll li, bħal Lufthansa jew anki Air Canada, ir-rikorrenti riedu jibqgħu jużaw il-kriterju tal-piż reali. Dan il-messaġġ elettroniku jirreferi wkoll għat-tħassib ta’ trasportaturi inkriminati oħra f’dan ir-rigward.

605    Madankollu, dan bl-ebda mod ma jikkontesta l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni tas-STK li r-rikorrenti u dawn it-trasportaturi inkriminati l-oħra pparteċipaw fihom. Għalkemm il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata juri l-kontradizzjoni bejn il-preferenza tar-rikorrenti u dik ta’ trasportaturi oħra, dan isir biss sabiex jintwera kemm “għad hemm konfużjoni dwar min ser japplika xiex” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

606    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tikkonkludi fil-premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ftehim inkwistjoni filwaqt li ddeċidiet li ma tapplikahx “f’dan l-istadju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

607    Fit-tieni lok, il-kuntatti msemmija fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata huma messaġġi elettroniċi mibgħuta lill-membri tal-ACCS fis-6 u fis-7 ta’ Diċembru 2001. F’dawn il-messaġġi elettroniċi, ir-rikorrenti, Martinair, AF u Japan Airlines jindikaw li huma kollha ser ineħħu s-STK.

608    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-imsemmija messaġġi elettroniċi ma kellhomx bħala għan uniku li jiffaċilitaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni li diġà kienet fid-dominju pubbliku lill-klijenti tat-trasportaturi. Fil-fatt, il-kuntatti msemmija fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata kienu tweġibiet għal talba tal-President tal-ACCS tal-4 ta’ Diċembru 2001 imsemmija fil-premessa 203 tal-istess deċiżjoni. F’dan il-messaġġ elettroniku, il-President tal-ACCS indika li l-kumpannija li tħaddmu, Malaysian Airlines, kienet waqfet tapplika s-STK għal Kuala Lumpur (il-Malasja) għas-suq Asjatiku u li konsegwentement huwa stess kien ser “jitqiegħed taħt pressjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jieqaf japplikaha.

609    Huwa minnu li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-President tal-ACCS żied jgħid li huwa xtaq “ikun jaf is-sitwazzjoni attwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-destinatarji tal-messaġġ elettroniku tiegħu fid-dawl tal-laqgħa tiegħu l-għada ma’ assoċjazzjoni tal-burdnara. Madankollu, il-kummenti tiegħu għandhom jinqraw fid-dawl tal-messaġġi elettroniċi preċedenti tiegħu. Fil-fatt, il-messaġġ elettroniku tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2001 ma kienx l-ewwel wieħed li fih staqsa lill-membri tal-assoċjazzjoni tiegħu dwar il-pjanijiet possibbli tagħhom li jneħħu s-STK. B’hekk, f’messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Novembru 2001 imsemmi fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, il-President tal-ACCS ilmenta li sar jaf minn sorsi terzi li KLM kienet ser tissospendi s-STK b’effett mill-1 ta’ Diċembru ta’ wara, talab li jiġi informat bil-passi ta’ din in-natura u enfasizza li “il-futur tal-organizzazzjoni tagħna huwa verament dubjuż jekk ma nimxux id f’id” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa insista wkoll mal-membri tal-ACCS biex “[dawn] ma jsegw[u]x id-deċiżjoni ta’ KLM u jżomm[u s-STK] mill-inqas sal-aħħar tas-sena” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Diversi trasportaturi wieġbu billi kkomunikaw lill-membri tal-ACCS l-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

610    Fir-rigward tal-fatt li l-informazzjoni kkomunikata kienet fid-dominju pubbliku, għandu jitfakkar li l-iskambju ta’ informazzjoni pubblikament aċċessibbli jikser l-Artikolu 101(1) TFUE meta dan jikkostitwixxi l-bażi ta’ mekkaniżmu antikompetittiv ieħor (ara l-punt 480 iktar ’il fuq). Issa, kif jirriżulta mill-punti 607 sa 609 iktar ’il fuq, dan kien il-każ f’din il-kawża.

611    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kuntatti msemmija fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata.

612    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata, li ntbagħat mhux lir-rikorrenti iżda lil wieħed mill-aġenti kummerċjali tagħhom, għandu jitfakkar li, jekk intermedjarju, rappreżentant kummerċjali jew aġent jeżerċita attività għall-benefiċċju ta’ impriża, dan fil-prinċipju jista’ jitqies li huwa organu awżiljarju integrat f’dik l-impriża, marbut li jsegwi l-istruzzjonijiet tagħha u għalhekk jifforma unità ekonomika magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, T‑66/99, EU:T:2003:337, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

613    Skont il-ġurisprudenza, il-fattur determinanti fl-eżami tal-eżistenza ta’ tali unità ekonomika jinsab fil-ftehim konkluż mal-impriża li tqabbdu u, b’mod partikolari, fil-klawżoli, taċiti jew espliċiti, fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskji finanzjarji u kummerċjali marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi ma’ terzi. Dik il-mistoqsija għandha tiġi analizzata każ b’każ, billi titqies ir-realtà ekonomika pjuttost milli l-kategorizzazzjoni legali tar-relazzjoni kuntrattwali fid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 46).

614    Ġie deċiż ukoll li ma kienx fattur favur l-eżistenza ta’ unità ekonomika l-fatt li, b’mod parallel mal-attivitajiet tiegħu eżerċitati f’isem min iqabbdu, l-intermedjarju jwettaq, bħala negozjant indipendenti, tranżazzjonijiet ta’ daqs kunsiderevoli fis-suq tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, EU:T:2003:337, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

615    Issa, minn naħa, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li turi li l-aġent kummerċjali li rċieva l-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx qiegħed jassumi r-responsabbiltà għar-riskju ekonomiku marbut mal-eżekuzzjoni tal-ftehim li huwa kien ikkonkluda mar-rikorrenti. Hija lanqas ma allegat li dan l-aġent ma kienx jiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tiegħu fis-suq imma kien sempliċement japplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mir-rikorrenti.

616    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tikkontestax li, b’mod parallel mal-attivitajiet li huwa kien jeżerċita għar-rikorrenti, dan l-aġent kien jipprovdi servizzi lil xi għoxrin trasportatur ieħor. Il-Kummissjoni lanqas ma tallega li dan l-aġent ipparteċipa f’isem ir-rikorrenti fl-attivitajiet li kienu s-suġġett tal-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata.

617    Barra minn hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, lanqas ma jista’ jitqies li l-imsemmi aġent bagħat lir-rikorrenti l-informazzjoni li tinsab fil-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, li kellha l-oneru tal-provi, fil-fatt naqset milli turi li dan kien il-każ.

618    Għalhekk, fin-nuqqas ta’ provi serji, preċiżi u konsistenti oħra li huma ta’ natura li jistabbilixxu li l-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata kien intiż sabiex jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, dan għandu jiġi miċħud mis-sensiela ta’ indizji li r-rikorrenti jikkontestaw fl-intier tagħha fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv.

5)      Fuq il-ħames oġġezzjoni, ibbażata fuq żball relatat mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu tal-aġir tar-rikorrenti fil-pajjiżi terzi

619    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tagħha li tipprova li “dan l-aġir kollu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien jifforma parti mill-ksur uniku u kontinwu.

620    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tikkonfuta l-provi u l-argumenti li huma ppreżentaw sabiex juru li ma kinitx teżisti rabta intrinsika bejn dan l-aġir u l-komunikazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-akkordju kontenzjuż. Dawn il-provi u argumenti juru li l-imsemmija komunikazzjonijiet u l-aġir relatat mal-akkordju kontenzjuż kienu jsegwu għanijiet distinti, kienu jinvolvu lil trasportaturi u impjegati differenti u kellhom kontenut, żmien u livell ta’ pubbliċità differenti.

621    Ir-rikorrenti jżidu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-persunal lokali tagħhom kellu l-intenzjoni li jikkontribwixxi għal akkordju globali dwar il-koordinazzjoni tas-STK billi pparteċipa fl-aġir li seħħ fil-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan l-aġir ma kienet tindika l-ebda aċċettazzjoni tar-riskju marbut mal-akkordju kontenzjuż.

622    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

623    Għandu jiġi osservat li din l-oġġezzjoni tikkoinċidi mal-argument li l-Qorti Ġenerali diġà eżaminat u ċaħdet fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel oġġezzjoni tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, fil-punt 288 iktar ’il fuq.

624    Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Din il-parti għalhekk għandha tintlaqa’ sa fejn tikkonċerna d-determinazzjoni tas-STK għat-titjiriet li telqu mit-Tajlandja bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 u l-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kumplament ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud.

h)      Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-ispekulazzjonijiet ta’ trasportaturi oħra fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti

625    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli qieset li l-provi deskritti fil-premessi 196, 273, 406 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata kienu parti mill-ksur uniku u kontinwu. Skont ir-rikorrenti, dawn il-provi jikkonċernaw kuntatti li huma ma kinux partijiet fihom u jinkludu biss informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku fir-rigward tagħhom.

626    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tabella ta’ CPA deskritta fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li din tagħti x’tifhem li r-rikorrenti kienu kkomunikaw ċerta informazzjoni inkwistjoni lil CPA qabel ma saret pubblika. Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li jipprovaw li l-informazzjoni inkwistjoni li jifdal kienet diġà pubblika, tal-inqas fir-rigward ta’ żewġ trasportaturi, u li l-premessi 173, 237 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata jiddeskrivu provi oħra ta’ kuntatti bejn il-persunal tar-rikorrenti u CPA. Fir-rigward tal-kuntatti msemmija fil-premessi 406 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li dawn kienu messaġġi li fihom AF eżaminat l-aġir futur tar-rikorrenti. Dawn il-messaġġi jipprovaw li AF u KLM kienu qegħdin jipprevedu li jallinjaw il-politika tagħhom fil-qasam tas-STK ma’ dik ta’ Lufthansa u tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni żżid li l-kuntatti deskritti fil-premessi 173, 174, 425, 546 u 966 jikkorroboraw il-fehma tagħha.

627    Fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet diversi kuntatti kontenzjużi li, skontha, ir-rikorrenti pparteċipaw fihom. Fi tmiem din il-premessa, il-Kummissjoni żiedet tgħid, billi rreferiet għall-premessi 196, 273, 406, 415, 425, 491, 506 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[kienu] jeżistu wkoll provi oħra dwar kuntatti ma’ kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

628    Din il-parti tirrigwarda erbgħa minn dawn it-tmien premessi.

629    Fl-ewwel lok, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal fajl li nstab fuq il-laptop ta’ impjegat ta’ CPA. Dan il-fajl huwa intitolat “Sommarju tas-STK fis-6 ta’ Diċembru 2001” u fih tabella intitolata “Tneħħija tas-STK skont il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn din it-tabella jirriżulta b’mod partikolari li, “fl-Iskandinavja”, ir-rikorrenti kienu pprevedew li jneħħu s-STK fl-20 ta’ Diċembru 2001, iżda li CPA kienet għadha “qiegħda tistenna” “opinjoni uffiċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

630    Madankollu, ir-rikorrenti kienu diġà ħabbru, permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal-5 ta’ Diċembru 2001, li huma kienu ser ineħħu s-STK b’effett mill-20 ta’ Diċembru ta’ wara. Kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża tal-proċedura amministrattiva, ħamsa mis-seba’ trasportaturi l-oħra identifikati fit-tabella intitolata “Tneħħija tas-STK skont il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu ħabbru pubblikament bejn il-21 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru 2001 li huma kienu ser jeliminaw is-STK f’Diċembru 2001.

631    Fir-rigward taż-żewġ trasportaturi l-oħra identifikati fit-tabella inkwistjoni, huwa minnu li r-rikorrenti ma wrewx li huma kienu ħabbru l-pjanijiet tagħhom li jneħħu s-STK fis-6 ta’ Diċembru jew f’data preċedenti. Madankollu, għandu jiġi osservat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li d-dati li fihom ġie ppubblikat it-tħabbir tal-pjanijiet tagħhom li jneħħu s-STK ma jidhrux fil-proċess tal-kawża tal-proċedura amministrattiva u li wieħed minnhom kien waqaf jeżisti fid-data li tressaq ir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-avviżi inkwistjoni kienu, barra minn hekk, ippubblikati iktar minn ħmistax-il sena qabel din id-data, ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu responsabbli.

632    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx fondata li mid-dokument imsemmi fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata tiddeduċi l-eżistenza ta’ kuntatt antikompetittiv li kien jinvolvi lir-rikorrenti. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti pparteċipaw f’kuntatti multilaterali b’intervall ta’ diversi xhur (premessi 173 u 237), jew saħansitra snin (premessa 394), li fihom ipparteċipat ukoll CPA ma jistax ipoġġi indiskussjoni lil din il-konklużjoni.

633    Fit-tieni lok, fil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal messaġġ elettroniku intern ta’ Qantas tas-17 ta’ Frar 2003, li minnu jirriżulta li diversi trasportaturi, fosthom ir-rikorrenti, “indikaw li huma [kienu] ser iżidu s-STK minn GBP 0,06/kg għal GBP 0,09/kg” u li “[Lufthansa], fil-Ġermanja, għandha tħabbar żieda minn EUR 0,10/kg għal EUR 0,15/kg għada” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

634    Huwa minnu li r-rikorrenti jsostnu li Qantas setgħet tikseb din l-informazzjoni b’mod indirett, pereżempju permezz tas-sit web tagħhom jew mingħand burdnar. Madankollu, ir-rikorrenti baqgħu ma ressqu l-ebda prova intiża sabiex issostni dan l-argument.

635    L-uniku dokument li r-rikorrenti jinvokaw insostenn tal-argumenti tagħhom huwa rendikont ta’ informazzjoni ppubblikat minn burdnar fl-14 ta’ Frar 2003. Issa, dan ir-rendikont ma jsemmix lir-rikorrenti. Għall-kuntrarju, jindika dan li ġej:

“Ġejna avżati l-Ġimgħa 14 ta’ Frar li CargoLux, […], British, KLM, […] u l-gruppp Lan Chile (madwar ħames [trasportaturi]) ser iżidu s-STK tagħhom b’ħames ċenteżmi, biex b’hekk titla’ għal USD 0,15/kg. Għandna nirċievu avviż mingħand kważi [t-trasportaturi] kollha l-ġimgħa d-dieħla.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

636    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta fil-konfront tagħhom ibbażat ruħha fuq il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata.

637    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal żewġ skambji ta’ messaġġi elettroniċi interni ta’ AF.

638    L-ewwel nett, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq messaġġ elettroniku intern ta’ AF tal-20 ta’ Settembru 2004. Dan il-messaġġ elettroniku jikkonċerna s-sitwazzjoni fid-Danimarka u huwa fformulat kif ġej:

“Għadna kif sirna nafu li [Lufthansa] ser tgħolli s-STK għal EUR 0,30, fl-4 ta’ Ottubru [2004]. Nippreżumi li [SAS] ser issegwi malajr ħafna b’mod li ser nadattaw għal-livell ta’ [SAS].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

639    Issa, l-użu tal-kliem “[n]ippreżumi” (“[j]e suppose”, “I guess”) f’dan il-messaġġ elettroniku juri livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-intenzjonijiet tar-rikorrenti li jinvalidaw l-eżistenza ta’ tali kuntatt.

640    Id-dokumenti l-oħra fil-proċess tal-kawża ma humiex iktar konklużivi. Qari tal-iskambji kollha li fihom jissemma’ l-imsemmi messaġġ elettroniku fil-fatt juri li s-suppożizzjoni msemmija fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata kienet intiża biss sabiex tantiċipa n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dawn l-iskambji, huwa indikat li l-avviż tar-rikorrenti “għadu ma hux lest” u li “naħseb għandna nistennew il-pożizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-rikorrenti. Isir ukoll riferiment għall-ipoteżi li fiha r-rikorrenti “[ma kinux ser] javżaw” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

641    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, xejn ma jippermetti li jitqies li AF kienet qiegħda tistenna li r-rikorrenti kienu ser jinformawha bl-intenzjonijiet tagħhom li jżidu s-STK b’mod bilaterali u mhux pubbliku. Għall-kuntrarju, minn messaġġ elettroniku intern ta’ AF tat-23 ta’ Settembru 2004 jirriżulta li kien finalment permezz ta’ rendikont ta’ informazzjoni tar-rikorrenti, li hija kienet abbonata għalih, li AF saret taf b’dawn l-intenzjonijiet.

642    It-tieni, fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Settembru 2004 intitolat “Sovrataxxa fuq il-fjuwil Danimarka” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fiha AF tistaqsi lil KLM jekk kienx “irnexxielha tiċċara l-kwistjoni tal-allinjament ta’ KL[M] ma’ AF, [Lufthansa] u [r-rikorrenti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

643    Madankollu, la dan il-messaġġ elettroniku u lanqas dawk li ppreċedewh jew segwewh ma jirreferu għal xi kuntatt possibbli bejn AF u r-rikorrenti. Lanqas ma jippreżupponu li tali kuntatt seħħ. Għall-kuntrarju, minn messaġġ elettroniku interna ta’ AF tal-20 ta’ Settembru 2004 u mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li l-intenzjoni kienet li jiġi żgurat li, wara l-ftehim bejn AF u KLM, KLM tieqaf milli tiffattura STK iktar baxx minn dik tal-kompetizzjoni.

644    Id-dokumenti l-oħra li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (premessi 173, 174, 425, 546 u 966 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

645    Qabel kollox, l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi msemmi fil-premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata ma jurix l-eżistenza ta’ kuntatt bejn AF u r-rikorrenti. Kif tindika l-Kummissjoni, dan l-iskambju juri biss li r-rikorrenti allinjaw l-aġir tagħhom ma’ dak ta’ AF u ta’ KLM u ħeġġew lil SAC tagħmel l-istess. Barra minn hekk, l-imsemmi skambju sar f’Novembru 2005. Għalhekk sar iktar minn sena wara l-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata.

646    Sussegwentement, il-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2001 imsemmija fil-premessi 173 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċedi b’iktar minn tliet snin il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata.

647    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa indikat fil-premessa 966 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex lir-rikorrenti li AF bagħtet il-messaġġ elettronika tas-27 ta’ Ġunju 2005 li minnu jirriżulta li “aħna ‘ftehemna’ fuq DKK 3,30 AF/KL[M] mis-7 ta’ Lulju 2005” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. AF bagħtet dan il-messaġġ elettroniku lil Lufthansa, li sussegwentement ittrasferixxietu lir-rikorrenti.

648    Fl-aħħar nett, il-kuntatt kontenzjuż imsemmi fil-premessa 425 tad-deċiżjoni kkontestata huwa laqgħa tal-kumitat tal-merkanzija tal-BARIG tat-3 ta’ Settembru 2004, li fiha pparteċipaw b’mod partikolari r-rikorrenti, Lufthansa u AF. Huwa minnu li din il-laqgħa kienet tirrigwarda b’mod partikolari s-STK. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 448 iktar ’il fuq, Lufthansa kellha tikkomunika lill-parteċipanti l-oħra tal-imsemmija laqgħa l-aħħar aħbarijiet li jikkonċernawha f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-minuti tal-imsemmija laqgħa, din tal-aħħar kienet tirrigwarda qabel kollox is-sitwazzjoni Ġermaniża.

649    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi mill-imsemmija laqgħa li saru kuntatti lokali bejn AF u r-rikorrenti fid-Danimarka.

650    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u fin-nuqqas ta’ provi serji, preċiżi u konsistenti oħra intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-kuntatti msemmija fil-premessi 196, 406 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ta’ natura li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, dawn għandhom jitneħħew mis-sensiela ta’ indizji li r-rikorrenti jikkontestaw fl-intier tagħhom fil-kuntest tal-għaxar parti ta’ dan il-motiv.

i)      Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-għarfien li kellhom ir-rikorrenti tal-aġir tat-trasportaturi inkriminati l-oħra

651    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tagħha li tipprova li huma kellhom jew kellu jkollhom għarfien dwar l-aġir antikompetittiv kollu dwar is-sovrataxxi u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet li huma ma pparteċipawx fih u li huma ma kinux lesti jassumu r-riskju tiegħu.

652    F’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 459 iktar ’il fuq, sabiex timputa lir-rikorrenti l-ksur uniku u kontinwu fl-intier tiegħu, il-Kummissjoni kienet għalhekk obbligata tistabbilixxi, jew li huma kienu pparteċipaw fl-aġir kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur, jew li huma kienu jafu bl-aġir kollu li jikkostitwixxi l-ksur li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju pprevedew jew implimentaw sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet u li huma ma kinux ipparteċipaw fihom direttament, jew setgħu raġonevolment jipprevedu dan l-aġir u kienu lesti jaċċettaw ir-riskju.

653    Madankollu, is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi imputata lilha l-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Dan jgħodd ukoll anki meta dan il-ftehim u l-akkordju globali jkollhom rabtiet oġġettivi. Huwa biss jekk l-impriża kkonċernata, meta pparteċipat fi ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qiegħda tinvolvi ruħha f’akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-istess akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, T‑208/06, EU:T:2011:701, punti 144 u 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

654    Hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li l-impriża kkonċernata kellha l-għarfien meħtieġ tal-aġir antikompetittiv maħsub jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju globali, iżda li hija ma pparteċipatx direttament fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 67).

655    Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi li huma suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata kellha tali għarfien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T‑28/99, EU:T:2002:76, punt 51).

656    Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi li l-impriża kkonċernata kellha jew kellu jkollha għarfien, fid-dettall, bil-ftehimiet li saru fil-kuntest tal-kuntatti kontenzjużi li hija ma pparteċipatx fihom. Lanqas ma hija meħtieġa li tistabbilixxi li l-impriża inkwistjoni kienet taf jew kellha tkun taf b’dawn il-kuntatti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 193).

657    L-impriża kkonċernata sempliċement għandha għalhekk tkun konxja mill-portata ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il-Kummissjoni, T‑68/09, EU:T:2014:867, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

658    Meta dan ikun il-każ, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il-Kummissjoni, T‑68/09, EU:T:2014:867, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

659    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonkludi li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ tal-aġir tat-trasportaturi inkriminati l-oħra li fih huma ma pparteċipawx b’mod dirett fir-rigward, minn naħa, tas-sovrataxxi u, min-naħa l-oħra, tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

1)      Fuq is-sovrataxxi

660    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma kinux u ma setgħux ikunu jafu b’aġir ieħor li t-trasportaturi inkriminati l-oħra implimentaw fir-rigward tas-sovrataxxi. Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ argumenti insostenn ta’ din it-teżi.

661    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq messaġġi elettroniċi ta’ Lufthansa li jinkludu avviżi dwar is-STK sabiex issostni li huma kienu jafu jew, tal-inqas, kellhom ikunu jafu li Lufthansa kienet tikkoordina s-STK ma’ trasportaturi oħra. Dawn il-messaġġi elettroniċi sempliċement kien fihom l-avviżi pubbliċi ta’ Lufthansa dwar is-STK, ma juru xejn mill-koordinazzjoni minn qabel fi ħdan il-grupp ristrett, jikkonċernaw biss il-perijodi bejn Frar 2003 u Settembru 2004 u bejn Marzu 2005 u Settembru 2005 u ntbagħtu mill-persuna responsabbli għall-bejgħ ta’ Lufthansa fil-Ġermanja, jew lill-ekwivalenti lokali tagħha fi ħdan 18-il trasportatur, li diversi minnhom ma nżammewx responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu, jew lil trasportaturi li kienu jixtru l-kapaċitajiet mingħand Lufthansa.

662    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset milli teżamina ħames argumenti u provi li r-rikorrenti ppreżentaw sabiex juru li l-membri tal-persunal tagħhom ma kienu jafu xejn dwar l-aġir ta’ trasportaturi oħra, ma kellhom l-ebda raġuni sabiex jissuspettawhom u ma kinux lesti jaċċettaw ir-riskju.

663    L-ewwel nett, l-istruzzjonijiet interni ta’ Lufthansa, li kopja tagħhom intbagħtet lir-rikorrenti, juru li Lufthansa kienet adottat miżuri b’mod attiv sabiex tikkonforma ruħha mar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-sovrataxxi. Dawn l-istruzzjonijiet qatt ma rreferew għall-avviż minn qabel tal-koordinazzjoni bejn Lufthansa u t-trasportaturi inkriminati l-oħra, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jappartjenu għall-grupp ristrett. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ Lufthansa tal-21 ta’ Diċembru 1999 dwar l-introduzzjoni tas-STK.

664    It-tieni, Lufthansa kkonfermat li hija ma kinitx informat lir-rikorrenti dwar il-kuntatti tagħha ma’ trasportaturi oħra. Meta l-impjegat prinċipali ta’ Lufthansa fi ħdan il-grupp ristrett kien jibgħat lir-rikorrenti informazzjoni dwar dawn it-trasportaturi, huwa ma kienx jikxef li kien ikkomunika minn qabel magħhom, iżda kien jirreferi għall-aspettattivi personali tiegħu jew għal informazzjoni pubblikament aċċessibbli.

665    It-tielet, l-impjegati tar-rikorrenti ma kinux jifformaw parti min-network tal-grupp ristrett. Dan tal-aħħar kien kompost minn uffiċjali anzjani tat-trasportaturi prinċipali u mill-kuntatti personali tagħhom ma’ trasportaturi oħra.

666    Ir-raba’, ir-rikorrenti ma setgħux jidentifikaw l-attivitajiet tal-grupp ristrett abbażi tal-aġir tal-membri tiegħu fis-suq.

667    Il-ħames, ir-rikorrenti ma setgħux ikunu jafu bl-aġir implimentat f’pajjiżi terzi li fihom huma ma eżerċitaw l-ebda attività. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda prova li r-rikorrenti kienu lesti jassumu r-riskju ta’ dan l-aġir. Għall-kuntrarju, huma rċevew assigurazzjonijiet espliċiti mill-awtorità Daniża tal-kompetizzjoni li ma kien jeżisti l-ebda riskju f’dan ir-rigward.

668    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

669    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 882 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienu “involuti fi tnejn mit-tliet elementi (STK u STS)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-ksur uniku u kontinwu u mhux li huma kellhom biss għarfien ipprovat jew preżunt ta’ dan il-ksur. Madankollu, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-argumenti ta’ Air Canada u ta’ British Airways fil-premessi 894 sa 897 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan ma jfissirx li hija kienet ikkunsidrat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw direttament fl-attivitajiet antikompetittivi kollha li kienu jaqgħu taħt dawn il-komponenti.

670    Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-STK, il-Kummissjoni, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet riferiment għal tmien kuntatti sabiex tqis li r-rikorrenti “kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li Lufthansa kienet tikkoordina l-applikazzjoni tas-STK ma’ trasportaturi oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1248 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma l-messaġġi elettroniċi deskritti fil-premessi 274, 279, 346, 411, 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata u li permezz tagħhom Lufthansa kkomunikat l-avviżi tagħha ta’ żieda tas-STK lil diversi trasportaturi.

671    Fost id-destinatarji ta’ dawn it-tmien messaġġi elettroniċi hemm total ta’ għaxar trasportaturi inkriminati. Ħamsa minn dawn it-trasportaturi, jiġifieri Air Canada, CPA, Japan Airlines, SAC u r-rikorrenti, kienu fost id-destinatarji tal-messaġġi elettroniċi kollha msemmija. Il-ħames trasportaturi inkriminati li jifdal, jiġifieri AF, Cargolux, KLM, Lan Airlines u Martinair, irċevew bejn tnejn u ħamsa mill-imsemmija messaġġi elettroniċi.

672    Issa, ir-rikorrenti pparteċipaw f’kuntatti antikompetittivi oħra ma’ kull wieħed minn dawn l-għaxar trasportaturi, bl-eċċezzjoni ta’ Lan Airlines. Għalhekk, qabel kollox, ir-rikorrenti kkomunikaw ma’ Air Canada u ma’ KLM kemm fir-rigward tal-istabbiliment tas-STK kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħha (premessi 135, 144 sa 146, 174 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, ir-rikorrenti kkoordinaw ma’ Japan Airlines, ma’ Lufthansa u ma’ SAC dwar l-implimentazzjoni tas-STK, kemm fil-kuntest tal-alleanza WOW (premessi 401, 434, 484, 488, 490, 494, 496, 497, 512, 531, 546 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll barra minnha (premessi 145, 146, 204 u 559 tad-deċiżjoni msemmija). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti pparteċipaw f’kuntatti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tas-STK ma’ AF (premessi 146, 174, 204 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata), Cargolux (premessi 174 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata), Martinair (premessi 204 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata) u CPA (premessi 295 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

673    Diversi mill-kuntatti identifikati fil-punt preċedenti kienu jinvolvu kemm lill-awtur tat-tmien messaġġi elettroniċi inkwistjoni, jiġifieri Lufthansa, kif ukoll mill-inqas erba’ mit-trasportaturi inkriminati li kienu fost id-destinatarji tagħhom (premessi 145, 146 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

674    Fir-rigward tal-fatt li, fost id-destinatarji tal-messaġġi elettroniċi deskritti fil-premessi 274, 279, 346, 411, 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm trasportaturi mhux inkriminati jew trasportaturi inkriminati li kkonkludew ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet ma’ Lufthansa, dan huwa irrilevanti għal motivi simili għal dawk imsemmija fil-punti 463 sa 465 u 475 sa 495 iktar ’il fuq.

675    Fir-rigward tal-fatt li l-messaġġi elettroniċi inkwistjoni kienu jikkonċernaw biss il-perijodi bejn Frar 2003 u Settembru 2004 u bejn Marzu 2005 u Settembru 2005, għandu jiġi kkonstatat li l-provi kontra r-rikorrenti fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-imsemmija premessa, li jistabbilixxu l-għarfien tagħha ta’ akkordju iktar wiesa’, li jinvolvi lil Lufthansa u lil trasportaturi inkriminati oħra, inkluż għall-perijodu qabel il-messaġġi elettroniċi kontenzjużi. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal-“laqgħa amikevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tat-22 ta’ Jannar 2001 deskritta fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li matulha ġiet diskussa l-bidla fil-livell tas-STK u li fiha pparteċipaw Lufthansa, ir-rikorrenti u diversi trasportaturi inkriminati oħra (ara l-punt 447 iktar ’il fuq). L-istess jgħodd għall-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, li jsemmi kuntatti li jinvolvu kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil Lufthansa u lil diversi trasportaturi inkriminati oħra dwar l-applikazzjoni tas-STK.

676    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li barra minn hekk ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-messaġġi elettroniċi deskritti fil-premessi 274, 279, 346, 411, 446, 450, 482 u 495 tad-deċiżjoni kkontestata setgħu jkunu s-suġġett ta’ spjegazzjoni alternattiva plawżibbli għall-koordinazzjoni tas-STK, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li huma kienu ta’ natura li jagħtuhom għarfien suffiċjenti tal-koordinazzjoni bejn Lufthansa u trasportaturi inkriminati oħra.

677    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li diversi kuntatti kontenzjużi oħra li tagħmel riferiment għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu ta’ natura li jagħtu lir-rikorrenti għarfien suffiċjenti tal-koordinazzjoni bejn Lufthansa u trasportaturi inkriminati oħra. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Ġunju 2005 imsemmi fil-premessa 966 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnu jirriżulta li “aħna ‘ftehemna’ fuq DKK 3,30 AF/KL[M] mis‑7 ta’ Lulju 2005” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 647 iktar ’il fuq, dan ma huwiex messaġġ elettroniku li bagħtitilhom AF, iżda messaġġ elettroniku ta’ AF li Lufthansa ttrasferixxitilhom.

678    Dan huwa wkoll il-każ għall-messaġġ elettroniku tas-17 ta’ Frar 2003, imsemmi wkoll fil-premessa 966 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-messaġġ elettroniku, Lufthansa tindika dan li ġej lir-rikorrenti:

“kif ġie diskuss il-ġimgħa l-oħra, aħna ser inżidu [s-STK minn] 3.3.2003. Ehmiżt l-istqarrija għall-istampa bil-Ġermaniż, il-verżjoni Ingliża ser issegwi dalwaqt ħafna. Kif kelli l-okkażjoni li nara, [British Airways], KL[M], […] ħarġu wkoll. Smajt għajdut li [Cargolux], […] u oħrajn ser isegwu wkoll.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

679    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jitqies li dan il-messaġġ elettroniku jurihom biss dak li Lufthansa kienet qiegħda tistenna li “tara lil trasportaturi oħra jagħmlu jew informazzjoni disponibbli lill-pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju, mill-imsemmi messaġġ elettroniku jirriżulta li, b’differenza minn British Airways, KLM u trasportatur ieħor, Cargolux u trasportatur ieħor kienu għadhom ma kkomunikawx l-intenzjonijiet tagħhom lill-pubbliku. Fir-rigward tal-użu tal-kliem “[s]majt għajdut”, dan juri li, kif tirrileva l-Kummissjoni, Lufthansa ma llimitatx ruħha għal li tinforma lir-rikorrenti dwar l-aspettattivi tagħha.

680    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellhom għarfien suffiċjenti tal-koordinazzjoni bejn Lufthansa u trasportaturi inkriminati oħra.

681    Il-Kummissjoni kienet ukoll fondata li tqis li r-rikorrenti kellhom jisiltu mill-provi msemmija fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata għarfien suffiċjenti tal-aġir implimentat fil-pajjiżi terzi li huma ma kinux ipparteċipaw fih. Fil-fatt, mill-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-STK kienet miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinitx speċifika għal rotta u li kellha l-għan li tiġi implimentata fir-rotot kollha, fuq livell globali (ara l-punti 277 sa 291 iktar ’il fuq). Kull operatur diliġenti konxju tal-portata ta’ din il-koordinazzjoni kien jaf jew, mill-inqas, kellu jkun jaf li din kienet testendi għall-pajjiżi terzi li huwa ma kienx jopera fihom.

682    Il-garanziji li r-rikorrenti rċevew mill-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni ma huma ta’ ebda sostenn f’dan ir-rigward. Mill-premessi 1268 u 1271 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti jallegaw li rċevew dawn l-assigurazzjonijiet f’deċiżjoni li fiha l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni indikat li l-Kummissjoni “kienet kompetenti biss fir-rigward tar-rotot fi ħdan l-U[njoni], u mhux ir-rotot [Unjoni-pajjiżi terzi]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, din id-deċiżjoni tmur lura għall-2002. Għalhekk, din tippreċedi l-estensjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għat-trasport bl-ajru internazzjonali Unjoni-pajjiżi terzi li saret bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 411/2004, u biex tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għat-trasport internazzjonali ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi li saret bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 40/2005, tal-11 ta’ Marzu 2005, li temenda l-Anness XIII (Trasport) u l-Protokoll 21 (dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005, L 198, p. 38). B’hekk, fil-premessa 1271 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni li jibbażaw fuqha r-rikorrenti kienet tikkonċerna “sitwazzjoni legali preċedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ma setgħetx tagħti lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tar-rikorrenti.

683    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ dwar il-koordinazzjoni fir-rigward tas-STK bejn Lufthansa u trasportaturi oħra inkriminati u f’pajjiżi terzi li fihom huma ma kellhom l-ebda preżenza.

684    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-STS, fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-provi li hija bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipaw direttament fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwat fir-rigward tas-STS. B’hekk, il-Kummissjoni ddeduċiet b’mod partikolari minn dawn il-provi li r-rikorrenti kellhom “għarfien tal-koordinazzjoni iktar wiesgħa tas-STS, sa fejn [huma] kellh[om] kuntatti diretti mal-kompetituri dwar l-implimentazzjoni tas-STS” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

685    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument intiż sabiex jikkontesta dan ir-raġunament. L-iktar l-iktar huwa possibbli li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jiġi dedott li huma jilmentaw li l-Kummissjoni qieset li huma kienu jafu bil-koordinazzjoni relatata mas-STS f’pajjiżi li huma ma kinux joperaw fihom.

686    Madankollu, mill-premessa 889 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, bħal fil-każ tas-STK (ara l-punt 681 iktar ’il fuq), li s-STS kienet miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li ma kinitx speċifika għal rotta u li kellha l-għan li tiġi implimentata fir-rotot kollha, fuq livell globali. Għaldaqstant, kull operatur diliġenti konxju tal-portata ta’ din il-koordinazzjoni kien jaf jew, mill-inqas, kellu jkun jaf li din kienet testendi għall-pajjiżi terzi li huwa ma kienx jopera fihom.

687    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi konkluż li r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kkonkludiet li huma kellhom għarfien suffiċjenti tal-elementi tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu li jirrigwardaw is-STS li ma pparteċipawx direttament fihom.

688    L-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jista’ jpoġġi indiskussjoni lil dawn il-konklużjonijiet.

689    Fl-ewwel lok, peress li d-dokumenti invokati mill-Kummissjoni kienu ta’ natura li jagħtu lir-rikorrenti għarfien suffiċjenti tal-kuntatti kontenzjużi dwar is-sovrataxxi li huma ma pparteċipawx direttament fihom, ma kienx neċessarju li huma jkunu jafu bihom ukoll b’mezzi oħra, u b’mod partikolari permezz tad-diskussjonijiet tagħhom ma’ Lufthansa, mill-osservazzjoni tal-aġir tal-kompetituri tagħhom fis-suq jew inkella mill-appartenenza għall-allegat “network tal-grupp ristrett” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

690    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma eżaminatx b’mod espliċitu l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

691    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar il-miżuri li ħadet Lufthansa sabiex tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma wrewx li kellhom għarfien ta’ dan matul il-perijodu tal-ksur. Għall-kuntrarju, kif jammettu r-rikorrenti stess fir-replika, huma “ma setgħu jirkupraw l-ebda messaġġ elettroniku li fih [Lufthansa] bagħtet il-linji gwida tagħha tal-2000 dwar l-introduzzjoni tas-STK lil [SAS Cargo]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

692    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-unika prova li jinvokaw ir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument hija riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ Lufthansa tal-21 ta’ Diċembru 1999 dwar l-introduzzjoni tas-STK. Issa, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, din ir-riżoluzzjoni tikkonċerna esklużivament l-avviż tal-introduzzjoni tas-STK fl-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 1999 u bl-ebda mod ma tafferma l-eżistenza ta’ politika interna ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sovrataxxi.

693    Fl-aħħar nett u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni, l-assigurazzjonijiet li r-rikorrenti setgħu jiksbu fir-rigward tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni ma setgħux raġonevolment jiġġustifikaw il-konklużjoni li tgħid li Lufthansa kienet tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fil-prinċipju huma l-impriżi li jġarrbu huma stess ir-riskju ta’ evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni legali tagħhom, f’konformità mal-prinċipju ġenerali li jgħid li kulħadd huwa meqjus li jaf il-liġi (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il‑Kummissjoni, T‑413/10 u T‑414/10, EU:T:2015:500, punt 304).

694    Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet

695    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li, fid-dawl tal-involviment tagħhom fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu dwar is-sovrataxxi, huma setgħu raġonevolment jipprevedu l-aġir tat-trasportaturi inkriminati l-oħra fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet u kienu lesti li jassumu r-riskju. Fil-fatt, minn naħa, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ma kellux l-istess għan antikompetittiv bħas-sovrataxxi. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, is-sempliċi identiċità tal-għan tad-diversi komponenti tal-ksur uniku u kontinwu ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ ta’ dan fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

696    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti setgħu raġonevolment jipprevedu r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet u kienu disposti li jassumu r-riskju tagħhom, minħabba li d-diversi komponenti tal-ksur uniku u kontinwu kienu marbuta b’mod inseparabbli. L-għan antikompetittiv tas-sovrataxxi kien, fil-fatt, jiġi ppreġudikat li kieku s-sovrataxxi kellhom ikunu s-suġġett ta’ forma ta’ kompetizzjoni fil-prezzijiet permezz ta’ kummissjonijiet.

697    Fl-istadju tal-kontroreplika, il-Kummissjoni żiedet tgħid li r-replika u l-annessi tagħha kif ukoll il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 680 u 686 tad-deċiżjoni kkontestata juru li l-ħlas ta’ kummissjonijiet kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fi ħdan l-alleanza WOW u li r-rikorrenti kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li huma stess u t-trasportaturi l-oħra ma kinux iħallsu kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi.

698    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 882 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li r-rikorrenti kienu direttament implikati biss fi tnejn minn tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri s-STK u s-STS. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti setgħu wkoll jinżammu responsabbli għat-tielet komponent tal-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri dak dwar ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-involviment tagħhom f’dawn il-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu, ir-rikorrenti “setgħu raġonevolment jipprevedu skambji bejn il-partijiet dwar tali qasam konness bħalma hu [r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet], u kien[u] dispost[i] li jassumu r-riskju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan kien il-każ għaliex l-“għan tal-koordinazzjoni fuq is-sovrataxxi (f’dan il-każ, li tiġi evitata kompetizzjoni fil-prezzijiet) ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk is-sovrataxxi jkunu s-suġġett ta’ kummissjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

699    Issa, permezz ta’ dan, il-Kummissjoni ma bbażatx il-konklużjonijiet tagħha fuq provi speċifiċi, iżda, essenzjalment, illimitat ruħha li tippreżumi l-għarfien tar-rikorrenti tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet abbażi tal-identiċità tas-suġġett tagħha maż-żewġ komponenti l-oħra ta’ dan il-ksur. F’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 653 iktar ’il fuq, il-komplementarjetà ekonomika oġġettiva bejn is-sovrataxxi u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet ma hijiex, anki jekk tiġi preżunta li ġiet stabbilita, suffiċjenti sabiex turi li r-rikorrenti kellhom raġonevolment jipprevedu dan tal-aħħar.

700    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-elementi li ibbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fil-premessa 882 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ tal-attivitajiet antikompetittivi tat-trasportaturi inkriminati l-oħra dwar ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

701    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni madankollu għamlet riferiment għal tliet elementi oħra li jinsabu fil-proċess tal-kawża tal-proċedura amministrattiva sabiex turi li r-rikorrenti kienu jew kellhom ikunu jafu b’dawn l-attivitajiet u li huma kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju.

702    L-ewwel wieħed minn dawn l-elementi huwa messaġġ elettroniku intern tad-9 ta’ Ġunju 2005 msemmi fil-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-messaġġ elettroniku, impjegat tar-rikorrenti jirreferi għall-kontenut ta’ konverżazzjoni li huwa kellu fl-istess jum mal-“kuntatti l-antiki fi ħdan il-[Cargo Accounts Settlement Systems (Sistema ta’ Saldu tal-Kontijiet tat-Trasport ta’ Merkanzija, iktar ’il quddiem iċ-“CASS”)] Svizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar azzjonijiet miftiehma minn assoċjazzjonijiet tal-burdnara dwar il-ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi. L-imsemmi impjegat jenfasizza li “[l]-kwistjoni fl-intier tagħha hija eċċezzjonalment sensittiva mill-perspettiva tal-kompetizzjoni u [li] huwa importanti li l-[alleanza] WOW ma tweġibx b’mod kollettiv u li l-membri individwali tal-[alleanza] WOW ma jagħtux risposta ‘kollettiva’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-imsemmi impjegat, “[l]-aħjar triq ’il quddiem hija li ċ-CASS, bħal fl-Isvizzera, tagħti parir dwar il-konsegwenzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

703    Issa, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jitqies li ċ-CASS, fl-Isvizzera, tat parir lit-trasportaturi sabiex jiftiehmu, f’kuntest bilaterali jew multilaterali, li jirrifjutaw li jinnegozjaw il-ħlas ta’ kummissjonijiet mal-burdnara u li jagħtuhom skontijiet fuq is-sovrataxxi. Lanqas ma jista’ jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li ċ-CASS ikkomunikat lir-rikorrenti provi li jissuġġerixxu li t-trasportaturi inkriminati l-oħra kienu aġixxew flimkien b’dan il-mod jew ippjanaw li jagħmlu dan. Għall-kuntrarju, mill-messaġġ elettroniku internu tad-9 ta’ Ġunju 2005 msemmi fil-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-Isvizzera, ġie indikat biss, l-ewwel nett, li l-prezzijiet u l-kummissjonijiet kienu “kwistjoni bilaterali bejn [burdnar] u [trasportatur]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], it-tieni, li burdnar ma setax b’mod unilaterali jiddeċiedi dwar aġġustamenti u, it-tielet, essenzjalment, li l-mod kif ipproċedew il-burdnara seta’ kellu konsegwenzi sinjifikattivi.

704    Għalhekk il-Kummissjoni ma hijiex fondata li tikkunsidra li l-messaġġ elettroniku intern tad-9 ta’ Ġunju 2005 msemmi fil-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi li r-rikorrenti kellhom għarfien tal-aġir illegali previst jew implimentat mit-trasportaturi l-oħra inkriminati fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

705    Il-Kummissjoni lanqas ma hija fondata li tiddeduċi mill-iskambji interni li segwew il-messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Ġunju 2005 imsemmi fil-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fi ħdan l-alleanza WOW. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Ġunju 2005 ċċitat fl-istess premessa, impjegat tar-rikorrenti eskluda din il-possibbiltà billi ddikjara: “[m]a nistgħux niddiskutu dan fi ħdan l-[alleanza] WOW, iżda l-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fi ħdan kull kumpannija tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

706    It-tieni mill-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ tal-aġir ta’ ksur previst jew implimentat mit-trasportaturi inkriminati l-oħra fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet hija messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Diċembru 2005. Għandu jiġi rrilevat li dan il-messaġġ elettroniku huwa deskritt fil-premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dak il-messaġġ elettroniku, impjegat ta’ SAC jistaqsi lil numru ta’ trasportaturi, inklużi r-rikorrenti, jekk semgħux (“wondered if you have heard”) b’komunikazzjoni reċenti minn DHL fil-Ġermanja li rċieva l-uffiċċju tagħha fi Frankfurt (il-Ġermanja) u li ħabbret il-ġbir futur ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi. L-impjegat ta’ SAC iżid li l-komunikazzjoni tirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-IATA 805zz, jistqarr li ma hux ċert x’inhi dik ir-riżoluzzjoni u jirringrazzja lir-riċevituri għall-kummenti tagħhom.

707    Xejn fil-formulazzjoni tal-imsemmi messaġġ elettroniku ma jistieden espressament lil dawn it-trasportaturi biex jaqblu li jirrifjutaw li jħallsu kummissjonijiet u lanqas, barra minn hekk, li jiskambjaw informazzjoni dwar it-tweġiba kummerċjali li huma kellhom l-intenzjoni li jagħtu għall-imsemmija komunikazzjoni.

708    Fid-dawl tal-inċertezzi fir-rigward tar-Riżoluzzjoni tal-IATA 805zz li huma espressi fil-messaġġ elettroniku inkwistjoni, huwa konċepibbli li l-mistoqsijiet imqajma mill-impjegat ta’ SAC kienu sempliċement relatati ma’ jekk kinitx dovuta xi kummissjoni fuq is-sovrataxxi. It-tweġiba ta’ impjegat ta’ trasportatur ieħor tissuġġerixxi madankollu li l-messaġġ elettroniku minn SAC seta’ wkoll jinftiehem bħala li jikkonċerna lit-tweġiba kummerċjali li kellha tingħata lill-komunikazzjoni mid-DHL. F’messaġġ elettroniku intern tat-3 ta’ Jannar 2006, dan l-impjegat osserva li kien kellem lil Lufthansa, li kienet indikat, fost oħrajn, li hija “ma hix ser taċċetta tali fatturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

709    Minn dan isegwi li l-messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Diċembru 2005 deskritt fil-premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi stabbilit li r-rikorrenti pparteċipaw fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 344 iktar ’il fuq, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk, meħud flimkien ma’ provi oħra, dan il-messaġġ elettroniku setax jikkostitwixxi sensiela ta’ indizji li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi dan (ara l-punti 711 u 712 iktar ’il quddiem).

710    It-tielet mill-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kellhom l-għarfien meħtieġ tal-aġir ta’ ksur previst jew implimentat mit-trasportaturi inkriminati l-oħra fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet hija silta mit-tweġiba ta’ SAS Cargo għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn din is-silta jirriżulta li, fl-10 ta’ Ġunju 2005, impjegat tar-rikorrenti bagħat messaġġ elettroniku lil trasportatur ieħor dwar il-kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi kontra l-istruzzjonijiet espressi mill-ġerarkija tal-impriża. Il-Kummissjoni tillimita ruħha, madankollu, li ssostni li din is-silta “turi li ntbagħtet informazzjoni dwar [is-suġġettt tal-kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi] […] minn Lufthansa [lir-rikorrenti] u li l-impjegat [tagħhom] wieġeb” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ma speċifikat il-kontenut ta’ din l-informazzjoni jew, a fortiori, ma sostniet li kienet tikkonċerna tweġiba miftiehma possibbli għall-burdnara.

711    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jiġi preżunt li dawn it-tliet elementi li għamlet riferiment għalihom il-Kummissjoni fl-investigazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma jistax jitqies li, evalwati individwalment jew flimkien, dawn kienu ta’ natura li jagħtu lir-rikorrenti l-għarfien meħtieġ tal-aġir ta’ ksur previst jew implimentat mit-trasportaturi inkriminati l-oħra fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

712    Fin-nuqqas ta’ provi oħra serji, preċiżi u konsistenti ta’ natura li jistabbilixxu tali għarfien, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball meta żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni għandha tintlaqa’ u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn dan jikkonstata r-responsabbiltà tar-rikorrenti għal dan il-komponent tal-ksur uniku u kontinwu. Il-kumplament ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud.

j)      Fuq l-għaxar parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni

713    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni elenkat sensiela ta’ azzjonijiet iżolati, differenti u lokali mingħajr ma eżaminat l-eżistenza ta’ rabtiet oġġettivi bejniethom, b’tali mod li wettqet żball meta mis-sensiela ta’ indizji invokati ddeduċiet li huma pparteċipaw fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mas-STK u mas-STS.

714    Fir-rigward tal-kuntatti kontenzjużi li saru bejn Diċembru 1999 u Diċembru 2001, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni kienu jikkorrispondu, għal uħud minnhom, għal aġir li ma huwiex relatat mat-trasport ġewwa ż-ŻEE. L-oħrajn ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, jew għax ma jipprovawx l-eżistenza ta’ kuntatti ma’ trasportaturi oħra, jew għax jikkonċernaw fatti koperti minn alleanza, jew għax ma jaqgħux taħt il-portata materjali, ġeografika jew temporali tal-ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-provi invokati fir-rigward tal-kuntatti kontenzjużi li saru bejn Mejju 2004 u Frar 2006 huma ineffettivi jew jirrigwardaw aġir leġittimu fil-kuntest ta’ alleanzi jew aġir meħtieġ minn leġiżlazzjonijiet lokali. Fi kwalunkwe każ, dawn huma sensiela ta’ inċidenti iżolati u lokali.

715    Fir-rigward tal-aġir marbut mas-STS, il-parti l-kbira seħħew qabel Mejju 2004. Dawn ma għandhomx relazzjoni mat-trasport ġewwa ż-ŻEE, jikkonċernaw fatti koperti minn alleanza jew minn leġiżlazzjoni lokali, jew ma jipprovawx l-eżistenza ta’ kuntatti bejn ir-rikorrenti u trasportaturi oħra. L-uniku fatt sussegwenti għal Mejju 2004 jirrigwarda aġir leġittimu fil-kuntest ta’ alleanza.

716    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

717    Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li mill-ewwel sad-disa’ partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 791 u 792 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwati globalment, ma jippermettux li jiġi stabbilit li huma pparteċipaw fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mas-STK u mas-STS.

718    F’din il-kawża, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aġir relatat mas-STK, mill-eżami tal-ewwel sad-disa’ partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li sitta biss mill-erbgħin kuntatt kontenzjuż li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni għandhom jiġu esklużi mis-sensiela ta’ indizji invokati fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma l-kuntatti msemmija fil-premessi 196, 223, 406, 415, 443 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata.

719    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kuntatti msemmija fil-premessi 223 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata huma fost it-tlettax-il kuntatt inkwistjoni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi li l-implimentazzjoni tas-STK ġiet diskussa bejn il-membri tal-alleanza WOW, fosthom ir-rikorrenti. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni sar-raba’ partijiet ta’ dan il-motiv, il-ħdax-il kuntatt li jifdal huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw din il-konklużjoni.

720    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntatt imsemmi fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fost it-tliet kuntatti kontenzjużi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienu skambjaw messaġġi elettroniċi mal-membri tal-ACCS, li jiżvelaw l-azzjonijiet li dawn kienu qegħdin jippjanaw li jieħdu u l-avviżi futuri tagħhom. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ oġġezzjoni tas-sitt parti ta’ dan il-motiv, iż-żewġ kuntatti li jifdal huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw din il-konklużjoni.

721    It-tielet, għandu jiġi rrilevat li l-kuntatti msemmija fil-premessi 196, 406 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata jifformaw parti mit-tmien kuntatti kontenzjużi invokati fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konstatazzjoni li tgħid li “jeżistu wkoll provi oħra dwar kuntatti ma’ kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif jirriżulta mill-użu tal-kelma “wkoll”, din hija konstatazzjoni superfluwa. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-esklużjoni tal-kuntatti msemmija fil-premessi 196, 406 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura li tivvizzja din il-konstatazzjoni bi żball, dan ma jaffettwax il-kapaċità tas-sensiela ta’ indizji invokata fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata li tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK.

722    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-eżami tas-sitt sat-tmien partijiet ta’ dan il-motiv, il-ħames kuntatti l-oħra invokati insostenn tal-konstatazzjoni li tgħid li “jeżistu wkoll provi oħra dwar kuntatti ma’ kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu biżżejjed sabiex jiġġustifikawha.

723    Ir-raba’, il-kuntatti msemmija fil-premessi 196, 223, 406, 415, 443 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata seħħew f’perijodi li għalihom il-Kummissjoni għandha provi oħra li jsostnu l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 204, 237, 401, 411, 425, 434, 531 u 546 tad-deċiżjoni kkontestata.

724    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti ma jippermettux li tiġi kkontestata s-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni fil-premessa 791 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK.

725    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġir relatat mas-STS, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti tat-tielet motiv jirriproduċi, essenzjalment, dak li huma bbażati fuqu l-ewwel disa’ partijiet tiegħu sa fejn dawn jirrigwardaw il-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STS. Issa, dan l-argument ġie miċħud.

726    Barra minn hekk, fir-rigward tal-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 618 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 338 sa 344 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li dawn ma kinux jikkostitwixxu provi diretti tal-involviment tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mas-STS, iżda biss indizji li kellhom jiġu evalwati flimkien mal-elementi l-oħra kollha mressqa mill-Kummissjoni fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 618 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata jifformaw parti mid-disa’ kuntatti kontenzjużi invokati fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konstatazzjoni li tgħid li r-rikorrenti kkoordinaw il-livell tas-STS mal-membri tal-alleanza WOW. Barra minn hekk, hemm il-kuntatt imsemmi fil-premessa 673 tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’, tas-sitt u tat-tmien partijiet ta’ dan il-motiv, dawn il-kuntatti ġodda kienu suffiċjenti sabiex fuqhom tiġi bbażata l-konstatazzjoni ta’ koordinazzjoni tal-livell tas-STS bejn membri tal-alleanza WOW.

727    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jippermettix li tiġi kkontestata s-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni fil-premessa 792 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STS.

728    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda u, sussegwentement, għandu jiġi konkluż li, mingħajr preġudizzju għall-iżbalji kkonstatati fil-punt 562 iktar ’il fuq fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-koordinazzjoni tas-STK fit-Tajlandja bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 u fil-punt 712 iktar ’il fuq fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu fir-rigward tar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, ir-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tal-portata tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

729    Ir-raba’ motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn inkonsistenzi interni, huwa maqsum fi tliet partijiet, l-ewwel ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, it-tieni bbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u t-tielet ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

730    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990). B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bl-istess inkonsistenzi bħal dawk li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fl-imsemmija sentenza bejn, minn naħa, it-teżi tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet kontradittorji dwar ir-responsabbiltà tad-diversi trasportaturi li pparteċipaw fl-aġir li jikkostitwixxi ksur. Ir-rikorrenti jiċċitaw f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet diverġenti li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar skambju ta’ messaġġi elettroniċi fit-13 u fl-14 ta’ Diċembru 1999, li minnhom hija ddeduċiet il-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu filwaqt li eskludiet il-parteċipazzjoni taż-żewġ trasportaturi l-oħra involuti fl-iskambju tal-imsemmija messaġġi elettroniċi.

731    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

732    Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Dan l-obbligu japplika biss sa fejn huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 52).

733    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tiġi eżegwita bis-sħiħ, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tirrispetta mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għas-sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29).

734    Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tiżgura li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ma jkunx ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IPK-München u Il‑Kummissjoni, C‑199/01 P u C-200/01 P, EU:C:2004:249, punt 83).

735    Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kienet ivvizzjata b’kontradizzjonijiet bejn il-motivi tagħha u d-dispożittiv tagħha, fejn tal-ewwel kienu jiddeskrivu ksur uniku u kontinwu wieħed biss, relatat mar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fih ipparteċipaw il-21 destinatarju tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, filwaqt li t-tieni kien relatat ma’ erba’ każijiet ta’ ksur uniċi u kontinwi distinti, jew għal ksur uniku u kontinwu wieħed biss li r-responsabbiltà għalih hija imputata direttament lit-trasportaturi li, fuq ir-rotot imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, kienu pparteċipaw b’mod dirett fl-għarfien dwar akkordju fuq dawn ir-rotot, u aċċettaw ir-riskju għalihom (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

736    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivi tad-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 kien fihom kontradizzjonijiet interni sinjifikattivi, sa fejn fihom kienu jidhru evalwazzjonijiet li diffiċli jiġu rrikonċiljati mal-eżistenza ta’ akkordju uniku li jkopri r-rotot kollha koperti mid-dispożittiv, kif deskritt f’dawn l-istess motivi (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990, punt 75). Fost dawn l-evalwazzjonijiet kien hemm dik tal-iffissar tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur għal ċerti trasportaturi għall‑1 ta’ Mejju 2004, minħabba li dawn tal-aħħar ma setgħux jinżammu responsabbli għall-ksur fir-rigward tar-rotot intra-ŻEE u li r-Regolament Nru 1/2003 kien sar applikabbli għar-rotot li kienu jservu biss minn din id-data (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990, punt 76).

737    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument intiż sabiex jistabbilixxi li l-kontradizzjonijiet irrilevati iktar ’il fuq ġew riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata. Huma sempliċement jirrilevaw li l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu ġie ddeterminat abbażi tal-iskambji ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, b’differenza minn trasportaturi oħra li madankollu kienu involuti f’dawn l-iskambji. Huma ma jindikawx kif dan il-fatt jistabbilixxi li d-deċiżjoni kkontestata żammet il-kontradizzjonijiet identifikati fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), u, b’mod partikolari, kif jikkontradixxi l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, relatat mar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fihom ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati kollha.

738    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punt 85 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 billi qieset li l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999 kien prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, iżda mhux ta’ dik tat-trasportaturi l-oħra li huma partijiet f’dawn l-iskambji. Fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali ttrattat il-konsegwenzi tal-kontradizzjonijiet tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 jekk id-dispożittiv tagħha jinqara bħala li jiddeskrivi erba’ azzjonijiet ta’ ksur uniċi u kontinwi distinti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċċitat l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar it-trattament allegatament diskriminatorju mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999 biss sabiex turi l-konsegwenzi ta’ dawn il-kontradizzjonijiet. Fil-fatt, kif irrilevat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), l-imsemmija kontradizzjonijiet ċaħħdu lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jifhmu jekk kinux suġġetti għal trattament differenti mid-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 involuti fl-iskambji ta’ posta elettronika inkwistjoni minħabba li dawn tal-aħħar ma kinux joperaw ċerti rotot.

739    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE. Konsegwentement, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta

740    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju u selettiv fil-konfront tagħhom, bi ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, li għandu, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, ikollu l-istess tifsira u l-istess portata bħall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. L-impożizzjoni ta’ multa fil-konfront tagħhom tikkostitwixxi ksur mhux iġġustifikat tad-dritt tagħhom għall-proprjetà, minħabba n-natura arbitrarja u inkoerenti tagħha, sa fejn il-Kummissjoni ma kkonstatatx ir-responsabbiltà ta’ ċerti awturi tal-ksur, jew għamlet dan għal perijodu iqsar.

741    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

742    Kif ġie rrilevat fil-punt 424 iktar ’il fuq, il-fatt li impriża li kienet tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti ma kienet is-suġġett ta’ ebda konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa tal-Kummissjoni ma jistax jippermetti li jiġi eskluż il-ksur ikkonstatat fir-rigward tal-imsemmija rikorrenti, peress li dan ġie stabbilit b’mod korrett, u minkejja li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex adita bis-sitwazzjoni ta’ dik l-impriża l-oħra. L-istess japplika meta l-impriża kkonċernata tinvoka l-fatt li l-impriża li allegatament tinsab f’pożizzjoni simili ma ġietx ippenalizzata għal parti mill-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il‑Kummissjoni, C‑615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punt 38).

743    Issa, fil-kuntest ta’ din il-parti, bir-riferiment mill-ġdid għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskambju ta’ ittri tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, ir-rikorrenti jilmentaw preċiżament li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju billi naqset milli tikkonstata r-responsabbiltà ta’ ċerti awturi tal-ksur uniku u kontinwu, jew billi kkonstatata għal perijodu iqsar. Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

744    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ommissjoni tal-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkonstata r-responsabbiltà ta’ ċerti awturi tal-ksur uniku u kontinwu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 463 iktar ’il fuq, il-possibbiltà li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tiddependi fuq il-provi kollha fir-rigward tagħha, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni. B’hekk, kif jirriżulta mill-punt 464 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament indikat li hija “[ma kinitx] neċessarjament tagħti l-istess valur lil kull premessa […] u lanqas lil kull prova individwali li tinsab fiha” u li “[l]-premessi li [kien] sar riferiment għalihom [kienu] pjuttost jiffurmaw parti mis-sett totali ta’ provi li [kienet] ibbażat ruħha fuqhom u [kellhom] jiġu evalwati f’dan il-kuntest” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan jiġi dedott li l-fatt li impriża mhux inkriminata jew inkriminata f’portata iktar baxxa tissemma f’ċerti dokumenti kontra impriżi kkundannati mill-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li tal-ewwel tinsab f’sitwazzjoni simili għal tat-tieni, fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur ikkunsidrat.

745    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tivvizzja b’mod arbitrarju d-deċiżjoni kkontestata, tqis li evalwazzjoni tal-kuntatti kontenzjużi kollha użati kontra r-rikorrenti kienet biżżejjed sabiex tinkriminahom, filwaqt li tqis li ma kienx hemm sensiela ta’ indizji suffiċjentement konvinċenti sabiex tinkrimina lil trasportaturi mhux inkriminati li kienu pparteċipaw fi wħud minn dawn il-kuntatti.

746    Bl-istess mod, fir-rigward tad-differenzi bejn id-dati li fihom il-Kummissjoni ffissat il-bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur tar-rikorrenti u taż-żewġ trasportaturi inkriminati l-oħra involuti fl-iskambju tal-messaġġi elettroniċi tat‑13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tad-data li fiha impriża bdiet tipparteċipa fil-ksur tista’ tiddependi minn numru ta’ provi stabbiliti fl-istess ħin, qabel jew wara d-data kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 178).

747    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet, għal darba oħra mingħajr ma tivvizzja b’mod arbitrarju d-deċiżjoni kkontestata, tqis li l-provi kollha stabbiliti fl-istess ħin kienu suffiċjenti sabiex jinkriminaw lil SAS Consortium b’effett mit-13 ta’ Diċembru 1999, filwaqt li tqis li tali provi ma kinux suffiċjenti sabiex jiġu inkriminati mill-istess data ż-żewġ trasportaturi inkriminati l-oħra li kienu wkoll ipparteċipaw fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999.

748    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ħadet inkunsiderazzjoni dati ta’ bidu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu distinti għar-rikorrenti, minn naħa, u ż-żewġ trasportaturi inkriminati l-oħra, min-naħa l-oħra, filwaqt li dawn it-trasportaturi kollha kienu involuti fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999.

749    Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi kkontestata f’dan ir-rigward, id-dati li fihom bdiet il-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu jikkorrispondu, għal kull wieħed mit-tliet trasportaturi inkriminati, għad-dati tal-ewwel messaġġi elettroniċi inkriminanti li bagħtu (ara l-premessi 135 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fir-rigward tar-rikorrenti, huma bagħtu l-messaġġ elettroniku tat-13 ta’ Diċembru 1999. Minn dan isegwi li teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva għad-dati differenti tal-bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni f’din il-kawża. Konsegwentement, kwalunkwe aġir arbitrarju tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi eskluż.

750    Minn dan isegwi li l-oġġezzjoni bbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, li kienet ibbażata fl-intier tagħha fuq in-natura allegatament arbitrarja u inkoerenti tal-proċeduri f’din il-kawża, għandha tiġi miċħuda.

751    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

752    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma timmotivax suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, minn naħa, li ma żżommx lil ċerti trasportaturi involuti fil-ksur uniku u kontinwu responsabbli u, min-naħa l-oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni data tal-bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu differenti għat-trasportaturi inkriminati l-oħra li kienu involuti fl-iskambji ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999.

753    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

754    F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma żżommx responsabbli lil ċerti trasportaturi involuti fil-ksur, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li tesponi fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn trasportaturi oħra ma nżammux responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att ma jistax jinkludi obbligu għall-istituzzjoni li hija l-awtur li timmotiva l-fatt li ma adottatx atti simili oħra indirizzati lil partijiet terzi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 414).

755    Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti jinvokaw speċifikament in-nuqqas tal-Kummissjoni li tispjega għalfejn impriżi li kienu f’sitwazzjoni simili għal tagħhom ma nżammux responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu.

756    Minn dan isegwi li dan l-argument ma jistax jirnexxi.

757    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba t-trattament allegatament inkonsistenti tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1169 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur għat-13 ta’ Diċembru 1999. Fl-istess premessa, hija ffissat id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni taż-żewġ trasportaturi inkriminati l-oħra involuti fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, rispettivament, għall-21 ta’ Settembru 2000 u għall-14 ta’ Diċembru 1999.

758    Kif indikat fil-punt 749 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn id-dati jikkorrispondu, għal kull wieħed mit-tliet trasportaturi inkriminati involuti fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, għad-dati tal-ewwel messaġġi elettroniċi inkriminanti li huma bagħtu. Fil-premessa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat dawn il-messaġġi elettroniċi. Fir-rigward tar-rikorrenti, dawn huma l-messaġġi elettroniċi msemmija fil-premessi 135 u 790 sa 792 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward taż-żewġ trasportaturi inkriminati l-oħra involuti fl-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999, dawn huma l-messaġġi elettroniċi msemmija, rispettivament, fil-premessi 161 u 717 sa 720 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessi 135 u 773 sa 777 tad-deċiżjoni kkontestata.

759    Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement l-għażla tagħha li tikkonstata data ta’ bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur differenti għat-tliet trasportaturi inkriminati li kienu involuti fl-iskambji ta’ messaġġi elettroniċi tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 1999.

760    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li din il-parti u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

5.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

761    Ir-rikorrenti jqajmu l-ħames motiv b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha dritt timponilhom multa. Ir-rikorrenti essenzjalment jifformulaw dan il-motiv f’ħames partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, it-tieni waħda fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu, it-tielet waħda fuq żbalji fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu, ir-raba’ waħda fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-paragrafu 28 tal-linji gwida tal-2006 dwar ir-reċidiva, u l-ħames waħda fuq żbalji fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

762    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 billi inkludiet, fil-valur tal-bejgħ, xi bejgħ tar-rikorrenti li ma kellux relazzjoni – diretta jew indiretta – mal-ksur uniku u kontinwu. Dan huwa, l-ewwel nett, il-bejgħ li sar fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, it-tieni, il-bejgħ li sar “barra miż-ŻEE”, it-tielet, il-bejgħ li sar fuq rotot mingħajr relazzjoni mal-“ammont żgħir ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fuqhom ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’inċidenti lokali u iżolati, u, ir-raba, l-ammonti marbuta mal-komponenti tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li ma humiex is-STK u s-STS.

763    Il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal‑ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

764    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan il-paragrafu għandu l-għan li jżomm bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u s-sehem relattiv ta’ din l-impriża fih (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57, u tat-28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 237).

765    Għalhekk, għalkemm il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ fis-sens tal-imsemmi paragrafu ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ li sar mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kontenzjuż, madankollu l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni jiġi ppreġudikat kieku dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ imwettaq bl-uniku bejgħ li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li dan ġie affettwat fir-realtà minn dan l-akkordju (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76, u tal-1 ta’ Frar 2018, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il-Kummissjoni, C‑271/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:59, punt 30).

766    Barra minn hekk, tali limitazzjoni jkollha l-effett li timminimizza artifiċjalment l-importanza ekonomika tal-ksur imwettaq minn impriża partikolari, peress li s-sempliċi fatt li nstab numru limitat ta’ provi diretti ta’ bejgħ affettwat fir-realtà mill-akkordju jwassal sabiex finalment tiġi imposta multa mingħajr relazzjoni reali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kontenzjuż. Tali premju għas-segretezza jaffettwa wkoll b’mod negattiv l-għan tal-investigazzjoni u tas-sanzjonar effettivi tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, għalhekk, ma jistax jiġi permess (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 77).

767    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu analizzati l-erba’ żbalji li r-rikorrenti jsostnu li jivvizzjaw id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fid-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera

768    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li inkludiet fil-valur tal-bejgħ il-bejgħ tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

769    Il-Kummissjoni twieġeb li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li kien ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argument tar-rikorrenti huwa purament astratt, minħabba li huma ma jippreċiżawx jekk humiex joperawx fuq dawn ir-rotot u lanqas jindikaw, jekk ikun il-każ, liema parti mid-dħul mill-bejgħ tagħhom jagħmlu minn dawk ir-rotot.

770    Fir-replika, il-Kummissjoni żżid tgħid li l-bejgħ tar-rikorrenti fir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera kien ta’ livell tant baxx li l-esklużjoni tiegħu mill-valur tal-bejgħ ma jkollu l-ebda effett fuq l-ammont tal-multa.

771    Mill-punti 763 sa 766 iktar ’il fuq jirriżulta li l-valur tal-bejgħ ma jistax jinkludi bejgħ li ma jaqax, direttament jew indirettament, fil-parametri tal-ksur inkwistjoni.

772    F’dan ir-rigward, fil-punt 251 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma żammitx lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata. Il-bejgħ li sar fuq dawn ir-rotot għalhekk ma kienx jifforma parti mill-ksur uniku u kontinwu. Dan ma kienx relatat mal-ksur uniku u kontinwu, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, u ma setax, konsegwentement, jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ.

773    Issa, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li fil-valur tal-bejgħ kienet inkludiet ammont ta’ EUR 262 084 bħala bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li r-rikorrenti kienu wettqu fl-2005 fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera.

774    Minn dan isegwi li, kif qablet il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fid-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn din tinkludi dan il-bejgħ.

2)      Fuq l-inklużjoni tad-dħul mill-bejgħ fil-valur tal-bejgħ li ġej mill-bejgħ “li sar barra miż-ŻEE” u fuq it-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %

775    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni inkludiet fil-valur tal-bejgħ id-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ li sar barra miż-ŻEE u li għalhekk ma sarx, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fil-qasam ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. Ma kienx ikun biżżejjed li t-trasportaturi inkriminati jingħataw it-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % sabiex jirrifletti l-fatt li s-servizzi deħlin u ħerġin mis-suq kienu parzjalment ipprovduti barra miż-ŻEE u li parti mid-dannu li l-akkordju kkawża sa fejn kien jirrigwarda dawn ir-rotot immaterjalizza barra miż-ŻEE.

776    L-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex preċiż, huwa arbitrarju u vvizzjat minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni b’hekk naqset milli tidentifika b’mod ċar il-parti tas-servizzi deħlin u ħerġin jew tad-dannu allegati li twettqu barra miż-ŻEE. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi tal-post fejn seħħ dan id-dannu u lanqas tal-post fejn ġew ipprovduti s-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li d-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi deħlin kien ekwivalenti għal dak li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi ħerġin, peress li hija kienet taf li d-dħul li r-rikorrenti kienu jiġġeneraw fuq ir-rotot deħlin kien ferm ogħla minn dak li huma kienu jiġġeneraw fuq ir-rotot ħerġin.

777    Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tinkludi analiżi intiża sabiex tistabbilixxi jekk l-approċċ segwit, li jiddevja mill-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, setax iwassal għal trattament ugwali tat-trasportaturi kollha.

778    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

779    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jidentifikawx bi preċiżjoni l-bejgħ li, fil-fehma tagħhom, “sar barra miż-ŻEE”. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti sostnew li l-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija kien “sar lokalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li l-“kuntatti bejn il-burdnara u t-trasportaturi [kienu] seħħew fil-punt ta’ oriġini” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-rotot, peress li t-trasportaturi jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-burdnara biss jekk huma setgħu jittrasportaw prodotti minn dan il-post.

780    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-punt ta’ oriġini tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija ħerġin jinsab, mid-definizzjoni tiegħu stess, fit-territorju taż-ŻEE. Għall-kuntrarju, il-punt ta’ oriġini tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin jinsab, mid-definizzjoni tiegħu stess, barra mit-territorju taż-ŻEE. Għaldaqstant, ir-riferiment tar-rikorrenti għall-bejgħ li “sar barra miż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandu jinftiehem fis-sens li dan kien jirrigwarda l-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija deħlin.

781    B’dan iċċarat, għandu jitfakkar li l-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jissuġġetta l-inklużjoni tal-valur tal-bejgħ fil-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi tal-impriża kkonċernata għall-kundizzjoni li dan “isir […] b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

782    Il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 għalhekk ma jsemmi la “bejgħ innegozjat” u lanqas “bejgħ iffatturat” ġewwa ż-ŻEE, iżda jirreferi biss għall-“bejgħ li jsir” fiż-ŻEE [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan isegwi li dan il-paragrafu ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tuża l-bejgħ lil klijenti stabbiliti barra miż-ŻEE, u lanqas milli teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ innegozjat jew iffatturat fiż-ŻEE. Inkella, ikun biżżejjed li impriża li tipparteċipa fi ksur tiżgura li tinnegozja l-bejgħ tagħha lis-sussidjarji tal-klijenti tagħha li jinsabu barra miż-ŻEE jew li tiffattura l-bejgħ lilhom sabiex tiżgura li dan il-bejgħ ma jittiħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ multa possibbli, li tkun, għaldaqstant, ħafna inqas sinjifikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il-Kummissjoni, C‑615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punt 55).

783    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ li jsir […] fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jibbażaw fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.406 – Manek Marittimi, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-prattika tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti fiha nnifisha ma sservix bħala qafas legali għall-multi imposti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li dan il-qafas huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida tal‑2006 (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 242 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ li jwasslu għal dik id-deċiżjoni, bħas-swieq, l-oġġetti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, kienu paragunabbli ma’ dawk tal-każ preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

784    Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. Dan l-għan huwa, kif jirriżulta mill-punti 764 sa 766 iktar ’il fuq, li jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multi ammont li jirrifletti, b’mod partikolari, l-importanza ekonomika tal-ksur fis-suq rilevanti, filwaqt li l-valur tal-bejgħ li jsir fir-rigward tal-oġġetti jew tas-servizzi suġġetti għall-ksur jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura xierqa tad-dannu li dan il-ksur ikollu fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

785    Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha, sabiex tiddetermina jekk il-bejgħ “sarx […] fit-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, tagħżel kriterju li jirrifletti r-realtà tas-suq, jiġifieri li huwa l-aħjar biex jidentifika l-konsegwenzi tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE

786    Fil-premessi 1186 u 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tikkalkola l-valur tal-bejgħ, id-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq rotot intra-ŻEE, rotot Unjoni-pajjiżi terzi, rotot Unjoni-Svizzera u rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Kif jirriżulta mill-premessa 1194 ta’ din id-deċiżjoni, il-bejgħ marbut mar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi kien jinkludi kemm il-bejgħ tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ħerġin kif ukoll il-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin.

787    Fl-istess premessa, sabiex tiġġustifika l-inklużjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ dawn is-servizzi fil-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni rreferiet għan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom. B’hekk hija osservat b’mod partikolari li l-ksur uniku u kontinwu kien jirrigwarda l-imsemmija servizzi u li l-“arranġamenti antikompetittivi [setgħu] jkollhom impatt negattiv fuq is-suq intern f’dak li [kien] jikkonċerna[hom]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

788    Issa, kif jirriżulta mill-punti 156 sa 237 iktar ’il fuq u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, kien prevedibbli li l-ksur uniku u kontinwu, inkluż sa fejn kien jirrigwarda r-rotot deħlin, kien ser ikollu effetti sostanzjali u immedjati fuq is-suq intern jew fiż-ŻEE u li għalhekk seta’ joħloq dannu fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Fil-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu rrikonoxxiet li parti mid-“dannu”[traduzzjoni mhux uffiċjali] relatat mal-aġir kontenzjuż fuq ir-rotot ŻEE-pajjiż terz setgħet timmaterjalizza barra miż-ŻEE. Hija enfasizzat ukoll li parti minn dawk is-servizzi ġew ipprovduti barra miż-ŻEE. Għalhekk, hija bbażat ruħha fuq il-paragrafu 37 tal-linji gwida tal-2006 u tat lit-trasportaturi inkriminati tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi.

789    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li l-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi fil-valur tal-bejgħ 50 % tal-valur tal-bejgħ li jsir fuq dawn ir-rotot, dan ikun ifisser li din tal-aħħar tiġi pprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, bejgħ li jaqa’ fil-parametri tal-ksur uniku u kontinwat u li seta’ jkollu dannu fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

790    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan it-tnaqqis ma huwiex ivvizzjat b’illegalità. Kif jirriżulta mill-premessa 1241 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1536 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat l-imsemmi tnaqqis skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, li jawtorizzaha sabiex ma timxix mal-metodoloġija ġenerali esposta fl-istess linji gwida meta l-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell deterrenti f’każ partikolari jiġġustifikaw dan.

791    F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta u fir-rigward tal-metodu magħżul f’dan ir-rigward. Fid-deċiżjoni tagħha, hija għandha tindika l-elementi tal-evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma hija obbligata li tagħti spjegazzjoni iktar iddettaljata jew iċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multa. Madankollu, hija għandha tispjega l-ponderazzjoni u l-evalwazzjoni li hija tkun għamlet tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

792    Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi, bħal f’din il-kawża, li tapplika l-paragrafu 37 tal-linji gwida tal-2006 u b’hekk twarrab il-metodoloġija ġenerali esposta fl-imsemmija linji gwida, li permezz tagħhom hija llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi, l-imsemmija eżiġenza ta’ motivazzjoni hija iktar u iktar meħtieġa. Din il-motivazzjoni trid tkun iktar preċiża peress li l-imsemmi paragrafu jillimita ruħu għal riferiment vag għall-“partikolaritajiet ta’ każ partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u għalhek iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi għal aġġustament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha importanza iktar fundamentali (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 48).

793    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni applikat il-metodoloġija ġenerali tal-linji gwida tal-2006 għal kważi l-istadji kollha tal-kalkolu tal-multa u tbiegħdet minnhom biss abbażi tal-paragrafu 37 tagħhom sabiex tapplika t-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % fuq l-ammont bażiku. Ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li titbiegħed b’dan il-mod mill-metodoloġija ġenerali tal-Linji Gwida tal-2006, li hija kienet segwiet matul l-istadji preċedenti tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, jidhru fil-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif diġà ġie indikat fil-punt 788 iktar ’il fuq, dawn il-premessi jindikaw li parti mis-servizzi inkwistjoni kienet ipprovduta barra miż-ŻEE u li parti mid-“dannu” marbut mal-aġir kontenzjuż fir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi setgħet timmaterjalizza barra miż-ŻEE.

794    Issa, billi ppreċiżat li dawn iċ-ċirkustanzi kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont bażiku għar-rotot kemm deħlin kif ukoll ħerġin, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti l-motivi li huwa bbażat fuqhom it-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u b’hekk ippermettiet lir-rikorrenti jifhmu l-fondatezza tal-metodoloġija użata u lill-Qorti Ġenerali tivverifikaha.

795    F’dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata b’arbitrarjetà. Il-Kummissjoni, fil-fatt, ibbażat l-approċċ tagħha fuq żewġ kriterji oġġettivi (ara l-punt 793 iktar ’il fuq), li barra minn hekk ir-rikorrenti baqgħu ma kkontestawx il-validità tagħhom, jiġifieri, minn naħa, il-postijiet ta’ provvista fiżika tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, il-postijiet ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu li jirriżulta mill-ksur uniku u kontinwu sa fejn jikkonċerna dawn ir-rotot.

796    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ analiżi preċiża ta’ dawn il-postijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tipproċedi b’aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku fuq il-bażi li ż-żewġ kriterji adottati kienu jiġġustifikaw tnaqqis bħal dak mogħti.

797    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li huma għamlu dħul ikbar fuq ir-rotot deħlin milli fuq ir-rotot ħerġin huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, dan l-argument, li jirrigwarda esklużivament is-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura li juri n-natura żbaljata taż-żewġ kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fil-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw b’mod iktar ġenerali s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin u ħerġin u d-dannu kkawżat mill-ksur uniku u kontinwu b’rabta ma’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, l-imsemmi argument jippreżupponi li t-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % jirriżulta mill-premessa li d-dħul mill-bejgħ rilevanti kien imqassam indaqs bejn rotot deħlin u ħerġin, ħaġa li ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata.

798    Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha madankollu taġġusta l-perċentwali ta’ dan it-tnaqqis skont it-tqassim tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull wieħed mit-trasportaturi inkriminati, għandu jitfakkar li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma jistax ikun hemm, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

799    L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ddifferenzjat għat-trasportaturi inkriminati skont it-tqassim tad-dħul mill-bejgħ tagħhom bejn rotot deħlin u ħerġin twassal barra minn hekk sabiex jiġu vvantaġġjati wħud minnhom abbażi ta’ kriterju li huwa irrilevanti fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

800    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-trasportaturi inkriminati li għamlu dħul mill-bejgħ ikbar fuq ir-rotot ħerġin milli fuq ir-rotot deħlin, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries et u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

801    Peress li r-rikorrenti invokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huma għandhom jidentifikaw b’mod preċiż is-sitwazzjonijiet paragunabbli li huma jqisu li fihom ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li huma jqisu li fihom ġew ittrattati b’mod identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il-Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

802    Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti baqgħu ma identifikawx tali sitwazzjonijiet.

803    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tuża 50 % tad-dħul mill-bejgħ li sar fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi, bħala element oġġettiv li jagħti miżura xierqa tad-dannu mill-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kontenzjuż fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni, sakemm kien ir-riżultat tal-bejgħ li għandu rabta maż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 47).

804    Issa, tali rabta teżisti f’dan il-każ fir-rigward tar-rotot deħlin, peress li, kif jirriżulta mill-premessi 1194 u 1241 tad-deċiżjoni kkontestata u kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin huma parzjalment ipprovduti fiż-ŻEE. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 198 iktar ’il fuq, l-imsemmija servizzi huma intiżi preċiżament sabiex jippermettu t-trasport ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi lejn iż-ŻEE. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, parti mill-provvista “fiżika” tagħhom titwettaq skont id-definizzjoni fiż-ŻEE, fejn issir parti mit-trasport ta’ din il-merkanzija u fejn jinżel l-ajruplan tal-merkanzija.

805    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li l-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin kien twettaq fi ħdan iż-ŻEE fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006.

806    Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda u għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta inkludiet fil-valur tal-bejgħ 50 % tad-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin.

3)      Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija pjuttost milli dak tas-sovrataxxi biss

807    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 billi inkludiet fil-valur tal-bejgħ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija li fir-rigward tagħhom hija ma wrietx li kellhom xi relazzjoni mal-ksur uniku u kontinwu. Dawn huma, b’mod partikolari, it-tariffi u s-sovrataxxi minbarra s-STK u s-STS.

808    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

809    Għandu jitfakkar li l-kunċett tal-valur tal-bejgħ, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, jirrifletti l-prezz, eskluża t-taxxa, iffatturat lill-klijent għall-oġġett jew għas-servizz li kien is-suġġett tal-ksur kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 91, u tat-18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il-Kummissjoni, T‑406/08, EU:T:2013:322, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tal-għan segwit mill-paragrafu msemmi, espost fil-paragrafu 6 tal-istess linji gwida, li jikkonsisti f’li jiġi kkonstatat bħala l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u s-sehem relattiv ta’ din l-impriża fih (ara l-punt 764 iktar ’il fuq), il-kunċett tal-valur tal-bejgħ għandu għalhekk jinftiehem li jirreferi għall-bejgħ imwettaq fis-suq ikkonċernat mill-ksur (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il-Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

810    Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tuża l-prezz totali li l-impriża tiffattura lill-klijenti tagħha fis-suq rilevanti tal-oġġetti jew tas-servizzi sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu distinti jew dedotti d-diversi elementi ta’ dan il-prezz skont jekk kinux suġġetti għal koordinazzjoni jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Kühne + Nagel International et vs Il‑Kummissjoni, C‑261/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:56, punt 66 u 67).

811    Issa, kif essenzjalment tirrileva l-Kummissjoni, is-STK u s-STS ma humiex oġġetti jew servizzi distinti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessi 17, 108 u 1187 tad-deċiżjoni kkontestata, is-STK u s-STS huma biss żewġ elementi tal-prezz tas-servizzi inkwistjoni.

812    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont kollu tal-bejgħ marbut mas-servizzi inkwistjoni mingħajr ma taqsam dan l-ammont fil-komponenti tiegħu.

813    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti jwassal sabiex jitqies li l-elementi tal-prezz li ma kinux is-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn it-trasportaturi inkriminati għandhom jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ.

814    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma teżisti l-ebda raġuni valida biex jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ l-inputs li l-ispejjeż tagħhom ma humiex fil-kontroll tal-partijiet fil-ksur allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 91). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-istess japplika għall-elementi tal-prezz li, bħat-tariffi, ma kinux speċifikament is-suġġett ta’ koordinazzjoni, iżda jifformaw parti integrali mill-prezz tal-bejgħ tal-oġġett jew tas-servizz inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 5030).

815    Deċiżjoni differenti jkollha l-konsegwenza li timponi fuq il-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ gross f’ċerti każijiet, iżda li toħodhom inkunsiderazzjoni f’każijiet oħra, skont limitu li jkun diffiċli li jiġi applikat u li jiftaħ il-bieb għal għadd ta’ tilwimiet li ma jispiċċaw qatt u li ma jistgħux jissolvew, inklużi allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 53).

816    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 meta kkonkludiet, fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont sħiħ tal-bejgħ marbut mas-servizzi inkwistjoni, mingħajr il-ħtieġa li dan jinqasam fil-komponenti kostituttivi tiegħu.

817    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-bejgħ li sar fuq rotot mingħajr relazzjoni mal-inċidenti lokali u iżolati li fihom ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’”ammont żgħir ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

818    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni użat il-valur tal-bejgħ “b’relazzjoni ma’ żoni ġeografiċi vasti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minkejja li l-aġir li kienet akkużata bih kien fil-biċċa l-kbira tal-inċidenti lokali u iżolat u li l-iktar l-iktar kienu jikkonċernaw “ammont żgħir ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

819    Ikun saħansitra iktar xieraq li jiġi eskluż bejgħ mhux kopert mill-ksur uniku u kontinwu peress li, minn naħa, ammont żgħir biss ta’ bejgħ kien affettwat mill-aġir kontenzjuż, sa fejn ir-rikorrenti kellhom politika ġenerali li japplikaw l-istess sovrataxxi bħal Lufthansa, skont l-alleanza suġġetta għall-eżenzjoni tal-1996 u, min-naħa l-oħra, l-allegata illegalità ta’ numru ta’ elementi tal-ksur uniku u kontinwu ma ġietx stabbilita. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għar-rotot ŻEE-pajjiżi terzi li għalihom il-Kummissjoni ma evalwatx ir-reġimi regolatorji tal-pajjiżi terzi.

820    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

821    Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet fondata li timputa fuq ir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-ŻEE, Unjoni-pajjiżi terzi, Unjoni-Svizzera u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Minn dan isegwi li l-ksur uniku u kontinwu jkopri dawn ir-rotot kollha u mhux biss “ammont żgħir ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fuqhom ir-rikorrenti kienu allegatament involuti fil-kuntest ta’ inċidenti lokali u iżolati.

822    Il-Kummissjoni setgħet għalhekk, mingħajr ma tikser il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, tinkludi fil-valur tal-bejgħ il-bejgħ li sar fir-rotot kollha intra-ŻEE, ŻEE-pajjiżi terzi, Unjoni-Svizzera u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi.

823    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, u l-kumplament ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu

824    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-paragrafi 19 u 20 tal-linji gwida tal-2006 billi adottat koeffiċjent ta’ gravità li jaqbeż is-16 %. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża inkwistjoni meta ddeterminat il-gravità tal-ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà individwali tar-rikorrenti.

825    L-argument tar-rikorrenti jinqasam, essenzjalment, f’ħames oġġezzjonijiet.

826    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur uniku u kontinwu ma kienx ikopri l-prezz kollu tas-servizzi inkwistjoni, u li l-koordinazzjoni ta’ żewġ elementi (minuri) tal-prezz totali, mingħajr effett ipprovat fuq dan tal-aħħar, hija manifestament inqas gravi mill-koordinazzjoni tal-prezz kollu, b’effetti pprovati fuq is-suq.

827    Fit-tieni lok, il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % applikat mill-Kummissjoni jirrappreżenta bejn 45 u 320 % tal-valur tas-sovrataxxi kkonċernati u b’hekk jaqbeż il-limitu massimu ta’ 30 % previst fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006. Fil-fatt, is-sovrataxxi flimkien kienu jirrappreżentaw bejn 5 u 35 % tal-valur totali tal-bejgħ ikkonċernat fuq bażi annwali bejn Frar 2000 u Frar 2006.

828    Fit-tielet lok, fil-premessa 1199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżumiet, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, li l-ksur uniku u kontinwu kien ħadem “għad-detriment [tal-]klijenti u finalment tal-pubbliku ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

829    Fir-raba’ lok, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent uniku għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ proporzjonalità. It-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti fil-premessa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriflettix bis-sħiħ id-differenza bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik tat-trasportaturi inkriminati l-oħra.

830    Fil-ħames lok, l-aġir tar-rikorrenti seħħ barra mill-grupp ristrett u huwa limitat b’mod ġenerali għal koordinazzjoni konformi mal-ASA f’pajjiżi terzi u għal kooperazzjoni fil-kuntest ta’ alleanzi. Dan l-aġir ma kienx sigriet u, fil-biċċa l-kbira tiegħu, sar pubbliku f’ġurnali jew fuq l-Internet u ġie sottomess lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew ġie approvat minn dawn tal-aħħar.

831    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

832    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur.

833    Il-punti 19 sa 23 tal-linji gwida tal-2006 jipprevedu dan li ġej:

“19.      L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20.      L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

21.      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %

22.      Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’il quddiem jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal‑partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur.

23.      Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l‑limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l‑iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl‑iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

834    Skont il-ġurisprudenza, ftehim orizzontali li permezz tiegħu l-impriżi kkonċernati jiftiehmu mhux fuq il-prezz totali, iżda fuq element tiegħu, jikkostitwixxi ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet, fis-sens tal-paragrafu 23 tal-linji gwida tal‑2006, u għalhekk, huwa fost il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, UTi Worldwide et vs Il‑Kummissjoni, T‑264/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:112, punti 277 u 278).

835    Minn dan isegwi li, kif fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, ftehim bħal dan ġeneralment ikun jistħoqqlu koeffiċjent ta’ gravità li jinsab ’il fuq fl-iskala ta’ 0 sa 30 % imsemmija fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006.

836    Skont il-ġurisprudenza, koeffiċjent ta’ gravità li huwa ferm iktar baxx mil-limitu massimu ta’ din l-iskala huwa favorevoli ħafna għal impriża li tkun parti għal tali ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 125) u tista’ saħansitra tkun iġġustifikata fid-dawl tan-natura proprja tal-ksur (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

837    Issa, fil-premessa 1199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset speċifikament li l-“ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li tirreferi għalihom […] id-deċiżjoni [kkontestata kienu] jikkonċernaw l-iffissar ta’ diversi elementi tal-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

838    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament, fil-premessi 1199, 1200 u 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikat l-aġir kontenzjuż bħala ftehim jew prattika orizzontali fir-rigward tal-prezzijiet, minkejja li ma kienx “ikopri l-prezz sħiħ tas-servizzi inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

839    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet fondata meta kkonkludiet, fil-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi kienu fost il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi u għalhekk kien jistħoqqilhom koeffiċjent ta’ gravità “‘il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

840    Il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa b’mod sinjifikattiv iktar baxx mil-limitu massimu tal-iskala msemmija fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006, jista’ għalhekk jiġi ġġustifikat fid-dawl tan-natura proprja tal-ksur uniku u kontinwu.

841    Madankollu, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 1209 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq in-natura tal-ksur uniku u kontinwu sabiex tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità għal 16 %. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll, f’din id-deċiżjoni, għall-ishma mis-suq kumplessivi tat-trasportaturi inkriminati fuq livell globali u fuq ir-rotot intra-ŻEE u ŻEE-pajjiżi terzi (premessa 1209), għall-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu (premessa 1210) u għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kontenzjużi (premessa 1211).

842    Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fil-kuntest ta’ din il-parti, il-fondatezza ta’ dawn il-fatturi għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità.

843    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % kien illegali.

844    L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jpoġġi indiskussjoni din il-konklużjoni.

845    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura allegatament pubblika tal-aġir tagħhom, għandu jiġi osservat li l-argumenti tagħhom huma infondati kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt. Fid-dritt, għandu jitfakkar li n-natura sigrieta ta’ akkordju hija, ċertament, ċirkustanza li tista’ tenfasizza l-gravità tiegħu. Madankollu, il-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006 ma jissuġġettax il-kwalifika ta’ ksur bħala waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi għas-segretezza. Dan il-punt jindika biss li l-ftehimiet orizzontali dwar l-iffissar tal-prezz, li, min-natura tagħhom stess, huma fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, “huma ġeneralment sigrieti”. Minn dan isegwi li n-natura sigrieta ta’ ksur ma hijiex kundizzjoni indispensabbli sabiex dan jiġi kkwalifikat bħala gravi fis-sens tal-punt 23 tal-linji gwida tal‑2006 u konsegwentement sabiex jiġi ppenalizzat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 252).

846    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dan ġie stabbilit, in-natura sigrieta tal-aġir tar-rikorrenti ma hijiex ta’ tali natura li tikkontesta l-legalità tal-koeffiċjent ta’ gravità applikat fil-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata.

847    Fil-fatt, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma llimitawx ruħhom li jipparteċipaw f’aġir pubbliku. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti pparteċipaw f’aġir sigriet, li ħafna minnu jixhed rieda attiva ta’ ħabi. B’hekk, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal skambju ta’ messaġġi elettroniċi interni ta’ Jannar 2000, fejn impjegat tar-rikorrenti indika lill-kollegi tiegħu biex “ma [j]agħmlux riferiment għal trasportaturi oħra [fi tweġiba għal ittra tal-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Burdnara], għaliex dan jista’ joħloq problema mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-antitrust” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara wkoll il-punt 400 iktar ’il fuq).

848    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw in-nuqqas ta’ effetti pprovati tal-ksur uniku u kontinwu u l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li dan kien ħadem “għad-detriment [tal-]klijenti u finalment tal-pubbliku ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jitfakkar li l-linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171) ipprovdew li, fl-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan seta’ jiġi mkejjel.

849    Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jibqax jidher fil-linji gwida tal-2006, li huma applikabbli f’din il-kawża. Dawn il-linji gwida għalhekk ma jimponux li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq tal-ksur sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat skont il-gravità f’konformità mal-punti 19 sa 24 tal-imsemmija linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 539).

850    Il-ġurisprudenza lanqas ma tobbligaha , tal-inqas fir-rigward ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”.

851    Fil-fatt, il-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi. Fost dawn hemm, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata deterrenti tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (digriet tal‑25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C‑137/95 P, EU:C:1996:130, punt 54, u sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 241).

852    L-effetti fis-suq jistgħu, ċertament, jittieħdu inkunsiderazzjoni fost dawn l-elementi, iżda huma ta’ importanza essenzjali biss fil-preżenza ta’ ftehimiet, ta’ deċiżjonijiet jew ta’ prattiki miftiehma li ma għandhomx bħala għan dirett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li għalhekk jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE biss minħabba l-effetti konkreti tagħhom (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1809).

853    Inkella, il-Kummissjoni, fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, tkun taħt obbligu li skont il-ġurisprudenza stabbilita ma hijiex suġġetta għalih għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

854    Issa, fil-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat l-aġir kontenzjuż bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-“għan”. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, hija għalhekk ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur uniku u kontinwu fuq is-suq.

855    Xorta jibqa’ l-fatt li, jekk il-Kummissjoni tqis opportun, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija ma tistax tillimita ruħha għal li tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-imsemmi suq (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 82).

856    Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, għall-finijiet tal-iffissar tal-multi, li tistabbilixxi li l-ksur inkwistjoni ta vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati, jew li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn applikabbli, in-nuqqas ta’ tali vantaġġ, l-evalwazzjoni tal-qligħ illegali mill-ksur jista’ jkun rilevanti jekk il-Kummissjoni tibbaża ruħha preċiżament fuq dan il-qligħ għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjent tal-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punti 4881 u 4882).

857    Fil-premessa 1199 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi kienu “ta’ benefiċċju għa[t-trasportaturi inkriminati], għad-detriment [tal-]klijenti u finalment tal-pubbliku ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, din ma invokat l-ebda prova insostenn ta’ din il-konstatazzjoni.

858    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-imsemmija konstatazzjoni ma hijiex motiv awtonomu li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur uniku u kontinwu, iżda kunsiderazzjoni fost oħrajn li hija ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ dan il-ksur fil-premessi 1199 sa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, din il-kunsiderazzjoni ma tikkostitwixxix il-bażi neċessarja għall-konklużjoni li tgħid li l-ksur uniku u kontinwu kien intiż għall-iffissar ta’ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija u kien, għalhekk, ta’ natura li jiġġustifika koeffiċjent ta’ gravità li jinsab fil-limitu inferjuri tal-“parti ta’ fuq tal-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali] prevista fil-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006 għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Għaldaqstant, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jpoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur inkwistjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-koeffiċjent ta’ gravità ma kienx iġġustifikat fid-dawl tal-fatturi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 841 u 842 iktar ’il fuq), dan l-argument għandu jiġi miċħud.

859    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-oġġezzjoni li tgħid li l-koeffiċjent ta’ gravità applikat jirrappreżenta bejn 45 u 320 % tal-valur tas-sovrataxxi kkonċernati u jaqbeż il-limitu massimu ta’ 30 % tal-valur tal-bejgħ previst fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ammont tas-sovrataxxi pjuttost milli l-prezz kollu tas-servizzi inkwistjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-valur tal-bejgħ (ara l-punti 809 sa 816 iktar ’il fuq).

860    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ proporzjonalità u tal-allegata ommissjoni mill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, għandu jitfakkar li, fost l-elementi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-vantaġġ li huma setgħu kisbu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip għandu għall-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Roca Sanitario vs Il‑Kummissjoni, C‑636/13 P, EU:C:2017:56, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

861    Madankollu, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ differenzi possibbli bejn l-aġir ta’ impriżi differenti li pparteċipaw fl-istess ksur ma għandux neċessarjament iseħħ waqt l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ gravità, iżda jista’ jseħħ fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-multa, bħal waqt l-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont il-punti 28 u 29 tal-linji gwida tal‑2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Roca vs Il‑Kummissjoni, C‑638/13 P, EU:C:2017:53, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

862    Issa, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità, fil-premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tevalwa l-“fatt li ċerti trasportaturi seta’ kellhom rwol minuri […] bħala ċirkustanza attenwanti possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, hija qieset, fil-premessi 1258 u 1259 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu kienet limitata fil-portata u, konsegwentement, tathom tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

863    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha raġun li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu anki fl-istadju tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis tal-ammont ta’ 10 % li bbenefikaw minnu ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti kienx suffiċjenti, dan jikkoinċidi mal-ħames parti ta’ dan il-motiv u ser jiġi eżaminat fil-kuntest tagħha.

864    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq it tielet parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu

865    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li wettqet żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur.

866    L-argument li jinvokaw ir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti jikkoinċidi ma’ dak li huma jinvokaw insostenn tat-tielet motiv. Issa, kif jirriżulta mill-punti 353 sa 358 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa infondat.

867    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji fiż-żieda tal-ammont bażiku minħabba reċidiva

868    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq SAS Consortium u fuq SAS Cargo, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li SAS Consortium kienet destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/716/KE tat-18 ta’ Lulju 2001 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP.D.2 37.444 – SAS vs Maersk Air u l-Każ COMP.D.2 37.386 – Sun-Air vs SAS u Maersk Air) (ĠU 2001, L 265, p. 15).

869    Skont ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni 2001/716, minn naħa, tikkonċerna ksur li la huwa identiku u lanqas simili għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġġustifika żieda fl-ammont tal-multa fir-rigward tal-aġir preċedenti għat-18 ta’ Lulju 2001, id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/716.

870    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li fl-2002 irċevew assigurazzjonijiet mingħand l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni, li jgħidu li l-awtoritajiet tal-Unjoni ma humiex f’pożizzjoni li jintervjenu kontra tariffi tat-trasport tal-merkanzija approvati jew ikkoordinati minn awtoritajiet pubbliċi u applikabbli għar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni, permezz tal-prassi deċiżjonali tagħha, ħeġġet il-ħolqien ta’ alleanzi bejn trasportaturi li jinkludu koordinazzjoni tal-prezzijiet.

871    Hekk kif jirriżulta mill-punt 28 tal-linji gwida tal‑2006 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva hija kkaratterizzata mit-twettiq jew mir-repetizzjoni, minn impriża, ta’ ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni tkun ikkonstatat li din l-impriża kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

872    Skont il-ġurisprudenza, ksur huwa simili, jew tal-istess tip, għall-finijiet sabiex tiġi stabbilita konstatazzjoni ta’ reċidiva, jekk it-tnejn ikunu jikkonsistu fi ksur tal-istess dispożizzjonijiet tat-TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, EU:T:2007:380, punt 64; tas-6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu u Luvata vs Il-Kummissjoni, T‑122/04, EU:T:2009:141, punt 56, u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 147).

873    It-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva mill-Kummissjoni jissodisfa r-rekwiżit li jiġi ssanzjonat il-ksur ripetut tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-istess impriża (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 61), u huwa intiż biex jinkoraġġixxi lill-impriżi li jkunu wrew tendenza li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni sabiex jibdlu l-aġir tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 39).

874    Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 38). Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw it-tendenza tal-impriża inkwistjoni li tevadi r-regoli tal-kompetizzjoni fosthom, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 39). Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tiksirx il-limiti ta’ din is-setgħa billi tikkonstata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva f’każ fejn it-tieni ksur, li beda qabel ma ġie kkonstatat l-ewwel ksur, fil-parti l-kbira ma seħħx qabel din il-konstatazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punti 394 sa 396).

875    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata din il-parti.

876    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ xebh bejn il-ksur uniku u kontinwu u l-akkordju ta’ tqassim tas-swieq issanzjonat mid-Deċiżjoni 2001/716, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ azzjonijiet ta’ ksur it-tnejn jikkonċernaw akkordju orizzontali li l-Kummissjoni qieset li jikser l-Artikolu 101 TFUE. Konsegwentement, dan il-ksur għandu jitqies li huwa simili għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ reċidiva.

877    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/503/KE tad-29 ta’ Settembru 2004 dwar proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/C.37.750/B2 – Brasseries Kronenbourg – Brasseries Heineken) (ĠU 2005, L 184, p. 57), invokata mir-rikorrenti, fejn il-Kummissjoni qieset li ftehim preċedenti dwar il-prezzijiet ma kienx tal-istess tip bħall-ftehim ta’ armistizju inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni fiha nnifisha ma sservix bħala qafas legali għall-multi imposti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li dan il-qafas huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida tal-2006 u li, fi kwalunkwe każ, ma ntweriex li l-fatti tal-kawża li wasslu għal din id-deċiżjoni kienu paragunabbli ma’ dawk tal-kawża preżenti.

878    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tiddistingwi u teskludi, fl-applikazzjoni taż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku minħabba reċidiva, il-perijodu tal-ksur uniku u kontinwu li ppreċeda l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/716, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 871 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva tkopri l-każ fejn it-tieni ksur jiġi segwit wara l-ewwel konstatazzjoni ta’ ksur, li jippreżupponi li dan beda qabel din il-konstatazzjoni. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li l-parteċipazzjoni ta’ SAS Consortium u ta’ SAS Cargo fil-ksur uniku u kontinwu bdiet, rispettivament, mit-13 ta’ Diċembru 1999 u mill-1 ta’ Ġunju 2001, jiġifieri qabel it-18 ta’ Lulju 2001, id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/716.

879    Sussegwentement, fil-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet fondata, fl-evalwazzjoni tal-karatteristiċi tar-reċidiva, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti f’dan il-każ kienu komplew bi ksur simili għal kważi ħames snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/716. Minn naħa, din iċ-ċirkustanza turi li l-parti l-kbira tal-ksur uniku u kontinwu seħħet wara u mhux qabel l-ewwel konstatazzjoni ta’ ksur, u b’hekk tiddistingwi l-fatti tal-każ minn dawk inkwistjoni fis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni (T‑141/94, EU:T:1999:48), invokata mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija tafferma t-tendenza tar-rikorrenti li ma jisiltux il-konklużjonijiet xierqa minn konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punt 727).

880    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 28 tal-linji gwida tal-2006 ma jagħmilx distinzjoni, fir-rigward tal-metodu ta’ żieda minħabba reċidiva, skont jekk ir-reċidiva tikkonsistix fir-repetizzjoni jew fit-tkomplija ta’ ksur, u jippreċiża biss li “l-ammont bażiku ser jiżdied b’sa 100 % għal kull ksur ikkonstatat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Billi applikat koeffiċjent ta’ żieda minħabba reċidiva għall-ammont bażiku meħud fl-intier tiegħu, il-Kummissjoni b’hekk ikkonformat ruħha mar-regoli ta’ kondotta indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha u li, fil-prinċipju, hija ma tistax titbiegħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 60). Min-naħa l-oħra, għalkemm il-punt 28 tal-linji gwida tal-2006 ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi aġġustata l-bażi taż-żieda minħabba reċidiva sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-parti relatata mal-perijodu tal-ksur li tippreċedi l-ewwel konstatazzjoni tal-ksur, dan ma jipprekludix lir-rata ta’ żieda milli tirrifletti, fiha nnifisha, tali teħid inkunsiderazzjoni.

881    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kif imfakkar b’mod partikolari fil-punt 879 iktar ’il fuq, ir-reġim dwar ir-reċidiva fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur simili (ara l-punti 878 u 880 iktar ’il fuq) u l-ħtieġa ta’ deterrent li ssostni l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva (ara l-punt 873iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta applikat żieda ta’ 50 % fuq l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq SAS Cargo u SAS Consortium.

882    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li insostenn tiegħu huma ma jressqu l-ebda argument.

883    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-garanziji rċevuti mill-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni. Dan l-argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tat-tielet motiv (il-punt 682 iktar ’il fuq).

884    Fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-alleanzi bejn trasportaturi li jinkludu koordinazzjoni tal-prezzijiet, għandu jitfakkar li l-aġir attribwit lir-rikorrenti ma kienx jaqa’ esklużivament fil-kuntest tas-segwitu tal-għanijiet leġittimi tad-diversi alleanzi li huma kienu jappartjenu għalihom. L-aġir li kien jirrigwarda tali għanijiet, minbarra dak deskritt fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ġiex invokat kontra r-rikorrenti (ara l-punt 332 iktar ’il fuq).

885    Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

886    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha l-elementi rilevanti kollha taċ-ċirkustanzi attenwanti u billi tathom tnaqqis tal-ammont tal-multa insuffiċjenti abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti li ħadet inkunsiderazzjoni. Ir-rikorrenti jfakkru li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kienet limitata, li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi kienet, f’bosta każijiet, imposta mis-sistemi regolatorji ta’ pajjiżi terzi, li l-alleanzi bejn it-trasportaturi kienu prattika mħeġġa mill-Kummissjoni u li d-deċiżjoni tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni tal-2002 ħolqot aspettattiva leġittima li tgħid li l-osservanza mir-rikorrenti tal-ASA f’pajjiżi terzi ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

887    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

888    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 27 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jwasslu għal żieda jew għal tnaqqis tal-ammont bażiku, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

889    Il-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti. Dan il-paragrafu jistabbilixxi, b’mod indikattiv u mhux limitattiv, ħames tipi ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fosthom in-natura sostanzjalment imnaqqsa tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur u l-awtorizzazzjoni jew l-inkoraġġiment tal-aġir antikompetittiv kontenzjuż mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.

890    Min-naħa, fil-premessa 1263 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ebda qafas leġiżlattiv ma kien jobbliga lit-trasportaturi inkriminati jiftiehmu dwar it-tariffi tagħhom. Madankollu, hija qieset, fil-premessi 1264 u 1265 tal-imsemmija deċiżjoni, li ċerti oqsfa regolatorji setgħu jinkoraġġixxu lit-trasportaturi inkriminati jadottaw aġir antikompetittiv u, konsegwentement, tathom tnaqqis ta’ 15 %, f’konformità mal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006.

891    Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li r-rikorrenti jidderiġu kontra din l-evalwazzjoni huma l-istess bħal dawk li żviluppaw insostenn tas-sitt parti tat-tielet motiv (ara l-punti 505 sa 507 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti jsostnu, fil-fatt, li t-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % kellu jkun ikbar, għar-raġuni li “[l]-liġijiet u l-prattiki amministrattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-pajjiżi inkwistjoni “iktar milli sempliċement ‘ħeġġew’ il-koordinazzjoni tas-sovrataxxi: f’ħafna każijiet imponewha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

892    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjonijiet rilevanti jew ħeġġew l-aġir kontenzjuż fuq ir-rotot ŻEE-pajjiżi terzi, f’liema każ tnaqqis tal-ammont tal-multa jista’ jiġi ġġustifikat skont il-paragrafu 29 tal-Linji Gwida tal‑2006 (ara l-punti 888 u 889 iktar ’il fuq), jew eżiġewh, f’liema każ ma seta’ jiġi stabbilit l-ebda ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u lanqas ma setgħet tiġi imposta ebda sanzjoni fir-rigward tal-aġir imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, EU:C:1997:531, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

893    Issa, sa fejn ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li bosta reġimi leġiżlattivi kienu jeżiġu koordinazzjoni, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn, li kieku kien fondat, kien jivvizzja l-konstatazzjoni ta’ ksur, u mhux l-applikazzjoni tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, li huwa s-suġġett f’din il-parti.

894    Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq analiżi żbaljata tar-reġimi leġiżlattivi inkwistjoni. Kif ġie kkonstatat fil-punti 509 sa 563 iktar ’il fuq, ħlief fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-STK fit-Tajlandja bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti naqsu milli jistabbilixxu li l-aġir tagħhom fil-pajjiżi terzi kien ir-riżultat ta’ pressjoni statali. Fir-rigward tal-imsemmija koordinazzjoni, ir-rikorrenti stabbilixxew l-eżistenza ta’ pressjoni statali. Din il-koordinazzjoni għalhekk ma taqax taħt il-ksur uniku u kontinwu u, konsegwentement, ma tistax tiġi imposta sanzjoni fuq ir-rikorrenti. Konsegwentement, din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala parti miċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-effett tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi fuq l-aġir tagħhom.

895    Fir-rigward tar-riferiment mir-rikorrenti għad-Deċiżjoni C(2008) 5955 finali tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2008 dwar proċedura taħt l-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/39.188 – Banana), huwa suffiċjenti li jitfakkar li s-sempliċi fatt li l-Kumissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir speċifiku ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess tnaqqis fl-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, EU:T:2009:142, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multi mogħti f’dik il-kawża l-oħra.

896    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ffissat it-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %.

897    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1258, 1259, 1268, 1271, 1274, 1278 u 1279 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ir-rwol allegatament passiv li kellhom fil-ksur uniku u kontinwu, fuq l-aspettattiva leġittima li huma siltu minn deċiżjoni tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni tal-2002 u fuq in-natura illimitata tal-effetti u tal-implimentazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti, lil Air Canada u lil Lan Cargo tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba l-involviment sostanzjalment limitat tagħhom f’dan il-ksur.

898    Ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-evalwazzjonijiet huma vvizzjati bi tliet żbalji, li l-Qorti Ġenerali ser teżaminahom suċċessivament.

899    L-ewwel nett, fir-rigward tal-portata insuffiċjenti tat-tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, għandu jitfakkar li, fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura limitata tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu tar-rikorrenti, ta’ Lan Airlines u ta’ Air Canada, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn “ma kinux ipparteċipaw fl-elementi kollha tal-[imsemmi] ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

900    Il-grad ta’ parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu tar-rikorrenti, ta’ Lan Airlines u ta’ Air Canada huwa deskritt fil-premessi 882 u 883 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn il-premessi, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, Lan Airlines u Air Canada kienu pparteċipaw direttament f’wieħed jew tnejn biss mit-tliet komponenti tal-ksur uniku u kontinwu, iżda li setgħu wkoll jinżammu responsabbli għal dawk li ma kinux ipparteċipaw fihom direttament, minħabba li kienu jafu bihom jew setgħu raġonevolment jipprevedu dan il-ksur u kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju għalih.

901    Issa, fil-punti 698 sa 712 iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-Kummissjoni żbaljat meta imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset f’livell għoli wisq il-grad tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu u, għaldaqstant, ivvizzjat b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata billi ma tathomx tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ogħla minn 10 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu.

902    It-tieni, fir-rigward tal-argument dwar il-prassi deċiżjonali intiża li teżenta lill-alleanzi bejn it-trasportaturi, dan diġà ġie eżaminat u miċħud fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 367 u 368 iktar ’il fuq).

903    It-tielet, fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti siltu minn deċiżjoni tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni tal-2002, din diġà ġiet eżaminata u miċħuda fil-punt 682 iktar ’il fuq.

904    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda, mingħajr preġudizzju għall-iżball ikkonstatat fil-punt 901 fir-rigward tat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu.

905    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr preġudizzju għall-iżball ikkonstatat fil-punt 901 iktar ’il fuq kif ukoll għall-iżball ikkonstatat fil-punt 774 fir-rigward tal-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul miksub mis-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija li r-rikorrenti kienu wettqu fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera.

906    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandhom jintlaqgħu is-sitt parti tat-tielet motiv sa fejn din tirrigwarda r-rotot li joriġinaw mit-Tajlandja u jintemmu fiż-ŻEE bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 fir-rigward tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK, id-disa’ parti tat-tielet motiv sa fejn din tirrigwarda r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, l-ewwel parti tal-ħames motiv sa fejn din tirrigwarda l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul relatata mar-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera u l-ħames parti tal-ħames motiv sa fejn il-Kummissjoni ma tatx tnaqqis tal-ammont bażi tal-multa ta’ iktar minn 10 % abbażi tal-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

907    Konsegwentement, l-Artikolu 1(1)(o), (p) u (q), (2)(o) u (p), (3)(o) u (p), u (4)(o), (p) u (q) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jikkonstataw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Għandhom jiġu annullati wkoll l-Artikolu 1(2)(o) u (p) u (3)(o) u (p) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonstataw ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq rotot li jitilqu mit-Tajlandja u jintemmu fiż-ŻEE bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 fir-rigward tal-komponent relatat mas-STK.

908    Madankollu, ma jistax jitqies li dawn l-illegalitajiet huma tali li jimplikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta imputat lil SAS u lil SAS Cargo il-ksur uniku u kontinwu fil-komponent tiegħu relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet kif ukoll fuq ir-rotot li jitilqu mit-Tajlandja u jintemmu fiż-ŻEE fir-rigward tal-komponent relatat mas-STK bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006, għandu jiġi kkonstatat li ma ntweriex, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkonstatat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-imsemmi ksur.

909    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(n) sa (r) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, sa fejn jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, minn naħa, tnaqqis ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ, tad-dħul miksub mis-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li r-rikorrenti kienu pprovdew fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera.

910    Il-kumplament tat-talbiet għall-annullament għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq it-talbiet għall-modifika tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

911    Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

912    Preliminarjament, mir-rikors jirriżulta li, essenzjalment, ir-rikorrenti jfittxu li jinvokaw, insostenn tat-talbiet preżenti, l-argumenti kollha mqajma insostenn tal-ħames motiv fit-talbiet tagħhom għal annullament u jitolbu lill-Qorti Ġenerali tislet l-effetti xierqa mill-iżbalji li hija kkonstatat fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu.

913    L-ewwel erba’ argumenti jikkonċernaw il-valur tal-bejgħ (l-ewwel parti tal-ħames motiv):

–        permezz tal-ewwel argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dħul mis-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li huma kienu pprovdew fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera ma jistax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

–        permezz tat-tieni argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma jistax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

–        permezz tat-tielet argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur tas-sovrataxxi u mhux il-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija;

–        permezz tar-raba’ argument tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Kummissjoni inkludiet fil-valur tal-bejgħ id-dħul minn rotot mingħajr relazzjoni mal-akkordju kontenzjuż.

914    Il-ħames sad-disa’ argumenti jikkonċernaw il-koeffiċjent tal-gravità (it-tieni parti tal-ħames motiv):

–        permezz tal-ħames argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kontenzjuż huwa inqas gravi u inqas dannuż minn koordinazzjoni tal-prezz sħiħ;

–        permezz tas-sitt argument tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-koeffiċjent tal-gravità ta’ 16 % jirrappreżenta bejn 45 u 320 % tal-valur tas-sovrataxxi;

–        permezz tas-seba’ argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kontenzjuż ma sarx għad-detriment tal-pubbliku ġenerali;

–        permezz tat-tmien argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-koeffiċjent tal-gravità uniku ta’ 16 % ma jindividwalizzax suffiċjentement is-sitwazzjoni tagħhom;

–        permezz tad-disa’ argument tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir li ħadu sehem fih kien pubbliku u ġeneralment konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiżi terzi.

915    Permezz tal-għaxar argument tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju ma bdietx fit‑13 ta’ Diċembru 1999 (it-tielet parti tar-raba’ u tal-ħames motivi).

916    Permezz tal-ħdax-il argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ reċidiva (ir-raba’ parti tal-ħames motiv).

917    It-tnax sal-ħmistax-il argument li r-rikorrenti jinvokaw insostenn ta’ dawn it-talbiet jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi attenwanti:

–        permezz tat-tnax-il argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni illimitata tagħhom fl-akkordju kontenzjuż;

–        permezz tat-tlettax-il argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-koordinazzjoni tas-sovrataxxi kienet, f’ħafna każijiet, imposta mir-reġimi regolamentari ta’ pajjiżi terzi;

–        permezz tal-erbatax-il argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-alleanzi bejn it-trasportaturi kienu prattika mħeġġa mill-Kummissjoni;

–        permezz tal-ħmistax-il argument tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni tal-2002 ħolqot aspettattiva leġittima li l-osservanza mir-rikorrenti tal-ASA f’pajjiżi terzi ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

918    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti u titlob li l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 % u tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % jiġu rtirati fir-rigward tar-rikorrenti fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ;

919    Fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-istħarriġ tal-legalità huwa ssuplimentat mill-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, f’konformità mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti tal-Unjoni, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

920    Dan l-eżerċizzju jippreżupponi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, f’konformità mal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-Qorti tal-Unjoni tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal eżami ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi tal-ordni pubbliku li l-Qorti għandha teżamina ex officio, hija għalhekk ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u tipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64).

921    Għalhekk, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika l-elementi kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata, tifformula lmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji partikolarment konvinċenti, intiżi li juru li l-ilmenti tagħha huma fondati (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 65).

922    Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jikkonċerna l-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, min-naħa tagħha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 82).

923    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u n-natura tal-ksur kontenzjuż (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 89) u li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C–534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86), inkluża, skont il-każ, informazzjoni addizzjonali li ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas–16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, EU:C:2000:630, punt 57, u tat–12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il-Kummissjoni, T‑132/07, EU:T:2011:344, punt 209).

924    F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet insostenn ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ammont tal-multa li hija tqis l-iktar xieraq, fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet għal annullament u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti.

925    Il-Qorti Ġenerali tqis li ma huwiex xieraq, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, li titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u li fir-rigward tiegħu hija qatt qabel ma ddeterminat li huwa vvizzjat minn illegalità, kif jirriżulta mill-eżami tal-ħames motiv. Għalkemm hija l-Qorti, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u n-natura tal-ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax jirriżulta, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti, f’diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jistgħu jittieħdu mil-linji gwida, b’mod ġenerali, jistgħu jkunu ta’ gwida għall-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw din il-kompetenza, peress li dawn il-linji gwida ġew applikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra ssanzjonati mid-deċiżjoni li huma għandhom ikunu jafu biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

926    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li tippreċiża l-Kummissjoni fit-tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Jannar, fit-2 ta’ Marzu u fit-12 ta’ April 2021, li l-Kummissjoni qieset li t-total tal-valur tal-bejgħ kien jammonta għal EUR 17 739 806 għal SAS Consortium u għal EUR 238 196 616 għal SAS Cargo u SAS. Dawn il-valuri jinkludu d-dħul ta’ EUR 262 084 minn rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera, li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 768 sa 774 iktar ’il fuq li dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu. Dak id-dħul għalhekk għandu jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ, f’konformità mal-ewwel argument tar-rikorrenti.

927    Għall-perijodu tal-ksur meħud inkunsiderazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti li seħħ qabel Mejju 2004, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jittieħdu bħala bażi, fuq ir-rotot intra-ŻEE u fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera, valuri tal-bejgħ li jammontaw, rispettivament, għal EUR 17 112 706 u għal EUR 627 100, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-Istati li kienu diġà partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE jew membri tal-Unjoni qabel Mejju 2004.

928    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tielet argument, li jirrigwarda l-inklużjoni tal-prezz sħiħ tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija fil-valur tal-bejgħ, jirreferi għat-tielet oġġezzjoni mqajma fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv li r-rikorrenti invokaw insostenn tat-talbiet għal annullament. Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet din l-oġġezzjoni fil-punti 807 sa 817 iktar ’il fuq u xejn fl-argumentazzjoni invokata mir-rikorrenti insostenn tagħha ma jippermetti li jitqies li l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-prezz kollu tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija kienet ta’ natura li twassal biex jittieħed inkunsiderazzjoni valur tal-bejgħ mhux xieraq. Għall-kuntrarju, li jiġu esklużi mill-valur tal-bejgħ l-elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija li ma humiex sovrataxxi jwassal biex tiġi mminimizzata artifiċjalment l-importanza ekonomika tal-ksur uniku u kontinwu.

929    Fir-rigward tat-tieni argument, li jirrigwarda l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin, għandu jiġi osservat li dan jirreferi għat-tieni oġġezzjoni mqajma fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv li r-rikorrenti invokaw insostenn tat-talbiet għal annullament. Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet din l-oġġezzjoni fil-punti 775 sa 806 iktar ’il fuq u xejn fl-argumentazzjoni invokata insostenn tagħha ma juri li l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija deħlin kienet ta’ natura li twassal biex jittieħed inkunsiderazzjoni valur tal-bejgħ mhux xieraq. Għall-kuntrarju, l-esklużjoni mill-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin kienet tipprevjeni l-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti ta’ multa li kienet miżura xierqa tad-dannu li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kontenzjuż kellha fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236).

930    Fir-rigward tar-raba’ argument, li jirrigwarda l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ ta’ dħul minn rotot mhux relatati mal-akkordju kontenzjuż, dan huwa bbażat, kif jirriżulta mill-eżami tat-talbiet għal annullament (ara l-punti 818 sa 822 iktar ’il fuq), fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-Kummissjoni ma setgħetx timputa lir-rikorrenti responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu fuq rotot intra-ŻEE, Unjoni-pajjiżi terzi, UE-Svizzera u ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud.

931    Dan stabbilit, mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsija li saritilha mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ April 2021 jirriżulta li l-valuri tal-bejgħ imsemmija fil-punti 926 u 927 iktar ’il fuq jeskludu d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti mir-rotot operati esklużivament ġewwa, rispettivament, id-Danimarka, l-Isvezja u n-Norveġja (iktar ’il quddiem ir-“rotot interni”).

932    Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar il-kompatibbiltà ta’ tali esklużjoni mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, li skont il-ġurisprudenza sussegwenti għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, id-dħul eskluż imsemmi fil-punt 931 iktar ’il fuq effettivament jaqa’ taħt il-bejgħ imwettaq b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur fis-sens ta’ dan il-paragrafu. Min-naħa l-oħra, hija indikat li kien possibbli li tali “bejgħ intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kienx tnaqqas mill-valur tal-bejgħ applikat għat-trasportaturi inkriminati l-oħra, sa fejn hija ma kinitx stiednet lil dawn tal-aħħar jagħmlu dan, matul il-proċedura amministrattiva, meta hija interrogathom dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, u sa fejn dawn it-trasportaturi, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti, ma kinux semmew fir-risposti tagħhom l-għażla tagħhom li jeskludu l-imsemmi “bejgħ intern”.

933    Madankollu, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fuq ir-rotot interni fil-kuntest tal-eżerċizzju, jekk ikun il-każ, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, peress li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti tibqa’ xierqa u proporzjonata inkluż billi tnaqqas dan id-dħul mill-bejgħ. Barra minn hekk, it-trasportaturi inkriminati l-oħra li eventwalment inkludew tali bejgħ intern fid-dħul mill-bejgħ ikkomunikat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ma jistgħux jibbenefikaw minn illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

934    Mistiedna jirreaġixxu għat-tweġibiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostnew, bħall-Kummissjoni, li ma kellux jiġi integrat mill-ġdid fil-valuri tal-bejgħ tagħhom id-dħul mill-bejgħ fuq ir-rotot interni. Minn naħa, ma hemmx inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dan għad-detriment tat-trasportaturi inkriminati l-oħra, peress li dawn tal-aħħar, li ma kinux semmew it-twettiq ta’ “bejgħ intern” matul il-proċedura amministrattiva, ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija biss il-kooperazzjoni bilaterali eżenti ma’ Lufthansa li kellha “influwenza” fuq is-servizzi li huma kienu joperaw fuq ir-rotot interni. Barra minn hekk, l-appellanti jinvokaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija b’rabta mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1959 finali tat-28 ta’ Marzu 2012 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39462 – Spedizzjoni tal-Merkanzija).

935    F’din il-kawża, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lit-trasportaturi inkriminati responsabbli għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE. B’differenza mill-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu, li jirrigwardaw rotot li neċessarjament għandhom natura internazzjonali, il-formulazzjoni tal-paragrafu 1 għandha tinftiehem bħala li tkopri kull rotta mwettqa bejn ajruporti, sakemm il-punt ta’ oriġini kif ukoll il-punt ta’ destinazzjoni jkunu jinsabu fiż-ŻEE. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(1) jirrigwarda aġir li jseħħ kemm fuq rotot bejn Stati Membri jew partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE kif ukoll fuq ir-rotot operati fi Stat Membru wieħed biss jew f’parti kontraenti waħda biss.

936    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul mill-bejgħ magħmul mit-trasportaturi inkriminati fuq ir-rotot operati fi Stat Membru wieħed biss jew f’parti kontraenti waħda biss jaqa’ manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu, u ma tkunx saret evalwazzjoni ġusta tal-importanza ekonomika tiegħu u tar-rwol ta’ kull trasportatur inkriminat f’dan ir-rigward jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni dan id-dħul mill-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

937    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għal informazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet lit-trasportaturi inkriminati matul il-proċedura amministrattiva u li permezz tagħhom hija kellha t-tendenza, b’mod partikolari, li tikseb id-dħul mill-bejgħ tagħhom fuq ir-rotot intra-ŻEE, jagħmlu riferiment għar-“rotot li għalihom l-ajruporti ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni kienu t-tnejn li huma ġewwa ż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ma ġie ppreċiżat li dawn ir-rotot kienu neċessarjament transkonfinali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 1197 tagħha li, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ, id-“dħul mill-bejgħ [intra-ŻEE] li sar fi ħdan [18 minn 28] pajjiż li kienu partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE f’dak iż-żmien” u d-“dħul mill-bejgħ [Unjoin-Svizzera huwa] mwettaq fuq ir-rotot bejn [15 minn 25] Stat Membru f’dak iż-żmien u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-użu tal-kliem “fi ħdan” f’każ u tal-kelma “bejn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-ieħor juri l-intenzjoni tal-Kummissjoni, fl-ewwel każ, li ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-rotot interni u r-rotot transkonfinali, għaliex kieku kienet tindika li d-dħul mill-bejgħ intra-ŻEE kien minn rotot “bejn” il-partijiet kontraenti.

938    L-interpretazzjoni preċedenti tirrifletti l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif mifhuma mit-trasportaturi inkriminati, kif ikkorroborat mill-fatt li r-rikorrenti sostnew espressament, matul il-proċedura amministrattiva, li l-bejgħ li sar fuq ir-rotot interni kellu jiġi eskluż mill-valur tal-bejgħ tagħhom mir-rotot intra-ŻEE. Fil-fatt, din it-talba għall-esklużjoni tar-rotot interni tagħmel sens biss jekk, fil-prinċipju, huwa aċċettat li r-rotot intra-ŻEE jinkluduhom.

939    Minn dan isegwi li d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mit-trasportaturi inkriminati fuq rotot intra-ŻEE fi ħdan parti kontraenti waħda biss ma ġiex inkluż fil-valur tal-bejgħ bi żball, kif issostni l-Kummissjoni. Dan id-dħul mill-bejgħ kien inkluż fl-elementi mitluba mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, kien inkluż fil-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-metodoloġija li segwiet, u kien jirrifletti l-portata ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

940    Għaldaqstant, bil-għan ukoll li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn it-trasportaturi inkriminati li ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa importanti li l-Qorti Ġenerali ddaħħal, fil-valuri tal-bejgħ imsemmija fil-punti 926 u 927 iktar ’il fuq, id-dħul mill-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fuq ir-rotot interni, li jammonta għal EUR 7 991 282.

941    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur uniku u kontinwu jistħoqqlu koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 %.

942    Il-ħames sad-disa’ argumenti ma jurux il-kuntrarju. Dawn l-argumenti essenzjalment jirreferu għall-oġġezzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv li r-rikorrenti qajmu insostenn tat-talbiet għal annullament. Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet din il-parti fil-punti 824 sa 864 iktar ’il fuq u xejn ma jsostni l-fehma li dawn l-argumenti jiġġustifikaw koeffiċjent ta’ gravità ta’ inqas minn 16 %.

943    Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ allegati effetti tal-ksur uniku u kontinwu fuq il-pubbliku ġenerali, li jirreferi għalih is-seba’ argument invokat insostenn ta’ dawn it-talbiet, għandu jiżdied li l-ammont ta’ multa ma jistax jitqies bħala mhux xieraq biss għaliex ma jirriflettix id-dannu ekonomiku li jkun ġie jew li seta’ ġie kkawżat mill-allegat ksur (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il-Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 287). Dan l-argument għalhekk ma jiġġustifikax tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità.

944    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-koeffiċjent tal-gravità għandu jitnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-koordinazzjoni relatata mas-STK fuq ir-rotot li telqu mit-Tajlandja u li ntemmu fiż-ŻEE bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006 ma kisritx l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-STK. Minn dan jirriżulta, fil-fatt, tnaqqis fil-portata tal-imsemmi komponent. Sa fejn dan it-tnaqqis huwa ta’ tul limitat u ma jikkonċernax it-titjiriet li jitilqu miż-ŻEE u jintemmu fit-Tajlandja, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa suffiċjenti li jitnaqqas il-koeffiċjent ta’ gravità minn 16 % għal 15,7 % sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni.

945    Fir-rigward tal-ammont addizzjonali, għandu jitfakkar li l-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 jipprevedi li, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ, sabiex isservi bħala deterrent għall-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni. Dan il-paragrafu jispeċifika li, sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-paragrafu 22 tal-istess linji gwida. Dawn il-fatturi huma dawk li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità u jinkludu n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq kumplessiv tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur ġiex implimentat jew le.

946    Minn dan, il-Qorti tal-Unjoni ddeduċiet li, anki jekk il-Kummissjoni ma tesponix motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat fir-rigward tal-ammont addizzjonali, is-sempliċi riferiment għall-analiżi tal-fatturi użati sabiex tiġi evalwata l-gravità kien suffiċjenti f’dan ir-rigward (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il-Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 264).

947    Fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-“perċentwal li għandu jiġi applikat għall-ammont addizzjonali [kellu] jkun ta’ 16 %” fid-dawl taċ-“ċirkustanzi speċifiċi tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tal-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat il-koeffiċjent ta’ gravità.

948    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-motivi msemmija fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punt 944 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li ammont addizzjonali ta’ 15,7 % huwa xieraq.

949    Fl-aħħar nett, għandu jiġi applikat il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont addizzjonali applikat għal kull waħda mit-tliet rikorrenti, kif jirriżulta mill-premessi 1221 sa 1229 tad-deċiżjoni kkontestata.

950    Barra minn hekk, mill-premessi 1214 sa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, il-fatturi ta’ multiplikazzjoni li ġejjin:

–        4 u 5/12 għal SAS, 4 u 8/12 għal SAS Cargo u 4 għal SAS Consortium fuq ir-rotot intra-ŻEE;

–        1 u 9/12 għal SAS u SAS Cargo fuq ir-rotot Unjoni-pajjiżi terzi;

–        3 u 8/12 għal SAS u SAS Cargo u 1 u 6/12 għal SAS Consortium fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera;

–        8/12 għal SAS u SAS Cargo fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiż terz.

951    Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat l-ebda żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi miċħud l-għaxar argument u għandhom jiġu applikati l-fatturi ta’ multiplikazzjoni stabbiliti fil-punt preċedenti.

952    Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ffissat għal EUR 19 953 394.43 fir-rigward ta’ SAS Consortium, EUR 92 200 925.36 fir-rigward ta’ SAS Cargo u EUR 93 345 061.65 fir-rigward ta’ SAS.

953    Fir-rigward tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, it-talba tal-Kummissjoni li jiġi rtirat il-benefiċċju tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’. Kif jirriżulta mir-risposta, din it-talba tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali tqis li d-dħul mill-bejgħ minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin ma setax jiġi inkluż fil-valuri tal-bejgħ. Issa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan fil-punt 929 iktar ’il fuq.

954    Konsegwentement, l-ammont bażiku, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, li japplika biss għall-ammont bażiku sa fejn jikkonċerna r-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi u r-rotot Unjoni-pajjiżi terzi (ara l-premessa 1241 tad-deċiżjoni kkontestata), li r-rikorrenti ma kkontestawx b’suċċess fil-kuntest tat-talbiet tagħhom għal annullament u li ma huwiex inadegwat, għandu jiġi ffissat, wara arrotondament, għal EUR 19 900 000 għal SAS Consortium, EUR 65 000 000 għal SAS Cargo u EUR 65 000 000 għal SAS. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li dan l-ammont bażiku jiġi arrotondat ‘l isfel għall-ewwel żewġ ċifri, sakemm dan ma jwassalx għal tnaqqis ta’ iktar minn 2 % tal-ammont qabel l-arrotondament, f’liema każ dak l-ammont jiġi arrotondat ‘l isfel għall-ewwel tliet ċifri. Dan il-metodu huwa oġġettiv, jippermetti lit-trasportaturi inkriminati kollha li ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata jibbenefikaw minn tnaqqis u jevita l-inugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11), EU:T:2014:92, punt 166).

955    Fir-rigward tal-ħdax-il argument, dwar l-assenza ta’ reċidiva, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessi 1243 sa 1245 tad-deċiżjoni kkontestata, imponiet fuq SAS Cargo u fuq SAS Consortium żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva. Issa, l-argument tar-rikorrenti huwa kkonfutat ma’ dak imqajjem insostenn tar-raba’ parti tal-ħames motiv invokat insostenn tat-talba għal annullament, li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet fil-punti 868 sa 885 iktar ’il fuq, u xejn fih ma jippermetti li jitqies li l-aġir reċidiv tal-appellanti jiġġustifika żieda tal-ammont bażiku tal-multa inqas minn 50 %.

956    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti bbenefikaw mit-tnaqqis ġenerali ta’ 15 %, li huma jikkontestaw is-suffiċjenza tiegħu fil-kuntest tal-ħames parti tal-ħames motiv invokat insostenn tat-talba għal annullament kif ukoll fil-kuntest tat-tlettax sal-ħmistax-il argument. Issa, dawn l-argumenti huma relatati ma’ dawk żviluppati fil-kuntest tal-ħames parti tal-ħames motiv, li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet fil-punti 886 sa 904 iktar ’il fuq, u xejn fihom ma jiġġustifika tnaqqis addizzjonali abbażi tal-inkoraġġiment mogħti minn ċerti sistemi regolatorji jew prattiki jew assigurazzjonijiet rilevanti. Min-naħa l-oħra, it-talba tal-Kummissjoni li jiġi rtirat il-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis ma tistax tintlaqa’, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punt 953 iktar ’il fuq.

957    Barra minn hekk, fil-premessi 1258 u 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ta’ 10 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, li r-rikorrenti jqisu insuffiċjenti fil-kuntest tat-tnax-il argument tagħhom insostenn ta’ dawn it-talbiet. Issa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni żbaljat meta imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà tal-komponent tal-ksur uniku u kontinwu marbut mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, u li, konsegwentement, qieset f’livell għoli wisq il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu. Għaldaqstant, ma kienx xieraq li r-rikorrenti jingħataw tnaqqis ta’ 10 % biss fuq din il-bażi.

958    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tat-tul limitat li matulu t-trasportaturi inkriminati kkoordinaw ma’ xulxin dwar ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fir-rigward tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu, il-Qorti Ġenerali tqis li tnaqqis ta’ 21 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu huwa xieraq.

959    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li l-esklużjoni mis-sensiela ta’ indizji tal-kuntatti deskritti fil-premessi 196, 223, 406, 415, 443 u 517 jiġġustifikaw li jingħata tnaqqis addizzjonali lir-rikorrenti f’dan ir-rigward. Dawn il-kuntatti kienu jirrigwardaw l-iskambji dwar is-STK li seħħew fil-kuntest tal-alleanza WOW (premessi 223 u 517), tal-ACCS (premessa 443) u, b’mod iktar ġenerali, fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali (premessi 196, 406 u 415). Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja l-esklużjoni ta’ dawn il-kuntatti mis-sensiela ta’ indizji li setgħet tinvoka l-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’kull wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ skambji u a fortiori fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mas-STK b’mod ġenerali tibqa’ ampjament issostanzjata. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-ebda wieħed minn dawn l-iskambji ma jikkonċerna s-STS. Għalhekk, l-għoti lir-rikorrenti ta’ tnaqqis ta’ iktar minn 21 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu ma huwiex xieraq.

960    Barra minn hekk, għandu jitqies li t-tnaqqis ta’ 15 % li bbenefikaw minnu r-rikorrenti fil-kuntest tal-klemenza jibqa’ xieraq.

961    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jiġi kkalkolat kif ġej: l-ewwel nett, l-ammont bażiku jiġi ddeterminat billi jiġi applikat, fid-dawl tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu, perċentwal ta’ 15.7 % mal-valur tal-bejgħ li sar mir-rikorrenti fl-2005 fuq ir-rotot intra-ŻEE, Unjoni-pajjiżi terzi, ŻEE mhux fl-Unjoni-pajjiżi terzi u Unjoni-Svizzera, imbagħad, minħabba t-tul tal-ksur, il-fatturi ta’ multiplikazzjoni deskritti fil-punt 950 iktar ’il fuq, adattati skont il-konstatazzjonijiet tal-punt 951 iktar ’il fuq, u, fl-aħħar nett, ammont addizzjonali ta’ 15.7 %, li jwassal għal ammont intermedju ta’ EUR 19 900 000 għal SAS Consortium, EUR 92 200 925.36 għal SAS Cargo u EUR 93 345 061.65 għal SAS. Wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %, dan l-ammont, arrotondat, huwa ta’ EUR 19 900 000 għal SAS Consortium, EUR 65 000 000 għal SAS Cargo u EUR 65 000 000 għal SAS. Sussegwentement, wara żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku għal reċidiva, fir-rigward ta’ SAS Consortium u ta’ SAS Cargo, applikazzjoni tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % u ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ 21 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu, dan l-ammont għandu jiġi ffissat għal EUR 22 686 000 fir-rigward ta’ SAS Consortium, għal EUR 74 100 000 fir-rigward ta’ SAS Cargo u għal EUR 43 647 500 fir-rigward ta’ SAS. Fl-aħħar nett, dawn l-ammonti għandhom jitnaqqsu bi 15 % għall-klemenza, li jwassal għal multa ta’ ammont finali ta’ EUR 19 283 100 għal SAS Consortium, EUR 62 985 000 għal SAS Cargo u EUR 37 100 375 għal SAS.

962    Fir-rigward tal-ammonti tal-multa li r-rikorrenti huma responsabbli għalihom individwalment u in solidum, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li titbiegħed mill-metodu deskritt mill-Kummissjoni fil-premessi 1226 u 1231 sa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ammont tal-multa imposta fuq SAS Consortium biss għandu għalhekk jiġi ffissat għal EUR 7 030 618, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo u fuq SAS Consortium flimkien u in solidum għal EUR 5 937 909, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo, SAS Consortium u SAS flimkien u in solidum għal EUR 6 314 572, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo u SAS flimkien u in solidum għal EUR 29 045 427 u dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo għal EUR 21 687 090.

IV.    Fuq l-ispejjeż

963    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

964    F’dan il-każ, ir-rikorrenti rnexxew f’parti sostanzjali tat-talbiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun ġust jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu kwart tal-ispejjeż tagħhom u li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1)(o), (p) u (q), (2)(o) u (p), 3(o) u (p) u (4)(o), (p) u (q) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), huwa annullat sa fejn dan ikkonstata li SAS AB, SAS Cargo Group A/S u Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden ipparteċipaw fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi.

2)      L-Artikolu 1(2)(o) u (p) sa fejn dan jikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE fuq ir-rotot li jitilqu mit-Tajlandja u jintemmu fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-komponent relatat mas-STK bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006, kif ukoll l-Artikolu 1(3)(o) u (p), sa fejn dan jikkonstata ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot li jitilqu mit-Tajlandja u jintemmu fiż-Żona Ekonomika Ewropea fir-rigward tal-komponent relatat mas-STK bejn l-20 ta’ Lulju 2005 u l-14 ta’ Frar 2006, huma annullati.

3)      L-Artikolu 3(n) sa (r) huwa annullat.

4)      L-ammont tal-multa imposta fuq Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden huwa ffissat għal EUR 7 030 618, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo Group u Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden flimkien u għal EUR 5 937 909, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo Group, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden u SAS flimkien u in solidum għal EUR 6 314 572, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo Group u SAS flimkien u in solidum għal EUR 29 045 427 u dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo Group għal EUR 21 687 090.

5)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

6)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż ta’ SAS Cargo Group, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden u SAS.

7)      SAS Cargo Group, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden u SAS għandhom ibatu kwart tal-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Spielmann

 

      Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Marzu 2022.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-proċedura amministrattiva

B. Id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010

C. Fuq ir-rikors kontra d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 quddiem il-Qorti Ġenerali

D. Id-deċiżjoni kkontestata

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq it-talbiet għal annullament

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, minħabba li kienu rrifjutati aċċess għall-provi inkriminanti u li jiskaġunaw

a) Fuq l-allegati provi inkriminanti

b) Fuq l-allegati provi li jiskaġunaw

c) Konklużjoni

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza

a) Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin

1) Fuq id-dritt għal smigħ

2) Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati

i) Fuq l-effetti tal-koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija deħlin meqjusa waħedhom

– Fuq ir-rilevanza tal-effett kontenzjuż

– Fuq in-natura prevedibbli tal-effett kontenzjuż

– Fuq in-natura sostanzjali tal-effett inkwistjoni

– Fuq in-natura immedjata tal-effett kontenzjuż

ii) Fuq l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meqjus fl-intier tiegħu

b) Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-aġir li fih kienu involuti r-rikorrenti u l-fatt li dan l-aġir kien jipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu jew l-għarfien tagħhom tiegħu

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq diversi illegalitajiet fl-istabbiliment ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ portata globali

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura globali tal-ksur uniku u kontinwu

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura unika tal-ksur

3) Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq konstatazzjonijiet żbaljati fir-rigward tan-natura kontinwa tal-ksur

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza bilaterali ma’ Lufthansa

c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi f’Diċembru 1999 fil-kuntest tal-alleanza Star Cargo

d) Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir relatat mal-alleanza WOW

1) Fuq l-ewwel oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fil-konstatazzjoni tal-illeġittimità tal-kuntatti bejn il-membri tal-alleanza WOW

i) Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

ii) Fuq il-portata tal-alleanza WOW u l-implimentazzjoni effettiva tagħha

iii) Fuq il-portata tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-ommissjoni żbaljata li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW mal-Artikolu 101 TFUE

i) Fuq l-applikazzjoni retroattiva u diskriminatorja ta’ interpretazzjoni ġdida tar-regola applikabbli għall-alleanzi tal-kumpanniji tal-ajru

ii) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE

3) Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni tal-kuntatti fi ħdan l-alleanza WOW fil-kamp tal-ksur uniku u kontinwu

e) Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ avvenimenti lokali u mhux relatati f’xi pajjiżi

f) Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji relatati mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu ta’ kuntatti dwar ftehimiet ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet

g) Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni ta’ kuntatti li saru f’pajjiżi terzi

1) Fuq l-ewwel oġġezzjoni, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji tas-sovranità u ta’ nuqqas ta’ ndħil

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-pressjoni statali li r-rikorrenti kienu suġġetti għaliha f’diversi pajjiżi terzi

i) Ħong Kong

ii) Il-Ġappun

iii) Pajjiżi terzi oħra

3) Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-aġir relatat ma’ rotot deħlin qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru għal aġir relatat mar-rotot Unjoni-Svizzera qabel l-1 ta’ Ġunju 2002

4) Fuq ir-raba’ oġġezzjoni, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-aġir li seħħ fl-Isvizzera

5) Fuq il-ħames oġġezzjoni, ibbażata fuq żball relatat mal-inklużjoni fil-ksur uniku u kontinwu tal-aġir tar-rikorrenti fil-pajjiżi terzi

h) Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-ispekulazzjonijiet ta’ trasportaturi oħra fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti

i) Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-għarfien li kellhom ir-rikorrenti tal-aġir tat-trasportaturi inkriminati l-oħra

1) Fuq is-sovrataxxi

2) Fuq ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet

j) Fuq l-għaxar parti, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji invokata mill-Kummissjoni

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta

c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

1) Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tad-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot ŻEE mhux fl-Unjoni-Svizzera

2) Fuq l-inklużjoni tad-dħul mill-bejgħ fil-valur tal-bejgħ li ġej mill-bejgħ “li sar barra miż-ŻEE” u fuq it-tnaqqis ġenerali ta’ 50 %

3) Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija pjuttost milli dak tas-sovrataxxi biss

4) Fuq l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ tal-bejgħ li sar fuq rotot mingħajr relazzjoni mal-inċidenti lokali u iżolati li fihom ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’”ammont żgħir ta’ rotot” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu

c) Fuq it tielet parti, ibbażata fuq żbalji fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu

d) Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji fiż-żieda tal-ammont bażiku minħabba reċidiva

e) Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

B. Fuq it-talbiet għall-modifika tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.